Proċedura : 2016/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0331/2016

Testi mressqa :

A8-0331/2016

Dibattiti :

PV 24/11/2016 - 6
CRE 24/11/2016 - 6

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.9
CRE 24/11/2016 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0452

RAPPORT     
PDF 559kWORD 55k
15.11.2016
PE 587.504v02-00 A8-0331/2016

dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2015

(2016/2150(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet

Rapporteur: Notis Marias

PR_INI_AnnOmbud

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2015

(2016/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba kif adottat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ta' trasparenza u integrità fl-attivitajiet tal-illobbjar ippubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenzi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0331/2016),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2015 tressaq formalment lill-President tal-Parlament fit-3 ta' Mejju 2016, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fl-20 ta' Ġunju 2016;

B.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jiddikjara li sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ;

C.  billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228 tat-TFUE;

D.  billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

E.  billi l-Artikolu 258 tat-TFUE jistabbilixxi r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati; billi n-nuqqas jew it-tħollija barra tal-eżerċizzju ta' din ir-responsabilità tista' titqies bħala każ ta' amministrazzjoni ħażina; 

F.  billi, skont l-Artikolu 298 tat-TFUE "l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti", u billi l-istess artikolu jipprevedi l-adozzjoni, għal dak il-għan, ta' leġiżlazzjoni sekondarja speċifika fil-forma ta' regolamenti applikabbli għall-oqsma kollha tal-amministrazzjoni tal-UE;

G.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

H.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jiddikjara li "Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

I.  billi, fl-2015, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, stabbilit bit-Trattat ta' Maastricht, iċċelebra l-20 anniversarju tiegħu wara li ttratta 48 840 ilment mill-2005 'l hawn;

J.  billi skont l-Ewrobarometru Flash dwar id-Drittijiet ta' Ċittadinanza tal-UE ta' Ottubru 2015, 83 % taċ-ċittadini Ewropej huma konxji li ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jressaq ilment lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew jew lill-Ombudsman Ewropew;

K.  billi l-amministrazzjoni ħażina hija definita mill-Ombudsman Ewropew bħala amministrazzjoni li ma saritx kif suppost jew li saret b'mod mhux ġust, li sseħħ jekk istituzzjoni jew korp pubbliku jonqsu milli jaġixxu b'mod konformi mal-liġi jew ma' xi regola jew prinċipju vinkolanti għalihom, jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipji ta' amminstrazzjoni tajba, jew jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba hija mmirata biex tipprevjeni li sseħħ amministrazzjoni ħażina; billi l-utilità ta' din l-għodda hija limitata minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħha;

M.  billi l-opaċità f'dak li jikkonċerna fajls li jimplikaw impatt kbir fuq il-mudell soċjoekonomiku tal-UE, li wkoll spiss għandhom implikazzjonijiet maġġuri fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-ambjent, għandha t-tendenza li tiġġenera nuqqas ta' fiduċja fost iċ-ċittadini u fl-opinjoni pubblika b'mod ġenerali;

N.  billi l-informaturi jaqdu rwol kruċjali meta jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u anke ta' korruzzjoni politika f'xi każijiet; billi dawn il-każijiet jimminaw severament il-kwalità tad-demokrazija tagħna; billi l-informaturi spiss iħabbtu wiċċhom ma' inkwiet sever bħala konsegwenza u spiss wisq jiġu esposti għal konsegwenzi personali negattivi f'ħafna livelli, mhux biss professjonalment iżda anke kriminalment; billi fin-nuqqas ta' salvagwardji ulterjuri dawn l-esperjenzi magħrufa tal-passat jista' jkollhom it-tendenza li jiddiswadu lill-individwi milli fil-ġejjieni jsegwu t-triq etika tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

O.  billi l-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew kiseb rata ta' konformità ta' 90 % bid-deċiżjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-2014, rata li hija 10 punti perċentwali ogħla miċ-ċifra tal-2013;

P.  billi, fir-rigward tal-inkjesti mibdija mill-Ombudsman fl-2015, jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonjiet tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u d-drittijiet fundamentali;

Q.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jikkostitwixxi membru attiv tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi, bħala tali, il-Kumitat irċieva 42 ilment mill-Ombudsman Ewropew immarkati għal aktar trattament bħala petizzjonijiet;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2015 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħidma eċċellenti tagħha u għall-isforzi kontinwi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tas-servizz offrut liċ-ċittadini mill-amministrazzjonijiet Ewropej; jirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza bħala element fundamentali tal-ksib tal-fiduċja u tal-amministrazzjoni tajba, ħaġa li hija sottolinjata wkoll mill-perċentwal għoli ta' lmenti dwar it-trasparenza (22.4 %), u li tagħti lil dan is-suġġett l-ogħla klassifika minnhom kollha; jirrikonoxxi r-rwol tal-inkjesti strateġiċi fl-iżgurar ta' amministrazzjoni tajba u jappoġġja lil dawk li twettqu s'issa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman f'dan il-qasam;

3.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman Ewropew biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP permezz ta' proposti lill-Kummissjoni; ifaħħar il-pubblikazzjoni li rriżultat minnhom, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' għadd ta' dokumenti tat-TTIP, li b'hekk tħeġġet it-trasparenza bħala wieħed mit-tliet pilastri tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni; jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa ta' trasparenza msaħħa fi ftehimiet internazzjonali bħalma huma t-TTIP, is-CETA u oħrajn, kif mitlub minn ħafna ċittadini mħassba li indirizzaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jitlob li jsiru sforzi aktar b'saħħithom u aktar wiesgħa f'dan ir-rigward, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej;

4.  Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jibni fuq il-prinċipju ta' "l-akbar aċċess possibbli"; jenfasizza, għalhekk, li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu r-regola sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom; jenfasizza li, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eċċezzjonijiet għal dik ir-regola għandhom jiġu interpretati kif jixraq, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar u fil-ħtiġijiet tad-demokrazija, l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, il-leġittimità tal-governanza, l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont lejn iċ-ċittadini;

5.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew billi jagħtuha l-kapaċità li toħroġ dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mid-diversi istituzzjonijiet tal-UE, bil-kundizzjoni li dawn id-dokumenti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament; jappoġġja l-idea li l-Ombudsman għandu jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni dwar ir-rilaxx tad-dokumenti rilevanti, wara investigazzjoni dwar in-nuqqas ta' konformità;

6.  Jiddispjaċih li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tinsab wieqfa; jemmen li għandu jsir progress mingħajr aktar dewmien, peress li r-Regolament m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni ġuridika jew il-prattiki istituzzjonali attwali;

7.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jappoġġja l-investigazzjoni mill-Ombudsman Ewropew dwar negozjati informali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE ("it-trilogi"), u l-varar ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni; jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tat-trilogu, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 4 tar-Regolament 1049/2001.

8.  Jiddispjaċih li l-Kumitat Parlamentari ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (EMIS) ġie fornut mill-Kummissjoni b'dokumentazzjoni parzjali biss, imfassla b'tali mod li ċerta informazzjoni meqjusa mill-Kummissjoni bħala irrelevanti kienet nieqsa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ogħla preċiżjoni fil-ħidma tagħha u trasparenza sħiħa fir-rigward tad-dokumentazzjoni fornuta, b'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, sabiex tiggarantixxi li l-Kumitat EMIS ikun jista' jeżerċita s-setgħat ta' investigazzjoni tiegħu b'mod sħiħ u effettiv;

9.  Jappoġġja d-determinazzjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħmel il-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew aktar trasparenti u konformi ma' standard għoli ta' governanza, speċjalment bħala membru tat-Trojka/Kwadriga li tissorvelja l-programmi ta' konsolidazzjoni fiskali fil-pajjiżi tal-UE; jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jippubblika listi tal-laqgħat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu; jappoġġja l-prinċipji ta' gwida ġodda għall-impenji ta' għoti ta' diskorsi u l-istabbiliment ta' "perijodu kalm" fir-rigward ta' informazzjoni sensittiva għas-suq qabel ma jsiru l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv.

10.  Jinnota l-istatus tal-BĊE kemm bħala awtorità monetarja u kemm bħala membru konsultattiv tat-Trojka/Kwadriga, u jappella lill-Ombudsman Ewropew biex issalvagwardja l-interessi tal-amministrazzjoni tajba ta' waħda mill-awtoritajiet finanzjarji l-aktar importanti;

11.  Jappella għal trasparenza akbar fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, lil hinn mill-passi li diġà ttieħdu mill-President tiegħu wara intervent mill-Ombudsman Ewropew;

12.  Japprova l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar l-għamla u t-trasparenza tal-ħidma tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni; jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiftaħ dawn il-gruppi għall-pubbliku, u jenfasizza li hemm il-ħtieġa ta' aktar azzjonijiet biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, biex jissieħbu fir-Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Gruppi ta' Interess malajr kemm jista' jkun u jtejbu t-trasparenza tal-ħidma tagħhom;

13.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li qed tagħmel l-Ombudsman biex trendi l-illobbjar aktar trasparenti; jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-laqgħat mal-lobbisti tat-tabakk; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-operazzjonijiet tagħha kompletament trasparenti ħalli l-pubbliku jikseb fiduċja akbar fil-ħidma tagħha;

14.  jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-informazzjoni kollha dwar l-influwenza tal-lobbisti disponibbli mingħajr ħlas, u b'mod li l-pubbliku jkun jista' jifhimha għalkollox u jkollu aċċess faċli għaliha, permezz ta' bażi tad-data onlajn ċentralizzata unika;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sa tmiem is-sena 2017, proposta għal Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Gruppi ta' Interess liema reġistru jkun mandatarju bis-sħiħ u ġuridikament vinkolanti mmirat biex jagħlaq il-lakuni kollha u jikseb reġistru mandatorju għalkollox tal-lobbisti kollha;

16.  Jappoġġja l-isforzi biex jiġu implimentati linji gwida dwar it-trasparenza tal-illobbjar li jkunu japplikaw mhux biss għall-istituzzjonijiet tal-UE iżda għall-amministrazzjonijiet nazzjonali wkoll;

17.  Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib taċ-ċittadini fir-rigward ta' kif il-Kummissjoni tittratta l-ilmenti ta' ksur; jenfasizza li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif imnaqqax fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jinkludi l-obbligu li jingħata raġunament suffiċjenti fil-każijiet fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiftaħx proċedura ta' ksur quddiem il-QtĠ-UE; jilqa' l-inkjesta strateġika min-naħa tal-Ombudsman Ewropew dwar il-kwistjonijiet sistemiċi misjuba fl-EU Pilot;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tal-inkjesta tal-Ombudsman (Kawża OI/5/2016/AB) dwar it-trattament min-naħa tal-Kummissjoni ta' lmenti ta' ksur taħt il-proċeduri tal-EU Pilot fir-rwol tagħha bħala l-gwardjana tat-Trattati; ifakkar fit-talbiet preċedenti li għamel il-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar li jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti proċedurali tal-EU Pilot u għal dawk ta' ksur, peress li spiss il-petizzjonijiet iwasslu għall-ftuħ ta' proċeduri bħal dawn;

19.  Jilqa' t-tkomplija tal-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f'każijiet tat-tip "bibien iduru" fil-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-fatt li b'riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet il-Kummissjoni tat informazzjoni aqwa rigward l-ismijiet tal-uffiċjali għolja li telqu minn magħha biex jaħdmu fis-settur privat; iħeġġeġ li l-ismijiet u data oħra ta' persuni bħal dawn jiġu ppubblikati aktar spiss; jesprimi t-tama tiegħu li istituzzjonijiet u aġenziji Ewropej oħra se jagħmlu l-istess; jilqa' r-rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni dwar l-impjiegi ta' wara tmiem il-mandat ta' l-ex-Kummissarji; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-ex-President tal-Kummissjoni Barroso inħatar bħala konsulent u President mhux eżekuttiv ta' Goldman Sachs International;

20.  Ifakkar li l-kunflitt ta' interess għandu ambitu usa' mill-każijiet tat-tip 'bieb idur'; jenfasizza li l-indirizzar determinat u b'mod effettiv tal-għejun kollha ta' kunflitt ta' interess huwa kruċjali sabiex tinkiseb amministrazzjoni tajba u tiġi żgurata l-kredibilità tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u tekniċi; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari fil-livell tal-UE, abbażi ta' standards għolja u miżuri konkreti li ma jħallu l-ebda dubju rigward xi kunflitt ta' interess, fil-ħatra tal-kandidati għall-pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni;

21.  Jilqa' l-fatt li fl-2015 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE introduċew regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi, skont l-Artikolu 22(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal, u b'hekk ħeġġew l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ta' tip regolat; jinnota li l-protezzjoni tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni tista' tkun aktar effettiva; għal dan il-għan, iħeġġeġ l-adozzjoni ta' regoli komuni għall-inkoraġġiment tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-introduzzjoni ta' garanziji minimi u salvagwardji għall-informaturi.

22.  Jitlob li jkun hemm direttiva dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta liema direttiva tistabbilixxi kanali u proċeduri xierqa għad-denunzjar tal-forom kollha ta' amministrazzjoni ħażina, kif ukoll garanziji minimi adegwati u salvagwardji ġuridiċi fil-livelli kollha għall-individwi involuti;

23.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' lmenti għall-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali fil-Frontex, wara investigazzjoni mill-Ombudsman li għadha għaddejja dwar il-prattiki użati mill-Frontex u mill-Istati Membri fir-ritorni furzati konġunti ta' migranti irregolari; ifaħħar l-inklużjoni ta' tali mekkaniżmu fir-regolament il-ġdid tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

24.  Ifaħħar lill-Ombudsman Ewropew talli investigat jekk l-Istati Membri humiex jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jkunu qed jimplimentaw azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi tal-UE, bħalma huma proġetti li jistituzzjonalizzaw lill-persuni b'diżabilità u mhux jintegrawhom fis-soċjetà; Iħeġġeġ lill-Ombudsman Ewropew tkompli b'tali investigazzjonijiet, bil-għan li tiżgura t-trasparenza u l-valur miżjud tal-proġetti;

25.  Jilqa' l-kooperazzjoni ta' bejn l-Ombudsman u l-Parlament Ewropew fil-Qafas tan-NU għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'mod partikulari billi talbet l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE u li jiġu allokati għal dan riżorsi suffiċjenti; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromulgaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE;

26.  Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman fit-trattament tal-każijiet ta' diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-gruppi ta' minoritarji, u d-drittijiet tal-anzjani fis-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen dwar "L-Ombudsmen kontra d-Diskriminazzjoni";

27.  Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman biex tiżgura l-imparzjalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni;

28.  Jirrikonoxxi li d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom vuċi fit-tfassil tal-politika tal-UE issa huwa aktar importanti minn qatt qabel; jilqa' l-linji gwida proposti mill-Ombudsman biex jittejjeb il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, speċjalment fejn jidħol ir-raġunament solidu min-naħa tal-Kummissjoni fir-rifjut ta' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm nuqqasijiet sinifikanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod determinat u solvuti bil-għan li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ssir aktar effettiva; jafferma li l-inklużjoni akbar taċ-ċittadini fid-determinazzjoni tal-politiki tal-UE se żżid il-kredibilità tal-istituzzjonijiet Ewropej;

29.  Jinnota b'mod pożittiv id-djalogu kontinwu u r-relazzjonijiet mill-qrib li għandha l-Ombudsman ma' firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, kif ukoll korpi oħra, bil-għan li tiżgura kooperazzjoni u l-koeżjoni amministrattivi; ifaħħar ukoll l-isforzi tal-Ombudsman biex tiżgura l-komunikazzjoni kontinwa u miftuħa mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

30.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-aġenziji tal-UE jirrispettaw l-istess standards għoljin ta' trasparenza, responsabbiltà, u etika bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha; jinnota b'apprezzament il-ħidma importanti mwettqa mill-Ombudsman Ewropew f'diversi aġenziji madwar l-UE; jappoġġja l-proposta mressqa quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li r-reġistranti għandhom juru li huma ppruvaw minn kollox biex jevitaw l-ittestjar tal-annimali u biex jipprovdu informazzjoni dwar kif jiġi evitat l-ittestjar tal-annimali;

31.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li jgħidu li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għandha tirrevedi r-regoli u l-proċeduri tagħha dwar il-kunflitt ta' interess sabiex tiżgura konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika xierqa;

32.  Ifakkar li l-Ombudsman għandha wkoll il-kapaċità, u għaldaqstant id-dmir, li tiskrutinja l-ħidma tal-Parlament bil-għan li taħdem lejn l-għan li tiżgura l-amministrazzjoni tajba għaċ-ċittadini tal-UE;

33.  Jitlob li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba jiġi aġġornat b'mod effettiv billi matul dan il-mandat leġiżlattiv jiġi adottat regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni;

34.  Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex mar-rapporti annwali futuri żżid kategorizzazzjoni ta' lmenti li jaqgħu barra l-mandat tal-uffiċċju tal-Ombudsman, peress li dan ikun jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew li jkollhom ħarsa ġenerali tal-problemi li jolqtu liċ-ċittadini tal-UE; 

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1)

ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Ombudsman Ewropew, is-Sa Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali 2015 tagħha lill-President Martin Schulz nhar it-3 ta' Mejju 2016. Ippreżentat ir-rapport tagħha fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, tal-Parlament Ewropew, nhar l-20 ta' Ġunju 2016.

Ir-rapport għandu l-istess preżentazzjoni attraenti bħar-rapport preċedenti tal-2014, filwaqt li jenfasizza l-kwistjonijiet ewlenin u jagħti informazzjoni rikka dwar l-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew, l-użu tal-midja soċjali għall-promozzjonijiet tal-attivitajiet tal-Ombudsman u l-azzjonijiet korrispondenti mill-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa akkumpanjat minn statistika informattiva u dettaljata f'bejn wieħed u ieħor l-istess oqsma bħal tas-sena li għaddiet, ħaġa li tippermetti tqabbil dirett u faċli. Sfortunatament, ir-rapport deher biss bl-Ingliż fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew u dan jillimita l-ambitu tal-qarrejja sakemm isiru disponibbli l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha.

Il-mandat tal-Ombudsman Ewropew huwa deskritt fl-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jippermetti lill-uffiċċju tiegħu jilqa' l-ilmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Id-dritt li wieħed jilmenta mal-Ombudsman Ewropew huwa minqux fl-Artikolu 24 tat-TFUE u fl-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dan id-dritt huwa wkoll wieħed mid-drittijiet fundamentali mogħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri permezz taċ-ċittadinanza tagħhom tal-UE.

L-Ombudsman jgħin/tgħin lill-individwi, kumpaniji u assoċjazzjonijiet li qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi ta' amministrazzjoni ħażina f'istituzzjoni tal-UE. Amministrazzjoni ħażina hija definita bħala "amministrazzjoni li ma saritx kif suppost jew li saret b'mod mhux ġust. Dan jiġri meta xi istituzzjoni ma timxix skont il-liġi, ma tirrispettax il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, jew tikser id-drittijiet tal-bniedem". Fl-istess ħin, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddeskrivi amministrazzjoni tajba bħala dritt taċ-ċittadini tal-UE, biex b'hekk huma ġġenerati obbligi kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll għal dawk tal-UE.

Fl-2015, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għen lil 17,033 ċittadin Ewropew, li 13,966 każ minnhom (81.99 %) ġew ittrattati billi ngħataw parir permezz tal-gwida interattiva fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew, 2,077 każ (12.19 %) kienu ttrattati bħala lmenti u 1,060 każ (6.22 %) kienu talbiet għal informazzjoni li wieġbu għalihom is-servizzi tal-Ombudsman Ewropew. Meta mqabbla mas-sena ta' qabel, iċ-ċittadini li ngħataw l-għajnuna kienu notevolment inqas fl-2015 (23,072 fl-2014, tnaqqis ta' 26.17 %); l-ammont ta' lmenti kien l-istess, iżda l-perċentwal tal-ilmenti fl-2015 fl-ammont totali ta' każijiet kien ogħla fl-2015 (12.19 %) milli fl-2014 (9.01 %).

Minbarra l-għajnuna liċ-ċittadini, l-Ombudsman Ewropew taqdi l-interess pubbliku billi tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu l-kwalità tas-servizz li jipprovdu. Apparti l-investigazzjoni ta' lmenti, l-Ombudsman tista' wkoll tiftaħ inkjesti fuq inizjattiva tagħha stess.

Fis-sena ta' referenza, l-Ombudsman Ewropew fetħet 261 inkjesta bbażati fuq ilmenti kif ukoll 17-il inkjesta fuq inizjattiva proprja u għalqet 261 inkjesta bbażati fuq ilmenti, kif ukoll 16-il inkjesta fuq inizjattiva proprja. Tmienja minn dawn tal-aħħar kienu investigazzjonijiet strateġiċi dwar kwistjonijiet ewlenin, bħalma huma t-trasparenza tat-TTIP, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, id-drittijiet fundamentali fil-politika ta' koeżjoni tal-UE, u r-ritorn furzat min-naħa tal-Frontex. Wieħed irid jinnota wkoll il-ftuħ ta' sitt inizjattivi strateġiċi (inizjattivi ta' segwitu ta' suġġetti importanti mingħajr inkjesta), fosthom it-trasparenza tal-BĊE, l-attivitajiet ta' wara tmiem il-mandat tal-ex-Kummissarji u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni).

Fir-rigward tal-pajjiżi ta' oriġini ta' dawn l-ilmenti, Spanja tinsab fil-quċċata bi 322 ilment, segwita mill-Ġermanja (234), il-Polonja (172), il-Belġju (179) u r-Renju Unit (146). Il-fatt li bosta lmenti joriġinaw minn Stat Membru speċifiku mhuwiex ekwivalenti għal għadd proporzjonali ta' inkjesti li nfetħu. Pereżempju, iċ-ċifri għall-2015 juru li b'rabta mal-149 ilment tal-Belġju nfetħu 35 inkjesta, filwaqt li t-323 ilment ta' Spanja rriżultaw fil-ftuħ ta' 27 inkjesta biss.

Rigward l-istituzzjonijiet li huma suġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman, il-Kummissjoni Ewropea tiġi l-ewwel b'aktar minn nofs il-każijiet (55.6 %). Wara jiġu l-aġenziji tal-UE bi 11.5 %. L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jinsab fit-tielet post (10 %), wara jiġu korpi oħra b'9.2 %, u l-Parlament Ewropew jinsab fil-ħames post bi 8 % tal-ilmenti. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jinsabu fl-aħħar żewġ postijiet b'4.6 % u 1.9 % rispettivament. Meta mqabbla mal-2014, l-istituzzjonijiet ikkonċernati baqgħu l-istess, iżda l-klassifika tagħhom inbidlet: fl-2015, il-Parlament Ewropew ta lok aktar inkjesti mis-SEAE.

It-tliet suġġetti fil-quċċata tal-inkjesti tal-Ombudsman għall-2015 kienu talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti (jiġifieri, kwistjonijiet ta' trasparenza), kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika segwiti mill-qrib mill-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati. It-tlieta li huma għandhom numri simili ta' inkjesti. Kwistjonijiet oħra li jiġu wara dawn (f'ordni ta' rilevanza) huma l-konkorsi u l-proċeduri tal-għażla, l-amministrazzjoni u r-regolamenti tal-persunal u, fl-aħħar nett, l-għoti ta' kuntratti u għotjiet. Fl-2014, is-suġġetti kienu l-istess; madankollu, il-klassifikazzjoni tagħhom kienet differenti, bil-kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika inqas frekwenti mill-kwistjonijiet tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati.

Fl-2015 l-Ombudsman ħadet azzjoni fuq 1,946 ilment li rċeviet. F'971 każ, is-servizzi tal-Ombudsman taw parir jew ittrasferew il-każ (pereżempju, lil xi membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jew lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-PE), f'726 każ l-ilmentatur ġie infurmat li ma setax jingħata parir ulterjuri, u f'249 każ infetħet inkjesta.

Il-Kapitolu 11 tar-Rapport Annwali jsemmi fil-qosor il-proċeduri segwiti mill-Ombudsman Ewropew meta jittratta l-każijiet. Inkjesti strateġiċi jiffurmaw parti mill-attivitajiet; madankollu, l-indirizzar tal-ilmenti huwa l-kompitu ewlieni, li huwa dejjem ippreżentat bil-miktub, kemm jekk fuq karta jew b'mod elettroniku. Ilmenti lil hinn mill-mandat tal-Ombudsman jgħaddu għall-awtorità kompetenti jew servizz ieħor li jista' jkun ta' għajnuna. Ilmenti inammissibbli jiġu miċħuda b'ġustifikazzjoni bil-miktub lill-ilmentatur u suġġeriment għal rimedju alternattiv. Jekk tinbeda inkjesta dwar ilment, tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-ilment jistax jiġi solvut b'mod prattiku. Jekk ma jkunx il-każ, tkun meħtieġa inkjesta sħiħa li tista' tiġi konkluża billi tiġi proposta soluzzjoni jew abbozz ta' rakkomandazzjoni dwar il-mod possibbli ta' kif tiġi kkoreġuta amministrazzjoni ħażina. Fl-aħħar nett, jekk ma tkun tista' tintlaħaq l-ebda soluzzjoni, tkun tista' tinħareġ rimarka kritika.

