RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014–2020

1.2.2017 - (2015/2329(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: María Teresa Giménez Barbat


Proċedura : 2015/2329(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0017/2017
Testi mressqa :
A8-0017/2017
Testi adottati :

NOTA SPJEGATTIVA - SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Proċedura u sorsi

Fl-14 ta' Settembru 2015, ir-Rapporteur ingħatat il-kompitu li tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014-2020.

Dan ir-rapport huwa maħsub biex jirriċerka l-ewwel esperjenzi bl-implimentazzjoni tal-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għall-perjodu 2014-2020 (minn hawn 'il quddiem il-Programm EfC), li issa ilu fis-seħħ sentejn. B'dan ir-rapport, ir-rapporteur tixtieq tipprovdi lill-Membri b'ħarsa ġenerali tal-qagħda attwali fl-implimentazzjoni tal-programm u tgħinhom jifhmu aħjar x'jaħdem tajjeb fl-iterazzjoni attwali tal-programm EfC u liema huma l-oqsma ewlenin ta' tħassib għall-applikanti u l-benefiċjarji. Il-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport għandhom jiġu inklużi fl-evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-Programm li l-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti fl-2017, kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm li għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2018.

Sabiex tkun tista' tasal għal konklużjonijiet u toħroġ abbozz ta' rakkomadazzjonijiet, ir-rapporteur organizzat diversi laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea (KE) u mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA). Hi rċeviet ukoll feedback importanti minn analiżi bbażata fuq intervisti ma' punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm fil-livell nazzjonali, li twettqet minn Coffey minn Marzu sa Mejju 2016 u li kienet ikkummissjonata mid-Dipartiment tal-Politika tad-Direttorat B. Is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) fassal abbozz ta' "Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea" li jinkludi wkoll analiżi fid-dettall tal-Programm EfC.

Finalment, ir-rapporteur ħadet sehem f'Laqgħa għall-partijiet ikkonċernati li ġiet organizzata mill-uffiċċju tal-PE ta' Barċellona fit-30 ta' Mejju 2016. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur kellha l-opportunità li tiltaqa' ma' bosta benefiċjarji Spanjoli tal-programm, kif ukoll mal-punt ta' kuntatt nazzjonali għal Spanja. Barra minn hekk, ir-rapporteur attendiet għal-laqgħa tal-grupp ta' djalogu ċivili organizzata mill-Kummissjoni f'Barċellona fil-31 ta' Mejju u l-1 ta' Ġunju 2016.

Mill-ħatra tagħha 'l hawn, ir-rapporteur ġabret ukoll informazzjoni permezz ta' laqgħat ma' assoċjazzjonijiet differenti, fost l-oħrajn:

-   LDA - European Association for Local Democracy (Assoċjazzjoni Ewropea għad-Demokrazija Lokali)

-  Friends of Europe

-  Fundació Solidaritat UB - Universitat de Barcelona ECAS

-  European Policy Center (Iċ-Ċentru għall-Politiki Ewropej)

-  Café Babel

-  The Council of European Municipalities and Regions (Il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej - CEMR)

-  Social Platform (Il-Pjattaforma Soċjali)

L-għarfien kollu li nkiseb permezz ta' dawn l-istudji, il-laqgħat u d-dibattiti differenti mal-benefiċjarji, mal-partijiet ikkonċernati u mal-istituzzjonijiet ġew inklużi f'dan ir-rapport.

Oriġini, struttura u skop tal-programm[1]

Għal żmien twil, it-tqarrib tal-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini tagħha kien għan ewlieni ta' dawk li jfasslu l-politika Ewropea u tal-Parlament Ewropew, iżda qatt ma kien importanti daqs hemm hu fis-sitwazzjoni attwali.

Abbażi tal-esperjenza ta' programm preċedenti għal Ċittadinanza Attiva mill-2004 sal-2006, il-programm EfC inizjalment ġie stabbilit għall-perjodu 2007-2013[2] bil-għan li jtejjeb l-appoġġ taċ-ċittadini għall-integrazzjoni Ewropea.

Matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2013, il-Programm EfC laħaq madwar 7 miljun parteċipant dirett u kważi 25 000 belt fl-Ewropa. Hu ħoloq 350 netwerk ta' bliet dwar kwistjonijiet komuni u rnexxielu jimmobilizza madwar 4 250 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini[3]. Wara s-suċċess tal-ewwel perjodu ta' programmazzjoni, f'April 2014 ġiet adottata verżjoni riveduta tal-Programm EfC.

Filwaqt li l-essenza tal-EfC tibqa' l-istess, ir-reviżjoni tal-Programm EfC fittxet li tissimplifika l-istruttura tiegħu u tagħmlu aktar aċċessibbli għall-applikanti. L-objettivi tal-Programm tfasslu f'abbozz mill-ġdid b'vokabolarju aktar sempliċi u ġew iffokati mill-ġdid lejn l-għan ġenerali li jissaħħu r-rabtiet bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha. Ir-Regolament li jistabbilixxi dan il-Programm jenfasizza li l-objettivi tal-Programm ifittxu li "jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini jifhmu l-Unjoni, l-istorja u d-diversità tagħha, u biex titrawwem ċittadinanza Ewropea u jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika u demokratika."[4]

L-istruttura tal-Programm ġiet riveduta fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid u hija implimentata permezz ta' żewġ Oqsma u Azzjoni orizzontali:

  Qasam 1: Tifkira Ewropea: Titqajjem kuxjenza dwar it-tifkira, l-istorja u l-valuri komuni u l-għan tal-Unjoni.

  Qasam 2: Impenn demokratiku u parteċipazzjoni ċivika: Titħeġġeġ il-parteċipazzjoni demokratika u ċivika taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni. Il-miżuri fil-Qasam 2 huma:

•  Ġemellaġġ bejn il-Bliet

•  Netwerks ta' Bliet

•  Proġetti tas-Soċjetà Ċivili

  Azzjoni Orizzontali: Valorizzazzjoni: Analiżi, disseminazzjoni u użu tar-riżultati tal-proġett

Il-miżuri rispettivi ġew issimplifikati, sabiex il-loġika tal-programm issir aktar faċli biex tinftiehem. Barra minn hekk, s'issa, il-Programm EfC stipula prijoritajiet annwali speċifiċi għaż-żewġ oqsma. Mill-2015 'il quddiem, ġew stabbiliti prijoritajiet għall-bqija tal-programm 2016-2020. B'dan il-mod, l-applikanti jistgħu jippjanaw u jippreparaw aħjar il-proġetti tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrevedi, tadotta u/jew timmodifika l-lista ta' prijoritajiet. Dawn il-prijoritajiet għall-perjodu 2016-2020[5] huma:

  għal "Tifkira Ewropea" (Qasam 1):

1.  Tifkira ta' punti ta' bidla storiċi ewlenin fl-istorja Ewropea riċenti;

2.  Soċjetà ċivili u parteċipazzjoni ċivika taħt reġimi totalitarji;

3.  Ostraċiżmu u telf taċ-ċittadinanza taħt reġimi totalitarji: tagħlim li ttieħed għal-lum il-ġurnata;

4.  Tranżizzjoni demokratika u aċċess għall-Unjoni Ewropea. 

  għal "Impenn demokratiku u parteċipazzjoni ċivika" (Qasam 2):

1.  Nifhmu u niddibattu l-Ewroxettiċiżmu;

2.  Solidarjetà fi żminijiet ta' kriżi;

3.  Niġġieldu l-istigmatizzazzjoni tal-"immigranti" u nibnu kontronarrattiva biex inrawmu d-djalogu interkulturali u l-fehim reċiproku;

4.  Dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa.

Il-baġit għall-Programm EfC 2014-2020 ġie stabbilit għal EUR 185 468 000 għas-seba' snin. Għalhekk, il-baġit tal-Programm EfC attwali tnaqqas b'mod konsiderevoli fid-dawl tal-fatt li l-pakkett finanzjarju tal-programm preċedenti kien stabbilit għal EUR 215 000 000. Fir-rigward tal-allokazzjoni tal-baġit, l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 li jistabbilixxi l-Programm EfC 2014-2020 jispeċifika li madwar 20 % tal-baġit totali tal-Programm se jkun iddedikat lill-Qasam 1; bejn wieħed u ieħor 60 % tal-baġit sħiħ għal dan il-Programm ser imur għal għall-Qasam 2; bejn wieħed u ieħor 10% tal-baġit sħiħ għal dan il-Programm ser imur għall-azzjoni orizzontali (valorizzazzjoni); u bejn wieħed u ieħor 10% tal-baġit totali tal-Programm ser jiġi allokat għall-ġestjoni tal-Programm.

Fl-aħħar nett, is-sistema ta' finanzjament ibbażata fuq il-baġit li kienet tintuża fil-passat ġiet sostitwita minn sistema ta' finanzjament b'somom sħaħ. Is-somom sħaħ ikopru l-ispejjeż kollha eliġibbli tal-azzjonijiet u l-istess parametri huma validi għall-pajjiżi parteċipanti kollha.

Ta' min jinnota li fi ħdan il-programmi tista' tingħata kemm Għotja ta' Azzjoni kif ukoll Għotja Operattiva. L-Għotjiet ta' Azzjoni jingħataw għal proġetti (azzjonijiet b'tul ta' żmien limitat li matulu l-attivitajiet speċifiċi proposti jiġu implimentati) fiż-żewġ oqsma. L-Għotjiet Operattivi huma differenti mill-Għotjiet ta' Azzjoni fis-sens li huma jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-attivitajiet tas-soltu u dawk permanenti ta' organizzazzjoni, bħall-ispejjeż tal-kera għall-bini jew rimunerazzjoni tal-persunal[6].

Il-Programm EfC huwa miftuħ għall-partijiet ikkonċernati kollha li jippromwovu ċ-ċittadinanza u l-integrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet lokali u reġjonali, il-kumitati ta' ġemellaġġ, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka fil-politika pubblika Ewropea (gruppi ta' riflessjoni), l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi l-organizzazzjonijiet tas-superstiti tal-Olokawst), kif ukoll l-organizzazzjonijiet kulturali, taż-żgħażagħ, edukattivi u ta' riċerka. Dan jipprovdi appoġġ finanzjarju għal varjetà wiesgħa ta' proġetti u attivitajiet. L-assoċjazzjonijiet, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet lokali li jinsabu fit-28 Stat Membru kollha, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jistgħu japplikaw għal għotjiet offruti mill-Programm EfC.

Il-Programm EfC wera li jaqdi parti importanti f'oqsma ta' politika differenti, inklużi l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, il-migrazzjoni, l-impjiegi u l-politika soċjali, kif ukoll l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Speċjalment fi żminijiet fejn l-Ewroxettiċiżmu qiegħed jiżdied b'mod perikoluż, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni ċivika huwa ta' importanza vitali. F'dan l-isfond, il-Programm EfC ġie deskritt bħala wieħed li jipprovdi pjattaforma Ewropea unika għall-promozzjoni tal-impenn ċiviku fost iċ-ċittadini Ewropej, direttament jew inkella permezz ta' organizzazzjonijiet maħsuba għalihom. Fir-Rapport final tagħha dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-Programm EfC 2013-2007, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-għanijiet u l-attivitajiet tal-Programm EfC kienu rilevanti, komplementari ma' inizjattivi oħra u ppreżentaw valur miżjud ċar tal-UE peress li l-Programm ippermetta l-implimentazzjoni ta' attivitajiet li ma setgħux jiġu ffinanzjati band'oħra[7].

Il-programm huwa ġestit b'mod konġunt mid-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u l-Kumitat tal-Programm, magħmul minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri. Il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) tal-EfC jaġixxu bħala "pont" bejn l-implimentaturi tal-programm (il-Kummissjoni Ewropea u l-EACEA) minn naħa u l-benefiċjarji, il-multiplikaturi potenzjali tal-programm kif ukoll il-pubbliku ġenerali min-naħa l-oħra.

Skont l-Artikolu 11(2) tat-TUE u l-Artikolu 10 tar-Regolament li jistabbilixxi l-Programm EfC 2014-2020, ġie stabbilit "grupp ta' djalogu ċivili" (li qabel kien magħruf bħala "grupp ta' djalogu strutturat"). Il-kompiti tal-grupp huma li:

  ikollu djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-Programm EfC, fosthom it-"Tifkira" u l-"Impenn demokratiku u ċiviku", u mal-implimentazzjoni tiegħu;

  jiskambja esperjenzi u prattiki tajbin f'dawk l-oqsma;

  jikkontribwixxi għad-disseminazzjoni tar-riżultati tal-programm;

  jikkontribwixxi fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe avveniment jew attività organizzata taħt il-Programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini";

  jissorvelja u jiddiskuti l-iżviluppi tal-politika fl-oqsma relatati.

Huwa mistenni li jsiru żewġ laqgħat tal-grupp fis-sena, dan jiddependi b'mod partikolari fuq l-aġenda tal-Programm EfC, u fuq l-aġenda politika Ewropea, inklużi l-prijoritajiet annwali tal-UE. Il-grupp huwa magħmul mill-organizzazzjonijiet li ġejjin:

  Organizzazzjonijiet li ntgħażlu biex jirċievu għotja operattiva taħt il-Programm EfC 2014-20, taħt il-qasam 1 "Tifkira" u taħt il-qasam 2 "Impenn demokratiku u parteċipazzjoni ċivika;

  Organizzazzjonijiet li rċevew għotja operattiva taħt il-Programm EfC 2007-13 preċedenti u li wrew l-interess kontinwu tagħhom biex jipparteċipaw fid-djalogu.

  Xi organizzazzjonijiet/gruppi ta' riflessjoni li wrew interess fil-Programm EfC u/jew fil-ħidma f'dan il-qasam ta' politika – mingħajr ma jkunu neċessarjament appoġġati mill-Programm.

Kif intqal hawn fuq, ir-rapporteur kellha l-opportunità li tattendi għal-laqgħa ta' dan il-grupp ta' djalogu ċivili li saret f'Barċellona fil-31 ta' Mejju–1 ta' Ġunju 2016 bħala kelliema.

Titjib miġjub mill-programm il-ġdid[8]

Il-bidla fl-istruttura minn konfigurazzjoni pjuttost wiesgħa li tinkludi erba' azzjonijiet ġenerali (Ċittadini Attivi fl-Ewropa; Soċjetà Ċivili Attiva fl-Ewropa; Flimkien għall-Ewropa; Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa; Flimkien għall-Ewropa; u Tifkira Ewropea Attiva) għal Programm EfC b'żewġ oqsma aktar issimplifikat li jiffoka fuq it-Tifkira Ewropea u Impenn demokratiku u parteċipazzjoni ċivika hija waħda mid-differenzi ewlenin bejn il-Programm 2007-2013 u l-Programm 2014-2020. Din is-simplifikazzjoni tidher raġonevoli peress li tippermetti ambitu idjaq iżda aktar iffokat. Ta' min jinnota li l-proġetti magħżula jikkonċernaw l-aktar suġġetti li jirrelataw mal-migrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-kwistjonijiet interkulturali u huma għalhekk kapaċi jnaqqsu d-distakk bejn id-dimensjonijiet lokali u Ewropej. Barra minn hekk, il-qasam tal-proġetti ta' tifkira Ewropea issa tfassal b'mod li jħares aktar 'il quddiem bil-għan li jgħaqqad il-passat u l-preżent. Karatteristika ewlenija oħra tal-programm il-ġdid hija li l-biċċa l-kbira tal-proġetti magħżula huma "proġetti żgħar" (b'finanzjament taħt is-EUR 60 000).

Il-proċess ta' applikazzjoni tjieb b'mod konsiderevoli b'formola elettronika diġitalizzata li l-applikanti għandhom jimlew b'waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. L-applikazzjoni mingħajr karti hija aktar faċli u rapida biex tiġi mmaniġġjata kemm għall-applikanti kif ukoll għall-KE u l-EACEA. Barra minn hekk, dan il-proċess ġdid ta' applikazzjoni naqqas in-numru ta' applikazzjonijiet ineliġibbli b'mod sinifikanti.

Barra minn hekk, il-proċess ta' għażla tal-proġetti tħaffef. Dan jikkonċerna d-deċiżjoni ta' għotja iżda anke l-perjodu taż-żmien sakemm jiġi ppreparat il-kuntratt (li qabel kien jieħu madwar ħames xhur u issa anqas minn tliet xhur u nofs). Bl-istess mod il-pagamenti ta' qabel il-finanzjament u l-pagamenti regolari jiġu trasferiti aktar malajr lill-benefiċjarji.

Il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti tjieb fl-Istati Membri kollha ħlief wieħed (l-Estonja) li huma benefiċjarji tal-proġett 2015. L-Ungerija kellha l-akbar numru ta' applikazzjonijiet magħżula (17 %) segwita mis-Slovakkja (13 %), l-Italja u l-Ġermanja (11 %). Il-proġetti għandhon medja ta' 8 imsieħba bi kważi 30 % tal-imsieħba jkunu mill-Ewropa tal-Lvant. Huwa fatt pożittiv li l-pajjiżi Balkani li ffirmaw ftehim internazzjonali ma' DĠ HOME, setgħu jipparteċipaw f'sejħa ristretta fl-2015. Żewġ organizzazzjonijiet, waħda Serbjana u oħra Maċedonjana, intgħażlu għal għotjiet operattivi għall-perjodu 2015–2017.

Ir-riorganizzazzjoni strutturali fi ħdan il-Kummissjoni fir-rigward tal-Programm EfC saret mingħajr problemi b'DĠ HOME jieħu f'idejh mid-DĠ COMM.

Oqsma ewlenin ta' tħassib

Il-qasam ewlieni ta' tħassib huwa bla dubju l-programm tal-baġit għall-2014-2020, li naqas b'14 % meta mqabbel mal-ġenerazzjoni preċedenti tal-programm. Il-pakkett finanzjarju għall-Programm EfC 2014-2020 huwa ta' € 185.47 miljun (minn EUR 215m għall-2017-2013), li jammonta għal 0.0171 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE, 'il bogħod mill-figura simbolika ta' "Euro għal kull ċittadin" li ntalbet fost l-oħrajn mill-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u tar-Reġjuni Ewropej (CEMR) fl-2011. F'termini konkreti, dan ifisser li euro biss mill-4281 euro ppjanati li jintefqu fil-livell tal-UE huwa bbaġitjat għall-uniku Programm li jpoġġi liċ-ċittadini Ewropej fil-qalba tiegħu. Dan huwa ta' tħassib kbir għar-rapporteur.

Dan it-tnaqqis tal-pakkett finanzjarju bla dubju kien jinvolvi konsegwenzi serji għall-funzjonament tal-Programm EfC kollu kemm hu. Il-baġit imnaqqas għandu jiġi allokat għall-istess numru ta' proġetti. In-numru ta' membri tal-persunal li qegħdin jaħdmu fuq il-Programm EfC tnaqqas fil-livell tal-EACEA u tal-Kummissjoni, u dan irriżulta f'aktar tagħbija ta' xogħol u pressjoni fuq il-persunal li fadal. L-akbar sfida għall-proġetti appoġġati taħt il-Programm EfC tibqa' kif wieħed jista' jiġġenera impatt b'baġit modest. Tabilħaqq, jidher li hemm diskrepanza bejn l-ambizzjonijiet għolja tal-għanijiet tal-programm u l-ammont ta' finanzjament disponibbli biex jissodisfa dawn l-għanijiet. Dan huwa muri min-numru baxx ta' proġetti magħżula: fl-2015, 33 applikazzjoni biss setgħu jintgħażlu minn 538 għall-proġetti ta' tifkira, li jammonta għal 6 %. L-istess rata tapplika għall-proġetti tas-soċjetà ċivili (27 minn 440 proġett magħżul fl-2015). Fis-settur tal-ġemellaġġ bejn il-bliet, ir-rata hija ta' 18 %. Minn 2791 applikazzjoni sottomessi fis-sena 2015, in-numru totali ta' proġetti magħżula għall-finanzjament kien ta' 408, li jikkorrispondi għal rata medja ta' suċċess ta' madwar 15 %. Globalment, ta' min jinnota li r-rata baxxa ta' suċċess tal-applikazzjonijiet hija marbuta aktar man-nuqqas ta' finanzjament milli mal-kwalità tal-proġetti, li joħloq sens ta' frustrazzjoni fost l-applikanti li ma ntgħażlux.

Kif intqal hawn fuq, jidher li l-approċċ ta' somma sħiħa huwa titjib sinifikanti mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti. Is-sistema taħdem tajjeb u tinftiehem faċilment mill-applikanti. Madankollu, skont l-NCPs, il-finanzjament fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid għandu wkoll xi nuqqasijiet. Dan huwa speċjalment il-każ għal organizzazzjonijiet iżgħar li spiss ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż sakemm jirċievu l-pagament finali. Ir-rata mnaqqsa ta' prefinanzjament (jiġifieri fil-preżent massimu ta' 50 %) toħloq piż sinifikanti fuq dawn l-organizzazzjonijiet iżgħar. Żieda fir-rata ta' prefinanzjament tista' tirriżulta fl-iżvilupp ta' aktar sħubijiet ta' proġetti taħt il-Programm EfC, peress li tista' tappoġġa l-parteċipazzjoni ta' numru akbar ta' organizzazzjonijiet iżgħar. Bħala prinċipju, il-prefinanzjament mhuwiex applikabbli għall-proġetti ta' Ġemellaġġ bejn il-Bliet.

Barra minn hekk, diversi NCPs spjegaw li l-kalkolu tal-għotja jippreżenta wkoll kwistjonijiet għall-applikanti potenzjali minn xi Stati Membri. L-għotja hija kkalkolata fuq il-bażi ta' sistema ta' finanzjament b'somma sħiħa għal kull "proporzjon", fejn ammont massimu jista' jiġi applikat għall-ispejjeż differenti tal-proġetti.

Għal Ġemellaġġ bejn il-Bliet, is-somma sħiħa hija bbażata biss fuq in-numru ta' parteċipanti mistiedna u għall-oqsma/miżuri l-oħra, is-somma sħiħa hija bbażata fuq tliet parametri li jikkostitwixxu l-elementi essenzjali tal-azzjonijiet kollha taċ-ċittadinanza: in-numru ta' parteċipanti, in-numru ta' pajjiżi involuti u n-numru ta' avvenimenti żviluppati. Dan ifisser li attwalment il-finanzjament taħt il-Programm EfC ma jqisx id-differenzi ġeografiċi u l-għoli tal-ħajja fil-pajjiżi parteċipanti. Skont l-NCPs, din hija kwistjoni għall-pajjiżi b'għoli tal-ħajja ogħla (l-Iżvezja, l-Irlanda) u anke għal pajjiżi ġeografikament iżolati (l-Irlanda, il-Portugall, il-Finlandja).

B'mod ġenerali l-NCPs ħassew li l-potenzjal tagħhom bħala atturi fil-Programm EfC mhuwiex qed jiġi sfruttat b'mod sħiħ. Din kienet b'mod partikolari l-opinjoni tal-NCPs li huma NGOs jew inkella li għandhom esperjenza estensiva fil-Programm EfC. Tabilħaqq, wieħed minn kull tliet NCPs intervistati jqis li l-KE u l-EACEA ma jagħrfux li l-NCPs għandhom kuntatti tajbin mal-applikanti u l-potenzjal li jaġixxu bħala multiplikaturi tal-programm, speċjalment fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali. Dawn l-NCPs iqisu li huma jitqiesu aktar bħala "helpdesk" li huwa limitat biex jipprovdi appoġġ tekniku u amministrattiv. Skont l-NCPs, dan jikkostitwixxi opportunità mitlufa biex tinbena kapaċità fil-livell nazzjonali.

L-intervisti mal-NCPs żvelaw ukoll li hemm domanda għall-iżvilupp ta' proċedura formali għar-rabta tal-benefiċjarji u l-NCPs wara applikazzjonijiet b'suċċess. Xi NCPs ħasbu wkoll li għandu jkun hemm proċedura formali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, peress li dan jiffaċilita ħafna aktar il-bini tal-għarfien u l-aħjar prattiki fil-mixja 'l quddiem.

Rakkomandazzjonijiet mir-rapporteur

Fil-fehma tar-Rapporteur, minħabba l-interess kbir li jqajjem il-programm u r-rata baxxa ta' suċċess tal-proġetti, jidher li huwa importanti li jkun hemm żieda fil-baġit. It-tentattivi min-naħa tal-Parlament Ewropew biex jiġi evitat it-tnaqqis fil-finanzjament f'dan il-programm, li huma riflessi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020[9] kif ukoll ir-Rapport tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu bejn l-2014 u l-202 (Rapporteur: Is-Sur Takkula)[10] adottati mill-Kumitat CULT, kienu inutli. Madankollu, ir-rapporteur tirrakkomanda biex tal-anqas nerġgħu lura għal-livell preċedenti ta' finanzjament tal-programm ta' qabel matul in-negozjati fuq il-qafas finanzjarju pluriennali/baġit doppju li jmiss.

Ir-raġunijiet għaż-żieda fl-interess fil-programm kienu fost l-oħrajn is-sensibilizzazzjoni akbar tal-grupp fil-mira li rriżultat mill-promozzjoni matul l-aħħar perjodu ta' programmazzjoni (2007-2013). Sabiex titkompla din it-tendenza, ir-rapporteur tirrakkomanda li l-NCPs li b'mod partikolari rnexxielhom jippromwovu l-programm fil-pajjiżi tagħhom jaqsmu l-aħjar prattika dwar il-komunikazzjoni, bħal għodod u tekniki utli, mal-NCPs li sabuha aktar diffiċli biex jippromwovu l-programm. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-rapporteur tirrakkomanda li għandu jiġi stabbilit netwerking aktar effiċjenti bejn l-NCPs.

Sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tas-sistema ta' finanzjament attwali deskritti hawn fuq, ir-rapporteur tissuġġerixxi li titqies l-inklużjoni ta' parametru addizzjonali fil-kalkolu tas-somma sħiħa għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar sabiex jitqiesu d-differenzi ġeografiċi u l-għoli tal-ħajja fil-pajjiżi parteċipanti. Din l-għażla tista' tappoġġa proġetti ta' kooperazzjoni minn żona ġeografika aktar wiesgħa, peress li attwalment il-proġetti spiss huma reġjonali u l-applikanti għandhom it-tendenza li jissieħbu ma' pajjiżi ġirien biex jiffrankaw ir-riżorsi. Dan jista' jtejjeb il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet b'kapaċità finanzjarja limitata jew gruppi li huma diffiċli biex jintlaħqu.

Bħal f'bosta Stati Membri, l-applikanti potenzjali jsibuha diffiċli biex jiġbru flimkien proposti ta' proġetti koerenti minħabba l-kapaċitajiet inadegwati tagħhom fi sħubijiet internazzjonali jew il-preżentazzjoni insuffiċjenti ta' dimensjoni Ewropea tal-proġett. F'dan ir-rigward, is-soluzzjonijiet jistgħu jitqiesu li jżidu l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jsibuha diffiċli biex jistabbilixxu sħubijiet internazzjonali, potenzjalment billi jwettqu taħriġ u sessjonijiet ta' ħidmadwar dan is-suġġett mill-NCPs li jistgħu jkunu allokati finanzjament addizzjonali għal dan il-għan.

