RAPPORT dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM

7.10.2016 - (2015/2110(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Laura Ferrara

Proċedura : 2015/2110(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0284/2016
Testi mressqa :
A8-0284/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM

(2015/2110(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 67, u l-Artikoli 82-89 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 8, 17, 32, 38 u 41, l-Artikoli 47-50 u l-Artikolu 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tas-16 ta' Ġunju 2015 dwar l-iżvilupp tal-istrateġija ta' sigurtà interna mġedda tal-Unjoni Ewropea 2015-2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Ġunju 2015 rigward is-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tad-dritt kriminali u ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni, miftuħa għall-firem fi Strasburgu fis-27 ta' Jannar 1999 u l-4 ta' Novembru 1999 rispettivament, u r-riżoluzzjonijiet (98)7 u (99)5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014) 7 dwar il-protezzjoni tal-informaturi adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-30 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni OECD dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, li nfetħet għall-firem f'Pariġi fis-17 ta' Diċembru 1997, ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fiha u l-aħħar rapporti ta' monitoraġġ skont il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' Novembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (COM(2012)0712),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża C-105/14 (Taricco et al.), fejn il-Qorti ddikjarat li l-kunċett ta' "frodi" kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikopri dħul li ġej mill-VAT.

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew[1],

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tat-28 ta' April 2015 (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol (SOCTA - "Serious and Organised Crime Threat Assessment" – Valutazzjoni dwar it-Theddida ta' Kriminalità Serja u Organizzata) ta' Marzu 2013, u r-rapport "Internet Organised Crime Threat Assessment" (IOCTA - Valutazzjoni tat-Theddida ta' Kriminalità Organizzata fuq l-Internet) tat-30 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)[3],

–  wara li kkunsidra l-istudji mmexxija mis-Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-ispiża tan-"non-Ewropa" fil-qasam tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0284/2016),

A.  billi l-kriminalità organizzata hija theddida dinjija u għalhekk teħtieġ rispons konġunt u kkoordinat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

B.  billi llum xorta għadna ma nistgħux nifhmu għalkollox il-kwistjoni kumplessa tal-kriminalità organizzata u l-periklu li jirriżulta mill-infiltrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet kriminali fin-nisġa soċjali, ekonomika, kummerċjali, politika u istituzzjonali tal-Istati Membri;

C.  billi l-gruppi kriminali organizzati wrew tendenza u ħila kbira li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, billi jadattaw għal żoni ġeografiċi u kuntesti ekonomiċi u soċjali differenti u jisfruttaw id-dgħufijiet u l-vulnerabilitajiet tagħhom, joperaw b'mod simultanju f'diversi swieq u jieħdu vantaġġ mil-liġijiet differenti fl-Istati Membri individwali biex in-negozju tagħhom jirnexxi u jimmassimizzaw il-profitt;

D.  billi l-organizzazzjonijiet kriminali bidlu l-modus operandi tagħhom, u sfruttaw l-appoġġ ta' professjonisti, banek, impjegati taċ-ċivil u persunaġġi politiċi li għalkemm mhumiex membri ta' organizzazzjonijiet kriminali, jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom f'diversi livelli;

E.  billi l-organizzazzjonijiet kriminali wrew ukoll livell għoli ta' adattabilità fil-kapaċità tagħhom li jużaw għall-vantaġġ tagħhom il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda;

F.  billi l-periklu tal-qawwa intimidatorja li tista' tiġi eżerċitata bis-sempliċi fatt ta' appartenenza għal assoċjazzjoni, mhuwiex ta' prijorità meta mqabbel mal-ġlieda kontra "reati fine", reati li huma objettiv ta' reat ieħor (ir-reati li l-assoċjazzjoni teżisti biex twettaq) u billi dan ħalla distakk regolatorju u operattiv fil-livell Ewropew, li ffaċilita l-operazzjonijiet transnazzjonali minn gruppi kriminali organizzati;

G.  billi, barra l-perikli l-aktar ovvji għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika ppreżentati mill-forom ta' vjolenza li huma tipiċi fl-organizzazzjonijiet kriminali, il-kriminalità organizzata tikkawża problemi daqstant serji fil-forma ta' penetrazzjoni fl-ekonomija legali u mġiba assoċjata li tikkorrompi l-uffiċjali pubbliċi, bl-infiltrazzjoni konsegwenti tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika;

H.  billi r-rikavat illeċitu ta' delitti mwettqa minn organizzazzjonijiet kriminali fil-parti l-kbira tagħhom huma riċiklati fl-ekonomija legali Ewropea; billi kapital bħal dan, ladarba jiġi investit mill-ġdid fl-ekonomija regolari, jikkostitwixxi theddida serja għall-impriża ħielsa u l-kompetizzjoni, għaliex ikollu impatt ta' distorsjoni serja;

I.  billi l-gruppi kriminali jiksbu aċċess għall-persuni politiċi u l-amministraturi sabiex jisfruttaw ir-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u biex jinfluwenzaw l-attivitajiet tagħha bil-kompliċità ta' persuni politiċi, uffiċjali u negozjanti; billi l-influwenza tagħhom fuq il-persuni politiċi u l-amministraturi tinħass l-iżjed fis-setturi tal-akkwist pubbliku u x-xogħlijiet pubbliċi, il-finanzjament pubbliku, ir-rimi tar-ruttam u tal-iskart u kuntratti diretti għall-akkwist ta' kull xorta ta' merkanzija u l-ġestjoni tas-servizzi;

J.  billi l-għan primarju tal-kriminalità organizzata huwa l-profitt; billi l-infurzar tal-liġi jeħtieġ għalhekk ikollu l-kapaċità li jiffoka fuq il-finanzjament tal-kriminalità organizzata, li ħafna drabi hu marbut b'mod inerenti mal-korruzzjoni, il-frodi, il-falsifikazzjoni u l-kuntrabandu;

K.  ifakkar li l-informaturi għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni għaliex jistgħu jiżvelaw każijiet ta' frodi li kieku kienu jinżammu sigrieti; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa wieħed mill-aktar modi effikaċi kif jitwaqqaf u jiġi evitat li jitwettqu atti illeċiti, jew li jinkixfu l-atti illeċiti li jkunu twettqu diġà;

L.  billi l-ebda leġiżlazzjoni Ewropea m'għandha tiġi interpretata li qed tirrestrinġi l-attività tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

M.  billi l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma ta' theddida serja għall-ekonomija tal-UE billi jnaqqsu b'mod sinifikanti d-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri u tal-UE kollha, u għar-responsabilità tal-proġetti pubbliċi ffinanzjati mill-UE peress li organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw f'bosta setturi, li ħafna minnhom huma soġġetti għall-kontroll mill-istat;

N.  billi fl-2014, 1 649 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti u li jaffettwaw il-baġit Ewropew bl-ammont ta' EUR 538,2 miljun, fir-rigward kemm tal-aspett tan-nefqa kif ukoll dak tad-dħul, iżda m'hemmx data uffiċjali dwar liema perċentwali ta' frodi huwa attribwibbli għall-kriminalità organizzata;

Introduzzjoni

1.  Itenni l-kontenut u r-rakkomandazzjonijiet espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus; b'mod partikolari, itenni t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, li sabiex ikun effikaċi għandu jkollu riżorsi finanzjarji xierqa u persunal kwalifikat;

2.  Jilqa' l-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill tal-UE għall-Presidenzi tan-Netherlands, is-Slovakkja u Malta, li jqiegħed l-approċċ komprensiv u integrat rigward il-kriminalità organizzata fuq quddiem fl-aġenda tiegħu; jirrimarka li l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus trid tkun prijorità politika għall-istituzzjonijiet tal-UE, u għalhekk, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri hija kruċjali;

3.  Jixtieq jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq oqsma speċifiċi li jeħtieġu l-azzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità fiċ-ċirkostanzi attwali;

Arranġament għat-transpożizzjoni korretta tar-regoli attwali, il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom u l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom

4.  Jirrimarka li bħala parti mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, l-Istati Membri għandhom jittrasponu u japplikaw l-istrumenti eżistenti internazzjonali u tal-UE;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkonkludi mill-aktar fis possibbli l-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta' traspożizzjoni ta' dawn l-istrumenti, tinforma lill-Parlament bis-sħiħ dwar ir-riżultati u, jekk meħtieġ, tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod partikolari, tippreżenta rapport li jivvaluta t-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu kif suppost id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali, strument li għandu jkollu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fl-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu malajr ir-Raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus;

8.  Jirrakkomanda li l-UE ssir Membru tal-GRECO; jitlob li l-UE tipparteċipa fis-Sħubija ta' Gvern Miftuħ, tissodisfa l-obbligi tagħha ta' rapportaġġ skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li hija parti għaliha, u tappoġġja l-assistenza teknika mogħtija mill-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) taħt l-imsemmija Konvenzjoni tan-NU; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament mill-aktar fis possibbli rapport ta' progress dwar il-preparazzjonijiet għas-sħubija tal-UE mal-GRECO u biex f'dan ir-rapport tipprovdi stħarriġ dwar l-isfidi legali u s-soluzzjonijiet possibbli f'dan ir-rigward;

9.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx it-tieni Rapport tagħha Kontra l-Korruzzjoni, li kellu jkun lest fil-bidu tal-2016; jistieden lill-Kummissjoni tippreżentah kemm jista' jkun malajr; itenni li r-rapporti kontra l-korruzzjoni m'għandhomx ikunu limitati għas-sitwazzjoni fl-Istati Membri iżda għandhom jinkludu wkoll taqsima dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex issib mod xieraq sabiex timmonitorja l-korruzzjoni fi ħdan l-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tikkombina d-diversi mekkaniżmi ta' monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u Verifika, ir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, f'qafas ta' monitoraġġ tal-istat tad-dritt usa' li jkun jista' jiġi applikat għall-Istati Membri kollha u għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea; f'dan ir-rigward, iqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jagħtu eżempju billi jippromwovu l-ogħla standards ta' trasparenza u jiżguraw li jkun hemm sanzjonijiet dissważivi u effikaċi għal min jikser il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tirregola l-illobjar u tissanzjona l-kunflitti ta' interess;

11.  Jindika l-ħtieġa ta' approċċ multidixxiplinari għall-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda effettiva kontriha; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tan-netwerk Ewropew għall-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ħtieġa li dan jingħata appoġġ finanzjarju;

12.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq studju tal-korpi nazzjonali tal-liġi li huma l-aktar avvanzati f'termini tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, sabiex tiġi żviluppata leġiżlazzjoni Ewropea li tkun effettiva u pijuniera; jistieden lill-Kummissjoni tfassal studju dwar il-prattiki investigattivi użati fl-Istati Membri biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, b'referenza partikolari għall-użu ta' għodda bħall-interċettazzjoni telefonika, l-interċettazzjoni ambjentali, il-proċeduri ta' tiftix, l-arrest pospost, is-sekwestru pospost, l-operazzjonijiet sigrieti u l-operazzjonijiet ta' konsenja kkontrollata u sorveljata;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fit-trawwim ta' kultura ta' legalità, b'mod partikolari meta jitqies li l-ewwel u l-aktar forma effikaċi ta' prevenzjoni tikkonsisti fl-edukazzjoni ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta' ċittadini tal-UE, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi fl-iskejjel;

Prijoritajiet u struttura operattiva għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

14.  Huwa tal-fehma li ċ-ċiklu politiku attwali tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandu jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità b'assoċjazzjoni (jiġifieri l-fatt ta' appartenenza f'organizzazzjoni kriminali) u mhux biss il-ġlieda tar-"reati fine", reati li huma objettiv ta' reat ieħor (jiġifieri reati li tali organizzazzjonijiet huma maħluqa biex iwettqu); b'mod partikolari, iqis li hu meħtieġ li s-sħubija ma' organizzazzjoni kriminali ssir reat kriminali, b'mod separat mit-twettiq ta' reati li huma objettiv ta' reat ieħor; itenni li dan iċ-ċiklu politiku għandu jinkludi wkoll il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin fost il-prijoritajiet tiegħu fi ħdan Strateġija Ewropea Kontra l-Korruzzjoni ġenwina;

15.  Jitlob li jiġu stabbiliti prijoritajiet li jkunu konsistenti mal-politiki tal-UE għall-prevenzjoni tal-kriminalità u mal-politiki ekonomiċi, soċjali, u mal-politiki tal-impjiegi u tal-edukazzjoni, filwaqt li l-Parlament Ewropew jiġi involut bis-sħiħ fil-proċess;

16.  Jitlob l-istabbiliment ta' unità speċjalizzata tal-Europol fil-ġlieda kontra gruppi kriminali organizzati li joperaw f'setturi differenti fl-istess ħin; iqis li l-Istati Membri jeħtieġ ikollhom mekkaniżmi sikuri u effikaċi fil-qafas istituzzjonali attwali biex jiżguraw li investigazzjonijiet fil-qasam tal-kriminalità organizzata jiġu kkoordinati kif jixraq u li titrawwem il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri;

Qafas leġiżlattiv aktar b'saħħtu

17.  Jitlob lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti, biex tipproponi leġiżlazzjoni biex tingħalaq kull lakuna li tista' teżisti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u biex ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera; jistedinha, b'mod partikolari:

(a)  tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġu introdotti pieni effettivi, proporzjonati u disswasivi u jiġu ċċarati d-definizzjonijiet komuni ta' reati, inkluża dik tas-sħubija f'organizzazzjoni jew assoċjazzjoni kriminali, li tista' tiġi deskritta bħala grupp strutturat li jeżisti għal perjodu ta' żmien u hu magħmul minn żewġ persuni jew aktar li jaħdmu flimkien bl-għan li jiksbu illegalment, direttament jew indirettament, kwalunkwe forma ta' gwadann finanzjarju u/jew materjali, u li jimmina serjament il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-UE u l-Istati Membri tagħha;

(b)   tippreżenta proposta leġiżlattiva riveduta għall-ġlieda kontra r-reati ambjentali bl-għan li ssaħħaħ ir-reazzjonijiet tal-liġi kriminali għall-inċinerazzjoni tal-iskart illegali u tikkunsidra r-rimi illegali ta' "inkwinanti emerġenti" bħala reat kriminali punibbli b'pieni kriminali, bl-istess mod kif previst fid-Direttiva 2008/99/KE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u pieni; jitlob, b'mod partikolari:

(a)  li jkunu applikabbli b'mod orizzontali definizzjonijiet ġenerali ta' "uffiċjal pubbliku", ir-reat ta' frodi u r-reat ta' korruzzjoni; ifakkar li fil-kuntest tan-negozjati dwar id-Direttiva PIF, id-definizzjonijiet ta' dawn it-termini jiġu inklużi iżda biss għall-finijiet ta' din id-Direttiva; jinnota li dawn in-negozjati huma attwalment imblukkati fil-Kunsill u jitlob li jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien;

(b)  li ssir proposta leġiżlattiva ġdida dwar tip partikolari ta' organizzazzjoni kriminali li l-parteċipanti tagħha jiksbu vantaġġ mis-setgħa intimidanti ta' assoċjazzjoni u mill-kundizzjonijiet ta' sottomissjoni li jirriżultaw u mis-silenzju biex jitwettqu reati, li jmexxu jew li bi kwalunkwe mod jikkontrollaw, direttament jew indirettament, attivitajiet ekonomiċi, konċessjonijiet, awtorizzazzjonijiet, kuntratti u servizzi pubbliċi, jew biex jiksbu profitti illegali jew vantaġġi għalihom infushom jew kwalunkwe persuna oħra;

(c)  li ssir proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew għall-protezzjoni ta' xhieda u persuni li jikkooperaw mal-proċess ġudizzjarju billi jirrappurtaw organizzazzjonijiet kriminali u organizzazzjonijiet bħal dawk deskritti fil-paragrafu (b);

(d)  li ssir proposta leġiżlattiva li tiddefinixxi u tistabbilixxi regoli komuni għall-protezzjoni tal-informaturi; jitlob li tali proposta tinħareġ qabel l-aħħar tal-2017;

(e)  inizjattivi leġislattivi addizzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, fir-rigward inter alia ta' detenzjoni qabel il-proċess, sabiex jiġi żgurat id-dritt għal proċess ġust, kif rikonoxxut fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali;

(f)  leġiżlazzjoni speċifika biex tiġġieled l-esportazzjoni ta' materjali radjuattivi u skart perikoluż u l-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora, billi, skont assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent u NGOs, kemm il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi kif ukoll mal-foresti u t-traffikar u l-esportazzjoni ta' materjali radjuattivi u skart perikoluż lejn pajjiżi terzi għandhom rwol serju fil-finanzjament tal-kriminalità organizzata;

Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija aktar effiċjenti fil-livell Ewropew

19.  Jinnota li l-fenomeni tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus normalment ikollhom dimensjoni transfruntiera li teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

20.  Jikkunsidra li hija essenzjali kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja permezz ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi azzjonijiet speċifiċi biex ittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u biex tqajjem kuxjenza dwar il-ħsara umana, soċjali u ekonomika kkawżata minn dawn l-attivitajiet;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u dik ġudizzjarja huma kkaratterizzati minn proċeduri eċċessivament twal u burokratiċi li jfixklu l-effiċjenza u jikkompromettu l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jqawwu, itejbu l-effiċjenza u jżidu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija u l-ġudikatura u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u permezz tal-Europol u l-Eurojust, u biex jiżguraw taħriġ xieraq u appoġġ tekniku, inkluż permezz tas-CEPOL u n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, sabiex jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-provi bejn l-Istati Membri, u sabiex ikun żgurat li jsir użu akbar tal-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunti;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku, jużaw u jiskambjaw id-data kollha meqjusa meħtieġa u rilevanti dwar persuni misjuba ħatja b'reat marbut mal-kriminalità organizzata, miżmuma f'bażijiet ta' data Ewropej eżistenti u biex jistiednu lill-aġenziji tal-UE, l-Europol u l-Eurojust biex jiffaċilitaw dan l-iskambju ta' informazzjoni; f'dan ir-rigward, jitlob li l-infrastruttura tkun simplifikata bl-għan li tiggarantixxi komunikazzjoni sigura u l-użu effettiv tal-istrumenti eżistenti kollha tal-Europol, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data;

24.  Jenfasizza l-urġenza li tinħoloq sistema aktar effiċjenti għall-komunikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-UE, li tissostitwixxi l-istrumenti tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka għal kwistjonijiet kriminali, jekk ikun meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva f'dan il-qasam u biex toħloq sistema tajba ta' skambju ta' informazzjoni tal-UE fost l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-UE;

