RAPPORT dwar kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni
12.1.2017 - (2015/2319(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Dennis de Jong
Rapporteur għal opinjoni (*):
Sylvia-Yvonne Kaufmann, Kumitat għall-Affarijiet Legali
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar kontroll tar-Reġistru u kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (C(2016)3301),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kummissjoni – Qafas għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni: regoli orizzontali u r-reġistru pubbliku (C(2016) 3300),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0002/2017),
A. billi esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-funzjonament tal-qafas preċedenti għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni ta' Novembru 2010[3], li kien twaqqaf bl-għan li jintroduċi innovazzjonijiet operattivi sinifikanti sabiex isaħħu t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-ħidma interistituzzjonali;
B. billi, b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Baġits tiegħu, fid-dawl tan-nuqqas ta' trasparenza u l-iżbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti, u minħabba l-ħtieġa li jiżgura li l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tikseb bilanċ ġust f'termini ta' għarfien espert u ta' opinjonijiet rappreżentati, adotta riżervi baġitarji fl-2011 u l-2014 u fformola talbiet li għadhom ma ġewx aċċettati għar-riforma tagħhom;
C. billi studju riċenti kkummissjonat minnu identifika nuqqas ta' trasparenza mifrux kif ukoll żbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti[4];
D. billi l-kompożizzjoni bilanċjata u t-trasparenza huma prekundizzjonijiet essenzjali biex l-għarfien espert jirrifletti b'mod adegwat il-ħtiġijiet għal azzjoni regolatorja u biex tittrawwem il-leġittimità ta' dan l-għarfien espert u ta' din l-azzjoni regolatorja f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej;
E. billi l-Ombudsman Ewropew, fl-inkjesta strateġika[5] tagħha, ressqet rakkomandazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari b'enfasi fuq il-ħtieġa għal trasparenza akbar fi ħdan il-gruppi ta' esperti;
F. billi qabel ma adottat id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha ma' rappreżentanti tal-Parlament u mal-Ombudsman Ewropew;
G. billi l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dokument ta' ħidma tar-Rapporteur tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;
H. billi, sfortunatament, minkejja dan, la d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, u lanqas id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jipprovdu soluzzjonijiet għat-tħassib kollu mqajjem mill-Parlament;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, iżda jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-bosta organizzazzjonijiet nongovernattivi li wrew l-interess tagħhom, il-Kummissjoni ma organizzatx konsultazzjoni pubblika sħiħa; itenni l-importanza li terġa' tingħata l-ħajja lit-tipi ta' involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali f'oqsma kruċjali bħalma huma t-trasparenza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej;
2. Jirrimarka li, permezz tal-adozzjoni tar-regoli orizzontali l-ġodda, ħafna mit-tħassib espress preċedentement mill-Parlament jidher li ġie solvut, partikolarment it-tħassib dwar il-ħtieġa għal sejħiet pubbliċi għall-applikazzjonijiet għall-għażla tal-membri ta' gruppi ta' esperti u fir-rigward tar-reviżjoni tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-ħolqien ta' sinerġija bejn dan ir-Reġistru, ir-Reġistru ta' Trasparenza tal-Kummissjoni u tal-Parlament, u dawk ir-regoli dwar il-ħtieġa li jiġu evitati kunflitti ta' interess, speċjalment rigward esperti li jinħatru f'kapaċità personali;
3. Jinnota li t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet interistituzzjonali huma tal-akbar importanza, billi jgħinu biex jintlaħaq bilanċ xieraq mill-perspettiva tal-għarfien espert u tal-opinjonijiet rappreżentati fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti, sabiex itejbu l-operat tagħhom; jilqa', għaldaqstant, il-fatt li issa l-proċess ta' għażla qed isir pubblikament; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-esperjenza prattika u l-kwalifiki tal-esperti jeħtieġu jsiru evidenti; huwa tal-fehma li l-proċess tal-għażla kollu għandu jiggarantixxi livell għoli ta' trasparenza u għandu jiġi rregolat minn kriterji aktar ċari, aktar konċiżi u b'enfasi partikolari fuq l-esperjenza prattika tal-kandidati flimkien mal-kwalifiki akkademiċi tagħhom u fuq il-kunflitti ta' interess potenzjali li jista' jkollhom;
4. Jilqa' l-fatt li diġà ġiet stabbilita rabta bejn il-gruppi ta' esperti tar-Reġistru tal-Kummissjoni u r-Reġistru tat-Trasparenza, biex b'hekk jiġi żgurat titjib fit-trasparenza;
5. Jiddispjaċih li t-tentattiv biex titwettaq konsultazzjoni pubblika dwar l-istabbiliment tar-regoli l-ġodda ma rnexxiex; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod trasparenti u b'mod responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-UE;
6. Ifakkar li nuqqas ta' trasparenza għandu effett negattiv fuq il-fiduċja li ċ-ċittadini tal-UE għandhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li r-riforma effikaċi tas-sistema tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, imsejsa fuq prinċipji ċari ta' trasparenza u kompożizzjoni bilanċjata, se ttejjeb id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data, li mbagħad tgħin biex iżżid il-fiduċja tan-nies fl-UE;
7. Jenfasizza li r-regoli l-ġodda għandhom japplikaw b'mod strett u ugwali għal kull grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, irrispettivament mit-titolu tagħhom (b'hekk huma inklużi gruppi speċjali, ta' livell għoli jew gruppi "straordinarji" oħra, u gruppi formali jew informali), li mhumiex esklussivament magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri jew immexxija mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 1998 dwar it-twaqqif ta' Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'il quddiem id-djalogu bejn is-sħab soċjali fuq livell Ewropew; itenni li r-regoli l-ġodda jridu jiżguraw rappreżentazzjoni bilanċjata permezz tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha;
8. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħmel progress biex ikun hemm kompożizzjoni aktar bilanċjata tal-gruppi ta' esperti; jikkundanna l-fatt, madankollu, li għad ma ssirx distinzjoni espliċita bejn il-partijiet li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u dawk li jirrappreżentaw interessi mhux ekonomiċi, b'mod li jkun iggarantit l-ogħla livell ta' trasparenza u bilanċ; jenfasizza l-ħtieġa li, f'dan ir-rigward, fis-sejħa pubblika għal applikazzjoni, il-Kummissjoni tikkjarifika l-mod kif tiddefinixxi kompożizzjoni bilanċjata u liema huma l-interessi li hija tfittex li jkunu rappreżentati meta jiġu stabbiliti l-gruppi ta' esperti; jikkunsidra għalhekk li huwa importanti li jiġu involuti l-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali bil-għan li tingħata definizzjoni aktar bilanċjata ta' dik id-distinzjoni;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta toħloq gruppi ta' esperti ġodda jew meta tbiddel il-kompożizzjoni ta' dawk li diġà jeżistu, tiddikjara b'mod ċar, f'sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, kif tiddefinixxi kompożizzjoni bilanċjata, liema huma l-interessi li hija tfittex li jiġu ppreżentati, u għalfejn, u saħansitra biex tiġġustifika kwalunkwe devjazzjoni possibbli mill-kompożizzjoni bilanċjata kif definit minn qabel, meta jkunu stabbiliti l-gruppi ta' esperti;
10. Jirrimarka, f'dan il-kuntest u fir-rigward tal-paragrafi 34-45 tal-opinjoni tal-Ombudsman imsemmija hawn fuq, li, għalkemm il-Kummissjoni għadha ma ddefinietx formalment il-kunċett tagħha ta' "bilanċ", dan tal-aħħar m'għandux jinftiehem bħala r-riżultat ta' eżerċizzju aritmetiku, iżda pjuttost bħala r-riżultat tal-isforzi biex jiġi żgurat li l-membri ta' grupp ta' esperti, flimkien, ikollhom l-għarfien espert tekniku u l-varjetà ta' perspettivi meħtieġa biex iwettqu l-mandat tal-grupp ta' esperti kkonċernat; jikkunsidra li l-kunċett ta' bilanċ għandu, għalhekk, jinftiehem f'relazzjoni mal-mandat speċifiku ta' kull grupp ta' esperti individwali; jikkunsidra li l-kriterji li jiddeterminaw jekk grupp ta' esperti huwiex bilanċjat jew le għandhom jinkludu l-kompiti tal-grupp, l-għarfien espert tekniku meħtieġ, il-partijiet interessati li probabbli l-aktar li jkunu milquta mill-kwistjoni, l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' partijiet interessati, u proporzjon adegwat ta' interessi ekonomiċi u mhux ekonomiċi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tinvestiga jekk huwiex meħtieġ mekkaniżmu ġdid ta' lmenti, jekk id-definizzjoni ta' kompożizzjoni bilanċjata hix qed tiġi kkontestata minn partijiet interessati jew jekk l-arranġamenti attwali humiex adegwati; jitlob li l-Parlament ikun assoċjat f'dan il-mekkaniżmu ta' kontroll;
12. Ifakkar li, fil-passat, mhux dejjem kien possibbli li l-Kummissjoni ssib biżżejjed esperti li jirrappreżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), lill-konsumaturi, lit-trade unions jew lil organizzazzjonijiet oħra ta' interess pubbliku ġenerali, u li ħafna drabi dan kien kawża tal-ispejjeż involuti, jew fit-teħid tal-liv jew, pereżempju fil-każ ta' SMEs, biex isibu mod kif jissostitwixxu l-ħin li jqattgħu fil-gruppi ta' esperti, minn hawn 'il quddiem imsejħa "spejjeż alternattivi";
13. Jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tesplora modi biex tiffaċilita u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet jew gruppi soċjali li m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-gruppi ta' esperti, billi tevalwa, inter alia, id-dispożizzjonijiet tagħha għal rimborż ta' spejjeż b'mod effiċjenti u ekwu, inklużi modi possibbli biex tkopri l-infiq għal kwalunkwe "spiża alternattiva" ta' dan it-tip, filwaqt li jkun rispettat kif xieraq il-prinċipju ta' proporzjonalità;
14. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-iżvilupp ta' sistema ta' allowances li tappoġġa lill-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed sabiex jiksbu l-għarfien espert meħtieġ biex ikunu jistgħu jipparteċipaw/jieħdu sehem b'mod sħiħ u effikaċi fil-grupp ta' esperti;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha possibbli biex l-organizzazzjonijiet nongovernattivi Ewropej jiġu rappreżentati fil-gruppi ta' esperti minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet li jkunu l-membri tagħhom fil-livell nazzjonali, meta jingħatalhom mandat ċar mill-organizzazzjonijiet Ewropej;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li – anke jekk, minkejja arranġamenti speċifiċi, għadu mhux possibbli li jinstabu biżżejjed esperti li jirrappreżentaw l-interessi rilevanti kollha – il-grupp ta' esperti konċernat jieħu l-miżuri kollha xierqa, pereżempju permezz ta' proċeduri ta' votazzjoni ponderati, biex jiżgura li r-rapporti finali ta' dawn il-gruppi ta' esperti effettivament jirrappreżentaw l-interessi rilevanti kollha b'mod bilanċjat;
17. Ifakkar li kemm il-Parlament kif ukoll l-Ombudsman Ewropew irrakkomandaw lill-Kummissjoni biex tippubblika l-aġendi, id-dokumenti ta' sfond, il-minuti tal-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti, sakemm maġġoranza kwalifikata tal-membri tagħhom tiddeċiedi li jkun hemm bżonn li laqgħa speċifika jew parti minn laqgħa jibqgħu sigrieti, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tippersisti f'sistema fejn il-laqgħat jibqgħu sigrieti sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri tal-gruppi ta' esperti li tiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi; iqis li huwa essenzjali li tiġi implimentata l-akbar trasparenza possibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi li l-laqgħat u l-minuti jsiru pubbliċi;
18. Jenfasizza li l-utenti jeħtieġ jingħatalhom aċċess għal firxa ta' dokumenti (aġendi, dokumenti ta' referenza, diversi rapporti), bil-għan li jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti mill-partijiet interessati; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li s-sit web tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti – kemm minnu nnifsu jew permezz ta' hyperlinks għal siti web rilevanti oħrajn – għandu jkun wieħed mill-istrumenti jew mill-mekkaniżmi li jintużaw biex tinkiseb informazzjoni aġġornata b'mod kostanti dwar l-iżviluppi politiċi, u b'hekk jiġi garantit livell għoli ta' trasparenza;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tiżviluppa linji gwida speċifiċi – f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, inkluż il-Parlament – li jispjegaw kif hija tinterpreta d-dispożizzjoni li l-minuti tal-gruppi ta' esperti għandhom ikunu sinifikanti u kompluti, speċjalment meta dawn il-laqgħat ma jkunux pubbliċi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tipprovdi t-trasparenza massima possibbli, li tinkludi l-pubblikazzjoni tal-aġenda, tad-dokumenti ta' sfond, tar-rekords tal-votazzjoni u tal-minuti dettaljati, flimkien mal-opinjonijiet kuntrarji f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew;
20 Ifakkar li, apparti l-esperti maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, anke l-membri minn universitajiet, istituti ta' riċerka, ditti legali, gruppi ta' riflessjoni u konsulenzi Ewropej u oħrajn jista' jkollhom kunflitti ta' interess, u jitlob lill-Kummissjoni tiċċara kif hija tevita l-kunflitti ta' interess għal dawn il-kategoriji speċifiċi ta' esperti;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura – waqt li tibni fuq eżempji pożittivi eżistenti – implimentazzjoni sistematika ta' regoli orizzontali mtejba permezz ta' superviżjoni ċentrali tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli orizzontali, u biex dan ma tiddelegahx lil Direttorati Ġenerali individwali;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika, b'mod partikolari, biżżejjed riżorsi għall-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mar-Reġistru, billi tiżviluppa metodi innovattivi u partikolarment effikaċi sabiex jinżamm aġġornat mingħajr ebda żball fattwali u/jew ommissjonijiet, u jippermetti l-esportazzjoni tad-data f'format li jinqara mill-magni;
23. Jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li, sa tmiem l-2016, id-Direttorati Ġenerali kollha se jkollhom jimplimentaw il-qafas il-ġdid għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament rapport dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni sa mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, jiġifieri qabel l-1 ta' Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, bħala parti mid-djalogu strutturat mal-Parlament, fi żmien is-sitt xhur li ġejjin tista' diġà ssir l-ewwel preżentazzjoni orali tar-rapport;
24. Jissottolinja barra minn hekk li l-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tabbozza atti delegati u ta' implimentazzjoni u fit-tfassil ta' linji gwida strateġiċi, jeħtiġilha tiżgura li d-dokumenti kollha, inklużi l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, iridu jaslu għand il-Parlament u l-Kunsill fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Fil-kuntest tal-proċeduri ta' kwittanza fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament regolarment ikkunsidra l-kwistjoni tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni. Fid-dawl tan-nuqqas ta' trasparenza u l-iżbilanċ fil-kompożizzjoni ta' għadd kbir ta' gruppi ta' esperti, fl-2011 u fl-2014 il-Kumitat għall-Baġits (BUDG) adotta riżervi baġitarji u fformola talbiet għar-riforma tagħhom.
Wara l-adozzjoni ta' riżerva baġitarja fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea esprimiet ir-rieda tagħha li tipparteċipa fi djalogu informali ma' grupp ta' Membri tal-Parlament sabiex jikkoreġu l-iżbilanċi fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti eżistenti u jiżviluppaw regoli aħjar għall-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti. Id-djalogu informali għamilha possibbli għall-Parlament li jneħħi r-riżerva baġitarja fl-2011, minkejja li kien għad fadal dubji kemm dwar il-kontenut tar-regoli orizzontali eżistenti kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tagħhom minn għadd ta' Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni.
Fl-2015, il-Kumitati CONT/BUDG ikkummissjonaw studju dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-istatus tar-reġistru tal-gruppi ta' esperti, li identifika nuqqas mifrux ta' trasparenza u żbilanċ fil-kompożizzjoni f'ċerti gruppi ta' esperti.
Fid-dawl tas-sejbiet tal-istudju u l-ħtieġa għal segwitu adatt, fis-26 ta' Novembru 2015, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati approvat il-proposta tal-Kumitat KONT għat-tfassil ta' rapport fuq inizjattiva proprja dwar dan is-suġġett. Ir-rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet konkreti sabiex il-Kummissjoni ttejjeb il-kompożizzjoni bilanċjata u t-trasparenza tal-gruppi ta' esperti tagħha. Ir-rapport għalhekk seta' jsir il-bażi għad-djalogu informali mniedi mill-ġdid mal-Kummissjoni. Ir-rapport jibni fuq l-investigazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f'dan ir-rigward, li rriżulta fir-Rakkomandazzjoni formali tagħha tas-26 ta' Jannar 2016.
Matul il-preżentazzjoni tal-istudju tal-Kumitati BUDG/CONT, f'Settembru 2015, is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea ħabbru li kien avvanza ferm ix-xogħol fuq reviżjoni tal-qafas għall-gruppi ta' esperti tagħha, li jikkonsisti f'regoli orizzontali (riveduti) u reġistru pubbliku mtejjeb. Minkejja diversi talbiet mill-Parlament lill-Kummissjoni biex tistenna l-adozzjoni formali tal-qafas il-ġdid tagħha sakemm il-Parlament kellu l-opportunità li jesprimi l-fehmiet tiegħu fir-rapport u r-riżoluzzjoni li tirriżulta mir-rapport, il-Kummissjoni ma dehritx lesta li tagħmel dan.
Fl-1 ta' Marzu 2016, ir-rapporteur għaldaqstant ippubblika dokument ta' ħidma għall-Kumitat CONT, filwaqt li ddeskriva l-problemi ewlenin tiegħu bir-regoli orizzontali u r-reġistru. Id-dokument ta' ħidma kien jikkostitwixxi tentattiv tar-Rapporteur tal-Kumitat CONT biex jibqa' jinfluwenza lir-regoli l-ġodda tal-Kummissjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni, min-naħa tagħhom, provdew lill-Parlament b'dokument ta' ħidma li fih irreaġixxew għad-diversi rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur. Il-Kumitat CONT laqa' l-progress li sar mill-Kummissjoni, iżda ddikjara wkoll li mhux it-tħassib kollu tiegħu ġie solvut, b'mod partikolari, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid.
Wara dan l-iskambju ta' dokumenti, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni ħa sehem f'taħditiet mal-Ombudsman Ewropew, mal-NGOs u r-rapporteurs tal-Parlament Ewropew (jiġifieri r-rapporteurs tal-Kumitati CONT u JURI għar-rapport tal-Kumitati CONT/JURI u r-rapporteur tal-Kumitat BUDG għall-opinjoni tal-Kumitat BUDG). Matul dawn l-iskambji ġie diskuss it-tħassib li fadal tal-Ombudsman, tal-NGOs u tar-rapporteurs. Dawn kienu relatati ma', inter alia, in-natura pubblika tad-deliberazzjonijiet fi gruppi ta' esperti, il-minuti tagħhom, kif ukoll mal-assigurazzjoni ta' kompożizzjoni bilanċjata f'każijiet speċifiċi, pereżempju, jekk jirriżulta li jkun diffiċli li jinstabu biżżejjed esperti għall-interessi kollha li jkunu rappreżentati. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet ikkonċentraw fuq l-infurzar tar-regoli riveduti u r-rimborż ta' spejjeż tar-rappreżentanti interessati, minbarra dawk relatati mal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni.
Għalkemm l-iskambji mal-Ewwel Viċi President kienu utli u pprovdew soluzzjonijiet prattiċi għall-maġġoranza tal-punti li kien fadal, il-qafas kif adottat mill-Kummissjoni ma kien jirrifletti l-ebda minn dawn is-soluzzjonijiet. F'dan il-kuntest, ir-Rapporteurs huma tal-opinjoni li l-adozzjoni ta' rapport fuq inizjattiva proprja għadha utli, parzjalment minħabba li l-Kummissjoni xorta tista' tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għas-servizzi tal-Kummissjoni, u parzjalment minħabba li tagħmilha possibbli għall-Parlament li jitlob rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali(*) (29.11.2016)
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar il-Kontroll tar-Reġistru u l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni
(2015/2319(INI))
Rapporteur għal opinjoni (*): Sylvia-Yvonne Kaufmann
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet interistituzzjonali huma tal-akbar importanza, billi jgħinu biex jintlaħaq bilanċ xieraq mill-perspettiva tal-għarfien espert u tal-opinjonijiet irrappreżentati fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti, sabiex itejbu l-operat tagħhom; jilqa', għaldaqstant, il-fatt li issa l-proċess ta' għażla qed isir pubblikament; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-esperjenza prattika u l-kwalifiki tal-esperti għandhom isiru evidenti; huwa tal-fehma li l-proċess tal-għażla kollu għandu jiggarantixxi livell ta' trasparenza għoli u għandu jiġi rregolat minn kriterji aktar ċari, aktar konċiżi u b'enfasi partikolari fuq l-esperjenza prattika tal-kandidati flimkien mal-kwalifiki akkademiċi tagħhom u kunflitti ta' interess potenzjali li jista' jkollhom;
2. Jilqa' l-fatt li diġà ġiet stabbilita rabta bejn il-gruppi ta' esperti tar-Reġistru tal-Kummissjoni u r-Reġistru tat-Trasparenza, biex b'hekk jiġi żgurat titjib fit-trasparenza;
3. Jiddispjaċih li t-tentattiv biex titwettaq konsultazzjoni pubblika dwar l-istabbiliment tar-regoli l-ġodda ma rnexxiex; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod trasparenti u b'mod responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-UE;
4. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħmel progress biex ikun hemm kompożizzjoni aktar bilanċjata tal-gruppi ta' esperti; jikkundanna l-fatt, madankollu, li ma hemmx distinzjoni espliċita bejn il-partijiet interessati ekonomiċi u mhux ekonomiċi, biex jinkiseb l-ogħla livell ta' trasparenza u bilanċ; jenfasizza l-ħtieġa li, f'dan ir-rigward, fis-sejħa pubblika għal applikazzjoni, il-Kummissjoni tikkjarifika il-mod li bih tiddefinixxi kompożizzjoni bbilanċjata u liema huma l-interessi li hija tfittex li jkunu rrappreżentati meta jiġu stabbiliti l-gruppi ta' esperti; jikkunsidra għalhekk li huwa importanti li jiġu involuti l-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali sabiex tiġi prodotta definizzjoni aktar ibbilanċjata ta' dik id-distinzjoni;
5. Jiddeplora l-fatt li, għal raġunijiet finanzjarji u organizzattivi, il-gruppi sottorappreżentati, ħafna drabi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju jew organizzazzjonijiet oħrajn ta' interess pubbliku ġenerali, mhux dejjem ikunu jistgħu jipparteċipaw; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, fl-interess ta' kompożizzjoni bilanċjata tal-gruppi ta' esperti, tikkunsidra possibilitajiet ta' appoġġ finanzjarju biex tkun possibbli l-parteċipazzjoni tal-kategoriji tal-esperti kollha;
6. Bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu ppubblikati l-minuti kollha tal-laqgħat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kontenut kif ukoll il-pożizzjonijiet rispettivi tal-esperti għandhom ikunu ċari u evidenti, u espressi b'tali mod li huwa aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej; jitlob, barra minn hekk, li d-deċiżjonijiet ta' minoranza jkunu jistgħu jiġu ppubblikati; itenni l-importanza li d-deliberazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni jkunu pubbliċi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-esperti f'dawn il-gruppi tal-Kummissjoni jwettqu servizz pubbliku u li d-dibattiti li jwasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom għandhom jiġu ppubblikati bħala regola u mhux bħala eċċezzjoni;
7. Jenfasizza li l-utenti jrid jingħatalhom aċċess għal firxa ta' dokumenti (aġendi, dokumenti ta' referenza, diversi rapporti), bil-għan li jkun hemm monitoraġġ effiċjenti mill-partijiet interessati; huwa wkoll tal-fehma, li s-sit web tar-Reġistru tal-gruppi ta' esperti – kemm bħala tali jew permezz ta' hyperlinks għal siti web rilevanti oħrajn, għandu jkun wieħed mill-istrumenti jew mill-mekkaniżmi li jintużaw biex tinkiseb informazzjoni aġġornata b'mod kostanti dwar l-iżviluppi politiċi, u b'hekk jiġi ggarantit livell għoli ta' trasparenza;
8. Jenfasizza li l-miżuri previsti għandhom jittieħdu immedjatament meta jkun hemm evidenza ta' kunflitti ta' interess, b'mod partikolari fost l-individwi maħtura f'kapaċità privata, li jaġixxu b'mod indipendenti u jesprimu l-fehma personali tagħhom fl-interess ġenerali; jirrimarka li dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati aktar mill-qrib peress li l-applikazzjoni tagħhom tikkostitwixxi l-garanzija ta' indipendenza tal-esperti;
9. Jissottolinja wkoll li l-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati u ta' implimentazzjoni u fit-tfassil ta' linji gwida strateġiċi, għandha tiżgura li d-dokumenti kollha, inklużi l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, għandhom jaslu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, kif maqbul fil-qafas tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
29.11.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Dietmar Köster, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Angelika Niebler, Virginie Rozière, Kosma Złotowski |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (27.4.2016)
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar il-Kontroll tar-Reġistru u l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni
(2015/2319(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Helga Trüpel
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-Kumitat għall-Baġits, fid-dawl tan-nuqqas ta' trasparenza u l-iżbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti, u fid-dawl tal-ħtieġa li jiżgura li l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tikseb il-bilanċ ġust f'termini ta' kompetenza u ta' opinjonijiet rappreżentati, adotta riżervi baġitarji fl-2011 u l-2014 u fformula talbiet għar-riforma tagħhom;
B. billi studju riċenti li kkummissjona[1] wassal għall-identifikazzjoni ta' nuqqas ta' trasparenza mifrux kif ukoll żbilanċ fil-kompożizzjoni ta' ċertu għadd ta' gruppi ta' esperti;
C. billi l-Ombudsman Ewropew ressqet rakkomandazzjonijiet li fihom enfasizzat il-ħtieġa għal trasparenza akbar tal-gruppi ta' esperti[2];
D. billi l-kompożizzjoni bilanċjata u t-trasparenza huma prekundizzjonijiet essenzjali biex l-għarfien espert jirrifletti b'mod adegwat il-ħtiġijiet għal azzjoni regolatorja u biex tittrawwem il-leġittimità ta' din il-kompetenza u ta' din l-azzjoni regolatorja f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej;
E. billi jilqa', bħala pass inizjali, l-inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni dwar ir-riforma imminenti tal-gruppi ta' esperti;
1. Jenfasizza li, minkejja l-progress li rriżulta mir-riżerva baġitarja tal-2011, il-Kummissjoni s'issa naqset milli tbiddel ir-regoli orizzontali għall-gruppi ta' esperti u l-prattiki tagħhom b'mod li jissodisfa t-talbiet tal-Parlament għat-trasparenza, u li l-għadd ta' gruppi ta' esperti li fihom hemm żbilanċ baqa' fil-biċċa l-kbira l-istess matul l-2013 (attwalment 9 % tal-gruppi ta' esperti kollha);
2. Jirrimarka, f'dan il-kuntest, u fir-rigward tal-paragrafi 34-45 tal-opinjoni tal-Ombudsman imsemmija hawn fuq, li, għalkemm il-Kummissjoni għadha ma ddefinietx formalment il-kunċett tagħha ta' "bilanċ", dan tal-aħħar m'għandux jinftiehem bħala r-riżultat ta' eżerċizzju aritmetiku, iżda pjuttost bħala r-riżultat tal-isforzi biex jiġi żgurat li l-membri ta' grupp ta' esperti, flimkien, ikollhom il-kompetenza teknika u l-varjetà ta' perspettivi meħtieġa biex iwettqu l-mandat tal-grupp ta' esperti kkonċernat; jikkunsidra li l-kunċett ta' bilanċ għandu, għalhekk, jinftiehem f'relazzjoni mal-mandat speċifiku ta' kull grupp ta' esperti individwali; jikkunsidra li l-kriterji li jiddeterminaw jekk grupp ta' esperti huwiex bilanċjat jew le għandhom jinkludu l-kompiti tal-grupp, il-kompetenza teknika meħtieġa, il-partijiet interessati li probabbli l-aktar li jkunu milquta mill-kwistjoni, l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' partijiet interessati, u l-proporzjon adegwat ta' interessi ekonomiċi u mhux ekonomiċi;
3. Jissottolinja li l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-UE qed tbagħti minħabba nuqqas ta' trasparenza u minħabba d-dipendenza żejda fuq l-atturi ekonomiċi fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE, u għaldaqstant jissottolinja li r-riforma effettiva tas-sistema tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni se twassal biex l-UE ssir iżjed leġittima;
4. Jilqa' l-avviż pubbliku tal-Kummissjoni li l-qafas rivedut għall-gruppi ta' esperti se jinkorpora għadd ta' suġġerimenti tal-Parlament u tal-Ombudsman, bħall-obbligu ta' sejħiet għal applikazzjonijiet miftuħa, titjib tar-reġistru, reġistrazzjoni mandatorja fir-Reġistru għat-Trasparenza għal rappeżentanti ta' partijiet interessati, definizzjoni għal kull grupp ta' esperti tal-profili meħtieġa biex tiġi żgurata kompożizzjoni bilanċjata, kif ukoll dikjarazzjonijiet mandatorji dwar il-kunflitti ta' interess, li se jiddaħħlu fir-reġistru;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar it-trasparenza, speċifikament li l-aġendi, id-dokumenti ta' sfond u l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti għandhom jiġu ppubblikati, u li l-minuti ppubblikati għandhom ikunu kemm jista' jkun sinifikanti u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet espressi mill-membri;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-aħjar prattiki u tibni fuq l-eżempji pożittivi eżistenti, biex tiżgura implimentazzjoni sistematika ta' regoli orizzontali mtejba, inkluż mekkaniżmu ta' sorveljanza adegwat għad-direttorati ġenerali kollha sabiex tiġi żgurata prassi koerenti;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora, f'kollaborazzjoni mal-leġiżlatur u mas-soċjetà ċivili, modi biex tiffaċilita u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' gruppi mhux rappreżentati biżżejjed, bħas-soċjetà ċivili u t-trejdunjins, fil-gruppi ta' esperti, biex tindirizza l-asimmetriji ta' informazzjoni eżistenti, u biex tivvaluta l-iżvilupp ta' sistema ta' allowances li għandha tagħti sostenn lil dawk il-gruppi biex jiksbu l-kompetenzi meħtieġa għal parteċipazzjoni totalment effikaċi fil-gruppi ta' esperti;
8. Jissottolinja li se jivvaluta b'mod kritiku l-isforzi ta' riforma fl-okkażjoni tal-votazzjoni tiegħu dwar il-baġit annwali 2017 u jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jintroduċi riżerva jekk iqis li t-talbiet tiegħu ma jkunux qegħdin jintlaħqu b'mod sodisfaċenti;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-konsultazzjoni sħiħa ta' dawk il-gruppi li bħalissa mhumiex rappreżentati biżżejjed meta tressaq proposti għar-riforma tal-gruppi ta' esperti.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
26.4.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrey Novakov, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Jens Gieseke |
||||
- [1] Dipartiment Tematiku D Affarijiet Baġitarji, Kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u l-istatus tar-reġistru tal-gruppi ta' esperti, 2015.
- [2] Ombudsman Ewropew, Rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta strateġika tagħha OI/6/2014/NF dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, 29.1.2016.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
9.1.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Brian Hayes, Cătălin Sorin Ivan, Benedek Jávor, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Clare Moody |
||||