Lejn tmiem l-2015, l-Ombudsman Ewropew nediet rieżami tal-proċeduri ta' hawn fuq bil-ħsieb li jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt. Il-proċeduri riveduti huma mistennija bil-ħerqa fl-2016, meta ssir konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Fil-145 inkjesta li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2015 (52.3 % tat-total) il-kwistjoni li dwarha kien hemm l-ilmenti ġiet solvuta mill-istituzzjoni kkonċernata jew intlaħaq ftehim fuq soluzzjoni amikevoli. F'79 każ (28.5 %) ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina u f'59 każ (19.5 %) ma ġiet iġġustifikata l-ebda inkjesta ulterjuri filwaqt li fi 30 każ (10.8 %) instabet amministrazzjoni ħazina. F'sitt każijiet (2.2 %) ittieħdu miżuri oħra. Meta mqabbla mas-sena preċedenti, wieħed irid jinnota ż-żieda sinifikanti fl-ilmenti solvuti (minn 33.3 % fl-2014), kif ukoll in-numru ikbar ta' każijiet fejn ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina (19.0 % fl-2014). Fl-istess ħin, ilmenti fejn l-ebda inkjesta ulterjuri ma kienet ġustifikata kienu limitati ħafna (40.8 % fl-2014).

F'każijiet fejn tista' tiġi stabbilita amministrazzjoni ħażina l-Ombudsman Ewropew tista' tagħlaq l-inkjesta b'rimarka kritika jew b'abbozz ta' rakkomandazzjoni.

Rimarka kritika ssir meta ma jkunx aktar possibbli li l-istituzzjoni telimina l-każ ta' amministrazzjoni ħażina, l-amministrazzjoni ħażina ma jkollhiex implikazzjonijiet ġenerali jew ma jkunx hemm bżonn ta' azzjoni ta' segwitu mill-Ombudsman. L-Ombudsman tista' tagħmel ukoll rimarka kritika meta tqis li abbozz ta' rakkomandazzjoni ma jkunx effettiv jew f'każijiet fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma taċċettax abbozz ta' rakkomandazzjoni iżda l-każ ta' amministrazzjoni ħażina ma jiġġustifikax it-tfassil ta' rapport speċjali għall-Parlament. Rimarka kritika madankollu taħdem bħala konferma għall-ilmentatur li l-ilment tiegħu kien ġustifikat u tindika b'mod ċar lill-istituzzjoni kkonċernata fejn aġixxiet ħażin, sabiex tkun tista' tevita azzjoni simili fil-futur.

Rimarka ulterjuri hija strument li l-Ombudsman tuża meta hi u tittratta każ tidentifika opportunità biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni. Ir-rimarki ulterjuri mill-Ombudsman mhumiex intiżi biex jikkritikaw lill-istituzzjoni kkonċernata iżda għandhom jittieħdu bħala gwida u suġġeriment ta' kif l-istituzzjoni tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizz tagħha.

Abbozz ta' rakkomandazzjoni jinħareġ f'każijiet fejn huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li telimina każ ta' amministrazzjoni ħażina jew f'każijiet fejn l-amministrazzjoni ħażina hija serja jew għandha implikazzjonijiet ġenerali. Fil-każ ta' abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata skont it-Trattat li tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur.

Jekk istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-UE ma jweġbux b'mod sodisfaċenti għal abbozz ta' rakkomandazzjoni l-Ombudsman jista' jfassal u jibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport speċjali huwa l-aħħar strument li tuża l-Ombudsman u jikkostitwixxi l-aħħar pass li l-Ombudsman tieħu meta jkun qed jiġi indirizzat każ ta' lment. Minn hawn 'il quddiem huwa l-Parlament li jrid jiddeċiedi fuq passi ulterjuri, bħal, ngħidu aħna, it-tfassil ta' riżoluzzjoni. Ir-rapporti speċjali huma ppreżentati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li huwa l-Kumitat responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman.

Fl-2015 l-Uffiċċju tal-Ombudsman indirizza rimarki kritiċi lill-istituzzjonijiet f'19-il każ. Fi 11-il każ saru abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet li ġew aċċettati għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni.

L-Ombudsman Ewropew tikkoopera mill-qrib mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni sseħħ fil-qafas tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi ombudsmen nazzjonali u reġjonali, kumitati għall-petizzjonijiet u korpi simili tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi kandidati għall-isħubija fl-UE, u pajjiżi oħra fiż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew iż-żona Schengen. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament huwa membru sħiħ tan-Netwerk, li bħalissa huwa magħmul minn 94 uffiċċju f'36 pajjiż Ewropew.

Is-sena 2015 kienet sena importanti immens għan-netwerk peress li l-Ombudsman Ewropew bdiet riforma tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen biex isir aktar viżibbli u rilevanti għaċ-ċittadini Ewropej. Ħlief għat-trattament ta' każijiet li jaqgħu barra mill-mandat tal-Ombudsman (minn 512-il każ bħal dawn fl-2015, 470  minnhom intbagħtu lil ombudsmen oħrajn u 42 lill-Kumitat PETI), li s'issa kienet proċedura stabbilita, il-membri tan-Netwerk issa għandhom l-opportunità għal kooperazzjoni msaħħa, jiġifieri li jwettqu investigazzjonijiet paralleli mal-Ombudsman (bħal fil-każ ta' ritorn furzat tal-migranti illegali), biex jiddiskutu każijiet partikolari (bħall-inkjesta dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni), u biex jikkonsultaw lil xulxin dwar suġġetti usa' (pereżempju, dwar it-trasparenza fil-lobbying bl-għan li jitħejjew linji gwida dwar il-kwistjoni indirizzata lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-UE). Il-membri jipprevedu wkoll l-organizzazzjoni ta' seminar annwali dwar suġġetti ewlenin u t-titjib tal-proċeduri interni dwar it-tressiq ta' mistoqsijiet nazzjonali rigward id-dritt tal-UE min-netwerk għall-istituzzjonijiet kompetenti. Il-laqgħa annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen saret f'Varsavja f'April 2015 dwar kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni.

L-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità jipprevedi t-twaqqif ta' Qafas tal-UE inkarigat mill-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. L-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni Ewropea (li esprimiet l-intenzjoni tagħha li tirtira mill-qafas), u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità huma lkoll membri. Huwa l-kompitu tal-Ombudsman Ewropew li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u li tiżgura li l-amministrazzjoni tal-UE tkun konxja mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta' dawn id-drittijiet. Persuni li jemmnu li istituzzjoni tal-UE mhux qed taġixxi bi qbil mas-CRPD għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman biex ifittxu rimedju. Attwalment għaddejja riforma tal-qafas, wara r-rieżami tagħha mill-Kumitat Espert tal-UNCRPD; l-Ombudsman Ewropew hija impenjata b'mod attiv f'din ir-riforma.

Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti fil-baġit tal-UE. Il-baġit tal-Ombudsman għall-2015 kien jammonta għal EUR 10 346 105.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet qed jieħu nota tal-iżviluppi attwali fl-inkjesti u l-inizjattivi strateġiċi meħuda mill-Ombudsman Ewropew, kemm f'dawn li qed ikomplu mill-2015 għas-sena ta' wara, iżda anke dawk li bħalissa huma miftuħa bħala segwitu għall-kisbiet preċedenti. Fosthom hemm t-trasparenza tat-trilogu u l-iżvelar ta' dokumenti, trasparenza ikbar tal-ħidma fil-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE, kif ukoll il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess possibbli ta' Konsulenti Speċjali. Aħna nilqgħu l-isforzi tal-Ombudsman Ewropew biex tistabbilixxi t-trasparenza f'diversi istituzzjonijiet jew korpi tal-UE li jieħdu deċiżjonijiet u li għandhom impatt fuq iċ-ċittadini Ewropej, huma u jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ekonomiċi u monetarji (bħall-Grupp tal-Euro) jew joffru finanzjament lil Stati Membri taħt kundizzjonalità ħarxa u Memoranda ta' Qbil (MtQ) (bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni).


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Soledad Cabezón Ruiz, Andrea Cozzolino, Pál Csáky, Miriam Dalli, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Peter Jahr, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Notis Marias, Edouard Martin, Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Sofia Sakorafa, Eleni Theocharous, Jarosław Wałęsa, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Urszula Krupa, Demetris Papadakis, Ángela Vallina, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, Ernest Urtasun, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Avviż legali - Politika tal-privatezza