RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali
26.7.2016 - (2015/2273(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Fabio Massimo Castaldo
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali fit-Tuneżija fl-2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem intitolat "Prisons in Tunisia: International Standards versus Reality" (Il-ħabsijiet fit-Tuneżija: standards internazzjonali vs realtà) ta' Marzu 2014 u d-dikjarazzjonijiet ta' uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Tuneżin,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Appoġġ Uniku għall-appoġġ min-naħa tal-Unjoni Ewropea lit-Tuneżija għall-perjodu 2014-2015, li ġie prorogat sa tmiem l-2016 permezz ta' modifika tad-Deċiżjoni C(2014)5160,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2015)0050) tat-18 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-iffirmar tat-Tuneżija, fl-1 ta' Diċembru 2015, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-ambitu tar-riċerka u tal-innovazzjoni fil-qafas tal-programm Orizzont 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija[3],
– wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ fid-19 ta' April 2016 tar-Regolament (UE) 2016/580 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija[4],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tas-17 ta' Marzu 2015 għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013-2017) u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tat-18 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra l-"Pjan ta' Żvilupp Strateġiku għall-2016-2020" tat-Tuneżija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0249/2016),
A. billi t-Tuneżija tgħodd mal-pajjiżi prijoritarji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-UE;
B. billi l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika li sar b'mod paċifiku fit-Tuneżija jirrappreżenta eżempju pożittiv fid-dinja Għarbija u l-konsolidament tiegħu huwa ta' importanza liema bħalha għall-istabilità tar-reġjun kollu u, b'konsegwenza diretta ta' dan, għas-sigurtà tal-Ewropa;
C. billi l-Premju Nobel għall-Paċi ngħata lill-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali Tuneżin fl-2015 għall-"kontribut deċiżiv għall-bini ta' demokrazija pluralistika fit-Tuneżija";
D. billi t-Tuneżija bħalissa qiegħda tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli iżda wkoll sfidi għas-sigurtà li ġejjin mis-sitwazzjoni fil-Libja; billi t-turiżmu, li jirrappreżenta element fundamentali tal-ekonomija Tuneżina, huwa milqut b'mod gravi minn dawn iċ-ċirkostanzi u mill-attakki terroristiċi mmirati lejn il-pajjiż;
E. billi l-ekonomija Tuneżina hija dipendenti fil-biċċa l-kbira mill-investimenti barranin, mit-turiżmu u mill-esportazzjoni ta' prodotti lejn l-UE u billi l-ekonomija tista' biss tiffjorixxi jekk id-demokrazija tkun tista' tkompli tiżviluppa ruħha;
F. billi n-nuqqas ta' impjiegi u opportunitajiet kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għad-dimostrazzjonijiet popolari enormi fl-2011, u billi ħafna mill-problemi għadhom jinħassu kuljum min-nies, minħabba r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;
G. billi hemm bżonn li tiġi żviluppata sħubija reali li tqis l-interessi tal-komunitajiet taż-żewġt ixtut tal-Mediterran u li jkollha l-iskop li tittratta, b'mod partikolari, l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali fit-Tuneżija;
H. billi, bit-tmiem tar-reġim ta' Ben Ali u l-konsolidament tal-proċess demokratiku, l-UE tista' ttejjeb id-djalogu politiku tagħha mat-Tuneżija billi tieħu aktar kont tal-interessi u tal-prijoritajiet ta' dan is-sieħeb importanti bħala mod kif jintlaħaq l-objettiv ta' stabilità;
I. billi jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati li jaħdmu mal-poplu Tuneżin u mal-gvern tagħhom bil-għan li jippromwovu l-interessi komuni, inklużi l-kummerċ, l-investimenti, it-turiżmu, il-kultura u s-sigurtà;
J. billi, fil-kuntest tal-organizzazzjoni tas-sottokumitati, twaqqaf djalogu tripartitiku bejn l-awtoritajiet, l-atturi tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-UE fit-Tuneżija;
K. billi l-libertà tal-istampa u l-libertà ta' pubblikazzjoni huma elementi essenzjai ta' soċjetà miftuħa, libera u demokratika;
L. billi t-Tuneżija żvolġiet rwol importanti fil-promozzjoni tal-konklużjoni ta' ftehim bejn il-partijiet f'kunflitt fil-Libja;
M. billi l-instabilità fil-Libja u r-riperkussjonijiet relatati jikkostitwixxu theddida gravi għall-istabilità tat-Tuneżija u għar-reġjun kollu kemm hu; billi t-Tuneżija attwalment tospita 'l fuq minn miljun Libjan spustat, li ħarbu mill-instabilità u mill-vjolenza fil-Libja, u billi dan qiegħed jeżerċita pressjoni qawwija fuq is-sitwazzjoni interna u fuq l-infrastrutturi, u l-persuni spustati qed ikollhom jużaw l-infrastruttura li qabel kienet tospita l-kampijiet tar-rifuġjati, bħal dak ta' Choucha, fejn is-servizzi bażiċi mhumiex provduti;
N. billi f'dawn l-aħħar snin it-Tuneżija sofriet bosta attentati terroristiċi; billi t-Tuneżija hija sieħba essenzjali tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
O. billi numru għoli immens ta' żgħażagħ Tuneżini ġie rreklutat mill-IS/Daesh u billi n-nuqqas ta' prospettivi u l-istaġnar ekonomiku jistgħu jikkontribwixxu biex iż-żgħażagħ isiru aktar vulnerabbli għall-ġibda tal-gruppi estremisti;
1. Itenni l-impenn tiegħu fil-konfront tal-poplu Tuneżin u tal-proċess ta' tranżizzjoni politika li beda fl-2011; jenfasizza l-isfidi u t-theddidiet li għandu jħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż biex jikkonsolida l-proċess demokratiku, jimplimenta r-riformi neċessarji għall-ġid soċjali u ekonomiku u jiggarantixxi s-sigurtà; iħeġġeġ il-mobilizzazzjoni u l-koordinament aħjar tal-UE u tal-Istati Membri tar-riżorsi tekniċi u finanzjarji sostanzjali bil-għan li t-Tuneżija tingħata sostenn konkret; jissottolinja li, mingħajr it-tisħiħ tal-kapaċità ta' assorbiment tat-Tuneżija, l-istabilità tagħha, id-demokrazija u l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi fir-reġjun, kwalunkwe possibilità ta' riforma se tkun f'riskju; jitlob, għalhekk, sħubija approfondita u komprensiva reali bejn l-UE u t-Tuneżija;
