RAPPORT dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Albanija
3.2.2017 - (2016/2312(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Knut Fleckenstein
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Albanija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-UE,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li l-Albanija tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat għal sħubija mal-UE u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra t-tmien laqgħa, li saret fi Brussell fit-8 ta' Settembru 2016, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-Albanija u l-UE,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar f'Pariġi fl-4 ta' Lulju 2016, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi tal-2016,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2016'' (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport 2016 dwar l-Albanija (SWD(2016)0364),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti tas-sitt Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Prijoritajiet Ewlenin adottati f'Tirana fit-30 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra r-rapporti finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2013 u l-elezzjonijiet lokali tal-2015,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-OSKE intitolat "Monitoring of Administrative Trials 2015 (il-Monitoraġġ ta' Proċessi Amministrattiv 2015)",
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fil-11-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAPC) UE-Albanija, li saret fi Brussell fis-7 u t-8 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0023/2017),
A. billi l-Albanija għamlet progress biex tissodisfa l-kriterji politiċi għas-sħubija u għamlet progress deċiż fil-ħames prijoritajiet ewlenin għall-ftuħ tan-negozjati dwar l-adeżjoni. billi l-implimentazzjoni ulterjuri tal-pakkett ta' riforma ġudizzjarja, ir-riforma elettorali u l-hekk imsejħa liġi tad-dekriminalizzazzjoni, fost oħrajn, huma importanti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fir-rappreżentanti politiċi tagħhom;
B. billi għad fadal sfidi u hemm bżonn li dawn jiġu indirizzati rapidament u b'effikaċja, fi spirtu ta' djalogu, kooperazzjoni u kompromess bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, sabiex jiġi garantit progress ulterjuri fit-triq tal-Albanija lejn l-adeżjoni mal-UE;
C. billi huwa essenzjali li jkun hemm djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli dwar riformi relatati mal-UE bejn il-forzi politiċi, bil-ħsieb li jsir aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE;
D. billi fl-Albanija jeżisti kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-adeżjoni mal-UE;
E. billi n-negozjati ta' adeżjoni huma inċentiv qawwi biex jiġu adottati u implimentati riformi relatati mal-adeżjoni;
F. billi r-riforma ġudizzjarja tibqa' kruċjali biex isir progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE tal-Albanija;
G. billi fl-2017, fl-Albanija se jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari;
H. billi l-protezzjoni tal-libertà reliġjuża, il-wirt kulturali, id-drittijiet tal-minoranzi u l-amministrazzjoni tal-proprjetà huma fost il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
I. billi l-UE enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;
J. billi l-awtoritajiet Albaniżi għandhom approċċ pożittiv lejn kooperazzjoni reġjonali biex jippromwovu l-iżvilupp tal-infrastruttura, miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kummerċ u l-mobilità taż-żgħażagħ;
1. Jilqa' l-progress kontinwu li sar mill-Albanija dwar riformi relatati mal-UE, b'mod partikolari l-adozzjoni kunsenswali f'Lulju 2016 tal-emendi kostituzzjonali li jwittu t-triq lejn riforma ġudizzjarja komprensiva; jenfasizza li biex isir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE mhux biss hemm bżonn ta' adozzjoni konsistenti tar-riformi tal-ħames prijoritajiet kollha iżda anke implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tagħhom, kif ukoll impenn politiku sostnut; iħeġġeġ lill-Albanija tistabbilixxi riżultati konkreti f'tali riformi;
2. Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta' negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija; jappoġġa bis-sħiħ l-adeżjoni tal-Albanija mal-UE, u jitlob li jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni malli jkun hemm progress kredibbli u sostenibbli fl-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja komprensiva u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, sabiex jinżamm il-momentum tar-riforma; jistenna lill-Albanija tikkonsolida l-progress miksub u żżomm il-pass tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin kollha;
3. Itenni li djalogu kostruttiv, il-kooperazzjoni politika sostenibbli u r-rieda għal kompromess huma kruċjali għas-suċċess tar-riformi u tal-proċess ta' adeżjoni kollu mal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar l-esklużjoni ta' trasgressuri kriminali minn karigi pubbliċi; jistieden lill-partiti politiċi kollha jagħmlu sforzi akbar biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin u biex tinkiseb kooperazzjoni kostruttiva;
4. Ifaħħar l-adozzjoni kunsenswali tal-emendi kostituzzjonali għar-riforma ġudizzjarja u l-adozzjoni ta' liġijiet dwar ir-riorganizzazzjoni istituzzjonali tal-ġudikatura, l-uffiċċju tal-prosekutur u l-Qorti Kostituzzjonali; jitlob l-adozzjoni rapida u l-implimentazzjoni kredibbli ta' liġijiet ta' akkumpanjanti rilevanti kollha u tal-liġijiet sekondarji, b'mod partikolari l-liġi dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid (skrutinju) tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-konsulenti legali u l-pakkett ta' abbozzi ta' liġijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja; jinnota s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-kostituzzjonalità tal-liġi ta' skrutinju wara opinjoni pożittiva mill-Kummissjoni ta' Venezja; itenni li riforma ġudizzjarja komprensiva hija rekwiżit ewlieni taċ-ċittadini tal-Albanija biex terġa' tissawwar il-fiduċja fir-rappreżentanti politiċi u fl-istituzzjonijiet pubbliċi tagħhom, u li l-kredibilità u l-effettività tal-proċess globali ta' riforma, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, jiddependu mis-suċċess tal-proċess ta' skrutinju u r-riforma ġudizzjarja; ifakkar li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' din ir-riforma hi strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u huma essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u għat-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet fundamentali fil-pajjiż, ukoll bl-għan li tiżdied il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja fost iċ-ċittadini kollha;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja l-ġdida għall-2020–2017 u l-pjan ta' azzjoni tagħha mmirati biex jiksbu aktar professjonaliżmu, effiċjenza u indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, inkluż il-qrati u s-sistema ta' tal-qrati u l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-membri kollha tal-ġudikatura, kif ukoll żieda fil-mezzi baġitarji għall-implimentazzjoni; jiddispjaċih li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja għadha qed tipproċedi bil-mod u b'ineffiċjenza; jinnota n-nuqqas ta' progress fil-mili ta' postijiet tax-xogħol battala fil-Qorti Suprema u fil-qrati amministrattivi u l-użu effettiv tas-sistema unifikata ta' ġestjoni tal-kawżi; jitlob li jiġi indirizzat ulterjorment kwalunkwe nuqqas fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, inkluż in-nuqqas ta' indipendenza minn fergħat tas-setgħa oħra, il-ġustizzja selettiva, l-obbligu limitat ta' rendikont, il-mekkaniżmi ineffettivi ta' sorveljanza, il-korruzzjoni, it-tul kumplessiv tal-proċeduri ġudizzjarji u l-infurzar; jiddispjaċih għall-interferenza politika fl-investigazzjonijiet u l-każijiet fil-qorti, u għalhekk jitlob li l-indipendenza tal-ġudikatura tissaħħaħ fil-prattika; jitlob għal aktar involviment fiż-żona ta' ġustizzja amministrattiva, li tindirizza suġġetti bħal aċċess effettiv għall-qrati u l-allokazzjoni ta' riżorsi lill-qrati biex ikunu jistgħu jaħdmu b'mod effiċjenti; itenni li r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali għandha timmira li l-ħatja jinżammu responsabbli u biex tkun promossa l-promozzjoni tar-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi u tax-xhieda ta' reati;
6. Jitlob li l-Kumitat Parlamentari Ad Hoc dwar ir-Riforma Elettorali biex jiffinalizza malajr l-evalwazzjoni tiegħu tal-kodiċi elettorali, filwaqt li jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet preċedenti kollha tal-OSKE/ODIHR u t-tisħiħ tat-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti u l-integrità tal-proċess elettorali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw l-implimentazzjoni fil-ħin qabel l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss f'Ġunju 2017, kif ukoll l-indipendenza u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni elettorali; ifakkar li l-partiti politiċi kollha huma responsabbli biex jiżguraw li jitwettqu elezzjonijiet demokratiċi f'konformità mal-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet biex jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊs) jipparteċipaw b'mod attiv fis-superviżjoni tal-proċess elettorali kollu; ifakkar li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma kruċjali għal aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib marbut mal-finanzjament tal-partiti politiċi u dwar is-sistema ta' awditu responsabbli;
7. Jistieden l-partiti politiċi tal-Albanija biex jirrispettaw kemm l-ispirtu u n-natura tal-leġiżlazzjoni dwar l-esklużjoni ta' trasgressuri kriminali minn karigi pubbliċi fit-tfassil tal-listi tal-kandidati tagħhom għall-elezzjonijiet li jmiss; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa ta' din il-liġi;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jieħdu miżuri biex jiffaċilita l-possibilità li ċittadini Albaniżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż jivvutaw f'elezzjonijiet Albaniżi barra mill-pajjiż;
9. Jilqa' t-titjib fit-trasparenza u l-inklużività tal-attivitajiet parlamentari, iżda jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet parlamentari sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tar-riformi u l-konformità tagħhom mal-istandards tal-UE u biex isir użu aħjar tad-diversi mekkaniżmi u istituzzjonijiet ta' sorveljanza sabiex il-gvern jinżamm responsabbli; jitlob li jiġi approvat kodiċi ta' etika parlamentari u biex ir-regoli ta' proċedura jirriflettu l-liġi dwar ir-rwol tal-parlament fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE; joffri li jesplora modi ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Parlament tal-Albanija fi ħdan il-qafas tal- programm ta' appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipproduċi leġiżlazzjoni ta' kwalità f'konformità mal-acquis tal-UE u jeżerċita r-rwol ta' sorveljanza tiegħu fl-implimentazzjoni tar-riformi;
10. Jinnota l-isforzi sabiex ikun hemm amministrazzjoni pubblika aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u biex isir progress kostanti fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tar-riforma tal-ġestjoni tal-finanzjament pubbliku; jappella għal aktar progress fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Liġi dwar is-Servizz Ċivili u tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, biex jitjiebu l-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' promozzjonijiet abbażi tal-mertu u l-prestazzjoni, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u tar-riżorsi umani, bl-għan li jiġi kkonsolidat il-progress li jkun sar lejn l-iżgurar ta' suq aktar effiċjenti, u depolitiċizzat, u amministrazzjoni pubblika trasparenti u professjonali, li tippermetti wkoll l-iżvolġiment tajjeb tan-negozjati ta' adeżjoni mal-UE; jitlob għat-tisħiħ tal-awtorità, l-awtonomija, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-istrutturi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-uffiċċju tal-Ombudsman; ifaħħar lill-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea għall-inizjattivi tiegħu biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika u tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' riformi marbutin mal-adeżjoni; jenfasizza l-bżonn li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-korpi regolatorji u ta' superviżjoni;
11. Jieħu nota tal-implimentazzjoni tar-riforma territorjali; jenfasizza li hemm bżonn sforzi sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva tal-unitajiet tal-gvern lokali li għadhom kif ġew stabbiliti;
12. Jilqa' l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni prinċipali kontra l-korruzzjoni, inkluż dwar il-protezzjoni tal-informaturi; jibqa' mħasseb, madankollu, li l-korruzzjoni għadha għolja u mifruxa f'ħafna oqsma u għadha problema serja, li tnaqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi; jinsab imħasseb, li istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni ewlenin għadhom suġġetti għal indħil politiku u għandhom kapaċitajiet amministrattivi limitati; jinnota li kooperazzjoni interistituzzjonali fqira u l-iskambju ta' informazzjoni għadhom qed ixekklu l-investigazzjonijiet proattivi u l-prosekuzzjoni effettiva tal-korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas ġuridiku aktar adegwat għall-kunflitti ta' interess, li jiġi rregolat l-illobjar u li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar, speċjalment bejn il-pulizija u s-servizzi ta' prosekuzzjoni, bil-għan li jitjieb ir-rekord tagħhom fir-rigward ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni, inkluż f'każijiet ta' livell għoli;
13. Jilqa' l-implimentazzjoni kontinwa tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-intensifikazzjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija; jitlob ukoll li jiġu żarmati n-netwerks ta' kriminalità organizzata u biex jiżdied l-għadd ta' kundanni finali f'każijiet ta' kriminalità organizzata, billi jissaħħu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-pulizija u s-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-kapaċitajiet istituzzjonali u operazzjonali; jinsab imħasseb li r-rekord tal-iffriżar u l-konfiska ta' assi akkwistati illegalment għadha baxx ħafna, u jitlob żieda fil-kapaċità u użu akbar ta' investigazzjonijiet finanzjarji biex jitjieb ir-rekord tagħhom f'dawn l-oqsma; jinnota li minkejja t-tendenza 'l fuq fl-investigazzjoni ta' każijiet li jinvolvu l-ħasil tal-flus, l-għadd ta' kundanni finali jibqa' limitat;
14. Jitlob, filwaqt li jilqa' l-operazzjonijiet reċenti kontra l-pjantaġġuni tal-kannabis, għat-tisħiħ ta' miżuri biex tinqered il-kultivazzjoni, il-produzzjoni u t-traffikar tad-droga fl-Albanija u netwerks relatati ta' kriminalità organizzata, inkluż bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali; jinnota, madankollu, li l-pulizija u l-prosekuturi naqsu milli jidentifikaw n-netwerks kriminali wara l-kultivazzjoni tad-drogi;
15. Jitlob għal sforzi intensifikati biex tiġi indirizzata l-proliferazzjoni bla kontroll tat-traffikar illeċitu ta' armi, inkluż billi tiżdied il-kooperazzjoni mal-UE f'dan is-sens, kif ukoll billi jinqerdu l-ħażniet li jifdal ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u t-titjib tal-kundizzjoni ta' faċilitajiet ta' ħażna; jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ferm ta' qtil b'arma tan-nar fl-Albanija;
16. Jitlob t-tisħiħ tal-kapaċità tal-gvern biex ifittex, jaħtaf u jikkonfiska r-rikavat tal-kriminalità ċibernetika u biex jipprevjeni l-ħasil tal-flus fuq l-internet;
17. Iħeġġeġ lill-Albanija tkompli ttejjeb il-qafas legali tagħha għad-determinazzjoni tal-istatus ta' protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati; ifaħħar l-isforzi tal-pulizija Albaniża biex iżidu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-Frontex, u jappella għal aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Albanija sabiex tipproteġi d-drittijiet tar-refuġjati f'konformità mal-istandards internazzjonali u mal-valuri fundamentali tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda reċenti f'każijiet ta' traffikar tal-bnedmin; jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi biex ma jitħalliex iseħħ it-traffikar tal-bnedmin, bl-għoti ta' attenzjoni partikolari għall-vittmi ewlenin ta' dan it-traffikar, speċjalment il-minuri mhux akkumpanjati, in-nisa u l-bniet;
18. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-popolazzjoni eċċessivament kbira fil-ħabsijiet u (rapporti ta') l-inadegwatezza tal-kura medika f'postijiet ta' detenzjoni, kif ukoll it-trattament ħażin tal-persuni suspettati fl-għases tal-pulizija; jirrakkomanda reviżjoni tal-approċċ repressiv, riklassifikazzjoni ta' reati kriminali u użu akbar ta' alternattivi għall-priġunerija;
19. Jinnota t-titjib fil-kooperazzjoni relatata mal-UE bejn l-istituzzjonijiet tal-istat u l-OSĊs, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea (NCEI); jinnota li soċjetà ċivili msaħħa hija element kruċjali ta' kwalunkwe sistema demokratika; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-livelli kollha ta' gvern, inkluż fil-livell lokali, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jilqa' f'dan ir-rigward il-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili (NCCS); jitlob l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika u għal regolamentazzjoni aħjar tal-qafas fiskali li jaffettwa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
20. Ifakkar, fost il-prijoritajiet ewlenin, il-ħtieġa biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni, inkluż billi jissaħħaħ l-infurzar tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jtejbu l-atmosfera ta' inklużjoni u tolleranza għall-minoranzi kollha fil-pajjiż, bi qbil mal-istandards Ewropej għall-Protezzjoni tal-Minoranzi, inkluż billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat tal-Istat għall-Minoranzi; jilqa' b'sodisfazzjon l-ewwel passi mmirati li jtejbu l-qafas legali għall-protezzjoni tal-minoranzi, u jappella lill-Albanija tadotta liġi qafas dwar il-protezzjoni tal-minoranzi u biex tirratifika l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u Minoritarji; jinnota li proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa li tinvolvi istituzzjonijiet indipendenti, l-assoċjazzjonijiet tal-minoranzi u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Roma, l-Eġizzjani u tal-minoranzi etniċi oħra; jappella għal sforzi kontinwi biex ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-impjiegi u tal-entitajiet kollha pubbliċi u ta' servizzi soċjali, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni soċjali u l-għajnuna legali; jinsab imħasseb li, minkejja t-titjib, l-inklużjoni tat-tfal Roma fis-sistema edukattiva għadha l-aktar baxxa fir-reġjun;
21. Ifaħħar l-isforzi tal-uffiċċju tal-Ombudsman biex itejjeb l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-qafas tar-riforma tal-ġudikatura; jilqa' l-promozzjoni attiva tad-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli u tal-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt; jiddispjaċih li l-ħidma tal-uffiċċju tal-Ombudsman għadha limitata minħabba nuqqas ta' finanzjament u ta' persunal fl-uffiċċji ċentrali u lokali tiegħu; jappella għal titjib tal-awtorità, tal-awtonomija, l-effiċjenza u tar-riżorsi għall-kariga tiegħu;
22. Jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' miżuri xierqa għall-protezzjoni tan-nisa u l-bniet li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati u emarġinati, kif ukoll in-numru għoli ta' każijiet ta' vjolenza domestika kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi addizzjonali sabiex jiġi żviluppat reġistri ta' każijiet kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu bis-sensibilizzazzjoni u l-prevenzjoni dwar il-vjolenza domestika, u biexjitjieb l-appoġġ għall-vittmi; itenni l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw il-preġudizzji stereotipiċi bbażati fuq is-sess permezz ta' edukazzjoni sistematika, id-dibattitu pubbliku u l-miżuri governattivi;
23. Jappella għal mekkaniżmi istituzzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u għall-prevenzjoni tat-tħaddim tat-tfal;
24. Jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu protetti d-drittijiet tal-minoranzi kollha fl-Albanija, permezz tal-implimentazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jirrakkomanda li d-drittijiet ta' nies b'etniċitajiet Bulgari fir-reġjuni Prespa, Golo Brdo u Gora jkunu stabbiliti fil-liġi u garantiti fil-prattika;
