RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra

12.12.2016 - (08919/2016 – C8-0218/2016 – 2015/0114(NLE) – 2016/2231(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Helmut Scholz


Proċedura : 2016/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0383/2016
Testi mressqa :
A8-0383/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra

(08919/2016 – C8-0218/2016 – 2015/0114(NLE)2016/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08919/16),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (07902/1/2011),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0218/2016),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni (jew "Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni" - FSK) fit-30 ta' April 2013 f'Ulan Bator, fil-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Mongolja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1993,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li tippermetti li l-Bank jiffinanzja operazzjonijiet fil-Mongolja[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina[3] u dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina[4], u b'mod partikolari il-premessa Y tal-aħħar riżoluzzjoni;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem[6], u b'mod partikolari l-paragrafu 30 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva[7], u b'mod partikolari l-premessa F tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ... dwar...,[9]

–  wara li kkunsidra l-inklużjoni tal-Mongolja fl-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba tal-Iskema ta' Preferenzi tariffarji Ġeneralizzati (SPĠ+) tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet fit-tul bejn id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Khural il-Kbir tal-Istat (il-parlament tal-Mongolja), u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 Laqgħa Interparlamentari li saret fis-17 ta' Frar 2015 f'Ulan Bator,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Mongolja ppresediet u ospitat il-ħdax-il Summit Asja-Ewropa (ASEM) li sar f'Ulan Bator fil-15 u s-16 ta' Lulju 2016 u d-Disa' laqgħa tas-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP), li saret f'Ulan Bator fil-21 u t-22 ta' April 2016, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet rispettivi li ġew adottati minn dawn iż-żewġ laqgħat,

–  wara li kkunsidra r-rwol attiv tal-Mongolja fl-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), inkluż il-fatt li hija ospitat il-Laqgħa tal-Ħarifa tal-OSKE bejn il-15 u t-18 ta' Settembru 2015 f'Ulan Bator,

–  wara li kkunsidra l-elezzjoni tal-Mongolja għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2016-2018, u l-fatt li hija ddikjarat l-aspirazzjoni tagħha li ssir membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2022,

–  wara li kkunsidra l-presidenza tal-Mongolja tal-Komunità tad-Demokraziji fl-2012-2013, u tal-koalizzjoni "Libertà Online" fl-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fid-29 ta' Ġunju 2016 fil-Mongolja, li involviet lill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Mongolja, Tsakhiagiin Elbegdorj meta indirizza lill-plenarja tal-Parlament Ewropew fid-9 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-diversi laqgħat u żjarat reċiproċi ta' livell għoli, inkluża dik ta' Novembru 2013 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Barroso, fil-Mongolja,

–  wara li kkunsidra il-politika barranija tal-Mongolja dwar "ġirien terzi", li tirrigwarda relazzjonijiet mal-UE, mal-Istati Uniti, mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea, mal-Indja, mal-Iran, mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u oħrajn,

–  wara li kkunsidra s-sħubijiet strateġiċi tal-Mongolja mar-Russja u maċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-istatus ta' osservatur tal-Mongolja fl-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni ta' Shanghai (SCO),

–  wara li kkunsidra l-laqgħat trilaterali ta' livell għoli li jsiru fuq bażi regolari bejn il-Mongolja, ir-Russja u ċ-Ċina, u bejn il-Mongolja, il-Ġappun u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-inizjattivi biex jiġu integrati diversi proġetti ekonomiċi fir-reġjun, inklużi ż-Żona Ekonomika tat-Triq tal-Ħarir taċ-Ċina, l-Iżvilupp ta' Żona Trans-Ewrasjatika tar-Russja, u t-Triq tal-Isteppa tal-Mongolja,

–  wara li kkunsidra l-Programm Individwali ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-Mongolja man-NATO, li ġie maqbul fl-2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mongolja ta' Settembru 2015 dwar l-intenzjoni tagħha li tħaddan status permanenti ta' newtralità,

