RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos
15.7.2016 - (2016/2083(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Gilles Lebreton
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Sotirios Zarianopoulos, trażmessa bid-data tat-28 ta' Marzu 2016 mill-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema Griega fir-rigward tal-proċeduri previsti mill-Prosekutur għal reati ta' Tessaloniki (fajl ABM A2015/1606), u mħabbra fis-seduta plenarja fis-27 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra li Sotirios Zarianopoulos rrinunzja għad-dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0233/2016),
A. billi l-Prosekutur tal-Qorti Suprema Griega talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Sotirios Zarianopoulos, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta mal-proċediment dwar allegazzjoni ta' ksur;
B. billi, barra dan, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
C. billi skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, l-ebda membru ma jista', matul il-leġiżlatura, jiġi mħarrek, arrestat, miżmum priġunier jew ristrett b'xi mod ieħor mingħajr il-permess tal-Kamra tad-Deputati;
D. billi l-awtoritajiet Griegi qed jippjanaw li jibdew proċedimenti kontra Sotirios Zarianopoulos għal nuqqas ta' twettiq tal-obbligi legali b'kompliċità;
E. billi l-proċedimenti proposti jikkonċernaw l-għoti fl-2011 mill-Kunsill muniċipali ta' Tessaloniki ta' awtorizzazzjonijiet allegatament illegali ta' okkupazzjoni ta' dominju pubbliku għall-iskopijiet ta' installazzjoni ta' art imtarrġa fuq passaġġi pedonali u billi Sotirios Zarianopoulos huwa mfittex fil-kwalità tiegħu ta' eks membru ta' dan il-kunsill muniċipali;
F. billi l-proċedimenti ppjanati huma manifestament bla ebda rabta mal-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew ta' Sotirios Zarianopoulos, iżda pjuttost b'rabta mal-mandat tiegħu preċedenti ta' membru tal-kunsill muniċipali ta' Tessaloniki;
G. billi l-proċedimenti ma jittrattawx xi opinjoni espressa jew vot mill-Membru fit-twettiq tad-doveri tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, skont il-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 li jikkonċerna l-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
H. billi m'hemm ebda raġuni li wieħed jassumi li l-proċedimenti ppjanati huma ispirati mill-intenzjoni li jsir dannu lill-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), speċjalment peress li hija tapplika għall-membri kollha tal-kunsill muniċipali ta' dak iż-żmien;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi.
- [1] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et.al., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
11.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
17 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mary Honeyball, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Sergio Gaetano Cofferati, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Constance Le Grip, Stefano Maullu, Victor Negrescu |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Noichl |
||||