RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ((KE) Nru 1935/2004) dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel
18.7.2016 - (2015/2259(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Christel Schaldemose
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ((KE) Nru 1935/2004) dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta' manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel[3],
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar "Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel - ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004" ta' Mejju 2016 li saret mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew[4],
– wara li kkunsidra l-proċedimenti tas-sessjoni ta' ħidma dwar "Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel - Kif niżguraw is-sikurezza tal-ikel u l-innovazzjoni teknoloġika fil-futur?", li ġiet organizzata fis-26 ta' Jannar 2016 fil-Parlament Ewropew[5],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' żvilupp xjentifiku u regolatorju fil-qasam tat-tossiċità ta' taħlitiet kimiċi[6],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-effetti tal-kombinazzjoni tas-sustanzi kimiċi – Taħlitiet kimiċi (COM(2012)0252),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fit-22 ta' Diċembru 2009 dwar l-effetti ta' kombinazzjoni ta' sustanzi kimiċi[7],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" li, fost affarijiet oħra, tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE tindirizza l-effetti ta' kombinazzjonijiet ta' sustanzi kimiċi u t-tħassib rigward is-sikurezza relatata ma' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni[8],
– wara li kkunsidra valutazzjoni tal-istat tal-iżvilupp xjentifiku tas-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali mħejjija fl-2012 għall-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)[9],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni ("ir-Regolament REACH")[10],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0237/2016),
A. billi r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 ("ir-Regolament Qafas") jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' sikurezza ġenerali għall-materjali u l-oġġetti kollha maħsuba biex, direttament jew indirettament, jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm migrazzjoni ta' sustanzi fl-ikel fi kwantitajiet kbar biżżejjed biex jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem jew biex jiġġeneraw bidla inaċċettabbli fil-kompożizzjoni tal-ikel jew deterjorament fil-proprjetajiet organolettiċi tiegħu;
B. billi l-Anness I għar-Regolament Qafas jelenka 17-il grupp ta' materjali u ta' oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jistgħu jkunu koperti b'miżuri speċifiċi;
C. billi, minn dawn is-17 ta' hawn fuq, erba' materjali biss huma soġġetti għal miżuri speċifiċi tal-UE: il-plastik (inkluż il-plastik riċiklat), iċ-ċeramika, iċ-ċelluloża riġenerata, u l-materjali attivi u intelliġenti;
D. billi hemm ħtieġa qawwija li ċerti miżuri speċifiċi tal-UE jiġu riveduti, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE dwar iċ-ċeramika;
E. billi, fir-rigward tat-13-il materjal l-ieħor elenkat fl-Anness I, l-Istati Membri għad għandhom il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali;
F. billi ħafna Stati Membri diġà introduċew jew qegħdin attwalment jaħdmu fuq miżuri differenti għall-bqija tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; billi, fir-rigward ta' dawk il-miżuri nazzjonali, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ggarantiti l-funzjonament effikaċi tas-suq intern, kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, kif previsti mir-Regolament Qafas u mit-Trattati;
G. billi l-materjali li mhumiex regolati minn miżuri speċifiċi tal-UE jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa pubblika u jagħtu lok għal telf ta' fiduċja min-naħa tal-konsumatur, inċertezza tad-dritt u żieda fl-ispejjeż ta' konformità għall-operaturi – li spiss jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur aktar 'il quddiem fil-katina ta' provvista – biex b'hekk jixxekklu l-kompetittività u l-innovazzoni; billi, skont il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea ta' Mejju 2016 li saret mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), hemm kunsens estensiv fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li n-nuqqas ta' miżuri uniformi hu ta' detriment għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll għall-funzjonament bla intoppi tas-suq intern;
H. billi l-prinċipji ta' "Regolamentazzjoni aħjar" m'għandhom idewmu l-ebda miżura li l-għan tagħha jkun li tevita jew tnaqqas konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent, skont l-obbligu impost mill-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fit-Trattati tal-UE;
I. billi s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u s-sustanzi ġenotossiċi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma partikolarment problematiċi kemm għas-saħħa pubblika, kif ukoll għall-ambjent; billi dawn il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali jew ġenotossiċi attwalment ma jistgħux jitbassru b'mod affidabbli mill-kompożizzjoni kimika, u għaldaqstant it-testijiet bijoloġiċi għandhom jitħeġġu bħala miżura premonitorja fakultattiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti kimikament kumplessi li jiġu f'kuntatt mal-ikel; billi għandha titħeġġeġ ir-riċerka dwar l-iżvilupp kemm ta' testijiet analitiċi, kif ukoll ta' testijiet tossikoloġiċi biex jiġu żgurati valutazzjonijiet robusti u kosteffikaċi tas-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel għall-benefiċċju tal-konsumatur, l-ambjent u l-manifatturi;
J. billi anke l-mikroorganiżmi dannużi (patoġeniċi jew b'riżultat ta' tħassir) li jistgħu jkunu preżenti bħala kontaminaturi tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u l-bijoċidi li konsegwentement jistgħu jintużaw biex jitnaqqas l-għadd tagħhom, jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika;
K. billi xi ikel ikun f'kuntatt għal perjodi twal ma' firxa wiesgħa ta' materjali ta' imballaġġ;
L. billi koordinament aktar effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha li jkollhom effett fuq l-użu tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jista' jgħin biex is-saħħa tal-konsumatur titħares aħjar u jitnaqqas l-impatt ta' dawn il-materjali u l-oġġetti u, b'mod partikolari, tal-materjali ta' imballaġġ fuq l-ambjent;
M. billi, jekk ikun hemm koordinament aktar effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha li jaffettwaw lill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż ir-Regolament REACH, l-ekonomija ċirkolari ssir aktar effikaċi;
N. billi l-miżuri speċifiċi għandhom jiġu bbażati fuq evidenza xjentifika; billi, mill-perspettiva xjentifika, għad fadal diversi elementi mhux magħrufa u għalhekk hemm bżonn ta' aktar riċerka;
O. billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), in-nanoteknoloġija u n-nanomaterjali jikkostitwixxu żvilupp teknoloġiku ġdid u s-settur tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel hu wieħed minn dawk ikkaratterizzati mill-użu ta' nanomaterjali; billi l-proprjetajiet speċifiċi tan-nanomaterjali jistgħu jaffettwaw il-profili tossikokinetiċi u tossikoloġiċi tagħhom, iżda l-informazzjoni disponibbli fir-rigward ta' dawn l-aspetti hija limitata; billi jeżistu wkoll inċertezzi li jirriżultaw mid-diffikultà biex jiġu kkaratterizzati, identifikati u mkejla n-nanomaterjali fl-ikel u fil-matriċijiet bijoloġiċi, u mid-disponibilità limitata ta' data dwar it-tossiċità u l-metodi ta' ttestjar;
P. billi l-valutazzjonijiet tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa fil-livell tal-UE huma attwalment limitati għall-valutazzjoni ta' sustanzi individwali u jinjoraw il-kundizzjonijiet fil-ħajja reali ta' esponiment ikkombinat u kumulattiv minn rotot u tipi ta' prodotti differenti, magħrufa wkoll bħala "l-effett ta' cocktail" jew "l-effett tat-taħlita";
Q. billi skont rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)/id-WHO (2009)[11], il-valutazzjonijiet tal-esponiment għandhom ikopru l-popolazzjoni ġenerali, kif ukoll il-gruppi kritiċi li jkunu vulnerabbli jew li hu mistenni li jkollhom livell ogħla ta' esponiment milli jkollha l-popolazzjoni ġenerali (pereżempju t-trabi, it-tfal);
R. billi t-traċċabilità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel għandha tiġi żgurata f'kull stadju tal-katina ta' provvista b'mod li jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ, l-irtirar ta' prodotti difettużi, l-għoti ta' informazzjoni lill-konsumatur u l-attribuzzjoni tar-responsabilità;
S. billi t-tikkettar hu għodda diretta u effikaċi ħafna biex il-konsumatur jiġi informat dwar il-karatteristiċi ta' prodott;
T. billi approċċ orizzontali għas-sustanzi fis-setturi ekonomiċi kollha jipprovdi konsistenza fil-leġiżlazzjoni u prevedibilità għall-intrapriżi;
U. billi l-iżvilupp ta' metodi ta' ttestjar uniformi fil-livell tal-UE għall-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kieku jikkontribwixxi għal livell ogħla ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa madwar l-UE;
V. billi l-introduzzjoni ta' verifika tas-sikurezza għall-oġġetti premanifatturati li jiġu f'kuntatt mal-ikel tista' tkun mod kif jiġu ssupplimentati ċerti miżuri speċifiċi;
L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel: suċċessi u lakuni
1. Jirrikononxxi li r-Regolament Qafas jikkostitwixxi bażi legali solida, li l-objettivi tagħha għadhom rilevanti;
2. Jissottolinja li, filwaqt li prinċipalment l-attenzjoni għandha tiġi ffokata fuq l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi għal dawk it-13-il grupp ta' materjali li għadhom mhumiex regolati fil-livell tal-UE, il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jindikaw li jeżistu nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;
3. Jistenna bil-ħerqa r-rieżami li se jsir miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-materjali mhux armonizzati; jappella lill-Kummissjoni biex tuża dan ir-rieżami bħala punt ta' tluq biex tfassal il-miżuri meħtieġa;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal il-miżuri rikjesti, tqis il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea li saret mill-EPRS u l-miżuri nazzjonali li huma diġà fis-seħħ jew li qed jitħejjew;
5. Jindika li, minħabba l-prevalenza tal-materjali msemmija fis-suq tal-UE u r-riskju li jikkostitwixxu għas-saħħa tal-bniedem u sabiex jiġi ppreżervat is-suq uniku kemm għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u kemm għall-prodotti alimentari, il-Kummissjoni għandha minnufih tagħti prijorità lit-tfassil ta' miżuri speċifiċi tal-UE għall-karta u l-kartun, il-verniċ u l-kisi, il-metalli u l-ligi, u l-linka għall-istampar u l-adeżivi;
6. Jissottolinja li hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – sew jekk jiġu f'kuntatt mal-ikel b'mod dirett u sew jekk b'mod indirett – li jkollhom riskju akbar ta' migrazzjoni, bħall-materjali li jitqiegħdu fihom likwidi u ikel b'kontenut għoli ta' xaħam, kif ukoll lill-materjali li jkunu f'kuntatt mal-ikel għal perjodu twil ta' żmien;
7. Hu tal-opinjoni li l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi ulterjuri fil-livell tal-UE kieku tinkoraġġixxi lill-operaturi kummerċjali jiżviluppaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel riċiklati, li jistgħu jerġgħu jintużaw, u li ma jkunux perikolużi, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE biex tistabbilixxi ekonomija ċirkolari aktar effikaċi; jindika li waħda mill-kundizzjonijiet ta' bażi għal dan tkun traċċabilità aħjar u l-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi li jistgħu jikkostitwixxu theddida għas-saħħa pubblika fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
8. Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-użu ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel magħmula minn prodotti riċiklati u l-użu mill-ġdid ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel m'għandhomx iwasslu għal għadd ogħla ta' kontaminaturi u/jew residwi fil-prodott finali;
9. Jinsab konvint li, fid-dawl tal-fatt li l-UE qed tiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji aħjar bejn ir-Regolament Qafas dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-ekonomija ċirkolari, li għandhom jinkludu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE għall-karta u l-kartun riċiklati; jinnota li hemm limitu għall-għadd ta' drabi li l-prodotti tal-karta u l-kartun riċiklati jistgħu jerġgħu jintużaw, u għaldaqstant hi rikjesta provvista regolari ta' fibri tal-injam friski;
10. Jappoġġa, minħabba r-riskju ta' migrazzjoni taż-żjut minerali fl-ikel mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel magħmulin mill-karta u mill-kartun, sakemm jiġu adottati miżuri speċifiċi u possibilment projbizzjoni taż-żjut minerali fil-linka, riċerka ulterjuri intenzjonata għall-prevenzjoni ta' tali migrazzjoni;
11. Jappoġġa ż-żieda fl-objettivi ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid għall-materjali kollha fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (COM(2015)0596); ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li jeħtieġ li l-objettivi għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid jiġu akkumpanjati minn miżuri ta' kontroll adegwati biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
12. Jenfasizza l-qagħda diffiċli li jsibu ruħhom fiha l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-produzzjoni, peress li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, mhumiex f'qagħda li jirċievu jew jgħaddu informazzjoni li kieku tiggarantixxi s-sikurezza tal-prodotti tagħhom;
13. Jikkunsidra li hu fundamentali li, meta jiġu proposti rekwiżiti ta' sikurezza speċifiċi għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-proċess;
14. Jirrikonoxxi li l-paradigma attwali għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel mhix suffiċjenti, peress li r-rwol tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-kontaminazzjoni tal-ikel hu ġeneralment sottovalutat u hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-esponiment uman;
Valutazzjoni tar-riskji
15. Jinsab konxju tar-rwol importanti li tiżvolġi l-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanzi biex jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li huma regolati minn miżuri speċifiċi; jirrikonoxxi l-ispejjeż involuti fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanza partikolari u r-riżorsi limitati tal-EFSA; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex iżżid il-livell ta' finanzjament għall-EFSA fid-dawl tax-xogħol addizzjonali involut minħabba l-ħtieġa dejjem akbar ta' valutazzjonijiet tar-riskji kif deskritt fid-dettall hawn taħt;
16. Jappella lill-EFSA u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jikkooperaw u jikkoordinaw ħidmiethom b'mod aktar strett fi sforz biex jisfruttaw b'mod effikaċi r-riżorsi disponibbli sabiex iwettqu valutazzjonijiet komprensivi;
17. Jirrikonoxxi li, sabiex ir-riskji tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu vvalutati kif xieraq, hemm bżonn li jitqiesu kemm is-sustanzi użati fil-manifattura u fl-ipproċessar tagħhom, kif ukoll is-sustanzi li jiġu miżjuda b'mod mhux intenzjonat, inklużi impuritajiet mis-sustanzi miżjuda b'mod intenzjonat u sustanzi oħra li jirriżultaw minn reazzjonijiet kimiċi; jirrikonoxxi li, għal dan l-għan, jeħtieġ li s-sustanzi inizjali jiġu indikati b'mod ċar lill-EFSA u lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-korpi xjentifiċi/il-laboratorji, u jilqa' l-intenzjoni tal-EFSA li tiffoka aktar fuq il-materjali u l-oġġetti lesti u l-proċess tal-manifattura milli fuq is-sustanzi użati[12];
18. Jenfasizza l-importanza li ssir riċerka xjentifika ulterjuri dwar is-sustanzi li jiġu miżjuda b'mod mhux intenzjonat peress li, b'differenza għas-sustanzi perikolużi magħrufa, l-identità u l-istruttura tagħhom, speċjalment fil-plastik, spiss ma jkunux magħrufa;
19. Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid l-evidenza għal dan li ġej: (i) is-suppożizzjonijiet attwali li saru rigward il-migrazzjoni ta' sustanzi minn ġol-barrieri funzjonali; (ii) il-limitu minimu ta' 10 ppb fuq il-konċentrazzjoni ta' sustanzi migranti fl-ikel li qed jintuża minn xi kumpaniji u awtoritajiet kompetenti biex jiddeċiedu għal liema sustanzi kimiċi għandhom jagħmlu valutazzjoni tar-riskji; (iii) il-livell ta' kemm il-barrieri funzjonali jsiru inqas effikaċi fuq perjodi twal ta' ħżin, peress li jista' jkun li dawn iservu biss biex il-migrazzjoni tiġri aktar bil-mod; (iv) is-suppożizzjonijiet attwali dwar kemm id-daqs molekulari jaffettwa l-assorbiment kimiku mill-intestini;
20. Jappella lill-EFSA u lill-Kummissjoni biex jestendu l-kunċett ta' gruppi vulnerabbli għan-nisa tqal u dawk li jkunu qed ireddgħu, u biex jinkludu l-effetti potenzjali tal-esponiment għal dożi baxxi u r-risponsi għal dożi mhux monotoniċi fil-kriterji ta' valutazzjoni tar-riskji;
21. Jiddispjaċih li l-EFSA, fil-proċedura attwali tagħha għall-valutazzjoni tar-riskji, ma tqisx l-hekk imsejjaħ "effett ta' cocktail" jew l-effett ta' esponimenti konkorrenti u kumulattivi multipli mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u sorsi oħra, li jistgħu joħolqu effetti negattivi anke jekk il-livelli tas-sustanzi individwali fit-taħlita jkunu baxxi, u jeżorta lill-EFSA biex, fil-ġejjieni, dan tagħmlu; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan l-effett, anke fuq perjodi twal ta' żmien, meta tkun qed tiddetermina l-limiti għall-migrazzjoni li huma kkunsidrati bħala sikuri għas-saħħa tal-bniedem;
22. Jappella biex issir riċerka xjentifika ulterjuri dwar l-interazzjoni bejn is-sustanzi kimiċi differenti;
23. Jiddispjaċih ulterjorment li l-EFSA għadha ma tqisx il-possibilità li, fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ikun hemm mikroorganiżmi ta' ħsara; iħeġġeġ lill-Bord dwar Perikoli Bijoloġiċi (BIOHAZ) tal-EFSA jeżamina l-kwistjoni tal-mikroorganiżmi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel billi titħejja opinjoni tal-EFSA dwar is-suġġett;
24. Jindika li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 (ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali[13]) peress li l-bijoċidi jistgħu jkunu preżenti fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex iżommu s-superfiċi tagħhom ħielsa minn kontaminazzjoni mikrobjali (diżinfettanti) u sabiex ikollhom effett preżervattiv fuq l-ikel (preżervattivi); jinnota, madankollu, li t-tipi differenti ta' bijoċidi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma regolati permezz ta' oqfsa ġuridiċi differenti u li, skont it-tip tal-bijoċida, il-valutazzjoni tar-riskji jkollha titwettaq mill-ECHA jew mill-EFSA, jew mit-tnejn li huma;
25. Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza bejn ir-regolamenti dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-prodotti bijoċidali u biex tiċċara r-rwoli tal-ECHA u tal-EFSA f'dan ir-rigward; jappella ulterjorment lill-Kummissjoni biex taħdem fuq approċċ armonizzat u kkonsolidat għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni kumplessivi tas-sustanzi li jintużaw bħala bijoċidi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, bil-għan li jiġu evitati elementi duplikati, l-inċertezza tad-dritt jew id-duplikazzjoni tax-xogħol;
26. Jappella lill-EFSA biex tikkunsidra l-fatt li s-siti ta' produzzjoni tal-ikel kienu identifikati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) fl-2009 bħala wieħed mill-postijiet kritiċi fejn jiġi promoss l-iżvilupp ta' batterji reżistenti kemm għall-antibijotiċi u kemm għall-bijoċidi; jindika, għaldaqstant, li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jkun fihom il-bijoċidi jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jitfaċċaw batterji reżistenti għall-antibijotiċi fil-bniedem;
27. Jissottolinja li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma sors importanti ta' esponiment uman għal sustanzi kimiċi ta' tħassib, inkluż l-komposti perfluworurati u s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali bħall-ftalati u l-bisfenoli, li ġew assoċjati ma' mard kroniku, kif ukoll ma' problemi riproduttivi, taqlib metaboliku, allerġiji u problemi fl-iżvilupp newroloġiku; jinnota li l-migrazzjoni ta' tali sustanzi kimiċi hi ta' tħassib partikolari fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel minħabba l-potenzjal tagħhom li jikkawżaw ħsara anke f'dożi estremament żgħar;
28. Jinnota bi tħassib ż-żieda fl-effett fuq is-saħħa li s-sustanzi li jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jista' jkollhom fuq it-trabi u t-tfal żgħar;
29. Jappella lill-Kummissjoni biex telimina l-lakuna li teżisti fir-rigward tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza bejn il-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, billi tiżgura li l-kumpaniji jipproduċu valutazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward tal-aspetti tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi li jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem matul il-produzzjoni, l-użu u d-distribuzzjoni; jikkunsidra li dan għandu jiġi ċċarat fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;
30. Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura koordinament aħjar u approċċ aktar koerenti bejn il-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, b'mod partikolari fir-rigward tas-sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) (kategoriji 1A, 1B u 2) jew bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna (SVHC) taħt ir-Regolament REACH, u tiżgura li s-sustanzi ta' ħsara li jiġu eliminati gradwalment taħt ir-Regolament REACH jiġu wkoll eliminati gradwalment mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jisħaq fuq il-fatt li, sabiex tiżgura l-esklużjoni ta' kwalunkwe periklu għas-saħħa pubblika, jeħtieġ li l-Kummissjoni perjodikament tinforma u taġġorna lill-Parlament u lill-Kunsill jekk ċerti sustanzi ta' tħassib (bħall-SVHC, is-CMR, is-sustanzi kimiċi bijoakkumulattivi jew ċerti kategoriji ta' sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali) li jkunu pprojbiti jew ikunu ġew eliminati gradwalment taħt ir-Regolament REACH jew taħt kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra jkunu għadhom qed jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tidentifika l-Bisfenol A (BPA) bħala waħda mis-sustanzi kklassifikati bħala SVHC;