–  wara li kkunsidra l-istatus awtoproklamat tal-Mongolja li hija pajjiż ħieles minn armi nukleari, li ġie rikonoxxut min-NU f'Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Fond Internazzjonali ta' Kooperazzjoni tal-Mongolja, li għandu l-għan li jaqsam l-esperjenzi ma' pajjiżi li għaddejjin minn trasformazzjoni demokratika, bħall-Myanmar, il-Kirgiżistan u l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-isforzi ta' bini ta' fiduċja, inkluż id-Djalogu ta' Ulan Bator dwar is-Sigurtà tal-Asja tal-Grigal, li jinvolvi lill-Korea ta' Fuq, kif ukoll il-Forum tal-Asja,

–   wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Mongolja adottat f'Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0383/2016),

A.   billi l-Mongolja tista' sservi bħala mudell demokratiku mhux biss għad-demokraziji emerġenti l-oħra tar-reġjun iżda wkoll għar-reġimi b'tendenzi awtoritarji;

B.  billi l-Komunitajiet Ewropej stabbilixxew relazzjonijiet diplomatiċi mal-Mongolja fl-1 ta' Awwissu 1989;

C.  billi l-UE u l-Mongolja jgawdu minn relazzjonijiet ta' ħbiberija bbażati fuq rabtiet politiċi, soċjetali, ekonomiċi, kulturali u storiċi;

D.   billi l-UE u l-Mongolja għandhom ħafna pożizzjonijiet konverġenti fir-rigward tal-maġġor parti tal-isfidi internazzjonali l-kbar u l-Mongolja tiżvolġi rwol kostruttiv fir-relazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet multilaterali;

E.   billi r-relazzjonijiet tal-UE mal-Mongolja jikkonċentraw l-aktar fuq il-proġetti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp immirati biex jippermettu lill-pajjiż jidderieġi t-trasformazzjoni rapida li għaddejja bħalissa lejn l-iżvilupp soċjalment inklużiv u ekonomikament sostenibbli tas-soċjetà tiegħu;

F.  billi l-Mongolja hija interessata fi żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-UE u f'espansjoni tal-kooperazzjoni eżistenti lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp; billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni jissottolinja ż-żieda fl-importanza tar-relazzjonijiet UE-Mongolja fuq il-bażi ta' prinċipji kondiviżi bħall-ugwaljanza, il-vantaġġi reċiproċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u joffri formalment liż-żewġ naħat il-possibbiltà li jiżviluppaw ambiti ta' kooperazzjoni ġodda f'oqsma bħan-negozju, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-ambjent, l-enerġija, il-modernizzazzjoni tal-Istat kif ukoll l-edukazzjoni, il-kultura u t-turiżmu;

G.   billi l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Mongolja għadu fi ħdan ir-responsabbiltà tad-Delegazzjoni tal-UE f'Beijing; billi attwalment il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Renju Unit fetħu l-ambaxxati tagħhom f'Ulan Bator;

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Japprezza r-relazzjonijiet kostruttivi u ta' ħbiberija bejn l-UE u l-Mongolja;

2.   Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeografika speċifika tal-Mongolja bejn iċ-Ċina, ir-Russja u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tal-Asja tal-Grigal, bil-potenzjal kbir tagħhom għall-ekonomija globali, l-importanza tagħha għall-istabbiltà fir-reġjun, il-kredenzjali demokratiċi u reġjonali stabbiliti tagħha, li huma pjuttost eċċezzjonali, u r-rwol kostruttiv li tiżvolġi billi tassisti u tiffaċilita soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti u l-konfrontazzjoni fir-reġjun u billi tippromwovi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali;

3.  Jirrikonoxxi li t-trasformazzjoni demokratika li bdiet fis-snin disgħin għadha għaddejja b'mod konsistenti; jirrikonoxxi l-progress tanġibbli li sar f'termini ta' riformi soċjoekonomiċi; jieħu nota, madankollu, tal-isfidi li jeżistu fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibbli u tal-ekonomija, tal-finanzi, tal-governanza tajba, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni ambjentali u tal-polarizzazzjoni politika, li huma aggravati b'kuntest ambjentali internazzjonali li huwa dejjem aktar esiġenti;

