RAPPORT dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016
2.2.2017 - (2016/2247(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Danuta Maria Hübner
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali tat-30 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali"[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta' Ġunju 2012, li fiha l-parteċipanti saħqu l-intenzjoni tagħhom "li (j)kissru ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-gvernijiet"[2],
– wara li kkunsidra l-ewwel EU Shadow Banking Monitor (eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-ibbankjar parallel fl-UE) tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2016 tal-FMI dwar l-Istabbiltà Finanzjarja fid-Dinja,
– wara li kkunsidra r-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u ppubblikati fid-29 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ dwar is-CRD IV – CRR / Basel III tal-ABE, ibbażat fuq id-data ta' Diċembru 2015, ippubblikati f'Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" (COM(2015)0587),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu[3] (ir-Regolament dwar il-MSU),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati[4] (ir-Regolament Qafas dwar il-MSU),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-MSU dwar il-prijoritajiet superviżorji tiegħu għall-2016,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BĊE, ippubblikat f'Marzu 2016, dwar l-attivitajiet superviżorji 2015[5],
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 29/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku[6];
– wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE ta' Lulju 2016 dwar id-dinamiċi u l-motivaturi ta' skoperturi improduttivi fis-settur bankarju tal-UE,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-prinċipji li jżidu t-trasparenza fl-iżvilupp tar-regolamenti tal-BĊE dwar l-istatistika Ewropea u filwaqt li jitqiesu l-prattiki ta' trasparenza tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni li saret mill-BĊE dwar l-abbozz tagħha ta' gwida għall-banek ta' Settembru 2016 dwar is-self improduttiv,
– wara li kkunsidra l-gwida tal-BĊE dwar l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni[7],
– wara li kkunsidra d-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Kumitat ta' Basel u b'mod partikolari d-dokument konsultattiv ta' Marzu 2016 bit-titolu "Reducing variation in credit risk-weighted assets – constraints on the use of internal model approaches" (It-tnaqqis tal-varjazzjoni fl-assi mwieżna għar-riskju tal-kreditu – restrizzjonijiet fuq l-użu ta' mudelli interni),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-ABE tat-3 ta' Awwissu 2016 dwar ir-rekwiżiti tal-Proporzjon ta' Ingranaġġ skont l-Artikolu 511 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRR) (EBA-Op-2016-13),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-finalizzazzjoni tar-riformi ta' Basel wara l-kriżi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III[9],
– wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja mill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012[10] (CRR), b'mod partikolari fir-rigward tar-rieżami tal-Pilastru 2 u t-trattament tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet fil-livell nazzjonali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11] (BRRD),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010[12] (ir-Regolament dwar l-SRM),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ ta' miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (il-Komunikazzjoni Bankarja)[13],
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) tat-23 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-iffissar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli[14],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2016 dwar valutazzjoni tar-regoli ta' remunerazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013,
– wara li kkunsidra d-dokument dwar il-kundizzjonijiet (term sheet) tal-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf maħruġ mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) f'Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-BĦI Nru 558 ta' April 2016 dwar "Why bank capital matters for monetary policy" (Għaliex il-kapital bankarju huwa importanti għall-politika monetarja),
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-ABE tad-19 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni u t-tfassil tal-qafas MREL,
– wara li kkunsidra r-rapport analitiku supplimentari tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2016 dwar l-effetti tal-proposta għal Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS),
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-ABE tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni u t-tfassil tal-qafas MREL,
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tat-22 ta' Diċembru 2015 bejn il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti[15] (id-DGSD),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015)0586),
– wara li kkunsidra d-diversi linji gwida tal-ABE maħruġa fil-qafas tad-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti, b'mod partikolari r-rapporti finali dwar il-linji gwida fir-rigward ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti ta' Frar 2016 u dwar il-linji gwida fir-rigward tat-testijiet tal-istress tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro u l-Ministri tal-ECOFIN tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar il-garanzija ta' kontinġenza tal-SRM,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2015 dwar l-Unjoni Bankarja u l-arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0019/2017),
A. billi t-twaqqif tal-Unjoni Bankarja (UB) huwa komponent indispensabbli ta' unjoni monetarja u sies fundamentali fil-bini ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġenwina; billi huma meħtieġa aktar sforzi peress li l-Unjoni Bankarja tibqa' mhux kompluta sakemm din ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza fiskali u tielet pilastru, billi dan huwa approċċ Ewropew għall-assigurazzjoni/riassigurazzjoni tad-depożiti, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-livell tal-kumitat; billi Unjoni Bankarja kompluta se tkun kontribut importanti biex jitkisser in-nexus tar-riskju sovran;
B. billi l-Bank Ċentrali Ewropew jista' f'okkażjonijiet speċifiċi jsofri minn kunflitt ta' interess minħabba r-responsabbiltà doppja tiegħu kemm bħala awtorità politika monetarja kif ukoll bħala superviżur bankarju;