2. Jistieden lill-parteċipanti tas-Sħubija ta' Deauville jwettqu dak li wiegħdu; iqis li s-sitwazzjoni fit-Tuneżija tiġġustifika t-tnedija ta' "Pjan Marshall" veru u proprju mgħammar b'biżżejjed fondi biex isostnu l-konsolidament tat-tranżizzjoni demokratika u jrawmu l-investimenti u l-iżvilupp fis-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-pajjiż, partikolarment il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żamma ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità aċċessibbli għal kulħadd; jitlob ukoll il-konsolidament tal-isforzi favur is-soċjetà ċivili; jesprimi t-tħassib tiegħu għad-diffikultajiet soċjoekonomiċi u baġitarji attwali marbuta mal-instabilità tal-perjodu ta' tranżizzjoni mad-dmir kategoriku tat-Tuneżija li timplimenta riformi adegwati intiżi biex jippromwovu l-impjiegi u jiżviluppaw tkabbir sostenibbli u inklużiv; iqis, għaldaqstant, essenzjali li l-awtoritajiet baġitarji jaqblu dwar tisħiħ deċiżiv tar-riżorsi ddestinati għat-Tuneżija mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat;
3. Jafferma li t-tranżizzjoni demokratika storika tat-Tuneżija, minkejja sitwazzjoni soċjoekonomika diżastruża, teħtieġ sħubija UE-Tuneżija ħafna aktar ambizzjuża li tmur lil hinn mill-miżuri konvenzjonali;
4. Ifaħħar il-kooperazzjoni tajba bejn it-Tuneżija u l-ġirien tagħha, kif deher permezz tal-iffirmar ta' ftehim kummerċjali preferenzjali u tal-istabbiliment ta' kumitati transfruntieri lokali mal-Alġerija mmirati biex irawmu l-iżvilupp lokali, permezz tar-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija tat-Tuneżija ma' dik tal-Libja u s-solidarjetà tal-poplu Tuneżin mal-Libjani spustati; jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, il-progress tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni fil-Libja;
5. Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta; jagħmel appell favur l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ tar-rispett tal-libertajiet fundamentali, tal-ugwaljanza tal-ġeneru u ta' kwistjonijiet oħrajn marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, bl-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili;
6. Jissottolinja li t-tnedija mill-ġdid tal-proċess politiku ta' integrazzjoni fil-qafas tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi taf tkun opportunità partikolarment adegwata biex tkun garantita s-sigurtà u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-reġjun kollu kemm hu;
I - Riformi politiċi u istituzzjonijiet
7. Jesprimi s-sostenn tiegħu għall-proċess ta' demokratizzazzjoni u josserva l-bżonn ta' riformi ekonomiċi u soċjali fit-Tuneżija; jenfasizza l-bżonn li jingħata sostenn lill-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu fid-dawl tal-isfida li qed taffronta biex ittejjeb l-istabilità f'kuntest reġjonali volatili u ssaħħaħ, fl-istess waqt, id-demokrazija; jesprimi tħassib għan-nuqqas ta' riżorsi tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu, li jostakola r-rwol leġiżlattiv tiegħu u jnaqqas ir-ritmu tal-abbozzar tal-leġiżlazzjonijiet l-ġodda u tal-proċess ta' riforma li tant hemm bżonn urġenti tagħhom; isostni l-isforzi tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu biex ittejjeb il-kapaċità tagħha, anki permezz tar-reklutaġġ ta' persunal; isostni rieżami tal-bżonnijiet tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu; jitlob lis-servizzi tal-Parlament iqawwu l-attivitajiet ta' sostenn għall-bini tal-kapaċitajiet favur l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu; jirrakkomanda li l-Parlament jorganizza fis-sede tiegħu laqgħa fl-ogħla livelli politiċi, pereżempju "ġimgħa Tuneżina", bil-għan li jrawwem il-kooperazzjoni parlamentari;
8. Jilqa' favorevolment it-twaqqif ta' Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Tuneżija li se jiżvolġi rwol ta' importanza primarja u jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lid-deputati Tuneżini jiltaqgħu fuq bażi regolari u jiżviluppaw djalogu politiku strutturat dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u kwalunkwe suġġett ta' interess komuni; jisħaq fuq il-fatt li, bħala parti mill-ftuħ tan-negozjati kummerċjali, il-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Tuneżija għandu rwol importanti fil-monitoraġġ effettiv tan-negozjati li għaddejjin; jappella għat-tnedija ta' inizjattivi speċifiċi bħala sostenn favur l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu ma' kumitati oħrajn tal-Parlament Ewropew, bħall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (għas-sostenn fir-rigward tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-liġi dwar l-immigrazzjoni u l-miżuri marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materja kriminali, inkluż it-terroriżmu);
9. Jilqa' pożittivament id-djalogu tripartitiku fit-Tuneżija; jitlob li jitkompla u jkun estiż għall-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bilaterali UE-Tuneżija u, b'mod partikolari, jistieden li jkun garantit l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tar-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-proċess għan-negozjati tal-prijoritajiet UE-Tuneżija;
10. Josserva li r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika hija waħda mir-riformi l-aktar ambizzjużi li t-Tuneżija jkollha timplimenta; jilqa' pożittivament il-fatt li l-Gvern Tuneżin qies il-metodi l-ġodda biex jaċċelera l-politiki prijoritarji fundamentali; jemmen li l-ġemellaġġ bejn l-amministrazzjoni Ewropea u dik Tuneżina jikkostitwixxi kontribut pożittiv għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; isostni l-użu ta' soluzzjonijiet informatiċi biex jinħoloq u jkun żviluppat Stat u amministrazzjoni elettroniċi;