Qafas istituzzjonali u rappreżentanza diplomatika

4.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-approfondiment u l-espansjoni tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Mongolja, kif evidenzjati fil-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jinkludi oqsma fosthom id-djalogu politiku u d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u l-assistenza għall-iżvilupp, kif ukoll il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali, tal-enerġija, tat-tibdil fil-klima, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u tal-edukazzjoni u tal-kultura, li huma ta' importanza kbira għad-diversifikazzjoni ekonomika u għar-riżoluzzjoni tal-problemi ekonomiċi attwali, kif ukoll għat-trasformazzjoni fit-tul ta' soċjetà li orġinarjament hija nomada;

5.   Jilqa' pożittivament l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt li jakkumpanja, skont l-Artikolu 56 tal-ftehim l-implimentazzjoni tal-FSK, u jħeġġu jirrapporta b'mod regolari kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Parlament tal-Mongolja;

6.   Iħeġġeġ lit-tliet Stati Membri li għadhom ma ffinalizzawx il-proċessi ta' ratifika nazzjonali tagħhom biex jagħmlu dan b'mod rapidu sabiex jippermettu l-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-FSK, li ilhom żmien twil mistennija;

7.   Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mongolja; jiddispjaċih tal-assenza ta' artikoli mit-test tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jipprevedu l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jwettaq skrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tal-ftehim u jsaħħaħ id-djalogu politiku bejn iż-żewġ parlamenti; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, in-negozjati għal protokoll ġdid biex jirmedja s-sitwazzjoni ħalli ssir mill-aktar fis possibbli, skont l-Artikolu 57 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni futura, kif preċedentement ħeġġew il-Parlament Ewropew u tal-Mongolja fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-10 Laqgħa Interparlamentari;

8.   Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Mongolja bħalissa qegħdin jitmexxew mid-Delegazzjoni tal-UE għaċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jittrasformaw l-Uffiċċju ta' Kollegament tal-UE f'Ulan Bator f'Delegazzjoni tal-UE vera u proprja, miżura din li hija ta' importanza fundamentali bl-għan li jiġu ffaċilitati d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, tingħata spinta lill-kapaċità li jiġu implimentati u sorveljati l-proġetti ta' assistenza tal-UE, u li jiġi promoss il-kummerċ ta' prodotti u servizzi, kif ukoll l-iskambji ta' persuni u kulturali;

Demokrazija, stat tad-dritt, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem

9.   Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Mongolja għall-konsolidament tal-progress demokratiku u tal-istat tad-dritt, inkluż elezzjonijiet multipartitiċi, aktar indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni u soċjetà ċivili dinamika; jilqa' favorevolment, minn din il-prospettiva, il-parteċipazzjoni tal-Mongolja fil-Komunità tad-Demokraziji;

10.  Jissottolinja li r-rispett tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-libertà ta' espressjoni huma essenzjali għall-konsolidament ulterjuri tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mongolja; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Mongolja jittrattaw il-kwistjonijiet relatati mar-rapporti ta' ndħil fix-xogħol tal-mezzi tal-komunikazzjoni b'finijiet politiċi u ma jippenalizzawx jew jillimitaw il-mezzi ta' komunikazzjoni kritiċi tal-gvern online u offline; jinkoraġġixxi lill-Parlament tal-Mongolja jikkodifika tali drittijiet fundamentali b'mod espliċitu u jimplimentahom taħt skrutinju rigoruż;

11.   Huwa konvint li t-trasformazzjoni demokratika tal-Mongolja tista' tqanqal effett ta' propagazzjoni pożittiv f'reġjun li qiegħed jgħaddi minn proċessi kumplessi ta' trasformazzjoni, u li l-Mongolja tista' f'dan is-sens tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għall-istabbiltà u għall-benessri komuni tar-reġjun; jistieden lill-UE tqis dan l-aspett hija u tipprogramma l-kooperazzjoni reġjonali, speċjalment mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Asja Ċentrali, kif ukoll tar-reġjun tal-madwar;

12.   Japprezza l-fatt li r-rispett ġenerali tar-regoli elettorali ntwera fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Mongolja jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-OSKE/ODIHR, b'segwitu għall-elezzjonijiet parlamentari tad-29 ta' Ġunju 2016, inkluż l-istabbilizzazzjoni tal-liġi elettorali, ir-restrizzjonijiet fuq il-kampanji elettorali, l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-imparzjalità u l-komprensività tal-informazzjoni disponibbli għall-votanti;

13.  Jesprimi interess biex jibgħat missjoni ta' osservazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet presidenzjali pprogrammati għan-nofs l-2017;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Mongolja tindirizza l-isfidi pendenti fir-rigward tar-rispett tal-indipendenza tal-ġudikatura;

15.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi leġiżlattivi li m'ilux li bdew biex tissaħħaħ il-bażi ġuridika għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni mifruxa, li magħha ġġib ir-riskju reali u kbir li tkun kompromessa l-koeżjoni soċjali tal-pajjiż, kif ukoll l-isforzi biex jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti soċjali; jinkoraġġixxi lill-Mongolja tadotta riformi sostanzjali u timplimentahom fi żmien propizju; jagħmel riferiment, f'dan il-kuntest, lill-esperjenza tiegħu stess meta l-persuni kkundannati fuq korruzzjoni jinżammu konsistentement responsabbli; jirrakkomanda li l-pajjiż isaħħaħ l-kooperazzjoni tiegħu mal-UE, mal-OSKE u man-NU dwar il-mod kif jieħu ħsieb il-korruzzjoni; huwa konvint li l-involviment attiv fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fis-settur tal-produzzjoni ekonomika u fil-ħajja pubblika u amministrattiva tal-Mongolja jista' jiżvolġi rwol pożittiv u sostanzjali f'dawn l-impriżi;

16.  Jirrikonoxxi l-impenji u l-qafas ġuridiku tal-pajjiż bil-għan li jinqered it-traffikar tal-bnedmin, iżda jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni konkreta, u jħeġġeġ lill-Mongolja timplimenta bis-sħiħ il-liġi tal-2012 kontra t-traffikar kif ukoll il-pjanijiet nazzjonali relatati;

17.  Jinsab kuntent li, bejn l-UE u l-Mongolja, fil-prinċipju ntlaħaq qbil u li x-xogħol preparatorju huwa għaddej biex jitnieda djalogu regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Mongolja fl-2017;

18.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, wara li rratifika l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Parlament tal-Mongolja, f'Diċembru 2015, adotta Kodiċi Kriminali rivedut, li, fost riformi ġuridiċi importanti oħrajn bħall-projbizzjoni tat-tortura, jinkludi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għad-delitti kollha; josserva li l-Parlament li għadu kemm ġie elett ippospona l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Kriminali rivedut, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Mongolja jimplimentaw din ir-riforma importanti mingħajr aktar dewmien;

19.  Josserva l-progress li għamlet il-Mongolja biex ittejjeb il-qafas ġuridiku tagħha konformement mal-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, mar-riforma istituzzjonali, inkluża l-Kummissjoni Nazzjonali Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, u l-isforzi mmirati biex jibnu l-kapaċitajiet u jissensibilizzaw dwar it-tema tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-impenn kontinwu biex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal marbutin mal-protezzjoni u mal-promozzjoni tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħal dawk enfasizzati fit-tieni Eżami Perjodiku Universali tan-NU (EPU-NU), inklużi l-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal kif ukoll dawk tal-ħabsin;

20.  Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' każijiet ta' arrest mingħajr mandat u ta' tortura u impunità fil-ħabsijiet tal-Mongolja; jingħaqad mal-appell tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) għal miżuri effikaċi biex ikun garantit li d-detenuti kollha jingħataw fil-prattika s-salvagwardji ġuridiċi fundamentali kollha skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-Mongolja tagħti segwitu lill-impenji tagħha biex tistabbilixxi mekkaniżmu indipendenti bil-għan li tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament fil-pront u b'mod effikaċi;

21.  Ifaħħar il-proġett li l-UE tappoġġa favur id-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Mongolja; huwa madankollu inkwetat bid-diskriminazzjoni u l-vessazzjonijiet li jitwettqu kontinwament kontra l-komunità LGBTI;

22.   Jirrakkomanda lill-Mongolja, bi qbil mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li diġà rratifikat, tipprojbixxi bil-liġi l-piena korporali mhux biss fl-istituti edukattivi iżda fi kwalunkwe kuntest, u taffronta b'miżuri mmirati u speċifiċi r-rati, li mhuma qegħdin juru l-ebda sinjal li se jonqsu, tal-vjolenzi kontra t-tfal, tal-isfruttament ekonomiku tat-tfal u tal-inċidenti li jikkawżaw il-mewt jew ferimenti gravi ta' tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha rilevanti tal-UE jagħtu assistenza rigward din il-kwistjoni;

23.   Jirrakkomanda li tissaħħaħ il-qagħda fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza billi tkun implimentata l-Konvenzjoni C176 tal-ILO, kif ukoll il-konvenzjonijiet l-oħra tal-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza li għadhom ma ġewx ratifikati;

24.  Isostni l-isforzi kontinwi u onesti tal-Mongolja biex teqred progressivament il-forom kollha ta' tħaddim tat-tfal u tiggarantixxi drittijiethom;

25.   Jilqa' favorevolment il-qafas ġuridiku tal-Mongolja intiż li jirrealizza drittijiet indaqs tan-nisa u tal-irġiel adottat fl-2011 u l-eliminazzjoni progressiva tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa;

Żvilupp sostenibbli

26.  Jilqa' pożittivament il-progress sostanzjali li sar mill-Mongolja sa mis-snin disgħin fl-iżvilupp ekonomiku u fit-tnaqqis tal-faqar konformement mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); jappoġġa lill-Mongolja fil-kisba tagħha tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), f'konformità mal-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u t-trasparenza;

27.   Jirrikonoxxi li integrazzjoni ekonomika reġjonali aktar fil-fond se tiftaħ opportunitajiet għall-Mongolja f'termini ta' futur aktar prosperu u suċċess ekonomiku; jieħu nota tal-fatt li l-Mongolja kontemporanjament qiegħda tfittex alleanzi u sħab ekonomiċi li jippermettulha tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta' kooperazzjoni tagħha billi, fl-istess ħin, jirrispettaw l-interessi politiċi u ekonomiċi nazzjonali leġittimi tagħha, l-impenn fit-tul għal diplomazija multidirezzjonali, l-identità u stil ta' ħajja tradizzjonali jew il-pedamenti demokratiċi tas-soċjetà tal-Mongolja;

28.  Huwa mħasseb, madankollu, bil-fatt li f'xi nħawi l-faqar qiegħed irabbi l-għeruq u li l-boom ekonomiku rrapportat fl-2010-2012 ma kkontribwixxiex biżżejjed biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiż;

29.  Iħeġġeġ lill-Mongolja fl-isforzi tagħha biex tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis f'daqqa fir-ritmu tat-tkabbir tal-PDG, li fl-2011 laħaq livelli rekord (17,3 %) iżda fl-2015 kien biss ta' 2,3 %, waqt li kien imbassar li ċ-ċifra għall-2016 kienet se tkun ta' 1,3 %; huwa mħasseb bil-fatt li d-defiċit fil-baġit, li tela' għal 20 % tal-PDG, jista' jħalli riperkussjonijiet negattivi fuq t-taffija tal-faqar, kif ukoll fuq l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni tas-sistema tal-protezzjoni soċjali;

30.  Jilqa' favorevolment il-fatt li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għall-pajjiż għall-2014-2020, li tammonta għal EUR 65 miljun, hija aktar mid-doppju meta mqabbla maċ-ċifra ta' EUR 30 miljun għall-perjodu 2007-2013, b'enfasi fuq titjib tal-governanza ekonomika u tat-taħriġ vokazzjonali għal opportunitajiet aħjar ta' impjieg; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-Mongolja fil-programmi reġjonali ffinanzjati mill-UE; jinnota l-implimentazzjoni relattivament tajba tal-proġetti u l-programmi tal-UE li jgħinu l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-Mongolja;

31.  Jenfasizza l-importanza ta' riforma amministrattiva kontinwa li tikkonċentra prinċipalment fuq il-konsolidament ta' amministrazzjoni professjonali ħafna kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE jgħinu lill-Mongolja fl-iżvilupp tar-riżorsi u tal-kompetenzi neċessarji, fl-interess li l-pajjiż ikun mgħammar aħjar biex jilqa' l-isfidi tal-proċessi kumplessi ta' trasformazzjoni ekonomika u soċjetali, u jżidu l-kapaċità ta' assorbiment tal-fondi tal-UE fil-pajjiż;

32.  Jistieden għal żieda fl-iskambju ta' opportunitajiet għall-istudenti u għad-dinja akkademika fl-ambitu tal-programmi Erasmus+ u Marie Skłodowska-Curie kif ukoll għat-twessigħ tal-kuntatti interpersonali, anki għall-artisti, bejn l-UE u l-Mongolja; jistieden lill-UE tinkludi r-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tagħha ta' kooperazzjoni mal-Mongolja;

33.  Jilqa' pożittivament d-depożitu puntwali mill-Mongolja fil-21 ta' Settembru 2016 tal-istrument ta' ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; huwa mħasseb bil-fatt li l-effetti kombinati tat-tibdil fil-klima, iż-żieda estensiva tat-trobbija tal-bhejjem, żieda drammatika tal-migrazzjoni mill-kampanja għall-belt kapitali kif ukoll l-użu massiċċ u l-isfruttament rapidu tar-riżorsi naturali bħall-ilma u l-ħamrija għall-estrazzjoni uffiċjali u mhux uffiċjali mill-minjieri tar-ram, tal-faħam u ta' materji primi oħra, wasslu għal deterjorament drastiku tal-qagħda ambjentali tal-Mongolja, riskju akbar ta' kunflitti għall-ilma mal-ġirien tagħha u okkorrenza dejjem akbar ta' fenomeni klimatiċi bħad-"dzud", li huwa kkaratterizzati minn ċikli ta' nixfa fit-tul u xtiewi kefrin u dan jirriżulta f'telf massiċċ ta' bhejjem, fawna u bijodiversità inġenerali; jistieden lill-Gvern tal-Mongolja jintensifika l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż, u jappella lill-UE tforni assistenza għal dan il-proċess permezz ta' attivitajiet iddedikati u miżuri preventivi u ta' xort'oħra, pereżempju fil-kuntest ta' koordinament aktar strett tal-politiki ambjentali taż-żewġ naħat; jistieden lill-awtoritajiet u lill-parlament tal-Mongolja, kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE, jikkooperaw u jikkontribwixxu għal tisħiħ sostanzjali tar-reġim klimatiku internazzjonali fl-ambitu tal-wegħdiet li ttieħdu fil-COP 22 ta' Marrakexx;

34.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Mongolja rratifikat il-konvenzjonijiet SPĠ+ rilevanti kollha dwar il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u li hija konformi magħhom; iħeġġeġ lill-Mongolja, madankollu, tikkonforma mal-obbligi tagħha ta' rapportar fl-ambitu tal-Konvenzjonijiet dwar il-Ħarsien tal-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (Konvenzjonijiet CITES, Basel u Stokkolma) u ssaħħaħ il-qafas ġuridiku tal-pajjiż fil-qasam ambjentali;

35.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-2014, l-industriji estrattivi fil-Mongolja rrappreżentaw 17 % tal-PDG u 89 % tal-esportazzjonijiet totali tal-pajjiż; jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, il-parteċipazzjoni attiva tal-Mongolja fl-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI), li għanda l-għan li tagħmel lil dan is-settur aktar responsabbli u trasparenti;

36.   Jissottolinja li l-minjiera tar-ram u tad-deheb Oyu Tolgoi hija l-akbar proġett tal-minjieri individwali, li mill-2020 mistennija tirrappreżenta terz tal-PDG tal-Mongolja u Tavan Tolgoi hija l-akbar minjiera tal-faħam tad-dinja li mhijiex żviluppata; japprezza d-dibattiti pubbliċi dwar l-impatt ambjentali tal-minijieri kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika fil-ġestjoni tar-riżorsi fil-livelli lokali;

37.   Jinkoraġġixxi lill-Mongolja tiżviluppa, għall-ġid taċ-ċittadini tagħha, l-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħha, partikolarment tal-minerali rari, inkwantu għandhom valur dejjem akbar fl-industrija diġitali; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol ta' sostenn li l-UE tista' tiżvolġi hija u tagħti għajnuna teknoloġika u finanzjarja favur tali estrazzjoni tal-minerali indipendenti;

38.   Huwa tal-fehma li l-investimenti fit-teknoloġiji u fid-diġitalizzazzjoni futuri jafu jgħinu jnaqqsu d-distakk li hemm fil-qasam tal-iżvilupp bejn id-diversi reġjuni tal-Mongolja kif ukoll jiddiversifika l-ekonomija; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u tat-teknoloġiji l-ġodda;

39.   Jirrikonoxxi l-isfidi konsiderevoli tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga; jirrakkomanda li l-UE tassisti fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tar-riżorsi pubbliċi biex tali kwistjonijiet jiġu affrontati;

Relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi

40.  Jinnota li l-UE saret it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Mongolja, u li l-prodotti tal-Mongolja diġà bdew jidħlu fis-suq tal-UE prattikament eżenti mid-dazji skont is-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzata attwali;

41.  Jilqa' pożittivament l-inklużjoni tal-Mongolja fl-iskema SPĠ+;

42.  Josserva li l-investiment Ewropew fil-Mongolja s'issa għadu limitat, minħabba l-insigurtà tal-ambjent tan-negozju u n-nuqqas ta' informazzjoni;

43.   Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Mongolja jintensifikaw r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħhom, li jinkludu l-promozzjoni permezz ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li tali intensifikazzjoni jenħtieġ li tkun konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-istandards tax-xogħol, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali, u tirrispettahom kompletament;

44.  Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, aktar żvilupp tal-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fil-Mongolja;

45.  Jenfasizza l-importanza ta' ambjent ġuridiku u ta' negozju stabbli għal żieda fl-investimenti mill-UE;

46.   Jieħu nota tat-tnaqqis tal-investiment dirett barrani (IDB), relatat mas-settur tal-minjieri li jiddomina l-ekonomija, li għadu fattur kontroversjali kruċjali;

47.   Iħeġġeġ lill-Mongolja, bl-għajnuna ta' investiment barrani u ambjent ġuridiku aktar trasparenti, tiddiversifika l-ekonomija tagħha b'mod li tgħinha tevita l-vulnerabbiltà għas-swieq tal-minerali volatili; jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-IDB;

48.  Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ulterjuri tal-Mongolja fl-ekonomija globali u reġjonali, fi ħdan oqfsa bħal dawk tat-triq tal-isteppa, tat-triq tal-ħarir/l-inizjattiva "żona waħda, triq waħda" jew iż-żona trans-Ewrasjatika, skont l-interessi u l-prijoritajiet strateġiċi tal-pajjiż; jitlob lill-UE tikkunsidra li tipparteċipa fi programmi infrastrutturali u ta' investiment, inkluż fis-settur tal-minjieri, fir-reġjun;

Sfidi u kooperazzjoni reġjonali u globali

49.   Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali li l-Mongolja tista' tiżvolġi bejn l-ekonomiji dinamiċi taċ-Ċina, tar-Russja, tal-Korea t'Isfel u tal-Ġappun u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, u fl-istess ħin bħala intermedjarju bejn l-Ewropa u r-reġjun tal-Asja tal-Lvant;

50.  Jirrileva l-kunċett tal-politika barranija tal-Mongolja dwar "ġar terz", li jinkludi r-relazzjonijiet mal-UE, ibbilanċjati ma' relazzjonijiet kostruttivi u intensi mas-sħab strateġiċi u influwenti u l-ġirien diretti tagħha, ir-Russja u ċ-Ċina;

51.   Jieħu nota tar-relazzjonijiet ta' ħbiberija, kif ukoll kompetittivi f'termini ekonomiċi, tal-Mongolja mal-pajjiżi l-oħra fir-reġjun;

52.  Josserva li l-Mongolja qiegħda tevalwa bis-serjetà l-impatt ta' sħubija potenzjali fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EAEU); jinsab imħasseb li dan il-pass jaf ifixkel ir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali ulterjuri mal-UE;

53.   Jifraħ lill-Mongolja għar-rwol pożittiv tagħha hija u tippresiedi l-laqgħat ASEM u ASEP tal-2016 f'Ulan Bator, għas-solidifikazzjoni tad-dimensjoni parlamentari u għat-tisħiħ tas-sħubija bejn iż-żewġ reġjuni fuq il-bażi tal-prinċipji universalment rikonoxxuti tal-ugwaljanza, tar-rispett reċiproku kif ukoll tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jilqa' favorevolment il-proposta tal-Mongolja biex jitwaqqaf Ċentru ASEM li jkun iħaddan fih faċilità virtwali/online;

54.   Jilqa' b'mod pożittiv il-fatt li l-Mongolja ddikjarat lilha nnifisha bħala żona mingħajr armi nukleari, kif rikonoxxut uffiċjalment min-NU; japprezza, partikolarment, ir-rwol kostruttiv u attiv li tiżvolġi fil-fora multilaterali fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni favur diżarm nukleari globali, kif ukoll il-fatt li ffirmat il-"Humanitarian Pledge" (Wegħda Umanitarja)[10];

55.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn reċiproku għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u f'dan il-kuntest, jilqa' pożittivament ir-rwol attiv tal-Mongolja fil-mekkaniżmi multilaterali internazzjonali bħan-NU u l-OSKE, u l-kontribut tagħha għall-inizjattivi li jappoġġaw il-paċi u l-istabbiltà fl-Asja tal-Grigal u lil hinn, bħad-Djalogu ta' Ulan Bator għas-Sigurtà tal-Asja tal-Grigal;

56.   Josserva l-kontribut tal-Mongolja favur l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU fid-dinja kif ukoll il-forniment ta' faċilitajiet ta' taħriġ għal tali missjonijiet, flimkien mal-fatt li tipprova dejjem iżjed issaħħaħ, parallelament, l-opportunitajiet politiċi u diplomatiċi u r-responsabbiltà tan-NU għall-prevenzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

57.   Jilqa' pożittivament l-allinjament mill-qrib tal-Mongolja mal-UE fin-negozjati u fil-pożizzjonijiet tal-vot tagħha fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fora multilaterali oħrajn; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali;

58.   Jirrikonoxxi r-rwol tal-Mongolja fil-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala membru ġdid tal-UNHRC fil-perjodu 2016-2018 u jappella għal kooperazzjoni stretta bejn l-UE u l-Mongolja fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-ħidma tal-UNHRC;

59.   Jilqa' favorevolment ir-ratifika min-naħa tal-Mongolja tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jinkoraġġixxi lill-Mongolja tirratifika l-Emendi ta' Kampala, li fornew, b'mod puntwali, definizzjoni u proċedura għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti fuq id-delitt ta' aggressjoni;

60.   Ifaħħar lill-isforzi li għamlet il-Mongolja biex tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi fil-viċinat tal-Mongolja li jaspiraw għall-bidla demokratika; jistieden lill-UE tinvolvi wkoll lill-Mongolja u ssib sinerġiji fuq bażi ad hoc fil-programmi reġjonali fi ħdan l-Asja Ċentrali b'enfasi fuq tali żviluppi;

61.   Ifaħħar lir-rwol tal-Mongolja biex tlaqqa' lill-esponenti akkademiċi miż-żewġ Korej, miċ-Ċina u mir-Russja, kif ukoll talli ospitat riunifikazzjonijiet ta' familji li nfirdu minħabba d-diviżjoni tal-peniżola Koreana;

62.   Isostni l-aspirazzjoni dikjarata tal-Mongolja li ssir membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2022;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Khural il-Kbir tal-Istat (Parlament) tal-Mongolja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

5.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Klaus Buchner, James Carver, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mairead McGuinness, Susanne Melior