Proċedura : 2016/2101(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0309/2016

Testi mressqa :

A8-0309/2016

Dibattiti :

PV 25/10/2016 - 15
CRE 25/10/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2016 - 6.7
CRE 26/10/2016 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0416

ABBOZZ TA' RAPPORT     
PDF 704kWORD 83k
21.6.2016
PE 585.449v02-00 2016/2101(INI)

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016

(2016/2101(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Alfred Sant

Rapporteurs għal opinjoni (*):

Sofia Ribeiro, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Jean Arthuis, Kumitat għall-Baġits

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016

(2016/2101(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2016 dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2016 (COM(2016)0321),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016, (EUCO 26/16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 bit-titolu "Is-Semestru Ewropew 2016: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011" (COM(2016)0095),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni bit-titoli "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016", "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016" u "Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi", ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, u l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2015 bit-titolu "Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali" (COM(2015)0063),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" (COM(2015)0302),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Frar 2013(5) u tal-15 ta' Settembru 2016(6) dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0309/2016),

A.  billi l-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016 tindika rati ta' tkabbir mistenni ta' 1.6 % għaż-żona tal-euro u 1.8 % għall-UE fl-2016;

B.  billi l-Ewropa għadha qed tħabbat wiċċha ma' nuqqas kbir ta' investiment, u l-ħtieġa hija li tiżdied id-domanda interna u jiġu korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, filwaqt li jibqa' jiżdied l-investiment fl-UE;

C.  billi l-qgħad inġenerali (u l-qgħad strutturali b'mod partikolari) fl-UE għadu waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, peress li bħalissa r-rata hija għolja ħafna (10.5 miljun persuna qiegħda fit-tul fl-UE); billi anke jekk iċ-ċifri tjiebu kemm kemm meta mqabbla mas-snin preċedenti, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rati ta' qgħad ġenerali fil-periferija Ewropea għadhom ogħla b'mod sinifikanti mir-rata medja fl-UE kollha kemm hi;

D.  billi l-prezzijiet taż-żejt li qed jonqsu u t-tkabbir ekonomiku dgħajjef fil-bidu tal-2016 x'aktarx li huma fatturi addizzjonali li qed ibaxxu r-rata tal-inflazzjoni għal livelli taħt iż-żero;

E.  billi żviluppi politiċi bħar-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit u r-relazzjonijiet mar-Russja, kif ukoll inċertezzi fl-iżviluppi ekonomiċi globali, komplew ifixklu l-investiment;

F.  billi l-influss ta' rifuġjati fl-Istati Membri wkoll kellu impatt fuq l-investiment fl-Istati Membri;

G.  billi r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew lill-Istati Membri għandhom rata ta' rispons fost l-Istati Membri simili għar-rakkomandazzjonijiet unilaterali tal-OECD (29 % vs 30 % fl-2014);

H.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa għal enfasi speċifika fuq iż-żona tal-euro, laqa' t-taħlita politika mtejba; barra minn hekk, saħaq fuq l-importanza ta' aktar investiment, riformi sostenibbli u responsabbiltà fiskali bl-għan tal-promozzjoni ulterjuri ta' livelli ogħla ta' tkabbir u tal-irkupru fl-Ewropa;

L-isfida tal-Ewropa fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali

1.  Jinnota bi tħassib li l-ekonomija tal-UE se tikber anqas milli mistenni abbażi tal-previżjoni ekonomika Ewropea tar-rebbiegħa 2016, minħabba li l-PDG fiż-żona tal-euro huwa mistenni jiżdied b'1.6 % biss, biex jilħaq il-1.8 % sal-2017;

2.  Jenfasizza li l-isfidi fl-UE huma marbuta mal-ambjent internazzjonali li qed jiddeterjora, man-nuqqas li jiġu implimentati riformi sostenibbli u mad-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika u soċjali f'partijiet differenti tal-Unjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu t-tkabbir, il-koeżjoni, il-produttività u l-kompetittività; iqis li n-nuqqas ta' investiment sostenibbli u n-nuqqasijiet fl-ikkompletar tas-suq uniku qed iċaħħdu lill-UE mill-potenzjal ta' tkabbir sħiħ tagħha;

3.  Jilqa' l-fatt li fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) għall-2016 tagħha, il-Kummissjoni poġġiet enfasi fuq it-tliet prijoritajiet ewlenin sabiex jissaħħaħ aktar it-tkabbir ekonomiku: l-appoġġ tal-investiment għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, it-twettiq ta' riformi strutturali soċjalment bilanċjati u t-tħeġġiġ ta' finanzi pubbliċi responsabbli; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tagħmel aktar biex tirfed is-sostenibbiltà fiskali bi qbil mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tuża bis-sħiħ il-klawżoli ta' flessibbiltà tiegħu, bi qbil mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0012);

4.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-koerenza bejn l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-qafas ta' governanza ekonomika usa', bl-għan li jingħata appoġġ lill-isforzi ta' rkupru meħtieġa biex tinkiseb konformità mar-regoli tas-Semestru Ewropew; jissottolinja, madankollu, li l-leġittimità tal-politika ta' koeżjoni toriġina mit-Trattati, u li din il-politika hija l-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea, li għandha bħala miri ewlenin it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE billi jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni, il-finanzjament tal-investiment marbut mal-miri ta' Ewropa 2020 u t-tqarrib tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha; għalhekk, huwa tal-opinjoni li l-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi ESI ma' governanza ekonomika soda għandhom jiġu applikati b'ġudizzju u b'mod ibbilanċjat, iżda biss bħala l-aħħar għażla, u li l-effetti tagħhom għandhom jiġu rrappurtati; ifakkar, barra minn hekk, li l-applikazzjoni ta' tali miżuri għandha dejjem tkun ġustifikata, trasparenti u tqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jiġi evitat li jiġu ristretti l-investimenti reġjonali u lokali, li huma assolutament essenzjali għall-ekonomiji tal-Istati Membri, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), peress li dawn l-investimenti jimmassimizzaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jistimulaw il-kompetittività u l-produttività, speċjalment fi żminijiet ta' pressjoni qawwija fuq in-nefqa pubblika; fir-rigward tal-każijiet taż-żewġ Stati Membri li kienu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016, li wasslu għal sanzjonijiet skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv abbażi tal-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġbed l-attenzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2016 u għad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu biex jiġu kkanċellati l-multi li setgħu ġew imposti, b'kont meħud tat-talbiet motivati tal-Istati Membri, l-ambjent ekonomiku diffiċli, l-isforzi ta' riforma taż-żewġ pajjiżi u l-impenji tagħhom biex jikkonformaw mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-proposta li tiġi sospiża parti mill-impenji tal-2017 għall-Fondi SIE skont il-miżuri li jorbtu l-effikaċja tagħhom ma' governanza ekonomika soda għandha tqis il-fehmiet tal-Parlament, espressi matul id-Djalogu Strutturat;

5.  Jilqa' l-approċċ kontinwu tal-Kummissjoni li tillimita l-għadd ta' rakkomandazzjonijiet u l-isforz tagħha biex tissimplifika s-semestru billi tkopri prinċipalment l-oqsma ewlenin ta' prijorità ta' rilevanza makroekonomika u soċjali meta tistabbilixxi l-objettivi ta' politika għat-18-il xahar li ġejjin; itenni li dan jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet abbażi tal-firxa komprensiva u sinifikanti ta' punti ta' riferiment ekonomiċi u soċjali eżistenti; jenfasizza li tnaqqis fl-għadd ta' rakkomandazzjonijiet għandu jwassal ukoll għal enfasi tematika aħjar; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u li tinkiseb konverġenza akbar bejn l-Istati Membri;

6.  Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi li saru biex tiġi żgurata sjieda nazzjonali akbar fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tas-CSRs bħala proċess ta' riforma li għadu għaddej; iqis li, sabiex tiżdied is-sjieda nazzjonali u titħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tas-CSRs, u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jimplimentaw aktar minn nofs is-CSRs, dawn għandhom jiġu artikolati b'mod ċar madwar prijoritajiet definiti sew u strutturati fil-livell Ewropew, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, meta jkun xieraq; itenni li, fid-dawl tat-tqassim tas-setgħat u tal-kompetenzi f'diversi Stati Membri, it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jista' jitjieb bil-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, għal dan l-għan, jappoġġja l-proposta ta' kodiċi ta' kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew kif issuġġerit mill-Kumitat tar-Reġjuni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw skrutinju demokratiku xieraq tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom fil-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika twila tal-Ewropa enfasizzat l-ħtieġa qawwija li jiġi ffaċilitat l-investiment f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li tittejjeb il-kompetittività tal-UE billi jitwettqu riformi strutturali sostenibbli sabiex tingħata spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, u billi jiġu implimentati politiki fiskali responsabbli sabiex jinħoloq ambjent aħjar għall-impjiegi, l-intrapriżi (speċjalment l-SMEs) u l-investiment; jinnota l-impatt tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi wara sena ta' funzjonament; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-użu tal-FEIS f'reġjuni inqas żviluppati u ta' tranżizzjoni u l-karattru tassew addizzjonali tal-investimenti tiegħu filwaqt li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu żviluppati Pjattaformi ta' Investiment, anke fil-livell reġjonali;

8.  Jissottolinja li r-rati tal-qgħad li għadhom għoljin wisq, speċjalment fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, juru li l-kapaċità li jinħolqu impjiegi ta' kwalità f'diversi Stati Membri għadha limitata, u jenfasizza li hemm bżonn ta' aktar azzjoni, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u b'konformità mal-prattiki nazzjonali, sabiex jiżdied l-investiment fil-ħiliet, is-swieq tax-xogħol isiru aktar inklużivi u jitnaqqsu l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi li qed jikbru fid-dħul u l-ġid, filwaqt li tinżamm ġestjoni baġitarja soda; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament, partikolarment għall-SMEs, huma essenzjali biex ir-rati għoljin ta' qgħad kontinwi f'bosta Stati Membri jiġu indirizzati b'mod effettiv;

9.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni ekonomika attwali, li tgħaqqad l-eċċess ta' likwidità ma' rati tal-imgħax fiż-"zero lower bound" (ZLB), il-prospetti ta' domanda dgħajfin, u l-investiment u l-infiq ristretti mill-familji u l-kumpaniji, teħtieġ l-implimentazzjoni ta' taħlita ta' politiki mġedda mressqa mill-Kummissjoni sabiex jinħoloq it-tkabbir; jinnota li l-politika monetarja waħedha mhijiex biżżejjed biex tistimola t-tkabbir mingħajr l-investimenti u riformi strutturali sostenibbli;

Il-prijoritajiet u l-objettivi tar-rakkomandazzjonijiet 2016

10.  Jenfasizza r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tliet Stati Membri joħorġu mill-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP); jaqbel mal-Kummissjoni li surpluses kbar u konsistenti fil-kontijiet kurrenti juru l-ħtieġa li jiġu stimulati d-domanda u l-investiment, b'mod partikolari l-investiment fit-tul, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-futur fir-rigward tat-trasport u l-komunikazzjonijiet, l-ekonomija diġitali, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent u l-popolazzjoni li qed tixjieħ; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi politiki baġitarji responsabbli u sostenibbli li jsostnu t-tkabbir u l-irkupru fl-Istati Membri kollha billi tpoġġi aktar enfasi fuq l-investiment u n-nefqa pubblika effiċjenti, u billi tappoġġja riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati;

11.  Jinnota li jinħtieġu aktar miżuri biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' finanzjament, b'mod partikolari għall-SMEs, u biex jitnaqqas is-self improduttiv (NPLs), fiż-żona tal-euro u b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex il-karti tal-bilanċ tal-banek ikunu aktar sodi u b'hekk tiżdied l-abbiltà tal-banek li jsellfu lill-ekonomija reali; jenfasizza l-importanza li tiġi kkompletata pass pass u li tiġi implimentata l-Unjoni Bankarja kif ukoll li tiġi żviluppata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex jinħoloq ambjent stabbli għall-investimenti u t-tkabbir u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju taż-żona tal-euro;

12.  Jissottolinja l-fatt li l-investiment s'issa waqa' lura u naqas milli jwassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-UE u milli jikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tan-negozju; iqis li jeħtieġ li l-politika monetarja tkun akkumpanjata b'politiki fiskali xierqa bl-għan li jittejjeb it-tkabbir fl-UE, bi qbil mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inklużi l-klawżoli ta' flessibbiltà tiegħu; jinnota li l-investimenti fil-livell tal-gvernijiet sottonazzjonali naqsu b'mod qawwi fis-snin reċenti, iżda madankollu għadhom jirrappreżentaw madwar sittin fil-mija tal-investiment pubbliku fl-UE; jissottolinja li strumenti tal-politika ta' investiment bħall-FEIS u l-FSIE jeħtieġu taħlit ikkalibrat u komplementarjetà bejniethom sabiex isaħħu l-valur miżjud tal-infiq tal-Unjoni billi jattiraw riżorsi addizzjonali minn investituri privati; jenfasizza, għalhekk, li l-Programm ta' Appoġġ għar-Riforma Strutturali (SRSP) għandu jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jitfassal il-proġett ta' riforma strutturali inkwistjoni;

Risposti politiċi u konklużjonijiet

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità ġenerali tal-UE li tikber u toħloq u żżomm impjiegi ta' kwalità u għaldaqstant li tindirizza l-livelli għoljin ta' qgħad billi toħloq qafas regolatorju li jappoġġja t-tkabbir; iqis li l-migrazzjoni jista' jkollha rwol biex tikkumpensa għall-effetti negattivi tal-popolazzjoni li qed tixjieħ, skont l-abbiltà tal-Istati Membri li jużaw aħjar il-ħiliet tal-migranti u li jadattaw is-sistemi ta' ġestjoni tal-migrazzjoni tal-ħaddiema għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi edukattivi inklużivi li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kreattività u jgħallmu ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, b'referenza partikolari għall-edukazzjoni vokazzjonali; jinnota li għandu jinżamm bilanċ xieraq, li jevita ġirja lejn l-iktar livell baxx fil-pagi u l-istandards tal-impjieg, bejn l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u umani b'konformità mal-valuri tal-UE tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà, filwaqt li sadattant l-enfasi tibqa' fuq l-investiment fil-kapital uman, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-titjib tas-sistemi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja; iqis li jinħtieġu politiki mfassla tajjeb għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex titħeġġeġ il-produttività, jinħoloq tkabbir sostenibbli stabbli u jiġu indirizzati l-isfidi strutturali attwali, biex b'hekk jonqos id-distakk fl-innovazzjoni ma' ekonomiji oħra;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil miżuri li jnaqqsu l-ostakoli għal flussi akbar ta' investiment u kummerċ, li jinħolqu fil-livell tal-UE minħabba nuqqas ta' ċarezza rigward l-istrateġiji li għandhom jintużaw, speċjalment fl-oqsma li ġejjin: l-enerġija, it-trasport, il-komunikazzjonijiet u l-ekonomija diġitali; jinnota l-effett fuq is-self mill-banek wara l-adozzjoni tal-unjoni bankarja, u fil-livell nazzjonali, minn sistemi ġuridiċi ineffiċjenti, korruzzjoni, nuqqas ta' trasparenza fis-settur finanzjarju, burokrazija antikwata, diġitalizzazzjoni inadegwata tas-servizzi pubbliċi, allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, il-preżenza ta' ostakoli għas-suq intern fis-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni, u sistemi edukattivi li jibqgħu ma jaqblux mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u l-ikkompletar tas-suq uniku;

16.  Jiddeplora l-fatt li fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020, fejn għall-ewwel darba l-ġlieda kontra l-faqar kienet parti minn programm tal-UE, l-għan li titnaqqas tal-kobor tal-faqar fl-Unjoni, mhux se jintleħaq; iqis li l-għan tal-ġlieda kontra l-faqar għandu jiġi inkluż immedjatament fil-fażi inizjali tal-politiki tal-UE;

17.  Jissottolinja l-importanza li jiġi evitat porzjon eċċessiv ta' taxxa fuq ix-xogħol, minħabba li t-tassazzjoni eċċessiva tnaqqas l-inċentivi biex il-persuni mhux attivi, il-persuni qiegħda, il-persuni li jkunu t-tieni sors ta' dħul u l-ħaddiema b'paga baxxa jirritornaw għax-xogħol;

18.  Jieħu nota tad-diskussjoni li għaddejja bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni;

19.  Jirrimarka li għandhom isiru sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli li għad fadal għall-investiment fl-Istati Membri u jingħata lok għal taħlita aktar xierqa orjentata lejn politiki li jrawmu tkabbir sostenibbli, inkluża enfasi ġenwina fuq l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; jemmen li l-appoġġ pubbliku u privat għar-riċerka u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja huma fatturi kruċjali għal ekonomija Ewropea iktar kompetittiva u li d-dgħufija jew in-nuqqas ta' din l-infrastruttura jqiegħdu lil ċerti pajjiżi fi żvantaġġ enormi; jenfasizza li m'hemmx riċetta ideali waħda ta' politika ta' innovazzjoni tal-UE tajba għal kulħadd, iżda sabiex jingħalaq id-distakk bejn l-innovazzjoni u l-kapaċità fl-UE, għandhom jiġu rakkomandati politiki tal-innovazzjoni differenzjati biżżejjed fl-Istati Membri li jkomplu jibnu fuq l-istejjer ta' suċċess li nkisbu diġà;

20.  Jilqa' l-Ftehim tal-Konferenza ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima (COP21) f'Diċembru 2015 u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentawh.

Il-kontributi settorjali għas-Semestru Ewropew 2016

Politiki Soċjali u tal-Impjieg

21.  Iqis li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmiraw biex il-proċessi ta' konsolidazzjoni fiskali jiġu akkumpanjati b'miżuri li jgħinu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u jenfasizza li l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jgħin biex jingħataw tweġibiet għall-isfidi soċjali eżistenti u dawk emerġenti, biex b'hekk tiġi żgurata ekonomija aktar effikaċi; jirrimarka li l-investimenti soċjali fil-kapital uman iridu jikkostitwixxu azzjoni komplementari fundamentali, minħabba li l-kapital uman huwa wieħed mill-fatturi ta' tkabbir u mutur tal-kompetittività u l-iżvilupp; jitlob li r-riformi strutturali kbar proposti mis-CSRs jiġu akkumpanjati b'valutazzjoni tal-impatt soċjali fir-rigward tal-effetti fuq żmien qasir, medju u twil bl-għan ta' għarfien aħjar tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u tal-impjieg, speċjalment l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

22.  Jissottolinja li l-qgħad, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għadu problema prevalenti għas-soċjetajiet Ewropej, u li skont il-Kummissjoni l-qgħad kompla jonqos gradwalment, iżda jibqa' ogħla mil-livelli tal-2008, b’21.2 miljun persuna qiegħda f'April 2016 u b'differenzi kbar bejn l-Istati Membri; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impjiegi maħluqa, sabiex tiġi evitata żieda fir-rati tal-impjieg bħala sempliċi konsegwenza ta' impjiegi prekarji jew ta' tnaqqis fil-forza tax-xogħol; jinnota li minkejja li jipproduċu riżultati fir-rigward tal-ħiliet u l-għarfien, uħud mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri ma jagħtux riżultati tajbin internazzjonalment u għandhom nuqqasijiet li qed jikbru fir-rigward tal-ħiliet, u dan jikkontribwixxi għall-fatt li 39 % tal-kumpaniji għad għandhom diffikultajiet biex isibu persunal bil-ħiliet meħtieġa; jinsisti li fis-CSRs tingħata prijorità akbar biex jingħelbu l-iżbilanċi strutturali fis-suq tax-xogħol, inklużi l-qgħad fit-tul u l-ispariġġ fil-ħiliet, u jissottolinja l-ħtieġa ta' investiment u żvilupp ulterjuri fir-rigward ta' sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdu lis-soċjetà bl-għodod u l-kapaċitajiet biex jadattaw mill-ġdid għad-domandi li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol;

23.  Jirrimarka li bejn l-2008 u l-2014 l-għadd ta' persuni fl-UE fir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdied b'4.2 miljuni, u laħaq total ta' aktar minn 22 miljun (22.3 %); jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li "l-parti l-kbira tal-Istati Membri għadhom qed jaffaċċjaw il-wirt soċjali akut mill-kriżi"; jitlob sforz akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jitnaqqsu l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu, sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u fi ħdan is-soċjetajiet; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet riflessi fis-CSRs, u huma fundamentali biex jinkisbu tkabbir ekonomiku dejjiemi u ritmu ta' implimentazzjoni soċjalment sostenibbli;

24.  Ifakkar li, kif iddikjarat mill-Parlament, riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;

25.  Jemmen li t-tkabbir ekonomiku għandu jiggarantixxi impatt soċjali pożittiv; jilqa' l-introduzzjoni tat-tliet indikaturi ewlenin il-ġodda fil-qasam tal-impjieg fit-tabella ta' valutazzjoni makroekonomika; itenni t-talba tiegħu biex dawn jitpoġġew fuq l-istess livell mal-indikaturi ekonomiċi eżistenti, u b'hekk ikun iggarantit li l-iżbilanċi interni jkunu vvalutati aħjar u li r-riformi strutturali jsiru aktar effikaċi; jitlob, f'dan ir-rigward li, sabiex tiġi evitata applikazzjoni selettiva, dawn jitħallew jiskattaw analiżijiet approfonditi, u jitlob ukoll fehim aħjar tar-rabta kawża-effett bejn il-politiki u l-azzjonijiet; jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura ta' żbilanċi soċjali fit-tfassil tas-CSRs sabiex tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx f'termini ta' standards soċjali, u dan abbażi tal-użu effikaċi tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg fis-sorveljanza makroekonomika; huwa tal-fehma li f'każ li l-indikaturi ekonomiċi u tal-impjieg jitqiegħdu fuq l-istess livell, dan għandu jimxi id f'id mat-titjib tar-rwol tal-Kunsill EPSCO fis-Semestru Ewropew;

26.  Iqis li l-introduzzjoni tat-tliet indikaturi tal-impjieg turi li l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, inklużi l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, qed ikollha rwol importanti fil-proċess ta' governanza ekonomika tal-UE, iżda jeħtieġ li jsiru aktar sforzi, partikolarment bl-introduzzjoni ta' indikaturi soċjali;

27.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni bdiet il-ħidma dwar l-istabbiliment ta' Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imma jfakkar fil-ħtieġa li jinkisbu r-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni u li nimxu 'l quddiem b'miżuri effikaċi ġodda li jwasslu għal UE aktar profonda u aktar ġusta, u li għandu jkollhom rwol importanti fl-indirizzar tal-inugwaljanza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti, li jappella għal konverġenza ekonomika u soċjali ikbar, iżda jirrikonoxxi li m'hemmx soluzzjoni waħda tajba għal-kulħadd; jemmen, f'dan ir-rigward, li kull politika komuni għandha tiġi adattata għal kull Stat Membru; iqis li l-azzjoni Ewropea għandha tindirizza wkoll l-inugwaljanzi u d-differenzi fl-introjtu fl-Istati Membri, u trid tmur oltre milli sempliċement tindirizza s-sitwazzjoni ta' dawk l-aktar fil-bżonn;

28.  Jirrikonoxxi li s-Semestru Ewropew illum iqiegħed enfasi ikbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali; filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, jistedinhom jieħdu azzjoni urġenti biex jiżguraw xogħol deċenti b'paga li tiggarantixxi l-għajxien, aċċess għal introjtu minimu adegwat u protezzjoni soċjali (li diġà naqqset ir-rata ta' faqar minn 26.1 % għal 17.2 %) u servizzi pubbliċi ta' kwalità, u huwa favur l-iżvilupp u l-istabbiliment ta' sistema ta' sigurtà soċjali xierqa u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni toffri appoġġ u twettaq skambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri sabiex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, peress li din hija sfida ewlenija għall-varar mill-ġdid ta' investiment fit-tul u għall-iżgurar tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;

29.  Jenfasizza li l-provvista u l-ġestjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali huma kompetenza tal-Istati Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

30.  Jirrikonoxxi li l-iffissar tal-pagi huwa kompetenza tal-Istati Membri li trid tiġi rispettata bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

31.  Jieħu nota tal-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas, imma jirrimarka li għadu f'livelli inkredibilment għoljin, b'aktar minn 4 miljun persuna taħt il-25 sena qiegħda fl-UE, li minnhom 2.885 miljun jinsabu fiż-żona tal-euro; jiddispjaċih li aktar minn tliet snin wara l-varar tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma daqstant inugwali, u xi drabi ineffikaċi; jistieden lill-Kummissjoni biex f'Ottubru tippreżenta analiżi bir-reqqa tal-implimentazzjoni tagħha li tista' sservi bħala l-bażi għat-tkomplija tal-programm;

32.  Ifakkar li f'ħafna Stati Membri l-benefiċċji tal-qgħad qed jonqsu sena wara l-oħra, b'riżultat, fost fatturi oħra, tal-qgħad fit-tul, u dan għaldaqstant iżid l-għadd ta' persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jitlob li jkunu garantiti benefiċċji tal-qgħad adegwati li jippermettu li n-nies jgħixu b'dinjità, kif ukoll azzjonijiet li jiżguraw l-integrazzjoni bla intoppi ta' dawn in-nies fis-suq tax-xogħol;

33.  Jenfasizza l-fatt li l-iżbilanċi fis-sistemi tal-pensjonijiet bażikament huma l-konsegwenza tal-qgħad, tad-devalwazzjoni tal-pagi u tal-prekarjetà tax-xogħol; jitlob, għalhekk, aktar riformi li jiggarantixxu finanzjament adegwat biex ikun hemm l-ewwel pilastru b'saħħtu tal-pensjonijiet li jiżgura pensjonijiet deċenti, tal-anqas f'livell 'il fuq mis-soll tal-faqar;

34.  Ifakkar għal darb' oħra li l-moviment liberu tal-persuni huwa fundamentali għat-tisħiħ tal-konverġenza u tal-integrazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej;

35.  Jinnota l-għadd ikbar ta' rakkomandazzjonijiet (lil ħames Stati Membri) dwar reġimi ta' introjtu minimu; madankollu, b'kont meħud li l-inugwaljanzi kbar fl-introjtu huma ta' detriment mhux biss għall-koeżjoni soċjali iżda anke għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli (kif kemm il-FMI u l-OECD stqarrew reċentement), jistieden lill-Kummissjoni twettaq il-wegħda li saret mill-President Juncker fid-diskors inawgurali tiegħu li tipprovdi introjtu xieraq għall-Ewropej kollha permezz ta' qafas Ewropew ta' introjtu minimu li jkopri l-ispejjeż bażiċi tal-għajxien, b'rispett tal-prattiki nazzjonali u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

36.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda tal-inugwaljanzi fl-introjtu marbuta parzjalment ma' riformi ineffiċjenti tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi sabiex inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, flimkien ma' miżuri li jgħollu l-pagi minimi għal livell diċenti u li jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema fis-sistemi tal-iffissar tal-pagi sabiex titnaqqas il-varjazzjoni tal-pagi; iwissi li f'dawn l-aħħar deċennji l-maniġments korporattivi kienu qed jirċievu sehem akbar mill-benefiċċji ekonomiċi filwaqt li l-pagi tal-ħaddiema staġnaw jew tnaqqsu; iqis li din il-varjazzjoni eċċessiva fil-pagi żżid l-inugwaljanzi u hija ta' dannu għall-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji;

37.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-qgħad fit-tul għadu għoli, u jaffettwa lil 10.5 miljun ruħ fl-UE, u jfakkar li l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol hija kruċjali biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, kif ukoll għall-fiduċja fihom infushom; jiddispjaċih, għalhekk, dwar in-nuqqas ta' azzjoni mill-Istati Membri f'termini ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja sforzi sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja inklużivi għall-ħaddiema u għal dawk li qed ifittxu x-xogħol ta' kull età u biex tieħu miżuri mill-aktar fis possibbli sabiex ittejjeb l-aċċess għall-fondi tal-UE, kif ukoll biex timmobilizza riżorsi addizzjonali meta jkun possibbli;

38.  Iqis li l-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u servizzi bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, għadha essenzjali għal tkabbir bilanċjat u inklużiv, għal ħajja tax-xogħol itwal, għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-politiki li jiggarantixxu s-suffiċjenza, l-adegwatezza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' persuna, filwaqt li jiggarantixxu ħajja deċenti, jiġġieldu kontra l-inugwaljanzi u jagħtu spinta lill-inklużjoni bl-għan li jeqirdu l-faqar, speċjalment għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi l-aktar vulnerabbli;

39.  Jenfasizza l-ostakoli u x-xkiel, kemm fiżiċi kif ukoll diġitali, li l-persuni b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom illum; jittama li l-Att dwar id-Diżabilità varat mill-Kummissjoni jiġi implimentat minnufih u jiffoka b'mod effikaċi fuq miżuri speċifiċi biex jiġu promossi l-inklużjoni u l-aċċess;

Is-Suq Intern

40.  Jilqa' l-għadd kbir ta' CSRs li jappoġġjaw suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb, inklużi l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' investiment li jappoġġjaw in-negozji u, b'mod partikolari, lill-SMEs u li jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi, il-gvern elettroniku, l-akkwist pubbliku u r-rikonoxximent reċiproku, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki; jenfasizza li l-infurzar huwa kruċjali biex jinħass l-impatt ta' dawn l-oqsma ta' politika; iqis bħala kruċjali, f'dan ir-rigward u b'rabta mas-CSRs, li l-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni kollha possibbli biex ikunu introdotti riformi fuq terminu twil li jkollhom impatt sinifikanti, speċjalment fejn jidħlu l-investimenti soċjali, l-impjiegi u t-taħriġ;

41.  Jiddikjara li s-suq uniku huwa s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, u jenfasizza li suq uniku inklużiv, b'governanza msaħħa li tiffavorixxi regolamentazzjoni u kompetizzjoni aħjar, huwa strument kruċjali li jtejjeb it-tkabbir, il-koeżjoni, l-impjiegi u l-kompetittività u li jissalvagwardja l-fiduċja tas-settur kummerċjali u tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissorvelja l-progress li jkun sar mill-Istati Membri, u jtenni l-importanza li jkun inkluż b'mod formali fis-Semestru Ewropew pilastru tas-suq uniku sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ kontinwu tal-indikaturi tas-suq uniku li jippermettu segwitu sistematiku u valutazzjoni tal-progress tal-Istati Membri fir-rigward tas-CSRs;

42.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza n-nuqqas ta' koordinazzjoni fiskali fi ħdan l-UE, b'mod partikolari d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs minħabba l-kumplessità tar-regolamenti tal-VAT nazzjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta' koordinazzjoni ulterjuri u, b'mod partikolari, tivvaluta l-possibbiltà ta' approċċ semplifikat dwar il-VAT fis-suq uniku diġitali;

43.  Jikkundanna l-ostakoli li għadhom jeżistu, jew li nħolqu, u li jxekklu suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni parzjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi minn ħafna Stati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tinforza b'mod aktar effettiv dak li l-Istati Membri qablu dwaru fil-qafas tad-dritt tal-UE; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tuża proċeduri ta' ksur, jekk ikun meħtieġ, biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku tal-prodotti u s-servizzi u fl-isfera diġitali;

44.  Jirrimarka li s-sistema relatata mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali hija msejsa fuq il-prinċipji tal-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġuridiċi differenti kif ukoll fuq il-verifika reċiproka tal-kwalità tal-kwalifiki; jinnota li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex jiġi implimentat aħjar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali; jenfasizza li, peress li l-frammentazzjoni tas-suq uniku tirrestrinġi l-attività ekonomika u l-għażla tal-konsumatur, huwa essenzjali li jkunu garantiti infurzar tajjeb u regolamentazzjoni aħjar li jkopru lis-setturi kollha tan-negozju u japplikaw kemm għal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll għal dik futura; jilqa' l-eżerċizzju ta' mmappjar ta' professjonijiet u kwalifiki regolati, li ser joħloq bażi ta' data pubblika interattiva li tista' tagħti kontribut lill-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri;

45.  Jiddispjaċih li s-CSRs għadhom jindikaw nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku bħalma huwa n-nuqqas ta' kompetizzjoni u ta' trasparenza, filwaqt li 21 Stat Membru naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ il-pakkett leġiżlattiv, u dan wassal għal distorsjonijiet fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni malajr sabiex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi ġuridiku tagħhom billi tadotta l-proċeduri ta' ksur neċessarji; jistieden lill-Kummissjoni biex, sistematikament, tara b'mod effiċjenti u trasparenti li l-proċeduri amministrattivi ma joħolqux piż sproporzjonat fuq in-negozji u jimpedixxu lill-SMEs milli jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku;

46.  Jappoġġja l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari permezz tal-gvern elettroniku, u jitlob tisħiħ fir-rigward tal-kooperazzjoni transkonfinali, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u l-interoperabilità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-benefiċċju tan-negozji u taċ-ċittadini kollha, u fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex, fejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tkun iffinanzjata mill-baġit tal-UE, twettaq monitoraġġ aktar effikaċi tal-użu xieraq tal-fondi;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-Euro u tal-BĊE, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0058.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0238.

(3)

ĠU C 165E, 11.6.2013, p. 24.

(4)

ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(5)

ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0358.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (28.9.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016

(2016/2101(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Andrzej Zdrojewski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa sfida permanenti għall-Ewropa; jinnota li s-sitwazzjoni tal-impjiegi tvarja b'mod sinifikanti madwar l-UE; jirrikonoxxi s-sitwazzjoni vulnerabbli taż-żgħażagħ Rom, taż-żgħażagħ minn minoranzi oħrajn jew b'oriġini immigranta u taż-żgħażagħ b'diżabilità fis-swieq tax-xogħol tal-maġġoranza tal-Istati Membri; jindika, għalhekk, il-ħtieġa għal riformi fis-suq tax-xogħol, li jirriflettu l-fatt li l-edukazzjoni hija dritt għal kull ċittadin u r-rekwiżit l-iktar fundamentali għall-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni;

2.  Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa urġenti ta' riforma fid-direzzjoni ta' proġetti edukattivi u ta' taħriġ b'approċċ fuq żewġ binarji sabiex il-ħiliet taż-żgħażagħ jiġu adattati għar-rekwiżiti attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jsir sforz determinat kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi f'konformità mal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinnota l-adozzjoni reċenti min-naħa tal-Kummissjoni tal-aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa; jesprimi, f'dan il-kuntest, l-appoġġ ulterjuri tiegħu għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala parti mill-iskema Garanzija taż-Żgħażagħ, bħala għodda ta' għajnuna biex l-Istati Membri joffru appoġġ imfassal għaż-żgħażagħ, abbażi ta' bżonnijiethom; jitlob għal impenn kontinwu mill-UE favur il-proġett Erasmus .

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u titrawwem l-edukazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati f'konformità mal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinnota li r-riżultati tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2015 juru li minkejja li kien hemm xi progress lejn il-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020, hemm riskju dejjem ogħla li d-differenza fl-inugwaljanzi tiżdied jekk jitħallew barra l-persuni l-iktar vulnerabbli, fosthom iż-żgħażagħ bi sfondi soċjoekonomiċi differenti u l-gruppi żvantaġġati; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol fost in-nisa żgħażagħ – b'mod partikolari għan-nisa wara l-liv tal-maternità u l-ommijiet waħedhom – u l-migranti żgħażagħ, dawk b'livell baxx ta' ħiliet, iż-żgħażagħ b'diżabilità u ż-żgħażagħ kollha li jinsabu f'riskju ta' diskriminazzjoni;

4.  Jenfasizza li l-politiki tas-suq tax-xogħol b'mod ġenerali, u t-tlaqqigħ tal-ħiliet fir-rigward tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) b'mod speċifiku, għandhom l-għan li joħolqu u jippromwovu impjiegi ta' kwalità għolja u sikuri, f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO; jinnota li dawn il-politiki għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-fenomeni tal-impjieg prekarju, il-kuntratti ta' żero sigħat u l-apprendistati mingħajr ħlas;

5.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tniedi konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif ta' pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali; iqis li huwa ta' importanza kruċjali li din l-inizjattiva tkun kapaċi tiskatta żvilupp iktar flessibbli ta' ħiliet u kompetenzi, azzjonijiet ta' tagħlim ta' tul il-ħajja u appoġġ attiv għal impjiegi ta' kwalità;

6.  Jenfasizza li l-intraprenditorija soċjali hija qasam li qed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi d-deprivazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, madankollu, li l-edukazzjoni intraprenditorjali jeħtieġ li tinkludi dimensjoni soċjali u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-intrapriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi, bħall-kooperattivi, bil-għan li jsir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;

7.  Jappella għal miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol billi jiggarantixxu internships u apprendistati ta' kwalità, jagħtu liż-żgħażagħ drittijiet definiti b'mod ċar li jinkludu aċċess għall-ħarsien soċjali, kuntratti bil-miktub u vinkolanti kif ukoll remunerazzjoni ġusta, bl-għan li jkun żgurat li ma jkunux diskriminati meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol;

8.  Ifakkar li l-livell ta' finanzjament tal-edukazzjoni madwar l-Istati Membri għadu baxx meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta' qabel il-kriżi u jitlob għal żieda fl-investiment fl-infrastrutturi, u għall-iżgurar tal-kwalità u r-relevanza tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-istrumenti ta' finanzjament Ewropej disponibbli kollha, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali (il-FEŻR u l-FSE) u l-FEIS; itenni li l-investimenti sostenibbli fl-edukazzjoni u l-kultura jsaħħu l-impjegabilità u jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fl-UE; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jorjentaw l-investimenti lejn edukazzjoni inklużiva li tirreaġixxi għall-isfidi soċjetali fir-rigward tal-iżgurar ta' opportunitajiet u aċċess ugwali għal kulħadd, inkluż permezz tat-twessigħ tal-opportunitajiet ta' edukazzjoni bikrija tat-tfal u ta' tagħlim għall-adulti u permezz tal-iffaċilitar tar-ritorn għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk iż-żgħażagħ li jkunu diġà abbandunaw l-edukazzjoni inizjali;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riformi strutturali u modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni skolastika u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri, inkluż approċċ olistiku ta' politika fir-rigward tat-tagħlim u l-edukazzjoni, sabiex jitrawmu l-innovazzjoni, il-kreattività u l-użu tat-teknoloġiji diġitali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li titrawwem interazzjoni aħjar bejn l-UE u l-Istati Membri u li jkun iffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni u titħeġġeġ l-edukazzjoni tal-arti bħala għodda kruċjali għall-iżvilupp ta' ħsieb kritiku, u ħiliet u kompetenzi kreattivi u trasferibbli kif ukoll valuri ċiviċi li jippermettu lil dawk li jitgħallmu li jsiru membri tas-soċjetà attivi, responsabbli u b'mentalità miftuħa; iqis li huwa essenzjali li tingħata spinta lill-investiment pubbliku sabiex tinżamm u tissaħħaħ il-kwalità tas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni u l-kwalità tas-servizzi offruti lill-pubbliku, kif ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku;

11.  Jissottolinja li r-rati ta' qgħad li għadhom għoljin wisq juru li l-kapaċità li jinħolqu impjiegi għadha limitata fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, sabiex is-swieq tax-xogħol isiru iktar inklużivi b'mod ġenerali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-maġġoranza tal-impjiegi l-ġodda li nħolqu huma impjiegi ta' kwalità baxxa, ikkaratterizzati minn pagi baxxi u kundizzjonijiet prekarji, u li għaldaqstant mhumiex kapaċi jistimulaw b'mod sinifikanti l-konsum u d-domanda interna;

12.  Ifakkar fir-rwol ewlieni li l-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali jista' jkollhom fl-iżvilupp u s-sostenn tal-ħiliet neċessarji għall-impjegabilità taż-żgħażagħ bħall-intraprenditorija, it-tmexxija u l-bini ta' kapaċità, speċjalment fost il-gruppi emarġinati;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kapaċità ġenerali tal-UE li toħloq u ssostni impjiegi ta' kwalità biex b'hekk tindirizza l-livelli għoljin tal-qgħad, filwaqt li jitqies li l-migrazzjoni jista' jkollha rwol importanti, inkluż permezz ta' skemi ta' edukazzjoni, ikkomplementati b'nefqa pubblika effiċjenti, bl-għan li jsiru investimenti soċjali u ambjentali ta' kwalità għolja u sostenibbli biex il-ħaddiema jiġu integrati fis-suq tax-xogħol u jitnaqqas il-qgħad;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-ħtiġijiet edukattivi speċifiċi taż-żgħażagħ minn minoranzi jew żgħażagħ immigranti u taż-żgħażagħ b'diżabilità, bir-rispett dovut lid-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-attraenza tal-programmi u l-istudji tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas eżistenti f'dan il-qasam u jiġi intensifikat ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u tal-litteriżmu tal-midja fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

16.  Jenfasizza l-fatt li meta s-sħab soċjali kienu involuti fil-konsultazzjonijiet tas-Semestru Ewropew, ir-riformi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ irriżultaw f'suċċess;

17.  Jilqa' l-kontribut ta' Erasmus+ għat-trawwim tal-mobilità u l-iskambji kulturali madwar l-UE u ma' pajjiżi terzi; jitlob sabiex ikunu promossi u utilizzati aħjar l-għodod Ewropej għat-trasparenza, il-mobilità u r-rikonoxximent fil-livell Ewropew tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba bil-ħsieb li jiġu żgurati garanziji u ċertezzi ikbar ta' integrazzjoni professjonali u soċjali għaż-żgħażagħ li lesti jieħdu vantaġġ mill-mobilità biex jimmultiplikaw l-opportunitajiet tagħhom għal taħriġ u impjieg; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu wkoll żgurati opportunitajiet ta' mobilità għal taħriġ vokazzjonali, żgħażagħ żvantaġġati u persuni li jbatu minn diversi forom ta' diskriminazzjoni;

18.  Jenfasizza l-importanza li tinkiseb validazzjoni tal-kompetenzi, tal-ħiliet u tal-għarfien miksuba permezz tat-tagħlim informali, mhux formali u ta' tul il-ħajja sal-2018, kif iddikjarat mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012; jinnota f'dan ir-rigward li r-rikonoxximent huwa kruċjali għat-tisħiħ tal-aċċess għal edukazzjoni formali u għal opportunitajiet professjonali ġodda, filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-awtostima u l-motivazzjoni għat-tagħlim; jenfasizza l-fatt li xi Stati Membri għamlu progress sinifikanti fl-iżvilupp ta' qafas ġuridiku rilevanti, filwaqt li oħrajn isibuha diffiċli li joħolqu strateġiji komprensivi ta' validazzjoni; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi li jippermettu l-validazzjoni;

19.  Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-impjieg taż-żgħażagħ, minħabba li, bħala medja, jimpjegaw aktar żgħażagħ minn kwalunkwe settur ieħor; jirrikonoxxi li hemm iktar minn 6 miljun persuna fl-UE li jaħdmu fis-settur kulturali; jenfasizza li l-promozzjoni u l-investiment ulterjuri fl-industriji kulturali u kreattivi se jkunu ta' benefiċċju għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u għalhekk jitlob tisħiħ tal-użu tal-iskemi ta' finanzjament tal-UE, b'mod partikolari Orizzont 2020 u l-FEIS; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li t-teknnoloġiji l-iktar avvanzati, il-midja kreattiva u l-ICT huma ta' interess partikolari għaż-żgħażagħ;

20.  Itenni li l-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" huwa l-uniku programm tal-UE ddedikat b'mod esklużiv għall-promozzjoni ta' ċittadinanza Ewropea attiva, għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi permezz tal-ħolqien ta' sħubijiet transnazzjonali, ġemellaġġi bejn il-bliet u netwerk ta' bliet;

21.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tar-riċerka u x-xjenza fil-ħolqien ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u kooperazzjoni internazzjonali; jirrakkomanda, għalhekk, investiment kontinwu fir-riċerka akkademika u xjentifika, fil-qafas tal-aġenda Orizzont 2020 biex jintlaħaq l-objettiv ta' 3 % għar-R&Ż, kif stipulat mill-Istrateġija Ewropa 2020.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ernest Maragall, Emma McClarkin, Martina Michels


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (13.9.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016

(2016/2101(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Fernando Ruas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa" (15071/15),

1.  Jirrikonoxxi li l-koerenza akbar tas-Semestru Ewropew ġdid integrat, li jippermetti aktar opportunitajiet biex wieħed jinvolvi ruħu u jikkomunika mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati fil-livelli kollha, li jsaħħaħ is-sjieda nazzjonali u jipproponi anqas rakkomandazzjonijiet, u li jiffoka fuq tliet prijoritajiet ewlenin bħala elementi ta' stabilizzazzjoni – l-appoġġ tal-investiment, it-twettiq ta' riformi strutturali u l-ħarsien ta' finanzi pubbliċi responsabbli, bl-għan li jagħti spinta lit-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, l-opportunitajiet ta' taħriġ u ta' edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni; jinnota li t-tisħiħ tal-ekonomija soċjali permezz ta' proġetti li jinkoraġġixxu t-tkabbir u l-intrapriżi soċjali jista' jwassal għal impjiegi u prosperità fir-reġjuni; huwa tal-fehma li l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għad irid jiġi msaħħaħ u jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' kondotta dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew, simili għal dak dwar is-sħubija fi ħdan il-politika ta' koeżjoni;