11. Japprezza r-rispett, min-naħa tat-Tuneżija, tal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-libertà ta' assoċjazzjoni, li bis-saħħa tiegħu t-Tuneżija hija minn ta' quddiem fit-tisħiħ ta' soċjetà ċivili indipendenti fid-dinja Għarbija; jappella għat-tisħiħ tas-sostenn tekniku u għall-bini ta' kapaċitajiet favur l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-partiti politiċi u t-trade unions, li għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu fit-Tuneżija u wrew ruħhom fundamentali għat-tranżizzjoni demokratika, l-iżvilupp ġenerali, l-obbligu ta' rendikont min-naħa tal-gvern u l-monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-protezzjoni tan-nisa u tat-tfal, tal-ugwaljanza tal-ġeneru u tal-vittmi kollha ta' persekuzzjoni u diskriminazzjoni; jilqa' favorevolment il-programmi speċifiċi ffinanzjati mill-UE f'dan il-qasam, bħall-proġett ta' appoġġ lis-soċjetà ċivili (PASC), u l-ftehim iffirmat bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-kwartett Tuneżin maħsub biex isaħħaħ ir-rabtiet bejn is-soċjetà ċivili Tuneżina u dik Ewropea; jinkoraġġixxi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-iżvilupp lokali, inklużi l-investimenti lokali; jappella għall-promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika u għall-impenn demokratiku;
12. Jissottolinja l-importanza li tkun żviluppata kultura taċ-ċittadinanza u jappella għall-ħolqien ta' ambjent favorevoli mgħammar bl-istrutturi neċessarji biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu inklużi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
13. Iqis bħala neċessarju li l-Kummissjoni u s-SEAE joffru s-sostenn meħtieġ għall-elezzjonijiet lokali (previsti għal Ottubru 2016) u jibagħtu missjoni ta' monitoraġġ u ta' assistenza elettorali tal-UE u tal-Parlament Ewropew, fl-eventwalità li tkun rikjesta mill-Gvern Tuneżin, kif diġà ġara fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali tal-2014; jappella, f'dan ir-rigward, għal sostenn imsaħħaħ favur il-muniċipalitajiet fil-qafas tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), anki billi jitrawwem l-iżvilupp ta' proġetti ta' ġemellaġġ b'koordinament mal-Istati Membri;
14. Jappella għal sostenn favur politiki bbilanċjati mil-lat tal-ġeneru, permezz tar-riforma tal-kodiċi tal-istat personali bil-għan li jiġu aboliti l-liġijiet diskriminatorji fil-konfront tan-nisa, bħal dawk marbuta mad-drittijiet ta' suċċessjoni u taż-żwieġ, kif ukoll għal aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u fis-settur privat, skont it-termini disposti fl-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni Tuneżina; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, l-iżvilupp ta' programmi ta' mentoraġġ għall-mexxejja nisa emerġenti bil-għan li jkun iffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-pożizzjonijiet deċiżjonali; jirrakkomanda t-tneħħija tad-dikjarazzjoni ġenerali tat-Tuneżija dwar il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;
15. Jappella għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja politika, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet lokali; japprezza, f'dan ir-rigward, il-proġett ta' sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ/edukazzjoni ċivika ffinanzjat mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rigward ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali; iqis li l-elezzjonijiet muniċipali tal-2016 huma opportunità biex iż-żgħażagħ ikunu inkoraġġiti jerġgħu jimpenjaw ruħhom attivament fil-proċess ta' trasformazzjoni politika;
16. Jilqa' pożittivament il-liġi fil-qasam tal-ġustizzja tranżizzjonali; ifakkar fit-tamiet kbar li l-poplu Tuneżin għandu fil-proċess ta' tranżizzjoni; jiddispjaċih bil-polarizzazzjoni qawwija fi ħdan il-Kummissjoni għall-Verità u d-Dinjità; josserva li r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u t-tkabbir ma għandhomx ikunu prijoritajiet kontradittorji;
17. Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jagħtu sostenn lit-Tuneżija fir-riforma tas-settur ġudizzjarju u tal-istat tad-dritt għal dawk li huma l-valuri tal-Kostituzzjoni Tuneżina, anki permezz tas-sostenn tekniku u finanzjarju favur il-ħolqien, li għadu għaddej, tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u tal-Qorti Kostituzzjonali; jilqa' favorevolment il-programm tal-UE għar-riforma tal-ġustizzja (PARJI), approvat fl-2011, u l-programm PARJ2, approvat fl-2014 u ffinanzjat bi EUR 15-il miljun biss;
18. Jistieden lill-Gvern jadotta malajr miżuri li jipprevjenu l-użu tat-tortura; jinkoraġġixxi lit-Tuneżija tabolixxi l-piena tal-mewt; jesprimi tħassib għall-każijiet ripetuti ta' tortura, min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini fuq minuri ssuspettati li biħsiebhom jissieħbu f'organizzazzjonijiet terroristiċi;
19. Jistieden lit-Tuneżija tirriforma b'urġenza l-liġi tal-1978 dwar l-istat ta' emerġenza, attwalment applikata barra mid-dispożizzjonijiet ta' bażi tal-Kostituzzjoni;
20. jesprimi tħassib dwar l-iffullar eċċessiv, in-nuqqas ta' ikel u l-kundizzjonijiet sanitarji fil-ħabsijiet Tuneżini u dwar il-konsegwenzi relatati fuq id-drittijiet fundamentali tal-ħabsin; jilqa' pożittivament il-proġett Tuneżin-Ewropew ta' riforma tal-istituti tal-piena Tuneżini, bil-għan li tissaħħaħ is-sistema tal-pieni alternattivi għall-ħabs għar-reati inqas gravi;
21. Jappella għal riforma tal-kodiċi penali u partikolarment ir-revoka tal-Artikolu 230, li jippenalizza l-omosesswalità bi tliet snin priġunerija u jmur kontra l-prinċipji kostituzzjonali tan-nondiskriminazzjoni u tal-protezzjoni tal-ħajja privata; jilqa' favorevolment il-liġi l-ġdida li tissostitwixxi u timmodifika l-liġi 1992-52 dwar id-drogi stupefaċenti, li tagħti prijorità lill-prevenzjoni minflok lid-dissważjoni u tistabbilixxi pieni alternattivi li jippromwovu r-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-konsumaturi tad-droga, bħala pass effikaċi lejn l-allinjament tal-leġiżlazzjoni Tuneżina mal-istandards internazzjonali;
22. Jitlob li jkun hemm proċess aktar b'saħħtu ta' deċentralizzazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni tar-reġjuni permezz ta' awtonomiji lokali ulterjuri; isostni s-sħubijiet mal-Istati Membri tal-UE li jinkoraġġixxu approċċi deċentralizzati (pereżempju, taħriġ u bini ta' kapaċitajiet f'dan l-ambitu), kif ukoll proġetti ta' kooperazzjoni deċentrizzata mmexxija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-governanza reġjonali u lokali Tuneżina u sħubijiet u skambji tal-aħjar prassi mal-bliet u mal-komunitajiet lokali tal-UE; jappella għal aktar sostenn tal-UE favur is-soċjetà ċivili fir-reġjuni, ibbażat fuq inizjattivi eżistenti li rnexxew;
23. Huwa inkwetat bil-ftit progress li sar fir-riforma tal-kodiċi tal-proċedura kriminali u tal-kodiċi kriminali bil-għan li tkun sostnuta l-libertà ta' espressjoni; huwa inkwetat bil-fatt li bosta ċittadini ġew proċessati u impriġunati għal allegati malafama, inġurja kontra uffiċjali pubbliċi fil-kanzunetti rap jew offiża għall-moralità pubblika, inklużi ġurnalisti u bloggers, talli esprimew fehmiethom; japprezza l-fatt li t-Tuneżija ssieħbet fil-Koalizzjoni għal-Libertà Online u jistidinha tipparteċipa b'mod aktar attiv;
24. Itenni li l-libertà tal-istampa u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, il-libertà ta' espressjoni online, anki għall-bloggers, u offline kif ukoll il-libertà ta' assoċjazzjoni jirrappreżentaw elementi essenzjali u pilastri indispensabbli għad-demokrazija u soċjetà pluralista u miftuħa; jinkoraġġixxi standards tal-aħjar prattiki fis-settur tal-mezzi tal-komunikazzjoni biex jirriflettu ġurnaliżmu tassew investigattiv u differenzjat; jirrikonoxxi l-effetti abilitanti tal-aċċess mhux iċċensurat għall-internet u tal-midja diġitali u soċjali; jilqa' pożittivament il-qagħda ġenerali vibranti u miftuħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni online tat-Tuneżija, iżda jappella lill-awtoritajiet Tuneżini biex ikomplu jinvestu fl-infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi u jippromwovu l-konnettività u l-litteriżmu diġitali, speċjalment fl-ifqar żoni tal-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-liġi l-ġdida fil-qasam tal-informazzjoni ta' Marzu 2016 intiża biex tipproteġi b'mod effikaċi d-dritt għal-libertà ta' informazzjoni fit-Tuneżija, inklużi d-drittijiet tal-informaturi; japprezza l-fatt li l-Awtorità Għolja Indipendenti għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva (HAICA) u s-suċċessur tagħha, il-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva (ACA), se jisiltu benefiċċju mis-sostenn tal-UE fil-qafas tal-programm li għaddej bħalissa ta' EUR 10 miljun favur ir-riforma tal-mezzi tal-komunikazzjoni;
25. Jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tagħti lit-Tuneżija l-istatus ta' sieħba għad-demokrazija bħala pass importanti lejn il-konsolidament tad-demokrazija parlamentari u tal-istat tad-dritt fit-Tuneżija;
II - Żvilupp ekonomiku u soċjali
26. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 500 miljun u l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew;
27. Jikkonstata t-tnedija tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv ambizzjuż bejn l-UE u t-Tuneżija; ifakkar li jeħtieġ li l-UE tmexxi dawn in-negozjati flimkien ma' assistenza teknika u finanzjarja mfassla apposta; jenfasizza li dan il-ftehim, filwaqt li huwa mmirat biex itejjeb l-aċċess għas-suq u l-klima tal-investimenti, għandu wkoll dimensjoni kummerċjali u jrid jikkontribwixxi biex jestendi l-istandards Ewropej fil-qasam tal-ambjent, tal-ħarsien tal-konsumaturi u tad-drittijiet tal-ħaddiema fit-Tuneżija, billi jrawwem l-istabilità tal-pajjiż, jikkonsolida s-sistema demokratika tiegħu u jsaħħaħ l-ekonomija tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ progressiv waqt in-negozjati u tiżgura li dan il-ftehim joffri benefiċċji reċiproċi filwaqt li jittieħed debitament kont tad-disparitajiet ekonomiċi sinifikanti li jeżistu bejn iż-żewġ partijiet; ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu indirizzati lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tuneżin bil-għan li jkun implimentat proċess ċar u dettaljat intiż biex jinvolvi lis-soċjetà ċivili Tuneżina u Ewropea fin-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv; jitlob li l-proċess ta' konsultazzjoni jkun miftuħ u trasparenti u jqis aktar id-diversità tas-soċjetà ċivili Tuneżina, u jispira ruħu mill-aħjar prassi applikata fin-negozjati simili;
28. Josserva l-adozzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza favur it-Tuneżija bħala pass konkret biex jingħata sostenn lill-ekonomija Tuneżina u inċentiv għar-riformi; jappella għal żieda fl-għajnuna mogħtija mill-UE lit-Tuneżija permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-koordinament tal-għajnuna internazzjonali lit-Tuneżija biex il-pajjiż ikun jista' jibbenefika bis-sħiħ mis-sostenn tal-UE u joħloq postijiet tax-xogħol, partikolarment għall-gradwati żgħażagħ; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' sħubijiet ma' pajjiżi jew organizzazzjonijiet donaturi interessati oħrajn fil-livell dinji u reġjonali u, b'mod partikolari, l-adozzjoni ta' miżuri ta' tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u ta' promozzjoni tat-taħriġ u tal-investiment fl-agrikoltura, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura lokali, tas-settur informatiku, tal-ekonomija soċjali, tas-settur tal-manifattura u tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jkunu jagħtu spinta lill-impjiegi; josserva li s-settur tat-turiżmu ħa daqqa ta' ħarta notevoli minħabba l-attentati tal-2015 u, fid-dawl tal-miżuri implimentati minn dak iż-żmien mill-awtoritajiet Tuneżini, jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jerġgħu jivvalutaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà mill-aktar fis, bil-għan li s-settur tat-turiżmu Tuneżin ikun jista' jirpilja;
29. Jistieden lill-UE tinkludi lis-soċjetà ċivili, lill-awtoritajiet lokali u atturi importanti oħrajn fil-proċess ta' identifikazzjoni tal-prijoritajiet ta' finanzjament fir-rieżami intermedju tal-ENI;
30. Jissottolinja l-bżonn li tiġi affrontata l-problema tal-qgħad, speċjalment għall-gradwati żgħażagħ, ikunu varati r-riformi ta' portata wiesgħa għall-promozzjoni tat-tkabbir, tal-edukazzjoni ta' kwalità u tal-impjiegi (pereżempju, billi jkunu ffaċilitati r-restrizzjonijiet tal-valuti, l-aċċess għall-mikrokreditu, ir-riforma tal-liġijiet dwar ix-xogħol, l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ adatti għall-esiġenzi tas-suq tax-xogħol u s-semplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi) u għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija Tuneżina; jitlob lill-partijiet kollha jżommu spirtu ta' kooperazzjoni tajba biex jikkonċentraw fuq ir-riformi, bil-għan li jintlaħaq żvilupp ekonomiku inklużiv għat-territorji kollha tal-pajjiż, inklużi r-reġjuni inqas avvanzati li għandhom bżonn pjan ta' żvilupp fit-tul; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jilqgħu favorevolment l-inizjattivi li fihom huma involuti ċ-ċittadini biex itejbu d-djalogu politiku u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi; jenfasizza l-bżonn tas-sostenn internazzjonali favur dawn l-inizjattivi ċiviċi;
31. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Pjan Strateġiku għall-Iżvilupp 2016-2020 tat-Tuneżija, u jitlob li dan jiġi implimentat malajr permezz tal-adozzjoni ta' oqfsa regolatorji mmirati biex jiffaċilitaw l-assorbiment tas-sostenn Ewropew u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kollha; jilqa' pożittivament kemm l-adozzjoni ta' kodiċi ta' investiment ġdid, li għandu joħoloq stabilità regolatorja u jiffaċilita l-investimenti, kif ukoll ir-riformi tat-taxxa; jitlob il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, li għandha topera b'mod effiċjenti u trasparenti, b'tali mod li jiġu ffaċilitati ħafna kemm l-implimentazzjoni tal-proġetti kif ukoll l-użu aħjar tal-fondi;
32. Isostni l-isforzi li għamel il-Gvern Tuneżin biex jimmodernizza u jilliberalizza l-ekonomija bil-għan li jissodisfa d-domanda interna, reġjonali u globali l-ġdida u jemmen li ekonomija Tuneżina b'saħħitha u varjata toħloq postijiet tax-xogħol, opportunitajiet u prosperità u tippermetti lill-pajjiż jilħaq l-ambizzjonijiet usa' tiegħu f'termini politiċi u soċjali;
33. Ifakkar fl-importanza strateġika tas-settur agrikolu fit-Tuneżija u, f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri previsti fil-baġit Tuneżin għall-2016, inkluża l-kanċellazzjoni tad-djun għall-bdiewa, u t-tnedija ta' konsultazzjoni nazzjonali dwar is-settur agrikolu; iqis li huwa essenzjali li din il-konsultazzjoni nazzjonali tinvolvi lis-soċjetà ċivili u l-akbar numru possibbli ta' atturi, inklużi l-bdiewa żgħar min-Nofsinhar tal-pajjiż kif ukoll il-bdiewa żgħażagħ; jemmen li s-settur agrikolu jeħtieġ riforma profonda u sensiela ta' miżuri prattiċi u urġenti, bħall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-impjanti tad-desalinazzjoni sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nuqqas ta' ilma u problemi emerġenti oħra minħabba t-tibdil fil-klima; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jipprojbixxu l-użu ta' kwalunkwe pestiċida diġà pprojbit fl-UE;
34. Jistieden lill-UE jintensifika l-isforzi tagħha kontra d-deżertifikazzjoni fit-Tuneżija; josserva li t-Tuneżini għaddejjin minn skarsezza gravi ta' ilma; jistieden lit-Tuneżija trawwem agrikoltura u drawwiet alimentari sostenibbli; jirrakkomanda riforma agrarja biex iħeġġeġ lill-bdiewi jikkonservaw il-foresti u x-xmajjar; ifakkar li l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kostali Tuneżin jeħtieġ tnaqqis qawwi tad-densità tal-lukandi bil-għan li jirrazzjonalizza l-investimenti u jiġġestixxi x-xatt;
35. Jilqa' pożittivament it-tnedija tal-proġett intitolat "Il-mobilità fost iż-żgħażagħ, is-sigurtà tal-ikel u t-tnaqqis tal-faqar f'żoni rurali" min-naħa tal-APIA (Agence de promotion des investissements agricoles), sabiex jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi joffri alternattivi fiż-żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jsostnu l-azzjonijiet tal-UE billi jinvolvu ruħhom, flimkien mal-awtoritajiet Tuneżini, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mas-settur privat, fi proġetti settorjali jew tematiċi li jista' jkollhom impatt dirett u ta' benefiċċju fuq is-soċjetà Tuneżina;
36. Jilqa' favorevolment il-programmi żviluppati mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, bħal Med4jobs, biex tiġi ttrattata l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fil-Mediterran; Jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran jinkarigaw lis-Segretarjat biex jikkonċentra fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tat-Tuneżija bħala sostenn għall-konsolidament tal-proċess ta' tranżizzjoni tal-pajjiż;
37. Jappella għal tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment f'kuntest ikkaratterizzat minn ekonomija sotterranja dejjem akbar, bil-għan li jinkiseb proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u trasparenti u jinħoloq ambjent aħjar għall-investimenti u għall-impriżi; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Aġenzija Tuneżina kontra l-Korruzzjoni, iżda jiddispjaċih bil-baġit limitat tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tuneżini jsaħħu l-kapaċità u l-effikaċja tal-Aġenzija u jgħammruha b'kull sostenn finanzjarju u loġistiku neċessarju bil-għan li jkun żgurat il-funzjonament korrett tal-amministrazzjoni pubblika u r-regolarità tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jiggarantixxu li l-passi li jieħdu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jkunu viżibbli ferm;
38. Jappella biex jitħaffef il-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali tad-Djalogu Soċjali, deċiż fl-2013;
39. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' rkupru tal-assi tat-Tuneżija, b'mod speċifiku minħabba l-proċessi twal u kkumplikati involuti fil-konfiska u fir-rimpatriju tal-assi; jitlob li t-Tuneżija tingħata sostenn tekniku speċifiku biex tkun tista' twettaq investigazzjonijiet u tiġbor l-intelligence u l-provi meħtieġa biex tħejji każijiet ta' rkupru tal-assi;
40. Jistieden lill-Istati Membri juru sostenn u rieda politika biex jaċċeleraw l-irkupru tal-assi Tuneżini ffriżati; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta' Jannar 2016, intiża biex testendi b'sena l-iffriżar tal-assi ta' 48 persuna;
41. Jappella għall-promozzjoni ta' trasferimenti aktar veloċi u aktar sikuri tar-rimessi u tal-potenzjal tal-investiment, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp lokali u reġjonali, tat-Tuneżini u tal-Afrikani ta' Fuq li diġà jirrisjedu fl-UE;
42. Jesprimi tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn Tuneżin, u jappella biex issir valutazzjoni tal-modi possibbli kif isir aktar sostenibbli, speċjalment fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż; jitlob il-konverżjoni tad-dejn Tuneżin fi proġetti ta' investiment speċjalment għall-bini ta' infrastrutturi strateġiċi u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, u jilqa' favorevolment l-inizjattivi f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu n-numru ta' dawn it-tipi ta' proġetti; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw metodi ta' kif jiggarantixxu ristrutturazzjoni preferenzjali tad-dejn tat-Tuneżija kif ukoll diversifikazzjoni tal-komponenti tad-dejn;
43. Jilqa' b'sodisfazzjon l-proġetti tal-UE fil-qasam tal-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u tat-taħriġ vokazzjonijiet, bħall-IRADA; jirrakkomanda l-użu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) biex l-SMEs jiġu assistiti ulterjorment; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs huma kruċjali għat-tkabbir tat-Tuneżija u għaldaqstant għandhom jibbenefikaw mis-sostenn tal-UE; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' programmi għall-impriżi start-up li, speċifikament, jimmiraw in-nisa u ż-żgħażagħ, bil-għan li jiżviluppaw it-taħriġ fil-ġestjoni azjendali u l-aċċess għas-sostenn finanzjarju bil-għan li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs; jirrakkomanda li t-Tuneżija tieħu miżuri adegwati biex tkun tista' tibbenefika bis-sħiħ mill-programm COSME (Kompetittività tal-Impriżi u l-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju) mill-aktar fis possibbli; jinkoraġġixxi s-self privat lill-SMEs, anki permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur tal-garanziji ta' kreditu u tar-riforma tas-settur bankarju b'kapitalizzazzjoni insuffiċjenti; jilqa' pożittivament il-programm ta' ġemellaġġ reċenti għall-Bank Ċentrali Tuneżin bil-għan li jappoġġa l-modernizzazzjoni tas-settur bankarju;
44. Jirrakkomanda li l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-fondi reġjonali u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali għandhom jintużaw sabiex jindirizzaw l-iżvilupp reġjonali fit-Tuneżija u jnaqqsu d-disparitajiet; jappella għas-sostenn tas-sħab internazzjonali u tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament biex itejbu u jespandu l-infrastruttura nazzjonali (eż. l-awtostradi, il-ferroviji, il-portijiet, l-ajruporti u n-netwerks tat-telekomumikazzjoni) ħalli jintegraw aħjar iċ-ċentri rurali u interni;
45. Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) ma' inizjattivi pan-Ewropej bħall-Unjoni tal-Enerġija; jinkoraġġixxi, fl-istess ħin, aktar kooperazzjoni reġjonali mal-Afrika ta' Fuq fi kwistjonijiet speċifiċi bħalma huma t-tisġir u l-ġestjoni tal-ilma, kif ukoll aktar integrazzjoni soċjoekonomika, b'aktar kummerċ, fl-Afrika ta' Fuq; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Unjoni għall-Mediterran issostni l-iżvilupp ta' proġetti speċifiċi fir-reġjun u għandha, f'dan ir-rigward, tkun involuta fi proġetti fit-Tuneżija mmexxija mill-UE;
46. Jappella biex il-kooperazzjoni tal-UE tikkonċentra aktar fuq l-ekonomija ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u żżid l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, kif ukoll titjib fit-trattament tal-ilma u tal-iskart, speċjalment meta wieħed iqis il-potenzjal tat-Tuneżija fis-settur tal-enerġija rinnovabbli; japprezza l-proġetti bħal dak tat-tindif mit-tniġġis tal-Lag ta' Biżerta ssekondat mill-Unjoni għall-Mediterran, il-bjut bil-pjanti ta' Ghar el Melh u l-iskart organiku użat għall-konsum f'Beja;
47. Jilqa' favorevolment l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku Ewro-Mediterranji bħala element importanti tal-kooperazzjoni eneġetika mal-ġirien tan-Nofsinhar; iqis li l-proġetti tal-Istitut Ewropew tal-Mediterran (EIMed) ikun jippermetti kummerċ bidirezzjonali tal-elettriku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran, b'hekk jiġġenera benefiċċji għas-sħab kollha f'termini ta' sigurtà, stabilità u prezzijiet aċċessibbli tal-provvista tal-elettriku;
III - Sigurtà u difiża
48. Huwa ferm imħasseb bil-konsegwenzi immedjati għas-sigurtà fit-Tuneżija li joriġinaw, fost raġunijiet oħra, mill-instabilità fil-Libja; jinnota l-bini ta' ħajt f'żona tal-fruntiera mal-Libja; jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta' ġellieda barranin Tuneżini li qed jingħaqdu mad-Daesh u ma' gruppi terroristiċi oħra; jissottolinja l-fatt li l-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta' armi tikkostitwixxi parti importanti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jissottolinja l-bżonn ta' riforma tas-servizzi tal-intelligence tal-pajjiż filwaqt li jiġu rispettati l-istat tad-dritt u l-konvenzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
49. Huwa inkwetat dwar l-attentat terroristiku fil-belt ta' Ben Guerdane, li tinsab mal-fruntiera, immedjatament wara l-bumbardamenti f'Sabratha, li juri li l-fruntiera Tuneżina-Libjana għadha permeabbli immens; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u jappella lill-partijiet kollha tal-Libja jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv mal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali; jissottolinja li l-UE tinsab lesta li toffri s-sostenn f'termini ta' sigurtà fuq talba tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali u li l-koordinament tas-sigurtà bejn it-Tuneżija u l-Libja jeħtieġ li jerġa' jkun stabbilit; jissuġġerixxi li għandha ssir valutazzjoni, fi sħubija mal-awtoritajiet Tuneżini, tal-possibbiltà li tinħoloq Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri fit-Tuneżija;
50. Jirrikonoxxi li l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma fost il-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni; jappella għal inklużjoni soċjali aktar effikaċi taż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsibu impjieg stabbli u jbegħedhom milli jiġu fil-mira tar-reklutaġġ bħala ġellieda għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jirrakkomanda l-użu tal-għarfien espert li nġabar permezz tal-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Hedayah biex jiġu żviluppati strateġiji lokali u reġjonali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; jitlob li ssir sensibilizzazzjoni dwar dawn in-netwerks eżistenti jew inizjattivi simili fit-Tuneżija;
51. Jistieden lill-Gvern Tuneżin joħroġ bi strateġija li tieħu ħsieb ir-ritorn tal-ġellieda barranin, pereżempju billi l-miżuri punittivi u kawtelatorji jkunu kkombinati mal-programmi ta' deradikalizzazzjoni u ta' riabilitazzjoni biex jingħataw il-possibbiltà jirreintegraw ruħhom fis-soċjetà, b'hekk jonqsu r-riskji fil-futur; jappella għal strateġija aktar komprensiva intiża li timpedixxi r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u fiċ-ċentri ta' detenzjoni; jappella li ssir enfasi fuq it-titjib tal-edukazzjoni u fuq il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ;
52. Jirrikonoxxi li t-terroriżmu jirrappreżenta sfida komuni li teħtieġ risposta konġunta u li dan l-aħħar ġiet intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija fil-qasam tas-sigrutà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment bit-tnedija ta' progamm ambizzjuż maħsub biex isostni r-riforma tas-settur tas-sigurtà;
53. Isostni l-proċess, immexxi min-Nazzjonijiet Uniti, ta' paċi u rikonċiljazzjoni politika fil-Libja bħala strument essenzjali lejn l-istabilizzazzjoni tar-reġjun tal-madwar u t-tisħiħ tas-sigurtà tat-Tuneżija u tal-proċess ta' riforma tagħha;
54. Jilqa' b'sodisfazzjon l-proċess ta' koordinament tal-assistenza fil-qasam tas-sigurtà varat mit-Tuneżija, li fih l-UE tiżvolġi rwol attiv; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha ssostni lit-Tuneżija fil-bini tal-istrutturi statali biex jittrattaw il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà; jilqa' pożittivament ir-riżultati li nkisbu mill-G7+3 fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-progammi attwalment fis-seħħ u għat-tisħiħ tal-assistenza għas-sigurtà lit-Tuneżija, b'enfasi fuq is-sigurtà tal-fruntieri, il-protezzjoni tal-infrastrutturi turistiċi u l-ġlieda kontra t-theddida terroristika komuni; jinkoraġġixxi, madankollu, lill-awtoritajiet Tuneżini jirreaġixxu b'mod proporzjonat għal tali theddidiet bil-għan li jissalvadwardjaw il-libertajiet demokratiċi u d-drittijiet fundamentali; jappella għall-appoġġ totali għall-awtoritajiet kompetenti Tuneżini, id-deżinjazzjoni ta' konsulent għas-sigurtà nazzjonali u biex l-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prassi fil-qasam tas-sigurtà mat-Tuneżija, b'enfasi fuq it-taħriġ tal-persunal tas-sigurtà u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex is-sostenn tal-UE lit-Tuneżija fil-qasam tas-sigurtà jkun suġġett għal valutazzjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem;
55. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-Liġi 22/2015 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, adottat f'Lulju 2015 mill-Assemblea tar-Rappreżentanti tat-Tuneżija, li timponi l-piena tal-mewt bħala sentenza possibbli għal firxa ta' reati tat-"terrur"; jesprimi tħassib dwar bosta dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; jisħaq fuq il-fatt li din il-liġi taf tikser serjament il-libertajiet ċivili u timmina r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tuneżija; jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jkomplu josservaw il-moratorju fuq il-piena tal-mewt; ifakkar li, skont id-dritt Tuneżin, il-piena tal-mewt diġà teżisti għal reati bħal omiċidju u stupru, anki jekk l-ebda eżekuzzjoni ma saret mill-1991 'il hawn; jissottolinja li, minkejja li t-Tuneżija hija fost l-aktar pajjiżi vulnerabbli għat-theddida tat-terroriżmu, l-Istati huma obbligati jirrispettaw totalment id-drittijiet tal-bniedem huma u jiġġieldu kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-PEV hija marbuta strettament mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali u jfakkar l-pożizzjoni determinata tal-UE kontra l-piena tal-mewt;
56. Jilqa' pożittivament il-fatt li issa teżisti d-dispożizzjoni, skont il-Liġi 22/2015 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tipprevedi l-protezzjoni ġuridika tas-sorsi tal-ġurnalisti u l-kriminalizzazzjoni tas-sorveljanza governattiva mhux awtorizzata;
57. Japprezza l-varar, f'Novembru 2015, tal-programm tal-UE ta' sostenn favur ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fit-Tuneżija – b'attenzjoni partikolari fuq ir-ristrutturazzjoni tas-servizzi tas-sigurtà, il-kontrolli fil-fruntieri u s-servizzi tal-intelligence – u l-impenn li ħadu ż-żewġ partijiet fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tat-18 ta' April 2016 biex il-programm ikun implimentat b'mod effiċjenti u malajr;
58. Jappella għall-promozzjoni ta' loġika ta' objettivi, pjuttost milli sempliċement sostenn minn strumenti politiċi, fi ħdan viżjoni strateġika ċara li tikkonċentra fuq il-prevenzjoni, is-sostenn tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu u l-ħolqien tal-uffiċċju tal-prosekutur inkarigat mill-ġlieda kontra t-terroriżmu;
59. Jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu politiku msaħħaħ bejn l-UE u t-Tuneżija fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza l-importanza li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu;
60. Jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE bħall-Europol, filwaqt li josserva li t-Tuneżija ma kinitx fil-lista ta' stati terzi li magħhom l-Europol se tikkonkludi ftehimiet; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-inklużjoni tat-Tuneżija f'din il-lista ta' stati terzi; jitlob li jsir studju tal-impatt fuq din il-kooperazzjoni u jkun ippreżentat f'laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) qabel l-approvazzjoni tal-ftehim; jilqa' pożittivament il-fatt li EUROJUST stabbiliet punt ta' kuntatt mat-Tuneżija u l-istedina minn EUROJUST indirizzata lill-awtoritajiet biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom u jaħtru t-tieni punt ta' kuntatt inkarigat speċifikament mit-terroriżmu; jistieden lill-Gvern Tuneżin jagħti segwitu xieraq lil dawn il-proposti malajr kemm jista' jkun;
IV - Mobilità, riċerka, edukazzjoni u kultura
61. Jilqa' favorevolment is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u t-Tuneżija ffirmata f'Marzu 2014, u jitlob li din tiġi implimentata malajr; jappella għal politika ġdida fil-qasm tal-viżi fil-konfront tat-Tuneżija u għall-konklużjoni ta' ftehim ta' riammissjoni; josserva li, minkejja l-fatt li s-sħubijiet għall-mobilità jiddependu mill-kompetenzi nazzjonali, huma inklużi fil-proposta tal-UE fi ħdan il-PEV; jirrakkomanda li l-Istati Membri juru s-solidarjetà tagħhom mat-Tuneżija bis-saħħa tal-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta 'viżi għall-imprendituri, għall-għalliema, għall-istudenti, għar-riċerkaturi, għall-artisti, eċċ.;
62. Jinkoraġġixxi lill-UE tiffirma s-sħubija għall-mobilità mal-pajjiżi sħab fil-viċinat tan-Nofsinhar tagħha bil-għan li taġevola l-proċeduri tal-viża flimkien mal-ftehimiet ta' riammissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa possibbiltajiet għal skemi ta' migrazzjoni ċirkolari li jiftħu rotot sikuri u legali għall-migranti; jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin, li l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab sabiex jiġġilduh; josserva li l-ħruġ ta' viżi għal soġġorn twil bi dħul multipli, minflok viżi għal soġġorn qasir, huwa l-aħjar mod biex tonqos il-migrazzjoni irregolari, inkluż bil-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u bit-traffikar tal-bnedmin; jirrakkomanda li t-Tuneżija temenda l-liġi tal-2004 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-individwi li ħallew it-territorju tagħha mingħajr awtorizzazzjoni, skont id-dritt internazzjonali;
63. Jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jikkooperaw mill-qrib mal-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-forom organizzati ta' immigrazzjoni illegali;
64. Jisħaq fuq il-fatt li l-missjonijiet bħal EUNAVFOR MED jikkostitwixxu mod pożittiv u effikaċi biex jingħeleb it-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-UE tkompli tintensifika l-operazzjonijiet ta' dan it-tip u tinvolvi lill-pajjiżi sħab bħat-Tuneżija;
65. Jilqa' pożittivament is-sħubija bejn l-UE u t-Tuneżija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-parteċipazzjoni tat-Tuneżija fil-Programm Qafas Orizzont 2020; jenfasizza li politika konsistenti ta' riċerka xjentifika u żvilupp teknoloġiku se tirrappreżenta inċentiv għall-investimenti fir-R&Ż, it-trasferiment ta' riċerka u innovazzjoni lis-settur privat u l-ħolqien ta' impriżi ġodda; jissottolinja li t-Tuneżija għandha ssir parteċipant sħiħ fil-programm Erasmus + sabiex jiġi żviluppat aktar l-iskambju ta' studenti universitarji; jinsab imħasseb bid-diffikultajiet dejjem akbar li jħabbtu wiċċhom magħom l-istudenti Tuneżini li jixtiequ jistudjaw fl-Ewropa; jitlob li jkun hemm "politika ta' diskriminazzjoni pożittiva" implimentata partikolarment għal studenti żgħażagħ li ġejjin minn reġjuni anqas żviluppati b'inċentivi għalihom biex jitħallew jipparteċipaw f'tali programmi; jistieden lit-Tuneżija terġa' tadegwa u tagħti prijorità lis-sħubijiet għall-iżvilupp tal-ħiliet fil-lingwi barranin, fl-inġinerija, fl-enerġiji rinnovabbli, fix-xjenzi u fix-xjenza informatika, li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' sħubijiet fost l-iskejjel, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka u ssaħħaħ il-proġetti komuni ta' tagħlim tul il-ħajja, speċjalment fl-oqsma tat-tagħlim tal-lingwi, tat-teknoloġiji l-ġodda, tal-promozzjoni tal-edukazzjoni tan-nisa u tal-imprenditorija;
67. Jappella għal sħubija msaħħa fis-setturi tal-kreattività, tal-kultura, tal-isport, tal-edukazzjoni popolari, tal-ħajja fil-komunità u tal-awdjoviżiv permezz tat-tisħiħ tan-netwerks u tal-inizjattivi li jrawmu żieda fid-djalogu interkulturali, l-enfasi fuq il-patrimonju storiku u arkeoloġiku komuni mill-epoka Rumana, il-mobilità tal-parteċipanti u l-promozzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut kulturali u awdjoviżiv, inklużi l-festivals u l-wirjiet; iħeġġeġ lit-Tuneżija tipparteċipa fil-programm Ewropa Kreattiva;
68. Jirrakkomanda l-użu tal-Għarbi mill-istituzzjonijiet tal-UE, u speċjalment mid-Delegazzjoni tal-UE f'Tuneż, meta tippubblika sejħiet għal offerti u għal espressjoni ta' interess u fil-komunikazzjoni mal-pubbliku; jissottolinja l-importanza li l-Gvern Tuneżin jinforma liċ-ċittadini dwar azzjonijietu;
69. Iqis li l-użu tal-Għarbi huwa neċessarju biex jiggarantixxi l-involviment tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet UE-Tuneżija, partikolarment fil-kuntest tan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles;
70. Jistieden lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija u lill-President tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu tat-Tuneżija.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
12.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
51 2 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Lars Adaktusson, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Elmar Brok, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Soraya Post, Igor Šoltes, Eleni Theocharous, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Therese Comodini Cachia, Edouard Ferrand, Liliana Rodrigues |
||||