RAPPORT dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi

10.10.2016 - (2015/2316(INI))  

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Marie-Christine Vergiat

Proċedura : 2015/2316(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0245/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi

(2015/2316(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR)[1] tal-1948, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati[2] tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi[3] tal-1966, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali[4] tal-1966 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi[5] tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija[6] tal-1961,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali[7] tal-1966,

  wara li kkunsidra l- Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa[8] (CEDAW) tal-1979 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti[9] tal-1984 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal[10] tal-1989 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom[11] tal-1990,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-ħarsien tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat[12] tal-2006,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità[13] tal-2006 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-3 ta' Awwissu 2014 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi modi u mezzi biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti[14],

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-protezzjoni tal-migranti[15],

  wara li kkunsidra x-xogħol ta' diversi mekkaniżmi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-diversi rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, François Crépeau[16], u ta' Rapporteurs Speċjali rilevanti oħra, l-Eżami Perjodiku Universali u l-ħidma ta' korpi oħra tat-Trattati,

  wara li kkunsidra l- ħidma u r-rapporti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), u l-Prinċipji u l-Linji Gwida Rakkomandati dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fuq il-Fruntieri Internazzjonali u r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal- Migranti fi Tranżitu,

  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

  wara li kkunsidra l-prinċipji ta' Dhaka għal reklutaġġ u utilizzazzjoni responsabbli tal-ħaddiema migranti[17],

  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2011 bit-titolu "L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità" (COM(2011)0743)[18],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240)[19],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0510)[20],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika[21],

–  wara li kkunsidra l-Konklużjoniiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015[22] u tal-15 ta' Ottubru 2015[23],

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019)[24], adottati fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Novembru 2015 dwar il-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni[25],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika u l-pjan ta' azzjoni adottati waqt is-Summit ta' Valletta, fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015[26],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[27], tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[28], u tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[29],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta' setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea,[30]

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE[31],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE[32],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tat-Tieni Summit tal-iSpeakers tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran dwar it-tema tal-immigrazzjoni, l-asil u d-drittijiet tal-bniedem fir-Reġjun Ewro-Mediterranju, adottata fil-11 ta' Mejju 2015[33],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[34],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar il-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati umanitarji[35],

–  wara li kkunsidra diversi rapporti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0245/2016),

A.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha, mingħajr l-ebda distinzjoni;

B.  billi l-migrazzjoni hija fenomenu dinji u multidimensjonali li joriġina minn diversi fatturi, fosthom il-kundizzjonijiet ekonomiċi (inkluża l-evoluzzjoni tat-tqassim tal-ġid u l-evoluzzjoni tal-integrazzjoni ekonomika fil-livell reġjonali u dak dinji), soċjali u politiċi, is-sitwazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u fil-qasam tal-vjolenza u tas-sigurtà, id-degradazzjoni progressiva tal-ambjent u l-aggravament tad-diżastri naturali; billi dan il-fenomenu jrid jiġi indirizzat b'mod koerenti u bbilanċjat, f'perspettiva olistika li tqis id-dimensjoni umana tiegħu, inkluż l-aspett pożittiv tiegħu fuq l-evoluzzjoni demografika u l-iżvilupp ekonomiku;

C.  billi r-rotot migratorji huma estremament kumplessi, peress li l-ispostamenti ma jsirux biss minn reġjun għal ieħor, iżda spiss isiru fi ħdan l-istess reġjun; billi minkejja l-kriżi ekonomika dinjija, skont in-NU, il-flussi migratorji internazzjonali saru aktar intensi; billi bħalissa, kważi 244 miljun persuna huma meqjusa bħala migranti internazzjonali;

D.  billi d-drittijiet minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u ftehimiet internazzjonali oħra huma universali u indiviżibbli;

E.  billi l-migrazzjoni tirriżulta wkoll mill-globalizzazzjoni li qed tikber u mill-interdipendenza tas-swieq;

F.  billi l-fatturi differenti li jinfluwenzaw il-migrazzjoni jħallu l-konsegwenzi tagħhom u jobbligaw li jitfasslu politiki adegwati;

G.  billi l-varjazzjonijiet tal-flussi migratorji, speċjalment fi żmien ta' kriżi, iġibu magħhom impatti ekonomiċi, soċjali u politiċi sinifikanti, kemm għall-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ta' destinazzjoni tal-migranti;

H.  billi huwa essenzjali li jkun hemm mekkaniżmi effettivi ta' monitoraġġ u ta' kontroll tad-dħul u l-ħruġ tal-barranin, kif ukoll analiżijiet u projezzjonijiet fuq l-impatt tal-migrazzjoni li abbażi tagħhom isir it-tfassil tal-politiki kollha ta' ġestjoni tal-migrazzjonijiet;

I.  billi l-fatturi tal-migrazzjonijiet iddiversifikaw u dawn jistgħu jkunu multidimensjonali u bbażati fuq raġunijiet ekonomiċi, ambjentali, kulturali, politiċi, personali jew tal-familja; billi għadd dejjem jikber ta' dawn il-migranti jġarrbu spostamenti furzati u jeħtieġu protezzjoni partikolari għax qed jaħarbu mill-fraġilità tal-Istati, il-kunflitti, il-persekuzzjonijiet politiċi jew reliġjużi, fost oħrajn;

J.  billi qed isir aktar diffiċili biex tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn rifuġjati, persuni li jfittxu asil u migranti, inkluż minħabba li bosta pajjiżi ma għandhomx l-istrumenti u l-oqfsa ġuridiċi u istituzzjonali xierqa;

K.  billi huwa importanti li l-awtoritajiet, kif ukoll iċ-ċentri ta' akkoljenza tal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni, jiġu sensibilizzati u jkunu lesti li jiżguraw trattament divrenzjat u flessibbli għall-immigranti u l-applikanti għal asil;

L.  billi l-movimenti migratorji saru globalizzati u reġjonalizzati u billi l-flussi migratorji min-Nofsinhar għan-Nofsinhar, li 80 % minnhom isiru bejn il-pajjiżi bil-fruntieri komuni li jkollhom ftit differenzi ta' introjtu, issa jaqbżu bi ftit il-flussi min-Nofsinhar għat-Tramuntana;

M.  billi l-Ewropa minn dejjem kienet reġjun ta' destinazzjoni, iżda wkoll ta' oriġini tal-migrazzjoni; billi, minbarra l-migrazzjoni kontemporanja ta' espatrijati minn klassijiet soċjali ogħla, l-Ewropej ukoll emigraw barra minn pajjiżhom minħabba diffikultajiet ekonomiċi, kunflitti jew persekuzzjonijiet politiċi; billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali ġiegħlet lil ħafna Ewropej jemigraw, inkluż lejn l-ekonomiji emerġenti tal-pajjiżi tan-Nofsinhar;

N.  billi n-nisa u t-tfal kulma jmur qed isiru aktar numerużi fost il-migranti u jerġa' aktar fost ir-rifuġjati; billi l-migranti u r-rifuġjati kulma jmur qed ikunu aktar gradwati u billi l-"eżodu tal-imħuħ" kien diġà stmat li kien ta' 59 miljun ruħ fl-2010; billi l-Asja hija l-kontinent l-aktar involut, iżda huwa l-kontinent Afrikan li qed iħallas l-ogħla prezz, peress li għandu biss 4 % tan-nies li huma gradwati u 31 % minnhom jemigraw[36];

O.  billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, l-instabbiltà f'ċerti reġjuni u l-kunflitti huma l-kawża ta' kriżi umanitarja li qed tolqot aktar minn 65 miljun ruħ rifuġjati u spostati partikolarment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

P.  billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jistma li fid-dinja hawn mill-inqas 10 miljun persuna apolida;

Q.  billi l-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid li kull persuna għandha d-dritt ta' moviment liberu u ta' residenza fil-konfini ta' Stat, iżda wkoll li tħalli kwalunkwe pajjiż, ukoll dak tagħha, u li terġa' lura lejn pajjiżha;

R.  billi l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-prattiki t-tajba bejn l-Istati ta' oriġini, ta' transitu u ta' wasla huma essenzjali biex jiġu pprevenuti u miġġielda l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, peress li jippermettulhom jidentifikaw il-preokkupazzjonijiet u l-interessi komuni tagħhom;

S.  billi approċċ olistiku fir-rigward tal-migrazzjoni għandu jilqa' għall-isfidi dinjin tal-iżvilupp, tal-paċi fid-dinja, tad-drittijiet tal-Bniedem u tat-tibdil fil-klima, f'dak li jirrigwarda b'mod l-aktar partikolari t-titjib tal-kundizzjonijiet umanitarji fil-pajjiżi ta' oriġini, sabiex il-popolazzjoni lokali tkun tista' tgħix f'żoni li jkunu aktar sikuri;

T.  billi d-drittijiet tar-rifuġjati huma definiti fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-protokolli relatati;

U.  billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien qegħdin jiddeterjoraw f'għadd kbir ta' kampijiet tar-rifuġjati, anke fuq il-livell sanitarju, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, u billi s-sigurtà tar-rifuġjati spiss mhijiex iggarantita, b'mod speċjali f'dak li jirrigwarda l-persuni vulnerabbli u b'mod partikolari n-nisa u t-tfal;

V.  billi, skont il-Bank Dinji, it-trasferimenti ta' fondi tal-migranti internazzjonali kienu jirrappreżentaw iktar minn USD 550 biljun fl-2013, li minnhom USD 414-il biljun marru għall-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp;

W.  billi l-ksenofobija, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza mmirati kontra l-migranti, is-sentimenti anti-migranti, id-diskorsi ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda żdiedu sostanzjalment fil-pajjiżi tal-AKP;

X.  billi rispons konkret, organizzat tajjeb u adegwat għall-kwistjonijiet migratorji jirrappreżenta opportunità għall-individwi u l-pajjiżi; billi dan ir-rispons għandu jkun sostnut mill-prinċipji tal-ġlieda kontra l-faqar, tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll tar-rispett għad-drittijiet u għad-dinjità tal-migranti u r-rifuġjati; billi għandu jkun ibbażat fuq kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi ta' oriġini, ta' transitu u ta' destinazzjoni;

Y.  billi l-migrazzjoni hija element dinamiku rilevanti sabiex jiġu ffaċċjati l-kriżi demografika u t-tnaqqis fil-persentaġġ tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol f'ċerti pajjiżi;

Z.  billi l-għadd ta' migranti irregolari huwa diffiċli li jkun ivvalutat, u dan ixekkel il-ħolqien ta' indikaturi dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom, filwaqt li dawn huma dawk li għandhom l-aktar bżonn ta' protezzjoni, peress li mingħajr status u mingħajr rikonoxximent ġuridiku huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż, għall-isfruttament u għat-tiċħid tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar fundamentali tagħhom;

AA.  billi l-migrazzjoni internazzjonali tista' sservi ta' strument sabiex jissolvew il-problemi speċifiċi ta' skarsezza fis-suq tax-xogħol;

AB.  billi l-migranti jikkontribwixxu għal żieda fid-diversità u r-rikkezza kulturali tal-pajjiżi ospitanti; billi, biex dan isir, jeħtieġ li jiġu integrati bis-sħiħ fil-komunitajiet ospitanti sabiex dawn il-komunitajiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom; billi huwa urġenti li dawk li jfasslu l-politika jinfurmaw lill-pubbliku bl-influwenza pożittiva tal-migranti fuq is-soċjetà fil-livell ekonomiku, kulturali u soċjali, b'tali mod li jiġu pprevenuti s-sentimenti ksenofobiċi u diskriminatorji;

AC.  billi politiki ta' akkoljenza u ta' inklużjoni adegwati jippermettu li jiġu evitati l-aggravar jew il-perpetwar tal-effetti tat-trawmi li bosta migranti jkunu ġarrbu;

AD.  billi l-iżvilupp soċjokulturali huwa possibbli biss permezz tal-inklużjoni u dan jirrikjedi impenn serju min-naħa tal-migranti, li għandhom ikunu lesti li jadattaw ruħhom għas-soċjetà ospitanti mingħajr madankollu ma jirrinunzjaw l-identità kulturali ta' oriġini tagħhom, kif ukoll tal-istituzzjonijiet u l-komunitajiet tal-pajjiżi ospitanti, li, min-naħa tagħhom, għandhom ikunu ppreparati biex jirċievu migranti u jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

Sfidi u riskji fir-rispett tad-drittijiet tal-migranti

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-persuni li huma mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom minħabba kunflitti, persekuzzjonijiet, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sitwazzjoni ta' miżerja, fost fatturi oħra; jesprimi t-tħassib profond tiegħu fir-rigward tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li għadd kbir ta' immigranti jġarrbu f'ħafna pajjiżi ta' tranżitu jew ta' destinazzjoni; jenfasizza li d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti għandhom jiġu rrispettati;

2.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu eżempju billi jiżguraw il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, b'mod partikolari fil-konfini tal-fruntieri tagħhom stess, b'mod li tiġi żgurata l-kredibilità tagħhom fid-dibattitu dwar il-migrazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;

3.  Ifakkar li l-parti l-kbira tar-rifuġjati u tal-migranti fid-dinja qegħdin jiġu ospitati minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-pajjiżi terzi biex jilqgħu lill-migranti u lir-rifuġjati; jenfasizza li s-sistemi ta' appoġġ ta' dawn il-pajjiżi qegħdin jiffaċċjaw sfidi kritiċi li jistgħu joħolqu theddid serju għall-protezzjoni tal-popolazzjoni spostata li qiegħda tikber;

4.  Ifakkar li "kulħadd għandu l-jedd li jħalli kwalunkwe pajjiż, ukoll dak tiegħu", u li "jerġa' lura pajjiżu"[37]; jenfasizza li l-istatus soċjali u n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata ma għandhom fl-ebda każ ipoġġu fid-dubju dan id-dritt u li kull individwu għandu d-dritt li jeżerċita għażliet migratorji bid-dinjità; jistieden lill-gvernijiet kollha jindirizzaw in-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-migranti qed iħabbtu wiċċhom miegħu; jistieden lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali jabolixxu l-oqfsa legali punittivi li jikkaratterizzaw lill-migrazzjoni bħala reat kriminali u jimplimentaw soluzzjonijiet għall-futur qrib, medju u fit-tul sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-migranti; jikkundanna l-każijiet ta' restrizzjoni jew ta' projbizzjoni ta' ħruġ jew ta' ritorn f'ċerti Stati u l-konsegwenzi tal-apolidija f'dak li hu aċċess għad-drittijiet;

5.  Jinnota li l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati madwar id-dinja huwa megħlub mill-għadd saħansitra akbar ta' persuni spostati internament fil-pajjiżi rispettivi; jenfasizza li dawn tal-aħħar ma għandhomx ikunu vittmi ta' diskriminazzjoni sempliċement talli ppruvaw jiżguraw is-sikurezza tagħhom mingħajr ma jaqsmu fruntieri internazzjonali, u għalhekk jenfasizza li l-persuni spostati għandhom ikollhom id-drittijiet tagħhom rispettati, inkluż l-aċċess għas-saħħa u l-edukazzjoni;

6.  Ifakkar fl-importanza tal-identifikazzjoni tal-persuni apolidi sabiex jingħatawlhom il-protezzjonijiet previsti fid-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati, f'dan ir-rigward, jistabbilixxu proċeduri ta' identifikazzjoni tal-apolidija u jiskambjaw il-prattiki tajba tagħhom, inkluż fir-rigward tal-leġislazzjoni u l-prattiki li jirrigwardaw il-prevenzjoni ta' każijiet ġodda ta' apolidija tat-tfal;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa kontinwa li l-Unjoni tqis l-apolidija fil-kuntest tal-politika tagħha tar-relazzjonijiet esterni, speċjalment minħabba li l-apolidija hija kawża ewlenija tal-ispostamenti furzati; ifakkar fl-impenn meħud fil-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, ippubblikati fl-2012, biex "jiġi żviluppat qafas konġunt bejn il-Kummissjoni u s-SEAE biex jitqajmu l-kwistjonijiet ta' apolidija u ta' detenzjoni arbitrarja ta' migranti ma' pajjiżi terzi";

8.  Jinsab imħasseb li l-migranti u r-rifuġjati jkunu soġġetti għal detenzjonijiet arbitrarji u trattament ħażin u jfakkar li d-detenzjoni għandha tkun limitata għall-każijiet ta' bżonn assolut, u li, fi kwalunkwe każ, il-miżuri ta' protezzjoni xierqa għandhom jiġu garantiti, inkluż l-aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji adegwati;

9.  Jistieden lill-Istati jirrikonoxxu l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-asil u tal-migrazzjoni u li jadottaw il-liġijiet nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva ta' dawn l-obbligi, inkluż billi jiddisponu għall-possibilità li persuna tapplika għall-protezzjoni internazzjonali; jitlob li dawn il-liġijiet iqisu l-grad u n-natura tal-persekuzzjoni u tad-diskriminazzjoni mġarrba mill-migranti;

10.  Ifakkar li l-migranti għandhom id-dritt li ma jintbagħtux lura f'pajjiż fejn jissograw li jiġu maltrattati u ttorturati; ifakkar li l-espulsjonijiet kollettivi u r-refoulements huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward it-trattament tal-migranti li jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew f'pajjiż terz mingħajr segwitu adegwat tas-sitwazzjoni tagħhom u jitlob fi kwalunkwe każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom meta jmorru lura f'dawn il-pajjiżi;

11.  Jipproponi l-implimentazzjoni ta' programmi ta' integrazzjoni mill-ġdid għall-migranti li jirritornaw lura f'pajjiżhom;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi rrispettat id-dritt tal-migranti, irrispettivament mill-istatus tagħhom, li jitolbu l-aċċess għall-ġustizzja u għal rimedju effettiv, mingħajr il-biża' li jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-immigrazzjoni, detenuti u deportati; jinsab imħasseb dwar l-assenza, f'għadd kbir ta' pajjiżi, ta' mekkaniżmi ta' kontroll u ta' monitoraġġ tal-proċeduri marbuta mal-ksur tad-drittijiet tal-migranti kif ukoll ta' garanziji ta' kwalità f'dak li jirrigwarda l-informazzjoni u l-assistenza legali fornuta lill-migranti u lill-persuni li jfittxu asil; jirrakkomanda li l-persunal tal-awtoritajiet responsabbli fil-qasam tal-asil, kif ukoll taċ-ċentri ta' akkoljenza u persunal u ħaddiema soċjali oħra li jidħlu f'kuntatt ma' persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jirċievu t-taħriġ xieraq sabiex iqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali u personali u l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru li huma koperti mill-applikazzjonijiet għall-protezzjoni;

13.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-pajjiżi terzi, b'mod speċjali billi jipprovdu taħriġ lill-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja biex ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod aktar effiċjenti d-differenzi f'dawk li huma l-karatteristiċi, l-isfondi u l-esperjenzi tal-migranti, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, sabiex dawn il-migranti jiġu protetti u megħjuna b'mod aħjar skont il-ħtiġijiet tagħhom;

14.  Jenfasizza li l-kunċetti ta' pajjiż bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu m'għandhomx jimpedixxu l-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għal asil; jesiġi li f'kull ċirkostanza, il-migranti li għandhom bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jiġu identifikati u jkunu jistgħu jaraw it-talba tagħhom ikkunsidrata, jinsisti li huma jibbenefikaw mill-garanziji xierqa fir-rigward tan-non-refoulement u li jkollhom aċċess għal mekkaniżmu ta' ilment;

15.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-vjolenza fiżika u psikoloġika u l-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti forom speċifiċi ta' vjolenza u persekuzzjoni li għalihom jiġu soġġetti n-nisa u t-tfal migranti, bħalm huma t-traffikar, l-għajbien furzat, l-abbuż sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali, iż-żwieġ bikri u sfurzat, il-vjolenza domestika, l-iskjavitù, id-delitti tal-unur u d-diskriminazzjoni sesswali; ifakkar fil-għadd bla preċedent u li dejjem qed jiżdied ta' vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' stupru, inkluż bħala arma tal-gwerra;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-prattiki ta' reklutaġġ ta' tfal fi ħdan il-gruppi armati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi politiki favur id-diżarm tagħhom, ir-riabilitazzjoni tagħhom u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom;

17.  Jenfasizza li s-separazzjoni tal-membri tal-familja, inkluż meta jkunu detenuti, tesponi lin-nisa u t-tfal għal riskji akbar;

18.  Ifakkar li n-nisa u l-bniet mhux akkumpanjati, in-nisa kapijiet ta' familja, in-nisa tqal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni anzjani huma partikolarment vulnerabbli; jenfasizza li l-bniet li jaħarbu mill-kunflitti u l-persekuzzjonijiet huma esposti għal riskju akbar ta' żwieġ furzat u bikri u li jġibu t-trabi fid-dinja f'età żgħira, ta' stupru, ta' abbuż sesswali u fiżiku, ta' prostituzzjoni, u dan, inkluż meta jkunu waslu f'postijiet magħrufa bħala sikuri; jitlob, f'dan ir-rigward, protezzjoni u assistenza speċjalizzati matul is-soġġorn tagħhom fil-kampijiet ta' akkoljenza, b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa;

19.  Jirrakkomanda li l-kwistjonijiet tal-ġeneru jiġu integrati fil-politiki tal-migrazzjoni, inkluż għall-prevenzjoni u l-ikkastigar tat-traffikar kif ukoll tal-forom l-oħra kollha ta' vjolenza u ta' diskriminazzjoni mmirati lejn in-nisa; jitlob it-twettiq sħiħ, de jure u de facto, tal-ugwaljanza bħala element ewlieni fil-prevenzjoni ta' tali vjolenza, bl-objettiv li tiġi ffaċilitata l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom;

20.  Jinsab imħasseb dwar il-proliferazzjoni tar-rapporti u x-xhieda li jqegħdu fid-dieher iż-żieda tal-vjolenza kontra t-tfal migranti, inklużi t-tortura u d-detenzjoni, kif ukoll l-għajbien tagħhom; jenfasizza li, skont l-opinjoni tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, id-detenzjoni tat-tfal abbażi biss tal-istatus migratorju tagħhom jew dak tal-ġenituri tagħhom tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tagħhom u li hija qatt ma tista' ssir fl-interess tagħhom;

21.  Ifakkar li t-tfal migranti huma partikolarment vulnerabbli, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati, u li huma intitolati għal protezzjoni speċjali bbażata fuq l-aqwa interessi tat-tfal skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati tiġi inkluża fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz tal-promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi fejn huma installati, b'mod l-aktar speċjali permezz tal-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u għall-kura medika u permezz tal-prevenzjoni tar-riskji ta' vjolenza, ta' abbuż, ta' sfruttament u ta' traskuraġni;

22.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet iffaċċjati għar-reġistrazzjoni tat-tfal imwielda barra minn pajjiżhom, diffikultajiet li jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' apolidija; jitlob, f'dan ir-rigward, li t-twelid tagħhom ikun jista' jiġi rreġistrat u dan, irrispettivament mill-istatus migratorju tal-ġenituri tagħhom;

23.  Iħeġġeġ lill-Unjoni tikkoopera mill-qrib mal-UNICEF, l-UNHCR u l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali kompetenti kollha biex jagħmlu kull sforz biex iżidu l-kapaċitajiet ta' protezzjoni tat-tfal migranti u tal-familji tagħhom, u dan irrispettivament mill-istatus migratorju tagħhom, matul it-triq kollha tagħhom, billi jiffinanzjaw programmi ta' protezzjoni, partikolarment fil-qasam ta' stabbilimenti tat-tagħlim u tal-kura medika, filwaqt li jagħmlu disponibbli spazji speċifiċi għat-tfal u appoġġ psikoloġiku, jiżguraw l-identifikazzjoni tar-rabtiet familjari u r-riunifikazzjoni tat-tfal mhux akkumpanjati jew mifruda mill-familji tagħhom u filwaqt li japplikaw il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni, nonkriminalizzazzjoni, nondetenzjoni, non-refoulement, nonapplikazzjoni ta' sanzjonijiet indebiti, riunifikazzjoni tal-familja, protezzjoni fiżika u legali u dritt għall-identità;

24.  Ifakkar li n-netwerks kriminali japprofittaw mill-assenza ta' rotot legali ta' migrazzjoni, mill-instabbiltà reġjonali u mill-kunflitti kif ukoll mill-vulnerabilità tan-nisa, tal-bniet u tat-tfal li jippruvaw jaħarbu biex jissottomettuhom għat-traffikar u għall-isfruttament sesswali;

