RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

26.7.2016 - (COM(2016)0071 – C8-0098/2016 – 2016/0043(NLE)) - *

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Laura Agea


Proċedura : 2016/0043(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0247/2016
Testi mressqa :
A8-0247/2016
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

(COM(2016)0071 – C8-0098/2016 – 2016/0043(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0071),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0098/2016),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0247/2016),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda    1

Proposta għal deċiżjoni

Premessa -1 (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1) Il-Kunsill, bid-Deċiżjoni (UE) 2015/18481a tiegħu, għażel, għal darb'oħra, li jinjora r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015. L-approċċ tal-Kunsill ma jirriflettix l-ispirtu tat-Trattati, u jdgħajjef il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni filwaqt li jkabbar id-"defiċit demokratiku" fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jiddeplora bil-qawwa l-approċċ tal-Kunsill u jenfasizza li l-pożizzjoni tal-Parlament għandha tiġi kkunsidrata.

 

____________

 

1a Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).

Emenda    2

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula, fl-Artikolu 145, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u li tadatta, kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku, bl-għan li jinkisbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(1)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula, fl-Artikolu 145, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u li tadatta, kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku, bl-għan li jinkisbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-Artikolu 9 u 10 tat-TFUE, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tiżgura suq tax-xogħol inklużiv u integrat li jkun kapaċi jindirizza l-impatt sever tal-qgħad u jiżgura livell għoli ta' impjieg, tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni kollha, inklużi pagi adegwati, u tiggarantixxi protezzjoni soċjali xierqa u konformi mar-regolamenti dwar ix-xogħol, il-ftehimiet kollettivi u bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif ukoll livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ u tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

 

Emenda    3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)  L-"Istrateġija Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, akkumpanjat minn impjiegi ta' livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, u jikkunsidraw il-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom, kif ukoll il-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi marbutin mal-impjiegi u mas-suq tax-xogħol tal-istrateġija l-ġdida.

(2)   L-"Istrateġija Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni għandha tippermetti lill-Unjoni ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, akkumpanjat minn livell għoli ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. L-Unjoni teħtieġ politika olistika u investimenti pubbliċi li jiġġieldu l-qgħad u l-faqar. F'dan ir-rigward, l-iżvilupp tal-indikaturi soċjali u tal-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020 sal-lum huwa ta' tħassib kbir, peress li l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdied b'ħames miljuni minflok ma naqas, ir-rata tal-impjieg f'ċerti pajjiżi għadha ma rritornatx għal-livelli ta' qabel il-kriżi, filwaqt li f'xi Stati Membri r-rata ta' żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu (NEET) hija 'l fuq minn 20 % u r-rata ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien tlaħħaq it-23 %. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi marbutin mal-impjiegi, mal-inklużjoni soċjali u mas-suq tax-xogħol tal-istrateġija l-ġdida. Madankollu, dawn l-objettivi għadhom ma ntlaħqux u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi aktar sinifikanti sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija. It-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali jeħtieġ jibqa' objettiv kruċjali tal-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.

Emenda    4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3)   Dawn il-linji gwida integrati huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, waqt li jirriflettu l-interdipendenza u b'mod konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) ta’ dak it-Trattat. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew.

(3)  Dawn il-linji gwida integrati għandhom ikunu f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, waqt li jirriflettu l-interdipendenza u bi qbil mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiġu kkunsidrati għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, f'bilanċ mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom jagħtu kas mhux biss tal-indikaturi ekonomiċi iżda anke, jekk ikun xieraq, ta' dawk soċjali u tal-impjiegi, filwaqt li jivvalutaw ex ante r-riformi li għandhom jiġu implimentati u l-impatt tagħhom fuq iċ-ċittadini. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiġu stabbiliti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u għandhom jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew. Tliet indikaturi tal-impjiegi – ir-rata ta' attività, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul – dan l-aħħar ġew inklużi fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku, u l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Frar 20161a, appella biex dawn l-indikaturi jqanqlu analiżi fil-fond fl-Istati Membri rilevanti li tista' twassal għall-proposta u l-applikazzjoni ta' aktar riformi ekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol.

 

________________

 

1a http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A8-2016-0030+0+DOC+XML+V0//MT

Emenda    5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)   L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri li qegħdin fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, turi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jonqos il-qgħad strutturali, titrawwem forza tax-xogħol ta' ħila skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiġu promossi impjiegi ta' kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja, tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f'kull livell u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

(4)   L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri, li qegħdin fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, juri li l-Istati Membri għandhom jagħtu kas tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-linji gwida dwar l-impjiegi u għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jonqos il-qgħad strutturali billi jinħolqu l-impjiegi, jingħata appoġġ lil suq tax-xogħol dinamiku u inklużiv li jiffunzjona tajjeb, titrawwem forza tax-xogħol ta' ħila li tkun kapaċi tirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiġu promossi impjiegi deċenti u t-tagħlim tul il-ħajja, tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f'kull livell u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-familja u l-ħajja professjonali, l-oppożizzjoni għal kull tip ta' diskriminazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar, partikolarment il-faqar fost it-tfal, kif ukoll it-titjib tal-kapaċità ta' popolazzjoni li qed tixjieħ.

Emenda    6

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)   Fil-preżent, 120 miljun ċittadin Ewropew, jiġifieri madwar kwart tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni, qegħdin f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali. Din is-sitwazzjoni ta' emerġenza, li hija riflessa wkoll fl-għadd dejjem kbir ta' ċittadini li ma jaħdmux, tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta miżuri biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi ta' introjtu bażiku minimu sabiex dawk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti.

Emenda    7

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri4 għandhom jinżammu għall-2016 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politiki tal-impjiegi tagħhom.

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness, qed jiġu adottati. Dawn il-linji gwida għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politiki tal-impjiegi u fil-programmi ta' riforma tagħhom, u għandu jsir rapport dwar dan f'konformità mal-Artikolu 148(3) tat-TFUE.

__________________

 

4 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).

 

Emenda    8

Proposta għal deċiżjoni

Anness (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Linja gwida 5: Inżidu d-domanda għax-xogħol

 

L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jindirizzaw b'mod effikaċi u fil-pront il-kwistjoni serja tal-qgħad, u jiffaċilitaw u jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, jindirizzaw l-aċċessibbiltà għall-gruppi li qegħdin f'riskju u jnaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu persuni fil-livelli kollha tal-ħiliet u fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol, inkluż billi jnaqqsu l-burokrazija, filwaqt li jirrispettaw l-istandards soċjali u tax-xogħol, jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, u b'mod partikolari jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu attivament, fost l-oħrajn, l-impjiegi ekoloġiċi u dawk fil-qasam tas-saħħa u s-settur marittimu, kif ukoll l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali.

 

Il-ħaddiema għandu jonqsilhom il-piż tat-taxxa u minflok dan għandhom jerfgħuh sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir filwaqt li għandu jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq immirat lejn l-investiment pubbliku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandu jkun immirat lejn komponenti rilevanti tal-piż tat-taxxa u għandu jsir bil-ħsieb li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u jonqsu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità u għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards eżistenti tax-xogħol.

 

Il-politiki li jiżguraw li l-pagi jippermettu introjtu adegwat li jiggarantixxi l-għajxien jibqgħu importanti għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-faqar fl-Unjoni. Flimkien mas-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom għalhekk jirrispettaw u jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi ħalli l-pagi reali jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività u jgħinu jikkoreġu diverġenzi tal-passat mingħajr ma jinkoraġġixxu pressjoni deflazzjonarja. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiżguraw riżorsi suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi tal-faqar speċifiċi għal kull Stat Membru. Għalhekk għandhom jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali bil-għan li jiġu żgurati pagi għal għajxien deċenti madwar l-Unjoni. Meta jiġu biex jiffissaw il-pagi minimi f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiżguraw l-adegwatezza tagħhom kif ukoll iqisu l-impatt li dawn iħallu fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, l-introjtu tal-familji, id-domanda aggregata, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.