Mir-riċerka li twettqet jidher li l-metodu ta' għoti ta' feedback lill-applikanti li ma jintgħażlux fil-programm attwali jista' jitjieb. Soluzzjoni potenzjali tista' tiġi offruta permezz ta' involviment aktar attiv tal-NCPs fil-proċess tal-feedback. Il-fluss tal-feedback jista' jiġi formalizzat jekk l-EACEA tkun ikkomunikat ir-riżultati lill-NCPs qabel ma tkun għamlithom pubbliċi u ma tkun tathom aċċess għall-fajls tal-applikanti li ma ntgħażlux, peress li dan jippermettilhom jispjegaw x'jista' jitjieb u jsaħħaħ il-kwalità tal-feedback li attwalment titqies bħala limitata.

Xi ftit NCPs semmew li attendew xi tgħarrif mar-Rappreżentazzjonijiet Nazzjonali fi Brussell, li ppermettewlhom jikkoordinaw aħjar mar-rappreżentant tal-Istat Membru b'rabta mal-Kumitat tal-Programm. Ir-rapporteur taħseb li din ċertament hija inizjattiva ta' għajnuna li tipprovdi aktar koeżjoni bejn l-atturi tal-programm.

Skont ir-rapporteur, għad hemm lok għal titjib fil-mezzi u l-għodod ta' komunikazzjoni ċentralizzati pprovduti mill-KE u l-EACEA. Għalkemm il-Portal tal-proġett EACEA hu pass sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba, huma meħtieġa aktar żviluppi. Il-mezzi u l-għodod jeħtieġ li jkunu aktar attraenti, interattivi u jippromwovu l-involviment (eż. jista' jkun hemm aktar eżempji/rakkont ta' stejjer, stampi u deskrizzjonijiet dettaljati tal-proġett). Il-kontenut jeħtieġ li jiġi aġġornat b'mod aktar regolari.

Il-kwistjoni tal-bażi ġuridika

Il-Programm EfC 2014-2020 huwa stabbilit mill-1 ta' Jannar 2014, iżda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 dwar il-Programm EfC 2014-2020 ġie adottat biss fl-14 ta' April 2014. Id-dewmien fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament kien ikkawżat minn negozjati fit-tul dwar il-proposta leġiżlattiva minħabba nuqqas ta' ftehim bejn il-Parlament Ewropew minn naħa, u l-Kunsill u l-Kummissjoni min-naħa l-oħra, dwar il-bażi ġuridika. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm EfC 2014-2020 kienet ibbażata esklużivament fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE, li kienet ikkontestata bil-qawwa mill-Kumitat CULT, il-kumitat prinċipali għall-fajl. Tabilħaqq, dan l-Artikolu tat-Trattat, li jimplika l-proċedura ta' kunsens, ta lill-Kunsill ir-rwol ewlieni fit-tfassil tal-liġijiet, filwaqt li l-Parlament jista' biss jagħti kunsens jew jirrifjuta l-proposta, xi ħaġa li hija ta' kontradizzjoni kbira għan-natura demokratika tal-programm.

Is-servizz ġuridiku tal-PE kif ukoll il-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) ġew ikkonsultati dwar din il-kwistjoni, u t-tnejn li huma waslu għall-istess konklużjoni li l-Artikolu 352 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 167 tat-TFUE għandhom jiffurmaw il-bażi ġuridika tal-proposta għall-Programm EfC 2014-2020, peress li huma kienu ffurmaw il-bażi ġuridika għall-Programm EfC preċedenti.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill ma qablux mal-fehma tal-Parlament dwar il-bażi ġuridika, billi argumentaw li ż-żewġ oqsma tal-objettiv ma kinux tal-istess importanza u li barra minn hekk l-Artikolu 352 tat-TFUE ma setax jiġi kkombinat mal-Artikolu 167 tat-TFUE peress li ż-żewġ Artikoli kienu jinkludu proċeduri differenti. Fl-aħħar il-Parlament kellu jaċċetta l-Artikolu 352 tat-TFUE bħala l-unika bażi ġuridika.

Minħabba l-għażla tal-bażi ġuridika tar-Regolament dwar il-Programm EfC 2014-2020, ir-rwol uffiċjali u l-involviment tal-Parlament Ewropew fil-proċess leġiżlattiv tal-Programm attwali huwa limitat.

Il-Parlament aċċetta rwol restrittiv biex jevita blukkaġġ proċedurali, iżda fir-riżoluzzjoni tiegħu għamilha ċara li għandha tinstab soluzzjoni għall-programm li jmiss li tqis kif xieraq id-dimensjoni demokratika tal-programm[11] u r-rwol tal-PE bħala koleġiżlatur. Fl-Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu, il-Parlament Ewropew iddikjara li

"jerġa' jsostni l-konvinzjoni tiegħu li dan ir-Regolament [dwar il-Programm EfC 2014-2020] għandu wkoll il-għan li jilħaq l-objettivi marbuta mal-kultura u mal-istorja kif minquxa fl-Artikolu 167 tat-TFUE. Għaldaqstant, għal dan id-dossier kellha tiġi applikata bażi ġuridika doppja li tirrikjedi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-raġuni waħdanija għala l-Parlament Ewropew abbanduna l-pożizzjoni tiegħu dwar il-bażi ġuridika doppja, u għalhekk il-pretiża tiegħu dwar il-kodeċiżjoni, u aċċetta l-proċedura ta' approvazzjoni – bi qbil mal-proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE – kienet ix-xewqa tiegħu li jevita blukkaġġ proċedurali totali u dewmien konsegwenti sa ma l-Programm jidħol fis-seħħ. Il-Parlament Ewropew jiġbed l-attenzjoni għad-determinazzjoni tiegħu li ma jħallix li sitwazzjoni bħal din terġa' tokkorri."

Ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza li bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament li attwalment tirrappreżenta madwar 508 miljun abitant, il-Parlament Ewropew għandu jaqdi r-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-adozzjoni ta' programm speċifikament maħluq bil-għan li jħeġġeġ l-involviment taċ-ċittadini u li jtejjeb il-fehim tagħhom ta', u b'hekk l-interess tagħhom għall-UE, l-istorja u d-diversità tagħha. Hi temmen bis-sħiħ li l-UE li ġenwinament għandha l-għan li tilħaq liċ-ċittadini tagħha bi programm ta' finanzjament uniku bħal dan, filwaqt li ma tinvolvix bis-sħiħ lill-Parlament fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tista' tidher anqas kredibbli għall-pubbliku ġenerali[12]. Għaldaqstant, hi tħeġġeġ lill-KE ssib bażi ġuridika xierqa għall-programm ta' ġenerazzjoni li jmiss li tippermetti parteċipazzjoni sħiħa tal-PE fl-adozzjoni u l-proċess ta' implimentazzjoni.

  • [1]  Ħafna mill-informazzjoni fattwali li tinsab f'din il-parti tar-rapport hija bbażata fuq il-"Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea" tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ippubblikata f'Lulju 2016 (PE581.418).
  • [2]  Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE li tistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi Ċittadinanza Ewropea attiva (ĠU L 378/32, 27.12.2006).
  • [3]  Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-Programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għall-2007-2013, COM(2015) 652, 16.12.2015.
  • [4]  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014–2020 (ĠU L 115/3, 17.4.2014).
  • [5]  Ara s-sit web tal-Programm EfC tal-EACEA: http://eacea.ec.europa.eu/europe-for-citizens_en.
  • [6]  Ara l-Gwida tal-Programm EfC (Verżjoni valida mill-2014); https://eacea.ec.europa.eu/sites/eacea-site/files/documents/comm2013003670000en.pdf.
  • [7]  Coffey International u Deloitte, Ex-post evaluation of the Europe for Citizens Programme 2013-2007 - Final Report prepared for the European Commission, September 2015 (Evalwazzjoni ex-post tal-Programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini 2013-2007 - Rapport Finali mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, Settembru 2015).
  • [8]  Ara l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS.
  • [9]  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 bil-għan li jinkiseb riżultat pożittiv tal-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, P7_TA(2012)0360.
  • [10]  Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 (Rapporteur: is-Sur Takkula), A7-0424/2012.
  • [11]  r-Rapport tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 (Rapporteur: is-Sur Takkula), A7-0424/2012.
  • [12]  Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea, EPRS.

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014-2020

(2015/2329(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jiddikjaraw li "kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni", li "l-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha ta' l-Unjoni", u li "l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili",

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014-2020[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE,[2],

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għall-2007-2013 (COM(2015)0652),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għal, Anness XVII għar-Regoli,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opnijonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0017/2017),

A.   billi l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" huwa programm uniku u simboliku ħafna, peress li huwa eżerċizzju ta' smigħ dwar id-dibattitu tas-soċjetà ċivili u jistimola l-ħsieb kritiku dwar il-proġett Ewropew, l-istorja tiegħu u l-istorja tal-movimenti u l-ideat li ppromwovewh, u peress li jikkontribwixxi biex ikun hemm għarfien aħjar tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropew, u b'hekk itejjeb il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika u demokratika fil-livell tal-Unjoni;

B.   billi l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandu l-għan li jsaħħaħ sens ta' ċittadinanza u ta' appartenenza Ewropea, itejjeb is-solidarjetà, it-tolleranza reċiproka u r-rispett, jippromwovi fehim aħjar tal-UE, kif ukoll tal-oriġini, l-iżvilupp, il-valuri, l-istituzzjonijiet tagħha, u jrawwem djalogu attiv bejn iċ-ċittadini tal-UE; billi l-attivitajiet taħt il-programm jistgħu jitqiesu bħala parti mill-edukazzjoni informali tul il-ħajja fiċ-ċittadinanza;

C.  billi l-kampanja ta' "Euro għal kull ċittadin" għall-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għandha l-għan li tibgħat messaġġ simboliku b'saħħtu biex tinstema' l-vuċi taċ-ċittadini fl-Ewropa;

D.   billi ż-żieda li qed naraw bħalissa fl-"Ewroxettiċiżmu" – li huwa rifless f'dawk il-forzi anti-Ewropej li qed jitfgħu f'dubju l-eżistenza tal-proġett Ewropew nnifsu u li dan l-aħħar laħqu l-kulminu tagħhom fil-votazzjoni favur Brexit – tenfasizza l-importanza ta' tali programmi u ssaħħaħ il-ħtieġa li jitrawwem l-iżvilupp ta' sens kondiviż ta' identità Ewropea, li ssir riflessjoni dwar x'wassal biex l-Unjoni Ewropea tilfet il-kredibilità tagħha, li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni ċivika u biex jingħata bidu għal dibattitu fil-fond dwar il-valuri Ewropej, li għandu jinvolvi lis-soċjetà ċivili kollha u l-istituzzjonijiet stess – kif ukoll kampanja ta' taħriġ dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE – filwaqt li jiġu enfasizzati l-opportunitajiet li nħolqu bis-saħħa tal-appartenenza għall-UE;

E.  billi, qabel l-adeżjoni ta' pajjiż mal-Unjoni Ewropea, hija meħtieġa preparazzjoni profonda u olistika li tinvolvi kwistjonijiet b'rabta mat-tifkira, ir-rikonoxximent tal-passat u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja ċivika fil-pajjiż ikkonċernat;

F.  billi f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom l-obbligu li jagħtu liċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni; billi din id-dispożizzjoni timplika wkoll l-obbligu li l-istituzzjonijiet tal-UE jipparteċipaw fi djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili u d-dmir tal-Kummissjoni li twettaq konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha;

G.  billi l-Artikolu 20 tat-TFUE jiddetermina l-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi d-dettalji dwar id-drittijiet marbuta magħha, u billi fehim aħjar tal-UE u l-valuri tagħha hija prekundizzjoni importanti biex tingħata s-setgħa liċ-ċittadini ħalli jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn id-drittijiet;

H.  billi ċ-ċittadinanza attiva, l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza u d-djalogu interkulturali huma kruċjali għall-bini ta' soċjetajiet miftuħa, inklużivi u reżiljenti;

I.  billi l-programm attwali huwa bbażat fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE, li ta biss lill-Parlament id-dritt li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu taħt il-proċedura ta' kunsens u li kien ikkontestat bil-qawwi mill-Parlament fil-mument li l-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta peress li jikkontradixxi bil-kbir in-natura demokratika tal-programm;

J.  billi l-evalwazzjoni ex post imwettqa mill-Kummissjoni kkonfermat ir-rilevanza tal-objettivi tal-programm u l-fatt li, minħabba li huwa distint minn programmi oħra f'termini ta' ambitu, objettivi, attivitajiet u gruppi fil-mira, ippermetta inizjattivi li ma setgħux jiġu ffinanzjati band'oħra;

K.  billi wara t-tnaqqis baġitarju li rriżulta min-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, il-pakkett finanzjarju għall-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" naqas b'madwar EUR 29.5 miljuni, u billi l-pakkett finanzjarju limitat ta' EUR 185.47 miljun għall-programm jirrappreżenta biss 0.0171 % tal-QFP;

L.  billi ġie nnotat li l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jiddiżimpenjaw ruħhom mill-kofinanzjament ta' dawn il-proġetti u li l-awtoritajiet lokali jsibu ruħhom f'diffikultajiet f'dawk li huma proġetti Ewropej b'rati ta' kofinanzjament għoljin;

M.  billi bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-pakkett finanzjarju, in-numru ta' proġetti li setgħu jiġu ffinanzjati fl-2014, naqas b'madwar 25 % meta mqabbel mal-programm preċedenti;

N.  billi t-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll il-volontarjat, l-isports, l-arti u l-kultura, jipprovdu ħafna opportunitajiet għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u għaċ-ċittadinanza attiva;

O.  billi huma meħtieġa aktar sinerġiji ma' programmi oħra u komunikazzjoni aħjar ma' DĠs oħra sabiex titnaqqas il-koinċidenza u jissaħħaħ l-impatt tal-programm;

P.  billi jeżisti valur ippruvat tal-ġemellaġġ internazzjonali eżistenti tal-bliet u l-muniċipalitajiet (Ġemellaġġ bejn il-Bliet - Netwerks ta' Bliet), li jtejjeb il-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini u jippromwovi l-ħbiberija u l-kooperazzjoni;

Konklużjonijiet prinċipali

1.  Jenfasizza li l-finanzjament ġenerali disponibbli (EUR 185.47 miljun) għall-uniku programm li huwa ddedikat kollu kemm hu għaċ-ċittadinanza Ewropea, jiġifieri l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini", huwa negliġibbli meta mqabbel ma' programmi edukattivi u kulturali oħra, bħall-Ewropa Kreattiva (EUR 1.46 biljun) u l-Erasmus+ (EUR 14.7 biljuni), bir-riżultat li l-applikanti jkunu ddiżappuntati fl-aspettattivi tagħhom;

2.  Jilqa' l-fatt li, matul l-ewwel sentejn taċ-ċiklu l-ġdid ta' finanzjament, il-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini", li huwa mistenni li jnaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej, jidher li qed jaħdem sew, b'għadd dejjem jikber ta' applikanti, proġetti ta' kwalità għolja u implimentazzjoni tajba tal-proġetti;

3.  Jagħraf li l-ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm hija l-allokazzjoni finanzjarja insuffiċjenti u jiddispjaċih ħafna li naqset bi 13.7 % taħt il-QFP 2014-2020, li naqqas sew in-numru ta' proġetti ffinanzjati u li jfisser li d-domanda għolja ma tistax tintlaħaq, u dan jikkawża frustrazzjoni fost il-kandidati bi proġetti siewja;

4.  Jinnota li, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, in-numru totali ta' proġetti ffinanzjati huwa żgħir wisq biex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-programm u li fl-2015 madwar 6 % biss tal-proġetti ta' tifkira Ewropea u ta' soċjetà ċivili setgħu jiġu ffinanzjati, li huwa perċentwal żgħir wisq meta mqabbel mar-riżultati tal-programm Ewropa Kreattiva għall-istess sena (19.64 % għall-Kultura u 45.6 % għall-MEDIA); jindika li l-finanzjament għal dawn iż-żewġ oqsma tal-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandu jiżdied b'mod sostanzjali f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-programm;

5.  Jirrikonoxxi s-suċċess tal-proġetti ta' ġemellaġġ ta' bliet madwar l-UE, u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-iskema fost il-muniċipalitajiet u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni;

6.  Jilqa' l-bullettin tal-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" u d-databażi dwar il-proġetti ffinanzjati, varati mill-Kummissjoni.

7.  Jenfasizza l-fatt li l-punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) tal-programm tal-"Ewropa għaċ-ċittadini" għandhom rwol importanti fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u fl-għoti ta' appoġġ u ta' gwida lill-applikanti potenzjali (b'mod partikolari għal dawk li jkunu qed japplikaw għall-ewwel darba f'pajjiżi fil-mira), kif ukoll assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-gvern lokali u ċentrali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

8.  Jilqa' l-approċċ multidixxiplinari tal-programm, il-formola ta' applikazzjoni ċara u sempliċi tiegħu u r-rekwiżiti ta' rappurtar u l-attenzjoni tiegħu fuq attivitajiet speċifiċi;

9.  Jilqa' l-fatt li l-prijoritajiet definiti għaż-żewġ oqsma tal-programm, "tifkira Ewropea" u "impenn demokratiku u parteċipazzjoni ċivika", li qabel kienu jiġu modifikati kull sena, minn issa 'l quddiem saru pluriennali u se japplikaw matul il-bqija tal-perjodu tal-programm (2016-2020);

10.  Jagħraf il-fatt li l-impatt tal-programm jibqa' proporzjonalment għoli, kif jidher mill-fatt li fl-2015 madwar 1 100 000 parteċipant kienu involuti f'408 proġetti magħżula; iqis ukoll li n-numru għoli ta' applikazzjonijiet – 2 087 fl-2014 u 2 791 fl-2015 – u l-kwalità tal-proġetti jindikaw livell ta' interess għoli fil-programm u l-ħtieġa li jiġu ddedikati aktar riżorsi umani u finanzjarji lill-programm sabiex jiżdied in-numru ta' proġetti appoġġati;

Rakkomandazzjonijiet

Aspetti ġuridiċi talimplimentazzjoni

11.   Jirrakkomanda li l-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għandha tiġi adottata b'bażi ġuridika li tippermetti lill-Parlament ikun involut fl-adozzjoni tal-programm bħala koleġiżlatur taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fuq l-istess livell bħall-Kunsill; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħseb dwar soluzzjonijiet possibbli biex tilħaq dan l-objettiv;

Aspett finanzjarju tal-implimentazzjoni

12.  Iqis li proġetti ta' kwalità għolja, bħalma huma proġetti ta' tifkira Ewropea u tas-soċjetà ċivili (rata ta' suċċess ta' 6 %, meta mqabbel mad-19.64 % għall-Kultura u l-45.6 % għall-MEDIA fil-programm Ewropa Kreattiva), ġew irrifjutati minħabba nuqqas ta' finanzjament suffiċjenti fil-Programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini"; rigward ir-rwol deċiżiv li dan il-programm jaqdi bħala prerekwiżit għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, iqis li tinħtieġ żieda sostanzjali fil-baġit attwali sabiex tintlaħaq rata fil-mira ogħla; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu pakkett finanzjarju totali ta' madwar EUR 500 miljun għall-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" taħt il-QFP li jmiss, li jirrappreżenta biss EUR 1 għal kull ċittadin;

13.  Jirrikonoxxi l-għan komuni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ECI) u l-Progamm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" (EfC) u s-sinerġiji potenzjali li jeżistu bejniethom biex jippermettu liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE; jitlob madankollu lill-Kummissjoni tiżgura li l-ECI ma tiġix iffinanzjata taħt il-baġit limitat tal-programm EfC, kif inhu l-każ bħalissa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu aktar involuti fis-sostenn finanzjarju għaż-żewġ azzjonijiet;

14.  Jinnota li s-sistema ta' somma sħiħa jew rata fissa għandha tqis id-differenzi fil-prezzijiet madwar l-UE, skont l-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri; jirrakkomanda li jitqiesu mill-ġdid kemm din l-iskema u kemm it-tnaqqis fil-finanzjament minn qabel bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti ffinanzjati u jingħata appoġġ aħjar lill-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet lokali f'distanza usa', u b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat l-involviment ta' organizzazzjonijiet iżgħar b'kapaċità finanzjarja limitata u parteċipanti bi bżonnijiet speċjali;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) jivvalutaw b'mod regolari l-impatt li għadd ta' arranġamenti baġitarji kellhom fuq l-applikanti u l-applikanti potenzjalment eleġibbli; jitlob, b'mod partikolari, valutazzjoni ta' jekk ir-rata mnaqqsa ta' prefinanzjament (minn 50 % għal 40 % għall-proġetti, u minn 80 % għal 50 % għall-għotjiet operattivi u għall-punti ta' kuntatt nazzjonali) applikata fl-2015, minħabba nuqqas kbir ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, il-ħtieġa għal kofinanzjament u l-applikazzjoni tal-istess parametri indipendentement mill-għoli tal-ħajja u l-periferiċità ġeografika effettivi, setgħux poġġew, u jistax ikun li jkomplu jpoġġu, xi tipi ta' organizzazzjonijiet u Stati Membri partikolari fi żvantaġġ; jitlob, barra minn hekk, li dawn jiżviluppaw aktar strateġiji biex l-istituzzjonijiet Ewropej jitqarrbu lejn iċ-ċittadini u biex iċ-ċittadini jiġu informati aħjar dwar il-politiki varji tal-UE;

16.  Jinnota li għandu jiġi inkorporat parametru ieħor fis-sistema ta' somma sħiħa jew rata fissa, biex b'hekk il-persuni bi bżonnijiet speċjali jistgħu jiġu akkomodati b'mod aktar effettiv, peress li ħafna aktar membri tal-persunal u, ta' spiss, miżuri addizzjonali, li min-naħa l-oħra jiġġeneraw kostijiet ogħla, huma meħtieġa sabiex ikun possibbli li l-persuni b'diżabilità jipparteċipaw;

17.  Jenfasizza li l-għotjiet operattivi jiżguraw indipendenza lill-benefiċjarji (jiġifieri l-gruppi ta' riflessjoni) u joffru l-possibbiltà ta' ppjanar fit-tul sabiex jitwettqu attivitajiet orjentati lejn il-viżjoni u sabiex jiġi żviluppat għarfien espert; jirrakkomanda l-użu ta' kriterji speċifiċi, indikaturi u rappurtar annwali sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-għanijiet tagħhom u jiġi żgurat li dawn l-iskemi ta' finanzjament ma jwasslux biex il-benefiċjarju jsir dipendenti mill-Kummissjoni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EACEA biex b'mod pubbliku jagħtu rendikont tal-ispejjeż imġarrba permezz tal-qasam 3 dwar Azzjoni Orizzontali – Valorizzazzjoni – Analiżi, disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġetti;

19.   Jistieden lill-Kummissjoni u l-EACEA biex fir-rapport dwar l-evalwazzjoni interim, li għandu jitressaq sal-31 ta' Diċembru 2017, jinkludu valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni baġitarja u finanzjarja tal-programm u jisiltu lezzjonijiet minn din il-valutazzjoni bl-għan li jiġu definiti mill-ġdid l-għanijiet futuri u jiġu aġġustati r-rekwiżiti baġitarji tal-programm fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

Aspetti ta' koordinazzjoni u komunikazzjoni

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-informazzjoni utli kollha dwar il-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" (gwida tal-programm, prijoritajiet, sejħiet għal proposti, proġetti attwali u tal-passat, eżiti u tagħlimiet miksuba, bullettin), flimkien mal-programmi, l-azzjonijiet, l-għotjiet u l-fondi strutturali kollha li jaqgħu taħt il-kappa taċ-ċittadinanza Ewropea (bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u s-Servizz Volontarju Ewropew), f'portal komunikattiv uniku u faċli għall-utent (pjattaforma onlajn ta' punt uniku ta' kuntatt), aċċessibbli wkoll għal persuni b'diżabilità; jirrakkomadna li din il-pjattaforma għandha tintuża bħala reġistru pubbliku tad-dettalji ta' kuntatt tal-benefiċjarji u bħala għodda li taċċessa d-deskrizzjonijiet tal-proġetti u biex issib imsieħba f'pajjiżi oħra;

21.  Jenfasizza li l-applikazzjonijiet miċħuda għandhom jitwieġbu b'mod sodisfaċenti, filwaqt li jiġu indikati r-raġunijiet għaċ-ċaħda, speċjalment meta l-entità li tkun ippreżentat l-applikazzjoni titlob spjegazzjoni; jissuġġerixxi li titqies, meta jkun possibbli, l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ta' prijorità minn applikazzjonijiet simili miċħuda;

22.  Jirrimarka li ċerti objettivi tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" huma simili u komplementari għal dawk tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari l-aspirazzjoni li ċ-ċittadini jiġu involuti fix-xogħol tal-UE; jemmen, għal din ir-raġuni, li jridu jsiru sforzi biex ikun hemm approċċ komuni fit-tfassil tal-politiki tal-UE dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u d-demokrazija parteċipattiva, appoġġat minn strateġija ta' komunikazzjoni konsistenti, sabiex il-programmi tal-Kummissjoni relatati maċ-ċittadinanza Ewropea jiġu inklużi kollha f'qafas wieħed, possibilment billi jippromovu u jtejbu l-esperjenzi diretti u l-involviment taċ-ċittadini;

23.  Jissottolinja l-ħtieġa li tinħoloq lista miftuħa ta' sħab potenzjali f'kull Stat Membru bl-għan li jiġu ffaċilitati s-sħubijiet bejn dawk li jixtiequ jkollhom aċċess għall-programm Ewropa għaċ-Ċittadini;

24.  Jirrakkomanda wkoll il-ħolqien ta' pjattaforma online għall-organizzazzjonijiet ewlenin li jaħdmu fil-qasam taċ-ċittadinanza u jibbenefikaw mill-programm sabiex jinġabru l-prattiki tajba, jissaħħu l-kapaċitajiet u tissaħħaħ il-viżibilità ladarba l-proġetti jkunu saru;

25.   Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-viżibilità tal-programm u tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-objettivi tiegħu, billi timplimenta strateġija ta' komunikazzjoni għaċ-ċittadinanza Ewropea li tinvolvi lil dak li jkun bl-użu tan-netwerks soċjali, ir-radju, ir-reklamar fuq it-TV u l-billboards u billi ssaħħaħ l-impenn lokali permezz tal-involviment attiv tal-punti ta' kuntatt nazzjonali u taġġorna kontinwament il-kontenut u tikkomunika ma' udjenzi ġodda fil-pajjiżi parteċipanti, b'attenzjoni partikolari fuq dawk fejn il-livell ta' parteċipazzjoni huwa aktar baxx, kif ukoll fuq iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-persuni vulnerabbli;

26.  Huwa tal-fehma li l-programm għandu jservi wkoll biex jippubbliċizza l-kanali eżistenti ta' parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea, bħalma huma l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-fora taċ-ċittadini u l-konsultazzjonijiet pubbliċi, bl-għan li jżid l-għarfien tal-pubbliku dwar l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni diretta fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE;

27.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti jinnominaw punt ta' kuntatt nazzjonali jekk dan għadhom m'għamluhx; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-koordinament u s-sinerġiji bejn dawn il-pajjiżi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

28.   Jirrikonoxxi li l-ikbar sfida hija li jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi attwali bil-fondi limitati disponibbli; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gvernijiet lokali jżidu l-effikaċja u l-popolarità tal-programm, foshtom billi jimmassimizzaw il-potenzjal tal-punti ta' kuntatt nazzjonali permezz tal-iskambju ta' esperjenzi mal-entitajiet responsabbli għal proġetti simili, bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva; Iħeġġeġ lill-EACEA taġevola u tagħti spinta, fejn hu possibbli, lis-sinerġiji bejn programmi tal-UE bħalma huma Ewropa Kreattiva, Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew, biex ittejjeb l-impatt;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni iżżid jerġa' aktar l-isforzi tagħha f'dak li jikkonċerna s-simplifikazzjoni amministrattiva, meta jitqies li r-rekwiżiti formali xi drabi jkunu diffiċli biex jingħelbu min-naħa tal-organizzazzjonijiet partikolarment żgħar li m'għandhomx jiġu diskriminati għal raġunijiet burokratiċi;

30.  Jirrakkomanda li l-fondi allokati għall-komunikazzjoni jenħtieġ li ma jintużawx biex ikopru l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet tal-Unjoni, kif inhu stabbilit attwalment fl-Artikolu 12 tal-programm preżenti, iżda għandhom jintużaw biex jiġi ppubblikat il-programm innifsu fil-pajjiżi parteċipanti, speċjalment dawk li fihom il-livell ta' parteċipazzjoni huwa aktar baxx;

Fokus u objettivi tal-programm

31.  Jirrakkomanda li, fil-programm tal-ġenerazzjoni li jmiss, jiġi formalizzat l-approċċ pluriennali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u li jissaħħu s-sinerġiji fost l-oqsma u l-komponenti tal-programm; jenfasizza li kwalunkwe bidla fl-istruttura tal-programm għandha ssir b'tali mod li tipprevjeni l-possibbiltà ta' konfużjoni fost l-utenti aħħarin tiegħu, sitwazzjoni li tnaqqas l-impatt tiegħu;

32.  Jilqa' l-attenzjoni qawwija fuq iċ-ċittadini u l-aspetti soċjali tal-UE, li tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom direttament mas-soċjetà ċivili fost il-pubbliku; jenfasizza, fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-programm, l-importanza tal-proġetti ffukati fuq sfidi attwali għall-Ewropa, fuq kwistjonijiet bħad-diversità, il-migrazzjoni, ir-rifuġjati, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali, id-djalogu interkulturali, l-indirizzar tal-problemi ta' finanzjament u l-identifikazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew komuni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rabtiet bejn il-prijoritajiet tal-programm u l-politiki marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea kif ukoll mal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej;

33.  Isostni li l-programm għandu jilħaq firxa usa' ta' parteċipanti, jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-persuni emarġinati u ta' dawk imċaħħda minn drittijiethom, inklużi l-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil;

34.  Huwa tal-fehma li, fejn ikun rilevanti, il-programm għandu jibni fuq inizjattivi eżistenti fil-livell taċ-ċittadini li rnexxew bħall-ġemellaġġi bejn il-bliet;

35.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li, fil-qasam "Tifkira Ewropea", tiġi żviluppata identità Ewropea li jenħtieġ li tiġi orjentata lejn il-ġejjieni u mhux biss lejn l-imgħoddi, identità li hija wkoll plurali, transkulturali u miftuħa għall-flussi migratorji u l-influwenzi mill-bqija tad-dinja, bil-għan li tintlaħaq integrazzjoni komuni msejsa fuq il-valuri Ewropej u l-wirt sekulari u spiritwali Ewropew; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istorja ma tintużax bħala strument ta' firda, iżda bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz tal-interpretazzjoni sensittiva u programmi ta' edukazzjoni mmirati u kapaċi; jenfasizza l-importanza li jitrawmu proġetti interġenerazzjonali li jippermettu l-iskambji tal-esperjenza bejn il-ġenerazzjoni anzjana u dik żagħżugħa;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mħeġġa proġetti li jippreżentaw formati ġodda ta' diskussjoni maċ-ċittadini, f'format u stil attraenti, u b'approċċ multidimensjonali;

37.  Jipproponi li l-Kummissjoni kull sena tippubblika rapport sintetiku li jkun fih il-proposti ewlenin għat-titjib tal-proġett Ewropew li jkunu ġew espressi mill-parteċipanti fil-proġetti ffinanzjati mill-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini";

38.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-programm jiġi arrikit bi proposti dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, b'tali mod li jikkontribwixxi għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini biex jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni tad-demokrazija elettronika; jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex, bil-għan li jilħqu dan, jiżviluppaw azzjonijiet u politiki għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' ħsieb trasferibbli, kritiku u kreattiv kif ukoll il-litteriżmu diġitali u medjatiku u l-inklużjoni taċ-ċittadini tagħhom u l-istimular tal-kurżità tagħhom, speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċessi demokratiċi;

39.  Jirrimarka li parteċipazzjoni fil-programm mill-pajjiżi li qed ifittxu sħubija fl-UE tista' twassal għal fehim reċiproku aħjar u kooperazzjoni aktar mill-qrib; jirrakkomanda internazzjonalizzazzjoni akbar tal-programm, b'mod partikolari permezz ta' stedina lill-pajjiżi kollha tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), lill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), lill-pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni u lill-pajjiżi kandidati biex jingħaqdu flimkien mal-Istati Membri tal-UE biex japplikaw għal proġetti, u jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-NGOs li huma mill-UE, mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tan-Nofsinhar u mill-pajjiżi kandidati potenzjali sabiex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tal-UE; jipproponi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet fl-UE u fil-pajjiżi ġirien f'dak li jikkonċerna l-valuri Ewropej;

40.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat il-ġemellaġġ bejn il-bliet, b'enfasi partikolari fuq kif jista' jsir użu akbar tal-iskema, il-promozzjoni tagħha u r-riżultati tagħha, inkluża l-allokazzjoni adegwata ta' riżorsi finanzjarji;

°

°  °

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (9.12.2016)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014-2020
(2015/2329(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lefteris Christoforou

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li, matul l-ewwel sentejn taċ-ċiklu l-ġdid ta' finanzjament, il-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini", li huwa mistenni li jnaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej, jidher li qed jaħdem sew, b'għadd dejjem jikber ta' applikanti, proġetti ta' kwalità għolja u implimentazzjoni tajba tal-proġetti;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' programmi bħal dawn fi żminijiet ta' kriżijiet permanenti, meta forzi anti-Ewropej b'mod kostanti qed jikkontestaw l-eżistenza stess tal-proġett Ewropew;

3.   Japprezza s-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-programm, ngħidu aħna permezz tal-iffissar tal-prijoritajiet pluriennali li, kumplessivament, liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet interessati għamilhielhom aktar sempliċi biex japplikaw, kif ukoll għadd ta' arranġamenti finanzjarji ġodda, bħal sistema ta' ħlasijiet ta' ammont f'daqqa u ta' darba, li naqqsu l-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) jivvalutaw regolarment l-impatt li għadd ta' arranġamenti baġitarji kellhom fuq l-applikanti u l-applikanti potenzjalment eleġibbli; b'mod partikolari, jitlob valutazzjoni ta' jekk ir-rata mnaqqsa ta' prefinanzjament (minn 50 % għal 40 % għall-proġetti, u minn 80 % għal 50 % għall-għotjiet operattivi u għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali) applikata fl-2015, minħabba nuqqas kbir ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, il-ħtieġa għal kofinanzjament u l-applikazzjoni tal-istess parametri indipendentement mill-għoli tal-ħajja u l-periferiċità ġeografika effettivi, setgħux poġġew, u jistax ikun li jkomplu jpoġġu, xi tipi ta' organizzazzjonijiet u Stati Membri partikolari fi żvantaġġ; jitlob, barra minn hekk, li dawn jiżviluppaw aktar strateġiji biex l-istituzzjonijiet Ewropej jitqarrbu lejn iċ-ċittadini Ewropej u biex iċ-ċittadini jiġu informati aħjar dwar il-politiki varji tal-UE;

5.  Jirrikonoxxi li l-ikbar sfida hija li jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi attwali bil-fondi limitati disponibbli; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali assoċjati magħhom, u lill-EACEA, biex jiffaċilitaw u jagħtu spinta, kull fejn ikun possibbli, sinerġiji bejn programmi tal-UE bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jinħolqu ekonomiji ta' skala u jiġi mmassimizzat l-impatt;

6.   Jistieden lill-Kummissjoni u l-EACEA biex fir-rapport dwar l-evalwazzjoni interim, dovut sal-31 ta' Diċembru 2017, jinkludu valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni baġitarja u finanzjarja tal-programm u jisiltu lezzjonijiet minn din il-valutazzjoni bl-għan li jiġu definiti mill-ġdid l-għanijiet futuri u jiġu aġġustati r-rekwiżiti baġitarji tal-programm fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

7.  Jenfasizza l-importanza taż-żamma ta' għotjiet operattivi bħala mod biex jinżamm l-appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet u l-benefiċjarji u li jippermettulhom jippjanaw fit-tul;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-EACEA, il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali u l-awtoritajiet sħab lokali u reġjonali tagħhom, u l-benefiċjarji tal-programm biex jagħmlu sforzi addizzjonali sabiex itejbu l-viżibbiltà u l-komunikazzjoni billi jużaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli bl-aktar mod effiċjenti, sabiex iżidu l-kuxjenza tal-programm u jilħqu liċ-ċittadini b'mod saħansitra iktar effikaċi fil-pajjiżi parteċipanti, inkluż billi jtejbu l-komunikazzjoni, iqawwu l-użu tal-media soċjali u jkopru suġġetti li bħalissa huma fuq moħħ ħafna ċittadini, bħalma huma l-impjiegi, it-tkabbir u l-migrazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Clare Moody, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bill Etheridge, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Nils Torvalds, Derek Vaughan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, Edouard Ferrand, Valentinas Mazuronis

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (9.11.2016)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu 2014–2020
(2015/2329(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kazimierz Michał Ujazdowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-applikazzjonijiet ippreżentati taħt il-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" fl-2015, u l-kwalità tal-proġetti; jinnota, madankollu, li madwar 6 % biss tal-proġetti għall-Kommemorazzjoni Ewropea u s-Soċjetà Ċivili setgħu jiġu ffinanzjati fl-2015, li jindika li l-finanzjament għal dawn iż-żewġ faxxi għandu jiżdied b'mod konsiderevoli. jissuġġerixxi, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jintroduċi dimensjoni importanti ta' demokrazija parteċipattiva, li l-parteċipazzjoni għandha tiżdied fis-snin li ġejjin billi jiġu organizzati kampanji ta' promozzjoni u jiġi adottat portal ta' komunikazzjoni sostanzjali u faċli għall-utenti, kemm għall-midja Ewropea kif ukoll dik domestika, li jippreżenta informazzjoni ċara dwar il-prijoritajiet u l-aċċessibilità tal-programm u jinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar l-eżistenza tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", u jħeġġiġhom jikkunsidraw il-benefiċċji tiegħu u biex iħossuhom aktar involuti; jipproponi li l-applikanti jitħallew jagħmlu użu mill-għodod ta' parteċipazzjoni elettronika;

2.  Itenni s-sejħa tiegħu għal rwol aktar b'saħħtu fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-objettivi tal-programm; jirrakkomanda li l-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għandu jkollha bażi ġuridika li tippermetti lill-Parlament Ewropew jieħu sehem sħiħ fil-proċess leġiżlattiv skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u li tkun involuta fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-programm bħala koleġiżlatur skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fuq bażi ugwali mal-Kunsill; jirrakkomanda li l-lingwa tal-programm tiġi simplifikata aktar biex din tkun aċċessibbli b'mod wiesa';

3.  Jenfasizza li l-programm għandu jikkontribwixxi għall-fehim taċ-ċittadini dwar l-Unjoni, l-istorja u d-diversità tagħha, u biex irawwem ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni ċivika u demokratika fil-livell tal-Unjoni; il-programm għandu, barra minn hekk, iqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-kommemorazzjoni, l-istorja u l-valuri komuni u l-għan tal-Unjoni għall-promozzjoni tal-paċi, u b'mod ġenerali, li jiġi żgurat għarfien usa' tal-istorja tal-Unjoni Ewropea u l-oriġini tagħha, inkluż wara żewġ gwerer dinjija; jenfasizza li għandu wkoll iħeġġeġ il-parteċipazzjoni demokratika u ċivika taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni, billi jiġi żviluppat il-fehim taċ-ċittadini dwar il-proċess tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' opportunitajiet għal involviment soċjali u interkulturali u għall-volontarjat fil-livell tal-Unjoni; dan jista' jinkiseb, pereżempju, billi jiġu organizzati kampanji promozzjonali ta' sensibilizzazzjoni, sabiex jiġu stimulati d-dibattitu, ir-riflessjoni u l-iżvilupp ta' netwerks;

4.  Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gvernijiet lokali jżidu l-effikaċja u l-popolarità tal-programm, inkluż billi jkollhom rwol akbar fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-programm u jimmassimizzaw il-potenzjal tal-punti ta' kuntatt nazzjonali billi jsirilhom possibbli li jaħdmu u jiskambjaw esperjenzi ma' entitajiet responsabbli għal proġetti simili – pereżempju, Erasmus u Ewropa Kreattiva; jitlob barra minn hekk involviment akbar tal-Parlament Ewropew, pereżempju fil-forma ta' valutazzjoni pubblika annwali tal-monitoraġġ tal-programm fi ħdan il-Kumitat għall-Kultura;

5.  Jirrikonoxxi s-suċċess tal-proġetti ta' ġemellaġġ ta' bliet madwar l-UE, u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-iskema fost il-muniċipalitajiet u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni;

6.  Jenfasizza li l-applikazzjonijiet miċħuda għandhom jitwieġbu b'mod sodisfaċenti, filwaqt li jindikaw ir-raġunijiet għaċ-ċaħda, speċjalment meta l-entità li tkun ippreżentat applikazzjoni titlob spjegazzjoni; jissuġġerixxi li titqies, meta jkun possibbli, l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ta' prijorità minn applikazzjonijiet miċħuda simili;

7.  Jirrimarka li ċerti objettivi tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" huma simili u komplementari għal dawk tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari l-aspirazzjoni li ċ-ċittadini jiġu involuti fix-xogħol tal-UE; jemmen, għal din ir-raġuni, li jridu jsiru sforzi biex ikun hemm approċċ komuni fit-tfassil tal-politiki tal-UE dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u d-demokrazija parteċipattiva, appoġġjat minn strateġija ta' komunikazzjoni konsistenti, sabiex il-programmi tal-Kummissjoni relatati maċ-Ċittadinanza Ewropea jiġu inklużi kollha f'qafas wieħed, possibbilment billi jagħtu valur u jtejbu l-esperjenzi diretti u l-involviment taċ-ċittadini;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq lista miftuħa ta' sħab potenzjali f'kull Stat Membru bl-għan li jiġu ffaċilitati s-sħubijiet bejn dawk li jixtiequ jaċċedu għall-programm Ewropa għaċ-Ċittadini;

9.  Jitlob li jitneħħew l-ostakli lingwistiċi fil-proċess tal-applikazzjoni għall-programm, u jissottolinja l-fatt li minkejja l-isforzi tal-UE biex tipprovdi informazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni hija pprovduta bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż;

10.  Jirrimarka li parteċipazzjoni fil-programm minn pajjiżi li qed ifittxu sħubija fl-UE tista' twassal għal fehim reċiproku aħjar u kooperazzjoni aktar mill-qrib; jirrakkomanda aktar internazzjonalizzazzjoni tal-programm, b'mod partikolari permezz ta' stedina tal-pajjiżi kollha tal-EFTA, taż-ŻEE, pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni u kandidati biex jingħaqdu flimkien mal-Istati Membri tal-UE biex japplikaw għal proġetti, u jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-NGOs mill-UE, il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u pajjiżi kandidati potenzjali sabiex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tal-UE;

11.  Huwa tal-fehma li l-programm għandu jservi wkoll biex jirreklama dawn il-kanali ta' parteċipazzjoni diretta li diġà jeżistu fl-Unjoni Ewropea bħal: l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, fora taċ-ċittadini u konsultazzjonijiet pubbliċi, sabiex titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-possibilitajiet ta' parteċipazzjoni diretta fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE;

12.  Jissottolinja l-fatt li qabel l-adeżjoni ta' pajjiż mal-Unjoni Ewropea, preparazzjoni profonda u olistika hi meħtieġa fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' kommemorazzjoni, ir-rikonoxximent tal-passat u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja ċivika fil-pajjiż ikkonċernat;

13.  Minħabba l-kuntest attwali ta' Ewroxettiċiżmu li qed jiżdied, jitlob proċedura simplifikata għall-aċċess għall-programm u għal finanzjament miżjud sabiex jiġu żgurati riżultati aħjar;

14.  Jissottolinja l-potenzjal kbir tan-netwerks soċjali u l-midja soċjali u jappella għall-użu aħjar tagħhom bħala strumenti għall-promozzjoni tal-valuri u l-istorja tal-UE fi ħdan il-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini".

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.11.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, György Schöpflin, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, Ashley Fox, Charles Goerens, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jérôme Lavrilleux, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Gabriel Mato, Wim van de Camp

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Luigi Morgano, Momchil Nekov, John Procter, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Sylvie Guillaume, Emma McClarkin