C. billi l-proporzjonijiet kapitali u tal-likwidità tal-banek fl-UE b'mod ġenerali tjiebu b'mod kostanti f'dawn l-aħħar snin; billi, madankollu, għad hemm riskji għall-istabbiltà finanzjarja; billi s-sitwazzjoni attwali titlob kawtela fl-introduzzjoni ta' bidliet regolatorji estensivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ambjent finanzjarju tal-ekonomija reali;
D. billi tindif xieraq tal-karti bilanċjali tal-bank wara l-kriżi ġie mdewwem, u dan ikompli jxekkel it-tkabbir ekonomiku;
E. billi mhuwiex ir-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej li jiżguraw il-profittabbiltà tas-settur bankarju;
F. billi l-għan tar-reġim ta' riżoluzzjoni l-ġdid li daħal fis-seħħ f'Jannar 2016 huwa sabiex ikun hemm bidla paradigmatika minn salvataġġ finanzjarju għal rikapitalizzazzjoni interna; billi l-parteċipanti fis-suq għad jeħtiġilhom jadattaw ruħhom għas-sistema l-ġdida;
G. billi l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro;
H. billi l-Istati Membri kollha li adottaw l-euro jiffurmaw l-Unjoni Bankarja; billi l-euro hija l-munita tal-Unjoni Ewropea; billi l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' dawk li għandhom deroga, ħadu l-impenn li jissieħbu fl-euro u għalhekk li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja;
I. billi t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-konfront tal-Parlament Ewropew huma prinċipji ewlenin; billi dan jimplika segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament mill-Kummissjoni u valutazzjoni u monitoraġġ xieraq ta' dan is-segwitu mill-Parlament;
J. billi x-xogħol tagħna fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) ma għandux inaqqas il-pressjoni għat-tlestija tax-xogħol tagħna fuq l-Unjoni Bankarja, li tibqa' prerekwiżit għall-istabbiltà finanzjarja fil-pajsaġġ dipendenti fuq il-banek tal-Unjoni Ewropea;
K. Billi data riċenti turi li l-valur stmat ta' kull self improduttiv fiż-żona tal-euro huwa ta' EUR 1132 biljun[16];
Is-superviżjoni
1. Jinsab imħasseb dwar il-livell għoli ta' self improduttiv, billi, skont id-data tal-BĊE, sa April 2016 il-banek fiż-żona tal-euro kellhom EUR 1014 biljun f'self ta' dan it-tip; iqis li t-tnaqqis ta' dan il-livell huwa kruċjali; jilqa' l-isforzi li diġà qed isiru biex jitnaqqas il-livell ta' self improduttiv f'xi Stati Membri; jinnota, madankollu, li sa issa, il-kwistjoni kienet l-aktar indirizzata fil-livell nazzjonali; iqis li hemm bżonn li l-problema tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli, iżda jirrikonoxxi li soluzzjoni definittiva se tieħu ż-żmien; iqis li kwalunkwe soluzzjoni ssuġġerita għandha tqis is-sors ta' self improduttiv, l-impatt fuq il-kapaċità tas-self tal-banek lill-ekonomija reali, u l-bżonn għall-iżvilupp ta' suq primarju u sekondarju ta' self improduttiv, possibbilment fil-forma ta' titolizzazzjoni sigura u trasparenti, li tinvolvi kemm il-livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri, fost affarijiet oħra, fl-istabbiliment ta' kumpaniji speċifiċi ddedikati għall-ġestjoni tal-assi (jew "banek ħżiena") u superviżjoni msaħħa; itenni f'dan il-kuntest, l-importanza tal-kapaċità li jbiegħu self improduttiv sabiex jiġi lliberat il-kapital, li huwa partikolarment importanti għas-self bankarju lill-SMEs; jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni tal-BĊE dwar abbozz ta' gwida lill-banek fuq self improduttiv bħala l-ewwel pass, iżda jemmen li jrid isir aktar progress sostanzjali; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-insolvenza u r-ristrutturar, inkluż ir-ristrutturar kmieni u t-tieni opportunità, fil-qafas tas-CMU; jistieden lill-Istati Membri, sakemm tiġi adottata u sabiex tiġi kkomplementata, biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom, speċjalment fir-rigward tat-tul tal-proċeduri ta' rkupru, il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji, u b'mod iktar ġenerali, il-qafas legali tagħhom rigward ir-ristrutturar ta' dejn, u biex jiġu implimentati riformi strutturali sostenibbli mmirati lejn l-irkupru ekonomiku sabiex jiġi indirizzat is-self improduttiv; jinnota li, skont il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, xi banek fiż-żona euro dgħajfu l-bażijiet kapitali tagħhom, billi jħallsu dividendi sostanzjali li xi drabi jaqbeż il-livell ta' qligħ imfaddal, matul is-snin tal-kriżi; iqis li l-pożizzjoni kapitali tal-banek tista' tissaħħaħ billi jitnaqqsu l-ħlasijiet ta' dividendi u tiżdied l-ekwità l-ġdida;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jagħmlu dan, jew jissieħbu mal-UB, sabiex b'mod progressiv jallinjaw l-UB mas-suq intern kollu;
3. Jinsab imħasseb dwar l-instabbiltà persistenti tal-pajsaġġ bankarju fl-Ewropa, kif enfasizzat inter alia fir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja fid-Dinja tal-FMI tal-2016 li jiddikjara li l-Ewropa anki taħt irkupru ċikliku, xorta jkollha proporzjon għoli ta' banek dgħajfa u bi sfidi; jinnota l-profittabbiltà baxxa ta' numru ta' istituzzjonijiet fiż-żona tal-euro; jirrimarka li spjegazzjonijiet għal din is-sitwazzjoni jinkludu, fost l-oħrajn, l-istokk ta' self improduttiv, l-ambjent ta' rata ta' imgħax, u kwistjonijiet possibbli min-naħa tad-domanda; jappoġġa s-sejħa li saret mill-FMI għal bidliet fundamentali kemm fil-mudelli kummerċjali tal-bank u anki fl-istruttura tas-sistema biex tiġi żgurata sistema bankarja Ewropea b'saħħitha;
4. Iqis li hemm riskji assoċjati mad-dejn sovran; jinnota wkoll li f'ċerti Stati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji investew wisq f'bonds maħruġa mill-Gvern tagħhom stess, li jwasslu għal żieda eċċessiva f'"home bias", filwaqt li wieħed mill-objettivi prinċipali tal-UB huwa li titkisser in-nexus tar-riskju sovran tal-bank; jinnota li trattament prudenzjali xieraq tad-dejn sovran jista' joħloq inċentivi għall-banek biex jimmaniġġaw aħjar l-iskoperturi sovrani tagħhom; jinnota, madankollu, li l-bonds tal-gvern għandhom rwol essenzjali bħala sors ta' kollateral likwidu ta' kwalità għolja, u fit-twettiq tal-politika monetarja, u li l-modifika tat-trattament prudenzjali tagħhom, speċjalment jekk ma huwiex previst approċċ ta' introduzzjoni gradwali, jista' jkollha effett sinifikanti kemm fuq is-settur finanzjarju kif ukoll fuq is-settur pubbliku, u li dan jeħtieġ li jiġu kkunsidrati b'attenzjoni l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' reviżjoni tal-qafas attwali qabel ma ssir kwalunkwe proposta; jinnota d-diversi għażliet ta' politika stipulati fir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar it-trattament prudenzjali ta' skoperturi sovrani diskussi fil-laqgħa informali tal-ECOFIN tat-22 ta' April 2016; iqis li l-qafas regolatorju tal-UE jenħtieġ li jkun konsistenti mal-istandard internazzjonali; jistenna, għaldaqstant b'interess kbir ir-riżultati tal-ħidma tal-FSB dwar id-dejn sovran sabiex jiggwida d-deċiżjonijiet futuri; iqis li l-qafas Ewropew jenħtieġ li jippermetti d-dixxiplina fis-suq sabiex jitwasslu politiki sostenibbli u jiġu pprovduti assi likwidi u ta' kwalità għolja għas-settur finanzjarju u obbligazzjonijiet siguri għall-gvernijiet; jenfasizza li, b'mod parallel mar-riflessjonijiet fuq id-dejn sovran, għandha sseħħ riflessjoni fuq il-konverġenza fuq firxa usa' ta' kwistjonijiet ekonomiċi, dwar regoli tal-għajnuna mill-Istat u fuq riskji bħall-kondotta ħażina, inkluża l-kriminalità finanzjarja;
5. Iqis li huwa essenzjali għad-depożitanti, investituri u superviżuri biex jindirizzaw il-varjabbiltà eċċessiva fil-piżijiet ta' riskju applikati għal assi mwieżna għar-riskju tal-istess klassi fl-istituzzjonijiet; ifakkar li r-regoli attwali li jirregolaw l-użu tal-mudelli interni jipprovdu livell sinifikanti ta' flessibbiltà għall-banek u jżidu saff ta' riskju ta' mmudellar mill-perspettiva superviżorja; jilqa' f'dan ir-rigward il-ħidma mwettqa mill-ABE biex jiġu armonizzati preżunzjonijiet u parametri ewlenin, li d-diverġenza tagħhom ġiet identifikata bħala wieħed mill-muturi ewlenin tal-varjabilità, kif ukoll il-ħidma li saret fis-superviżjoni bankarja tal-BĊE fi ħdan ir-Reviżjoni Immirata ta' Mudelli Interni (TRIM) tal-BĊE, sabiex tiġi vvalutata u kkonfermata l-adegwatezza u x-xerqien ta' mudelli interni; jinkoraġġixxi aktar progress fuq dawn il-linji ta' ħidma; jistenna l-eżitu tal-ħidma li saret fil-livell internazzjonali sabiex jiġi standardizzat l-użu ta' mudelli interni f'każ ta' riskju operattiv u self lill-korporattivi, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, banek speċjalizzati tal-finanzi u l-ekwitajiet, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kredibbiltà ta' mudelli interni u li jiżguraw li dawn jiffukaw fuq l-oqsma fejn huma jagħtu valur miżjud; jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta' proporzjon ta' ingranaġġ biex taġixxi bħala garanzija b'saħħitha, b'mod partikolari għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs); jenfasizza l-bżonn ta' approċċ standard aktar sensittiv għar-riskji sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tar-rispett tal-"istess riskji, l-istess regoli"; jistieden lis-superviżuri finanzjarji biex jippermettu mudelli interni ġodda fil-każ biss jekk dawn ma jwasslux għal piżijiet tar-riskju sinifikatament aktar baxxi mhux ġustifikati; itenni l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III; madankollu jfakkar li l-bidliet regolatorji ppjanati m'għandhomx jirriżultaw f'żidiet ġenerali fir-rekwiżiti kapitali, jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs; jenfasizza li l-ħidma internazzjonali għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità; ifakkar fl-importanza li ma jiġix ippenalizzat b'mod mhux xieraq il-mudell bankarju tal-UE u li tiġi evitata diskriminazzjoni bejn produtturi tal-UE u l-banek internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jiġu kkunsidrati l-ispeċifitajiet Ewropej meta jkunu qed jiġu żviluppati standards internazzjonali ġodda f'dan il-qasam, u biex jiġi debitament ikkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-eżistenza ta' mudelli bankarji differenti meta jiġi vvalutat l-impatt ta' leġiżlazzjoni futura li timplimenta standards miftiehma internazzjonalment;
6. Jenfasizza li aċċess affidabbli għall-finanzi u l-allokazzjoni tajba tal-kapital fil-mudell ta' finanzjament ibbażat fuq il-banek tal-Ewropa jiddependi ħafna fuq karti bilanċjali robusti u kapitalizzazzjoni xierqa, li r-restawr tagħhom wara l-kriżi finanzjarja ma ġiex u mhuwiex assigurat b'mod uniformi madwar l-Unjoni, u b'hekk ixekkel it-tkabbir ekonomiku;
7. Jenfasizza li s-settur bankarju Ewropew għandu rwol ewlieni fil-finanzjament tal-ekonomija Ewropea u li dan huwa appoġġjat minn sistema ta' superviżjoni b'saħħitha; jilqa' għalhekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm il-Fattur ta' Sostenn lill-SMEs fir-reviżjoni li jmiss tas-CRD/CRR u li testendih lil hinn mil-livell limitu attwali tiegħu;
8. Jirrimarka li l-gwida pprovduta minn fora internazzjonali għandha tiġi segwita kemm jista' jkun sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni regolatorja fejn jidħlu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta' banek kbar u attivi f'livell internazzjonali, mingħajr ma dan jipprevjeni approċċ kritiku meta jkun meħtieġ jew jipprekludu devjazzjonijiet mmirati minn standards internazzjonali meta u fejn il-karatteristiċi tas-sistema Ewropea mhumiex ikkunsidrati biżżejjed; ifakkar fil-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni, il-BĊE u l-ABE f'termini ta' involviment fil-ħidma tal-BCBS u għoti lill-Parlament u lill-Kunsill b'aġġornamenti trasparenti u komprensivi dwar l-istat attwali tad-diskussjonijiet tal-BCBS; iqis li l-UE jenħtieġ li taħdem biex ikollha rappreżentazzjoni xierqa fil-BCBS, b'mod partikolari għaż-żona tal-euro; jitlob li jkun hemm iktar viżibilità ta' dan ir-rwol matul il-laqgħat tal-ECOFIN, kif ukoll responsabbiltà msaħħa lill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji; jenfasizza li l-BCBS u fora oħra għandhom jgħinu jippromwovu kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali billi jtaffu - aktar milli jkabbru - id-differenzi bejn il-ġurisdizzjonijiet;
9. Jindika r-riskji, inklużi r-riskji sistemiċi ta' settur bankarju parallel li qed jikber malajr kif muri fl-EU Shadow Banking Monitor (eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-ibbankjar parallel fl-UE) tal-2016; jinsisti li kwalunkwe azzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur bankarju trid tiġi akkumpanjata minn regolamentazzjoni xierqa tas-settur bankarju parallel; jitlob, għalhekk, azzjoni kkoordinata sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja;
10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' stampa komprensiva tal-impatt kumulattiv tal-bidliet differenti fl-ambjent regolatorju, kemm jekk jikkonċernaw is-superviżjoni, l-assorbiment tat-telf, ir-riżoluzzjoni kif ukoll l-istandards kontabilistiċi;
11. Jenfasizza li l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet nazzjonali jistgħu jxekklu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u l-komparabbiltà tar-rapportaġġ finanzjarju mill-banek lill-pubbliku; jilqa' b'sodisfazzjon l-opportunità offruta mill-emenda ġdida li ġiet proposta lis-CRR sabiex jagħlaq jew jirrestrinġi l-użu ta' xi wħud minnhom fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati ostakli eżistenti u s-segmentazzjoni, u biex iżżomm dawk biss li huma strettament neċessarji minħabba d-diversità tal-mudelli bankarji; iħeġġeġ li din l-opportunità tiġi sfruttata bis-sħiħ; jilqa' b'sodisfazzjon il-gwida u r-regolament tal-BĊE li jarmonizzaw l-eżerċizzju ta' xi opzjonijiet nazzjonali u diskrezzjonijiet fi ħdan il-UB; ifakkar, madankollu, li meta jkun qed jaħdem fuq it-tnaqqis tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet, il-BĊE għandu jibqa' fi ħdan il-limiti tal-mandat tiegħu; jenfasizza li l-ħidma lejn l-approfondiment tal-ġabra unika tar-regoli hija kruċjali u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi integrat it-trikkib u rbit flimkien attwali ta' leġiżlazzjoni eżistenti, emendata u ġdida; jistieden lill-BĊE biex jippubblika b'mod sħiħ il-Manwal ta' Superviżjoni li jistabbilixxi l-proċessi, il-proċeduri u l-metodi komuni għat-twettiq ta' proċess ta' rieżami superviżorju fiż-żona tal-euro kollha;
12. Jenfasizza li kien hemm fenomenu tat-tagħlim naturali għall-membri kollha tal-Bord Superviżorju sa mill-ħolqien tal-MSU li jittratta varjetà ta' mudelli ta' negozju differenti u entitajiet ta' daqsijiet differenti, u li dan jeħtieġ li jiġu appoġġjati u aċċelerati;
13. Jinnota l-kjarifiki fir-rigward tal-objettivi tal-Pilastru 2 u postu fil-ġerarkija tar-rekwiżiti kapitali proposti fl-emendi għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD); jinnota li l-użu tal-gwida dwar il-kapital jingħad li jsib bilanċ bejn it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-bżonn li jitħalla lok għal ġudizzju superviżorju u analiżi ta' każ b'każ; iħeġġeġ lill-BĊE biex jiċċara l-kriterji li jenfasizzaw il-gwida tal-Pilastru 2; ifakkar li din il-gwida ma tillimitax l-Ammont Massimu Distribwibbli (AMD), u għalhekk jenħtieġ li ma tiġix divulgata; jemmen li l-użu ta' gwida dwar il-kapital m'għandux jirriżulta fi tnaqqis li jista' jintwera tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2; iqis li hija meħtieġa aktar konverġenza superviżorja għall-kompożizzjoni tal-fondi proprji biex jiġu koperti r-rekwiżiti u l-gwida tal-Pilastru 2; huwa sodisfatt, għalhekk, li din il-kwistjoni hija indirizzata fl-emenda proposta għas-CRD;
14. Jenfasizza r-riskji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'assi tal-livell 3 inklużi d-derivattivi, u b'mod partikolari mid-diffikultà tal-valutazzjoni tagħhom; jinnota li dawn ir-riskji għandhom jiġu mnaqqsa u li dan jeżiġi tnaqqis progressiv ta' dawn l-assi; jistieden lill-MSU biex jagħmel din il-kwistjoni waħda mill-prijoritajiet superviżorji tiegħu u biex jorganizza fuqha, flimkien mal-ABE, test tal-istress kwantitattiv;
15. Itenni l-bżonn li tiġi żgurata trasparenza ogħla fuq is-sett sħiħ ta' prattiki superviżorji, b'mod partikolari fiċ-ċiklu SREP; jitlob lil-BĊE biex jippubblika indikaturi u metriċi tal-prestazzjoni sabiex tintwera l-effettività superviżorja u titjieb ir-responsabbiltà esterna tiegħu; itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza fir-rigward tad-deċiżjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet tal-Pilastru 2; jistieden lill-BĊE biex jippubblika Standards Superviżorji Konġunti;
16. Jinnota r-riskji li jirriżultaw mill-istituzzjonijiet finanzjarji li huma "kbar wisq biex ifallu", interkonnessi wisq biex ifallu u kumplessi wisq biex jiġu riżolti; jinnota li ġie maqbul sett ta' miżuri ta' politika mfassla fil-livell internazzjonali biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji (b'mod partikolari t-TLAC, ikklirjar ċentrali tad-derivattivi, u żieda fil-proporzjon tal-kapital u tal-ingranaġġ għal banek globalment sistemiċi); huwa impenjat li jaħdem malajr fuq il-proposti leġiżlattivi korrispendenti għall-implimentazzjoni tagħhom fl-Unjoni, u b'hekk jitnaqqsu aktar ir-riskji li jirriżultaw mill-kwistjoni "kbar wisq biex ifallu"; ifakkar fil-kliem ta' Mark Carney, President tal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (FSB), li l-ftehim dwar il-proposti għal standard internazzjonali komuni dwar il-kapaċità tal-assorbiment tat-telf totali għall-G-SIBs huwa kruċjali sabiex jintemmu l-banek li huma kbar wisq biex ifallu; jinnota wkoll li mekkaniżmu ta' rikapitalizzazzjoni interna effettiv u l-applikazzjoni ta' livell xieraq ta' MREL huma parti importanti mill-miżuri regolatorji biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u biex jippermettu li l-banek globalment sistemiċi jiġu riżolti mingħajr użu ta' sussidju pubbliku u mingħajr tfixkil għas-sistema finanzjarja usa';
17. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi introdotta Riforma Strutturali Bankarja, inkluż it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi, biex tintemm il-problema ta' istituzzjonijiet kbar ħafna li jkunu kbar wisq biex ifallu;
18. Jenfasizza l-limitazzjonijiet tal-metodoloġija tat-test tal-istress attwali; jilqa', għalhekk, l-isforzi tal-ABE u tal-BĊE biex jiġi segwit it-titjib fil-qafas tal-ittestjar tal-istress; jemmen, madankollu, li jenħtieġ li jsir aktar biex tiġi riflessa aħjar il-possibbiltà u r-realtà ta' sitwazzjonijiet reali ta' kriżi billi, inter alia, jiġu inkorporati aħjar l-elementi dinamiċi bħall-effetti ta' kontaġju fil-metodoloġija; iqis li n-nuqqas ta' trasparenza li tikkaratterizza t-testijiet ta' stress proprji tal-BĊE jimplika inċertezza fil-prattiki superviżorji; jistieden lill-BĊE jippubblika r-riżultati tal-eżerċizzju tat-test tal-istress tiegħu biex irawwem il-fiduċja tas-suq;
19. Iqis li meta Awtorità kompetenti nazzjonali tirrifjuta t-talba biex tqis ċirkostanzi speċifiċi fl-eżerċizzju tat-test tal-istress, dan jenħtieġ li jiġi kkomunikat lill-ABE u lill-MSU biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi;
20. Jilqa' l-progress li sar fil-preparazzjoni biex ikun hemm delegazzjoni fil-qasam tad-deċiżjonijiet adatti u xierqa; madankollu jirrimarka li hemm bżonn ta' bidla fir-regolamenti biex tiġi permessa aktar delegazzjoni u delegazzjoni aktar faċli tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet ta' rutina mingħand il-Bord Superviżorju għal għand l-uffiċjali rilevanti; jilqa' bidla bħal din li tikkontribwixxi biex is-superviżjoni bankarja tal-BĊE tkun aktar effiċjenti u effettiva; jistieden lill-BĊE biex jispeċifika l-kompiti u l-qafas legali għad-delegazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
21. Jieħu nota tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar il-funzjonament tal-MSU; jieħu nota tas-sejbiet dwar il-livell insuffiċjenti ta' persunal; jistieden lill-Awtoritajiet kompetenti nazzjonali u lill-Istati Membri biex jipprovdu bis-sħiħ lill-BĊE r-riżorsi umani neċessarji u data ekonomika li tippermettilha tagħmel ix-xogħol tagħha, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' spezzjonijiet fuq il-post; jistieden lill-BĊE biex jemenda r-Regolament Qafas tal-MSU sabiex jiġu fformalizzati impenji min-naħa tal-Awtoritajiet kompetenti nazzjonali u biex tiġi implimentata metodoloġija bbażata fuq ir-riskju biex jiġi ddeterminat l-għadd immirat ta' persunal u l-kompożizzjoni ta' ħiliet għal Timijiet Superviżorji Konġunti; huwa tal-fehma li aktar involviment ta' persunal tal-BĊE u inqas dipendenza fuq persunal minn Awtoritajiet kompetenti nazzjonali jtejbu l-indipendenza tas-superviżjoni, flimkien mal-użu ta' persunal minn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed biex tiġi ssorveljata istituzzjoni minn Stat Membru ieħor, li jikkontribwixxi wkoll biex jindirizza b'mod effettiv ir-riskju ta' tolleranza superviżorja; jilqa' l-kooperazzjoni tal-BĊE mal-Parlament Ewropew fuq il-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-persunal; jistieden lill-BĊE biex jippromwovi ambjent tax-xogħol tajjeb li jrawwem il-koeżjoni professjonali fi ħdanu; ifakkar il-kunflitt potenzjali ta' interess bejn il-kompiti ta' superviżjoni u r-responsabbiltà għall-politika monetarja, u l-ħtieġa għal separazzjoni ċara bejn iż-żewġ settijiet ta' data; jistieden lill-BĊE jwettaq analiżi ta' riskju fuq il-kunflitti ta' interess possibbli u jipprevedi linji ta' rapportar separati fejn huma kkonċernati riżorsi superviżorji speċifiċi; jemmen li, filwaqt li s-separazzjoni tal-politika monetarja u superviżorja hija prinċipju ċentrali, din jenħtieġ li ma tipprekludix li jkun hemm iffrankar tal-ispejjeż permezz tal-qsim tas-servizzi, dment li dawn is-servizzi ma jkunux kritiċi f'termini ta' tfassil tal-politika u jkunu stabbiliti garanziji xierqa; jistieden lill-BĊE biex iżomm konsultazzjonijiet pubbliċi meta jkunu qed jitfasslu miżuri kważi leġiżlattivi sabiex tiżdied l-akkontabilità tiegħu;
22. Jenfasizza li l-ħolqien tal-MSU kien akkumpanjat minn żieda ta' influwenza għall-Unjoni Ewropa fuq l-istadju internazzjonali meta mqabbel mas-sitwazzjoni li kienet diġà eżistenti;
23. Jenfasizza li s-separazzjoni tal-kompiti superviżorji mill-funzjonijiet tal-politika moneratarja jenħtieġ li tippermetti lill-MSU biex jieħu pożizzjoni indipendenti fuq il-kwistjonijiet kollha rilevanti, inkluż fuq l-effetti potenzjali tal-miri tar-rata tal-imgħax tal-BĊE fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-banek taħt superviżjoni;
24. Jaqbel mal-fehma tal-QEA li mill-bidu tat-twaqqif tal-MSU ħareġ distakk fl-awditjar; huwa kkonċernat li minħabba l-limitazzjonijiet imposti mill-BĊE fuq l-aċċess tal-QEA għad-dokumenti, l-oqsma importanti mhux qed jiġu awditjati; iħeġġeġ lill-BĊE biex jikkoopera bis-sħiħ mal-QEA biex tkun tista' teżerċita l-mandat tagħha u b'hekk tittejjeb l-akkontabbiltà;
25. Ifakkar fil-ħtieġa li, fir-regolamentazzjoni kif ukoll fl-eżerċizzju tas-superviżjoni, jintlaħaq bilanċ bejn il-bżonn ta' proporzjonalità u l-bżonn ta' approċċ konsistenti; jinnota, f'dan ir-rigward, il-bidliet proposti rigward l-obbligi ta' rapportar u remunerazzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2013/36/UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-ħidma fuq "kaxxa bankarja żgħira" u biex testendiha għal valutazzjoni tal-fattibbiltà ta' qafas regolatorju futur li jikkonsisti minn regoli prudenzjali inqas kumplessi u aktar xierqa u proporzjonali speċifiċi għal tipi differenti ta' mudell bankarju; jirrimarka li l-banek kollha jenħtieġ li jkunu soġġetti għal livell xieraq ta' superviżjoni; ifakkar li superviżjoni xierqa hija essenzjali biex jiġu ssorveljati r-riskji irrispettivament mid-daqs tal-banek; jirrispetta d-diviżjoni tar-rwoli u l-kompetenzi bejn l-SRB, l-ABE u awtoritajiet oħrajn fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja, filwaqt li jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni effettiva; jara l-bżonn li tingħeleb il-proliferazzjoni ta' obbligi ta' rapportar u interpretazzjonijiet nazzjonali li jikkoinċidu ta' liġijiet Ewropej f'suq komuni; jappoġġa l-isforzi għal simplifikazzjoni li saru s'issa, bħall-idea wara l-Qafas Ewropew ta' Rapportar (ERF), u jinkoraġġixxi aktar sforzi f'din id-direzzjoni sabiex jiġi evitat rapportar doppju u spejjeż addizzjonali mhux meħtieġa tar-regolamentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni fi żmien debitu, f'konformità mal-konklużjonijiet tiegħu mis-sejħa għal evidenza, pereżempju permezz ta' proposta għal proċedura ta' rapportar superviżorju unitarja u kkonsolidata komuni; jitlob ukoll li jkun hemm tħabbira fil-ħin ta' obbligi ta' rapportar ad hoc u permanenti sabiex jiġu żgurati kwalità għolja ta' data u sigurtà tal-ippjanar;
26. Jenfasizza li s-sigurtà u s-solidità ta' bank ma jistgħux jiġu koperti minn valutazzjoni abbażi ta' punt fiż-żmien tal-karta bilanċjali tiegħu biss, peress li dawn jiġu żgurati permezz ta' interazzjonijiet dinamiċi bejn il-bank u s-swieq, u huma affettwati minn diversi elementi fl-ekonomija kollha kemm hi; jenfasizza għalhekk li qafas sod għall-istabbiltà u t-tkabbir finanzjarju jenħtieġ li jkun komprensiv u bilanċjat sabiex ikopri prattiki superviżorji dinamiċi u ma jiffukax biss fuq regolamentazzjoni statika li tirrigwarda, fil-biċċa l-kbira, aspetti kwantitattivi;
27. Jiġbed l-attenzjoni għad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-ABE; jenfasizza li l-BĊE ma jenħtieġx li jsir entità de facto li tfassal l-istandards għall-banek li mhumiex MSU;
28. Jinnota li, fit-18 ta' Mejju 2016, il-Kunsill tal-BĊE adotta r-Regolament dwar il-ġbir ta' kreditu granulari u ta' data dwar ir-riskju tal-kreditu (AnaCredit); jistieden lill-BĊE jippermetti lill-banek ċentrali nazzjonali kemm jistgħu flessibbiltà meta jimplimentaw l-AnaCredit;
29. Jistieden lill-BĊE biex ma jibdiex ħidma fuq kwalunkwe stadju ulterjuri ieħor f'konnessjoni mal-AnaCredit sakemm ma sseħħx konsultazzjoni pubblika, b'involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u jitqies b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità;
30. Itenni l-importanza ta' sistemi tal-IT b'saħħithom u li jiffunzjonaw tajjeb li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-funzjonijiet superviżorji tal-MSU u t-tħassib dwar is-sigurtà; jiddispjaċih dwar rapporti reċenti ta' dgħufijiet persistenti fis-sistema tal-IT;
31. Jilqa' l-istabbiliment ta' Bordijiet Nazzjonali tar-Riskju Sistemiku, iżda jenfasizza li l-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja jsaħħaħ il-bżonn li jissaħħu l-politika makroprudenzjali fil-livell Ewropew sabiex jiġu indirizzati b'mod xieraq l-effetti sekondarji transfruntiera potenzjali ta' riskju sistemiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi superviżjoni makroprudenzjali effettiva fir-rieżami ġenerali tagħha tal-qafas makroprudenzjali fl-2017; jistieden lill-Kummissjoni tkun speċjalment ambizzjuża sabiex issaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u analitika tal-BERS biex jivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju u lil hinn minnu biex jintervjeni kif xieraq; iqis li strumenti bbażati fuq is-self (bħal LTVs u DSTIs) jenħtieġ li jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni fl-użu ta' dawn it-tipi addizzjonali ta' strumenti makroprudenzjali; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-kumplessità istituzzjonali u l-proċess twil fl-interazzjoni bejn il-BERS, il-BĊE/MSU u l-awtoritajiet nazzjonali, u bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u maħtura, fil-qasam tas-superviżjoni makroprudenzjali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-progress li diġà sar fil-koordinazzjoni transfruntiera permezz tar-rakkomandazzjoni tal-BERS dwar reċiproċità volontarja; itenni t-talba tiegħu għall-kjarifika ta' rabtiet bejn il-qafas makroprudenzjali u l-għodod mikroprudenzjali eżistenti, sabiex tiġi żgurata interazzjoni effettiva ta' strumenti ta' politika makroprudenzjali u mikroprudenzjali; jesprimi tħassib dwar id-dgħufijiet fis-settur tal-proprjetà immobbli identifikati mill-BERS; jinnota li l-ABE għadha trid tipprovdi RTSs fuq il-kondizzjoni tar-rekwiżiti tal-kapital għall-iskopertura tal-ipoteki skont l-Artikolu 124(4)(b) u 164(6) CRR; jinnota li s'issa, numru żgħir biss ta' membri tal-MSU attivaw jew qed jippjanaw li jattivaw buffers ġenerali ta' riskju sistemiku u buffer kapitali kontroċikliku; jinnota li l-BĊE s'issa għadu ma eżerċitax bis-sħiħ il-poteri superviżorji makroekonomiċi tiegħu billi jrawwem l-adozzjoni ta' strumenti superviżorji makroprudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali;
32. Jenfasizza li l-andament tar-referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE jirrikjedi evalwazzjoni sħiħa tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), inkluż il-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan l-ASE, b'mod partikolari tal-mekkaniżmu tal-maġġoranza doppja prevista fl-Artikolu 44(1) tar-regolament tal-ABE; jenfasizza li l-possibbilitajiet ta' negozjati wara r-referendum m'għandhomx iwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi bejn l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji li mhumiex fl-UE, u ma għandhomx jintużaw biex tkun promossa t-tneħħija tar-regolamentazzjoni fis-settur finanzjarju;
33. Jilqa' x-xogħol eċċellenti tat-Timijiet Superviżorji Konġunti li huma eżempju tajjeb ta' kooperazzjoni Ewropea u bini tal-għarfien; jinnota li l-użu futur propost ta' sistema ta' rotazzjoni fl-organizzazzjoni tat-Timijiet Superviżorji Konġunti jenħtieġ li jiggarantixxi superviżjoni oġġettiva filwaqt li jitqies il-proċess twil ta' bini tal-għarfien fil-qasam kumpless ħafna tal-kompetenza;
34. Jilqa' l-fatt li l-Unjoni Bankarja eliminat b'mod wiesa' l-kwistjoni tal-post ta' oriġini u dak ospitanti fis-superviżjoni bl-istabbiliment ta' superviżur uniku u l-iskambju mtejjeb ħafna ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji, u b'hekk hija permessa superviżjoni aktar olistika ta' gruppi bankarji transfruntiera; jenfasizza li, minħabba l-istat attwali mhux komplut tal-Unjoni Bankarja, ir-reviżjoni tas-CRR dwar ir-rinunzji tal-likwidità u l-kapital teħtieġ li tqis b'mod xieraq it-tħassib tal-protezzjoni tal-konsumatur f'pajjiżi ospitanti;
35. Jilqa' l-inizjattiva tal-BĊE li tobbliga lill-banek taħt superviżjoni jirrapportaw ċiberattakki sinifikanti taħt servizz ta' twissija f'ħin reali kif ukoll l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-SMU biex tiġi ssorveljata ċ-ċibersigurtà; jitlob it-twaqqif ta' qafas legali li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva rilevanti għall-prevenzjoni ta' ċiberattakki bejn il-banek;
36. Jenfasizza li r-rwol kruċjali taċ-ċibersigurtà għas-servizzi bankarji u l-ħtieġa li jiġu inċentivati l-istituzzjonijet finanzjarji biex ikunu ambizzjużi ħafna fil-ħarsien tad-data tal-konsumatur u l-garanzija taċ-ċibersigurtà;
37. Jinnota li l-MSU ġie assenjat il-kompitu ta' superviżjoni bankarja Ewropea għall-iskop li jassigura l-konformità mar-regoli prudenzjali tal-UE u li jassigura l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li kompiti superviżorji oħrajn li għandhom effett kollaterali Ewropej ċari baqgħu f'idejn is-superviżuri domestiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-MSU jenħtieġ li jkollu poteri ta' monitoraġġ li jikkonċernaw attivitajiet tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus tas-superviżuri bankarji nazzjonali; jenfasizza li l-ABE jenħtieġ li tingħata wkoll poteri addizzjonali fil-qasam tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus, inklużi l-poteri biex twettaq valutazzjonijiet fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li tirrikjedi l-produzzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità, li toħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva, li tagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet pubbliċi u li tieħu miżuri li huma neċessarji biex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet huma implimentati b'mod effettiv;
38. Itenni t-talba tiegħu lill-ABE biex tinforza u ssaħħaħ il-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur għas-servizzi bankarji f'konformità mal-mandat tagħha, filwaqt li tikkomplementa s-superviżjoni prudenzjali tal-MSU;
Ir-riżoluzzjoni
39. Ifakkar fil-bżonn ta' konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat meta jkunu qed jittrattaw kriżijiet tal-banek, u li appoġġ pubbliku straordinarju għandu jkun biss ta' natura prekawzjonarja u temporanja, u ma jistax jintuża biex jikkumpensa għat-telf li l-istituzzjoni tkun ġarrbet jew x'aktarx se ġġarrab fil-futur qarib; jitlob li tingħata definizzjoni tal-proċeduri effiċjenti bejn l-SRB u l-Kummissjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-każ ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar il-perjodu ta' żmien; huwa tal-fehma li l-flessibbiltà inkorporata fil-qafas attwali għandha tiġi ċċarata, u jfakkar li għandha tiġi sfruttata aħjar sabiex tindirizza sitwazzjonijiet speċifiċi mingħajr ma xxekkel riżoluzzjoni ġenwina tal-banek li huma insolventi, b'mod partikolari fil-każ ta' miżuri preventivi u miżuri alternattivi li jinvolvu l-użu tal-fondi tas-SGD previsti fl-Artikolu 11(3) u (6) tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DSGD); jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tikkunsidra mill-ġdid l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli rilevanti ta' għajnuna mill-Istat fi sforz biex tiggarantixxi li l-miżuri ta' prevenzjoni u alternattivi pprovduti mil-leġiżlatur Ewropew fid-DGSD jistgħu realment jiġu implimentati; jinnota li sitwazzjonijiet speċifiċi ġew indirizzati b'mod differenti mingħajr ġustifikazzjoni ċara; ifakkar lill-Kummissjoni li rapport li jivvaluta l-ħtieġa kontinwa biex ir-rikapitalizzazzjonijiet prekawzjonarji u l-kondizzjonalità marbuta ma' tali miżuri jkunu permessi kellu jitlesta sal-31 ta' Diċembru 2015; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta tali rapport kemm jista' jkun malajr;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fid-dawl tal-esperjenza u fi ħdan il-qafas tar-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, jekk l-SRB u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali humiex mgħammra b'poteri ta' intervent bikri suffiċjenti u bi strumenti ta' intervent bikri suffiċjenti, sabiex jiġu evitati flussi ta' ħruġ li huma ta' xkiel għall-kapital u l-kapaċità ta' assorbiment tat-telf tal-banek matul kriżi;
41. Jenfasizza l-importanza li jiġu kkjarifikati l-kwistjonijiet prattiċi li qegħdin jaffettwaw direttament ir-riżoluzzjoni, bħad-dipendenza fuq il-fornituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi kritiċi, bħal pereżempju fil-każ ta' servizzi tal-IT esternalizzati;
42. Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni li jintroduċu fil-Pilastru 1 kapaċità totali ta' assorbiment minimu ("TLAC") għal banek globali sistemikament importanti, f'konformità ma' standards internazzjonali; jieħu nota tad-differenzi bejn t-TLAC u l-MREL; jenfasizza, madankollu, li ż-żewġ standards għandhom l-istess għan, jiġifieri li jiġi żgurat li l-banek għandhom biżżejjed kapital regolatorju u obbligazzjonijiet tal-assorbiment tat-telf sabiex ir-rikapitalizzazzjoni interna tkun strument effettiv f'riżoluzzjoni mingħajr ma jikkawżaw instabbiltà finanzjarja u mingħajr ma jkunu meħtieġa fondi pubbliċi, u b'hekk tiġi evitata s-soċjalizzazzjoni tar-riskji privati; jikkonkludi, għaldaqstant, li approċċ olistiku għall-assorbiment tat-telf jista' jintlaħaq billi jiġu kkombinati t-tnejn, fuq il-bażi ta' TLAC kif traspost fil-proposta attwali tal-Kummissjoni bħala l-istandard minimu, soġġett għall-ftehim li għandu jintlaħaq mill-koleġiżlaturi; jenfasizza li għandha tingħata debita konsiderazzjoni għaż-żamma taż-żewġ kriterji tad-daqs u tal-assi mwieżna għar-riskju, u jinnota l-interkonnessjoni bejn il-kriterju tal-assi mwieżna għar-riskju sottostanti għall-istandard TLAC u l-ħidma attwali fl-UE u fil-BCBS fuq mudelli interni u fuq l-iffinalizzar tal-qafas ta' Basel III; jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa fil-kalibrar u/jew id-dħul gradwali tar-rekwiżiti MREL ġodda, kif ukoll għall-ħtieġa li jinħoloq suq għall-obbligazzjonijiet MREL eliġibbli; jenfasizza l-importanza taż-żamma ta' diskrezzjoni għall-awtorità tar-riżoluzzjoni meta tistabbilixxi MREL, u li tiżgura li l-banek iżommu biżżejjed dejn subordinat jew dejn li jippermetti rikapitalizzazzjoni interna; jenfasizza li jenħtieġ li d-divulgazzjoni tas-suq issir b'mod xieraq, sabiex tiġi evitata l-interpretazzjoni ħażina tal-investituri rigward ir-rekwiżiti MREL;
43. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi ċċarata, fil-leġiżlazzjoni, il-ġerarkija bejn is-CET1 eliġibbli għall-MREL u l-buffers kapitali; jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi adottata leġiżlazzjoni bil-għan li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet u s-setgħat, rispettivament, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward ta' miżuri ta' intervent bikri li għandhom jittieħdu f'każijiet ta' ksur ta' rekwiżiti MREL; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' gwida MREL; itenni li jenħtieġ li l-kalibrazzjoni tal-MREL f'kull każ tkun marbuta mill-qrib u ġustifikata mill-istrateġija tar-riżoluzzjoni tal-bank partikolari;
44. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi ċċarata, fil-leġiżlazzjoni, li s-CET1 eliġibbli għall-MREL jiżdied mal-buffers kapitali biex jiġi evitat li jingħadd darbtejn mal-kapital;
45. Jenfasizza li l-armonizzazzjoni tal-ġerarkija tat-talbiet fl-insolvenza tal-banek fl-Istati Membri hija kruċjali sabiex l-implimentazzjoni tal-BRRD issir aktar konsistenti u effikaċi u biex tingħata ċ-ċertezza lill-investituri transfruntiera; jilqa', għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni biex tmur lil hinn mill-armonizzazzjoni tal-ġerarkija tat-talbiet; jinnota li armonizzazzjoni aħjar tar-reġim ta' insolvenza regolari u tal-ġerarkija tat-talbiet se tkun essenzjali wkoll, kemm, fil-każ tal-banek, biex jiġu evitati d-diskrepanzi mar-reġim tar-riżoluzzjoni bankarja, kif ukoll, fil-każ ta' kumpaniji, biex jipprovdu ċarezza u ċertezza addizzjonali lill-investituri transkonfinali u tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-kwistjoni ta' self improduttiv; jilqa' l-fatt li l-BRRD ġabet bidla importanti fil-ġerarkija tal-insolvenza, billi tat prijorità lid-depożiti assigurati, sabiex b'hekk dawn jiġu kklassifikati bħala superjuri għall-istrumenti kapitali kollha, għall-kapaċità ta' assorbiment tat-telf, dejn superjuri ieħor u għad-depożiti mhux assigurati; jistieden lill-SRB jippreżenta r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà għall-G-SIBs u banek oħra, inkluż il-miżuri proposti biex jingħelbu l-impedimenti għal riżoluzzjoni;
46. Jinnota l-firxa ta' alternattivi legali disponibbli biex tiġi żgurata s-subordinazzjoni ta' dejn eleġibbli għat-TLAC; jirrimarka li l-ebda waħda ma hija preferuta mill-FSB; huwa tal-fehma li l-approċċ adottat għandu, l-ewwel nett, isib bilanċ bejn il-flessibbiltà, l-effettività, iċ-ċertezza legali u l-kapaċità tas-suq biex jassorbi kwalunkwe klassi ġdida ta' dejn;
47. Jitlob li jkun hemm riflessjoni dwar l-impatt negattiv possibbli fuq l-ekonomija reali mir-reviżjoni tar-regoli ta' Basel, l-introduzzjoni tar-rekwiżiti MREL, l-introduzzjoni tat-TLAC u l-IFRS 9; jitlob li jkun hemm soluzzjoni li l-għan tagħha jkun li ttaffi l-impatti;
48. Ifakkar li r-reġim ġdid ta' riżoluzzjoni introdott irriżulta f'ċerti strumenti offruti lill-investituri, b'mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur, li jinvolvu riskju ikbar ta' telf taħt ir-reġim preċedenti; Ifakkar ukoll li strumenti li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament għandhom l-ewwel nett jinbiegħu biss lil investituri xierqa li jistgħu jassorbu telf potenzjali tagħhom stess mingħajr ma jiġu mhedda fil-pożizzjoni finanzjarja soda tagħhom; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex trawwem l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti, u jistieden lill-ASEs jikkontribwixxu għad-detezzjoni ta' prattiki ħżina ta' bejgħ;
49. Iwissi li l-implimentazzjoni tar-rekwiżit tal-BRRD ta' rikonoxximent kuntrattwali għas-setgħat ta' rikapitalizzazzjoni interna fuq l-obbligazzjonijiet irregolati mil-leġiżlazzjoni mhux tal-UE hija kkumplikata; iqis din il-kwistjoni bħala ta' tħassib immedjat; jinnota d-dritt introdott permezz tal-emendi proposti BRRD għall-awtoritajiet kompetenti biex iwarrbu dan ir-rekwiżit; iqis li dan l-approċċ jippermetti għal flessibbiltà u għal valutazzjoni każ b'każ tal-obbligazzjonijiet ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjonijiet u d-deċiżjonijiet sussegwenti reali dwar l-eżenzjonijiet ma jipperikolawx ir-riżolvibbiltà tal-banek;
50. Jirrimarka li skambju ta' informazzjoni rapidu u effikaċi bejn l-awtoritajiet tas-superviżjoni u tar-riżoluzzjoni huwa fundamentali biex tiġi żgurata ġestjoni tal-kriżijiet bla xkiel; jilqa' l-konklużjoni tal-memorandum ta' qbil (MtQ) bejn il-BĊE u l-SRM fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-BĊE jispeċifika fil-MtQ il-proċeduri ta' komunikazzjoni bejn it-timijiet superviżorji konġunti u t-timijiet interni ta' riżoluzzjoni; jirrakkomanda li l-attendenza tal-BĊE bħala osservatur permanenti fil-Plenarja u s-Sessjonijiet Eżekuttivi tal-SRB għandha ssir b'mod għalkollox reċiproku, billi rappreżentat tal-SRB jitħalla jattendi fil-Bord Superviżorju tal-BĊE wkoll bħala osservatur permanenti;
51. Jieħu nota tar-rwol doppju tal-membri tal-Bord tal-SRB, li fl-istess ħin huma membri ta' korp eżekuttiv bi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet u maniġers anzjani responsabbli f'dik il-kapaċità lejn il-President tal-Bord, u jqis li jenħtieġ li ssir evalwazzjoni ta' din l-istruttura qabel ma jispiċċa l-mandat attwali;
52. Ifakkar li s-sustanza tal-Ftehim Intergovernattiv fir-rigward tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) hija li fl-aħħar mill-aħħar ikun inkorporat fil-qafas legali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-modi kif dan jista' jsir; jenfasizza li l-inkorporazzjoni imminenti tal-patt fiskali fid-dritt tal-UE tista' tikkostitwixxi mudell utli;
53. Jitlob li l-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-SRF jiġu kkalkolati b'mod trasparenti ħafna bi sforzi biex tiġi armonizzata l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kalkolu u jitjieb il-fehim dwar il-metodoloġija tal-kalkolu; jistieden lill-Kummissjoni twettaq ir-reviżjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-SRF prevista fil-Premessa 27 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 bl-akbar attenzjoni, u b'mod partikolari, teżamina l-adegwatezza tal-fattur ta' riskju sabiex jiġi żgurat li l-profil ta' riskju ta' istituzzjonijiet inqas kumplessi jitqies kif xieraq;
54. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Finanzi tat-8 ta' Diċembru 2015 dwar is-sistema tal-arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju għall-SRF; jinnota, f'dan ir-rigward, li 15 minn 19-il Stat Membru taż-żona tal-euro diġà ffirmaw Ftehim dwar Faċilità ta' Self mal-SRB; ifakkar li dawn il-linji ta' kreditu individwali se jkunu disponibbli biss bħala l-aħħar rimedju; huwa tal-opinjoni li din is-soluzzjoni mhijiex suffiċjenti biex jingħeleb iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani u jintemmu s-salvataġġi ffinanzjati mill-kontribwenti tat-taxxa; jappella għal progress rapidu fil-ħidma mill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni għall-SRF, ir-responsabbiltà aħħarija għall-iffinanzjar li għandha tkun f'idejn is-settur bankarju u li għandha tkun fiskalment newtrali fuq terminu medju, kif miftiehem fi ħdan il-ftehim dwar l-SRF u kkonfermat mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2016;
L-assigurazzjoni tad-depożiti
55. Itenni s-sejħa tiegħu għat-tielet pilastru sabiex l-Unjoni Bankarja tiġi kkompletata; ifakkar li l-protezzjoni tad-depożiti hija ta' tħassib komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE; qiegħed attwalment jiddibatti l-proposta dwar l-EDIS fil-livell tal-kumitat;
56. Jenfasizza li l-introduzzjoni tal-EDIS u d-diskussjonijiet dwar dan il-proġett m'għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-isforzi lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tad-DGSD; jilqa' l-ħidma li saret dan l-aħħar mill-ABE biex tippromwovi l-konverġenza f'dan il-qasam; jilqa' l-fatt li l-Istati Membri kollha ittrasponew il-BRRD; ifakkar lill-Istati Membri kollha dwar l-obbligu li japplikaw u jimplimentaw b'mod korrett il-BRDD u d-DGSD;
57. Ifakkar li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi fl-UE kollha u li jenħtieġ li tevita kwalunkwe frammentazzjoni fi ħdan is-suq intern;
58. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-SRB, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0006.
- [2] http://www.consilium.europa.eu/mt/european-council/pdf/20120629-euro-area-summit-statement-mt_pdf.
- [3] ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
- [4] ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.
- [5] https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/pdf/ssmar2015.mt.pdf.
- [6] "Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku - Bidu tajjeb iżda jenħtieġ aktar titjib", http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_29/SR_SSM_MT.pdf.
- [7] ĠU L 78, 24.3.2016, p. 60.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2016)0108.
- [9] Testi adottati, P8_TA(2016)0439.
- [10] ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
- [11] ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
- [12] ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.
- [13] ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
- [14] ĠU L 237, 3.9.2016, p. 1.
- [15] ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149.
- [16] il-Ħames Rapport tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir indipendenti tal-2017, tat-23 ta' Novembru 2016.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
25.1.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 11 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luigi Morgano, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Enrique Calvet Chambon, Matt Carthy, David Coburn, Mady Delvaux, Bas Eickhout, Ashley Fox, Ildikó Gáll-Pelcz, Eva Maydell, Renato Soru, Lieve Wierinck |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlos Iturgaiz |
||||