RAPPORT bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa

1.2.2017 - (2017/2001(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Constance Le Grip, Maria Arena


Proċedura : 2017/2001(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0018/2017

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa

(2017/2001(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Constance Le Grip, f'isem il-Grupp PPE, u Maria Arena, f'isem il-Grupp S&D, dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (B8-1365/2016),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp u dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015, u tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar aġenda trasformattiva għal wara l-2015,  

–  wara li kkunsidra l-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) u t-tema prijoritarja tagħha "L-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa fid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel",

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Beijing u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti tas-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5, +10, +15 u +20 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0018/2017),

A.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE, minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha, u billi l-UE hija ggwidata wkoll minn dan il-prinċipju fl-azzjoni esterna tagħha peress li ż-żewġ dimensjonijiet jenħtieġ li jiġu kkoordinati;

B.  billi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex biss drittijiet fundamentali tal-bniedem, iżda huma prekundizzjonijiet għall-avvanz tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar u pedament meħtieġ għal dinja paċifika, prospera u sostenibbli;

C.  billi l-fastidju u l-vjolenza kontra n-nisa jinkludu firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi kwalunkwe wieħed minn dawn l-abbużi jista' jħalli ġrieħi psikoloġiċi profondi u jinvolvi ħsara jew sofferenza fiżika jew sesswali, theddid ta' tali atti u koerċizzjoni, ħsara għas-saħħa ġenerali tan-nisa u l-bniet, inkluża s-saħħa riproduttiva u sesswali tagħhom, u f'xi każijiet iwassal għall-mewt;

D.  billi l-ħames Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG5) huwa l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet kollha madwar id-dinja; billi l-SDG5 huwa għan awtonomu, fis-sens li għandu jiġi integrat għalkollox fl-Aġenda 2030 u fit-twettiq tal-SDGs kollha; billi l-awtonomizzazzjoni tan-nisa tfisser li jingħatawlhom l-għodod meħtieġa biex isiru ekonomikament indipendenti, ikunu rappreżentati b'mod ugwali fil-livelli kollha tas-soċjetà, ikollhom rwol indaqs fl-isferi kollha tal-ħajja, u jakkwistaw aktar setgħa fil-ħajja pubblika u fil-kontroll tad-deċiżjonijiet kollha li jolqtu lil ħajjithom;

E.  billi n-nisa huma aġenti ekonomiċi importanti madwar id-dinja kollha u l-parteċipazzjoni ekonomika tan-nisa tista' tistimola l-ekonomija, toħloq l-impjiegi u tibni l-prosperità inklużiva; billi l-pajjiżi li jagħtu valur lin-nisa u jawtonomizzawhom biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet huma aktar stabbli, prosperi u siguri; billi l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi hija politika ekonomika intelliġenti u jiżgura li l-infiq pubbliku jservi l-avvanz tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

F.  billi l-kreattività u l-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa mhumiex sfruttati biżżejjed bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi li jenħtieġ li jiġu żviluppati ulterjorment;

G.  billi 20 sena wara Beijing, minkejja provi sodi li l-awtonomizzazzjoni tan-nisa hija ċentrali għat-tnaqqis tal-faqar, għall-promozzjoni tal-iżvilupp u għall-indirizzar tal-isfidi l-aktar urġenti tad-dinja, il-gvernijiet tal-UE rrikonoxxew li l-ebda pajjiż ma kien kiseb b'mod sħiħ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet, li l-progress kien mexa bil-mod u mhux b'mod uniformi, li kien għad fadal lakuni u forom ta' diskriminazzjoni mill-akbar u li kienu tfaċċaw sfidi ġodda fl-implimentazzjoni tat-12-il qasam kritiku ta' tħassib tal-Pjattaforma ta' Azzjoni;

H.  billi l-UE taqdi rwol importanti fit-trawwim tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwar id-dinja kollha, permezz ta' mezzi politiċi u finanzjarji; billi l-UE għandu jkollha rwol ċentrali ta' gwardjan tal-lingwaġġ dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa li ntlaħaq qbil dwaru bejn in-NU u l-UE;

I.  billi n-nisa għadhom qed jipproduċu madwar 80 % tal-ikel fil-pajjiżi l-aktar foqra u bħalissa huma l-gwardjani ewlenin tal-bijodiversità u taż-żrieragħ tal-għelejjel;

J.  billi l-art mhijiex biss mezz ta' produzzjoni, iżda post ta' kultura u identità; billi l-aċċess għall-art huwa għalhekk komponent fundamentali tal-ħajja u dritt inaljenabbli għal nisa bdiewa u indiġeni;

1.  Jindirizza lill-Kunsill ir-rakkomandazzjoni li ġejja:

  Kundizzjonijiet ġenerali għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet

(a)  Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u favur il-firxa ta' azzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn is-sessi li hemm deskritta fiha; jikkonferma l-impenn tiegħu favur l-approċċ fuq żewġ binarji għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-politika u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(b)  Jinkoraġġixxi politiki li jinvestu f'aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja għan-nisa u l-bniet, inkluża l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali, u li jeliminaw id-differenzi bejn is-sessi f'dawn l-oqsma u fis-setturi kollha, partikolarment dawk li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;

(c)  Jiġġieled kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika u f'dik privata bħala ksur serju tal-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom li żżommhom milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; javvanza lejn ir-ratifika sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-partijiet kollha;

(d)  Iqis li n-NU, l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex isiru atturi aktar effiċjenti fuq livell globali, jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi interni tagħhom biex jeliminaw il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tas-sess; għaldaqstant itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi strateġija tal-UE kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża direttiva li tistabbilixxi standards minimi; f'dan il-kuntest, jistieden ukoll kemm lill-partijiet kollha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

(e)  Ifassal politiki li jippromwovu u jappoġġjaw ix-xogħol deċenti u l-impjieg sħiħ għan-nisa kollha;

(f)  Jiżgura aċċess universali għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għad-drittijiet riproduttivi kif miftiehem skont il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u d-dokumenti ta' eżitu tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom; jipprovdi edukazzjoni sesswali adattata skont l-età għal bniet u subien, tfajliet u ġuvintur sabiex titnaqqas it-tqala mhux mixtieqa u t-tixrid ta' mard trażmess sesswalment;

(g)  Jelimina d-differenza fil-pagi, fil-qligħ tul il-ħajja u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;

(h)  Itemm kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġijiet u fil-politiki fil-livelli kollha;

(i)  Jiġġieled kontra l-forom kollha ta' sterjotipi tal-ġeneri li jipperpetwaw l-inugwaljanza, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, fl-isferi kollha tas-soċjetà;

(j)  Jappoġġja organizzazzjonijiet tan-nisa fil-livelli kollha fil-ħidma tagħhom; jinvolvihom bħala sħab fit-tfassil tal-politika u jiżgura finanzjament adegwat;

(k)  Japplika l-ibbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala għodda tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, f'kull nefqa pubblika;

It-tisħiħ tal-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa u t-tegħlib tal-ostakli fis-suq tax-xogħol

(l)  Jappella lill-partijiet kollha biex jirratifikaw u jimplimentaw is-CEDAW, b'attenzjoni speċjali għall-Artikoli 1, 4, 10, 11, 13, 14 u 15;

(m)  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jadottaw politiki u liġijiet li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;

(n)  Ikompli u jintensifika l-ħidma favur politiki li jappoġġjaw u jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa fil-kuntest ta' xogħol deċenti u t-tneħħija ta' kull xkiel u preġudizzju soċjali fl-istabbiliment u t-tmexxija ta' negozju, inkluż it-titjib tal-aċċess għal servizzi finanzjarji, kreditu, kapital ta' riskju u swieq b'kundizzjonijiet ugwali u jħeġġeġ l-aċċess għal informazzjoni, taħriġ u netwerks b'finijiet ta' negozju; f'dan il-kuntest, jirrikonoxxi u jippromwovi r-rwol tal-impriżi soċjali, tal-kooperattivi u l-mudelli ta' negozju alternattivi għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa;

(o)  Jirrikonoxxi li l-politiki makroekonomiċi, partikolarment dwar id-dixxiplina baġitarja u s-servizzi pubbliċi, għandhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa, u li dawn l-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi jridu jitqiesu minn dawk li jfasslu l-politika;

(p)  Jippromwovi investiment ġdid fl-infrastruttura tal-kura soċjali, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u l-għoti pubbliku ta' servizzi ta' kura aċċessibbli, bi prezz li jintlaħaq u ta' kwalità tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, inklużi kura għat-tfal, għall-persuni dipendenti u għall-anzjani; jiżgura protezzjoni soda u drittijiet tal-ħaddiema għan-nisa tqal matul u wara t-tqala tagħhom;gender-based

(q)  Jappoġġja politiki li jiffavorixxu l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabilitajiet domestiċi u tal-kura bejn in-nisa u l-irġiel;

(r)  Jappoġġja l-istabbiliment ta' konvenzjoni tal-ILO li tipprovdi standard internazzjonali li jindirizza l-vjolenza abbażi tas-sess fuq il-post tax-xogħol;

(s)    Jimplimenta politiki li jindirizzaw il-fenomenu tal-vjolenza politika kontra n-nisa, inklużi l-vjolenza fiżika, l-intimidazzjoni u l-fastidju online;

(t)    Jieħu miżuri effettivi biex jiġi eliminat it-tħaddim tat-tfal, minħabba li miljuni ta' bniet jiġu sfruttati; jintroduċi mekkaniżmi ġodda fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE sabiex tiġi evitata l-importazzjoni ta' prodotti manifatturati permezz tat-tħaddim tat-tfal;

(u)  Jinkoraġġixxi lin-nisa u lill-bniet, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' appoġġ, biex jidħlu f'karrieri akkademiċi u ta' riċerka fl-oqsma xjentifiċi kollha, b'enfasi speċjali fuq it-teknoloġika u l-ekonomija diġitali;

(v)  Jiżgura l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

L-iżgurar tas-sehem indaqs tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet

(w)  Iħares id-drittijiet ċivili u politiċi u jappoġġja l-iżgurar tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, inklużi t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, politiki u programmi ekonomiċi, il-postijiet tax-xogħol, in-negozju jew fl-isfera akkademika;

(x)  Jinvolvi s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi;

(y)  Isaħħaħ it-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt u jiżgura l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi, is-swieq u l-parteċipazzjoni politika u t-tmexxija f'pajjiżi li ħerġin minn konflitt, li kollha huma essenzjali għall-istabilità;

Kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-aktar nisa emarġinati

(z)  Jiffaċilita s-sjieda tal-art u l-aċċess għall-kreditu għal nisa rurali u jippromwovi, jinkoraġġixxi u jappoġġja inizjattivi intraprenditorjali tan-nisa fiż-żoni rurali, sabiex in-nisa jkunu jistgħu isiru ekonomikament indipendenti u jipparteċipaw b'mod sħiħ u jibbenefikaw minn żvilupp sostenibbli u rurali; il-protezzjoni u l-promozzjoni ta' katini tal-provvista alimentari qosra, permezz ta' politiki attivi kemm fuq livell intern kif ukoll estern fl-UE;

(aa)  Jistabbilixxi regoli interni u regoli internazzjonali li jiggarantixxu limitu f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħtif ta' artijiet estensiv li jmur kontra l-interessi ta' sidien żgħar, speċjalment nisa;

(ab)  Jitlob l-involviment ta' organizzazzjonijiet tan-nisa rurali fit-tfassil tal-politika u l-appoġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u globali ta' netwerks tan-nisa ta' skambju ta' esperjenza u prattika tajba, b'mod partikolari fejn il-ħajjiet tan-nisa jistgħu jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet rilevanti;

(ac)  Jistieden lill-pajjiżi kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, inkluż l-Artikolu 6 tagħha intitolat "In-nisa b'diżabilità";

(ad)  Jenfasizza d-dritt tal-ħaddiema nisa migranti, u speċjalment il-ħaddiema domestiċi migranti u rifuġjati, għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni soċjali ugwali; jitlob ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 189 tal-ILO;

(ae)  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jimplimentaw politiki li jiggarantixxu d-drittijiet u t-trattament uman tar-rifuġjati nisa u bniet;

(af)  Jiżgura li l-persekuzzjoni abbażi tas-sess tiġi meqjusa bħala bażi għal talba għal asil skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati;  

(ag)  Jenfasizza l-ħtieġa tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa LGBTI;

(ah)  Jistieden lis-CSW, flimkien mal-Kumitat CEDAW, biex jistituzzjonalizzaw aproċċ intersezzjonali għall-analiżi tagħhom, u biex jippromwovu l-kunċett tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla permezz ta' analiżi intersezzjonali fil-korpi kollha tan-NU;

(ai)  Ifittex li jwettaq politiki li jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

(aj)  Jirrikonoxxi r-rwol tan-nisa bħala dawk li jagħtu l-kura b'mod formali u informali, u jimplimenta politiki li jtejbu l-kundizzjonijiet li fihom jipprovdu l-kura;

Kif dawn l-impenji jiġu tradotti f'infiq u kif isiru aktar viżibbli

(ak)  Jimmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu d-drittijiet ekonomiċi tan-nisa u titnaqqas l-inugwaljanza bejn is-sessi, inkluż permezz tal-użu tal-istrumenti eżistenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri bħall-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi; juża bbaġitjar abbażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-infiq pubbliku biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u titneħħa kull inugwaljanzi bejn is-sessi;

(al)  Jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-UE fil-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa;

(am)  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għax-xogħol ta' UN Women, li huwa attur ċentrali fis-sistema tan-NU għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja u li jlaqqa' flimkien il-partijiet interessati kollha ħalli jiġġenera bidla tal-politiki u jikkoordina l-azzjonijiet; jistieden lill-istati membri tan-NU, kif ukoll lill-UE, biex iżidu l-finanzjament tagħhom għall-UN Women;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Biljana Borzan, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Forenza, Mylène Troszczynski, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sorin Moisă

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Biljana Borzan, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Forenza, Mylène Troszczynski, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sorin Moisă