RAPPORT dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020
12.9.2016 - (2016/2053(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Norbert Neuser
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Georgetown tal-1975 li stabbilixxa l-Grupp AKP, u r-reviżjoni tiegħu tal-1992[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2003 bit-titolu "Towards the full integration of cooperation with ACP countries in the EU budget" (Lejn l-integrazzjoni sħiħa ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP fil-baġit tal-UE) (COM(2003)0590)[3],
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Lejn sħubija ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020" (JOIN(2015)0033)[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet AKP-UE, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari AKP-UE[5], dik tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar it-tieni emenda għall-Ftehim ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000[6], dik tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika[7], u dik tal-1 ta' April 2004 dwar il-baġitizzazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-passat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, u b'mod partikolari dik tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar "Forty years of partnership: evaluation of the impact on trade and development in the ACP countries and prospects for enduring relations between the ACP countries and the European Union" (Erbgħin sena ta' sħubija: evalwazzjoni tal-impatt fuq il-kummerċ u l-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP u prospetti għal relazzjonijiet dejjiema bejn il-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea)[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta' Diċembru 2015 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE[10],
– wara li kkunsidra l-istrateġija globali tal-UE għall-politika barranija u ta' sigurtà, li għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-21 ta' Marzu 2012 bit-titolu "Lejn sħubija għall-iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Strateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew" (JOIN(2012)0018),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, adottata mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern Afrikani u Ewropej fis-summit ta' Lisbona fid-9 ta' Diċembru 2007[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[12],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta AKP-UE tat-12 ta' Ġunju 2014 dwar l-aġenda ta' wara l-2015[13],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sipopo tas-7 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP li sar fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2012, bit-titolu "The Future of the ACP Group in a Changing World: Challenges and Opportunities" (Il-Futur tal-Grupp AKP f'Dinja li qed Tinbidel: Sfidi u Opportunitajiet)[14],
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp tat-13-16 ta' Lulju 2015 u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-27 ta' Lulju 2015[15],
– wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli)[16],
– wara li kkunsidra l-41 sessjoni tal-Kunsill Konġunt AKP-UE, li saret f'Dakar (is-Senegal) fit-28 u d-29 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra t-8 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP f'Port Moresby, Papua New Guinea fl-31 ta' Mejju u fl-1 ta' Ġunju 2016 li fih kienet adottata l-Komunikazzjoni ta' Waigani dwar il-perspettivi futuri tal-Grupp ta' Stati AKP, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta' Port Moresby, li fiha kien aċċettat ir-rapport finali tal-Grupp ta' Persuni Eminenti li jirrifletti dwar il-futur tal-Grupp AKP,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0263/2016),
A. billi s-saħħa tal-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll l-acquis tiegħu huma bbażati fuq numru ta' karatteristiċi uniċi: huwa dokument legalment vinkolanti, għandu saħħa numerika mingħajr paragun ta' 79+28 Stat Membru, huwa komprensiv permezz tat-tliet pilastri tiegħu ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, ta' kooperazzjoni politika u ta' kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, għandu qafas istituzzjonali konġunt, u għandu baġit kbir fil-forma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);
B. billi l-għan predominanti tal-Ftehim ta' Cotonou: "li jitnaqqas u fl-aħħar jitneħħa l-faqar bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli u integrazzjoni bil-mod tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija." jinsab imnaqqax fl-Artikolu 1 tiegħu; billi s-sħubija hija bbażata fuq sett ta' valuri u prinċipji bażiċi, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u l-governanza trasparenti u responsabbli;
C. billi aktar minn 80 % tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati tad-dinja ġejjin minn reġjuni AKP, u dan jagħti rilevanza partikolari lis-sħubija UE-AKP;
D. billi kien hemm bidliet fix-xenarju politiku u ekonomiku fil-Grupp AKP u fl-Unjoni Ewropea minn meta ġie ffirmat il-Ftehim ta' Cotonou;
E. billi l-futur tar-relazzjonijiet UE-AKP għandu jkun ibbażat fuq riflessjoni ġdida dwar il-potenzjal u l-ostakli ġejjiena għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-AKP;
F. billi s-saħħa numerika tal-Istati Membri tal-AKP u tal-UE ma rriżultatx f'biżżejjed azzjoni konġunta fil-fora globali;
G. billi s-sħubija UE-AKP żvolġiet rwol importanti fil-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs);
H. billi, min-naħa l-oħra, ir-riżultati rigward l-għanijiet tal-qerda tal-faqar u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija dinjija kienu s'issa insuffiċjenti, minħabba li nofs l-istati membri AKP għadhom fost il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u peress li l-istati membri AKP flimkien jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kummerċ dinji u madwar 2 % tal-PDG globali;
I. billi r-relazzjonijiet kummerċjali jiffurmaw it-tieni pilastru tal-Ftehim ta' Cotonou, u billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) huma mezz biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet;
J. billi l-FSE huma previsti fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ta' Cotonou bħala strumenti ta' żvilupp "bl-għan li jħeġġu integrazzjoni armonjuża u gradwali tal-istati AKP fl-ekonomija dinjija, speċjalment billi jagħmlu użu sħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar"; billi l-inklużjoni tal-FSE fil-Ftehim ta' Cotonou tippromwovi l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
K. billi l-Ftehim ta' Cotonou iqis l-importanza dejjem tikber tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi AKP u fil-kooperazzjoni AKP-UE, kif ukoll ir-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, il-promozzjoni tat-tkabbir u l-indirizzar ta' sfidi transfruntiera;
L. billi l-Ftehim ta' Cotonou jindirizza sfidi globali ġodda relatati mat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-paċi u s-sigurtà (bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità internazzjonali), iżda pproduċa ftit riżultati konkreti f'dawn l-oqsma;
M. billi l-laqgħat tal-istituzzjonijiet konġunti AKP-UE, u b'mod partikolari tal-Kunsill Konġunt tal-Ministri, ipproduċew biss ftit riżultati konkreti u kien hemm attendenza baxxa u ta' livell baxx;
N. billi l-UE tiffinanzja madwar 50 % tal-ispejjeż tas-Segretarjat AKP; billi għadd ta' stati membri AKP mhumiex qed iħallsu l-kontribuzzjoni sħiħa tas-sħubija tagħhom;
O. billi d-djalogu politiku dwar l-elementi essenzjali, kif imsemmi fl-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa mezz konkret u legali li bih jitħarsu l-valuri komuni tas-sħubija AKP-UE u jkunu promossi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fundamentali għal żvilupp sostenibbli;
P. billi hu ferm meħtieġ li tiġi żgurata l-kundizzjonalità marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-ftehim il-ġdid;
Q. billi, minkejja r-rikonoxximent tal-importanza tagħhom, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fid-djalogu politiku kien pjuttost limitat; billi r-rwol tal-Grupp AKP bħala tali kien limitat għall-każijiet fejn jiġi invokat l-Artikolu 96; billi d-djalogu politiku, u l-Artikolu 96 b'mod partikolari, intużaw l-aktar fi stadju avvanzat tal-kriżijiet politiċi u mhux b'mod preventiv;
R. billi minkejja rikonoxximent ċar tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat fil-Ftehim ta' Cotonou wara r-reviżjoni tiegħu tal-2010, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-deliberazzjonijiet dwar il-politiki u l-attivitajiet AKP-UE kienet limitata;
S. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jiffaċċjaw leġislazzjoni dejjem aktar restrittiva kif ukoll ostakli oħrajn li jillimitaw l-attivitajiet u l-ispazju tagħhom;
T. billi r-reġjun AKP jinkludi numru ta' pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCT) assoċjati mal-Unjoni Ewropea li r-rabtiet speċjali tagħhom mal-Unjoni Ewropea jesiġu approċċ li jmur lil hinn minn dak tal-għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali sabiex tiġi kkunsidrata aħjar is-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea; billi għalkemm l-OCTs igawdu minn status speċjali, huma baqgħu jirċievu finanzjament taħt il-11-il FEŻ, bl-istess mod bħall-pajjiżi AKP;
U. billi l-FEŻ huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE u mhuwiex suġġett għar-regoli baġitarji normali tal-UE; billi l-Parlament m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tal-FEŻ ħlief billi jagħti l-kwittanza għall-ħlasijiet li diġà jkunu saru, u lanqas ma għandu drittijiet ta' skrutinju formali fuq il-programmazzjoni tal-FEŻ;
V. billi taħt il-11-il FEŻ madwar EUR 900 miljun jitwarrbu għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u madwar EUR 1,4 biljun mir-Riżerva tal-FEŻ se jintużaw għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika;
W. billi r-riżorsi domestiċi tal-pajjiżi AKP, flimkien mal-flus li l-komunitajiet tad-dijaspora jibagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, jista' jkollhom rwol ewlieni fil-finanzjament għall-iżvilupp;
X. billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tippermetti skrutinju demokratiku, ittejjeb il-viżibbiltà u żżid it-trasparenza fl-użu tal-fondi għall-iżvilupp tal-UE; billi, min-naħa l-oħra, in-natura pluriennali tal-ipprogrammar tal-FEŻ tippermetti prevedibilità tar-riżorsi filwaqt li l-inklużjoni fil-baġit jista' jwassal għal tnaqqis tal-fondi għall-iżvilupp għall-pajjiżi AKP favur prijoritajiet oħra tal-politika esterna u jista' jitqies li jdgħajjef is-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AKP; billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit jista' wkoll jikkomprometti l-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, u ta' inizjattivi oħra importanti bħall-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, sakemm ma jitwaqqafx strument dedikat għall-finanzjament tal-ispejjeż ta' sigurtà marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
1. Jafferma li l-kooperazzjoni AKP-UE hija kisba unika u prezzjuża li saħħet ir-rabtiet bejn il-popli u l-pajjiżi tal-AKP u tal-UE u l-parlamenti tagħhom matul dawn l-aħħar 40 sena; jissottolinja -fid-dawl tal-impenn muri mill-pajjiżi AKP li jieħdu azzjoni konġunta bħala grupp - li sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-kooperazzjoni u tiġi adattata għal sfidi ġodda, trid tiġi adottata struttura ġdida li żżomm dawk il-partijiet tal-acquis AKP-UE li għandhom natura universali, bħall-impenn għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iżvilupp tal-bniedem, il-governanza tajba u d-demokrazija, l-objettiv tal-istat tad-dritt, u l-iskambju ta' prattika tajba f'qafas komuni, filwaqt li l-ħidma prinċipali trid titwettaq bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri, għandha sseħħ fi ftehimiet reġjonali li jkunu mfassla apposta għal ħtiġijiet reġjonali speċifiċi u għall-interessi reċiproċi li jeżistu bejn l-UE u r-reġjun rispettiv;
2. Jenfasizza li kemm il-qafas komuni kif ukoll il-ftehimiet reġjonali għandhom ikunu legalment vinkolanti; jissottolinja li, sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tagħhom, u titnaqqas id-duplikazzjoni u tiġi evitata sovrappożizzjoni tal-oqsfa ta' politika, il-ftehimiet reġjonali mal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku għandhom jiġu mfassla b'tali mod li jqisu l-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali eżistenti, eż. l-Unjoni Afrikana, il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali, l-istrateġiji reġjonali jew il-ftehimiet reġjonali bħall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE), u għandhom jippermettu l-inklużjoni ta' pajjiżi oħra, bħall-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, jew il-ħolqien ta' gruppi skont interessi jew ħtiġijiet speċifiċi (eż. l-istatus tal-iżvilupp, bħal fil-każ tal-LDCs, jew pekuljaretajiet ġeografiċi, bħal fil-każ ta' stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw);
Objettivi, prinċipji u termini tal-kooperazzjoni
3. Jitlob biex l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jitqiegħdu fil-qalba ta' ftehim ġdid, u jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom li jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-ftehim tikkontribwixxi għall-SDGs u tippromwovihom;
4. Jitlob mekkaniżmu AKP-UE ta' monitoraġġ minn pari, ta' obbligu ta' rendikont u ta' rieżami li jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-istati membri fuq bażi regolari, b'rappreżentanti tal-AKP u l-UE mhux biss mill-istituzzjonijiet governattivi ċentrali imma wkoll mill-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet xjentifiċi, li kull sena jfassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għal proċessi ta' rieżami u ta' segwitu nazzjonali, reġjonali u globali;
5. Jenfasizza, barra minn hekk, li għandu jittieħed kont sħiħ tal-politiki bbażati fuq l-għarfien matul l-ipprogrammar, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki pubbliċi speċifiċi għas-settur kif previst skont dan il-ftehim il-ġdid;
6. Jappella biex il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi u eventwalment il-qerda tagħhom kif ukoll ill-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli isiru l-għanijiet predominanti tal-kooperazzjoni AKP-UE; jinsisti, madankollu, li ftehim ġdid għandu primarjament ikun proġett politiku bbażat fuq il-prinċipju tas-sjieda u b'mod ċar iħalli warajh il-mentalità ta' donatur-riċevitur; iqis li l-kooperazzjoni għandha sseħħ f'oqsma ta' interess komuni fejn ikunu mistennija gwadanji reċiproċi, mhux biss f'termini ekonomiċi imma wkoll fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, il-migrazzjoni, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u oqsma oħra relatati mal-prosperità tal-popolazzjonijiet kemm tal-AKP kif ukoll tal-UE;
7. Itenni l-opinjoni tiegħu li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) hija element ewlieni għall-kisba tal-aġenda l-ġdida għall-iżvilupp sostenibbli; jemmen li n-natura komprensiva tal-Ftehim ta' Cotonou tippromwovi l-PCD u għandha għalhekk tiġi ssalvagwardjata fi ftehim ġdid; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PCD kif ukoll li jissaħħaħ id-djalogu dwar kwistjonijiet relatati fil-qafas ta' dan il-ftehim il-ġdid; ifakkar fil-proposta tiegħu sabiex jinħatru korapporteurs permanenti tal-PCD fil-qafas tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;
8. Jemmen li r-rispett tal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna maqbula internazzjonalment huwa kruċjali għat-twettiq tal-Aġenda 2030, u jqis li għandha tiġi inkluża referenza għal dan fi ftehim futur;
9. Jitlob li l-elementi essenzjali fil-Ftehim ta' Cotonou rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt ikomplu jifformaw il-pedament ibbażat fuq il-valuri ta' ftehim ġdid; jitlob li tiżdied il-governanza tajba bħala element essenzjali, f'konformità ma' 16-il SDG ġdid, li jkopru l-ġustizzja u l-paċi u istituzzjonijiet effikaċi; itenni l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou;
10. Jenfasizza li d-djalogu politiku huwa parti fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou, u li l-Artikoli 8 u 96 huma mezzi konkreti u legali biex iħarsu l-elementi essenzjali tar-relazzjonijiet AKP-UE, għalkemm mhux dejjem intużaw b'mod effettiv fil-passat; jitlob biex id-djalogu politiku jibqa' pilastru ċentrali u legali fil-qafas predominanti u fil-livell reġjonali tal-ftehim il-ġdid; jitlob biex id-djalogu politiku jintuża b'mod aktar effettiv u sistematiku u b'mod proattiv sabiex jiġu evitati kriżijiet politiċi;
11. Jinnota li l-Artikolu 97 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprovdi għal proċedura ta' konsultazzjoni u miżuri xierqa li jindirizzaw każijiet serji ta' korruzzjoni, u jiddispjaċih li s'issa dan l-Artikolu ġie invokat darba biss; jitlob li, fil-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, dik il-proċedura tissaħħaħ sabiex issir kompletament operattiva;
12. Jissottolinja f'dan ir-rigward li d-djalogu politiku huwa bażi ta' valur għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popli tal-pajjiżi sħab; jiddispjaċih dwar l-użu insuffiċjenti ta' dan l-istrument kif ukoll dwar l-effikaċja dgħajfa tiegħu sa issa; jitlob, għalhekk, li jkun hemm monitoraġġ imtejjeb tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-elementi essenzjali u fundamentali l-oħra tal-ftehim, jenfasizza li l-monitoraġġ irid ikun inklużiv u parteċipattiv u jitlob evalwazzjoni biennali jew pluriennali u rapporti konġunti dwar ir-rispett għal dawn l-elementi mill-istati membri kollha AKP-UE bil-għan li jiġu ppubblikati l-ismijiet, biex jiġu mċanfra jew imfaħħra pubblikament; jitlob biex ir-riżultati ta' dawn ir-rapporti jiġu ppreżentati fil-laqgħat ġenerali AKP-UE u jintużaw bħala bażi għad-djalogu politiku, kif ukoll ikunu konsultati matul ir-rieżamijiet ta' implimentazzjoni tal-SDG nazzjonali, reġjonali u globali;
13. Jitlob parteċipazzjoni aktar b'saħħitha tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u tal-awtoritajiet lokali, kemm fil-pajjiżi tal-AKP kif ukoll tal-UE, fl-istadji kollha tal-politiki u l-attivitajiet AKP-UE, mill-ippjanar u l-ipprogrammar għall-ġejjieni sal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;
14. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-ftehim il-ġdid jimpenjaw ruħhom li jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali iżjed awtonomija u jibnu l-kapaċità tagħhom, biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv u l-ftehim ikollu rwol importanti fl-iżvilupp tal-pajjiżi AKP;
15. Jitlob involviment aktar b'saħħtu fid-djalogu politiku, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, u appoġġ għall-bini tal-kapaċità mis-soċjetà ċivili, b'mod speċjali għall-gruppi lokali li huma direttament ikkonċernati mill-politiki; jissottolinja f'dan ir-rigward il-periklu tal-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi, u l-ħtieġa li jiġu inklużi wkoll gruppi bħal minoranzi, zgħazagħ u nisa li ma jistgħux jorganizzaw l-interessi tagħhom jew li, minkejja interess demokratiku leġittimu, mhumiex rikonoxxuti mill-gvern tagħhom;
16. Jemmen li s-settur privat jista' jiżvolġi rwol ċentrali fil-proċess tal-iżvilupp u jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-iżvilupp, sakemm l-investiment isir b'rispett għall-persuni u għal sjieda jew użu tradizzjonali, kif ukoll għall-ambjent, bi qbil mal-prinċipji gwida tan-NU dwar il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-investiment privat ikun appoġġjat taħt l-awspiċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dment li jkun konformi mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-regoli tal-protezzjoni soċjali u ambjentali; jenfasizza li l-prijorità tas-sħubija l-ġdida għandha tingħata lill-produtturi u l-bdiewa fuq skala żgħira u sabiex ikun żgurat ambjent favorevoli għall-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jitlob, barra minn hekk, biex is-settur privat lokali u nazzjonali jkun ikkonsultat matul it-tfassil tal-politiki, u fl-istadji ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni;
Istituzzjonijiet AKP-UE futuri
17. Jitlob li l-laqgħat tal-Kunsill Konġunt AKP-UE jinkludu dibattiti politiċi topiċi u urġenti, inkluż dwar kwistjonijiet sensittivi, bil-għan li jiġu adottati konklużjonijiet konġunti dwarhom; jistieden lill-ministeri rilevanti tal-istati membri tal-AKP u l-UE biex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tal-ministri, sabiex il-laqgħat jingħataw il-leġittimità politika meħtieġa u jagħtu l-viżibilità meħtieġa lill-prinċipju tas-sħubija;
18. Jitlob li l-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni jinkludi dimensjoni parlamentari b'saħħitha, permezz ta' Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA), li tipprovdi għal djalogu parlamentari demokratiku u komprensiv, inkluż dwar suġġetti diffiċli u sensittivi, tmexxi 'l quddiem proġetti politiċi (reġjonali) komuni, tipprovdi bażi demokratika għalihom permezz tal-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati, tiskrutinizza l-ħidma tal-eżekuttiv u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tagħti kontribut importanti għal sħubija ta' kooperazzjoni ġdida fuq livell ugwali; jenfasizza l-importanza tal-involviment minn kmieni tal-JPA fid-diskussjonijiet rilevanti kollha dwar is-sħubija AKP-UE wara l-2020;
19. Jemmen bil-qawwa li l-JPA għandha tiżgura r-rappreżentanza adegwata demokratika u proporzjonali u l-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha fid-dibattiti tagħha; jitlob, għalhekk, biex id-delegazzjonijiet nazzjonali għall-JPA jinkludu rappreżentanti parlamentari tal-ispettru politiku nazzjonali tagħhom, u jiggarantixxu l-preżenza tal-oppożizzjoni;
20. Jitlob biex il-JPA tkun allinjata mal-istruttura reġjonali l-ġdida, biex b'hekk tiffoka l-ħidma tagħha f'fora reġjonali fuq kwistjonijiet ta' importanza reġjonali, tinvolvi bil-qawwa l-parlamenti nazzjonali u reġjonali filwaqt li tibqa' torganizza wkoll laqgħat konġunti AKP-UE fuq bażi regolari, imma anqas frekwenti; jitlob biex fis-sessjonijiet tal-JPA jiġu inklużi laqgħat topiċi u tematiċi mas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat bil-ħsieb li jkomplu jiġu żviluppati u mwessa' dibattiti dwar suġġetti marbuta mal-aġenda tal-JPA;
21. Jistieden lill-Bureau tal-JPA jiżviluppa orjentazzjoni aktar strateġika tal-programm ta' ħidma tal-Assemblea; jitlob li fil-ġejjieni r-rapporti tal-kumitat tal-JPA jistabbilixxu rabta ċara mas-17-il SDG sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ kontinwu ta' kull wieħed minn dawn l-għanijiet; jitlob allinjament tar-riżoluzzjonijiet komuni fil-forum globali AKP-UE dwar suġġetti internazzjonali urġenti, id-dewmien rigward suġġetti rilevanti għall-SDG u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll allinjament tar-riżoluzzjonijiet fil-laqgħat reġjonali jew laqgħat rispettivi oħra dwar suġġetti u kwistjonijiet attwali li huma urġenti u ta' interess partikolari għal reġjun jew grupp speċifiku; f'dan il-kuntest, ifakkar lill-VP / RGħ dwar l-importanza politika tal-preżenza tal-Kunsill f'livell ministerjali waqt is-sessjonijiet tal-JPA; jitlob biex il-Kopresidenti tal-JPA AKP-UE jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kunsill Konġunt sabiex jiġi żgurat fluss effettiv u reċiproku ta' informazzjoni u tissaħħaħ il-kooperazzjoni istituzzjonali;
22. Jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex jitjieb l-iskrutinju tal-JPA tal-iprogrammar għall-iżvilupp, waqt li jkunu kkunsidrati l-prinċipji dwar l-effikaċja tal-iżvilupp u s-segwitu għal tali skrutinju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet jippromwovu l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-atturi tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u komunitajiet tad-diaspora fil-fażijiet differenti ta' skrutinju tal-ipprogrammar għall-iżvilupp, u sabiex jgħaddu l-informazzjoni disponibbli kollha b'mod trasparenti u f'waqtu lill-parlamenti nazzjonali sabiex jgħinuhom fl-eżerċizzju tagħhom tal-iskrutinju demokratiku;
23. Iqis li s-sħubija UE-AKP għandha tapprofondixxi l-involviment mas-sħab l-oħrajn fil-livell dinji (bħall-Unjoni Afrikana jew in-Nazzjonijiet Uniti) u mal-potenzi internazzjonali l-oħrajn kull fejn ikun possibbli, u taħdem fuq it-tisħiħ tal-koordinament u tal-kooperazzjoni, mingħajr ma tirdoppja x-xogħol jew il-missjonijiet, bil-għan li tindirizza l-isfidi rappreżentati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;
Finanzjament futur
24. Jinsab konvint li l-iskadenza simultanja tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-Unjoni joffru l-opportunità biex finalmenttittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effikaċja, it-trasparenza, l-iskrutinju demokratiku, l-obbligu ta' rendikont u l-viżibilità u l-koerenza tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE; jenfasizza, madankollu, li din l-inklużjoni fil-baġit għandha tkun ikkundizzjonata permezz ta' i) garanzija ta' delimitazzjoni tal-fondi għall-iżvilupp biex jinżamm il-livell ta' finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u ii) soluzzjoni permanenti u separata għall-finanzjament mill-UE tal-ispejjeż tas-sigurtà li huma marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u f'koerenza magħha; jenfasizza li, anke jekk inkluż fil-baġit, il-FEŻ għandu jinkludi punti ta' riferiment li jkunu allinjati mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jimmodernizzaw l-istrumenti ta' finanzjament u jippromwovu appoġġ baġitarju settorjali u ġenerali fejn possibbli;
25. Jirrimarka li l-baġit tal-Unjoni diġà joffri strumenti mmirati lejn sħab speċifiċi u li l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tista' ssir b'mod li tirrifletti u tippromwovi relazzjoni AKP-UE privileġġata bil-għan li jkun promoss l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali li jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, qabel ma tippreżenta l-proposti meħtieġa għall-QFP li jmiss;
26. Ifakkar li r-relazzjonijiet AKP-UE futuri għandhom ikunu ta' natura politika, eż. jaħdmu lejn proġetti politiċi komuni f'fora internazzjonali differenti, u mhux prinċipalment ta' natura donatur-benefiċjarju; jenfasizza, għalhekk, li l-prinċipji tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għandhom jiġu applikati fuq bażi ugwali għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, u li jeħtieġ li l-pajjiżi AKP li jilħqu stat ta' żvilupp avvanzat ma jibqgħux jirċievu l-għajnuna għall-iżvilupp mill-UE bl-istess mod kif jiġri għall-pajjiżi li mhumiex fl-AKP; iqis li livell ogħla ta' awtofinanzjament mill-pajjiżi AKP ikun konformi mal-ambizzjonijiet tal-AKP li tkun attur awtonomu, u jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jiġu inklużi fil-ftehim il-ġdid għodod imsaħħa għall-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi AKP biex jiffinanzjaw lis-setturi ekonomiċi vitali; jistieden lill-partijiet jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jibnu l-kapaċità fil-pajjiżi AKP u biex jutilizzaw u jisfruttaw sew ir-riżorsi domestiċi, billi, b'mod partikolari, jsaħħu s-sistemi fiskali, jiżguraw ġestjoni tajba tar-riżorsi naturali u jħeġġu l-industrijalizzazzjoni u l-ipproċessar ta' materja prima għas-swieq lokali, reġjonali u dinjija;
27. Jenfasizza li l-11-il FEŻ huwa s-sors prinċipali ta' finanzjament għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), minkejja l-fatt li din kellha tkun soluzzjoni proviżorja meta l-FPA ġiet stabbilita fl-2003; jitlob il-ħolqien ta' strument dedikat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sigurtà marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
28. Josserva l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' qafas ta' sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; josserva li l-baġit tal-UE u l-kontribuzzjoni tal-FEŻ għall-pakkett ta' EUR 8 biljun huwa kompost esklużivament mill-għajnuna li diġà kienet ippjanata; jagħmel appell biex l-għajnuna għall-iżvilupp lill-benefiċjarji ma tkunx kompromessa u biex l-inizjattivi relatati mal-migrazzjoni jkunu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;
29. Jitlob l-introduzzjoni ta' strument dedikat għall-OCTs kollha li jkun konformi mal-istatus speċjali tagħhom u s-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-OCTs, bil-ħsieb li jitrawwem żvilupp inklużiv u sostenibbli fir-reġjuni rispettivi tagħhom u li l-OCTs jiġu integrati b'mod aktar sħiħ fl-ambjenti reġjonali tagħhom;
Dimensjoni kummerċjali: Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE)
30. Itenni li l-FSE jikkostitwixxu bażi għal kooperazzjoni reġjonali u li dawn għandhom ikunu strumenti għall-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali; jenfasizza, għalhekk, ir-relevanza ta' dispożizzjonijiet legalment vinkolanti ta' sostenibbiltà (dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali) fil-FSE kollha, u jissottolinja l-importanza tal-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ effettivi li jinkludu firxa wiesgħa mis-soċjetà ċivili sabiex jidentifikaw u jipprevjenu kwalunkwe effett negattiv li jista' jirriżulta mill-liberalizzazzjoni tal-kummerċ;
31. Jitlob li l-Ftehim suċċessiv għal dak ta' Cotonou ikun ftehim politiku komprensiv li permezz tiegħu jkunu stabbiliti r-rekwiżiti minimi vinkolanti għall-FSE, sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-konnessjonijiet fil-Ftehim ta' Cotonou eżistenti bejn l-FSE u d-dispożizzjonijiet ta' sostenibbiltà dwar il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fost dawk l-aktar vulnerabbli, u r-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali, u minħabba li dan kieku jipprovdi qafas adegwat għall-iżvilupp sostenibbli u l-koerenza politika; jitlob li jkun hemm proċess parlamentari konġunt ta' skrutinju u monitoraġġ dwar l-impatt tal-FSE kif ukoll mekkaniżmu strutturat ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili;
°
° °
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-UE, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.
- [1] http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/03_01/pdf/mn3012634_en.pdf
- [2] http://www.epg.acp.int/fileadmin/user_upload/Georgetown_1992.pdf
- [3] https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/communication-co-operation-acp-countries-in-the-eu-budget-com2003590_en.pdf
- [4] http://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/joint_-consultation-paper-post-cotonou_mt.pdf
- [5] ĠU C 310, 25.8.2016, p. 19.
- [6] ĠU C 65, 19.2.2016, p. 257.
- [7] ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 120.
- [8] ĠU C 103E, 29.4.2004, p. 833.
- [9] http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/2015_acp2/pdf/101905en.pdf
- [10] http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/2015_acp2/pdf/1081264en.pdf
- [11] http://www.africa-eu-partnership.org/sites/default/files/documents/eas2007_joint_strategy_en.pdf
- [12] Testi adottati, P8_TA(2015)0336.
- [13] http://www.acp.int/content/acp-eu-stand-together-post-2015-development-agenda
- [14] http://www.epg.acp.int/fileadmin/user_upload/Sipopo_Declaration.pdf
- [15] Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/69/313
- [16] Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/1.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (14.7.2016)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020
(2016/2053(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Eider Gardiazabal Rubial
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Huwa konvint li l-iskadenza simultanja tal-Ftehim ta' Cotonou u l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Unjoni joffru opportunità biex finalment ikun hemm deċiżjoni dwar l-inklużjoni fil-baġit tal-akbar strument ġeografiku fil-qasam tal-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), bil-patt u l-kundizzjoni li jkun hemm garanziji ċari ta' delimitazzjoni għall-kooperazzjoni AKP-UE u ż-żamma tal-livell tal-finanzjament; jemmen li l-istruttura attwali tal-FEŻ tikkostitwixxi anomalija li kkawżat bosta nuqqasijiet; jenfasizza li l-inklużjoni fil-baġit se tagħti spinta lil-leġittimità, lill-effiċjenza u lill-prevedibilità tal-għajnuna għall-iżvilupp filwaqt li tiżgura titjib fil-koerenza tal-politiki u fil-viżibilità, dment li dan il-finanzjament mill-FEŻ ikun żieda mal-baġit attwali tal-UE; itenni li l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit se tippermetti semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-qafas tal-għajnuna għall-iżvilupp; ifakkar li, anke jekk ikun inkluż fil-baġit, il-FEŻ għandu jinkludi parametri ta' riferiment li huma allinjati mal-kooperazzjoni tal-UE, bħal dawk fis-seħħ iddedikati għall-iżvilupp tal-bniedem u għat-tibdil fil-klima;
2. Jirrimarka li l-baġit tal-Unjoni diġà joffri strumenti mmirati lejn sħab speċifiċi u li l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tista' ssir b'mod li tirrifletti u tippromwovi relazzjoni AKP-UE privileġġata bil-għan li jkun promoss l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali li jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, qabel ma tippreżenta l-proposti meħtieġa għall-QFP li jmiss;
3. Ifakkar li l-ġlieda kontra l-faqar hija l-objettiv primarju tal-Unjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-mod ewlieni biex jiġu ttrattati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni tal-ispostamenti furzati; iwissi, fil-kuntest tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika, kontra d-devjazzjoni tal-approprjazzjonijiet mill-iskopijiet li għalihom kienu maħsuba u kontra l-ksur tal-objettivi tal-bażijiet ġuridiċi; jirrakkomanda li jittieħdu passi biex titkompla l-implimentazzjoni tal-miżuri maħsuba biex iżidu l-grad ta' awtonomija u responsabilizzazzjoni tal-komunitajiet, sabiex b'hekk ikunu jistgħu jirrappreżentaw aħjar l-interessi tagħhom stess b'mod responsabbli u sostenibbli; ifakkar ukoll fir-rwol pożittiv tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika bħala strument fundamentali għall-istabbilizzazzjoni, u jistenna li tinstab soluzzjoni, bħala parti tal-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit, li tiggarantixxi t-tkomplija tiegħu fir-rispett totali tat-Trattat;
4. Josserva l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; josserva li l-baġit tal-UE u l-kontribuzzjoni tal-FEŻ għall-pakkett ta' EUR 8 biljun huwa kompost esklużivament mill-għajnuna li diġà kienet ippjanata; jagħmel appell biex l-għajnuna għall-iżvilupp lill-benefiċjarji ma tkunx kompromessa u l-inizjattivi relatati mal-migrazzjoni jkunu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;
5. Isostni t-taħlit tal-għotjiet mal-istrumenti finanzjarji, ir-razzjonalizzazzjoni tal-finanzjamenti u l-garanzija tas-sostenibilità tal-proġetti bil-għan li jkun massimizzat l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp u jkunu affrontati l-fallimenti tas-suq u d-diskrepanzi fl-investimenti; jenfasizza li l-finanzjament innovattiv la għandu jieħu post l-għotjiet u lanqas ma għandu jissostitwixxi r-responsabilità tal-pajjiżi żviluppati fir-rigward tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) jew tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'dak li huwa forniment ta' servizzi pubbliċi essenzjali; josserva l-intenzjoni li jitnieda pjan ta' investiment estern fl-Afrika u fil-Mediterran, fuq l-eżempju tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi; jappella biex tkun garantita addizzjonalità ċara fil-konfront tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u tal-pjattaformi tal-finanzjamenti mħallta, anki permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u biex il-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-ħolqien tal-pjan.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
12.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Valli, Derek Vaughan |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (19.7.2016)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020
(2016/2053(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Pedro Silva Pereira
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jissottolinja li l-kooperazzjoni attwali AKP-UE ma wasslitx riżultati ottimali għall-partijiet tal-ftehim u jenfasizza, għaldaqstant, li l-użu futur tal-istess strumenti fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) jista' jkollu biss effetti limitati fuq l-iżvilupp tagħhom;
2. Jagħmel appell għal qafas effikaċi post-Cotonou adattat għall-isfidi globali ġodda u emerġenti, imsejjes fuq is-sjieda u r-responsabilità tal-pajjiżi AKP u jissottolinja r-rwol fundamentali tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u tad-drittijiet tal-bniedem; jevidenzja li l-qafas post-Cotonou jrid jiġi definit f'kooperazzjoni stretta mal-pajjiżi AKP, inkluża s-soċjetà ċivili, f'koordinament mal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, u jrid jissejjes fuq l-analiżi tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou u t-tagħlimiet li ttieħdu minnu, waqt li fl-istess ħin tkun evitata d-duplikazzjoni ta' sforzi u strutturi; jitlob li l-qafas post-Cotonou l-ġdid iqiegħed fil-qalba tal-objettivi tiegħu t-tkabbir u l-żvilupp; jenfasizza li l-ftehim qafas ġenerali rivedut, ta' natura ġuridikament vinkolanti, flimkien mal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) reġjonali u l-istrumenti kummerċjali l-oħra, partikolarment l-inizjattiva "Kollox ħlief Armi" u s-Sistema tal-Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ/SPĠ+), iridu jsostnu l-kummerċ ġust u sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali, u fl-aħħar mill-aħħar, il-ħolqien tal-ġid, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tal-faqar, u jipprevedu mekkaniżmu eżegwibbli li jippermetti li jkun garantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Ifakkar li l-FSE huma strument kruċjali ta' żvilupp biex tingħata għajnuna ħalli jittaffa l-faqar fit-tul; jenfasizza l-fatt, madankollu, li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ trid tkun akkumpanjata minn miżuri effikaċi u sostenn għall-iżvilupp f'termini ta' bini tal-kapaċitajiet, produzzjoni, kapaċitajiet ta' infrastruttura u ta' esportazzjoni u żvilupp tas-settur privat nazzjonali, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-pajjiżi l-anqas żviluppati, bil-għan li jingħataw għajnuna biex jisfruttaw l-opportunitajiet li joffri l-kummerċ;
4. Isostni l-ħolqien ta' żona kontinentali ta' kummerċ ħieles maħsuba biex tiggarantixxi l-integrazzjoni ekonomika approfondita tal-54 Stat tal-kontinent Afrikan; jagħmel appell għal ridefinizzjoni tas-sħubija AKP-UE ħalli ssir kompatibbli mal-ħolqien ta' din iż-żona kontinentali ta' kummerċ ħieles;
5. Josserva li l-kummerċ hu wieħed mit-tliet pilastri tal-Ftehim ta' Cotonou u jenfasizza li l-proċess post-Cotonou jmissu joffri qafas għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet kummerċjali ta' interess komuni mal-pajjżi AKP kollha u l-partijiet interessati rilevanti; jappella għal ftehim post-Cotonou li jagħmilha ta' ftehim politiku qafas li abbażi tiegħu jkunu ffissati rekwiżiti minimi vinkolanti għall-FSE, fosthom skrutinju parlamentari konġunt u mekkaniżmi strutturati ta' monitoraġġ mis-soċjetà ċivili; jagħmel appell lill-Kummissjoni tiggarantixxi monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-FSE bil-għan li possibbilment jiġu aġġornati; jagħmel appell għal tisħiħ tal-kooperazzjoni kummerċjali, li tkun ġusta u bbilanċjata, filwaqt li jinkoraġġixxi r-riformi ekonomiċi sistemiċi u li jqis l-ispeċifiċitajiet u l-prijoritajiet tad-diversi pajjiżi u tad-diversi reġjuni AKP; jargumenta favur dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali dment li jkunu mmexxija minn approċċ ibbażat fuq il-valuri u fuq titjib tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif propost fil-komunikazzjoni intitolata "Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment"; jagħmel appell għal qafas post-Cotonou li jqis id-dimensjoni tal-ġeneru tal-kummerċ; jemmen li t-tkabbir inklużiv, il-ħolqien ta' xogħol dinjituż, il-governanza ekonomika, l-integrazzjoni reġjonali, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-investimenti, l-iżvilupp tas-settur privat (speċjalment tal-mikroimpriżi u impriżi żgħar), id-diversifikazzjoni ekonomika, il-promozzjoni tal-industriji naxxenti u l-iżvilupp agrikolu sostenibbli kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali għandhom jikkostitwixxu l-qalba ta' sħubija ekonomika futura;
6. Jenfasizza li mhux biss il-ftehimiet kummerċjali, fosthom il-FSE, iżda wkoll l-investimenti huma ta' importanza kbira għall-iżvilupp tal-ekonomiji tal-pajjiżi AKP, għat-tnaqqis tal-qgħad u għall-inklużjoni soċjali; għal dan il-għan, jemmen li l-arranġamenti futuri wara l-2020 għandhom jipprevedu dispożizzjonijiet adegwati li jsostnu l-proċessi ta' investiment;
7. Jenfasizza li l-qafas post-Cotonou għandu jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol u l-governanza tajba, anki billi jkunu indirizzati l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti, fuq il-bażi tal-istandards internazzjonali; jappella għal dispożizzjonijiet b'saħħithom u eżegwibbli għall-iżvilupp sostenibbli u qafas adegwat fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji; jitlob, b'mod partikolari, li l-klawsola dwar l-"elementi essenzjali" fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tinżamm fil-ftehim futur, konformement mal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, b'tali mod li l-klawsoli ta' konnessjoni tal-FSE – partikolarment il-klawsoli ta' noneżekuzzjoni – jibqgħu jgħoddu wara l-2020;
8. Jikkunsidra li huwa ferm importanti li l-qafas post-Cotonou jintroduċi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ bil-għan li jespandi l-iskambju intra-Afrikan ta' prodotti industrijali u agrikoli;
9. Josserva l-importanza ta' Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE mġedda, kif ukoll tal-involviment tagħha fil-fażijiet kollha tad-diskussjoni dwar il-qafas post-Cotonou, u jargumenta favur kontroll parlamentari rigoruż tal-qafas futur; jitlob monitoraġġ tal-kooperazzjoni AKP-UE orjentat lejn ir-riżultati u perjodiku, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ, l-iżvilupp sostenibbli u l-kummerċ ġust;
10. Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati, bħat-trade unions, l-impriżi – inklużi l-SMEs – u l-awtoritajiet lokali, huwa indispensabbli fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-FSE u tal-proċess post-Cotonou; jagħmel appell lill-Kummissjoni tippromwovi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet formali AKP-UE;
11. Ifakkar l-impenji meħudin fil-qasam tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u l-importanza tagħhom għall-finijiet tar-realizzazzjoni tal-SDGs; jissottolinja l-bżonn ta' elaborazzjoni ta' regoli tat-tassazzjoni ċari u trasparenti biex jiżdied id-dħul nazzjonali; josserva l-importanza tal-bini tal-kapaċitajiet kummerċjali peress li l-industrijalizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji AKP jibqgħu limitati, u jappella biex issir analiżi bir-reqqa tal-bżonnijiet tal-pajjiżi AKP f'termini ta' żvilupp tal-kummerċ u tal-investimenti; jitlob lill-UE tiggarantixxi finanzjamenti adegwati u effikaċi għall-Għajnuna għall-Kummerċ biex trawwem it-trasferiment tat-teknoloġija u ssostni l-isforzi tal-pajjiżi AKP maħsuba biex jimplimentaw il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO, jintegraw ruħhom progressivament fl-ekonomija dinjija u javvanzaw fil-katini tal-valur globali u reġjonali; josserva li l-għajnuna finanzjarja għandha tkun interkonnessa ma' proġetti kooperattivi konkreti intiżi li jtejbu s-sistemi infrastrutturali, edukattivi u soċjali tal-pajjiżi AKP;
12. Jagħmel ukoll appell lill-UE li jqawwi s-sostenn tagħha biex tgħin lill-pajjiżi rikki fir-riżorsi jimplimentaw il-prinċipji tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) ta' aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-minjieri.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
14.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 0 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Yannick Jadot, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Reimer Böge, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Seán Kelly, Gabriel Mato, Bolesław G. Piecha, Pedro Silva Pereira, Ramon Tremosa i Balcells, Wim van de Camp, Jarosław Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mara Bizzotto, Bernd Kölmel, Jozo Radoš, Dariusz Rosati, Paul Rübig, Mylène Troszczynski |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (31.8.2016)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020
(2016/2053(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Javier Couso Permuy
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-bżonn li r-relazzjoni AKP-UE terġa' tinbena fuq sisien ġodda bħala sħubija li tippromwovi l-interessi strateġiċi u l-valuri komuni tas-sħab differenti, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-governanza globali u ordni multilaterali msejjes fuq ir-regoli; jisħaq fuq il-fatt li din is-sħubija trid ikollha bħala objettivi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, tissodisfa l-bżonnijiet ta' bażi u tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, billi tippromwovi kemm il-prevedibilità kif ukoll is-sjieda tal-istrateġiji fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
2. Huwa konvint li r-rieżami tas-sħubija AKP-UE għandha tqis l-importanza dejjem akbar tar-reġjonalizzazzjoni bil-għan li tkun evitata s-sempliċi impożizzjoni ta' qafas politiku tal-Unjoni; jenfasizza li huwa kruċjali li l-pajjiżi tal-grupp AKP jipparteċipaw bi ħġarhom, bħala grupp u bħala reġjuni, fil-proċess ta' rieżami; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana jew il-komunitajiet ekonomiċi reġjonali Afrikani; jappella għal reġjonalizzazzjoni aktar b'saħħitha u istituzzjonalizzazzjoni differenzjata tas-sħubija AKP-UE, fid-dawl tad-diversità tat-tliet reġjuni sħab (Afrika, Karibew u Paċifiku);
3. Jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza tar-relazzjonijiet mal-AKP, speċjalment fir-rigward tal-kontinent Afrikan ġar u r-relazzjonijiet speċjali eżistenti mal-Unjoni Afrikana, li jistgħu jkomplu jiġu żviluppati; jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-possibilità li jiġu identifikati l-istrutturi u l-mekkaniżmi l-aktar effiċjenti għall-kooperazzjoni futura, li jista' jfisser li ssir fużjoni bejn l-istrutturi u l-politiki eżistenti tal-Ftehim ta' Cotonou u dawk tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika (JAES), kif ukoll li jinħoloq qafas adegwat għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Karibew u tal-Paċifiku; jemmen li, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-futur tal-istruttura istituzzjonali tar-relazzjonijiet AKP-UE, ta' min issir analiżi bir-reqqa tar-riżultati miksuba fil-passat u tal-fallimenti tal-qafas eżistenti;
4. Iqis li, jekk minn naħa l-alleanzi politiċi b'saħħithom ibbażati fuq interessi komuni u valuri kondiviżi għandhom jibqgħu jkunu l-bażi tas-sħubija AKP, min-naħa l-oħra l-kooperazzjoni fil-kwistjonijiet globali għandhom jissaħħu ulterjorment filwaqt li jinħolqu l-mekkaniżmi adegwati bil-għan li jkunu affrontati b'mod aktar effikaċi l-isfidi globali tal-lum bħal, fost oħrajn, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-ilma, tal-enerġija u tal-ikel, il-flussi migratorji, it-terroriżmu, l-estremiżmu, il-kriminalità internazzjonali, il-bijodiversità, is-saħħa u l-kwistjonijiet finanzjarji;
5. Jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza fundamentali tal-konsistenza bejn il-politiki esterni tal-Unjoni u dik bejn l-objettivi tal-politiki interni u esterni tagħha, partikolarment fis-setturi tal-kummerċ, tal-agrikoltura, tal-ambjent, tal-enerġija, tas-sigurtà u tal-migrazzjoni; iżid li l-isfida tas-sjieda sħiħa tas-sħubija AKP-UE min-naħa tal-pajjiżi tal-grupp AKP għadha importanti u li r-rieżami ta' din is-sħubija għandha tagħtiha spinta politika ġdida lil hinn minn kwalunkwe adegwamenti tekniċi jew istituzzjonali meħtieġa;
6. Jisħaq fuq il-fatt l-kooperazzjoni AKP-UE għandha tkun intensifikata fis-setturi ta' interess komuni bħas-sigurtà, il-prevenzjoni tal-kunflitti, anki fir-rigward tat-tnaqqis tal-ġuħ u tal-effetti tat-tibdil fil-klima, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jirrimarka f'dan ir-rigward li l-possibilitajiet ta' djalogu politiku fil-qafas tal-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou ma ġewx sfruttati totalment la mill-UE u lanqas mill-grupp AKP; jevidenzja r-rwol importanti f'dan il-kuntest tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE;
7. Ifakkar li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-elementi essenzjali l-oħrajn imsemmijn fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou jikkostitwixxu l-pedament tas-sħubija AKP-UE; jenfasizza l-bżonn li jkunu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-importanza tal-parti 2 tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou attwali u tal-klawsola demokratika li tinsab fih u żviluppata ulterjorment fl-Artikolu 96; ifakkar fl-importanza li jkunu implimentati bis-sħiħ dawn id-dispożizzjonijiet, fejn ikun neċessarju;
8. Jisħaq fuq il-fatt li għandhom jissaħħu ulterjorment id-diversi mekkaniżmi tal-Ftehim ta' Cotonou, bħad-djalogu politiku, l-appoġġ finanzjarju, il-miżuri adegwati u s-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, bil-għan li jingħata kontribut effikaċi għat-titjib tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba, partikolarment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
9. Jisħaq fuq l-importanza li din is-sħubija post-Cotonou l-ġdida tkun vantaġġjuża għal kulħadd u tissejjes fuq il-prinċipji tat-tkabbir u tal-iżvilupp reċiproċi bejn l-UE u l-Afrika; huwa tal-fehma li din is-sħubija trid trawwem l-industrijalizzazzjoni tal-kontinent Afrikan u l-iżvilupp tal-agrikoltura, kif ukoll tinkoraġġixxi l-investimenti fil-politiki fil-qasam tal-innovazzjoni u fl-iżvilupp sostenibbli;
10. Jenfasizza li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), kif definita fl-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-"Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa" dwar il-finanzjament tal-iżvilupp, għadha kruċjali għall-pajjiżi AKP, partikolarment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs); jinsisti biex din il-kwistjoni tkun integrata totalment fir-relazzjonijiet AKP-UE futuri wara l-2020; tinnota l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex talloka assistenza għall-iżvilupp lill-pajjiżi AKP; jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri tal-UE ma laħqux l-objettiv li jallokaw 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom għall-ODA fl-2015; jagħmel appell lis-sħab kollha biex jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji tagħhom;
11. Jappella għall-inklużjoni fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-rieżami tal-qafas ta' kooperazzjoni AKP-UE bħala ġabra unika u universali ta' għanijiet ta' żvilupp applikabbli għal kulħadd; jemmen li l-Kunsill Konġunt AKP-UE għandu jifformula rakkomandazzjonijiet konkreti dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-qafas tal-kooperazzjoni AKP-UE;
12. Jisħaq fuq l-importanza tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Cotonou fis-seħħ għall-pajjiżi AKP, li jippermetti lil dawn tal-aħħar jidħlu fi djalogu dwar il-politiki tal-UE li jafu jinfluwenzaw l-iżvilupp tagħhom;
13. Jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet ta' sħubija għall-gvernijiet tal-pajjiżi AKP, bil-għan li titjieb il-prestazzjoni kumplessiva tal-ekonomiji tagħhom; huwa tal-fehma li s-sħubija l-ġdida se jkollha tissejjes fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet produttivi tal-pajjiżi, f'loġika ċara ta' żvilupp sostenibbli u mingħajr l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali min-naħa tal-kumpaniji pubbliċi barranin, it-twettiq tal-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali l-aktar vantaġġjużi filwaqt li fl-istess ħin jiġu sfruttati l-istrutturi ta' sostenn eżistenti bħall-Unjoni Afrikana, l-integrazzjoni tal-agrikoltura tradizzjonali b'metodi effiċjenti ta' sfruttament, distribuzzjoni u kummerċjalizzazzjoni agrikoli għall-ġid tal-popolazzjoni, kif ukoll il-ġlieda kontra l-ħtif tal-art min-naħa ta' forzi barranin u nazzjonali; jirrakkomanda li titqies il-privatizzazzjoni tar-riżorsi naturali nazzjonali u tas-servizzi pubbliċi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE tippromwovi l-konsolidament tad-drittijiet tal-proprjetà tal-art, inkluża reġistrazzjoni u attribuzzjoni adegwata tad-drittijiet tal-proprjetà tal-art, fil-pajjiżi sħab ikkonċernati, bil-għan li jkun evitat l-isfruttament ekonomiku tal-gruppi l-aktar vulnerabbli;
14. Jindika r-rwol u l-valur miżjud tar-relazzjonijiet ekonomiċi, speċjalment ta' dawk li jinvolvu lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tal-impriżi familjari taż-żewġ naħat; jitlob miżuri speċifiċi biex jippromwovu skambji aktar intensi;
15. Jappoġġa d-deċiżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li toħloq strument ġuridiku komprensiv li jiżgura li l-impriżi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, b'tali mod li jintemm l-isfruttament tal-ħaddiema, l-iskjavitù moderna, il-fluss illeċitu tal-kapital u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-kunflitti armati; jistieden lill-UE u lis-sħab AKP jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa;
16. Jisħaq b'mod partikolari fuq il-bżonn, fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-futur, ta' strateġiji ta' żvilupp sostenibbli biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, fosthom ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-ilma u prattiki agrikoli sostenibbli, bil-għan li tiżdied is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma biex tkun garantita ħajja sana u jintemmu l-ġuħ u l-faqar; iqis li hemm opportunitajiet kbar ta' kooperazzjoni ġdida fil-qasam tal-politika klimatika u enerġetika u ta' konservazzjoni tal-bijodiversità marina, inklużi miżuri innovattivi għall-ġlieda kontra l-iskart tal-plastik fil-baħar, kif ukoll is-sokkors konġunt f'każ ta' diżastru, permezz tal-ħolqien ta' punti ta' emerġenza effiċjenti;
17. Jisħaq fuq il-fatt li huwa neċessarju li l-partijiet isibu, b'mod konġunt, soluzzjonijiet maħsuba biex isibu tarf il-kawżi profondi tal-migrazzjoni f'ċerti pajjiżi AKP; jemmen li l-ħidma favur qafas multilaterali effikaċi għall-ġestjoni tal-flussi migratorji globali għandha ssir prijorità strateġika għal sħubija AKP-UE futura;
18. Jevidenzja li l-qafas ta' sħubija futur għandu jippermetti approċċ komprensiv għall-paċi u għas-sigurtà u li, f'dan ir-rigward, għandu jkun stabbilit ippjanar u koordinament suffiċjenti bil-għan li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet eżistenti u potenzjali bejn l-appoġġ reġjonali u dak nazzjonali min-naħa tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi AKP;
19. Jemmen li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-paċi u tas-sigurtà għandhom jissaħħu ulterjorment u li s-sħubija futura għandha tipprevedi azzjoni konġunta aktar effikaċi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, inklużi t-twissija bikrija u l-medjazzjoni, il-bini tal-paċi u l-indirizzar tal-isfidi għas-sigurtà transnazzjonali, bil-għan li jinstab tarf it-theddid attwali għas-sigurtà transreġjonali marbuta mat-terroriżmu u mal-estremiżmu vjolenti, il-forom kollha ta' traffikar, fosthom dak tal-bnedmin, tal-armi u tad-droga, kif ukoll il-piraterija, li jolqtu l-pajjiżi tal-UE u tal-AKP;
20. Jenfasizza li ambjent ta' sigurtà stabbli huwa kundizzjoni preliminari essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli; jappoġġa, għal dan il-għan, il-ħolqien ta' strument finanzjarju ddedikat għas-sigurtà u għall-paċi fi ħdan il-qafas tas-sħubija AKP-UE futura;
21. Jappella biex tissaħħaħ id-dimensjoni politika tas-sħubija AKP-UE, partikolarment biex jitwettqu azzjonijiet konġunti u tiġi eżerċitata influwenza akbar fil-fora internazzjonali; iqis li s-sħubija AKP-UE għandha tipprova timpenja ruħha ulterjorment, meta jkun possibbli, mas-sħab l-oħrajn fil-livell dinji (bħall-UA u n-NU) u ma' potenzi internazzjonali oħrajn u taħdem fuq t-tisħiħ tal-koordinament u tal-kooperazzjoni, mingħajr ma tirdoppja x-xogħol jew il-missjonijiet, bil-għan li tindirizza l-isfidi rappreżentati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;
22. Jinkoraġġixxi lis-sħab iwessgħu l-qafas tal-Istati u tal-istituzzjonijiet eleġibbli lil hinn mill-grupp tal-pajjiżi AKP, dment li l-pajjiżi konċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti; jevidenzja l-bżonn li jiġu rieżaminati l-istrutturi tad-djalogu AKP-UE u li jingħataw nifs ġdid b'tali mod li tkun garantita pluralità ta' sħab fid-djalogi istituzzjonali fil-livell parlamentari u f'livell politiku għoli; jistieden lill-pajjiżi AKP jeżaminaw l-prospettivi ta' relazzjoni aktar strutturata mal-Istati tal-Asja, tal-Amerika Latina, tal-Lvant Nofsani u tal-Amerika ta' Fuq, biex ikun hemm skambju ta' esperjenzi;
23. Jisħaq fuq l-importanza tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fil-promozzjoni tad-djalogu politiku u fl-iżvilupp ta' sħubija ekwa bejn il-pajjiżi AKP u tal-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
12.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
53 10 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Soraya Post, Igor Šoltes, Eleni Theocharous, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Therese Comodini Cachia, Edouard Ferrand, Liliana Rodrigues, Janusz Zemke |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
20 |
+ |
|
ALDE |
Beatriz Becerra Basterrechea, Charles Goerens, Paavo Väyrynen |
|
ECR |
Eleni Theocharous |
|
EFDD |
Ignazio Corrao |
|
PPE |
Brian Hayes, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Joachim Zeller, Anna Záborská |
|
S&D |
Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Liliana Rodrigues, Manuel dos Santos |
|
5 |
- |
|
EFDD |
Nathan Gill |
|
GUE/NGL |
Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey |
|
VERTS/ALE |
Heidi Hautala, Maria Heubuch |
|
1 |
0 |
|
ENF |
Louis Aliot |
|
It-tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni