Proċedura : 2016/2235(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0314/2016

Testi mressqa :

A8-0314/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0413

RAPPORT     
PDF 663kWORD 63k
24.10.2016
PE 592.064v02-00 A8-0314/2016

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Estonja – EGF/2016/003 EE/Żejt grezz u kimiċi)

(COM(2016)0622 – C8-0389/2016 – 2016/2235(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Victor Negrescu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: Ittra tal-tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Estonja – EGF/2016/003 EE/Żejt grezz u kimiċi)

(COM(2016)0622 – C8-0389/2016 – 2016/2235(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0622 – C8-0389/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) ((FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0314/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Estonja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/003 EE/petroleum and chemicals biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara xi sensji 2 li seħħew fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 19 (Manifatturar tal-kokk u tal-prodotti tal-petroleum raffinat) u Diviżjoni 20 (Manifatturar tal-kimiċi u tal-prodotti kimiċi). billi l-Estonja mhijiex maqsuma f'reġjuni NUTS 2 u billi 800 mill-1 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja huma eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont l-intervent tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1), li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi qed jiffaċċjaw il-konfużjoni reċenti fis-swieq globali taż-żejt, it-tnaqqis ġenerali fil-kummerċ internazzjonali tal-fertilizzanti tal-Ewropa (għall-benefiċċju tal-produtturi Ċiniżi) u reġjuni barra mill-Ewropa li jbiegħu l-gass bl-irħis, Eesti Energia AS, Nitrofert AS u Viru Keemia Grupp AS għalqu jew naqqsu l-produzzjoni fl-impjanti li wassal għal terminazzjoni kollettivi ta' kuntratti tax-xogħol;

G.  billi l-Estonja ddeċidiet li tgħaqqad is-sensji f'applikazzjoni waħda reġjonali, peress li s-sensji seħħew fl-istess post, matul l-istess żmien u involvew ħaddiema ssensjati b'kuntesti simili ħafna;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk l-Estonja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 131 358 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 885 597 għal servizzi speċjalizzati li jikkonsistu f'appoġġ għall-ħlas ta' studji formali, tal-ispiża għat-taħriġ, ir-rimborż tal-ispiża għat-taħriġ għal min jimpjega, taħriġ dwar is-suq tax-xogħol, prattika tax-xogħol, konsultazzjoni dwar id-dejn, konsultazzjoni psikoloġika, allokazzjonijiet għall-istudju dwar il-parteċipazzjoni fi studji formali, boroż ta' studju, allokazzjonijiet għat-trasport u għall-akkomodazzjoni għat-taħriġ tal-lingwa Estonjana;

2.  Jilqa' l-ewwel applikazzjoni għall-FEG imressqa mill-Estonja; jemmen li l-FEG jista' jkun strument partikolarment ta' valur biex jgħin lill-ħaddiema mill-pajjiżi b'ekonomiji tal-Unjoni żgħar u aktar vulnerabbli;

3.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Estonjani, fis-6 ta' Lulju 2016, sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fit-28 ta' Settembru 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata.

4.  Jinnota li, gradwalment, l-Unjoni tilfet il-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-bejgħ globali tal-kimiċi liċ-Ċina, li żiedet is-sehem tagħha minn 9 % għal kważi 35 % fl-istess żmien; ifakkar li l-produzzjoni ta' fertilizzanti minerali huwa intensiv ħafna mil-lat enerġetiku (il-prezzijiet tal-gass jammontaw sa 80 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni); jinnota li minħabba li prezzijiet taż-żejt qegħdin dejjem jitbaxxew, l-esportazzjonijiet Estonjani ta' karburanti minerali naqsu b'25 % matul l-ewwel xahrejn tal-2016 meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti; jinnota li konċentrazzjoni għolja ta' industriji fl-Estonja hija dipendenti fuq il-prezzijiet taż-żejt u tal-gass;

5.  Jirrimarka li l-impatt tas-sensji fuq l-ekonomija lokali u reġjonali u fuq l-impjiegi huwa mistenni li jkun sinifikanti.

6.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Estonja li tgħaqqad żewġ setturi ekonomiċi f'applikazzjoni reġjonali waħda, peress li s-sensji seħħew fl-istess reġjun, għaliex dan inaqqas il-piż amministrattiv u jippermetti li jiġu organizzati miżuri konġunti għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dawn iż-żewġ setturi;

7.  Jilqa' l-fatt li tfasslet strateġija ta' żvilupp reġjonali, li hija deskritta fil-pjan ta' azzjoni Ida-Virumaa għall-2015-2020(4), bil-loġistika u t-turiżmu identifikati bħala setturi potenzjali għat-tkabbir; jirrikonoxxi l-fatt li ġew varati proġetti infrastrutturali sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir u biex jiffurmaw bażi għad-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika;

8.  Jinnota r-raġuni għall-għadd relattivament baxx ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri (800 minn 1 550), li tista' tiġi spjegata bix-xewqa li jiġu mmirati l-aktar ħaddiema vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-fatt li xi ħaddiema kienu ddikjaraw li huma ma kinux disponibbli għall-parteċipazzjoni fil-miżuri previsti mill-Estonja; jinnota l-persentaġġ relattivament għoli ta' ċittadini mhux tal-Unjoni (63,3 %) bħala benefiċjarji fil-mira;

9.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu l-ħlas tal-ispejjeż tal-istudji formali, ir-rimborż tal-ispejjeż tat-taħriġ għal min iħaddem, it-taħriġ fis-suq tax-xogħol, it-taħriġ fil-lingwa Estonjana, il-prattika tax-xogħol u l-konsulenza; jieħu nota tal-fatt li l-Estonja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont l-arranġamenti kollettivi u kkonfermat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post tali azzjonijiet;

10.  Jinnota li l-Estonja tiddikjara wkoll li l-pakkett koordinat ta' miżuri huwa kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli u turi potenzjal kbir biex tiffaċilitah, li hija konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG;

11.  Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, inklużi t-trade unions, l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, l-intrapriżi u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li saru fuq il-livell nazzjonali u reġjonali biex tfassal il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

12.  Jinnota li l-azzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG - l-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, tagħrif u pubbliċità, kontroll u rappurtaġġ - jirrappreżentaw sehem relattivament għoli tal-ispejjeż totali (7,7 %);

13.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

14.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jammontaw għal 27,25 % tal-pakkett ġenerali tal-miżuri personalizzati u, għalhekk, huma taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament; jinnota barra minn hekk li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

15.  Jinnota li l-ispejjeż marbutin mal-assistenza teknika jirrappreżentaw perċentwal relattivament għoli tal-ispejjeż totali; iqis li dan huwa ġustifikat fid-dawl tal-fatt li din hija l-ewwel applikazzjoni tal-Estonja fil-qafas tal-FEG;

16.  Jinnota l-fatt li l-Estonja kkonfermat li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

17.  Jinnota li dawn l-azzjonijiet ġew abbozzati bi qbil mal-ħtiġijiet identifikati fl-istrateġija ta' żvilupp reġjonali fl-Estonja u huma kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effikaċi u sostenibbli fl-użu tar-riżorsi;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

  https://www.siseministeerium.ee/sites/default/files/dokumendid/Arengukavad/ida-virumaa_tegevuskava_2015-2020_26.02.15.pdf


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara applikazzjoni mill-Estonja - EGF/2016/003 EE/Żejt grezz u kimiċi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat tal-issoktar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fil-11 ta' Mejju 2016, l-Estonja ressqet applikazzjoni għal mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-Eesti Energia AS, Nitrofert AS u Viru Keemia Grupp AS fl-Estonja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  B'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni mill-Estonja titqies ammissibbli peress li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali u reġjonali.

(5)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 131 358 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Estonja.

(6)  Sabiex jitnaqqas iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 1 131 358 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn ... [id-data tal-adozzjoni tagħha]*.

(4)Magħmul fi [...],

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjonijiet ta' Eesti Energia AS, Nitrofert AS u Viru Keemia Grupp AS u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-28 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Estonja biex tappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema ta' Eesti Energia AS, Nitrofert AS u Viru Keemia Grupp AS li ngħataw is-sensja bħala grupp joperaw fin-NACE Rev. 2 Diviżjoni 19 (Manifattura ta' kimiċi u ta' prodotti kimiċi) tal-Kontea ta' Ida-Virumaa (NUTS tal-livell 2: EE00- Eesti(4)).

Din hija d-disa' applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit 2016 u t-2 waħda għas-setturi tal-manifattura ta' kimiċi u ta' prodotti kimiċi u l-ewwel applikazzjoni fir-rigward tal-manifattura ta' kokk u prodotti miż-żejt grezz u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 131 358 mill-FEG għall-Estonja. Tikkonċerna 800 ħaddiem li ngħataw is-sensja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fil-11 ta'Mejju 2016 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-25 ta' Mejju 2016. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

Is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'10 tipi ta' miżuri:

•  Appoġġ għal Studji Formali- Ħlas tal-Ispiża tat-Taħriġ:

•  Rimborż tal-Ispejjeż ta' Taħriġ għall-Impjegaturi

•  Taħriġ għas-Suq tax-Xogħol

•  Tagħlim tal-Lingwa Estonjana

•  Prattika tax-Xogħol

•  Konsulenza dwar id-Dejn

•  Konsulenza Psikoloġika

•  Finanzjament tal-Istudju relatat mal-parteċipazzjoni fi studji formali

•  Borża ta' Studju, Trasport u Benefiċċju għall-Akkomodazzjoni għat-Tagħlim tal-Lingwa Estonjana

•  Allowance tal-Mobilità

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, il-pakkett ta' miżuri proposti huwa konformi mal-ħtiġijiet identifikati fl-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali tal-Estonja 2014–2020(5) kif ukoll fil-pjan ta' azzjoni ta' Ida-Virumaa 2015–2020(6). L-Estonja tiddikjara wkoll li l-pakkett koordinat ta' miżuri huwa kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli u juri potenzjal kbir biex dan jiġi ffaċilitat.

L-awtoritajiet Estonjani pprovdew l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dan li ġej:

•  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

•  hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,

•  l-impriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

•  l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

•  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

•  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

III. Proċedura

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għat-trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 1 131 358 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija d-disa' proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2016.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Ir-Repubblika tal-Estonja mhijiex maqsuma f'reġjuni NUTS 2.

(5)

  https://www.siseministeerium.ee/sites/default/files/dokumendid/eesti_regionaalarengu_strateegia_2014-2020.pdf

(6)

  https://www.siseministeerium.ee/sites/default/files/dokumendid/Arengukavad/ida-virumaa_tegevuskava_2015-2020_26.02.15.pdf


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

CF/jb

D(2016)43378

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2016/003 EE/petroleum and chemicals

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (EMPL), kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2016/003 EE/petroleum and chemicals u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 1 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja fi tliet intrapriżi li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 19 (Manifattura ta' kokk u prodotti petrolifiċi rfinati) u d-Diviżjoni 20 (Manifattura ta' sustanzi u prodotti kimiċi) tan-NACE Reviżjoni 2:

B) Billi, bil-għan li tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, l-Estonja ssostni li għandha ekonomija miftuħa żgħira li tiddependi ħafna fuq l-esportazzjoni ta' prodotti u servizzi u li ġiet affettwata mit-taqlib li kien hemm dan l-aħħar fis-suq globali taż-żejt u mid-deterjorament ġenerali tal-pożizzjoni tal-Ewropa fil-kummerċ internazzjonali; billi r-reġjuni barra l-Ewropa li għandhom aċċess għal gass bi prezzijiet baxxi għandhom vantaġġ kompetittiv fil-produzzjoni tal-fertilizzanti; billi sehem l-UE mill-produzzjoni dinjija ta' prodotti kimiċi naqas, filwaqt li ċ-Ċina, il-bqija tal-Asja u l-Istati Uniti raw is-sehem tagħhom jiżdied;

C) Billi 70,6 % tal-ħaddiema li l-miżura hija mmirata lejhom huma rġiel, filwaqt li 29,4 % huma nisa; billi 41,8 % għandhom bejn 55 u 64 sena u 47,5 % għandhom bejn 30 u 54 sena;

D) Billi din hija l-ewwel applikazzjoni fil-qafas tal-FEG min-naħa tal-Estonja.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Estonja:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għalhekk, l-Estonja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 131 358 fil-qafas ta' dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 885 597;

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Estonjani, fis-6 ta' Lulju 2016, sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fit-28 ta' Settembru 2016, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3. Jenfasizza li r-reġjun ta' Ida-Virumaa qed jiffaċċja sfidi konsiderevoli minħabba l-pożizzjoni u d-demografija tiegħu peress li huwa relattivament remot, għandu proporzjon għoli ta' persuni ta' lsien Russu li jgħixu f'żoni urbani madwar impjant jew tnejn tal-produzzjoni u għandu rata ta' qgħad ferm ogħla mill-medja nazzjonali;

4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Estonja li toffri miżuri ta' taħriġ bil-għan li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jkunu lesti biex jaħdmu f'setturi li l-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali tidentifika bħala li joffru potenzjal ta' tkabbir (il-loġistika, it-turiżmu, il-produzzjoni tal-injam, il-metall u l-materjal tal-kostruzzjoni);

5. Jinnota li s-servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu l-ħlas tal-ispejjeż tal-istudji formali, ir-rimborż tal-ispejjeż tat-taħriġ għal min iħaddem, it-taħriġ fis-suq tax-xogħol, it-taħriġ fil-lingwa Estonjana, il-prattika tax-xogħol u l-konsulenza;

6. Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, inklużi t-trade unions, l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, l-intrapriżi u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li saru fuq il-livell nazzjonali u reġjonali biex tfassal il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

7. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jammontaw għal 27,25 % tal-pakkett ġenerali tal-miżuri personalizzati u, għalhekk, huma taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

8. Jinnota li l-ispejjeż marbutin mal-assistenza teknika jirrappreżentaw perċentwal relattivament għoli tal-ispejjeż totali; iqis li dan huwa ġustifikat fid-dawl tal-fatt li din hija l-ewwel applikazzjoni tal-Estonja fil-qafas tal-FEG;

9. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Estonja li tgħaqqad żewġ setturi ekonomiċi f'applikazzjoni reġjonali waħda, peress li s-sensji seħħew fl-istess post, għaliex dan inaqqas il-piż amministrattiv u jippermetti li jiġu organizzati miżuri konġunti għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dawn iż-żewġ setturi;

10. Jinnota li l-awtoritajiet Estonjani assiguraw li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju, u li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

11. Jilqa' l-konferma tal-Estonja li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tieħu post l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata għandha l-obbligu li tagħmel skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

12. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, it-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Estonja li l-pakkett koordinat juri potenzjal kbir biex tiġi faċilitata din it-tranżizzjoni.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL


ANNESS: Ittra tal-tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Għażiż Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fl-24 ta' Ottubru 2016:

-  COM(2016)0622 jipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 131 358 għall-1 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt l-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni  19 (Manifattura tal-kokk u prodotti taż-żejt raffinat) u Diviżjoni 20 (Manifattura ta' sustanzi kimiċi u prodotti kimiċi), fl-Estonja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Alain Lamassoure, Stanisław Ożóg, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Linda McAvan, Virginie Rozière

Avviż legali - Politika tal-privatezza