25.  Jiġbed l-attenzjoni fuq it-tipi speċifiċi ta' vjolenza u l-forom partikolari ta' persekuzzjoni li jiġu soġġetti għalihom il-migranti LGBTI; jitlob appoġġ għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni soċjoġuridiċi speċifiċi għall-migranti u għall-persuni LGBTI li jfittxu asil sabiex jiġi żgurat li titqies il-vulnerabilità tagħhom u jiġi garantit li l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni tiġi eżaminata rigorożament, anki f'appell;

26.  Ifakkar li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u partikolarment id-dritt għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni, huma drittijiet tal-bniedem li l-migranti kollha, u b'mod partikolari t-tfal, għandu jkollhom aċċess għalihom, irrispettivament mill-istatus migratorju tagħhom;

27.  Jinsab imħasseb minħabba l-ksur tal-liġi tax-xogħol u l-isfruttament tal-migranti; Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' xogħol u r-riunifikazzjoni tal-familja jirrappreżentaw elementi importanti fil-proċess ta' integrazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu miġġielda s-suriet kollha ta' xogħol furzat tal-migranti u jikkundanna b'mod partikolari s-suriet kollha ta' sfruttament tat-tfal;

28.  Jinsab imħasseb minħabba l-prattiki diskriminatorji li sikwit jolqtu lil ċerti minoranzi soċjokulturali, lingwistiċi u reliġjużi, liema prattiki jikkontribwixxu għall-inugwaljanza ta' aċċess għad-drittijiet tal-migranti;

29.  Jistieden lill-pajjiżi ospitanti jiggarantixxu d-dritt ta' aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa migranti;

30.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn li jiġi evitat il-ħolqien ta' kwartieri iżolati għall-migranti, billi jiġu inkoraġġiti l-inklużjoni u t-tgawdija tal-potenzjal sħiħ tal-ħajja fis-soċjetà;

31.  Iqis li d-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt għax-xogħol jippromwovu l-awtonomija u l-integrazzjoni tal-migranti, bħal fil-każ tad-dritt għall-ħajja tal-familja u r-riunifikazzjoni tal-familja; jenfasizza l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema migranti u tal-familji tagħhom; jinnota li l-integrazzjoni effettiva tal-migranti jeħtieġ tkun ibbażata fuq valutazzjoni rigoruża tas-suq tax-xogħol u l-potenzjal futur tiegħu, protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema migranti u djalogu kostanti mal-atturi tas-suq tax-xogħol;

32.  Jinnota li t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti x'aktarx li jtejjeb sew il-kwalità tal-ħajja tal-migranti, kif ukoll l-indipendenza ekonomika u kulturali tagħhom, u jiffaċilita wkoll l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom fis-soċjetà ospitanti; iqis li t-tagħlim tal-lingwi jeħtieġ li jkun iggarantit mill-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti; jirrakkomanda li l-migranti jiġu involuti fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet soċjali u politiċi kollha;

33.  Iqis li l-aċċess għall-impjiegi, għat-taħriġ u għal status indipendenti huma elementi ewlenin għall-inklużjoni u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa migranti; jitlob li l-isforzi f'dan is-sens jiġu msaħħa fil-każ tan-nisa migranti, li wisq spiss huma sottorappreżentati, sabiex jingħelbu l-ostakli akbar għall-inklużjoni u għall-awtonomizzazzjoni tagħhom;

34.  Ifakkar li l-Istati ospitanti għandhom jippromwovu l-awtonomizzazzjoni tal-migranti, b'mod partikolari tan-nisa migranti, billi jipprovdulhom l-għarfien u l-ħiliet soċjali meħtieġa, b'mod partikolari dawk relatati mat-taħriġ professjonali u t-tagħlim tal-lingwi, bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tagħhom f'loġika ta' inklużjoni soċjokulturali;

35.  Iqis li l-ħaddiema kollha għandhom jirċievu kuntratt b'lingwa li jifhmu, u għandhom ikunu protetti kontra s-sostituzzjoni tal-kuntratt; jenfasizza li l-ftehimiet bilaterali bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni għandhom isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

36.  Jikkunsidra li huwa importanti li jiġu stabbiliti politiki nazzjonali koerenti u komprensivi dwar il-migrazzjoni li jkunu sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, li jkopru l-istadji kollha tal-proċess ta' migrazzjoni, ikunu ikkoordinati fi ħdan il-gvern u żviluppati fil-qafas ta' konsultazzjoni wiesgħa tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, tas-settur privat, tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, tas-soċjetà ċivili u tal-migranti nfushom, u bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

37.  Ifakkar li kull wieħed u waħda għandhom id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u ġusti u li josservaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod konformi mal-istandards u l-istrumenti internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO;

38.  Jenfasizza li x-xogħol prekarju li normalment huwa riservat għall-persuni migranti fil-pajjiżi ospitanti, u prinċipalment għan-nisa migranti, iżid il-vulnerabilità tagħhom. ifakkar li l-isfruttament permezz tax-xogħol spiss huwa konsegwenza tat-traffikar jew tal-kuntrabandu iżda li dan l-isfruttament jista' jseħħ ukoll fin-nuqqas ta' dawn iż-żewġ reati; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, minħabba l-impunità li minnha jgawdu għadd kbir ta' dawk li jħaddmu fil-pajjiżi ospitanti minkejja li huma responsabbli tal-ksur tal-istandards internazzjonali tal-liġi tax-xogħol fir-rigward tal-ħaddiema migranti; jinsab imħasseb għall-fatt li l-liġijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liġi tax-xogħol f'ċerti pajjiżi jippermettu prattiki li jiksru l-istandards internazzjonali; jemmen li l-ġlieda kontra l-isfruttament tal-migranti permezz tax-xogħol għandha tinvolvi kemm il-prosekuzzjoni effikaċi ta' dawk li jħaddmu li jwettqu abbużi u u kemm il-ħarsien tal-vittmi ta' tali sfruttament;

39.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn li jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki miksuba mill-migranti fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-indipendenza tagħhom u l-inklużjoni soċjali tagħhom fis-setturi differenti tas-soċjetà, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol; Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-migranti kollha, inklużi dawk irregolari, li jiffurmaw organizzazzjonijiet ta’ difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema u li jaderixxu magħhom, inkluż mat-trejdjunjins, u li dawn l-istrutturi jiġu rikonoxxuti;

40.  Jinkoraġġixxi lill-azjendi jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex jiġi evitat li l-attivitajiet tagħhom ikollhom konsegwenzi ta' dannu fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jinkoraġġihom ukoll iwieġbu għal tali effett meta dan iseħħ, kif ukoll li jfittxu li jipprevjenu jew itaffu kwalunkwe konsegwenza ta' dannu minn fuq id-drittijiet tal-bniedem marbuta direttament mal-attivitajiet tagħhom;

41.  Jitlob lill-UE tkompli bl-isforzi diplomatiċi tagħha konġunti mal-Istati Uniti u sħab internazzjonali oħra bil-ħsieb li jikkooperaw b'mod attiv mal-pajjiżi terzi ħalli jiġi indirizzat il-bżonn urġenti ta' strateġija konġunta fil-konfront tal-isfida globali attwali tal-migrazzjoni;

42.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tagħmel kull sforz prattiku meħtieġ biex jinkiseb impenn effettiv u effikaċi mill-pajjiżi terzi kkonċernati;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-politiki barranin tagħha sabiex iġġib il-paċi u l-istabbiltà f'dawk iż-żoni fejn il-gwerer u l-kunflitti qegħdin iwasslu għal flussi migratorji enormi lejn l-Unjoni Ewropea;

44.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom id-dmir li jaġixxu b'mod pożittiv biex jeliminaw il-kawżi fundamentali tal-kriżijiet li huma l-kawża ta' dawn il-fenomeni ta' migrazzjoni tal-massa;

45.  Jitlob li l-kundizzjonijiet umanitarji fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu jiġu mtejba biex il-popolazzjoni lokali u r-rifuġjati jkunu jistgħu jgħixu f'żoni li jkunu aktar sikuri;

46.  Jeżorta lill-partijiet fil-kunflitt iwaqqfu l-attakki kontra ċ-ċivili, jipproteġuhom u jħalluhom jitilqu miż-żoni milquta mill-vjolenza b'mod sikur jew iħalluhom jirċievu l-għajnuna tal-organizzazzjonijiet umanitarji;

47.  Jenfasizza l-impatt tal-Istat Iżlamiku u tal-evoluzzjoni tiegħu fuq il-mewġa massiva ta' persuni jfittxu asil leġittimi u ta' migranti irregolari; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandhom il-politiki ta' sigurtà u ta' ġlieda kontra t-terroriżmu fil-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni;

48.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, skond liema dikjarazzjoni għadd kbir ta' migranti huma vittmi ta' terroriżmu u ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u skont liema dikjarazzjoni dawn ir-rifuġjati għandhom għalhekk jiġu ttrattati kif konsegwentement huwa xieraq;

49.  Ifakkar li l-programmi ta' risistemazzjoni li jaqgħu taħt l-awspiċji tal-UNHCR huma għodda utli għal ġestjoni ordnata tal-wasla tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja; jenfasizza l-fatt li, sakemm ir-risistemazzjoni tibqa' mhijiex għażla possibbli, jeħtieġ li l-Istati kollha jiġu inkoraġġiti jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' ammissjoni umanitarja jew, għall-inqas, joħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lir-rifuġjati jibqgħu qrib il-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

50.  Jieħu nota tal-bżonnijiet dejjem jikbru u tad-defiċit ta' finanzjament persistenti fir-rigward tal-għajnuna umanitarja mibgħuta fil-pajjiżi qrib is-Sirja, li wasslu lill-Programm Dinji tal-Ikel biex inaqqas b'mod partikolari ir-razzjonijiet tal-ikel lir-rifuġjati; jistieden lill-pajjiżi membri tan-NU, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, bħala minimu, jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom; jenfasizza l-importanza li jiffukaw l-għajnuna tagħhom lir-rifuġjati f'dawn il-pajjiżi ġirien fuq id-disponibilità ta' mezzi ta' sussistenza, is-sigurtà tar-rifuġjati, l-aċċess tagħhom għad-drittijiet fundamentali, u partikolarment l-aċċess tagħhom għas-saħħa u l-edukazzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, il-Programm Dinji tal-Ikel u l-entitajiet rilevanti;

51.  Ifakkar li l-migrazzjoni u l-iżvilupp huma interkonnessi u li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-qasam tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-liġi tax-xogħol, it-tnaqqis tal-faqar, id-drittijiet tal-Bniedem, id-demokratizzazzjoni u r-rikostruzzjoni wara kunflitt kif ukoll il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u l-korruzzjoni huma fatturi ewlenin biex jiġu evitati l-migrazzjonijiet furzati; jinnota li l-ħtif tal-art u tar-riżorsi jista' jkollhom riperkussjonijiet kbar fuq il-kriżijiet umanitarji u li l-kriżijiet soċjali, politiċi u umanitarji jistgħu jimbuttaw lin-nies biex jemigraw; iqis li l-migrazzjoni hija rikonoxxuta fid-dinja kollha bħala strument b'saħħtu favur żvilupp sostenibbli u inklussiv;

52.  Japella lill-UE u lill-komunità internazzjonali jidentifikaw azzjonijiet speċifiċi li l-gvernijiet ikunu jistgħu jieħdu biex ikabbru l-potenzjal tal-migrazzjoni legali bħala fattur tal-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija politika u ta' attivitajiet ta' promozzjoni qawwija, b'mod speċjali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni, sabiex tiġi miġġielda l-ksenofobija u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali tal-migranti;

53.  Iqis li l-migrazzjoni għandha kawżi profondi (b'mod partikolari ekonomiċi, politiċi, soċjali u ambjentali); iqis li l-għajnuna għall-iżvilupp jeħtieġ tindirizza darba għal dejjem dawn il-kawżi ewlenin, billi ttejjeb it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, tappoġġja r-riżoluzzjoni tal- kunflitti u tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza li dawn il-kawżi huma marbuta mal-proliferazzjoni tal-kunflitti u tal-gwerer, mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u man-nuqqas ta' governanza tajba;

54.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata governanza tal-migrazzjonijiet permezz ta' kooperazzjoni reġjonali u lokali, bl-involviment tas-soċjetà ċivili;

55.  jitlob li l-migranti u r-rifuġjati li qed jaħarbu l-ġuħ jibbenefikaw minn attenzjoni partikolari min-naħa tal-komunità tal-Punent, b'mod partikolari dik Ewropea;

Approċċ ibbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem

56.  Iħeġġeġ lill-atturi kollha involuti fit-tfassil tal-politiki u fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-asil u l-migrazzjoni biex ma jippermettux amalgamazzjoni tad-definizzjonijiet tal-migranti u tar-rifuġjati; ifakkar fil-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lir-rifuġjati li qed jaħarbu minn kunflitti jew minn persekuzzjonijiet u jaqgħu bħala tali taħt id-dritt ta' asil sakemm ma jkunux jistgħu jirritornaw lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; ifakkar li l-maġġoranza tar-rifuġjati jfittxu r-rifuġju fil-pajjiżi u r-reġjuni ġirien tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom; iqis, f'dan ir-rigward, li dawn għandhom ikunu s-suġġett ta' approċċ olistiku fil-qafas tal-politika esterna tal-Unjoni;

57.  Jitlob lill-Istati jirratifikaw it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem u japplikaw l-istandards tad-drittijiet tal-migranti li jinsabu f'varjetà ta' strumenti legali, inklużi l-istrumenti internazzjonali prinċipali relatati mad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-istrumenti l-oħra li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, bħalma hi l-Konvenzjoni tal-1951 tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u l-Protokolli tagħha u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom; iqis, f'dan ir-rigward, li n-nonratifika ta' din tal-aħħar mill-Istati Membri tal-UE hija ta' detriment għall-politiki tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u għall-impenn iddikjarat tagħha favur l-indiviżibilità ta' dawn id-drittijiet;

58.  Ifakkar li l-ftuħ ta' rotot sikuri u legali ta' migrazzjoni huwa l-aqwa mezz kif jiġu pprevenuti l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u li l-istrateġiji ta' żvilupp għandhom jirrikonoxxu l-migrazzjoni u l-mobilità bħala muturi tal-iżvilupp kemm tal-pajjiż li jospita u kemm tal-pajjiż tal-oriġini permezz tar-rimessi u tal-investimenti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Unjoni u lill-pajjiżi terzi l-aktar żviluppati jikkooperaw sabiex jiftħu rotot legali ta' migrazzjoni, b'ispirazzjoni mill-prattiki t-tajba ta' ċerti Stati b'mod partikolari bil-għan li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u l-mobilità, inkluż għal raġunijiet ekonomiċi, u dan, għall-livelli kollha ta' ħiliet, inkluż għall-migranti l-inqas ikkwalifikati, sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol illegali;

59.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-migranti, l-applikanti għal asil, il-persuni spostati u l-persuni apolidi liema dispożizzjonijiet jinsabu fl-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) 2014-2020; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkunsidra l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-migranti bħala prijorità waqt ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-2017-2018; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jonoraw l-impenji meħuda fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat f'Lulju 2015 u jinkludu u jsaħħu l-garanziji tad-drittijiet tal-Bniedem fil-ftehimiet, il-proċessi u l-programmi kollha relatati mal-migrazzjoni mal-pajjiżi terzi; iqis li kull ftehim jew programm għandu wkoll ikun akkumpanjat minn valutazzjoni indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem meta dan ikun possibbli u jkun suġġett għal valutazzjoni perjodika; jirrakkomanda t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kampanji ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet li l-migrazzjoni u l-migranti jistgħu jġibu lis-soċjetà, kemm fil-pajjiż ta' oriġini kif ukoll f'dak ospitanti; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) għandu jkompli jiffinanzja proġetti li jkollhom il-għan li jsaħħu l-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni, il-ksenofobija u suriet oħra ta' intolleranza, inkluża l-intolleranza reliġjuża;

60.  Jitlob lill-Unjoni tadotta linji gwida speċifiċi dwar id-drittijiet tal-migranti bħala suppliment għal-linji gwida tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, u, f'dan il-kuntest, twettaq valutazzjonijiet tal-impatt u tistabbilixxi mekkaniżmi ta' monitoraġġ tal-politiki ta' żvilupp u tal-politiki tal-migrazzjoni sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-politiki pubbliċi fir-rigward tal-migranti; jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kollha relatati mal-migrazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, f'dak li jirrigwarda b'mod partikolari l-affarijiet barranin, l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari l-politiki dwar il-kummerċ, l-iżvilupp, l-ambjent u l-migrazzjoni, li jiġu segwiti l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li jiġu implimentati l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet kummerċjali; jitlob, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tas-sistemi tagħhom ta' għajnuna lill-migranti u lil dawk li jfittxu asil, tal-appoġġ li hum jagħtu lir-rifuġjati u tal-ħila u d-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu lill-kuntrabandu u lit-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jersqu aktar qrib il-pajjiżi li, bħall-Kanada, jimplimentaw politiki effikaċi ta' risistemazzjoni; jenfasizza li l-ebda waħda mill-politiki f'dan il-qasam ma għandha tapplika għad-detriment tal-politiki tal-għajnuna għall-iżvilupp;

61.  Jinkoraġġixxi li l-libertà tal-moviment u d-dritt għall-edukazzjoni, għas-saħħa u għax-xogħol jiġu inklużi bħala prijoritajiet tematiċi fl-istrumenti ta' finanzjament fil-qasam tal-kooperazzjoni esterna tal-Unjoni u jitlob li jingħata appoġġ lill-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp ħalli jkunu jistgħu jadottaw politiki għall-ġejjieni fit-tul li jirrispettaw dawn id-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-migranti fil-kuntest tal-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem;

62.  Jixtieq li d-drittijiet tal-migranti u r-rifuġjati jiġu inklużi, bħala punt separat, fl-aġenda tad-djalogi tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi kkonċernati u li l-finanzjament Ewropew tal-proġetti li huma mmirati għall-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli u tal-NGOs, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-avukati li jissieltu favur id-difiża tad-drittijiet tal-migranti jkun prijorità;

63.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-pajjiżi jiżguraw l-aċċess ta' osservaturi indipendenti, ta' NGOs u ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kif ukoll tal-midja fil-postijiet kollha ta' akkoljenza u ta' detenzjoni tal-migranti; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u lill-ambaxxati tal-Istati Membri, kif ukoll lid-delegazzjonijiet li jżuru l-Parlament Ewropew, jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-migranti f'dawn il-postijiet u jintervjenu mal-awtoritajiet nazzjonali dwar din il-materja bil-għan li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tal-migranti u t-trasparenza fir-rigward tal-pubbliku;

64.  Jiddikjara li t-traffikanti tal-bnedmin ibiegħu stampa mgħawġa lil ħafna rifuġjati; itenni l-importanza li jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, jinqatgħu il-flussi tal-flus u jiżżarmaw in-netwerks, minħabba l-effett pożittiv li dan x'aktarx li se jkollu fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tar-rifuġjati tal-pajjiżi terzi li jippruvaw jaħarbu mill-gwerra u t-terrur;

65.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib fid-difiża tad-drittijiet tal-migranti mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti u istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-ġestjoni tal-migrazzjonijiet, prinċipalment f'dawk il-pajjiżi l-aktar milquta, biex jiġu megħjuna jilqgħu lill-migranti bid-dinjità u r-rispett tad-drittijiet tagħhom;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kooperazzjoni ma' dawn l-organizzazzjonijiet tiġi msaħħa sabiex jiġu pprevenuti l-kuntrabandu ta' migranti u t-traffikar tal-persuni, billi jiġu msaħħa t-taħriġ, l-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità u l-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-impatt tan-netwerks tal-"uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni" u l-kooperazzjoni li huma jistabbilixxu mal-pajjiżi terzi filwaqt li jippromwovu l-kooperazzjoni f'materji kriminali, u billi tiġi inkoraġġita r-ratifika tal-Protokoll ta' Palermo f'dan il-qasam sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni f'materji kriminali u jiġu identifikati l-persuni suspettati u tingħata l-għajnuna lill-investigazzjonijiet ġudizzjarji fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali;

67.  Jitlob li l-Parlament Ewropew ikun iktar involut fit-twaqqif ta' approċċ trasversali tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki tal-migrazzjoni u li dawn il-kwistjonijiet jiġu integrati fir-rapport annwali tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid- dinja, inkluż fil-parti tiegħu dwar l-approċċ mil-lat ta' kull pajjiż għalih; jitlob li jsir skrutinju parlamentari aktar mill-qrib tal-ftehimiet ta' ħidma konklużi mal-pajjiżi terzi kif ukoll fuq l-attivitajiet ta' kooperazzjoni esterna tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni; jitlob kunsiderazzjoni aħjar tal-perizji u tad-data miġbura mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil fir-rigward tal-pajjiżi ta' oriġini tar-rifuġjati;

68.  Jagħraf ir-rwol u l-kontribut tas-soċjetà ċivili fil-qafas tad-djalogu politiku; jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata fil-qafas tal-politiki esterni kollha tal-UE, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni sħiħa, lit-trasparenza u lit-tixrid xieraq tal-informazzjoni fil-politiki kollha u l-proċessi kollha relatati mal-migrazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-livell tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-ħtieġa li n-nisa rifuġjati, in-nisa spostati u n-nisa migranti jieħdu sehem b'mod adegwat fid-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi sabiex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-migranti u jiġġieldu kontra t-trattament inuman u degradanti u d-diskorsi ta' mibegħda kontra l-migranti, kif indikat fid-Dikjarazzjoni ta' Belgrad adottata minn 32 medjatur u istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

69.  Jistieden lill-pajjiżi ospitanti jagħtu aktar importanza lill-assoċjazzjonijiet ta' migranti, li għandhom jiġu involuti direttament fil-programmi ta' żvilupp fi ħdan il-komunitajiet;

70.  Jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom li jallokaw 0.7 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob li din l-għajnuna ma tkunx subordinata għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha ma jinkludux il-finanzjamenti użati għall-akkoljenza tar-rifuġjati fil-għajnuna għall-iżvilupp;

71.  Jenfasizza li l-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp ma għandhomx jintużaw purament għal skopijiet ta' migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri; jinsisti li l-proġetti Ewropej ta' żvilupp immirati lejn il-migranti u lejn il-persuni li jfittxu asil japplikaw il-prinċipju li "ħadd ma jitħalla barra", billi jiffukaw fuq l-aċċess għas-servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u billi jagħtu attenzjoni speċjali lill-persuni u lill-gruppi vulnerabbli, bħalma huma n-nisa, it-tfal, il-minoranzi u l-popli indiġeni, il-persuni LGBT u l-persuni b'diżabilità;

72.  Jinnota l-aspetti pożittivi tal-migrazzjoni għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini tal-emigranti, bħalma huma r-rimessi tal-migranti, li jistgħu jkunu kontributuri importanti għall-familja u għall-iżvilupp tal-komunità; jistieden lill-Istati, f'dan ir-rigward, inaqqsu l-ispejjeż tat-trasferiment ta' fondi;

73.  Jappella lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu b'effikaċja u effiċjenza l-Koerenza tal-Politiki ta' Żvilupp u jagħtu prominenza lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politika tagħhom dwar il-migrazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi;

74.  Iħeġġeġ lill-UE tintegra d-dimensjoni tal-migrazzjoni fil-qafas ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou li se jiddefenixxi r-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-pajjiżi AKP; jinnota li involviment akbar ta' pajjiżi terzi fit-tfassil u n-negozjar ta' strumenti tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) għandu jsaħħaħ in-natura ta' "sħubija" ta' dawn l-istrumenti, itejjeb is-sjieda lokali u l-effiċjenza ta' dawn tal-aħħar;

75.  Jappella li jittaffa d-dejn tal-pajjiżi foqra, sabiex jiġu megħjuna jistabbilixxu ordni pubbliku li jiggarantixxi rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq il-fatt li soluzzjonijiet sostenibbli għad-dejn, inklużi standards ta' self responsabbli għandhom jiġu ffaċilitati permezz ta' qafas ġuridiku multilaterali applikabbli għall-proċessi ta' ristrutturar tad-dejn sovran, bil-għan li jittaffa l-piż tad-dejn u jiġi evitat dejn li ma jkunx jista' jingħeleb, b'tali mod li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-tul;

76.  Jilqa' l-integrazzjoni tal-migrazzjoni fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG), jiġifieri fl-SDG 10, li jistabbilixxi l-qafas għall-politika dinjija ta' żvilupp sal-2030; ifakkar li l-Istati impenjaw ruħhom li jikkooperaw fuq livell internazzjonali biex "tiġi żgurata migrazzjoni sikura, legali u regolari b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għat-trattament uman tal-migranti irrispettivament mill-istatus tagħhom ta' migrant, ta' rifuġjat jew ta' persuna spostata"; jinnota li l-ispostament furzat mhuwiex biss kwistjoni umanitarja iżda wkoll sfida għall-iżvilupp, u li għalhekk għandu jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi umanitarji u dawk tal-iżvilupp; iqis li l-implimentazzjoni tal-SDGs toffri possibilità li jiġi msaħħaħ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-politiki tal-asil u tal-migrazzjoni u li fl-istrateġiji ta' żvilupp jiġu stabbiliti l-linji gwida tal-migrazzjoni; jistieden lill-komunità internazzjonali tadotta indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-SDGs dwar il-migrazzjoni, kif ukoll tiġbor u tippubblika data diżaggregata dwar l-aċċess tal-migranti għal xogħol deċenti, għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, b'mod speċjali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tittejjeb il-governanza tal-migrazzjonijiet;

77.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sabiex jiġu evitati l-aggravazzjoni tal-miżerja f'dawn il-pajjiżi u ż-żieda qawwija tal-għadd ta' persuni spostati minħabba raġunijiet ambjentali;

78.  Jitlob lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", kif ukoll fit-tfassil possibbli ta' definizzjoni fir-rigward tad-dritt internazzjonali;

79.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu kkoordinati b'mod aktar effettiv u li jiġu vvalutati l-implimentazzjoni, l-impatt u l-kontinwità tad-diversi strumenti finanzjarji disponibbli fl-Unjoni Ewropea favur il-pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, li jkopru oqsma bħalma huma l-politika tal-migrazzjoni, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali, il-politika barranija, il-politika tal-viċinat u l-għajnuna umanitarja, u li, bejn l-2004 u l-2014, immobilizzaw aktar minn biljun ewro għal aktar minn 400 proġett;

80.  Jenfasizza l-impatt tal-istrumenti ta' kooperazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni, tal-asil u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem; jieħu nota tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika, jitlob valutazzjoni u monitoraġġ ta' dawn il-fondi kif ukoll ftehimiet tal-istess natura bħalma huma d-Dikjarazzjoni UE-Turkija u l-proċess ta' Khartoum u dak ta' Rabat;

81.  Jenfasizza li l-ftehimiet mal-pajjiżi terzi għandhom jikkonċentraw l-għajnuna fuq ir-riżoluzzjoni tal-kriżijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi li jipprovokaw il-migrazzjonijiet, u dan se jgħin biex jitwaqqfu l-flussi migratorji lejn il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea;

82.  Jenfasizza l-importanza ta' kollaborazzjoni akbar tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi terzi fil-kuntest tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) bil-għan li jissaħħu n-natura ta' sħubija ta' dawn l-istrumenti, l-effikaċja tagħhom u l-kontribut tagħhom għar-riżoluzzjoni tal-isfidi tal-migrazzjoni;

83.  Iqis li jeħtieġ li tittejjeb il-koerenza tal-approċċ globali tal-kwistjoni tal-migrazzjoni u tal-mobilità, li jiġu integrati mekkaniżmi rigorużi ta' monitoraġġ u sorveljanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet esterni kollha u li jiġu prijoritizzati l-proġetti operati fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu li huma ta' natura li jtejbu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;

84.  Jinkoraġġixxi lill-Unjoni tiffirma sħubijiet għall-mobilità mal-eqreb sħab tagħha;

85.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ma jikkunsidrawx politiki ta' ritorn tal-migranti ħlief lejn pajjiżi ta' oriġini fejn huma jkunu jistgħu jintlaqgħu fis-sikurezza kollha, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u proċedurali, u jitlob f'dan ir-rigward li jagħtu preferenza lir-ritorn volontarju milli lir-ritorn sfurzat; jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' dawn il-politiki mal-pajjiżi terzi jinkludu klawsoli ta' salvagwardja, li jiggarantixxu li l-migranti li jintbagħtu lura f'pajjiżhom ma jħabbtux wiċċhom ma' ksur tad-drittijiet tagħhom jew ma' riskji ta' persekuzzjoni; jirrikonoxxi l-importanza tal-valutazzjonijiet perjodiċi bil-għan li jiġu esklużi tali ftehimiet ma' pajjiżi li ma jirrispettawx l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

86.  Jitlob li jitteħdu azzjonijiet li jkunu immirati għan-netwerks tal-kuntrabandu u biex iwaqqfu t-traffikar tal-bnedmin; jitlob li jiġu stabbiliti rotot legali u sikuri, inkluż permezz ta' kurituri umanitarji, għall-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali; jitlob li jiġu stabbiliti programmi ta' risistemazzjoni permanenti u obbligatorji u li jingħataw viżi umanitarji lil dawk li jaħarbu miż-żoni ta' kunflitt, inkluż sabiex ikollhom il-possibilità li jidħlu f'pajjiż terz biex hemmhekk japplikaw għall-asil; jitlob l-istabbiliment ta' aktar rotot legali u t-tfassil ta' regoli ġenerali li jirregolaw id-dħul u r-residenza biex il-migranti jkunu jistgħu jaħdmu u jfittxu impjieg;

87.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jinħolqu u jiġu implimentati aħjar l-oqfsa ta' protezzjoni għall-migranti li jinsabu f'diffikultà u fi tranżitu u fil-fruntieri tal-UE;

88.  Jilqa' l-operazzjonijiet ta' kontra l-kuntrabandisti tal-bnedmin u t-traffikanti u jappoġġja t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' pjan direzzjonali komprensiv u konkret bil-ħsieb ta' azzjoni rapida u fit-tul li tinvolvi l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi sabiex jiġu miġġielda n-netwerks ta' kriminalità organizzata tal-kuntrabandisti tal-bnedmin;

89.  Jenfasizza li l-kuntrabandu tal-migranti huwa marbut mat-traffikar tal-bnedmin u jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-użu ta' missjonijiet, bħalma hi l-Operazzjoni Militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED), huwa strument għall-ġlieda konkreta kontra l-kuntrabandu tal-migranti; jistieden lill-Unjoni tkompli b'dan it-tip ta' operazzjonijiet u tintensifikahom;

90.  Iqis li huwa meħtieġ li ssir riflessjoni dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-politika tal-fruntieri u dwar kif għandu jittejjeb ir-rwol futur tal-Frontex u tal-EASO; joħroġ appell għas-solidarjetà u għall-impenji fis-sura ta' kontribuzzjonijiet adegwati għall-baġits u għall-attivitajiet ta' dawn l-aġenziji;

91.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir titjib tal-funzjonament tal-hotspots u tal-punti tad-dħul fil-fruntieri esterni tal-Unjoni;

92.  Jitlob lill-Unjoni tintegra l-protezzjoni tad-data fil-ftehimiet ta' kondiviżjoni u ta' skambju ta' informazzjoni fil-fruntieri u fuq ir-rotot migratorji;

93.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi ospitanti joħolqu għodod effettivi għall-koordinazzjoni, l-allinjament tal-flussi ta' informazzjoni, il-ġbir, it-tqabbil u l-analiżi tad-data;

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-NU, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Unjoni Afrikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lil-Lega tal-Istati Għarab.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (25.4.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi
(2015/2316(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marina Albiol Guzmán

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-migrazzjoni hija dritt tal-bniedem imnaqqax fl-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jirrispettaw dan l-artikolu u l-obbligi internazzjonali rilevanti dwar ir-rifuġjati u l-migranti, u jirrikonoxxu l-kontribut pożittiv li r-rifuġjati u l-migranti għandhom lejn is-soċjetajiet tagħna, li jibbenefikaw minnu l-pajjiżi tad-destinazzjoni, il-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi ta' oriġini, inklużi l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jissottolinja f'dan ir-rigward l-effetti pożittivi li l-migrazzjoni għandha fuq l-iżvilupp;

2.  Japella lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jidentifikaw azzjonijiet speċifiċi li l-gvernijiet ikunu jistgħu jieħdu biex ikabbru l-potenzjal tal-migrazzjoni legali bħala faċilitatur tal-iżvilupp; jenfasizza li tmexxija politika u attivitajiet ta' promozzjoni qawwija huma meħtieġa, b'mod speċjali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni, sabiex tiġi miġġielda l-ksenofobija u ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali tal-migranti;

3.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjoni urġenti biex jiġi indirizzat il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem li jaffaċċjaw il-migranti, li huma l-aktar gravi f'sitwazzjonijiet ta' pressjoni minħabba l-isfidi ta' sigurtà u d-diżastri naturali; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu eżempju billi jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, b'mod partikolari fi ħdan il-fruntieri tagħhom stess, sabiex ikunu kredibbli meta jiddiskutu l-migrazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

4.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu żgurati d-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli bħal nisa, tfal, persuni LGBT, persuni b'diżabbiltajiet u anzjani, li huma partikolarment vulnerabbli għal kull tip ta' periklu, fosthom vjolenza, traffikar u abbuż; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jippromwovi l-importanza tal-edukazzjoni għat-tfal, inkluż għal dawk li huma spostati jew li jgħixu f'kampijiet tar-rifuġjati, peress li l-edukazzjoni tipprovdi normalità fil-ħajja tat-tfal, li b'hekk tagħti dinjità u tistabbilixxi mill-ġdid id-dritt tal-bniedem li t-tfal ikunu ndukrati fit-tfulija;

5.  Ifakkar li l-parti l-kbira tar-rifuġjati u tal-migranti fid-dinja qegħdin jiġu ospitati minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jirrikonoxxi l-isforzi li saru minn pajjiżi terzi fl-akkoljenza ta' migranti u rifuġjati; jenfasizza li s-sistemi ta' appoġġ lil dawn il-pajjiżi qegħdin jaffaċċjaw sfidi kritiċi li jistgħu joħolqu theddid serju għall-protezzjoni tal-popolazzjoni spostata li qiegħda tikber;

6.  Jappella lill-UE biex twettaq politika koerenti u tuża diversi strumenti tal-politika fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-migranti; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jinkorporaw b'mod sistematiku l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni bħala komponent fid-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi, u biex jipprovdu assistenza teknika biex jitjiebu l-politiki lokali u nazzjonali dwar l-integrazzjoni tal-migranti, filwat li jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u tas-soċjetà ċivili; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, b'mod speċjali billi jipprovdu taħriġ lill-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna biex jidentifikaw b'mod aktar effiċjenti l-karatteristiċi, l-isfondi u l-esperjenzi differenti tal-migranti, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, sabiex jiġu protetti u megħjuna b'mod aħjar dawn il-migranti skont il-ħtiġijiet tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp ma għandhomx jintużaw għal skopijiet purament ta' migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri; iħeġġeġ lill-proġetti ta' żvilupp tal-UE mmirati lejn migranti u persuni li jfittxu asil biex jimplimentaw il-prinċipju li "ħadd ma jitħalla barra", billi jiffukaw fuq l-aċċess għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u billi jagħtu attenzjoni speċjali lil persuni u gruppi vulnerabbli, bħal nisa, tfal, minoranzi u popli indiġeni, persuni LGBT u persuni b'diżabbiltajiet;

8.  Iqis li l-migrazzjoni għandha kawżi ewlenin (b'mod partikolari raġunijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali u ambjentali); iqis li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tindirizza dawn il-kawżi ewlenin b'mod effikaċi, billi tiżdied il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jitjieb il-bini ta' kapaċità, jingħata appoġġ għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jiġi promoss ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li dawn il-kawżi huma marbuta ma' żieda fil-kunflitti u gwerer, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u nuqqas ta' governanza tajba;

9.  Ifakkar li l-faqar, l-inugwaljanza u n-nuqqas ta' prospetti huma kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija għodda effikaċi biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li bħalissa l-livelli ta' għajnuna tal-UE mhumiex fi triqithom li jilħqu l-mira ta' 0.7 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA)/introjtu nazzjonali gross (ING) u li bosta Stati Membri naqqsu wkoll il-programmi ta' għajnuna tagħhom;

10.  Jilqa' l-integrazzjoni tal-migrazzjoni fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG), jiġifieri fl-SDG 10, li jistabbilixxi qafas għall-politika dwar l-iżvilupp globali sal-2030; ifakkar li l-Istati impenjaw ruħhom li jikkooperaw fuq livell internazzjonali biex "tiġi żgurata migrazzjoni sikura, legali u regolari b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għat-trattament uman tal-migranti irrispettivament mill-istatus ta' migrazzjoni, rifuġjati u persuni spostati"; jinnota li l-ispostament furzat mhuwiex biss kwistjoni umanitarja iżda wkoll sfida għall-iżvilupp, u li għalhekk għandu jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi umanitarji u tal-iżvilupp; iqis li l-implimentazzjoni tal-SDGs hija opportunità biex jissaħħaħ l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-politiki tal-asil u tal-migrazzjoni u biex il-migrazzjoni tiġi integrata fl-istrateġiji għall-iżvilupp; jistieden lill-komunità internazzjonali biex tadotta indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-SDGs dwar il-migrazzjoni, u biex tiġbor u tippubblika data diżaggregata dwar l-aċċess tal-migranti għal xogħol deċenti, għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, b'mod speċjali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex titjieb il-governanza tal-migrazzjoni;

11.  Jiddikjara li t-traffikanti tal-bnedmin ibigħu stampa mqarqa lil ħafna rifuġjati; itenni l-importanza li jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, jinqatgħa l-fluss tal-flus u jiżżarmaw in-netwerks, peress li dan se jkollu effett pożittiv fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tar-rifuġjati f'pajjiżi terzi li għandhom il-ħsieb li jaħarbu minn gwerer u terrur;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-politiki barranin tagħha sabiex iġġib il-paċi u l-istabbiltà f'dawk iż-żoni fejn il-gwerer u l-kunflitti qegħdin iwasslu għal flussi migratorji kbar ħafna lejn l-Unjoni Ewropea;

13.  Itenni d-dikjarazzjoni reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati li għadd kbir ta' migranti huma vittmi ta' terroriżmu u ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u li dawn ir-rifuġjati għandhom għalhekk jiġu ttrattati kif xieraq;

14.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp li tkun effiċjenti u effikaċi, u biex jipprijoritizzaw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politika tagħhom dwar il-migrazzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi;

15.  Jinnota li l-għadd li dejjem qiegħed jiżdied ta' rifuġjati madwar id-dinja mhuwiex jingħata prominenza minħabba l-għadd akbar ta' persuni spostati internament; jissottolinja li l-persuni spostati internament ma għandhomx jiġu diskriminati minħabba l-fatt li huma kellhom ifittxu kenn mingħajr ma jaqsmu l-fruntieri internazzjonali, u għalhekk, jenfasizza li d-drittijiet tal-persuni spostati internament għandhom jiġu rispettati, inkluż l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni;

16.  Jappella sabiex jiġu stabbiliti kanali regolari għall-migrazzjoni tal-ħaddiema, inkluż għas-setturi b'pagi baxxi;

17.  Iħeġġeġ lill-UE tintegra d-dimensjoni tal-migrazzjoni fil-qafas ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou li se jiddefenixxi r-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-pajjiżi AKP; jinnota li involviment akbar ta' pajjiżi terzi fit-tfassil u n-negozjar ta' strumenti tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) għandu jsaħħaħ in-natura ta' "sħubija" ta' dawn l-istrumenti, itejjeb is-sjieda lokali u l-effiċjenza tagħhom;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ it-trasparenza u l-flessibbiltà tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, u jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu, tal-inqas fl-istess livell tal-Kummissjoni, f'dan il-Fond; jissottolinja li huwa essenzjali li jiġi żgurat, permezz ta' monitoraġġ u evalwazzjoni xierqa tal-programmi, li l-Fond Fiduċjarju jaqdi l-għan tiegħu, jiġifieri li jgħin lil dawk fil-bżonn, jiġġieled il-governanza ħażina u l-korruzzjoni u jippromwovi l-istat tad-dritt fil-pajjiżi Afrikani;

19.  Jappella għall-ħelsien mid-dejn tal-pajjiżi foqra, sabiex jiġu megħjuna jiżviluppaw ordni pubbliku li jiggarantixxi rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li s-soluzzjonijiet ta' dejn sostenibbli, inkluż standards għal self u tislif responsabbli għandhom jiġu ffaċilitati permezz ta' qafas legali multilaterali għall-proċessi ta' ristrutturar ta' dejn sovran, bl-għan li jittaffa l-piż tad-dejn u jiġi evitat dejn mhux sostenibbli sabiex jinħolqu kundizzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem fit-tul;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Brian Hayes, Paul Rübig, Patrizia Toia

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Tiziana Beghin, Miroslav Poche

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

11

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Tokia Saïfi, Eleni Theocharous, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Therese Comodini Cachia, Edouard Ferrand, Liliana Rodrigues