RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu
1.2.2017 - (07592/2016 – C8-0431/2016 – 2016/0077(NLE) – 2016/2230(INI))
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: João Ferreira
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu
(07592/2016 – C8-0431/2016 – 2016/0077(NLE) – 2016/2230(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07592/2016),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43d, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0431/2016),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ...[1] dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni ex ante ta' Ġunju 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-linji gwida strateġiċi mfassla mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook dwar l-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali, b'mod partikolari dawk li jinsabu fid-dokument "Cook Islands Offshore Fisheries Policy" ("Il-Politika tas-Sajd 'il barra mix-Xtut tal-Gżejjer Cook"),
– wara li kkunsidra l-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-SDGs 1, 2, 9, 10 u 14,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa tat-Tnax-il-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) għall-konservazzjoni fit-tul u għall-użu sostenibbli tal-istokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0015/2017),
A.billi l-Kummissjoni nnegozjat "Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli" ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook (Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook), u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, mal-Gvern tal-Gżejjer Cook, li jkopru perjodu ta' tmien snin u ta' erba' snin rispettivament;
B. billi dan huwa l-ewwel Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli EU-Gżejjer Cook, li jiggarantixxi preżenza Ewropea fl-ilmijiet tal-Paċifiku tal-Lvant wara li l-ftehim ma' Kiribati ma ġiex imġedded (u l-ftehimiet iffirmati iżda mhux implimentati mal-Mikroneżja u mal-Gżejjer Solomon);
C. billi l-objettiv ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli/il-Protokoll UE-Gżejjer Cook huwa li tikber il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Gżejjer Cook fil-qasam tas-sajd, fl-interess taż-żewġ partijiet, billi jinħoloq qafas ta' sħubija li se jippromwovi politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tal-Gżejjer Cook;
D. billi jenħtieġ li l-preżenza tagħna fir-reġjun isservi biex tippromwovi politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi, filwaqt li tiggarantixxi ġestjoni xierqa tar-riżorsi tat-tonn tal-Paċifiku;
E. billi l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook huwa bbażat fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, li li jirrispetta l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) fil-limiti tal-eċċess disponibbli;
F. billi jeżistu problemi f'dak li għandu x'jaqsam ma' spezzjoni u kontroll, u billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkostitwixxi problema li hija diffiċli biex tingħeleb, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu n-natura mferrxa tat-territorju u tar-riżorsi;
G. billi hemm diversi bastimenti mill-istati Membri tal-UE fir-reġjun tal-Paċifiku tal-Punent u tal-Paċifiku Ċentrali u billi l-ftehimiet tas-sajd l-oħra fir-reġjun skadew;
H. billi ngħata impenn li ma jingħatawx lil flotot oħra mhux Ewropej kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk li jiddisponi għalihom dan il-Ftehim, u billi l-Ftehim fih il-klawżola ta' Cotonou dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt;
I. billi, l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp aktar effikaċi u sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-gżejjer, kif ukoll dak tal-industriji u l-attivitajiet relatati, f'konformità mal-objettivi tal-politika nazzjonali tas-sajd tal-Gżejjer Cook, b'mod partikolari f'dawk li huma appoġġ għar-riċerka xjentifika u s-sajd artiġjanali, żieda fil-qabdiet imħatta l-art fil-portijiet lokali, l-intensifikar tal-kapaċità ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), u f'konformità mal-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs);
J. billi l-kontribuzzjonijiet intiżi bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-politika tas-sajd tal-Gżejjer Cook, li jvarjaw bejn 47.6 % u 50 % tal-ammont totali li għandu jiġi trasferit, jammontaw għal kontribut kbir f'termini perċentwali;
K. billi l-istokkijiet tat-tonn obeż ilhom jonqsu sa mill-2012, billi, bħala konsegwenza ta' dan, id-WCPFC daħħlet miżura ta’ ġestjoni li se terġa' tiġi nnegozjata fl-2017, u billi l-qabdiet bit-tartarun tal-borża naqsu b'26 % fl-2015 meta mqabbel ma' dak tal-2014; billi, barra minn hekk, fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook huma meqjusa bħala "santwarju tal-klieb il-baħar", alavolja ta' min jisħaq li din mhijiex speċi fil-mira għall-flotta Ewropea li tistad f'dawk l-ilmijiet taħt il-ftehim il-ġdid;
L. billi l-qabdiet tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE kellhom it-tendenza li jkunu lokalizzati fl-ibħra aktar sħan fin-nofsinhar tal-Gżejjer Cook; filwaqt li wieħed jiftakar fir-rekwiżiti imposti mir-regolament tal-Gżejjer Cook dwar il-konservazzjoni tal-klieb il-baħar; billi l-valutazzjoni ex ante sabet li ma kien se jkun hemm l-ebda interess fil-ġejjieni biex il-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE jistadu fiż-ŻEE tal-Gżejjer Cook;
M. billi l-Gżejjer Cook huma dipendenti ħafna mill-importazzjoni tal-ikel;
1. Hu tal-fehma li jenħtieġ li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook jippromwovi b'mod effikaċi s-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook permezz ta' appoġġ settorjali adegwat tal-UE, u li jenħtieġ li jsegwi żewġ għanijiet ugwalment importanti: (1) li jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook, abbażi tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u bir-rispett dovut għall-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tad-WCPFC fil-limiti tal-eċċess disponibbli, li l-kalkolu tiegħu jenħtieġ li jqis l-iżvilupp sħiħ tal-kapaċità tas-sajd tal-pajjiż; u 2) li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Gżejjer Cook bil-ħsieb li tinħoloq politika tas-sajd sostenibbli u jsir sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook, u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tal-Gżejjer Cook, permezz ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika filwaqt li jirrispetta l-għażliet sovrani tal-pajjiż fir-rigward dan l-iżvilupp;
2. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni ex ante ta' Ġunju 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, skont liema konklużjonijiet il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd/il-Protokolli preċedenti fir-reġjun (il-Kiribati, il-Gżejjer Solomon) ma taw l-ebda kontribut sinifikattiv għall-iżvilupp tas-setturi tas-sajd lokali, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda inizjattivi intraprenditorjali konġunti (b'investimenti komuni) u l-iżvilupp ta' kapaċità lokali fil-qasam tal-ipproċessar tal-ħut; huwa tal-fehma li jenħtieġ li Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook jikkontribwixxi sa fejn hu possibbli għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali billi jiggarantixxi l-provvista ta' ħut meħtieġa għall-konsum domestiku u b'hekk jilħaq l-objettivi mħabbra għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet tal-UE dwar is-sajd u dawk tal-qafas tal-SDGs;
(a) Jiddispjaċih li pajjiżi oħra fir-reġjun ma laħqux ftehim ta' sħubija mal-UE u qed jiftħu ż-żoni tas-sajd tagħhom għal pajjiżi u reġjuni oħra fid-dinja li kultant jużaw prattiki tas-sajd li ma jeħdux kont tar-riżorsi disponibbli, minflok ma jagħżlu ftehim mal-UE li jippromwovi s-sajd sostenibbli u jipprovdi appoġġ settorjali;
(b) Jilqa' l-inklużjoni tal-obbligu li l-Gżejjer Cook jippubblikaw l-eżistenza ta' kwalunkwe ftehim li jawtorizza lil flotot barranin jistadu fl-ilmijiet tagħhom iżda jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' preċiżjoni fl-isforz ġenerali li sar, kif kien mitlub taħt ċerti ftehimiet oħra li daħlet għalihom l-UE;
3. Jirrimarka li jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, u r-reviżjonijiet u/jew tiġdidiet possibbli, iqisu l-istrateġija stabbilita mill-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Gżejjer Cook u jkunu allinjati magħha, b'mod partikolari billi ssir dispożizzjoni għal:
- kontribut għall-bini tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ, ta' kontroll u ta' spezzjoni fir-rigward tar-riżorsi tas-sajd tal-Gżejjer Cook u l-attivitajiet tas-sajd li jkunu qed jitwettqu fl-ilmijiet ta' dak il-pajjiż, b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra s-sajd IUU;
- azzjoni biex jittejjeb l-għarfien xjentifiku disponibbli dwar l-istat tal-ekosistemi tal-baħar lokali u r-riżorsi tas-sajd lokali fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook;
- appoġġ speċifiku għall-iżvilupp tas-sajd artiġjanali lokali u tal-komunitajiet lokali li jiddependu minnu, billi jiżdied il-kontribut tiegħu għall-ekonomija lokali, jiġi megħjun itejjeb is-sikurezza abbord u l-introjti għas-sajjieda, u jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura lokali għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, sew jekk biex iforni lis-suq domestiku sew jekk għall-esportazzjoni;
4. Iqis li l-appoġġ għall-iżvilupp settorjali huwa aspett importanti tal-kontribuzzjoni għas-sostenibilità ta' pajjiż sieħeb, peress li jgħin biex tissaħħaħ l-indipendenza operattiva tal-pajjiż, filwaqt li jirfed l-istrateġija ta' żvilupp tiegħu u jiggarantixxi s-sovranità tiegħu;
5. Iqis li l-possibilitajiet ta' impjieg għall-baħħara lokali abbord il-bastimenti tal-UE taħt il-ftehimiet ta' sħubija ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali; itenni l-ħtieġa li l-prinċipji tal-ILO jiġu rispettati u li tiġi promossa l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO waqt li fl-istess ħin jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tan-negozjar kollettiv għall-ħaddiema, u n-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fl-attività professjonali; jindika, madankollu, li minħabba l-iskarsezza ta' baħħara tas-sengħa għall-bastimenti tat-tonn, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook ma talbux l-imbarkazzjoni fil-flotta tal-UE;
6. Huwa tal-fehma li jenħtieġ li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli UE-Gżejjer Cook u l-Protokoll rilevanti jippermettu li l-kooperazzjoni bilaterali dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali tiġi msaħħa u jagħtu lill-Gżejjer Cook il-mezzi biex jiffinanzjaw programmi ta' sorveljanza, u jemmen li l-miżuri għall-prevenzjoni tas-sajd IUU fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Gżejjer Cook għandhom jiġu msaħħa, inkluż billi l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza jittejbu permezz tal-użu ta' sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti abbażi ta' satellita, ġurnali ta' abbord, spetturi u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet minn organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd;
7. Iqis li huwa mixtieq li jittejbu l-kwantità u l-eżattezza tad-data dwar il-qabdiet kollha (il-qabdiet fil-mira kif ukoll dawk aċċessorji) u, b'mod aktar ġenerali, dwar l-istat ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd bil-għan li l-impatt tal-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar u fuq il-komunitajiet tas-sajd ikun jista', bl-involviment tal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, jitkejlu b'eżattezza akbar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-funzjonament regolari u trasparenti tal-korpi responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, u tisħiħ tal-valutazzjonijiet xjentifiċi mid-WCPFC;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkunsidra li tapplika l-prinċipju ta' prekawzjoni għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u tanalizzat l-użu ta' Rkaptu li Jżomm f'Wiċċ l-Ilma li Jiġma' l-Ħut fiż-żona u l-influwenza tiegħu fl-ekoloġija tat-tonn u tagħmel proposti għall-użu tiegħu abbażi tas-sejbiet tal-analiżi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament fi żmien xieraq dwar il-laqgħat li jmiss tal-Kumitat Konġunt u tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt kif previst fl-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-programm settorjali pluriennali kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll u dak li jkun instab mill-evalwazzjonijiet annwali korrispondenti, biex tippermetti lir-rappreżentanti tal-Parlament jassistu għal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi, u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-Protokoll u t-tiġdid possibbli tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-TUE u l-Artikolu 218(10) tat-TFUE;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Gżejjer Cook.
- [1] Testi adottati, P8_TA(0000)0000.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
26.1.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, Mike Hookem, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Annie Schreijer-Pierik, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Ruža Tomašić, Jarosław Wałęsa |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Ian Duncan, Verónica Lope Fontagné |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
João Pimenta Lopes |
||||