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiskambjaw b'mod sistematiku d-data tal-PNR kollha li titqies meħtieġa u rilevanti dwar persuni marbuta mal-kriminalità organizzata;

Is-sekwestru tal-assi ta' organizzazzjonijiet kriminali u l-faċilitazzjoni tal-użu mill-ġdid tagħhom għal skopijiet soċjali

26.  Huwa tal-fehma li l-użu ta' metodu komuni għas-sekwestru tal-assi ta' gruppi kriminali fl-UE tkun miżura dissważiva għall-persuni kriminali; jistieden lill-Istati Membri biex malajr kemm jista' jkun jittrasponu d-Direttiva 2014/42/UE dwar il-konfiska ta' assi mill-kriminalità; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista' jkun proposta leġiżlattiva biex tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-mandati ta' sekwestru u konfiska marbuta mal-miżuri ta' protezzjoni tal-assi nazzjonali;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri tal-UE dwar:

(a)  it-traċċar, l-iffriżar u l-konfiska ta' rikavati tal-kriminalità, inter alia, permezz tal-kriminalizzazzjoni tat-trasferiment tas-sjieda tal-kapital jew proprjetà sabiex jiġu evitati miżuri ta' ffriżar jew ta' konfiska u l-aċċettazzjoni tas-sjieda jew id-disponibilità ta' dan il-kapital, jew billi jipprevedu l-konfiska fin-nuqqas ta' kundanna definittiva;

(b)  il-promozzjoni tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, u għall-użu mill-ġdid tagħha għal skopijiet soċjali u bħala kumpens għall-familji tal-vittmi u n-negozji affettwati ħażin mill-użura u r-rikattar organizzat;

(c)  l-iżvilupp tal-kooperazzjoni amministrattiva, tal-pulizija u dik ġudizzjarja għat-traċċar, is-sekwestru u l-konfiska ta' assi kriminali fl-Unjoni kollha u t-titjib tal-Uffiċċji Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, li għandhom jingħataw riżorsi xierqa;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u jiskambjaw l-aħjar prattiki f'dan il-qasam fi ħdan il-pjattaformi ta' laqgħat eżistenti, bħalma huma l-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta' Frodi (COCOLAF) u oħrajn;

Il-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata u tal-korruzzjoni fl-ekonomija legali

29.  Jirrimarka li l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-għoti ta' kuntratti pubbliċi jew sħubiji pubbliċi-privati, tiffaċilita l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-ekonomija legali;

30.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' sistema komprensiva mifruxa mal-UE kollha ta' "akkwist elettroniku" sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' korruzzjoni fl-akkwisti pubbliċi;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Ewropej jimplimentaw strumenti ta' monitoraġġ tal-akkwist pubbliku, sabiex ifasslu listi suwed ta' impriżi li wrew rabtiet mal-kriminalità organizzata u/jew kienu involuti fi prattiki korrotti u biex iwaqqfuhom milli jidħlu f'relazzjoni ekonomika ma' awtorità pubblika u milli jibbenefikaw minn fondi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri joħolqu strutturi speċjalizzati fil-livell nazzjonali għad-detezzjoni ta' organizzazzjonijiet kriminali u l-esklużjoni minn offerti pubbliċi ta' entitajiet li huma involuti fi prattiki korrotti jew f'ħasil tal-flus; jenfasizza l-fatt li l-elenkar f' "listi suwed" jista' jkun effettiv biex jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jinvolvu rwieħhom f'attivitajiet korrotti u jagħtihom inċentiv tajjeb biex itejbu u jsaħħu l-proċeduri interni ta' integrità tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu ċertifikazzjoni kontra l-kriminalità organizzata tal-impriżi u jitlob li t-tagħrif rilevanti jiġi skambjat b'mod awtomatiku fil-livell tal-UE;

32.  Jindika li 21 Stat Membru għadhom ma ttrasponewx il-pakkett ta' direttivi dwar l-akkwist pubbliku; jikkunsidra li r-regoli dwar l-akkwist pubbliku huma essenzjali sabiex ikun hemm trasparenza u obbligu ta' rendikont f'wieħed mill-oqsma l-aktar vulnerabbli għall-korruzzjoni;

33.  Jirrimarka li regoli ta' kontabilità trasparenti soġġetti għal stħarriġ iridu jiġu garantiti mhux biss fi ħdan il-gvern ċentrali, iżda anke fil-livell reġjonali u lokali fl-Istati Membri kollha;

34.  Jinsab imħasseb dwar il-prattika rikorrenti ta' kumpaniji kriminali involuti fil-ħasil tal-flus li jissottomettu offerti bi prezzijiet baxxi aktar mill-kost fil-proċeduri ta' offerti għal proġetti kbar; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjoni ekonomika tal-proposti fir-rigward ta' kumpaniji li jingħataw il-kuntratti u s-sottokuntratti;

35.  Ifakkar li l-ħasil tal-flus permezz ta' strutturi ta' kumpaniji kumplessi u l-integrazzjoni tagħhom f'attività ekonomika legali jista' jkun theddida għall-ordni pubbliku tal-Istat; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri, mingħajr ma jgħabbu bla bżonn lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex iżidu t-trasparenza ta' azzjonijiet monetarji u biex itejbu t-traċċabilità ta' tranżazzjonijiet lura għal persuni fiżiċi sabiex jitraċċaw il-finanzjament kriminali u terroristiku (il-prinċipju "segwi l-flus"); jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jagħmluha aktar diffiċli biex jinħolqu strutturi kumplessi u oskuri ta' kumpaniji interkonnessi li minħabba l-fatt li għandhom tendenza li ma jkunux trasparenti jistgħu jiġu abbużati għall-finanzjament tal-attivitajiet kriminali jew terroristiċi u reati serji oħra;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jobbligaw lill-kuntratturi jiżvelaw l-istruttura korporattiva sħiħa u s-sidien benefiċjarji tagħhom qabel ma jagħtuhom kwalunkwe kuntratt, sabiex jiġi evitat l-appoġġ lil kumpaniji li jinvolvu ruħhom f'ippjanar aggressiv tat-taxxa, frodi u evażjoni tat-taxxa u korruzzjoni;

37.  Jinnota li x-xiri ta' proprjetà fl-Istati Membri tal-UE huwa mod kif jiġi riċiklat ir-rikavat ta' attività kriminali, fejn il-persuni kriminali jaħbu s-sjieda benefiċjarja aħħarija permezz ta' kumpaniji tal-isem barranin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe kumpanija barranija li jkollha l-ħsieb li żżomm titolu ta' proprjetà fit-territorju tagħhom tintalab li jkollha l-istess standards ta' trasparenza meħtieġa minn kumpaniji inkorporati fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

38.  Jirrimarka li l-kriżi finanzjarja kompliet iżżid mal-pressjoni fuq il-gvernijiet Ewropej; fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi attwali, jitlob li tingħata garanzija akbar ta' integrità u trasparenza fl-infiq pubbliku;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex ikun hemm trasparenza fid-deċiżjonijiet dwar il-liċenzjar u l-permessi tal-ippjanar fil-livell reġjonali u lokali;

40.  Jinnota li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom dmir legali li jiġġieldu l-frodi f'konformità mal-Artikolu 325 tat-TFUE, u jilqa' l-inklużjoni ta' klawżoli kontra l-frodi fi proposti leġiżlattivi b'impatt finanzjarju;

41.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatat mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f'kull wieħed mill-oqsma ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jgħinu fil-ġlieda kontra din it-tip ta' frodi;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni speċifika u jieħdu miżuri xierqa biex jikkumbattu l-attivitajiet ta' professjonisti, banek, uffiċjali u persuni politiċi li, għalkemm ma jkunux membri tal-organizzazzjonijiet kriminali, jappoġġjawhom f'diversi livelli; f'dan ir-rigward:

(a)  jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Ewropej iħeġġu rotazzjoni obbligatorja tal-uffiċjali pubbliċi biex jipprevjenu l-korruzzjoni u l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata;

(b)  jitlob regoli obbligatorji li jistabbilixxu li persuni li jkunu ġew ikkundannati jew li jkunu ħadu sehem fi kriminalità organizzata, ħasil tal-flus, korruzzjoni jew reati oħra serji, reati kontra l-amministrazzjoni pubblika, reati ta' assoċjazzjoni jew korruzzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-kandidatura jew li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi fl-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea;

(c)  jitlob pieni kriminali għall-maniġers u banek f'każijiet ippruvati li fihom ġew maħsula ammonti kbar ta' flus; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta sabiex tkun żgurata t-trasparenza sħiħa tal-flussi tal-banek, mhux biss għall-individwi, imma wkoll għal entitajiet legali u ta' trust;

43.  Iħoss il-ħtieġa li jkun hemm regoli fl-Ewropa kollha biex is-sorsi kollha ta' finanzjament għall-partiti politiċi jiġu ċċekkjati u mmonitorjati biex ikun żgurat li kienu legali;

44.  Iqis essenzjali li jissaħħu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mfassla li jiggarantixxu trasparenza u traċċar akbar tal-flussi finanzjarji, b'mod partikolari l-ġestjoni tal-fondi tal-UE, inkluż permezz ta' investigazzjonijiet minn qabel u b'verifika finali dwar jekk il-fondi ġewx użati b'mod korrett; u jistieden lill-Istati Membri jissottomettu dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar is-sistemi ta' kontroll tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni:

(a)   tikkoreġi l-ħlasijiet fil-każ ta' rregolaritajiet mill-Istati Membri fl-użu tal-fondi tal-UE;

