RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

6.12.2016 - (11197/1/2016 – C8-0424/2016 – 2013/0013(COD)) - ***II

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Merja Kyllönen


Proċedura : 2013/0013(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0368/2016
Testi mressqa :
A8-0368/2016
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

(11197/1/2016 – C8-0424/2016 – 2013/0013(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (11197/1/2016 – C8-0424/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013[1],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013[2],

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0026),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0368/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi bil-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

  • [1]  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.
  • [2]  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.
  • [3]  Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0152.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Il-pilastru tas-suq tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju

Il-pilastru tas-suq tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju huwa magħmul minn tliet proposti leġiżlattivi:

1.  Proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2012/34/EU li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport nazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija u tal-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja;

2.  Proposta biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport nazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija;

3.  Proposta biex jitħassar ir-Regolament Nru 1192/69 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

2. Il-proposta tal-Kummissjoni għat-tħassir tar-Regolament Nru 1192/69

Ir-Regolament Nru 1192/69 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija, li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tħassar, jippermetti lill-Istati Membri li jikkumpensaw lill-intrapriżi ferrovjarji għall-pagament ta' obbligi li intrapriżi ta' modi oħra ta' trasport ma għandhomx għalfejn iġarrbu.

Dawn l-obbligi jistgħu jikkonċernaw, pereżempju, pagamenti speċjali f'każ ta' inċident fuq il-post tax-xogħol, li intrapriża ferrovjarja hija obbligata tħallas imma li fil-każ ta' modi oħra ta' trasport jiġġarrbu mill-Istat, pensjonijiet għal ħaddiema ferrovjarji li normalment jirtiraw kmieni minn ċertu xogħol iebes, jew pagamenti għall-ispejjeż fir-rigward ta' faċilitajiet ta' passaġġ invell. It-tipi ta' kumpens għal obbligi bħal dawn jinqasmu fi 15-il kategorija ("klassijiet") li jiddefinixxu l-ambitu u l-prinċipju ta' komputazzjoni speċifiċi, kif inklużi fl-annessi differenti tar-Regolament Nru 1192/69.

Ir-Regolament Nru 1192/69 ġie adottat qabel ma s-suq ferrovjarju ġie liberalizzat u meta t-trasport ferrovjarju fl-Ewropa kien qed jiżviluppa primarjament fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, b'kumpaniji integrati li kienu jħaddmu s-servizzi ferrovjarji kif ukoll jiġġestixxu l-infrastruttura ferrovjarja. Dak iż-żmien l-objettiv tar-Regolament kien li l-intrapriżi ferrovjarji u l-intrapriżi attivi f'modi oħra tat-trasport jitqiegħdu fuq l-istess livell fir-rigward ta' spiżi soċjali jew esternalitajiet. Barra minn hekk, ir-relazzjoni bejn il-gvernijiet u l-intrapriżi, li l-maġġorparti tagħhom kienu proprjetà tal-Istat, ma kinitx għadha regolata bi ftehim kuntrattwali, u kien hemm rabta ferm aktar diretta ta' sjieda bejn iż-żewġ atturi. Minħabba l-intenzjoni inizjali tiegħu, ir-Regolament fih elenku ta' kumpaniji ferrovjarji li qabel kienu proprjetà tal-Istat. Din il-lista ġiet adattata diversi drabi biex jittieħed kont tal-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda, u llum tinkludi 40 kumpanija.

Il-Kummissjoni tiddikjara li sa mill-2007 erba' Stati Membri użaw dan ir-Regolament b'mod regolari: il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Polonja. Minn ħmistax-il klassi, il-pagamenti saru biss fi tliet klassijiet. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, wara bosta pakketti ferrovjarji li ttrasformaw is-settur ferrovjarju, ir-Regolament m'għadux jirrispetta aktar l-ambjent ġuridiku ta' bħalissa u jiddiskrimina bejn dawk l-intrapriżi ferrovjarji inklużi fil-lista (li għalhekk huma eliġibbli għall-pagamenti ta' kumpens) u dawk esklużi mil-lista.

3. Il-pożizzjoni tar-rapporteur

Kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-proposta, ir-Regolament ma għadux jirrispetta l-ambjent ġuridiku ta' bħalissa. Ir-Rapporteur taqbel kompletament mal-opinjoni tal-Kummissjoni. Ir-Rapporteur taqbel ukoll li t-test attwali tar-Regolament huwa diskriminatorju, peress li joffri biss il-possibilità ta' kumpens għal 40 kumpanija speċifikati fl-annessi tar-Regolament. Għaldaqstant, mhijiex għażla li r-Regolament jibqa' fis-seħħ, sakemm il-lista ta' impriżi ferrovjarji ma tiġix aġġornata b'mod kostanti.

Il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari ġiet adottata fis-26 ta' Frar 2014. Dak iż-żmien il-Parlament kien favur li jitħassar ir-Regolament iżda talab għal proroga ta' sentejn għad-dħul fis-seħħ tat-tħassir.

Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari, in-negozjati interistituzzjonali (bl-għan li jintlaħaq ftehim bikri fit-tieni qari) seħħew, minn Ottubru 2015 sa April 2016, taħt il-Presidenza Lussemburgiża u l-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill. Wara sitt ċikli ta' trilogi, it-tim tan-negozjati tal-Parlament laħaq ftehim mal-Presidenza tal-Kunsill fid-19 ta' April 2016. It-test tal-ftehim tressaq quddiem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) u ġie approvat fit-12 ta' Lulju 2016. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, il-President tal-Kumitat TRAN, fl-ittra tiegħu lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER I), qal li kien se jirrakkomanda lill-Plenarja biex tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi, sakemm din tkun konformi mal-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Wara verifika ġuridikolingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-17 ta' Ottubru 2016, f'konformità mal-ftehim.

Matul in-negozjati u l-konsultazzjonijiet fit-tieni qari bikri mal-partijiet ikkonċernati, ir-Rapporteur sabet li għad hemm bżonn ta' perjodu tranżitorju għall-kumpens imħallas għall-faċilitajiet ta' passaġġ invell (Klassi IV) minħabba l-fatt li xi Stati Membri għadhom jużaw dan ir-Regolament bħala bażi għall-kumpens għall-faċilitajiet ta' passaġġ invell. Fil-ġejjieni, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jħallsu kumpens għall-ispejjeż ta' dawn il-faċilitajiet abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/34/UE. Huma jistgħu, madankollu, jeħtieġu żmien biex jemendaw il-liġi u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom biex jitqies it-tħassir tar-Regolament Nru 1192/69.

Għalhekk, ir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur hija li għandha tiġi segwita l-proposta tal-Kummissjoni biex jitħassar ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li japplikaw għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet għall-każijiet tal-Klassi IV koperti mill-Anness IV. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2017. Dan għandu jippermetti li l-Istati Membri jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kumpens ta' spejjeż relatati ma' ċerti faċilitajiet ta' passaġġ invell.

Madankollu, ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw l-atti leġiżlattivi preċedenti u jipproċedu bil-miżuri ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/34/UE mingħajr aktar dewmien.

4. Rakkomandazzjoni

Billi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija konformi mal-ftehim milħuq matul in-negozjati interistituzzjonali, ir-Rapporteur tirrakkomanda li din tiġi approvata mingħajr emendi.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta’ intrapriżi tal-ferrovija

Referenzi

11197/1/2016 – C8-0424/2016 – 2013/0013(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

26.2.2014                     T7-0152/2014

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2013)0026 - C7-0026/2013

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

27.10.2016

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

27.10.2016

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Merja Kyllönen

13.10.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.11.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

5.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Deirdre Clune, Michael Cramer, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Fabio De Masi, Maria Grapini, Werner Kuhn, Ramona Nicole Mănescu, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jeroen Lenaers

Data tat-tressiq

6.12.2016