Proċedura : 2015/2352(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0308/2016

Testi mressqa :

A8-0308/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 18
CRE 30/11/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0478

RAPPORT     
PDF 595kWORD 67k
19.10.2016
PE 582.416v01-00 A8-0308/2016

dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore

(2015/2352(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Kostas Chrysogonos

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore

(2015/2352(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u s-sigurtà finanzjarja għal operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/30/UE (COM(2015)0422),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Liabilty, Compensation and Financial Security for Offshore Accidents in the European Economic Area" (Responsabbiltà, Kumpens u Garanzija Finanzjarja għal Inċidenti Offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea) u r-rapport ta' akkumpanjament tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni (SWD(2015)0167),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore – OSD)(1),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument "Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council on safety of offshore oil and gas prospection, exploration and production activities" (Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-attivitajiet ta' prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni offshore), (SEC(2011)1293),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali – ELD)(3),

–  wara li kkunsidra l-acquis internazzjonali u reġjonali dwar talbiet għal danni minn inċident taż-żejt jew tal-gass offshore u b'mod partikolari l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt (il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili) tas-27 ta' Novembru 1992, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għal Kumpens għad-Danni mit-Tniġġis miż-Żejt (il-Konvenzjoni dwar il-Fond) tas-27 ta' Novembru 1992, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt tal-Bunker (il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers) tat-23 ta' Marzu 2011, il-Konvenzjoni Nordika dwar il-Protezzjoni Ambjentali bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja u l-Protokoll Offshore għall-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Protokoll Offshore),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-13 ta' Settembru 2005 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 83(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I)(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, (il-Konvenzjoni ta' Lugano tal-2007)(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ir-Regolament Ruma II)(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali ppreparat għall-Kummissjoni mill-konsulenza BIO by Deloitte dwar "Civil liabilty, financial security and compensation claims for offshore oil and gas activities in the European Economic Area" (Ir-responsabbiltà ċivili, is-sigurtà finanzjarja u t-talbiet għal kumpens għal attivitajiet taż-żejt u l-gass offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass offshore(9),

–  wara li kkunsidra d-diżastru tad-Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku f'April 2010,

–  wara li kkunsidra l-inċidenti relatati mal-pjattaforma Castor li tinsab lil hinn mix-xtut tal-provinċji fi Spanja Castellón u Tarragona, fosthom aktar minn 500 terremot li laqtu direttament lil eluf ta' ċittadini Ewropej;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0308/2016),

A.  billi l-Artikolu 194 tat-TFUE espliċitament isostni d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, filwaqt li jkompli jħares is-solidarjetà u l-protezzjoni ambjentali;

B.  billi sorsi indiġeni ta' żejt u gass jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħtiġijiet attwali ta' enerġija tal-Ewropa u huma partikolarment importanti għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversità tal-enerġija;

C.  billi l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore qegħdin progressivament jitwettqu f'ambjenti dejjem aktar estremi u jistgħu potenzjalment iwasslu għal konsegwenzi kbar u devastanti għall-ambjent u għall-ekonomija tal-baħar u tal-inħawi tax-xtut;

D.  billi, għalkemm il-produzzjoni taż-żejt u l-gass fil-Baħar tat-Tramuntana kienet qed tonqos matul l-aħħar snin, l-għadd ta' faċilitajiet offshore x'aktarx li jiżdied fl-Ewropa fil-futur, b'mod partikolari fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed;

E.  billi l-inċidenti kkawżati minn pjattaformi għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass offshore iwasslu għal konsegwenzi ta' ħsara transfruntiera u l-azzjoni tal-UE biex tipprevjeni u timmitiga l-konsegwenzi ta' tali inċidenti, kif ukoll it-tentattiv biex dawn jiġu miġġielda, hija għalhekk meħtieġa u proporzjonata;

F.  Ifakkar fit-telfa traġika ta' 167 ħaddiem taż-żejt li mietu fid-diżastru ta' Piper Alpha lil hinn mill-kosta ta' Aberdeen, l-Iskozja, fis-6 ta' Lulju 1988;

G.  Jirrimarka li għadd ta' studji, inkluż wieħed mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew u wieħed miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, jikkalkolaw li kien hemm bosta eluf ta' inċidenti (aktar preċiżament 9 700, bejn l-1990 u l-2007) fis-settur taż-żejt u tal-gass tal-UE; jirrimarka wkoll, li l-impatt kumulattiv ta' dawn l-inċidenti, inklużi dawk ta' daqs żgħir, għandu riperkussjonijiet serji u fit-tul fuq l-ambjent tal-baħar u għandu jiġi kkunsidrat fid-direttiva;

H.  billi, skont l-Artikolu 191 tat-TFUE, l-azzjoni kollha tal-UE f'dan il-qasam għandha tkun appoġġjata minn livell għoli ta' protezzjoni bbażata, inter alia, fuq azzjoni ta' prekawzjoni u prevenzjoni, kif ukoll fuq il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u prinċipji ta' sostenibbiltà;

I.    Jinnota li mill-1988 'l hawn, ma kienx hemm inċidenti kbar offshore fl-UE u li 73 % tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass fl-UE tiġi mill-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana, li diġà huma rikonoxxuti li għandhom l-aqwa sistemi ta' sikurezza offshore fid-dinja; jissottolinja li l-UE għandha madwar 68 000 km ta' kosta u l-għadd ta' faċilitajiet offshore x'aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti fil-futur, b'mod speċjali fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, u dan jagħmilha kwistjoni ta' urġenza li tiġi implimentata u infurzata bis-sħiħ id-Direttiva 2013/30/UE u li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ qafas legali xieraq li jirregola l-attivitajiet kollha offshore qabel ma jseħħ inċident gravi; jirrimarka li, kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE, il-politika ambjentali tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' azzjoni preventiva;

J.  billi r-reġimi ta' responsabbiltà jikkostitwixxu l-mezzi prinċipali li permezz tagħhom jiġi applikat il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", li jiżgura li d-ditti jinżammu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat matul in-negozju u jinċentivahom biex jadottaw miżuri preventivi, jiżviluppaw prattiki u jwettqu azzjonijiet li jnaqqsu r-riskji ta' tali dannu;

K.  billi, għalkemm l-OSD tagħmel lid-detenturi ta' liċenzji offshore strettament responsabbli għall-prevenzjoni u r-rimedju ta' kull dannu ambjentali li jirriżulta mill-operazzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 7 moqri flimkien mal-Artikolu 38 – li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD għall-blat kontinentali tal-Istati Membri), ma ppermettitx li jiġi stabbilit qafas komprensiv tal-UE għar-responsabbiltà;

L.  billi huwa tal-akbar importanza li jkun hemm mekkaniżmi ta' kumpens effikaċi u xierqa u mekkaniżmi ta' trattament xieraq u fil-pront għal talbiet għad-danni kkawżati minn operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore lill-vittmi u għall-annimali u l-ambjent, kif ukoll li jkollhom biżżejjed riżorsi biex jirrestawraw ekosistemi ewlenin;

M.  billi l-OSD ma pprevedietx armonizzazzjoni fir-rigward tad-danni ċivili minn inċidenti offshore, u l-qafas legali internazzjonali eżistenti jagħmilha diffiċli biex it-talbiet għal danni ċivili transfruntiera jirnexxu;

N.  billi l-OSD tistabbilixxi prekundizzjonijiet għal-liċenzjar bl-għan li jiġi żgurat li d-detenturi tal-liċenzji qatt ma jsibu ruħhom teknikament jew finanzjarjament inkapaċi li jittrattaw il-konsegwenzi tal-operazzjonijiet offshore tagħhom, u li jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri għal trattament fil-pront u adegwat ta' talbiet ta' kumpens, inkluż għal inċidenti transfruntiera, u li jiġi faċilitat l-użu ta' strumenti finanzjarji sostenibbli (l-Artikolu 4);

1.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/30/UE dwar is-Sikurezza Offshore (OSD), li tikkumplimenta d-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD) u d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (IEA), kif ukoll ir-ratifika tal-Protokoll Offshore tal-Konvenzjoni ta' Barċellona mill-Kunsill, bħala l-ewwel passi għall-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza tal-ħaddiema; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma wettqux it-traspożizzjoni tad-Direttivi msemmija hawn fuq fil-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti kif previst mill-Artikolu 8 tal-OSD, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta' regoli armonizzati ulterjuri dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u s-sigurtà finanzjarja bl-għan li jiġu evitati inċidenti ulterjuri b'implikazzjonijiet transfruntiera;

2.  Jiddeplora l-fatt li skont id-Direttivi 2013/30/UE u 2004/35/UE, l-inċidenti jiġu definiti bħala "serji" biss jekk iwasslu għal imwiet jew korrimenti serji, mingħajr ebda referenza għall-konsegwenzi ambjentali; jenfasizza li anke jekk ma jwassalx għal imwiet jew korrimenti serji, inċident jista' jkollu impatt serju fuq l-ambjent, minħabba l-iskala tiegħu jew minħabba li jaffettwa, pereżempju, żoni protetti, speċijiet protetti jew ħabitats partikolarment vulnerabbli;

3.  Jenfasizza li l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" għal operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore għandha tiġi estiża mhux biss għall-ispejjeż tal-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali – kif sa ċertu punt huwa miksub fil-preżent permezz tal-OSD u l-ELD – iżda wkoll għall-ispejjeż tar-rimedju ta' talbiet ta' danni tradizzjonali, b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tikkunsidra l-istabbiliment ta' mekkaniżmu leġiżlattiv ta' kumpens f'każ ta' inċidenti offshore, simili għal dak previst mill-Att dwar l-Attivitajiet taż-Żejt fin-Norveġja, għallinqas għas-setturi li jistgħu jintlaqtu serjament, bħalma huma s-sajd u t-turiżmu kostali u setturi oħra tal-ekonomija blu; jirrakkomanda f'dan il-kuntest li l-abbużi u l-inċidenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa minn kumpaniji għandhom jiġu vvalutati b'mod kwantitattiv u kwalitattiv b'tali mod li jiġu koperti l-effetti sekondarji kollha għall-komunitajiet; jissottolinja wkoll, fir-rigward tar-responsabbiltà ambjentali, id-diverġenzi u n-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-ELD, kif deskritt ukoll fit-tieni rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELD tiġi implimentata b'mod effettiv u li r-responsabbiltà għad-danni ambjentali f'każ ta' inċidenti offshore tkun tapplika għal firxa adegwata madwar l-UE;

4.  Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-OSD ma tittrattax ir-responsabbiltà għal danni ċivili kkawżati direttament jew indirettament lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kemm għal offiża fuq il-persuna, danni lill-proprjetà jew telf ekonomiku;

5.  Jiddispjaċih ukoll mill-fatt li l-mod li r-responsabbiltà ċivili hija ttrattata jvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor; jenfasizza li f'ħafna Stati Membri m'hemmx responsabbiltà b'rabta mal-attivitajiet offshore u tal-gass għall-maġġoranza tat-talbiet ta' parti terza għall-kumpens relatati ma' dannu tradizzjonali kkawżat minn inċident, m'hemm l-ebda reġim għal pagamenti ta' kumpens fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, u f'ħafna Stati Membri, l-ebda assigurazzjoni li operaturi jew persuni responsabbli jkollhom assi finanzjarji adegwati biex jissodisfaw it-talbiet; jenfasizza, barra minn hekk, li ħafna drabi hemm inċertezza dwar il-mod li bih is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri jittrattaw id-diversità tat-talbiet ċivili li jistgħu jirriżultaw minn inċidenti taż-żejt u tal-gass offshore; jemmen, għalhekk, li huwa meħtieġ qafas Ewropew, li għandu jkun ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni mill-aktar Stati Membri avvanzati, li għandu jkopri mhux biss korriment fiżiku u ħsara lill-proprjetà iżda wkoll telf purament ekonomiku, u għandhom jiġu żgurati mekkaniżmi ta' kumpens effettivi għall-vittmi u għas-setturi li jistgħu jkunu affettwati serjament (eż. it-turiżmu kostali u tas-sajd); f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk qafas orizzontali Ewropew għal rimedju kollettiv jistax ikun soluzzjoni possibbli, u biex tagħti attenzjoni partikolari lil dan fit-tfassil tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-OSD;

6.  Jenfasizza, f'din il-perspettiva, li t-talbiet għal kumpens u rimedju għal danni tradizzjonali huma ostakolati wkoll mir-regoli ta' proċedura ċivili dwar il-limitazzjonijiet taż-żmien, l-ispejjeż finanzjarji, in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' litigazzjoni ta' interess pubbliku u ta' talbiet rigward delitti kollettivi, u minn dispożizzjonijiet dwar l-evidenza, li jvarjaw b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor;

7.  Jenfasizza li r-reġimi ta' kumpens għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw talbiet transfruntiera b'mod effettiv, rapidu u fi żmien raġonevoli u mingħajr diskriminazzjoni bejn rikorrenti ta' pajjiżi differenti taż-ŻEE; jirrakkomanda li għandhom ikopru kemm id-danni primarji kif ukoll dawk sekondarji fiż-żoni affettwati kollha, peress li tali inċidenti jaffettwaw żoni akbar u jaf ikollhom impatt fuq żmien twil; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati ġirien, li mhumiex membri taż-ŻEE, jirrispettaw id-dritt internazzjonali pubbliku;

8.  Huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti regoli stretti dwar ir-responsabbiltà ċivili għal inċidenti offshore sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi (kemm persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi) ta' inċidenti offshore, peress li dan jista' jagħti inċentiv lill-operaturi offshore biex jiġġestixxu b'mod xieraq ir-riskji tal-operazzjonijiet; jemmen li l-limiti finanzjarji fuq ir-responsabbiltà għandhom jiġu evitati;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw is-sitwazzjoni speċjali ta' ħaddiema u impjegati fl-industrija taż-żejt u l-gass offshore, speċjalment tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jinnota li l-inċidenti taż-żejt u tal-gass offshore jista' jkollhom implikazzjonijiet partikolarment serji għall-industriji tas-sajd u t-turiżmu, kif ukoll għal setturi oħra li jiddependu fuq il-kundizzjoni tajba tal-ambjent tal-baħar kondiviż biex jagħmlu n-negozju, minħabba li dawn is-setturi, li jinkludu ħafna SMEs, jistgħu jsofru telf ekonomiku sinifikanti fil-każ ta' inċident kbir offshore;

10.  Jenfasizza, għaldaqstant, li huwa ta' importanza kbira li jiġu aġġornati s-sistemi ta' responsabbiltà eżistenti fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jekk iseħħ inċident fl-ibħra ta' dawn l-istati, dan ma jaffettwax ħażin il-futur tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore tal-istat ikkonċernat, lanqas dak tal-UE kollha, jekk l-inċident kellu jseħħ f'żona li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu għad-dħul; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tirrevedi l-ħtieġa li jiġu introdotti standards tal-UE komuni għal sistemi ta' talba ta' rimedju u kumpens;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi l-vittmi ta' danni kollaterali b'rabta mal-ipprospettar, l-istħarriġ u l-operat ta' faċilitajiet offshore, bħala persuni li jistgħu jkunu eliġibbli għall-kumpens previst;

12.    Jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel ġbir sistematiku ta' data permezz tal-Grupp ta' Awtoritajiet tal-UE Responsabbli għall-Attivitajiet taż-Żejt u tal-Gass Offshore (EUOAG), sabiex twettaq analiżi aktar komprensiva dwar l-effikaċja u l-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq verifiki ta' konformità regolari kemm tas-sistemi legali nazzjonali kif ukoll ta' intrapriżi b'dispożizzjonijiet ta' responsabbiltà u kumpens rilevanti fl-OSD, inkluża l-verifika tar-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji offshore, u biex tieħu azzjoni f'każ ta' ksur ta' konformità, bl-għan li jiġu evitati inċidenti serji u li jiġi limitat l-impatt tagħhom fuq il-persuni u fuq l-ambjent; jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu komuni fil-livell Ewropew biex jiġu ttrattati l-inċidenti u l-abbużi;

14.  Jissottolinja li huwa meħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-kumpens rapidu u xieraq tal-vittmi u l-prevenzjoni tal-ħlas ta' talbiet illeġittimi (magħrufa wkoll bħala l-problema tal-"floodgates"), permezz taż-żieda fiċ-ċertezza rigward il-livelli ta' responsabbiltà finanzjarja ta' ħafna ditti offshore u l-evitar ta' proċedimenti twal u għaljin quddiem il-qrati;

15.  Jiddispjaċih mill-fatt li l-ebda Stat Membru ma stabbilixxa espliċitament firxa wiesgħa ta' strumenti ta' garanzija finanzjarja li jikkonċernaw il-kumpens ta' talbiet għal danni tradizzjonali minn inċidenti taż-żejt u tal-gass offshore; jissottolinja f'dan il-kuntest li d-dipendenza żejda fuq l-assigurazzjoni tista' potenzjalment tirriżulta f'suq magħluq għal strumenti ta' garanzija finanzjarja, bil-konsengwenza potenzjali ta' nuqqas ta' kompetizzjoni u żieda fl-ispejjeż;

16.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' użu ta' strumenti ta' garanzija finanzjarja fl-UE biex jiġu koperti d-danni kkawżati mill-inċidenti offshore l-aktar għaljin; jinnota li waħda mir-raġunijiet tista' tkun li l-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltà għad-danni jista' ma jagħmilx tali strumenti meħtieġa f'ċerti Stati Membri;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu data dettaljata dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji u kopertura adegwata għall-inċidenti offshore, inklużi dawk l-aktar għaljin;

18.  Iqis li l-każijiet kollha ta' responsabbiltà ppruvata, kif ukoll id-dettalji tal-penali applikati, għandhom isiru pubbliċi sabiex il-kost reali tad-dannu ambjentali jkun trasparenti għal kulħadd;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw strumenti ta' garanzija finanzjarja li jikkonċernaw il-kumpens għal talbiet ta' danni tradizzjonali minn inċidenti marbuta mal-attivitajiet ġenerali relatati maż-żejt u l-gass offshore, inkluż f'każijiet ta' insolvenza; jemmen li dan jista' jillimita l-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltà tal-operaturi għal tniġġis inċidentali fil-fondi pubbliċi, li kieku jkunu meħtieġa jġarrbu l-ispejjeż ta' kumpens jekk ir-regoli kellhom jibqgħu l-istess; iqis li, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' fond ibbażat fuq tariffi mħallsa mill-industrija offshore jista' jiġi vvalutat ukoll;

20.  Iqis li huwa meħtieġ li jiġi analizzat sa liema punt l-introduzzjoni tar-responsabbiltà kriminali fil-livell tal-UE tista' żżid strat ieħor ta' deterrenza lil hinn mill-penali ċivili, li jista' jtejjeb il-protezzjoni tal-ambjent u l-konformità mal-miżuri tas-sikurezza; jilqa', għalhekk, l-introduzzjoni mill-UE tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali (ECD), li tarmonizza l-pieni kriminali għal ċertu ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE; jiddispjaċih madankollu li l-kamp ta' applikazzjoni tal-ECD ma jkoprix l-attivitajiet kollha tal-OSD; jiddispjaċih ukoll li d-definizzjonijiet tar-reati ta' natura kriminali u s-sanzjonijiet minimi relatati mal-ksur tas-sikurezza offshore mhumiex armonizzati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni żżid inċidenti kbar taż-żejt mal-kamp ta' applikazzjoni tal-ECD u biex tressaq quddiem il-Parlament l-ewwel rapport ta' implimentazzjoni tagħha tad-Direttiva fi żmien debitu, u sa mhux aktar tard mid-19 ta' Lulju 2019;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal l-istudji meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju ekonomiku li għalih jistgħu jkunu esposti l-Istati Membri individwali u ż-żoni kostali tagħhom, filwaqt li titqies l-orjentazzjoni ekonomika u settorjali tar-reġjuni individwali, il-livell ta' konċentrazzjoni tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore f'żoni speċifiċi, il-kundizzjonijiet li skonthom se jitwettqu dawn l-operazzjonijiet, il-fatturi klimatiċi bħall-kurrenti tal-oċeani u r-riħ u l-istandards ambjentali applikati; jirrakkomanda, għaldaqstant, l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni u perimetri ta' sikurezza f'każ li l-operazzjonijiet jagħlqu, u jilqa' l-bini mill-industrija ta' erba' strutturi li jintużaw bħala tappijiet għall-għeluq tal-bjar, li jistgħu jnaqqsu t-tixrid taż-żejt f'każ ta' inċident offshore;

22.  Jitlob studju tal-impatt ambjentali mfassal apposta għall-Artiku fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha li jseħħu fir-reġjun tal-Artiku, fejn l-ekosistemi huma partikolarment fraġli u huma konnessi mill-qrib mal-bijosfera globali;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-possibbiltà li jintroduċu miżuri ulterjuri, li jistgħu jissalvagwardjaw b'mod effettiv l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore qabel ma jseħħ xi inċident serju;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, ikomplu jeżaminaw il-possibbiltà għal soluzzjoni internazzjonali, meta jitqies li ħafna kumpaniji taż-żejt u tal-gass li joperaw fl-UE huma attivi mad-dinja u li soluzzjoni globali tista' tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali, jekk jissaħħu l-kontrolli fuq il-kumpaniji tal-estrazzjoni barra mill-fruntieri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw rapidament il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima ta' Diċembru 2015.

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66.

(2)

ĠU L 328, 19.11.2008, p. 28.

(3)

ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(4)

Il-Kawża C-176/03, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2005:542.

(5)

ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(6)

ĠU L 339, 21.12.2007, p. 3.

(7)

ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

(8)

BIO by Deloitte (2014), "Civil liabilty, financial security and compensation claims for offshore oil and gas activities in the European Economic Area" (Ir-responsabbiltà ċivili, is-sigurtà finanzjarja u t-talbiet għal kumpens għal attivitajiet taż-żejt u l-gass offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea), Rapport Finali ppreparat għall-Kummissjoni Ewropea – DĠ Enerġija.

(9)

ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 43.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

L-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore qed jitwettqu dejjem iżjed 'il bogħod mill-art u ħafna drabi f'ilmijiet ferm aktar fondi minn qatt qabel. Xi operazzjonijiet qed iseħħu f'ambjenti diffiċli, bħall-Artiku, u f'postijiet li jiddependu fuq it-turiżmu għal parti kbira mill-introjtu tagħhom, bħall-Baħar Mediterran u l-Baħar Eġew. Aktar minn 90 % taż-żejt u 60 % tal-gass prodotti fl-Ewropa (l-UE u n-Norveġja/l-Iżlanda) jiġu minn operazzjonijiet offshore. L-operazzjonijiet offshore (l-esplorazzjoni u l-isfruttament) huma kontinwi jew ippjanati biex iseħħu fl-ilmijiet territorjali ta' 18-il Stat Membru.

Wara l-isplużjoni u t-tixrid taż-żejt mid-Deepwater Horizon fl-20 ta' April 2010, id-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore kienet adottata bl-għan li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-prevenzjoni ta' inċidenti kbar f'operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fl-UE u biex jiġu limitati l-konsegwenzi ta' tali inċidenti. L-Istati Membri kellhom sad-19 ta' Lulju 2015 biex jaġġornaw l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali tagħhom għal operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore biex ikunu konformi mad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore. Minħabba li din l-iskadenza ilha li għaddiet, għandhom ikunu stabbiliti l-elementi bażiċi ta' qafas komprensiv tal-UE għall-prevenzjoni ta' inċidenti kbar u l-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom.

L-Artikolu 7 tal-OSD, moqri flimkien mal-Artikolu 38 jagħmel id-detenturi ta' liċenzji offshore strettament responsabbli għall-prevenzjoni u r-rimedju ta' kwalunkwe dannu ambjentali li jirriżulta mill-operazzjonijiet tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fl-Istati Membri fdati bir-rappreżentazzjoni tal-interess tal-protezzjoni ambjentali għandhom jiżguraw li l-operatur responsabbli jiġi identifikat; li l-kawżalità tiġi stabbilita, il-pjan ta' rimedju stabbilit u approvat, l-azzjoni preventiva jew l-azzjoni ta' rimedju meħtieġa meħuda, eċċ. L-Artikolu 4 tal-OSD iressaq prekundizzjonijiet dwar il-liċenzjar li għandhom l-għan li jiżguraw li d-detenturi tal-liċenzji qatt ma jsibu ruħhom teknikament jew finanzjarjament inkapaċi li jittrattaw il-konsegwenzi tal-operazzjonijiet offshore tagħhom. Dan jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri għal trattament xieraq u fil-pront ta' talbiet ta' kumpens inkluż għal inċidenti transfruntiera u li jiffaċilitaw l-użu ta' strumenti finanzjarji sostenibbli.

Ir-Responsabbiltà Ċivili u Kriminali

Madankollu, id-Direttiva ma tittrattax ir-responsabbiltà għal danni ċivili lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kemm għal offiża fuq il-persuna, danni lill-proprjetà jew telf ekonomiku – konsegwenzjali jew puri. Lanqas ma tittratta r-responsabbiltà kriminali għal inċidenti offshore, penalitajiet potenzjali u pieni oħrajn mhux ta' kustodja. Għalkemm il-ksur tas-sikurezza offshore jaqa' taħt il-kodiċi kriminali ta' ħafna Stati(1), la d-definizzjoni tar-reati kriminali u lanqas it-tip u l-livell minimi ta' sanzjonijiet mhuma armonizzati fl-UE. L-introduzzjoni tar-responsabbiltà kriminali fil-livell tal-UE tista' żżid strat ieħor ta' deterrenza lil hinn mill-penalitajiet ċivili, li jista' jtejjeb il-protezzjoni tal-ambjent u l-konformità mal-miżuri tas-sikurezza; Dan ikun konformi mad-dritt tal-UE sal-livell li l-miżuri tal-liġi kriminali huma adottati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-politika ambjentali tal-UE(2). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 83(2) tat-TFUE, ir-regoli minimi fil-forma ta' definizzjonijiet ta' reati kriminali u sanzjonijiet jistgħu jiġu adottati fil-livell tal-UE jekk huma essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika tal-Unjoni. Dan min-naħa l-oħra jimplika li sabiex ksur tal-OSD jitqies bħala reat kriminali jrid jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

Ir-responsabbiltà ċivili tista' tinqasam fi tliet kategoriji: offiża fuq il-persuna, dannu lill-proprjetà u telf ekonomiku. Skont ir-rapport finali ta' Bio by Deloitte tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-responsabbiltà ċivili, is-sikurezza finanzjarja u t-talbiet ta' kumpens għal attivitajiet taż-żejt u tal-gass offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Istati kollha fil-Mira jipprovdu għal talbiet għal offiża fuq il-persuna u dannu lill-proprjetà minn inċidenti offshore. Din ir-responsabbiltà hija kważi dejjem mingħajr livell ta' limitu massimu finanzjarju fiż-ŻEE(3). Madankollu, l-Istati jittrattaw ir-responsabbiltà ċivili għal inċidenti bħal dawn b'modi differenti ħafna. Ir-responsabbiltà ċivili għal inċidenti offshore fil-maġġoranza tal-Istati Fokali hija limitata mill-evidenza legali ta' negliġenza, ir-rekwiżiti dwar il-livell ta' kemm huwa dirett it-telf ekonomiku mġarrab u/jew projbizzjoni ċara fuq il-ħlas ta' kumpens għal telf ekonomiku fin-nuqqas ta' offiża fuq il-persuna jew dannu lill-proprjetà ("ir-regoli ta' esklużjoni").

Is-sajd kummerċjali u l-persuni involuti fl-akkwakultura/marikultura jistgħu jġarrbu telf ekonomiku pur minn tixrid ta' żejt jew sustanzi kimiċi minn operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore jew mill-użu ħażin ta' aġenti dispersivi jekk dawn ma jkunux jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom minħabba projbizzjonijiet fuq is-sajd u l-bejgħ ta' frott tal-baħar, jew minħabba tnaqqis fis-swieq jew it-telf tagħhom. In-negozji fl-industrija tat-turiżmu jistgħu jsofru wkoll telf ekonomiku pur minħabba telf ta' profitti mit-tnaqqis jew in-nuqqas ta' klijenti bħala riżultat ta' tixrid ta' żejt u sustanzi kimiċi li jispiċċaw fuq ix-xtut. In-negozji tat-turiżmu affettwati jistgħu jvarjaw minn lukandi, restoranti u bastimenti tal-kruċieri għal ħwienet tal-kafè u tas-souvenirs. Fl-aħħar nett, industriji kostali oħra jistgħu jiġu affettwati b'mod simili, bħall-impjanti tal-enerġija u l-faċilitajiet tad-desalinazzjoni li jużaw kwantitajiet kbar ta' ilma baħar u li jistgħu jaħdmu ħażin jekk ilma żejtni jinġibed f'dawn il-faċilitajiet.

L-uniku stat taż-ŻEE li għandu leġiżlazzjoni li timponi responsabbiltà għal kumpens speċifikament fil-każ ta' tniġġis minn inċident taż-żejt u tal-gass offshore huwa n-Norveġja fir-rigward tal-industrija tas-sajd. Id-Danimarka timponi responsabbiltà stretta għal offiża fuq il-persuna, dannu lill-proprjetà u telf ekonomiku kkawżati mill-esplorazzjoni għall-idrokarburi u l-produzzjoni tagħhom. Il-Greċja u Ċipru jidhru li jimponu responsabbiltà għal telf ekonomiku pur fuq id-detenturi ta' liċenzji/kerrejja skont il-Mudell ta' Kuntratt ta' Kondiviżjoni tal-Produzzjoni u l-Abbozz ta' Mudell ta' Ftehim ta' Lokazzjoni tagħhom, rispettivament, minbarra l-liġi tad-delitti ġenerali tagħhom. Minħabba l-inklużjoni tal-obbligi għall-kumpens ta' persuni li jġarrbu danni mill-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fi ftehimiet kuntrattwali, madankollu, huwa biss l-Istat li għandu d-dritt li jeħtieġ li d-detentur ta' liċenzja/kerrej iwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-kuntratt. Ir-rikorrenti b'hekk ikollhom jipperswadu lill-Istat biex jaġixxi f'isimhom.

Għalkemm ir-Regolamenti Brussell I u Ruma II jikkontribwixxu għas-salvagwardja tal-interessi tar-rikorrent għal inċidenti li joriġinaw f'ġurisdizzjonijiet b'regoli tar-responsabbiltà ċivili anqas strinġenti minn dawk fil-ġurisdizzjoni proprja, il-livell sa fejn din is-sitwazzjoni hija suffiċjenti minn perspettiva ta' aċċess għall-ġustizzja kif ukoll minn kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji għandu jiġi eżaminat aktar. Id-differenzi bejn is-sistemi ta' responsabbiltà jqajmu l-potenzjal għal għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni kieku kellu jseħħ rilaxx ta' żejt, gass jew sustanzi perikolużi oħra kkawżat minn inċident taż-żejt u tal-gass offshore.

Ir-rapporteur b'hekk jemmen li huwa ta' importanza kbira li jiġu aġġornati s-sistemi ta' responsabbiltà eżistenti fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jekk iseħħ inċident fl-ibħra ta’ dawn l-Istati, dan ma jaffettwax ħażin il-futur tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u lanqas dak tal-UE kollha – kieku l-inċident kellu jseħħ f'żona li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu għad-dħul. Minħabba r-reċessjoni ekonomika u r-rabta bejn il-promozzjoni ta' operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore bħala mezzi biex jiġu aġġustati d-defiċits tad-dejn tal-Istati, in-nuqqas ta' sistema ta' responsabbiltà u ta' garanzija finanzjarja effettiva biex tkopri t-talbiet, jimponi riskji kbar fuq dawn l-Istati.

Garanziji Finanzjarji

Skont il-premessa 63 tal-OSD, il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "miżuri adatti biex tiżgura reġim ta' responsabbiltà robust adegwat għad-danni relatati mal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, ir-rekwiżiti dwar il-kapaċità finanzjarja inkluża d-disponibbiltà ta' strumenti tas-sigurtà finanzjarja adatta jew arranġamenti oħra. Dan jista' jinkludi eżami tal-fattibbiltà ta' skema ta' kumpens reċiproku."

Fil-preżent, il-maġġoranza tal-Istati jippreskrivu mekkaniżmu wieħed biss għal kumpens, jiġifieri l-assigurazzjoni. Dan huwa f'kuntrast qawwi mal-mekkaniżmi li jistgħu jintgħażlu minn detentur ta' liċenzja ta' operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore biex jilħaq l-obbligi ta' liċenzja jew ftehim kuntrattwali u li jinkludu l-aktar komunement garanziji bankarji, garanziji ta' eżekuzzjoni, assigurazzjoni u jekk xieraq, garanziji tal-kumpanija prinċipali. Fl-aħħar nett, mhux ċar jekk il-politiki tal-assigurazzjoni aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti fl-istati jinkludux koperturi għal telf ekonomiku pur – bla dubju ftit jagħmel sens li detentur ta' liċenzja ta' operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore jieħu garanzija finanzjarja għal responsabbiltà li ma teżistix fil-ġurisdizzjoni li fiha jkun qed iwettaq l-operazzjonijiet.

Ir-rapporteur b'hekk jemmen li jeħtieġ li tiġi promossa soluzzjoni bilanċjata fir-rigward tar-rekwiżiti għal garanzija finanzjarja obbligatorja sabiex il-kumpaniji taż-żejt ma jiġux imwarrba mill-industrija taż-żejt u tal-gass offshore. Dan għandu jsir b'mod li l-effettività tal-prinċipji ta' min iniġġes iħallas ma tiġix kompromessa bl-istabbiliment ta' ammonti ta' garanzija minimi li huma baxxi wisq, iżda wkoll bil-limitazzjoni tal-garanzija obbligatorja għall-prodotti tal-assigurazzjoni biss.

Konklużjoni

L-effettività tas-sistemi ta' responsabbiltà fl-Istati għal danni tradizzjonali kkawżati mit-tniġġis minn operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, ir-reġimi għat-trattament ta' talbiet ta' kumpens għad-danni, id-disponibbiltà tal-istrumenti ta' garanzija finanzjarja, u r-rekwiżiti għal garanzija finanzjarja huma konnessi mill-qrib. Wieħed jista' jargumenta li l-biċċa l-kbira ta' talbiet għal danni tradizzjonali mit-tniġġis minn inċident taż-żejt u tal-gass offshore huma għal telf ekonomiku pur. Jekk is-sistema ta' responsabbiltà fi Stat Membru ma tirrikonoxxix dan it-tip ta' telf, jew tkun adottat approċċ konservattiv lejn it-talbiet għal telf ekonomiku pur, huwa irrilevanti jekk hemmx reġim effettiv biex jittratta t-talbiet ta' kumpens, jew jekk it-tali talbiet humiex koperti minn strumenti ta' garanzija finanzjarja.

Fid-dawl tas-sistemi ta' responsabbiltà disponibbli fl-Istati Membri, jidher li hemm kwistjoni kruċjali dwar jekk il-maġġoranza ta' talbiet ċivili minn inċidenti li jirriżultaw fi ħsara minn tniġġis mifrux humiex se jkunu indirizzati mill-azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva attwali jew minn sistemi ad hoc jew ġudizzjarji fis-seħħ f'dawn l-Istati. Bl-eċċezzjoni ta' Franza, in-Netherlands u d-Danimarka, mhuwiex probabbli li r-rikorrenti jingħataw rimedju f'ħafna Stati Membri, speċjalment dawk in-negozji li jsofru danni indiretti, bħal-laneċ, negozji li jipproċessaw il-ħut eċċ. Tali talbiet saru fl-UE, l-aktar f'każijiet fejn kien hemm tixrid ta' żejt minn bastimenti u r-reġim internazzjonali stabbilit fil-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Fondi, li jkopru telf ta' introjtu, fejn it-telf ikun dirett. Madankollu, tali Konvenzjonijiet ma jeżistux għall-kumpens minn dannu minn operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore u dawn il-Konvenzjonijiet x'aktarx li ma jkoprux tali inċidenti, minħabba li l-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore x'aktarx li ma jkunux ikkunsidrati 'bastimenti' għall-għanijiet ta' dawn il-Konvenzjonijiet.

Ir-rapporteur huwa għalhekk tal-opinjoni li jinħtieġ li l-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u tiżgura li s-sistemi ta' kumpens u ta' garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore fl-UE jiġu aġġornati u b'mod aktar speċifiku, i) tipprevedi kumpens għat-talbiet ta' parti terza għal danni tradizzjonali kkawżati minn inċidenti relatati ma' operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore; ii) tistabbilixxi reġim ta' kumpens għall-ġestjoni tal-pagamenti rilevanti; u iii) tiżgura li l-operaturi jew partijiet oħra responsabbli jkollhom assi finanzjarji adegwati biex jissodisfaw talbiet ta' kumpens.

(1)

Bħad-Danimarka, ir-Renju Unit u n-Norveġja.

(2)

Il-Kawża C-176/03, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, sentenza tat-13 ta' Settembru 2005.

(3)

Il-Ġermanja tista' timponi limitu ta' responsabbiltà taħt kawża ta' azzjoni ta' delitt li għaliha tapplika responsabbiltà stretta.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (12.7.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u s-sigurtà finanzjarja għal operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore

(2015/2352(INI))

Rapporteur: Nikos Androulakis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fid-dannu ambjentali kkawżat bl-inċident tad-Deepwater Horizon; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-proġett Castor ikkawża madwar 500 terrimot lil hinn mill-kosti ta' Tarragona u Castellón fl-2013 u li dawn affettwaw direttament eluf ta' ċittadini Ewropej;

2.  Ifakkar fit-telfa traġika ta' 167 ħaddiem taż-żejt li mietu fid-diżastru ta' Piper Alpha lil hinn mill-kosta ta' Aberdeen, l-Iskozja fis-6 ta' Lulju 1988;

3.  Jinnota li mill-1988 ’l hawn, ma kienx hemm inċidenti kbar lil hinn mill-kosta fl-UE u li 73 % tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass fl-UE tiġi mill-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana, li diġà huma rikonoxxuti li għandhom l-aqwa sistemi ta' sikurezza lil hinn mill-kosta fid-dinja; jenfasizza li l-UE għandha madwar 68 000 km ta' kosta u l-għadd ta' faċilitajiet lil hinn mill-kosta x'aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti fil-futur, b'mod speċjali fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, u dan jagħmilha kwistjoni ta' urġenza li tiġi implimentata u infurzata bis-sħiħ id-Direttiva 2013/30/UE u li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ qafas legali xieraq li jirregola l-attivitajiet kollha lil hinn mill-kosta qabel ma jseħħ inċident gravi; jirrimarka li, kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika ambjentali tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' azzjoni preventiva;

4.  Jiddeplora l-fatt li skont id-Direttivi 2013/30/UE u 2004/35/UE, l-inċidenti jiġu definiti bħala "gravi" biss jekk iwasslu għal imwiet jew korrimenti serji, mingħajr ebda referenza għall-konsegwenzi ambjentali; jenfasizza li anke jekk ma jwassalx għal imwiet jew korrimenti gravi, inċident jista' jkollu impatt serju fuq l-ambjent, minħabba l-iskala tiegħu jew minħabba li jaffettwa, pereżempju, żoni protetti, speċijiet protetti jew ħabitats partikolarment vulnerabbli;

5.  Jirrimarka li għadd ta' studji, inkluż wieħed mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew u wieħed miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, jikkalkolaw li kien hemm bosta eluf ta' inċidenti, preċiżament 9 700, bejn l-1990 u l-2007, fis-settur taż-żejt u tal-gass tal-UE; jirrimarka wkoll, li l-impatt kumulattiv ta' dawn l-inċidenti, inklużi dawk ta' daqs żgħir, ikollu riperkussjonijiet gravi u fit-tul fuq l-ambjent tal-baħar u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat fid-direttiva;

6.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore (OSD), li tikkomplementa d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD) u d-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali 2011/92/UE (IEA), kif ukoll ir-ratifika tal-Protokoll dwar l-Offshore tal-Konvenzjoni ta' Barċellona mill-Kunsill, bħala l-ewwel pass lejn il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; ifakkar li l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva kienet id-19 ta' Lulju 2015; jinnota li l-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom ma implimentawx id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-OSD; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tagħha bil-ħsieb li tivvaluta l-adegwatezza li jiġu introdotti regoli ulterjuri dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u s-sigurtà finanzjarja sabiex tittejjeb il-konformità mad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore kemm jista' jkun malajr ħalli effettivament jiġi evitat xi inċident futur;

7.  Itenni l-ħtieġa tat-twettiq u l-pubblikazzjoi ta' analiżi regolari tar-riskju u valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta' kull operazzjoni lil hinn mill-kosta, b'konformità ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE u oqsma ta' politika, bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli tal-ħamrija, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-vulnerabbiltà u r-reżiljenza fir-rigward ta' inċidenti u diżastri naturali, u t-taħriġ xieraq tal-persunal qabel kwalunkwe liċenzjar tal-operazzjonijiet; jitlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-abbozzar tal-pjanijiet ta' reazzjoni għal emerġenza; jilqa' b'sodisfazzjon il-bini, min-naħa tal-industrija, ta' erba' strutturi li jintużaw bħala tappijiet għall-għeluq tal-bjar, u li jistgħu jnaqqsu t-tixrid taż-żejt f'każ ta' inċident;

8.  Jitlob studju tal-impatt ambjentali mfassal apposta għall-Artiku fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha li jseħħu fir-reġjun tal-Artiku, fejn l-ekosistemi huma partikolarment fraġli u huma konnessi mal-bijosfera globali;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata azzjoni ta' rimedju rapida u effikaċi li tinkludi kumpens adegwat għall-vittmi kollha tat-tniġġis u kwalunkwe dannu ambjentali ieħor ikkawżat minn inċidenti lil hinn mill-kosta b'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet lil hinn mill-kosta jiġu soġġetti għal sorveljanza esperta kostanti mill-Istati Membri, fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-UE, sabiex ikun żgurat li jitwettqu verifiki effikaċi bl-għan li jiġu evitati inċidenti gravi u sabiex jitrażżan l-impatt tagħhom fuq il-persuni u fuq l-ambjent;

11.  Jinnota li minkejja li l-OSD fiha xi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà u l-kwistjonijiet relatati mal-kumpens, din ma tistabbilixxix qafas komprensiv tal-UE għar-responsabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat aċċess ugwali għall-ġustizzja u għall-kumpens tad-danni f'każ ta' kwalunkwe inċident b'konsegwenzi transkonfinali, filwaqt li jitqies il-fatt li skont l-Artikolu 41(3) u (5) tal-OSD, ċerti Stati Membri huma parzjalment eżentati;

12.  Jiddispjaċih li r-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali b'rabta ma' ksur tas-sikurezza lil hinn mill-kosta mhumiex armonizzati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex iżżid ir-reati taħt l-OSD mal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE peress li dan iżid saff ieħor ta' deterrenza;

13.  Jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel ġbir sistematiku ta' data permezz tal-Grupp ta' Awtoritajiet tal-UE Responsabbli għall-Attivitajiet taż-Żejt u tal-Gass lil hinn mill-Kosta (EUOAG), sabiex twettaq analiżi iktar komprensiva dwar l-effettività u l-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà;

14.  Jiddeplora l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltà għad-danni u t-telf ekonomiku, li se jkun strument essenzjali biex tiġi żgurata s-sikurezza effettiva lil hinn mill-kosta fl-Unjoni, ivarja fost l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li r-responsabbiltà fil-livell tal-Unjoni tiġi armonizzata filwaqt li jinnota n-natura transkonfinali ta' dawn l-operazzjonijiet;

15.  Huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti regoli stretti dwar ir-responsabbiltà ċivili għal inċidenti lil hinn mill-kosta sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi (kemm persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi) milquta minn inċidenti lil hinn mill-kosta, peress li dan jista' jagħti inċentiv lill-operaturi lil hinn mill-kosta biex jiġġestixxu b'mod xieraq ir-riskju tal-operazzjonijiet; jemmen li l-limiti fuq ir-responsabbiltà finanzjarja għandhom jiġu evitati;

16.  Iqis li l-każijiet kollha ta' responsabbiltà ppruvata, kif ukoll id-dettalji tal-penali applikati, għandhom isiru pubbliċi sabiex il-kost reali tad-dannu ambjentali jkun trasparenti għal kulħadd;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu data dettaljata dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji u kopertura adegwata għall-inċidenti lil hinn mill-kosta, inklużi dawk l-iktar għaljin;

18.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' użu ta' strumenti ta' garanzija finanzjarja fl-UE biex jiġu koperti d-danni l-aktar għaljin ikkawżati mill-inċidenti lil hinn mill-kosta; jinnota li waħda mir-raġunijiet tista' tkun li l-ambitu tar-responsabbiltà għad-danni jista' ma jagħmilx tali strumenti neċessarji f'ċerti Stati Membri;

19.  Jinnota n-nuqqas ta' rekwiżiti regolatorji għal livelli speċifiċi ta' kopertura f'ħafna Stati Membri; filwaqt li jista' ma jkunx produttiv li jkun hemm ammonti speċifiċi madwar l-UE kollha, jenfasizza l-ħtieġa ta' metodoloġija tal-UE għall-kalkolu tal-ammonti li jintalbu mill-awtoritajiet nazzjonali li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet tal-attivitajiet, il-kundizzjonijiet operattivi lokali u ż-żona tal-madwar, sabiex tiġi pprovduta kopertura adegwata għal inċidenti b'impatt transkonfinali;

20.  Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li titħalla biżżejjed flessibbiltà fir-rigward tal-istrumenti ta' garanzija finanzjarja, jenfasizza l-ħtieġa ta' regoli aktar armonizzati dwar il-verifika li l-forma u l-ammont tal-garanzija finanzjarja offruta jkunu adegwati biex ikopru l-ħsara potenzjali u li l-entitajiet tal-garanzija finanzjarja jistgħu jissodisfaw id-domanda għall-kopertura, biex b'hekk jitħeġġeġ l-użu ta' tali strumenti b'mod proporzjonat; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti peress li dan huwa partikolarment essenzjali fid-dawl tan-natura transkonfinali ta' dawn it-tipi ta' inċidenti;

21.  Jinnota li jistgħu jintużaw varjetà ta' prodotti ta' garanzija finanzjarja għall-iħħeġġjar kontra r-riskji għall-inċidenti lil hinn mill-kosta l-aktar għaljin u infrekwenti; jistieden lill-Istati Membri jwessgħu l-ambitu tal-mekkaniżmi tal-garanzija finanzjarja aċċettati għal-liċenzjar u l-operazzjonijiet lil hinn mill-kosta, filwaqt li jiżguraw livell ekwivalenti ta' kopertura;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' mekkaniżmu leġiżlattiv ta' kumpens f'każ ta' inċidenti lil hinn mill-kosta, simili għal dak previst fl-Att dwar l-Attivitajiet taż-Żejt fin-Norveġja, mill-inqas għal setturi li jistgħu jintlaqtu serjament bħalma huma s-sajd u t-turiżmu kostali u setturi oħra tal-ekonomija blu;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jinfetħu proċeduri ta' ksur kontra Stat Membru, tidher quddiem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament sabiex tirrapporta dwar il-każ u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġu rrimedjati l-azzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.7.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

58

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Paul Brannen, Nicola Caputo, Martin Häusling, Merja Kyllönen, Christel Schaldemose, Keith Taylor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jiří Maštálka, Maurice Ponga


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Constance Le Grip, Virginie Rozière

Avviż legali - Politika tal-privatezza