RAPPORT dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

20.1.2017 - (2016/2055(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Dennis De Jong

Proċedura : 2016/2055(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0004/2017
Testi mressqa :
A8-0004/2017
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

(2016/2055(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 taʼ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu[1],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 22a tal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 13 u 33 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipju nru 4 tar-Rakkomandazzjoni dwar it-Titjib tal-Kondotta Etika fis-Servizz Pubbliku tal-OECD,

–  wara li kkunsidra l-inkjesta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew tat-2 ta' Marzu 2015 u l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jadottaw ir-regoli meħtieġa dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD bit-titolu "Committing to effective whistle-blower protection" (Impenn għal protezzjoni effikaċi tal-informaturi),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Guja vs Il-Moldova tat-12 ta' Frar 2008, Rikors nru 14277/04

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0004/2017),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, il-Parlament jeħtieġ kemm jista' jkun informazzjoni dwar tali irregolaritajiet; billi f'każijiet li jikkonċernaw irregolaritajiet interni fl-istituzzjonijiet, il-Parlament għandu jkollu d-dritt għal aċċess sħiħ għal informazzjoni sabiex ikun jista' jwettaq il-proċedura ta' kwittanza b'għarfien sħiħ tal-fatti;

B.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament b'bażi eċċellenti biex tagħmel l-eżamijiet tagħha, iżda ma tistax tkopri hi stess in-nefqiet individwali;

C.  billi l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, bl-istess mod, jipprovdu lill-Parlament b'rapporti informattivi dwar l-infiq tagħhom, iżda wkoll jibbażaw fuq mekkaniżmi ta' rappurtar uffiċjali;

D.  billi l-bosta fondi tal-Unjoni huma soġġetti għal ġestjoni kondiviża mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, li tagħmilha diffiċli għall-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-irregolaritajiet li jikkonċernaw proġetti individwali;

E.  billi l-Parlament jirċievi regolarment informazzjoni minn ċittadini individwali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar irregolaritajiet li jikkonċernaw proġetti individwali ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni;

F.  billi l-informaturi għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni, il-kxif u l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-baġit tal-UE, kif ukoll fl-identifikazzjoni u l-pubbliċità ta' każijiet ta' korruzzjoni; billi hemm bżonn li tkun stabbilita u promossa kultura ta' fiduċja li trawwem il-ġid pubbliku Ewropew li, permezz tagħha, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-UE, kif ukoll il-pubbliku ġenerali, iħossuhom protetti tramite prattiki ta' ġestjoni tajba, u li jintwera li l-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw, jipproteġu u jinkoraġġixxu l-informaturi potenzjali ta' prattiki ħżiena;

G.  billi huwa essenzjali għal qafas ġuridiku orizzontali li għandu jiġi stabbilit bħala kwistjoni ta' urġenza, li, huwa u jistabbilixxi drittijiet u obbligi, jipproteġi l-informaturi fl-UE kollha, kif ukoll fl-Istituzzjonijiet tal-UE (il-protezzjoni ta' anonimat, tal-għoti ta' assistenza legali, psikoloġika u, fejn ikun meħtieġ, finanzjarja, l-aċċess għal diversi kanali ta' informazzjoni, skemi ta' rispons rapidu, eċċ.);

H.  billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li tagħmilha obbligatorja li protezzjoni xierqa u effikaċi tiġi pprovduta lill-informaturi;

I.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta hija sors essenzjali ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-investigazzjoni ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku;

J.  billi l-informaturi għandhom rwol partikolarment importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kxif u l-irrappurtar ta' korruzzjoni u frodi, minħabba li l-partijiet direttament involuti f'dawn il-prattiki kriminali se jippruvaw jaħbuhom b'mod attiv minn mekkaniżmi ta' rapportar uffiċjali;

K.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, ibbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza u tal-integrità, hija essenzjali; il-protezzjoni tal-informaturi għandha għalhekk tiġi garantita bil-liġi u msaħħa fl-UE kollha, iżda biss jekk l-iskop ta' tali azzjoni jkun li dak li jipproteġi l-interess pubbliku billi dak li jkun jaġixxi in bona fede f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L.  billi l-awtoritajiet m'għandhomx jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità ta' informaturi u ta' ġurnalisti li jiddokumentaw u jiżvelaw il-prattiki illegali, kontra l-liġi jew ta' ħsara, meta l-iżvelar ta' din l-informazzjoni tkun in bona fede u l-interess pubbliku huwa prijorità;

M.  billi mill-1 ta' Jannar 2014, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE ġew obbligati li jintroduċu regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi li jkunu uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE, skont l-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-grupp ta' ħidma tal-Kumitat Preparatorju interistituzzjonali għall-Kwistjonijiet relatati mar-Regolamenti tal-Persunal, li jittratta l-protezzjoni tal-informaturi, għadu ma kkonkludiex il-ħidma tiegħu; billi parti mix-xogħol imwettaq minn dan il-grupp ta' ħidma għandu jkun biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-informaturi li jkunu sofrew konsegwenzi negattivi fl-istituzzjonijiet, sabiex jistabbilixxu l-aħjar prattiki bbażati fuq esperjenzi tal-passat; billi dawk ir-regoli interni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ta' ġestjoni u tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi kategoriji skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

N.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-Istati Membri ma ġietx implimentata fl-Istati Membri kollha, u lanqas ġiet armonizzata, li jfisser li anki meta l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea huma kkonċernati, jista' jkun riskjuż għall-informaturi li jipprovdu informazzjoni dwar irregolaritajiet lill-Parlament; billi huwa preċiżament minħabba li n-nies jibżgħu minn x'jista' jiġrilhom minħabba n-nuqqas ta' protezzjoni, u għax jemmnu li l-ebda azzjoni mhi se tittieħed, li l-irregolaritajiet ma jiġux irrappurtati, u, bħala riżultat ta' dan, l-interessi finanzjarji tal-UE huma mminati;

O.  billi jeħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe tip ta' ritaljazzjoni kontra l-informaturi tiġi kkastigata b'mod xieraq;

P.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2013 li tistabbilixxi programm Ewropew effettiv u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi fis-setturi pubbliċi u privati, għall-protezzjoni ta' dawk li jidentifikaw ġestjoni ineffiċjenti u irregolaritajiet u jirrapportaw każijiet ta' korruzzjoni nazzjonali u transkonfinali relatati mal-interessi finanzjarji tal-UE; billi, barra minn hekk, huwa stieden lill-Istati Membri jistabbilixxu protezzjoni xierqa u effikaċi tal-informaturi;

Q.  billi l-leġiżlatur tal-UE diġà ppreveda l-protezzjoni tal-informaturi fi strumenti settorjali, inkluża d-Direttiva 2013/30/UE dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq, id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi;

R.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fl-Unjoni saret saħansitra aktar urġenti, peress li d-Direttiva dwar is-sigriet kummerċjali tillimita d-drittijiet tal-informaturi u li jista', b'hekk, ikollha l-effett mhux intenzjonat li jiskoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jirrapportaw irregolaritajiet fil-kuntest tal-finanzjamenti tal-Unjoni li minnhom ibbenefikaw il-kumpaniji individwali;

S.  billi diġà twettqet ħidma importanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kunsill tal-Ewropa, li żviluppaw rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-informaturi ta' prattiki ħżiena;

T.  billi skont l-OECD aktar minn terz tal-organizzazzjonijiet b'mekkaniżmu ta' rappurtar ma kellhomx politika bil-miktub dwar il-protezzjoni tal-informaturi mir-ritaljazzjoni, jew ma kinux jafu biha;

U.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħalma huma Transparency International, Whistleblowing International Network u oħrajn żviluppaw, bl-istess mod, prinċipji internazzjonali għal-leġiżlazzjoni tal-informaturi li għandhom iservu bħala sors ta' ispirazzjoni għal inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward;

V.  billi, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għandu kompetenza ċara f'dak li għandu x'jaqsam mal-investigazzjoni ta' lmenti ta' ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE, iżda m'għandu ebda rwol x'jaqdi fil-protezzjoni tal-informaturi fi ħdan l-Istati Membri;

W.  billi fl-aħħar verżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014, introduċew diversi dispożizzjonijiet dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

X.  billi l-protezzjoni tal-informaturi hija essenzjali għall-ġid pubbliku u għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiġi promossa kultura ta' responsabbiltà pubblika u l-integrità fl-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll privati;

Y.  billi f'ħafna ġurisdizzjonijiet, u b'mod partikolari fis-settur privat, l-impjegati huma soġġetti għad-dmirijiet ta' kunfidenzjalità fir-rigward ta' ċerta informazzjoni, li jfisser li l-informaturi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' azzjonijiet dixxiplinari għar-rappurtar barra l-organizzazzjoni tagħhom;

1.  Jiddeplora l-fatt li s'issa l-Kummissjoni naqset milli tressaq proposta leġiżlattiva mmirata lejn l-istabbiliment ta' livell minimu ta' protezzjoni Ewropew għall-informaturi;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew effikaċi u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jinkludi mekkaniżmi għall-kumpaniji, għall-korpi pubbliċi u għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru u, b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva qabel tmiem din is-sena dwar il-protezzjoni tal-informaturi bħala parti mill-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontrihom li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-għan li tiġi offruta protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji;

3.  Iqis li l-informaturi jiżvolġu rwol essenzjali biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE jevitaw u jindirizzaw każijiet ta' ksur tal-prinċipju ta' integrità u ta' abbuż ta' poter li jheddu jew jiksru s-saħħa pubblika u s-sikurezza, l-integrità finanzjarja, l-ekonomija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew l-istat tad-dritt fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, jew li jżidu l-qgħad, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni ġusta u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-informaturi jikkontribwixxu ferm biex tiżdied il-kwalità demokratika tal-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll il-fiduċja fihom għax b'hekk l-istituzzjonijiet iridu jagħtu rendikont direttament liċ-ċittadini u jkunu aktar trasparenti;

4.  Jinnota li kemm l-informaturi kif ukoll il-korp jew l-istituzzjoni pubbliċi involuti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet garantiti lilhom mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u minn dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali;

5.  Ifakkar li l-Istati Membri, bħala l-ewwel destinatarji tal-fondi tal-UE, għandhom l-obbligu li jeżaminaw il-legalità ta' kif jintefqu;

6.  Jinnota li kienu biss ftit l-Istati Membri li introduċew sistemi avvanzati biżżejjed ta' protezzjoni tal-informaturi; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx prinċipji sabiex jiġu protetti l-informaturi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw regoli effikaċi kontra l-korruzzjoni u, fl-istess ħin, jimplimentaw kif xieraq l-istandards u l-linji gwida Ewropej u internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom;

8.  Jiddispjaċih li ħafna Stati Membri għad iridu jqiegħdu fis-seħħ regoli ddedikati għall-protezzjoni tal-informaturi, minkejja l-ħtieġa essenzjali ta' protezzjoni tal-informatur fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha, u minkejja l-fatt li l-protezzjoni tal-informaturi hi rakkomandata fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni;

9.  Jenfasizza li l-iżvelar ta' informazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jfisser l-iżvelar jew ir-rappurtar ta' għemil ħażin, inklużi, iżda mhux limitat għal, korruzzjoni, frodi, kunflitti ta' interess, evażjoni u evitar tat-taxxa, ħasil tal-flus, infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata u atti maħsubin biex jgħattu xi waħda minn dawn;

10.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa kultura etika li tgħin biex tiżgura li l-informaturi ma jsofrux minn ritaljazzjoni jew jiffaċċjaw kunflitti interni;

11.  Itenni l-fatt li informatur huwa meħtieġ jagħti informazzjoni dwar irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, kif ukoll il-fatt li l-informaturi għandhom dejjem jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti tal-UE;

12.  Itenni l-fatt li l-informaturi, meta mqabblin mal-persuni esterni, ħafna drabi jkollhom aċċess aħjar għal informazzjoni sensittiva, u b'hekk jista' jkun iktar probabbli li jesperjenzaw il-konsegwenzi negattivi fuq il-karriera professjonali tagħhom jew li s-sikurezza personali tagħhom tkun f'riskju, li hija protetta skont l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

13.  Jenfasizza li d-definizzjoni ta' żvelar ta' informazzjoni tinkludi l-protezzjoni ta' dawk li jikxfu informazzjoni biċ-ċertezza raġonevoli li l-informazzjoni kienet veritiera fiż-żmien li ġiet żvelata, inklużi dawk li jagħmlu żvelar mhux preċiż bi żball ġenwin;

14.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta tagħha toffri l-istess protezzjoni lill-ġurnalisti investigattivi hekk kif toffri lill-informaturi;

15.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti tal-UE għall-ġbir ta' tagħrif, għall-konsulenza u għall-konsultazzjoni, b'uffiċċji fi Stati Membri li jkunu f'pożizzjoni li jirċievu rapporti ta' irregolaritajiet, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, b'kompetenzi adegwati u bi speċjalisti xierqa, sabiex jgħinu l-informaturi interni u dawk esterni jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-pariri meħtieġa; fl-ewwel fażi, il-ħidma tkun primarjament ibbażata fuq verifika affidabbli tal-informazzjoni riċevuta;

16.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha, jintroduċu u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex iħarsu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni diskriminatorja jew theddid;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew fl-2014 biex iniedi investigazzjoni fuq inizjattiva proprja, li tindirizza l-istituzzjonijiet tal-UE, fil-qasam tal-protezzjoni tal-informaturi, u japprezza r-riżultati pożittivi ħafna li kellha; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-UE li għadhom m'għamlux dan, biex, mingħajr dewmien, japplikaw il-linji gwida li tfasslu wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni;

18.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu kas tat-tħassib serju tal-informaturi indifiżi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tipprovdi pjan ta' azzjoni komprensiv dwar din il-kwistjoni;

19.  Jitlob il-ħolqien ta' unità speċjali b'linja ta' rapportar fi ħdan il-Parlament, kif ukoll ta' faċilitajiet iddedikati (pereżempju hotlines, siti web, punti ta' kuntatt) biex jirċievu informazzjoni relatata mal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħand informaturi, li se tipprovdihom ukoll b'pariri u għajnuna biex jipproteġihom kontra kull possibbiltà ta' miżuri ta' tpattija, sa meta tiġi stabbilita istituzzjoni indipendenti tal-UE kif imsemmi fil-paragrafu 4;

20.  Jitlob li jitnieda sit web fejn jistgħu jitressqu lmenti; jenfasizza li s-sit web għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jaħżen id-data tagħhom b'mod anonimu;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ġuridiku ċar li jiggarantixxi li dawk li jikxfu attivitajiet illegali jew mhux etiċi jkunu protetti minn ritaljazzjoni jew prosekuzzjoni;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti għal protezzjoni sħiħa ta' dawk li jikxfu l-illegalitajiet u l-irregolaritajiet, u tipprovdi pjan komprensiv biex tiskoraġġixxi t-trasferiment ta' assi lejn pajjiżi barra l-UE li jservu bħala protetturi tal-anonimat għall-persuni korrotti;

23.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi żgurat li mekkaniżmi ta' rappurtar huma aċċessibbli u sikuri, u li l-affermazzjonijiet tal-informaturi jiġu investigati b'mod professjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, sakemm ikun fil-mandat tiegħu, u meta dan jiġi stabbilit, jistabbilixxu kanali ta' komunikazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati, u fl-istess ħin, jistabbilixxu proċeduri biex jirċievu u jipproteġu l-informaturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-irregolaritajiet li jirrigwardaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u biex jinħoloq protokoll ta' ħidma uniku għall-informaturi;

25.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha tal-UE jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat rikonoxximent u kunsiderazzjoni u rispett tal-informaturi fil-każijiet kollha li jolqtuhom jew li laqtuhom, u li ġew rikonoxxuti bħala tali, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u jindika li dan għandu japplika b'mod retroattiv; jistedinhom, barra minn hekk, jirrapportaw , pubblikament u b'mod sostanzjali, dwar id-deċiżjonijiet kkonċernati lill-istituzzjoni kollha kemm hi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-Parlament bi kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand informaturi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jinkludu kapitolu dwar l-allerti tagħhom u fuq is-segwitu ta' dawn fir-rapporti ta' attività annwali; jitlob li tittieħed azzjoni mill-PE biex tiġi stabbilita l-preċiżjoni tal-informazzjoni sabiex jittieħdu miżuri xierqa;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni pubblika biex tislet l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar il-mekkaniżmi ta' rappurtar u dwar in-nuqqasijiet potenzjali tal-proċeduri fil-livell nazzjonali; ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jirrappreżentaw kontribut siewi għall-Kummissjoni fit-tħejjija tal-proposta futura tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

28.  Jistieden lill-korp indipendenti tal-UE, u sakemm dan jitwaqqaf, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jiktbu u jippubblikaw rapport annwali dwar l-evalwazzjoni ta' protezzjoni għall-informaturi fl-Unjoni Ewropea;

29.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Qorti tal-Awdituri tinkludi taqsima speċifika dwar ir-rwol tal-informaturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rapporti annwali tagħha;

30.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE jipprovdu politika bil-miktub dwar il-protezzjoni ta' dawk li jirrapportaw minn ritaljazzjoni;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data implimentaw regoli interni li jipproteġu lill-informaturi, f'konformità mal-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha jiżguraw li r-regoli interni rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jkunu adottaw ikunu robusti u komprensivi;

32.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw data, parametri ta' riferiment u indikaturi dwar il-politiki tal-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

33.  Ifakkar li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2015/2392 tistabbilixxi l-proċeduri għar-rappurtar, iż-żamma ta' rekords u miżuri ta' protezzjoni għall-informaturi; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-informaturi jistgħu jirrapportaw ksur b'mod kunfidenzjali u li l-anonimat tagħhom jitħares kif suppost u bis-sħiħ, anke fl-ambjent diġitali, imma jiddispjaċih li dan hu wieħed mill-ftit atti leġiżlattivi settorjali li jinkludi dispożizzjonijiet għall-informaturi;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistudja l-aħjar prattiki dwar l-informaturi minn programmi li diġà huma fis-seħħ f'pajjiżi oħra fid-dinja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi skemi eżistenti jipprovdu premijiet finanzjarji għall-informaturi (bħal perċentwal tas-sanzjonijiet ordnati); iqis li għalkemm dan jeħtieġ li jiġi ġestit bir-reqqa biex jiġi evitat l-abbuż li jista' jkun hemm, tali premijiet jistgħu joffru introjtu importanti lil persuni li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba żvelar ta' informazzjoni;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jieqfu milli jikkriminalizzaw l-azzjonijiet tal-informaturi meta jiżvelaw informazzjoni dwar attivitajiet illegali jew irregolaritajiet li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.
  • [2]  ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Għall-ħidma tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, ir-rwol tal-informaturi ilu sors ta' tħassib għal bosta snin. Fl-2011, il-Kumitat kien ikkummissjona studju dwar "Korruzzjoni u kunflitt ta' interess fl-istituzzjonijiet Ewropej: l-effettività tal-informaturi", li kien fih għadd ta' rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-persunal tal-UE f'dan ir-rigward.

Għall-Kumitat mhuwiex biss il-persunal tal-UE li jirraporta l-irregolaritajiet li huwa importanti, iżda wkoll l-informaturi esterni. Billi r-Regolamenti riveduti tal-persunal tal-UE fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informaturi, fil-każ ta' informaturi oħra jiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif jiġu protetti, jekk jiġu protetti. Is-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Għaldaqstant, hemm il-ħtieġa ta' strument leġiżlattiv kif ukoll istituzzjoni indipendenti Ewropea għall-protezzjoni ta' informaturi esterni wkoll, kull meta l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu inkwistjoni.

Ċertament, l-informaturi huma importanti biex jiġu indirizzati l-irregolaritajiet f'sens usa', inklużi dawk li ma jaffettwawx l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod immedjat. Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-protezzjoni tal-informaturi għandha tiġu indirizzata ukoll b'mod usa'. Huwa konxju mill-inizjattivi li jitolbu lill-Kummissjoni tabbozza proposta fuq il-bażi ta', b'mod partikolari, l-Artikoli 151 u 153(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex b'hekk jiġu protetti b'mod aktar ġenerali l-informaturi, għall-anqas fil-każ tal-ħaddiema.

Dan ir-rapport ma jxekkilx tali inizjattivi usa'. Il-bażi ġuridika hija differenti hekk kif inhu l-ambitu tagħha, iżda d-definizzjoni ta' mekkaniżmi ta' twissija kif ukoll strumenti protettivi jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ il-bażi għal proposta leġiżlattiva usa'.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (21.10.2016)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE
(2016/2055(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Morten Messerschmidt

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-informaturi jiżvolġu rwol essenzjali biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jevitaw u jindirizzaw każijiet ta' ksur tal-prinċipju ta' integrità u ta' abbuż ta' poter li jheddu jew jiksru s-saħħa pubblika u s-sikurezza, l-integrità finanzjarja, l-ekonomija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew l-istat tad-dritt fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, jew li jżidu l-qgħad, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni ġusta u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-informaturi jikkontribwixxu ferm biex tiżdied il-kwalità demokratika tal-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll il-fiduċja fihom għax b'hekk l-istituzzjonijiet iridu jagħtu rendikont direttament liċ-ċittadini u jkunu aktar trasparenti;

2.  Jinnota li kemm l-informaturi kif ukoll l-entità jew l-istituzzjoni pubblika involuta għandhom ikunu żgurati mill-protezzjoni legali tad-drittijiet garantiti lilhom mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u minn dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali;

3.  Ifakkar li l-Artikolu 22(c) tar-Regolamenti tal-Persunal jesiġi li l-istituzzjonijiet tal-UE jintroduċu regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni filwaqt li jipprovdu protezzjoni lill-informaturi li jirrappurtaw suspetti ta' abbuż, kif ukoll għad-drittijiet u l-interessi tagħhom, u biex jipprevedu politiki ta' protezzjoni u prevenzjoni, kif ukoll rimedji adegwati kontra l-possibbiltà ta' ritaljazzjoni mill-istituzzjoni fejn jaħdmu;

4.  Jiddispjaċih li mhux l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE adottaw dawn ir-regoli; jistedinhom, għalhekk, jadottaw u japplikaw tali regoli għall-protezzjoni tal-informaturi mingħajr dewmien;

5.  Ifakkar li l-Istati Membri, bħala l-ewwel destinatarji tal-fondi tal-UE, għandhom l-obbligu li jeżaminaw il-legalità ta' kif jintefqu;

6.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa kultura etika li tgħin biex tiżgura li l-informaturi ma jsofrux minn ritaljazzjoni jew jiffaċċjaw kunflitti interni;

7.  Jinnota li l-Kummissjoni, fir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, iddikjarat li, filwaqt li l-Istati Membri tal-UE għandhom fis-seħħ il-biċċa l-kbira tal-istrumenti u l-istituzzjonijiet legali meħtieġa kontra l-korruzzjoni, ir-riżultati li dawn jipprovdi fl-UE kollha mhumiex sodisfaċenti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konkreti ħalli jiżguraw kapaċità adegwata għal dawn l-istrumenti u l-istituzzjonijiet u jtejbu l-effiċjenza tagħhom; jinnota bi tħassib li r-regoli kontra l-korruzzjoni mhux dejjem jiġu infurzati bis-saħħa, li l-problemi sistemiċi ma jiġux indirizzati b'mod effikaċi biżżejjed, li l-istituzzjonijiet rilevanti mhux dejjem ikollhom il-kapaċità suffiċjenti biex jinfurzaw dawn ir-regoli, li l-intenzjonijiet iddikjarati għadhom wisq 'il bogħod minn riżultati konkreti, u li r-rieda politika ġenwina biex tinqered il-korruzzjoni spiss tidher li hi nieqsa; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jinfurzaw regoli effikaċi kontra l-korruzzjoni u, fl-istess ħin, jimplimentaw kif xieraq l-istandards u l-linji gwida Ewropej u internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva bil-ħsieb li ttejjeb it-trasparenza, tipprovdi aċċess sħiħ għad-dokumenti u tiġġieled il-korruzzjoni, inkluż f'attivitajiet relatati mal-mafia; iqis bħala essenzjali li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mfassla biex jiggarantixxu trasparenza u traċċar akbar tal-flussi tal-flus, b'mod partikolari fil-kuntest tal-fondi Ewropej, jeħtieġ li jissaħħu, inkluż b'verifika finali biex ikun ikkontrollat li l-fondi jkunu intużaw kif suppost;

9.  Jiddispjaċih li ħafna Stati Membri għad iridu jqiegħdu fis-seħħ regoli ddedikati għall-protezzjoni tal-informaturi, minkejja l-ħtieġa essenzjali ta' protezzjoni tal-informatur fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha, u minkejja l-fatt li l-protezzjoni tal-informaturi hi rakkomandata fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni;

10.  Ifakkar li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2015/2392 tistipula l-proċeduri għar-rappurtar, iż-żamma ta' rekords u miżuri ta' protezzjoni għall-informaturi; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-informaturi jistgħu jirrapportaw ksur b'mod kunfidenzjali u li l-anonimità tagħhom tiġi mħarsa kif suppost u bis-sħiħ, anke fl-ambjent diġitali, imma jiddispjaċih li dan hu wieħed mill-ftit atti leġiżlattivi settorjali li jinkludi dispożizzjonijiet għall-informaturi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ġuridiku tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi sabiex titjieb il-protezzjoni tagħhom fl-Istati Membri;

12.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistudja l-aħjar prattiki dwar l-informaturi minn programmi li diġà huma fis-seħħ f'pajjiżi oħra fid-dinja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi skemi eżistenti jipprovdu benefiċċji finanzjarji għall-informaturi (bħal perċentwal tas-sanzjonijiet ordnati); iqis li għalkemm dan jeħtieġ li jiġi ġestit bir-reqqa biex jiġi evitat l-abbuż li jista' jkun hemm, tali benefiċċji jistgħu jipprovdu dħul importanti lil persuni li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba żvelar ta' informazzjoni;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jieqfu milli jikkriminalizzaw l-azzjonijiet tal-informaturi meta jiżvelaw informazzjoni dwar attivitajiet illegali jew irregolaritajiet li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

14.  Jiddispjaċih mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-kapitolu dwar l-istituzzjonijiet tal-UE mir-rapport dwar il-korruzzjoni fl-Istati Membri, u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex terġa' tintroduċi kapitolu dwar dan l-aspett importanti;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jindirizzaw l-inizjattiva proprja tal-Ombudsman tal-24 ta' Lulju 2014, f'konformità mal-Artikolu 22(c) tar-Regolament tal-Persunal il-ġdid, filwaqt li jistieden lill-korpi kollha tal-UE biex jadottaw mekkaniżmi ta' twissija etiċi u oqfsa legali dwar l-informaturi direttament ibbażati fuq ir-regoli interni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman; itenni d-determinazzjoni tiegħu li dan iseħħ;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jdaħħlu fis-seħħ politiki u programmi speċifiċi bil-ħsieb li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza soċjali tal-informaturi biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju ta' integrità, jinkixef ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, u jkun evitat l-abbuż tal-poter fis-soċjetajiet tagħna;

17.  Jitlob li jiġu stabbiliti mezzi aċċessibbli, sikuri u diretti li jippermettu li tkun kondiviża informazzjoni dwar il-possibilità ta' irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità fejn jikkonċerna informazzjoni u informaturi;

18.  Jemmen li, sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta' interessi li jista' jimmina l-perċezzjoni pubblika fir-rigward tal-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tagħha għall-Kummissarji billi ssaħħaħ it-trasparenza u tallinjaha mar-regoli tat-Trattat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Max Andersson, Gerolf Annemans, Charles Goerens, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jiří Pospíšil

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Csaba Sógor

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Cătălin Sorin Ivan, Benedek Jávor, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clare Moody