RAPPORT INTERIM dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
20.7.2016 - (2016/2090(INI))
Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
Rapporteur: Pablo Zalba Bidegain, Gerben-Jan Gerbrandy
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew[1],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (A8-0246/2016),
A. billi l-Artikolu 226 tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika għat-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta temporanju min-naħa tal-Parlament Ewropew biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni, u billi dan jikkostitwixxi element importanti tas-setgħat superviżorji tal-Parlament;
B. billi, abbażi ta' proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, fis-17 ta' Diċembru 2015 il-Parlament iddeċieda li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegati fallimenti fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, u li l-Kumitat kien se jagħmel kull rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa f'dik il-kwistjoni;
C. billi l-Kumitat ta' Inkjesta jopera skont pjan ta' ħidma li jinkludi:
– programm ta' seduti ta' smigħ ta' xhieda u esperti bil-għan li tinġabar evidenza orali rilevanti;
– talbiet għal evidenza bil-miktub mix-xhieda u l-esperti mistiedna għas-seduti ta' smigħ;
– talbiet għal dokumenti bil-għan li tinġabar evidenza rilevanti bil-miktub mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn atturi rilevanti oħrajn;
– żewġ missjonijiet biex tinġabar informazzjoni fuq il-post;
– dokumenti ta' tgħarrif u studji kkummissjonati skont il-baġit għall-għarfien espert;
– opinjoni formali bil-miktub mis-Servizz Legali tal-Parlament fir-rigward ta' stedina lil mistednin li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ġuridiċi biex jixhdu;
D. billi l-Kumitat ta' Inkjesta bagħat diversi kwestjonarji lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lil korpi oħrajn, u ħareġ sejħa pubblika għal evidenza fuq is-sit web tiegħu;
E. billi r-riżultati tal-investigazzjoni li għadha għaddejja jistgħu jġibu valur miżjud lill-qafas ta' approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni;
F. billi fid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015, il-Parlament talab lill-Kumitat ta' Inkjesta jippreżenta rapport interim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma tiegħu;
G. billi n-natura ta' Kumitat ta' Inkjesta żżommu milli jressaq kwalunkwe konklużjoni finali li toħroġ mill-investigazzjonijiet tiegħu qabel ma l-Kumitat iqis li l-mandat tiegħu jkun tlesta; billi, għalhekk, ikun prematur li l-Kumitat jippreżenta kwalunkwe osservazzjoni dwar id-diversi aspetti tal-mandat tiegħu f'dan ir-rapport interim;
H. billi l-evidenza orali u bil-miktub ippreżentata u eżaminata mill-Kumitat sal-lum tikkonferma l-bżonn li jiġu investigati aktar il-punti kollha msemmija fil-mandat tiegħu;
1. Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Inkjesta jkompli bix-xogħol tiegħu u jimplimenta b'mod sħiħ il-mandat mogħti lilu mill-Parlament fid-Deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015, u jappoġġja l-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha li jwasslu għat-twettiq ta' dan il-mandat;
2. Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau jappoġġjaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-Kumitat ta' Inkjesta jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu, b'mod partikolari rigward l-awtorizzazzjoni ta' seduti u laqgħat straordinarji, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-esperti u tax-xhieda, il-missjonijiet u mezzi tekniċi oħra li huma debitament ġustifikati;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ fil-ħin u trasparenza sħiħa fl-assistenza mogħtija lill-Kumitat ta' Inkjesta fil-ħidma tiegħu, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, u tipprovdi kull appoġġ tekniku u politiku, b'mod partikolari permezz ta' sottomissjoni aktar rapida tad-dokumentazzjoni mitluba; jistenna kooperazzjoni sħiħa mill-Kummissarji u d-Direttorati Ġenerali rilevanti attwali kif ukoll minn dawk li kienu responsabbli matul il-mandati preċedenti; jitlob lill-Istati Membri, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, sabiex jagħtu lill-Kumitat ta' Inkjesta l-appoġġ tekniku u politiku meħtieġ, b'mod partikolari billi jippermettu lill-Kummissjoni tippreżenta aktar malajr id-dokumenti li jkunu ntalbu u, jekk is-sottomissjoni tad-dokumenti teħtieġ il-kunsens tal-Istati Membri, iħaffu l-proċeduri interni tagħhom għall-għoti ta' dan il-kunsens;
4. Jitlob li l-gvernijiet, il-parlamenti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jassistu lill-Kumitat ta' Inkjesta fil-kompiti tiegħu b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fid-dritt tal-Unjoni;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
L-għan ta' din in-nota spjegattiva għall-abbozz ta' rapport interim tal-Kumitat EMIS huwa li tagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-Kumitat sa mill-ħolqien tiegħu fit-2 ta' Marzu 2016 kif ukoll li tipprovdi perspettiva dwar il-pjan ta' ħidma li jmiss fl-ewwel nofs tal-mandat tiegħu[1].
Il-mandat tal-Kumitat EMIS
Fis-17 ta' Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew iddeċieda li joħloq Kumitat ta' Inkjesta magħmul minn 45 membru biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet jew l-allegata amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, bla preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni.
L-iskop tal-inkjesta huwa limitat mill-mandat, mill-Artikolu 226 tat-TFUE u mid-Deċiżjoni tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew.
Skont il-mandat, l-investigazzjoni tal-Kumitat għandha tiffoka fuq il-konformità tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri mal-obbligi imposti mir-Regolament (KE) Nru 715/2007, b'mod partikolari l-Artikoli 5(2), 5(3), 13(1), 13(2) u 14(3).
Barra minn hekk, il-Kumitat EMIS qed jintalab jiġbor u janalizza l-informazzjoni biex jivverifika jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhomx biżżejjed evidenza dwar l-użu ta' mekkaniżmi ta' manipulazzjoni, kif ukoll biex jiġbor u janalizza informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE min-naħa tal-Istati Membri.
Fl-aħħar nett, il-Kumitat hu mitlub jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa.
Kostituzzjoni tal-Kumitat
L-ewwel laqgħa tal-Kumitat EMIS, dik kostituttiva, saret fit-2 ta' Marzu 2016. F'din il-laqgħa, il-Kumitat EMIS eleġġa l-Bureau tiegħu b'akklamazzjoni:
President: is-Sa Kathleen Van Brempt (S&D),
l-Ewwel Viċi President: is-Sur Ivo Belet (PPE),
it-Tieni Viċi President: is-Sur Mark Demesmaeker (ECR),
it-Tielet Viċi President: is-Sa Kateřina Konečná (GUE/NGL),
ir-Raba' Viċi President: is-Sa Karima Delli (Verts/ALE).
Fil-laqgħa tagħhom tal-10 ta' Marzu 2016, il-koordinaturi tal-Kumitat EMIS ħatru r-rapporteurs:
is-Sur Pablo Zalba Bidegain (PPE),
is-Sur Gerben-Jan Gerbrandy (ALDE).
Il-gruppi politiċi ħatru x-shadow rapporteurs li ġejjin:
is-Sa Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy (S&D),
is-Sur Hans-Olaf Henkel (ECR),
is-Sur Neoklis Sylikiotis (GUE/NGL),
is-Sa Eleonora Evi (EFDD),
is-Sur Marcus Pretzell (ENF).
Kalendarju
Il-mandat tal-Kumitat EMIS jipprevedi li l-Kumitat ta' Inkjesta jippreżenta rapport interim fi żmien 6 xhur u rapport finali fi żmien 12-il xahar mill-bidu tal-ħidma tiegħu.
Billi l-Kumitat EMIS ġie kkostitwit fit-2 ta' Marzu 2016, ir-rapport intermedju għandu jiġi ppreżentat lill-plenarja sat-2 ta' Settembru 2016 u r-rapport finali għandu jiġi ppreżentat lill-plenarja mhux aktar tard mit-2 ta' Marzu 2017.
Abbażi ta' dawn l-iskadenzi, fl-10 ta' Marzu 2016 il-koordinaturi tal-Kumitat EMIS adottaw il-kalendarju tal-laqgħat tal-Kumitat għall-2016, li jikkunsidra l-bżonn li tiġi limitata s-sovrapożizzjoni mal-kumitati permanenti l-aktar ikkonċernati. Għall-2017 id-dati jiġu adottati hekk kif ikun disponibbli l-kalendarju tal-PE.
Il-koordinaturi qablu wkoll dwar il-possibbiltà li jsiru aktar laqgħat fi Brussell (l-aktar għal seduti ta' smigħ) u/jew fi Strasburgu (l-aktar għal skambji ta' fehmiet fost il-membri tal-Kumitat EMIS), skont il-bżonn.
Dwar ir-rapport interim, il-koordinaturi ftiehmu dwar il-kalendarju indikattiv li ġej:
Abbozz ta' rapport intermedju disponibbli bl-Ingliż |
it-2 ta' Ġunju 2016 |
|
Eżami tal-abbozz ta' rapport interim |
il-21 ta' Ġunju 2016 |
|
Skadenza għat-tressiq tal-emendi |
it-22 ta' Ġunju 2016, 12.00 |
|
Votazzjoni fil-Kumitat EMIS dwar ir-rapport interim |
it-13-14 ta' Lulju 2016 |
|
Dibattitu / votazzjoni fil-plenarja |
Settembru 2016 |
|
Metodi ta' ħidma tal-Kumitat EMIS
Abbażi tal-proposti tal-koordinaturi, fis-7 ta' April il-membri tal-Kumitat EMIS skambjaw fehmiet dwar il-metodi ta' ħidma tal-Kumitat u dwar pjan ta' ħidma indikattiv għall-ewwel nofs tal-mandat kif ukoll dwar il-linji ta' azzjoni possibbli biex jintlaħqu l-objettivi deskritti fil-mandat tal-Kumitat.
L-enfasi tad-diskussjoni kienet, b'mod partikolari, fuq l-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ ta' xhieda u esperti, li tikkostitwixxi l-attività prinċipali ta' kumitat ta' inkjesta[2]. Intlaħaq ftehim dwar proċedura ad hoc għas-seduti ta' smigħ.
Bħala regola ġenerali, meta jiġu introdotti mill-President, ix-xhieda jew l-esperti jiftħu s-smigħ tagħhom b'dikjarazzjoni orali qasira, li tkun segwita minn mistoqsijiet magħmula mill-membri tal-Kumitat EMIS skont "il-prinċipju ping-pong" (tweġiba minnufih wara kull mistoqsija).
Sabiex jinżamm rendikont tal-evidenza mogħtija mill-esperti u mix-xhieda, u biex tkun tista' titqies l-informazzjoni kollha rilevanti għar-rapport finali, wara kull seduta ta' smigħ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-Kumitat EMIS rapport verbatim bl-Ingliż, li jiġi ppubblikat ukoll fuq is-sit web tal-Kumitat EMIS.
Qabel kull seduta ta' smigħ, il-mistednin jirċievu kwestjonarju, imħejji abbażi tal-proposti li jkunu waslu mingħand il-gruppi politiċi. It-tweġibiet tagħhom bil-miktub ikunu mistennija jintbagħtu qabel is-seduta tagħhom sabiex jikkomplementaw l-informazzjoni mogħtija f'dik l-okkażjoni.
Laqgħat tal-Kumitat EMIS
1. Skambju ta' fehmiet ma' uffiċjali tal-Kummissjoni
Il-Kumitat EMIS beda l-ħidma tiegħu fis-7 ta' April 2016 permezz ta' skambju ta' fehmiet mar-rappreżentanti li ġejjin tal-Kummissjoni Ewropea:
is-Sur Antti Peltomäki (Viċi Direttur Ġenerali tad-DĠ GROW),
is-Sur Daniel Calleja Crespo (Direttur Ġenerali tad-DĠ ENV),
is-Sur Artur Runge-Metzger (Direttur tad-Direttorat C – Strateġija tal-Klima, Governanza u emissjonijiet minn setturi mhux kummerċjali, DĠ CLIMA).
L-għan ta' dan l-iskambju ta' fehmiet kien li jiġu diskussi l-elementi ewlenin relatati mal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, inkluż kalendarju tal-avvenimenti, bil-għan li titwitta t-triq għall-ħidma futura tal-Kumitat.
2. Seduti ta' smigħ ta' xhieda u esperti rilevanti
Dawn li ġejjin kienu mistiedna sabiex jipprovdu evidenza orali quddiem il-Kumitat:
id-19 ta' April 2016
is-Sa Delilah Al-Khudhairy (Direttur), u s-Sur Alois Krasenbrink (Kap tal-Unità għat-Trasport Sostenibbli, Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Kummissjoni Ewropea),
is-Sur Vicente Franco (Riċerkatur Prinċipali, Kunsill Internazzjonali għat-Trasport Nadif – ICCT).
it-28 ta' April 2016
is-Sur Dirk Bosteels, (Direttur Eżekuttiv, Assoċjazzjoni għall-Kontroll tal-Emissjonijiet b'Katalizzatur – AECC),
is-Sur Udo Lambrecht (Kap tad-Dipartiment tat-Trasport u l-Ambjent, l-Istitut għall-Enerġija u r-Riċerka Ambjentali – IFEU).
l-24 ta' Mejju 2016
is-Sur Richard Smokers (Konsulent Prinċipali) u s-Sur Rob Cuelenaere, (Konsulent, Trasport u Loġistika Sostenibbli, Organizzazzjoni tan-Netherlands għar-riċerka xjentifika applikata – TNO,
is-Sur Paul McAleavey, (Kap tal-Programm tal-Arja u t-Tibdil fil-Klima) u s-Sur Martin Adams (Kap tal-Grupp "Tniġġis tal-Arja, tat-Trasport u Akustiku", l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent – EEA).
is-16 ta' Ġunju 2016
is-Sa Dorothee Saar, (Kap tat-Trasport u l-Kwalità tal-Arja, Deutsche Umwelthilfe),
is-Sur Pascoe Sabido u s-Sur Olivier Hoedeman (Corporate Europe Observatory – CEO),
is-Sur Kai Borgeest (Professur, Aschaffenburg University of Applied Science),
is-Sur Daniel Lange (Kap Eżekuttiv, Faster IT, inġinier tal-ICT fl-industrija awtomotiva).
l-20 ta' Ġunju 2016
is-Sur Nick Molden (Kap Eżekuttiv, Emissions Analytics),
is-Sur Christoph Gauss (Kap tal-Laboratorju tal-Ittestjar u l-Emissjonijiet tal-Vetturi, Allgemeiner Deutscher Automobil-Club – ADAC).
il-21 ta' Ġunju 2016
Is-Sur Reinhard Schulte-Braucks (ex Kap tal-Unità Awtomobilistika, DĠ GROW – sa 12.2007),
is-Sur Philippe Jean (ex Kap tal-Unità Awtomobilistika DĠ GROW – minn 01.2008 sa 05.2015),
is-Sa Joanna Szychowska (Kap tal-Unità Awtomobilistika DĠ GROW – minn 06.2015),
is-Sur Gwenole Cozigou (Direttur tal-Analiżi tal-Industrija Politika u Ekonomika, DĠ GROW – minn 06.2015).
Meta qed jinkiteb dan id-dokument, il-lista ta' mistednin li għandhom jiġu mistiedna għas-seduti ta' smigħ qabel il-waqfa tas-sajf għadha fl-istadju tal-ippjanar, iżda din għandha tiffoka fuq ix-xhieda mogħtija mir-rappreżentanti tal-fornituri tal-karozzi, tal-industrija awtomobilistika kif ukoll mill-Kummissarji Ewropej attwali u preċedenti responsabbli mill-oqsma tal-industrija, l-intraprenditorija u l-ambjent.
Intalbet ukoll opinjoni formali bil-miktub mis-Servizz Legali tal-PE fir-rigward ta' stedina lil mistednin li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ġuridiċi.
Missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni
Il-koordinaturi tal-EMIS qablu fuq il-prinċipju ġenerali li l-għadd ta' missjonijiet tal-kumitat ikun limitat għall-minimu meħtieġ.
S'issa huma ppjanati ż-żewġ missjonijiet li ġejjin:
l-Istitut għall-Enerġija u t-Trasport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC-IET), u l-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Vetturi (VELA) tagħhom f'Ispra, l-Italja (ġimgħa 29). L-għan ta' din il-missjoni hu li l-membri jżuru l-bini tal-JRC-IET u l-VELA, jiltaqgħu mal-uffiċjali u r-riċerkaturi li jaħdmu fiż-żewġ entitajiet, u jattendu dimostrazzjoni ta' testijiet imwettqa b'sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet;
Laqgħat mal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip Lussemburgiżi, flimkien ma' żjara fil-faċilità ta' ttestjar tal-vetturi Lambsheim, il-Ġermanja (ġimgħa 38). L-għan ta' din il-missjoni se jkun li l-membri jaraw il-katina sħiħa tal-approvazzjoni tat-tip ta' vettura, inkluża dimostrazzjoni prattika tal-kontrolli mwettqa.
Studji, tgħarrif u noti
Inizjalment il-Kumitat talab analiżi fil-fond dwar l-obbligi legali fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku tal-UE, u dan l-istudju hu mistenni li jkun lest f'Ġunju 2016. Il-koordinaturi iddeċidew ukoll li jitolbu:
studju komparattiv mid-Dipartiment Tematiku, dwar id-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti dwar l-emissjonijiet;
nota mingħand is-servizz legali tal-PE, dwar l-interpretazzjoni ta' x'jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina;
tgħarrif mingħand id-DĠ EPRS, dwar il-kawżi pendenti attwali relatati mal-mandat tal-EMIS.
Talbiet għal dokumenti, kwestjonarji u sejħa għall-evidenza
Hemm tliet modi possibbli biex tinġabar informazzjoni bil-miktub għall-inkjesta, u dawn huma talbiet għal dokumenti, kwestjonarji u sejħa għall-evidenza:[3]
Fis-7 ta' April 2016 il-koordinaturi tal-EMIS approvaw lista tad-dokumenti li għandhom jintalbu mingħand iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għad-dokumenti kollha relatati max-xogħol u l-istudji mwettqa fl-2005 mill-Istitut għall-Enerġija u t-Trasport tal-JRC dwar il-kejl tal-emissjonijiet tal-vetturi, b'mod partikolari dawk li jindirizzaw il-kwistjoni ta' diskrepanzi fil-kejl tal-emissjonijiet ta' NOx, kif ukoll dwar il-kwistjoni tal-apparat ta' manipulazzjoni, inklużi:
• dokumenti ta' referenza, data dwar l-emissjonijiet mill-vetturi (inklużi d-ditti u l-marki), notamenti uffiċjali u informali, lista ta' laqgħat, minuti formali u informali, preżentazzjonijiet;
• il-komunikazzjonijiet kollha, inklużi ittri u komunikazzjoni bil-posta elettronika dwar din il-kwistjoni fi ħdan il-JRC u bejn il-JRC u d-DĠ GROW (ex DĠ Intrapriża u Industrija) tal-Kummissjoni, id-DĠ ENV, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip; u esperti, manifatturi u organizzazzjonijiet oħra.
Barra minn hekk, fl-14 ta' April 2016 il-koordinaturi tal-EMIS approvaw talba biex il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta lill-Kumitat EMIS id-dokumentazzjoni kollha relatata mal-attivitajiet ta' diversi gruppi ta' esperti bħalma huma l-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur (TCMV), il-Grupp ta' Ħidma dwar l-emissjonijiet reali waqt is-sewqan ta' vetturi ħfief (RDE-LDV), il-Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAEG) u tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir Sostenibbli tal-Industrija tal-Karozzi fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll kwalunkwe korrispondenza formali u informali bejn il-Kummissjoni u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (ACEA);
tħejja kwestjonarju għall-Istati Membri u dan intbagħat lill-awtoritajiet nazzjonali permezz tar-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri f'April 2016 bi skadenza għat-tweġibiet fil-15 ta' Ġunju;
fit-2 ta' Mejju 2016, fuq is-sit web tal-Kumitat EMIS ġiet ippubblikata sejħa għall-evidenza, b'indirizz tal-email apposta (emis-evidence@ep.europa.eu), li permezz tagħha tista' tintbagħat għall-attenzjoni tal-Kumitat informazzjoni meqjusa bħala rilevanti għall-ħidma tiegħu.
Sit web u midja
F'Marzu 2016 twaqqaf sit web dedikat għall-Kumitat EMIS (http://www.europarl.europa.eu/committees/ mt/emis/home.html). Hawnhekk il-membri u l-pubbliku jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha rilevanti relatata max-xogħol tal-Kumitat. L-iskop tas-sit web huwa li l-ħidma tal-kumitat tkun kemm jista' jkun trasparenti, mingħajr preġudizzju għaż-żamma tal-kunfidenzjalità meta jkun hemm bżonnha.
Is-segretarjat tal-Kumitat EMIS iżomm is-sit web aġġornat biex jiġi żgurat li d-dokumenti rilevanti kollha (evidenza orali u bil-miktub, dokumenti ta' sfond, aġendi, eċċ.) jkunu disponibbli. It-traskrizzjoni verbatim tad-diskussjonijiet ta' kull seduta ta' smigħ bl-Ingliż tkun disponibbli wkoll fuq is-sit web.
Minbarra l-informazzjoni pprovduta permezz tas-sit web tagħha, qabel kull laqgħa tal-Kumitat EMIS jiġi ppubblikat bullettin b'tagħrif dwar il-laqgħat preċedenti u futuri, kif ukoll l-aħħar aħbarijiet relatati mal-mandat tal-Kumitat.
Fl-aħħar nett, fis-27 ta' April 2016 ġiet organizzata l-ewwel konferenza stampa konġunta mill-President u r-rapporteurs tal-Kumitat EMIS, fejn ġew ippreżentati lill-pubbliku l-attivitajiet futuri tal-Kumitat, inklużi l-abbozz ta' pjan ta' ħidma sas-sajf u s-sejħa għall-evidenza. (http://www.europarl.europa.eu/ep-live/mt/other-events/video?event=20160427-1100-SPECIAL-UNKN).
Il-passi li jmiss
Waqt li qed jinkiteb dan id-dokument, qed jiġi ffinalizzat il-programm ta' seduti ta' smigħ għat-tieni parti tal-mandat. Is-seduti ta' smigħ għall-ġbir tal-evidenza se jkomplu mill-inqas sal-ħarifa tal-2016, imbagħad l-enfasi ddur fuq it-tħejjija tar-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta.
- [1] Dan id-dokument jirrifletti s-sitwazzjoni tal-proċedimenti tal-Kumitat EMIS f'Mejju 2016.
- [2] Skont l-Artikolu 198(7) tar-Regoli ta' Proċedura tal-PE, kumitat ta' inkjesta jista' jistieden lil xi istituzzjoni jew korp tal-UE, lill-gvern ta' Stat Membru, jew lil kwalunkwe persuna oħra sabiex tagħti xhieda quddiemu.
- [3] Skont l-Artikolu 198(7), il-Kumitat EMIS jista' jikkuntattja istituzzjonijiet jew persuni bil-ħsieb li jikseb id-dokumenti meħtieġa biex iwettaq l-investigazzjoni tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
13.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, José Blanco López, Seb Dance, Mark Demesmaeker, Bas Eickhout, Ismail Ertug, Eleonora Evi, Fredrick Federley, Ildikó Gáll-Pelcz, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Rebecca Harms, Hans-Olaf Henkel, Jean-François Jalkh, Krišjānis Kariņš, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen, Marian-Jean Marinescu, Marcus Pretzell, Franck Proust, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Olga Sehnalová, Neoklis Sylikiotis, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kathleen Van Brempt, Wim van de Camp, Pablo Zalba Bidegain, Carlos Zorrinho, Kosma Złotowski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lucy Anderson, Pilar Ayuso, Nicola Danti, Pavel Poc, Nils Torvalds, Claude Turmes, Martina Werner |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
41 |
+ |
|
ALDE |
Fredrick Federley, Gerben-Jan Gerbrandy, Dominique Riquet, Nils Torvalds |
|
ECR |
Mark Demesmaeker, Julie Girling, Hans-Olaf Henkel, Kosma Złotowski |
|
EFDD |
Eleonora Evi |
|
ENF |
Jean-François Jalkh, Marcus Pretzell |
|
GUE/NGL |
Kateřina Konečná, Merja Kyllönen, Neoklis Sylikiotis |
|
PPE |
Pilar Ayuso, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Ildikó Gáll-Pelcz, Krišjānis Kariņš, Marian-Jean Marinescu, Franck Proust, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Pablo Zalba Bidegain, Wim van de Camp |
|
S&D |
Lucy Anderson, Nikos Androulakis, José Blanco López, Seb Dance, Nicola Danti, Ismail Ertug, Pavel Poc, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Olga Sehnalová, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Carlos Zorrinho |
|
Verts/ALE |
Bas Eickhout, Rebecca Harms, Claude Turmes |
|
0 |
- |
|
|
|
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet