dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
(12256/2016 – C8-0401/2016 – 2016/0184(NLE))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12256/2016),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0401/2016),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC), li saret f'Pariġi, Franza f'Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li takkumpanja l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima" (COM(2016(0110),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra t-tressiq fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea lill-UNFCCC tal-Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0280/2016),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
Sfond
Il-Ftehim ta' Pariġi huwa kisba ta' sinifikat storiku għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-multilateraliżmu. Jirrappreżenta ftehim ambizzjuż, bilanċjat, ġust u vinkolanti fid-dritt. L-adozzjoni tal-Ftehim u t-tħabbiriet kumulattivi sa tmiem il-COP21 ta' Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) minn 187 Parti kienu bidla deċiżiva lejn azzjoni globali komprensiva u kollettiva, u, meta jiġu implimentati, sejrin jaċċelleraw b'mod definittiv u irriversibbli t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali reżiljenti għat-tibdil fil-klima u klimatikament newtrali. Din l-azzjoni globali għandha l-għan li tqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż. Il-Ftehim jirrikonoxxi li quċċata globali ta' emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra għandha tintlaħaq kemm jista' jkun malajr u n-newtralità klimatika għandha tinkiseb fit-tieni nofs ta' dan is-seklu. Il-Ftehim ta' Pariġi jinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin:
- Jistabbilixxi mira fit-tul li d-dinja tinġieb fit-triq it-tajba biex tillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali – u jagħmel kull sforz biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5°C; Il-mira ambizzjuża ta' 1.5°C inqablet biex tixpruna ambizzjoni akbar, u biex tenfasizza l-preokkupazzjonijiet tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli li diġà qed iġarrbu l-impatti tat-tibdil fil-klima.
- Jibgħat sinjal ċar lill-partijiet ikkonċernati kollha, lill-investituri, lin-negozji, lis-soċjetà ċivili u lil dawk li jfasslu l-politika, li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa hija waħda permanenti u li r-riżorsi jridu jinbidlu mill-fjuwils fossili; b'189 pjan nazzjonali dwar il-klima li jkopru madwar 98 % tal-emissjonijiet kollha, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima issa verament sar sforz globali. Bis-saħħa ta' Pariġi, minn azzjoni minn ftit qed ngħaddu għal azzjoni minn kulħadd.
- Jipprovdi mekkaniżmu dinamiku biex jindirizza u jsaħħaħ l-ambizzjoni maż-żmien. Mill-2023, il-Partijiet se jiltaqgħu kull ħames snin biex jiġbdu "bilanċ globali" ħalli jqisu l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, fl-adattament u fl-apoġġ li jkun ingħata u ġie riċevut, fid-dawl tal-miri fit-tul tal-Ftehim.
- Il-Partijiet għandhom obbligu vinkolanti fid-dritt li jsegwu miżuri nazzjonali ta' mitigazzjoni, bil-għan li jilħqu l-objettivi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.
- Jistabbilixxi qafas mtejjeb ta' trasparenza u akkontabilità, inklużi s-sottomissjoni kull sentejn mill-Partijiet kollha tal-inventarji tal-gass b'effett ta' serra u l-informazzjoni meħtieġa biex il-progress tagħhom ikun jista' jiġi segwit, rieżami minn esperti tekniċi, kunsiderazzjoni faċilitattiva u multilaterali tal-progress tal-Partijiet u mekkaniżmu li jiffaċilita u jippromwovi l-konformità.
- Jipprovdi pakkett ambizzjuż ta' solidarjetà b'dispożizzjonijiet adegwati dwar il-finanzjament kontra t-tibdil fil-klima u dwar l-indirizzar tal-ħtiġijiet marbuta mal-adattament u t-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. Sabiex jippromwovi azzjoni individwali u kollettiva dwar l-adattament, għall-ewwel darba, il-Ftehim ta' Pariġi jistabbilixxi mira globali bil-għan li jtejjeb il-kapaċità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jnaqqas il-vulnerabbiltà għall-klima. Mil-lat internazzjonali, il-Ftehim iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn il-Partijiet biex jikkondividu l-għarfien xjentifiku dwar l-adattament kif ukoll informazzjoni dwar il-prattiki u l-politiki.
Pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapporteur jilqa' l-abbozz ta' proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u jemmen li dan jipprovdi l-bażi meħtieġa għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi mill-UE u l-Istati Membri tagħha. L-UE u l-Istati Membri tagħha esprimew l-intenzjoni tagħhom li jaġixxu b'mod konġunt taħt il-Ftehim ta' Pariġi ,u dan huwa rifless fl-Artikolu 4(18) tal-Ftehim ta' Pariġi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma, għalhekk, responsabbli b'mod konġunt sabiex jippreparaw, jikkomunikaw u jżommu kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali (NDCs) li biħsiebhom jilħqu u biex isegwu miżuri ta' mitigazzjoni domestiċi. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni u l-Kunsill, f'isem l-Unjoni Ewropea u t-28 Stat Membru kollha, iffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar ta' livell għoli li saret fi New York fit-22 ta' April 2016.
Il-Ftehim ta' Pariġi se jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha tal-inqas 55 parti kontraenti għall-Konvenzjoni, li b'kollox jikkostitwixxu għal tal-anqas 55 % tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU. Sad-29 ta' Ġunju 2016, 178 Stat kienu ffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi, u 19-il Stat kienu ddepożitaw l-istrumenti għar-ratifika tiegħu, li b'kollox huma responsabbli għal 0.18 % tat-total globali tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra. Hemm dejjem aktar momentum internazzjonali biex il-Ftehim ta' Pariġi jkun jista' jidħol fis-seħħ fl-2016. Eżempju ta' dan hija d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 f'Ise-Shima, fil-Ġappun, fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016, li tappella lill-Partijiet kollha jistinkaw sabiex il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fl-2016.
Ir-rapporteur jemmen li huwa inkonċepibbli li l-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ mingħajr l-UE bħala firmatarja, meta wieħed iqis ir-rwol ta' tmexxija tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, ir-rwol tagħha fil-Protokoll ta' Kjoto, u l-isforzi kontinwi tagħha lejn trattat universali sussegwenti. Għal din ir-raġuni, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri individwali jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkompletaw il-proċess ta' ratifika tal-UE u nazzjonali tagħhom sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016.
L-UE u l-Istati Membri tagħha kienu l-ewwel ekonomiji maġġuri li kkomunikaw il-kontribut maħsub determinat (INDC) tagħhom fil-livell nazzjonali fis-6 ta' Marzu 2015, b'mod li jirrifletti l-qafas ta' politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014. L-UE stabbiliet mira ambizzjuża ta' tnaqqis intern tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra b'tal-inqas 40 % sal-2030. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-UE u l-Istati Membri tagħha diġà impenjaw ruħhom li jilħqu din il-mira, li tikkonċerna l-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-perjodu 2020-2030. Ir-rapporteur għalhekk jemmen li l-proċess ta' ratifika tal-UE jeħtieġ jiġi sseparat mill-azzjonijiet leġiżlattivi attwali u futuri bil-għan li tiġi implimentata l-mira ta' tal-anqas 40 % ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra.
Konklużjoni
Ir-rapporteur iqis li d-deċiżjoni ta' ratifika dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi adottata taħt l-UNFCCC se tibgħat sinjal qawwi u tenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-isforzi kontinwi tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi se tagħti kontribut kruċjali għall-isforzi globali biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rapporteur iqis id-dħul fis-seħħ formali tal-Ftehim ta' Pariġi bħala prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk jistieden lill-Kunsill jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiffinalizza l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi, flimkien mal-proċessi ta' ratifika nazzjonali paralleli fl-Istati Membri, mill-aktar fis, sabiex il-proċess ta' ratifika tal-UE jiġi ffinalizzat u l-istrumenti ta' ratifika jiġu ddepożitati man-NU qabel tmiem l-2016.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-Rapporteur jissuġġerixxi li l-Kumitat responsabbli u l-Parlament Ewropew jagħtu l-kunsens tagħhom għall-abbozz ta' proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill mingħajr dewmien.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu
Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima