RAPPORT  dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

12.1.2017 - (2016/2100(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Tibor Szanyi


Proċedura : 2016/2100(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0001/2017
Testi mressqa :
A8-0001/2017
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

(2016/2100(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2015 (COM(2016)0393) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ġustifikattiv fl-istess data,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 39, 42 u 101 sa 109 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 26 tat-TFUE dwar is-servizzi ta' interess ġenerali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-qafas universali għas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) żviluppat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

–  wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-2014 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE[4] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali tal-2013 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE[5],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni rigward il-kummerċ elettroniku f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (C(2015)3026),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat[7],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi[8],

–  wara li kkunsidra l-White Paper tad-9 ta' Lulju 2014 bit-titolu ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'' (COM(2014)0449),

–  wara li kkunsidra t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub E-000344/2016, E-002666/2016 u E-002112/2016 tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni[9], b'mod partikolari l-paragrafi 6, 7 u 11 tagħha rigward ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, l-iżgurar tar-reċiproċità u l-eliminazzjoni ta' prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mogħtija mill-istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joħolqu distorsjoni fis-suq, billi t-trasparenza finanzjarja fil-klawżola ta' kompetizzjoni ġusta tikkostitwixxi element fundamentali biex jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet ekwi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007[10],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta' Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' akkordji ta' speċjalizzazzjoni[11],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kif ukoll tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0001/2017),

A.  billi politika tal-kompetizzjoni b'saħħitha u effikaċi minn dejjem kienet fil-qofol tas-suq intern, billi tħeġġeġ l-effiċjenza ekonomika u toħloq klima favorevoli għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku filwaqt li tbaxxi l-prezzijiet;

B.  billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni tas-suq intern u b'hekk toħloq u tippreserva kundizzjonijiet ekwi għan-negozji madwar l-UE;

C.  billi l-Unjoni Ewropea, taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, għandha tippromwovi "kultura ta' kompetizzjoni" fl-UE u madwar id-dinja;

D.  billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nfisha, għodda li tipproteġi d-demokrazija Ewropea, peress li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju fi ftit idejn, ħaġa li tista' ddgħajjef l-abilità tal-awtoritajiet politiċi Ewropej li jaġixxu b'mod indipendenti fil-konfront tal-gruppi industrijali u bankarji l-kbar;

E.  billi l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli tal-kompetizzjoni (inklużi r-regoli antitrust) f'konformità mal-ekonomija soċjali tas-suq għandha timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju f'idejn ftit kumpaniji privati u tistimula wkoll lill-atturi billi tagħtihom inċentiv biex ikunu dinamiċi u innovattivi u biex jiddivrenzjaw ruħhom fis-swieq;

F.  billi politika tal-kompetizzjoni ġusta żżomm is-swieq effiċjenti u miftuħa, u dan iwassal għal prezzijiet aktar baxxi, atturi ġodda, prodotti u servizzi ta' kwalità ogħla, kif ukoll għażla akbar għall-konsumaturi, filwaqt li jitrawmu wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u kumpaniji aktar reżiljenti;

G.  billi l-politika tal-kompetizzjoni tista' u għandha tagħti kontribut sinifikanti fir-rigward ta' prijoritajiet politiċi ewlenin bħalma huma l-promozzjoni tal-innovazzjoni, impjiegi ta' kwalità, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, l-investiment, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, kif ukoll il-ħarsien tal-konsumaturi u ta' saħħet il-bniedem, filwaqt li ssaħħaħ is-suq uniku, b'enfasi partikolari fuq is-suq uniku diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija;

H.  billi politika tal-kompetizzjoni li tirnexxi ma tridx tkun orjentata esklużivament lejn it-tnaqqis fil-prezzijiet għall-konsumaturi, iżda għandha żżomm quddiem għajnejha wkoll il-kapaċità innovattiva u l-investimenti tal-industrija Ewropea u l-kundizzjonijiet kompetittivi speċifiċi għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

I.  billi l-politika tal-kompetizzjoni hija definita wkoll mill-valuri tal-ġustizzja soċjali, l-indipendenza politika, it-trasparenza u l-proċess ġust;

J.  billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija interdipendenti ma' politiki ewlenin oħra tal-UE, inklużi l-politiki industrijali, diġitali u tat-taxxa, li l-koordinazzjoni tagħhom hija intiża sabiex tiżgura l-konformità mal-prinċipji fundamentali minquxa fit-Trattati, b'mod partikolari t-trasparenza u l-lealtà;

K.  billi l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE biljuni ta' euro (xi stimi saħansitra jindikaw ċifra ta' triljun euro) kull sena fi dħul mitluf, u huma distorsivi fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq uniku bejn il-kumpaniji li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa u dawk li ma jagħmlux hekk;

L.  billi l-kooperazzjoni globali fl-infurzar fil-qasam tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fir-rimedji u l-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar, u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tagħhom;

M.  billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta' "attività ekonomika" skont jekk ikunux involuti r-regoli tas-suq intern jew ir-regoli tal-kompetizzjoni; billi din il-prattika mħawda tikkumplika l-kunċett diġà diffiċli ta' "attività ekonomika";

N.  billi ambjent regolatorju ċar, koerenti u effikaċi f'termini ta' adattament tal-politika tal-kompetizzjoni għall-ispeċifiċitajiet agrikoli jista' jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel billi jindirizza b'mod determinat l-iżbilanċi tal-poter bejn l-operaturi, iżid l-effiċjenza tas-suq u jiżgura ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku;

O.  billi l-forma u s-saħħa tal-perikli ekonomiċi u ż-żmien li fih iseħħu huma diffiċli li jiġu antiċipati u jeħtieġ li PAK orjentata lejn is-suq tagħti appoġġ lill-bdiewa u aktar eżenzjonijiet limitati fiż-żmien għar-regoli tal-kompetizzjoni, fil-każ ta' żbilanċi serji fis-suq; billi matul il-kriżi tal-ħalib, il-Kummissjoni ddeċidiet li tattiva l-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika bħala l-aħħar għażla biex teżenta mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni l-ippjanar kollettiv tal-produzzjoni tal-ħalib minn raggruppamenti ta' produtturi rikonoxxuti;

P.  billi l-politika tal-kompetizzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex twaqqaf il-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel;

Q.  billi l-Artikolu 102 tat-TFUE jindika b'mod ċar li l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta' prattiki kummerċjali żleali fuq setturi oħra tal-katina alimentari tikkostitwixxi ksur ta' dan it-Trattat;

R.  billi t-Task Force dwar is-Swieq Agrikoli (AMTF) inħolqot bil-għan li tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel billi jiġu esplorati l-possibbiltajiet biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom, inklużi l-possibbiltajiet legali għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet kuntrattwali u l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet kollettivi tal-bdiewa; billi l-konklużjonijiet tal-AMTF jeħtieġ jitqiesu, jekk applikabbli, fir-rigward tad-diskussjonijiet futuri u l-miżuri li għandhom jittieħdu;

1.  Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li juri li politika tal-kompetizzjoni tal-UE adegwata tista' tikkontribwixxi biex jerġa' jkun hemm livell suffiċjenti ta' investiment u innovazzjoni billi toħloq ambjent ta' kompetizzjoni ġusta; jilqa' l-attenzjoni li r-rapport jagħti lill-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni għall-eliminazzjoni tal-ostakli u l-miżuri distorsivi ta' għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tas-suq uniku; itenni wkoll li l-ġejjieni tal-Ewropa għandu jkun ibbażat fuq l-innovazzjoni, ekonomija soċjali tas-suq u użu effiċjenti tar-riżorsi, li joħloq standard ta' għajxien għoli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

L-integrazzjoni tas-suq uniku

2.  Jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tiftaħ opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini u n-negozji u jfakkar li l-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi, il-prodotti u l-persuni huma l-erba' libertajiet tas-suq uniku u li l-implimentazzjoni tagħhom hija kruċjali sabiex l-UE titressaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li, mingħajr politika tal-kompetizzjoni tal-UE effikaċi, is-suq intern ma jistax jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu; jilqa' l-użu mill-Kummissjoni tad-diversi strumenti għad-dispożizzjoni tagħha, fosthom il-kontroll tal-fużjonijiet, il-ġlieda kontra l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti u prattiki antikompetittivi, il-ġlieda kontra l-kartelli, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u inkjesti settorjali;

3.  Iqis li politika tal-kompetizzjoni effikaċi trid tqis il-kundizzjonijiet tas-suq speċifiċi li japplikaw għall-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-istartups, u jeħtieġ tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u tiggarantixxi tassazzjoni ġusta;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprijoritizzaw it-tisħiħ tas-Suq Uniku post-Brexit billi jiżguraw konformità sħiħa mal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE u billi tiżdied il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jinnota wkoll li l-Brexit jista' jaffettwa b'mod negattiv il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-riskju ta' duplikazzjoni ta' proċeduri li żżid l-ispejjeż amministrattivi u ddewwem il-proċessi investigattivi;

5.  Itenni li kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa hija essenzjali għall-integrità tas-suq intern tal-UE, u għalhekk il-parteċipanti kollha tas-suq għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa u t-taxxi għandhom jitħallsu fil-post fejn jiġi ġġenerat il-qligħ; jenfasizza li mindu ġew żvelati l-Lux Leaks, l-UE rrikonoxxiet li – sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku – teħtieġ politiki u regolamentazzjoni sempliċi u trasparenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa, u rrikonoxxiet ukoll li hemm bżonn tintemm darba għal dejjem il-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa (inklużi l-benefiċċji tat-taxxa mogħtija illegalment) min-naħa tal-Istati Membri, li toħloq periklu morali u tqiegħed piż tat-taxxa addizzjonali fuq il-kontribwenti onesti u timpedixxi l-iżvilupp tal-SMEs, anke meta parteċipanti ġodda u SMEs preżenti f'pajjiż wieħed biss ikunu penalizzati meta mqabbla mal-kumpaniji multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-qligħ jew jimplimentaw forom oħra ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti disponibbli għalihom biss; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati bir-reqqa l-każijiet kollha fejn ikun hemm suspett li l-għan huwa l-ottimizzazzjoni tat-taxxa min-naħa tal-kumpaniji multinazzjonali; jilqa', sadanittant, l-investigazzjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni dwar il-prattiki antikompetittivi, bħal benefiċċji selettivi fuq it-taxxa jew sistemi deċiżjonali ta' qligħ eċċessiv, u jilqa' wkoll l-eżiti reċenti tal-investigazzjonijiet li juru li ħelsien selettiv mit-taxxa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija illegali skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha aċċess wiesa' għall-informazzjoni sabiex jingħata bidu għal aktar investigazzjonijiet dwar każijiet suspettużi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida ċari dwar għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa sabiex tkopri każijiet ta' kompetizzjoni inġusta u tagħmel użu sħiħ mill-poteri tagħha skont il-liġi tal-kompetizzjoni biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod effiċjenti l-prattiki tat-taxxa dannużi; isostni li hemm bżonn sforzi akbar, anke fir-rigward tal-prattiki tat-taxxa aggressivi; jenfasizza li l-informazzjoni dwar deċiżjonijiet dwar it-taxxa u l-arranġamenti tal-ipprezzar ta' trasferiment skambjata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri hija partikolarment deċiżiva; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri qed jiċħdu l-aċċess tad-DĠ Kompetizzjoni għal din l-informazzjoni; jirrakkomanda kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali, u jistieden ukoll lill-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa u jissuġġerixxi li, jekk ikun il-każ, din l-informazzjoni tiġi ppreżentata fl-għamla ta' klassifikazzjoni fuq bażi reġjonali; jemmen li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ddefinixxew metodoloġija ċara għall-kalkolu tal-valur u tal-vantaġġi kompetittivi mhux dovuti li jgawdu l-kumpaniji involuti f'deċiżjonijiet żbaljati jipprovdu bażi legali tajba għal aktar konverġenza;

6.  Jenfasizza li l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku għandha effetti distorsivi serji fuq il-kompetittività tas-suq Ewropew; itenni li l-akkwist pubbliku jikkostitwixxi waħda mill-aktar attivitajiet governattivi esposti għall-korruzzjoni; jenfasizza li, f'xi Stati Membri, l-akkwist iffinanzjat mill-UE jġorr riskji ogħla ta' korruzzjoni minn akkwist iffinanzjat b'mod nazzjonali; ifakkar li stediniet għal offerti mfassla apposta jintużaw ħafna biex jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-fondi tal-UE u tiġi stimulata r-responsabbiltà fl-akkwist pubbliku; iħeġġeġ il-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bid-drittijiet meħtieġa sabiex jinvestiga aħjar l-allegati reati kontra l-fondi tal-UE;

7.  Jenfasizza li l-proċedimenti tal-għajnuna mill-Istat waħedhom ma jistgħux itemmu b'mod permanenti l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fl-Istati Membri; jirrakkomanda, għalhekk, il-ħolqien ta' bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK), li għandha tgħin biex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tingħata garanzija li l-ebda qligħ ma jitħalla joħroġ mill-UE mingħajr ma jiġi intaxxat, l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni rilevanti dwar deċiżjonijiet tat-taxxa, rieżami tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi evitata l-frodi, u obbligu fuq il-kumpaniji internazzjonali kbar biex jirrappurtaw pubblikament il-fatturat u l-qligħ tagħhom abbażi ta' "pajjiż b'pajjiż", u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu trasparenza akbar fil-prattiki tagħhom fil-qasam tat-taxxa kif ukoll rekwiżiti ta' rappurtar reċiproku; itenni l-ħtieġa li jiġu implimentati l-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa, ir-regoli dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE kif ukoll il-mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta;

8.  Jemmen li l-kompetizzjoni ġusta tista' tixxekkel bil-pjanifikazzjoni fiskali; jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tiġi aġġustata d-definizzjoni ta' "stabbiliment permanenti" sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jevitaw artifiċjalment li jkollhom preżenza taxxabbli fl-Istati Membri li jkollhom attività ekonomika fihom; jenfasizza li din id-definizzjoni għandha tindirizza wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-settur diġitali, sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji involuti f'attivitajiet kompletament dematerjalizzati jitqiesu li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza diġitali sinifikanti fl-ekonomija ta' dak il-pajjiż;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li r-regoli tas-suq uniku jiġu infurzati fil-livell tal-Istati Membri wkoll u li l-ksur jiġi ttrattat sabiex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq uniku;

10.  Jappella għal titjib fil-one-stop shop abbażi tal-esperjenza attwali tal-mini one-stop shops għall-prodotti diġitali; jinnota li anke bil-mini one stop shop, in-negozji żgħar u mikro jistgħu jiffaċċjaw piż amministrattiv sinifikanti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-suq uniku jissaħħaħ ulterjorment billi jitneħħew l-ostakli li fadal; jemmen li qafas robust għall-konverġenza baġitarja u fiskali jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u l-kompetittività tal-UE u jtejjeb il-kapaċità tagħha li tiffaċċja l-kompetizzjoni minn madwar id-dinja;

12.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, sabiex is-suq uniku tal-UE jaħdem tajjeb, huwa essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jitħallew jintervjenu f'sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn żvantaġġi ġeografiċi li jfixklu l-abilità tas-suq li jiffjorixxi, kemm fid-dimensjoni ekonomika u kemm f'dik soċjali;

13.  Jinsisti fuq il-ħtieġa tal-ġlieda kontra d-dumping fiskali u soċjali, il-pjanifikazzjoni fiskali abbużiva u l-evażjoni tat-taxxa biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu kemm hu;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa fil-flussi ta' flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru għandu regolatur nazzjonali b'saħħtu u indipendenti;

15.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu azzjoni rapida biex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK);

16.  Huwa tal-fehma li l-adozzjoni tal-euro min-naħa tal-Istati Membri li għadhom ma jagħmlux parti mill-munita unika ssaħħaħ il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern;

Is-suq uniku diġitali

17.  Jilqa' l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Suq Uniku Diġitali u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-politika tal-kompetizzjoni fit-tlestija tas-suq intern diġitali; jappoġġja wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tapplika b'mod sħiħ għas-suq uniku diġitali, peress li l-kompetizzjoni mhux biss tagħti aktar għażla lill-konsumaturi iżda tipprovdi wkoll kundizzjonijiet ekwi, u jiddispjaċih li n-nuqqas attwali ta' qafas diġitali Ewropew issottolinja l-fatt li l-interessi tal-fornituri kbar u żgħar ma rnexxilhomx jiġu rrikonċiljati; jenfasizza li l-mudelli tas-suq tradizzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni sikwit ma jkunux rilevanti biżżejjed għas-suq intern diġitali; jitlob li tingħata attenzjoni akbar fir-rigward tal-mudelli kummerċjali l-ġodda li jintużaw mill-kumpaniji diġitali; itenni li suq uniku diġitali unifikat jista' joħloq mijiet ta' eluf ta' impjiegi ġodda u jista' jikkontribwixxi EUR 415-il biljun fis-sena għall-ekonomija tal-UE;

18.  Jenfasizza li, sabiex l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tibqa' kredibbli, il-Kummissjoni għandha tlesti bir-reqqa l-investigazzjonijiet pendenti l-oħra kollha dwar il-kartelli mingħajr ma tippreġudika l-kwalità; jitlob li l-proċedimenti jitħaffu b'tali mod li r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu malajr kemm jista' jkun; jilqa', għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet supplimentari mibgħuta mill-Kummissjoni dwar is-servizz ta' tqabbil tax-xiri u d-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet dwar il-każ Android; jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina b'mod determinat it-tħassib kollu identifikat fl-investigazzjonijiet tagħha, inklużi oqsma oħra ta' tfittxija bi preġudizzju (lukandi, tfittxijiet lokali, titjiriet), sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq fis-suq diġitali; jitlob investigazzjoni dwar il-pjattaformi dominanti għall-prenotazzjoni tal-lukandi;  Jilqa' l-investigazzjoni settorjali tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku, li r-riżultati preliminari tagħha identifikaw ċerti prattiki tan-negozju f'dan is-settur li jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni online; jilqa' wkoll l-impenn tal-Kummissjoni favur suq uniku diġitali Ewropew u l-proposta tagħha dwar l-imblukkar ġeografiku u forom oħra ta' diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità tal-klijenti u l-post ta' residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ambizzjużi biex telimina l-ostakli illeġittimi għall-kompetizzjoni online, sabiex jiġi żgurat xiri online bla xkiel għall-konsumaturi tal-UE meta jixtru mingħand bejjiegħa bbażati fi Stat Membru ieħor; iqis, għalhekk, li hemm bżonn azzjonijiet ambizzjużi u speċifiċi biex jitjieb l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi online, b'mod partikolari billi jintemmu l-prattiki ta' imblukkar ġeografiku mhux ġustifikati u d-diskriminazzjoni ta' prezzijiet inġusti bbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika jew in-nazzjonalità, li ta' spiss ikollhom l-effett li jibnu monopolji u li jwasslu lill-konsumaturi biex jagħżlu kontenut illegali; jappella għat-tikkettar elettroniku fil-livell tal-UE biex jiġu ggarantiti l-eżistenza u l-kwalità tas-servizzi jew il-prodotti offruti sabiex jiġi żgurat livell saħansitra ogħla ta' kompetizzjoni ġusta u anke jiżdied il-ħarsien tal-konsumatur;

20.  Iqis li t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-SMEs għandu jkollu rwol essenzjali fl-isforzi għall-promozzjoni ta' suq uniku diġitali unifikat u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt potenzjali ta' kull inizjattiva, partikolarment dawk li jimmiraw biex jippromwovu l-kummerċ elettroniku u biex jiġi ċċarat l-istatus ta' stabbiliment permanenti tas-settur diġitali, fuq il-kapaċità tal-SMEs li jibbenefikaw mis-suq uniku diġitali;

21.  Ifakkar li n-"newtralità tan-netwerk" hija ta' importanza fundamentali biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fost is-servizzi tal-internet u li l-kompetizzjoni tkun iggarantita b'mod sħiħ ("newtralità tan-netwerk" tfisser il-prinċipju li t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat b'mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, b'mod indipendenti minn min jibgħat, ir-riċevitur, it-tip, il-kontenut, it-tagħmir, is-servizz jew l-applikazzjoni tiegħu);

22.  Jenfasizza li l-preżenza dejjem akbar ta' negozji ġodda b'kapaċità diġitali, b'mod partikolari applikazzjonijiet tal-internet u tal-mobile, flimkien ma' operaturi eżistenti, fetħet kanali ġodda għall-konsumaturi biex isibu, iqabblu u jagħżlu prodotti u servizzi fis-suq uniku, u b'hekk tirriżulta f'konsumaturi emanċipati li jistgħu jagħmlu għażliet infurmati skont il-ħtiġijiet u l-għanijiet personali tagħhom;

23.  Jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva toffri lill-konsumaturi tal-UE għadd kbir ta' prodotti u servizzi innovattivi; jenfasizza li l-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva introduċew l-idea li jisfidaw lill-atturi dominanti diġà eżistenti sabiex jinħoloq ambjent aktar kompetittiv kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; itenni li minbarra t-tassazzjoni, il-qafas amministrattiv u s-sigurtà, il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll l-aspetti marbutin mal-kompetizzjoni u tneħħi l-ostakli għad-dħul fis-suq tan-negozji sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi; jenfasizza li din it-tip ta' ekonomija diġà ġiet stabbilita bosta snin ilu, u li għal raġunijiet ta' konsistenza legali kwalunkwe irregolarità għandha tiġi solvuta fil-livell tal-UE f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u tal-konsumatur b'rabta mas-suq uniku diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq sett ta' miżuri, li huwa indispensabbli sabiex l-għadd kbir ta' forom u varjanti tal-ekonomija kollaborattiva jirċievu appoġġ fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri individwali, jiġu applikati, isiru kredibbli u jirbħu l-fiduċja, u huwa konxju li dan il-qafas regolatorju permessiv u ta' appoġġ mhux se jwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tindirizza dan it-tħassib, b'mod li l-benefiċċji għas-soċjetà ta' dawn il-mudelli kummerċjali jkunu jistgħu jsiru tanġibbli fir-realtà fil-kuntest ta' oqfsa legali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami wiesa' tal-effikaċja tal-istrumenti eżistenti tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-era diġitali u, jekk ikun hemm bżonn, tiżviluppahom aktar;

25.  Jenfasizza li, partikolarment f'settur dinamiku bħall-ekonomija diġitali, huwa assolutament kruċjali li l-proċedimenti tal-kompetizzjoni jiġu konklużi b'ħeffa, b'tali mod li l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq ma jkunx jista' jwassal għal taqlib (shakeout) fis-suq;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-konverġenza dejjem akbar fis-swieq diġitali, billi tqabbel servizzi simili, bħall-applikazzjonijiet tal-messaġġi istantanji (IM), ma' servizzi ekwivalenti mogħtija mis-settur tat-telekomunikazzjoni ġenerali;

27.  Jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' ċerti prattiki antikompetittivi minn għadd ta' kumpaniji, b'mod partikolari mill-ġganti tal-internet u t-telekomunikazzjoni u kumpaniji medjatiċi, studios ċinematografiċi u distributuri televiżivi oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri kollha kontra mġiba antikompetittiva li tikser ir-regoli antitrust tal-UE;

28.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru fil-każ li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat lil Apple, li tirrappreżenta pass ewlieni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat permezz ta' benefiċċji fuq it-taxxa; jirrimarka, madankollu, li l-UE jeħtieġ ikollha leġiżlazzjoni aktar stretta rigward id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa, billi tipprevedi wkoll sistema effikaċi u proċedura ta' rkupru tad-dejn favur ir-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika kwalunkwe ksur bil-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu kemm hu;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija regolatorja li tqis il-konverġenza teknoloġika u, b'mod partikolari, il-multiplikazzjoni tal-pjattaformi; ifakkar li, għal dan il-għan, ir-regolamenti settorjali ex ante għandhom jibbilanċjaw id-difiża tal-pluraliżmu, il-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni tal-awtonomija u l-libertà tal-għażla tal-konsumatur u l-promozzjoni ugwali ta' offerti kompetittivi fl-Ewropa u ta' offerti konverġenti għall-aqwa esponenti Ewropej fil-kompetizzjoni internazzjonali; jitlob li jiġu korretti l-inugwaljanzi fil-bilanċ tal-poter u li jittaffew sitwazzjonijiet ta' dipendenza bejn l-operaturi ekonomiċi bil-ħsieb li jkun hemm tqassim ġust tal-valur;

30.  Jilqa' l-attenzjoni akbar li qed tingħata lill-effetti tan-netwerk u lill-akkumulazzjoni u l-analiżi tad-data fl-identifikazzjoni tal-poter tas-suq fis-swieq diġitali; huwa tal-fehma li d-data għandha rwol ewlieni fl-ekonomija diġitali u għalhekk għandha titqies fil-valutazzjoni fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni;

31.  Iqis li l-kompetizzjoni fis-setturi tat-tiftix fuq l-internet u tat-telekomunikazzjoni hija essenzjali, mhux biss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks u fl-ekonomija diġitali, iżda anke għall-promozzjoni ta' prezzijiet aċċessibbli u għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipproteġi l-kompetizzjoni f'dawn is-setturi, anke fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ispettru u tas-servizzi tal-internet; jilqa', b'rabta ma' dan, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħares b'mod favorevoli lejn l-għanijiet strateġiċi tal-pakkett tat-telekomunikazzjoni fl-applikazzjoni tal-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għan-netwerks tal-broadband; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf il-fużjoni tal-fornituri tas-servizzi tat-telefonija ċellulari O2 u Three fir-Renju Unit, għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej; itenni l-importanza tal-applikazzjoni tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u t-tisħiħ tal-konnettività fl-UE kollha;

32.  Iqis li t-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE mhuwiex biżżejjed u li t-telefonati intra-UE jeħtieġ ukoll jiġu regolati fuq l-istess livell bħat-telefonati lokali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għar-regolamentazzjoni tat-telefonati intra-UE;

33.  Jemmen li, minn perspettiva fit-tul, il-passi lejn it-tmiem tat-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi fl-UE mhumiex biżżejjed jekk irridu li s-suq uniku jiġi approfondit aktar, u li għandhom jinħolqu inċentivi biex it-telefonati intra-UE jkunu fuq l-istess livell bħat-telefonati lokali, billi jiġu faċilitati investimenti f'netwerks kompletament Ewropej jew kondiviżi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni dettaljata mal-operaturi tan-netwerks u mal-partijiet interessati rilevanti dwar kif jistgħu jnaqqsu t-tariffi għat-telefonati intra-UE għal-livell tat-telefonati lokali bl-aktar mod effiċjenti, li fl-istess ħin jinkoraġġixxi l-investimenti u jiżgura l-innovazzjoni u l-kompetittività globali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-politika u l-istrumenti finanzjarji tagħha u tippromwovi l-iskambji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex jitrawwem l-investiment f'diversi setturi tradizzjonali u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li għadhom lura fir-rivoluzzjoni industrijali diġitali;

35.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tħeġġeġ in-negozji kollha (bħal dawk b'sehem dominanti fis-suq u anke l-istartups) biex jinnovaw;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni turi l-istess determinazzjoni fit-twettiq u r-riżultati tal-inkjesta li għaddejja bħalissa kontra McDonald's;

L-għajnuna mill-Istat

37.  Jilqa' r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jissuġġerixxi li jintbagħat rapport annwali speċifiku lill-Parlament; ifakkar lill-Istati Membri li l-għan kien li l-miżuri ta' għajnuna jkunu mmirati aħjar lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u fit-tul, ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u koeżjoni soċjali, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-funzjonament liberu tal-ekonomija soċjali tas-suq; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom responsabbiltà akbar meta jagħtu għajnuna mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipprovdi bażi legali suffiċjenti fil-liġi tal-kompetizzjoni sabiex tingħata spinta lit-turiżmu bħala fattur ekonomiku importanti fl-UE, u li, għaldaqstant, il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet turistiċi pubbliċi għandhom jaqgħu taħt eżenzjoni GBER ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza kwalunkwe tranżazzjoni tal-aħħar minuta magħmula minn Stat Membru mingħajr kunsiderazzjoni għall-pressjoni politika applikata minn dan tal-aħħar; ifakkar ukoll lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li timpedixxi li ċerti gvernijiet jaġixxu in mala fede bħalma jagħmlu meta jonfqu l-fondi tal-UE b'mod ħażin;

38.  Jenfasizza li intervent statali jew reġjonali jikkostitwixxi waħda mill-għodod ta' politika kruċjali għas-sostenn tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'reġjuni u gżejjer iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni, iżda li għandhom jitqiesu wkoll l-esperjenzi tal-passat u li dawn l-interventi m'għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku; jenfasizza li l-konnettività tar-reġjuni insulari periferiċi hija essenzjali wkoll u jilqa' l-inklużjoni tal-għajnuna soċjali għat-trasport tar-residenti f'reġjuni remoti fil-GBER fejn qed tiġi rikonoxxuta l-problema tal-konnettività; jitlob lill-Kummissjoni biex, waqt ir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, tqis bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet tar-Reġjuni Ultraperiferiċi (ORs) kif stipulati fl-Artikolu 349 tat-TFUE, peress li l-konnettività hija fundamentali għall-SMEs lokali fl-ORs u anke l-inqas waħda li x'aktarx taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern;

39.  Jilqa' l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat bħala parti mill-Inizjattiva dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat; jirrikonoxxi l-benefiċċji tar-regoli ssimplifikati li jipprovdu ċertezza kemm lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istess ħin, tiskrutinizza aktar mill-qrib l-għajnuna mill-Istat ipprojbita, li għandha impatt negattiv kbir ħafna fuq is-Suq Uniku;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi – mill-aktar fis possibbli – dokument ta' gwida dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, fid-dawl ta' bidliet importanti fil-ġurisprudenza u l-prattika ta' infurzar, sabiex tiżgura ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi pjan direzzjonali għal inqas għajnuna mill-Istat imma għal waħda li tkun immirata aħjar, bil-għan li tiżdied il-possibbiltà li titnaqqas l-għajnuna mill-Istat billi jitbaxxew it-taxxi, u b'hekk jiġu stimulati negozji ġodda u kompetizzjoni ġusta minflok ma jiġu appoġġjati l-istrutturi qodma u l-operaturi stabbiliti;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni kostruttiva dwar il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat filwaqt li żżomm f'moħħha li Stati Membri differenti jridu jirreaġixxu għal obbligi ta' politika differenti abbażi tas-sitwazzjoni, id-daqs, il-karatteristiċi fiżiċi u oħrajn tagħhom, kif ukoll l-istat ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom;

43.  Jenfasizza li meta tintuża l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu promossi s-servizzi ta' interess ġenerali, huwa l-benefiċċju għall-konsumaturi u ċ-ċittadini li huwa kruċjali, u mhux il-benefiċċju għall-kumpaniji individwali jew l-entitajiet pubbliċi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib ir-rinazzjonalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE u timpedixxi l-għajnuna illegali mill-Istat mogħtija fl-għamla ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ definizzjoni armonizzata ta' għajnuna mill-Istat f'organizzazzjonijiet tal-kompetizzjoni internazzjonali, bħan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

46.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm Unjoni tal-Enerġija li tiffunzjona sew u jiġi evitat li ma jiġux rispettati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-fondi tal-UE, għandhom jiġu ssorveljati b'mod strett u investigati fil-fond il-każijiet kollha ta' għajnuna mill-Istat u ta' irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku b'rabta mal-investimenti fl-enerġija u fl-ambjent, bħall-proġett kontroversjali biex jitkabbar l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Paks fl-Ungerija;

47.  Jenfasizza li – kif iddikjarat il-Kummissjoni għas-sitt darba fir-rapport annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni – l-għajnuna temporanja mill-Istat fis-settur finanzjarju kienet meqjusa meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja globali, iżda li din trid titnaqqas malajr, jew titneħħa kompletament u tiġi eżaminata, ladarba l-Unjoni Bankarja tkun tlestiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kollha tal-ħarsien tal-konsumatur – bħall-MIFID jew l-IDD – tiġi applikata b'mod konsistenti fis-Suq Uniku kollu u jitlob lill-Kummissjoni u lill-ESMA jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda arbitraġġ regolatorju fl-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità ta' kreditu lill-SMEs;

48.  Ifakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-inkjesta attwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' Assi u Krediti ta' Taxxa Differita (DTAs/DTCs) għall-benefiċċju tas-settur bankarju f'bosta Stati Membri; huwa tal-fehma li d-DTA/DTCs għandhom jiġu awtorizzati b'mod retroattiv skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jekk ikunu marbuta ma' kundizzjonijiet espliċiti dwar il-miri ta' finanzjament għall-ekonomija reali;

49.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li ma ttieħdet ebda azzjoni mill-Kummissjoni biex tindirizza l-abbużi mwettqa fir-ristrutturar tal-banek privati, inklużi dawk li jaffettwaw depożitanti żgħar u sidien żgħar ta' strumenti finanzjarji bħal ishma preferuti, li f'ħafna każijiet kienu ġew kummerċjalizzati mingħajr konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-effetti mifruxa tal-bejgħ irregolari ta' prodotti finanzjarji li nkixef fir-ristrutturar tal-banek affettwati mill-kriżi ekonomika;

50.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk is-settur bankarju bbenefikax sa mill-bidu tal-kriżi minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat permezz tal-forniment ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;

51.  Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat żbalji fl-għajnuna mill-Istat f'madwar wieħed minn kull ħames proġetti li għamlet awditu tagħhom u li kienu ġew kofinanzjati permezz ta' programmi ta' koeżjoni u li kienu meqjusa li kellhom rilevanza għall-għajnuna mill-Istat matul il-perjodu 2010-2014[12]; jinnota li terz minn dawn l-iżbalji ġew ivvalutati bħala li kellhom impatt finanzjarju u huma meqjusa li kkontribwew għal-livell ta' żball fil-politika ta' koeżjoni; iqis, għalhekk, li hemm lok għal progress fl-indirizzar tan-nonkonformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni; iqis li huwa partikolarment neċessarju li jitjieb l-għarfien tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex jiġu evitati żbalji magħmula in buona fede, kif ukoll titjieb ir-reġistrazzjoni tal-irregolaritajiet sabiex ikun hemm perspettiva aħjar tal-kwistjoni;

52.  Huwa tal-fehma li hemm bżonn għarfien aħjar fil-livell lokali u nazzjonali fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat; jilqa' d-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni li fihom ġie ċċarat liema miżuri ta' appoġġ pubbliku min-naħa tal-Istati Membi jistgħu jitwettqu mingħajr valutazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat; iqis li dawn id-deċiżjonijiet jipprovdu gwida utli għall-proġetti lokali u muniċipali, inaqqsu l-piż amministrattiv u fl-istess ħin iżidu ċ-ċertezza legali;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kompetizzjoni b'rabta mad-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD) sabiex l-istrumenti ta' stabbilizzazzjoni bikrija previsti mill-awtorità leġiżlattiva tal-UE jkunu, fil-fatt, jistgħu jintużaw;

54.  Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat ta' natura fiskali, li jipprovdu appoġġ meħtieġ għall-aġenda Ewropea u internazzjonali dwar it-taxxa, speċjalment fil-ġlieda kontra l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi akbar biex jiġu investigati deċiżjonijiet tat-taxxa li joħolqu tħassib mil-lat tal-għajnuna mill-Istat u twettaq dawn l-investigazzjonijiet b'mod sistematiku; jinnota l-fatt li l-Kummissjoni tqis li d-deċiżjonijiet tat-taxxa mhux trasparenti li ngħataw minn xi Stati Membri lil ċerti kumpaniji multinazzjonali jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat, peress li huma distorsivi fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq intern; jilqa' wkoll iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-interkonnessjonijiet bejn il-politiki dwar it-taxxa u l-prattiki amministrattivi fil-qasam tat-tassazzjoni, fuq naħa, u l-politika tal-kompetizzjoni, fuq in-naħa l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika sommarju tad-deċiżjonijiet tat-taxxa ewlenin li ttieħdu fid-deċiżjonijiet preċedenti, abbażi ta' informazzjoni f'direttorju ċentrali sigur, li jkun jinkludi, tal-inqas, deskrizzjoni tal-kwistjonijiet indirizzati fid-deċiżjoni tat-taxxa u deskrizzjoni tal-kriterji użati biex jiġi determinat arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment u l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li x'aktarx jiġu affettwati;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet f'każijiet fejn tkun ingħatat għajnuna illegali mill-Istat, minbarra l-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat oriġinali; jemmen li sanzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu applikati kontra l-Istat jew il-kumpanija involuta, jew kontra t-tnejn li huma, b'tali mod li tiġi evitata sitwazzjoni fejn Stat Membru li jkun instab ħati ta' ksur tal-għajnuna mill-Istat jiġi kkastigat sempliċement billi jittieħed lura l-ħlas oriġinali;

Ir-regoli antitrust, il-proċedimenti rigward il-kartelli, u l-kontroll tal-fużjonijiet

57.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tħejji gwida dwar il-proċeduri u l-evalwazzjoni kontinwa tagħha fir-rigward tal-qafas legali tal-UE;

58.  Jenfasizza l-importanza li l-kartelli jitkissru, fl-interess taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissimplifika l-proċeduri amministrattivi f'dan ir-rigward sabiex tipprijoritizza l-proċedimenti;

59.  Huwa tal-fehma li l-fużjonijiet proposti bejn l-akbar kumpaniji mondjali fil-qasam tal-agrokimika u ż-żrieragħ jistgħu jwasslu għar-riskju ta' żieda fil-prezzijiet taż-żrieragħ u għal inqas għażla fil-varjetajiet adattati għall-kundizzjonijiet agroekoloġiċi; jenfasizza li jekk dawn il-fużjonijiet ikomplu, 61 % tas-suq taż-żrieragħ globali u 65 % tas-suq tal-pestiċidi globali jkun taħt il-kontroll ta' tliet kumpaniji biss;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha fil-livell globali sabiex tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi ma jkunux f'kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-UE għad-detriment tan-negozji Ewropej;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm ir-rekord b'saħħtu u effikaċi tagħha fir-rigward tal-infurzar fil-kuntest tal-kartelli fil-każijiet kollha fejn ikollha biżżejjed evidenza ta' ksur; jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni tippermetti lill-kompetituri jikkooperaw fl-innovazzjoni mingħajr ma dik il-kooperazzjoni tiġi abbużata għal skopijiet antikompetittivi; jieħu nota tal-ħames deċiżjonijiet tas-sena l-oħra b'rabta ma' total ta' madwdar EUR 365 mijun f'multi, kif dokumentat fid-dokument tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-2015;

62.  Jemmen li r-regoli eżistenti dwar il-multi fil-każ ta' ksur jistgħu jiġu ssupplimentati minn sanzjonijiet eħrex kontra l-atturi responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tikkomplementa l-multi lill-kartelli b'sanzjonijiet personali mmirati għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'dawn il-kumpaniji, kif ukoll penali individwali għall-impjegati li jkunu fil-fatt wasslu lill-kumpanija tagħhom biex twettaq ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni – il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tkun kapaċi timponi miżuri bħal skwalifiki tad-diretturi jew sanzjonijiet pekunarji personali meta jkun hemm bżonn;

63.  Jemmen li l-użu ta' multi dejjem akbar bħala l-uniku strument tal-antitrust jista' ma jkunx drastiku biżżejjed; jenfasizza li politika ta' multi kbar m'għandhiex tintuża bħala mekkaniżmu alternattiv għall-finanzjament tal-baġit; jippreferi l-approċċ "tal-inċentiv u l-kastig", b'penali li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġu l-konformità;

64.  Jinnota li l-għadd ta' fużjonijiet notifikati żdied b'mod sinifikanti fl-2015; jitlob, għalhekk, li s-servizzi rilevanti jingħataw ir-riżorsi meħtieġa (permezz tar-riallokazzjoni interna tal-persunal) biex ikunu jistgħu jkomplu jindirizzaw b'mod effikaċi din is-sitwazzjoni;

65.  Jilqa' l-konsultazzjoni mnedija reċentement mill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti proċedurali u legali tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, b'rabta mar-riforma ppjanata tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet, teżamina bir-reqqa jekk il-proċeduri ta' valutazzjoni attwali jikkunsidrawx biżżejjed iċ-ċirkustanzi fis-swieq diġitali u l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq; iqis li, speċjalment fl-ekonomija diġitali, il-kriterji ta' valutazzjoni tal-fużjonijiet għandhom jiġu adattati;

66.  Jikkondividi t-tħassib dwar in-negozjati attwali dwar il-fużjoni bejn Bayer AG u Monsanto Company Inc.; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fużjoni ppjanata tista' toħloq oligopolju Ewropew u globali potenzjali jekk titħalla ssir; jenfasizza li din il-fużjoni tista' tirriżulta f'sitwazzjoni ta' monopolju fis-swieq taż-żrieragħ u tal-pestiċidi, li huma importanti għas-settur agrikolu; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq valutazzjoni tal-impatt ex ante ta' din il-fużjoni u jitlob idea ċara tal-kalendarju tal-Kummissjoni;

67.  Huwa tal-fehma li l-arranġamenti ta' kontroll tal-fużjonijiet tal-UE għandhom iqisu l-prezz tax-xiri bħala kriterju, peress li l-fużjonijiet fis-swieq diġitali għamluha ċara li l-limiti tal-fatturat mhumiex biżżejjed;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-ħolqien ta' qafas tal-UE għall-koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar il-kontroll tal-fużjonijiet;

69.  Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104/UE dwar id-danni fi kwistjonijiet relatati mal-antitrust;; jirrimarka li din id-Direttiva għandha tiġi trasposta kif xieraq sas-27 ta' Diċembru 2016; jiddeplora l-fatt li s'issa l-progress fit-traspożizzjoni kien batut u li ħafna Stati Membri għadhom ma ressqux abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tfakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom;

Aspetti settorjali

70.  Jilqa' l-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem, u jaqbel mal-ħames dimensjonijiet politiċi interkonnessi tagħha; jenfasizza li d-deċiżjonijiet dwar it-taħlita enerġetika huma f'idejn l-Istati Membri;

71.  Jilqa' l-investigazzjonijiet differenti dwar l-antitrust, b'mod partikolari dawk fir-rigward ta' Gazprom u Bulgargaz, bil-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni tas-suq fl-Unjoni tal-Enerġija; jiddeplora, madankollu, il-prattika min-naħa ta' ċerti Stati Membri li jixtru l-gass permezz ta' kumpaniji offshore bħala eżempju tipiku ta' evitar tat-taxxa u att li jmur kontra l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni tal-Enerġija; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi evitat il-ħolqien ta' strutturi tas-suq li jistgħu jimpedixxu kompetizzjoni effikaċi fis-settur tal-enerġija;

72.  Jieħu nota tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni; jenfasizza, madankollu, l-impenji legalment vinkolanti li ħadu l-Istati Membri fil-konferenza dwar il-klima COP21, li ma jistgħux jintlaħqu mingħajr miżuri (statali) konkreti għall-promozzjoni u l-finanzjament tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli;

73.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni Ewropea għandha potenzjal kbir biex tippromwovi standards ambjentali u soċjali ogħla; jinnota b'dispjaċir li l-Gvern Ungeriż qed ifixkel il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija rinnovabbli billi jimponi taxxi għoljin u billi jimpedixxi l-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-użu tal-enerġiji rinnovabbli fl-Ewropa sabiex tilħaq l-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-istrateġija tat-tkabbir fuq għaxar snin "Ewropa 2020" tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali, soċjali u tax-xogħol fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 267/2010 li jeżenta ċerti ftehimiet fis-settur tal-assigurazzjoni, peress li l-iskambju ta' informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tar-riskju u l-kopertura tar-riskju konġunt iżid iċ-ċertezza legali u l-kompetittività fis-settur, u b'hekk jiffaċilita d-dħul fis-suq għal intrapriżi ġodda, iżid l-għażla għall-konsumaturi u jtejjeb il-kundizzjonijiet ekonomiċi;

75.  Jirrimarka l-ħtieġa li ssir distinzjoni fuq livell kunċettwali u mil-lat ta' politika bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-politika soċjali tal-Istat Membru rispettiv; jirrikonoxxi li huwa l-obbligu ta' kull gvern li jintervjeni sabiex jevita li ċ-ċittadini tiegħu jsofru l-faqar enerġetiku;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu t-taxxi fuq il-prodotti tal-enerġija u jieħdu miżuri effikaċi kontra l-faqar enerġetiku;

77.  Jirrimarka li l-grilja enerġetika hija infrastruttura bbażata fuq netwerk li teħtieġ trattament speċjali, biex tippermetti u tinkoraġġixxi l-konsum proprju;

78.  Jinnota li l-monopolji governattivi eżistenti, bħall-monopolji fuq il-logħob tal-azzard, jista' jwassal għal prattiki inġusti u antikompetittivi; jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li bl-għoti ta' liċenzji mingħajr sejħiet għall-konċessjonijiet, jew permezz ta' sejħiet dubjużi u mhux trasparenti, il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiffavorixxu ċerti kumpaniji fuq oħrajn, u b'hekk jistgħu joħoloqu ambjent antikompetittiv ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja strettament il-monopolji governattivi eżistenti u l-legalità tas-sejħiet għall-konċessjonijiet sabiex timpedixxi kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidliet fir-Regolament (KE) Nru 261/2004 sabiex tiżgura l-istess protezzjoni għall-vjaġġaturi bl-ajru fuq titjiriet minn pajjiżi terzi, irrispettivament minn jekk it-trasportatur ikunx mill-UE jew le;

80.  Ifakkar li l-Artikolu 42 tat-TFUE jagħti status speċjali lis-settur agrikolu fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni, skont kif affermat matul l-aħħar riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) bl-għoti ta' sensiela ta' derogi u eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 tat-TFUE; iqis li l-kriżi attwali fis-settur tal-biedja qed tiggrava l-pożizzjoni diġà dgħajfa tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel;

81.  Iqis li l-attivitajiet kollettivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, bħall-ippjanar tal-produzzjoni u n-negozjar ta' bejgħ u, fejn xieraq, in-negozjar tat-termini ta' kuntratti, huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, u għandhom għalhekk igawdu fil-prinċipju minn preżunzjoni ta' kompatibbiltà mal-Artikolu 101 tat-TFUE; jinnota li d-derogi attwali mhux qed jintużaw bl-aħjar mod u li n-nuqqas ta' ċarezza ta' dawn id-derogi, id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni u n-nuqqas ta' applikazzjoni uniformi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jagħtux biżżejjed ċertezza legali lill-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u b'hekk jimpeduhom milli jorganizzaw ruħhom u jxekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, ittejjeb l-għodod disponibbli billi tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni tqis b'mod aħjar l-ispeċifiċitajiet tas-settur agrikolu u tikkjarifika b'mod xieraq il-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga ġenerali għall-agrikoltura, ir-regoli speċifiċi għas-setturi tal-ħalib, taż-żejt taż-żebbuġa, taċ-ċanga u l-vitella u tal-prodotti tar-raba' li jinħadem u l-eżenzjonijiet individwali skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled u tieħu azzjonijiet regolatorji vinkolanti fil-livell tal-UE kontra prattiki kummerċjali żleali fil-katina alimentari, li jxekklu l-bdiewa u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jindirizzaw it-tħassib imqajjem mil-impatt kumulattiv fin-naħa ta' fuq tal-katina tal-provvista tal-ikel, kif ukoll fuq il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi, tal-konċentrazzjoni rapida fil-livell nazzjonali fis-settur tad-distribuzzjoni u l-iżvilupp ta' alleanzi ta' distributuri kbar fil-livell internazzjonali u Ewropew; jinnota li dan l-iżvilupp strutturali jista' jwassal għall-volatilità tal-prezzijiet u għal tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, u jqajjem tħassib ta' possibbiltà ta' allinjamenti strateġiċi, tnaqqis fil-kompetizzjoni u marġnijiet ridotti għall-investiment fl-innovazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel;

83.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi mingħajr ma tqis l-interessi tal-produtturi agrikoli; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni trid tagħti l-istess importanza biex tiddefendi l-interessi tal-produtturi agrikoli kif tagħmel biex tiddefendi l-interessi tal-konsumatur, billi tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni u għall-aċċess għas-suq intern ikunu ġusti sabiex jitrawmu l-investiment, l-impjiegi, l-innovazzjoni, il-vijabbiltà tal-impriżi agrikoli u l-iżvilupp ibbilanċjat taż-żoni rurali fl-UE;

84.  Jinsisti li l-kunċett ta' "prezz ġust" m'għandux jitqies bħala l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, iżda minflok għandu jkun raġonevoli u jippermetti rimunerazzjoni ġusta ta' kull parti fil-katina tal-provvista tal-ikel;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill rekord tal-użu tal-eżenzjonijiet eżistenti mill-bdiewa fl-Istati Membri differenti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 225 tar-Regolament dwar l-OKS Unika u b'mod xieraq tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali derogi kif ukoll l-eżenzjonijiet individwali mir-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara b'mod partikolari jekk il-ftehimiet ta' sostenibbiltà li ġew konklużi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jissodisfaw l-eżiġenzi tas-soċjetà u li l-miżuri tagħhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti statutorji jistgħux jiġu eżentati mil-liġi tal-kompetizzjoni jekk dawn jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni u jippromwovu l-innovazzjoni filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar estensiv fid-definizzjoni ta' "pożizzjoni dominanti" u tal-abbuż minn tali pożizzjoni minn impriża agrikola jew numru ta' tali impriżi marbuta bi ftehim orizzontali, filwaqt li jitqies il-grad ta' konċentrazzjoni u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mis-saħħa ta' negozjar tas-setturi tal-fatturi produttivi, tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut;

87.  Isostni li, f'suq agrikolu uniku, il-kunċett ta' "suq rilevanti" jeħtieġ jevolvi u jiġi mifhum primarjament fil-livell tal-Unjoni, qabel ma jitqiesu livelli iktar baxxi, sabiex ma jitpoġġiex fil-periklu l-objettiv tal-konċentrazzjoni tal-offerta agrikola billi jingħalaq b'mod restrittiv il-qasam tal-attività tal-impriżi agrikoli;

88.  Jemmen li l-bdiewa fis-setturi kollha tal-produzzjoni għandhom jiġu garantiti d-dritt għal negozjar kollettiv, inkluż id-dritt li jaqblu dwar il-prezzijiet minimi;

89.  Jemmen li l-bdiewa għandhom jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ u jisfruttaw il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi l-kooperattivi tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-entitajiet interprofessjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil tali għodod kollettivi ta' għajnuna proprja jikbru fil-kompetenzi u l-effiċjenzi tagħhom billi jiġu ċċarati u ssimplifikati r-regoli applikabbli għalihom, bil-għan li jissaħħu l-kapaċità ta' negozjar tagħhom u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 39 tat-TFUE;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika jiġu attivati malajr f'perjodi ta' żbilanċi serji ħafna fis-suq u tkompli tivvaluta l-effiċjenza ta' din il-miżura meta tiġi applikata għas-suq tal-prodotti tal-ħalib bil-ħsieb li jiġu proposti adattamenti temporanji ulterjuri tal-liġi u l-proċedura tal-kompetizzjoni fi żminijiet ta' żbilanċi serji fis-suq;

91.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni reċenti tal-linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli speċifiċi; iqis, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni ġuridiku tagħhom huwa limitat wisq, u li l-kriterji li jridu jiġu mħarsa minn settur għal ieħor huma eteroġenei u stretti wisq biex jipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali meħtieġa lill-bdiewa li jixtiequ jibbenefikaw minn dawn id-derogi;

92.  Jemmen li kategorizzazzjoni tas-suq rilevanti mhijiex għalkollox adatta għas-sitwazzjoni attwali tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u għalhekk jipproponi li s-suq taż-żejt taż-żebbuġa għall-konsumaturi jitqies bħala suq uniku, bil-ħsieb li tittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 169 tar-Regolament dwar l-OKS Unika;

93.  Jemmen li, minħabba l-varjazzjonijiet fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, l-iżjed minħabba kundizzjonijiet klimatiċi, u sabiex jiġu garantiti l-objettivi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandhom jitqiesu l-każijiet fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu mġiegħla jixtru mingħand produtturi taż-żejt taż-żebbuġa li mhumiex membri, filwaqt li tiġi garantita n-natura anċillari ta' din l-attività fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom stess;

94.  Jipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 170 dwar il-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella jiġi estiż għas-settur tat-tismin tal-bhejjem tal-ifrat sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mtejba;

95.  Jilqa', fil-kuntest ta' tmiem il-kwoti fis-settur taz-zokkor, l-eżistenza kontinwa ta' qafas kuntrattwali[13] fost il-bdiewa tal-pitravi, l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-kumpaniji taz-zokkor, li jippermettilhom b'mod partikolari jinnegozjaw it-termini ta' kondiviżjoni tal-valur skont l-iżviluppi fis-suq taz-zokkor u s-swieq ta' materja prima oħra; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din il-possibbiltà tingħata lill-operaturi kollha fis-settur sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar l-OKS Unika, biex b'hekk jiġi żgurat bilanċ ġust tad-drittijiet u l-obbligi bejn l-impriżi taz-zokkor u l-produtturi tal-pitravi zokkrija;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-influwenza eżerċitata mill-bejjiegħa bl-imnut fuq il-kumpaniji li jimmanifatturaw prodotti tad-ditta proprja tagħhom;

97.  Itenni l-pożizzjoni tal-Parlament[14] favur l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-PKŻ fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza li din il-leġiżlazzjoni għandha tiżgura li l-bdiewa u l-konsumaturi tal-UE jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ;

98.  Jemmen li l-implimentazzjoni sħiħa u sodisfaċenti tal-"Pakkett tal-Ħalib"[15] hija essenzjali sabiex jissaħħaħ is-settur tal-ħalib u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-estensjoni tal-"Pakkett tal-Ħalib" lil hinn minn nofs l-2020 u biex tistudja l-possibbiltà li testendi r-regoli għal setturi agrikoli oħra;

99.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-istudju tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni bit-titolu "Economic impact of modern retail on choice and innovation in the EU food sector" (L-impatt ekonomiku tal-bejgħ bl-imnut modern fuq l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur alimentari tal-UE), inkluża r-relazzjoni negattiva li jista' jkun hemm bejn l-innovazzjoni u l-penetrazzjoni fis-suq ta' prodotti taħt marki privati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament il-kontenut tad-diskussjonijiet li għaddejjin biex jiġi determinat jekk din ir-relazzjoni negattiva tnaqqasx l-innovazzjoni u l-varjetà ta' prodotti disponibbli għall-konsumaturi, u dwar xi jkunu l-konsegwenzi fit-tul għall-katina kollha tal-provvista tal-ikel u għas-sitwazzjoni tal-bdiewa;

100.  Itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat b'mod progressiv qafas tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex fil-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa jiġu inklużi l-indikaturi tas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), inklużi l-indikaturi taħt l-intestaturi ta' Ipprezzar Ġust u Kuntratti Trasparenti (S.2.1.1) u d-Dritt tal-Fornituri (S2.2.1);

101.  Jenfasizza li t-tassazzjoni eċċessiva ta' kwalunkwe industrija tista' faċilment teqred il-kompetizzjoni u tmur kontra l-interessi tal-konsumaturi;

102.  Jitlob li jiġi żviluppat ulterjorment l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel biex titjieb l-identifikazzjoni tal-kriżijiet fis-settur agroalimentari permezz ta' data aħjar u aktar diżaggregata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa jkunu involuti fid-definizzjoni u l-ġbir tad-data;

103.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ l-effett tad-distorsjonijiet tas-suq li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi fuq il-produtturi agrikoli fl-Ewropa, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja delikata tagħhom u r-rwol fundamentali tagħhom fis-soċjetà tagħna; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil ftehimiet ma' dawk il-pajjiżi li għandhom ferm inqas regolamenti fl-agrikoltura u s-saħħa mill-UE;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga n-natura u s-sustanza tad-distorsjonijiet fis-suq tal-bejgħ bl-imnut u tinkludi l-effett potenzjali tar-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista fil-konfront tal-bejjiegħa bl-imnut, peress li d-distorsjoni twassal għall-framentazzjoni tas-suq u l-potenzjal biex is-supermarkets il-kbar jiddominaw is-suq u joħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fil-ktajjen tal-provvista; jenfasizza l-importanza li l-partijiet ikkonċernati kollha jiżvelaw l-informazzjoni rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tibda tinvestiga kwistjonijiet ta' żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut;

105.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport; jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 21/2014 tal-Qorti tal-Awdituri jsostni li, apparti l-każijiet speċifiċi tal-ajruporti reġjonali jew l-ajruporti f'inħawi remoti, il-konnettività fl-Ewropa għandha tkun ibbażata fuq is-sostenibbiltà ekonomika; jiddeplora l-fatt li l-investimenti fl-ajruporti mhux dejjem ipproduċew ir-riżultati antiċipati; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tidentifika l-proġetti ta' żvilupp tal-arjuporti li rnexxew u dawk li ma rnexxewx; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 868/2004 bil-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, tipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, tiżgura r-reċiproċità u telimina l-prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga jekk ċerti prattiki – ibbażati fuq ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru ffirmati mill-Istati Membri ma' pajjiżi mhux tal-UE – humiex ta' detriment għall-kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi u l-ajruporti, u kontra l-interessi tal-konsumaturi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll il-prattiki antikompetittivi li jistgħu jxekklu l-ħila tal-konsumaturi Ewropej li jużaw varjetà ta' mezzi online, inklużi servizzi ta' tqabbil metasearch u aġenti tal-ivvjaġġar online;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar rieda politika favur l-approfondiment u t-tisħiħ ulterjuri tas-suq uniku għat-trasport u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwi, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni miftuħa u ġusta bejn l-operaturi pubbliċi u privati fis-setturi tat-trasport, tal-posta u tat-turiżmu, filwaqt li jiġu rispettati politiki, miri u prinċipji oħra tal-UE, inkluża d-dimensjoni soċjali li hi importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tat-trasport;

107.  Jenfasizza l-importanza tal-konnettività u tal-infrastruttura tat-trasport għas-sopravivenza, l-iżvilupp ekonomiku u l-provvista ta' servizzi pubbliċi u privati f'żoni reġjonali u remoti;

108.  Jittama, għalhekk, li jitlesta n-netwerk globali TEN-T;

109.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi ggarantita protezzjoni aktar effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport mill-abbuż ma għandhiex tintuża bħala pretest biex tiġi limitata l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-entitajiet minn Stati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà meta tfassal liġijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-suq uniku tat-trasport;

110.  Jinnota l-isfidi li jiffaċċjaw l-operaturi postali bħala riżultat tal-ħolqien tas-suq uniku diġitali; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-proġett ambizzjuż, b'mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ online, jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq l-organizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali tal-konsenja tal-pakketti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni transfruntiera ġusti u ugwali għall-entitajiet privati u l-operaturi pubbliċi li jipprovdu servizzi kummerċjali;

111.  Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-kompetizzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet soċjali tal-operaturi kollha fis-setturi kkonċernati;

112.  Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni dwar it-trasport tal-UE sikwit ma tkunx implimentata sew u li l-prinċipji tat-trattat mhux qed ikunu rispettati mill-Istati Membri, b'mod partikolari fejn it-trasport huwa ġestit bħala monopolju mill-gvern ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, rispettivament, jimplimentaw kif xieraq u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, li hi ferm importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bil-għan li jinġiebu benefiċċji addizzjonali għall-kummerċ u l-industrija, il-konsumaturi, il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u l-ambjent;

113.  Jenfasizza l-importanza li jitneħħew l-ostakli fiżiċi, tekniċi u regolatorji bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni fis-suq uniku u tiġi faċilitata l-mobilità transfruntiera u l-kooperazzjoni territorjali, b'hekk tiġi stimolata l-kompetizzjoni;

114.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-ostakli indiretti għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-disparità fir-regoli dwar it-tassazzjoni, is-sigurtà, id-disparità bejn il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ, id-drittijiet ta' approvazzjoni tat-tip u d-drittijiet tal-passiġġieri;

115.  Jilqa' l-progress li sar fit-teknoloġiji diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, li jippromwovu l-kompetizzjoni, joħolqu l-impjiegi, jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għal swieq akbar u jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumatur; jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp pożittiv tal-ekonomija kollaborattiva se jwasslu għal bidliet sinifikanti fl-ambjent operattiv tas-setturi, kif ukoll li hu meħtieġ qafas legali xieraq u ċar biex jinkisbu l-benefiċċji tal-proċess ta' diġitalizzazzjoni;

116.  Jenfasizza li l-entitajiet li joperaw abbażi ta' mudelli kummerċjali ġodda jinfluwenzaw is-suq tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE b'mod pożittiv, partikolarment billi jagħmlu s-servizzi aktar aċċessibbli u jtejbu l-kwalità tagħhom;

117.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinnegozja ftehimiet esterni dwar l-avjazzjoni ma' diversi pajjiżi u reġjuni importanti fid-dinja; jemmen li dan mhux biss se jtejjeb l-aċċess għas-suq, iżda jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda ta' negozju għal settur tal-avjazzjoni Ewropew ta' importanza dinjija, joħloq impjiegi ta' kwalità għolja, iżomm standards għoljin ta' sikurezza, jikkunsidra d-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur u jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi; jenfasizza li l-Parlament għandu jiżvolġi rwol importanti f'dawn in-negozjati;

118.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tinnegozja dawn il-ftehimiet esterni fil-qasam tal-avjazzjoni, tinkludi klawsola ta' kompetizzjoni ġusta bil-ħsieb li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd;

119.  Iqis li fir-rigward tas-servizzi portwarji, jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju dejjem aktar miftuħ, kompetittiv u trasparenti għal portijiet pubbliċi fl-Ewropa, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ulterjuri ta' impjieg;

120.  Jemmen li żieda fil-kompetizzjoni li rriżultat mill-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE tista' tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, iżda jikkundanna bil-qawwa l-fatt li ċerti miżuri applikati minn xi Stati Membri qegħdin idgħajfu l-integrità tas-suq uniku f'dan il-qasam; jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hi u tikkuntrasta dawn il-miżuri;

121.  Jittama li dan il-ftuħ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx kawża oħra ta' dumping soċjali u jiddeplora wkoll il-fenomenu tal-"kumpaniji tal-isem";

122.  Jiddeplora barra minn hekk il-fatt li l-vannijiet iż-żgħar mhumiex indirizzati kif suppost fil-politika tal-UE minkejja l-fatt li huma qed jintużaw dejjem aktar biex tiġi evitata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi, is-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent;

123.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-tendenzi oligopolistiċi tad-dumping tal-prezzijiet b'mod partikolari fl-avjazzjoni u fis-setturi tax-xarabanks ta' distanzi/rotot twal u jinsisti fuq l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u ta' kundizzjonijiet ġusti, kompetittivi u intermodali;

124.  Jitlob konklużjoni rapida tan-negozjati dwar ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jemmen li dan jenħtieġ jiftaħ aktar servizzi ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija għall-kompetizzjoni u jtejjeb l-effiċjenza tas-settur ferrovjarju, filwaqt li jiżgura l-kwalità u l-kontinwità tal-obbligi tas-servizz pubbliku;

125.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jemmen li dan se jsaħħaħ is-sikurezza ferrovjarja, filwaqt li fl-istess ħin ineħħi l-ostakli tekniċi għall-kompetizzjoni permezz tal-interoperabbiltà;

126.  Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu bħala mutur vitali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv biex tippromwovi l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew u toħloq ambjent favorevoli għat-tkabbir u l-iżvilupp tiegħu;

127.  Jenfasizza li s-servizzi postali u partikolarment il-konsenja ta' pakketti transfruntiera huma ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp tas-settur tal-kummerċ elettroniku fl-UE kollha; jilqa' l-inkjesta antitrust tal-Kummissjoni fis-settur tal-kummerċ elettroniku u jħeġġiġha tkompli tissorvelja l-iżvilupp tas-swieq postali u tal-pakketti;

128.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati proġetti tat-trasport sostenibbli, aċċessibbli u sikuri li jistgħu jgħinu biex itejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport Ewropea kollha;

129.  Jitlob l-użu ta' fondi tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u Orizzont 2020 biex tiġi żviluppata l-infrastruttura Ewropea tat-trasport u tiżdied il-kwantità u l-kwalità tas-servizzi;

130.  Jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw biżżejjed attenzjoni biex jitlestew il-proġetti infrastrutturali transfruntiera u biex jikkoordinaw il-pjanijiet ta' trasport l-iktar importanti tagħhom mal-Istati Membri ġirien;

131.  Iqis li huwa importanti li jintużaw b'mod sħiħ strumenti finanzjarji innovattivi bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li huma xierqa għall-finanzjament ta' proġetti tas-settur tat-trasport b'appoġġ għat-tkabbir u l-kompetittività; jenfasizza, madankollu, li r-riżorsi allokati għall-Fond ta' Garanzija tal-FEIS ma jistgħux jiffunzjonaw għad-detriment tas-CEF jew ta' Orizzont 2020, li huma strumenti vitali għall-iżvilupp ta' suq komuni fis-settur tat-trasport;

132.  Jenfasizza li suq tat-trasport ferrovjarju miftuħ kompletament jista' jwassal għal diversi benefiċċji għall-operaturi u l-passiġġieri mill-Istati Membri kollha; jinnota, madankollu, il-ħtieġa li jitqiesu l-gradi differenti ta' żvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri f'dak il-proċess; jenfasizza l-ħtieġa li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jinżammu l-livelli ta' investiment attwali biex tiġi bbilanċjata d-differenza fl-infrastruttura ferrovjarja;

133.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi ggarantita protezzjoni aktar effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport mill-abbuż ma għandhiex tintuża bħala pretest biex tiġi limitata l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-entitajiet minn Stati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà meta tfassal liġijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-suq uniku tat-trasport;

134.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi metodi analitiċi għad-definizzjoni ta' swieq rilevanti ġodda b'rabta mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u b'mod partikolari mal-fenomenu tal-konverġenza tat-teknoloġiji u l-użu kummerċjali tad-data personali fuq skala kbira;

135.  Jistieden lill-Istati Membri biex, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina fost id-ditti tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE, itemmu darba għal dejjem l-għoti ta' konċessjonijiet fuq toroq madwar iż-żoni urbani li jirriżultaw fil-ħlas ta' pedaġġi;

136.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-kazi allegati ta' frodi tal-VAT fl-industrija tal-majjal; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma fetħitx inkjesta dwar din il-kwistjoni, minkejja l-ilmenti li rċeviet mingħand l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa;

137.  Huwa tal-fehma li l-kontijiet kurrenti u ta' tfaddil ma għandhomx jiġġeneraw kummissjoni għall-utenti sakemm dawn ma jkunux marbuta ma' servizzi speċifiċi;

138.  Itenni t-tħassib tiegħu (kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea) dwar id-definizzjoni restrittiva ta' "akkomodazzjoni soċjali" mogħtija mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara din id-definizzjoni abbażi ta' skambju tal-aħjar prattika u esperjenza fost l-Istati Membri, filwaqt li tqis il-fatt li l-akkomodazzjoni soċjali hija kunċettwalizzata u ġestita b'modi differenti fi Stati Membri, reġjuni u komunitajiet lokali differenti;

139.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tirreaġixxi malajr u b'mod deċiżiv għat-tentattivi minn xi Stati Membri biex jillimitaw il-kompetizzjoni ħielsa fis-settur tat-trasport; jitlob li dawn il-prattiki jiġu aboliti u li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġi ggarantit aċċess ugwali għas-suq uniku bl-istess kundizzjonijiet għall-entitajiet li joperaw f'dak is-settur mill-Istati Membri kollha;

140.  Iqis li huwa importanti li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni fis-suq intra-Ewropew fis-servizzi finanzjarji, inkluża l-assigurazzjoni, li jinvolvi l-protezzjoni tal-possibbiltà ta' xiri transfruntier;

141.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet attwali fil-prattiki kompetittivi fis-setturi tal-provvista tal-ikel, tal-enerġija, tat-trasport u tal-midja;

142.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt li l-bidliet proposti mill-Kummissjoni fid-Direttiva 96/71/KE jista' jkollhom fuq is-settur tat-trasport bit-triq; jenfasizza li t-tentattivi biex jiġu armonizzati l-liġijiet dwar il-paga minima jmorru kontra l-prinċipju ta' sussidjarjetà, iwasslu għal diskriminazzjoni kontra ċerti entitajiet f'ċerti Stati Membri fis-suq uniku u jistgħu idgħajfu b'mod serju ħafna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-UE;

143.  Jopponi l-obbligu li l-utenti jkunu bbażati fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni finanzjarja jew il-kumpanija tal-assigurazzjoni jkollha d-domiċilju tagħha għal finijiet ta' forniment tas-servizz, peress li dan mhuwiex kompatibbli mal-għan ta' suq intern fis-servizzi finanzjarji bl-imnut;

144.  Jitlob investigazzjoni immedjata dwar it-tħassib marbut mal-kompetizzjoni fl-industrija tat-tlielaq tal-karozzi tal-Formula Wieħed;

145.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-iżivlupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, tqis il-fatt li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju jikkositwixxu l-maġġoranza assoluta tal-kumpaniji fl-UE: jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' regoli sempliċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetizzjoni għan-negozji ż-żgħar li jkunu jixtiequ joperaw online u fil-livell transfruntier fis-suq uniku;

146.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, bl-istess mod, l-istituzzjonijiet finanzjarji għadhom qed jikkanċellaw il-karti ta' pagament jekk id-detentur jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor u jitlob li għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward, inkluż billi jiġu mwissija l-awtoritajiet nazzjonali;

147.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għall-mediċini billi jiġu miġġielda l-abbużi fl-industrija farmaċewtika; jinnota l-ħtieġa li jitħeġġeġ l-użu tal-mediċini ġeneriċi, meta jkunu disponibbli, fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri;

148.  Jenfasizza li l-aċċess għall-flus kontanti permezz tal-ATMs huwa servizz pubbliku essenzjali li għandu jiġi pprovdut mingħajr ebda prattika diskriminatorja, antikompetittiva jew inġusta u ma għandux, għalhekk, iġarrab spejjeż eċċessivi;

149.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-boycotts kollettivi inġusti, definiti bħala sitwazzjoni li fiha grupp ta' kompetituri jaqblu li jeskludu kompetitur attwali jew potenzjali, bħala forma ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni mmirata lejn suġġett partikolari;

150.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskandli ta' "revolving doors" li jinteressaw lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE, u b'mod partikolari l-każ tal-ex Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes, li mhux biss se tagħmel pressjoni favur Uber iżda kienet anke involuta fil-Bahamas Leaks;

Lejn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni aktar effikaċi fl-UE

151.  Jilqa' l-infurzar deċentralizzat tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fl-Ewropa, iżda jqis li l-effikaċja tal-ħarsien taċ-ċittadini u l-kumpaniji minn prattiki antikompetittivi m'għandhiex tiddependi biss fuq l-Istat Membru li huma residenti fih; huwa tal-fehma li r-regolament dwar il-proċedura tal-kartelli (ir-Regolament 1/2003) ikkontribwixxa ħafna biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fis-suq intern kollu kemm hu; jenfasizza, madankollu, li għad hemm differenzi bejn is-sistemi nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari rigward l-indipendenza, l-iffissar ta' multi u l-programmi ta' klemenza; huwa tal-fehma li dispożizzjonijiet proċedurali effikaċi u uniformi huma essenzjali biex tiġi infurzata l-liġi tal-UE dwar il-kartelli u tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji; jistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-kooperazzjoni Ewropea fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (ECN);

152.  Iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-UE jkollhom il-mezzi u l-istrumenti li jeħtieġu biex jinfurzaw b'mod effikaċi r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, inklużi l-għodod biex jidentifikaw, jindirizzaw u jissanzjonaw il-ksur u l-programmi ta' klemenza, li huwa fundamentali biex il-kumpaniji jiddikjaraw il-kartelli fl-Ewropa;

153.  Itenni li l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija ta' importanza kbira, u li dan jinkludi l-assigurazzjoni li jkollhom ir-riżorsi li jeħtieġu biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

154.  Jilqa', b'rabta ma' dan, il-proċedura ta' konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni, li x'aktarx twassal għal proposta leġiżlattiva dwar it-tisħiħ tal-għodod ta' infurzar u sanzjonar disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-hekk imsejħa ECN+; itenni li l-infurzar min-naħa ta' diversi awtoritajeit fl-istess każijiet jew f'każijiet relatati joħloq riskju ta' duplikazzjoni u azzjoni potenzjalment inkonsistenti li tnaqqas iċ-ċertezza legali u toħloq spejjeż bla bżonn għan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposta għal azzjoni proattiva tal-UE li tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jinfurzaw ir-regoli b'mod aktar effikaċi u jaġixxu b'mod koerenti u konverġenti, sabiex ikun jista' jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sistema deċentralizzata tal-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE; jitlob li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-qafas tal-proċedura ta' kodeċiżjoni;

155.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hija essenzjali f'dinja globalizzata; jappoġġja, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà ta' aktar ftehimiet tal-kompetizzjoni ma' pajjiżi terzi li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-ftehimiet dwar il-kompetizzjoni diġà konklużi mal-Iżvizzera u l-Kanada jistgħu jservu bħala eżempju għal ftehimiet oħrajn ta' din ix-xorta; iqis ukoll li l-ftehimiet ta' kummerċ u investiment internazzjonali għandu jkollhom taqsima b'saħħitha dwar il-kompetizzjoni;

156.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, mingħajr ma tikkomprometti l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tivvaluta l-livelli differenti ta' sanzjonijiet nazzjonali għall-ksur fl-Istati Membri u tivvaluta l-possibbiltà u l-opportunità li ssir razzjonalizzazzjoni tad-differenzi;

157.  Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-UE;

158.  Jilqa' l-approċċ aktar ekonomiku tal-Kummissjoni fil-konfront tal-liġi tal-kompetizzjoni, anke fil-qasam tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI); jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-falliment tas-suq huwa kundizzjoni fundamentali għall-eżistenza ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali; jinnota, madankollu, id-dibattitu li għaddej fl-isfera akkademika dwar x'tip ta' falliment tas-suq jista' jiġġustifika kwalifika bħala SGEI;

159.  Jenfasizza li l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-akbar importanza biex ikun jista' jilħaq b'suċċess l-għanijiet tiegħu; jitlob mill-ġdid separazzjoni stretta bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida u dawk li huma responsabbli biex japplikaw dawk il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni tirrialloka riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti lid-DĠ Kompetizzjoni; jitlob li l-Kummissjoni jkollha biżżejjed iniġiniera b'ħiliet tekniċi meta tinvestiga kumpaniji b'teknoloġija avvanzata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja r-regoli etiċi għat-tim tal-ekonomista prinċipali tad-DĠ Kompetizzjoni mal-prattiki għall-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni;

It-tisħiħ demokratiku tal-politika tal-kompetizzjoni

160.  Jilqa' l-isforzi tas-Sa Vestager, il-Kummissarju attwali reponsabbli mill-kompetizzjoni, biex ikun hemm djalogu strutturat regolari mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti rispons aktar komprensiv dwar it-talbiet speċifiċi magħmula mir-rapport annwali tal-Parlament dwar il-kompetizzjoni; jemmen li djalogu strutturat dedikat jista' jikkontribwixxi għal proċess ta' segwitu aktar dettaljat fir-rigward tar-rapporti annwali rispettivi dwar il-kompetizzjoni;

161.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni għal konsultazzjoni pubblika fl-applikazzjoni tal-kontroll tal-fużjonijiet u jistedinha tiddiskuti r-riżultati mal-Parlament;

162.  Jitlob estensjoni tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari biex jiġu introdotti skambji ta' fehmiet mal-kumitati parlamentari tal-Parlament Ewropew;

163.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkorpora l-linji gwida dwar l-iffissar ta' multi f'dispożizzjonijiet legali vinkolanti;

Id-dimensjoni internazzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni

164.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni hija impenjata favur skambju miftuħ u kostruttiv dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni fil-livell globali; jilqa' l-progress li sar fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni f'ċerti Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs), iżda jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidmna tagħha dwar l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat fin-negozjati dwar l-FTAs kollha;

165.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-kummerċ, is-servizzi u l-investiment għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Membri u tas-sħab kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw malajr ħidmiethom b'rabta mal-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju, li huma meħtieġa biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE, u huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali għandhom sistematikament jindirizzaw l-isfida ta' prattiki kummerċjali żleali minn pajjiżi terzi;

166.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mas-sħab kummerċjali bil-ħsieb li tiżgura li s-swieq tagħhom ikunu aktar miftuħa għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari rigward l-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-akkwist pubbliku u s-servizzi, inklużi s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-eżerċizzju ta' professjonijiet regolati;

167.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha u twettaq monitoraġġ effettiv biex taċċerta jekk dawk id-dispożizzjonijiet humiex implimentati b'mod adegwat mill-partijiet għal dak li jirrigwarda r-regoli kollha, inkluż l-għoti ta' għajnuna mill-istat, u l-operaturi ekonomiċi kollha, inklużi intrapriżi proprjetà tal-istat;

168.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu u jimplimentaw regoli tal-kompetizzjoni fil-prattika;

169.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi biex tiġi stabbilita bażi ta' data komprensiva u faċli biex tintuża li fiha dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni miġbura minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles, li tista' tkun immexxija mis-segretarjat tad-WTO;

170.  Jilqa' l-progress li sar waqt il-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Nairobi dwar it-tnaqqis tas-sussidju fuq l-esportazzjoni, li għandu l-għan li jiżgura kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-swieq internazzjonali għall-prodotti agrikoli; jenfasizza f'dan il-kuntest is-sensittività tas-settur agrikolu u l-ħtieġa li jittieħdu miżuri ċari u effettivi, inkluż fil-qafas tal-ftehimiet tad-WTO, biex b'hekk il-produtturi Ewropej ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fis-swieq internazzjonali;

171.  Itenni li l-aċċess ugwali għar-riżorsi naturali, inklużi sorsi tal-enerġija, għandu impatt fundamentali fuq kompetizzjoni ġusta u ugwali fis-suq globali u jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet kummerċjali tinkludi dispożizzjonijiet li jtejbu l-aċċess għal dawn ir-riżorsi, inklużi dispożizzjonijiet dwar prattiki ta' intrapriżi proprjetà tal-istat li jmorru kontra l-kompetizzjoni u dwar in-nondiskriminazzjoni u t-tranżitu;

172.  Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni hija parti importanti tas-suq intern, kif previst fit-Trattat; itenni li hemm bżonn ta' suq uniku kompetittiv u li jiffunzjona sew biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli, lill-impjiegi u l-innovazzjoni fl-UE u li huwa fl-interess tal-konsumaturi, tal-istartups u tal-SMEs li jsiru sforzi biex titħares il-kompetizzjoni ġusta fl-UE kollha; jemmen li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea m'għandux jiddgħajjef minħabba l-użu tal-EU Pilot minflok proċeduri formali ta' ksur u jemmen li hu meħtieġ li tiġi mħarsa l-kompetizzjoni;

173.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex ma tikkonċentrax l-isforzi kollha tagħha sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta fuq każijiet ta' profil għoli kontra kumpaniji kbar magħrufa u prominenti; ifakkar lill-Kummissjoni li l-infurzar tal-kompetizzjoni ġusta hi wkoll importanti għall-SMEs;

174.  Jitlob it-tisħiħ tal-libertà tal-għażla għall-konsumaturi; iqis li d-dritt għall-portabbiltà tad-data li tinsab fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jirrappreżenta approċċ tajjeb biex jissaħħu kemm id-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll il-kompetizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat kif tista' tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn in-netwerks diġitali permezz ta' interfaces u standards miftuħa;

175.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina u tikkoreġi s-sitwazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li d-dritt tal-kompetizzjoni jippermettilhom jaħdmu flimkien permezz tal-istabbilimenti tradizzjonali tagħhom, iżda li huma akkużati b'kompetizzjoni inġusta jekk jipprovdu offerti konġunti ta' kummerċ elettroniku;

176.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jiġu implimentati f'waqthom, b'referenza partikolari għat-tnedija tal-akkwist elettroniku u d-dispożizzjonijiet il-ġodda li jinkoraġġixxu t-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, għaliex dan huwa essenzjali sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni u jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist;

177.  Jistieden lill-Kummissjoni tevita li jinħolqu monopolji jew ktajjen tal-valur magħluqa permezz tal-istandardizzazzjoni; jemmen li għandu jiġi introdott proċess ta' appell biex jirrieżamina l-istandards meta hemm possibbiltà li dawn iġorru riskju ta' impatt fuq il-kompetittività;

178.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell ta' konċentrazzjoni f'xi setturi, bħas-settur tal-kimika, fid-dawl ta' dawn l-aħħar fużjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif hi tippermetti l-possibbiltà ta' dħul fis-suq, partikolarment minn startups; jitlob lill-Kummissjoni teżamina jekk is-saħħa ta' impriża fis-suq li hi riżultat ta' informazzjoni u data, u l-mod li bih tiġi trattata tali informazzjoni u data, kif ukoll l-għadd ta' utenti, għandhomx ikunu kkunsidrati fil-kriterji tat-test għall-kontroll tal-fużjoni; jitlob li jiġi meqjus jekk l-amalgamazzjoni ta' data u informazzjoni, partikolarment dwar il-konsumaturi, tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;

179.  Iqis il-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni bħala kruċjali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, kif ukoll għall-għażla tas-servizzi għall-konsumaturi; iqis l-espansjoni rapida tal-broadband bħala element ewlieni biex ikun kompletat is-suq uniku diġitali; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni se tikkunsidra l-objettivi strateġiċi ta' konnettività, kif stabbiliti fil-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni, meta jiġu applikati l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband;

180.  Jirreferi għall-aktar rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni, li juri livell sinifikanti ta' nuqqas ta' konformità u jitlob biex jiġu implimentati għadd ta' rakkomandazzjonijiet; jesprimi tħassib dwar dawn ir-riżultati, minħabba li huma ta' ħsara għal suq intern li jiffunzjona sew, u għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Qorti u żżid l-isforzi tagħha biex tevita aktar żbalji;

181.  Jappoġġja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-infurzar kontra l-kartelli, bħal dak li seħħ reċentement fis-setturi tal-ikel bl-imnut u tad-diska riġida ottika, bil-ħsieb li jkunu garantiti prezzijiet ġusti għall-konsumaturi;

182.  Jirrimarka li l-konsumaturi fis-suq uniku qed jinbigħulhom prodotti li fihom ingredjenti li jvarjaw bejn konsenja u oħra minkejja li l-isem tal-prodott u l-ippakkjar ikunu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk din il-prattika għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-produtturi lokali, speċjalment l-SMEs, u jekk dan jirriżultax f'diskriminazzjoni fost il-konsumaturi bit-tqegħid ta' prodotti ta' kwalità inferjuri;

183.  Jinnota li, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2014, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-alleanzi bejn id-distributuri ewlenin fl-Ewropa, u jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tiddiskuti l-impatt ta' tali alleanzi fuq il-produtturi u l-konsumaturi fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni;

°

°   °

184.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali u – fejn applikabbli – reġjonali, tal-kompetizzjoni.

  • [1]  Testi adottati, P8_TA(2016)0310.
  • [2]  Testi adottati, P8_TA(2016)0292.
  • [3]  Testi adottati, P8_TA(2016)0346.
  • [4]  Testi adottati, P8_TA(2016)0004.
  • [5]  Testi adottati, P8_TA(2015)0051.
  • [6]  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.
  • [7]  ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
  • [8]  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
  • [9]  Testi adottati, P8_TA(2015)0394.
  • [10]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
  • [11]  ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43.
  • [12]  Rapport Speċjali Nru 24/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni" – http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_24/SR_STATE_AIDS_MT.pdf
  • [13]  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 tas-17 ta' Mejju 2016 li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta' Ottubru 2017.
  • [14]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (P8_TA(2016)0250).
  • [15]  Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-politika tal-kompetizzjoni minn dejjem kienet waħda mill-politiki ċentrali tal-UE u hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku. Illum l-Unjoni Ewropea teħtieġ politika tal-kompetizzjoni b'saħħitha u infurzata strettament aktar minn qatt qabel.

L-osservazzjoni rigoruża tar-regoli tal-kompetizzjoni tipprovdi benefiċċji numerużi għaċ-ċittadini Ewropej. Dan jagħti lill-konsumaturi Ewropej aċċess għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi ta' kwalità. Joħloq kundizzjonijiet aktar ekwi għan-negozji li joperaw madwar l-UE u jimpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju f'idejn il-ftit. Jagħti spinta lill-kwalità tal-impjiegi, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-investiment. Jassigura li l-kumpaniji kollha jirrispettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom u jħallsu t-taxxi dovuti, u li l-ebda negozju ma jirċievi trattament preferenzjali. Madankollu, il-proċess jaħdem bil-kontra wkoll. Aktar ma n-negozji u l-Istati Membri jiksru dawn ir-regoli deliberatament, aktar jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, lin-negozji u lis-Suq Uniku b'mod ġenerali. Kull benefiċċju illeġittimu tat-taxxa, jew kwalunkwe tip ieħor ta' għajnuna mill-Istat, kull prattika ta' antitrust u kull deċiżjoni protezzjonista u li xxekkel l-innovazzjoni għandhom effett serju fuq ħajjet iċ-ċittadini Ewropej.

Speċjalment illum il-ġurnata, meta l-akbar theddida għall-integrazzjoni Ewropea ġejja minn ġewwa l-UE stess fl-għamla ta' populiżmu Ewroxettiku, il-prattiki tat-taxxa inġusti li qed ikomplu jiffavorixxu l-korporazzjonijiet il-kbar jistgħu jwasslu għal sfiduċja akbar min-naħa tal-pubbliku fil-konfront tal-UE.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE ma tistax u mhuwiex l-għan tagħha li ssolvi l-isfidi kollha tal-Unjoni, iżda għandha potenzjal kbir biex jinkiseb titjib qawwi f'ħafna oqsma. Fortunatament, dan it-titjib diġà qed isir. L-investigazzjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni dwar il-prattiki antikompetittivi, bħall-benefiċċji preferenzjali fuq it-taxxa, jikkonfermaw id-dedikazzjoni u l-effikaċja tal-UE.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni identifikat diversi każijiet ta' kumpaniji multinazzjonali li ċaħħdu lill-baġits nazzjonali minn biljuni ta' euro fi flus mit-taxxi, ħafna drabi bl-għajnuna tal-Istati Membri. Dawn l-inċidenti huma allarmanti ħafna u jeħtieġu skrutinju aktar mill-qrib fir-rigward ta' każijiet suspettati ta' għajnuna mill-Istat u l-waqfien immedjat ta' soluzzjonijiet tat-taxxa mfassla apposta, bħal krediti tat-taxxa għat-tkabbir jew skemi ta' taxxa fuq qligħ eċċessiv. Barra minn hekk, sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku u tiġi infurzata dixxiplina fiskali akbar, se tkun meħtieġa l-adozzjoni ta' unjoni fiskali.

Hawnhekk ta' min isemmi l-ħidma tal-kumitati speċjali TAXE u TAXE II, peress li l-isforzi tagħhom biex jittraċċaw il-prattiki ta' deċiżjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u jeżaminaw modi kif tiġi miġġielda l-evażjoni u l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fl-UE kienu f'armonija assoluta mal-ħidma tal-Kummissjoni. Il-kumitati TAXE ġġieldu b'mod attiv l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa u għamlu rivelazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet estensivi sabiex tirritorna l-ġustizzja fil-qasam tat-taxxa. Il-Kummissjoni kienet sieħba essenzjali tal-Parlament f'dan ix-xogħol u, sabiex jinkisbu aktar riżultati pożittivi, hemm bżonn kooperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew kemm dwar il-kompetizzjoni kif ukoll dwar kwistjonijiet ta' taxxa.

Il-politika tal-kompetizzjoni tagħti wkoll kontribut sinifikanti għall-prijoritajiet politiċi prinċipali attwali tal-UE u ssaħħaħ is-Suq Uniku, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija.

Peress li s-Suq Uniku Diġitali jista' joħloq mijiet ta' eluf ta' impjiegi ġodda u jikkontribwixxi EUR 415-il biljun fis-sena għall-ekonomija tagħna, l-Istati Membri huma mistennija jegħlbu ostakli bħal, pereżempju, problemi rigward l-aċċessibbiltà jew l-infrastruttura tal-broadband. L-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li ma jkunx hemm ostakli online quddiem iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs u l-istartups, li jżommuhom lura milli jgawdu b'mod sħiħ mill-benefiċċji tas-servizzi online u t-teknoloġiji diġitali.

Bl-istess mod, ir-regolaturi nazzjonali għandhom isibu soluzzjonijiet sabiex ma ssirx ħsara lill-pjattaformi online u n-negozji innovattivi li jaqgħu fil-kategorija tal-ekonomija kollaborattiva u li għandhom il-potenzjal li jipprovdu mijiet ta' eluf ta' impjiegi u servizzi bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumaturi. Minflok projbizzjoni parzjali jew totali fuq il-pjattaformi online (bħalma ġara fil-każ tal-kumpanija Amerikana tan-netwerk tat-trasport online Uber fil-Belġju, il-Ġermanja, l-Ungerija u n-Netherlands), l-Istati Membri għandhom isegwu l-eżempji pożittivi li jeżistu u jistudjaw l-għażliet regolatorji.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkompli l-investigazzjonijiet tagħha dwar il-prattiki antikompetittivi fis-settur diġitali u online u tħaffef b'mod sinifikanti l-proċeduri kollha li għaddejjin b'rabta ma' kwistjonijiet ta' antitrust u ta' tassazzjoni sabiex tiżgura li l-SMEs u l-istartups diġitali jkunu jistgħu joperaw f'ambitu kompetittiv aktar bilanċjat u ġust f'suq li ħafna drabi huwa definit mill-ġganti multinazzjonali tat-teknoloġija.

Ir-Rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni, b'attenzjoni speċjali għall-allokazzjoni tal-ispettru, u bil-għan li tinkoraġġixxi prezzijiet aċċessibbli u għażla fis-servizzi għall-konsumaturi. Ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet għoljin tat-telefonati intra-UE tista' tidħol fl-ambitu ta' dan il-kunċett bħala l-pass li jmiss wara t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming fl-UE.

L-Unjoni tal-Enerġija, proġett prijoritarju ieħor tal-UE, tiddependi wkoll fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiżgura kompetizzjoni ġusta sabiex tingħata garanzija ta' prezzijiet aċċessibbli u sostenibbiltà kif ukoll jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-2020 dwar l-enerġija u l-ambjent. Għaldaqstant għandu jkun hemm monitoraġġ strett u investigazzjoni fil-fond fir-rigward ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat u irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku b'rabta ma' investimenti fl-enerġija u l-ambjent (bħall-proġett kontroversjali tat-tkabbir tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Paks, fl-Ungerija).

B'mod ġenerali, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprevjeni u tikkoreġi l-imġiba antikompetittiva huma milqugħa. Ir-reviżjoni reċenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat hija r-riżultat ta' dawk l-isforzi. Madankollu, għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-Istati Membri li l-għan kien li l-miżuri ta' għajnuna jkunu mmirati aħjar lejn it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-koeżjoni soċjali. Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm l-għajnuna temporanja mill-Istat fis-settur finanzjarju kienet meħtieġa f'dak iż-żmien partikolari, issa trid titnaqqas malajr jew titneħħa kompletament biex l-Unjoni Bankarja tkun tista' titlesta. Għaldaqstant hemm bżonn kjarifika min-naħa tal-Kummissjoni rigward ir-regoli u l-proċeduri applikati għall-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju.

Fl-aħħar nett, l-investigazzjonijiet importanti li għaddejjin u l-multi li ġew imposti juru l-effiċjenza tal-ħidma tal-Kummissjoni. Madankollu, biex tkun possibbli l-prevenzjoni fir-rigward tal-imġiba antikompetittiva u l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom rwol akbar. Għalhekk huwa essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – imsaħħa fl-indipendenza tagħhom – ikollhom il-mezzi u l-istrumenti meħtieġa biex jinfurzaw b'mod effikaċi r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Sfortunatament, minkejja r-riżultati tanġibbli, il-konsumaturi u l-kontribwenti Ewropej għadhom qed jiġu affettwati serjament mill-prattiki antikompetittivi kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku. Dawn il-prattiki għandhom effett negattiv dirett fuq il-livell ta' innovazzjoni, filwaqt li jdgħajfu wkoll il-fiduċja fil-konfront tal-Unjoni u s-Suq Uniku. Issa li r-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, xogħolna hu li nsaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej, in-negozji u l-investituri fis-Suq Uniku, u r-rispett tal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta huwa wieħed mill-mezzi ewlenin biex nilħqu dan l-objettiv. Iżda biex dan iseħħ, il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet indipendenti nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Parlament għandha titkompla u tissaħħaħ aktar.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (10.11.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
(2016/2100(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Adam Szejnfeld

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-kummerċ, is-servizzi u l-investiment għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Membri u tas-sħab kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw malajr ħidmiethom b'rabta mal-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju, li huma meħtieġa biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-UE, u huwa tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali għandhom sistematikament jindirizzaw l-isfida ta' prattiċi kummerċjali inġusti minn pajjiżi terzi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mas-sħab kummerċjali bil-ħsieb li tiżgura li s-swieq tagħhom ikunu aktar miftuħa għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari rigward l-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-akkwist pubbliku u s-servizzi, inklużi s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-eżerċizzju ta' professjonijiet regolati;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha u twettaq monitoraġġ effettiv biex taċċerta jekk dawk id-dispożizzjonijiet humiex implimentati b'mod adegwat mill-partijiet għal dak li jirrigwarda r-regoli kollha, inkluż l-għoti ta' għajnuna mill-istat, u l-operaturi ekonomiċi kollha, inklużi intrapriżi bi sjieda statali;

4.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE teħtieġ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'pajjiżi barra l-UE, speċjalment fl-ekonomiji emerġenti;

5.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu u jimplimentaw regoli tal-kompetizzjoni fil-prattika;

6.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni f'organizzazzjonijiet multilaterali fil-qasam tal-kompetizzjoni bħalma huma n-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-Konferenza tan-NU għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; jenfasizza li l-kooperazzjoni globali dwar l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tgħin biex jissolvew l-inkonsistenzi u jitjiebu r-riżultati tal-infurzar, u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi biex tiġi stabbilita bażi ta' data komprensiva u faċli biex tintuża li jkun fiha dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni miġbura minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles, li tista' tkun immexxija mis-segretarjat tad-WTO;

8.  Jilqa' l-progress li sar waqt il-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Nairobi dwar it-tnaqqis tas-sussidju fuq l-esportazzjoni, li għandu l-għan li jiżgura kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-swieq internazzjonali għall-prodotti agrikoli; jenfasizza f'dan il-kuntest is-sensittività tas-settur agrikolu u l-ħtieġa li jittieħdu miżuri ċari u effettivi, inkluż fil-qafas tal-ftehimiet tad-WTO, biex b'hekk il-produtturi Ewropej ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fis-swieq internazzjonali;

9.  Itenni li l-aċċess ugwali għar-riżorsi naturali, inklużi sorsi tal-enerġija, għandu impatt fundamentali fuq kompetizzjoni ġusta u ugwali fis-suq globali u jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet kummerċjali tinkludi dispożizzjonijiet li jtejbu l-aċċess għal dawn ir-riżorsi, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-prattiki ta' intrapriżi bi sjieda statali li jmorru kontra l-kompetizzjoni u dwar in-nondiskriminazzjoni u t-tranżitu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Nicola Danti, Syed Kamall, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Loiseau

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (15.9.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
(2016/2100(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andreas Schwab

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni hija parti importanti tas-suq intern, kif previst fit-Trattat; itenni li hemm bżonn ta' suq uniku kompetittiv u li jiffunzjona sew biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli, lill-impjiegi u l-innovazzjoni fl-UE u li huwa fl-interess tal-konsumaturi, tan-negozji ġodda u tal-SMEs li jsiru sforzi biex titħares il-kompetizzjoni ġusta fl-UE kollha; jemmen li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea m'għandux jiddgħajjef minħabba l-użu tal-EU Pilot minflok ta' proċeduri formali ta' ksur u jemmen li hu meħtieġ li tiġi mħarsa l-kompetizzjoni;

2.  Jemmen li trid tiġi rispettata bis-sħiħ l-indipendenza tal-Kummissjoni fir-rigward ta' deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni fis-suq uniku kif ukoll is-separazzjoni tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet tal-UE; jissottolinja li d-deċiżjonijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-fatti tal-każ u jiġu ddeterminati mill-objettivi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE;

3.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex ma tikkonċentrax l-isforzi kollha tagħha sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta fuq każijiet ta' profil għoli kontra kumpaniji kbar magħrufa u prominenti; ifakkar lill-Kummissjoni li l-infurzar tal-kompetizzjoni ġusta hi wkoll importanti għall-SMEs;

4.  Jenfasizza li l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE jeħtieġ jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u għażla għall-konsumaturi fis-suq uniku diġitali; jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' ċerti prattiki antikompetittivi minn għadd ta' kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar kemm ir-raġunament tradizzjonali wara l-liġi tal-kompetizzjoni hu adatt għall-kundizzjonijiet speċifiċi u għall-isfidi l-ġodda tal-ekonomija diġitali, u jitlobha ssegwi politika attiva, effettiva u mħaffa ta' infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, bil-ħsieb li tiġġieled l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti u b'hekk tħeġġeġ l-innovazzjoni u mudelli tan-negozju innovattivi, kif ukoll tippermetti lill-konsumaturi tal-UE jaħtfu l-opportunitajiet kollha li suq uniku diġitali ġenwin jista' joffri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħlaq dawk il-proċedimenti ewlenin u fit-tul mill-aktar fis possibbli;

5.  Jitlob it-tisħiħ tal-libertà tal-għażla għall-konsumaturi; iqis li d-dritt għall-portabbiltà tad-data li tinsab fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jirrappreżenta approċċ tajjeb biex jissaħħu kemm id-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll il-kompetizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat kif tista' tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn in-netwerks diġitali permezz ta' interfaces u standards miftuħa;

6.  Jappella għal monitoraġġ attiv tal-kwistjonijiet kollha potenzjali tal-kompetizzjoni relatati mal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u ma' restrizzjonijiet oħrajn dwar il-bejgħ online; jiddispjaċih li ħafna mill-kummerċ elettroniku jseħħ fil-livell nazzjonali u li ma jeżistix suq intern reali mingħajr fruntieri nazzjonali f'dan is-settur; jilqa' b'sodisfazzjon l-inkjesta settorjali tal-kummerċ elettroniku li għaddejja, li jeħtieġ titwettaq b'mod sħiħ u titwassal fi tmiemha mingħajr telf ta' żmien u jemmen li din tista' tkun kontribut utli għal azzjonijiet oħra bħala parti mill-istrateġija tas-suq uniku diġitali kif ukoll għall-kummerċ transfruntier; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq ambjent kummerċjali li jiżgura l-iżvilupp ta' ideat innovattivi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina u tikkoreġi s-sitwazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li d-dritt tal-kompetizzjoni jippermettilhom jaħdmu flimkien permezz tal-istabbilimenti tradizzjonali tagħhom, iżda li huma akkużati b'kompetizzjoni inġusta jekk jipprovdu offerti konġunti ta' kummerċ elettroniku;

8.  Jinnota li pjattaformi online jippermettu miljuni ta' impriżi, inklużi għadd kbir ta' SMEs Ewropej, li jisfruttaw il-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku; iqis li, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni jeħtieġ li jkun hemm garanzija ta' regoli komparabbli għal servizzi diġitali komparabbli; huwa tal-fehma li mudelli kummerċjali ġodda rappreżentati minn pjattaformi u minn intermedjarji tal-ekonomija kondiviża jqajmu mistoqsijiet urġenti fost l-oħrajn dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali, ir-relazzjonijiet B2B, filwaqt li jiżguraw il-ħlas tat-taxxi rilevanti u r-rikonoxximent tad-drittijiet tax-xogħol; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw dan it-tħassib;

9.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tinvestiga prattiki antikompetittivi min-naħa tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-konfront ta' intermedjarji tal-ekonomija kollaborattiva; jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-piżijiet regolatorji eċċessivi, l-applikazzjoni sproporzjonata tar-regoli eżistenti għal mudelli kummerċjali mhux komparabbli, u l-legalità ta' projbizzjonijiet diretti;

10.  Itenni l-ħtieġa ta' implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tad-Direttiva 2014/104/UE dwar azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri; jiddispjaċih ħafna li l-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali qed tipproċedi bil-mod, u li ħafna Stati Membri għadhom lanqas biss adottaw proposta biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, biex bl-aktar mod qawwi possibbli, tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva, tqajjem il-kwistjoni mal-Istati Membri, u tippreżenta rapporti annwali dwar l-azzjonijiet li jittieħdu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva; jenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja, li jista' jinkludi wkoll id-disponibbiltà ta' rimedju kollettiv, huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-kompetizzjoni tal-UE;

11.  Jilqa' r-riflessjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal aktar għodod biex jissaħħu l-isforzi favur kompetizzjoni ġusta; jistenna b'interess il-proposta tal-Kummissjoni dwar in-NEK+, u jappella għall-involviment sħiħ tal-Parlament skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; iqis li l-eżistenza ta' għodod effettivi biex jiġi indirizzat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni hija kruċjali għall-funzjonament tas-suq uniku, u li huwa importanti ferm li jkun żgurat li l-konsumaturi u n-negozji jkunu jistgħu jistrieħu fuq l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fl-Unjoni kollha; jissottolinja li l-dritt tal-UE għandu jiġi infurzat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha; iqis li huma meħtieġa standards minimi mal-Ewropa kollha b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-programmi ta' klemenza, is-sanzjonijiet u l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; jirreferi għall-possibbiltà li jinħolqu għodod investigattivi għall-Kummissjoni, li permezz tagħhom, b'mod indipendenti mill-informazzjoni tal-Istati Membri, hi tkun tista' tinvestiga s-suspetti ta' għajnuna illegali mill-Istat;

12.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni fiskali hija waħda mill-elementi kruċjali tal-kompetittività fis-Suq Uniku, u jtenni li l-parteċipanti kollha tas-suq jenħtieġ li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa; jilqa' l-investigazzjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni fil-prattiki antikompetittivi, bħal vantaġġi selettivi tat-taxxa jew sistemi deċiżjonali ta' qligħ eċċessiv f'ċerti Stati Membri, li potenzjalment huma illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, u, f'dan il-kuntest, jilqa' d-deċiżjonijiet reċenti mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat; jirrimarka, madankollu, li dawn id-deċiżjonijiet ma kinux kontra l-kumpaniji bħala tali, imma kontra l-kundizzjonijiet offruti mill-Istati Membri, li allegatament ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont ta' dan u biex tindirizza każijiet simili fl-istess direzzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jiġu implimentati f'waqthom, b'referenza partikolari għat-tnedija tal-akkwist elettroniku u d-dispożizzjonijiet il-ġodda li jinkoraġġixxu t-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, għaliex dan huwa essenzjali sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni u jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tevita li jinħolqu monopolji jew ktajjen tal-valur magħluqa permezz tal-istandardizzazzjoni; jemmen li għandu jiġi introdott proċess ta' appell biex jirrieżamina l-istandards meta hemm possibbiltà li dawn iġorru riskju ta' impatt fuq il-kompetittività.

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell ta' konċentrazzjoni f'xi setturi, bħas-settur tal-kimika, fid-dawl ta' dawn l-aħħar fużjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif hi tippermetti l-possibbiltà ta' dħul fis-suq, partikolarment minn impriżi ġodda; jitlob lill-Kummissjoni teżamina jekk is-saħħa ta' impriża fis-suq li hi riżultat ta' informazzjoni u data, u l-mod li bih tiġi trattata tali informazzjoni u data, kif ukoll l-għadd ta' utenti, għandhomx ikunu kkunsidrati fil-kriterji tat-test għall-kontroll tal-fużjoni; jitlob li jiġi meqjus jekk l-amalgamazzjoni ta' data u informazzjoni, partikolarment fuq konsumaturi, tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;

16.  Iqis il-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni bħala kruċjali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, kif ukoll għall-għażla tas-servizzi għall-konsumaturi; iqis l-espansjoni rapida tal-broadband bħala element ewlieni biex ikun kompletat is-suq uniku diġitali; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni se tikkunsidra l-objettivi ta' konnettività strateġiċi, kif stabbiliti fil-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni, meta jiġu applikati l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband.

17.  Jirreferi għall-aktar rapport riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni, li juri livell sinifikanti ta' nuqqas ta' konformità u jitlob biex jiġu implimentati għadd ta' rakkomandazzjonijiet; jesprimi tħassib dwar dawn ir-riżultati, minħabba li huma ta' ħsara għal suq intern li jiffunzjona sew, u għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Qorti u żżid l-isforzi tagħha biex tevita aktar żbalji;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tiżgura l-infurzar tajjeb tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) Nru 651/2014, li daħal fis-seħħ f'Lulju 2014; jilqa' r-reviżjoni attwali tal-GBER; ifakkar li hemm inċertezza legali dwar il-kwistjoni ta' jekk l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku għal organizzazzjonijiet tat-turiżmu fil-forma attwali tagħha hijiex konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Istati Membri biex jappoġġjaw it-turiżmu bħala fattur ekonomiku importanti fis-suq intern; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li ssir eċċezzjoni ġdida fl-ambitu tal-GBER;

19.  Jappoġġja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-infurzar kontra l-kartelli, bħal dak li seħħ reċentement fis-setturi tal-ikel bl-imnut u tad-diska riġida ottika, bil-ħsieb li jkunu garantiti prezzijiet ġusti għall-konsumaturi;

20.  Jirrimarka li l-konsumaturi fis-suq uniku qed jinbigħulhom prodotti li fihom ingredjenti li jvarjaw bejn konsenja u oħra minkejja li l-isem tal-prodott u l-ippakkjar ikunu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk din il-prattika għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-produtturi lokali, speċjalment l-SMEs, u jekk dan jirriżultax f'diskriminazzjoni fost il-konsumaturi bit-tqegħid ta' prodotti ta' kwalità inferjuri;

21.  Jinnota li, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2014, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-alleanzi bejn id-distributuri ewlenin fl-Ewropa, u jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tiddiskuti l-impatt ta' tali alleanzi fuq il-produtturi u l-konsumaturi fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni;

22.  Jilqa' l-passi meħuda sa issa mill-Kummissjoni u l-Parlament sabiex jiġġieldu prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; jilqa' l-analiżi tal-Kummissjoni li għadha għaddejja bil-ħsieb li jiġi determinat jekk il-marki tad-distributuri jistgħux joħolqu vantaġġi antikompetittivi fis-suq, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' din l-inkjesta; iqis li t-triq 'il quddiem hija l-possibbiltà ta' qafas fil-livell tal-UE li jistabbilixxi prinċipji ġenerali u li jikkunsidra l-aħjar prattiki u skemi volontarji, bħall-Inizjattiva tal-katina tal-provvista;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-politiki tagħha dwar il-kompetizzjoni, tippermetti ċerti forom ta' koperazzjoni bejn il-fornituri indipendenti tal-ikel bil-ħsieb li tiġi evitata u miġġielda kwalunkwe prattika kummerċjali inġusta min-naħa tas-supermarkets.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Date adopted

29.11.2016

 

 

 

Result of final vote

+:

–:

0:

29

2

3

Members present for the final vote

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Morten Løkkegaard, Marlene Mizzi, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Marco Zullo

Substitutes present for the final vote

Lucy Anderson, Anna Hedh, Kaja Kallas, Roberta Metsola, Dariusz Rosati, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella, Theodoros Zagorakis

Substitutes under Rule 200(2) present for the final vote

Bill Etheridge, Andrey Kovatchev

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (14.11.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
(2016/2100(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jacqueline Foster

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar rieda politika favur l-approfondiment u t-tisħiħ ulterjuri tas-suq uniku għat-trasport u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ugwali, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni miftuħa u ġusta bejn l-operaturi pubbliċi u privati fis-setturi tat-trasport, tal-posta u tat-turiżmu, filwaqt li jiġu rispettati politiki, miri u prinċipji oħra tal-UE, inkluża d-dimensjoni soċjali, li hi importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tat-trasport;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-konnettività u tal-infrastruttura tat-trasport għas-sopravivenza, l-iżvilupp ekonomiku u l-provvista ta' servizzi pubbliċi u privati f'żoni reġjonali u remoti;

3.  Jittama, għalhekk, li jitlesta n-netwerk globali TEN-T;

4.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi ggarantita protezzjoni aktar effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport mill-abbuż ma għandhiex tintuża bħala pretest biex tiġi limitata l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-entitajiet minn Stati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà meta tfassal liġijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tas-suq uniku tat-trasport;

5.  Jinnota l-isfidi li jiffaċċjaw l-operaturi postali bħala riżultat tal-ħolqien tas-Suq Uniku Diġitali; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-proġett ambizzjuż, b'mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ online, jiddependi fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq l-organizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali tal-konsenja tal-pakketti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni transfruntiera ġusti u ugwali għall-entitajiet privati u l-operaturi pubbliċi li jipprovdu servizzi kummerċjali;

6.  Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-kompetizzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet soċjali tal-operaturi kollha fis-setturi kkonċernati;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni dwar it-trasport tal-UE sikwit ma tkunx implimentata sew u li l-prinċipji tat-trattat mhux qed ikunu rispettati mill-Istati Membri, b'mod partikolari fejn it-trasport huwa ġestit bħala monopolju mill-gvern ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, rispettivament, jimplementaw kif xieraq u jinfurzaw il-leġislazzjoni eżistenti tal-UE, li hi ferm importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bil-għan li jinġiebu benefiċċji addizzjonali għall-kummerċ u l-industrija, il-konsumaturi, il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u l-ambjent;

8.  Jenfasizza l-importanza li jitneħħew l-ostakoli fiżiċi, tekniċi u regolatorji bejn l-Istati Membri sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni fis-suq uniku u tiġi faċilitata l-mobilità transfruntiera u l-kooperazzjoni territorjali, b'hekk tiġi stimolata l-kompetizzjoni;

9.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-ostakoli indiretti għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-disparità fir-regoli dwar it-tassazzjoni, is-sigurtà, id-disparità bejn il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ, id-drittijiet ta' approvazzjoni tat-tip u d-drittijiet tal-passiġġieri;

10.  Jilqa' l-progress li sar fit-teknoloġiji diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, li jippromwovu l-kompetizzjoni, joħolqu l-impjiegi, jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għal swieq akbar u jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumatur; jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp pożittiv tal-ekonomija kollaborattiva se jwasslu għal bidliet sinifikanti fl-ambjent operattiv tas-setturi, kif ukoll li hu meħtieġ qafas legali xieraq u ċar biex jinkisbu l-benefiċċji tal-proċess ta' diġitalizzazzjoni;

11.  Jenfasizza li l-entitajiet li joperaw abbażi ta' mudelli ta' negozju ġodda jinfluwenzaw is-suq tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE b'mod pożittiv, partikolarment billi jagħmlu s-servizzi aktar aċċessibbli u jtejbu l-kwalità tagħhom;

12.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinnegozja ftehimiet esterni dwar l-avjazzjoni ma' diversi pajjiżi u reġjuni importanti fid-dinja; jemmen li dan mhux biss se jtejjeb l-aċċess għas-suq, iżda jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda ta' negozju għal settur tal-avjazzjoni Ewropew ta' importanza dinjija, joħloq impjiegi ta' kwalità għolja, iżomm standards għoljin ta' sikurezza, jikkunsidra d-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur u jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi; jenfasizza li l-Parlament għandu jiżvolġi rwol importanti f'dawn in-negozjati;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tinnegozja dawn il-ftehimiet esterni fil-qasam tal-avjazzjoni, tinkludi klawsola ta' kompetizzjoni ġusta bil-ħsieb li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-koerenza, inkluż fuq is-sussidji tal-UE, bejn dawk l-ajruporti li jinsabu ġeografikament qrib xulxin iżda fuq naħat differenti tal-fruntieri nazzjonali;

15.  Iqis li fir-rigward tas-servizzi portwarji, jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju dejjem aktar miftuħ, kompetittiv u trasparenti għal portijiet pubbliċi fl-Ewropa, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ulterjuri ta' impjieg;

16.  Jemmen li żieda fil-kompetizzjoni li rriżultat mill-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE tista' tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, iżda jikkundanna bil-qawwa l-fatt li ċerti miżuri applikati minn xi Stati Membri qegħdin idgħajfu l-integrità tas-suq uniku f'dan il-qasam; jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hi u tikkuntrasta dawn il-miżuri;

17.  Jittama li dan il-ftuħ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx kawża oħra ta' dumping soċjali u jiddeplora wkoll il-fenomenu tal-"kumpanija tal-isem";

18.  Jiddeplora barra minn hekk il-fatt li l-vannijiet iż-żgħar mhumiex indirizzati kif suppost fil-politika tal-UE minkejja l-fatt li huma qed jintużaw dejjem aktar biex tiġi evitata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi, is-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-tendenzi oligopolistiċi tad-dumping tal-prezzijiet b'mod partikolari fl-avjazzjoni u fis-setturi tax-xarabanks ta' distanzi/rotot twal u jinsisti fuq l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u ta' kundizzjonijiet ġusti, kompetittivi u intermodali;

20.  Jitlob konklużjoni rapida tan-negozjati dwar ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jemmen li dan jenħtieġ jiftaħ aktar servizzi ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija għall-kompetizzjoni u jtejjeb l-effiċjenza tas-settur ferrovjarju, filwaqt li jiżgura l-kwalità u l-kontinwità tal-obbligi tas-servizz pubbliku;

21.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jemmen li dan se jsaħħaħ is-sikurezza ferrovjarja, filwaqt li fl-istess ħin ineħħi l-ostakoli tekniċi għall-kompetizzjoni permezz tal-interoperabbiltà;

22. Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu bħala mutur vitali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv biex tippromwovi l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew u toħloq ambjent favorevoli għat-tkabbir u l-iżvilupp tiegħu;

23.  Jenfasizza li s-servizzi postali u partikolarment il-konsenja ta' pakketti transfruntiera huma ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp tas-settur tal-kummerċ elettroniku fl-UE kollha; jilqa' l-inkjesta antitrust tal-Kummissjoni fis-settur tal-kummerċ elettroniku u jħeġġiġha tkompli tissorvelja l-iżvilupp tas-swieq postali u tal-pakketti;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati proġetti tat-trasport sostenibbli, aċċessibbli u sikuri li jistgħu jgħinu biex itejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport Ewropea kollha;

25.  Jitlob l-użu ta' fondi tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u Orizzont 2020 biex tiġi żviluppata l-infrastruttura Ewropea tat-trasport u tiżdied il-kwantità u l-kwalità tas-servizzi;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw biżżejjed attenzjoni biex jitlestew il-proġetti infrastrutturali transfruntiera u biex jikkoordinaw il-pjanijiet ta' trasport l-iktar importanti tagħhom mal-Istati Membri ġirien;

27.  Iqis li huwa importanti li jintużaw b'mod sħiħ strumenti finanzjarji innovattivi bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li huma xierqa għall-finanzjament ta' proġetti tas-settur tat-trasport b'appoġġ għat-tkabbir u l-kompetittività; jenfasizza, madankollu, li r-riżorsi allokati għall-Fond ta' Garanzija tal-FEIS ma jistgħux jiffunzjonaw għad-detriment tas-CEF jew ta' Orizzont 2020, li huma strumenti vitali għall-iżvilupp ta' suq komuni fis-settur tat-trasport.

28.  Jenfasizza li suq tat-trasport ferrovjarju miftuħ kompletament jista' jwassal għal diversi benefiċċji għall-operaturi u l-passiġġieri mill-Istati Membri kollha; jinnota, madankollu, il-ħtieġa li jitqiesu l-gradi differenti ta' żvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri f'dak il-proċess; jenfasizza l-ħtieġa li, fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jinżammu l-livelli ta' investiment attwali biex jitneħħew id-differenza fl-infrastruttura ferrovjarja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Țapardel, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Roberts Zīle, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, Ramona Nicole Mănescu, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Virginie Rozière

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (29.11.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
(2016/2100(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michel Dantin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007[2],[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta' Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' akkordji ta' speċjalizzazzjoni[4],[5],

A.  billi l-Artikolu 42 tat-TFUE jagħti status speċjali lis-settur agrikolu fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni;

B.  billi l-Artikolu 39(1)(b) tat-TFUE jistabbilixxi wieħed mill-objettivi tal-politika agrikola komuni (PAK) bħala li jiġi żgurat livell ġust ta' għejxien għall-komunità agrikola, b'mod partikolari billi jiżdied il-qligħ individwali tal-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura;

C.  billi s-settur tal-biedja tal-UE huwa prinċipalment magħmul minn azjendi tal-biedja mmexxija minn familja, li għandhom livell baxx ta' reżiljenza għax-xokkijiet u t-tibdil fis-suq; billi s-settur tal-biedja huwa karatterizzat minn nuqqas ta' flessibilità fil-ġestjoni tal-provvista tiegħu minħabba t-tul taċ-ċikli tal-produzzjoni, li jwassal għal pożizzjoni strutturali ta' dgħufija għall-bdiewa fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

D.  billi s-swieq agrikoli huma kkaratterizzati minn żieda fil-volatilità tal-prezzijiet agrikoli u għaddejjin minn kriżi mingħajr preċedent, b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib, li saret aktar serja minħabba l-pożizzjoni dgħajfa tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel;

E.  billi d-dħul tal-bdiewa huwa determinat dejjem aktar mill-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel, u l-pajjiżi li fihom is-settur tal-biedja huwa organizzat aħjar huma l-inqas li jiġu affettwati mill-kriżi agrikola;

F.  billi l-kooperazzjoni bejn il-bdiewa għandha l-għan li ssaħħaħ is-saħħa tan-negozjar tagħhom, tippermettilhom li jiksbu sehem akbar tal-valur miżjud tal-prodotti tagħhom, tikkontribwixxi għaż-żieda fil-kompetittività, il-viżibilità u l-protezzjoni tal-bdiewa, u tgħinhom ukoll biex jissodisfaw id-domandi soċjetali li qed jiżdiedu;

G.  billi l-aħħar riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) kellha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' serje ta' derogi u eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE; billi l-Parlament għamel proposti innovattivi u ambizzjużi fl-aħħar riforma tal-PAK sabiex jadatta aħjar il-liġi tal-kompetizzjoni għas-swieq agrikoli;

H.  billi ambjent regolatorju ċar, koerenti u effikaċi f'termini ta' adattament tal-politika tal-kompetizzjoni għall-ispeċifiċitajiet agrikoli jista' jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel billi jindirizza b'mod determinat l-iżbilanċi tal-poter bejn l-operaturi, iżid l-effiċjenza tas-suq u jiżgura ċ-ċertezza ġuridika u kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq uniku;

I.  billi l-forma u s-saħħa tal-perikli ekonomiċi u ż-żmien li fih iseħħu huma diffiċli li jiġu antiċipati u jeħtieġ li PAK orjentata lejn is-suq tagħti appoġġ lill-bdiewa u aktar eżenzjonijiet limitati fiż-żmien għar-regoli tal-kompetizzjoni, fil-każ ta' żbilanċi serji fis-suq; billi matul il-kriżi tal-ħalib, il-Kummissjoni ddeċidiet li tattiva l-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika bħala l-aħħar għażla biex teżenta mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni l-ippjanar kollettiv tal-produzzjoni tal-ħalib minn raggruppamenti ta' produtturi rikonoxxuti;

J.  billi l-politika tal-kompetizzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex twaqqaf il-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel;

K.  billi t-Task Force dwar is-Swieq Agrikoli (AMTF) ġie stabbilit bl-għan li tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel billi jiġu esplorati l-possibbiltajiet li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom, inklużi l-possibbiltajiet ġuridiċi għall-istabbiliment ta' relazzjonijiet kuntrattwali u l-organizzazzjoni tal-azzjonijiet kollettivi tal-bdiewa; billi l-konklużjonijiet tal-AMTF iridu jitqiesu, jekk applikabbli, fir-rigward tad-diskussjonijiet futuri u l-miżuri li għandhom jittieħdu;

Kummenti ġenerali

1.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-produtturi agrikoli; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni trid tagħti l-istess importanza biex tiddefendi l-interessi tal-produtturi agrikoli kif tagħmel biex tiddefendi l-interessi tal-konsumatur, billi tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni u għall-aċċess għas-suq intern ikunu ġusti sabiex jitrawmu l-investiment, l-impjiegi, l-innovazzjoni, il-vijabbiltà tal-impriżi agrikoli u l-iżvilupp ibbilanċjat taż-żoni rurali fl-UE;

2.  Jinsisti li l-kunċett ta' "prezz ġust" m'għandux jitqies bħala l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, iżda minflok għandu jkun raġonevoli u jippermetti rimunerazzjoni ġusta ta' kull parti fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

3.  Jemmen li s-sitwazzjoni ta' kriżi attwali fil-biedja titlob inizjattivi ġodda sabiex jittejbu l-għodod disponibbli u biex jiġi żgurat li l-politika tal-kompetizzjoni tqis aħjar in-natura speċifika tal-agrikoltura u tad-diversità tas-setturi agrikoli skont l-Artikolu 39 tat-TFUE;

4.  Jiddispjaċih li d-derogi attwali mhux qed jintużaw sal-massimu tagħhom u jqis li dawn għadhom mhumiex ċari, huma ambigwi, diffiċli biex jiġu implimentati u huma applikati b'mod diverġenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u b'hekk jimpedixxu lill-bdiewa milli jorganizzaw lilhom infushom u jxekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill rekord tal-użu tal-eżenzjonijiet eżistenti mill-bdiewa fl-Istati Membri differenti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 225 tar-Regolament dwar l-OKS Unika u b'mod xieraq tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali derogi kif ukoll l-eżenzjonijiet individwali mir-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara b'mod partikolari jekk il-ftehimiet ta' sostenibbiltà li ġew konklużi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jissodisfaw l-eżiġenzi tas-soċjetà u li l-miżuri tagħhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti statutorji jistgħux jiġu eżentati mil-liġi tal-kompetizzjoni jekk dawn jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni u jippromwovu l-innovazzjoni filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar estensiv fid-definizzjoni ta' "pożizzjoni dominanti" u tal-abbuż minn tali pożizzjoni minn impriża agrikola jew numru ta' tali impriżi marbuta bi ftehim orizzontali, filwaqt li jitqies il-grad ta' konċentrazzjoni u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mis-saħħa ta' negozjar tas-setturi tal-fatturi produttivi, tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut;

7.  Isostni li, f'suq agrikolu uniku, tajjeb li jiġi żviluppat il-kunċett ta' "suq rilevanti", li għandu jiġi analizzat l-ewwel nett fil-livell tal-Unjoni, qabel ma jitqiesu livelli iktar baxxi, sabiex ma jitpoġġiex fil-periklu l-objettiv tal-konċentrazzjoni tal-offerta agrikola billi jingħalaq b'mod restrittiv il-qasam tal-attività tal-impriżi agrikoli;

8.  Iqis li attivitajiet kollettivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, bħall-ippjanar tal-produzzjoni u n-negozjar ta' bejgħ u, fejn xieraq, in-negozjar tat-termini ta' kuntratti, huma pożittivi għas-settur agrikolu meta l-għan ikun li jintlaħqu l-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, u għandhom għalhekk igawdu fil-prinċipju minn preżunzjoni ta' kompatibbiltà mal-Artikolu 101 tat-TFUE;

9.  Jemmen li l-bdiewa fis-setturi kollha tal-produzzjoni għandhom jiġu garantiti d-dritt għal negozjar kollettiv, inkluż id-dritt li jaqblu dwar il-prezzijiet minimi;

10.  Jemmen li l-bdiewa għandhom jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ u jisfruttaw il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi l-kooperattivi tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-entitajiet interprofessjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil tali għodod kollettivi ta' għajnuna proprja jikbru fil-kompetenzi u l-effiċjenzi tagħhom billi jiġu ċċarati u ssimplifikati r-regoli applikabbli għalihom, bl-għan li jissaħħu l-kapaċità ta' negozjar tagħhom u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 39 tat-TFUE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika jiġu attivati malajr f'perijodi ta' żbilanċi serji ħafna fis-suq u tkompli tivvaluta l-effiċjenza ta' din il-miżura meta tiġi applikata għas-suq tal-prodotti tal-ħalib bil-ħsieb li jiġu proposti adattamenti temporanji ulterjuri tal-liġi u l-proċedura tal-kompetizzjoni fi żminijiet ta' żbilanċi serji fis-suq;

Analiżi skont is-settur

12.  Jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-Artikoli 169, 170 u 171 tar-Regolament dwar l-OKS Unika rigward in-negozjati kuntrattwali fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa, tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, u s-setturi tal-uċuħ tar-raba';

13.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni reċenti tal-linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli speċifiċi; iqis, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni ġuridiku tagħhom huwa limitat wisq, u li l-kriterji li jridu jiġu mħarsa minn settur għal ieħor huma eteroġenji u stretti wisq biex jipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridika meħtieġa lill-bdiewa li jixtiequ jibbenefikaw minn dawk id-derogi;

14.  Jemmen li kategorizzazzjoni tas-suq rilevanti mhijiex għalkollox adattata għas-sitwazzjoni attwali tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u għalhekk jipproponi li s-suq taż-żejt taż-żebbuġa għall-konsumaturi jitqies bħala suq uniku, bil-ħsieb li tittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 169 tar-Regolament dwar l-OKS Unika;

15.  Jemmen li, minħabba l-varjazzjonijiet fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, l-iżjed minħabba kundizzjonijiet tat-temp, u sabiex jiġu garantiti l-objettivi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandhom jitqiesu l-każijiet fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu mġiegħla jixtru mingħand produtturi taż-żejt taż-żebbuġa li mhumiex membri, filwaqt li tiġi garantita n-natura anċillari ta' din l-attività fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom stess;

16.  Jipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 170 dwar il-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella jiġi estiż għas-settur tat-tismin tal-bhejjem tal-ifrat sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni mtejba;

17.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-ħalib, u jemmen li dan is-settur jeħtieġ li jiġi megħjun fit-tranżizzjoni tiegħu wara tmiem is-sistema tal-kwoti tal-ħalib u għandu jitħeġġeġ jirreaġixxi b'mod aktar effiċjenti fid-dawl taċ-ċaqliq fis-suq u ż-żieda fil-prezzijiet; jemmen, għalhekk, li l-implimentazzjoni sħiħa u sodisfaċenti tal-"Pakkett dwar il-Ħalib"[6] hija essenzjali biex jissaħħaħ is-settur tal-prodotti tal-ħalib, b'mod partikolari biex jiġi żgurat negozjar kollettiv tat-termini tal-kuntratti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-"Pakkett tal-Ħalib" ikompli japplika lil hinn minn nofs l-2020 u tistudja l-possibbiltà li testendi r-regoli tiegħu għal setturi agrikoli oħra;

18.  Jilqa', fil-kuntest ta' tmiem il-kwoti fis-settur taz-zokkor, l-eżistenza kontinwa ta' qafas kuntrattwali[7] bejn il-bdiewa tal-pitravi, l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-kumpaniji taz-zokkor, li jippermettilhom b'mod partikolari jinnegozjaw it-termini ta' kondiviżjoni tal-valur skont l-iżviluppi fis-suq taz-zokkor u s-swieq ta' materja prima oħra; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din il-possibbiltà tingħata lill-operaturi kollha fis-settur sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar l-OKS Unika, biex b'hekk jiġi żgurat bilanċ ġust tad-drittijiet u l-obbligi bejn l-impriżi taz-zokkor u l-produtturi tal-pitravi zokkrija;

Ir-relazzjonijiet mal-katina tal-provvista tal-ikel

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jindirizzaw b'mod effikaċi t-tħassib imqajjem mill-impatt kumulattiv ta', minn naħa, konċentrazzjoni rapida fil-livell nazzjonali fis-settur tad-distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta' alleanzi ta' distributuri kbar internazzjonali u Ewropej, fuq in-naħa ta' fuq tal-katina tal-provvista tal-ikel kif ukoll fuq il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi; iqis li dan l-iżvilupp strutturali jqajjem tħassib ta' allinjamenti strateġiċi possibbli, tnaqqis fil-kompetizzjoni u marġnijiet ridotti għall-investiment fl-innovazzjoni fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

20.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-istudju tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni bit-titolu "L-impatt ekonomiku tal-bejgħ bl-imnut modern fuq l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-ikel tal-UE", inkluża l-iskoperta li jista' jkun hemm relazzjoni negattiva bejn l-innovazzjoni, l-għażla disponibbli għall-konsumaturi u l-penetrazzjoni fis-suq ta' prodotti taħt marki privati;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament sa fejn irriflettiet dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-istudju u, b'mod partikolari, il-konsegwenzi fit-tul ta' din ix-xejra għall-katina kollha tal-provvista tal-ikel u għas-sitwazzjoni tal-bdiewa fi ħdan il-katina;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-influwenza eżerċitata mill-bejjiegħa bl-imnut fuq il-kumpaniji li jimmanifatturaw prodotti tad-ditta proprja tagħhom;

23.  Itenni l-pożizzjoni tal-Parlament[8] favur l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-PKŻ fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza li din il-leġiżlazzjoni għandha tiżgura li l-bdiewa u l-konsumaturi tal-UE jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

29.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Daniel Buda, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Elisabeth Köstinger, Urszula Krupa, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Florent Marcellesi, Mairead McGuinness, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Jens Rohde, Bronis Ropė, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bas Belder, Franc Bogovič, Jakop Dalunde, Anthea McIntyre, Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Ricardo Serrão Santos, Miguel Viegas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Iturgaiz

  • [1]  Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni bħala kunsiderazzjoni jekk jiġi adottat mill-kumitat responsabbli.
  • [2]  Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni bħala kunsiderazzjoni jekk jiġi adottat mill-kumitat responsabbli.
  • [3]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
  • [4]  Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni bħala kunsiderazzjoni jekk jiġi adottat mill-kumitat responsabbli.
  • [5]  ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43.
  • [6]  Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.
  • [7]  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1166 tas-17 ta' Mejju 2016 li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-termini tax-xiri tal-pitravi fis-settur taz-zokkor mill-1 ta' Ottubru 2017.
  • [8]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (P8_TA(2016)0250).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

6

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Petr Ježek, Othmar Karas, Alain Lamassoure, Werner Langen, Sander Loones, Fulvio Martusciello, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Jakob von Weizsäcker

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Ildikó Gáll-Pelcz, Eva Joly, Joachim Starbatty, Tibor Szanyi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Salvatore Cicu, Jan Huitema, Seán Kelly, Mairead McGuinness, Jens Nilsson