(b)  temporanjament tipprojbixxi l-aċċess għall-fondi tal-UE għal istituzzjonijiet u kumpaniji li jkunu nstabu ħatja ta' użu ħażin frodulenti tal-fondi tal-UE;

(c)  timmonitorja mill-qrib l-użu tal-fondi tal-UE u tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew;

45.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha timponi l-ogħla livelli ta' integrità fil-proċessi ta' akkwist għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE; ifakkar li l-monitoraġġ tar-riżultati tal-proġetti bil-kooperazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ż-żamma tal-awtoritajiet lokali responsabbli huma essenzjali biex jiġi determinat jekk il-fondi tal-UE humiex qed jintużaw kif xieraq u jekk hux qed tiġi indirizzata l-korruzzjoni;

46.  Jirrimarka li t-trasparenza hija l-aktar strument effikaċi biex jiġu miġġielda l-abbuż u l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward, b'mod li tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tad-data relatata mal-benefiċjarji kollha ta' finanzjament mill-UE, inkluża d-data dwar is-sottokuntratti;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva bl-għan tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri burokratiċi fil-livell amministrattiv u għaldaqstant biex it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jittejbu;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja u tirrapporta lill-Parlament dwar il-perċentwal tal-użu ta' għoti dirett ta' kuntratti pubbliċi fl-Istati Membri, kif ukoll iċ-ċirkostanzi legali fejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali jagħmlu l-aktar użu minnhom;

49.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw mekkaniżmi effiċjenti ta' trasparenza, monitoraġġ u responsabilizzazzjoni fl-użu tagħhom tal-fondi tal-UE; billi l-impatt pożittiv tal-fondi tal-UE jiddependi fuq proċessi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tkun żgurata trasparenza, monitoraġġ effettiv u responsabilizzazzjoni, għandu jitqies kif il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jistgħu jsiru proċessi kontinwi u mhux biss proċessi ex-post; jemmen li r-rwol tal-Qorti tal-Awdituri f'dan ir-rigward għandu jissaħħaħ;

50.  Jemmen li l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għandhom jiġu stabbiliti u li għandhom ikunu komparabbli sabiex ikejlu l-impatt tal-fondi tal-UE u jgħinu fil-valutazzjoni ta' jekk dawk il-fondi jkunux laħqu l-objettivi tagħhom u li data kwantifikata għandha tiġi sistematikament miġbura u ppubblikata;

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

51.  Iqis li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu jikkostitwixxi element ċentrali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu li jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli, bil-parteċipazzjoni tal-akbar numru ta' Stati Membri possibbli, ta' UPPE li jkun effiċjenti u indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali u mill-istituzzjonijiet tal-UE u mħares mill-influwenza u l-pressjoni politika;

52.  Itenni l-importanza li jkun hemm responsabilitajiet u setgħat definiti b'mod ċar bejn il-prosekuturi nazzjonali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur, kif ukoll mal-Eurojust u l-OLAF, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' kompetenzi; jitlob li jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur, b'allinjament mal-kompiti tiegħu; iqis li l-UPPE għandu jkollu l-kompetenza biex jipproċedi kontra r-reati kollha tal-PIF inkluż il-frodi tal-VAT; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Taricco (C-105/14) u biex jiżblokkaw in-negozjati fil-Kunsill dwar id-Direttiva PIF mill-aktar fis possibbli;

53. Jiddispjaċih li n-negozjati li għaddejjin fil-Kunsill qegħdin jimminaw il-premessa bażika ta' UPPE indipendenti u effettivi;

54. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' rieżami tal-mandat tal-UPPE futur bl-għan li, ladarba jiġi stabbilit, tikkonferilu s-setgħat li jiġġieled il-kriminalità organizzata;

Oqsma speċifiċi ta' intervent

Falsifikazzjoni

55.  Jikkundanna l-użu dejjem aktar mifrux tal-falsifikazzjoni tal-prodotti, il-mediċini u l-prodotti agroalimentari fl-UE, li jinvolvi n-netwerks ta' distribuzzjoni ġestiti minn kriminalità organizzata transnazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprevjenu u jiġġieldu l-falsifikazzjoni tal-prodotti, il-mediċini u l-prodotti agroalimentari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru b'mod sistematiku data dwar każijiet ta' frodi u falsifikazzjoni sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-iskala u l-inċidenza tagħhom u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex jidentifikaw u jiġġieldu dawn il-fenomeni;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw metodi oħra li jkollhom l-għan li jipprevjenu u jiskoraġġixxu l-frodi alimentari, bħal pereżempju permezz tad-divulgazzjoni pubblika tal-ismijiet ("naming and shaming") f'reġistru Ewropew ta' operaturi ta' negozji tal-ikel u tal-mediċini li jkunu nstabu ħatja ta' frodi;

57.  Jitlob l-estensjoni tar-reġimi attwali ta' traċċabilità u l-implimentazzjoni sistematika ta' traċċabilità kontinwa ("step-free") prevista fir-Regolament bażiku (KE) Nru 178/2002 li jkopri l-ikel u l-għalf, l-annimali li jservu għall-produzzjoni tal-ikel u s-sustanzi kollha li jintużaw għal dan l-għan jew li jista' jiġi mistenni li se jintużaw fil-produzzjoni tal-ikel jew l-għalf;

Traffikar tad-drogi

58.  Jirrimarka li t-traffikar tad-drogi huwa negozju kbir għall-gruppi kriminali u jrid jiġi miġġieled kemm permezz tal-infurzar tal-liġi kif ukoll permezz tal-prevenzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kompetenti biex jindirizzaw ir-rabtiet bejn is-suq tad-drogi u attivitajiet kriminali oħra u l-impatt li dawn għandhom fuq l-ekonomija legali u l-kummerċ legali, kif indikat mill-Europol u l-EMCDDA fir-rapport dwar is-suq tad-drogi fl-2016;

59.  Ifakkar lill-Kummissjoni li hi għandha tirrapporta dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi fuq din il-bażi pjan ta' azzjoni ġdid għall-perjodu 2017-2020;

60.  Jinnota li evalwazzjoni ta' politiki ġodda fir-rigward ta' drogi ħfief hi ta' prijorità, u jqis li l-istrateġiji ta' dekriminalizzazzjoni/legalizzazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala mezz li bih jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-organizzazzjonijiet kriminali; jitlob li l-UE tintroduċi din il-kwistjoni fil-politiki interni kif ukoll esterni tagħha billi tinvolvi fid-dibattitu politiku l-aġenziji rilevanti kollha tal-UE u internazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi kollha involuti;

Il-logħob tal-azzard u t-tbagħbis tal-logħob

61.  Ifakkar li l-organizzazzjonijiet kriminali sikwit jużaw iċ-ċirkwiti tal-logħob tal-azzard legali u illegali u t-tbagħbis tal-logħob għall-ħasil tal-flus; jikkundanna l-interessi kriminali li jduru madwar dawn il-fenomeni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni biex jiġġilduhom u jipprevjenuhom billi jagħmlu t-tbagħbis ta' avvenimenti sportivi reat kriminali; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod trasparenti u effettiv mal-organizzazzjonijiet tal-isport u biex iżidu l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Eurojust u l-Europol għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni;

Rifuġji fiskali

62.  Jirrimarka li kull sena fl-UE jintilfu EUR 1 triljun f'evażjoni u evitar tat-taxxa; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rifuġji fiskali u lill-pajjiżi li għandhom prezzijiet fiskali mhux trasparenti jew dannużi, li huma problema kbira li taffettwa kull ċittadin Ewropew;

63.  Jilqa' l-ftehim internazzjonali fi ħdan il-G20 sabiex jiġi applikat standard globali ġdid ta' trasparenza fiskali akbar, skont l-istandard għoli diġà applikat mill-UE; jitlob l-implimentazzjoni rapida tiegħu u l-monitoraġġ effettiv tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq livell internazzjonali; jilqa' l-fatt li, fi Frar 2016, il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet li jinvolvu l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa ma' pajjiżi bħal Andorra u Monaco u li fl-2015, il-Kummissjoni kienet diġà ffirmat ftehimiet mal-Iżvizzera, il-Liechtenstein u San Marino;

64.  Ifakkar fir-responsabilità tal-UE fil-ġlieda kontra regoli fil-qasam tat-taxxa li jiffaċilitaw l-evitar tat-taxxa minn korporazzjonijiet transnazzjonali u minn individwi u biex tgħin pajjiżi terzi jirrimpatrijaw il-fondi illeċiti u biex l-awturi jiġu suġġetti għal proċedimenti kriminali; jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi bħala prijorità, fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, is-segretezza bankarja u l-ħasil tal-flus, it-tneħħija ta' segretezza professjonali eċċessiva, il-kisba ta' rapporti pubbliċi pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali u r-reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji; jirrimarka li r-rifuġji fiskali huma postijiet ideali għall-ġbir u l-ħasil ta' profitti minn attivitajiet kriminali, u għaldaqstant jinsisti li jinħtieġ approċċ koordinat fil-livell tal-UE;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar l-effetti serji tal-faċilitazzjoni tal-korruzzjoni, tqis il-possibilità ta' pjan komprensiv li jservi ta' deterrent għat-trasferimenti ta' assi lejn pajjiżi mhux membri tal-UE li jservu bħala protetturi tal-anonimità ta' individwi korrotti, u biex tqis mill-ġdid ir-rabtiet ekonomiċi u diplomatiċi tagħha ma' dawn il-pajjiżi;

Ir-reati ambjentali

66.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-attivitajiet illegali relatati mal-ambjent konnessi ma' attivitajiet kriminali organizzati fuq stil Mafjuż jew li jirriżultaw minn tali attivitajiet, bħal traffikar u rimi illegali tal-iskart, inkluż skart tossiku, u l-qerda tal-wirt naturali; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni komuni biex jipprevjeni u jiġġieled dawn il-forom ta' kriminalità; jindika l-ħtieġa li jiġu infurzati r-regoli eżistenti dwar il-konservazzjoni tan-natura u l-ħarsien ambjentali, inkluż billi jwettqu spezzjonijiet kontra l-kriminalità tal-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu benefiċjarji ta' kuntratti għal proġetti kbar ta' infrastruttura ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jikkastigaw b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kull xorta ta' mġiba illegali li tħalli impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent; jistieden lin-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) biex perjodikament jinforma lill-Parlament dwar l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE;

68.  Jirrimarka li l-kriminalità organizzata tuża kumpaniji ta' kostruzzjoni li jispeċjalizzaw f'ċaqliq ta' terrapien jew ħamrija għall-ħasil tal-flus u għar-rimi illegali ta' sustanzi tossiċi li jikkawżaw tniġġis ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet kontra l-kriminalità fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li huma benefiċjarji ta' kuntratti għal proġetti kbar ta' infrastruttura ffinanzjati mill-baġit tal-UE sabiex jiġu evitati tali prattiki;

Iċ-Ċiberkriminalità

69.  Ifakkar li ċ-ċiberkriminalità ta' spiss tintuża bħala mezz ta' ħasil tal-flus u falsifikazzjoni; jirrimarka li dan jikkostitwixxi sors importanti ta' dħul għal ħafna organizzazzjonijiet kriminali u li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-Unjoni f'dan ir-rigward għandhom jissaħħu; jinnota bi tħassib li, permezz tal-użu frodulenti tal-internet għal finijiet illegali bħalma huma l-promozzjoni tat-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin, l-organizzazzjonijiet kriminali rnexxielhom iżidu l-volum tat-traffikar illeċitu tagħhom;

Il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

70.  Ifakkar li l-konverġenza u r-relazzjoni dejjem jiżdiedu bejn il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll ir-rabtiet bejn gruppi kriminali u organizzazzjonijiet terroristiċi jikkostitwixxu theddida akbar għall-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament u l-appoġġ tat-terroriżmu permezz tal-kriminalità organizzata jsiru punibbli u li l-interkonnessjoni tal-kriminalità organizzata u tal-attivitajiet terroristiċi u l-finanzjament tat-terroristi jitqiesu b'mod aktar espliċitu mill-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fil-proċedimenti kriminali;

71.  Jenfasizza li l-kummerċ illeċitu ta' armi tan-nar, żejt, drogi, annimali selvaġġi u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti, sigaretti u oġġetti, xogħlijiet tal-arti u oġġetti kulturali oħra ffalsifikati minn netwerks tal-kriminalità organizzata saru sors ta' gwadann kbir biex gruppi terroristiċi jiksbu finanzjament; jinnota l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar illegali fl-armi tan-nar u splussivi u l-użu tagħhom; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi implimentat dan il-pjan ta' azzjoni mingħajr dewmien; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, filwaqt li jevitaw piż amministrattiv bla bżonn għall-atturi ekonomiċi, biex jiżguraw li l-gruppi terroristiċi u n-netwerks kriminali ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-kummerċ fil-merkanzija;

72.  Jirrimarka li l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kriminali tista' tkun marbuta ma' reati terroristiċi; ifakkar li skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Drogi u l-Kriminalità (UNODC), it-traffikar tad-drogi, il-moviment tal-armi tan-nar illegali, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-ħasil tal-flus saru parti integrali mit-terroriżmu; iqis li ġlieda effikaċi kontra t-terroriżmu titlob it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus, anke meta jitqiesu r-rabtiet eżistenti bejn gruppi terroristiċi u gruppi ta' kriminalità organizzata, ibbażati fuq benefiċċju reċiproku;

Il-kriminalità organizzata u t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin

73.  Jinsab imħasseb dwar il-professjonalizzazzjoni li dejjem qed tikber tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin u ż-żieda relatata fil-profitti għan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar minħabba l-flussi kontinwi ta' rifuġjati lejn l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jsir progress dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar biex jinqered id-dħul klandestin ta' persuni u tiġi minimizzata l-influwenza tan-netwerks tat-traffikar;

74.  Ifakkar li fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin, l-Unjoni Ewropea stabbiliet qafas legali u politiku speċifiku biex ittejjeb il-kooperazzjoni u tagħmel it-traffikar prijorità għal korpi u aġenziji bħall-Europol u l-Eurojust; jilqa' l-konklużjonijiet tal-ewwel rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal, fuq din il-bażi u mill-aktar fis possibbli, strateġija għall-perjodu ta' wara l-2016;

75.  Jikkundanna l-infiltrazzjonijiet tal-kriminalità organizzata fil-korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi intenzjonati għall-akkoljenza tal-immigranti u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, li jitwettqu minn netwerks kumplessi ta' gruppi kriminali li jinsabu fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tal-vittmi;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkun indirizzat l-isfruttament gravi tal-ħaddiema migranti fl-Unjoni; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' mezzi ta' migrazzjoni regolari u l-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja huma fost il-kawżi prinċipali tat-traffikar tal-bnedmin; jinnota wkoll li d-Direttiva dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem tinkludi dispożizzjonijiet importanti li jindirizzaw l-isfruttament tax-xogħol ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, imma li dawn id-dispożizzjonijiet jiddependu fuq l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' tressiq ta' lment ġusti, effikaċi u aċċessibbli fil-livell nazzjonali u li tali implimentazzjoni għadha minima;

Id-dimensjoni esterna

77.  Jistieden lill-UE tkompli tappoġġja l-konsolidament tal-amministrazzjoni pubblika u l-adozzjoni ta' oqfsa leġiżlattivi xierqa kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kollha, partikolarment f'pajjiżi wara kunflitt u fi tranżizzjoni, fejn l-istituzzjonijiet statali huma dgħajfa; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-pulizija reġjonali u speċjalizzata u n-netwerks ġudizzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dejjem skont il-parametri li jiggarantixxu standards xierqa ta' protezzjoni tad-data u tal-privatezza, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-kompetenza tal-Europol, l-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew; jenfasizza l-bżonn li jitjiebu r-regolamentazzjoni u l-infurzar tal-liġi u li tiġi promossa l-protezzjoni tal-informaturi biex it-trasgressuri jinżammu responsabbli għar-reati tagħhom, u għandha tkun stabbilita sistema xierqa li tipproteġi l-informaturi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; jenfasizza b'mod partikolari li jinħtieġ mekkaniżmu ta' rappurtar dirett għaċ-ċittadini fil-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna mill-UE, biex jiġbdu l-attenzjoni għall-irregolaritajiet fil-programmi ta' għajnuna ffinanzjati mill-UE;

78.  Jinnota bi tħassib li bosta mill-konvenzjonijiet u l-inizjattivi internazzjonali ffokati fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji internazzjonali jonqsu milli jagħtu riżultati konkreti fl-istadju tal-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-iżvilupp ta' politika barranija għal strateġija kontra l-korruzzjoni hi essenzjali sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja b'mod effikaċi; jistieden lill-UE biex fil-politiki esterni tagħha tippromwovi, bħala prijorità, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, u l-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħra kollha li huma intiżi li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' monitoraġġ kontinwu, li l-għajnuna tal-UE ma tikkontribwixxix b'mod dirett jew indirett għall-korruzzjoni; hu tal-fehma li l-assistenza għall-għajnuna għandha tkun allinjata aktar mal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiż ospitanti u mal-bżonnijiet tal-iżvilupp ġenerali tiegħu sabiex tiġi evitata l-ħela u l-korruzzjoni qawwija fir-riżorsi tal-għajnuna; jistieden lill-UE tindirizza l-korruzzjoni direttament permezz tal-programmazzjoni u d-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż u biex torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; għal dan l-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu mekkaniżmi b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija b'saħħitha, olistika u komprensiva għall-ġestjoni tar-riskju ta' korruzzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiġi evitat li l-għajnuna għall-iżvilupp tikkontribwixxi għall-korruzzjoni, u biex timplimenta bis-sħiħ l-istrateġija kontra l-frodi maħruġa fl-2013, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE fil-modalitajiet kollha tagħha, inklużi l-FEŻ u l-fondi fiduċjarji, u meta jiġu delegati proġetti ta' żvilupp lil partijiet terzi; jinnota bi tħassib li l-approċċ tal-UE rigward il-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-AKP jipprovdi gwida strateġika dgħajfa dwar it-tisħiħ tas-sistemi tal-pajjiżi għall-prevenzjoni u l-kontroll tagħha; iqis li hemm bżonn ta' koordinazzjoni akbar bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp fl-approċċ tagħhom biex itemmu b'mod effikaċi l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

80.  Ifakkar l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u jinnota l-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tiġi integrata fi strateġiji ta' żvilupp u ta' sigurtà bħala mezz biex terġa' tinġieb l-istabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

81.  Jenfasizza li r-rispett tad-dritt tal-persuni u tal-gvernijiet li jiddeċiedu dwar is-sistemi ekonomiċi, alimentari u agrikoli tagħhom stess hi s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali li jikkawżaw il-ġuħ u l-faqar; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex b'mod attiv tikkonfronta l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq l-ikel, bħax-xiri bi prezzijiet baxxi f'żoni agrikoli vasti u l-ħtif tal-art min-naħa ta' kumpaniji multinazzjonali kbar tas-settur agrikolu, filwaqt li tqis l-impatt negattiv fuq il-produtturi ż-żgħar;

82.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu t-trasparenza u r-responsabilità tal-kumpaniji f'kuntratti tar-riżorsi, tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju tal-kumpaniji, u l-ġbir u l-allokazzjoni tad-dħul, bħala parti mill-aġenda tagħhom kontra l-korruzzjoni;

83.  Jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha biex tgħin lill-pajjiżi għonja fir-riżorsi jimplimentaw il-prinċipji tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) għal aktar trasparenza u responsabilità fis-setturi taż-żejt, gass u tat-tħaffir fil-minjieri; iħeġġeġ bil-qawwa l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku effikaċi li jagħti appoġġ lill-implimentazzjoni xierqa tal-EITI minn kumpaniji involuti fil-katini ta' provvista tas-setturi taż-żejt, gass u tat-tħaffir fil-minjieri.

84.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu sabiex isegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jivvaluta, fi żmien sentejn, l-azzjonijiet leġiżlattivi meħuda mill-Kummissjoni f'dan il-qasam, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ta' hawn fuq;

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (25.4.2016)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM
(2015/2110(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ignazio Corrao

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-kriminalità organizzata għandha dimensjoni transnazzjonali u tinkludi firxa wiesgħa ta' attivitajiet kriminali, inkluż it-traffikar tad-droga, l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni klandestina, il-ħasil tal-flus, u t-traffikar ta' prodotti ffalsifikati, armi tan-nar, organiżmi selvaġġi u proprjetà kulturali; jiddeplora l-fatt li l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus jammontaw għal 5% tal-PDG globali annwali, u hu stmat li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-fondi mitlufa minħabba l-flussi finanzjarji illeċiti, inkluża l-korruzzjoni jirrappreżentaw għaxar darbiet l-ammont ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mogħtija lil dawn il-pajjiżi; jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew lill-pajjiżi foqra jagħtu prijorità lill-miżuri kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u jistabbilixxu sistemi u istituzzjonijiet, lokali u nazzjonali, b'saħħtihom li jindirizzaw il-korruzzjoni fl-aġendi ta' żvilupp tagħhom, jiġifieri bil-ħolqien ta' sistemi kompetenti ta' regolamentazzjoni u eżekuzzjoni tal-liġi u awtoritajiet fiskali indipendenti u kompetenti, iżda wkoll biex jingħata appoġġ lill-NGOs, lill-midja indipendenti u lill-parlamenti; jenfasizza l-bżonn ta' qafas komprensiv li jeħtieġ il-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, tal-atturi statali, tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili fuq il-bażi ta' trasparenza u responsabbiltà reċiproka;

2.  Ifakkar li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha, u, tappella lill-istati biex jeliminaw il-flussi finanzjarji illeċiti, it-tixħim u l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet effikaċi, responsabbli u trasparenti; ifakkar li l-flussi finanzjarji illeċiti, li huma stmati li jlaħħqu madwar USD 1 triljun fis-sena, jirrappreżentaw ostakolu ewlieni għall-mobilizzazzjoni tad-dħul nazzjonali għall-iżvilupp, u jeżawrixxu riżorsi li għandhom jiġu investiti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-korruzzjoni għandha impatti negattivi diretti kif ukoll indiretti fuq il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), peress li tkabbar l-ispejjeż tal-proġett kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku; jinnota, madankollu, li l-ispejjeż minħabba l-korruzzjoni ma jistgħux jiġu kkalkolati biss f'termini ekonomiċi, u li dawn l-ispejjeż huma għoljin ħafna, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jipperikolaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-awtoritajiet pubbliċi u fl-istituzzjonijiet demokratiċi, bħalma huma l-ġudikatura u l-pulizija, b'żieda fl-inugwaljanzi li jaffettwaw b'mod sproporzjonat dawk l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli, bl-iggravar tal-vjolenza u l-insigurtà, u bit-tnaqqis tal-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp;

3.  Iħeġġeġ lill-UE turi rieda politika qawwija u determinazzjoni fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, f'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; ifakkar fir-responsabbiltà tal-UE fil-ġlieda kontra regoli fil-qasam tat-taxxa li jiffaċilitaw l-evitar tat-taxxa minn individwi u kumpaniji transnazzjonali u biex tgħin pajjiżi terzi jirrimpatrijaw l-fondi illeċiti u biex iħarrku lit-trasgressuri; jenfasizza li t-trasparenza għandha tkun is-sisien tal-istrateġiji kollha kontra l-korruzzjoni u li l-UE għandha tippromwovi bħala prijorità, fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, is-segretezza bankarja u l-ħasil tal-flus, it-tneħħija ta' segretezza professjonali eċċessiva, il-kisba ta' rapporti pubbliċi skont il-pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali, u r-reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji; jappella wkoll lill-UE twettaq rwol aktar attiv fl-għoti ta' assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kisba ta' dawn l-għanijiet, inkluż l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali u biex jiffaċċjaw l-istandards globali emerġenti; iħeġġeġ lill-UE tikkanċella kwalunkwe ftehim ekonomiku jew kummerċjali ma' stati li huma meqjusa bħala rifuġji fiskali minn mill-inqas wieħed mill-Istati Membri tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li titwettaq analiżi tal-impatt tas-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġu miġġielda l-flussi finanzjarji illeċiti b'mod effikaċi; jenfasizza li ftehimiet dwar it-taxxa doppja (FTD) jistgħu jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji illeċiti; iħeġġeġ lill-UE tiżgura d-distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet ta' tassazzjoni meta jkunu qed jiġu nnegozjati t-trattati dwar it-taxxa u l-investiment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; għal dan l-għan, jappella lill-UE tinnegozja trattati fil-qasam tat-taxxa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ibbażati fuq il-mudell tat-trattat tal-Kumitat tat-Taxxa tan-Nazzjonijiet Uniti, li jagħti drittijiet aktar b'saħħithom għal tassazzjoni f'ras il-għajn;

4.  Jappella lill-UE tkompli tappoġġa l-konsolidament tal-amministrazzjoni pubblika u l-adozzjoni ta' oqfsa leġiżlattivi adegwati kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kollha, partikolarment f'pajjiżi wara kunflitt u fi tranżizzjoni, fejn l-istituzzjonijiet statali huma dgħajfa; jinsisti fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-pulizija reġjonali u speċjalizzata u n-netwerks ġudizzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dejjem skont il-parametri li jiggarantixxu standards xierqa ta' protezzjoni tad-data u tal-privatezza, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-kompetenza tal-Europol, l-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew; jenfasizza l-bżonn li jitjiebu r-regolamentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-liġi u biex tiġi promossa l-protezzjoni tal-informaturi biex it-trasgressuri jinżammu responsabbli għar-reati tagħhom, u għandha tkun stabbilita sistema xierqa li tipproteġi l-informaturi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; jenfasizza b'mod partikolari li hemm bżonn ta' mekkaniżmu ta' rappurtar dirett għaċ-ċittadini fil-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna mill-UE, biex jiġbdu l-attenzjoni għall-irregolaritajiet fil-programmi ta' għajnuna ffinanzjati mill-UE;

5.  Jinnota bi tħassib li bosta mill-konvenzjonijiet u inizjattivi internazzjonali ffokati fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji internazzjonali jonqsu milli jagħtu riżultati konkreti fl-istadju tal-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-iżvilupp ta' politika barranija għal strateġija kontra l-korruzzjoni hi essenzjali sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja b'mod effikaċi; jappella lill-UE biex fil-politiki esterni tagħha tippromwovi, bħala prijorità, it-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, u l-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħra kollha li huma intiżi li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

6.  Jappella lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' monitoraġġ kontinwu, li l-għajnuna tal-UE ma tikkontribwixxix b'mod dirett jew indirett għall-korruzzjoni; hu tal-fehma li l-assistenza għall-għajnuna għandha tkun allinjata aktar mal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiż ospitanti u mal-bżonnijiet tal-iżvilupp ġenerali tiegħu sabiex tiġi evitata l-ħela u l-korruzzjoni qawwija fir-riżorsi tal-għajnuna; jappella lill-UE tindirizza l-korruzzjoni direttament permezz tal-programmazzjoni u d-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż u biex torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; għal dan il-għan, jenfasizza l-bżonn li jinħolqu mekkaniżmi b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija b'saħħitha, olistika u komprensiva għall-ġestjoni tar-riskju ta' korruzzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiġi evitat li l-għajnuna għall-iżvilupp tikkontribwixxi għall-korruzzjoni, u biex timplimenta bis-sħiħ l-istrateġija kontra l-frodi maħruġa fl-2013, partikolarment fl-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE fil-modalitajiet kollha tagħha, inklużi l-FEŻ u l-fondi fiduċjarji, u meta jiġu delegati proġetti ta' żvilupp lil partijiet terzi; jinnota bi tħassib li l-approċċ tal-UE rigward il-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-AKP, jipprovdi gwida strateġika dgħajfa dwar it-tisħiħ tas-sistemi tal-pajjiżi għall-prevenzjoni u l-kontroll tagħha; iqis li hemm bżonn ta' koordinament akbar bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp fl-approċċ tagħhom biex itemmu b'mod effikaċi l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rabtiet bejn ċerti kumpaniji multinazzjonali u l-kriminalità organizzata f'pajjiżi terzi li jinvolvu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-attivisti, il-mexxejja soċjali, it-trejdunjonisti u l-ħaddiema; jappella lill-UE tinvestiga l-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali li jaġixxu b'kapital Ewropew u biex issaħħaħ il-kontroll u l-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' dawn il-kumpaniji; iqis li l-kumpaniji għandhom ikunu obbligati jkollhom fis-seħħ sistema ta' ġestjoni kontra l-korruzzjoni, inklużi mekkaniżmi ta' twissija adegwati tul il-katina tal-provvista, sabiex ikunu jistgħu jintgħażlu għal proġetti li jirċievu fondi tal-UE;

8.  Ifakkar l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u jinnota l-bżonn li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tiġi integrata fi strateġiji ta' żvilupp u ta' sigurtà bħala mezz biex terġa' tinġieb l-istabbiltà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.  Jisħaq li r-rispett tad-dritt tan-nies u tal-gvernijiet li jiddeċiedu dwar is-sistemi ekonomiċi, alimentari u agrikoli tagħhom stess hi s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali li jikkawżaw il-ġuħ u l-faqar; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex b'mod attiv tikkonfronta l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq il-ikel, bħax-xiri bi prezzijiet baxxi f'żoni agrikoli vasti u l-ħtif tal-art min-naħa ta' kumpaniji multinazzjonali kbar tas-settur agrikolu, filwaqt li tqis l-impatt negattiv fuq il-produtturi ż-żgħar;

10.  Jisħaq dwar l-importanza tal-prinċipju ta' ġustizzja universali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jirrifjuta l-limitazzjonijiet li l-gvernijiet tal-Istati Membri imponew fuqu, li jikkawżaw ħsara serja għall-kapaċità tal-imħallfin li jinvestigaw reati kommessi barra mit-territorju tal-Istat Membru tagħhom; iħeġġeġ lill-UE tiddefendi l-inklużjoni ta' reati ekonomiċi, finanzjarji u ambjentali fil-ġurisdizzjoni universali;

11.  Jinnota li l-evalwazzjoni tal-politiki l-ġodda dwar id-drogi ħfief hi ta' prijorità, u jqis li l-istrateġiji ta' dekriminalizzazzjoni/legalizzazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala mezz li bih jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-organizzazzjonijiet kriminali; jitlob li l-UE tintroduċi din il-kwistjoni kemm fil-politiki interni kif ukoll fil-politiki esterni tagħha, u dan billi fid-dibattitu politiku tinvolvi l-aġenziji tal-UE u l-aġenziji internazzjonali kollha rilevanti u l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi kollha involuti.

12.  Jinnota li l-industriji estrattivi, is-setturi tal-utilitajiet, tal-iżvilupp tal-infrastruttura, u tas-saħħa u l-edukazzjoni huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni; ifakkar b'mod partikolari li l-akkwist mhux trasparenti mill-gvernijiet u mill-katini ta' provvista jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-korruzzjoni relatata mal-flussi finanzjarji illeċiti; iqis, għalhekk, li l-isforzi kontra l-korruzzjoni għandhom ukoll ikollhom l-għan li jimmodernizzaw il-prattiki tal-akkwist;

13.  Jappella lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu t-trasparenza u r-responsabilità tal-kumpaniji f'kuntratti tar-riżorsi, tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju tal-kumpaniji, u l-ġbir u l-allokazzjoni tad-dħul, bħala parti mill-aġenda tagħhom kontra l-korruzzjoni;

14.  Jappella lill-UE żżid l-appoġġ tagħha biex tgħin lil pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi jimplimentaw il-prinċipji tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) għal aktar trasparenza u ta' responsabbiltà fis-setturi taż-żejt, gass u tat-tħaffir fil-minjieri; iħeġġeġ bil-qawwa l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku effikaċi li jagħti appoġġ għall-implimentazzjoni xierqa tal-EITI minn kumpaniji involuti fil-katini ta' provvista tas-setturi taż-żejt, gass u tat-tħaffir fil-minjieri.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (22.4.2016)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM
(2015/2110(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Julia Pitera

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni inkluża fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu,

   wara li kkunsidra l-informazzjoni inkluża mill-Kummissjoni fir-Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)38),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

A.  billi l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fl-UE u fil-bqija tad-dinja qed jikbru u għandhom impatt negattiv fuq is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej u l-interessi ta' negozji Ewropej, li jistgħu jwasslu biex idgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija u l-istituzzjonijiet tal-UE;

B.  billi l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma ta' theddida serja għall-ekonomija tal-UE billi jnaqqsu b'mod sinifikanti d-dħul mit-taxxa tal-Istati Membru u tal-UE kollha, u għar-responsabbiltà tal-proġetti pubbliċi ffinanzjati mill-UE peress li organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw f'bosta setturi, li ħafna minnhom huma soġġetti għall-kontroll mill-istat;

C.  billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandha tiggarantixxi li d-dħul u l-infiq tal-baġit jikkontribwixxu għall-ksib tal-prijoritajiet u l-objettivi tal-UE u sabiex tiżdied il-fiduċja min-naħa taċ-ċittadini billi tassigurahom li flushom qed jintużaw f'konformità sħiħa mal-għanijiet u l-politiki tal-UE;

D.  billi fl-2014, 1 649 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti u li jaffettwaw il-baġit Ewropew bl-ammont ta' EUR 538.2 miljun, fir-rigward kemm tal-aspett tan-nefqa kif ukoll dak tad-dħul, iżda m'hemmx data uffiċjali dwar liema perċentwali ta' frodi huwa attribwibbli mal-kriminalità organizzata;

E.  billi bil-għan li ssaħħaħ il-miżuri eżistenti, bħalma hi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (Konvenzjoni PIF), għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti għal strumenti tal-liġi kriminali, id-Direttiva PIF u r-Regolament dwar it-Twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ir-Regolament UPPE), immirati biex jiżguraw investigazzjoni aktar effikaċi u protezzjoni aħjar tal-flus tal-kontributuri tat-taxxa fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE kollha kemm hi;

F.  billi l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u l-irkupru ta' flus li ġejjin mill-kriminalità fl-Unjoni teħtieġ tkun prijorità politika għall-istituzzjonijiet tal-UE, u billi, għaldaqstant, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri hija fundamentali;

G.  billi l-kapaċità ta' organizzazzjonijiet kriminali li jadattaw l-attivitajiet tagħhom għas-sitwazzjonijiet soċjali u territorjali differenti, tippermettilhom jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom billi jagħmlu profitti sinifikanti mit-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-iskart u l-immigrazzjoni illegali, u jinfiltraw is-swieq legali billi jserħu fuq "żona griża" ta' kollużjoni ma' ħaddiema professjonisti u impjegati taċ-ċivil korrotti;

H.  billi d-diversità fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri tippreżenta ambjent diffiċli biex tiġi megħluba l-kriminalità organizzata u jiġi missielet il-ħasil tal-flus;

1.  Jinnota li l-fenomeni tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus normalment ikollhom dimensjoni transfruntiera li teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u bejn dawk l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-UE, bl-għajnuna ta' bażijiet tad-data nazzjonali, appoġġ mill-istrumenti tal-UE u pjan ta' azzjoni Ewropew biex jiġu eradikati;

2.  Jitlob l-adozzjoni ta' definizzjoni komuni tal-kriminalità organizzata fuq livell Ewropew bħala pass essenzjali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra dan il-fenomenu;

3.  Jenfasizza li l-pjan ta' azzjoni Ewropew kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus għandu jkollu riżorsi finanzjarji adegwati biex ikun effikaċi mingħajr ma jipperikola r-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

4.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni pproponiet firxa wiesgħa ta' miżuri biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, u li dawn diġà qed iħallu xi frott (pereżempju l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus); iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ sħiħ mill-miżuri diġà pprovduti u jqis essenzjali wkoll li jiġu promossi tekniki investigattivi komuni biex iqabblu l-kriminalità organizzata u sabiex jiġu stabbiliti strutturi nazzjonali speċifiċi għal dan l-għan, jiġi żviluppat netwerk operattiv għall-iskambju ta' informazzjoni f'koordinazzjoni mal-Europol;

5.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-professjonalizzazzjoni li dejjem qed tikber tad-dħul klandestin ta' persuni u ż-żieda relatata fil-profitti għan-netwerks ta' kuntrabandu u traffikar minħabba l-flussi kontinwi ta' rifuġjati lejn l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jsir progress dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar biex jinqered id-dħul klandestin ta' persuni u tiġi minimizzata l-influwenza tan-netwerks tat-traffikar;

6.  Jinnota li l-Greċja rċeviet madwar EUR 655 miljun fl-2015 minn programmi nazzjonali u mis-sistema ta' appoġġ ta' emerġenza għall-kriżi tar-rifuġjati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun sar użu xieraq minn dawn il-fondi u tinforma lill-Parlament bis-sejbiet tagħha;

7.  Jinnota li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom dmir legali li jiġġieldu l-frodi f'konformità mal-Artikolu 325 tat-TFUE, u jilqa' l-inklużjoni ta' klawżoli kontra l-frodi fi proposti leġiżlattivi b'impatt finanzjarju;

8.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatata mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f'kull wieħed mill-oqsma ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jgħinu fil-ġlieda kontra din it-tip ta' frodi;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 li fiha tipproponi pjan ta' azzjoni għar-riforma tas-sistema tal-VAT; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera tal-VAT; jinnota li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, l-UE titlef madwar EUR 50 biljun kull sena riżultat tal-frodi transfruntiera tal-VAT;

10.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn urġenti għal ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF); jinnota li l-unika ħaġa li tostakola tali ftehim hija l-imblukkar min-naħa tal-Kunsill ta' kwalunkwe progress fir-rigward tal-inklużjoni tal-VAT fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ Taricco (C-105/14), li b'mod ċar japprova l-pożizzjoni legali tal-Parlament;

11.  Jieħu nota tad-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Kunsill dwar l-abbozz ta' regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) bħala parti essenzjali tal-pjan ta' azzjoni; jenfasizza li sabiex il-persuni li jwettqu offiżi kriminali taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva PIF jiġu investigati b'mod effikaċi, jiġu mħarrka u jitressqu quddiem il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkollu setgħat estensivi biex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE irrispettivament mill-istruttura li finalment jieħu; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għall-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

12.  Jirrimarka li kull sena fl-UE jintilfu EUR 1 triljun f'evażjoni u evitar tat-taxxa; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rifuġji fiskali u lill-pajjiżi li għandhom prezzijiet fiskali mhux trasparenti jew dannużi, li huma problema kbira li jaffettwaw kull ċittadin Ewropew;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim internazzjonali fi ħdan il-G20 sabiex jiġi applikat standard globali ġdid ta' trasparenza fiskali ikbar, skont l-istandard għoli diġà applikat mill-UE; jitlob l-implimentazzjoni rapida tiegħu u l-monitoraġġ effettiv tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq livell internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fi Frar 2016, il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet li jinvolvu l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa ma' pajjiżi bħal Andorra u Monaco u fl-2015, il-Kummissjoni kienet diġà ffirmat ftehimiet mal-Iżvizzera, il-Liechtenstein u San Marino;

14.  Jirrimarka li t-trasparenza hija l-aktar strument effikaċi biex jiġu miġġielda l-abbuż u l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward, b'mod li tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tad-data relatata mal-benefiċjarji kollha ta' finanzjament mill-UE, inkluża d-data dwar is-sottokuntratti;

15.  Huwa tal-fehma li l-użu ta' metodu komuni għall-konfiska tal-assi ta' gruppi kriminali fl-UE tista' tkun miżura dissważiva għall-persuni kriminali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam fi ħdan il-pjattaformi ta' laqgħat eżistenti, bħalma huma l-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta' Frodi (COCOLAF) u oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr id-direttiva dwar il-konfiska ta' assi mill-kriminalità u jippromwovu l-użu mill-ġdid tal-assi konfiskati għal finijiet soċjali, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà u jappoġġjaw programm Ewropew għall-iskambju ta' prattiki tajbin għall-ġestjoni tal-assi konfiskati, filwaqt li jippromwovu l-użu tagħhom għal skopijiet soċjali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kooperazzjoni amministrattiva, tal-pulizija u dik ġudizzjarja biex jintraċċaw, jaqbdu u jikkonfiskaw assi kriminali fl-Unjoni kollha, u jtejbu l-Uffiċċji Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, li għandhom jiġu pprovduti b'riżorsi adegwati;

17.  Jirrimarka li l-organizzazzjonijiet kriminali jikkollaboraw ma' entitajiet oħrajn u jistgħu jipparteċipaw f'ċerti attivitajiet, f'kollużjoni ma' kriminali professjonisti (jiġifieri individwi assoċjati ma' negozji u banek, inklużi uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet) li ma jkunux membri ta' organizzazzjonijiet kriminali li iżda jirrappreżentaw l-interessi ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet;

18.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu strutturi speċjalizzati fuq livell nazzjonali ħalli jiġu identifikati organizzazzjonijiet kriminali u jiġu esklużi minn offerti pubbliċi entitajiet li huma involuti fi prattiki korrotti jew f'ħasil tal-flus;

19.  Jirrimarka li l-kriminalità organizzata tuża kumpaniji ta' kostruzzjoni li jispeċjalizzaw f'ċaqliq ta' terrapien jew ħamrija għall-ħasil tal-flus u għar-rimi illegali ta' sustanzi tossiċi li jikkawżaw tniġġis ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet kontra l-kriminalità fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li huma benefiċjarji ta' kuntratti għal proġetti kbar ta' infrastruttura ffinanzjati mill-baġit tal-UE sabiex jiġu evitati tali prattiki;

20.  Jinsab imħasseb dwar il-prattika rikorrenti ta' kumpaniji kriminali involuti fil-ħasil tal-flus li jissottomettu offerti bi prezzijiet iżjed baxxi mill-kost fil-proċeduri ta' offerti għal proġetti kbar; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjoni ekonomika tal-proposti fir-rigward ta' kumpaniji li jingħataw il-kuntratti u s-sottokuntratti;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw malajr ir-Raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fost it-tipi differenti ta' forom legali, inklużi entitajiet ġuridiċi bħal fondazzjonijiet u arranġamenti legali simili għal trusts;

22.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-banek fir-rigward tal-ħasil tal-flus u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta sabiex tiżgura trasparenza sħiħa ta' flussi bankarji mhux biss għall-individwi, iżda anke għal entitajiet ġuridiċi u għal trusts;

23.  Jitlob li jiġu rtirati liċenzji bankarji minn banek involuti f'każijiet li għandhom provi li ammonti kbar ta' flus ġew maħsula;

24.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li 71,15 % tal-infiq għall-gruppi ta' viżitaturi fl-2014 ġew imħallsa fi flus kontanti; jinnota l-istudju li sar mill-Qorti tal-Awdituri, fejn hija ġibdet l-attenzjoni għall-prattika ta' "riskju għoli" li jsiru pagamenti fi flus kontanti għar-rimborż tal-ispejjeż għall-gruppi ta' viżitaturi; jinsisti li kull pagament fi flus kontanti għall-gruppi ta' viżitaturi għandu jiġi abolit;

25.  Jitlob lill-UE tapplika għal sħubija tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa u tissodisfa l-obbligi ta' rappurtar tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li l-UE hija parti minnha; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun it-tieni rapport tagħha dwar il-korruzzjoni fl-UE u tinkludi wkoll informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet tal-UE nfushom, li kienet nieqsa fl-ewwel rapport tagħha, jew f'każ li t-tieni rapport mhuwiex se jkun disponibbli fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni tippreżenta rapport separat dwar l-istituzzjonijiet tal-UE bħala addendum għall-ewwel rapport tagħha;

26.  Jilqa' l-fatt li f'Diċembru 2014, wara erba' snin ta' diskussjonijiet, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw ftehim dwar ir-riformi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li se jsaħħaħ il-protezzjoni tad-data għal persuni fiżiċi u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri;

27.  Jindika li l-istituzzjonijiet tal-UE sa minn Jannar 2014 għandhom l-obbligu li jintroduċu regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta għall-ħarsien tal-informaturi mir-ritaljazzjoni, biex ikun żgurat li tiġi żvelata l-imġiba ħażina serja fl-amministrazzjoni tal-UE; jiddispjaċih li wħud mill-istituzzjonijiet għadhom ma implimentawx dawn ir-regoli; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, madankollu, jistabbilixxu programm ta' protezzjoni Ewropew għall-informaturi u għax-xhieda tal-Istat;

28.  Jirrimarka li programmi bħal Hercule, Fiscalis, Pericles u d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni fi Frar 2013 biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-euro kontra l-iffalsifikar huma mfassla biex jiġġieldu l-attività kriminali illegali, internazzjonali u transkonfinali u jitlob għar-razzjonalizzazzjoni tagħhom u għal aktar koordinazzjoni bejniethom;

29.  Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fir-riżorsi disponibbli mill-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk; jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tiffirma ftehimiet ġodda mal-industrija tat-tabakk, biex tistipula li s-sehem tar-rikavat minn dawk il-ftehimiet għall-Istati Membri għandhom ikunu marbuta, fil-baġits tagħhom, ma' miżuri għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta' prodotti illegali tat-tabakk;

30.  Jilqa' l-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill tal-UE għall-Presidenza Olandiża, dik Slovakka u dik Maltija, li jpoġġi l-approċċ komprensiv u integrat għall-kriminalità organizzata fuq quddiem fl-aġenda tiegħu, flimkien mal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li se jinvolvi l-ħidma dwar il-ħatra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ir-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data, u jippromwovi u jissalvagwardja l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

31.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm aktar politiċi responsabbli; jitlob li jiġu introdotti regoli obbligatorji li jistabbilixxu li persuni li ġew ikkundannati jew li ħadu sehem fi kriminalità organizzata, f'ħasil tal-flus, f'korruzzjoni jew reati oħra serji, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal sħubija fil-Parlament Ewropew jew li joffru servizz f'istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Brian Hayes, Paul Rübig, Patrizia Toia

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Tiziana Beghin, Miroslav Poche

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

3

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Claude Moraes, Alessandra Mussolini, Péter Niedermüller, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Beatrix von Storch, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Hugues Bayet, Fabio Massimo Castaldo, Anna Maria Corazza Bildt, Dennis de Jong, Marek Jurek, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Arne Lietz, Norbert Lins, Georg Mayer, Georgi Pirinski, Viviane Reding, Mylène Troszczynski