RAPPORT dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
8.2.2017 - (2016/2228(INI))
Kumitat għall-Affarijiet BarraninKumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteurs: Urmas Paet, Sirpa Pietikäinen
(Laqgħat konġunti ta' kumitati – Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tat-13 ta' Settembru 2007[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim adottat f'Pariġi fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC tat-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), u l-vot fil-Parlament Ewropew dwar ir-ratifika tal-Ftehim fl-4 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, il-Protokoll ta' Göteborg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika,
– wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli"[2],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tas-16 ta' Novembru 1972,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 169 tal-ILO u d-Dikjrazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat imħabbra fit-28 ta' Mejju 2008 mill-ħames stati kostali tal-Oċean Artiku fil-Konferenza dwar l-Oċean Artiku f'Ilulissat, Greenland,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ċirkumpolari tal-Inuit dwar l-Prinċipji ta' Żvilupp tar-Riżorsi ta' Inuit Nunaat[3],
– wara li kkunsidra l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni 61/295 (UNDRIP) mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, partikolarment dawk tal-20 ta' Ġunju 2016, tat-12 ta' Mejju 2014, tat-8 ta' Diċembru 2009 u tat-8 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016 intitolata "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe", kif ukoll is-"CFSP Report – Our priorities in 2016", kif approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' April 2016 intitolata "Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku"[4], il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tas-26 ta' Ġunju 2012[5] intitolata "L-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku" u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2008 intitolata "L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku",
– wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali Artiċi tal-Istati Artiċi, partikolarment dawk tar-Renju tad-Danimarka (2011), tal-Iżvezja (2011) u tal-Finlandja (2013), kif ukoll dawk tal-Istati Membri l-oħra tal-UE u l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta' Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Istabbiliment tal-Kunsill tal-Artiku u l-programm attwali għall-2015-2017 taħt il-presidenza tal-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju tal-Kooperazzjoni Ewro-Artika ta' Barents, maħruġa f'Kirkenes, in-Norveġja, fit-3-4 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Konferenza tal-Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku (CPAR) u tal-Konferenza Parlamentari ta' Barents (BPC), partikolarment id-Dikjarazzjoni tal-Konferenza adottata fit-12-il Konferenza tas-CPAR f'Ulan Ude, fir-Russja fl-14-16 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana f'Rejkjavik, f'Mejju 2015, f'Archangelsk, ir-Russja, f'Novembru tal-2013, u fi Tromsø, in-Norveġja, fi Frar tal-2011 u fi Brussell f'Settembru tal-2009,
– wara li kkunsidra tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar it-Tixrid taż-Żejt, il-Fond għat-Tixrid taż-Żejt u l-Fond Supplimentari,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar "l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)[6], tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni"[7], tat-22 ta' Novembru 2012 dwar "ir-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali"[8], u tat-12 ta' Settembru 2012 dwar "ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni"[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, partikolarment dawk tat-12 ta' Marzu 2014 dwar "l-istrateġija tal-UE għall-Artiku"[10], tal-20 ta' Jannar 2011 dwar "politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema"[11] u tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar "il-Governanza tal-Artiku"[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar "ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità"[13] , u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar "is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli"[14],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Iżvizzera u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Iżlanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (Delegazzjoni SINEAA),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa (COM(2016)0705) ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0032/2017),
A. billi l-UE hija attur globali; billi l-UE ilha impenjata fl-Artiku għal ħafna żmien, abbażi tal-istorja, tal-ġeografija, tal-ekonomija u tar-riċerka; billi tlieta mill-Istati Membri tagħha – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja – huma pajjiżi tal-Artiku; billi l-Artiku huwa mdawwar minn ilmijiet internazzjonali, u ċ-ċittadini u l-gvernijiet fid-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea, għandhom ir-responsabilità li jappoġġaw il-protezzjoni tal-Artiku;
B. billi l-impenn tal-UE fir-reġjun tat-Tramuntana u fl-Artiku kien diġà beda fil-bidu tas-snin disgħin permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) u permezz tas-sħubija sħiħa tal-Kummissjoni f'dawn l-entitajiet;
C. billi l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, li taffettwa kemm l-affarijiet interni u r-relazzjonijiet esterni, żviluppat fi sħubija ugwali bejn l-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda; billi, minbarra s-sħab tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, diversi organizzazzjonijiet multilaterali oħra jipparteċipaw f'din il-politika konġunta, bħall-Kunsill tal-Artiku, is-CBSS u l-BEAC, filwaqt li l-Kanada kif ukoll l-Istati Uniti huma osservaturi; billi din il-politika tkopri żona ġeografika wiesgħa u taqdi rwol importanti permezz ta' kooperazzjoni reġjonali prattika fl-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika u l-benesseri soċjali, il-kultura, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-loġistika u t-trasport;
D. billi l-UE bniet u saħħet il-politika dwar l-Artiku tagħha b'mod gradwali; billi l-impenn, li qed jevolvi, u l-interessi komuni tal-UE jinqdew bl-aħjar mod permezz ta' mezzi komuni u kkoordinati tajjeb; billi l-isfidi relatati mal-Artiku jitolbu rispons reġjonali u internazzjonali konġunt;
E. billi l-Artiku jiffaċċja sfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi uniċi;
F. billi l-Artiku Ewropew għandu popolazzjonijiet sparsi, mifruxin fuq żona wiesgħa li hija karatterizzata minn nuqqas ta' konnessjonijiet tat-trasport, bħal konnessjonijiet tat-toroq, ferrovjarji u ta' titjiriet bejn il-Lvant u l-Punent; billi l-Artiku Ewropew isofri minn nuqqas ta' investiment;
G. billi għall-Artiku japplika qafas ġuridiku internazzjonali wiesa';
H. billi l-Kunsill tal-Artiku huwa l-forum prinċipali għall-kooperazzjoni dwar l-Artiku; billi fl-għoxrin sena li ilu jeżisti, il-Kunsill tal-Artiku wera l-kapaċità tiegħu li jżomm il-kooperazzjoni fi spirtu kostruttiv u pożittiv, u li jadatta sfidi ġodda u jassumi responsabilitajiet ġodda;
I. billi l-istati Artiċi għandhom sovranità u ġurisdizzjoni fuq l-art u l-ilmijiet tagħhom; billi d-drittijiet tal-poplu tal-Artiku li jagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi naturali tagħhom iridu jiġu rrispettati;
J. billi l-interess fl-Artiku u fir-riżorsi tiegħu qiegħed jiżdied minħabba l-ambjent li qiegħed jinbidel fiż-żona, u l-iskarsezza ta' riżorsi; billi qiegħda tikber l-importanza ġeopolitika tar-reġjun; billi l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kompetizzjoni dejjem akbar għal aċċess għall-Artiku u r-riżorsi naturali tiegħu, u aktar attivitajiet ekonomiċi, ġabu magħhom riskji għar-reġjun, inklużi sfidi għall-ambjent u s-sigurtà tal-bniedem, iżda wkoll opportunitajiet ġodda, bħal pereżempju għal bijoekonomija sostenibbli u żviluppata ħafna; billi bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima, se jinfetħu rotot ta' navigazzjoni ġodda, u żoni tas-sajd u riżorsi naturali ġodda jistgħu jwasslu għal żieda fl-attività tal-bniedem u sfidi ambjentali f'dan ir-reġjun;
K. billi l-Artiku ilu żona ta' kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva għal żmien twil u billi hemm bżonn li l-Artiku jinżamm żona ta' tensjoni baxxa;
L. billi aċċessibilità tajba sabiex ikun hemm konnessjoni aħjar bejn żoni rurali tar-reġjun tat-Tramuntana u l-bqija tal-UE hija prerekwiżit għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u kompetittiv ta' ċentri ta' tkabbir tat-Tramuntana, meta titqies l-attenzjoni dejjem ikbar minn investituri u partijiet ikkonċernati fir-riżorsi tagħhom li għadhom ma ġewx sfruttati u r-rwol tagħhom bħala punti fokali ta' preokkupazzjoni ekoloġika;
M. billi sal-2015 il-Federazzjoni Russa stabbiliet mill-inqas sitt bażijiet ġodda fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku, inklużi sitt portijiet tal-ilma fond u 13-il mitjar u żiedet il-preżenza ta' forzi terrestri f'termini ta' forzi tal-Artiku;
N. billi ekosistemi tal-Artika robusti, b'saħħithom u sostenibbli, abitati minn komunitajiet vijabbli, huma importanti mil-lat strateġiku għall-istabilità politika u ekonomika tal-Ewropa u tad-dinja; billi l-Artiku jinkludi 'l fuq minn nofs l-artijiet mistagħdra tad-dinja u għandu rwol ewlieni fil-purifikazzjoni tal-ilma; billi huwa jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv ta' stat tajjeb tal-ilma fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; billi f'dak li jirrigwarda l-preservazzjoni tas-sistemi soċjoekoloġiċi, l-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni qed jiżdiedu b'mod esponenzjali;
O. billi s-silġ fil-Baħar Artiku naqas b'mod sinifikanti mill-1981, iż-żoni bil-permafrost qegħdin jonqsu (bir-riskju ta' rilaxxi inċidentali ta' ammonti kbar ta' dijossidu tal-karbonju[15] u ta' metan fl-atmosfera), il-kopertura tal-borra qiegħda tkompli tonqos u l-glaċieri li qegħdin idubu jikkontribwixxu biex jgħollu l-livelli tal-baħar fuq livell dinji; billi ġie osservat li s-silġ fil-baħar qiegħed jisparixxi b'ritmu saħansitra aktar mgħaġġel minn dak li kienu bassru l-mudelli, bil-volum tas-silġ fil-baħar preżenti matul is-sajf jonqos b'aktar minn 40 % f'35 sena; billi t-tibdil fil-klima qed javvanza b'pass doppju, dejjem aktar mgħaġġel, fir-reġjuni polari, u jikkawża bidliet mhux magħrufa u imprevedibbli għall-ekosistemi tad-dinja;
P. billi tliet Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) u Pajjiż u Territorju Barrani extra-Ewropew wieħed (Greenland) huma membri tal-Kunsill tal-Artiku li fih tmien membri, u sebgħa Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma osservaturi; billi l-UE tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni finali tal-istatus formali tagħha bħala osservatur fi ħdan il-Kunsill tal-Artiku;
Q. billi l-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli huma ż-żewġ prinċipji ewlenin tad-Dikjarazzjoni ta' Ottawa, li ħolqot il-bażi għall-Kunsill tal-Artiku fl-1996;
R. billi madwar erba' miljun ruħ jgħixu fir-reġjun tal-Artiku, li minnhom madwar 10 % huma popli indiġeni; billi l-ambjent vulnerabbli tal-Artiku, kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni, iridu jiġu rrispettati u protetti b'salvagwardji aktar stretti; billi d-drittijiet tal-popli indiġeni u l-popolazzjonijiet lokali biex japprovaw l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali u jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawha, iridu jiġu ggarantiti; billi ż-żieda fis-sustanzi li jniġġsu u fil-metalli tqal fl-Artiku għandha riperkussjonijiet negattivi fil-katina alimentari permezz tal-preżenza tagħhom fil-fawna u flora, b'mod partikolari l-ħut, u hija kwistjoni tas-saħħa importanti għall-abitanti lokali kif ukoll għall-konsumaturi ta' prodotti tas-sajd fi bnadi oħra;
S. billi l-ekosistemi fl-Artiku, inklużi l-flora u l-fawna tagħhom, huma partikolarment vulnerabbli għad-disturb, b'perjodu ta' rkupru relattivament twil; billi l-konsegwenzi ambjentali negattivi ħafna drabi huma kumulattivi u irriversibbli, u ħafna drabi jkollhom impatti esterni ġeografiċi u ekoloġiċi (eż. ħsara lill-ekosistemi tal-oċeani);
T. billi f'dawn l-aħħar deċennji t-temperatura fl-Artiku żdiedet b'madwar darbtejn ir-rata tal-medja globali;
U. billi ż-żieda fil-kwantità ta' gassijiet b'effett ta' serra u tat-tniġġis tal-arja fl-atmosfera qegħdin jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima tal-Artiku; billi t-tniġġis li qiegħed jitfaċċa fil-klima tal-Artiku fil-biċċa l-kbira tiegħu ġej mill-għejun ta' emissjonijiet fl-Asja, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa, u b'hekk il-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet fl-UE jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima tal-Artiku;
V. billi r-riskji li joħloq l-użu ta' żejt tal-fjuwil tqil (HFO) fit-trasport marittimu tal-Artiku huma diversi: fl-eventwalità ta' tixrid, il-karburant dens ħafna jemulsifika, jegħreq u jista' jiġi trasportat tul distanzi twal ħafna jekk jinqabad fis-silġ; it-tixrid tal-HFO joħloq riskji kbar għas-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet indiġeni tal-Artiku li s-sussistenza tagħhom tiddependi fuq is-sajd u l-kaċċa; il-kombustjoni tal-HFO tipproduċi ossidi tal-kubrit u metalli tqal, kif ukoll ammonti kbar ta' karbonju iswed li, meta jiġi depożitat fuq is-silġ Artiku, jistimula l-assorbiment tas-sħana fil-massa tas-silġ u b'hekk jaċċellera l-proċess ta' tidwib u jaffettwa t-tibdil fil-klima; billi t-trasport u l-użu tal-HFO huwa pprojbit mill-OMI fl-ilmijiet ta' madwar l-Antartiku;
W. billi l-UE jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet u n-negozjati fil-fora internazzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-partijiet kollha kkonċernati jaċċettaw ir-responsabilitajiet tagħhom f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jew is-sustanzi niġġiesa, u jiffaċċaw l-isfidi dejjem jikbru tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;
X. billi r-riskji li ġejjin mill-użu tal-enerġija nukleari f'bastimenti li jkissru s-silġ u faċilitajiet kostali għandhom jiġu kkunsidrati u kemm jista' jkun jiġu minimizzati fl-attivitajiet kollha relatati mal-livell ta' tħejjija u rispons;
Y. billi r-rimi ta' kull tip ta' skart fil-permafrost Artiku m'huwa taħt l-ebda ċirkostanza soluzzjoni ta' mmaniġġjar ta' skart sostenibbli, kif muri mir-riżultati reċenti li nkisbu f'Camp Century fi Greenland;
Z. billi l-politika tal-UE fl-Artiku għandha tirrifletti b'mod aktar strett l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li l-UE ntrabtet li tilħaq sal-2030;
AA. billi t-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni xjentifika, inkluż l-għarfien lokali u indiġenu, huwa fundamentali għas-salvagwardja tal-ekosistemi fraġli tal-Artiku, għat-tnaqqis tar-riskji, għall-adattament tal-komunitajiet lokali, u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; billi l-UE hija s-sors ewlieni ta' finanzjament tad-dinja tar-riċerka fl-Artiku u tippromwovi l-iskambju liberu tar-riżultati tagħha;
AB. billi taħlita bbilanċjata ta' għarfien espert u speċjalizzazzjoni industrijali dwar l-Artiku, minn naħa, u impenn favur l-ambjent u l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, min-naħa l-oħra, għandhom il-potenzjal li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni ekoloġika, is-simbjożi industrijali u l-immaniġġjar effettiv tal-iskart fir-reġjun tal-Artiku, u b'hekk jinżamm kemm l-ambjent verġni tiegħu u l-potenzjal tieħu għal opportunitajiet ta' negozju ġodda u emerġenti, u għal żieda fl-impjiegi, u fil-proċess jagħtu kontribut ukoll għall-impjieg taż-żgħażagħ u jsolvu l-isfida tal-popolazzjoni tiegħu li qed tixjieħ;
AC. billi l-kapaċitajiet tekniċi ta' komunikazzjonijiet bis-satellita eżistenti fl-UE, skont is-servizzi u l-infrastruttura offruti minn Copernicus u Galileo, jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti li jinsabu fir-reġjun tal-Artiku;
AD. billi l-involviment tal-komunitajiet lokali huwa kruċjali għas-suċċess tal-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u l-bini tar-reżiljenza f'ekosistemi fraġili;
AE. billi jirrikonoxxi l-importanza li tingħata kunsiderazzjoni lill-għarfien tradizzjonali u lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Artiku;
AF. billi l-kulturi Sami, Nenets, Khanty, Evenk, Chukchi, Aleut, Yupik u Inuit iridu jiġu protetti skont l-UNDRIP; billi l-popolazzjonijiet indiġeni tal-Artiku għandhom id-dritt li jużaw ir-riżorsi naturali fl-inħawi tagħhom u għalhekk jenħtieġ li jkunu parti minn kwalunkwe pjan ġejjieni għal sajd kummerċjali;
AG. billi kwalunkwe attività ta' sajd fir-reġjun tal-Artiku trid issir f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali eżistenti li jirregolaw iż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920 u, speċifikament, kwalunkwe dritt tal-Istati Partijiet għal dan it-trattat, u wkoll f'konformità ma' kwalunkwe dritt storiku ta' sajd;
1. Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta bħala pass pożittiv fit-triq lejn politika integrata tal-UE dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, billi tidentifika oqsma speċifiċi ta' azzjoni, u lejn l-iżvilupp ta' qafas aktar koerenti għall-azzjoni tal-UE b'attenzjoni fuq l-Artiku Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' koerenza akbar bejn il-politiki interni u esterni tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-Artiku; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri konkreti ta' implimentazzjoni u segwitu għall-komunikazzjoni tagħha; itenni s-sejħa tiegħu għal strateġija komprensiva u pjan ta' azzjoni konkretizzat dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, li fihom l-għan ta' preservazzjoni tal-ekosistema vulnerabbli tal-Artiku jenħtieġ li jkun il-punt tat-tluq;
2. Jilqa' t-tliet oqsma ta' prijorità tal-komunikazzjoni, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni internazzjonali;
3. Jenfasizza l-importanza tal-UNCLOS fil-forniment ta' qafas legali multilaterali essenzjali għall-attivitajiet kollha tal-oċeani, inkluż l-Artiku, għad-delimitazzjoni tal-blata kontinentali tal-Artiku u għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet ta' sovranità fi ħdan l-Artiku fir-rigward tal-ibħra territorjali; jinnota li l-kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni mhux risolti li jinsabu fl-Artiku huma ftit ħafna; iqis li r-rispett tad-dritt internazzjonali fl-Artiku huwa essenzjali; jinnota li l-ilmijiet madwar il-Pol tat-Tramuntana huma prevalentement ilmijiet internazzjonali; huwa favur rwol b'saħħtu fil-promozzjoni ta' arranġamenti multilaterali effettivi u ordni globali bbażata fuq ir-regoli permezz tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni konsistenti ta' ftehimiet u oqfsa internazzjonali, reġjonali u bilaterali rilevanti; jissottolinja li l-UE jenħtieġ li jkollha rwol pożittiv fil-promozzjoni u l-appoġġ ta' ftehimiet li jsaħħu l-immaniġġar tal-bijodiversità u l-ambjent lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali fl-Oċean Artiku; jinnota li dan ma jirrigwardax in-navigazzjoni u l-għajxien tradizzjonali; iħeġġeġ lill-UE taħdem mill-qrib mal-Istati Membri tagħha biex jingħata appoġġ lill-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent fir-reġjun; jenfasizza r-rwol importanti tal-Kunsill tal-Artiku biex tinżamm kooperazzjoni kostruttiva, tensjoni baxxa, paċi u stabilità fir-reġjun Artiku;
4. Jilqa' r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi min-naħa tal-Unjoni Ewropea u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-4 ta' Novembru 2016; jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tiegħu mill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi sabiex jipproċedu bil-miri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u bil-miżuri kemm fis-settur tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u l-kondiviżjoni tal-isforzi, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-mira ta' limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C sal-2100;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu rwol aktar b'saħħtu fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila, il-Protokoll ta' Gothenburg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw f'Ilmijiet Polari (il-Kodiċi Polari) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-proċess internazzjonali li għaddej bħalissa mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes sabiex gradwalment jiġi eliminat l-użu ta' materjal organiku kontaminanti persistenti; jistenna li l-pajjiżi sħab tal-UE jagħmlu l-istess ħaġa;
6. Jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerk ta' żoni ta' konservazzjoni tal-Artiku u l-protezzjoni taż-żona tal-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana lil hinn miż-żoni ekonomiċi tal-istati kostali;
7. Jitlob li kwalunkwe żvilupp ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jsir b'mod kompletament kompatibbli man-natura sensittiva u speċifika tar-reġjun; jinsisti li qabel ma jinbeda kwalunkwe sajd kummerċjali ġdid fir-reġjun tal-Artiku, iridu jsiru stimi xjentifiċi tal-istokk li jkunu affidabbli u prekawzjonarji sabiex jiġu determinati l-livelli tas-sajd li jikkonservaw l-istokkijiet tal-ħut fil-mira, 'il fuq minn livelli li kapaċi jipproduċu rendiment sostenibbli massimu, u li ma jwasslux għal tnaqqis ta' speċijiet oħra jew għal ħsara serja lill-ambjent tal-baħar; jenfasizza li s-sajd kollu fl-ibħra miftuħa jrid ikun regolat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u li jkollha programm robust ta' kontroll u ta' sorveljanza biex tiġi żgurata konformità mal-miżuri tal-ġestjoni; jinnota li s-sajd li jsir fiż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi irid jilħaq l-istess standards; jitlob li jkun hemm moratorju fuq is-sajd fuq skala industrijali, inkluż it-tkarkir tal-qiegħ, fl-ilmijiet tal-Artiku li ma sarx sajd fihom qabel;
8. Jilqa' n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim internazzjonali bejn l-istati kostali tal-Artiku u partijiet internazzjonali bl-għan li jipprevjenu s-sajd mhux regolat fl-ibħra internazzjonali tal-Artiku, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffirmaw din id-dikjarazzjoni u jaħdmu sabiex jagħmluha vinkolanti għall-firmatarji;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Artiku biex ikomplu jaħdmu fuq l-estensjoni tal-informazzjoni u l-analiżi disponibbli rigward l-istokkijiet kollha fir-reġjun;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-UE billi jaqblu dwar miri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjonijiet fin-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali tal-Emissjonijiet, billi jitnaqqsu l-livelli tat-tniġġis lokali permezz tal-Pakkett ta' Politika dwar l-Arja Nadifa sabiex jonqos it-tniġġis ambjentali fuq distanzi twal u b'mod partikolari l-ġmied, u billi jiġu negozjati miri ambizzjużi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u miżuri kemm fis-settur tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet u l-kondiviżjoni tal-isforzi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5 °C sal-2100;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftehim tal-oċeani tan-NU għall-protezzjoni tad-diversità bijoloġika lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ), li qiegħed jiġi nnegozjat attwalment, ikun b'saħħtu u effettiv u li jkun jista' jiżgura proċess robust għall-identifikazzjoni, l-għażla, il-ġestjoni u l-infurzar ta' żoni tal-baħar protetti, inklużi r-riżervi tal-baħar fejn il-qbid huwa pprojbit;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw ir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni effiċjenti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-ftehimiet internazzjonali relatati; iqis li huwa importanti li l-pjan strateġiku rigward l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' speċijiet ta' ħsara aljeni li jheddu lill-ekosistemi, u r-rotot ta' espansjoni tagħhom, li sar ftehim dwarhom fl-Artikolu 10 tal-Protokoll ta' Nagoya, jitwettqu b'tali mod li l-ispeċijiet invażivi li l-aktar jagħmlu ħsara jiġu kkontrollati jew eliminati, u b'mod li r-rotot ta' espansjoni tagħhom ikunu fil-mira bil-ħsieb li jiġu eliminati t-trasferiment u l-invażjoni ta' speċijiet bħal dawn, inkluż lejn iż-żoni tal-Artiku;
13. Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu s-sussidji fuq il-fjuwils fossili li jbaxxu l-kost tal-produzzjoni tal-enerġija bil-fjuwils fossili, bil-ħsieb li jiskoraġġixxu l-isfruttament u l-użu tal-fjuwils fossili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu f'fora internazzjonali lejn projbizzjoni totali futura fuq l-estrazzjoni ta' żejt u gass tal-Artiku sabiex jintlaħaq l-għan ta' ekonomija b'livell baxx ta' karbonju;
14. Jistieden lill-UE tippromwovi standards regolatorji ta' prekawzjoni stretti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza għall-esplorazzjoni, l-ipprospettar u l-produzzjoni taż-żejt fil-livell internazzjonali; jitlob li ssir projbizzjoni fuq it-tħaffir għaż-żejt fl-ilmijiet bis-silġ Artiċi tal-UE u taż-ŻEE li ssir promozzjoni mill-UE ta' standards ta' prekawzjoni komparabbli fil-Kunsill tal-Artiku u għall-istati kostali tal-Artiku;
15. Jenfasizza l-importanza għall-UE li tħeġġeġ ratifika rapida tal-Konvenzjoni ta' Minamata bil-ħsieb li jiġu evitati u mnaqqsa l-emissjonijiet tal-merkurju;
16. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) lejn miżuri sabiex l-azzjoni klimatika fl-Artiku tiġi integrata, bil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi lokali u n-natura speċjali tar-reġjuni tal-Artiku;
17. Jenfasizza li ż-żieda fl-użu tar-riżorsi naturali fl-Artiku jenħtieġ li titwettaq b'mod li jirrispetta u jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjonijiet lokali u li tittieħed responsabilità ambjentali sħiħa għall-ambjent fraġli tal-Artiku; jemmen li din l-għażla strateġika hija integrali biex jiġu żgurati l-leġittimità u l-appoġġ lokali għall-impenn tal-UE favur l-Artiku;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li huma membri jew osservaturi tal-Kumitat tal-Artiku, biex jappoġġaw il-ħidma li għaddejja tal-Kumitat tal-Artiku rigward il-valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali biex jiġu ppreservati l-ekosistemi vulnerabbli tal-Artiku skont il-linji tal-Konvenzjoni ta' Espoo; jenfasizza l-importanza vitali ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu żgurati żvilupp sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi u l-protezzjoni tal-Artiku b'mod partikolari l-ekosistemi u l-komunitajiet vulnerabbli; jiġbed l-attenzjoni lejn dawn il-kriterji mhux eżawstivi ppreżentati mill-Kunsill Ċirkumpolari tal-Inuit għall-evalwazzjoni ta' proġetti li qed iseħħu fl-Artiku:
L-impatti kollha ambjentali, soċjoekonomiċi u kulturali potenzjali kemm matul u wara l-proġett, inklużi l-effetti kumulattivi ta' proġetti attwali u futuri,
Il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas għandhom jiġu applikati fl-istadji kollha tal-ippjanar, il-valutazzjoni, l-implimentazzjoni u r-reklamazzjoni tal-proġetti.
Ir-reklamazzjoni u l-irkupru tal-ħabitats u l-artijiet affettwati jridu jkunu ppjanati bir-reqqa u jkunu ffinanzjati kompletament minn qabel.
Il-Proposti għal proġetti ta' rispons għat-tixrid taż-żejt iridu jinkludu dimostrazzjoni pprovata għall-abilità tal-industrija li tirkupra żejt imxerred f'kundizzjonijiet ta' silġ iffriżat, miksur u ffriżat mill-ġdid.
Irid jiġi stabbilit reġim internazzjonali dwar ir-responsabilità u l-kumpens għall-kontaminazzjoni tal-artijiet, l-ilmijiet u ż-żoni tal-baħar li jirriżultaw mill-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni taż-żejt lil hinn mill-kosta;
19. Jenfasizza l-importanza li jinsabu mekkaniżmi li jinkorporaw ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji f'attivitajiet ta' kumpaniji li jagħmlu negozju fir-reġjun tal-Artiku, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni mar-rappreżentanti tas-settur tan-negozju, bħall-Kunsill Ekonomiku tal-Artiku; jirrakkomanda li jiġi esplorat il-potenzjal tal-mekkaniżmi volontarji biex jiġu mħeġġa standards għoljin tal-industrija fil-prestazzjoni soċjali u ambjentali, pereżempju billi ssir enfasi fuq l-"aħjar prestazzjonijiet" f'Indiċi tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji tal-Artiku bbażat, pereżempju, fuq il-Protokoll ta' Investiment fin-Negozju tal-Artiku u l-Global Compact Initiative tan-NU;
20. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi kollha li saru fl-OMI biex jintlaħaq ftehim globali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-tbaħħir;
21. Jirrkonoxxi l-importanza ta' finanzjament kontinwu u suffiċjenti għaż-Żoni Nordiċi b'Popolazzjoni Sparsa sabiex jiġu indirizzati żvantaġġi permanenti bħal popolazzjoni sparsa, kundizzjonijiet klimatiċi ħorox u distanzi twal;
22. Jinkoraġġixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri rilevanti tal-UE dwar kwistjonijiet tal-Artiku; jistieden lil dawk l-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-Artiku biex iżommu lill-Istati Membri l-oħra u lir-Rappreżentant Għoli infurmati bi kwalunkwe kwistjoni ta' interess komuni fil-Kunsill tal-Artiku skont l-Artikolu 34(2) tat-TUE;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha mas-sħab kollha tal-Artiku fi djalogu politiku u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE, il-Kunsill tal-Artiku fil-qafas tas-Dimensjoni tat-Tramuntana, il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u korpi oħra involuti f'kooperazzjoni fit-Tramuntana Estrema; jissottolinja r-rwol importanti ta' osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku li għandhom esperjenza kbira u li ilhom impenjati fil-kooperazzjoni xjentifika u politika fl-Artiku; jilqa', f'dan ir-rigward, id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-osservaturi u Presidenza tal-Kunsill tal-Artiku;
24. Jappoġġa bil-qawwa l-għoti ta' status ta' osservatur lill-UE fil-Kunsill tal-Artiku; huwa konvint li l-implimentazzjoni sħiħa tal-istatus formali tal-UE bħala osservatur formali tikkontribwixxi b'mod pożittiv għar-rwol politiku u istituzzjonali tal-Kunsill tal-Artiku u ssaħħu fl-indirizzar ta' kwistjonijiet tal-Artiku;
25. Jilqa' t-titjib fil-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar kwistjonijiet tal-Artiku; jissuġġerixxi li tinħoloq unità għall-politiki tat-Tramuntana fi ħdan is-SEAE u li l-kooperazzjoni ta' interservizzi bejn is-SEAE u l-Kummissjoni tissaħħaħ, sabiex ikun żgurat approċċ tal-politika koerenti, ikkoordinat u integrat f'oqsma rilevanti ewlenin tal-politika;
26. Jinnota l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi biex jissolvew sfidi potenzjali ta' sigurtà; jistieden lill-UE tikkontribwixxi, fi sħubija mal-Istati Membri tagħha u b'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Artiku, kif ukoll l-isforzi biex jinbnew mekkaniżmi tas-sigurtà ċivili, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet u d-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem kif ukoll l-infrastrutturi ta' tiftix u salvataġġ;
27. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sigurtà tal-enerġija hi marbuta mill-qrib mat-tibdil fil-klima; iqis li s-sigurtà tal-enerġija trid tittejjeb billi titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili; jenfasizza l-fatt li t-trasformazzjoni tal-Artiku tirrappreżenta effett kbir wieħed tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li dan il-multiplikatur tar-riskji jiġi indirizzat permezz ta' strateġija msaħħa tal-UE għall-Artiku, u permezz ta' politika msaħħa dwar l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tal-UE li tnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza tal-Unjoni fuq sorsi esterni u b'hekk ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-qasam tas-sigurtà;
28. Jitlob li jiġu żviluppati pjanijiet ta' rispons għall-organiżmi slavaġ li jintlaqtu miż-żejt, skont prattiki tajba definiti, fl-istati kollha tal-Artiku, inkluża valutazzjoni effettiva tal-ispeċijiet vulnerabbli fir-riskju, kif ukoll strateġiji fatibbli ta' prevenzjoni u rispons li jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;
29. Jenfasizza l-kooperazzjoni transfruntiera kostruttiva u prammatika fuq bażi kontinwa fid-Dimensjoni tat-Tramuntana, is-sħubijiet tagħha u l-Kooperazzjoni ta' Barents;
30. Jenfasizza l-importanza ta' impenn u djalogu kontinwi mar-Russja fi ħdan il-qafas ta' kooperazzjoni reġjonali tal-Artiku, b'mod partikolari l-kooperazzjoni transfruntiera UE-Russja, minkejja ż-żieda l-istazzjonar ta' forzi militari Russi fir-reġjun, il-bini u l-ftuħ mill-ġdid tal-bażijiet militari Russi u l-ħolqien ta' bażi militari distrettwali Russa tal-Artiku; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tasserixxi l-interessi tagħha lejn ir-Russja permezz tal-użu ta' impenn selettiv u tfittex li jsir progress dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni fejn ikun hemm bażi għal soluzzjonijiet globali għal sfidi u theddid komuni; iħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi inkluża fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Artiku; jissottolinja li r-reġjun tal-Artiku huwa parti integrali minn sferi ambjentali, ekonomiċi u politiċi tar-relazzjonijiet internazzjonali;
31. Huwa tal-fehma li l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana sservi bħala mudell li rnexxa ta' stabilità, sjieda konġunta u impenn fil-kooperazzjoni dwar l-Artiku; jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet settorjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, b'mod speċjali fl-ambjent u fl-infrastruttura u l-loġistika;
32. Jinnota li ġew iffurmati rotot migratorji tal-Artiku lejn l-UE; jenfasizza li r-rotot migratorji u żieda fit-trasport għandhom jitqiesu meta tkun qed titfassal strateġija tal-UE għall-Artiku;
33. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iħarsu b'mod attiv il-prinċipji tan-navigazzjoni libera u l-passaġġ innoċenti;
34. Jilqa' l-pjanijiet għall-ħolqien ta' forum tal-partijiet interessati Ewropej tal-Artiku; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti sabiex tiġi evitata l-possibilità ta' duplikazzjoni u tiġi mmassimizzata l-interazzjoni bejn il-programmi interni u esterni tal-UE; jinnota li l-Finlandja offriet li tospita l-ewwel forum, li għandu jsir fl-2017;
35. Jenfasizza l-importanza li l-għarfien tradizzjonali u lokali jiġi inkluż fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Artiku;
36. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għal UNDRIP; ifakkar, b'mod partikolari, fl-Artikolu 19 tagħha li jafferma li l-Istati għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw in bona fide mal-popli indiġeni konċernati permezz tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi tagħhom stess, sabiex jinkiseb il-kunsens liberu u informat tagħhom minn qabel, qabel ma jiġu adottati u implimentati miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jistgħu jaffettwawhom; jitlob involviment aħjar u aktar kmieni ta' popli indiġeni meta tiġi mfassla politika Artika ċċentrata fuq iċ-ċittadini u fil-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza li l-inklużjoni tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet tiffaċilita l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali fl-Artiku; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu ssalvagwardjati u promossi d-drittijiet, il-kulturi u l-lingwi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun tal-Artiku b'mod sostenibbli, li jirrispetta wkoll l-ambjent fraġli u bl-involviment sħiħ tal-popli indiġeni;
37. Jagħti attenzjoni speċjali lill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4.5, li jinkludi li jiġi żgurat aċċess ugwali għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-persuni indiġeni, anke fil-lingwi tagħhom stess;
38. Jenfasizza li turiżmu aċċessibbli, interkonness, sikur u sostenibbli fiż-żoni rurali u żoni skarsament popolati fl-Artiku Ewropew jista' jikkontribwixxi biex jiżdiedu l-attivitajiet tan-negozju, li min-naħa tagħhom jistgħu jżidu l-għadd ta' impjiegi fin-negozji żgħar u ta' daqs medju u jgħin l-iżvilupp pożittiv ġenerali tar-reġjun; jenfasizza, għalhekk, li t-turiżmu fiż-żona jenħtieġ li jiġi promoss minħabba l-implikazzjonijiet soċjali u ambjentali relatati tiegħu għall-infrastruttura u r-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ;
39. Jenfasizza r-rwol tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali biex ir-reġjun tal-Artiku jinżamm vijabbli u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-isforz li tipprovdi dawn il-komunitajiet b'aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-rekwiżiti, l-aħjar prattiki u l-istrumenti ta' finanzjament tas-suq uniku tal-UE; jenfasizza r-rwol ta' netwerks ta' trasport fluwidu, ta' komunikazzjoni u tal-elettriku, kif ukoll ġeolokalizzazzjoni spazjali u teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni fil-ħolqien tal-attività ekonomika fir-reġjun; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħha skont ir-Regolament 2015/1775/UE f'termini ta' rapportar u għoti ta' informazzjoni lill-pubbiku u l-awtoritajiet kompetenti tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkorporat l-għarfien prattiku indiġenu u lokali, kif ukoll li jiġu żgurati l-involviment, l-aċċettazzjoni u l-impenn aktar mill-qrib tal-komunitajiet indiġeni u lokali fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa li jingħataw l-appoġġ u l-finanzjament meħtieġa; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, rappreżentanza tal-Artiku tal-popli indiġeni fi Brussell sabiex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun aktar viżibbli; huwa tal-fehma li l-UE jenħtieġ li tappoġġa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi fl-Artiku, li jiżviluppaw sorsi rinnovabbli tal-Artiku;