31. Jinnota l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni nhar il-15 ta' Ġunju 2016 tal-kriterji xjentifiċi biex jiġu stabbiliti l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tas-sustanzi attivi li jintużaw fil-prodotti bijoċidali u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa ta' kriterji orizzontali għall-prodotti kollha, inklużi l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta kriterji ta' dan it-tip mingħajr dewmien; jappella biex dawn il-kriterji, ladarba jidħlu fis-seħħ, jiġu kkunsidrati fil-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
32. Jilqa' l-fatt li, b'segwitu għall-opinjoni reċenti tal-EFSA, il-Kummissjoni fl-aħħar ħabbret il-pjan tagħha li tintroduċi limitu fuq il-migrazzjoni ta' 0,05 mg/kg fir-rigward tal-BPA għall-imballaġġ u l-kontenituri magħmula mill-plastik, kif ukoll għall-verniċ u l-kisi li jintużaw fil-kontenituri tal-metall; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi titjib meta mqabbel mal-limitu attwali fuq il-migrazzjoni ta' 0,6 mg/kg fir-rigward tal-BPA fil-plastik; jiddispjaċih li, minħabba nuqqas ta' miżuri speċifiċi, ma hemm l-ebda limiti korrispondenti fuq il-migrazzjoni fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
33. Jirrikonoxxi, abbażi tar-Rapport Xjentifiku u Politiku tal-2015 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-migrazzjoni ta' metalli tqal fl-ikel; jifhem li l-Kummissjoni qed teżamina mill-ġdid il-limiti fuq iċ-ċomb u l-kadmju fid-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE dwar iċ-ċeramika; iħeġġeġ b'qawwa lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tintroduċi limiti aktar baxxi fuq ir-rilaxx tal-kadmju u ċ-ċomb, u jiddispjaċih li r-reviżjoni tad-Direttiva 84/500/KEE għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament u l-Kunsill;
34. Jappoġġa l-inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni intenzjonati biex jiġu żviluppati sustanzi ġodda biex jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u li ġiet ipprovata s-sikurezza tagħhom fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li, madankollu, għalissa kwalunkwe alternattiva aktar sikura ma għandhiex tinkludi l-Bisfenol S (BPS) bħala sostitut għall-BPA peress li l-BPS jista' jkollu profil tossikoloġiku simili għal dak tal-BPA[14];
35. Jappoġġa, b'mod partikolari, riċerka ulterjuri dwar in-nanomaterjali, peress li għad hemm inċertezza xjentifika rigward l-effetti u l-kapaċità ta' migrazzjoni ta' dawn il-materjali u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem; jemmen għalhekk, li n-nanomaterjali għandhom jiġu soġġetti għal awtorizzazzjoni biex jintużaw mhux biss fil-materjali tal-plastik, iżda anke fil-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u m'għandhomx jiġu vvalutati biss fil-forma voluminuża (mhux nano) tagħhom;
36. Jindika li l-ostakli għas-suq, u b'mod partikolari t-talbiet għal awtorizzazzjonijiet taħt regoli nazzjonali differenti, jirriżultaw biex jintilfu l-opportunitajiet biex is-sikurezza tal-ikel tittejjeb permezz tal-innovazzjoni;
Traċċabilità
37. Jemmen li dikjarazzjoni ta' konformità tista' tkun għodda effikaċi biex jiġi żgurat li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel ikunu konformi mar-regoli rilevanti, u jirrakkomanda li l-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kemm jekk ikunu armonizzati u kemm jekk le, jiġu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta' konformità, hekk kif jiġri attwalment fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li għalihom ġew adottati miżuri speċifiċi; jemmen li l-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jiġu riflessi aħjar fid-dikjarazzjonijiet ta' konformità rilevanti;
38. Jiddispjaċih, madankollu, li, anke meta jkunu obbligatorji, id-dikjarazzjonijiet ta' konformità mhux dejjem ikunu disponibbli għall-finijiet tal-infurzar u li, meta jkunu disponibbli, il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet ta' konformità ma tkunx għolja biżżejjed biex tiżgura li jkunu sors affidabbli ta' dokumentazzjoni dwar il-konformità;
39. Jappella biex jitqawwew it-traċċabilità u l-konformità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati minn pajjiżi terzi permezz ta' rekwiżit biex id-dokumenti ta' identifikazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta' konformità li jiġu pprovduti jkunu adegwati u kompluti; jinsisti li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati jridu jikkonformaw mal-istandards tal-UE, biex b'hekk tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika u tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta;
40. Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-obbligu ta' tikkettar li jindika l-preżenza intenzjonali ta' nanomaterjali fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u biex tistabbilixxi l-obbligu ta' tikkettar li jindika l-kompożizzjoni tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jintużaw għall-prodotti organiċi u l-prodotti maħsuba għall-gruppi kritiċi;
Konformità, infurzar u kontrolli
41. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-livell ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel ivarja ħafna madwar l-UE; jevidenzja l-importanza li jiġu żviluppati linji gwida tal-UE għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li kieku jiffaċilitaw implimentazzjoni armonizzata u uniformi, kif ukoll infurzar aħjar fl-Istati Membri; jissottolinja, għal dan il-għan, l-importanza li d-data tiġi kkondiviża bejn l-Istati Membri; jemmen li l-għażliet politiċi mhux leġiżlattivi ta' tip ieħor, bħall-esperjenza ta' awtovalutazzjoni min-naħa tal-industrija, għandhom jissuplimentaw il-miżuri biex jittejjeb l-infurzar tar-Regolament Qafas dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
42. Hu tal-fehma li armonizzazzjoni ulterjuri tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel tista' tgħin biex jitwassal livell uniformament għoli ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika;
43. Jirrakkomanda li jiġu introdotti standards uniformi tal-UE fir-rigward tat-testijiet analitiċi ta' kategoriji partikolari ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti madwar l-UE jkunu jistgħu jwettqu t-testijiet bl-istess metodu; jinnota li l-introduzzjoni ta' metodi uniformi għat-testijiet kieku tiggarantixxi li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu ttrattati l-istess fis-suq intern kollu kemm hu, biex b'hekk jiġu żgurati standards ta' monitoraġġ aħjar u livelli ta' protezzjoni aktar għolja;
44. Jisħaq fuq il-fatt li kull Stat Membru hu responsabbli biex iwettaq il-kontrolli tal-kumpaniji li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jiddispjaċih, madankollu, li ċerti Stati Membri ma jimponux ir-rekwiżit li l-kumpaniji jirreġistraw l-attività kummerċjali tagħhom, biex b'hekk jippermettu li tali kumpaniji jevitaw il-kontrolli ta' konformità; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawk l-Istati Membri li dan għadhom ma għamluhx, jimponu obbligu fuq il-kumpaniji kollha li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel biex jirreġistraw uffiċjalment l-attività kummerċjali tagħhom bi qbil mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004; jirrikonoxxi li, f'diversi Stati Membri, jeżistu mekkaniżmi ta' reġistrazzjoni xierqa li jistgħu jservu ta' eżempji tal-aħjar prattika;
45. Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-frekwenza u l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, abbażi tar-riskju ta' nonkonformità, kif ukoll tar-riskji involuti għas-saħħa, waqt li jqisu l-kwantità ta' ikel ikkonċernat, il-konsumatur intenzjonat u ż-żmien kemm l-ikel ikun dam f'kuntatt mal-materjal jew l-oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll it-tip ta' materjal jew oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel, it-temperatura u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor;
46. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li jkollhom il-persunal u t-tagħmir meħtieġ biex iwettqu kontrolli uniformi, robusti u sistematiċi, kif ukoll li jimplimentaw sistema ta' pieni dissważivi għall-każijiet ta' nonkonformità, bi qbil mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;
47. Jappella biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinament aktar effikaċi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta' twissija bikrija għall-ikel u l-għalf, sabiex ir-riskji għas-saħħa pubblika jkunu jistgħu jiġu ttrattati malajr u b'mod effikaċi;
48. Jappella lill-Kummissjoni biex tistudja ulterjorment l-approċċ abbażi ta' verifiki tas-sikurezza għall-oġġetti mmanifatturati minn qabel li jiġu f'kuntatt mal-ikel jew proċeduri oħra ta' approvazzjoni għall-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
49. Jilqa' l-pjattaforma tal-Kummissjoni "Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel"; jappella biex l-attivitajiet tagħha jiġu estiżi;
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-biċċa l-kbira jintużaw fil-ħajja ta' kuljum fil-forma ta' imballaġġ għall-ikel, utensili tal-kċina, reċipjenti u pożati għal fuq il-mejda, eċċ. Meta jidħlu f'kuntatt mal-ikel, u skont il-kompożizzjoni u l-proprjetajiet tagħhom, il-materjali differenti jistgħu jaġixxu b'mod differenti, u jittrasferixxu l-kostitwenti tagħhom fl-ikel. F'tali każijiet, is-sustanzi kimiċi li joħorġu mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jistgħu jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem jew jibdlu b'mod negattiv il-kompożizzjoni tal-oġġetti tal-ikel. Minħabba li hu stmat li l-ikel huwa waħda mill-aktar rotot sinifikanti ta' esponiment uman għas-sustanzi kimiċi, il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma soġġetti għal regoli legalment vinkolanti fil-livell tal-UE, li bħalissa huma stabbiliti fir-Regolament Qafas (KE) Nru 1935/2004. Il-leġiżlazzjoni hi intenzjonata biex tissalvagwardja livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern għall-prodotti ta' materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel.
Ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali ta' sikurezza li huma applikabbli għall-materjali u l-oġġetti kollha possibbli li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi għas-sbatax-il grupp ta' materjali elenkati fl-Anness I għar-Regolament Qafas. S'issa, fil-livell tal-UE ġew adottati miżuri speċifiċi għal erba' gruppi biss ta' materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel: il-plastik (inkluż il-plastik riċiklat), iċ-ċeramika, iċ-ċelluloża riġenerata u l-materjali attivi u intelliġenti.
Għall-materjali u l-oġġetti l-oħra li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri speċifiċi fil-livell nazzjonali. Ċerti Stati Membri għamlu dan għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jintużaw l-aktar (il-karta u l-kartun, il-metalli u l-ligi, il-ħġieġ, il-kisi, is-silikon, il-gomma, u l-linka għall-istampar), iżda għad fadal ħafna lakuni.
Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn il-miżuri speċifiċi adottati minn Stat Membru fil-livell nazzjonali jistgħu jkunu differenti minn dawk ta' Stat Membru ieħor, u b'hekk jinħolqu standards differenti fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' miżuri speċifiċi tal-UE għall-maġġoranza tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 iwassal għal ostakli għas-suq intern b'żieda fl-ispejjeż ta' konformità – li spiss jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur – u telf ta' kompetittività u innovazzjoni. Il-konformità ma' regoli nazzjonali differenti la hija effiċjenti u lanqas hi effikaċi fl-ilħuq tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni.
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħed iwettaq studju biex jipprovdi ħarsa komprensiva tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li għalihom ma ġiet implimentata l-ebda miżura speċifika fil-livell tal-UE.
Fis-26 ta' Jannar 2016, fuq it-talba tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew, saret Sessjoni ta' Ħidma dwar "Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – Kif niżguraw is-sikurezza tal-ikel u l-innovazzjoni teknoloġika fil-futur?" fil-Parlament Ewropew.
F'Mejju 2016, is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (DĠ EPRS) ippubblika studju estensiv dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 ("Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea"). L-istudju jagħti fil-qosor ir-riżultati ta' stħarriġ komprensiv imwettaq fuq diversi xhur. Minbarra l-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), 28 awtorità kompetenti nazzjonali, kif ukoll firxa estensiva ta' partijiet ikkonċernati minn organizzazzjonijiet tan-negozju, tal-konsumatur, tas-saħħa u tal-ambjent u mis-settur akkademiku pparteċipaw fl-istħarriġ.
Wieħed mill-eżiti ewlenin kemm tal-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea kif ukoll tas-Sessjoni ta' Ħidma kien l-appell għal armonizzazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel (b'mod partikolari dawk li għadhom mhumiex armonizzati), mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati mis-setturi kollha.
Hu ċar li armonizzazzjoni ulterjrui fil-livell tal-UE għall-materjali mhux armonizzati permezz ta' miżuri speċifiċi bbażati fuq l-evidenza xjentifika kieku tkun pass fid-direzzjoni t-tajba, peress li tingħata prijorità lil dawk il-materjali li jikkostitwixxu riskju partikolari għas-saħħa tal-bniedem u li hemm domanda ikbar għalihom fis-suq tal-UE (jiġifieri l-karta u l-kartun, inklużi l-karta u l-kartun riċiklati, il-kisi, il-linka u l-adeżivi).
Barra minn hekk, l-evidenza miġbura f'dawn l-aħħar xhur tindika l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod urġenti n-nuqqasijiet attwali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. F'dan ir-rigward, l-attenzjoni għandha tiġi ffokata fuq erba' oqsma ewlenin: il-valutazzjoni tar-riskji, it-traċċabilità, kif ukoll l-infurzar u l-kontrolli tal-konformità.
Fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel armonizzati li huma soġġetti għal miżuri speċifiċi, l-EFSA tiżvolġi rwol kruċjali. Madankollu, meta jiġu kkunsidrati l-ispejjeż involuti fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanzi partikolari, ir-riżorsi tal-EFSA huma limitati. Sabiex jitnaqqas il-ħin meħtieġ biex titwettaq valutazzjoni tar-riskji u b'hekk jiżdied l-għadd tas-sustanzi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati, hu meqjus li hemm bżonn żieda fil-livell ta' finanzjament tal-attivitajiet tal-EFSA f'dan il-qasam.
B'kuntrast ma' dan, għat-tlettax-il grupp ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel mhux armonizzati li mhumiex soġġetti għal miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE, il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni rilevanti (inkluża l-valutazzjoni tar-riskji) stabbiliti fil-livell nazzjonali, kieku japplikaw, jekk fil-fatt ikunu ġew implimentati. Minħabba li l-EFSA qiegħda tivvaluta biss ir-riskju tas-sustanzi użati fil-gruppi ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel armonizzati, il-metodi ta' ttestjar applikati minn valutaturi oħra tar-riskju (negozji, laboratorji nazzjonali, eċċ.) għandhom jiġu ssemplifikati wkoll, sabiex ikun hemm fis-seħħ standards tas-sikurezza uniformi (għat-testijiet analitiċi, limiti massimi fissi għas-sustanzi u kundizzjonijiet standard tal-użu). Dan kieku jnaqqas ukoll l-ispejjeż kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumatur.
Skont l-istudju tal-EPRS u d-diskussjonijiet li saru fis-Sessjoni ta' Ħidma, ġiet identifikata l-isfida ewlenija li għadd ta' sustanzi preżenti fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel bħalissa mhumiex qed jiġu vvalutati. B'mod partikolari, dan huwa l-każ għall-hekk imsejħa "sustanzi miżjuda b'mod mhux intenzjonat" li huma impuritajiet mis-sustanzi miżjuda b'mod intenzjonat jew sustanzi li jirriżultaw minn reazzjonijiet kimiċi (bħal prodotti tad-dekompożizzjoni jew prodotti sekondarji fformati matul il-proċess ta' produzzjoni), li jkunu preżenti fil-materjal lest. Sa ċertu punt, il-preżenza ta' sustanzi miżjuda b'mod mhux intenzjonat fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel hija prevedibbli, iżda dan hu possibbli biss jekk is-sustanzi miżjuda b'mod intenzjonat, l-impuritajiet u l-kundizzjonijiet ta' pproċessar ikunu magħrufa. Għal dawn ir-raġunijiet, hu importanti li tiġi pprovduta informazzjoni kompluta mill-manifatturi/il-proċessuri tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn il-korpi u l-laboratorji xjentifiċi madwar l-Istati Membri.
Għandu jiġi nnotat ukoll li fil-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskji attwali tagħha, l-EFSA ma tqisx l-hekk imsejjaħ "effett ta' cocktail" (li jirriżulta minn sustanzi kimiċi b'terminali tossikoloġiċi simili li jaġixxu flimkien) u esponimenti multipli (li jirriżultaw minn sustanzi kimiċi – anke f'dożi baxxi – minn sorsi differenti). Dan, madankollu, għandu jiġi indirizzat mill-EFSA fil-futur. Bi qbil ma' wieħed mill-objettivi prinċipali tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-konsegwenzi tal-"effetti ta' cocktail" u esponimenti multipli meta tkun qed tiddetermina l-limiti ta' migrazzjoni li huma meqjusa sikuri għas-saħħa tal-bniedem.
Kwistjoni oħra li teħtieġ li tissaħħaħ u tittejjeb fil-leġiżlazzjoni attwali hija t-traċċabilità. It-traċċabilità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel kollha għandha tiġi żgurata matul il-katina ta' provvista sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli xierqa.
Għall-partijiet ikkonċernati, strument kruċjali biex tiġi żgurata t-traċċabilità hija l-hekk imsejħa "Dikjarazzjoni ta' Konformità" li tiċċertifika li materjal jew oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel jissodisfaw l-istandards meħtieġa. Skont ir-Regolament Qafas, id-Dikjarazzjoni ta' Konformità trid takkumpanja l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel armonizzati kollha bl-informazzjoni rilevanti, b'mod li tippermetti kontrolli affidabbli u traċċabilità. Fil-prattika, madankollu, id-Dikjarazzjonijiet ta' Konformità mhux dejjem ikunu disponibbli għal finijiet ta' infurzar, u, meta jkunu disponibbli, il-kwalità (i.e. il-preċiżjoni u l-kompletezza) tad-Dikjarazzjoni ta' Konformità mhux dejjem tkun tajba biżżejjed biex tiżgura li jkunu sors affidabbli ta' dokumentazzjoni dwar il-konformità.
L-istess standards għat-traċċabilità u l-konformità jridu japplikaw għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati minn pajjiżi terzi. Madankollu, fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jiġu kkummerċjalizzati fi ħdan l-UE, l-evidenza turi li f'ħafna Stati Membri llum, id-dokumentazzjoni li suppost takkumpanja l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE spiss ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompluta.
F'dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolli, jidher li ċerti Stati Membri biss iwettqu kontrolli b'mod regolari, bi qbil mar-Regolament Nru 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali fuq l-ikel u l-għalf, filwaqt li oħrajn il-kontrolli jwettquhom minn żmien għall-ieħor. Konsegwentement, madwar l-UE jeżistu differenzi fl-intensità tal-kontrolli għal eżatt l-istess materjal jew oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Sejba ulterjuri hi li ċerti Stati Membri lanqas biss jirrikjedu li dawn il-kumpaniji li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jirreġistraw uffiċjalment l-attività kummerċjali tagħhom, u dan hu ostaklu kbir għall-infurzar ta' kontrolli xierqa.
Bħala konklużjoni, hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-UE li tindirizza n-nuqqas ta' miżuri speċifiċi tal-UE u l-lakuni fil-valutazzjoni tar-riskji, it-traċċabilità, il-konformità u l-kontroll. Ir-rapporteur tappella lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-qafas regolatorju attwali abbażi tar-rakkomandazzjonijiet dwar politiki li jinsabu f'dan ir-rapport, b'mod li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tilħaq aħjar l-objettivi tagħha, li huma s-salvagwardja u l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur u l-iżgurar tal-funzjonament effikaċi tas-suq intern.
- [1] ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.
- [2] ĠU L 384, 29.12.2006, p. 75.
- [3] ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1.
- [4] PE 581.411
- [5] PE 578.967
- [6] Kortenkamp 2009. http://ec.europa.eu/environment/chemicals/effects/pdf/report_mixture_toxicity.pdf
- [7] http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%2017820%202009%20INIT
- [8] Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali: ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013D1386
- [9] http://www.who.int/ceh/publications/endocrine/en/
- [10] ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
- [11] L-iżviluppi reċenti fil-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi fl-ikel u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-valutazzjoni tas-sikurezza tas-sustanzi li jintużaw fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel - Il-Ġurnal tal-EFSA 2016; 14(1):4357 [28 paġna] https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4357
- [12] http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/scientific_output/files/main_documents/4357.pdf
- [13] ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
- [14] Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Opinjoni dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet fuq il-Bisfenol A. p. 13. http://www.echa.europa.eu/documents/10162/13641/bisphenol_a_seac_draft_opinion_en.pdf
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
12.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
61 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Paul Brannen, Nicola Caputo, Martin Häusling, Merja Kyllönen, Christel Schaldemose, Keith Taylor |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jiří Maštálka, Maurice Ponga |
||||