2.  Jinnota li xi Stati Membri għadhom qed jiffaċċjaw rati għolja ta' qgħad, speċjalment dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul; jenfasizza li l-kapaċità biex jappoġġjaw is-swieq tax-xogħol għadu limitat fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u li l-fondi tal-politika ta' koeżjoni kultant jibqgħu s-sors ewlieni ta' investiment fit-tkabbir, l-iżvilupp, l-impjiegi u l-edukazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-opportunitajiet eżistenti fi ħdan is-Semestru Ewropew biex jiġu esplorati għodod u mekkaniżmi biex jiġi żgurat li l-flessibilità permessa mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tista' tintuża f'oqsma strateġiċi ta' investiment għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-ispazju fiskali tagħhom sabiex jappoġġjaw l-investiment produttiv u jfakkar il-fatt li l-benefiċċji tar-riformi strutturali jsiru apparenti fuq perjodu twil ta' żmien; jemmen ukoll li għandu jiġi kkunsidrat l-involviment tal-benefiċjarji tal-investimenti tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI) 2014-2020 fl-evalwazzjoni tas-Semestru Ewropew attwali;

3.  Jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien ta' żvilupp reġjonali ferm kompetittiv u aktar ġust permezz ta' firxa wiesgħa ta' mudelli tan-negozju b'miri soċjali u ekoloġiċi; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà ta' sħubijiet eżistenti bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu għal tkabbir sostenibbli;

4.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas kumulattiv ta' investimenti, li jaffettwa t-tkabbir sostenibbli fit-tul u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, u jiddispjaċih f'dan il-kuntest dwar l-adozzjoni tardiva tal-programmi operattivi taħt il-Politika ta' Koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-implimentazzjoni rapida u koerenti tagħhom f'koordinazzjoni ma' programmi u inizjattivi oħra ffinanzjati mill-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) għandu jiġi implimentat b'mod li jkun komplementari u addizzjonali għall-fondi ESI, b'tali mod li l-investiment pubbliku u privat potenzjali kollu jkun jista' jiġi sfruttat u jkun jista' jiġi żgurat ekwilibriju ġeografiku aktar bilanċjat; b'mod aktar ġenerali, itenni li sinerġiji u kumplimentarjetajiet bejn fondi, programmi, u inizjattivi differenti tal-UE (fosthom il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u Orizzont 2020) u investimenti nazzjonali għandhom jiġu sfruttati sabiex jiġi massimizzat l-impatt sħiħ tal-investimenti ppjanati, jitnaqqsu d-differenzi territorjali u jintlaħqu aħjar il-miri ta' Ewropa 2020; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza f'diversi livelli u tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika, kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment, b'enfasi partikolari fuq il-kapaċità amministrattiva kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-liġijiet tal-akkwist pubbliku, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' koerenza bejn l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-qafas ta' governanza ekonomika usa', bil-għan li jingħata appoġġ lill-isforzi ta' rkupru meħtieġa biex tinkiseb konformità mas-Semestru Ewropew; jenfasizza, madankollu, li l-leġittimità tal-politika ta' koeżjoni hija bbażata fuq it-Trattati, u li din il-politika hija l-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea, li għandha bħala miri ewlenin it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE billi jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni, il-finanzjament tal-investiment marbuta mal-miri tal-Ewropa 2020 u t-tqarrib tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha; għalhekk huwa tal-opinjoni li miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi ESI ma' governanza ekonomika soda għandhom jiġu applikati b'ġudizzju u b'mod ibbilanċjat, iżda biss bħala l-aħħar għażla, u li l-effetti tagħhom għandhom jiġu rrappurtati; ifakkar, barra minn hekk, li l-applikazzjoni ta' tali miżuri għandha dejjem tkun ġustifikata, trasparenti u tqis ċirkostanzi speċifiċi soċjoekonomiċi tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jiġi evitat li jiġu ristretti l-investimenti reġjonali u lokali, li huma assolutament essenzjali għall-ekonomiji tal-Istati Membri, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), peress li dawn l-investimenti jimmassimizzaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jistimulaw il-kompetittività u l-produttività, speċjalment fi żminijiet ta' pressjoni qawwija fuq in-nefqa pubblika;

6.  F'dak li għandu x'jaqsam mal-każijiet taż-żewġ Stati Membri li kienu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016, li wasslu għal sanzjonijiet taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi tal-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jenfasizza l-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2016 u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu li jiġu kkanċellati l-multi li setgħu jiġu imposti, b'kont meħud tat-talbiet motivati tal-Istati Membri, l-ambjent ekonomiku diffiċli, kemm l-isforzi ta' riforma tal-pajjiżi kif ukoll l-impenji tagħhom li jirrispettaw ir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-proposta li tiġi sospiża parti mill-impenji tal-2017 għall-Fondi ESI taħt il-miżuri li jorbtu l-effikaċja tagħhom ma' governanza ekonomika soda għandha tqis l-opinjoni tal-Parlament, li għandha tiġi espressa waqt id-Djalogu Strutturat;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis aħjar l-Istrateġija Ewropa 2020 u tindirizza l-miri ewlenin tagħha b'mod xieraq billi ttejjeb l-implimentazzjoni tagħha, twettaq analiżi tal-istrateġija fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tissuġġerixxi miżuri u metodoloġija għal monitoraġġ aħjar tan-nefqiet tal-Fondi tal-UE relatati mal-għanijiet ta' Ewropa 2020; jemmen li r-rieżami tal-Qafas Finanazjajru Pluriennali li jmiss (QFP) se jipprovdi opportunità biex jiġi analizzat, evalwat u, fejn meħtieġ, imtejjeb il-valur miżjud u l-appoġġ mill-Fondi ESI biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, li għandha relazzjoni indiretta mal-proċessi tas-Semestru Ewropew;

8.  Jenfasizza li l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-asimetriji ekonomiċi ġġenerati mill-politiki monetarji differenti bejn iż-żona tal-euro u dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro huwa importanti biex jinkisbu l-miri tal-koeżjoni territorjali;

9.  Jemmen li l-ħarsien tat-trasparenza u l-effettività tal-infiq pubbliku huwa essenzjali għall-ħolqien ta' ambjent favorevoli għat-tkabbir; iqis, barra minn hekk, li s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tiġi segwita b'mod aktar vigoruż, bil-mira ewlenija li jitnaqqas il-piż amministrattiv; jilqa' l-fatt li bosta Stati Membri rnexxielhom jindirizzaw is-CSRs fil-programmi operazzjonali (PO) tagħhom permezz ta' investimenti mmirati, jew tar-riformi mwettqa fil-kuntest ta' kundizzjonalitajiet ex ante; jirrimarka li CSRs jistgħu jkunu għodda utli għat-tixrid tal-opportunitajiet ta' investiment u, flimkien mal-kundizzjonalitajiet ex ante fi ħdan il-politika ta' koeżjoni, jista' jkollhom rwol importanti, peress li għandhom effetti pożittivi konsegwenti importanti fuq l-ambjent tal-investiment b'mod usa'; japprezza l-fatt li l-investimenti tal-Fondi ESI diġà jikkontribwixxu lejn l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali u jtejbu l-prestazzjoni ġenerali ekonomika fl-Istati Membri hekk kif irrakkomandat mis-CSRs relevanti, li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri strateġiċi tal-UE li jipproduċu tkabbir ekonomiku, impjiegi ta' kwalità u l-iżvilupp sostenibbli madwar l-Unjoni, inkluż f'reġjuni jew żoni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew ġeografiċi;

10.  Huwa tal-fehma li l-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) li ġie propost għandu jipprovdi appoġġ immirat u speċifiku lill-Istati Membri fuq bażi volontarja biex jassistihom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali, strutturali u amministrattivi, li jservi ta' appoġġ addizzjonali u li fl-istess ħin jiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni / finanzjament doppju ma' strumenti oħra tal-Unjoni jew ta' appoġġ minn tipi oħra ta' assistenza teknika eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex toħroġ dokument strateġiku li jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-kriterji għall-użu tal-SRSP b'koordinazzjoni ma' miżuri oħra tal-UE ta' bini ta' kapaċità; jenfasizza li t-trasferiment baġitarju propost mill-assistenza teknika taħt il-politika ta' koeżjoni lill-SRSP fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni m'għandux ikun preċedent għal xi proposti futuri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Czesław Hoc, Karol Karski, Julia Reda, Tatjana Ždanoka


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (27.9.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016

(2016/2101(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Catherine Stihler

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Itenni l-importanza ta' suq uniku li jiffunzjona tajjeb, kompetittiv u integrat biex l-ekonomija Ewropea tirkupra wara l-kriżi finanzjarja; jappoġġja l-inklużjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) li jmorru lil hinn mill-miri fiskali u makroekonomiċi u li jippermettu taħlita bilanċjata ta' politiki bil-potenzjal li jiġi stabbilit tkabbir sostenibbli li jinkoraġġixxi stabbiltà akbar, tkabbir ekonomiku, progress ambjentali, impjiegi u aktar kompetittività, li mingħajrhom ma jistax ikun hemm irkupru bilanċjat; jilqa' dan ir-ripożizzjonament, kif ukoll l-istruttura armonizzata tas-CSRs; jenfasizza li l-frammentazzjoni tas-suq uniku tikkostitwixxi wieħed mill-impedimenti ewlenin għal tkabbir strutturali ekonomiku akbar; jitlob li jsiru sforzi biex il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa tingħata aktar prijorità;

2.  Jilqa' l-għadd kbir ta' CSRs li jappoġġjaw suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb, inklużi l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' investiment li jappoġġjaw in-negozji u, b'mod partikolari, lill-SMEs u li jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi, il-gvern elettroniku, l-akkwist pubbliku u r-rikonoxximent reċiproku, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki; jenfasizza li l-infurzar huwa kruċjali biex jinħass l-impatt ta' dawn l-oqsma ta' politika; iqis bħala kruċjali, f'dan ir-rigward u b'rabta mas-CSRs, li l-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni kollha possibbli biex ikunu introdotti riformi fuq terminu twil li jkollhom impatt sinifikanti, speċjalment fejn jidħlu l-investimenti soċjali, l-impjiegi u t-taħriġ;

3.  Jindika li s-suq uniku hu s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, u jenfasizza li suq uniku inklużiv, b'governanza msaħħa li tiffavorixxi regolamentazzjoni u kompetizzjoni aħjar, huwa strument kruċjali li jtejjeb it-tkabbir, il-koeżjoni, l-impjiegi u l-kompetittività u li jippreserva l-fiduċja tas-settur kummerċjali u tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissorvelja l-progress li jkun sar mill-Istati Membri, u jtenni l-importanza li jkun inkluż b'mod formali fis-Semestru Ewropew pilastru tas-suq uniku sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ kontinwu tal-indikaturi tas-suq uniku li jippermettu segwitu sistematiku u valutazzjoni tal-progress tal-Istati Membri fir-rigward tas-CSRs;

4.  Jieħu nota li l-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fil-governanza tajba u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, u li huma għalhekk jeħtieġ li jeżerċitaw b'mod konġunt sjieda u ġestjoni proattiva tas-suq uniku, b'tali mod li jiġġeneraw spinta politika ġdida permezz ta' rapporti konsolidati dwar l-istat tas-saħħa tas-suq uniku u l-inklużjoni formali tas-suq uniku bħala pilastru ta' governanza fis-Semestru Ewropew;

5.  Jirrikonoxxi l-istruttura l-ġdida tas-CSRs fl-2016, li tippermetti enfasi aktar effettiva fuq l-isfidi ewlenin identifikati; jenfasizza, madankollu, li l-progress li għamlu l-Istati Membri fuq kull CSR m'għandux ikun injorat u d-diffikultajiet eżistenti fl-implimentazzjoni għandhom jiġu analizzati bir-reqqa;

6.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata konsistenza bejn l-inizjattivi li għaddejjin u dawk futuri tal-Kummissjoni rigward is-suq uniku u l-proċess tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari dawk li jinvolvu l-Istrateġiji tas-Suq Uniku u s-Suq Uniku Diġitali, is-Suq Intern tal-Enerġija, is-Swieq Kapitali tal-Unjoni u Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri jikkoperaw b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tas-Suq Uniku Diġitali u tas-Suq Uniku, u li jappoġġjaw l-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija kollaborattiva;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal is-CSRs, tikkunsidra politiki futuri, bħalma huma dawk relatati mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u s-Suq Uniku Diġitali, kif ukoll is-sitwazzjoni fuq il-post f'kull pajjiż, bil-ħsieb li tipprepara lill-Istati Membri minn qabel u b'hekk tiżgura implimentazzjoni bla xkiel ta' dawk il-politiki;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' proċess inklużiv u trasparenti li jwassal għal riformi rilevanti u meħtieġa permezz tas-Semestru Ewropew; jenfasizza l-importanza ta' djalogu kontinwu mal-partijiet interessati rilevanti kollha bil-ħsieb li tissaħħaħ il-proċedura tas-Semestru;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu ħalli jrawmu ambjent ta' negozju b'saħħtu billi jnaqqsu aktar il-burokrazija żejda u jtejbu l-effiċjenza amministrattiva u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll permezz tal-investiment u tal-innovazzjoni, l-effiċjenza tal-enerġija, ir-R&Ż u d-diġitalizzazzjoni, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ġodda, partikolarment permezz ta' negozji mikro, tal-kummerċ elettroniku, ta' negozji ġodda u l-SMEs;

10.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza n-nuqqas ta' koordinazzjoni fiskali fi ħdan l-UE, b'mod partikolari d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs minħabba l-kumplessità tar-regolamenti tal-VAT nazzjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta' aktar koordinazzjoni u, b'mod partikolari, tivvaluta l-possibbiltà ta' approċċ semplifikat dwar il-VAT fis-Suq Uniku Diġitali;

11.  Jikkundanna l-ostakoli li għadhom jeżistu, jew li nħolqu, u li jfixklu suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni parzjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi minn ħafna Stati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tinforza b'mod aktar effettiv dak li l-Istati Membri qablu dwaru fil-qafas tad-dritt tal-UE; ifakkar l-impenn tal-Kummissjoni li tuża proċeduri ta' ksur, jekk ikun meħtieġ, biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku tal-prodotti u s-servizzi u fl-isfera diġitali;

12.  Jenfasizza, fost ix-xkiel eżistenti, l-ostakoli li jimpedixxu lil persuni b'diżabilità milli jgawdu b'mod sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern; jittama li l-Att dwar id-Diżabilità varat mill-Kummissjoni jista' jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun u li jiffoka b'mod effikaċi fuq miżuri speċifiċi biex jippromwovi l-inklużjoni u l-aċċess;

13.  Jirrimarka li s-sistema relatata mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali hija msejsa fuq il-prinċipji tal-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġuridiċi differenti kif ukoll il-verifika reċiproka tal-kwalità tal-kwalifiki; jinnota li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex ikun implimentat aħjar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali; jenfasizza li, peress li l-frammentazzjoni tas-suq uniku tirrestrinġi l-attività ekonomika u l-għażla tal-konsumatur, huwa essenzjali li jkun garantit infurzar tajjeb u regolamentazzjoni aħjar li jkopru lis-setturi kollha tan-negozju u japplikaw kemm għal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll għal dik futura; jilqa' l-eżerċizzju ta' mmappjar ta' kwalifiki u professjonijiet regolati, li ser joħloq bażi ta' data pubblika interattiva li tista' tagħti kontribut lill-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri;

14.  Jiddispjaċih li s-CSRs għandhom jindikaw nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku bħalma huwa n-nuqqas ta' kompetizzjoni u ta' trasparenza, hekk kif 21 Stat Membru naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ il-pakkett leġiżlattiv, li jwassal għal distorsjonijiet fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni malajr sabiex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom billi tadotta l-proċeduri ta' ksur neċessarji; jistieden lill-Kummissjoni biex, sistematikament, tara b'mod effiċjenti u trasparenti li l-proċeduri amministrattivi ma joħolqux piż sproporzjonat fuq in-negozji u jimpedixxu lill-SMEs milli jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku;

15.  Jappoġġja l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari permezz tal-gvern elettroniku, u jitlob għal aktar kooperazzjoni transkonfinali, semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u interoperabilità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-benefiċċju tan-negozji u taċ-ċittadini kollha, u fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni, fejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE, biex timpenja ruħha f'monitoraġġ aktar effikaċi dwar l-użu xieraq tal-fondi;

16.  Jinnota li diversi CSRs jiffukaw fuq il-ħiliet u s-swieq tax-xogħol; jenfasizza li l-ħiliet adatti u l-investiment fit-taħriġ inizjali u tul il-ħajja huma kruċjali biex jiżguraw il-produttività, il-kompetizzjoni u t-tkabbir tal-produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu, jadottaw u jagħtu prijorità lil programmi diġitali u ta' tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li kemm l-istudenti kif ukoll l-apprendisti jiġu mħeġġa u jkun possibbli għalihom jagħmlu apprendistati, traineeships jew żjarat ta' studju barra minn pajjiżhom bħala parti mit-taħriġ tagħhom;

17.  Jilqa' l-enfasi akbar mitfugħa fuq is-swieq tax-xogħol fir-rapporti tal-pajjiżi, li tissottolinja problemi strutturali serji bħal qgħad fuq terminu twil u l-implimentazzjoni batuta tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li ħafna mill-problemi identifikati ma ġewx indirizzati permezz ta' rakkomandazzjonijiet immirati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Sergio Gaetano Cofferati, Daniel Dalton, Nicola Danti, Vicky Ford, Evelyne Gebhardt, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Eva Paunova, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Roberta Metsola, Julia Reda, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, Franc Bogovič, Albert Deß, Sofia Ribeiro


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (28.9.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016

(2016/2101(INI))

Rapporteur: Sofia Ribeiro(*)

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, skont il-Kummissjoni(1), it-tkabbir ekonomiku għadu relattivament modest u l-irkupru jibqa' inugwali, b'uħud mill-pajjiżi jirreġistraw tnaqqis trimestrali;

B.  billi mir-rapporti għal kull pajjiż(2) joħroġ il-fatt li d-disparità bejn is-sessi għadha sinifikanti, u tibqa' wieħed mill-ostakoli ewlenin biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll forma inaċċettabbli ta' diskriminazzjoni bejn is-sessi, u billi jinħtieġu sforzi urġenti biex titnaqqas id-disparità fir-rata tal-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa;

1.  Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) juru d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-ħtieġa ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq; isostni li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħtu prijorità lil riformi, imfassla għall-ostakoli politiċi tagħhom stess, li jsaħħu l-irkupru soċjali u ekonomiku u l-kompetittività tagħhom, u joħolqu impjiegi ta' kwalità u jagħtu spinta lill-koeżjoni soċjali; ifakkar, għaldaqstant, li jeħtieġ li jiżdied l-investiment pubbliku u privat, filwaqt li jiġu implimentati riformi strutturali soċjalment responsabbli li jnaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u li jittieħed approċċ ibbażat fuq ir-responsabbiltà fiskali u baġitarja, filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-marġni ta' flessibbiltà eżistenti meta jkun meħtieġ sabiex dan isir kumpatibbli mat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta' kwalità; iqis li s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti b'mod attiv fil-proċess tal-abbozzar u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali meta jkun meħtieġ, sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni mhux sodisfaċenti tar-riforma; itenni li dawn ir-riformi għandhom jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jilħqu l-ħames miri tal-Istrateġija Ewropa 2020, u jinsisti li dawn ir-riformi m'għandhomx idgħajfu l-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema u lill-SMEs;

2.  Iqis li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmiraw biex il-proċessi ta' konsolidazzjoni fiskali jiġu akkumpanjati b'miżuri li jgħinu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u jenfasizza li l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jgħin biex jingħataw tweġibiet għal sfidi soċjali eżistenti u emerġenti, biex b'hekk tiġi żgurata ekonomija aktar effikaċi; jirrimarka li l-investimenti soċjali fil-kapital uman iridu jikkostitwixxu azzjoni komplementari fundamentali, minħabba li l-kapital uman huwa wieħed mill-fatturi ta' tkabbir u mutur tal-kompetittività u l-iżvilupp; jitlob li r-riformi strutturali kbar proposti mis-CSRs jiġu akkumpanjati b'valutazzjoni tal-impatt soċjali fir-rigward tal-effetti fuq żmien qasir, medju u twil bl-għan ta' għarfien aħjar tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u tal-impjieg, speċjalment l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

3.  Jissottolinja li l-qgħad, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għadu problema prevalenti għas-soċjetajiet Ewropej, u li skont il-Kummissjoni l-qgħad kompla jonqos gradwalment, iżda jibqa' ogħla mil-livelli tal-2008, b’21.2 miljun persuna qiegħda f'April 2016 u b'differenzi kbar bejn l-Istati Membri; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impjiegi maħluqa, sabiex tiġi evitata żieda fir-rati tal-impjieg bħala sempliċi konsegwenza ta' impjiegi prekarji jew ta' tnaqqis fil-forza tax-xogħol; jinnota li minkejja li jipproduċu riżultati fir-rigward tal-ħiliet u l-għarfien, uħud mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri ma jagħtux riżultati tajbin internazzjonalment u għandhom nuqqasijiet li qed jikbru fir-rigward tal-ħiliet, li jikkontribwixxi għall-fatt li 39 % tal-kumpaniji għad għandhom diffikultajiet biex isibu persunal bil-ħiliet meħtieġa; jinsisti li fis-CSRs tingħata prijorità akbar biex jingħelbu l-iżbilanċi strutturali fis-suq tax-xogħol, inklużi l-qgħad fit-tul u l-ispariġġ fil-ħiliet, u jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar investiment fi, u li jiġu żviluppati, sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jipprovdu lis-soċjetà bl-għodod u l-kapaċitajiet biex jadattaw mill-ġdid għad-domandi li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-investiment privat, imma jemmen li n-nefqa pubbliku għandha titħeġġeġ ukoll b'mod effiċjenti u effikaċi; iqis li huwa vitali li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà kbira biex jinvestu f'taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali ta' kwalità, kif ukoll li jingħata aċċess ugwali għalihom, bil-punt ta' tluq ikun marġni nazzjonali ta' kofinanzjament akbar biex jiġu appoġġjati l-proġetti ewlenin tal-UE f'dawn l-oqsma; jemmen li l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq sorsi ta' nefqa li jżidu l-kapaċità produttiva fil-futur u li jkollhom effetti konsegwenzjali pożittivi qawwija fuq l-ekonomija b'mod ġenerali, speċjalment permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (akkademiku, professjonali u vokazzjonali), ir-R&Ż u l-infrastrutturi (it-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjoni);

5.  Jirrimarka li bejn l-2008 u l-2014 l-għadd ta' persuni fl-UE fir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdied b'4.2 miljuni, u laħaq total ta' aktar minn 22 miljun (22.3 %); jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li "l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom qed jaffaċċjaw il-konsegwenzi soċjali akuti mill-kriżi"; jitlob sforz akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu, sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u fi ħdan is-soċjetajiet; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet riflessi fis-CSRs, u huma fundamentali biex jinkisbu tkabbir ekonomiku dejjiem u ritmu ta' implimentazzjoni soċjalment sostenibbli;

6.  Ifakkar li, kif dikjarat mill-Parlament, riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;

7.  Jappella għall-ikkompletar tas-suq intern Ewropew bħala l-aktar għodda potenzjali għat-tkabbir u l-ġlieda kontra l-qgħad fl-UE, b'kontrolli paralleli f'termini ta' infurzar tal-liġi u rispett għar-regoli;

8.  Ifakkar li l-viżjoni aktar fit-tul deskritta fl-Istrateġija Ewropa 2020 hija l-ewwel pass pożittiv, imma jemmen li dawn il-miri għandhom jiġu adattati għar-realtà u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri differenti, filwaqt li jitħalla spazju politiku suffiċjenti għall-Istati Membri biex isibu t-triq tagħhom adattata skont il-kuntest biex iwettqu riformi f'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jiżguraw li l-Istrateġija Ewropa 2020 tibqa' ċentrali għall-objettivi tagħhom;

9.  Ifakkar fl-istedina tal-Kunsill Ewropew(3) biex ir-rapporti annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi jintużaw fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

10.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istrateġija Ewropa 2020, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill idaħħlu fl-istrateġija pilastru ta' ugwaljanza bejn is-sessi u objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

11.  Jemmen li t-tkabbir ekonomiku għandu jiggarantixxi impatt soċjali pożittiv; jilqa' l-introduzzjoni tat-tliet indikaturi ewlenin tal-impjieg il-ġodda fit-tabella ta' valutazzjoni makroekonomika; itenni t-talba tiegħu biex dawn jitpoġġew fuq l-istess livell mal-indikaturi ekonomiċi eżistenti, u b'hekk ikun iggarantit li l-iżbilanċi interni jkunu vvalutati aħjar u r-riformi strutturali jsiru aktar effikaċi; jitlob, f'dan ir-rigward, sabiex tiġi evitata applikazzjoni selettiva, li dawn jitħallew iwasslu għal analiżijiet approfonditi, u għal fehim aħjar tar-rabta kawża-effett bejn il-politiki u l-azzjonijiet; jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura ta' żbilanċi soċjali fit-tfassil tas-CSRs sabiex tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx f'termini ta' standards soċjali, filwaqt li nibnu fuq l-użu effikaċi tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg fis-sorveljanza makroekonomika; huwa tal-fehma li f'każ li l-indikaturi ekonomiċi u tal-impjieg jitqiegħdu fuq l-istess livell, dan għandu jimxi id f'id mat-titjib tar-rwol tal-Kunsill EPSCO fis-Semestru Ewropew;

12.  Iqis li l-introduzzjoni tat-tliet indikaturi tal-impjieg turi li l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, inklużi l-Linji gwida dwar l-Impjiegi, qed ikollha rwol importanti fil-proċess ta' governanza ekonomika tal-UE, iżda li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi, partikolarment bl-introduzzjoni ta' indikaturi soċjali;

13.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni bdiet il-ħidma dwar l-istabbiliment ta' Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imma jfakkar fil-ħtieġa li jinkisbu r-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni u li nimxu 'l quddiem b'passi effikaċi ġodda li jippruvaw jwasslu għal UE aktar profonda u aktar ġusta, u biex tiżvolġi rwol importanti fl-indirizzar tal-inugwaljanza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti, li jappella għal konverġenza ekonomika u soċjali akbar, iżda jirrikonoxxi li m'hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd; jemmen, f'dan ir-rigward, li kull politika komuni għandha tiġi adattata għal kull Stat Membru; iqis li l-azzjoni Ewropea għandha tindirizza wkoll l-inugwaljanzi u d-differenzi fl-introjtu fl-Istati Membri, u trid tagħmel iktar milli sempliċement tindirizza s-sitwazzjoni ta' dawk l-aktar fil-bżonn;

14.  Jirrikonoxxi li s-Semestru Ewropew illum iqiegħed enfasi akbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali; filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, jistedinhom jieħdu azzjoni urġenti biex jiżguraw xogħol deċenti b'paga li tiggarantixxi l-għajxien, aċċess għal introjtu minimu adegwat u protezzjoni soċjali (li diġà naqqset ir-rata ta' faqar minn 26.1 % għal 17.2 %) u servizzi pubbliċi ta' kwalità, u huwa favur l-iżvilupp u l-istabbiliment ta' sistema ta' sigurtà soċjali xierqa sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni toffri appoġġ u tiskambja l-aħjar prattiki mal-Istati Membri sabiex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, peress li din hija sfida ewlenija għall-varar mill-ġdid ta' investiment fit-tul u għall-iżgurar tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;

15.  Jinnota li l-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u servizzi bħal tal-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, huma meqjusa fis-CSRs 2016(4), meqjusa essenzjali għal tkabbir bilanċjat u inklużiv u jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fir-rata tal-impjieg u għal tnaqqis fid-disparità bejn is-sessi;

16.  Jenfasizza li l-provvista u l-ġestjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali huma kompetenza tal-Istati Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw id-dimensjoni tas-sessi u l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali u fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza permezz tat-twaqqif ta' miri kwalitattivi u ta' miżuri li jindirizzaw id-disparitajiet persistenti bejn is-sessi;

18.  Jirrikonoxxi li l-iffissar tal-pagi hija kompetenza tal-Istati Membri li trida tiġi rispettata skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

19.  Jirrikonoxxi li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ġie żviluppat biex jiżvolġi rwol ewlieni ħalli tingħata spinta lill-investiment u jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu impenn b'saħħtu favur il-promozzjoni tal-FEIS u l-użu tar-riżorsi allokati għalih f'territorji Ewropej li huma partikolarment affettwati minn qgħad kbir ħafna u f'dawk b'livell ta' parteċipazzjoni baxx jew assenti għalkollox; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tikkontrolla mill-qrib l-investimenti skont il-Pjan Juncker, sabiex tivvaluta l-impatt ekonomiku u fuq l-impjiegi tal-investimenti f'termini reali, b'analiżi parallela tal-ostakoli affaċċjati, partikolarment fir-rigward tal-SMEs billi l-Pjan mhux biss jirrappreżenta sors ta' finanzjament ġdid għalihom iżda jipprovdihom ukoll b'għajnuna u konsulenza teknika; fl-istess ħin, jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb l-ambjent kummerċjali u l-kundizzjonijiet biex jinkiseb finanzjament għall-intrapriżi; japprova żieda fl-investimenti soċjali u ambjentali u appoġġ għall-parteċipazzjoni ta' atturi soċjali fit-tħaddim tal-fond; jenfasizza wkoll l-importanza li jkun żgurat li r-regoli li jirregolaw il-programmi ffinanzjati mill-FEIS jiġu rispettati għalkollox; iqis li, kif mitlub mill-Parlament, il-proġetti għandhom jiffukaw fuq il-kwalità u, barra minn hekk, għandhom jagħtu spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-konverġenza soċjali 'l fuq; itenni l-enfasi tiegħu fuq l-importanza ta' investimenti fil-kapital uman u investimenti soċjali oħra u fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni effikaċi tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali;

20.  Jenfasizza li sal-lum, il-Pjan Juncker (FEIS) ma kisibx ir-riżultati maħsuba tiegħu, peress li l-proġetti li ffinanzja jikkonċernaw esklużivament infrastruttura kbira, li ma toħloqx impjiegi sostenibbli u dejjiema; jenfasizza l-fatt, barra minn hekk, li hemm ħtieġa ta' miżuri u investiment għal infrastruttura eżistenti li saret obsoleta u jeħtieġ li tkun żgurata u modernizzata;

21.  Jiddispjaċih li l-ekonomija soċjali ġiet injorata mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha ta' valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet; jirrimarka li dan is-settur jinkludi 2 miljun intrapriża li jimpjegaw aktar minn 14-il miljun persuna u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-intrapriżi soċjali rikonoxximent u viżibilità akbar; iqis li dan in-nuqqas ta' rikonoxximent jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jaċċessaw il-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal statut Ewropew għall-kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi mutwi;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-ispazju fiskali tagħhom biex iżidu l-investiment pubbliku f'oqsma li jwasslu għat-tkabbir, bħall-infrastruttura, l-edukazzjoni u r-riċerka;

23.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru minn diversi Stati Membri fl-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jtejbu l-produttività, irawmu l-ħolqien tal-impjiegi, iżidu l-kompetittività u jtejbu l-ambjent kummerċjali; ifakkar li f'xi Stati Membri r-riformi implimentati ffavorew il-flessibbiltà għad-detriment tas-sigurtà, u għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa li l-approċċ ġenerali jiġi bbilanċjat mill-ġdid sabiex jiġu implimentati riformi soċjalment responsabbli ġodda li jiffukaw fuq il-benessri taċ-ċittadini u li jagħmlu t-tkabbir ekonomiku effiċjenti u sostenibbli kumpatibbli mal-istandards soċjali tal-UE; huwa tal-fehma, madankollu, li jinħtieġ aktar progress, speċjalment f'każijiet ta' ineffiċjenza u b'mod partikolari fil-każ ta' Stati Membri b'surpluses kbar fil-kontijiet kurrenti, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri biex it-tfaddil żejjed jintuża fl-ekonomija domestika u b'hekk tingħata spinta lill-investiment domestiku; ifakkar li, sabiex tingħata spinta lil tkabbir b'saħħtu u sostenibbli u konverġenza soċjali 'l fuq, hemm ħafna riformi strutturali pendenti oħra, f'oqsma bħall-politika fiskali, il-politika industrijali u tal-enerġija, u riformi fir-rigward tas-sistemi tal-pensjoni u tal-kura tas-saħħa, l-infiq pubbliku u l-investiment soċjali, kif ukoll li t-taxxi fuq ix-xogħol jinbidlu b'tali mod li jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u l-inċentivi għall-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi;

24.  Jieħu nota tal-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas, imma jirrimarka li għadu f'livelli inkredibilment għoljin, b'aktar minn 4 miljun persuna taħt il-25 sena qiegħda fl-UE, li minnhom 2.885 miljun huma fiż-żona tal-euro; jiddispjaċih li aktar minn tliet snin wara l-varar tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma daqstant inugwali, u xi drabi ineffikaċi; jistieden lill-Kummissjoni biex f'Ottubru tippreżenta analiżi bir-reqqa tal-implimentazzjoni tagħha li tista' sservi bħala l-bażi għat-tkomplija tal-programm;

25.  Ifakkar li f'ħafna Stati Membri l-benefiċċji tal-qgħad qed jonqsu sena wara l-oħra, b'riżultat, fost fatturi oħra, tal-qgħad fit-tul, u dan għaldaqstant iżid l-għadd ta' persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jitlob li jkunu garantiti benefiċċji tal-qgħad adegwati li jippermettu lin-nies jgħixu b'dinjità, kif ukoll azzjonijiet li jiżguraw l-integrazzjoni bla intoppi ta' dawn in-nies fis-suq tax-xogħol;

26.  Itenni l-importanza ta' monitoraġġ sistematiku tat-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika ġenerali, bħala kriterju kruċjali biex tiżdied il-fiduċja fl-Ewropa u bħala mod li bih jiġi promoss ċirku virtwuż ta' tkabbir u investiment;

27.  Jemmen bis-sħiħ li ambjent regolatorju li jkun aktar favur il-kummerċ u l-impjiegi jinkoraġġixxi aktar investiment privat, tkabbir u ħolqien tal-impjiegi;

28.  Jenfasizza l-fatt li l-iżbilanċi fis-sistemi tal-pensjonijiet huma bażikament il-konsegwenza tal-qgħad, tad-devalwazzjoni tal-pagi u tal-prekarjetà tax-xogħol; jitlob, għalhekk, aktar riformi li jiggarantixxu finanzjament adegwat biex ikun hemm l-ewwel pilastru b'saħħtu tal-pensjonijiet li jiżgura pensjonijiet deċenti, tal-anqas f'livell 'il fuq mis-soll tal-faqar;

29.  Ifakkar għal darb'oħra li l-moviment liberu tal-persuni huwa fundamentali biex jissaħħu l-konverġenza u l-integrazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej;

30.  Jinnota l-għadd li żdied ta' rakkomandazzjonijiet (lil ħames Stati Membri) dwar reġimi ta' introjtu minimu; madankollu, b'kont meħud li inugwaljanzi kbar fl-introjtu huma ta' detriment mhux biss għall-koeżjoni soċjali iżda anke għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli (kif kemm il-FMI u l-OECD stqarrew reċentement), jistieden lill-Kummissjoni twettaq il-wegħda li saret mill-President Juncker fid-diskors inawgurali tiegħu li tipprovdi introjtu xieraq għall-Ewropej kollha permezz ta' qafas Ewropew ta' introjtu minimu li jkopri l-ispejjeż bażiċi tal-għajxien, filwaqt li jirrispetta l-prattiki nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

31.  Huwa preokkupat dwar iż-żieda tal-inugwaljanzi fl-introjtu marbuta parzjalment ma' riformi ineffiċjenti tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi sabiex inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, flimkien ma' miżuri li jgħollu l-pagi minimi għal livell diċenti u li jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi ta' ffissar tal-pagi sabiex titnaqqas il-varjazzjoni fil-pagi; iwissi li f'dawn l-aħħar deċennji l-maniġments korporattivi kienu qed jirċievu sehem akbar mill-benefiċċji ekonomiċi filwaqt li l-pagi tal-ħaddiema staġnaw jew tnaqqsu; iqis li din il-varjazzjoni eċċessiva fil-pagi żżid l-inugwaljanzi u hija ta' dannu għall-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji;

32.  Huwa preokkupat dwar il-fatt li l-qgħad fit-tul għadu għoli, u jaffettwa lil 10.5 miljun ruħ fl-UE, u jfakkar li l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol hija kruċjali biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, kif ukoll għall-fiduċja fihom infushom; jiddispjaċih, għalhekk, dwar in-nuqqas ta' azzjoni mill-Istati Membri f'termini ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-isforzi sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja inklużivi għall-ħaddiema u għal dawk li qed ifittxu x-xogħol ta' kull età u biex tieħu miżuri mill-aktar fis possibbli sabiex ittejjeb l-aċċess għall-fondi tal-UE, kif ukoll biex timmobilizza riżorsi addizzjonali meta jkun possibbli;

33.  Iqis li l-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u s-servizzi bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, tibqa' essenzjali għal tkabbir bilanċjat u inklużiv, għal ħajja tax-xogħol itwal, biex jinħolqu l-impjiegi u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-politiki li jiggarantixxu s-suffiċjenza, l-adegwatezza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' persuna, filwaqt li jiggarantixxu ħajja deċenti, jiġġieldu kontra l-inugwaljanzi u jagħtu spinta lill-inklużjoni bl-għan li jeqirdu l-faqar, speċjalment għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi l-aktar vulnerabbli;

34.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni, fil-pakkett ta' rakkomandazzjonijiet tagħha, injorat it-talba tal-Parlament li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE; jinnota li dawn ir-reġjuni għandhom karatteristiċi u limitazzjonijiet speċifiċi u rati ta' qgħad ta' aktar minn 30 %; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri u programmi differenzjati biex jitnaqqsu l-asimmetriji u tiġi massimizzata l-koeżjoni soċjali fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil żoni rurali oħra li qed iħabbtu wiċċhom ma' bosta sfidi ekonomiċi, ambjentali, demografiċi u soċjali; iqis li għandha tingħata prijorità wkoll lir-reġjuni kollha li għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' rata għolja ta' qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, u li t-tkabbir tal-produttività għadu kajman, u dan qed jaffettwa l-istandards tal-għajxien u l-kompetittività; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' investiment speċifiku għas-sottoreġjuni tagħhom li r-rati tal-qgħad tagħhom jaqbżu t-30 %; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tgħin lil dawk l-Istati Membri fit-tfassil u l-finanzjament fi ħdan il-QFP kif miftiehem, ta' dawk il-programmi ta' investiment;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar impenn fil-ġlieda kontra l-isfidi demografiċi permezz tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, kif stipulat fl-Artikolu 174 TFUE, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti; iqis li, b'rabta mas-Semestru Ewropew, l-enfasi fuq problemi demografiċi għandha titwessa' biex tinkludi aspetti oħra li jmorru lil hinn mill-impatt tat-tixjiħ fuq il-baġits nazzjonali; huwa tal-fehma li dawn l-aspetti għandhom ikunu inklużi fis-CSRs bħala sinjal ta' sensibilizzazzjoni mhux biss nazzjonali iżda anke reġjonali u lokali; itenni li l-koeżjoni territorjali trid tissaħħaħ permezz ta' investiment strateġiku f'żoni li jbatu minn problemi demografiċi serji, sabiex tiżdied il-kompetittività, jittejbu n-nisġa industrijali u l-koeżjoni territorjali, u, fl-aħħar mill-aħħar, jinżammu l-livelli tal-popolazzjoni;

36.  Jemmen li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u tal-ispejjeż tal-konformità għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, u r-revoka ta' leġiżlazzjoni mhux meħtieġa, filwaqt li jibqgħu jiġu żgurati standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumatur, tal-impjegati, tas-saħħa u tal-ambjent, huma fatturi essenzjali biex jista' jsir it-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi;

37.  Jirrimarka li l-isfidi li ilhom jinbtu fl-UE mill-2015, bħall-ħtieġa li r-rifuġjati jiġu akkomodati, il-ħtieġa li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tingħata spinta lis-sigurtà, il-kriżi ekonomika u soċjali li għadha sejra, il-kriżi tal-biedja u l-kriżi tal-identità li qed taffettwa lill-Unjoni Ewropea stess, jirrikjedu sforzi serji ta' adattament u kunsiderazzjoni b'reqqa fir-rigward tal-applikazzjoni ta' sanzjonijiet lil dawk l-Istati Membri b'defiċit eċċessiv; jenfasizza l-isforzi serji ta' adattament li saru għal dawn iċ-ċirkustanzi ġodda; jinnota l-importanza li l-Kummissjoni tapplika b'mod konsistenti u koerenti r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkunsidraw li ma japplikaw ebda tnaqqis għall-FSE, bħala sanzjonijiet fuq l-Istati Membri fl-2016, minħabba s-sitwazzjoni attwali, u filwaqt li jikkunsidraw li dan ikun ifisser sospensjoni tal-applikazzjoni ta' dan il-fond fil-pajjiżi taħt sanzjoni fiż-żmien meta għandhom bżonnhom l-aktar;

38.  Jenfasizza li l-livelli ta' defiċit tal-Istati Membri jistgħu jiżdiedu minħabba l-ħtieġa tagħhom li jikkofinanzjaw proġetti kofinanzjati mill-fondi SIE; jinnota li fir-rigward tar-restrizzjonijiet baġitarji, ħafna reġjuni żvantaġġjati għandhom inqas possibbiltajiet li jibbenefikaw mill-FSIE; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi t-talbiet ta' kofinanzjament li jikkonċernaw żoni b'livelli drammatiċi ta' dejn jew defiċit;

39.  Jiddispjaċih li l-pożizzjoni tal-Parlament, wara li ġiet adottata fil-plenarja, se jkollha ftit possibbiltà li tinfluwenza jew tabilħaqq timmodifika s-CSRs li qed jiġu diskussi; jappella għal komponent demokratiku msaħħaħ fil-proċedura tas-Semestru Ewropew kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali; jappella għal aġenda li fiha l-pożizzjoni tal-Parlament tissaħħaħ u tiġi kkunsidrata qabel ma l-Kunsill jieħu deċiżjoni;

40.  Jiddispjaċih li l-impenn tal-partijiet ikkonċernati fis-Semestru Ewropew fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE għadu insuffiċjenti, ta' kwalità baxxa wisq u sorveljat b'mod inadegwat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joħorġu rakkomandazzjonijiet b'saħħithom, partikolarment dwar l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi djalogu strutturat ta' kwalità, fuq l-istess livell mas-sħab soċjali, sabiex jiżguraw il-viżibbiltà, is-sjieda u r-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini li huma essenzjali għal impenn demokratiku u l-fehim soċjetali tar-rwol tal-proċess tas-Semestru;

41.  Jenfasizza l-ostakoli u x-xkiel, kemm fiżiċi kif ukoll diġitali, li l-persuni b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom illum; jittama li l-Att dwar id-Diżabilità varat mill-Kummissjoni jiġi implimentat minnufih u jiffoka b'mod effikaċi fuq miżuri speċifiċi biex jippromwovu l-inklużjoni u l-aċċess;

42.  Jenfasizza l-importanza li jingħata widen lill-vuċijiet tar-rappreżentanti soċjali u demokratiċi, li l-maġġoranza tagħhom, matul is-snin li għaddew, kienu qed jitolbu li jsir rieżami tal-proċedura tas-Semestru Ewropew, għall-benefiċċju, b'mod partikolari, tal-investimenti, il-kwalità tal-infiq soċjali, u miżuri straordinarji għall-impjieg u t-taħriġ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

12

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Tim Aker, Guillaume Balas, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Morten Løkkegaard, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Anne Sander, Jutta Steinruck, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Rosa D’Amato, Rosa Estaràs Ferragut, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, Eduard Kukan, Flavio Zanonato, Gabriele Zimmer

(1)

Kummissjoni Ewropea, "Employment and Social Developments in Europe – Quarterly Review, Summer 2016" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa – Rieżami Trimestarli, Sajf 2016) (Ġunju 2016)

(2)

COM(2016)0095 final/2

(3)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, 337/16

(4)

COM(2016) 321 final

Avviż legali - Politika tal-privatezza