Proċedura : 2016/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0020/2017

Testi mressqa :

A8-0020/2017

Dibattiti :

PV 13/02/2017 - 12
CRE 13/02/2017 - 12

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2017 - 8.8
CRE 14/02/2017 - 8.8

Testi adottati :

P8_TA(2017)0026

RAPPORT     
PDF 801kWORD 73k
1.2.2017
PE 594.010v02-00 A8-0020/2017

dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

(2016/2094(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Bogdan Brunon Wenta, Norbert Neuser

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RESULT OF FINAL VOTE IN COMMITTEE RESPONSIBLE
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp

(2016/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005(1),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp(2) u l-Pożizzjoni Komuni tal-UE għat-tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) li saret f'Nairobi (mit-28 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2016)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta' Diċembru 2011, li vara s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York(4),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Dili tal-10 ta' April 2010, dwar il-bini tal-paċi u l-bini tal-istati, kif ukoll "Il-Patt il-Ġdid favur l-Involviment fi Stati Fraġli" varat fit-30 ta' Novembru 2011(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi (COP 21) skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla" (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra s-Summit Umanitarju Dinji li sar bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016 f'Istanbul u l-Impenji għal Azzjoni tiegħu(8),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) li saret mis-17 sal-20 ta' Ottubru 2016 f'Quito, l-Ekwador(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-OECD/UNDP bit-titolu "Making Development Cooperation More Effective" (Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi)(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jiddikjara li "l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin", u li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE(11),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar l-għeruq tad-demokrazija u tal-iżvilupp sostenibbli: l-involviment tal-Ewropa mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha(13),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016(14),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), iffirmata u ratifikata mill-UE fl-2011, u l-Osservazzjonijiet Konklużivi tan-NU dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea għall-Iżvilupp "Il-Kunsens Ewropew"(15), tal-5 ta' Lulju 2011 dwar żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE(16), tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp(17), tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(18), tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(19), tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(20), tal-14 ta' April 2014 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(21), tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(22), tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(23) u tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(24),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020 (SWD(2015)0182) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 li japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi korrispondenti,

–  wara li kkunsidra l-qafas il-ġdid għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE (2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(25),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-erba' prinċipji fundamentali tiegħu ta' nondiskriminazzjoni (Artikolu 2), l-aħjar interessi tat-tfal (Artikolu 3), is-sopravivenza, l-iżvilupp u l-protezzjoni (Artikolu 6) u l-parteċipazzjoni (Artikolu 12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet li għaddejjin tiegħu dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE, u dwar iż-żieda fl-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0020/2017),

A.  billi reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp hija f'waqtha u neċessarja meta jiġi kkunsidrat il-qafas estern mibdul, inkluża l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi COP 21 dwar it-tibdil fil-klima, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, sfidi globali ġodda jew li qed jiżdiedu bħat-tibdil fil-klima, il-kuntest tal-migrazzjoni, pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar diversifikati bi ħtiġijiet ta' żvilupp differenti u speċifiċi, donaturi emerġenti u atturi globali ġodda, spazju li qed jonqos għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u bidliet interni fl-UE, fosthom dawk li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona, mill-Aġenda għall-Bidla u mill-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà;

B.  billi l-Aġenda 2030 universali u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) interrelatati għandhom l-għan li jiksbu żvilupp sostenibbli fil-limiti tal-pjaneta, filwaqt li jibnu sħubijiet li jqiegħdu lin-nies fiċ-ċentru, jipprovdulhom riżorsi vitali bħall-ikel, l-ilma u s-sanità, il-kura tas-saħħa, l-enerġija, l-edukazzjoni u opportunitajiet ta' impjieg, u jippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd; billi l-azzjonijiet iridu jittieħdu skont il-prinċipji ta' sjieda tal-pajjiż, ta' sħubijiet ta' żvilupp inklużivi, ta' enfasi fuq ir-riżultati, ta' trasparenza u r-responsabbiltà; billi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet huwa prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli f'konformità mar-riżoluzzjoni 41/128 tan-NU, fejn id-dritt għall-iżvilupp huwa definit bħala dritt tal-bniedem inaljenabbli;

C.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jiddikjara li "l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin";

D.  billi t-tibdil fil-klima huwa fenomenu li jrid jiġi ttrattat b'mod urġenti, peress li jolqot ferm aktar lill-foqra u lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli;

E.  billi tliet kwarti tal-foqra fid-dinja jgħixu f'Pajjiżi b'Introjtu Medju (MICs); billi l-MICs mhumiex grupp omoġenju iżda għandhom ħtiġijiet u sfidi varjati ħafna, u għalhekk il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE trid tkun differenzjata biżżejjed;

F.  billi l-approċċ ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp previst fit-Trattati jesiġi li l-UE tqis l-objettivi dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp meta taġixxi f'oqsma politiċi oħra li x'aktarx li jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi oqsma ta' politika marbuta mill-qrib bħall-kummerċ, is-sigurtà, il-migrazzjoni, l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp għalhekk iridu jiġu fformulati u implimentati b'mod li jsaħħu lil xulxin;

G.  billi l-migrazzjoni saret kwistjoni dejjem aktar urġenti, b'aktar minn 65 miljun ruħ ikunu vittmi ta' spostament forzat madwar id-dinja; billi l-maġġoranza l-kbira tar-rifuġjati jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-fraġilità tal-istati, l-instabbiltà u l-gwerer, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-faqar estrem u n-nuqqas ta' prospetti huma fost il-kawżi ewlenin li jwasslu lin-nies jitilqu minn djarhom; billi miljuni ta' nies emigraw jew ħarbu lejn l-UE fis-snin riċenti;

H.  billi xi proposti riċenti mill-Kummissjoni għandhom it-tendenza li jqisu l-politika tal-iżvilupp mill-perspettiva l-ġdida tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, sabiex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet tal-UE li sikwit ikunu għall-perjodu qasir; billi m'għandu jkun hemm l-ebda kundizzjonalità bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; billi fondi bħall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika u l-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE ġew stabbiliti bl-għan li jkun hemm reazzjoni għall-kriżijiet migratorji riċenti fl-UE; billi l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE jrid ikollha bħala l-objettiv primarju tagħha t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp;

I.  billi s-saħħa u l-edukazzjoni huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-investiment biex jiġi ggarantit aċċess universali f'dawn l-oqsma għalhekk jidher b'mod prominenti fl-Aġenda 2030 u fl-SDGs u għandu jkollu riżorsi adegwati sabiex ikollu effetti konsegwenzjali għal setturi oħra;

J.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma s-sinsla tal-ekonomiji madwar id-dinja, huma parti fundamentali mill-ekonomija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, flimkien mas-setturi pubbliċi li jaħdmu tajjeb, huma fattur ewlieni biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku, soċjali u kulturali; billi l-SMEs spiss jiffaċċjaw aċċess ristrett għall-kapital, b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

K.  billi llum aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija hija urbana, u billi huwa mbassar li dan il-proporzjon jilħaq żewġ terzi sal-2050, b'madwar 90 % tat-tkabbir urban iseħħ fl-Afrika u fl-Asja; billi din it-tendenza ssaħħaħ il-ħtieġa għal żvilupp urban sostenibbli; billi s-sigurtà urbana qed issir sfida dejjem akbar f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw;

L.  billi l-oċeani għandhom rwol vitali għall-bijodiversità, is-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-impjiegi u t-tkabbir, iżda billi r-riżorsi tal-baħar huma mhedda mit-tibdil fil-klima u minn sfruttament żejjed u ġestjoni insostenibbli;

M.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti qed ifaqqru l-ekosistemi u huma kontributuri importanti għat-tibdil fil-klima;

N.  billi l-politika tal-iżvilupp tal-UE tikkomplementa b'mod importanti l-politika tal-iżvilupp tal-Istati Membri li għandha tiffoka fuq oqsma ta' vantaġġ komparattiv u fuq modi li bihom ir-rwol dinji tal-UE bħala organizzazzjoni jista' jiżviluppa aktar l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tagħha;

O.  billi l-politika tal-iżvilupp hija aspett kruċjali tal-politika esterna tal-UE; billi l-Unjoni hija l-akbar donatur għall-iżvilupp fid-dinja u, flimkien mal-Istati Membri tagħha, tipprovdi aktar minn nofs l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp f'livell dinji;

P.  billi l-inugwaljanzi fil-ġid u fl-introjtu qed jikbru madwar id-dinja; billi din it-tendenza għandha r-riskju li timmina l-koeżjoni soċjali u li żżid id-diskriminazzjoni, l-instabbiltà politika u l-inkwiet politiku; billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi hija għalhekk kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tirrappreżenta strateġija vijabbli biex eventwalment tingħeleb id-dipendenza mill-għajnuna barranija;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp billi jipprovdi pożizzjoni konġunta u koerenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri dwar l-objettivi, il-valuri, il-prinċipji u l-aspetti ewlenin tal-politika tal-iżvilupp, anke fl-implimentazzjoni tagħha; jemmen li l-acquis tal-Kunsens, u b'mod partikolari l-approċċ olistiku tiegħu u l-objettiv primarju ċar tal-ġlieda kontra l-faqar, u eventwalment il-qerda tal-faqar, irid jiġi ssalvagwardjat fir-reviżjoni tiegħu; jemmen, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-inugwaljanzi, kif rikonoxxut fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, irid ikun mira wkoll; ifakkar li l-politiki tal-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE għandhom isaħħu u jikkomplementaw lil xulxin;

2.  Iwissi kontra t-twessigħ tal-kriterji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bl-għan li jkopru spejjeż għajr dawk marbuta direttament mal-objettivi msemmija preċedentement; jenfasizza li kwalunkwe riforma tal-ODA irid ikollha l-għan li żżid l-impatt tal-iżvilupp;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' strateġija Ewropea esterna ċara, li tirrikjedi l-koerenza politika, b'mod partikolari dwar il-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, il-kummerċ, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; itenni, madankollu, li l-objettivi tal-iżvilupp huma għanijiet fihom infushom; ifakkar fl-obbligu previst fit-Trattat minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE biex jittieħdu "in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw"; jissottolinja bil-qawwa li l-Parlament jista' jaċċetta biss kunċett qawwi ta' politika tal-iżvilupp imsejjes fl-obbligi tat-TFUE b'enfasi ewlenija fuq il-ġlieda kontra l-faqar; ifakkar fil-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-UE skont l-Artikolu 21(1) tat-TFUE, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

4.  F'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, jiddeskrivi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ġej: ġlieda għad-DINJITÀ permezz tal-qerda tal-FAQAR;

L-objettivi, il-valuri u l-prinċipji tal-iżvilupp tal-UE

5.  Jitlob li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), l-Aġenda 2030 u d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli jiġu inklużi fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE u li jitpoġġew fil-qalba tal-Kunsens, filwaqt li jirrikonoxxi l-interkonnessjonijiet importanti bejn l-għanijiet u l-miri tiegħu; jitlob li l-ġlieda kontra l-faqar, u eventwalment il-qerda tal-faqar, jibqgħu l-għan ġenerali u primarju tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-gruppi l-aktar emarġinati u bl-għan li ħadd ma jibqa' lura;

6.  Jenfasizza n-natura universali u trasformattiva tal-Aġenda 2030; jissottolinja, għalhekk, li pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw għandhom responsabbiltà kondiviża biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u li l-istrateġija tal-UE dwar l-SDGs trid tikkonsisti minn ġabra koerenti ta' politiki u impenji kemm interni kif ukoll esterni b'sett sħiħ ta' għodod tal-politika tal-iżvilupp;

7.  Jinsisti li l-politika tal-iżvilupp trid tirrifletti b'mod aktar konsistenti l-attenzjoni tal-Unjoni fuq l-istati fraġli, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-bniet vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta' prattiki dannużi u dawk f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, u jfakkar fl-impenn tal-UE li talloka tal-anqas 20 % tal-ODA tagħha għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem;

8.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet li jistgħu jsostnu lilhom infushom; jitlob lill-UE tistabbilixxi rabtiet bejn l-edukazzjoni ta' kwalità, it-taħriġ tekniku u vokazzjonali u l-kooperazzjoni mal-industrija bħala prekundizzjoni essenzjali għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-aċċess għal impjiegi kwalifikati; jemmen li l-indirizzar b'mod partikolari tal-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi huwa kruċjali kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-protezzjoni tat-tfal;

9.  Jenfasizza li fatturi sistemiċi, inklużi l-inugwaljanza bejn is-sessi, l-ostakli politiċi u l-iżbilanċi tal-poter, għandhom impatt fuq is-saħħa u li l-iżgurar ta' aċċess ekwu għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità pprovduti minn persunal tal-kura tas-saħħa mħarreġ, ikkwalifikat u kompetenti huwa kruċjali; jissottolinja li l-Kunsens il-ġdid għandu għalhekk jippromwovi l-investiment fi, u l-emanċipazzjoni ta', ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-ewwel linja, li għandhom rwol kruċjali biex jiġi garantit l-għoti ta' servizzi tal-kura tas-saħħa f'żoni remoti, foqra u li mhumiex moqdija sew, u f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza li l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tas-saħħa ġodda biex jiġu indirizzati theddidiet ġodda għas-saħħa bħall-epidemiji u r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija kruċjali għall-ilħuq tal-SDGs;

10.  Jitlob li jkun hemm impenn kontinwu qawwi tal-UE għall-governanza globali bbażata fuq ir-regoli kif ukoll il-promozzjoni tagħha, u b'mod partikolari l-Isħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli;

11.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pajjiżi u bejniethom, id-diskriminazzjoni, b'mod partikolari abbażi tal-ġeneru, l-inġustizzja u l-kunflitt, il-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija parteċipattiva, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetajiet inklużivi u t-tkabbir sostenibbli u l-indirizzar tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-isfidi ta' mitigazzjoni jridu jkunu objettivi trasversali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; jitlob li l-Aġenda 2030 tiġi implimentata kollha kemm hi u b'mod ikkoordinat u koerenti mal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, anke fir-rigward tal-ħtieġa urġenti li jitnaqqas id-distakk bejn dak li huwa meħtieġ biex jiġi limitat it-tisħin dinji u biex tiżdied il-ħidma fuq l-adattament u l-finanzjament għalih; ifakkar fl-impenn tal-UE li talloka 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 (madwar EUR 180 biljun) għal sforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, anke permezz tal-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha;

12.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tista' tirriżulta mill-inklużjoni, il-fiduċja u l-innovazzjoni msejsa fuq ir-rispett mis-sħab kollha għall-użu ta' strateġiji nazzjonali u oqfsa tar-riżultati tal-pajjiżi;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol speċjali tad-dimensjoni tal-governanza tajba tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-bilanċ bejn l-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali billi tappoġġja strateġiji nazzjonali komprensivi ta' żvilupp sostenibbli u billi tappoġġja l-mekkaniżmi u l-proċessi tajbin ta' governanza tajba, b'enfasi partikolari fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' riformi ta' deċentralizzazzjoni amministrattiva u fiskali bħala mezz biex tiġi promossa l-governanza tajba fil-livell lokali skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà;

14.  Jitlob li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab "jigglokalizzaw" l-SDGs, f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili nazzjonali u lokali, sabiex dawn jissarrfu f'miri nazzjonali u sottonazzjonali kuntestwalment rilevanti integrati fl-istrateġiji, il-programmi u l-baġits ta' żvilupp nazzjonali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab tagħhom biex jinkludu l-ilħna tal-komunitajiet emarġinati fil-monitoraġġ tal-SDGs u jippromwovu mekkaniżmi konkreti biex dan ikun possibbli, f'konformità mal-aġenda "ħadd ma jibqa' lura";

15.  Jitlob li l-politika tal-iżvilupp tal-UE tkompli tagħti prijorità lill-appoġġ lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lil dawk b'introjtu baxx (LDCs u LICs) kif ukoll lill-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet differenti u speċifiċi tal-pajjiżi b'introjtu medju (MICs), fejn jgħixu l-maġġoranza tal-fqar fid-dinja, skont l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' differenzjazzjoni; jappella għall-integrazzjoni ta' approċċ territorjali għall-iżvilupp sabiex tingħata s-setgħa lill-gvernijiet lokali u reġjonali u biex jiġu indirizzati aħjar l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' sjieda demokratika, li jagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ir-responsabbiltà primarja għall-iżvilupp tagħhom stess iżda li jippermetti wkoll li l-parlamenti nazzjonali u l-partiti politiċi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra jiżvolġu bis-sħiħ ir-rwoli rispettivi tagħhom flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u jipparteċipaw attivament fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li titjieb ir-responsabbiltà 'l fuq u 'l isfel bl-għan li jkun hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet lokali u li titrawwem is-sjieda demokratika taċ-ċittadini;

17.  Jitlob li l-UE tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-bini tal-kapaċità lokali u reġjonali u għal proċessi ta' deċentralizzazzjoni sabiex il-gvernijiet lokali u reġjonali jingħataw is-setgħa u jsiru aktar trasparenti u responsabbli sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet u t-talbiet taċ-ċittadini tagħhom;

18.  Jappella, f'konformità mal-prinċipju ta' sħubija, għal responsabbiltà kondiviża għall-azzjonijiet konġunti kollha, filwaqt li jiġi promoss l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu rwol imsaħħaħ għall-parlamenti nazzjonali, il-gvernijiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fis-sorveljanza politika u baġitarja u l-iskrutinju demokratiku; jitlob li l-korruzzjoni u l-impunità jiġu miġġielda b'mod konġunt bil-mezzi kollha u fil-livelli kollha tal-politika;

19.  Jitlob li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-pajjiżi/ir-reġjuni sħab ikun aspett ċentrali ta' kull kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp u li tali djalogi jiffukaw fuq valuri komuni u kif dawn għandhom jiġu promossi; jitlob li jkun hemm aktar involviment parlamentari u tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' demokrazija pluralistika u inklużiva, u jitlob lill-UE biex tippromwovi kundizzjonijiet ekwi għall-partiti politiċi u soċjetà ċivili dinamika fl-azzjonijiet kollha tagħha, anke permezz tal-bini ta' kapaċità u permezz tad-djalogu mal-pajjiżi sħab biex jitħalla biżżejjed spazju għas-soċjetà ċivili b'mekkaniżmi xprunati miċ-ċittadini, ta' monitoraġġ parteċipattiv u ta' responsabbiltà fil-livell sottonazzjonali, nazzjonali u reġjonali u biex tiżgura l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) fid-disinn, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rieżami u r-responsabbiltà tal-politiki tal-iżvilupp; jitlob li l-UE tirrikonoxxi li l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tkun fattur kruċjali għas-suċċess fis-setturi tal-programmazzjoni kollha, sabiex tinkiseb governanza inklużiva;

21.  Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku biex jiġu indirizzati l-SDGs fil-livell nazzjonali u globali permezz ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni globali taċ-ċittadini;

22.  Jitlob li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet ikunu mira kemm individwali kif ukoll trasversali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sesssi u l-Aġenda 2030, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar id-drittijiet indaqs tan-nisa u tal-irġiel fil-qafas tal-iżvilupp; jitlob li tittieħed azzjoni speċifika xprunata mill-politika biex jiġu indirizzati l-isfidi f'dan il-qasam; jitlob li jsiru aktar sforzi mill-UE sabiex jiġi promoss ir-rwol importanti tan-nisa u taż-żgħażagħ bħala aġenti tal-iżvilupp u l-bidla; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-ugwaljanza bejn is-sessi tinkludi l-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel ta' kull età u li l-programmi għandhom jinkoraġġixxu l-koparteċipazzjoni ugwali u l-promozzjoni ta' drittijiet u servizzi, partikolarment fil-każ ta' aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa u dik riproduttiva, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu promossi, protetti u ssalvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem kollha; jenfasizza li d-difiża tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u abbażi tal-ġeneru, inklużi l-prattiki dannużi kontra t-tfal, iż-żwieġ bikri u sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-aċċess universali għal informazzjoni u edukazzjoni għall-but ta' kulħadd, komprensivi u ta' kwalità għolja dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u dwar servizzi ta' ppjanar tal-familja; jappella għal aktar azzjonijiet sabiex jitħaffu l-isforzi biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa billi jiġu approfonditi s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, tissaħħaħ il-kapaċità għal ibbaġitjar u ppjanar abbażi tal-ġeneru u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tan-nisa;

24.  Jappella għal strateġiji speċifiċi tal-UE dwar l-iżvilupp biex jindirizzaw, jipproteġu u jappoġġjaw aħjar il-gruppi vulnerabbli u emarġinati bħan-nisa u t-tfal, il-persuni LGBTI, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-produtturi żgħar, il-kooperattivi, il-minoranzi lingwistiċi u etniċi u l-popli indiġeni, sabiex joffrulhom l-istess opportunitajiet u drittijiet bħal kulħadd, skont il-prinċipju li ħadd ma jaqa' lura;

25.  Itenni l-impenn tal-UE li tinvesti fl-iżvilupp tat-tfal u taż-żgħażagħ billi ttejjeb ir-rappurtar dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp u riżorsi domestiċi ffukati fuq it-tfal, u li ssaħħaħ il-kapaċità taż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f'eżerċizzji ta' responsabbiltà;

26.  Jitlob li jingħata appoġġ lil pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti biex ikollhom aċċess għar-riżorsi u s-sħubijiet meħtieġa biex jinkisbu prijoritajiet tal-iżvilupp, u li jiġi promoss it-tagħlim bejn il-pari bejn dawn il-pajjiżi kif ukoll li jissaħħaħ l-impenn bejn is-sħab favur l-iżvilupp, il-bini tal-paċi, is-sigurtà u l-isforzi umanitarji;

27.  Jissottolinja l-importanza kontinwa tal-objettivi stabbiliti fil-kapitolu dwar l-iżvilupp tal-bniedem tal-Kunsens Ewropew attwali; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-objettivi jintrabtu mal-SDGs u li t-tisħiħ tas-sistema tal-kura tas-saħħa orizzontali (għajr l-appoġġ għall-programmi vertikali għal mard speċifiku) jitqiegħed fiċ-ċentru tal-programmazzjoni tal-iżvilupp tas-saħħa, li jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza fil-każ ta' kriżijiet tas-saħħa bħat-tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-2013-2014, kif ukoll li jiġi żgurat id-dritt fundamentali għall-kura tas-saħħa universali, kif previst fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u mill-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO); ifakkar li l-Artikolu 168 tat-TFUE jiddikjara li livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem irid ikun żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni; jappella, f'dan ir-rigward, għal innovazzjoni u żvilupp aktar koerenti tal-politika tal-mediċini li tiggarantixxi aċċess għall-mediċini għal kulħadd;

28.  Jissuġġerixxi, fid-dawl tat-tkabbir demografiku, b'mod partikolari fl-Afrika u fl-LDCs, u filwaqt li jitqies il-fatt li mill-21 pajjiż bl-ogħla rati ta' fertilità, 19 minnhom jinsabu fl-Afrika, li n-Niġerja hija l-pajjiż bl-aktar popolazzjoni li qiegħda tikber malajr fid-dinja, u li sal-2050 aktar minn nofs it-tkabbir tal-popolazzjoni globali huwa mistenni li jseħħ fl-Afrika u din hija problema għall-iżvilupp sostenibbli, li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tqiegħed aktar enfasi fuq programmi li jindirizzaw din il-kwistjoni;

29.  Jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni saret qasam ta' prijorità għall-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid, u jilqa' l-inklużjoni ta' għan individwali għall-eliminazzjoni tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel u t-titjib tan-nutrizzjoni, u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli; jirrikonoxxi li l-ġuħ u l-faqar mhumiex aċċidenti, iżda r-riżultat ta' inġustizzja u inugwaljanza soċjali u ekonomiċi fil-livelli kollha; itenni li l-Kunsens għandu jenfasizza l-appoġġ kontinwu tal-UE għal approċċi integrati u transsettorjali li jsaħħu l-kapaċità għal produzzjoni tal-ikel lokali diversifikata u għandu jinkludi interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni u sensittivi għan-nutrizzjoni li jindirizzaw espliċitament l-inugwaljanza bejn is-sessi;

30.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà fir-rigward tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettivi ODA/GNI ta' 0,7 %; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, b'rappurtar annwali lill-Parlament Ewropew;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċi multisettorjali u integrati biex tinbena r-reżiljenza b'mod effikaċi, li jimplika li ssir ħidma favur l-azzjoni umanitarja, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-protezzjoni soċjali, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, il-mitigazzjoni tal-kunflitti u azzjonijiet oħra ta' żvilupp; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu governanza inklużiva li tindirizza l-ixpruni tal-emarġinazzjoni u l-inugwaljanza abbażi tal-vulnerabbiltà; jirrikonoxxi li l-popolazzjonijiet vulnerabbli jridu jingħataw is-setgħa li jġestixxu r-riskju u li jkollhom aċċess għal proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq il-futur tagħhom;

32.  Jenfasizza r-rwol li tiżvolġi l-kultura fl-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku sostenibbli, u jinsisti li d-dimensjoni kulturali titqies bħala aspett fundamentali tal-politiki ta' solidarjetà, kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; jappella għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-appoġġ għall-politiki kulturali u li jitqiesu ċ-ċirkustanzi lokali meta dan ikun jista' jgħin biex jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

33.  Jirrimarka li huwa previst li l-popolazzjoni urbana tiżdied bi 2,5 biljun ruħ sal-2050, bi kważi 90 % taż-żieda tkun ikkonċentrata fl-Asja u fl-Afrika; jirrikonoxxi l-problemi li jirriżultaw mit-tkabbir enormi ta' megabliet u l-isfidi li dan il-fenomenu jġib miegħu għas-sostenibbiltà soċjetali u ambjentali; jappella għal żvilupp reġjonali bbilanċjat u jfakkar li attività ekonomika msaħħa fiż-żoni rurali u fil-bliet iżgħar tnaqqas il-pressjoni biex in-nies jemigraw lejn megaċentri urbani, biex b'hekk jittaffu l-problemi ta' urbanizzazzjoni u migrazzjoni inkontrollati;

Differenzjazzjoni

34.  Jissottolinja li, biex strateġija għall-iżvilupp tkun effikaċi, l-UE trid tippromwovi ridistribuzzjoni ġusta tal-ġid lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-baġits nazzjonali, jiġifieri kemm fil-pajjiżi kif ukoll bejniethom; jenfasizza li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp għandha l-ewwel u qabel kollox tiddifferenzja bejn is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-pajjiżi individwali, u mhux abbażi ta' indikaturi mikroekonomiċi waħedhom jew ta' kunsiderazzjonijiet politiċi;

35.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tiġi implimentata biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar importanti u biex jinkiseb l-akbar impatt possibbli kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġiji dwar l-iżvilupp mfassla apposta, iddisinjati lokalment u b'sjieda lokali, biex jitqiesu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw pajjiżi individwali jew gruppi ta' pajjiżi bħall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS), l-istati fraġli u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw imdawrin bl-art (LLDCs);

36.  Jitlob li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għall-kooperazzjoni mal-MICs, sabiex jiġi kkonsolidat il-progress tagħhom u jiġu miġġielda l-inugwaljanza, l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-faqar, speċjalment permezz tal-promozzjoni ta' sistemi tat-taxxa ġusti u progressivi, filwaqt li jissottolinja li l-MICs mhumiex grupp omoġenju u għalhekk kull wieħed minnhom għandu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati permezz ta' politiki mfassla apposta; jissottolinja l-ħtieġa li l-għajnuna finanzjarja lill-MICs titwaqqaf responsabbilment u gradwalment u li ssir enfasi fuq forom oħra ta' kooperazzjoni, bħall-assistenza teknika, il-kondiviżjoni tal-għarfien espert u l-għarfien industrijali, is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi li jistgħu jappoġġjaw beni pubbliċi globali bħax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, Nofsinhar-Nofsinhar u triangolari; jenfasizza l-importanza ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament, bħall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku, self mhux aġevolanti jew inqas aġevolanti, kooperazzjoni fi kwistjonijiet tekniċi, tat-tassazzjoni, f'dawk relatati mal-kummerċ u mar-riċerka, u sħubijiet pubbliċi-privati;

Effikaċja u finanzjament tal-iżvilupp

Effikaċja tal-iżvilupp

37.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu fuq quddiem fost l-atturi tal-iżvilupp u jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi, il-prijoritizzazzjoni tal-mekkaniżmi, l-għodod u l-istrumenti li jippermettu li aktar riżorsi jaslu għand il-benefiċjarji finali, jiġifieri s-sjieda tal-pajjiż tal-prijoritajiet tal-iżvilupp, l-allinjament ma' strateġiji u sistemi ta' żvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza, ir-responsabbiltà kondiviża u l-inklużività demokratika tal-partijiet ikkonċernati kollha; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-isforzi tal-UE biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp issir kemm jista' jkun effikaċi, bl-intenzjoni li jingħata kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri ambizzjużi stabbiliti fl-Aġenda 2030 u li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi pubbliċi u privati għall-iżvilupp; jitlob li ssir referenza ċara għall-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp fil-Kunsens għall-Iżvilupp il-ġdid tal-UE;

38.  Itenni l-importanza li jiżdiedu l-fehim u l-involviment attiv taċ-ċittadini Ewropej f'dibattiti ewlenin dwar l-iżvilupp u fit-tentattivi biex jinqered il-faqar globali u biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza, għal dan l-għan, li l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni mhux formali rigward l-iżvilupp, anke permezz tat-tkomplija u l-espansjoni tal-programm Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni għall-Iżvilupp (DEAR), iridu jibqgħu partijiet integrali tal-politiki tal-iżvilupp tal-UE u l-Istati Membri;

39.  Jemmen li s-simplifikazzjoni tal-finanzjament u tal-proċeduri burokratiċi tista' tgħin fit-titjib tal-effikaċja; jitlob li ssir riforma tal-UE biex titħaffef l-implimentazzjoni (kif diġà indirizzat fil-paragrafu 122 tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 2005), li tindirizza l-ħtieġa li jiġu riveduti l-proċeduri ta' għażla billi tingħata aktar attenzjoni lill-applikant: identità, kompetenzi, esperjenzi, prestazzjoni u affidabbiltà fil-qasam (mhux biss fuq rekwiżiti formali ta' eliġibbiltà);

40.  Itenni l-importanza tal-bini ta' kapaċità biex tittejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet, il-gvernijiet u s-soċjetajiet biex jiżvolġu r-rwoli rispettivi tagħhom b'mod sħiħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' strateġiji dwar l-iżvilupp sostenibbli;

41.  Jilqa' l-progress li sar, iżda jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw u jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni ta' programmazzjoni konġunta u l-implimentazzjoni konġunta sabiex jinġabru r-riżorsi, titjieb id-diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiż, jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, jiġu evitati t-trikkib u l-frammentazzjoni tal-għajnuna, jittejjeb il-profil tal-UE fil-livell lokali u jiġu promossi s-sjieda tal-pajjiż tal-istrateġiji dwar l-iżvilupp u l-allinjament mal-prijoritajiet tal-pajjiżi sħab; jenfasizza kemm huwa importanti li l-proċess ta' programmazzjoni konġunta jitwettaq minn partijiet ikkonċernati Ewropej u jinfetaħ għal donaturi oħra biss meta s-sitwazzjoni lokali tiġġustifika dan, iżda mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta' sjieda Ewropea tal-proċess; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma' donaturi u organizzazzjonijiet oħra bħal donaturi emerġenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filantropi privati, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tas-settur privat; jinnota bi tħassib li, sa nofs l-2015, ħames Stati Membri biss tal-UE kienu ppubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni ta' Busan; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom u jirrappurtaw annwalment dwar l-isforzi tagħhom rigward l-effikaċja tal-iżvilupp;

42.  Ifakkar fit-talba tiegħu(26) għall-kodifikazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi u l-prattiki biex jiġu żgurati komplementarjetà aħjar u koordinament effikaċi tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, waqt li jiġu pprovduti regoli ċari u inforzabbli għall-iżgurar ta' sjieda interna demokratika, armonizzazzjoni, allinjament mal-istrateġiji u s-sistemi tal-pajjiżi speċifiċi, prevedibbiltà tal-fondi, trasparenza u responsabbiltà reċiproka;

43.  Jissottolinja li l-effikaċja tal-iżvilupp għandha tkun wieħed mill-ixpruni ewlenin tal-politika tal-iżvilupp il-ġdida tal-UE; ifakkar li dan jiddependi mhux biss minn donaturi tal-għajnuna iżda anke mill-eżistenza ta' istituzzjonijiet effettivi u reattivi, politiki sodi, l-istat tad-dritt, governanza demokratika inklużiva u salvagwardji kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u flussi finanzjarji illeċiti f'livell internazzjonali;

44.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp, u b'mod partikolari l-kooperazzjoni deċentralizzata bejn il-gvernijiet lokali u reġjonali Ewropej u tal-pajjiżi sħab bħala mezz effikaċi għat-tisħiħ reċiproku tal-kapaċità, u l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali;

Finanzjament għall-iżvilupp

45.  Itenni li l-ODA għandha tibqa' s-sinsla tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; ifakkar fl-impenn tal-UE li tintlaħaq il-mira tal-ODA ta' 0,7 % tal-ING sal-2030; jenfasizza l-importanza ta' pajjiżi oħra, dawk li qegħdin jiżviluppaw u dawk b'ekonomiji emerġenti, kif ukoll iż-żieda fl-għoti tal-ODA tagħhom; jissottolinja r-rwol importanti tal-ODA bħala katalizzatur għall-bidla u lieva għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi oħra; ifakkar fl-impenn tal-UE favur il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, favur l-għoti tas-sehem tagħha għall-ilħuq tal-mira tal-pajjiżi żviluppati li jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena u favur iż-żamma ta' rduppjar tal-fondi għall-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

46.  Jitlob li jkun hemm kriterji oġġettivi u trasparenti għall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-għajnuna għall-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll f'dak tal-UE; jitlob li dawn il-kriterji jkunu msejsa fuq il-ħtiġijiet, il-valutazzjonijiet tal-impatt u fuq il-prestazzjoni politika, soċjali u ekonomika, bl-għan li l-fondi jintużaw bl-aktar mod effikaċi; jenfasizza, madankollu, li tali allokazzjoni m'għandha qatt tkun soġġetta għall-prestazzjoni f'oqsma li mhumiex marbuta b'mod dirett mal-objettivi tal-iżvilupp; jenfasizza li l-prestazzjoni tajba lejn miri mifthiema b'mod reċiproku għandha tiġi mħeġġa u ppremjata; jenfasizza l-importanza ta' data diżaggregata fil-livell territorjali biex jiġi vvalutat aħjar l-impatt tal-ODA;

47.  Jirrikonoxxi li l-appoġġ baġitarju ġenerali jippromwovi s-sjieda nazzjonali, l-allinjament mal-istrateġiji dwar l-iżvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka, iżda jissottolinja li dan għandu jkun ikkunsidrat biss meta u fejn il-kundizzjonijiet ikunu tajbin u jkunu fis-seħħ sistemi ta' kontroll effikaċi; jirrimarka li l-appoġġ baġitarju huwa l-aħjar mezz biex jitrawwem djalogu politiku ġenwin li jwassal għal aktar emanċipazzjoni u sjieda;

48.  Jemmen li l-indirizzar tal-SDGs se jeħtieġ finanzjament u azzjoni għall-iżvilupp li jmorru lil hinn mill-ODA u l-politiki pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament domestiku u internazzjonali, kif ukoll dak privat u pubbliku, u l-ħtieġa ta' politiki li jorbtu azzjoni pubblika u privata favur l-iżvilupp u li jwasslu għal ambjent li jippromwovi t-tkabbir u t-tqassim ġust tiegħu permezz tal-baġits nazzjonali;

49.  Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw restrizzjonijiet kbar fiż-żieda tad-dħul mit-taxxi u huma partikolarment affettwati mill-evażjoni tat-taxxa korporattiva u l-flussi finanzjarji illeċiti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) f'dan il-qasam, jinvestigaw l-impatt konsegwenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-arranġamenti u l-liġijiet tat-taxxa tagħhom stess u jesprimu ruħhom favur rappreżentanza aħjar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-fora internazzjonali mwaqqfa biex jiġu rriformati l-politiki tat-taxxa globali;

50.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-pajjiżi b'introjtu baxx u medju fil-ħolqien ta' sistemi tat-taxxa ġusti, progressivi, trasparenti u effiċjenti, kif ukoll mezzi oħra ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, sabiex jiżdiedu l-prevedibbiltà u l-istabbiltà ta' tali finanzjament u titnaqqas id-dipendenza mill-għajnuna; jitlob li jkun hemm appoġġ bħal dan f'oqsma bħall-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, is-sistemi ta' ridistribuzzjoni ġusti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ġlieda kontra l-ipprezzar ħażin tat-trasferimenti, l-evażjoni tat-taxxa u forom oħra ta' flussi finanzjarji illeċiti; jenfasizza l-importanza tad-deċentralizzazzjoni fiskali u l-ħtieġa ta' bini tal-kapaċità b'appoġġ għall-gvernijiet sottonazzjonali fit-tfassil ta' sistemi lokali tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa;

51.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu rappurtar obbligatorju pajjiż b'pajjiż dwar il-kumpaniji multinazzjonali, flimkien mal-pubblikazzjoni obbligatorja ta' data komprensiva u komparabbli dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-effett konsegwenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-politiki, l-arranġamenti u l-liġijiet tat-taxxa tagħhom stess, u jwettqu r-riformi meħtieġa biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej li jagħmlu l-profitti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw iħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa f'dawk il-pajjiżi;

52.  Jissottolinja l-ħtieġa tat-taħlit u s-sħubijiet pubbliċi-privati sabiex jiġi mobilizzat finanzjament lil hinn mill-ODA u biex jiġu segwiti b'mod effikaċi l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, iżda jissottolinja wkoll il-ħtieġa li dawn ikunu bbażati fuq kriterji trasparenti, biex jintwerew b'mod ċar l-addizzjonalità u l-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tagħhom, sabiex ma jitnaqqarx l-aċċess universali għal servizzi pubbliċi essenzjali ta' kwalità, u l-ħtieġa li l-pagamenti kollha jkunu trasparenti; jissottolinja li l-proġetti ffinanzjati jridu jirrispettaw b'mod vinkolanti l-objettivi nazzjonali tal-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali miftiehma f'livell internazzjonali, il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-popolazzjonijiet lokali, kif ukoll il-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li l-użu tradizzjonali tal-art, pereżempju mis-sidien ta' azjendi żgħar u r-raħħala, normalment mhuwiex dokumentat, iżda jeħtieġ li jiġi rispettat u protett; itenni li l-intrapriżi involuti fis-sħubijiet tal-iżvilupp għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), il-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD matul l-operazzjonijiet tagħhom, u għandhom jippromwovu prattiki kummerċjali etiċi; jinnota li l-politiki u l-programmi għall-iżvilupp irendu dividend doppju meta l-effikaċja għall-iżvilupp tiġi ssodisfata; jappella lill-atturi kollha tal-iżvilupp biex jallinjaw bis-sħiħ l-azzjonijiet kollha tagħhom ma' dawn il-prinċipji;

53.  Jitlob lill-UE tippromwovi l-investimenti li jiġġeneraw impjiegi deċenti skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Aġenda 2030; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur tad-djalogu soċjali u l-ħtieġa ta' trasparenza u responsabbiltà tas-settur privat fil-każ ta' sħubijiet pubbliċi-privati u meta l-flus għall-iżvilupp jintużaw għall-finanzjament imħallat;

54.  Jenfasizza li l-fondi għall-iżvilupp użati għall-Pjan ta' Investiment Estern (PIE) propost, kif ukoll għall-fondi fiduċjarji eżistenti, iridu jikkonformaw mal-objettivi tal-iżvilupp kompatibbli mal-ODA u mal-SDGs il-ġodda; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu lill-Parlament jaqdi r-rwol tiegħu ta' sorveljanza meta l-fondi tal-UE għall-iżvilupp jintużaw barra mill-proċeduri normali tal-baġit tal-UE, b'mod partikolari billi jingħata l-istatus ta' osservatur fuq il-PIE, il-fond fiduċjajru u bordijiet strateġiċi oħra li jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi u l-proġetti;

55.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi, mikro, żgħar u medji, tal-kooperattivi, il-mudelli kummerċjali inklużivi u l-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali, li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-SDGs; jitlob li jiġi promoss ambjent li jippermetti l-investiment, l-industrijalizzazzjoni, l-attività kummerċjali, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni sabiex jiġi stimolat u jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku u uman domestiku, kif ukoll li jiġu promossi programmi ta' taħriġ u djalogi pubbliċi-privati regolari; jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI skont il-PIE tal-UE u jenfasizza li l-inizjattivi tiegħu għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa, u għandhom – f'konformità mal-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp – jikkontribwixxu għall-investiment f'setturi soċjalment importanti bħall-ilma, is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll fl-appoġġ tal-intraprenditorija u s-settur privat lokali; jitlob lill-BEI jiddedika aktar riżorsi għall-mikrofinanzjament b'perspettiva qawwija ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, biex jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja investimenti fit-tul għall-benefiċċju tal-iżvilupp sostenibbli u jistieden lil banek tal-iżvilupp oħra jipproponu faċilità ta' mikrokreditu biex jissussidjaw self sostenibbli għall-farms tal-familja;

56.  Iqis li huwa indispensabbli li l-Kunsens il-ġdid jagħmel referenza għal impenn qawwi tal-UE li tqiegħed fis-seħħ qafas internazzjonali legalment vinkolanti biex iżomm lill-kumpaniji responsabbli għall-prattika ħażina tagħhom fil-pajjiżi fejn joperaw, minħabba li dawn għandhom impatt fuq l-oqsma kollha tas-soċjetà – mill-benefiċċji mix-xogħol tat-tfal għan-nuqqas ta' paga li tiggarantixxi l-għajxien, mit-tixrid taż-żejt għad-deforestazzjoni massiva, u mill-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħtif tal-art;

57.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu miżuri vinkolanti biex jiżguraw li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi li fihom il-valur jiġi estratt jew maħluq u biex jippromwovu rappurtar obbligatorju pajjiż b'pajjiż mis-settur privat, u b'hekk jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi; jitlob analiżi tar-riperkussjonijiet biex jiġu studjati prattiki possibbli ta' trasferiment tal-profitti;

58.  Jappella għal approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-bniedem għas-sostenibbiltà tad-dejn permezz ta' sett vinkolanti ta' standards biex jiġu definiti s-self u t-teħid ta' self responsabbli, l-awditi tad-dejn u mekkaniżmu ġust ta' ristrutturazzjoni tad-dejn, li għandu jivvaluta l-leġittimità u s-sostenibbiltà tal-piż tad-dejn tal-pajjiżi;

Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

59.  Jappella għal dibattitu madwar l-UE dwar il-PCD sabiex tiġi ċċarata r-rabta bejn il-PCD u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli (PCSD); jenfasizza l-importanza fundamentali tal-applikazzjoni tal-prinċipji PCD fil-politiki kollha tal-UE; jenfasizza li l-PCD għandha tkun element ewlieni tal-istrateġija tal-UE biex jintlaħqu l-SDGs; itenni l-ħtieġa ta' aktar sforzi mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki interni u esterni kollha li x'aktarx jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jinstabu mekkaniżmi effikaċi u biex jintużaw l-aħjar prattiki eżistenti fil-livell tal-Istati Membri biex tiġi implimentata u evalwata l-PCD, biex jiġi żgurat li l-PCD tiġi implimentata b'approċċ sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f'dan il-proċess;

60.  Jipproponi li għandha tiġi stabbilita sistema ta' arbitraġġ, taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni, biex isseħħ il-PCD, u li, f'każ ta' diverġenzi bejn id-diversi politiki tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni għandu jerfa' bis-sħiħ ir-responsabbiltà politika tiegħu għall-approċċ ġenerali u għandu jkollu l-kompitu li jiddeċiedi bejniethom abbażi tal-impenji tal-Unjoni fir-rigward tal-PCD; huwa tal-fehma li, ladarba l-problemi jkunu ġew identifikati, tista' tingħata kunsiderazzjoni lir-riforma tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fis-servizzi tal-Kummissjoni u fil-qafas tal-kooperazzjoni interdipartimentali;

61.  Jappella għal djalogu msaħħaħ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-PCD mill-UE; jemmen li l-feedback mis-sħab tal-UE dwar il-progress tal-PCD jista' jkollu rwol fundamentali fil-kisba ta' evalwazzjoni eżatta tal-impatt tagħha;

62.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġu żviluppati proċessi ta' governanza li jippromwovu l-PCD fil-livell globali u biex l-UE tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-kunċett tal-PCD fix-xena internazzjonali;

Kummerċ u żvilupp

63.  Jissottolinja l-importanza ta' kummerċ regolat b'mod ġust u xieraq fil-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali, li jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u għall-ġlieda kontra l-faqar; jenfasizza li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun parti mill-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli u għandha tirrifletti l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tal-UE;

64.  Jissottolinja li l-preferenzi kummerċjali unilaterali għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati għadhom jeżistu sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp; iqis ukoll li l-Kunsens il-ġdid għandu jkun fih referenza għall-impenn tal-UE favur il-promozzjoni ta' skemi ta' kummerċ ġust u etiku mal-produtturi żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

65.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-kontribut qawwi tal-kummerċ ġust għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU; jitlob lill-UE timplimenta u tiżviluppa aktar l-impenn tagħha li tappoġġja l-użu tal-iskemi ta' kummerċ ġust fl-UE u fil-pajjiżi sħab sabiex jiġu promossi l-konsum u x-xejriet ta' produzzjoni sostenibbli permezz tal-politiki kummerċjali tagħha;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġja aktar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini ta' kapaċità kummerċjali, fl-infrastruttura u fl-iżvilupp tas-settur privat domestiku, sabiex ikunu jistgħu jżidu l-valur tal-produzzjoni, kif ukoll jiddiversifikawha, u jżidu l-kummerċ tagħhom;

67.  Itenni li ambjent b'saħħtu, inkluża klima stabbli, huwa indispensabbli biex jinqered il-faqar; jappoġġja l-isforzi tal-UE fiż-żieda tat-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u fl-estrazzjoni u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, biex jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u biex jiġi evitat il-kummerċ illegali f'setturi bħall-minerali, l-injam u l-organiżmi selvaġġi; jemmen bis-sħiħ li jinħtieġu aktar sforzi globali sabiex jiġu żviluppati oqfsa regolatorji għall-ktajjen tal-provvista u responsabbiltà akbar tas-settur privat sabiex jiġu żgurati ġestjoni u kummerċ sostenibbli tar-riżorsi naturali u sabiex il-pajjiżi għonja fir-riżorsi u l-popolazzjonijiet tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u indiġeni jkunu jistgħu jibbenefikaw aktar minn tali kummerċ u mill-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità u l-ekosistemi; jilqa' l-progress li sar minn meta ġie stabbilit il-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, u jistieden lill-Kummissjoni tespandi tali oqfsa għal setturi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u inizjattivi ta' diliġenza dovuta li jikkomplementaw ir-regolament eżistenti tal-UE dwar l-injam, fl-ambitu tal-proposta għal regolament tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt, billi testendihom għal setturi oħra;

68.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad m'hemmx qafas regolatorju dwar il-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, li jippermetti lil ċerti stati u kumpaniji jevitawhom b'impunità; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU fuq trattat internazzjonali li jżomm il-korporazzjonijiet transnazzjonali responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

69.  Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' azzjonijiet koordinati u aċċellerati biex jindirizzaw il-malnutrizzjoni sabiex titwettaq l-Aġenda 2030 u jintlaħaq l-SDG 2 dwar il-qerda tal-ġuħ;

70.  Ifakkar li l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u t-taffija tal-faqar, u jitlob lill-UE biex tikkontribwixxi għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u biex tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Sigurtà u żvilupp

71.  Itenni r-rabta diretta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, iżda jissottolinja l-ħtieġa li tiġi segwita strettament ir-riforma riċenti tal-ODA dwar l-użu ta' strumenti ta' żvilupp għall-politika tas-sigurtà bl-applikazzjoni ta' objettiv ċar ta' qerda tal-faqar u promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-objettiv ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi b'aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd għandu jissarraf f'azzjoni esterna tal-UE li, bl-appoġġ għall-partijiet ikkonċernati lokali kollha li jistgħu jgħinu biex dan iseħħ, jibni r-reżiljenza, jippromwovi s-sigurtà tal-bniedem, isaħħaħ l-istat tad-dritt, idaħħal mill-ġdid il-fiduċja u jittratta l-isfidi kumplessi rigward in-nuqqas ta' sigurtà, il-fraġilità u t-tranżizzjoni demokratika;

72.  Jemmen li jeħtieġ li jitrawmu sinerġiji bejn il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u l-istrumenti għall-iżvilupp sabiex jinstab il-bilanċ tajjeb bejn il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-riabilitazzjoni u l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti; jenfasizza li għal dan l-għan, il-programmi u l-miżuri tal-politika esterna għandhom ikunu komprensivi, imfassla speċifikament għas-sitwazzjoni tal-pajjiżi u, meta jiġu ffinanzjati b'mezzi intiżi għall-politika tal-iżvilupp, jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-iżvilupp kif definiti skont l-ODA; jissottolinja li l-kompiti ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jibqgħu dawk li tappoġġja l-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex joħolqu stati stabbli u paċifiċi li jirrispettaw il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u li tfittex li tistabbilixxi ekonomiji tas-suq li jitħaddmu b'mod sostenibbli bl-għan li jġibu prosperità lin-nies u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi kollha tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finazjament limitat ħafna tal-PSDK f'dan il-kuntest sabiex ikun jista' jintuża b'mod usa', inter alia, għall-benefiċċju tal-iżvilupp skont il-PCD;

Migrazzjoni u żvilupp

73.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u l-ispostament forzati, bħall-fraġilità tal-istati, il-kunflitti, in-nuqqas ta' sigurtà u l-emarġinazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess limitat għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni, u t-tibdil fil-klima; jidentifika l-għanijiet u l-objettivi li ġejjin bħala prekundizzjonijiet għal stati stabbli u reżiljenti li jkunu inqas suxxettibbli għal sitwazzjonijiet li jistgħu eventwalment jirriżultaw f'migrazzjoni forzata: il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-popli, il-bini tad-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, l-opportunitajiet ekonomiċi b'impjiegi deċenti u permezz ta' negozji ffukati fuq in-nies u spazju politiku għas-soċjetà ċivili; jitlob li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tiffoka fuq dawn l-għanijiet u l-objettivi sabiex titrawwem ir-reżiljenza, u jitlob għajnuna għall-iżvilupp marbuta mal-migrazzjoni f'każijiet ta' emerġenza sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni, jinżamm il-funzjonament tal-istati u biex il-persuni spostati jkunu jistgħu jgħixu b'dinjità;

74.  Ifakkar, kif enfasizzat mill-Aġenda 2030 tan-NU, il-kontribut pożittiv tal-migranti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi r-rimessi, li l-ispejjeż tat-trasferiment tagħhom għandhom jitnaqqsu aktar; jissottolinja li reazzjoni magħquda għal sfidi u kriżijiet relatati mal-migrazzjoni b'mod sinifikanti tirrikjedi approċċ aktar koordinat, sistematiku u strutturat, filwaqt li jitqabblu l-interessi tal-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni; jenfasizza li mod effikaċi biex għadd kbir ta' rifuġjati u ta' persuni li jfittxu l-asil jiġu megħjuna huwa billi jittejbu l-kundizzjonijiet u jiġu offruti kemm l-għajnuna umanitarja kif ukoll dik għall-iżvilupp; fl-istess ħin jopponi kull tentattiv biex l-għajnuna tintrabat mal-kontrolli fil-fruntieri, il-ġestjoni tal-flussi migratorji jew il-ftehimiet ta' riammissjoni;

75.  Jenfasizza li l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għall-migranti jirrikjedu soluzzjonijiet imfassla apposta għall-iżvilupp, li huma adattati għas-sitwazzjonijiet politiċi u soċjoekonomiċi rispettivi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li tali kooperazzjoni tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità għal kulħadd, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija u li għandha tkun ibbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi u r-rispett għad-dritt internazzjonali;

76.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' skrutinju parlamentari mill-qrib u ta' monitoraġġ tal-ftehimiet marbuta mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u ta' użu marbut mal-migrazzjoni ta' fondi għall-iżvilupp; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib u tal-istabbiliment ta' prattika tajba ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, b'mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà; ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar l-użu li qed jiżdied ta' fondi fiduċjarji, bħat-trasparenza limitata, in-nuqqas ta' konsultazzjoni u s-sjieda reġjonali;

77.  Jirrimarka, meta jitqiesu l-miżuri politiċi riċenti Ewropej biex jiġu miġġielda l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni forzata, li l-politika tal-iżvilupp Ewropea trid taqa' fi ħdan id-definizzjoni tal-OECD-DAC u trid tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza wkoll li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tiddependi fuq il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-migrazzjoni bħall-ġestjoni tal-fruntieri jew il-ftehimiet ta' riammissjoni;

Għajnuna umanitarja

78.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' rabtiet aktar mill-qrib bejn l-għajnuna umanitarju u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-finanzjament, jiġu evitati t-trikkib u l-ħolqien ta' sistemi paralleli, u jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli b'reżiljenza u għodod inkorporati għall-prevenzjoni u t-titjib fit-tħejjija tal-kriżijiet; jitlob lill-UE tonora l-impenn tagħha li, sal-2020, talloka mill-inqas 25 % tal-għajnuna umanitarja tagħha għall-atturi lokali u nazzjonali b'mod kemm jista' jkun dirett, kif miftiehem fil-Grand Bargain;

79.  Ifakkar il-prinċipji fundamentali tal-għajnuna umanitarja: in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità; jilqa' t-tenaċja tal-Kummissjoni biex il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ma jingħaqadx mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

80.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-għajnuna internazzjonali, il-koordinazzjoni u r-riżorsi għal rispons f'emerġenza, l-irkupru u l-kostruzzjoni mill-ġdid f'sitwazzjonijiet wara diżastru;

81.  Jilqa' l-impenn li jiġu appoġġjati kemm il-promozzjoni tat-teknoloġiji tal-ICT fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll li jinħolqu ambjenti favorevoli għall-ekonomija diġitali, billi tittejjeb il-konnettività libera, miftuħa u sigura; ifakkar li s-satelliti jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet kosteffikaċi biex jiġu konnessi l-assi u n-nies f'żoni remoti, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iqisu dan fil-ħidma tagħhom f'dan il-qasam;

Beni u sfidi pubbliċi globali

82.  Jemmen bis-sħiħ li l-preżenza globali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha tqegħidhom f'pożizzjoni partikolarment tajba biex ikomplu jaqdu rwol internazzjonali ewlieni fl-indirizzar tal-beni u l-isfidi pubbliċi globali (GPGC), li huma dejjem aktar taħt stress u qed jaffettwaw lill-foqra b'mod sproporzjonat; jitlob li l-beni u l-isfidi ambjentali globali jiġu integrati fil-Kunsens kollu, fosthom l-iżvilupp tal-bniedem, l-ambjent, inklużi t-tibdil fil-klima u l-aċċess għall-ilma, in-nuqqas ta' sigurtà u l-fraġilità tal-istati, il-migrazzjoni, is-servizzi tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli, is-sigurtà tal-ikel u l-qerda tal-malnutrizzjoni u tal-ġuħ;

83.  Ifakkar li l-farms fuq skala żgħira u dawk immexxija mill-familji, li huma l-iżjed mudell agrikolu komuni fid-dinja, għandhom rwol fundamentali fit-twettiq tal-SDGs: jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sigurtà tal-ikel, għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u t-telf tal-bijodiversità, u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li joħolqu l-impjiegi; jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi, minn naħa waħda, il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-bdiewa, inklużi l-kooperattivi, u min-naħa l-oħra, l-agrikoltura sostenibbli li tiffoka fuq il-prattiki agroekoloġiċi, produttività aħjar tal-farms tal-familji, id-drittijiet tar-raħħala u tal-użu tal-art u s-sistemi taż-żrieragħ informali bħala mezz kif jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel, il-forniment tas-swieq lokali u reġjonali, introjtu ġust u ħajja diċenti għall-bdiewa;

84.  Ifakkar li s-"settur privat" mhuwiex sett omoġenju ta' atturi; jenfasizza għalhekk li, f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur privat, il-politika tal-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri għandha tinkludi strateġiji differenzjati biex jinvolvu d-diversi tipi ta' atturi tas-settur privat, inklużi l-atturi tas-settur privat immexxija mill-produtturi, l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, il-kooperattivi, l-intrapriżi soċjali u dawk fl-ekonomija solidali;

85.  Itenni li l-iżgurar tal-aċċess għal enerġija bi prezzijiet raġonevoli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd sal-2030 (SDG 7) huwa kruċjali sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ilma nadif, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u huwa essenzjali għall-appoġġ tal-ħolqien tan-negozju lokali u kull tip ta' attività ekonomika, kif ukoll xprun ewlieni tal-progress fil-qasam tal-iżvilupp;

86.  Jenfasizza li ż-żieda fil-produttività tal-azjendi agrikoli żgħar u l-kisba ta' agrikoltura u sistemi tal-ikel sostenibbli u reżiljenti għall-klima għandhom rwol fundamentali fit-twettiq tal-SDG 2, u l-kunċett ta' konsum u produzzjoni sostenibbli fl-SDG 12, li jmur lil hinn mill-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u jindirizza l-impatti ambjentali, soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-UE għalhekk għandha tiffoka fuq il-promozzjoni ta' produzzjoni tal-ikel sostenibbli u prattiki agrikoli reżiljenti li jżidu l-produttività u l-produzzjoni; jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa nisa fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel;

87.  Jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene bħala kwistjonijiet trasversali li jaffettwaw l-ilħuq ta' miri oħra fl-aġenda wara l-2015, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

88.  Jitlob lill-UE tippromwovi inizjattivi globali bl-għan li tindirizza l-isfidi marbuta ma' urbanizzazzjoni li qed tiżdied b'rata mgħaġġla u li toħloq bliet aktar inklużivi, reżiljenti u sostenibbli; jilqa', f'dan il-kuntest, l-adozzjoni riċenti tal-Aġenda Urbana Ġdida mill-Konferenza tan-NU dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III), li għandha l-għan li tesplora modi aħjar ta' ppjanar, tfassil, finanzjament, żvilupp, governanza u ġestjoni tal-bliet sabiex jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ, it-titjieb fis-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent;

89.  Jappella għal aktar sforzi tal-UE biex jiġu protetti l-oċeani u r-riżorsi tal-baħar; jilqa', f'dan il-kuntest, l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-governanza internazzjonali tal-oċeani sabiex tippromwovi ġestjoni aħjar u biex ittaffi l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ibħra u l-ekosistemi;

90.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet mal-produttività mtejba tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli għat-tnaqqis fit-telf u l-ħela tal-ikel, il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

Politika tal-iżvilupp tal-UE

91.  Itenni l-vantaġġi komparattivi offruti mill-azzjoni tal-UE għall-iżvilupp, inklużi l-preżenza globali tagħha, il-flessibbiltà offruta mill-firxa tagħha ta' strumenti u ta' metodi ta' għoti, ir-rwol tagħha fil-koerenza u l-koordinazzjoni tal-politika kif ukoll l-impenn tagħha lejhom, l-approċċ tagħha msejjes fuq id-drittijiet u d-demokrazija, l-iskala tagħha f'termini tal-provvediment ta' massa kritika fl-għotjiet u l-appoġġ konsistenti tagħha lis-soċjetà ċivili;

92.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-vantaġġi komparattivi tal-UE jissarrfu f'azzjoni ffukata fuq ċertu numru ta' oqsma ta' politika, inklużi, iżda mhux limitati għal, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, il-beni u l-isfidi pubbliċi globali, il-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali, u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' sigurtà u l-migrazzjoni forzata; jissottolinja li tali konċentrazzjoni jeħtieġ li tiġi adattata għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta' pajjiżi u reġjuni individwali li qed jiżviluppaw skont il-prinċipji tas-sjieda u s-sħubija;

93.  Ifakkar fir-rwol dejjem jikber tal-isport fl-iżvilupp u l-paċi permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza u ta' kultura ta' rispett reċiproku, kif ukoll il-kontribut li l-isport jagħti lill-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ, l-individwi u l-komunitajiet, u kif ukoll lis-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

94.  Jissottolinja l-importanza ta' sistema kollettiva komprensiva, trasparenti u f'waqtha ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u r-rieżami tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-Kunsnes mill-UE u l-Istati Membri tagħha, jenfasizza li rappurtar annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji kollha favur il-politika tal-iżvilupp, fosthom dawk dwar l-effikaċja, il-PCD u l-impenji tal-ODA, għadu meħtieġ għar-responsabbiltà u s-sorveljanza parlamentari; jiddispjaċih dwar il-lakuni fir-rappurtar riċenti u mistennija; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens;

°

°  °

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE.

(1)

 http://ec.europa.eu/development/body/development_policy_statement/docs/edp_declaration_signed_20_12_2005_en.pdf

(2)

http://www.oecd.org/dac/effectiveness/49650173.pdf

(3)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14684-2016-INIT/mt/pdf

(4)

http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E

(5)

http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf

(6)

 http://www.g7plus.org/sites/default/files/resources/Dili%20Declaration%20and%20g7%2B%20Statement%20%5BENGLISH%5D.pdf

(7)

https://unfccc.int/resource/docs/2015/cop21/eng/l09r01.pdf

(8)

https://www.worldhumanitariansummit.org/

(9)

https://habitat3.org/the-new-urban-agenda/

(10)

http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/05/4314021e.pdf

(11)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=OJ:C:2016:202:FULL&from=MT#C_2016202MT.01004701

(12)

Konklużjonijiet tal-Kunsill, 15.5.2007.

(13)

Konklużjonijiet tal-Kunsill, 19.5.2014.

(14)

Dokument tal-Kunsill 10715/16.

(15)

Testi adottati, P6_TA(2005)0446.

(16)

Testi adottati, P7_TA(2011)0320.

(17)

Testi adottati, P7_TA(2013)0558.

(18)

Testi adottati, P8_TA(2014)0059.

(19)

Testi adottati, P8_TA(2015)0196.

(20)

Testi adottati, P8_TA(2015)0265.

(21)

Testi adottati, P8_TA(2016)0137.

(22)

Testi adottati, P8_TA(2016)0224.

(23)

Testi adottati, P8_TA(2016)0246.

(24)

Testi adottati, P8_TA(2016)0437.

(25)

Testi adottati, P8_TA(2016)0299.

(26)

Testi adottati tal-11 ta' Diċembru 2013, P7_TA(2013)0558.


RESULT OF FINAL VOTE IN COMMITTEE RESPONSIBLE

Date adopted

25.1.2017

 

 

 

Result of final vote

+:

–:

0:

21

1

0

Members present for the final vote

Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, György Hölvényi, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Substitutes present for the final vote

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Jan Zahradil


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Paavo Väyrynen

ECR

Eleni Theocharous, Jan Zahradil

EFDD

Ignazio Corrao

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, György Hölvényi, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Doru-Claudian Frunzulica, Enrique Guerrero Salom, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elly Schlein

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

1

-

PPE

Anna Záborská

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali - Politika tal-privatezza