 

L-Istati Membri għandhom inaqqsu l-burokrazija sabiex itaffu l-piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, billi dawn jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-ħolqien tal-impjiegi.

 

Linja gwida 6: Insaħħu l-provvista tax-xogħol u l-ħiliet

 

L-Istati Membri għandhom jippromwovu produttività sostenibbli u impjegabbiltà ta' kwalità permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti, magħmula aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u s-servizzi tat-trasport li qed jiffaċċjaw jew se jiffaċċjaw nuqqas ta' persunal fit-terminu medju. L-Istati Membri għandhom jagħmlu investimenti effikaċi f'edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità għolja minn età bikrija u fis-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, filwaqt li tiżdied id-diversità tal-ħiliet, u b'hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-"ħiliet mhux tekniċi" bħall-komunikazzjoni qed isiru dejjem aktar importanti għal għadd kbir ta' impjiegi.

 

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ billi, fost l-oħrajn, jintroduċu korsijiet volontarji dwar l-intraprenditorija u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' intrapriżi tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji u fil-kulleġġi. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex ma jħallux liż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola u biex jiżguraw tranżizzjoni bla intoppi mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja professjonali, biex jitjieb l-aċċess u jitneħħew l-ostakli għal tagħlim ta' kwalità għolja għall-adulti kollha b'enfasi partikolari fuq gruppi b'riskju għoli u l-ħtiġijiet tagħhom, billi joffru taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet meta t-telf ta' impjiegi u t-tibdil fis-suq tax-xogħol ikunu jeħtieġu riintegrazzjoni attiva. Fl-istess ħin l-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji għal tixjiħ attiv biex jippermettu ħajja tax-xogħol b'saħħitha sal-età reali tal-irtirar.

 

Filwaqt li jiżguraw il-livell ta' ħiliet meħtieġ minn suq tax-xogħol li kontinwament qed jinbidel u jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien ma' programmi ta' edukazzjoni tul il-ħajja, l-Istati Membri għandhom iżommu f'moħħhom li l-impjiegi li jeħtieġu ftit kwalifiki huma meħtieġa wkoll u li l-opportunitajiet ta' impjieg huma aħjar għal dawk li għandhom ħafna kwalifiki milli għal dawk li għandhom kwalifiki medji jew baxxi.

 

L-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità għolja fil-bidu tat-tfulija għandu jkun prijorità għall-politiki komprensivi u l-investiment flimkien mal-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol ma' tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

 

Il-kwistjoni tal-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fit-tul u l-qgħad reġjonali għoli, għandha tiġi solvuta b'mod effikaċi u f'waqtu, kif ukoll evitata permezz ta' taħlita ta' miżuri min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. Permezz ta' strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin għandhom jiġu indirizzati l-għadd ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-problema tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u ta' ħiliet skaduti, billi fost l-oħrajn jingħata appoġġ attiv personalizzat u bbażat fuq il-ħtiġijiet u jiġu pprovduti skemi ta' protezzjoni soċjali xierqa lil dawn il-persuni biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol b'mod infurmat u responsabbli. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b'mod komprensiv permezz ta' strateġija globali għall-impjieg taż-żgħażagħ. Dan jinkludi investiment fis-setturi li jistgħu joħolqu impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ u billi l-atturi rilevanti bħas-servizzi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jingħataw il-mezzi meħtieġa ħalli l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom jimplimentawhom għalkollox u b'mod konsistenti, iżda wkoll bl-użu rapidu tar-riżorsi min-naħa tal-Istati Membri. L-aċċess għall-finanzjament għal dawk li jagħżlu li jibdew negozju għandu jiġi ffaċilitat permezz ta' disponibbiltà usa' ta' informazzjoni, tnaqqis ta' burokrazija eċċessiva u l-possibbiltà li l-benefiċċji tal-qgħad ta' diversi xhur jiġu konvertiti f'għotja inizjali bil-quddiem wara l-preżentazzjoni ta' pjan tan-negozju u f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

 

Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki kontra l-qgħad, l-Istati Membri għandhom iqisu l-inugwaljanzi lokali u reġjonali u jikkooperaw mas-servizzi pubbliċi lokali tal-impjiegi.

 

Għandhom jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu żgurati riżultati fit-tagħlim ta' kwalità filwaqt li jkun evitat u jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola, u tiġi promossa edukazzjoni komprensiva u ta' kwalità għolja mil-livell l-aktar bażiku tagħha. Dan jeħtieġ sistemi edukattivi flessibbli b'enfasi fuq il-prattika. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu l-kwalità tar-riżultati tas-sistema edukattiva billi jagħmluha aċċessibbli għal kulħadd, jistabbilixxu u jtejbu s-sistemi ta' tagħlim doppju, adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, bit-titjib tat-taħriġ professjonali u ta' oqfsa eżistenti bħall-Europass, filwaqt li jiżguraw, fejn ikun hemm bżonn, taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba barra s-sistema edukattiva formali. Ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol għandhom jissaħħu, filwaqt li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun wiesgħa biżżejjed biex tipprovdi lin-nies b'bażi solida għall-impjegabbiltà tul il-ħajja.

 

L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw aħjar is-sistemi tat-taħriġ tagħhom mas-suq tax-xogħol sabiex itejbu t-tranżizzjoni mit-taħriġ għad-dinja tax-xogħol. L-impjiegi ekoloġiċi u s-settur tal-kura tas-saħħa huma partikolarment essenzjali fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u f'termini ta' teknoloġiji ġodda.

 

Jeħtieġ li tonqos aktar id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aktar għall-gruppi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew esklużjoni, bħan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura ta' kwalità u għall-but ta' kulħadd fil-bidu tat-tfulija kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi evitata l-esklużjoni ta' dawk b'waqfiet fil-karriera tagħhom minħabba responsabbiltajiet familjari bħal dawk li jieħdu ħsieb il-familja. Għalhekk, id-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet għandha tiġi żblukkata mill-Istati Membri.

 

F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li r-rati ta' żgħażagħ li mhumiex qed jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu (NEET) huma ogħla għan-nisa milli għall-irġiel u li l-fenomenu tan-NEET jeżisti primarjament minħabba żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll minħabba inattività mhux marbuta mal-edukazzjoni.

 

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ, effikaċi u effiċjenti mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni biex jiġġieldu l-faqar u jtejbu l-impjiegi ta' kwalità, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-pjattaformi ta' investiment tiegħu għandhom ikunu wkoll mobilizzati sabiex jiġi żgurat li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u li l-ħaddiema jingħataw il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli.

 

Linja gwida 7: Intejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol

 

L-Istati Membri għandhom inaqqsu s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jindirizzaw l-impjiegi prekarji, is-sottoimpjieg, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol. Għandhom isiru regoli li jħarsu x-xogħol u l-istituzzjonijiet ħalli jinħoloq ambjent xieraq għar-reklutaġġ filwaqt li dawn ikunu joffru livelli xierqa ta' protezzjoni lil min jaħdem u lil min qed ifittex xogħol jew jaħdem b'kuntratt temporanju, part-time jew atipiku jew b'kuntratt tax-xogħol indipendenti, billi jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv. Għandhom ikunu żgurati impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, u dan mil-lat ta' sigurtà soċjoekonomika, durabbiltà, salarji adegwati, drittijiet fuq ix-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (inkluż mill-perspettiva tas-saħħa u s-sikurezza), il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' taħriġ. Għalhekk hemm bżonn li ssir promozzjoni għad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, ir-riintegrazzjoni ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, bil-forniment ta' kura bi prezz raġonevoli u bl-immodernizzar tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Għandha ssir promozzjoni favur il-konverġenza 'l fuq fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha.

 

L-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu jiffaċilita l-intraprenditorija, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fis-setturi kollha, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, u l-kura soċjali u l-innovazzjoni, sabiex isir l-aħjar użu mill-ħiliet tal-persuni, jitrawwem l-iżvilupp tul il-ħajja tagħhom u titħeġġeġ l-innovazzjoni mmexxija mill-impjegati.

 

Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prinċipju ta' sħubija u mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u għandhom jappoġġjaw it-titjib tal-funzjonament u l-effikaċja tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, b'mod speċjali f'dawk il-pajjiżi bl-ikbar problemi ta' devalwazzjoni tal-pagi minħabba d-deregolamentazzjoni reċenti tas-swieq tax-xogħol u d-dgħufija tan-negozjar kollettiv.

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw standards ta' kwalità bażiċi għall-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jtejbu l-livell ta' kemm ikunu mmirati, kemm jilħqu 'l bogħod, kemm ikunu mifruxin, u kemm jinteraġixxu ma' miżuri ta' appoġġ bħas-sigurtà soċjali. Billi jipprovdu servizzi pubbliċi tal-impjiegi kwalifikati ħafna li jagħtu appoġġ individwalizzat u billi joħolqu sistemi li jkejlu l-prestazzjoni, dawn il-politiki għandhom jimmiraw li jtejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, isaħħu n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali u jgħinu għal tranżizzjonijiet sostenibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li b’mod effettiv, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom jattivaw u jagħmluha possibbli biex kull min jista’, jieħu sehem fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li (temporanjament) huma esklużi mis-swieq tax-xogħol u/jew ma jistgħux jieħdu sehem fihom, u jħejju lill-individwi għal riskji potenzjali u kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali varjabbli, billi jinvestu fil-kapital uman. L-Istati Membri għandhom jintroduċu, bħala waħda mill-miżuri possibbli biex biha jitnaqqas il-faqar u f'konformità mal-prattika nazzjonali, introjtu minimu proporzjonali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd u jistabbilixxu miżuri effikaċi kontra d-diskriminazzjoni.

 

Għandha tkun żgurata l-mobilità tal-ħaddiema bħala dritt fundamentali u kwistjoni ta' għażla ħielsa ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent effettiv tal-kwalifiki u l-ħiliet u l-eliminazzjoni tal-burokrazija u ta' ostakli eżistenti oħrajn. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jegħlbu l-ostakli lingwistiċi, u b'hekk itejbu s-sistemi tat-taħriġ f'dan il-qasam. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu adatt min-netwerk tal-EURES sabiex jinkoraġġixxu l-mobilità tal-ħaddiema. Għandu jiġi promoss l-investiment fir-reġjuni li qed jesperjenzaw flussi ta' ħruġ ta' ħaddiema sabiex jittaffa l-eżodu ta' mħuħ u biex il-ħaddiema mobbli jiġu mħeġġa jerġgħu lura.

 

Linja gwida 8: Intejbu l-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ fil-livelli kollha

 

L-Istati Membri għandhom jagħmlu prijorità l-aċċess għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd sa mill-bidu tat-tfulija, minħabba li t-tnejn huma miżuri ta' appoġġ importanti għall-atturi tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxu għaż-żieda fir-rata tal-impjiegi globali filwaqt li jappoġġjaw l-individwi fir-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki komprensivi u investimenti meħtieġa biex jitjieb l-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

 

Linja gwida 9: Niżguraw il-ġustizzja soċjali, niġġieldu l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs

 

L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu s-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom billi jiżguraw standards bażiċi ħalli jagħtu protezzjoni effikaċi, effiċjenti u sostenibbli f'kull stadju tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jiżguraw ħajja dinjituża, solidarjetà, aċċess għall-protezzjoni soċjali, rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali, ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi kif ukoll jiżguraw l-inklużjoni sabiex jeliminaw il-faqar, b'mod partikolari għall-persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi aktar vulnerabbli. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati, aktar immirati u aktar ambizzjużi, inkluż permezz ta' kura tat-tfal u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd, taħriġ effikaċi u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa ta' kwalità għolja aċċessibbli għal kulħadd, aċċess għal servizzi bażiċi bħal kontijiet bankarji u l-internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u jingħelbu l-faqar estrem, l-esklużjoni soċjali u, b'mod aktar ġenerali, kull forma ta' faqar. B'mod partikolari għandu jiġi indirizzat b'mod deċiżiv il-faqar fost it-tfal.

