Proċedura : 2016/2226(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0330/2016

Testi mressqa :

A8-0330/2016

Dibattiti :

PV 13/12/2016 - 15
CRE 13/12/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0490

RAPPORT     
PDF 610kWORD 62k
15.11.2016
PE 589.226v02-00 A8-0330/2016

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti

(16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE) – 2016/2226(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Maria Arena

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

(16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE)2016/2226(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (16384/1/2010),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (16388/2010),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0097/2011),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016(1) dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ...(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet l-aktar reċenti tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet dwar l-Użbekistan b'rabta mal-Konvenzjoni dwar il-Qerda tax-Xogħol Furzat (Konvenzjoni 105) u l-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta' Tħaddim tat-Tfal (Konvenzjoni 182), adottati fl-2015 u ppubblikati fl-2016(3),

  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0330/2016),

A.  billi f'Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kunsens għall-Protokoll tat-Tessuti bejn l-UE u l-Użbekistan, u adotta rapport interim biex jindirizza l-allegazzjonijiet dwar l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat waqt il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan;

B.  billi fir-rapport interim, il-Parlament ikkonkluda li se jikkunsidra jagħti kunsens biss jekk l-osservaturi tal-ILO jkunu ngħataw aċċess mill-awtoritajiet Użbeki biex iwettqu monitoraġġ mill-qrib u mingħajr xkiel, u jkunu kkonfermaw li ġew implimentati riformi konkreti li taw riżultati sostanzjali b'tali mod li l-prattika tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal tkun verament fil-proċess li tinqered fuq livell nazzjonali, provinċjali u lokali;

C.  billi l-Parlament stabbilixxa djalogu regolari mal-Kummissjoni, is-SEAE, il-Gvern tal-Użbekistan, l-ILO u s-soċjetà ċivili sabiex jimmonitorja l-iżviluppi matul il-ġbir tal-bjad tal-qoton u jagħmel pressjoni fuq dawk kollha involuti biex jintemm l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat fl-Użbekistan;

D.  billi fl-2013 il-Gvern tal-Użbekistan awtorizza lill-ILO biex timmonitorja l-ġbir tal-bjad tal-qoton; billi mill-2013, l-ILO f'diversi okkażjonijiet wettqet monitoraġġ, inizjalment iffukat fuq it-tħaddim tat-tfal u aktar tard estiż għax-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ;

E.  billi l-kooperazzjoni bejn l-ILO u l-Gvern tal-Użbekistan ġiet estiża gradwalment, u fl-2014 l-Użbekistan sar l-ewwel pajjiż tal-Asja Ċentrali li qabel dwar Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti mal-ILO;

F.  billi l-aħħar monitoraġġ tal-ILO matul il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-2015 wera li l-użu ta' tfal fil-ġbir tal-bjad tal-qoton sar rari, sporadiku u soċjalment inaċċettabbli, anke jekk hemm bżonn ta' viġilanza kontinwa(4);

G.  billi, skont l-ILO, filwaqt li l-għarfien dwar ix-xogħol furzat fl-Użbekistan għadu fi stadju bikri, stħarriġ imwettaq mill-ILO jindika madankollu li kważi l-ħaddiema kollha jiġbru l-bjad tal-qoton b'mod volontarju u jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jagħmlu dan;

H.  billi r-rapport finali tal-2016 tal-ILO dwar il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan se jkun disponibbli fi tmiem din is-sena;

I.  billi l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan huwa proċess oġġettiv iżda li għadu għaddej li jirrikjedi sforzi, u li jeħtieġ jiġi appoġġat aktar mill-UE u mill-komunità internazzjonali, inkluż bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol;

J.  billi l-Gvern tal-Użbekistan adotta Pjanijiet ta' Azzjoni biex jinbidel il-proċess ta' reklutaġġ għall-ġbir tal-bjad tal-qoton u, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u t-trade unions, ippromwova s-sensibilizzazzjoni u żviluppa mekkaniżmu ta' rispons għall-prevenzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal;

K.  billi l-NGOs għadhom jirrappurtaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġbir tal-bjad tal-qoton, fejn jindikaw mobilizzazzjoni enormi furzata ta' studenti u impjegati pubbliċi fi żmien il-ġbir tal-bjad tal-qoton, kif ukoll ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, b'mod partikolari interrogazzjonijiet ta' ċittadini li jirrappurtaw dwar il-ġbir, persekuzzjoni regolari u fastidju lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, u l-imblukkar ta' gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u stabbilimenti tal-midja li joperaw fil-pajjiż;

L.  billi l-mewt għal għarrieda tal-President Islom Karimov m'għandhiex ikollha impatt fuq il-kontinwità tal-proċess li għaddej biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi tal-qoton fl-Użbekistan;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-azzjoni meħuda mill-Gvern tal-Użbekistan biex jawtorizza lill-ILO timmonitorja l-ġbir tal-bjad tal-qoton u jimpenja ruħu f'kooperazzjoni wiesgħa mal-ILO permezz tal-Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti;

2.  Jilqa' l-progress sostanzjali li sar fl-Użbekistan mill-2013 'l hawn, inkluża l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-użu tat-tħaddim tat-tfal, u b'hekk inkisbet l-eliminazzjoni kważi totali tat-tħaddim tat-tfal; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex jinvolvu ruħhom ulterjorment f'kampanja ta' sensibilizzazzjoni madwar il-pajjiż għall-eliminazzjoni totali tat-tħaddim tat-tfal;

3.  Japprezza l-fatt li sar progress fl-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u li dan qed isir mill-Gvern tal-Użbekistan anke f'kooperazzjoni mal-ILO; jisħaq madankollu, li għadhom jeżistu mezzi sottili ta' xogħol involontarju, li dan il-proċess huwa kumpless u li jeħtieġ, fost l-oħrajn, riforma tal-politiki dwar l-impjiegi;

4.  Huwa tal-opinjoni li, fid-dawl ta' dawn l-isforzi mill-Gvern tal-Użbekistan, il-Parlament għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-Protokoll tat-Tessuti bejn l-UE u l-Użbekistan; huwa tal-fehma li tali approvazzjoni se tikkostitwixxi sinjal pożittiv ta' inkoraġġament lill-Gvern tal-Użbekistan biex ikompli bl-isforzi tiegħu lejn l-eliminazzjoni totali tat-tħaddim tat-tfal u tal-forom kollha l-oħra ta' xogħol furzat, barra milli tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni mal-UE;

5.  Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Federazzjoni tat-Trejdjunjins tal-Użbekistan issieħbet mal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali bħala membru assoċjat f'Ottubru 2015; jissottolinja r-rwol li qegħdin jiżvolġu t-trade unions Użbeki biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti u jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Gvern tal-Użbekistan jikkoopera bis-sħiħ mat-trade unions f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lit-trade unions Użbeki jintensifikaw ir-rwol tagħhom fl-isforz biex jeliminaw totalment ix-xogħol furzat;

6.  Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti tal-osservaturi indipendenti b'rabta mal-mobilizzazzjoni ta' ċittadini mmexxija mill-istat, inkluż ix-xogħol furzat ta' impjegati pubbliċi u studenti, fil-ħidma ta' qabel il-ġbir fl-2016;

7.  Jagħmel appell lill-president Użbek sabiex jintroduċi mudell tad-drittijiet tal-bniedem ġdid billi jtemm minnufih l-użu kontinwu tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fil-ġbir tal-bjad tal-qoton;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament regolarment b'informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni fl-Użbekistan, speċjalment rigward l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat; jiddeċiedi li jkompli jissorvelja l-iżviluppi fl-Użbekistan u li jorganizza djalogu regolari mal-ILO, il-Kummissjoni, is-SEAE u partijiet interessati oħra mmirat lejn l-eliminazzjoni totali tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan;

9.  Jirrikonoxxi li biex jintlaħaq dan l-għan se jibqa' jkun hemm bżonn ta' taħlita ta' djalogu u kooperazzjoni, kif ukoll pressjoni kontinwa fuq il-Gvern tal-Użbekistan mill-Unjoni, l-ILO u l-Bank Dinji; iżomm id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jattivaw l-Artikoli 2 u 95 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni sabiex jittieħdu l-miżuri ġenerali u speċifiċi neċessarji kollha jekk l-impenn għall-qerda tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat ma jiġix irrispettat;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjoni tal-UE f'Tashkent jikkontribwixxu permezz ta' djalogu politiku u programmi ta' assistenza għal riformi strutturali fl-Użbekistan, fosthom iż-żieda fir-rimunerazzjoni għal dawk li jiġbru l-bjad tal-qoton, il-mekkanizzazzjoni, u aktar trasparenza baġitarja fuq id-dħul mill-ġbir tal-bjad tal-qoton;

11.  Huwa tal-fehma li l-Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti għandu jiġi estiż lil hinn mill-2016 u għandu jiġi approfondit sabiex jitqiesu l-immodernizzar tal-ekonomija Użbeka, it-titjib fil-politika dwar l-impjiegi f'oqsma bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ispezzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li jittieħed kont tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' f'dan ir-rigward, id-Digriet Governattiv tal-Użbekistan Nru 909 (bid-data tas-16 ta' Novembru 2015) li għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur agrikolu fil-perjodu 2016–2018;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mogħtija mill-UE matul dawn l-aħħar snin, iffukata fuq l-istat tad-dritt u l-ġudikatura, u li għandha l-għan li tagħti bidu għal riformi u tissemplifika l-operat tal-Parlament Użbek, trid issarraf f'riżultati konkreti;

13.  Jemmen li l-għajnuna tal-UE lill-Użbekistan għandha wkoll tkun immirata biex fil-pajjiż tonqos is-sistema fardgħalla tal-qoton u tonqos id-dipendenza tiegħu fuq l-esportazzjoni billi tiġi diversifikata l-ekonomija, fatt li jaf itaffi gradwalment is-sitwazzjoni ambjentali diżastruża, partikolarment fir-rigward ta' dak li fadal mill-Baħar ta' Aral u mit-tributarji tiegħu;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta l-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, bi proposta biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-katina tal-provvista; ifakkar fl-importanza tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà mniedi fl-2013 u jissottolinja li din it-tip ta' inizjattiva tista' sservi bħala bażi għall-elaborazzjoni ta' azzjonijiet ġodda bi sħubija ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza fis-settur tal-ħwejjeġ;

15.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Użbekistan biex jaħdem favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni internazzjonali ewlenin kollha tal-SĠP +, sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal preferenzi tariffarji SĠP+;

16.  Jenfasizza li fl-2009 u l-2010 l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet tal-UE bil-ħsieb li l-awtoritajiet Użbeki jiġu mħeġġa jieħdu passi sostantivi ulterjuri biex itejbu s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-post, u ddikjara wkoll li l-Kunsill ser josserva mill-qrib u kontinwament is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan u li s-sustanza u l-kwalità tad-djalogu u l-kooperazzjoni ser jiddependu mir-riformi [...] li l-Użbekistan iwettaq;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimmonitorjaw it-tranżizzjoni politika fl-Użbekistan u jipprovdu lill-Parlament fuq bażi regolari, b'informazzjoni dwar dan il-proċess;

18.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-SEAE u lill-Istati Membri jużaw il-perjodu ta' tranżizzjoni bħala okkażjoni biex issir pressjoni favur titjib konkret u li jista' jitkejjel fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem matul ix-xhur li ġejjin; jissottolinja li fost it-titjib konkret għandu jkun hemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-tessuti, partikolarment il-produzzjoni tal-qoton, huwa s-settur prinċipali tal-kummerċ bejn l-UE u l-Użbekistan; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tisfrutta bis-sħiħ l-estensjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) sabiex tiżgura li l-awtoritajiet Użbeki jkunu impenjati fi proċess ta' tranżizzjoni, wara l-mewt għal għarrieda tal-president, li jwassal għal governanza aħjar, tisħiħ tal-istat tad-dritt, riformi demokratiċi u titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

20.  Itenni l-impenn tal-Unjoni li tkompli u tapprofondixxi r-relazzjonijiet mal-Użbekistan, u li dan jirrikjedi rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Gvern tal-Użbekistan joħloq aktar spazju għas-soċjetà ċivili indipendenti, jieħu aktar inkunsiderazzjoni t-tħassib tal-NGOs Użbeki u internazzjonali, u jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

21.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira ta' proposta għal amnestija fl-okkażjoni tal-24 anniversarju tal-Kostituzzjoni Użbeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex f'dan il-ġest jinkludu l-ħelsien mill-ħabs ta' dawk kollha li ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, it-titjib tal-kundizzjonijiet tagħhom fil-kustodja u t-tmiem taċ-ċiklu ta' repressjonijiet, arresti u kundanni; jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Użbekistan jintensifika l-involviment tiegħu fl-istituzzjonijiet internazzjonali, anki bis-saħħa tal-11-il proċedura speċjali stabbiliti mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC)(5);

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvern u l-parlament tal-Repubblika tal-Użbekistan.

(1)

Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2011)0586.

(2)

Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(0000)0000.

(3)

Rapport tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet – Applikazzjoni ta' Standards Internazzjonali tax-Xogħol 2016 - RAPPORT III (Taqsima 1A)

(4)

Rapport tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet - Applikazzjoni ta' Standards Internazzjonali tax-Xogħol 2016 - RAPPORT III (Taqsima 1A), p. 218.

(5)

Il-11-il proċedura speċjali huma deskritti f'dan l-indirizz http://spinternet.ohchr.org/_Layouts/SpecialProceduresInternet/ViewCountryVisits.aspx?Lang=en&country=UZB. Għal ħarsa ġenerali tal-proċeduri speċjali tal-UNHRC, ikkonsulta l-indirizz http://www.ohchr.org/en/HRBodies/SP/Pages/Welcomepage.aspx.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (25.10.2016)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-abbozz ta' deċiżoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'konsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti

(2016/2226(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ulrike Lunacek

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-tessuti, partikolarment il-produzzjoni tal-qoton, huwa s-settur prinċipali tal-kummerċ bejn l-UE u l-Użbekistan; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tisfrutta bi sħiħ l-estensjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) biex tiggarantixxi li l-awtoritajiet Użbeki huma impenjati fi proċess ta' tranżizzjoni wara l-mewt għal għarrieda tal-president, li jwassal għal governanza tajba, tisħiħ tal-istat tad-dritt, riformi demokratiċi u titjib sostanzjali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jilqa' pożittivament il-progress sostanzjali li sar mill-2013 dwar il-kwistjoni tat-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan, inkluż l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-użu tat-tħaddim tat-tfal; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom aktar f'kampanja ta' sensibilizzazzjoni f'livell nazzjonali bil-għan li jinqered kompletament it-tħaddim tat-tfal; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jiżvolġu f'dan il-proċess l-isforzi diplomatiċi tal-UE u, partikolarment, tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2011 li ssospendiet il-ftehim u li wasslet għall-involviment attiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u tal-Bank Dinji;

3.  Jirrikonoxxi l-bżonn ta' impenn ulterjuri mal-Gvern tal-Użbekistan fl-isforz biex jkompli jonqos it-tħaddim tat-tfal; huwa tal-fehma li filwaqt li l-progress sar f'termini ta' tnaqqis tax-xogħol furzat inġenerali, it-tendenza kienet irregolari; jissottolinja li, minkejja l-fatt li n-numru ta' persuni mġiegħla direttament jiġbru l-bjad tal-qoton ċertament naqas matul is-snin minn mindu beda l-monitoraġġ tal-ILO, milli jidher, għadhom jipprevalu modi aktar indiretti u sottili ta' xogħol involontarju;

4.  Jenfasizza li l-UE se tibqa' tagħmel monitoraġġ tal-azzjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet Użbeki; jirriżerva d-dritt li jagħmel appell lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jattivaw l-Artikoli 2 u 95 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bil-għan li kull miżura neċessarja, ġenerali u speċifika, tkun tista' tittieħed f'każ li l-problema tat-tħaddim tat-tfal terġa' titfaċċa u li forom oħrajn ta' xogħol furzat ma jinqerdux;

5.  Huwa mħasseb bir-rapporti tal-osservaturi indipendenti dwar il-mobilizzazzjoni ta' ċittadini taħt tmexxija statali, inkluż ix-xogħol furzat ta' impjegati pubbliċi u studenti, fix-xogħol ta' qabel il-ġabra fl-2016;

6.  Jilqa' pożittivament l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-Gvern Użbek li jagħti l-permess lill-ILO biex tagħmel monitoraġġ tal-ġabra tal-bjad tal-qoton kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu li jimpenja ruħu f'kooperazzjoni wiesgħa mal-ILO permezz tal-Programm Nazzjonali għal Xogħol Dinjituż; jistenna b'interess ir-rapport tal-ILO dwar il-ġabra tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan; iqis, barra minn hekk, li l-osservazzjoni ta' dan il-perjodu ta' bidla lill-Parlament tagħtih stampa ġenerali tal-proċess ta' tranżizzjoni fl-Użbekistan;

7.  Jagħmel appell lill-president Użbek li jmiss biex jitfa' s-sisien għal paradigma ġdid tad-drittijiet tal-bniedem billi jtemm minnufih l-użu kontinwu tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fil-ġabra tal-bjad tal-qoton;

8.  Huwa tal-fehma li l-prova konkreta ta' progress sostanzjali u li jista' jitkejjel lejn il-qerda totali tat-tħaddim tat-tfal u ċerti provi ta' progress lejn il-qerda tal-forom kollha l-oħra ta' xogħol furzat biss, kif verifikat mill-ILO, iħalli lill-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu, konformement mal-objettivi tal-politika kummerċjali komuni tal-UE, li jridu jirrispettaw il-valuri tal-UE; huwa tal-fehma li tali approvazzjoni se tikkostitwixxi sinjal pożittiv ta' inkoraġġament lill-Gvern Użbek biex ikompli bl-isforzi tiegħu lejn il-qerda totali tat-tħaddim tat-tfal u tal-forom kollha l-oħra ta' xogħol furzat, barra milli tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni mal-UE;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mogħtija mill-UE matul dawn l-aħħar snin, iċċentrata fuq l-istat tad-dritt u s-sistema ġudizzjarja u mmirata li tagħti bidu għal riformi u tirrazzjonalizza l-operat tal-Parlament Użbek, trid tissarraf f'riżultati konkreti;

10.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Użbeki jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ikomplu l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tas-settur agrikolu tal-pajjiż, b'appoġġ kontinwu mingħand l-UE, il-Bank Dinji u d-donaturi internazzjonali l-oħrajn;

11.  Jemmen li l-għajnuna tal-UE lill-Użbekistan għandha wkoll tkun immirata biex fil-pajjiż tonqos is-sistema fardgħalla tal-qoton u titbaxxa d-dipendenza mill-esportazzjonijiet permezz tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, fatt li jaf itaffi gradwalment is-sitwazzjoni ambjentali diżastruża, partikolarment fir-rigward ta' dak li fadal mill-Baħar ta' Aral u mit-tributarji tiegħu;

12.  Jenfasizza li fl-2009 u l-2010 l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet tal-UE "bil-ħsieb li l-awtoritajiet Użbeki jiġu mħeġġa jieħdu passi sostantivi ulterjuri biex itejbu s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-post", u ddikjara wkoll li "il-Kunsill ser josserva mill-qrib u kontinwament is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan" u li "s-sustanza u l-kwalità tad-djalogu u l-kooperazzjoni ser jiddependu mir-riformi [...] li l-Użbekistan iwettaq";

13.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jisfruttaw il-perjodu ta' tranżizzjoni bħala okkażjoni biex issir pressjoni favur titjib konkret u li jista' jitkejjel fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem matul dawn ix-xhur li ġejjin; jissottolinja li t-titjib konkret jenħtieġ li jinkludi l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010;

14.  Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-Użbekistan issieħbet mal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali (ITUC) bħala membru assoċjat f'Ottubru 2015; jissottolinja r-rwol li t-trade unions Użbeki qegħdin jiżvolġu biex jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' xogħol dinjitużi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Gvern Użbek jikkoopera bis-sħiħ mat-trade unions f'din id-direzzjoni; jinkoraġġixxi lit-trade unions Użbeki jintensifikaw ir-rwol tagħhom fl-isforz biex jeqirdu totalment ix-xogħol furzat;

15.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira ta' proposta għal amnistija fl-okkażjoni tal-24 anniversarju tal-Kostituzzjoni Użbeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex f'dan il-ġest jinkludu l-liberazzjoni mill-ħabs ta' xi individwi impriġunati minħabba akkużi politikament motivati, it-titjib tal-kundizzjonijiet tagħhom fil-kustodja u t-tmiem taċ-ċiklu ta' repressjonijiet, arresti u kundanni; jinkoraġġixxi lill-Gvern Użbek jintensifika l-involviment tiegħu fl-istituzzjonijiet internazzjonali, anki bis-saħħa tal-11-il proċedura speċjali stabbiliti mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC)(1);

16.  Jistenna li s-SEAE jindirizza bis-sod il-każijiet prinċipali kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem waqt l-10 ċiklu tad-Djalogu UE-Użbekistan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ippjanat għal Novembru 2016, u jagħmel dawn il-laqgħat aktar orjentati lejn ir-riżultati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Tamás Meszerics, Javier Nart, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Gomes, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Karoline Graswander-Hainz, Marijana Petir, Ivan Štefanec

(1)

Il-11-il proċedura speċjali huma deskritti f'dan l-indirizz http://spinternet.ohchr.org/_Layouts/SpecialProceduresInternet/ViewCountryVisits.aspx?Lang=en&country=UZB. Għal ħarsa ġenerali tal-proċeduri speċjali tal-UNHRC, ikkonsulta l-indirizz http://www.ohchr.org/en/HRBodies/SP/Pages/Welcomepage.aspx.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Nicola Danti, Syed Kamall, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Loiseau

Avviż legali - Politika tal-privatezza