25. Jinnota t-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni LGBTI, u jħeġġeġ lill-gvern biex ikompli jimplimenta miżuri tal-programm li l-Albanija ser issegwi sal-2020;
26. Jiddispjaċih li l-awtoritajiet kompetenti s'issa naqsu milli jwettqu investigazzjoni kriminali effettiva għat-telf ta' ħajja fil-protesta tal-21 ta' Jannar 2011; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipproċedu mingħajr dewmien bla bżonn biex issir ġustizzja mal-vittmi tal-ġrajjiet ta' dak il-jum;
27. Ifaħħar it-tolleranza reliġjuża u l-kooperazzjoni tajba fost il-komunitajiet reliġjużi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti u l-komunitajiet reliġjużi jikkooperaw biex jippreservaw u jrawmu l-armonija reliġjuża f'konformità mal-Kostituzzjoni; iqis li huwa essenzjali li tiġi evitata r-radikalizzazzjoni Iżlamika permezz ta' approċċ immirat mis-servizzi tal-intelligence, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji, inkluż permezz ta' diżimpenn u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ġellieda barranin li jirritornaw lejn pajjiżhom, li jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti f'kooperazzjoni mal-OSĊs u l-komunitajiet reliġjużi, u biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali f'dan il-qasam; ifaħħar il-qafas ġuridiku komprensiv tal-pajjiż għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; iħeġġeġ li l-miżuri kollha għandhom jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards internazzjonali; jenfasizza l-importanza tal-programmi ta' edukazzjoni speċjali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kif ukoll għar-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-individwi kkonċernati;
28. Jiddispjaċih dwar il-progress limitat li sar fil-qasam tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni fis-sena li għaddiet; itenni l-importanza kbira ta' midja privata u tas-servizz pubbliku professjonali u indipendenti; jinsab imħasseb dwar l-influwenza politika fil-midja u l-awtoċensura mifruxa fost il-ġurnalisti; jinnota l-implimentazzjoni kajmana tal-liġi dwar il-midja awdjoviżiva u d-dewmien biex jimtlew postijiet tax-xogħol battala fl-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva (AMA); jitlob miżuri li jgħollu l-istandards professjonali u etiċi u l-prevalenza ta' kuntratti ta' xogħol regolari għall-ġurnalisti, it-titjib tat-trasparenza tar-reklamar tal-gvern fil-midja u biex tiġi żgurata l-indipendenza, l-imparzjalità u l-kontabilità tal-awtoritajiet regolatorji u tax-xandar pubbliku, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari; itenni l-ħtieġa li jiġu ffinalizzati u adottati l-istatuti intern tax-xandar pubbliku RTSH u biex jiġi ffinalizzat il-proċess ta' bidla għax-xandir diġitali;
29. Jilqa' t-titjib fil-konsolidazzjoni fiskali u l-punteġġi ogħla fir-rigward ta' kif isir in-negozju u fl-isforzi fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali; jinnota, madankollu, li n-nuqqasijiet persistenti fl-istat tad-dritt u l-ambjent regolatorju kumpless jiskoraġġixxu l-investiment; huwa mħasseb li r-rimessi tal-emigranti jikkostitwixxi mutur importanti tad-domanda domestika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri biex jitjiebu l-infurzar tal-kuntratti u l-ġbir tat-taxxa, u biex ikomplu jimplimentaw ir-riforma ġudizzjarja bil-ħsieb li jitjieb l-ambjent tan-negozju; jinsab imħasseb dwar il-livell għoli ta' akkwist pubbliku dirett u l-offerti mhux kompetittivi u l-esternalizzazzjoni ta' kuntratti tat-tip PPP fuq terminu twil li għandhom impatt dubjużi fir-rigward tal-interess pubbliku;
30. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet iħaffu l-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-konnessjoni ferrovjarja u l-awtostrada moderna bejn Tirana u Skopje bħala parti minn Kuritur VIII;
31. Jinnota bi tħassib in-natura limitata tal-kapaċitajiet amministrattivi għall-infurzar tal-liġi ambjentali, kif ukoll il-ġestjoni fqira tal-iskart u tal-ilma, li ta' spiss jirriżultaw f'reati ambjentali li jheddu r-riżorsi ekonomiċi tal-Albanija u jikkostitwixxu ostaklu għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jissottolinja l-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali kif ukoll biex tiġi garantita l-parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika tas-soċjetà ċivili fi proġetti irilevanti; jenfasizza l-importanza kruċjali li jintlaħqu l-objettivi tat-tibdil fil-klima mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-bijodiversità, il-pajsaġġ, ir-riżorsi tal-ilma, il-flora u fawna, tal-popolazzjonijiet lokali milquta;
32. Jenfasizza li l-impatt ambjentali tal-impjanti idroelettriċi spiss mhuwiex valutat b'mod xieraq sabiex tkun żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar in-natura; jagħti parir lill-gvern jikkunsidra l-istabbiliment ta' Park Nazzjonali f'Vjosa u biex jabbanduna l-pjanijiet għal impjanti idroelettriċi ġodda tul ix-xmara Vjosa u t-tributarji tagħha; iħeġġeġ allinjament ulterjuri mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija, partikolarment dwar l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-enerġija, bil-għan li tiżdied l-indipendenza u l-effiċjenza enerġetika; jilqa' l-pjan ta' azzjoni nazzjonali 2015–2020 għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli (RESs);
33. Jirrimarka li l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali għad irid jiġi żgurat b'mod effettiv; iħeġġeġ li tittieħed azzjoni biex jitlesta l-proċess ta' reġistrazzjoni tal-proprjetà, ir-restituzzjoni u l-kumpens u biex tiġi aġġornata u implimentat-a b'mod effikaċi tal-istrateġija 20122020 dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali; iħeġġeġ ulterjorment lill-awtoritajiet biex jiżviluppaw pjan direzzjonali li jistabbilixxi responsabbiltajiet ċari u skadenzi f'dan ir-rigward, u biex imexxu kampanja ta' informazzjoni pubblika li tinforma lis-sidien preċedenti dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom rigward r-restituzzjoni ta' proprjetà; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza, ċertezza legali u trattament ugwali fir-rigward tal-liġi dwar il-kumpens għal proprjetajiet ikkonfiskati matul il-perjodu komunista; jitlob li jinħatar koordinatur nazzjonali għad-drittijiet tal-propjetà intelletwali u biex jitħaffef il-pass tal-proċess ta' reġistrazzjoni tal-proprjetà u tal-immappjar tal-proprjetà, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-proprjetà;
34. Jisħaq dwar l-importanza tar-riċerka fil-proċess li jiżvela reati mwettqa minn dak li kien ir-reġim komunista, kif ukoll ir-responsabilità morali, politiku u ġuridika tal-istituzzjonijiet tal-istat f'dan il-proċess; jistieden lill-awtoritajiet ifasslu miżuri leġiżlattivi xierqa biex jgħinu r-rijabilitazzjoni tal-vittmi, inklużi l-kumpens ta' individwi u tal-familji tagħhom, u li jirrevokaw id-deċiżjonijiet kollha tal-qrati politikament immotivati, li għadhom fis-seħħ; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-istat jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li jwettqu reati kontra l-umanità taħt id-dittatura komunista;
35. Jinnota li hu ta' importanza ewlenija li jiġi indirizzat il-passat kommunista f'termini ta' ffaċċjar tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-kisba tal-verità u l-ġustizzja għall-vittmi; jilqa' l-liġi li tistabbilixxi awtorità għall-ftuħ tar-reġistri Sigurimi; jilqa' l-istħarriġ ppubblikat mill-OSKE Presence u mill-Ambaxxata Ġermaniża dwar l-għarfien u l-perċezzjonjiet pubbliċi tal-passat komunista fl-Albanija u l-istennijiet għall-futur; iqis li dawn l-isforzi ser jgħinu biex jinħoloq djalogu dwar il-passat u biex jinbnew l-istennijiet għall-futur;
36. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tad-djalogu soċjali, il-parteċipazzjoni tal-OSĊs, il-kapaċitajiet tas-sħab soċjali, u tal-mekkaniżmi ta' infurzar għad-drittijiet soċjali; iħeġġeġ lill-gvern jimmodernizza s-sistema edukattiva bil-għan li tinbena soċjetà aktar esklussiva, jitnaqqsu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni u biex ż-żgħażagħ jingħataw aħjar b'ħiliet u b'għarfien; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ skont l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-politiki soċjali;
37. Jappella lill-awtoritajiet Albaniżi jsaħħu l-politiki tagħhom fir-rigward tal-persuni b'diżabilità, li jkomplu jiffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u t-teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż l-ostakoli li ma jħalluhomx jeżerċitaw b'mod ħieles id-dritt għall-vot;
38. Jinnota bi tħassib li n-numru ta' applikazzjonijiet għall-asil minn Albaniżi lejn l-Istati Membri tal-UE li kienu ġew meqjusa bħala infondati reġgħu bdew jiżdiedu; iħeġġeġ lill-gvern jieħu azzjoni immedjata u determinata biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu u biex tiġi intensifikata s-sensibilizzazzjoni tal-għarfien, l-appoġġ soċjoekonomiku u l-prevenzjoni tal-idforzi f'dan ir-rigward, kif ukoll biex jindirizzaw fatturi ta' spinta marbutin mal-qgħad u man-nuqqasijiet strutturali fil-politiki għall-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa; jenfasizza l-bżonn li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi umani lid-Direttorat Ġenerali għall-Fruntieri u l-Migrazzjoni u l-Pulizija tal-Fruntiera, kif ukoll biex titjieb il-kooperazzjoni interistituzzjonali relevanti sabiex tiġi miġġielda aħjar l-migrazzjoni irregolari;
39. Ifaħħar lill-Albanija għall-allinjament sħiħ kontinwu tagħha mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-UE u l-konklużjonijiet tal-Kunsill, u b'hekk uriet l-impenn ċar tagħha favur l-integrazzjoni Ewropea u s-solidarjetà; jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa ta' kontribut kostruttiv kontinwu tal-Albanija għall-istabbiltà politika fir-reġjun;
40. Jilqa' d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Albaniżi li jallinjaw il-politika estera tal-pajjiż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1671, li ġġedded il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja;
41. Jissottolinja l-importanza li jkunu garantiti relazzjonijiet tajba mal-viċinat, li jibqgħu essenzjali bħala parti integrali tal-proċess ta' tkabbir kif ukoll il-kundizzjonalità tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; jilqa' l-pożizzjoni kostruttiva u proattiva tal-Albanija fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u tar-relazzjonijiet tajba ta' viċinat ma' pajjiżi oħra tat-tkabbir u mal-Istati Membri ġirien tal-UE; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Albanija fl-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
42. Ifaħħar kemm lill-Albanija u s-Serbja għall-impenn kontinwu tagħhom biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali fuq livell politiku u tas-soċjetà, pereżempju permezz tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ (RYCO) bil-kwartieri ġenerali f'Tirana; iħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi jkomplu l-kooperazzjoni tajba tagħhom għall-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun, partikolarment permezz ta' programmi għaż-żgħażagħ, bħal dawk disponibbli fil-qafas tal-Aġenda Pożittiva għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent;
43. Jinnota li t-tensjonijiet reċenti fir-relazzjonijiet bejn l-Albanija u l-Greċja, u jirrakkomanda li ż-żewġ naħat jastjenu minn azzjonijiet jew minn dikjarazzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet;
44. Itenni t-talba tiegħu li fir-rapporti tagħha, il-Kummissjoni tinkludi informazzjoni dwar l-appoġġ tal-IPA għall-Albanija u l-effettività tal-miżuri implimentati, partikolarment l-appoġġ tal-IPA allokat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u tal-proġetti rilevanti;
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
31.1.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
52 6 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Louis Aliot, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Mike Hookem, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angel Dzhambazki, Doru-Claudian Frunzulică, Othmar Karas, Antonio López-Istúriz White, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, György Schöpflin, Igor Šoltes, Željana Zovko |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Raymond Finch, Jasenko Selimovic |
||||