RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdu assistenza lill-Ġermanja

25.11.2016 - (COM(2016)0681 – C8-0423/2016 – 2016/2267(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur għal opinjoni: Monika Hohlmeier

Proċedura : 2016/2267(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0352/2016
Testi mressqa :
A8-0352/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdu assistenza lill-Ġermanja

(COM(2016)0681 – C8-0423/2016 – 2016/2267(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0681 – C8-0423/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0352/2016),

1.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 311, 14.11.2012, p. 3.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdu assistenza lill-Ġermanja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li turi solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2)  Jenħtieġ li l-Fond ma jaqbiżx l-ammont annwali massimu ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].

(3)  Fid-19 ta' Awwissu 2016, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara sensiela ta' każijiet qawwija iżda qosra ta' għargħar li affettwat ir-reġjun ta' Niederbayern f'Mejju u Ġunju 2016.

(4)  L-applikazzjoni tal-Ġermanja tissodisfa l-kundizzjonjiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(5)  Jenħtieġ għalhekk li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Ġermanja.

(6)  Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta' EUR 31 475 125 lill-Ġermanja, f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika minn ... [id-data tal-adozzjoni tagħha].

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

  • [1]   ĠU L 311, 14.11.2012, p. 3.
  • [2]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p 884).

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni qed tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex tingħata assistenza finanzjarja relatata ma' diżastru fil-Ġermanja (għargħar li laqat il-Bavarja t'Isfel, speċjalment id-distrett ta' Rottal-lnn) li seħħ f'Mejju u f'Ġunju 2016.

Is-sensiela ta' każijiet estremament qawwija iżda qosra ta' għargħar/għargħar għal għarrieda kkawżat il-qerda ta' infrastruttura pubblika u privata, djar privati u fl-agrikoltura. Tilfu ħajjithom seba' persuni u ntlaqtu aktar minn 47 000 persuna fil-Bavarja t'Isfel, fejn kien hemm aktar minn 2 000 ruħ li ma setgħux jerġgħu lura lejn djarhom xahrejn wara l-għargħar. Il-belt ta' Simbach am Inn kważi nqerdet kompletament u tħalliet mingħajr provvista ta' ilma muniċipali għal tliet ġimgħat. Ġie rrapportat ukoll li saret ħsara sinifikanti lin-negozji u l-agrikoltura, kif ukoll ħsara kbira lill-infrastruttura bażika, il-provvista tal-ilma, is-servizzi tad-dranaġġ u n-netwerk tal-elettriku.

Fl-applikazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni rċeviet fid-19 ta' Awwissu 2016, l-istima min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi tal-ħsara diretta totali li kkawża d-diżastru kienet ta' EUR 1 259 005 miljun. Peress li dan jirrappreżenta 3,03 % tal-PDG reġjonali tar-reġjun NUTS 2 ikkonċernat, Niederbayern, (abbażi taċ-ċifri għall-2014), u jaqbeż il-limitu minimu ta' 1,5 % tal-PDG reġjonali, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru reġjonali" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar il-FSUE.

Ġie stmat mill-awtoritajiet Ġermaniżi li l-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eliġibbli, kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament, se jiġu jiswew EUR 94 196 miljun, li minnhom aktar minn EUR 52 227 miljun jikkonċernaw operazzjonijiet ta' rkupru fis-settur tat-trasport u aktar minn EUR 21 miljun jikkonċernaw miżuri ta' tindif.

Ir-reġjun milqut jaqa' taħt il-kategorija ta' "reġjuni aktar żviluppati" skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2014-2020). L-awtoritajiet Ġermaniżi ma indikawx lill-Kummissjoni li bi ħsiebhom jallokaw mill-ġdid il-finanzjament mill-programm ta' Fondi SIE għall-miżuri ta' rkupru.

Il-Ġermanja ma talbiex li jsirilha pagament bil-quddiem.

Bi qbil mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni qed tipproponi li tapplika r-rata ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali għall-ħsarat kollha sal-limitu minimu ta' "diżastru maġġuri". L-ammont totali ta' għajnuna propost huwa għalhekk ta' EUR 31 475 125.

Il-mobilizzazzjoni proposta tirrikjedi emenda għall-baġit 2016 u abbozz ta' baġit emendatorju (Nru 6/2016) immirat biex iżid l-artikolu baġitarju 13 06 01 "Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija" b'EUR 31 475 125 kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn u kemm f'approprjazzjonijiet ta' pagament.

Din hija t-tieni deċiżjoni dwar mobilizzazzjoni tal-2016 u l-ammont totali ta' għajnuna propost hawn fuq huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta' limitu massimu għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE kif stabbilit fir-Regolament dwar il-QFP ta' EUR 552 040 402 miljun (jiġifieri EUR 500 miljun bil-prezzijiet tal-2011). Peress li l-allokazzjoni ta' EUR 541 216 080 għall-2015 baqgħet ma ntefqitx u ġiet riportata għal sena lejn l-2016, l-ammont mill-FSUE li għadu ma ntefaqx, b'segwitu għall-ewwel proposta għal mobilizzazzjoni tal-2016 (terrimot fil-Gżejjer Jonji fil-Greċja) huwa attwalment ta' EUR 1 091 604 648.

Ir-Rapporteur qed jirrakkomanda l-approvazzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni annessa ma' dan ir-rapport, b'sinjal ta' solidarjetà mar-reġjun milqut.

ANNESS – ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Għażiż Sur Arthuis,

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea favur il-Ġermanja

Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (COM(2016)0681) biex jipprovdu assistenza lill-Ġermanja.

Abbażi ta' applikazzjoni mill-Ġermanja, il-kalkolu tal-għajnuna mill-Fond, abbażi tal-istima tal-ħsara totali kkawżata huwa kif ġej:

Diżastru

Ħsara diretta

 

(f'miljuni ta' EUR)

Kost totali tal-operazzjonijiet eliġibbli

(f'miljuni ta' EUR)

 

Il-limitu applikat għad-diżastri reġjonali

[1,5% tal-PDG] (f'miljuni ta' EUR)

2,5 % ta' ħsara diretta

(f'EUR)

6 % tal-ħsara diretta 'l fuq mil-limitu

 

Ammont totali tal-għajnuna proposta

 

(f'EUR)

IL-ĠERMANJA

1 259,005

94,196

622,8

31 475 125

~

31 475 125

TOTAL

31 475 125

Fid-dawl tal-eżami tal-applikazzjoni (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2016(6597 tal-14.10.2016) u b'kunsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni massima possibbli mill-Fond kif ukoll l-ambitu għar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għal ammont totali ta' EUR 31 475 125.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrappurtalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Younous Omarjee, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivana Maletić, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský