RAPPORT dwar kif għandu jiġi sfruttat bl-aħjar mod il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)

25.7.2016 - (2015/2320(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Zdzisław Krasnodębski


Proċedura : 2015/2320(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0248/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar kif għandu jiġi sfruttat bl-aħjar mod il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)

(2015/2320(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 173 u 49 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata 'Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-idoneità regolatorja tal-UE (COM(2013)0685),

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni Intraprenditorjali 2020 tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs' (COM(2011)0870),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Lejn irkupru li jwassal ghall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi' (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Investiment Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 intitolata 'Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi'[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar 'It-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs'[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 intitolata 'L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?'[3],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard (Direttiva 2011/7/UE),

–  wara li kkunsidra l-programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI),

–  wara li kkunsidra l-Programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont 2020,

–  wara li kkunsidra l-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (COSME),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar 'Il-proċess ta' konsultazzjoni "top ten" u t-tħaffif tal-piż tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq l-SMEs'[4],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni 'L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro' (COM(2011)0803),

–  wara li kkunsidra l-'Annual Report on European SMEs 2013/2014 – A Partial and Fragile Recovery' (Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2013/2014 - Irkupru Parzjali u Fraġli) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ta' Jannar 2013 intitolat 'Born global: The potential of job creation in new international businesses', (Imwielda Globali: Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi f'negozji ġodda internazzjonali)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 intitolat 'Public policy and support for restructuring in SMEs' (Politika pubblika u appoġġ għar-ristrutturar tal-SMEs),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2016 intitolat 'ERM annual report 2015: Job creation in SMEs' (Rapport Annwali 2015 tal-ERM: Il-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2012 bl-isem 'Public measures to support self-employment and job creation in one-person and micro enterprises' (Miżuri pubbliċi biex jappoġġjaw l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' impjiegi f'intrapriżi mikro u b'persuna waħda),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem 'SMEs in the crisis: Employment, industrial relations and local partnership' (L-SMEs fil-kriżi: l-impjiegi, ir-relazzjonijiet industrijali u s-sħubiji lokali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem 'Employee representation at establishment level in Europe' (Rappreżentanza tal-impjegati fil-livell ta' stabbiliment fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2014 bl-isem 'Social dialogue in micro and small companies' (Djalogu soċjali f'kumpaniji mikro u f'kumpaniji żgħar),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea 2015 dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi (SAFE),

–  wara li kkunsidra l-'Annual Report on European SMEs 2014/2015 – SMEs start hiring again' (Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 - l-SMEs jibdew jimpjegaw mill-ġdid) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar 'L-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali'[7],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju,

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2015 dwar l-'Internationalisation of Small and Medium-Sized Enterprises' (L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD tal-2015 intitolat 'Financing SMEs and Entrepreneurs 2015 – An OECD Scoreboard' (Il-Finanzjament tal-SMEs u tal-Intraprendituri 2015 - Tabella tal-OECD),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0248/2016),

A.  billi l-SMEs (22.3 miljun[8]kienu attivi fl-UE28 fl-2014) joħolqu aktar impjiegi minn kumpaniji oħrajn fis-settur privat, billi jipprovdu madwar żewġ terzi tal-impjiegi kollha fis-settur privat fl-UE u billi l-imprendituri u l-SMEs jagħtu kontribut importanti għat-tkabbir soċjoekonomiku u għall-iżvilupp tal-UE; jirrimarka li l-appoġġ lill-SMEs jgħin fil-ġlieda kontra r-rata ta' qgħad u r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, li huma 8.9 % u 19.4 % rispettivament[9]; billi n-numru ta' persuni qiegħda – madwar 23 miljun ruħ fl-2015 – għadu storikament għoli;

B.  billi fl-2014 l-SMEs taw kontribut kbir għat-tkabbir tal-impjiegi, sa 71 % fl-ekonomija tan-negozju mhux finanzjarju;

C.  billi l-ħolqien tax-xogħol fl-SMEs huwa influwenzat minn numru ta' fatturi interni u esterni – fost dawn tal-aħħar il-kundizzjonijiet essenzjali huma kompetizzjoni maniġġabbli (inkluż mill-korporazzjonijiet multinazzjonali - MNCs, u l-ekonomija klandestina), piżijiet amministrattivi maniġġabbli u l-ispejjeż tal-produzzjoni globali, kif ukoll l-aċċess għall-finanzi u l-ħaddiema tas-sengħa;

D.  billi r-riċerka riċenti tal-Eurofound turi li l-SMEs li għandhom tendenza li joħolqu xogħlijiet huma ħafna drabi ġodda, innovattivi, attivi fil-livell internazzjonali, jinsabu f'żoni urbani u huma mmexxija minn maniġers kapaċi, u għandhom strateġiji komprensivi ta' tkabbir u ta' investiment;

E.  billi l-SMEs għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi s-settur tal-SMEs huwa importanti fil-livell reġjonali u b'mod partikolari fir-reġjuni rurali;

F.  billi, minkejja l-fatt li 90 % tat-tkabbir dinji jseħħ barra mill-UE, 13 % tal-SMEs biss mexxew negozji internazzjonali barra mill-UE;

G.  billi hemm differenzi fil-karatteristiċi tal-SMEs madwar l-UE, jiġifieri l-iskala u l-impatt fuq l-ekonomiji nazzjonali; billi hemm raġunijiet storiċi għal dawn id-differenzi;

H.  billi hemm skarsezza u disparitajiet tal-ħiliet madwar l-UE, kif ukoll il-fluss tax-xogħol tas-sengħa l-aktar mit-tkabbir tal-Istati Membri ta' wara l-2004 u l-pajjiżi fi kriżi taż-Żona tal-Euro lejn Stati Membri oħrajn, li joħolqu reġjuni perifiċi b''nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa minħabba l-fenomenu tal-eżodu tal-imħuħ;

I.  billi, minkejja r-regoli tas-suq intern, għad hemm differenzi kbar madwar l-UE f'termini ta' oqfsa regolatorji għall-SMEs, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċertezza ta' żviluppi regolatorji fil-ġejjieni kif ukoll il-kwalità ġuridika tar-regolamentazzjoni b'mod ġenerali;

J.  billi r-rappreżentanti tal-SMEs jindikaw spejjeż tax-xogħol għoljin bħala waħda mir-restrizzjonijiet ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi u jippretendu t-tnaqqis tal-imsemmija spejjeż, billi l-ogħla spejjeż tax-xogħol ġew identifikati f'sistemi burokratizzati u rregolati żżejjed;

K.  billi, minħabba l-iskala iżgħar tagħhom, l-SMEs huma inqas kapaċi minn kumpaniji kbar biex jikkonformaw mal-istandards regolatorji;

L.  billi r-rappreżentanza tal-impjegati u d-djalogu soċjali mhumiex mifruxin fl-SMEs daqskemm huma f'kumpaniji ikbar u t-trejdjunjins f'xi pajjiżi qed jagħmluha prijorità li jippruvaw iżidu r-rappreżentanza tal-impjegati fl-SMEs, pereżempju billli jippruvaw iħeġġu l-istabbiliment tal-kunsilli tax-xogħlijiet fl-SMEs[10];

M.  billi l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6.5 % tal-ħaddiema fl-UE; billi hemm 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-UE, li jirrappreżentaw 10 % tal-intrapriżi fl-Unjoni; billi l-intrapriżi soċjali wrew li huma reżiljenti matul il-kriżi ekonomika;

N.  billi l-SMEs jirreżistu aħjar il-kriżi ekonomika f'termini ta' telf ta' impjiegi, b'mod partikolari l-kooperattivi fl-industrija u s-servizzi wrew reżiljenza aħjar mill-kriżi tal-2008 minn intrapriżi oħrajn fl-istess setturi;

O.  billi t-trasferimenti tan-negozju lil impjegati taħt il-forma ta' kooperattiva huma tipi ta' trasferimenti ta' negozju b'suċċess, kif jidher ċar mir-rati għolja ta' sopravivenza tagħhom;[11]

P.  billi ħafna postijiet jibqgħu battala minħabba mobbiltà baxxa tal-ħaddiema u l-inadegwatezza ta' ċerti sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol tal-lum;

Q.  billi s-settur ekoloġiku kien wieħed mill-ħallieqa netti ewlenin fl-Ewropa matul ir-riċessjoni u l-SMEs bi pjan għal żmien twil biex joperaw fl-ekonomija ekoloġika joħolqu impjiegi li huma aktar adattabbli għall-esternalitajiet attwali tal-ekonomija globalizzata[12];

R.  billi d-data dwar l-arranġamenti kuntrattwali u l-organizzazzjoni tal-impjiegi fl-SMEs hija diffiċli biex tinstab b'mod ġenerali;

S.  billi skont l-Eurofound, il-kundizzjonijiet tax-xogħol f'bosta pajjiżi, inklużi s-sigħat tax-xogħol huma ta' spiss aktar flessibbli u rranġati b'mod informali fl-SMEs milli f'kumpaniji ikbar; billi l-impatt inizjali tal-kriżi jidher li kellu l-effett li jżid il-flessibbiltajiet "interni" eżistenti, hekk kif l-organizzazzjonijiet jippruvaw ilaħħqu ma' ċirkustanzi u talbiet esterni li qed jinbidlu;

T.  billi xi SMEs għandhom tendenza li "jaqbżu" s-sistemi regolatorji billi jevitaw il-kontribuzzjoni soċjali u t-taxxa, b'impjieg indipendenti fittizju, b'kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u b'attivitajiet tal-ekonomija klandestina, li jimminaw kemm l-interessi tal-impjegati kif ukoll tal-impjegaturi, u dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jattiraw ħaddiema tas-sengħa; billi dawn il-kwistjonijiet għandhom diversi konsegwenzi negattivi għas-settur tal-SMEs, bħall-kompetizzjoni tas-suq inġusta u rati tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet soċjali ogħla;

U.  billi l-BĊE jargumenta li l-kriżi tad-dejn sovran żiedet l-ispejjeż ta' finanzjament tal-banek fil-pajjiżi fi kriżi taż-Żona tal-Euro, li mbagħad ġew mgħoddija lill-SMEs fil-forma tar-rati tas-self ogħla jew self iżgħar;

V.  billi l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u bi kwalifiki għoljin fuq perjodu twil u għall-potenzjal tal-SMEs li joħolqu impjiegi deċenti u sostenibbli;

W.  billi l-aċċess għall-finanzjament għadu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs, partikolarment fil-każ ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali, minħabba, fost oħrajn, in-nuqqas ta' firxa diversifikata biżżejjed ta' strumenti ta' ekwità u ta' kapital ta' riskju fl-Unjoni kollha, li hija meħtieġa tul il-perkors tat-tkabbir ta' kumpanija;

X.  billi minħabba raġunijiet storiċi xi soċjetajiet jipperċepixxu l-intraprendituri b'mod pjuttost negattiv, li f'xi każijiet huwa rifless ukoll fit-trattament diskriminatorju tal-gvernijiet tas-settur tal-SMEs, meta mqabbel, pereżempju, mal-ambjent vantaġġuż maħluq f'dawn il-pajjiżi għall-investiment barrani, speċjalment għall-MNCs;

Y.  billi l-kundizzjonijiet diskriminatorji bejn il-MNCs u l-SMEs jirriżultaw ukoll mill-prattika tat-trasferimenti tal-profitti lejn l-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi meqjusa bħala ġenna fiskali (tax heavens);

Z. billi l-istudji tal-Kummissjoni ma jipprovdux valutazzjoni dettaljata tal-impatt potenzjali tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) futura fuq l-SMEs fi Stati Membri differenti;

Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi u l-ħaddiema tas-sengħa

1.  Ifakkar li kważi 99 % tal-kumpaniji Ewropej huma SMEs u li għalhekk dawn huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE;

2.  Jemmen li sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar għall-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità għas-settur tal-SMEs, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-problemi li ġejjin, li huma preżenti b'mod inugwali fi Stati Membri u f'reġjuni differenti: nuqqas ta' ħiliet, nuqqas ta' stima tal-bżonnijiet futuri fir-rigward tal-ħiliet, nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, eżodu ta' mħuħ, piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u inċertezza regolatorja fl-oqsma kollha, insuffiċjenza ta' djalogu bejn il-partijiet interessati tas-suq tax-xogħol, aċċess limitat għall-finanzi u l-akkwist pubbliku, kapaċità baxxa ta' innovazzjoni u aċċess limitat għal teknoloġiji ġodda, appoġġ insuffiċjenti għall-SMEs fi ħdan politiki ta' investiment pubbliku, l-ekonomija sewda u frodi, kif ukoll il-pożizzjoni ta' vantaġġ tal-korporazzjonijiet multinazzjonali;

3.  Huwa tal-fehma li l-indirizzar tal-problemi strutturali msemmija hawn fuq jirriżulta, fost l-oħrajn, f'kompetizzjoni aktar ġusta u fl-estensjoni tal-kontribuzzjoni soċjali u tal-bażi tat-taxxa għal għadd akbar ta' operaturi ekonomiċi, li jagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jiffinanzjaw politiki favorevoli għall-impjieg, b'mod partikolari għall-SMEs u jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri u kundizzjonijiet aktar ġusti tas-suq;

4.  Jenfasizza l-bżonn ta' ambjent regolatorju li jħeġġeġ l-investiment u li fl-istess ħin irawwem it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta' kwalità;

5.  Jirrikonoxxi li, fost affarijiet oħra, l-ispejjeż tax-xogħol, bħala parti min-negozju, għandhom impatt fuq il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-SMEs u jistgħu jaffettwaw il-kompetittività; għal dan l-għan, jenfasizza li l-piż tat-taxxa għandu jiġi ttrasferit mix-xogħol għal sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li huma inqas detrimentali għall-impjiegi u għat-tkabbir, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni soċjali adegwata;

6.  Jenfasizza li jrid jintlaħaq standard għoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u li t-tnaqqis fl-ispejjeż tax-xogħol permezz ta' tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema m'għandux ikun mezz biex jitnaqqas il-qgħad; iwissi, barra minn hekk, li t-tnaqqis fil-pagi u fid-drittijiet tal-ħaddiema jista' jwassal għal żieda fil-flussi 'l barra ta' ħiliet ogħla u jkun ta' theddida għas-sigurtà tax-xogħol, billi jesponi lill-SMEs għal nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati, filwaqt li fl-istess ħin jiġġenera l-prekarjetà fl-Ewropa; huwa tal-fehma li ż-żieda fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol m'għandhiex twassal għal tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema, peress li dan ma jżidx il-potenzjal tal-SMEs għall-ħolqien tal-impjiegi;

7.  Huwa tal-fehma li l-akkademizzazzjoni mhux neċessarja ta' xi professjonijiet ma tgħinx biex issolvi l-problema tal-iskarsezzi tal-ħiliet fl-SMEs; jemmen li t-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali u, b'mod partikolari, is-sistemi doppji mħaddma b'kooperazzjoni mal-SMEs, għandhom jingħataw aktar appoġġ pubbliku; jenfasizza li t-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali doppju huma għodda importanti fit-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u jitlob li jingħata appoġġ lill-SMEs li jħarrġu liż-żgħażagħ biex isiru ħaddiema tas-sengħa kwalifikati u għalhekk jagħtu kontribut importanti għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà; jindika li sistema ta' edukazzjoni doppja użata fi Stat Membru wieħed ma tistax tiġi sempliċement ikkupjata minn Stat Membru ieħor;

8.  Jitlob lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali permezz tal-inkorporazzjoni ta' ħiliet relatati fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

9.  Iqis li l-iskemi ta' apprendistat fi ħdan l-SMEs għandhom jiġu promossi mill-Istati Membri, inkluż permezz ta' inċentivi fiskali u finanzjarji, kif ukoll permezz ta' oqfsa ta' kwalità, inkluż ħarsien xieraq ta' saħħa u sigurtà; ifakkar li l-SMEs jeħtieġu ħiliet speċifiċi ħafna; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, programmi ta' edukazzjoni doppja u l-kombinazzjoni ta' edukazzjoni u opportunitajiet ta' apprendistat għandhom ukoll ikunu mħeġġa, billi jaqdu rwol ekonomiku u soċjali essenzjali bħala strumenti li jippromwovu opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw forom ta' kooperazzjoni li jinvolvu l-governanza kollha, negozji (inklużi negozji marbuta mal-ekonomija soċjali), trejdjunjins, istituzzjonijiet ta' tagħlim u partijiet interessati oħra, bil-għan li jiġu adattati s-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tagħhom biex tiġi indirizzata d-disparità bejn il-ħiliet/kwalifiki u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk tal-SMEs; jitlob li jkun hemm inkoraġġiment għal aktar taħriġ informali inkluż b'rabta mat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-qsim tal-għarfien fost il-persunal;

11.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi mikro, b'kollaborazzjoni ma' dawk li jfasslu l-politika u s-sħab soċjali fit-trasformazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u tal-programmi tat-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa, kemm fir-rigward tal-metodi tat-tagħlim u t-tfassil tal-kurrikulu, sabiex issir enfasi ikbar fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tax-xogħol tas-seklu 21, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi u x-xogħol f'tim; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-esperjenzi prattiċi u tal-ħajja reali;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi megħlub id-distakk fil-ħiliet li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-SMEs innovattivi; jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ li tagħmel enfasi fuq il-faċilitazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu biex jingħalaq id-distakk fil-ħiliet fir-rigward tal-ħiliet fl-ICT li huma essenzjali għal SMEs innovattivi;

13.  Iqis li, bil-għan li jiġu bbilanċjati l-provvistà u d-domanda fl-impjiegi, l-Istati Membri għandhom jirriformaw is-sistemi edukattivi tagħhom biex iqisu t-tibdil fil-kuntest soċjali fir-rigward tal-importanza li wieħed jitgħallem lingwa waħda jew iżjed u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ xieraq u jiżguraw żvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema biex jippromwovu metodi tat-tagħlim aġġornati u l-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kompetenzi tas-seklu 21;

15.  Jitlob li jittieħdu wkoll miżuri oħrajn għall-integrazzjoni tal-Ġenerazzjoni 50+ fis-suq tax-xogħol, fin-negozju, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ bil-għan li jiġi evitat il-qgħad għal żmien twil u r-riskju ta' esklużjoni soċjali għal din il-kategorija ta' ħaddiema u l-familji tagħhom;

16.  Iqis li l-SMEs għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; iħeġġeġ aktar investiment fil-potenzjal għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet ta' negozju;

17.  Jagħraf l-importanza dejjem tikber tal-impjieg indipendenti u tal-intrapriżi mikro, li huma ta' importanza vitali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lilll-intraprenditorja; huwa mħasseb, madankollu, dwar il-fenomenu tal-impjieg indipendenti fittizju madwar l-UE, li ma jistax jitqies f'termini pożittivi bħala li jikkontribwixxi għan-'numru dejjem jikber ta' intrapriżi mikro', iżda, minflok, jikkawża l-prekarjetà tal-impjieg, iwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol mhux favorevoli u protezzjoni soċjali mnaqqsa jew ineżistenti, u jimmina l-immaġini tal-intraprenditorija, filwaqt li jqiegħed lil ħafna nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u b'hekk jiġġenera problemi soċjali ġodda li jeħtieġ li jiġu indirizzati;

18.  Jenfasizza li l-piż amministrattiv tar-regolamentazzjoni huwa sproporzjonatament ogħla għall-ħaddiema indipendenti u għall-intrapriżi mikro milli għal kumpaniji ikbar; iqis f'dan ir-rigward li kwalunkwe miżura li tikkonċerna l-"ħaddiema b'impjieg indipendenti fittizju" għandha tkun immirata b'mod ċar u ma għandhiex tpoġġi piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq l-individwu;

19.  Huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol ta' numru kbir ta' ħaddiema indipendenti u l-livelli tagħhom dejjem jiżdiedu ta' faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu netwerks kollaborattivi ta' intrapriżi mikro u żgħar taħt il-forma kooperattiva (bħal kooperattivi ta' produtturi individwali, kooperattivi ta' freelancers, kooperattivi ta' SMEs, kooperattivi tal-attività u tal-impjieg) peress li dawn in-netwerks isaħħu b'mod konsiderevoli s-sostenibbiltà u l-potenzjal tal-impjieg tal-unitajiet kostitwenti;

20.  Jieħu nota tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li huwa mfassal biex joħloq impjiegi ġodda u jagħti spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività, u jittama li l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment, bħala sensiela ta' proġetti trasparenti u investibbli fl-UE, jgħin sabiex l-investituri jiġu orjentati lejn l-opportunitajiet eżistenti favur l-iffinanzjar tal-SMEs u l-iżvilupp ta' negozji ġodda bħala mod importanti u sostenibbli ta' kif jitnaqqas il-qgħad u jiġi promoss l-impjieg fit-tul ta' kwalità; jitlob għalhekk li jiġu inklużi kategoriji differenti b'livelli limiti xierqa fil-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment sabiex l-SMEs u n-negozji ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-funzjonament tiegħu;

21.  Ifakkar li l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ il-bażi industrijali tagħha billi stabbiliet il-mira li l-produzzjoni industrijali se tammonta għal mill-inqas 20 % tal-PDG sal-2020, li għandha tiżdied għal 30 % sal-2030; iqis li dan huwa prerekwiżit essenzjali għal titjib effikaċi tas-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Ewropa;

22.  Jenfasizza r-rwol ta' leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem u l-faċilitazzjoni tal-proċess fil-kuntest ta' żviluppi rapidi fis-settur tal-SMEs intensivi fl-għarfien u innovattivi ħafna, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija kooperattiva, jissottolinja r-rwol tagħhom fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u b'kont meħud tal-Aġenda Urbana tal-UE, kif ukoll b'ħarsa 'l quddiem lejn il-Patt ta' Amsterdam u r-rwol ta' strutturi ta' netwerking u ta' koordinazzjoni bħall-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;

23.  Jinnota li l-SMEs fl-Istati Membri li m'għandhomx banek ta' investiment pubbliku jistgħu jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma' dawk f'pajjiżi li għandhom banek ta' investiment pubbliku, minħabba li l-valutazzjoni tal-interess pubbliku mhijiex prijorità għal istituzzjonijiet bankarji privati;

24.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess ugwali tal-SMEs għall-akkwist pubbliku;

25.   Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi kooperattivi peress li hemm esperjenza pprovata li huma aktar reżiljenti waqt krizi u inqas soġġetti għat-telf ta' impjiegi mill-intrapriża medja u biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità li ma jidelokalizzawx; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni biex iżommu lill-Parlament infurmat dwar miżuri konkreti li ttieħdu s'issa biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal kooperattivi u intrapriżi soċjali;

26.  Iqis li l-politiki nazzjonali u tal-UE ma għandhomx jiffokaw biss fuq negozji SMEs ġodda u fuq il-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-SMEs u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jappoġġjaw it-trasferimenti tan-negozju bħala għodda għaż-żamma tal-impjiegi eżistenti fl-SMEs li qed jirriskjaw li jagħlqu; jitlob il-promozzjoni ta' trasferimenti tan-negozju lill-impjegati taħt il-forma kooperattiva bħala tipi ta' trasferimenti tan-negozju ta' suċċess;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja iktar lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-edukazzjoni terzjarja u l-faċilitajiet ta' taħriġ, l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji, it-trejdjunjins u l-istituzzjonijiet finanzjarji, bl-għan li jippromwovu u jagħmlu użu sħiħ mis-sorsi ta' finanzjament tal-UE (eż. il-FEIS, il-FSE, il-FEŻR, COSME, Orizzont 2020 u Erasmus+) sabiex jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għall-informazzjoni, il-pariri u l-finanzi, li huma wħud mill-ostakoli ewlenin għat-tkabbir tal-SMEs u l-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza wkoll l-importanza ta' programmi ta' promozzjoni transkonfinali tal-SMEs taħt il-qafas tal-inizjattiva tar-riċerka Ewropea EUREKA bħala mezz għal aktar kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet tar-riċerka; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw aħjar l-istrumenti ta' finanzjament differenti għall-SMEs;

28.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li s'issa, it-taħriġ u l-informazzjoni dwar opportunitajiet bħal dawn huma kważi ineżistenti, meta mqabbla mal-bżonnijiet attwali u l-ħafna opportunitajiet li dawn il-fondi jistgħu joħolqu;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mal-punti ta' kuntatt nazzjonali biex tiżviluppa kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni assertivi u effettivi, maħsuba biss għall-SMEs fuq l-istrument "Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni" li huwa parti mill-programm tal-Orizzont 2020;

30.  Jistieden lill-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet eżistenti biex jikkombinaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) mal-FEIS, waqt li jitqies li dawn huma żewġ strumenti komplementari; jirrakkomanda t-taħlita ta' Fondi ESI u l-FEIS fi pjattaformi ta' investiment tematiċi u multinazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-ħolqien ta' dawn il-pjattaformi sabiex jippromwovu l-prodotti tal-Grupp tal-BEI u jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ kwalifikat u l-iżvilupp sabiex jiġu xprunati t-tkabbir kwalitattiv u l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi tal-SMEs Ewropej; jenfasizza l-fatt li EUR 75 biljun ġew allokati biex jappoġġaw lill-SMEs fi ħdan it-taqsima ddedikata għat-taqsima tal-SMEs tal-FEIS; jilqa' l-implimentazzjoni b'suċċess tal-finanzjament tal-SMEs permezz tal-FEIS fost il-proġetti approvati s'issa;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tirrevedi l-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, biex issib mod sabiex tikkumpensa bis-sħiħ għat-tnaqqis fil-baġit tal-FEIS fl-allokazzjonijiet għall-programm Orizzont 2020, minħabba l-importanza tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-SMEs;

33.  Jilqa' l-pass 'il quddiem lejn strumenti finanzjari li jappoġġaw lill-SMEs, iżda jemmen li l-għotjiet finanzjarji għandhom jinżammu fejn qed ikollhom rwol importanti u meħtieġ għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, tal-iżvilupp u tar-riċerka, li huma importanti ħafna għall-ħolqien tal-impjiegi u għas-suċċess ekonomiku ġejjieni tal-Ewropa;

34.  Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni, fil-qafas ta' approċċ olistiku lejn l-appoġġ lill-SMEs, biex jagħmlu progress sinifikanti b'aktar semplifikazzjoni tal-finanzjament tal-UE sal-2017 fir-rigward tal-applikazzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ/kontroll tal-proġetti, b'mod partikolari billi tiġi introdotta proċedura elettronika uniformi tal-akkwist pubbliku mal-UE kollha, koeżjoni elettronika kompluta, awditu uniku msejjes fuq il-prinċipju tar-riskju, it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta' data u ta' informazzjoni u l-eliminazzjoni ta' regolamentazzjoni żejda permezz ta' ottimizzazzjoni regolatorja estensiva; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jkun żgurat bilanċ tajjeb bejn is-semplifikazzjoni fuq naħa waħda, u t-tiftix u l-prevenzjoni tal-irregolaritajiet, inkluż il-frodi, min-naħa l-oħra; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal bidliet leġiżlattivi għar-regolamenti dwar il-politika ta' koeżjoni matul ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu, bl-għan li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, u b'mod partikolari għan-negozji ġodda li jixtiequ jikbru; ifakkar li, fuq il-bażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, l-akkwist elettroniku Ewropew, it-trasparenza u t-tnaqqis fl-infiq amministrattiv jistgħu jagħmlu possibbli l-iffrankar ta' EUR 50 biljun fis-sena;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tagħti bidu għal dibattitu veru u proprju mal-Parlament dwar il-qafas finanzjarju futur u dwar il-politika ta' koeżjoni għall-perjodu wara l-2020, twettaq studji kwantitattivi meħtieġa biex tkejjel l-impatt ta' politiki u strumenti ta' appoġġ għall-SMEs, li jagħmluha possibbli li titwettaq ħidma preparatorja billi jiġu mmonitorjati r-riżultati u tiġi vvalutata l-effikaċja tagħhom meta mqabbla ma' forom oħra ta' għajnuna mhux immirata lejn intrapriżi taħt ċertu daqs;

36.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċessibbiltà għal miżuri ta' finanzjament tal-UE li jagħtu appoġġ u għas-servizzi pubbliċi elettroniċi għall-SMEs li jinsabu f'żoni urbani iżgħar u f'żoni rurali, billi jittejjeb il-potenzjal ta' impjieg tagħhom u jingħata kontribut għall-iżvilupp ekonomiku f'żoni f'riskju ta' depopolazzjoni;

37.  Jistieden lill-SMEs biex inaqqsu d-disparità bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol fir-rigward tal-impjiegi u l-ħlas, fost kwistjonijiet oħrajn, billi jipprovdu jew jappoġġjaw il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, il-liv tal-persuni li jindukraw, ħinijiet tax-xogħol flessibbli għall-persuni li jindukraw, u biex jiżguraw ħlas ugwali għal xogħol ugwali bejn il-ħaddiema nisa u dawk irġiel;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi pprovduta infrastruttura tal-indukrar tat-tfal lokali sabiex tiffaċilità l-aċċess tal-ġenituri għall-forza tax-xogħol;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħtu spinta lit-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ICT u fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) sabiex il-forza tax-xogħol attwali u dik futura tkun mgħammra bil-ħiliet elettroniċi rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw programmi, bħal korsijiet online miftuħa, li jipprovdu liż-żgħażagħ qiegħda b'ħiliet elettroniċi, u jinkoraġġixxi l-provvista ta' tali korsijiet għal persuni attivi tal-ġenerazzjoni ta' 50 sena u 'l fuq.

40.  Jenfasizza l-bżonn ta' inċentivi mmirati għal negozji ġodda, SMEs, u intrapriżi mikro sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment u l-operat tagħhom, kif ukoll il-bżonn li jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta' forza tax-xogħol kwalifikata u t-taħriġ tal-impjegati;

41.  Huwa tal-fehma li l-mobilità f'apprendistati u taħriġ professjonali Ewropej għandha tissaħħaħ aktar;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-gvernijiet reġjonali, lill-istituzzjonijiet edukattivi u lis-sħab soċjali, sabiex joħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ bil-għan li jkunu jistgħu jiksbu ħiliet intraprenditorjali kif ukoll biex jagħrfu u jivvalidaw aħjar l-edukazzjoni mhux formali u l-ħiliet; jenfasizza wkoll l-importanza ta' konsulenza tan-negozju għal intraprendituri żgħażagħ u SMEs li jkunu f'fażi bikrija sabiex jissaħħu r-rati ta' suċċess u s-sostenibbiltà tal-kumpaniji u l-impjiegi;

43.  Jemmen bis-sħiħ li ċ-Ċertifikat tal-Kapumastru għandu jinżamm;

44.  Jilqa' l-programm 'Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ', li jgħin sabiex jipprovdi l-ħiliet meħtieġa liż-żgħażagħ li jkunu imprendituri bl-għarfien u l-ħiliet utli biex jibdew u/jew imexxu negozju b'suċċess; jemmen li tali programmi għandhom jiġu promossi aktar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex il-programm isir magħruf aktar fost il-gruppi mira u biex iktar żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw in-negozji tagħhom u jiksbu suċċess;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw oqfsa leġiżlattivi favorevoli biex jippromwovu u jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs jew jinċentivizzawhom biex jibdew in-negozji tagħhom, inkluż permezz ta' aċċess aħjar għal informazzjoni u pariri mfassla apposta, billi jiġi faċilitat l-aċċess għal kreditu u arranġamenti ta' finanzjament kif ukoll bil-ħolqien ta' one-stop shops; jemmen li oqfsa bħal dawn għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni ta' programmi ta' internati għall-istudenti sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu l-ewwel esperjenza prattika tagħhom f'SME, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni soċjali xierqa;

46.  Jinnota li għandhom jittieħdu miżuri biex jippermettu b'mod aħjar l-għarfien tal-kwalifiki u d-diplomi madwar l-Ewropa, inklużi diplomi u ċertifikati onlajn bħal dawk mogħtija mill-korsijiet onlajn miftuħin massivi (MOOCs), u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu jikkontribwixxu bl-għarfien u l-ħiliet tagħhom madwar l-Ewropa;

47.  Jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar l-insolvenza tan-negozji, inkluż ristrutturar bikri u ċansijiet oħra, biex tiġi indirizzata l-biża ta' falliment u jiġi żgurat li l-intraprendituri jkollhom ċans ieħor;

48.  Jenfasizza li r-responsabbiltà soċjali korporattiva għandha tradizzjoni Ewropea twila u li n-negozji responsabbli b'mod soċjali jkomplu jagħtu eżempju sal-lum; jenfasizza li l-SMEs jista' jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tat-tkabbir sostenibbli mill-aspett ambjentali, soċjali u ekonomiku;

Ambjent regolatorju favorevoli u stabbli

49.  Jitlob lill-Istati Membri biex jevitaw regolamentazzjoni żejda li tfixkel il-kompetittività tan-negozji u l-potenzjal tagħhom li joħolqu l-impjiegi; huwa tal-fehma li t-tneħħija ta' piż regolatorju u amministrattiv, flimkien mal-iżvilupp ta' regolamentazzjoni soda u sostenibbli, inkluż permezz tal-użu sistematiku ta' 'test tal-SMEs' u l-implimentazzjoni effiċjenti fl-Istati Membri, jikkostitwixxu l-mod xieraq kif jitbaxxew l-ispejjeż tal-SMEs u kif jiżdied il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li dan m'għandux inaqqas il-protezzjoni tal-ħaddiema;

50.  Huwa tal-fehma li ambjent regolatorju favorevoli u stabbli, inklużi ċ-ċarezza intrinsika tar-regoli, huwa prerekwiżit essenzjali għall-ħolqien sostenibbli ta' impjiegi ta' kwalità fl-SMEs; iqis li din iċ-ċertezza regolatorja għandha tinkludi, fost elementi oħrajn, il-liġi kuntrattwali u r-regolamentazzjoni fiskali u soċjali, il-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll ir-regolamenti dwar it-taxxa u wkoll iċ-ċertezza legali u l-effettività proċedurali; jemmen li l-istabbilità tal-ambjent regolatorju tinkiseb l-aħjar permezz ta' involviment kontinwu tas-sħab soċjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jekk l-impatt tar-rekwiżiti amministrattivi jinħass b'mod sproporzjonat minn SMEs, għandhom jiġu kkonsidrati b'mod sistematiku miżuri biex jitnaqqas il-piż u l-ostakli, filwaqt li jiġi żgurat li l-impjegati jirċievu protezzjoni xierqa tas-saħħa u s-sigurtà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ostakoli speċifiċi jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi, filwaqt li titqies il-varjetà wiesgħa ta' SMEs;

52.  Jenfasizza l-importanza ta' amministrazzjoni pubblika favorevoli, effettiva, flessibbli u li tirrispondi għall-SMEs fl-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jippromwovu l-valuri intraprenditorjali, jiffaċilitaw it-tkabbir tal-SMEs u jagħtuhom iċ-ċans li jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom fil-ġenerazzjoni ta' impjiegi ta' kwalità għolja;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-iskambji effiċjenti tal-aqwa prattika bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ambjenti regolatorji differenti għall-SMEs; jilqa', f'dan ir-rigward, in-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, li r-rwol tiegħu huwa li jtejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni mal-SMEs nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE; jinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-awtoritajiet lokali u s-settur edukattiv, li tista' tkun ta' benefiċċju għall-ħolqien tal-clusters u l-inkubaturi tan-negozju u, b'hekk, għaż-żieda tal-potenzjal tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-SMEs biex isiru membri ta' organizzazzjonijiet rappreżentattivi sabiex iwasslu leħinhom fil-livell nazzjonali u Ewropew, kif inhu l-aktar fil-każ ta' korporazzjonijiet multinazzjonali; jinkoraġġixxi wkoll lill-assoċjazzjonijiet tal-SMEs biex jappoġġjaw b'mod aħjar lill-SMEs u biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu bħala sieħeb soċjali affidabbli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu r-regoli li jaffettwaw lill-SMEs u japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju "Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir", sabiex jitneħħew piżijiet mhux ġustifikati li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs u biex tinkiseb ċertezza regolatorja u fiskali bħala prekundizzjoni għall-istabilità u l-kwalità tal-impjiegi;

55.  Jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata l-kundizzjonalità ex ante relatata mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, bil-ħsieb li jitjieb l-ambjent u l-proċeduri amministrattivi għall-iżvilupp tan-negozju u l-intraprenditorjat, kif ukoll l-użu ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

56.  Iqis li l-SMEs għandhom jibbenefikaw minn trattament tat-taxxi favorevoli għal żewġ raġunijiet speċifiċi: biex jirrimedjaw għall-inugwaljanzi bejn l-SMEs u l-kumpaniji multinazzjonali; biex jagħmluha possibbli li jintużaw riżorsi addizzjonali, flimkien mal-investiment pubbliku, biex jinħolqu l-impjiegi;

57.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinċentivaw permezz tat-tassazzjoni t-tkabbir u l-emerġenza tal-investituri informali, tal-fond inizjali u tas-setturi tal-atturi tas-suq ta' stadju bikri;

58.  Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi reġjonali u l-żbilanċi fl-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament minn banek promozzjonali nazzjonali, programmi ffinanzjati mill-UE u istituzzjonijiet oħra ta' finanzjament pubbliku u privat; jappella għal kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs kollha – b'enfasi speċjali fuq reġjuni inqas żviluppati, ifqar, aktar remoti jew iżolati li jiffaċċjaw problemi serji ta' depopolazzjoni u/jew dispersjoni, u fuq pajjiżi li kienu taħt restrizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji – biex ikollhom aċċess għal finanzjament minn strumenti finanzjarji appoġġati mill-UE filwaqt li jintużaw l-intermedjarji;

59.  Huwa tal-fehma li huwa biss b'aċċess imtejjeb għall-finanzjament permezz tal-fattur korrettiv tal-SMEs li tista' tinħoloq sitwazzjoni finanzjarja stabbli li trawwem it-tkabbir u b'hekk ssostni l-impjiegi;

60.   Jenfasizza li l-mikrokreditu, li hu mmirat l-aktar għall-mikroimprendituri u persuni f'pożizzjoni żvantaġġata li jixtiequ jaħdmu għal rashom, huwa mezz biex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess għas-servizzi bankarji tradizzjonali; jilqa' l-inizjattivi ta' simplifikazzjoni intelliġenti bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-valutazzjoni ta' proġetti li jeħtieġu l-mikrokrediti; jilqa' wkoll miżuri ta' kontabbiltà li huma mmirati għall-intermedjarji finanzjarji, li mhumiex ta' piż żejjed jew ma jżidux l-ispejjeż b'mod mhux raġonevoli;

61.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-insolvenza u r-riskji ta' falliment għall-SMEs li qed jiffaċċjaw dewmien fil-ħlasijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-infurzar tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tardivi; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex iqisu mekkaniżmi finanzjarji xierqa, bħall-garanziji tal-bank;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq ir-regolament ta' qafas Ewropew biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' swieq ta' finanzjament kollettiv u investiment kollettiv pan-Ewropej;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-titolizzazzjoni tas-self lill-kumpaniji mikro u lill-SMEs biex jiżdied il-kreditu li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-qafas regolatorju għan-negozji soċjali;

65.  Jirrikonoxxi l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni, tal-ħtiġijiet speċifiċi u tad-diffikultajiet fir-rigward tal-konformità mill-intrapriżi mikro u żgħar fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri OSH fil-livell tal-kumpanija; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju ta' prattiki tajbin, konsultazzjoni, gwidi għall-utent li jinftiehmu faċilment u pjattaformi onlajn huma ta' importanza kbira biex jgħinu lill-SMEs u l-intrapriżi mikro jikkonformaw b'mod aktar effettiv ma' rekwiżiti regolatorji tal-OSH; jistieden lill-Kummissjoni, l-EU-OSHA u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw għodod u linji gwida prattiċi, li se jiffaċilitaw il-konformità tal-SMEs u tal-intrapriżi mikro mar-rekwiżiti tal-OSH;

66.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA) tal-EU-OSHA kif ukoll għodod elettroniċi oħra fl-Istati Membri li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tar-riskju u għandhom l-għan li jippromwovu l-konformità u kultura ta' prevenzjoni, b'mod partikolari f'intrapriżi mikro u żgħar; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi Ewropej għal azzjonijiet tal-OSH b'mod ġenerali u l-iżvilupp ta' għodod elettroniċi b'mod partikolari bil-għan li jappoġġjaw lill-SMEs;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tqis in-natura speċifika u s-sitwazzjoni tal-SMEs u l-intrapriżi mikro meta tirrevedi l-qafas strateġiku sabiex tgħin lil dawn il-kumpaniji jilħqu l-objettivi stabbiliti fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

68.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, meta jkun xieraq u fil-qafas tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew speċifiċi għal kull pajjiż, tadotta approċċ differenzjat sabiex jittejjeb l-ambjent għall-SMEs, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull pajjiż u d-differenzi strutturali speċifiċi tar-reġjuni tal-UE, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq l-SMEs, b'mod partikolari l-mikrointrapriżi;

69.  Jinnota li l-Objettiv Tematiku 3 – "Insaħħu l-kompetittività tal-SMEs" – wassal lill-Istati Membri biex jinkludu enfasi fuq it-tisħiħ tat-tkabbir u tal-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi għall-SMEs fil-programmi operazzjonali; jenfasizza li la l-kriżijiet ġejjiena mhux mistennija fl-UE kollha u lanqas l-inizjattivi ewlenin m'għandhom jirriżultaw fi tnaqqis fl-impenji jew pagamenti relatati mal-Objettiv Tematiku 3 u l-istrumenti rilevanti taħt l-Intestatura 1b tal-baġit ġenerali tal-UE; jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom pożizzjoni ta' ekwità dgħajfa, u għalhekk jenfasizza li d-dewmien fil-pagamenti għal fatturi taħt il-politika ta' koeżjoni għandu jiġi minimizzat sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' insolvenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex itejbu aktar ir-ritmu tal-pagamenti lill-SMEs;

70.  Jenfasizza li kemm ir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 juru diverġenzi reġjonali fl-ambjent tal-SMEs u differenzi oħra li għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv mill-Istati Membri qabel tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, flimkien ma' sforzi biex isir progress fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs billi jitneħħew l-ostakoli mhux tariffarji;

71.  Jistieden lill-Istati Membri b'deċentralizzazzjoni limitata tal-ġestjoni tal-finanzjament mill-UE biex ixeqilbu l-bilanċ tal-kapaċità amministrattiva għall-għajnuna teknika u s-sistemi ta' appoġġ lokali u reġjonali, fosthom aċċess imtejjeb għall-finanzjament u soluzzjonijiet tal-informazzjoni, għall-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) lejn l-awtoritajiet lokali, peress li dan se jippermetti riżultati u rati ta' assorbiment li jkunu reġjonalment iktar ibbilanċjati, b'mod partikolari f'reġjuni inqas żviluppati.

72.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinġiebu flimkien l-iżviluppaturi tan-negozju u l-inkubaturi tan-negozju, bil-għan li n-negozji l-ġodda jsiru għodda importanti għall-ħolqien tal-impjiegi dejjiema u li jinżamm il-potenzjal fi ħdan il-kumpaniji, u b'hekk jiġi skoraġġit "il-bejgħ ta' idea importanti" għall-profitt pur;

73.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi faċilitat l-aċċess għas-suq uniku billi jitneħħew l-ostakoli amministrattivi mhux ġustifikati li fadal u permezz tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta, id-distorsjonijiet fis-suq, l-impjieg indipendenti fittizju u l-"letterbox companies"; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għas-suq nazzjonali tagħhom għall-SMEs, b'mod partikolari fil-provvediment ta' servizzi transfruntiera; jilqa' f'dan ir-rigward il-fokus b'saħħtu fuq l-SMEs fl-Istrateġija għas-Suq Uniku tal-2015 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isegwu l-inizjattivi pożittivi b'miżuri speċifiċi li huma tanġibbli għal SMEs;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw oqfsa leġiżlattivi favorevoli biex jinbdew negozji bħala wieħed mill-modi biex tiġi indirizzata l-ekonomija sewda, li tqiegħed fi żvantaġġ b'mod partikolari l-SMEs, u biex jagħmlu użu sħiħ mill-pjattaforma ġdida biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat; jirrikonoxxi li r-reċessjoni ekonomika u l-miżuri implimentati minn ħafna Stati Membri kkontribwixxew għat-tkabbir tal-ekonomija sewda;

75.  Huwa fermament konvint li l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol tkun impossibbli mingħajr appoġġ attiv u solidu minn intrapriżi mikro u intrapriżi żgħar u medji fl-UE;

76.  Jenfasizza li taħriġ lingwistiku komprensiv għar-rifuġjati huwa tal-ikbar importanza; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jibda kemm jista' jkun malajr u li l-għarfien tal-lingwa relatat mal-impjieg huwa essenzjali biex ir-rifuġjati jkunu jistgħu jintegraw ruħhom fil-kumpaniji;

77.  Jenfasizza li aktar sforzi u inċentivi huma meħtieġa sabiex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' SMEs, inklużi intrapriżi soċjali u mikrointrapriżi, minn persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, u li għandha tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-iżvilupp ta' ħiliet tul il-ħajja u l-għoti ta' pariri huma għodda importanti biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet tal-Istati Membri xierqa għandhom jipprovdu lill-SMEs b'appoġġ u pariri dwar l-integrazzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;

78.  Jitlob li l-mikrointrapriżi u l-SMEs ma għandhomx ikunu meħtieġa bl-ebda mod li jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja dwar l-impenn soċjali volontarju tagħhom; jenfasizza li dan l-iżvelar jista' jiġġenera spejjeż burokratiċi għolja b'mod sproporzjonat u jipperikola, aktar milli jrawwem, l-impenn soċjali mid-ditti;

79.  Jenfasizza li l-fatt li huwa, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (CSR)[13], għamilha assolutament ċara li f'soċjetà ħielsa, is-CSR qatt ma tista' tagħmel azzjoni ta' karità obbligatorja; huwa fermament konvint li jekk is-CSR kellha ssir obbligatorja, in-nies ikunu inqas lesti li jappoġġjaw il-kawżi ta' karità;

80.  Jenfasizza li l-industrija tal-impjieg temporanju hija b'mod partikolari importanti għall-SMEs u għandha titqies b'mod aktar sfumat, u dan huwa b'mod partikolari l-każ għas-sistemi kollettivi tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw il-forom kollha ta' impjieg temporanju, b'mod partikolari dawk li jaġixxu bħala pont għall-impjieg permanenti;

Kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni

81.  Jinnota li, f'xi każijiet, il-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni tista' tirriżulta f'vantaġġ li prinċipalment huwa ta' benefiċċju għall-operaturi kbar tas-suq, li huma kkaratterizzati minn ekonomiji ta' skala akbar mill-SMEs; jenfasizza f'dan ir-rigward li r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandhom jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għal intrapriżi żgħar, ta' daqs medju u kbar biex jingħeleb in-nuqqas ta' ekonomiji ta' skala tal-SMEs u b'hekk tiġi permessa l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u tingħata spinta lill-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-kuntest ta' ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

82.  Jappella lill-korpi pubbliċi tal-Istati Membri biex b'mod uffiċjali jillimitaw lilhom infushom għas-settur statutorju tagħhom meta jipprovdu s-servizzi sabiex il-pożizzjoni tat-taxxa speċjali tagħhom ma twassalx biex ikun hemm SMEs li qed ibatu minħabba l-fatt li kien hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni;

83.  Jindika li l-SMEs madwar l-Ewropa huma karatterizzati minn varjetà ta' mudelli tan-negozju u forom legali u li għandhom jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għalihom kollha, inklużi l-atturi tal-ekonomija soċjali;

84.  Huwa tal-fehma li l-aċċess inugwali tal-SMEs għas-swieq, għall-informazzjoni, għall-konsulenza, għas-servizzi pubbliċi, għall-ħiliet u għall-finanzi madwar l-UE huwa detrimentali għall-prospetti tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi, u huwa r-riżultat ta' għadd ta' differenzi strutturali f'termini tal-iskala u l-prestazzjoni tal-intrapriżi; iqis, għalhekk, li dawn id-differenzi għandhom jitqiesu meta tiġi evalwata l-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-suq intern;

85.  Iqis li immaġini ta' SME bħala impjegatur attraenti, ibbażata fuq kundizzjonijiet tajbin ta' ħidma u ta' impjieg, hija ta' vantaġġ kompetittiv importanti fir-rigward tar-reklutaġġ ta' persunal ikkwalifikat;

86.  Huwa tal-fehma li r-regolamenti jservu l-interess ġenerali u li huma maħsuba, fost objettivi oħrajn, biex jistabbilixxu suq kompetittiv u ġust, jipproteġu lill-impjegati, jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà, jippromwovu l-innovazzjoni u jippreservaw l-ambjent naturali; jenfasizza l-bżonn urġenti għal qafas regolatorju ċar u effettiv li ma jikkawżax piżijiet burokratiċi mhux meħtieġa fuq l-SMEs meta jiġu biex japplikaw għalih;

87.  Jinnota li fir-reġjuni fejn l-iżvilupp ekonomiku huwa ffokat fuq l-attrazzjoni ta' investiment dirett barrani (IDB), il-kumpaniji multinazzjonali jistgħu f'xi każijiet jiġu ttrattati b'mod preferenzjali fi kwistjonijiet leġiżlattivi; jemmen li trattament preferenzjali ta' kumpaniji multinazzjonali għandu jkun eżaminati bil-ħsieb li jitnaqqas l-impatt negattiv potenzjali tiegħu fuq l-SMEs, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-SMEs u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta' ħolqien ta' impjiegi; jirrikonoxxi wkoll il-fatt li ħafna SMEs jinħolqu biex jappoġġjaw lill-kumpaniji multinazzjonali u lill-impjegati tagħhom permezz tal-provvista ta' prodotti tal-katina tal-provvista u servizzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir sorveljanza mill-qrib tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema f'dawn il-każijiet, u jilqa' wkoll il-mossa tal-OECD biex tiżdied it-trasparenza fis-sistema fiskali internazzjonali u jappella għal implimentazzjoni rapida tal-miżuri BEPS;

88.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw il-prinċipju tat-tassazzjoni fuq id-dħul fil-post fejn tiġi ġġenerata u miżuri oħrajn kontra l-prattiki tat-trasferimenti tal-profitti tal-korporazzjonijiet multinazzjonali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-SMEs b'hekk jiġi mtejjeb il-potenzjali tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi;

89.  Jinnota li qafas regolatorju mtejjeb, u infurzartal-liġi effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ekonomija klandestina u tal-evitar tat-taxxa;

90.  Huwa tal-opinjoni li l-ftehimiet tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi għandhom iqisu d-differenzi strutturali speċifiċi tar-reġjuni tal-UE fis-settur tal-SMEs madwar l-Unjoni, u jevalwaw l-impatt tagħhom fuq perspettivi futuri ta' impjieg u dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-pagi tal-impjegati tal-SMEs;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-ftehim propost tat-TTIP u tagħti status tal-ekonomija tas-suq liċ-Ċina dwar l-għadd u l-kwalità tal-impjiegi fis-settur tal-SMEs fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li valutazzjoni tal-impatt bħal din għandha tinkludi analiżi dettaljata tat-tipi ta' SMEs u setturi li jistgħu jiġu affettwati;

92.  Jinnota l-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal evalwazzjoni tal-potenzjal , tal-benefiċċji u tal-isfidi għall-SMEs fir-rigward tat-tkabbir u tal-potenzjal ta' ħolqien tal-impjiegi tagħhom fl-Istati Membri differenti, kif ukoll fir-rigward tal-impatt fuq fil-ħaddiema u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-SMEs biex jadattaw u jimxu gradwalment fis-Suq Uniku Diġitali;

93.   Jemmen li l-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku (gvern elettroniku) u ż-żieda fid-disponibbiltà tal-broadband f'żoni remoti għandhom inaqqsu l-ispejjeż ta' stabbiliment u dawk operattivi għall-SMEs, u għalhekk jippermettulhom li jkomplu jżidu l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi;

94.  Iħeġġeġ lill-SMEs biex jippromwovu t-telexogħol u x-xogħol intelliġenti, li huma għodod effettivi għat-tnaqqis tal-ispejjeż materjali tal-kumpaniji u biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsibu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali tagħhom b'mod aħjar;

95.  Jilqa' l-preżenza tal-portali ta' informazzjoni mmirati speċifikament għall-SMEs, bħall-'Portal dwar l-Aċċess għall-Finanzi' fuq L-Ewropa Tiegħek, u jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb aktar il-funzjonalità u l-aċċessibbiltà tagħhom u biex tibdilhom fi strumenti aktar interattivi; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li l-Portal Diġitali Uniku l-ġdid imħabbar fl-Istrateġija għas-Suq Uniku jitwassal b'mod effettiv bħala punt ta' aċċess onlajn għall-informazzjoni u s-servizzi kollha relatati mas-suq uniku;

96.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 18.
  • [2]  Testi adottati, P7_TA(2013)0036.
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
  • [4]  Testi adottati, P7_TA(2014)0459.
  • [5]  Test adottat, P8_TA(2015)0321.
  • [6]  Test adottat, P8_TA(2015)0264.
  • [7]  Testi adottati, P7_TA(2012)0387.
  • [8]  Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 (http://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/performance-review/index_en.htm)    
  • [9]  Data minn Frar 2016 (http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/7225076/3-04042016-BP-EN.pdf/e04dadf1-8c8b-4d9b-af51-bfc2d5ab8c4a)
  • [10]  Rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem "Employee representation at establishment level in Europe" (Rappreżentanza tal-impjegati fil-livell ta' stabbiliment fl-Ewropa).
  • [11]  Pubblikazzjoni tas-CECOP tal-2013 bl-isem "Business Transfers to Employees under the Form of a Cooperative in Europe" (Trasferimenti ta' Negozji lill-Impjegati taħt il-Forma ta' Kooperattiva fl-Ewropa).
  • [12]  Test adottat, P8_TA(2015)0264.
  • [13]  Testi adottati, P7_TA(2013)0049.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-qgħad u l-flussi tal-migrazzjoni huma l-akbar sfidi li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa bħalissa, b'bosta implikazzjonijiet għall-ġejjieni. Il-qgħad għoli jhedded il-perspettivi demografiċi, minħabba li ħafna żgħażagħ mingħajr xogħol qed idumu biex jibdew jibnu familja. Bħala konsegwenza aktar fit-tul, din is-sitwazzjoni tpoġġi pressjoni fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-iskemi tal-pensjonijiet, li wkoll tikkostitwixxi theddida għall-ġejjieni tal-ġenerazzjoni attwali. Il-qgħad għoli fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa jikkawża flussi kbar ħafna ta' żgħażagħ mill-periferija lejn iċ-ċentru, filwaqt li joħloq tensjonijiet soċjali fil-pajjiżi ospitanti, kif inhu l-każ, pereżempju, fir-Renju Unit.

L-għadd ta' persuni qiegħda madwar l-UE għadu storikament għoli. Dawn jinkludu 23 miljun fl-2015 b'4.5 miljun żgħażugħ u żgħażugħa taħt l-età ta' 25 sena jinsabu barra mid-dinja tax-xogħol jew mill-edukazzjoni. Il-wasla riċenti ta' mijiet ta' eluf ta' immigranti hija sfida soċjali oħra kbira ħafna minħabba li huma meħtieġa aktar u aktar impjiegi sabiex ikunu integrati sewwa n-nies li jistabbilixxu ruħhom fl-Ewropa.

Fid-dawl ta' dawn l-isfidi, it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-Istati Membri kollha tal-UE - kemm dawk periferali kif ukoll dawk ċentrali - sar punt kruċjali. L-istruttura ekonomika Ewropea hija primarjament ibbażata fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bħala sorsi ta' impjiegi ġodda u mutur tal-ekonomija tal-Ewropa. Fl-aħħar deċennju, l-SMEs ħolqu 85 % tal-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa. Fl-2015, il-qasam tan-negozji ż-żgħar ikkontribwixxa sa 71 % tat-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija tan-negozju mhux finanzjarju. Għalhekk, l-SMEs għandhom ikunu l-punt ċentrali fit-tiswir tal-politika dwar l-intrapriżi fl-Unjoni Ewropea u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa kollha sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta' dan is-settur. Dan huwa possibbli biss abbażi ta' dijanjożi fil-fond tar-restrizzjonijiet eżistenti. Ir-rapport joffri tali analiżi tal-problema.

L-SMEs huma grupp eteroġenju u hemm varjetà ta' mudelli ta' negozji żgħar fl-Ewropa. Ġew identifikati differenzi ewlenin fid-daqsijiet tal-intrapriżi u l-impatt ekonomiku tagħhom; pereżempju, l-akbar SMEs min-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll mill-Ewropa Ċentrali u mil-Lvant tal-Ewropa jistgħu jitqiesu bħala kumpaniji żgħar meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom fil-Punent. Fl-istess ħin, minkejja r-regoli tas-suq intern, qegħdin jippersistu diverġenzi importanti madwar l-Unjoni Ewropea f'termini tal-qafas regolatorju tal-SMEs, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' stabilità u ċertezza tiegħu.

Ir-rapport jenfasizza li sabiex jinkiseb ambjent b'saħħtu għall-iżvilupp tan-negozju u tingħata spinta lill-potenzjal tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi, il-politiki nazzjonali u Ewropej għandhom, bħala prijorità, jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-ħiliet (in-nuqqas ta' ħiliet, l-ispariġġ tal-ħiliet, l-eżodu ta' mħuħ), l-inċertezza regolatorja u l-piżijiet amministrattivi, kif ukoll il-problema tax-xogħol mhux iddikjarat u l-pożizzjoni privileġġata de facto ta' kumpaniji multinazzjonali.

Filwaqt li fl-ekonomiji stabbli, it-tkabbir jiġi ġġenerat abbażi ta' interazzjoni effikaċi bejn l-SMEs u kumpaniji kbar, f'ħafna Stati Membri fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa, iċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli qegħdin joħonqu l-iżvilupp xieraq tal-SMEs. Barra minn hekk, fl-ekonomiji ffokati fuq l-attrazzjoni ta' investimenti barranin, ir-rappreżentanti tan-negozji jirrapportaw attitudnijiet diskriminatorji lejn l-intrapriżi żgħar u mikro mill-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari fil-livell fiskali u fil-livell ġudizzjarju. L-organizzazzjonijiet u n-netwerks rappreżentattivi tal-SMEs huma ġeneralment inqas żviluppati fl-Istati Membri l-ġodda u l-pożizzjoni tagħhom vis a vis l-amministrazzjoni nazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji hija dgħajfa. F'dan ir-reġjun, l-SMEs jiffaċċjaw ukoll il-problema ta' kapitalizzazzjoni baxxa, li twassal għal pożizzjoni dgħajfa fis-suq u timblokka l-kompetizzjoni ġusta.

In-nuqqas ta' stabilità makroekonomika, kif ukoll ta' regolamenti prevedibbli u trasparenti, jirriżultaw fil-fatt li l-SMEs f'ħafna pajjiżi li ngħaqdu mal-Unjoni wara l-2004 u fil-pajjiżi fejn kien hemm il-kriżi taż-Żona tal-Euro jsofru minn kundizzjonijiet ta' żvilupp xejn favorevoli.

Għalhekk, meta jissawwar il-qafas regolatorju tal-UE, l-analiżi tal-impatt tal-politika għandha tagħmel id-differenza bejn kumpaniji multinazzjonali u SMEs. Fl-istess ħin, għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni lid-differenzjazzjoni reġjonali b'saħħitha fost l-Istati Membri meta jiġu vvalutati u mkejla r-riżultati tal-politika tal-UE. Fid-dawl tal-ostakoli diverġenti għall-ħolqien tal-impjiegi, il-prinċipju ta' “universalità” wera li huwa diskriminatorju għas-settur tal-SMEs.

Ir-rapport jenfasizza l-importanza ta' ambjent regolatorju stabbli, titjib tal-kwalità tar-regolamentazzjoni u infurzar, bħala l-mod xieraq kif jitnaqqsu l-piżijiet minn fuq l-SMEs, inklużi l-ispejjeż tax-xogħol. Dan huwa prerekwiżit essenzjali għall-perennità tal-impjiegi u għall-potenzjal tal-SMEs li joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja.

F'dan il-kuntest, tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-ħiliet. B'mod partikolari, ir-rapport jilqa' l-iżvilupp ulterjuri ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jiffaċilitaw l-apprendistati u t-tagħlim ibbażati fuq il-ħidma.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jenfasizza n-neċessità tal-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-SMEs fir-rigward tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom meta mqabbla ma' korporazzjonijiet kbar. Negozju żgħir u lokali huwa partikolarment żvantaġġjat f'sistemi amministrattivi burokratizzati u rregolati b'mod eċċessiv, minħabba li dawn jikkawżaw spejjeż fissi ogħla għall-intrapriżi. F'xi każijiet, il-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni nnifisha tirriżulta fl-għoti ta' privileġġi lill-operaturi kbar ikkaratterizzati minn effiċjenza ekonomika aħjar minn dik tal-SMEs. Ir-rapport jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi għall-SMEs sabiex irażżnu d-diżekonomiji fis-suq tagħhom, sabiex b'hekk jippermettu l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u jagħtu spinta lill-potenzjal tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi.

Ir-rapport jenfasizza wkoll il-'paradoss tas-suq tax-xogħol' b'madwar 2 miljun impjieg li ma jistgħux jiġu ssodisfati faċilment minħabba l-ispariġġ tal-ħiliet fil-qasam tax-xogħol fl-Ewropa. Jistgħu jiġu salvati xi impjiegi oħrajn fl-SMEs jekk l-imprendituri jevitaw li jagħlqu n-negozju tagħhom, speċjalment minħabba l-kapitalizzazzjoni baxxa, il-ħlasijiet tard mill-kuntratturi, il-kumplessità tal-proċessi ta' suċċessjoni u trasferimenti tan-negozji, il-kompetizzjoni inġusta mill-ekonomija klandestina u minħabba xi prattiki abbużivi ta' korporazzjonijiet multinazzjonali.

Fuq kollox, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-prinċipju 'L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir' u jipprovdu oqfsa leġiżlattivi favorevoli għall-SMEs li jkunu għadhom kif inħolqu.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (24.5.2016)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar kif nisfruttaw bl-aħjar mod il-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi tal-impriżi żgħar u medji (SMEs)?
(2015/2320(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Liadh Ní Riada

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u bi kwalifiki għoljin fuq perjodu twil u għall-potenzjal tal-SMEs li joħolqu impjiegi deċenti u sostenibbli;

B.  billi l-aċċess għall-finanzjament għadu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs, partikolarment fil-każ ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali, minħabba, fost oħrajn, in-nuqqas ta' firxa diversifikata biżżejjed ta' strumenti ta' ekwità u ta' kapital ta' riskju fl-Unjoni kollha, li hija meħtieġa tul il-perkors tat-tkabbir ta' kumpanija;

C.  billi l-SME għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

D.  billi minkejja li 90 % tat-tkabbir globali jseħħ barra mill-UE, 13 % biss tal-SMEs kienu attivi internazzjonalment barra mill-UE;

1.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ kwalifikat u l-iżvilupp sabiex jiġu xprunati t-tkabbir kwalitattiv u l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi tal-SMEs Ewropej; jenfasizza l-fatt li EUR 75 biljun ġew allokati biex jappoġġaw lill-SMEs fi ħdan it-taqsima ddedikata għall-SMEs tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); jilqa' l-implimentazzjoni b'suċċess tal-finanzjament tal-SMEs permezz tal-FEIS fost il-proġetti approvati s'issa;

2.  Jilqa' l-pass 'il quddiem lejn strumenti finanzjari li jappoġġaw lill-SMEs, iżda jemmen li l-għotjiet finanzjarji għandhom jinżammu fejn qed ikollhom rwol importanti u meħtieġ għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, tal-iżvilupp u tar-riċerka, li huma importanti ħafna għall-ħolqien tal-impjiegi u għas-suċċess ekonomiku ġejjieni tal-Ewropa;

3.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li ssaħħaħ il-bażi industrijali tagħha billi stabbiliet il-mira li l-produzzjoni industrijali tammonta għal mill-inqas 20 % tal-PDG sal-2020, li għandha tiżdied għal 30 % sal-2030; iqis li dan huwa prerekwiżit essenzjali għal titjib effikaċi tas-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Ewropa;

4.  Jinnota li l-SMEs fl-Istati Membri li m'għandhomx banek ta' investiment pubbliku jistgħu jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma' dawk f'pajjiżi li għandhom banek ta' investiment pubbliku, minħabba li l-valutazzjoni tal-interess pubbliku mhijiex prijorità għal istituzzjonijiet bankarji privati;

5.  Jilqa' inizjattivi għas-simplifikazzjoni intelliġenti li għandhom l-għan li jtejbu l-proċessi ta' applikazzjoni u l-valutazzjoni ex-ante tal-proġetti, b'mod partikolari fil-każ ta' mikrofinanzjament; jilqa' wkoll miżuri ta' kontabbiltà li huma mmirati għall-intermedjarji finanzjarji, li mhumiex ta' piż żejjed fuq l-SMEs jew ma jżidux l-ispejjeż b'mod mhux raġonevoli;

6.  Jinsisti li għandu jissaħħaħ l-appoġġ kemm pubbliku kif ukoll privat għaż-żgħażagħ – li jiddirieġi l-investiment lejn l-edukazzjoni u l-ħiliet, jgħin liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet intraprenditorjali u finanzjarji u jwassal biex tintlaħaq id-domanda tal-SMEs għal ħaddiema mħarrġa; jenfasizza li dan l-appoġġ għandu jingħata kemm biex jiġi stabbilit negozju kif ukoll għal titjib fit-tmexxija u l-ġestjoni ta' negozji diġà stabbiliti, inklużi għal negozji li jwettqu jew li għandhom il-ħsieb li jwettqu l-attività kummerċjali tagħhom lil hinn mill-fruntieri tal-UE; jinnota li l-intraprendituri nisa spiss iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli addizzjonali, u jenfasizza li għandu jsir aktar biex jiġi liberat il-potenzjal tagħhom bħala ħallieqa ta' impjiegi u mutur għat-tkabbir ekonomiku; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan bħala miżura ta' suċċess jew ta' falliment fir-rapporti tagħha lill-Parlament, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aktar appoġġ għall-intraprenditorija femminili, minħabba li n-nisa għad iridu jegħlbu l-ostakoli konsiderevoli tal-ġeneru sabiex jistabbilixxu u jiżviluppaw negozju;

7.  Jenfasizza li għandu jkun hemm aktar sforzi u inċentivi, speċjalment għal nisa u migranti biex dawn isiru intraprendituri u b'hekk tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, fl-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni u l-asil; iqis, b'mod partikolari, li fil-qafas tal-miżuri speċifiċi li qegħdin jittieħdu biex l-Istati Membri jiġu megħjuna fl-isforzi tagħhom għat-trawwim tal-insedjament u tal-integrazzjoni ta' komunitajiet ta' migranti, it-tisħiħ u l-iffaċilitar tal-possibbiltajiet għall-migranti li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali biex jistabbilixxu mikrointrapriżi, intrapriżi soċjali u SMEs lil hinn milli jingħataw aċċess għas-suq tax-xogħol, jgħinu biex jiġu avvanzati l-objettivi tal-UE ta' integrazzjoni lokali, reġjonali u nazzjonali, u koeżjoni territorjali ta' livell ogħla fl-UE;

8.  Jemmen fil-potenzjal enormi li joffri s-Suq Diġitali Uniku għall-ħolqien ta' impjiegi, u huwa tal-fehma li l-politiki tal-UE għandhom jirriflettu d-domandi l-ġodda tas-suq tax-xogħol minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-industrija;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi reġjonali u l-żbilanċi fl-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament minn banek promozzjonali nazzjonali, programmi ffinanzjati mill-UE u istituzzjonijiet oħra ta' finanzjament pubbliku u privat; jappella għal kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs kollha – b'enfasi speċjali fuq reġjuni inqas żviluppati, ifqar, aktar remoti jew iżolati li jiffaċċjaw problemi serji ta' depopolazzjoni u/jew dispersjoni, u fuq pajjiżi li kienu taħt restrizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji – biex ikollhom aċċess għal finanzjament minn strumenti finanzjarji appoġġati mill-UE filwaqt li jintużaw l-intermedjarji;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tagħti bidu għal dibattitu veru u proprju mal-Parlament dwar il-qafas finanzjarju futur u dwar il-politika ta' koeżjoni għall-perjodu wara l-2020, twettaq studji kwantitattivi meħtieġa biex tkejjel l-impatt ta' politiki u strumenti ta' appoġġ għall-SMEs, li jagħmluha possibbli li titwettaq ħidma preparatorja billi jiġu mmonitorjati r-riżultati u tiġi vvalutata l-effikaċja tagħhom meta mqabbla ma' forom oħra ta' għajnuna mhux immirata lejn intrapriżi taħt ċertu daqs;

11.  Jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni jżommu lill-Parlament infurmat dwar miżuri konkreti li ttieħdu s'issa biex jitjieb l-aċċess għall-finanzjament tal-kooperattivi u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li, flimkien mal-SMEs, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità aktar sostenibbli u deċenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu kanali ta' informazzjoni u taħriġ għan-negozji u għall-intraprendituri ż-żgħar dwar id-diversi possibbiltajiet ta' finanzjament Ewropew li huma jistgħu jaċċessaw, sabiex ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli lilhom taħt il-baġit Ewropew; jappella għall-akbar simplifikazzjoni possibbli f'termini kemm ta' dokumenti kif ukoll ta' proċeduri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawn l-istrumenti finanzjarji, kif ukoll flessibbiltà akbar f'dan ir-rigward.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (25.5.2016)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar kif nisfruttaw bl-aħjar mod il-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi tal-impriżi żgħar u medji (SMEs)?
(2015/2320(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andrey Novakov

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq il-faċilitazzjoni ta' taħlita adegwata ta' finanzjament tal-UE għall-SMEs (inkluż, b'mod partikolari, l-impjieg indipendenti) – li tkun tikkonsisti f'għotjiet, self, garanziji, ekwità u mikrofinanzjament, skont il-post, is-settur u l-fażi taċ-ċiklu tal-ħajja – fil-perspettiva tar-rwol dejjem jikber tal-istrumenti finanzjarji u s-sinerġiji bejn l-istrumenti ffinanzjati mill-baġit tal-UE permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u permezz ta' programmi ta' ġestjoni diretta bħal Orizzont 2020, b'mod partikolari l-istrument għall-SMEs taħt Orizzont 2020, il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (PSCI), COSME LIFE u Erasmus +; jinnota li huwa importanti li jiġu analizzati mezzi għall-implimentazzjoni aħjar ta' dawn il-programmi; jissuġġerixxi li l-istrumenti finanzjarji, użati b'mod konsistenti mal-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jistgħu jibbenefikaw mill-għoti ta' informazzjoni aħjar u evidenza empirika dwar l-impatt tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida ċari li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom għandhom jintużaw għotjiet, self jew garanziji; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-użu tal-istrument għall-SMEs fl-Istati Membri, u tispeċifika r-raġunijiet tal-Istati Membri għalfejn jużaw jew ma jużawx l-istrument;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffokaw l-isforzi fuq reġjuni b'użu baxx tal-istrumenti finanzjarji, fosthom il-finanzjament għat-tkabbir għat-tranżizzjoni minn negozji ġodda (start-ups) għal SMEs, fid-dawl tar-rwol importanti tal-prodotti finanzjarji fil-programmi operattivi, il-FEIS u l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi lill-SMEs f'reġjuni li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' reċessjoni, qgħad fit-tul jew il-kriżi tar-rifuġjati;

3.  Jistieden lill-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet eżistenti biex jikkombinaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) mal-FEIS, waqt li jitqies li dawn huma żewġ strumenti komplementari; jirrakkomanda t-taħlita ta' Fondi ESI u l-FEIS fi pjattaformi ta' investiment tematiċi u multinazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-ħolqien ta' dawn il-pjattaformi sabiex jippromwovu l-prodotti tal-Grupp tal-BEI u jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi;

4.  Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni, fil-qafas ta' approċċ olistiku lejn l-appoġġ lill-SMEs, biex jagħmlu progress sinifikanti b'aktar semplifikazzjoni tal-finanzjament tal-UE sal-2017 fir-rigward tal-applikazzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ/kontroll tal-proġetti, b'mod partikolari billi tiġi introdotta proċedura elettronika uniformi tal-akkwist pubbliku mal-UE kollha, koeżjoni elettronika kompluta, awditu uniku msejjes fuq il-prinċipju tar-riskju, it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta' data u ta' informazzjoni u l-eliminazzjoni ta' regolamentazzjoni żejda permezz ta' ottimizzazzjoni regolatorja estensiva; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jkun żgurat bilanċ tajjeb bejn is-semplifikazzjoni fuq naħa waħda, u t-tiftix u l-prevenzjoni tal-irregolaritajiet, inkluż il-frodi, min-naħa l-oħra; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal bidliet leġiżlattivi għar-regolamenti dwar il-politika ta' koeżjoni matul ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu, bl-għan li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, u b'mod partikolari għan-negozji ġodda li jixtiequ jikbru; ifakkar li, fuq il-bażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, l-akkwist elettroniku Ewropew, it-trasparenza u t-tnaqqis fl-infiq amministrattiv jistgħu jagħmlu possibbli l-iffrankar ta' EUR 50 biljun fis-sena;

5.  Jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata l-kundizzjonalità ex ante relatata mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, bil-ħsieb li jitjieb l-ambjent u l-proċeduri amministrattivi għall-iżvilupp tan-negozju u l-intraprenditorjat, kif ukoll l-użu ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

6.  Jenfasizza li l-mikrokreditu, li hu mmirat l-aktar għall-mikroimprendituri u l-persuni żvantaġġati li jixtiequ jaħdmu għal rashom, huwa kruċjali biex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess għas-servizzi bankarji tradizzjonali;

7.  Jenfasizza r-rwol ta' leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem u l-faċilitazzjoni tal-proċess fil-kuntest ta' żviluppi rapidi fis-settur tal-SMEs intensivi fl-għarfien u innovattivi ħafna, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija kooperattiva, jissottolinja r-rwol tagħhom fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u b'kont meħud tal-Aġenda Urbana tal-UE, kif ukoll b'ħarsa 'l quddiem lejn il-Patt ta' Amsterdam u r-rwol ta' strutturi ta' netwerking u ta' koordinazzjoni bħall-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;

8.  Jissottolinja li għall-SMEs, il-faċilitazzjoni tal-approċċ ta' tliet spirali (Triple Helix) tista' tagħti spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiġi megħlub id-distakk fil-ħiliet li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-SMEs innovattivi; jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ li tagħmel enfasi fuq il-faċilitazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu biex jingħalaq id-distakk fil-ħiliet fir-rigward tal-ħiliet fl-ICT li huma essenzjali għal SMEs innovattivi;

10.  Jenfasizza l-importanza li jitħeġġu u jiġu appoġġati l-assoċjazzjonijiet u l-impriżi tas-settur privat li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar is-swieq u standards, pariri dwar l-istrateġiji, u aċċess għat-teknoloġija u l-innovazzjoni flimkien ma' pakketti ta' finanzjament adegwati biex jippromwovi għodod - bħall-analiżi tal-katina tal-valur - li jippermettu lill-intraprendituri jaraw liema problemi u sfidi jeħtiġilhom jindirizzaw, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħhom kif ukoll lil hinn minnhom, u x'tip ta' sħab jeħtieġu biex jgħinuhom;

11.  Jinnota li l-Objettiv Tematiku 3 - "Insaħħu l-kompetittività tal-SMEs" - wassal lill-Istati Membri biex jinkludu enfasi fuq it-tisħiħ tat-tkabbir u tal-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi għall-SMEs fil-programmi operazzjonali; jenfasizza li la l-kriżijiet ġejjiena mhux mistennija fl-UE kollha u lanqas l-inizjattivi ewlenin m'għandhom jirriżultaw fi tnaqqis fl-impenji jew pagamenti relatati mal-Objettiv Tematiku 3 u l-istrumenti rilevanti taħt l-Intestatura 1b tal-Baġit Ġenerali tal-UE; jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom pożizzjoni ta' ekwità dgħajfa, u għalhekk jenfasizza li d-dewmien fil-pagamenti għal fatturi taħt il-politika ta' koeżjoni għandu jiġi minimizzat sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' insolvenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex itejbu aktar ir-ritmu tal-pagamenti lill-SMEs;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprovdu appoġġ ulterjuri għall-perjodu ta' wara l-2020 għall-COSME, Orizzont 2020 u Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni tal-QFP, minħabba r-rwol kruċjali ta' dawn il-programmi għall-SMEs lokali u reġjonali u l-effetti importanti tal-innovazzjoni u r-raggruppament;

13.  Jemmen li t-taħriġ finanzjarju u intraprenditorjali (li għandu jkun inkluż ukoll fil-kurrikula skolastiċi) għandu jitqies li huwa marbut b'mod inseparabbli fejn tidħol iż-żieda fl-introjtu u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, inklużi, pereżempju, l-impjiegi ekoloġiċi, anke fil-kuntest tal-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aktar appoġġ kemm għall-intraprenditorija femminili kif ukoll għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-SMEs fiż-żoni rurali, speċjalment f'reġjuni li ntlaqtu miż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ jew depopolazzjoni;

14.  Jinkoraġġixxi investiment ulterjuri fl-isforzi għall-ibbenefikar mill-potenzjal tal-SMEs li jsarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet ta' negozju (bħall-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs) u sabiex tiġi promossa l-bidla lejn l-ekonomija ekoloġika; jappoġġa l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' negozju permezz tal-integrazzjoni ta' mudelli ta' negozju ekoloġiċi u teknoloġiji ekoloġiċi, kif ukoll l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku fil-livelli kollha tal-gvern;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta skeda għal dibattitu veru u proprju mal-Parlament dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni li għandu jinbeda mill-2016 u biex tinkludi x-xenarji u x-xogħol ta' tħejjija għall-perjodu ta' wara l-2020, biex ir-reġjuni u l-SMEs ikollhom biżżejjed żmien biex iħejju rwieħhom;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aktar involviment li jkun aktar attiv min-naħa tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-livelli kollha, fit-tfassil tal-istrateġija għall-Fondi SIE għal wara l-2020; minn din il-perspettiva, jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ambjenti regolatorji differenti tagħhom għall-SMEs;

17.  Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni aktar rapida u ekwa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent tal-impriżi u d-dimensjoni tal-SMEs fir-reġjuni tal-UE, sabiex jiġu evitati attitudnijiet ta' "kollox bħas-soltu" fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi lokali u investimenti baġitarji subottimali tal-UE fil-livell reġjonali;

18.  Jenfasizza li kemm ir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 juru diverġenzi reġjonali fl-ambjent tal-SMEs u differenzi oħra li għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv mill-Istati Membri qabel tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, flimkien ma' sforzi biex isir progress fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs billi jitneħħew l-ostakoli mhux tariffarji;

19.  Jistieden lill-Istati Membri b'deċentralizzazzjoni limitata tal-ġestjoni tal-finanzjament mill-UE biex ixeqilbu l-bilanċ tal-kapaċità amministrattiva għall-għajnuna teknika u s-sistemi ta' appoġġ lokali u reġjonali, fosthom aċċess imtejjeb għall-finanzjament u soluzzjonijiet tal-informazzjoni, għall-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) lejn l-awtoritajiet lokali, peress li dan se jippermetti riżultati u rati ta' assorbiment li jkunu reġjonalment iktar ibbilanċjati, b'mod partikolari f'reġjuni inqas żviluppati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Stanislav Polčák, Julia Reid, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Sophie Montel, Dimitrios Papadimoulis, Tonino Picula, Maurice Ponga, Branislav Škripek, Davor Škrlec, Hannu Takkula, Damiano Zoffoli, Milan Zver

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, José Manuel Fernandes, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Daniele Viotti

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Kyrtsos, Andrej Plenković, Ivan Štefanec, Nils Torvalds, Auke Zijlstra

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Rainer Wieland

FINAL VOTE BY ROLL CALL IN COMMITTEE RESPONSIBLE

46

+

ALDE

ECR

EFDD

ENF

PPE

 

S&D

Verts/ALE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Yana Toom, Renate Weber

Arne Gericke, Czesław Hoc, Zdzisław Krasnodębski, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius

Laura Agea, Daniela Aiuto, Tiziana Beghin

Mara Bizzotto

David Casa, Deirdre Clune, Danuta Jazłowiecka, Dieter-Lebrecht Koch, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Csaba Sógor, Romana Tomc

Guillaume Balas, Brando Benifei, Ole Christensen, Isabella De Monte, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog

Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Zdanoka

6

-

GUE/NGL

NI

Tania González Peñas, Kostadinka Kuneva, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis

Lampros Fountoulis

0

0

 

 

Key to symbols:

+  :  in favour

-  :  against

0  :  abstention