 

Għal dan il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b'mod komplementari, fosthom servizzi ta' għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għall-introjtu li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. F'dan ir-rigward, hija kompetenza ta' kull Stat Membru li jiffissa livelli ta' introjtu minimu f'konformità mal-prattika nazzjonali u b'mod proporzjonali mas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika fl-Istat Membru partikolari. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b'tali mod li kull persuna, mingħajr ebda diskriminazzjoni, issibha faċli biex tikseb aċċess għalihom u tużahom, b'tali mod li jkunu jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex jiġi evitat il-faqar, biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu u mill-esklużjoni soċjali kif ukoll minn riskji oħrajn bħal tnaqqis fis-saħħa jew telf ta' impjieg. Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tfal li jgħixu fil-faqar minħabba l-qgħad fit-tul tal-ġenituri tagħhom.

 

Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom ikunu strutturati b'mod li s-sostenibbiltà, is-sikurezza u l-adegwatezza tagħhom għan-nisa u l-irġiel tkun iggarantita permezz tat-tisħiħ ta' skemi tal-irtirar li jimmiraw għal introjtu ta' rtirar deċenti li tal-inqas jaqbeż is-soll tal-faqar. Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jipprevedu l-konsolidazzjoni, l-iżvilupp ulterjuri u t-titjib tat-tliet pilastri tas-sistemi ta' tfaddil għall-irtirar. Il-ħolqien ta' rabta bejn l-età tal-irtirar u l-istennija tal-għomor mhijiex l-uniku strument li permezz tiegħu tista' tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ. Ir-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom ukoll, fost l-oħrajn, jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rata tat-twelid, is-sitwazzjoni demografika, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija. L-aqwa mod biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi, abbażi ta', fost l-oħrajn, investimenti soċjali f'tixjiħ attiv.

 

L-Istati Membri għandhom itejbu l-kwalità, l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul u s-servizzi soċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-setturi relatati, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà finanzjarja ta' dawn is-sistemi bit-titjib tal-finanzjament ibbażat fuq is-solidarjetà.

 

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika.

 

L-objettiv tal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, skont il-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkustanzi nazzjonali relattivi tagħhom, huwa li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 % sal-2020; li r-rata ta' tluq bikri mill-iskola titnaqqas għal inqas minn 10 %; li s-sehem ta' dawk bejn 30 u 34 sena li temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied għal mhux inqas minn 40 %; u li titrawwem l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, billi mill-inqas 20 miljun persuna titneħħa mir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni1a.

 

______________

 

1a Il-popolazzjoni hija definita bħala l-għadd ta' persuni li huma f'riskju ta' faqar u esklużjoni skont tliet indikaturi (f'riskju ta' faqar; privazzjoni materjali; familja mingħajr impjieg), li jħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom abbażi tal-indikaturi l-aktar adatti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

Referenzi

COM(2016)0071 – C8-0098/2016 – 2016/0043(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

24.2.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

7.3.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

7.3.2016

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ECON

22.3.2016

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Laura Agea

18.2.2016

 

 

 

Rapporteurs preċedenti

Thomas Händel

 

 

 

Eżami fil-kumitat

30.5.2016

21.6.2016

 

 

Data tal-adozzjoni

13.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Javi López, Thomas Mann, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Georges Bach, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Zdzisław Krasnodębski, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Csaba Sógor, Neoklis Sylikiotis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella De Monte

Data tat-tressiq

20.7.2016

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

ALDE

ECR

EFDD

GUE/NGL

NI

PPE

 

S&D

 

VERTS/ALE

Marian Harkin, Yana Toom, Renate Weber

Zdzisław Krasnodębski

Laura Agea, Daniela Aiuto, Tiziana Beghin

Kostadinka Kuneva,

Lampros Fountoulis

Georges Bach, David Casa, Danuta Jazłowiecka, Dieter-Lebrecht Koch, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Csaba Sógor, Romana Tomc

Guillaume Balas, Brando Benifei, Ole Christensen, Isabella De Monte, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog

Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka

4

-

ECR

Arne Gericke,, Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius

5

0

ENF

GUE/NGL

Mara Bizzotto

Tania González Peñas, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis

Key to symbols:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni