Proċedura : 2016/2080(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0315/2016

Testi mressqa :

A8-0315/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 17
CRE 30/11/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0477

RAPPORT     
PDF 761kWORD 66k
28.10.2016
PE 587.462v01-00 A8-0315/2016

dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji - linji gwida

(2016/2080(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Pascal Durand

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji - linji gwida

(2016/2080(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 245 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni), u b'mod partikolari l-paragrafu 1(a), it-tielet subparagrafu tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati u l-interpretazzjoni tal-paragrafu 1(a) tal-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2), b'mod partikolari l-punti li jikkorrispondu għat-Taqsima II - Ir-Responsabilità Politika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-20 ta' April 2011(4), u b'mod partikolari l-Artikoli 1.3, 1.4, 1.5 u 1.6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0315/2016),

A.  billi, skont l-Anness XVI, paragrafu 1(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni), il-Parlament jista' jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet tal-portafolli mill-President elett tal-Kummissjoni u jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati; billi l-Parlament jistenna li tintbagħatlu l-informazzjoni kollha relatata mal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati, u li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom jintbagħtu għall-iskrutinju tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali;

B.  billi, skont il-punt 3 taħt it-Taqsima II (Ir-Responsabilità Politika) tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissarji nnominati għandhom jiżguraw li jagħtu t-tagħrif rilevanti kollu, bi qbil mal-obbligu ta' indipendenza li huma soġġetti għalih skont it-Trattati; billi din l-informazzjoni għandha tiġi żvelata f'konformità ma' proċeduri mfassla biex jiżguraw valutazzjoni trasparenti, ġusta u konsistenti tal-Kummissjoni nnominata kollha;

C.  billi, f'konformità mad-Deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 rigward l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati (interpretazzjoni tal-paragrafu 1(a) tal-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura), l-iskrutinju tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji ta' Kummissarju nnominat mill-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonsisti mhux biss fil-verifika li d-dikjarazzjoni tkun ġiet debitament mimlija, iżda wkoll fl-evalwazzjoni ta' jekk il-kontenut tad-dikjarazzjoni huwiex konformi u jekk jistax jindika kunflitt ta' interess;

D.  billi, skont l-Anness XVI, paragrafu 1(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Parlament għandu jevalwa l-Kummissarji nnominati fuq il-bażi, fost l-oħrajn, tal-indipendenza personali tagħhom, b'mod partikolari fid-dawl tar-rwol speċjali ta' garanti tal-interess tal-Unjoni assenjat lill-Kummissjoni Ewropea fit-Trattati;

E.  billi jfakkar, f'dan is-sens, li fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tat-8 ta' Settembru 2015, il-Parlament indika li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess kien prerekwiżit indispensabbli għas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, b'mod partikolari meta jitqies li l-mandat politiku tal-Kummissjoni ssaħħaħ fit-Trattat ta' Lisbona;

F.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-8 ta' Settembru 2015, il-Parlament qies bħala importanti li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jippubblika linji gwida fil-forma ta' rakkomandazzjoni jew rapport ta' inizjattiva, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riforma tal-proċeduri b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tagħha relatati mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji;

G.  billi, b'mod konformi mal-punt 1.3 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji dwar id-diżinteress personali, l-integrità, it-trasparenza, l-onestà, ir-responsabilità u r-rispett għad-dinjità tal-Parlament, il-Kummissarji għandhom jiddikjaraw kull interess finanzjarju u kull element ta' patrimonju li jista' joħloq kunflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom, u li din id-dikjarazzjoni hija wkoll valida għall-ishma kkontrollati mill-konjuġi/sieħeb tal-Kummissarju - kif definita bir-regoli fis-seħħ (5) - li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess;

H.  billi l-interessi finanzjarji li d-dikjarazzjoni tagħhom hija mitluba jikkonsistu f'kull forma ta' parteċipazzjoni finanzjarja individwalizzata fil-kapital ta' impriża;

I.  billi, skont il-punt 1.4 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, sabiex jiġi evitat kull riskju ta' kunflitt ta' interess, il-Kummissarji għandhom l-obbligu li jiddikjaraw l-attivitajiet professjonali tal-konjuġi/sieħeb tagħhom, u li din id-dikjarazzjoni għandha tindika n-natura tal-attività, id-denominazzjoni tal-kariga eżerċitata u, jekk applikabbli, l-isem tal-impjegatur;

J.  billi, skont il-punt 1.5 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, id-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji għandha ssir permezz ta' formola mehmuża mal-kodiċi ta' kondotta, u billi din għandha timtela u tkun disponibbli qabel is-seduta ta' smigħ tal-Kummissarju nnominat mill-Parlament u tiġi rriveduta waqt iż-żmien tal-kariga tal-Membru jekk tinbidel l-informazzjoni, u mill-inqas darba fis-sena;

K.  billi l-informazzjoni inkluża f'din il-formola hija limitata u insuffiċjenti, ma tinkludix definizzjoni dettaljata ta' x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess u għalhekk ma tippermettix lill-Parlament li jevalwa b'mod ġust u konsistenti l-eżistenza ta' kunflitti ta' interess attwali jew potenzjali tal-Kummissarju nnominat, u l-abilità tiegħu li jwettaq il-mandat tiegħu f'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji;

L.  billi, skont il-punt 1.6 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, Kummissarju ma għandu jittratta l-ebda kwistjoni li tinvolvi l-portafoll tiegħu meta huwa għandu xi interess personali, b'mod partikolari kull interess familjari jew finanzjarju li jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu;

M.  billi l-Kummissjoni hija finalment responsabbli mill-għażla tan-natura u l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-membri tagħha; billi, għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi b'mod preċiż il-livell ta' trasparenza meħtieġ għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura għall-ħatra ta' Kummissarji nnominati;

N.  billi, skont il-punt 5 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament jista' jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja f'Membru individwali tal-Kummissjoni; billi skont il-punt 7 tal-imsemmi Ftehim, il-President tal-Kummissjoni għandu jgħarraf lill-Parlament f'każ ta' ridistribuzzjoni tar-responsabilitajiet fost il-Kummissarji biex tkun tista' ssir il-konsultazzjoni parlamentari rilevanti rigward dawk il-bidliet;

O.  billi kumplessivament id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji attwali tal-Membri tal-Kummissjoni jistgħu jitqiesu bħala titjib meta mqabbla mal-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fl-2008-2009, iżda billi ma naqsux l-episodji li kienu jeħtieġu kjarifika ulterjuri dwar ċerti dikjarazzjonijiet ta' interess;P.  billi huwa deplorevoli li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji adottat fl-2011 jonqos milli jittratta b'mod adegwat bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament rigward titjib, b'mod partikolari, f'dawk li huma d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri tal-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-impjieg wara l-mandat u t-tisħiħ tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc li huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-kunflitti ta' interess; billi f'dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament dwar it-tibdil u t-titjib għall-proċedura ta' smigħ tal-Kummissarji nominati;Q.  billi wieħed mill-pilastri tal-governanza Ewropea huwa t-tisħiħ tal-etika u t-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tagħhom, b'mod partikolari fid-dawl tal-mandat politiku usa' fdat lill-Kummissjoni mit-Trattat ta' Lisbona;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Ifakkar li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji tal-Kummissarji għandu l-għan li jiżgura li l-Kummissarji nnominati jkunu kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom indipendentament u li jiżgura trasparenza u responsabilità massima min-naħa tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(3) tat-TUE, l-Artikolu 245 TFUE u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji; jinnota f'dan ir-rigward li dan l-eżerċizzju ma jistax jiġi limitat għall-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida, iżda għandu jsir ukoll f'każ li tinqala' pożizzjoni vakanti minħabba r-riżenja, l-irtirar obbligatorju jew il-mewt ta' Kummissarju, l-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid jew modifika sostanzjali ta' portafoll jew tal-interessi finanzjarji ta' Kummissarju;

2.  Iqis li l-evalwazzjoni ta' kunflitt ta' interess potenzjali għandha tkun ibbażata fuq fatturi konklużivi, oġġettivi u rilevanti b'rabta mal-portafoll tal-Kummissarju nnominat;

3.  Josserva li kunflitt ta' interess huwa definit bħala "kwalunkwe sitwazzjoni ta' interferenza bejn interess pubbliku u interessi pubbliċi u privati li x'aktarx taffettwa jew jidher li x'aktarx taffettwa l-eżerċizzju indipendenti, imparzjali u oġġettiv ta' dmir";

4.  Jikkonferma li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu l-kompetenza u r-responsabilità biex iwettaq analiżi sostantiva tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji permezz ta' skrutinju fil-fond biex jivvaluta jekk il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji ta' Kummissarju nnominat huwiex ġust u jikkonformax mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattati u l-Kodiċi ta' Kondotta, jew jekk jistax iwassal għal kunflitt ta' interess, u li għandu jkun jista' jipproponi s-sostituzzjoni ta' dak il-Kummissarju lill-President tal-Kummissjoni; jistieden, lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipprovdi l-għodod u l-informazzjoni fattwali kollha ħalli l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jkun jista' jagħmel analiżi kompleta u oġġettiva;

5.  Iqis li huwa essenzjali li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jkollu biżżejjed ħin sabiex jiżgura li din il-valutazzjoni dettaljata hija effikaċi.

6.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu janalizza kwistjonijiet relatati ma' dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-Kummissarji nnominati bl-akbar kunfidenzjalità, filwaqt li jiżgura wkoll, f'konformità mal-prinċipju ta' trasparenza, il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħu ladarba maħruġa;

7.  Iqis li, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jekk wara l-ħin allokat għall-mistoqsijiet li jixtieq jagħmel lill-Kummissarju nnominat, jinnota l-possibilità ta' kunflitt ta' interess, dan għandu jingħata d-dritt li jkompli bis-seduta ta' smigħ u jikseb il-kjarifiki meħtieġa;

Proċedura ta' reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji qabel is-seduta ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati

8.  Iqis li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, abbażi ta' analiżi sostantiva tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji, tikkostitwixxi prerekwiżit indispensabbli sabiex issir is-seduta ta' smigħ mill-Kumitat responsabbli(6);

9.  Jikkunsidra f'dan ir-rigward li fin-nuqqas ta' tali konferma jew fejn il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jidentifika l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess, il-proċess ta' ħatra tal-Kummissarju nnominat għandu jiġi sospiż;

10.  Iqis li għandhom ikunu applikati l-linji gwida li ġejjin waqt l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali:

a)  jekk, matul l-iskrutinju tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis, abbażi tad-dokumenti ppreżentati, li d-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji hija ġusta, kompluta u ma tinkludi l-ebda informazzjoni li tindika kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali b'rabta mal-portafoll tal-Kummissarju nnominat, il-President tiegħu għandu jibgħat ittra ta' konferma ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess lill-kumitati responsabbli mis-seduta ta' smigħ jew lill-kumitati rilevanti fil-każ ta' proċedura pendenti ta' mandat;

b)  jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li d-dikjarazzjoni tal-interessi ta' Kummissarju nnominat tippreżenta informazzjoni inkompleta jew inkonsistenti, jew inkella li l-iskrutinju ta' dawn tirrikjedi spjegazzjonijiet addizzjonali, f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura(7) u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(8), huwa għandu jitlob lill-Kummissarju nnominat l-informazzjoni mixtieqa mingħajr dewmien żejjed, u għandu jikkunsidraha u janalizzaha sew qabel jieħu d-deċiżjoni tiegħu; il-Kumitat responsabbli għall-Affarijiet Legali jista' jiddeċiedi, fejn xieraq, li jistieden lill-Kummissarju nnominat għal seduta ta' smigħ;

c)  jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jinnota li hemm kunflitt ta' interess abbażi tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji jew ta' informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-Kummissarju nnominat, dan għandu jfassal rakkomandazzjonijiet biex jintemm il-kunflitt ta' interess; dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu r-rinunzja tal-interessi finanzjarji inkwistjoni, b'tibdiliet li jsiru fil-portafoll tal-Kummissarju nnominat mill-President tal-Kummissjoni; F'każijiet aktar serji, jekk l-ebda rakkomandazzjoni ma tkun tista' tipprovdi soluzzjoni għall-kunflitt ta' interess, bħala l-aħħar għażla, il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jista' jikkonkludi dwar l-inabilità ta' Kummissarju nnominat biex jeżerċita l-funzjoni tiegħu/tagħha skont it-Trattat u l-Kodiċi ta' Kondotta; il-President tal-Parlament għandu jsaqsi lill-President tal-Kummissjoni x'passi ulterjuri biħsiebu jieħu;

Proċedura ta' reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji matul il-mandat

11.  Jenfasizza l-obbligu għall-Membri kollha tal-Kummissjoni li jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom huma aġġornati immedjatament kull meta jkun hemm xi tibdil fl-interessi finanzjarji tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament immedjatament bi kwalunkwe tibdil jew bi kwalunkwe ħaġa li tikkawża kunflitt ta' interess jew kunflitt potenzjali ta' interess li tinqala';

12.  Iqis, għaldaqstant, li d-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji trid tinkludi l-interessi tal-preżent jew tal-passat jew attivitajiet mill-aħħar sentejn li huma ta' natura patrimonjali, professjonali, personali jew familjari skont il-portafoll offrut; Id-dikjarazzjoni trid ukoll tqis il-fatt li l-interess jaf ikun relatat ma' vantaġġ għall-persuna involuta jew għal parti terza, u li dan jaf ikun ukoll ta' natura morali, materjali jew finanzjarja;

13.  Iqis li kwalunkwe modifika tal-interessi finanzjarji ta' Kummissarju matul il-mandat jew kwalunkwe ridistribuzzjoni tar-responsabilitajiet fost il-Kummissarji tikkostitwixxi sitwazzjoni ġdida fid-dawl ta' eżistenza possibbli ta' kunflitt ta' interess; iqis għaldaqstant li din is-sitwazzjoni għandha tkun soġġetta għal proċedura ta' reviżjoni mill-Parlament skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 10 ta' din ir-riżoluzzjoni u l-punt (2) tal-Anness XVI (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

14.  Ifakkar li, fil-każ ta' sostituzzjoni ta' Kummissarju matul il-mandat tiegħu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 246, il-Parlament għandu jiġi kkonsultat; iqis li din il-konsultazzjoni għandha tinkludi, fost l-oħrajn, verifika ta' assenza ta' kunflitt ta' interess skont il-paragrafu 10 ta' din ir-riżoluzzjoni, u f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVI (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) għar-Regoli ta' Proċedura tiegħu(9) rigward il-kompetenzi tal-Parlament Ewropew f'każ ta' modifika fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji jew modifika sostanzjali tal-portafoll tul il-mandat tiegħu;

15.  Iqis li, f'każ ta' kunflitt ta' interess identifikat matul il-mandat ta' Kummissarju u f'każ li l-President tal-Kummissjoni ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament sabiex jintemm il-kunflitt ta' interess kif stabbilit fil-paragrafu 10 ta' din ir-riżoluzzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jista' jirrakkomanda li l-Parlament jitlob lil-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċji minn dak il-Kummissarju, skont l-Artikolu 17(6) TUE u, fejn xieraq, li l-Parlament jitlob lill-President tal-Kummissjoni jaġixxi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 245 TFUE bil-ħsieb li l-Kummissarju inkwistjoni jiġi miċħud mid-dritt tiegħu għal pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha;

Kodiċi ta' Kondotta tal-Kummissarji

16.  Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji adottat fl-20 ta' April 2011 jippreżenta titjib fir-rigward tal-imparzjalità, l-integrità, it-trasparenza, id-diliġenza, l-onestà, ir-responsabilità u d-diskrezzjoni meta mqabbel mal-kodiċi preċedenti adottat fl-2004 fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji, billi r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni ġew estiżi għas-sħab tal-Kummissarji, u d-dikjarazzjoni tal-interessi teħtieġ tkun riveduta meta tinbidel l-informazzjoni u tal-anqas kull sena;

17.  Josserva li l-kredibilità tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji tiddependi mill-preċiżjoni tal-formola ppreżentata lill-Kummissarju nnominat; iqis li l-kamp ta' applikazzjoni attwali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji huwa limitat wisq u l-kontenut ta' spjegazzjoni tagħhom huwa ambigwu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi jipprovdu lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali b'informazzjoni preċiża li tista' tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha b'mod inekwivoku;

18.  Iqis li, sabiex tinkiseb stampa aktar kompluta tal-pożizzjoni finanzjarja ta' Kummissarju dikjaranti, id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji msemmija fil-punti 1.3 sa 1.5 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji għandhom jinkludu l-interessi finanzjarji u l-attivitajiet kollha tal-Kummissarju nnominat u tal-konjuġi/sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha, u m'għandhom bl-ebda mod ikunu limitati għal dawk "li x'aktarx jikkostitwixxu kunflitt ta' interessi";

19.  Iqis li l-interessi tal-familja msemmija fil-punt 1.6 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji għandhom jiġu inklużi fid-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tistabbilixxi mezz ġust biex tidentifika interessi tal-familja li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess;

20.  Huwa tal-fehma li, sabiex jiġu estiżi u mtejba r-regoli dwar il-kunflitt ta' interess, id-dikjarazzjonijiet tal-interessi għandhom jinkludu wkoll dettalji dwar kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali tal-Kummissarji nnominati li jaf toħloq kunflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom;

21.  Jiddeplora l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta jonqos milli jikkodifika b'mod xieraq ir-rekwiżit tal-Artikolu 245 tat-TFUE li "kemm waqt il-kariga, kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, [il-Kummissarji se] jirrispettaw l-obbligazzjonijiet, b'mod speċjali id-dmir tagħhom li jġibu rwieħhom b'integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji";

22.  Jiddeplora l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta jonqos milli jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżit ta' ċessjoni, minkejja l-fatt li rekwiżiti bħal dawn iridu jkunu standard fi kwalunkwe reġim ta' etika; iqis bħala prijorità li jirregola dan l-aspett mill-aktar fis possibbli;

23.  Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta ma jistabbilixxi l-ebda kalendarju konkret għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni qabel is-smigħ fil-Parlament tal-Kummissarji nominati; iqis dan ir-rekwiżit bħala aspett fundamentali tar-reviżjoni tal-proċedura ta' smigħ tal-Kummissarji nominati;

24.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tirrapportax b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, b'mod partikolari fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi tagħhom, u jqis li l-Kodiċi ta' Kondotta għandu jiġi emendat biex jipprevedi mekkaniżmi ta' lmenti jew sanzjonijiet fir-rigward ta' ksur, bl-eċċezzjoni tal-imġiba serjament skorretta kif imsemmi fl-Artikoli 245 u 247 TFUE;

25.  Jiddeplora, b'mod partikolari, it-tweġiba negattiva tal-President tal-Kummissjoni għat-talba tal-Ombudsman Ewropew biex jippubblika, b'mod proattiv, id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet ta' wara l-mandat ta' ex Kummissjarji, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc; jenfasizza li s-sempliċi pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni mhumiex biżżejjed biex jagħtu lill-Parlament u lis-soċjetà ċivili stampa ċara dwar l-interpretazzjoni fil-prattika tal-"kunflitti ta' interess potenzjali" u l-politiki dwar l-integrità żviluppati dwar dan mill-Kumitat ta' Etika Ad Hoc;

26.  Jirrimarka li l-ex Kummissarji kollha huma pprojbiti għal 18-il xahar milli jagħmlu attività ta' lobbying ma' Membri tal-Kummissjoni Ewropea u mal-persunal tagħhom favur in-negozju tagħhom, klijent tagħhom jew impjegatur tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom huma kienu responsabbli, iżda għandhom dritt għal allowance tranżitorja ġeneruża ħafna wara l-mandat tagħhom fil-Kummissjoni ta' bejn 40 u 65 fil-mija tal-aħħar salarju bażiku tagħhom għal tliet snin;

27.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta introduċa dispożizzjoni dwar ir-riallokazzoni tal-fajls bejn il-Membri tal-Kummissjoni fl-eventwalità ta' kunflitti ta' interess iżda jiddeplora l-fatt li:

(a)  ma hemm l-ebda definizzjoni dettaljata dwar x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess;

(b)  id-dispożizzjoni hija limitata għal kwistojnijiet fi ħdan il-portafoll tal-Kummissarju kkonċernat u b'hekk tinjora d-dmirijiet tal-Kummissarju bħala membru ta' kulleġġ;

(c)  ma hemm la kriterji biex il-President jiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni, la qafas vinkolanti biex il-Parlament jinżamm informat u lanqas proċedura fis-seħħ fl-eventwalità li Kummissarju jonqos milli jinnotifika kunflitt ta' interess jew li jwettaq kwalunkwe tip ta' attività li hija inkompatibbli man-natura ta' dmirijietu;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi, b'urġenza, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-2011 biex tqis ir-rakkomandazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu, u l-iżvilupp tal-istandards ġenerali dwar l-etika u t-trasparenza li japplikaw għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmodifika l-Kodiċi ta' Kondotta tagħha għall-Kummissarji bl-għan li tiżgura li:

(a)  il-Kummissarji jiddikjaraw l-interessi finanzjarji kollha tagħhom, inkluż l-attiv u l-passiv tagħhom ta' aktar minn EUR 10 000;

(b)  il-Kummissarji jiddikjaraw l-interessi kollha tagħhom (bħala azzjonisti, membri tal-bord tal-kumpanija, konsulenti, membri ta' fondazzjonijiet assoċjati, eċċ.) fir-rigward tal-kumpaniji kollha li huma kienu involuti fihom, inklużi interessi tal-familjarji mill-viċin, kif ukoll il-bidliet li saru meta l-kandidatura tagħhom saret magħrufa;

(c)  il-familjarji dipendenti u/jew diretti tal-Kummissarji jiddivulgaw l-istess informazzjoni għall-konjuġi jew is-sħab;

(d)  il-Kummissarji jikkjarifikaw kompletament l-objettivi tal-organizzazzjonijiet li huma kienu involuti fihom, jew li l-konjuġi tagħhom u/jew l-ulied dipendenti tagħhom huma involuti fihom, sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix xi kunflitt ta' interess;

(e)  il-Kummissarji jiddivulgaw l-adeżjoni tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva, soċjetà sigrieta jew assoċjazzjoni li tostor l-eżistenza tagħha li twettaq attivitajiet li huma maħsuba biex jinterferixxu fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet ta' korpi pubbliċi;

(f)  il-Kummissarji u l-familjarji dipendenti tagħhom jiddivulgaw l-adeżjoni tagħhom ma' kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva u kwalunkwe donazzjoni lill-NGOs ta' aktar minn EUR 500;

(g)  il-Kodiċi ta' Kondotta jiġi emendat, skont l-Artikolu 245 tat-TFUE, sabiex jestendi r-restrizzjoni ta' impjieg ta' wara l-mandat tal-Kummissarji għal sentejn;

(h)  il-Kodiċi ta' Kondotta jinkludi rekwiżiti speċifiċi dwar ċessjoni;

(i)  il-Kummissarji nominati jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f'kalendarju speċifiku u opportun minn qabel li jippermetti lill-Kumitat ta' Etika Ad Hoc biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu lill-Parlament dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali fi żmien opportun qabel is-seduti ta' smigħ fil-Parlament;

(j)  il-Kummissarji jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' lobbying li huma inklużi fir-Reġistru ta' Trasparenza, li fih informazzjoni dwar persuni li għandhom l-għan li jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika fl-istituzzjonijiet tal-UE;

(k)  il-Kummissarji jippreżentaw, meta jiġu maħtura, dikjarazzjoni ffirmata li huma jidhru quddiem kwalunkwe kumitat tal-Parlament fir-rigward tal-attivitajiet involuti fil-mandat tagħhom;

(l)  id-dikjarazzjoni tkun ippubblikata f'format kompatibbli ma' data miftuħa biex tkun tista' tiġi pproċessata faċilment permezz tal-bażijiet ta' data;

(m)  titjieb il-proċedura għar-riallokazzjoni tal-fajls fl-eventwalità ta' kunflitt ta' interess f'termini ta' kunsiderazzjoni tad-dmirijiet tal-Kummissarju bħala membru ta' Kulleġġ, l-introduzzjoni ta' kriterji dwar l-integrità u d-diskrezzjoni għall-President fir-rigward ta' deċiżjoni ta' riallokazzjoni tal-fajls, l-implimentazzjoni ta' proċedura vinkolanti u sanzjonijiet għall-każijiet li fihom Kummissarju jonqos milli jagħti informazzjoni dwar kunflitt ta' interess possibbli, u l-introduzzjoni ta' proċedura vinkolanti biex il-Parlament jinżamm informat dwar il-każijiet hawn fuq imsemmija;

(n)  il-Kummissjoni tirrapporta fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji u tipprevedi proċeduri ta' lmenti u sanzjonijiet fl-eventwalità mhux biss ta' mġiba serjament skorretta iżda wkoll ta' ksur tar-rekwiżiti, speċjalment fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji;

(o)  jiġu definiti l-kriterji għall-konformità mal-Artikolu 245 tat-TFUE, li jobbliga lill-Kummissarji biex "jġibu rwieħhom b'integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji";

(p)  id-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni għal attivitajiet ta' wara l-mandat ta' ex Kummissarji, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc, jiġu ppubblikati b'mod proattiv;

(q)  il-Kumitat ta' Etika Ad Hoc jkun magħmul minn esperti indipendenti li ma jkunux okkupaw il-pożizzjoni ta' Kummissarju;

(r)  il-Kumitat ta' Etika Ad Hoc ifassal u jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu, li jista' jinkludi kwalunkwe rakkomandazzjoni għal titjib tal-Kodiċi ta' Kondotta jew għall-implimentazzjoni tiegħu kif il-Kumitat Ad Hoc iqis xieraq.

29.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tidħol f'negozjati mal-Parlament sabiex tinkorpora l-emendi li jistgħu jkunu meħtieġa fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

30.  Jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex idaħħal fir-Regolament tal-Parlament, b'mod partikolari fl-Anness XVI, l-emendi li jirriżultaw neċessarji biex jiżgura l-implimentazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0096.

(2)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0287.

(4)

C(2011)2904.

(5)

Sieħeb jew sieħba stabbli mhux fiż-żwieġ, kif definit fir-Regolament Nru 2278/69 (ĠU L 289, 17.11.1969) u fl-Artikolu 1(2)(c) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(6)

Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014.

(7)

Ara punt 1a tal-Anness XVI għar-Regoli ta' Proċedura.

(8)

Ara t-Taqsima (II)(3) tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

(9)

Ara l-punt 2 tal-Anness XVI għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

L-Anness XVI għar-Regolament tal-Parlament Ewropew dwar il-linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni jipprevedi li ''Il-Parlament jista' jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati. Huwa jistenna li t-tagħrif dwar l-interessi finanzjarji tagħhom ikun żevalat bis-sħiħ. Id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Kummissarji nnominati għandhom jintbagħtu għall-iskrutinju tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali''.

Din id-dispożizzjoni sfortunatament ma tispjegax fil-fond il-portata eżatta tal-iskrutinju mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, b'mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk dan l-iskrutinju għandux jillimita ruħu għal analiżi formali tal-informazzjoni pprovduta jew jekk, għall-kuntrarju, għandux jipprovdi analiżi sostanzjali. Wara d-diffikultajiet prattiċi li rriżultaw minn dispożizzjoni daqstant ftit dettaljata - diffikultajiet li rriżultaw partikolarment importanti matul il-proċedura ta' ħatra tal-aħħar Kummissjoni Ewropea - il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċiedew li jitolbu kjarifiki lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Kostituzzjonali, li huwa responsabbli, inter alia, mill-interpretazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

L-interpretazzjoni rrakkomandata mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ġiet adottata mill-plenarja fit-28 ta' April 2015. Din taqra kif ġej:

"L-iskrutinju tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji ta' Kummissarju nnominat mill-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonsisti mhux biss fil-verifika li d-dikjarazzjoni tkun ġiet debitament mimlija, iżda wkoll fl-evalwazzjoni ta' jekk kunflitt ta' interess jistax jiġi dedott mill-kontenut tad-dikjarazzjoni. Huwa mbagħad għall-kumitat responsabbli għas-smigħ li jiddeċiedi jekk huwa jeħtieġx aktar informazzjoni mill-Kummissarju nnominat".

Din l-interpretazzjoni tikkonferma li l-analiżi għandha tkun sostanzjali, iżda timponi l-piż li jistaqsu mistoqsijiet addizzjonali fuq il-kumitat responsabbli għas-smigħ.

Għall-kuntrarju, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014, il-Parlament jenfasizza r-rwol tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, inkwantu "iqis li l-kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji maħtura min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandhom jittejbu; [...]; iqis li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, ibbażata fuq analiżi sostantiva tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji, tikkostitwixxi prekundizzjoni essenzjali biex il-kumitat responsabbli jkun jista' jorganizza s-seduta ta' smigħ” (paragrafu 4).

Għalhekk, il-Parlament ''iqis [...] li huwa importanti, għaldaqstant, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu, fix-xhur li ġejjin, jippubblika linji gwida fil-forma ta' rakkomandazzjoni jew rapport ta' inizjattiva, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riforma tal-proċeduri b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji; " (paragrafu 13).

Bħala reazzjoni għal din l-istedina tal-plenarja, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali talab biex jadotta rapport fuq inizjattiva proprja.

Il-pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur għandu l-għan li jifhem il-portata tal-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi mwettaq mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Għal dan l-għan, huwa jixtieq jindirizza kemm il-proċeduri interni tal-Parlament Ewropew fil-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida u matul il-mandat tagħha kif ukoll l-obbligi ta' trasparenza imposti fuq il-Kummissarji.

B'mod ġenerali, ir-rapporteur jikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-fatt li l-verifika tan-nuqqas ta' kunflitt ta' interess ma tistax titqiegħed fuq l-istess livell bħall-valutazzjoni tal-kompetenza tal-applikant, u għandha għalhekk tikkostitwixxi prerekwiżit għas-smigħ. Huwa jikkunsidra wkoll li l-kunċett ta' kunflitt ta' interess għandu jkun strettament limitat għal elementi oġġettivi u verifikabbli u għandu jinftiehem biss f'rabta ma' portafoll speċifiku.

Huwa jikkonkludi għalhekk li r-rwol tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali huwa kemm li jevalwa l-eżistenza ta' kunflitt potenzjali ta' interess u, fejn ikun xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet biex isolvih. Dawn jistgħu jinkludu rinunzja għal ċerti interessi finanzjarji jew il-modifika tal-portafoll. Biex iwettaq dan l-eżami, huwa jqis li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu, f'każ ta' dikjarazzjoni dubjuża, mhux kompluta jew kontradittorja, jitlob informazzjoni addizzjonali.

Ir-rapporteur jemmen ukoll li l-kontrolli tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji u tal-kunflitt ta' interess potenzjali fir-rigward tal-Membri tal-Kummissjoni trid testendi lil hinn mis-sempliċi proċedura tal-ħatra tal-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, jikkunsidra li kwalunkwe bidla sostanzjali tal-interessi finanzjarji ta' Kummissarju matul il-mandat jew kwalunkwe ridistribuzzjoni tar-responsabilitajiet fost il-Membri tal-Kummissjoni jikkostitwixxu sitwazzjoni ġdida fid-dawl tal-eżistenza possibbli ta' kunflitt ta' interess, u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta' skrutinju mill-Parlament.

Ir-rapporteur jindirizza wkoll lill-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, din hija finalment responsabbli mill-għażla ta' informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-membri tagħha. Għalhekk, ir-rapporteur jipproponi lill-Kummissjoni twettaq serje ta' emendi lill-Kodiċi ta' Kondotta kif ukoll dikjarazzjonijiet ta' interess li jiżguraw li dawn tal-aħħar jinkludu biżżejjed informazzjoni għall-evalwazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji u li l-Parlament għandu jkun infurmat bi kwalunkwe modifika.

Ir-rapporteur iqis ukoll li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali għandu jiġi mistieden jintroduċi fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, b'mod partikolari fl-Anness XVI, l-emendi li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-linji gwida identifikati fir-rapport.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (Sena fiskali 28.92016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji - Linji gwida

(2016/2080(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ingeborg Gräßle

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 245 tiegħu,

A.  billi kumplessivament id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji attwali tal-Membri tal-Kummissjoni jistgħu jitqiesu bħala titjib meta mqabbla mal-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fl-2008-2009, iżda billi ma naqsux l-episodji li kienu jeħtieġu kjarifika ulterjuri dwar ċerti dikjarazzjonijiet ta' interess;

B.  billi huwa deplorevoli li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji adottat fl-2011 jonqos milli jittratta b'mod adegwat bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament rigward titjib, b'mod partikolari, dawk li huma d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri tal-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-impjieg wara l-mandat u t-tisħiħ tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc li huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-kunflitti ta' interess; billi f'dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament dwar it-tibdil u t-titjib għall-proċedura ta' smigħ tal-Kummissarji nominati;

C.  billi wieħed mill-pilastri tal-governanza Ewropea huwa t-tisħiħ tal-etika u t-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tagħhom, b'mod partikolari fid-dawl tal-mandat politiku usa' fdat lill-Kummissjoni mit-Trattat ta' Lisbona;

Titjib fl-ambitu tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-2011

1.  Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji adottat fl-20 ta' April 2011 (C(2011)2904) jippreżenta titjib fir-rigward tal-imparzjalità, l-integrità, it-trasparenza, id-diliġenza, l-onestà, ir-responsabbiltà u d-diskrezzjoni meta mqabbel mal-kodiċi preċedenti adottat fl-2004 fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji, billi r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni ġew estiżi għas-sħab tal-Kummissarji, u d-dikjarazzjoni tal-interessi teħtieġ tkun riveduta meta tinbidel l-informazzjoni u tal-anqas kull sena;

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat CONT

2.  Jikkundanna l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta tal-2011 naqas milli jittratta r-rakkomandazzjonijiet kollha fformulati mill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit fit-2 ta' Marzu 2011(1), u jirrimarka, b'mod partikolari, li l-Kummissarji għandhom jintalbu jiddikjaraw l-interessi finanzjarji jew l-attiv kollha tagħhom mhux biss dawk l-interessi jew assi "li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom", li ma hemm l-ebda rekwiżit ta' dikjarazzjoni tad-djun u tal-passiv u li l-ulied dipendenti mhumiex mitluba jipproduċu l-istess informazzjoni bħall-konjuġi;

3.  Jenfasizza b'mod partikolari li l-Kummissarji huma mistennija jimxu skont il-ġudizzju tagħhom dwar xiex jista' joħloq kunflitt ta' interess fin-nuqqas ta' definizzjoni ċara jew qafas regolatorju li jiggwidahom, b'mod speċjali fid-dawl tar-rwol tal-Kummissjoni bħala Gwardjan tat-Trattati;

Implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea

4.  Jesprimi tħassib dwar l-istudju aġġornat bit-titolu "The Code of conduct for Commissioners - Improving effectiveness and efficiency" (Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji - Titjib fl-effikaċja u fl-effiċenza) (IP/D/CONT/IC/2014-053), li sab għadd ta' nuqqasijiet fid-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Membri attwali tal-Kummissjoni, prinċipalment:

(a)  fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-karigi okkupati matul dawn l-aħħar għaxar snin fil-fondazzjonijiet jew f'korpi simili, billi l-iskop tal-organizzazzjoni mhijiex ċara biżżejjed biex issir valutazzjoni tal-eżistenza ta' kunflitt ta' interess possibbli;

(b)  fir-rigward tad-deskrizzjoni tan-natura tal-"attivitajiet professjonali oħra";

(c)  fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' sjieda ta' ishma ta' kumpanija, stokks jew proprjetà oħra, jew drittijiet li jirrappreżentaw assi u assi intanġibbli oħra;

(d)  fir-rigward tal-beni immobbli, peress li l-Kummissarji jiddikjaraw beni immobbli li huma djar għall-użu esklużiv tas-sid minkejja li dan it-tip ta' beni immobbli huwa eżenti mir-rekwiżit ta' dikjarazzjoni;

Jenfasizza li ma għandhom jittieħdu ebda konklużjonijiet mgħaġġla li ma jistgħux jiġu sostanzjati b'fatti bbażati fuq analiżi komprensiva tas-settijiet ta' data miġbura s'issa;

5.  Jiddispjaċih li l-Kodiċi ta' Kondotta jonqos milli jikkodifika b'mod xieraq ir-rekwiżit tal-Artikolu 245 tat-TFUE li "kemm waqt il-kariga, kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, [il-Kummissarji se] jirrispettaw l-obbligazzjonijiet [...] b'mod speċjali id-dmir tagħhom li jġibu rwieħhom b'integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji";

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta jonqos milli jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżit ta' ċessjoni, minkejja l-fatt li rekwiżiti bħal dawn iridu jkunu standard fi kwalunkwe reġim ta' etika; iqis bħala prijorità li jirregola dan l-aspett mill-aktar fis possibbli;

7.  Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta ma jistabbilixxi l-ebda kalendarju konkret għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni qabel is-smigħ fil-Parlament tal-Kummissarji nominati; iqis dan ir-rekwiżit bħala aspett fundamentali tar-reviżjoni tal-proċedura ta' smigħ tal-Kummissarji nominati;

8.  Jiddispjaċih li d-dikjarazzjoni hija ppubblikata biss f'format PDF, li huwa diffiċli li jiddaħħal f'bażi ta' data elettronika;

9.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tirrapportax b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, b'mod partikolari fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi tagħhom, u jqis li l-Kodiċi ta' Kondotta għandu jiġi emendat biex jipprevedi mekkaniżmi ta' lmenti jew sanzjonijiet fir-rigward ta' ksur, bl-eċċezzjoni tal-imġiba serjament skorretta kif imsemmi fl-Artikoli 245 u 247 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jiddispjaċih, b'mod partikolari, dwar it-tweġiba negattiva tal-President tal-Kummissjoni għat-talba tal-Ombudsman Ewropew biex jippubblika, b'mod proattiv, id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet ta' wara l-mandat ta' ex Kummissjarji, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc; jenfasizza li s-sempliċi pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni mhumiex biżżejjed biex jagħtu lill-Parlament u lis-soċjetà ċivili stampa ċara dwar l-interpretazzjoni fil-prattika tal-"kunflitti ta' interess potenzjali" u l-politiki dwar l-integrità żviluppati dwar dan mill-Kumitat ta' Etika Ad Hoc;

11.  Jirrimarka li l-ex Kummissarji kollha huma pprojbiti għal 18-il xahar milli jagħmlu attività ta' lobbying ma' Membri tal-Kummissjoni Ewropea u mal-persunal tagħhom favur in-negozju tagħhom, klijent tagħhom jew impjegatur tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom huma kienu responsabbli, iżda għandhom dritt għal allowance tranżitorja ġeneruża ħafna wara l-mandat tagħhom fil-Kummissjoni ta' bejn 40 u 65 fil-mija tal-aħħar salarju bażiku tagħhom matul tliet snin;

12.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta introduċa dispożizzjoni dwar ir-riallokazzoni tal-fajls bejn il-Membri tal-Kummissjoni fl-eventwalità ta' kunflitti ta' interess potenzjali iżda jiddispjaċih li:

(a)  ma hemm l-ebda definizzjoni dettaljata dwar x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess;

(b)  id-dispożizzjoni hija limitata għal materji fi ħdan il-portafoll tal-Kummissarju kkonċernat u b'hekk tinjora d-dmirijiet tal-Kummissarju bħala membru ta' kulleġġ;

(c)  ma hemm la kriterji biex il-President jiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni, la qafas vinkolanti biex il-Parlament jinżamm informat u lanqas proċedura fis-seħħ fl-eventwalità li Kummissarju jonqos milli jinnotifika kunflitt ta' interess jew li jwettaq kwalunkwe tip ta' attività li hija inkompatibbli man-natura ta' dmirijietu;

Rakkomandazzjonijiet

13.  Jirrimarka li n-nuqqas ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess jeħtieġ li jkun prerekwiżit fundamentali li jrid jiġi sodisfatt qabel is-smigħ tal-Kummissarji, u li l-formoli tad-dikjarazzjoni ta' interess finanzjarju jeħtieġ, għaldaqstant, li jimtlew u jkunu disponibbli qabel ma l-Kummissjarju jidher quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew rilevanti, u li dawn għandhom jiġu riveduti minn tal-inqas darba fis-sena u kull darba li jkun hemm bidla għall-informazzjoni kkonċernata;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, peress li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli biex tiżgura l-grad ta' trasparenza meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-proċedura għall-ħatra tal-Kummissarji, biex tagħmel titjib sostanzjali lill-formoli tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji, sabiex il-Parlament ikun jista' jagħmel valutazzjoni preċiża, l-ewwel nett, dwar jekk il-Kummissarji għandhomx kunflitti ta' interess reali jew potenzjali u, it-tieni nett, dwar l-kapaċità tal-Kummissarji li jaqdu l-mandat tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-2011 b'urġenza biex tqis ir-rakkomandazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu, u l-iżvilupp tal-istandards ġenerali dwar l-etika u t-trasparenza li japplikaw għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmodifika l-Kodiċi ta' Kondotta tagħha għall-Kummissarji bl-għan li tiżgura li:

(a)  il-Kummissarji jiddikjaraw l-interessi finanzjarji kollha tagħhom, inkluż l-attiv u l-passiv tagħhom ta' aktar minn EUR 10 000;

(b)  il-Kummissarji jiddikjaraw l-interessi kollha tagħhom (bħala azzjonisti, membri tal-bord tal-kumpanija, konsulenti, membri ta' fondazzjonijiet assoċjati, eċċ.) fir-rigward tal-kumpaniji kollha li huma kienu involuti fihom, inklużi interessi tal-familjarji mill-viċin, kif ukoll il-bidliet li saru meta l-kandidatura tagħhom saret magħrufa;

(c)  il-familjarji dipendenti u/jew diretti tal-Kummissarji jiddivulgaw l-istess informazzjoni għall-konjuġi jew is-sħab;

(d)  il-Kummissarji jikkjarifikaw kompletament l-objettivi tal-organizzazzjonijiet li huma kienu involuti fihom, jew li l-konjuġi tagħhom u/jew l-ulied dipendenti tagħhom huma involuti fihom, sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix xi kunflitt ta' interess;

(e)  il-Kummissarji jiddivulgaw l-adeżjoni tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva, soċjetà sigrieta jew assoċjazzjoni li tostor l-eżistenza tagħha li twettaq attivitajiet li huma maħsuba biex jinterferixxu fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet ta' korpi pubbliċi, u kwalunkwe donazzjoni lil NGOs ta' aktar minn EUR 500;

(f)  il-Kummissarji u l-familjarji dipendenti tagħhom jiddivulgaw l-adeżjoni tagħhom ma' kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva u kwalunkwe donazzjoni lill-NGOs ta' aktar minn EUR 500;

(g)  il-Kodiċi ta' Kondotta jiġi emendat, skont l-Artikolu 245 tat-TFUE, sabiex jestendi r-restrizzjoni ta' impjieg ta' wara l-mandat tal-Kummissarji għal sentejn;

(h)  il-Kodiċi ta' Kondotta jinkludi rekwiżiti speċifiċi dwar ċessjoni;

(i)  il-Kummissarji nominati jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom fkalendarju speċifiku u opportun minn qabel li jippermetti lill-Kumitat ta' Etika Ad Hoc biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu lill-Parlament dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali fi żmien opportun qabel is-seduti ta' smigħ fil-Parlament;

(j)  il-Kummissarji jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' lobbying li huma inklużi fir-Reġistru ta' Trasparenza, li fih informazzjoni dwar persuni li għandhom l-għan li jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika fl-istituzzjonijiet tal-UE;

(k)  il-Kummissarji jippreżentaw, meta jiġu maħtura, dikjarazzjoni ffirmata li huma jidhru quddiem kwalunkwe kumitat tal-Parlament fir-rigward tal-attivitajiet involuti fil-mandat tagħhom;

(l)  id-dikjarazzjoni tkun ippubblikata f'format kompatibbli ma' data miftuħa biex tkun tista' tiġi pproċessata faċilment permezz tal-bażijiet ta' data;

(m)  il-Kummissjoni tirrevedi l-punt 1.3 tal-Kodiċi ta' Kondotta, li jistabbilixxi li l-Kummissarji jeħtieġ li jiddikjaraw kwalunkwe interess jew assi finanzjarju li jista' joħloq kunflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom, u b'mod partikolari id-definizzjoni ta' kunflitti ta' interess sabiex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji kollha u r-regoli relatati jkunu definiti b'mod ċar u sabiex ikunu ta' gwida kemm għall-Kummissarji nominati kif ukoll għall-Kummissarji fil-kariga dwar kif jimplimentaw bi sħiħ u b'mod komprensiv il-parti 1.3 tal-Kodiċi ta' Kondotta.

(n)  titjieb il-proċedura għar-riallokazzjoni tal-fajls fl-eventwalità ta' kunflitt ta' interess f'termini ta' kunsiderazzjoni tad-dmirijiet tal-Kummissarju bħala membru ta' Kulleġġ, l-introduzzjoni ta' kriterji dwar l-integrità u d-diskrezzjoni għall-President fir-rigward ta' deċiżjoni ta' riallokazzjoni tal-fajls, l-implimentazzjoni ta' proċedura vinkolanti u sanzjonijiet għall-każijiet li fihom Kummissarju jonqos milli jagħti informazzjoni dwar kunflitt ta' interess possibbli, u l-introduzzjoni ta' proċedura vinkolanti biex il-Parlament jinżamm informat dwar il-każijiet hawn fuq imsemmija;

(o)  il-Kummissjoni tirrapporta fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji u tipprevedi proċeduri ta' lmenti u sanzjonijiet fl-eventwalità mhux biss ta' mġiba serjament skorretta iżda wkoll ta' ksur tar-rekwiżiti, speċjalment fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji;

(p)  jiġu definiti l-kriterji għall-konformità mal-Artikolu 245 tat-TFUE, li jobbliga lill-Kummissarji biex "jġibu rwieħhom b'integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji";

(q)  id-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni għal attivitajiet ta' wara l-mandat ta' ex Kummissarji, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc, jiġu ppubblikati b'mod proattiv;

(r)  il-Kumitat ta' Etika Ad Hoc jkun magħmul minn esperti indipendenti li ma jkunux okkupaw il-pożizzjoni ta' Kummissarju;

(s)  il-Kumitat ta' Etika Ad Hoc ifassal u jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu, li jista' jinkludi kwalunkwe rakkomandazzjoni għal titjib tal-Kodiċi ta' Kondotta jew għall-implimentazzjoni tiegħu kif il-Kumitat Ad Hoc iqis xieraq.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cătălin Sorin Ivan, Andrey Novakov, Julia Pitera, Richard Sulík

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Edouard Ferrand

(1)

Ittra mill-Onor. De Magistris, President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, lill-Onor. Lehne, President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Constance Le Grip, Virginie Rozière

Avviż legali - Politika tal-privatezza