RAPPORT dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża

31.10.2016 - (2016/2052(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Urmas Paet

Proċedura : 2016/2052(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0316/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża

(2016/2052(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(6) tat-TUE dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-TUE dwar l-alleanza ta' difiża;

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-TUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 u tat-18 ta' Novembru 2014 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa[1];

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008[3], li tistabbilixxi fl-Artikolu 89 tagħha "li d-drittijiet fundamentali ma jiqfux sal-bibien tal-għassa", u "li japplikaw ukoll bis-sħiħ għaċ-ċittadini bl-uniformi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati wkoll fil-forzi armati",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-Aja tat-8 ta' April 2016, ta' Lussemburgu tas-6 ta' Settembru 2015, ta' Riga tas-6 ta' Marzu 2015, ta' Ruma tas-7 ta' Novembru 2014, ta' Ateni tal-4 ta' April 2014, ta' Vilnius tas-6 ta' Settembru 2013, ta' Dublin tal-25 ta' Marzu 2013 u ta' Paphos tal-10 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fil-laqgħa informali "Gymnich" tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tat-2 ta' Settembru 2016, li għal darb'oħra għamlet referenza għal "tieqa ta' opportunità" biex isir progress solidu fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża;

–  wara li kkunsidrat id-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha - Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-VP/RGħ fis-27 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mir-RGħ/VP u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem 'Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti' (COM(2013)0542),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Arranġament ġdid għad-Difiża Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar id-difiża,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet tad-Direttiva 2009/81/KE tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE dwar trasferimenti intra-UE ta' prodotti relatati mad-difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu "L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministru tad-Difiża u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja tal-10 ta' Awwissu 2016 li tagħmel appell għal Schengen tad-Difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u dak Franċiż tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar "Ewropa b'saħħitha f'dinja inċerta,

–  wara li kkunsidra l-possibilità ta' seċessjoni tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0316/2016),

A.  billi f'dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u madwarha ħżienet b'mod sinifikanti u din ħolqot sfidi diffiċli u mingħajr preċedent li l-ebda pajjiż jew organizzazzjoni ma jistgħu jiffaċċjaw waħedhom; billi l-Ewropa, aktar minn qatt qabel, qed tiffaċċja t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju tagħha, filwaqt li qed tkompli l-firxa tat-terroriżmu u l-pjaga tal-vjolenza kontinwa fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani; billi s-solidarjetà u r-reżiljenza jirrikjedu li l-UE tirreaġixxi u taġixxi flimkien u b'mod sistematiku, u li dan isir flimkien mal-alleati u s-sħab tagħna u ma' pajjiżi terzi; billi l-prevenzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà, it-tmiem tal-kunflitt armat, il-qerda tal-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, it-tifrix tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-terroriżmu huma prijoritajiet għall-UE u ċ-ċittadini tagħha u jenħtieġ li dan ikun is-suġġett ta' impenn kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tal-UE, inkluż permezz ta' korpi ta' inġiniera militari maħluqa biex jiġu indirizzati ċerti sfidi prattiċi ħafna dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali fil-pajjiżi terzi; billi jentħieġ li l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha u aktar rapida f'sitwazzjonijiet ta' theddid reali;

B.  billi t-terroriżmu, it-theddid ibridu, il-volatilità ekonomika, l-insigurtà ċibernetika u enerġetika, il-kriminalità organizzata u t-tibdil fil-klima jikkostitwixxu theddid li ġej minn dinja ta' kuljum aktar kumplessa u interkonnessa, fejn l-UE għandha tagħmel l-almu tagħha u tfittex il-mezzi sabiex tagħti garanzija ta' sigurtà u twassal il-prosperità u d-demokrazija; billi s-sitwazzjoni finanzjarja u ta' sigurtà attwali tirrikjedi li l-forzi armati Ewropej jikkollaboraw aktar mill-qrib u li l-persunal militari jitħarreġ u jaħdem aktar flimkien u aħjar; billi skont l-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016, madwar żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li jkun hemm aktar parteċipazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża; billi d-distinzjoni bejn is-sigurtà interna u esterna qed issir dejjem aktar imċajpra; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-prevenzjoni tal-konflitt, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-instabilità u l-iżġurar s-sigurtà tal-bniedem; billi t-tibdil fil-klima hi theddida ewlenija għas-sigurtà globali, għall-paċi u l-istabilità li tamplifika t-theddid għas-sigurtà tradizzjonali, inter alia billi tnaqqas l-aċċess għall-ilma ħelu u għall-prodotti tal-ikel għal popolazzjonijiet f'pajjiżi fraġli u li qed jiżviluppaw u b'hekk iwasslu għal tensjonijiet ekonomiċi u soċjali, li jġiegħlu lin-nies jemigraw, jew joħolqu tensjonijiet politiċi u riskji għas-sigurtà;

C.  billi l-VP/RGħ inkludiet is-sigurtà tal-Unjoni bħala waħda mill-ħames prijoritajiet ewlenin tagħha għal "Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea);

D.  billi t-Trattat ta' Lisbona jitlob li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ċivili u militari adatti għal missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; billi l-kapaċità tal-bini tas-sigurtà u d-difiża stabbilita fit-Trattati bl-ebda mod mhi ottimali; billi l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jibnu Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża li, fi żmien xieraq, għandha twassal għall-istabbiliment tal-Forzi Armati Ewropej; billi l-istituzzjonijiet Ewropej jista' wkoll jkollhom rwol sinifikanti ħafna x'jaqdu fit-tnedija ta' inizjattivi politiċi; billi s'issa l-Istati Membri wrew nuqqas ta' rieda biex jibnu Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża, għax beżgħu li din se jkun ta' theddida għas-sovranità nazzjonali tagħhom;

E.  billi l-kost tan-non-Ewropa fid-difiża u s-sigurtà huwa stmat għal EUR 26,4 biljun fis-sena[4], b'riżultat tad-duplikazzjoni, il-kapaċità żejda u l-ostakoli għall-akkwist tad-difiża;

F.  billi l-Artikolu 42 tat-TUE jirrikjedi d-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni fil-qafas tal-PSDK, li għandha twassal għal difiża komuni fil-livell tal-UE meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi dan b'unanimità; billi l-Artikolu 42(2) tat-TUE jirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri li jadottaw tali deċiżjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom;

G.  billi l-Artikolu 42 tat-TUE jipprevedi wkoll il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ta' difiża, kif ukoll definizzjoni ta' politika Ewropea dwar il-kapaċitajiet u armamenti; billi dan l-Artikolu jeħtieġ ukoll li l-isforzi tal-UE għandhom ikunu kompatibbli u komplementari man-NATO u ta' tisħiħ reċiproku; billi politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tippromwovi s-sigurtà fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħha, kif ukoll it-tisħiħ tas-sħubija man-NATO u r-relazzjonijiet transatlantiċi, u għaldaqstant tippermetti NATO aktar b'saħħitha, konsegwentement billi ssir promozzjoni territorjali, reġjonali u globali fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, aktar effikaċi; billi l-aktar Dikjarazzjoni Konġunta reċenti tas-Summit ta' Varsavja tan-NATO tal-2016 dwar sħubija strateġika bejn in-NATO u l-UE rrikonoxxiet ir-rwol tan-NATO u l-appoġġ li l-UE tista' tagħti biex jintlaħqu l-għanijiet komuni; billi l-Unjoni Ewropea ta' Difiża (EDU) għandha tiżgura ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU;

H.  billi l-gruppi tattiċi tal-UE, li laħqu l-kapaċità operattiva sħiħa fl-2007 u li huma maħsuba biex jintużaw għal kompiti militari ta' natura umanitarja, ta' żamma ta' paċi u ta' ħolqien ta' paċi, s'issa għadhom qatt ma ntużaw, minkejja l-opportunità u l-ħtieġa li tirriżulta, minħabba ostakoli proċedurali, finanzjarji u politiċi; jenfasizza li dan jirrappreżenta opportunità mitlufa f'termini ta' tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala attur globali importanti għall-istabilità u l-paċi;

I.  billi ħlief għall-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), ma kien stabbilit, deċiż jew implimentat l-ebda wieħed mill-elementi neqsin tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni tal-UE; billi l-EDA għad teħtieġ bidla radikali tal-organizzazzjoni tagħha biex tkun tista' tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u biex tixhed li tiġġenera valur miżjud, din tagħmel il-PSDK aktar effikaċi u tista' twassal għal armonizzazzjoni tal-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali f'dawk l-oqsma li huma rilevanti għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK bi qbil il-kompiti ta' Petersberg kif deskritt fl-Artikolu 43 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw u jimpenjaw ruħhom fl-EDA sabiex ikun jista' jinkiseb dan l-għan;

J.  billi Strateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà teħtieġ li l-UE sistematikament tħeġġeġ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, tul il-firxa sħiħa ta' kapaċitajiet, sabiex tkun tista' tirreaġixxi għall-kriżijiet esterni, tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet ta' sħabna, biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-Ewropa, u toħloq industrija tad-difiża Ewropea b'saħħitha, li hi kruċjali għall-awtonomija strateġika ta' deċiżjoni u azzjoni tal-Unjoni; billi għandu jintlaħaq qbil mill-membri kollha tal-Kunsill dwar kwalunkwe miżura, qabel l-implimentazzjoni tagħha;

K.  billi l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015, li ffoka parzjalment fuq id-difiża, appella għal trawwim ta' kooperazzjoni ta' difiża Ewropea akbar u aktar sistematika bil-għan li jiġu pprovduti kapaċitajiet ewlenin, inkluż permezz tal-użu ta' fondi tal-UE fejn xieraq, filwaqt li jinnota li l-kapaċitajiet militari huma proprjetà ta' u mħaddma mill-Istati Membri;

L.  billi fis-17 ta' Novembru 2015, Franza invokat l-Artikolu 42(7) tat-TUE u sussegwentement talbet u immaniġġjat l-kontributi ta' għajnuna u assistenza tal-Istati Membri l-oħra fuq bażi purament bilaterali;

M.  billi l-Ktieb Abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża għandu jkompli jsaħħaħ il-PSDK u jtejjeb il-kapaċità tal-UE li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà f'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, u jista' jkun riflessjoni utli dwar il-PSDK tal-ġejjieni u PSDK aktar effettiva; billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma lokalizzati f'reġjuni bħal fil-Qarn tal-Afrika u fis-Saħel, li huma milquta ħafna mill-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima, bħan-nixfa u d-degrad tal-art;

N.  billi l-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill ppromwoviet l-idea ta' Ktieb Abjad tal-UE; billi l-pajjiżi Visegrád laqgħu l-idea ta' integrazzjoni Ewropea tad-difiża aktar b'saħħitha; u billi l-Ġermanja appellat għal Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża fil-White Paper tal-2016 dwar "German Security Policy and the Future of the Bundeswehr (Il-Politika ta' Sigurtà Ġermaniża l-Futur tal-Bundeswehr)";

O.  billi l-integrazzjoni gradwali tad-difiża hi l-aqwa possibilità biex nagħmlu aktar b'inqas flus, u billi l-White Paper tista' toffri opportunità unika biex jiġu proposti passi addizzjonali;

Unjoni Ewropea tad-Difiża

1.  Ifakkar li biex l-Ewropa tiżgura s-sigurtà fit-tul tagħha, teħtieġ rieda politika u determinazzjoni li jkunu sostnuti minn ġabra estiża ta' strumenti ta' politika rilevanti, inklużi kapaċitajiet militari b'saħħithom u moderni; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew imexxi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni u biex jingħataw riżorsi finanzjarji addizzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, bil-għan li din tiġi stabbilita fil-Qafas Politiku u Finanzjarju Pluriennali tal-UE (QFP); ifakkar li l-ħolqien ta' politika tad-difiża komuni tal-Unjoni ġejja mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni skont it-Trattat ta' Lisbona, li hija marbuta bid-dritt internazzjonali u fil-fatt hi indispensabbli biex l-UE tippromwovi l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jilqa' f'dan ir-rigward l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri li għadhom għaddejjin bil-għan li jiġu integrati aktar l-isforzi tagħna ta' difiża komuni, b'kont meħud ukoll tal-kontributi importanti ħafna li jista' jagħti l-Ktieb Abjad dwar is-sigurtà u d-difiża;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jużaw il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment fir-rigward tal-PSDK, b'referenza speċjali għall-kooperazzjoni strutturata permanenti tal-Artikolu 42(6) tat-TUE jew tal-fond ta' tnedija tal-Artikolu 41(3) tat-TUE; ifakkar li l-kompiti ta' Petersberg tal-Artikolu 43 tat-TUE jikkonsistu f'lista twila ta' kompiti militari ambizzjużi, bħal operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, kompiti umanitarji u ta' salvataġġ, kompiti ta' għoti ta' pariri u assistenza militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' konflitti u taż-żamma tal-paċi, u kompiti ta' forzi ta' kumbattiment fl-imaniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment tal-paċi u ta' stabbilizzazzjoni wara l-kunflitti; ifakkar li l-istess Artikolu jiddikjara wkoll li dawn il-kompiti kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom; jenfasizza li l-istat attwali tal-PSDK ma jippermettix lill-UE tissodisfa l-kompiti kollha elenkati; jemmen li fl-ordni tal-ġurnata għandha tkun il-ħidma sistematikadwar modi kif l-UE tkun tista' tissodisfa l-objettivi tat-Trattat ta' Lisbona;

3.  Huwa tal-fehma li EDU tassew b'saħħitha għandha toffri garanziji u kapaċitajiet lill-Istati Membri lil hinn minn dawk individwali tagħhom;

4.  Jemmen li t-triq lejn l-EDU għandha tibda minn PSDK riveduta bir-reqqa, ibbażata fuq il-prinċipju ta' difiża kollettiva, finanzjament effikaċi u koordinament man-NATO; iqis li, bħala pass meħtieġ lejn l-EDU, biż-żieda tal-integrazzjoni tas-sigurtà interna u esterna, il-PSDK jeħtieġ li jimxi lil hinn mill-immaniġġar ta' kriżijiet esterni sabiex verament tkun żgurata politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fl-ispazju kollu ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-fażijiet kollha ta' kriżijiet u kunflitti, bl-użu tal-firxa sħiħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha, sal-Artikolu 42(7) tat-TUE;

5.  Jenfasizza l-bżonn tal-ħolqien ta' konfigurazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tad-Difiża li jipprovdi tmexxija politika sostnuta u li jikkoordina l-ħolqien ta' qafas tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jappella lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi, bħala l-ewwel pass, format ta' laqgħa permanenti li jlaqqa' flimkien lill-ministri tad-difiża tal-Istati Membri li huma impenjati favur kooperazzjoni tad-difiża aktar profonda bħala forum għall-konsultazzjoni u għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

6.  Jappella lill-President tal-Kummissjoni jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma Permanenti ta' Membri tal-Kummissjoni taħt il-presidenza tal-VP/RGħ bl-assistenza ta' Viċi RGħ dwar "materji ta' difiża"; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun assoċjat ma' rappreżentanti permanenti f'dan il-grupp; jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-Kummissjoni fid-difiża, permezz tar-riċerka, l-ippjanar u l-implimentazzjoni iffokati sew; jistieden lill-VP/RGħ tallinja t-tibdil fil-klima fl-azzjoni esterna kollha tal-UE u partikolarment fil-PSDK;

7.  Iqis li d-deterjorament tal-perċezzjoni ta' riskji u theddid fl-Ewropa jagħmlu mill-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża kwistjoni ta' urġenza, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fit-taħsir tal-ambjent tas-sigurtà fil-fruntieri tal-UE, b'mod partikolari fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jinnota li dan hu rifless ukoll fl-istrateġiji ta' sigurtà tal-Istati Membri; jenfasizza li s-sitwazzjoni marret gradwalment għall-agħar b'mod partikolari fl-2014, bil-ħolqien u bl-espansjon tal-awtodikjarat Stat Iżlamiku u sussegwentement bl-użu tal-forza min-naħa tar-Russja;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-EDU għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni perjodika konġunta tat-theddid għas-sigurtà tal-Istati Membri, iżda għandha tkun ukoll flessibbli biżżejjed biex tissodisfa l-isfidi u l-ħtiġijiet ta' sigurtà individwali tal-Istati Membri;

9.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tiddedika riżorsi proprji biex trawwem kooperazzjoni Ewropea dwar id-difiża akbar u aktar sistematika fost l-Istati Membri tagħha, inkluża l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO); jinsab konvint li l-użu tal-fondi tal-UE jkun espressjoni ċara tal-koeżjoni u s-solidarjetà, u li dan ikun jippermetti lill-Istati Membri kollha jtejbu l-kapaċitajiet militari tagħhom bi sforz aktar komuni;

10.  Jemmen li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea għad-difiża tista' twassal għal effikaċja, unità, u effiċjenza akbar, kif ukoll biex tingħata spinta lill-mezzi u l-kapaċitajiet tal-UE u biex tħalli effetti potenzjalment pożittivi fuq ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u fuq il-kwistjonijiet industrijali; jenfasizza li huwa biss permezz ta' tali kooperazzjoni aktar profonda, li jmissha tiżviluppa gradwalment f'EDU reali, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jkunu kapaċi jiksbu l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali meħtieġa biex jaġixxu aktar malajr kif ukoll b'mod awtonomu u effikaċi, billi jindirizzaw it-theddid attwali b'mod reattiv u effikaċi;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jassumu impenji aktar vinkolanti fil-konfront ta' xulxin billi jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas tal-Unjoni. iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu forzi multinazzjonali fi ħdan il-qafas tal-PESCO, u jagħmlu dawn il-forzi disponibbli għall-PSDK; jissottolinja l-importanza u l-bżonn ta' implikazzjoni tal-Istati Membri kollha f'kooperazzjoni strutturata permanenti u effikaċi; jemmen li l-Kunsill għandu normalment jafda t-twettiq tal-kompitu taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali lil dawn il-forzi multinazzjonali; jissuġġerixxi li kemm fil-proċessi tat-tfassil ta' politiki fil-livell tal-UE u l-proċessi nazzjonali għandhom ikunu mfassla b'mod li jippermettu rispons rapidu għall-kriżijiet; jinsab konvint li s-sistema ta' gruppi tattiċi tal-UE għandha tingħata isem ieħor u tintuża u tkun żviluppata aktar fuq livell politiku għal dak l-għan, f'modularità u b'finanzjamenti effikaċi; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-UE bħala prekundizzjoni għall-ippjanar, il-kmand u l-kontroll effikaċi ta' operazzjonijiet komuni; jenfasizza li l-PESCO hija disponibbli għall-Istati Membri kollha;

12.  Jappella lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-persunal militari li jifformaw parti u jissieħbu fi assoċjazzjonijiet professjonali u fi trade unions u jkunu involuti fi djalogu soċjali regolari flimkien mal-awtoritajiet; jistieden lill-Kunsill Ewropew jieħu passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża ġdida;

13.  Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom diffikultajiet biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet ta' difiża, l-aktar minħabba limitazzjonijiet finanzjarji; jitlob, għalhekk, aktar koordinament u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu aktar modi għal xiri, manutenzjoni u żamma konġunta ta' forzi u ta' materjal; jissuġġerixxi li jista' jkun utli li wieħed l-ewwel iħares lejn l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta' materjal mhux letali, bħall-vetturi u l-ajruplani għat-trasport, għal vetturi u ajruplani ta' riforniment u tagħmir ta' sostenn ieħor;

15.  Jemmen li l-interoperabilità hija kruċjali jekk il-forzi tal-Istati Membri għandhom isiru aktar kompatibbli u integrati; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jistudjaw il-possibilità ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża; jinnota li n-natura magħluqa u protezzjonista tas-swieq tad-difiża tal-UE tagħmel dan aktar diffiċli;

16.  Jenfasizza li r-reviżjoni u t-twessigħ tal-mekkaniżmu Athena huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-missjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi kollettivi minflok li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li jkunu a karigu tal-Istati Membri parteċipanti individwali, u b'hekk jitneħħa xkiel potenzjali għall-Istati Membri biex jimpenjaw il-forzi tagħhom;

17.  Jappella lill-Parlament Ewropew jistabbilixxi Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża veru u proprju li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti;

18.  Jemmen li r-rwol b'saħħtu u dejjem akbar tal-EDA huwa indispensabbli għal finijiet ta' EDU effiċjenti fil-koordinament tal-programmi u tal-proġetti mmexxija mill-kapaċitajiet u fid-definizzjoni ta' politika Ewropea komuni tal-kapaċitajiet u tal-armamenti, bil-għan li jkun hemm aktar effiċjenza, eliminazzjoni ta' duplikazzjoni u tnaqqis tal-ispejjeż u abbażi ta' katalogu ta' rekwiżiti preċiż ħafna f'termini ta' kapaċitajiet għall-operazzonijiet tal-PSDK kif ukoll ta' ppjanar u ta' proċeduri ta' akkwist għad-difiża nazzjonali armonizzati meta mqabbla ma' dawn il-kapaċitajiet speċifiċi; jemmen li dan l-approċċ għandu jkun is-segwitu ta' rieżami tad-difiża tal-forzi tal-Istati Membri u rieżami tal-attivitajiet u tal-proċeduri tal-passat tal-EDA; jistieden lill-EDA turi liema mid-diskrepanzi f'termini ta' kapaċitajiet identifikati fl-objettivi primarji u fil-pjan ta' żvilupp tal-kapaċitajiet imtlew fi ħdan il-qafas tal-Aġenzija; huwa konvint li l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-inizjattivi u tal-proġetti huma l-ewwel passi eċċellenti lejn kooperazzjoni Ewropea msaħħa;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mal-EDA biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, li huwa ta' importanza fundamentali għall-awtonomija strateġika Ewropea; jemmen li s-soluzzjoni għas-sostenn tal-industrija hija ż-żieda fin-nefqa fuq id-difiża mill-Istati Membri, kif ukoll biex tiżgura li l-industrija tibqa' kompetittiva globalment; jinnota li l-frammentazzjoni attwali tas-suq tirrappreżenta dgħufija għall-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża; jemmen li r-riċerka kollaborattiva tista' tgħin biex tnaqqas tali frammentazzjoni u biex tittejjeb il-kompetittività;

20.  Jemmen bil-qawwa li huwa biss approċċ konġunt fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż permezz tal-konsolidament ta' clusters funzjonali bħall-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru, li jista' jiġġenera ekonomiji ta' skala li huma meħtieġa sabiex iservu ta' bażi għal Unjoni Ewropea għad-Difiża; barra minn hekk jemmen li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE permezz ta' akkwist konġunt u forom oħrajn ta' akkomunament u kondiviżjoni jistgħu jagħtu spinta tant meħtieġa biex l-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs, ikollha impatti pożittivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi; jappoġġa l-miżuri intiżi li jinċentivaw proġetti bħal dawn, inkluż permezz ta' eżenzjonijiet mit-taxxa, sabiex jintlaħaq il-punt ta' riferiment tal-EDA ta' 35 % tan-nefqa totali tal-akkwist ta' kollaborazzjoni, kif mitlub mill-Istrateġija Globali tal-UE; jemmen li l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew tad-Difiża, li bih l-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin dwar ċikli ta' ppjanar u dwar il-pjani tal-akkwist, tista' tgħin biex jingħeleb l-istat attwali ta' frammentazzjoni tas-suq tad-difiża;

21.  Jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija, min-natura tagħha, politika li fiha l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni huma kruċjali, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-UE, is-sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà, peress li din mhijiex biss responsabilità militari; jitlob linji gwida aktar ċari dwar kif il-kapaċitajiet difensivi u offensivi tal-UE għandhom jintużaw u f'liema kuntest; Ifakkar li l-Parlament talab ripetutament reviżjoni mill-qiegħ tar-Regolament tal-UE dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex jiġi evitat softwer u sistemi oħrajn li jistgħu jintużaw kontra l-infrastruttura diġitali tal-UE jew biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem milli jaqgħu f'idejn ħżiena;

22.  Jinnota l-pubblikazzjoni reċenti tal-Istrateġija Globali mir-Rappreżentant Għoli, li tikkostitwixxi qafas koeżiv għal prijoritajiet għal azzjoni fil-qasam tal-politika barranija u għad-definizzjoni tal-iżviluppi futuri fil-politika tad-difiża Ewropea;

23.  Ifakkar l-erba' punti ta' riferiment kollettivi ta' investiment approvati mill-Bord Ministerjali ta' Tmexxija tal-EDA f'Novembru 2007, u jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' kollaborazzjoni, kif muri fir-Rapport dwar id-Data tad-Difiża ippubblikat fl-2013;

24.  Jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex jinġiebu flimkien kumpaniji ewlenin u l-partijiet interessati tal-industrija tad-difiża Ewropea bil-għan li tkun żviluppata industrija tad-droni Ewropea;

25.  Jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex jinġiebu flimkien kumpaniji ewlenin u l-partijiet interessati tal-industrija tad-difiża Ewropea biex jiżviluppaw strateġiji u pjattaforma għall-iżvilupp konġunt ta' tagħmir tad-difiża;

26.  Jappella lill-VP/RGħ biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istrateġiji nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, il-kapaċitajiet u ċentri ta' kmand u lill-EDA, bħala parti minn kooperazzjoni strutturata permanenti li tgħin fil-protezzjoni kontra u fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi;

27.  Jitlob iktar żvilupp tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex isaħħu kapaċitajiet ta' Difiża Ċibernertika sabiex tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika, ta' kooperazzjoni operattiva u ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni;

28.  Jinnota l-ħidma li għaddejja dwar l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja għall-programm ta' riċerka tad-difiża tal-UE fil-ġejjieni, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu kemm jista' jkun malajr, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fl-2013 u l-2015 u b'segwitu ta' proġett pilota mibdi mill-PE; jenfasizza li l-Azzjoni Preparatorja għandha tiġi pprovduta b'baġit suffiċjenti, ta' mill-inqas EUR 90 miljun għat-tliet snin li ġejjin (2017-2020); huwa tal-fehma l-azzjoni preparatorja għandha tiġi segwita minn programm ta' riċerka ewlieni ddedikat u ffinanzjat mill-UE bħala parti mill-QFP li jmiss li jibda fl-2021; jinnota li l-Programm ta' Riċerka Ewropea tad-Difiża se jeħtieġ baġit totali ta' mill-inqas EUR 500 miljun fis-sena f'dan il-perjodu, sabiex ikun kredibbli u biex jagħmel differenza sostanzjali; jappella lill-Istati Membri jiddefinixxu l-programmi futuri ta' kooperazzjoni li fihom ir-riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE tista' tibni punti tat-tluq, u jappella għall-ħolqien ta' fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji fil-perjodu li jwassal għal operazzjonijiet militari, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona; jinnota li l-inizjattivi tal-Kummissjoni relatati mad-difiża, bħall-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, il-Politika Industrijali għad-Difiża u l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea;

29.  Jenfasizza li t-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK, bħal EUNAVFOR MED, jikkontribwixxu għall-kisba ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika dawn it-tip ta' operazzjonijiet;

30.  Iqis li huwa importanti li l-proċedura tas-Semestru Ewropew tintuża għall-introduzzjoni ta' kooperazzjoni eqreb fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

31.  Jenfasizza l-importanza li jidħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa li jħeġġu suq Ewropew tad-difiża funzjonanti, ġust, aċċessibbli u trasparenti li huwa miftuħ għal oħrajn, jippromwovu l-innovazzjoni teknoloġika tal-ġejjieni, jappoġġaw l-SMEs u jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu użu massimu ħafna iktar effiċjenti u effettivi tagħhom tal-baġits ta' difiża u tas-sigurtà; jinnota li bażi industrijali u teknoloġika soda tad-difiża Ewropea teħtieġ suq intern ġust, li jiffunzjona u trasparenti, sigurtà tal-provvista, u djalogu strutturat mal-industriji rilevanti għad-difiża; jinsab imħasseb dwar ir-ritmu batut tal-progress lejn il-kompetittività mtejba, il-miżuri kontra l-korruzzjoni, u t-trasparenza akbar fis-settur tad-difiża, u li l-politika industrijali ta' difiża Ewropea soda u r-rispett tar-regoli tas-suq intern għadhom neqsin; hu tal-fehma li suq Ewropew tal-armi ta' difiża integrat u kompetittiv għandu bżonn jinċentivjippremja l-Istati Membri kollha u jforni lix-xerrejja kollha b'mezzi adegwati u aċċessibbli li jikkorrispondu għall-bżonniiet ta' sigurtà individwali tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u d-Direttiva dwar it-Trasferimenti Intrakomunitarji jiġu applikati b'mod korrett madwar l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa taż-żewġ direttivi relatati mad-difiża tal-hekk imsejjaħ "Pakkett ta' Difiża";

32.  Jistieden lill-Kummissjoni taqdi r-rwol tagħha permezz ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, biex tappoġġa bażi industrijali b'saħħtu li kapaċi tagħti riżultati f'termini ta' ħtiġijiet ta' kapaċità strateġika tal-Ewropa, u tidentifika fejn l-UE tista' tipprovdi valur miżjud;

33.  Huwa konvint li fit-tfassil progressiv ta' politika tad-difiża komuni tal-Unjoni, l-UE għandha tara li bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, għal parteċipazzjoni fi programmi ta' kapaċità li jwettqu, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta' dawk il-programmi, fi ħdan il-qafas tal-Unjoni;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-EDA, taġixxi b'tali mod li tiffaċilita u tippermetti l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz tal-mobilizzazzjoni ta' fondi u strumenti tal-UE u li huma mmirati għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża mill-Istati Membri; ifakkar li Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża għandu jkun strument strateġiku biex titrawwem il-kooperazzjoni fid-difiża fuq livell Ewropew, b'mod partikolari permezz ta' Programm ta' Riċerka dwar id-Difiża ffinanzjata mill-UE u permezz ta' miżuri li jsaħħu l-kooperazzjoni industrijali fil-katina tal-valur kollha;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunċett tal-awtonomija strateġika żviluppat mill-VP/RGħ bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE; jemmen li dan il-kunċett għandu jiġi applikat kemm fil-prijoritajiet strateġiċi tagħna kif ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħna u tal-industrija tagħna;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, li tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jinsab konvint li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jenħtieġ li tinvolvi kooperazzjoni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u ċibernetiku, kif ukoll l-armonizzazzjoni u l-koordinament tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet militari teknoloġiċi, industrijali u militari toffri l-prospettiva tal-kompatibilità u s-sinerġija aħjar bejn iż-żewġ oqfsa, biex b'hekk tiġi żgurata aktar effiċjenza tar-riżorsi; ifakkar li implimentazzjoni rapida tad-dikjarazzjoni ta' hawn fuq hija essenzjali, u f'dan ir-rigward jistieden lis-SEAE, flimkien mal-kontropartijiet rilevanti, jiżviluppa għażliet konkreti għall-implimentazzjoni sa Diċembru 2016; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw kapaċitajiet li jistgħu jiġu skjerati taħt il-PSDK sabiex jagħmlu possibbli azzjoni awtonoma f'każijiet fejn in-NATO ma tkunx disposta li taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE hija aktar xierqa; huwa konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għall-iffaċilitar ta' industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u effiċjenti u r-riċerka marbuta mad-difiża jirrappreżentaw prijorità strateġika u l-implimentazzjoni rapida tagħha hi kruċjali; huwa konvint li l-ħidma konġunta fuq il-prevenzjoni, l-analiżi u l-identifikazzjoni bikrija permezz ta' informazzjoni effiċjenti u l-qsim tal-għarfien se jżid il-kapaċità tal-UE kontra t-theddid, inkluż it-theddid ibridu; jibqa' konvint li n-NATO hija l-fornitur ewlieni ta' sigurtà u ta' difiża fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-istrumenti tan-NATO u tal-UE; jemmen li l-UE għandha potenzjal wkoll f'aspetti ċivili biex tagħmel differenza importanti f'reġjuni instabbli; jinsisti, madankollu, li filwaqt li r-rwol tan-NATO huwa li tipproteġi prinċipalment l-membri Ewropej minn kull attakk estern, l-UE għandha taspira li tkun tassew kapaċi li tiddefendi lilha nnifisha u taġixxi b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ, u tassumi r-responsabilità akbar f'dan l-aspett billi jitjiebu t-tagħmir, it-taħriġ u l-organizzazzjoni;

37.  Jinnota li filwaqt li n-NATO jetħtiġilha tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva fl-Ewropa, il-prijoritajiet politiċi bejn in-NATO u l-UE jistgħu ma jkunux dejjem l-istess, mhux l-anqas fil-kuntest tax-xaqliba tal-Istati Uniti lejn l-Asja; jinnota wkoll li l-UE għandha sett uniku ta' strumenti relatati mas-sigurtà li mhumiex disponibbli għan-NATO, u viċi versa; huwa tal-fehma li l-UE għandha tassumi responsabilità akbar għal kriżijiet ta' sigurtà fil-viċinat immedjat tagħha, u b'hekk tikkontribwixxi għal kompiti tan-NATO, speċjalment fil-kuntest ta' gwerra ibrida u tas-sigurtà marittima; jemmen li, fuq medda ta' żmien twila, ir-riforma tal-arranġamenti Berlin Plus jistgħu jkunu neċessarji, anke sabiex in-NATO tagħmel użu tal-kapaċitajiet u tal-istrumenti UE; jissottolinja li l-ambizzjoni tal-UE għal awtonomija strateġika u ta' Unjoni Ewropea għad-Difiża għandha titwettaq b'sinerġija sħiħa man-NATO, u għandha twassal għal kooperazzjoni aktar effikaċi, qsim ta' responsabilità ekwu u diviżjoni tax-xogħol produttiva bejn in-NATO u l-UE;

38.  Huwa konvint li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jentħtieġ li tinvolvi l-bini ta' reżiljenza flimkien fil-Lvant u n-Nofsinhar kif ukoll investiment fid-difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet toffri l-prospettiva ta' kompatibilità u sinerġija mtejba bejn iż-żewġ oqfsa; huwa konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva;

39.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li l-proċeduri amministrattivi qegħdin jnaqqsu mingħajr bżonn il-ħeffa li biha jiġu ġġenerati l-forzi għall-missjonijiet tal-PSDK u ċ-ċaqliq transfruntier ta' forzi ta' rispons rapidu ġewwa l-UE; jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema pan-Ewropea għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi ta' difiża, għall-finijiet tal-PSDK, meta tiġi invokata l-klawsola ta' solidarjetà, u meta jkun hemm l-obbligu li tingħata għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha disponibbli għalihom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;

40.  Jitlob l-istabbiliment ta' arranġamenti prattiċi u ta' linji gwida għall-attivazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; jappella lill-Istati Membri jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dak l-Artikolu, sabiex l-Istati Membri individwali jitħallew jimmaniġġjaw b'mod effikaċi l-kontributi ta' għajnuna u assistenza tal-Istati Membri l-oħra, jew li dawn jiġu immaniġġjati b'mod effikaċi fi ħdan il-qafas tal-Unjoni; jappella lill-Istati Membri jimmiraw għall-objettiv ta' 2 % tal-PDG fuq infiq għad-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġit tagħhom għad-difiża f'tagħmir identifikat bħala meħtieġ permezz tal-EDA, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp relatati, u b'hekk jiġi eliminat id-distakk b'erba' punti ta' riferiment għal investiment kollettiv tal-EDA;

41.  Huwa tal-fehma li l-isfidi li ġejjin mil-limitazzjonijiet finanzjarji fuq il-baġits nazzjonali, fl-istess ħin huma akkumpanjati minn opportunitajiet għal progress li ġejjin minn ħtieġa ċara ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża; jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jwaqqfu jew ireġġgħu lura t-tendenza ta' tnaqqis fl-infiq għad-difiża;

42.  Jemmen li l-Parlament għandu jkollu rwol prominenti fl-Unjoni Ewropea tad-difiża tal-ġejjieni, u għalhekk iqis li s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża għandu jsir kumitat parlamentari veru u proprju;

43.  Jistieden lill-VP/RGħ tniedi Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li ser ikun ibbażat fuq l-istrateġija globali tal-UE kif approvat mill-Kunsill Ewropew; jitlob lill-Kunsill jassenja l-kompitu tal-abbozzar ta' dan id-dokument mingħajr dewmien; jiddispjaċih bis-suġġeriment li tat ir-RGħ/VP lill-ministri tad-difiża tal-UE skont liema għandu jkun hemm biss pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża minflok il-proċess ta' Ktieb Abjad; hu tal-fehma li tali pjan ta' implimentazzjoni għandu jkun prekursur għall-proċess ta' Ktieb Abjad regolari dwar is-sigurtà u d-difiża, li jenħtieġ li jipprovdi bażi utli għall-kwantifikazzjoni tal-kontributi possibbli tal-UE fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża għal kull terminu leġiżlattiv b'mod speċifiku u realistiku;

44.  Huwa konvint li Ktieb Abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża jenħtieġ li jkun ir-riżultat ta' proċessi u kontributi koerenti, intergovernattivi u interparlamentari, li għandu jkun sostnut minn koordinament internazzjonali mas-sħab u mal-alleati tagħna, inkluża n-NATO u b'appoġġ interistituzzjonali komprensiv; jappella lill-VP/RGħ tirrevedi l-kalendarju inizjali tagħha sabiex tibda konsultazzjoni mmirata mal-Istati Membri u mal-parlamenti;

45.  Iqis li, abbażi tal-istrateġija globali tal-UE, il-Ktieb Abjad jenħtieġ li jinkludi l-istrateġija ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE, il-kapaċitajiet meqjusa bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija, u l-miżuri u l-programmi kemm fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll tal-UE għall-ksib ta' dawn il-kapaċitajiet, li għandu jkun ibbażat fuq qafas ta' politika kollaborattiva Ewropea dwar il-kapaċitajiet u l-armamenti, filwaqt li jitqies li d-difiża u s-sigurtà jibqgħu ta' kompetenza nazzjonali;

46.  Huwa tal-fehma li l-ktieb abjad għandu jieħu l-forma ta' ftehim interistituzzjonali ta' natura vinkolanti li jistabbilixxi l-inizjattivi, l-investimenti, il-miżuri u l-programmi kollha tal-Unjoni, fuq qafas politiku u finanzjarju pluriennali rispettivi tal-UE; jinsab konvint li l-Istati Membri, is-sħab u l-alleati għandhom jikkunsidraw dan il-Ftehim Interistituzzjonali fl-ippjanar tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata konsistenza u komplementarjetà reċiproka;

Inizjattivi ta' Tnedija

47.  Iqis li l-inizjattivi li ġejjin għandhom jiġu mnedija immedjatament:

–  l-azzjoni preparatorja dwar riċerka fil-qasam tal-PSDK li tibda fl-2017, se jitkompla sal-2019;

–  programm sussegwenti ta' riċerka dwar id-difiża aktar ambizzjuż u strateġiku, li jnaqqas id-distakk sal-QFP li jmiss, jekk l-Istati Membri jagħtu r-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa jew permezz ta' kofinanzjament mill-Istati Membri skont l-Artikolu 185 tat-TFUE;

–  Semestru Ewropew tad-Difiża li jevalwa l-progress li sar fl-isforzi baġitarji relatati mad-difiża tal-Istati Membri;

–  strateġija li tiddeskrivi l-passi li għandhom jittieħdu għall-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

–  kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' Kunsill permanenti tal-Ministri tad-Difiża;

–  appoġġ għall-inizjattiva min-NATO, li se tqiegħed battaljuni multinazzjonali fl-Istati Membri meta u fejn meħtieġ, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa (inkluża l-akkomodazzjoni);

–  l-iżvilupp ta' proċess ta' Ktieb Abjad regolari, għall-ewwel implimentazzjoni fil-qafas tal-ippjanar għall-QFP li jmiss;

–  konferenza tal-partijiet interessati dwar is-suġġetti ta' żvilupp ta' politika Ewropea tal-armamenti u tal-kapaċitajiet u l-armonizzazzjoni tal-politiki nazzjonali rispettivi abbażi ta' rieżami tad-difiża tal-UE;

–  riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet ġuridiċi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-bini tal-kapaċità għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-iżvilupp f'pajjiżi terzi;

–  riforma tal-kunċett tal-gruppi tattiċi tal-UE, bl-għan li jitwaqqfu unitajiet permanenti li jkunu indipendenti minn kwalunkwe pajjiż mexxej u li jkunu soġġetti għal taħriġ konġunt sistematiku;

–  il-ħolqien ta' fond ta' tnedija militari kif previst mill-Artikolu 41(3) tat-TUE, li għandu jgħin t-tnedija aktar rapida tal-operazzjoniiet tal-PSDK;

–  pjan ta' azzjoni li jsaħħaħ u jwessa' l-mekkaniżmu Athena sabiex jġu pprovduti aktar fondi Komunitarji għal missjonijiet tal-UE;

–  riforma tal-mekkaniżmu Athena bl-għan li joktor il-potenzjal tagħha għal kondiviżjoni ta' spejjeż u finanzjament komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskjerament ta' gruppi tattiċi tal-UE jew ta' mezzi ta' rispons rapidu oħrajn u biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' atturi militari fil-pajjiżi sħab (taħriġ, mentoraġġ, konsulenza, forniment ta' tagħmir, titjib tal-infrastruttura u servizzi oħrajn);

–  proċess ta' riflessjoni dwar l-investiment barrani dirett fl-industriji kritiċi fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà u dwar il-fornituri tas-servizz, bil-għan li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE;

–  proċess ta' riflessjoni dwar l-istandardizzazzjoni tal-użu doppju bil-ħsieb li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-UE;

–  riflessjoni dwar l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali permanenti ta' kmand u kontroll għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK;

–  sistema mifruxa mal-UE kollha għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi tad-difiża;

–  l-elementi inizjali ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropea tad-Difiża, imsejsa fuq Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża;

–  l-ewwel proġetti UE-NATO fil-qasam tal-ġlieda kontra u l-prevenzjoni ta' theddid ibridu u l-bini tar-reżiljenza, kooperazzjoni fil-komunikazzjonijiet u risposti strateġiċi, kooperazzjoni operattiva, anki fuq il-baħar, u fil-qasam tal-migrazzjoni, koordinament taċ-ċibersigurtà u tad-difiża, kapaċitajiet ta' difiża, tisħiħ tal-bażi industrijali, teknoloġika u ta' riċerka fil-qasam tad-difiża,eżerċitazzjonijiet u bini tal-kapaċitajiet ta' difiża u sigurtà ta' sħabna tal-Lvant u tan-Nofsinhar;

–  miżuri li jżidu l-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-atturi u taċ-ċibersigurtà u tad-difiża;

48.  Jipproponi li l-Unjoni Ewropea għad-Difiża titnieda b'urġenza, f'żewġ stadji u abbażi ta' sistema ta' integrazzjoni differenzjata:

(a) l-attivazzjoni ta' kooperazzjoni strutturata permanenti, li diġà ġiet approvata mill-Parlament u li ġiet inkluża fil-programm "Bidu Ġdid" tal-President tal-Kummissjoni;

(b) l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-VP/RGħ għal strateġija għal Politika Estera u ta' Sigurtà globali;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, l-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali.

  • [1]  Testi adottati, P8_TA(2016)0120.
  • [2]  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.
  • [3]  ĠU C 16E, 24.2.2010, p. 48.
  • [4]  "The Cost of Non-Europe in Common Security and Defence Policy" (Il-Kost tan-Non-Ewropa fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni), Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (2013), p. 78.

OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar Unjoni Ewropea tad-Difiża (2016/2052 (INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Urmas Paet

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Membri tal-Grupp GUE/NGL, Sabine Lösing u Takis Hadjigeorgiou

Ir-rapport jisħaq dwar Unjoni Militari b'kapaċitajiet militari b'saħħithom. Huwa jappella għall-attivazzjoni ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti li ddgħajjef il-prinċipju ta' kunsens fil-PSDK għad-detriment tal-Istati Membri ż-żgħar. Ir-rapport iħeġġeġ il-ħolqien ta' Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-UE, jippromwovi t-trawwim tal-industriji tad-difiża tal-UE u tal-Kumpless Industrijali Militari. Huwa jitlob lill-Istati Membri biex jimmiraw lejn l-objettiv ta' 2 % nefqa tal-PDG fuq id-difiża.

Aħna kontra r-rapport peress li:

  jirrikjedi minimu ta' EUR 90 miljun għal azzjoni preparatorja dwar riċerka fil-qasam tad-difiża u programm ta' riċerka dwar id-difiża ffinanzjat kompletament mill-UE ta' EUR 500 miljun fis-sena, ibda mill-2021;

  jitlob l-istabbiliment ta' fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji fil-perjodu li jwassal għal operazzjonijiet militari u kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO;

  jagħmel pressjoni għal Ktieb Abjad tal-UE dwar id-difiża u għal rwol qawwi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

Aħna nesiġu:

  l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 41(2) tat-TUE, li jipprojbixxi l-użu tal-baġit tal-UE għal nefqa li tirriżulta mill-attivitajiet li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża;

  id-diżarm radikali (inkluż tas-CBRN) fil-livell tal-Unjoni Ewropea u f'dak globali u t-trasferiment ta' fondi mill-baġits militari għal dawk soċjali u ta' żvilupp;

  li ma jkunx hemm finanzjament militari mill-baġit tal-UE

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (13.10.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża
(2016/2052(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Esteban González Pons

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li b'madwar EUR 200 biljun ta' nfiq militari annwali, il-pajjiżi Ewropej mhumiex f'pożizzjoni li jevitaw id-deterjorament tas-sigurtà tagħhom u jinfluenzaw is-sitwazzjoni globali minħabba politiki ta' difiża frammentati li joħolqu l-ineffiċjenzi, u b'hekk ixekklu l-projezzjoni tal-forzi tagħhom; jemmen li qafas iżjed integrat għad-difiża jista' jirriżulta f'iffrankar sinifikanti, f'kapaċitajiet addizzjonali u f'investiment aktar sostenibbli; ifakkar li skont l-estimi tal-"kost tan-non-Ewropa", il-gwadanji fl-effiċjenza f'dan il-qasam jistgħu jkunu bejn is-EUR 26 biljun f'xenarju inqas ottimist u l-EUR 130 biljun; jappella li jiġu identifikati mezzi sostenibbli għall-finanzjament ta' inizjattivi ġodda dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u jissottolinja l-bżonn li tingħata kjarifika għall-finanzjament fuq il-perjodu twil għal riċerka dwar id-difiża komuni;

2.  Jissottolinja li, fi żmien meta l-appoġġ pubbliku għall-UE qed jiġi kkontestat f'xi Stati Membri, id-difiża u s-sigurtà hija qasam fejn jista' jiġi muri aktar faċilment il-benefiċċju individwali u kollettiv ta' aktar Ewropa, speċjalment fir-rigward tal-isfidi probabbli għall-pożizzjoni tal-UE bħala attur strateġiku wara l-Brexit;

3.  Jemmen li l-finanzjament komuni għandu rwol ewlieni biex jinċentiva l-użu ta' mekkaniżmi li l-potenzjal tagħhom għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat, pereżempju l-kooperazzjoni strutturata permanenti u l-gruppi tattiċi tal-UE; jappella, għalhekk, li l-mekkaniżmu Athena jiġi estiż u li tingħata kunsiderazzjoni għal finanzjament alternattiv għal infiq militari sabiex jiġi mmodifikat il-prinċipju "costs lie where they fall"; jenfasizza li f'dan il-kuntest, il-baġit tal-UE għandu jkun jista' jiffinanzja l-ispejjeż amministrattivi għall-istabbiliment u l-operat ta' strutturi strateġiċi, bħall-kwartieri ġenerali konġunti operattivi, u jħejji, jorganizza u jwassal attivitajiet dwar ir-riċerka għad-difiża, it-teknoloġija u l-iżvilupp;

4.  Jappella wkoll għal missjonijiet ċivili aktar ambizzjużi li jkunu aktar integrati fiċ-ċiklu ta' politika u fil-firxa ta' strumenti disponibbli; ifakkar li l-missjonijiet ċivili jridu jkunu konsistenti mal-objettivi ġenerali tal-politiki esterni tal-UE, u, bl-istess mod bħall-missjonijiet militari, jippromwovu l-valuri tal-UE, bħall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku fost il-poplu, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

5.  Ifakkar li, bi qbil mar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: Il-kontribut tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni, ''inizjattivi politiċi ġodda m'għandhomx jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' programmi u politiki eżistenti tal-UE";

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża, li għandu jkun strument strateġiku li jrawwem kooperazzjoni fid-difiża fil-livell tal-UE, bil-għan li jiġu żviluppati programmi ta' kapaċità ta' difiża mill-Istati Membri;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod aktar attiv fi proġetti ta' kooperazzjoni, pereżempju, fil-programmi ta' riċerka u l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-assi; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-proposta għal azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża li għandha twitti t-triq għal programm iddedikat;

8.  Jemmen li wasal iż-żmien li jiġi rilaxxat il-baġit tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, u jemmen li għandu jsir aktar sforz biex tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment tal-UE fil-kapaċitajiet tad-difiża, inkluż permezz ta' finanzjament innovattiv; japprova, fl-aħħar nett, il-proposta għal "Semestru Ewropew" dwar id-difiża, li biha l-Istati Membri jikkoordinaw il-pjanijiet ta' nfiq u ta' investiment tad-difiża tagħhom fi proċess miftuħ li jinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

9

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Derek Vaughan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Edouard Ferrand, Afzal Khan

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (12.10.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża
(2016/2052(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lara Comi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li suq intern li jiffunzjona tajjeb jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-objettivi tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u jiddispjaċih li s'issa ftit sar progress f'din id-direzzjoni minkejja l-adozzjoni tad-direttivi dwar il-pakkett tad-difiża fl-2009;

2.  Jirrikonoxxi li l-ambjent ġeopolitiku attwali u s-sitwazzjoni fl-Ewropa jitolbu li l-Unjoni tassumi responsabbiltajiet akbar kemm fil-qasam tas-sigurtà interna u kemm f'dak tas-sigurtà esterna, b'mod partikolari biex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini fl-Ewropa fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u tipproteġi l-fruntieri esterni, u sabiex id-dimensjoni tad-difiża u tas-sigurtà komuni terġa' tingħata l-ħajja, bl-għan ambizzjuż li tinħoloq Unjoni tad-Difiża Ewropea u jittieħdu inizjattivi integrati aktar profondi fil-qasam tad-difiża; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015 li fihom intalab li jiġu żviluppati ulterjorment il-kapaċitajiet kemm ċivili kif ukoll militari u li tissaħħaħ l-industrija tad-difiża Ewropea;

3.  Ifakkar li l-istrumenti eżistenti tas-suq intern joffru soluzzjonijiet għal kooperazzjoni effikaċi fost l-Istati Membri u għall-iżvilupp tal-ekonomiji ta' skala, f'ħidma lejn koerenza strateġika akbar u t-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżdied l-effiċjenza tal-infiq fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji u fid-dawl tar-riskju imminenti li s-settur tad-difiża tal-UE jitlef il-vantaġġi kritiċi marbuta mal-għarfien espert u l-innovazzjoni, is-sovranità teknoloġika, l-awtonomija u l-kompetittività; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' kooperazzjoni u ppjanar bil-quddiem fl-akkwist u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir għad-difiża min-naħa tal-Istati Membri u l-potenzjal offrut mit-teknoloġiji b'użu doppju għal dan il-għan;

4.  Jinnota d-diskrepanza fil-ħiliet li se jkun hemm fil-futur minħabba t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol fis-settur tad-difiża; jilqa', għaldaqstant, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-appoġġ tagħha għall-isforzi industrijali u kummerċjali li jinkoraġġixxu professjonisti u apprendisti żgħażagħ jidħlu f'dan is-settur, u jitlob li proġetti akbar tal-UE, bħall-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, il-COSME u l-"l-Pjan ta' Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali fil-Ħiliet", jintużaw biex tiġi indirizzata din id-diskrepanza;

5.  Jesprimi tħassib dwar it-tnaqqis kostanti fil-finanzjament tar-riċerka fil-qasam tad-difiża fl-Istati Membri; ifakkar fil-ħtieġa kruċjali li jibqa' jkun hemm bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea vijabbli u suq intern li jiffunzjona tajjeb; jenfasizza li suq intern ġenwin għad-difiża għandu jippermetti lill-kumpaniji fis-settur tad-difiża joperaw liberament u jiżgura kundizzjonijiet ekwi fl-UE kollha, u li dan iwassal għal EDTIB b'saħħitha, innovattiva u kompetittiva fil-livell internazzjonali, li huwa essenzjali għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa u għal PSDK kredibbli; jirrimarka, barra minn hekk, li fond ta' riċerka prospettiv tal-UE għad-difiża fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss joffri l-opportunità li titrawwem il-kooperazzjoni militari u industrijali Ewropea permezz tal-valur miżjud iġġenerat bl-appoġġ ta' riċerka u teknoloġija innovattivi; iwissi, madankollu, kontra r-riskju tad-duplikazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri jew ta' korpi internazzjonali;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-frammentazzjoni persistenti tas-suq tad-difiża u għall-fatt li l-maġġoranza tal-kuntratti għadhom qed jingħataw fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u lill-Kunsill jidentifikaw soluzzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu biex jitnaqqsu d-differenzi bejn l-industriji nazzjonali tad-difiża u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-swieq Ewropej tad-difiża u jiġu miġġielda l-prattiki protezzjonisti min-naħa tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkwist fil-qasam tad-difiża; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-użu tal-esklużjonijiet kif ikkontemplat fid-Direttiva 2009/81/KE għandu jkun ġustifikat kif meħtieġ;

7.  Jappella għal aktar trasparenza u jfakkar, b'mod partikolari, fil-ħtieġa li jitjieb l-aċċess tal-SMEs għall-katini tal-provvista fil-qasam tad-difiża, filwaqt li jirrikonoxxi li l-SMEs huma fundamentali biex il-bażi industrijali tad-difiża Ewropea tirnexxi; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li flimkien mal-implimentazzjoni universali u komprensiva tad-Direttiva 2009/81/KE, għandha tintalab aktar trasparenza fil-katini tal-provvista, fil-kuntratti u fin-notifiki tas-sejħiet għall-offerti; jenfasizza li huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà ta' informazzjoni kwalitattiva u ċara li tippermetti lin-negozji jidentifikaw l-opportunitajiet fis-settur tad-difiża u jieħdu deċiżjonijiet infurmati;

8.  Jirrimarka li jeħtieġ nibnu ekonomiji ta' skala u jkollna suq Ewropew komuni għall-akkwist fil-qasam tad-difiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jinfurzaw u jagħmlu użu sħiħ mill-għażliet kollha previsti fid-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà ta' natura sensittiva u d-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża; jenfasizza l-importanza li l-aċċess transfruntier għas-suq għandu għall-SMEs, filwaqt li jinnota li l-Istati Membri ftit li xejn għamlu użu mill-għodod disponibbli, pereżempju akkwisti konġunti permezz ta' korpi tal-akkwist ċentrali bħall-EDA, li għandhom jiftħu l-istrumenti u l-fondi tal-UE għall-SMEs b'appoġġ għall-aċċess tagħhom għall-ktajjen tal-provvista u tas-sottokuntrattar u l-involviment tagħhom fir-riċerka; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni qed tiffinalizza l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE u d-Direttiva 2009/43/KE u tistenna rakkomandazzjonijiet sabiex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-direttivi fil-livell nazzjonali, u anke sabiex titjieb l-adozzjoni min-naħa tal-industrija u l-SMEs u jitjiebu l-miżuri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet reali tas-suq tad-difiża; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tagħti aktar gwida u għajnuna dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dawn id-direttivi fuq talba tal-Istati Membri;

9.  Ifakkar li t-trawwim tal-aċċess transfruntier għas-suq u l-ftuħ tal-ktajjen tal-provvista huwa kruċjali għal suq Ewropew effikaċi fil-qasam tat-tagħmir għad-difiża; jenfasizza li l-kompetizzjoni m'għandhiex tkun limitata għal-livell tal-kuntratturi primarji, u li l-fornituri sekondarji, b'mod partikolari l-SMEs, għandhom jibbenefikaw mill-ftuħ tas-swieq tad-difiża nazzjonali;

10.  Jinnota li n-negozji l-ġodda, inklużi l-SMEs, sikwit jiffaċċjaw diffikultajiet meta jidħlu fis-suq, b'mod partikolari peress li jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ispejjeż kbar involuti fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' finanzjament fir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tad-difiża sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq għall-parteċipanti kollha tas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsolida r-riċerka fis-settur tad-difiża permezz tal-finanzjament sabiex jitjiebu t-teknoloġija u l-industrija tad-difiża;

11.  Jirrikonoxxi s-suċċess u l-aħjar prattika tal-Ftehim Qafas dwar l-Ittra ta' Intenzjoni fl-appoġġ għall-objettivi industrijali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu nota ta' dawn il-prinċipji u l-objettivi, primarjament fl-oqsma tas-sigurtà tal-provvista u t-trattament ta' informazzjoni teknika;

12.  Ifakkar li l-PSDK l-ġdida tipprovdi l-potenzjal għall-flessibbiltà u għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fost l-Istati Membri fi ħdan qafas ta' "kooperazzjoni strutturata permanenti" miftuħ għall-Istati Membri kollha, li jista' jieħu diversi forom, inklużi inizjattivi konġunti f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp tar-riċerka u l-akkwist u t-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni fix-xiri ta' tagħmir għad-difiża; jappella biex tinħoloq struttura għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u ċ-ċibersigurtà, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni;

13.  Jenfasizza li l-istimular tal-iżviluppi teknoloġiċi fl-Ewropa huwa essenzjali għas-settur tad-difiża u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, filwaqt li jitrawwem suq intern aktar integrat permezz tal-iżvilupp ta' programmi ta' kooperazzjoni konġunti li, fil-qafas tagħhom, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jista' jgħaqqad flimkien l-isforzi relatati mat-teknoloġija b'użu doppju fl-UE kollha, pereżempju fil-qasam tar-robotika u fid-dawl tan-nuqqasijiet ta' kapaċità sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mad-drones u mal-osservazzjoni satellitari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tipprovdi linji gwida ċari u speċifiċi għall-faċilitazzjoni u t-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fil-qasam tat-teknoloġija b'użu doppju;

14.  Ifakkar li l-inizjattivi b'rabta ma' kooperazzjoni aħjar fl-oqsma tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni huma meħtieġa wkoll għall-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u għat-tisħiħ tas-Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża; iqis li, kemm jista' jkun, għandhom jiġu stabbiliti ċertifikazzjoni u standards komuni Ewropej fis-settur tad-difiża li jżidu l-kompetittività, jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkwist fil-qasam tad-difiża għall-operaturi kollha tas-suq u jiżguraw standards għoljin simili, u jinnota, f'dan il-kuntest, il-passi li ħadu l-EDA u l-Kummissjoni biex itejbu r-rikonoxximent reċiproku tal-istandards u r-rekwiżiti tad-difiża fl-industrija; jenfasizza wkoll l-importanza li dan isir f'kooperazzjoni ma' alleati u sħab internazzjonali bħan-NATO;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (EDAP) li jmiss tagħha, li jrid jenfasizza, bħala għodda strateġika, il-valur miżjud Ewropew uniku fis-settur tad-difiża; jenfasizza, fir-rigward ta' dan l-objettiv, li huwa fundamentali li l-EDAP jkun fih elementi li jistgħu jikkontribwixxu għat-trawwim tal-kooperazzjoni industrijali għall-iżvilupp ta' programmi relatati mal-kapaċitajiet fil-qasam tad-difiża; jirrimarka, b'mod partikolari, li l-finanzjament ta' teknoloġiji tad-difiża kritiċi permezz ta' programm ta' riċerka prospettiv dwar id-difiża ffinanzjat mill-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss biex jappoġġja bażi industrijali Ewropea b'saħħitha se jippermetti l-preservazzjoni ta' teknoloġiji kritiċi essenzjali għall-awtonomija tad-deċiżjoni u l-azzjoni tal-Ewropa, jiżgura kooperazzjoni transkonfinali fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista, mill-kuntratturi primarji sal-SMEs, u jġib flimkien diversi Stati Membri, l-industrija u l-akkademiċi;

16.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu s-sinerġiji bejn is-sigurtà u d-difiża u s-sinerġiji ma' politiki oħra tal-Unjoni, u li jinbnew kapaċitajiet integrati sabiex jiġu żviluppati approċċi komuni fl-oqsma, pereżempju, tat-theddid ibridu, it-terroriżmu, is-sigurtà fil-fruntieri esterni, it-traffikar tal-bnedmin minn pajjiżi terzi, l-intelligence komuni, iċ-ċibersigurtà u l-kontrolli doganali; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jeżaminaw u jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-għodod eżistenti kontra t-terroriżmu; jinnota l-valur tal-iskambju ta' ideat man-NATO dwar dawn is-suġġetti bħala ta' benefiċċju reċiproku għas-sigurtà Ewropea u Transatlantika;

17.  Jinnota li, fir-rigward taċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi hija essenzjali iżda m'għandhiex tippreġudika spazju ċibernetiku miftuħ, liberu u sigur; jenfasizza l-importanza tal-espansjoni tal-kapaċitajiet teknoloġiċi sabiex l-ispazju ċibernetiku Ewropew isir iktar reżiljenti, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' infrastruttura kritika; iqis id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni bħala pass importanti lejn dan l-objettiv;

18.  Jinnota li d-differenzi bejn l-industriji u l-kapaċitajiet operattivi fil-livell nazzjonali jfixklu l-integrazzjoni tas-settur tad-difiża u jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq, u jemmen li Unjoni Ewropea tad-Difiża li tinkludi, pereżempju, strateġiji komuni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qsim ta' informazzjoni rilevanti għas-sigurtà, tista' fl-aħħar mill-aħħar twassal għal aktar proġetti komuni għall-kapaċitajiet ta' maniġġar ta' kriżijiet kemm ċivili u kemm militari, titjib fil-kooperazzjoni Ewropea u ftuħ fir-rigward tas-swieq;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u, b'mod partikolari, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissarju għas-Suq Intern, jipproponu approċċ konsistenti u koordinat għad-difiża li jinkludi objettivi politiċi li jippromwovu din l-istrateġija;

20.  Jinnota l-pubblikazzjoni reċenti tal-Istrateġija Globali, min-naħa tar-Rappreżentant Għoli, li tikkostitwixxi qafas koeżiv ta' prijoritajiet għall-azzjoni fil-qasam tal-politika barranija u għad-definizzjoni tal-iżviluppi futuri fil-politika tad-difiża Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Dita Charanzová, Carlos Coelho, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Morten Løkkegaard, Julia Reda, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (12.10.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar Unjoni Ewropea tad-Difiża
(2016/2052(INI))

Rapporteur: David McAllister

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), kif previst fl-Artikoli 24(1) u 42(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għandha tinkludi d-definizzjoni gradwali ta' politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni li fil-futur ser tmexxi difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk;

2.  Jenfasizza li s-sigurtà hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li ċ-ċittadini jistennew li l-Unjoni Ewropea tindirizza u li l-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu hija raġuni oħra biex tiġi stabbilita politika Ewropea komuni dwar is-sigurtà u d-difiża; jikkunsidra li hemm bżonn li jsir iktar sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona li jistabbilixxi qafas komprensiv dwar interessi strateġiċi, sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża b'maġġoranza kwalifikata, ħlief il-miżuri b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqiegħdu s-sigurtà u d-difiża Ewropea komuni fuq bażi istituzzjonali, billi jsaħħu approċċ komprensiv tal-UE għal konflitti u kriżijiet esterni, li jinvolvu aktar mill-qrib il-partijiet interessati u l-istrumenti differenti fl-istadji kollha;

3.  Jenfasizza l-importanza li jintlaħqu l-objettivi tal-PSDK biex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-Unjoni biex taġixxi esternament għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti, ir-rispons għall-kriżijiet umanitarji u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali kif previst fit-TUE u f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jinnota li dan huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel f'ambjent ta' sigurtà li qed imur lura rapidament, f'kuntest internazzjonali kkaratterizzat minn attakki terroristiċi u biża' min-naħa taċ-ċittadini Ewropej;

4.  Jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà globali; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE fiż-żamma tal-prinċipji minquxa fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-prinċipji tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jinnota li l-Artikolu 42 tat-TUE jistabbilixxi li l-PSDK ma għandhiex tippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri u l-impenji meħuda minnhom abbażi tal-obbligi tan-NATO;

6.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri jużaw il-potenzjal sħiħ tat-TUE, b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' kompitu tal-PSDK minn grupp ta' Stati Membri u l-Artikoli 42(6) u 46 dwar kooperazzjoni strutturata permanenti fir-rigward ta' użu aktar rapidu, flessibbli u effettiv tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jilqa' l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) TUE dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka fl-2015; jenfasizza l-possibbiltà li tiġi invokata l-klawżola ta' solidarjetà jekk Stat Membru huwa soġġett għal attakk terroristiku skont l-Artikolu 222(1) TFUE;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Parlament li jissorvelja l-politiki u l-istrutturi istituzzjonali, inkluż fil-qasam tal-PSDK; jitlob għalhekk li jiżdiedu l-mekkaniżmi ta' sorveljanza parlamentari fir-reviżjoni li jmiss tat-Trattati tal-UE billi, fost l-oħrajn, tiġi stabbilita l-ħtieġa li l-Parlament jiġi kkonsultat meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-għanijiet u l-analiżi tar-riskji qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar missjonijiet u operazzjonijiet ġodda tal-PSDK, u dwar ir-rieżami strateġiku tagħha;

8.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jassiguraw il-konsistenza bejn l-ambiti differenti tal-azzjoni esterna, f'konformità mat-TUE, u jadottaw f'dawn l-ambiti approċċ globali u komprensiv, u jwessgħu l-ambitu tal-missjonijiet ċivili tal-UE li jappoġġaw direttament l-objettivi ta' żvilupp, b'mod partikolari billi jiffokaw fuq id-demobilizzazzjoni, id-diżarm u r-reintegrazzjoni ta' eks ġellieda; jitlob, barra minn hekk, li tiġi pprovduta informazzjoni lill-Parlament fuq bażi ħafna aktar regolari biex jiġi faċilitat l-iskrutinju parlamentari tal-azzjoni esterna, inkluż fir-rigward tan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali f'kull stadju tal-proċess;

9.  Jitlob il-ħolqien tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tad-Difiża kif ukoll it-twaqqif ta' kwartieri ġenerali ċivili-militari permanenti strateġiċi b'komponent operattiv militari permanenti; jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jistieden lill-EDA tisfrutta bis-sħiħ il-mandat tagħha skont it-Trattat;

10.  Jenfasizza l-bżonn li r-regoli finanzjarji jsiru aktar flessibbli għall-azzjoni esterna sabiex ikun evitat dewmien fl-iżborżament operattiv tal-fondi u sabiex tiżdied il-kapaċità ta' reazzjoni malajr u b'mod effettiv għall-kriżijiet;

11.  Jilqa' l-Istrateġija Globali għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-VP/RGħ, li tikkostitwixxi qafas koeżiv għal prijoritajiet għal azzjoni fil-qasam tal-politika barranija u għad-definizzjoni tal-iżviluppi futuri fil-politika tas-sigurtà u d-difiża; itenni l-appoġġ tiegħu għall-adozzjoni ta' Ktieb Abjad dwar id-difiża biex jibni fuq l-Istrateġija Globali tal-UE; jenfasizza li l-Ktieb Abjad għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni konġunta preċiża tal-kapaċitajiet militari eżistenti tal-Istati Membri, bl-għan li tiġi stabbilita kooperazzjoni ġenwina u koeżjoni bejn l-Istati Membri;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika tad-difiża fl-UE bħala pilastru fi ħdan in-NATO u jitlob għal sħubija politika u militari komprensiva bejn l-UE u n-NATO, li tibqa' ta' importanza vitali fl-arkitettura tas-sigurtà Ewropea, filwaqt li tippermetti lill-Unjoni taġixxi b'mod awtonomu f'operazzjonijiet esterni, primarjament bil-ħsieb li jiġi stabbilizzat il-viċinat tagħha; itenni, f'dan ir-rigward, li r-relazzjonijiet bejn in-NATO u l-UE għandhom ikunu bbażati fuq il-kumplementarjetà u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà komuni, l-iżvilupp tal-kapaċità u l-ippjanar għall-kontinġenzi għal theddid ibridu;

13.  Jilqa' d-dikjarazzjoni li saret mill-VP/RGħ fil-laqgħa informali ta' Gymnich tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fit-2 ta' Settembru 2016, li tirreferi għal darba oħra għall-opportunità li jsir progress sod fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża;

14.  Jitlob lill-UE toħloq korp superviżorju u strutturi adatti fi ħdan il-Parlament għall-iskrutinju permanenti tal-konformità tal-Istati Membri mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Kostas Chrysogonos, Richard Corbett, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Traian Ungureanu

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

20

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Javier Nart, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ryszard Czarnecki, Ana Gomes, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Karoline Graswander-Hainz, Marijana Petir, Ivan Štefanec