40. Jenfasizza li ż-żamma ta' komunitajiet żviluppati b'mod sostenibbli li jibbenefikaw mit-teknoloġija tal-informazzjoni l-aktar attwali fl-Artiku b'livell għoli ta' kwalità tal-ħajja hija ta' importanza assoluta, u li l-UE jista' jkollha rwol vitali f'dan il-qasam; itenni d-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tiegħu għal żvilupp sostenibbli tar-reġjun; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jintensifikaw id-djalogu magħhom u jesploraw il-possibilità li jiġu pprovduti fondi għal dawn l-assoċjazzjonijiet u jiġi żgurat li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati fid-dibattiti tal-UE dwar l-Artiku; jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-popli indiġeni u tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;
41. Jenfasizza li l-ilmijiet Artiċi huma vulnerabbli għat-tħaffir lil hinn mill-kosta għall-fjuwils fossili, li l-użu tagħhom se jikkontribwixxi u jaċċelera t-tibdil fil-klima li qed jhedded ir-reġjun; huwa tal-fehma li l-UE għandha tikkoopera mas-sħab internazzjonali biex itemmu t-tħaffir lil hinn mill-kosta fl-ilmijiet tal-Artiku;
42. Jenfasizza li x-xjenza jenħtieġ li tkun il-bażi sottostanti għat-tfassil tal-politika fl-Artiku fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
43. Jenfasizza r-rwol vitali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fl-iżvilupp fl-Artiku Ewropew u l-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità mmirati lejn setturi orjentati lejn il-futur; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' żvilupp responsabbli u li jirrispetta r-riżorsi naturali tal-Artiku; jiġbed l-attenzjoni lejn l-iżvantaġġi permanenti li għandhom bżonn jiġu kkumpensati (l-Artikolu 174 tat-TFUE); jissottolinja l-importanza għall-ġejjieni fit-tul tal-istrateġija f'oqsma differenti, bħalma huma l-aġenda diġitali, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir blu, eċċ.;
44. Jissottolinja r-rwol tal-aċċessibilità tajba tar-reġjun tal-Artiku għan-netwerk TEN-T, l-estensjoni tal-kurituri tan-netwerk ewlieni ppjanata tiegħu tal-kurituri tal-Baħar tat-Tramuntana-Baltiku u l-kurituri Skandinavja-Mediterran, kif ukoll ir-rotot tal-aċċess tat-tieni livell bħala l-istruttura tat-trasport ewlenija li tippermetti mobilità sostenibbli tal-persuni u l-oġġetti; ifakkar fil-potenzjal tal-finanzjament tal-UE, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, fil-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali fl-Artiku Ewropew; jinnota r-rwol prominenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għal kooperazzjoni finanzjarja internazzjonali usa' dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-konnettività, inklużi sistemi tal-ICT;
45. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tal-anqas iżżomm il-livell ta' finanzjament għar-riċerka fl-Artiku f'Orizzont 2020, u b'mod partikolari l-intenzjoni tagħha li tappoġġa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tal-UE għar-riċerka fl-Artiku fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta' wara l-2020; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-użu ta' Orizzont 2020 u programmi ta' finanzjament oħra għal skopijiet ta' studju fl-Artiku;
46. Jinnota li l-ekosistemi tal-baħar tal-Artiku huma kruċjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità globali; jinnota li t-tnaqqis tas-silġ tal-baħar tal-Artiku u bidliet ambjentali oħra fl-Artiku, ikkombinati mal-għarfien xjentifiku limitat dwar ir-riżorsi tal-baħar f'din iż-żona, jirrikjedu approċċ ta' prekawzjoni li jimmira lejn l-istabbiliment ta' miżuri internazzjonali xierqa biex jiġu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;
47. Iħeġġeġ il-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u r-riċerka fost il-partijiet interessati kollha attivi fil-qasam tar-riċerka dwar l-Artiku, u fl-istabbiliment ta' infrastrutturi tar-riċerka, fir-rikonoxximent li għarfien aħjar tal-Artiku huwa determinanti biex jintlaqgħu l-isfidi kollha b'mod adegwat; jappoġġa l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ewlenin tar-riċerka dwar l-Artiku bil-ħsieb li jiġi żviluppat programm integrat ta' riċerka polari Ewropew fil-qafas tal-inizjattiva EU-PolarNet li tinkorpora għarfien tradizzjonali u lokali; jinnota li l-Kummissjoni ġiet mistiedna għal konferenza internazzjonali dwar ix-xjenza tal-Artiku li għandha ssir fl-Ewropa fl-2018; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni b'suċċess mal-Kanada u l-Istati Uniti permezz tal-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku;
48. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi fl-Artiku Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku, b'fondi suffiċjenti biex jiġi żgurat aċċess effiċjenti għall-informazzjoni u għarfien dwar l-Artiku, u biex jiġi ġġenerat it-turiżmu; jirrimarka li dan it-tip ta' Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku jista' jiġi konness ma' ċentri tal-Artiku diġà eżistenti jew ma' xi istituzzjoni oħra tal-Artiku bħala mezz biex jitnaqqsu l-ispejjeż b'mod kruċjali;
49. Jitlob li jkun hemm ġbir ta' data ġejja minn proġetti ta' riċerka fl-Artiku b'mod aktar sistematiku u fuq żmien twil; jiddispjaċih li l-kisbiet tal-proġetti individwali spiss jgħibu meta jgħaddu minn perjodu ta' finanzjament wieħed għal ieħor; jistieden lill-Kummissjoni timmira lejn il-kontinwità fl-ippjanar tal-qafas għar-riċerka fl-Artiku għal wara l-2020;
50. Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' żoni protetti tal-baħar fl-Artiku; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-mira ta' mill-inqas 10 % tal-protezzjoni taż-żoni kostali u tal-baħar bħala parti mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jinnota, madankollu, li kwalunkwe proposta ġdida dwar dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li tkun koerenti mal-eżitu tad-diskussjoni tal-istati tal-Artiku fil-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza li ż-żoni protetti tal-baħar huma kritiċi għall-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-Artiku; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti bis-sħiħ il-komunitajiet lokali fl-ippjanar, ir-realizzazzjoni u l-ġestjoni ta' tali żoni protetti;
51. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' teknoloġiji spazjali u l-attivitajiet ta' riċerka relatata mal-ispazju li huma essenzjali għal operazzjonijiet tat-trasport bil-baħar sikuri, kif ukoll monitoraġġ ambjentali u l-osservazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-Artiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-tibdil fir-reġjun Artiku rikonoxxut fil-komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (COM(2016)0705), biex jiġu esplorati possibilitajiet għal aktar użu ta' programmi bis-satellita futuri u attwali tal-UE fir-reġjun, b'kooperazzjoni mal-membri tal-Kunsill tal-Artiku, u biex tqis il-ħtiġijiet tal-utenti fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva GOVSATCOM; jistieden lill-partijiet interessati kollha jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tan-navigazzjoni bis-satellita Galileo u l-programmi ta' osservazzjoni tad-dinja Copernicus f'dan ir-rigward;
52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw l-istabbiliment ta' żona protetta tal-baħar fl-Ibħra Miftuħa tal-Artiku fil-qafas tal-mandat tal-Kummissjoni OSPAR (Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal), li tipprojbixxi l-prattiki kollha ta' estrazzjoni, inkluż is-sajd, fl-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana li OSPAR tkopri;
53. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi li jipprojbixxu l-użu ta' tkarkir tal-qiegħ f'Żoni tal-Baħar Ekoloġikament jew Bioloġikament Sinifikanti (EBSAs) u fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;
54. Jitlob li l-miri ta' konservazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida u l-mira kwantitattiva tal-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli jkunu l-bażi għal kwalunkwe sajd kummerċjali fir-reġjun;
55. Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fil-prevenzjoni ta' sajd mhux regolat fl-Artiku; huwa tal-fehma li hija jkollha kull dritt li tagħmel dan, peress li l-Istati Membri huma involuti fil-livelli kollha ta' governanza fir-reġjun tal-Artiku;
56. Jenfasizza li l-flotot tas-sajd tal-UE m'għandhomx jheddu l-bijodiversità fir-reġjun; jilqa' l-identifikazzjoni tal-EBSAs fir-reġjun tal-Artiku skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika bħala proċess importanti biex tiġi żgurata l-konservazzjoni effettiva tal-bijodiversità tal-Artiku, u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat approċċ ta' Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi fl-ambjenti kostali, marini u terrestri tal-Artiku, kif ġie ssottolinjat mill-grupp ta' esperti tal-Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi tal-Kunsill tal-Artiku; jistieden lill-istati jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-UNCLOS permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' żoni tal-baħar protetti u riservi tal-baħar fl-Oċean Artiku;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja u tagħmel proposti dwar it-tisħiħ tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni tal-Artiku, inklużi s-satelliti, sabiex tgħin ir-riċerka xjentifika u l-monitoraġġ tal-klima, u toħloq żvilupp lokali, navigazzjoni u sigurtà fuq il-baħar;
58. Itenni l-appell tiegħu tal-2014 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw b'mod attiv il-projbizzjoni fuq l-użu u l-ġarr ta' żejt tqil (HFO) użat bħala fjuwil tal-bastimenti li jbaħħru f'ibħra tal-Artiku permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL), u/jew permezz tal-kontroll tal-istat tal-port, kif regolat fl-ilmijiet li jiċċirkondaw l-Antartika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-riskji ambjentali u klimatiċi tal-użu tal-HFO fl-istudju tagħha dwar ir-riskji li ġġib magħha ż-żieda fin-navigazzjoni tar-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana; jistieden lill-Kummissjoni biex, fin-nuqqas ta' miżuri internazzjonali adegwati, tressaq proposti dwar regoli għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara, jew qabel, ma jagħmlu vjaġġi fl-ilmijiet Artiċi, bil-għan li jiġu pprojbiti l-użu u l-ġarr ta' HFO;
59. Jistenna bil-ħerqa d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Polari tal-OMI fl-2017 u l-2018, li se jagħmel in-navigazzjoni fl-Artiku aktar sikura; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata sistema unika "escape, evacuation and rescue" (EER) għall-persunal lil hinn mill-kosta li tista' tiġi applikata għall-pjattaformi u l-bastimenti fl-Artiku;
60. Ifakkar li skont il-Ftehim taż-ŻEE, l-Iżlanda u n-Norveġja impenjaw ruħhom għall-preservazzjoni tal-kwalità tal-ambjent u li jiżguraw l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;
61. Jenfasizza l-interess li qed jikber taċ-Ċina fir-reġjun tal-Artiku, b'mod speċjali fir-rigward tal-aċċess għal rotot ta' tbaħħir u d-disponibilità tar-riżorsi tal-enerġija; jieħu nota tal-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Iżlanda u ċ-Ċina, u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effetti li dan jista' jkollu mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-parti Iżlandiża tal-Artiku iżda wkoll fuq l-ekonomija u s-suq intern tal-UE;
62. Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u Greenland tal-2007, l-UE tagħti appoġġ finanzjarju lil Greenland biex jiżgura sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Greenland;
63. Jitlob li l-Istati Membri jirratifikaw u jaderixxu malajr mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabilità u l-Kumpens għal Dannu kkawżat mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Noċivi u Potenzjalment Perikolużi (il-Konvenzjoni HNS);
64. Iqis li l-impenn u l-kooperazzjoni interparlamentari mill-qrib tal-Parlament dwar kwistjonijiet tal-Artiku, b'mod partikolari mal-parlamenti nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti tal-UE bħala essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Artiku;
65. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jissorveljaw l-iżviluppi tal-klima, tal-protezzjoni ambjentali, l-iżviluppi marittimi, soċjoekonomiċi u ta' sigurtà fl-Artiku mill-qrib, u jirrapportaw lura regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-Artiku;
66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun Artiku.
- [1] Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 61/295/2007.
- [2] Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/1.
- [3] http://www.inuitcircumpolar.com/uploads/3/0/5/4/30542564/declaration_on_resource_development_a3_final.pdf .
- [4] JOIN(2016)0021.
- [5] JOIN(2012)0019.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2013)0513.
- [7] Testi adottati, P7_TA(2013)0380.
- [8] Testi adottati, P7_TA(2012)0458.
- [9] Testi adottati, P7_TA(2012)0334.
- [10] Testi adottati, P7_TA(2014)0236.
- [11] Testi adottati, P7_TA(2011)0024.
- [12] Testi adottati, P6 TA(2008)0474.
- [13] Testi adottati, P8_TA(2016)0034.
- [14] Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
- [15] Huwa stmat li biljun u nofs tunnellata ta' CO2 huwa maħżun fl-Artiku.
NOTA SPJEGATTIVA
Kwistjonijiet ġeopolitiċi, kwistjonijiet ta' kooperazzjoni internazzjonali, ta' sfidi tas-sigurtà u l-governanza fir-reġjun tal-Artiku
L-importanza ġeopolitika tar-reġjun tal-Artiku qed tikber. L-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kompetizzjoni dejjem akbar għall-aċċess għall-Artiku u r-riżorsi naturali u ż-żieda fl-attivitajiet ekonomiċi ġabu magħhom kemm opportunitajiet iżda kif wkoll riskji għar-reġjun, inklużi l-isfidi għas-sigurtà. It-trasformazzjoni tal-Artiku potenzjalment se tiftaħ rotot ta' navigazzjoni ġodda u l-postijiet ġodda għas-sajd u r-riżorsi naturali se jsiru disponibbli biż-żieda tal-attività tal-bniedem fir-reġjun.
L-Artiku ilu żmien twil żona ta' kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva u din l-ordni reġjonali fid-dinja baqgħet b'tensjoni baxxa u kooperazzjoni. Huwa tal-ogħla importanza li nibqgħu nżommu l-Artiku żona ta' tensjoni baxxa. Jeżisti qafas legali internazzjonali estensiv li japplika għall-Artiku, u l-UNCLOS, bħala qafas legali multilaterali komplementari għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet ta' sovranità fi ħdan l-Artiku nnifsu, hija importanti ħafna.
L-UE ilha impenjata żmien twil fl-Artiku abbażi tal-istorja, il-ġeografija, l-ekonomija u r-riċerka. Tliet Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) huma membri sħaħ tal-Kunsill tal-Artiku li fih tmien membri, u sebgħa oħra (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma osservaturi.
L-UE għandha status ta' osservatur pendenti fil-Kunsill tal-Artiku. Billi l-UE hija l-akbar finanzjatur fl-Artiku, jagħmel sens naturalment li tkun tista' ttejjeb l-istatus tagħha fil-Kunsill tal-Artiku sabiex issir osservatur.
L-UE bniet u saħħet il-politika tagħha dwar l-Artiku b'mod gradwali; Il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni hija pass pożittiv fit-triq lejn politika aktar integrata tal-UE dwar l-Artiku. L-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016 intitolata "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha" tindirizza wkoll l-aspetti ta' sigurtà fl-Artiku, b'kuntrast mal-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni. Għandna nżommu f'moħħna li l-iżviluppi ġeopolitiċi fir-reġjun tal-Artiku jaffettwaw ukoll is-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-Tramuntana tal-Ewropa u globalment. Hemm il-ħtieġa li tiġi evitata l-militarizzazzjoni tal-Artiku. Ir-rapport jipprevedi l-ħtieġa ta' politika interna u esterna tal-UE aktar koerenti, strateġija tal-Artiku u pjan ta' azzjoni konkret dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku billi jitqiesu l-aspetti kollha. Dan jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Istati Membri tal-UE tal-Artiku kollha u anke xi stati oħra għandhom l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess.
L-UE għandha l-kapaċità li tikkontribwixxi, b'diversi modi, għas-soluzzjoni ta' sfidi potenzjali għas-sigurtà u l-prevenzjoni ta' kunflitti, u l-UE għandha tikkontribwixxi, fi sħubija mal-Istati Membri tagħha, għall-bini ta' mekkaniżmi tas-sigurtà ċivili, kif ukoll għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni, tal-infrastruttura ta' tfittxija u ta' salvataġġ f'każijiet ta' kriżijiet u diżastri kemm naturali kif ukoll ikkawżati mill-bniedem;
Ir-rapport jitlob li jkun hemm politika sostenibbli tal-Artiku u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE tqis bħala essenzjali r-rispett tad-dritt internazzjonali fl-Artiku u hija favur rwol b'saħħtu għall-UE fil-promozzjoni ta' arranġamenti multilaterali effettivi u ordni globali bbażata fuq ir-regoli. Hija tipproponi wkoll li tissaħħaħ il-governanza multilaterali Artika permezz tat-titħiħ u l-implimentazzjoni konsistenti ta' ftehimiet, oqfsa u arranġamenti internazzjonali, reġjonali u bilaterali rilevanti.
Politika tal-Artiku sostenibbli, komunitajiet lokali, sfidi ambjentali u l-ħtieġa ta' azzjoni klimatika
Ir-reġjun tal-Artiku huwa partikolarment żona verġni u sensittiva. L-għan aħħari tal-komunità globali huwa li tippreserva u ssaħħaħ il-kapaċità tal-ekosistemi tal-Artiku. Din il-kapaċità hija taħt pressjoni minn diversi sorsi. L-Artiku huwa reġjun b'komunitajiet lokali jfittxu li jiksbu tkabbir ekonomiku sostenibbli, pajjiżi kostali jesploraw riżorsi naturali fiż-żona, kumpaniji globali interessati f'rotot loġistiċi aktar rapidi u xjenzjati jagħmlu riċerka dwar l-ambjent tal-Artiku li qed jinbidel. Dawn l-interessi kollha huma marbutin strettament mal-għan aħħari li l-politiki kollha tal-Artiku għandhom ikunu ambjentalment, soċjalment u kulturalment sostenibbli, u jimmiraw lejn il-moderazzjoni tat-tibdil fil-klima billi tonqos il-marka tal-karbonju kkawżata mill-bniedem. L-UE ħadet l-impenn li tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sal-2030. L-iżvilupp sostenibbli huwa l-uniku mod possibbli ta' żvilupp fir-reġjun tal-Artiku, u għalhekk, il-politika tal-UE dwar l-Artiku għandha tirrifletti aħjar il-ħtiġijiet individwali tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-kuntest tal-Artiku, b'orjentament speċjali lejn il-preservazzjoni tal-ekosistemi. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jipprovdu qafas utli biex b'mod komprensiv tiġi eżaminata l-kapaċità tal-ekosistemi li qiegħda taħt pressjoni minħabba l-akkumulazzjoni ta' effetti ambjentali negattivi, aċċelerati mit-tibdil fil-klima.
Kontribut antropoġeniku għat-tibdil fil-klima huwa indiskutibbli. Qed iseħħu bidliet ambjentali fl-Artiku b'rata iktar mgħaġla minn dik f'postijiet oħra madwar id-dinja. Il-konċentrazzjoni akbar ta' dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera f'dawn l-aħħar ħamsin sena żiedet it-temperatura tal-wiċċ fl-Artiku b'2 gradi aktar minn postijiet oħra. Is-silġ tal-baħar Artiku naqas bi 13.4 % fid-deċennju mill-1981 u l-art miksija tal-borra qed tkompli tonqos kull sena.
Temperatura aktar sħuna u s-silġ fil-baħar li qed idub jaffettwaw l-ekosistemi madwar id-dinja b'riżultat ta' livelli tal-baħar ogħla, tibdil fil-kompożizzjoni tal-massa tal-baħar u l-ħolqien ta' xejriet tat-temp imprevedibbli. Mingħajr azzjoni effettiva, il-pass tal-bidla fil-klima jista' jaċċelera anki aktar fil-futur, affettwat mid-dewbien tal-permafrost fir-reġjun tal-Artiku. Iż-żoni tat-tnaqqis tal-permafrost jikkawżaw riskju ta' rilaxx aċċidentali ta' ammonti kbar ta' dijossidu tal-karbonju u metan fl-atmosfera.
Is-soluzzjonijiet għal azzjoni effettiva rigward il-klima mhumiex biss f'idejn il-pajjiżi tal-Artiku iżda f'idejn l-istati kollha li jinsabu fil-latitudini medji. It-tniġġis li qiegħed jitfaċċa fil-klima tal-Artiku ġej, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mill-għejun ta' emissjonijiet fl-Asja, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa, u għalhekk il-miżuri maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-UE jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima tal-Artiku;
Ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu rwol aktar b'saħħtu fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni ta' Minamata, il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila, il-Protokoll ta' Gothenburg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma u l-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; Il-Kummissjoni għandha tuża r-rwol influwenti tagħha fin-negozjati li għaddejjin fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex tipprojbixxi l-użu ta' żejt tal-fjuwil tqil u t-trasport bħala fjuwil tal-vapuri li jbaħħru fl-ibħra tal-Artiku permezz tal-Konvenzjoni MARPOL tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;
Hija meħtieġa azzjoni rapida L-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni jiżdiedu maż-żmien li jgħaddi. Sabiex tintlaħaq il-mira stabbilita fil-Ftehim ta' Pariġi, huwa meħtieġ tnaqqis immedjat u sostanzjali tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-impatti ambjentali negattivi fuq l-Artiku spiss jakkumulaw u huma irreversibbli; L-ekosistema, inklużi l-flora u l-fawna tagħha, fl-Artiku hija partikolarment vulnerabbli għall-fenomeni li jseħħu ħesrem.
L-iżvilupp sostenibbli tal-Artiku jikkonsisti fil-kombinazzjoni ta' komunitajiet lokali vijabbli u ekosistema b'saħħitha. Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit Forum tal-Partijiet Interessati, li jikkonċentra fuq l-atturi lokali, hija inizjattiva li tintlaqa' tajjeb ħafna u ladarba tibda tiffunzjona, għandha tevolvi lejn struttura aktar permanenti. Il-Forum għandu l-potenzjal li jżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet li l-UE għandha x'toffri fiż-żona, pereżempju għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex jittejbu n-netwerks tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-elettriku, u għal soluzzjonijiet innovattivi ta' teknoloġija nadifa għal kundizzjonijiet ta' temperaturi kesħin.
Mod ieħor biex jiġu stabbiliti salvagwardji aktar stretti għall-ambjent vulnerabbli kif ukoll għad-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni huwa permezz ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali speċifika għall-Artiku li tippreċedi l-proġetti mwettqa fir-reġjun Artiku.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (7.12.2016)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
(2016/2228(INI))
Rapporteur: David Martin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:
1. Jinnota li tliet Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) u pajjiż u territorju extra-Ewropew wieħed (Greenland) huma membri tal-Kunsill tal-Artiku magħmul minn tmien membri, u sebgħa Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma osservaturi, u li l-UE tixtieq taġġorna l-istatus tagħha fil-Kunsill tal-Artiku;
2. Jieħu nota tal-fatt li l-Artiku ilu għal żmien twil żona ta' kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva u li din għandha tibqa' tkun żona ta' tensjoni baxxa; huwa konxju li interess fl-Artiku qed jiżdied minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi u t-tibdil fl-ambjent;
3. Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima qed joħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku tal-Artiku permezz tal-isfruttament potenzjali tar-riżorsi tal-enerġija bħaż-żejt u l-gass, li parzjalment għadhom ma ġewx skoperti u, għall-ħolqien ta' rotot ġodda ta' tbaħħir u l-intensifikazzjoni ta' attivitajiet turistiċi, li fuq terminu ta' żmien twil jagħtu spinta lill-kummerċ maż-żona u l-investiment fiha; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tal-politika kummerċjali tal-UE bħala għodda biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-objettivi ambjentali;
4. Jitlob li tiġi intensifikata l-ħidma kollaborattiva fil-qasam tas-sostenibilità u l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Artiku;
5. Jirrakkomanda t-tisħiħ tas-sikurezza ambjentali u l-kooperazzjoni ekonomika sostenibbli fost l-istati, ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali Artiċi sabiex jiżdiedu l-impjiegi, il-prosperità u l-kwalità tal-ħajja filwaqt li jiġu applikati l-ogħla standards ambjentali;
6. Ifakkar li l-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Artiku jidentifikaw il-protezzjoni tal-ambjent bħala l-għan ta' prijorità tagħhom għar-reġjun; huwa konxju li l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-UE m'għandhomx jipperikolaw il-miżuri ta' protezzjoni ambjentali fir-reġjun;
7. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana fejn jiġu enfasizzati l-impatt globali tat-tibdiliet fir-reġjun Artiku u r-rwol importanti li l-UE u poteri industrijali oħra ser ikollhom jaqdu flimkien man-nazzjonijiet ċirkumpolari fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun Artiku kkawżat minn żieda fl-attivitajiet li jsiru hemmhekk; jindika li t-tibdiliet fil-klima fl-Artiku se jkollhom impatt kbir fuq ir-reġjuni kostali globalment, inklużi r-reġjuni kostali fl-UE, u fuq is-setturi dipendenti mill-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura u s-sajd, l-enerġija, it-trobbija ta' merħliet ta' renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;
8. Iqis li kull attività ekonomika attwali jew ġdida għandha titwettaq b'mod sostenibbli sabiex ma jiġux affettwati ħażin l-ekosistema fraġli u l-wirt naturali tal-Artiku, partikolarment fir-rigward tal-perikli li jirriżultaw mill-potenzjal għal sfruttament akbar ta' fjuwils fossili, u b'rispett sħiħ ta' popli Indiġeni u komunitajiet lokali tal-Artiku;
9. Iqis lill-UE bħala sieħeb strateġiku ċentrali fl-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fl-Artiku; iqis li huwa essenzjali li l-politika tal-UE fir-Reġjun tal-Artiku tirrifletti l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, li l-UE ħadet l-impenn li tilħaq sal-2030;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-komunitajiet lokali tal-Artiku fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika Artika Ewropea, l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-preservazzjoni taż-żona tal-Artiku u biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u jiġi evitat tibdil radikali fil-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet lokali;
11. Jieħu nota tal-konsultazzjonijiet mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li jissuġġerixxu li l-Artiku Ewropew qed ibati minn nuqqas ta' investiment;
12. Jilqa' d-dikjarazzjoni ta' Settembru 2016 mill-Gvern Russu ta' moratorju ta' għaxar snin għal-liċenzji taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta għat-tħaffir fuq il-blata tal-Artiku tal-pajjiż;
13. Ifakkar fil-ħtieġa għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, li jirrikjedi investimenti fl-ambjent u l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, ir-rotot tat-trasport u l-infrastrutturi rilevanti, il-kooperazzjoni meteoroloġika u t-turiżmu sostenibbli; għal dak l-għan, jistieden lill-Kummissjoni tesplora strumenti ta' kooperazzjoni finanzjarja internazzjonali usa' u timmonitorja l-effetti ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda fuq l-ambjent;
14. Jilqa' d-deċiżjoni importanti tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fis-70 sessjoni tiegħu, li saret f'Londra fl-24-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, biex jikkonferma l-1 ta' Jannar 2020 bħala d-data ta' implimentazzjoni għal tnaqqis sinifikanti tal-kontenut ta' kubrit taż-żejt kombustibbli użat mill-bastimenti fit-trasport marittimu internazzjonali sa massimu ta' 0.50 % m/m (massa/massa); jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun Artiku jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni għal kull tip ta' trasport li juża l-passaġġi tal-Artiku, skont impenn ċar min-naħa tal-OMI biex tiżgura li t-tbaħħir jissodisfa l-obbligi ambjentali tiegħu;
15. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Membri l-oħra tal-Kunsill tal-Artiku jistinkaw favur ftehim internazzjonali li jipprojbixxi l-użu tal-passaġġi tal-Artiku minn bastimenti mħaddma bi fjuwils perikolużi u li jipprojbixxi l-użu tal-passaġġi tal-Artiku għall-kummerċ internazzjonali ta' merkanzija perikoluża;
16. Jieħu nota tal-impenji tal-Kanada fil-kapitolu tal-kummerċ u l-ambjent tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd sostenibbli u l-kummerċ ta' prodotti tal-forestrija; jenfasizza l-kapitoli tas-CETA dwar is-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali u dwar l-akkwist pubbliku li se jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi Ewropej fis-swieq tal-akkwist pubbliku tal-Kanada, b'mod partikolari fuq il-bini ta' bastimenti li jkissru s-silġ; jissottolinja li l-Kanada u l-UE affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-Artiku fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-XVI-il Summit bejn il-Kanada u l-UE tat-30 ta' Ottubru 2016;
17. Jenfasizza li l-flotot tas-sajd tal-UE m'għandhomx jheddu l-bijodiversità fir-reġjun; jilqa' l-identifikazzjoni taż-Żoni Ekoloġikament u Bijoloġikament Sinifikanti fir-reġjun tal-Artiku skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) bħala proċess importanti fl-iżgurar tal-konservazzjoni effettiva tal-bijodiversità tal-Artiku u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat approċċ ta' Ġestjoni Bbażata fuq l-Ekosistemi (EBM) fl-ambjenti kostali, tal-baħar u terrestri tal-Artiku, kif ġie enfasizzat mill-grupp ta' esperti tal-EBM tal-Kunsill tal-Artiku; jistieden lill-istati jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' żoni tal-baħar protetti u riservi tal-baħar fl-Oċean Artiku;
18. Ifakkar li wara r-rikors ippreżentat mill-Kanada u n-Norveġja quddiem id-WTO rigward il-projbizzjoni tal-UE fuq il-prodotti mill-foki, il-miżura ġiet imsaħħa sabiex tiġi allinjata mad-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-2014, u li l-leġittimità tagħha ma tistax tiġi kkontestata iżjed; jenfasizza li projbizzjonijiet kummerċjali simili huma fis-seħħ, b'mod partikolari fl-Istati Uniti u r-Russja, u li dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi fl-Artiku peress li l-foki huma parti integrali mill-ekosistema lokali tagħhom;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-kummerċ u l-ambjent fis-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), ladarba n-negozjati jerġgħu jibdew, li jistgħu jgħinu biex tiġi ppreservata l-Alaska kif ukoll l-ambjent naturali tal-Artiku Ewropew, inklużi dispożizzjonijiet dwar is-sajd u l-forestrija; iqis li l-inklużjoni ta' tali dispożizzjonijiet għandha ssir parti integrali ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) li l-UE tikkonkludi fil-futur ma' sħab mill-Artiku mhux tal-UE;
20. Ifakkar li skont il-Ftehim taż-ŻEE, l-Iżlanda u n-Norveġja impenjaw ruħhom għall-preservazzjoni tal-kwalità tal-ambjent u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;
21. Jenfasizza l-interess dejjem jikber taċ-Ċina fir-reġjun tal-Artiku, b'mod speċjali fl-aċċess għal rotot tat-tbaħħir u r-riżorsi tal-enerġija tiegħu; jieħu nota tal-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Iżlanda u ċ-Ċina, u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effetti li dan jista' jkollu fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli mhux biss fuq in-naħa Iżlandiża tal-Artiku iżda wkoll fuq l-ekonomija u s-suq intern tal-UE;
22. Ifakkar li ma ġie konkluż ebda ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Russja, u li għalhekk l-UE ma għandha l-ebda strument bilaterali effettiv li permezz tiegħu tista' tinfluwenza l-kummerċ u l-investiment fl-Artiku Russu. jenfasizza, madankollu, li anke fi ħdan il-qafas ta-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, id-djalogu dwar l-Artiku għadu miftuħ fl-oqsma tal-ġestjoni ambjentali u tal-kooperazzjoni xjentifika;
23. Itenni t-talba lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi ċ-Ċentru tal-UE għall-Informazzjoni dwar l-Artiku u biex tipprovdilu fondi suffiċjenti, sabiex jiġi żgurat aċċess effiċjenti għall-informazzjoni u l-għarfien dwar l-Artiku; jirrimarka li dan it-tip ta' Ċentru tal-UE għall-Informazzjoni dwar l-Artiku jista' jkun marbut ma' ċentri dwar l-Artiku eżistenti jew ma' istituzzjonijiet oħra tal-Artiku bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż;
24. Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u Greenland 2007, l-UE tagħti appoġġ finanzjarju lil Greenland biex jiżgura sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Greenland;
25. Jenfasizza li l-kumpaniji li joperaw fl-Artiku għandhom jikkonformaw ma' standards ta' responsabbiltà soċjali korporattiva vinkolanti li jistgħu jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mal-Kunsill Ekonomiku tal-Artiku u li għandhom ikunu bbażati, fost affarijiet oħra, fuq il-Protokoll tal-Investiment tal-Artiku u l-Patt Globali tan-NU;
26. Ifakkar li t-tbaħħir fl-Artiku hu soġġett għal rekwiżiti speċifiċi stabbiliti mill-OMI, u jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Polari mistenni fl-1 ta' Jannar 2017.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
5.12.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 3 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, Karoline Graswander-Hainz, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, Marine Le Pen, David Martin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Bendt Bendtsen, Reimer Böge, Klaus Buchner, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Sander Loones |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mairead McGuinness, Molly Scott Cato, Ramón Luis Valcárcel Siso, Bolesław G. |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (7.12.2016)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
(2016/2228(INI))
Rapporteur: Jens Nilsson
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:
1. Jindika li l-kooperazzjoni territorjali Ewropea, inkluża l-kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE, hija importanti għar-reġjuni fl-Artiku; jevidenzja li finanzjament tal-UE b'risq il-kooperazzjoni joħloq valur miżjud u għandu jinżamm kif inhu wara l-2020; jinnota li din il-kooperazzjoni, minbarra impatt reġjonali, għandha implikazzjonijiet ġeopolitiċi u ta' sigurtà importanti; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija kompleta tal-UE għall-Artiku filwaqt li tqis l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni;
2. Jitlob li l-UE tingħata status ta' osservatur sħiħ fil-Kunsill tal-Artiku, bl-appoġġ tal-Membri attwali tal-UE, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward tal-Artiku u jiġu indirizzati b'mod determinat l-isfidi komuni li jaffettwaw lill-Artiku; f'dan il-kuntest, jistieden lir-Russja u lill-Kanada, bħala Stati Artiċi impenjati fir-reġjuni Artiċi tagħhom u dipendenti minnhom, inter alia, għal raġunijiet ekonomiċi u strateġiċi, biex ikunu aktar lesti jgħinu biex jiżguraw li l-UE tikseb status ta' osservatur sħiħ; jitlob li l-Parlament jinżamm mgħarraf b'mod sħiħ dwar dan il-proċess;
3. Jenfasizza r-rwol vitali li għandhom il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fl-iżvilupp tal-Artiku Ewropew u fil-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità mmirati lejn setturi li huma orjentati lejn il-futur, u l-ħtieġa li jsir żvilupp tar-riżorsi naturali tal-Artiku b'mod responsabbli u li jirrispettahom; jiġbed l-attenzjoni lejn l-iżvantaġġi permanenti li għandhom bżonn jiġu kkumpensati (l-Artikolu 174 tat-TFUE); jissottolinja l-importanza għall-ġejjieni 'l bogħod tal-istrateġija f'oqsma differenti, bħalma huma l-aġenda diġitali, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir blu, eċċ.;
4. Jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib mar-reġjuni u mas-sottoreġjuni, inklużi l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, fl-Artiku Ewropew hija essenzjali waqt il-bini tal-politika UE-Artiku u l-finanzjament tal-UE għal din iż-żona, peress li r-reġjuni, il-komunitajiet lokali u l-popolazzjoni indiġena, li huma l-benefiċjarji finali tal-politiki relatati mal-Artiku, għandhom għarfien espert qawwi fis-suġġetti ewlenin; iqis għalhekk li l-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom għandhom jinstemgħu u jiġu kkunsidrati;
5. Huwa tal-opinjoni li għandu jiġi stabbilit forum Ewropew tal-partijiet ikkonċernati tal-Artiku biex jissaħħu l-kollaborazzjoni, il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn il-programmi ta' finanzjament differenti tal-UE u jappoġġa l-isforzi ulterjuri f'dan ir-rigward, li jistgħu jkunu ta' eżempju wkoll għal reġjuni oħra fl-UE u barra minnha; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'dan il-forum l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti kollha li għandhom ir-responsabilità li jwettqu u li jimmonitorjaw it-twettiq tal-finanzjament SIE; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħidma tal-forum tal-partijiet ikkonċernati tal-Artiku tinżamm mal-iskeda u fil-limiti tal-baġit;
6. Jinnota li fir-reġjun Artiku, l-UE tikkoopera f'oqsma sensittivi, bħalma huma l-ħarsien tal-ambjent, l-enerġija, it-trasport u s-sajd; jenfasizza, fl-istess ħin li – minkejja sfidi serji – hemm ukoll opportunitajiet u assi siewja fl-Artiku u, għalhekk, għandu jiġi meqjus bħala post għar-riċerka, l-ekoturiżmu, l-industrija sostenibbli, it-teknoloġija ekoloġika u l-għarfien espert, oqsma li għandhom il-potenzjal li jkunu ta' benefiċċju għal ħafna kumpaniji – speċjalment l-SMEs – li jimxu sew 'il quddiem b'mudelli ta' negozju innovattivi u b'teknoloġiji innovattivi; jinnota dawn l-opportunitajiet, l-isfidi u r-riskji meta jkun qed isir investiment fl-iżvilupp soċjoekonomiku attwali u potenzjali tagħhom;
7 Jenfasizza li l-isfidi komuni għar-reġjun Artiku, b'mod partikolari l-ambjent fraġli tal-Artiku u l-impatt tat-tibdil fil-klima, jistgħu jiġu indirizzati biss b'kooperazzjoni bejn il-livelli kollha ta' governanza, inkluża dik internazzjonali u billi jiġu involvuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili; ifakkar fir-responsabilità meħuda mill-Unjoni biex iżżid l-isforzi biex tiġġieled lit-tibdil fil-klima; iqis għalhekk li r-reġjun Artiku għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b'mod partikolari; jenfasizza li l-FSIE għandu jintuża f'dan ir-rigward, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta' tranżizzjoni aktar veloċi lejn żvilupp aktar sostenibbli; ifakkar fl-effetti tat-tisħin globali fuq dan ir-reġjun, u tat-tibdiliet fl-ekosistema tiegħu li se jkollhom konsegwenzi mhux biss fil-livell lokali iżda wkoll fuq skala globali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ssorveljati mill-qrib l-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjun;
8. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fir-riċerka fl-Artiku, peress li taqdi rwol ewlieni, mhux biss għax tikkontribwixxi biex jinkiseb fehim aħjar tal-proċessi u l-fenomeni li qed iseħħu, iżda wkoll minħabba li sservi, qabel xejn, bħala bażi biex jiġu żviluppati proposti għall-adattament għas-sitwazzjoni l-ġdida; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li jiġu esplorati l-possibilitajiet li tiġi żviluppata konnettività ċibernetika fi ħdan ir-reġjun Artiku u jfakkar li s-sħubiji għar-riċerka u l-innovazzjoni mar-reġjuni tal-Artiku għandhom jiġu msaħħa; jinnota li – flimkien mal-FSIE – strumenti ta' finanzjament bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), l-InnovFin, it-TEN-T jew in-Netwerk Enterprise Europe jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet ta' investiment u riċerka fir-reġjun;
9. Jenfasizza kemm hu importanti li jitħarsu l-kultura u l-ekosistema fraġli għall-abitanti tar-reġjun Artiku; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt dirett u li għaddej il-ħin kollu ta' fatturi li joriġinaw minn ġewwa u minn barra r-reġjun; jitlob lill-Kummissjoni tilqa' l-proposta għall-ħolqien ta' santwarju fl-ilmijiet internazzjonali tal-Artiku bl-għan li jiġi evitat li jiġu aggravati aktar il-problemi ambjentali u bl-għan li jitħarsu l-bijodiversità u l-ekosistemi li jinsabu f'periklu fir-reġjun Artiku;
10. Jinnota l-proposta li jiġi stabbilit Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal tali ċentru, b'uffiċċju permanenti f'Rovaniemi, il-Finlandja, bl-għan li l-informazzjoni dwar l-Artiku ssir aktar aċċessibbli u disponibbli fl-Istati Membri kollha, inkluż dwar proġetti ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni neċessarja biex tistabbilixxi ċ-ċentru.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
29.11.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 5 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Franc Bogovič, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Olaf Stuger, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Buda, James Carver, Elena Gentile, Ivana Maletić, Dan Nica, James Nicholson, Bronis Ropė |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vladimir Urutchev, Boris Zala |
||||
OPINJONI Il-Kumitat għas-Sajd (7.12.2016)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku
(2016/2228(INI))
Rapporteur: Jarosław Wałęsa
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:
A. billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tistabbbilixxi reġim ta' trattat biex jiġu regolati l-attivitajiet fl-oċeani tad-dinja; billi l-iżvilupp ta' qafas rigward id-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn minn żoni ta' ġurisdizzjoni nazzjonali skont l-UNCLOS jinkludi u għandu jinkludi r-reġjun tal-Artiku;
B. billi l-kulturi Sami, Nenets, Khanty, Evenk, Chukchi, Aleut, Yupik u Inuit jeħtieġ li jiġu mħarsa skont id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP); billi l-popolazzjoni indiġena tal-Artiku għandha d-dritt tuża r-riżorsi naturali fl-inħawi tagħha u għalhekk għandha tagħmel parti minn kwalunkwe pjan ġejjieni għal sajd kummerċjali;
C. billi t-tibdil fil-klima se jagħmel ir-reġjun tal-Artiku aċċessibbli għas-sajd kummerċjali fis-snin li ġejjin, li, minħabba n-natura sensittiva ħafna ta' dan ir-reġjun uniku, irid jiġi żviluppat bl-akbar attenzjoni;
D. billi huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-ibħra miftuħa tal-Artiku li fihom mhux qed jitwettqu attivitajiet tas-sajd kummerċjali attwalment, u r-reġjun tal-Artiku fil-viċinanza fejn diġà ġew stabbiliti fora reġjonali ta' negozjar għall-ġestjoni tas-sajd;
E. billi jeżistu 633 speċi ta' ħut fl-Oċean Artiku u l-Ibħra fil-Viċinanza, li minnhom, minħabba l-limitazzjonijiet ambjentali, attwalment qed jiġu sfruttati 58 speċi biss, iżda fil-futur qarib dan l-għadd jaf jiżdied, u jekk dan ikun il-każ tiżdied il-pressjoni fuq l-ambjent;
F. billi l-flora u l-fawna tal-Artiku huma beni komuni;
G. billi l-applikazzjoni u r-rispett tar-regoli u l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd għandhom ikunu wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti għall-Istati Membri tal-UE li għandhom territorju fir-reġjun tal-Artiku; billi, barra minn hekk, il-mira kwantitattiva tal-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli għandha tkun parti minn kwalunkwe evalwazzjoni li tikkonċerna l-ambjent tal-baħar u s-sajd fir-reġjun;
H. billi kwalunkwe sajd fir-reġjun tal-Artiku irid isir f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali eżistenti li jirregolaw iż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920 u, speċifikament, kwalunkwe dritt tal-Istati Partijiet għal dan it-trattat, u f'konformità ma' kwalunkwe dritt storiku ta' sajd;
I. billi n-natura speċifika tar-reġjun tal-Artiku tfisser li huwa ta' importanza assoluta li kwalunkwe żvilupp ta' sajd kummerċjali jkun ibbażat fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u li l-monitoraġġ u s-segwitu jitwettqu b'mod li jkun proporzjonat ma' dawn l-għanijiet;
J. billi r-reġjun tal-Artiku għandu ekosistema ta' bijodiversità partikolari u varjetà kbira ta' ħabitats, li ma nistgħux nifhmuhom għalkollox mingħajr analiżi u studji ulterjuri; billi jeżistu speċijiet li ma ġewx studjati biżżejjed biex wieħed jifhem bis-sħiħ kif l-istokkijiet tagħhom jadattaw għat-tibdil fil-klima u jirkupraw għas-sajd kummerċjali;
K. billi l-possibilità li jsir sajd kummerċjali f'reġjun ġdid bħall-Artiku tista' toffri opportunitajiet biex xi prodotti tas-sajd jidħlu fl-Unjoni Ewropea b'tikkettar jew dikjarazzjoni tal-oriġini inkorretti, jew direttament jew fl-ambitu ta' arranġamenti ta' kummerċ ħieles ta' partijiet terzi;
L. billi l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, inkluża l-Mira 11, adottat mill-partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), u l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2016 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Objettiv 14, jimmiraw lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar, inkluża l-mira li 10 % taż-żoni tal-baħar ikunu protetti sal-2020; billi l-Partijiet għas-CBD irrikonoxxew 77 Żona tal-Baħar Ekoloġikament jew Bijoloġikament Sinifikanti (EBSAs) u 13-il Super EBSAs li jeħtieġu ġestjoni prekawzjonarja partikolari;
M. billi l-isfruttar ta' reġjun bħall-Artiku jenħtieġ li jsir b'mod sostenibbli, imsejjes fuq l-approċċ prekawzjonarju;
N. billi l-pajjiżi tal-Artiku jenħtieġ li jikkunsidraw li joħolqu, fil-futur, organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) u żoni protetti tal-baħar (MPAs), skont il-mudelli li jeżistu diġà;
O. billi d-Dikjarazzjoni ta' Galway dwar il-Kooperazzjoni dwar l-Oċean Atlantiku tirrappreżenta impenn konġunt mill-UE, il-Kanada u l-Istati Uniti, inter alia biex tinbena kapaċità li jinftiehmu u jkunu previsti l-proċessi ewlenin tal-Atlantiku u tal-Artiku, kif ukoll il-bidliet u r-riskji li dawn jaf jinvolvu b'rabta mal-attivitajiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima;
P. billi istituzzjonijiet bħall-European Marine Board (Bord tal-Baħar Ewropew), il-European Polar Board (Bord Polari Ewropew) u EurOcean qegħdin kontinwament jistudjaw u jxerrdu informazzjoni dwar l-Artiku;
Q. billi l-Artikoli 4 u 5 tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (Konvenzjoni ta' Pariġi) jobbligaw lill-partijiet li jimmaniġġjaw b'mod sostenibbli u li jieħdu azzjoni biex jiġu kkonservati l-bjar u l-blatiet ġibjun ta' gassijiet b'effett ta' serra, inklużi l-oċeani;
1. Ifakkar li t-tibdiliet fl-Artiku għandhom implikazzjonijiet mad-dinja kollha, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-effetti negattivi tat-tisħin globali jseħħu b'pass ħafna aktar mgħaġġel f'dan l-ambjent vulnerabbli;
2. Jitlob li kwalunkwe żvilupp ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jsir b'mod kompletament kompatibbli man-natura sensittiva u speċifika tar-reġjun; jinsisti li qabel ma jinbeda kwalunkwe sajd kummerċjali ġdid fir-reġjun tal-Artiku, iridu jsiru stimi xjentifiċi tal-istokk li jkunu affidabbli u prekawzjonarji sabiex jiġu determinati l-livelli tas-sajd li jikkonservaw l-istokkijiet tal-ħut immirati, 'il fuq minn livelli li kapaċi jipproduċu rendiment sostenibbli massimu u li ma jwasslux għal tnaqqis ta' speċijiet oħra jew għal ħsara serja lill-ambjent tal-baħar; jenfasizza li s-sajd kollu fl-ibħra miftuħa jrid ikun regolat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u li jkollha programm robust ta' kontroll u ta' sorveljanza biex tiġi żgurata konformità mal-miżuri tal-ġestjoni; jinnota li s-sajd li jsir fiż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi (EEZ) irid jilħaq l-istess standards; jitlob li jkun hemm moratorju fuq is-sajd fuq skala industrijali, inkluż it-tkarkir tal-qiegħ, f'ilmijiet tal-Artiku li ma sarx sajd fihom qabel;
3. Jilqa' n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim internazzjonali bejn l-istati kostali tal-Artiku u partijiet internazzjonali bl-għan li jipprevjenu s-sajd mhux regolat fl-ibħra internazzjonali tal-Artiku, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffirmaw din id-dikjarazzjoni u li jaħdmu sabiex jagħmluha vinkolanti għall-firmatarji;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Artiku biex ikomplu jaħdmu fuq l-estensjoni tal-informazzjoni u l-analiżi disponibbli rigward l-istokkijiet kollha fir-reġjun;
5. Ifakkar li d-drittijiet għall-art u r-riżorsi naturali huma parti importanti mill-kultura u s-sopravivenza tal-popli indiġeni fl-Artiku u huma vitali għall-protezzjoni tal-mod ta' għajxien tradizzjonali tagħhom;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw l-istabbiliment ta' żona protetta tal-baħar fl-Ibħra Miftuħa tal-Artiku fil-qafas tal-mandat tal-Kummissjoni OSPAR, li fiha jiġu pprojbiti l-prattiki kollha ta' estrazzjoni, inkluż is-sajd, fl-ibħra internazzjonali madwar il-Pol tat-Tramuntana li OSPAR tkopri;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi li jipprojbixxu l-użu ta' tkarkir tal-qiegħ fl-EBSAs u fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;
8. Jitlob li l-miri ta' konservazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida u l-mira kwantitattiva tal-irkupru u ż-żamma tal-istokkijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli jkunu l-bażi għal kwalunkwe sajd kummerċjali fir-reġjun;
9. Jinnota li l-ekosistemi tal-baħar tal-Artiku huma kruċjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità globali; iqis li t-tnaqqis tas-silġ fil-baħar tal-Artiku u bidliet ambjentali oħra fl-Artiku, ikkombinati man-natura limitata ta' għarfien xjentifiku dwar ir-riżorsi tal-baħar f'din iż-żona, jirrikjedu approċċ ta' prekawzjoni sabiex jiġu stabbiliti miżuri internazzjonali xierqa biex jiġu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fl-ibħra miftuħa tal-Artiku;
10. Jiffavorixxi bil-qawwa l-kunċett li kwalunkwe żvilupp ulterjuri ta' sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku jrid isir f'konformità ma' ftehimiet internazzjonali relatati maż-żona, inkluż it-Trattat ta' Spitsbergen tal-1920, mad-drittijiet ta' kwalunkwe Stat Parti għal ftehimiet bħal dawn, u mad-drittijiet tas-sajd storiċi eżistenti;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftehim il-ġdid tal-oċeani tan-NU għall-protezzjoni tad-diversità bijoloġika lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ) ikun b'saħħtu u effettiv u li jkun jista' jiżgura proċess robust għall-identifikazzjoni, id-deżinjazzjoni, il-ġestjoni u l-infurzar ta' żoni tal-baħar protetti, inklużi r-riżervi tal-baħar fejn il-qbid huwa pprojbit;
12. Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fil-prevenzjoni ta' sajd mhux regolat fl-Artiku; huwa tal-fehma li hija jkollha kull dritt li tagħmel dan, peress li l-Istati Membri huma involuti fil-livelli kollha ta' governanza fir-reġjun tal-Artiku;
13. Jenfasizza li ż-żoni protetti tal-baħar huma ta' importanza kritika għall-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-Artiku; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti bis-sħiħ il-komunitajiet lokali fl-ippjanar, ir-realizzazzjoni u l-ġestjoni ta' tali żoni protetti;
14. Jappoġġa l-pożizzjoni li kwalunkwe żvilupp ta' sajd kummerċjali jrid isir f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali kollha, inklużi l-UNCLOS u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA);
15. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-użu ta' Orizzont 2020 u programmi ta' finanzjament oħra għal skopijiet ta' studju fl-Artiku;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun disponibbli parir xjentifiku suffiċjenti biex jappoġġa kwalunkwe pass biex jiġi żviluppat sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku u li l-miżuri meħtieġa ta' monitoraġġ u ta' segwitu jkunu ġew stabbiliti;
17. Jinnota l-importanza tad-dikjarazzjoni ta' Lulju 2015 dwar is-Sajd fl-Artiku, iffirmata minn ħames stati kostali tal-Artiku;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib kwalunkwe prodott tas-sajd li jsir disponibbli fis-suq intern li joriġina mir-reġjun tal-Artiku, biex tiżgura li dawn il-prodotti jkunu kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti, partikolarment ir-regoli dwar it-tikkettar;
19. Jinnota l-importanza tal-politika ta' koeżjoni u l-ħtieġa ta' finanzjament aktar effettiv tal-UE f'dawn l-oqsma.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
5.12.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Richard Corbett, Linnéa Engström, Carlos Iturgaiz, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Ole Christensen, Ian Duncan, Anja Hazekamp, Maria Heubuch, Mike Hookem, Verónica Lope Fontagné, Francisco José Millán Mon, Piernicola Pedicini, Maria Lidia Senra Rodríguez |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
31.1.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
111 8 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Louis Aliot, Francisco Assis, Margrete Auken, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Ivo Belet, Goffredo Maria Bettini, Simona Bonafè, Mario Borghezio, Biljana Borzan, Victor Boştinaru, Paul Brannen, Elmar Brok, Klaus Buchner, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Arnaud Danjean, Angélique Delahaye, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Georgios Epitideios, José Inácio Faria, Knut Fleckenstein, Karl-Heinz Florenz, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Francesc Gambús, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Kateřina Konečná, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Urszula Krupa, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Ryszard Antoni Legutko, Jo Leinen, Peter Liese, Norbert Lins, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, Valentinas Mazuronis, David McAllister, Susanne Melior, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Pavel Poc, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Julia Reid, Michèle Rivasi, Sofia Sakorafa, Daciana Octavia Sârbu, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Claudiu Ciprian Tănăsescu, László Tőkés, Ivica Tolić, Estefanía Torres Martínez, Ivo Vajgl, Adina-Ioana Vălean, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen, Damiano Zoffoli |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Zigmantas Balčytis, Jørn Dohrmann, Fredrick Federley, Neena Gill, Takis Hadjigeorgiou, Mike Hookem, Liisa Jaakonsaari, Peter Jahr, Merja Kyllönen, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Gesine Meissner, Norica Nicolai, Urmas Paet, Miroslav Poche, Soraya Post, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, György Schöpflin, Igor Šoltes, Bart Staes, Bodil Valero, Tiemo Wölken, Janusz Zemke, Željana Zovko |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jiří Maštálka, Jens Nilsson, Jasenko Selimovic |
||||