dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru
(COM(2016)0477 – C8-0328/2016 – 2016/0229(COD))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Maria Grapini
(Proċedura simplifikata – Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0477),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C8-0328/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0329/2016),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Id-dħul fis-seħħ sħiħ fl-1 ta' Mejju 2016 tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) u l-atti ta' implimentazzjoni u l-atti delegati sussegwenti tiegħu xeħtu dawl fuq ċerti nuqqasijiet fl-abbozzar tiegħu.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhomx bażi legali, skont l-Artikolu 136 attwali, biex japplikaw dispożizzjonijiet relatati ma':
• id-depożitu ta' dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul,
• in-notifika tal-wasla ta' bastiment jew ta' inġenju tal-ajru,
• il-ġarr u l-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana mal-ħatt jew it-trasbord,
• l-istennija ta' awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trasbord ta' merkanzija,
• kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-ħażna temporanja.
Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw fil-każ konkret ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni filwaqt li għaddiet minn rotta diretta bejn żewġ punti f'dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru mingħajr waqfa barra l-Unjoni.
Fin-nuqqas ta' bażi legali ċara li titlob il-preżentazzjoni ta' din il-merkanzija lill-awtoritajiet doganali, dawn iqisu li l-kompiti ta' superviżjoni doganali effettiva tagħhom qed jiġu mxekkla, fis-sens li mhux se jkunu jistgħu:
• jimponu korrettament dazju tal-importazzjoni u ħlasijiet oħra,
• japplikaw korrettament miżuri mhux fiskali bħal kontrolli sanitarji,
• jidentifikaw riskji marbuta ma' merkanzija li tasal fil-portijiet jew l-ajruporti tagħhom.
Il-proposta attwali biex temenda l-Artikolu 136 għandha l-għan li tagħlaq din il-lakuna u biex b'hekk jiġi żgurat trattament ugwali tal-merkanzija u terġa' tipprovdi l-bażi legali li diġà kienet stabbilita mill-kodiċi doganali l-antik.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Taqsima
L-istabbiliment tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru