RAPPORT  dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi

16.2.2017 - (2016/2008(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Ramón Jáuregui Atondo


Proċedura : 2016/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0041/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi

(2016/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)1 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-demokrazija elettronika, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-18 ta' Frar 2009, bħala l-ewwel strument legali internazzjonali li jistabbilixxi standards fil-qasam tad-demokrazija elettronika,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 6, 9, 10 u 11 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 8 sa 20 u 24 tiegħu,

  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179),

  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Gvern Elettroniku (EGDI) tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2014,

–  wara li kkunsidra t-tliet studji intitolati "Potenzjal u l-isfidi tal-parteċipazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea", "Potenzjal u l-isfidi tal-votazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea" u "Il-kuntest legali u politiku għat-twaqqif ta' dokument ta' identità Ewropew", ippubblikati mid-Dipartiment Tematiku Ċ tiegħu fl-2016,

  wara li kkunsidra żewġ studji ta' STOA intitolati "E-public, e-participation and e-voting in Europe - prospects and challenges: final report" (Pubbliku elettroniku, parteċipazzjoni elettronika u votazzjoni elettronika fl-Ewropa - prospetti u sfidi: rapport finali) (Novembru 2011), u "Technology options and systems to strengthen participatory and direct democracy" (Għażliet u sistemi teknoloġiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u diretta) li jridu jiġu ppubblikati fl-2017,

  wara li kkunsidra l-ħidma dwar id-demokrazija elettronika mwettqa mill-Konferenza tal-Assemblej Reġjonali Leġiżlattivi Ewropej (CALRE) bl-użu tan-netwerk ta' kooperazzjoni IT4all tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0041/2017),

A.  billi l-kriżijiet u l-istaġnar reċenti fl-oqsma finanzjarji, ekonomiċi, politiċi u soċjali qed jaffettwaw bil-kbir lil Stati Membri individwali u lill-Unjoni inġenerali u fi żmien meta kollha kemm huma qed jiffaċċjaw sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u s-sigurtà; billi r-relazzjoni taċ-ċittadini mal-politika qiegħda dejjem aktar taħt pressjoni, peress li huma jevitaw il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, u hemm riskju dejjem jikber ta' skuntentizza pubblika fil-politika; billi l-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-ħajja demokratika, flimkien ma' trasparenza u informazzjoni, huma essenzjali għall-funzjonament tad-demokrazija u għal-leġittimità u r-responsabilità ta' kull livell tal-istruttura ta' governanza f'diversi livelli tal-UE; billi hemm ħtieġa ċara li tissaħħaħ ir-rabta demokratika bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet politiċi;

B.  billi f'dawn l-aħħar deċenji s-soċjetà tagħna nbidlet b'mod estremament veloċi, u ċ-ċittadini jħossu l-ħtieġa li jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod aktar frekwenti u direttament dwar il-problemi li jiddefinixxu l-futur tas-soċjetà tagħna, u billi l-istituzzjonijiet politiċi u ta' tfassil ta' politika jenħtieġ għalhekk li jinvestu fl-innovazzjoni demokratika;

C.  billi l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej ilha tonqos b'mod kostanti sa mill-1979, u fl-elezzjonijiet tal-2014 naqset għal 42.54 %;

D.  billi huwa importanti li terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; billi l-għodod tad-demokrazija elettronika jistgħu jgħinu biex jippromwovu ċittadinanza aktar attiva billi jtejbu l-parteċipazzjoni, it-trasparenza u r-responsabilità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u b'hekk jappoġġaw mekkaniżmi għas-sorveljanza demokratika u l-għarfien dwar l-UE bl-għan li ċ-ċittadini jingħataw vuċi aktar qawwija fil-ħajja politika;

E.  billi d-demokrazija għandha tevolvi u tadatta għall-bidliet u l-opportunitajiet assoċjati ma' teknoloġiji ġodda u għodod tal-ICT, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġid komuni li, meta implimentati kif jixraq u akkumpanjati b'livell adegwat ta' informazzjoni, jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent aktar trasparenti u parteċipattiv; billi, għal dan l-għan, kull persuna għandu jkollha l-opportunità li tkun imħarrġa fl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

F.  billi aktar progress b'rabta maċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data huwa essenzjali jekk irridu nagħmlu użu akbar mit-teknoloġiji ġodda fil-ħajja istituzzjonali u politika u b'hekk insaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

G.  billi mewġa ta' għodod ġodda ta' komunikazzjoni diġitali u pjattaformi miftuħa u kollaborattivi jistgħu jispiraw u jipprovdu soluzzjonijiet ġodda biex jitrawmu l-parteċipazzjoni u l-impenn politiku taċ-ċittadini, filwaqt li jitnaqqsu l-apatija u l-iskuntentizza pubblika fir-rigward tal-istituzzjonijiet politiċi, kif ukoll jgħinu biex iżidu l-livelli ta' fiduċja, trasparenza u responsabilità demokratika;

H.  billi fl-aktar indirizz reċenti tiegħu dwar “l-istat tal-Unjoni”, il-President Juncker ippreżenta pakkett ta' miżuri biex jiżdied l-użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż il-WiFi4EU u l-introduzzjoni tal-5G fl-Ewropa;

I.  billi data tal-gvern miftuħa għandha l-potenzjal li tiġġenera tkabbir ekonomiku, iżżid l-effiċjenza tas-settur pubbliku u ttejjeb it-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali;

J.  billi aċċess taħt kundizzjonijiet ugwali għal netwerk newtrali huwa prerekwiżit biex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali;

K.  billi d-demokrazija elettronika tista' tiffaċilita l-iżvilupp ta' forom ta' involviment komplementari li jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsu ż-żieda tal-iskuntentizza pubblika fir-rigward tal-politika tradizzjonali; billi, barra minn hekk, hija tista' tgħin fil-promozzjoni, id-djalogu, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-interess tal-pubbliku fl-Unjoni tagħna, fil-politika u l-politiki tagħha, u għalhekk tiffavorixxi appoġġ popolari għall-proġett Ewropew kif ukoll tnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku";

L.  billi forom ġodda ta' parteċipazzjoni fi spazju virtwali pubbliku ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr ir-rispett għad-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-parteċipazzjoni fi spazju pubbliku, li jinkludu, pereżempju, drittijiet proċedurali f'każ ta' malafama;

M  billi, sabiex jiġi garantit ir-rwol tal-Internet bħala għodda demokratika valida u effettiva, huwa indispensabbli li tinqered il-qasma diġitali u li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'ħiliet adegwati ta' litteriżmu medjatiku u diġitali;

N.  billi t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fis-sistemi moderni hija fil-qalba tal-proċessi tal-gvern, iżda għadhom meħtieġa aktar sforzi sabiex jitjieb it-twassil ta' servizzi tal-gvern elettroniku;

O.  billi l-votazzjoni elettronika tista' tgħin lin-nies li jgħixu jew jaħdmu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f'pajjiż terz jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom; billi s-sigurtà u s-segretezza fl-ikkastjar u r-reġistrazzjoni tal-voti għandhom ikunu żgurati fi proċessi ta' votazzjoni elettronika, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-possibilità ta' attakki ċibernetiċi;

Potenzjal u sfidi

1.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tad-demokrazija elettronika, li hija definita bħala appoġġ u tisħiħ tad-demokrazija tradizzjonali permezz tal-ICT, u li tista' tikkompleta u ssaħħaħ il-proċess demokratiku permezz ta' żieda ta' elementi tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini b'diversi attivitajiet online li, fost l-oħrajn, jinkludu l-gvern elettroniku, il-governanza elettronika, id-deliberazzjoni elettronika, il-parteċipazzjoni elettronika u l-votazzjoni elettronika; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li permezz ta' għodod ġodda ta' informazzjoni u komunikazzjoni, dejjem aktar ċittadini jistgħu jiġu involuti fi proċessi demokratiċi;

2.  Jenfasizza li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2009)1 titlob lill-Istati Membri jiżguraw li d-demokrazija elettronika "tippromwovi, tiżgura u ssaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabilità, ir-rispons, l-involviment, id-deliberazzjoni, l-inklużività, l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, is-sussidjarjetà u l-koeżjoni soċjali"; jirrimarka li din ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri li jkunu jistgħu jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

3.  Jenfasizza li l-iskop tad-demokrazija elettronika huwa li tippromwovi kultura demokratika li tarrikkixxi u ssaħħaħ il-prattiki demokratiċi, billi tipprovdi mezzi addizzjonali biex jiżdiedu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, iżda mhux li tistabbilixxi sistema demokratika alternattiva għad-detriment tad-demokrazija rappreżentattiva; jirrimarka li d-demokrazija elettronika waħedha ma tiżgurax il-parteċipazzjoni politika u li, b'mod parallel għal demokrazija elettronika, għandu jiġi indirizzat ukoll ambjent mhux diġitali biex isegwi l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini;

4.  Jirrimarka l-importanza tal-votazzjoni elettronika u tal-votazzjoni bl-internet mill-bogħod bħala sistemi li jwessgħu l-inklużjoni taċ-ċittadini u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni demokratika, speċjalment f'oqsma li huma ġeografikament u soċjalment aktar emarġinati, billi joffru bosta vantaġġi potenzjali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, il-persuni b'mobilità mnaqqsa, l-anzjani u l-persuni li jgħixu jew jaħdmu permanentement jew temporanjament fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f'pajjiż terz, dment li l-ogħla standards possibbli ta' protezzjoni tad-data jkunu garantiti; ifakkar li, meta jdaħħlu fis-seħħ il-votazzjoni remota bl-internet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-affidabilità tal-għadd tal-voti u jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza, is-segretezza tal-vot, aċċess għall-votazzjoni u suffraġju ħieles;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta' interazzjoni diġitali kollha jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta' ftuħ istituzzjonali, flimkien ma' għaqda ta' trasparenza f'ħin reali u parteċipazzjoni informata;

6.  Jenfasizza u jħeġġeġ l-użu tal-parteċipazzjoni elettronika bħala karatteristika ewlenija ta' demokrazija elettronika, li tinkludi tliet forom ta' interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet tal-UE fuq naħa, u ċ-ċittadini, fuq in-naħa l-oħra, jiġifieri: l-informazzjoni elettronika, il-konsultazzjoni elettronika u t-teħid elettroniku ta' deċiżjonijiet; jirrikonoxxi li ħafna każijiet ta' parteċipazzjoni elettronika nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jitqiesu bħala eżempji tajbin ta' kif l-ICT jistgħu jintużaw f'demokrazija parteċipattiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment dawn il-prattiki fil-livell nazzjonali u lokali;

7.  Jenfasizza li l-ICTs jikkontribwixxu lejn il-ħolqien ta' spazji għal parteċipazzjoni u diskussjoni li, min-naħa tagħhom, itejbu l-kwalità u l-leġittimità tas-sistemi demokratiċi tagħna;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti ż-żgħażagħ fid-dibattitu politiku, u jinnota li l-użu tal-ICT fi proċeduri demokratiċi jista' jkun għodda effettiva għal dan l-għan;

9.  Ifakkar fl-ewwel eżempju ta' votazzjoni online Ewropea fl-Estonja fl-elezzjonijiet legalment vinkolanti tagħha fl-2005, iżda jsostni li jekk l-użu tal-votazzjoni elettronika isir possibbli fi Stati Membri oħra, se jkun meħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-parteċipazzjoni attwali tal-popolazzjoni kollha tistax tiġi ggarantita, u wkoll l-evalwazzjoni tal-benefiċċji u l-isfidi, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta' approċċi teknoloġiċi differenti jew diverġenti; jenfasizza li l-eżistenza ta' konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja u siguri, u infrastruttura tal-identità elettronika sigura huma prerekwiżiti importanti għas-suċċess tal-votazzjoni elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda fil-proċessi tal-votazzjoni attwali fil-booths, u jqis li avvanzi sinifikanti jistgħu jseħħu permezz tal-qsim tal-aħjar prattiki u riċerka fil-livelli politiċi kollha;

10.  Jindika l-isfida li ġġib magħha r-reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini rigward l-użu ta' għodda fuq l-internet b'rabta mad-demokrazija; huwa tal-fehma li l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u l-garanzija tal-privatezza huma tal-akbar importanza għall-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fix-xena politika diġitali emerġenti;

11.  Jenfasizza li l-proċessi demokratiċi jirrikjedu dibattitu estensiv f'kull livell tas-soċjetà tal-UE, kif ukoll skrutinju u riflessjoni, sabiex iwasslu għal deliberazzjoni ġusta, sħiħa u razzjonali; iwissi li hemm riskju ta' distorsjoni u manipulazzjoni tal-eżitu tad-deliberazzjonijiet dwar għodod ta' diskussjoni online; huwa tal-fehma li l-aħjar garanzija kontra dan ir-riskju hija t-trasparenza tal-atturi kollha li jinteraġixxu u l-provvista ta' tagħrif dwar kampanji li potenzjalment ikunu qed jiġu promossi, direttament jew indirettament, fuq pjattaformi ta' parteċipazzjoni diġitali;

12.  Jinnota li għal demokrazija li tiffunzjona, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi hija dimensjoni fundamentali; jenfasizza, għalhekk, li l-introduzzjoni ta' għodod tad-demokrazija elettronika jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn strateġiji tajba ta' komunikazzjoni u ta' edukazzjoni;

13.  Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata l-parteċipazzjoni elettronika fis-sistema politika sabiex tinkorpora l-kontributi taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi żgurat segwitu; jinnota li nuqqas ta' kapaċità ta' reazzjoni minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iwassal għal diżappunt u nuqqas ta' fiduċja;

14.  Jenfasizza li l-użu ta' għodod tal-ICT għandu jkun kumplementari ma' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi, bl-għan li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' ħiliet diġitali jew nuqqas ta' riżorsi u infrastrutturi;

Proposti dwar it-titjib tas-sistema demokratika permezz tal-ICT

15.  Iqis li l-parteċipazzjoni fi proċessi demokratiċi hija bbażata, l-ewwel nett, fuq aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-informazzjoni u l-għarfien;

16.  Jitlob, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jadottaw miżuri mmirati biex jillimitaw b'mod arbitrarju l-aċċess għall-internet u l-eżerċizzju ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħalma huma miżuri ta' ċensura sproporzjonati jew il-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni leġittima ta' kritika u oppożizzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu mezzi tekniċi u edukattivi biex jagħtu spinta lill-għoti tas-setgħa demokratika liċ-ċittadini u jtejbu l-kompetenzi tal-ICT, kif ukoll il-provvista tal-litteriżmu diġitali u aċċess diġitali sikur u ekwu għaċ-ċittadini kollha tal-UE sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali (inklużjoni elettronika), għall-benefiċċju aħħari tad-demokrazija; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw l-akkwist ta' ħiliet diġitali fil-kurrikuli tal-iskejjel u t-tagħlim tul il-ħajja, u jagħtu prijorità lil programmi ta' taħriġ diġitali għall-anzjani; jappoġġa l-iżvilupp ta' netwerks mal-universitajiet u l-istituzzjonijiet edukattivi biex jippromwovi r-riċerka dwar u l-implimentazzjoni ta' għodod ġodda ta' parteċipazzjoni; jistieden ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu programmi u politiki mmirati biex jiżviluppaw apprezzament kritiku u informat tal-użu tal-ICT;

18.  Jipproponi li jkompli jsir progress fl-evalwazzjoni tal-użu tat-teknoloġija ġdida biex tittejjeb id-demokrazija fl-amministrazzjonijiet tal-UE billi jiġu inkorporati, bħala indikaturi, miri li jkejlu l-kwalità tas-servizzi online;

19.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament fl-Unjoni Ewropea, jieħu rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tad-demokrazija elettronika; iqis li jkun utli, għal dan l-iskop, li jiġu żviluppati soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi li se jagħmluha possibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw b'mod sinifikanti u jaqsmu t-tħassib tagħhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom;

20.  Jinkoraġġixxi s-simplifikazzjoni tal-lingwaġġ u l-proċeduri istituzzjonali u l-organizzazzjoni tal-kontenut multimedjali biex jiġu spjegati l-elementi ewlenin tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, sabiex jiġu promossi l-fehim u l-parteċipazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jinxtered dan il-mezz ta' parteċipazzjoni elettronika permezz ta' għodod segmentati proattivi li jippermettu l-aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajls parlamentari;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jipprovdu infrastruttura diġitali affordabbli u b'veloċità għolja, b'mod partikolari f'reġjuni periferiċi u żoni rurali u ekonomikament anqas żviluppati, u jiżguraw li l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tkun garantita, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk iċ-ċittadini li huma l-aktar vulnerabbli u jipprovduhom b'kapaċitajiet sabiex ikun żgurat l-użu sikur u mingħajr periklu tat-teknoloġija; jirrakkomanda li l-libreriji, l-iskejjel u bini li fih huma pprovduti s-servizzi pubbliċi jkollhom riżorsi xierqa ta' infrastruttura tal-IT b'veloċità għolja u moderna li tkun ugwalment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari għall-aktar kategoriji vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; jirrimarka l-ħtieġa li jiġu dedikati riżorsi finanzjarji u ta' taħriġ għal dawn l-għanijiet; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi riżorsi għal proġetti mmirati biex jittejbu l-infrastrutturi diġitali fil-qasam tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà;

22.  Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli kollha kif ukoll fis-setturi tal-ICT; jinnota li n-nisa u l-bniet spiss jiffaċċjaw sterjotipi tal-ġeneri fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi mmirati li jippromwovu l-edukazzjoni fl-ICT u l-parteċipazzjoni elettronika għan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari dawk minn sfond vulnerabbli u marġinalizzat, bl-użu ta' tagħlim formali, informali u mhux formali;

23.  Jinnota li sabiex tiġi żgurata l-aċċessibilità ugwali taċ-ċittadini għall-għodod tad-demokrazija elettronika, it-traduzzjoni multilingwa hija importanti meta tkun se tinxtered l-informazzjoni u tinqara miċ-ċittadini kollha fil-pajjiżi li għandhom aktar minn lingwa uffiċjali waħda jew minn dawk li jkunu ġejjin minn sfondi etniċi differenti;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jippromwovu, jappoġġaw u jimplimentaw mekkaniżmi u strumenti li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-interazzjoni tagħhom ma' gvernijiet u istituzzjonijiet tal-UE, bħal pjattaformi tal-crowdsourcing; jenfasizza li l-ICTs għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni indipendenti, it-trasparenza, il-kontabilità u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjoni; jappella f'dan ir-rigward biex l-għodod kollha tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet maċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-portal Europe Direct, jiġu mfassla aktar mill-qrib mal-isfidi tad-demokrazija elettronika; jimpenja ruħu biex jagħmel l-għodod kollha eżistenti ta' segwitu leġiżlattiv aktar aċċessibbli, li jinftehmu aħjar, edukattivi u interattivi, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-istess fuq is-sit tal-Internet tagħha stess;

25.  Jistieden lill-Istati Membri u l-UE jevalwaw mill-ġdid il-kontenut uffiċjali tagħhom fuq is-siti b'rabta mal-funzjonament tad-demokrazija, bl-għan li jipprovdu l-għodod edukattivi li jagħmluha aktar faċli għaż-żgħażagħ biex iżuru s-siti inkwistjoni u jifhmu l-kontenut tagħhom u li s-siti jsiru iktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

26.  Jinkoraġġixxi lill-amministrazzjonijiet jirriflettu l-impenn tagħhom għall-prinċipju ta' ftuħ istituzzjonali permezz ta' tibdil fil-proċessi tagħhom tad-disinn strateġiku u l-kultura korporattiva, il-baġits u bidla fl-organizzazzjoni li jkunu misjuqa minn mira għat-titjib tad-demokrazija permezz tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda;

27.  Jitlob li tinħoloq pjattaforma online b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jiġu kkonsultati b'mod sistematiku qabel ma l-leġiżlatur Ewropew jieħu deċiżjonijiet, u b'hekk jiġu involuti b'mod aktar dirett fil-ħajja pubblika;

28.  Jemmen li huwa essenzjali li l-użu ta' dawn l-għodod ġodda jkun appoġġat minn kampanji li jippromwovu l-possibilitajiet li joffru u l-valuri ċiviċi ta' responsabilità konġunta u parteċipazzjoni;

29.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala mezz ta' parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ħajja politika tal-UE u l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fiha, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid il-mod kif topera sabiex tkun tista' tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 (2014/2257(INI)); jiġbed l-attenzjoni, għaldaqstant, għall-importanza tas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tar-rekwiżiti burokratiċi relatati ma' dan, u ta' użu usa' tal-ICT, eż. permezz ta' pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet oħra kompatibbli ma' apparat mobbli, sabiex din l-għodda importanti ssir aktar faċli għall-utent u ppubbliċizzata b'mod wiesa'; jemmen li l-użu ta' teknoloġija ġdida jista' jtejjeb, b'mod partikolari, is-sistema tal-ġbir ta' firem online permezz tal-użu ta' servizzi ta' identifikazzjoni u ta' awtentikazzjoni (e-IDAS), li jippermetti lill-membri tal-pubbliku li b'mod aktar faċli jirċievu u jiskambjaw informazzjoni dwar Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej eżistenti jew potenzjali sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv f'diskussjonijiet u/jew jappoġġaw l-inizjattivi nnifishom;

30.  Jenfasizza li bosta proċessi tal-Kummissjoni, bħall-konsultazzjonijiet pubbliċi online, attivitajiet ta' parteċipazzjoni elettronika u valutazzjonijiet tal-impatt, jistgħu jibbenefikaw minn użu ikbar ta' teknoloġiji ġodda biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni pubblika, tiżdied ir-responsabilità f'dawn il-proċessi u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u tissaħħaħ il-governanza Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika jkunu iktar effettivi u aċċessibbli għal kemm jista' jkun nies, filwaqt li l-ostakoli tekniċi jinżammu f'livelli minimi;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa għal aktar informazzjoni għaċ-ċittadini dwar pjattaformi diġitali eżistenti fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tespandi u tiżviluppa l-parteċipazzjoni elettronika fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li se tiġi mnedija fl-2017, u tippromwovi l-iżvilupp u l-finanzjament ta' strumenti ġodda marbuta maċ-ċittadinanza elettronika tal-Unjoni Ewropea; jirrakkomanda barra minn hekk li l-Kummissjoni tiffoka fuq soluzzjonijiet ta' sorsi miftuħa li jistgħu jiġu implimentati faċilment fis-suq uniku diġitali kollu; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni tintegra l-użu mill-ġdid ta' proġetti preċedenti bħal pereżempju l-pjattaforma D-CENT, il-proġett iffinanzjat mill-UE li jipprovdi għodod teknoloġiċi għal demokrazija parteċipattiva;

33.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' amministrazzjoni elettronika għandu jkun prijorità għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u jilqa' l-pjan ta' azzjoni ambizzjuż u komprensiv tal-Kummissjoni dwar il-gvern elettroniku, li għalih implimentazzjoni nazzjonali xierqa,u koordinazzjoni tal-fondi disponibbli tal-UE ser ikunu essenzjali, f'sinerġija mal-aġenziji u awtoritajiet diġitali nazzjonali; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex jinkoraġġixxu d-data miftuħa u l-użu ta' għodod tal-ICT abbażi ta' softwer b'sors miftuħ u bla ħlas kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri;

34.  Jitlob għal aktar kooperazzjoni fil-livell tal-UE u jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattiki għal proġetti ta' demokrazija elettronika bħala mezz biex nimxu lejn forma ta' demokrazija aktar parteċipattiva u deliberattiva, u li twieġeb għat-talbiet u l-interessi taċ-ċittadini u għandha l-għan li tinvolvihom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jirrimarka dwar il-ħtieġa li wieħed ikun jaf x'inhi l-attitudni taċ-ċittadini b'rabta mal-implimentazzjoni ta' votazzjoni mill-bogħod bl-internet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni jew konsultazzjoni indipendenti tal-opinjoni pubblika dwar votazzjoni online, b'analiżi tal-punti pożittivi u d-dgħjufijiet tagħha, bħala alternattiva addizzjonali biex iċ-ċittadini jivvutaw, li għandha tiġi kkunsidrata mill-Istati Membri sa tmiem l-2018;

35.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu mħarsa, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-privatezza u d-data personali meta jintużaw l-għodod tad-demokrazija elettronika u biex jitrawwem ambjent tal-internet aktar sikur, b'mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni u s-sigurtà tad-data, inkluż "id-dritt li wieħed jintesa", u biex jipprovdu garanziji kontra s-softwer ta' sorveljanza u l-verifikabilità tas-sors; barra minn hekk, jappella għal aktar użu ta' servizzi diġitali bbażati fuq aġenti ewlenin bħall-identità diġitali sigura u kriptata, skont ir-Regolament EIDAS; Jippromwovi reġistri diġitali pubbliċi siguri u sikuri u l-validazzjoni ta' firem elettroniċi sabiex jipprevjeni interazzjonijiet multipli frawdolenti, f'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali

tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza fl-aħħar nett li l-kwistjonijiet ta' sigurtà m'għandhomx iservu ta' deterrent għall-inklużjoni ta' individwi u gruppi fi proċessi demokratiċi;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija permezz tat-teknoloġija li għandha tintuża f'ambjent sigur li hu sikur mill-użu ħażin ta' għodod teknoloġiċi (eż. spamming bots, profili anonimi u approprjazzjoni tal-identità), u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-ogħla standards legali;

37.  Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-informaturi attwali — ġeneralment permezz tal-internet — fl-esponiment tal-korruzzjoni, il-frodi, il-ġestjoni ħażina u forom oħra ta' aġir illegali li jheddu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, l-integrità finanzjarja, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-istat tad-dritt, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni;

38.  Iħeġġeġ lir-rappreżentanti pubbliċi jipparteċipaw b'mod attiv maċ-ċittadini f'fora eżistenti u totalment indipendenti, u biex jużaw midja ġdida u pjattaformi tal-IT bl-għan li jistimulaw diskussjoni u skambju ta' opinjonijiet u proposti maċ-ċittadini (parlament elettroniku) u l-ħolqien ta' konnessjoni diretta magħhom; jistieden lill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew u l-partiti politiċi Ewropej biex iżidu l-opportunitajiet għal diskussjoni pubblika u l-parteċipazzjoni elettronika;

39.  Jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex ikomplu jsaħħu t-trasparenza fix-xogħol tagħhom, speċjalment f'kuntest politiku attwali diffiċli, u jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi biex jistudjaw il-possibilità tat-twaqqif ta' pjattaformi diġitali, inklużi l-għodod l-iżjed moderni tal-IT; iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti biex jużaw dawn l-għodod u jikkomunikaw u jimpenjaw ruħhom b'mod pożittiv ma' kostitwenti u mal-partijiet interessati fuq bażi effiċjenti bl-għan li jiġu infurmati dwar l-UE u l-attivitajiet parlamentari u biex ikun hemm deliberazzjoni u proċessi għat-tfassil tal-politika u jiżdied l-għarfien tad-demokrazija Ewropea;

40.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Parlament fil-qasam tal-parteċipazzjoni elettronika; jappoġġa sforzi kontinwi sabiex jissaħħu l-karattru rappreżentattiv, il-leġittimità u l-effikaċja tal-Parlament, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu usa' minn teknoloġiji ġodda sabiex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-limiti meħtieġa imposti mid-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; jinnota l-ħtieġa għal proċess wiesa' ta' riflessjoni dwar kif jista' jittejjeb l-użu tal-ICT mill-Membri tiegħu, mhux biss għall-komunikazzjoni mal-pubbliku iżda wkoll rigward il-leġiżlazzjoni, petizzjonijiet, konsultazzjonijiet u aspetti oħra rilevanti għax-xogħol tagħhom ta' kuljum;

41.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod diġitali sabiex jiġu żviluppati modi ġodda sabiex jippromwovu d-demokrazija interna, inkluża t-trasparenza fil-ġestjoni tagħhom, il-finanzjament, u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u sabiex ikun hemm komunikazzjoni aħjar u parteċipazzjoni ta' membri u sostenituri tagħhom u s-soċjetà ċivili; barra minn hekk iħeġġiġhom ikunu ferm trasparenti u responsabbli lejn iċ-ċittadini; jissuġġerixxi għal dan l-għan li tiġi kkunsidrata l-possibilità ta' modifiki għall-Istatut tal-partiti politiċi Ewropej u li dawn ikopru u jippromovu l-prattiki ta' parteċipazzjoni diġitali;

42.  Jistieden lill-UE u l-istituzzjonijiet tagħha sabiex ikunu miftuħa għal aktar esperimentazzjoni b'metodi ġodda ta' parteċipazzjoni elettronika, bħall-crowdsourcing, fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, b'kont meħud tal-aħjar prattiki li diġà ġew żviluppati fi ħdan l-Istati Membri u, għal dan l-għan, biex iniedu proġetti pilota speċifiċi; itenni, fl-istess ħin, il-ħtieġa li dawk il-miżuri jiġu komplementati b'kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex jiġu spjegawti l-possibilitajiet ta' dawn l-għodod;

43.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej iniedu proċess parteċipattiv sabiex jelaboraw Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Internet, filwaqt li tittieħed bħala referenza, fost testi oħra, id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Internet ippubblikata mill-Kamra tad-Deputati tal-Italja fit-28 ta' Lulju 2015, sabiex jiġu promossi u garantiti d-drittijiet kollha li jappartjenu għall-isfera diġitali, fosthom id-dritt ġenwin ta' aċċess għall-Internet u tan-newtralità tal-internet;

44.  Jinnota l-ammont enormi ta' informazzjoni eteroġena li tista' tinstab fuq l-internet illum, u jenfasizza li l-kapaċità taċ-ċittadini li jaħsbu b'mod kritiku għandha tissaħħaħ sabiex dawn ikunu jistgħu jagħrfu aħjar bejn sorsi affidabbli u mhux affidabbli ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni bl-għan li jiġu indirizzati l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa, u jimplimentaw bis-sħiħ u jinforzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali u kostituzzjonali; jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw azzjonijiet u politiki għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' ħsieb trasferibbli, kritiku u kreattiv u l-litteriżmu diġitali u medjatiku, kif ukoll l-inklużjoni u l-kurżità fost iċ-ċittadini tagħhom, speċjalment iż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċessi demokratiċi;

°

° °

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) qed iwasslu għal bidliet profondi f'soċjetajiet moderni. Dan ġab miegħu rivoluzzjoni teknoloġika kbira, immexxija mill-internet u mill-varji netwerks ta' komunikazzjoni u interazzjoni soċjali li huwa għamel possibbli. Dan wasal ukoll biex jinfluwenza l-isfera politika, b'mod partikolari l-metodi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

Il-mewġa ta' għodod ġodda tal-komunikazzjoni diġitali u pjattaformi miftuħa u kollaborattivi taw lok għal paradigma ġdida għall-komunikazzjoni, id-diskussjoni u l-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi u soċjali u qered il-monopolju tal-midja tradizzjonali bħala mezz ta' trażmissjoni għar-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-politika.

Dawn il-bidliet kienu qed iseħħu filwaqt li kienu qed jissaħħu l-apatija u n-nuqqas ta' fiduċja fir-rigward tad-demokrazija u tal-funzjonament tagħha fost oqsma kbar tas-soċjetà. Filwaqt li d-demokrazija rappreżentattiva tibqa' ankrata b'mod sod fil-kontinent tagħna, il-kredibilità tagħha ġiet imċappsa f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin b'nuqqas ta' fiduċja dejjem tikber tal-opinjoni pubblika dwar il-modus operandi u l-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentawhom. Bosta fatturi jispjegaw din id-dgħufija perikoluża tas-sistema politika tagħna. Deċiżjonijiet ekonomiċi, li xi kultant isiru minn korpi mhux responsabbli, mhux responsabbli u mbiegħda mill-isfera demokratika nazzjonali, taw lok għal kunflitti kbar bejn id-demokrazija lokali u l-gvern supranazzjonali. Il-kumplessità teknika ta' dawn id-deċiżjonijiet hija tali li l-parti l-kbira tal-pubbliku ssibhom inkomprensibbli. Il-kriżi globali finanzjarja u ekonomika ta' dawn l-aħħar 10 snin ikkawżat telf kbir ta' status soċjali fost il-klassijiet ta' ħaddiema u dawk medji tad-dinja tal-Punent, li wassal għal aktar skuntentizza dwar is-sistema. Fl-aħħar nett, il-korruzzjoni f'xi sistemi u pajjiżi illimitat ferm il-fiduċja taċ-ċittadini fil-politika u r-rappreżentanti tagħhom.

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kritika dejjem akbar dwar il-ħtieġa li jtejbu l-funzjonament intern ta' parlamenti nazzjonali u l-fergħat ta' gvern eżekuttivi u amministrattivi, u biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta' sorveljanza demokratika. Iċ-ċittadini, li qed isiru dejjem aktar infurmati, jesiġu aktar involviment u trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u aktar possibilitajiet għal interazzjoni bejn il-politiċi u l-pubbliku.

F'dan l-isfond, il-mewġa ta' għodod ġodda tal-komunikazzjoni diġitali u pjattaformi miftuħa u kollaborattivi jistgħu jispiraw soluzzjonijiet kreattivi u komplementari għat-titjib tal-kapaċitajiet u l-prestazzjoni ta' demokrazija rappreżentattiva, u b'hekk leġittimità akbar. L-għan ta' demokrazija elettronika mhuwiex li tfittex li tistabbilixxi sistema demokratika alternattiva iżda li, skont il-kliem tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)1 tal-Kunsill tal-Ewropa, tippromwovi, tiżgura u ssaħħaħ it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, ir-reattività, l-impenn, id-deliberazzjoni, l-inklussività, l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, is-sussidjarjetà u l-koeżjoni soċjali.

Il-prinċipju jagħmel distinzjoni bejn tliet kunċetti, għalkemm ċertament huma ddupplikati:

- Il-gvern elettroniku: tirreferi għall-użu tal-ICT fil-ħidma tas-settur pubbliku, b'mod partikolari biex tipprovdi lil individwi b'tagħrif u servizzi minn awtoritajiet pubbliċi b'mod elettroniku (pereżempju, il-ħlas ta' multa għas-sewqan b'veloċità eċċessiva).

- Il-governanza elettronika: tirreferi għall-użu tal-ICT biex tistabbilixxi mezzi ta' komunikazzjoni li jippermettu l-inklużjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati li għandhom opinjoni dwar il-proċess tat-tfassil tal-politika (pereżempju, permezz ta' konsultazzjonijiet pubbliċi elettroniċi dwar jekk limitu tal-veloċità partikolari għandux jinbidel, jew konsultazzjonijiet tal-baġit lokali).

- Id-demokrazija elettronika: tirreferi għall-użu tal-ICT biex jinħolqu kanali għal konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika (pereżempju, parlament elettroniku, inizjattivi elettroniċi, votazzjoni elettronika, petizzjonijiet elettroniċi, konsultazzjonijiet elettroniċi).

Is-sitwazzjoni attwali fl-UE

Sa mill-2009, il-Kummissjoni kienet partikolarment iffokata fuq il-parteċipazzjoni elettronika u l-governanza elettronika. Din diġà twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi u valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-internet, prinċipalment qabel ma tipproponi abbozz ta' leġiżlazzjoni, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni pubblika u titjieb il-governanza Ewropea. Dawn il-proċessi jistgħu jiġu mtejba jekk it-teknoloġiji l-ġodda jkunu aktar aċċessibbli u jintużaw b'mod aktar wiesa', bl-għan li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp tal-politika u t-tisħiħ tal-governanza Ewropea.

L-ICT jistgħu jgħinu wkoll fl-espansjoni u l-iżvilupp tal-gvern elettroniku, kemm bħala mod biex wieħed jimxi lejn sistema ta' demokrazija aktar parteċipattiva u deliberattiva, u parteċipazzjoni diġitali, bħala parti mill-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali.

Il-Parlament Ewropew ippubblika diversi studji (bħal “Il-Futur tad-demokrazija fl-Ewropa: Ix-Xejriet, Analiżi u Riformi” fl-2008 u “Il-Pubbliku Elettroniku, il-Parteċipazzjoni Elettronika u l-Votazzjoni Elettronika — prospetti u sfidi”, fl-2012), li janalizzaw strumenti ġodda u jenfasizzaw b'mod partikolari d-diffikultajiet marbuta ma' dan.

Fl-aħħar nett, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea introduċa strument innovattiv ta' demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea: l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Sa mill-2012, minn meta tnediet l-inizjattiva, iktar minn 35 talba ġew irreġistrati, li tlieta minnhom irnexxielhom jilħqu l-limitu minimu ta' miljun firma u, għalhekk, irċevew tweġiba uffiċjali mill-Kummissjoni. L-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda tista' twassal għal użu aktar mifrux ta' dan l-istrument il-ġdid u ttejjeb xi kwistjonijiet tekniċi bħas-sistema online għall-ġbir tal-firem.

Id-demokrazija elettronika: prospetti kbar jew riskji potenzjali?

It-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni għandhom potenzjal enormi biex titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-sistema demokratika u, bħala mezz biex tinbena soċjetà demokrazija aktar trasparenti u parteċipattiva, għandhom jitqiesu bħala beni pubbliku. Il-poter trasformattiv tagħhom m'għandux ikun ristrett għall-proċessi elettorali, iżda għandu jiġi estiż għall-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi politiċi, b'mod partikolari t-tliet forom ta' interazzjoni bejn il-livelli tal-gvern u ċ-ċittadini: informazzjoni online u konsultazzjoni diġitali u teħid ta' deċiżjonijiet.

Din ix-xewqa, madankollu, m'għandhiex tikkawża l-injorar tar-riskji assoċjati mal-era tat-teknoloġiċi ġodda, jew li jintesa li t-teknoloġija qatt mhija għan fih innifsu, iżda mezz biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. B'mod partikolari, għandna nqisu l-aspetti li ġejjin:

- Id-distakk diġitali: l-aċċess għal teknoloġiji ġodda huwa prerekwiżit biex il-potenzjal trasformattiv jkollu impatt fuq il-proċessi demokratiċi. Madankollu, f'ħafna pajjiżi, għad hemm żoni li m'għandhomx aċċess għall-Internet u s-soċjetajiet kollha għandhom setturi kbar tal-popolazzjoni li mgħandhomx il-ħiliet tekniċi meħtieġa biex jużaw l-Internet (dawk diġitalment illitterati). - Frodi elettorali: is-sistemi ta' votazzjoni għandhom jipprekludu kwalunkwe tip ta' irregolarità li timpedixxi l-espressjoni fidila tar-rieda tal-elettorat.

- Il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali. Peress li s-sigurtà assoluta tad-data hija impossibbli, il-privatezza tista' tkun mhedda. Din hija kwistjoni partikolarment sensittiva għall-pubbliku.

- Neċessità ta' responsabilità fil-proċessi demokratiċi. Il-proċeduri demokratiċi ġeneralment jeħtieġu dibattitu estensiv u bilanċ ta' fehmiet varji. L-internet mhux dejjem huwa l-post ideali għal dibattitu razzjonali u approfondit ta' argumenti. Mhux dejjem huwa possibbli, online, li ssir distinzjoni bejn l-opinjoni pubblika u l-opinjonijiet li jidhru li huma l-maġġoranza minħabba r-rwol tal-aktar utenti attivi tal-Internet.

- Xi esperjenza wriet xejra li qed tiżdied lejn l-użu ta' informazzjoni u netwerks minn interessi privati, li jista' joħloq interess partikolari li jiġi kkunsidrat b'mod żbaljat bħala interess ġenerali u, għalhekk, l-etika u t-trasparenza jkunu kompromessi. It-talbiet tal-litterati u tal-lobbies tal-ITC settorjali m'għandhomx jipprevalu fuq il-ħtiġijiet tas-soċjetà kollha.

Triq possibbli 'l quddiem

Esperti, istituzzjonijiet, gvernijiet u l-pubbliku inġenerali għamlu diversi suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet. Ir-rapporteur, wara dibattitu estensiv mal-kollegi tiegħu, jemmen li l-proposti li ġejjin jistgħu jiffurmaw parti mir-rapport tiegħu u jiġu indirizzati fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali:

- Peress li r-revoluzzjoni diġitali diġà qiegħda kullimkien u inevitabbilment se tinfluwenza l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, ta' min jiġu pprovduti edukazzjoni u mezzi tekniċi biex titjieb il-kompetenza tal-ICT għall-benefiċċju aħħari tad-demokrazija;

- Għad iridu jsiru sforzi biex jgħinu biex jitnaqqas id-distakk diġitali, jiġi żgurat aċċess mifrux tat-teknoloġija għall-membri kollha tal-pubbliku (inklużjoni elettronika) u jitrawwem ambjent aktar sikur fuq l-internet, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni u tad-data diġitali sigura, it-twaqqif ta' reġistri pubbliċi, kif ukoll il-verifika ta' firem diġitali uniċi biex jiġu evitati l-interazzjonijiet multipli frawdolenti;

- It-teknoloġija diġitali tista' tintuża biex ittejjeb il-konsultazzjoni pubblika u l-proċessi ta' valutazzjoni tal-impatt bħala għajnuna fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet biex tissaħħaħ il-governanza;

- Il-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta' mekkaniżmi li jippermettu li l-pubbliku jieħu sehem u jinteraġixxi mal-istituzzjonijiet u l-uffiċjali li jirrappreżentawhom. L-ICT għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni, it-trasparenza, is-smigħ b'mod attiv, id-dibattitu u, għalhekk, dan jista' jgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn is-settur pubbliku u t-teħid aħjar tad-deċiżjonijiet. Dan għandu wkoll jiffaċilita r-responsabilità, eċċ.;

- It-tħeġġiġ tar-rappreżentanti pubbliċi jieħdu sehem b'mod attiv f'fora eżistenti, bl-għan li jistimolaw diskussjoni u skambju ta' opinjonijiet u proposti maċ-ċittadini;

- L-iskambju tal-aħjar prattiki għal proġetti ta' demokrazija elettronika bħala mezz biex nimxu lejn forma ta' demokrazija aktar parteċipattiva u deliberattiva, u li twieġeb għat-talbiet u l-interessi tal-pubbliku;

- Il-ħolqien ta' netwerks għal ħidma flimkien ma' universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi għandhom iħeġġu r-riċerka dwar u l-implimentazzjoni ta' għodda u mezzi ta' komunikazzjoni u parteċipazzjoni;

- Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod demokratiku;

- Offerta lill-partiti politiċi ta' modi ġodda biex ikunu disponibbli u konnessi mal-membri u s-sostenituri tagħhom.

Bħala konklużjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-innovazzjonijiet tekniċi fihom infushom mhux se jsolvu l-iskuntentizza pubblika b'rabta mal-politika jew joħolqu bidliet sostanzjali fid-demokraziji tagħna. Ir-raġunijiet għal din il-kriżi huma profondi u jikkonċernaw il-politiki implimentati, flimkien maż-żieda fil-globalizzazzjoni u l-iskuntentizza dejjem tikber b'rabta mal-funzjonament ta' sistemi demokratiċi Ewropej u l-istituzzjonijiet tagħhom. Madankollu, ir-rivoluzzjoni diġitali teħtieġ li nagħtu attenzjoni kontinwa u mill-qrib lil kif nistgħu nagħmlu użu sinifikanti minnha biex nipprevjenu mhux biss l-ottimiżmu falz dwar il-vantaġġi tagħha biex jingħelbu d-diffikultajiet li qed tiffaċċja llum id-demokrazija parlamentari, iżda wkoll nevitaw li nikkawżaw problemi ġodda li l-ICTs ma jkunux jistgħu jsolvu.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (14.10.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi
(2016/2008(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Isabella Adinolfi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi l-bidliet teknoloġiċi kontinwi u rapidi li seħħew fis-soċjetà tal-informazzjoni, it-trasformazzjonijiet profondi li ġabu magħhom dawn il-bidliet fis-soċjetà kollha kemm hi, b'mod partikolari fir-rigward tal-aspetti tal-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza, u l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mad-diversi għodod tal-ICT, midja ġdida u teknoloġiji ġodda oħra; għal dan l-għan, jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-valur miżjud ta' involviment onlajn;

2.  Jinnota li numru dejjem jikber ta' ċittadini li jużaw l-għodod tal-ICT u midja u teknoloġiji ġodda biex tinkiseb varjetà dejjem akbar ta' informazzjoni, biex isir skambju ta' fehmiet, u biex isemmgħu leħinhom, filwaqt li jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw fil-ħajja politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod kollettiv, fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE; iqis, għalhekk, li huwa kruċjali li tiżdied l-inklużjoni u l-litteriżmu diġitali, u b'hekk tingħeleb il-firda diġitali eżistenti li hija ostaklu kbir biex wieħed jeżerċita ċittadinanza attiva;

3.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-użu tal-għodda tal-ICT teħtieġ ambjent favorevoli legali sabiex ikun żgurat id-dritt għall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni indipendenti, kif ukoll investimenti li permezz tagħhom iċ-ċittadini mgħammra b'mezzi adegwati u l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali jkunu jistgħu jgawdu minn aċċess sħiħ u ugwali ta' infrastruttura teknika tal-ICT li toffri prestazzjoni għolja;

4.  Ifakkar li huwa meħtieġ li jiġu introdotti standards tekniċi ambizzjużi għall-Unjoni kollha li jkollhom l-għan li jnaqqsu b'mod sostanzjali u effettiv id-distakk diġitali eżistenti, skont is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri differenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess ugwali ta' kulħadd għall-internet inklużiv, ġust, sikur u li jkun għall-but ta' kulħadd, fejn il-libertà ta' espressjoni, id-dritt għall-privatezza, b'attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-data personali, u l-prinċipju ta' newtralità netta huma protetti, kif ukoll aċċess ugwali għal servizzi pubbliċi onlajn u l-identifikazzjoni elettronika; b'dan il-mod, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-ostakoli fiżiċi, ġeografiċi u soċjali rilevanti kollha għall-parteċipazzjoni onlajn, irrispettivament mid-dħul jew il-kundizzjoni soċjali u personali, speċjalment f'żoni inqas aċċessibbli u billi tiġi evitata kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

5.  Jinnota li l-użu dejjem akbar tal-midja soċjali għal finijiet ta' soċjalizzazzjoni u komunikazzjoni, u l-użu dejjem akbar tagħha fis-settur kreattiv u kulturali; jinnota li l-użu estiż tal-ICT fil-ħajja ta' kuljum u fil-mod modern li jgħixu bih iċ-ċittadini jeħtieġ il-promozzjoni tal-inklużjoni diġitali tal-persuni ta' kull età biex jiġi indirizzat id-distakk diġitali fl-UE;

6.  Jemmen li l-għodod tal-ICT u tal-midja u t-teknoloġiji ġodda huma kruċjali u kull ma jmur se jkompli jkollhom rwol sinifikanti f'sinerġija ma' mezzi offlajn, sabiex jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza għall-UE, l-impenn ċiviku, u l-inklużjoni soċjali, u biex jipprovdu informazzjoni u għarfien bilanċjati dwar l-UE, l-istorja, il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħha sabiex jistimolaw ħsieb kritiku u dibattitu pubbliku kostruttiv dwar l-Unjoni Ewropea;

7.  Jinnota li d-demokrazija elettronika għandha l-potenzjal li żżid is-sens tas-sjieda tal-UE fost iċ-ċittadini, li hija b'mod speċjali importanti fil-klima Ewroxettika li teżisti bħalissa;

8.  Jinnota l-ammont enormi ta' informazzjoni eteroġena li tista' tinstab fuq l-internet illum, u jenfasizza li l-kapaċità taċ-ċittadini li jaħsbu b'mod kritiku għandha tissaħħaħ sabiex dawn ikunu jistgħu jagħrfu aħjar bejn sorsi affidabbli u mhux affidabbli ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni bl-għan li jiġu indirizzati l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa, u jimplimentaw bis-sħiħ u jinforzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offlajn kif ukoll onlajn, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali u kostituzzjonali; jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw azzjonijiet u politiki għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' ħsieb trasferibbli, kritiku u kreattiv u l-litteriżmu diġitali u medjatiku, l-inklużjoni u l-kurżità fost iċ-ċittadini tagħhom, speċjalment iż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċessi demokratiċi;

9.  Jinnota li filwaqt li l-għodod tal-ICT joffru aċċess wiesa' għal sorsi differenti ta' informazzjoni, dawn jiffaċilitaw ukoll it-tixrid ta' kontenut ta' kwalità baxxa li jista' jkun diffiċli biex wieħed jiddistingwih minn sorsi affidabbli u serji u li jista' jkun qarrieqi għaċ-ċittadini; jenfasizza għalhekk il-bżonn kruċjali għal taħriġ xieraq fil-litteriżmu medjatiku għaċ-ċittadini, b'mod speċjali għal dawk li għadhom żgħar;

10.  Jitlob biex ikun hemm kawtela peress li d-dibattiti politiċi onlajn spiss jipproduċu opinjonijiet polarizzati b'mod eċċessiv u jistgħu jkunu suxxettibbli għal diskors ta' mibegħda, filwaqt li l-kelliema moderati spiss jiġu traskurati;

11.  Jirrikonoxxi li d-demokrazija elettronika jista' jkollha biss impatt pożittiv meta ċ-ċittadini jkunu infurmati sew, ikollhom il-ħiliet biex ikunu kritiċi lejn informazzjoni żbaljata u preġudikata u jkunu kapaċi jidentifikaw tentattivi ta' propoganda;

12.  Jirrikonoxxi li r-riskji u l-miri msemmija hawn fuq joħolqu sfidi enormi għall-għalliema u l-edukaturi, f'kuntesti formali, mhux formali u informali; jistieden, għalhekk, lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-investiment fit-taħriġ u l-iżvilupp tul il-ħajja tagħhom, billi jikkombinaw metodi onlajn u offlajn, jistimulaw it-tagħlim bejn il-pari, jiskambjaw l-aħjar prattiki u l-bini tal-kapaċità, u joħolqu opportunitajiet biex wieħed jitgħallem u jgħallem b'mod innovattiv, inklużiv u mhux diskriminatorju;

13.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom, b'mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, jippromwovu tagħlim tul il-ħajja bbażati fuq l-ICT dwar il-litteriżmu diġitali u l-inklużjoni u l-involviment u l-parteċipazzjoni ċiviċi, billi jiġu żviluppati azzjonijiet u politiki, inkluża r-riċerka, li jagħmluhom faċilment aċċessibbli miċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, speċjalment il-bniet u n-nisa, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u kategoriji oħra soċjalment żvantaġġati u minoritajiet; jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jitfasslu u jintużaw fl-interess taċ-ċittadini kollha, u fl-istess waqt jindirizzaw u joħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-bullying fuq l-internet, l-istigmatizzazzjoni u forom oħra ta' vjolenza onlajn, u l-esklużjoni mill-ħajja politika, filwaqt li tiġi evitata d-diviżjoni u d-diskriminazzjoni fis-soċjetà;

14.  Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli kollha kif ukoll fis-setturi tal-ICT; jinnota li n-nisa u l-bniet spiss jiffaċċjaw sterjotipi tas-sessi fir-rigward tat-teknoloġiji diġitali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi mmirati li jippromwovu l-edukazzjoni fl-ICT u l-parteċipazzjoni elettronika għan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari dawk minn sfond vulnerabbli u marġinalizzat, bl-użu ta' tagħlim formali, informali u mhux formali;  15. Jinnota l-importanza fundamentali tal-inklużjoni diġitali għal persuni ta' kull età, u jistieden lill-Kummissjoni biex tisfrutta bis-sħiħ, għal dan l-għan, l-għodod tal-ICT u midja u teknoloġiji ġodda li jimmotivaw id-dinamika onlajn pożittiva li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-bniedem, il-paċi u d-drittijiet tal-bniedem; iqis, ukoll f'dan il-kuntest, li għodod tad-demokrazija elettronika jistgħu jgħinu biex inaqqsu d-defiċit demokratiku u l-immajnar tal-parteċipazzjoni politika fl-Unjoni, u biex jiffaċilitaw l-involviment u l-parteċipazzjoni fl-isfera pubblika; jitlob għat-tfassil ta' inizjattivi indirizzati speċifikament għaż-żgħażagħ, kif ukoll għall-anzjani, peress li t-tnejn huma affettwati mid-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet; jitlob għall-iżvilupp ta' approċċ kritiku għall-użu ta' tali teknoloġiji sabiex ikunu protetti l-bnedmin u b'mod partikolari t-tfal minn kull riskju relatat;

16.  Ifakkar li aktar involviment taċ-ċittadini fil-proċessi marbuta mal-politiki Ewropej għandu l-potenzjal li jġedded l-appoġġ tagħhom fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku" tal-Unjoni; jenfasizza għalhekk il-potenzjal tal-għodod tad-demokrazija elettronika għal dan il-għan, filwaqt li jirrikonoxxi l-limiti inerenti minħabba r-rekwiżiti tagħhom, kemm fuq livell tekniku (livell għoli ta' penetrazzjoni tal-internet, konnessjoni mifruxa tal-Wi-Fi, konnessjoni tal-internet b'veloċità għolja, eċċ) kif ukoll fuq livell prattiku (litteriżmu u ħiliet diġitali u medjatiċi, lingwi disponibbli, eċċ);

17.  Iqis li huwa kruċjali li l-Unjoni u l-Istati Membri jwettqu riflessjoni strateġika biex jiġu żviluppati u mnedija għodod tad-demokrazija elettronika li jkunu kapaċi jipprovdu varjetà usa' ta' sorsi li jxerrdu informazzjoni indipendenti u affidabbli, biex jappoġġaw mudelli ta' tagħlim miftuħa u innovattivi, filwaqt li jqisu d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-interessi speċifiċi ta' gruppi ta' minoranza, biex itejbu l-kwalità tad-dibattitu pubbliku, u biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u biex jistimolaw l-impenn politiku attiv tagħhom permezz ta' mekkaniżmi tad-demokrazija parteċipattiva u diretta li jkunu kapaċi jsaħħu u, fejn rilevanti, jikkomplementaw id-demokrazija rappreżentattiva;

18.  Jinnota li sabiex tiġi żgurata l-aċċessibilità ugwali taċ-ċittadini għall-għodod tad-demokrazija elettronika, it-traduzzjoni multilingwa hija importanti meta tkun se tinxtered l-informazzjoni u tinqara miċ-ċittadini kollha fil-pajjiżi li għandhom aktar minn lingwa uffiċjali waħda jew minn dawk li jkunu ġejjin minn sfondi etniċi differenti;

19.  Iwissi li filwaqt li l-għodod tad-demokrazija elettronika jistgħu jkunu utli għall-involviment taċ-ċittadini fil-proċessi Ewropej, dawn ma jiħdux post l-għodod demokratiċi tradizzjonali, u r-riżultati tagħhom ma għandhomx jitqiesu bħala l-espressjoni rappreżentattiva tal-opinjoni taċ-ċittadini kollha;

20.  Jenfasizza li l-għodod tad-demokrazija elettronika huma essenzjali biex jiġu promossi r-responsabilità, it-trasparenza u l-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika, u jwessgħu d-dibattitu pubbliku għax jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu sehem fi djalogu risponsiv bħala wreaders fil-ħajja politika lokali, nazzjonali u Ewropea; jemmen li, biex tassew jittrawmu l-impenn u l-fiduċja taċ-ċittadini, hija meħtieġa bidla fil-kultura governattiva li tħaddan aktar responsabilità u skrutinju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, it-tfassil ta' politiki u l-proċessi leġiżlattivi aktar trasparenti, aċċessibbli, diġitalizzati, konsultattivi, inklużivi, fdati, affidabbli u ġusti, li joffru opportunitajiet għal skrutinju dirett u sorveljanza attiva tar-rappreżentanti eletti miċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet;

21.  Jenfasizza li skont l-analiżi tal-OECD hemm tliet dimensjonijiet għad-demokrazija elettronika, b'mod partikolari l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva; josserva li għalhekk teħtieġ kultura governattiva, kultura organizzattiva, ħiliet speċifiċi, regoli u proċeduri definiti għall-parteċipazzjoni, u l-involviment effettiv fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

22.  Iqis li d-demokrazija elettronika tista' żżid it-trasparenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fid-demokrazija rappreżentattiva u jista' jkollha impatt pożittiv fuq il-fiduċja taċ-ċittadini fir-rappreżentanti eletti tagħhom;

23.  Jenfasizza li l-isfidi tas-sigurtà, kkawżati mill-għodod tad-demokrazija elettronika, għandhom jiġu indirizzati b'mod raġonevoli u proporzjonat, permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll trasparenti, siguri u distribwiti, li jirreplikaw miżuri preventivi li huma diġà meħtieġa fl-ambjent offlajn, b'referenza partikolari għall-prevenzjoni tal-frodi u l-manipulazzjoni elettorali fil-votazzjoni onlajn, biex jiġu żgurati d-drittijiet għall-privatezza taċ-ċittadini u l-protezzjoni tad-data tagħhom kontra l-abbuż, softwer ta' sorveljanza minn parti terza u ndħil ieħor;

24.  Jinnota li t-trasparenza, is-sigurtà u l-eżistenza tal-mekkaniżmi ta' kontroll demokratiċi tul il-proċedura sħiħa tad-demokrazija elettronika huma vitali sabiex jiġu żgurati d-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u n-nonsorveljanza;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta proġetti pilota speċifiċi, kif previst fl-Aġenda Diġitali, kif ukoll tkompli l-appoġġ tagħha permezz ta' fondi u programmi rilevanti oħra tal-UE, bħall-Ewropa għaċ-Ċittadini, b'enfasi fuq il-mobilità u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, bl-għan li titħeġġeġ u tissaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea attiva u responsabbli, sabiex verament tiġi kkonsolidata d-demokrazija bħala esperjenza politika u soċjali li jeħtieġ li wieħed jitgħallimha, jgħixha, jikkondividiha u jilqagħha;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja inizjattivi li jfittxu l-promozzjoni u t-tisħiħ tal-iskemi taċ-ċittadinanza Ewropea responsabbli u attiva, b'mod partikolari l-Erasmus+, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u Ewropa Kreattiva; jitlob, f'dan ir-rigward, għat-tisħiħ u t-titjib tal-pjattaformi eTwinning, European Schoolnet u Tagħlim Elettroniku, u ta' programmi bħalma huma s-Servizz Volontarju Ewropew li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Jill Evans, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Luigi Morgano, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Ilhan Kyuchyuk, Emma McClarkin, Hannu Takkula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Corbett, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Helmut Scholz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Diane Dodds, Sylvie Goulard, Enrique Guerrero Salom, Jérôme Lavrilleux, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Ramón Luis Valcárcel Siso

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

15

+

ALDE

Sylvie Goulard, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

EFDD

Isabella Adinolfi

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

PPE

Jérôme Lavrilleux, György Schöpflin, Ramón Luis Valcárcel Siso, Rainer Wieland

S&D

Richard Corbett, Enrique Guerrero Salom, Ramón Jáuregui Atondo, Pedro Silva Pereira, Claudia Țapardel

VERTS/ALE

Max Andersson

1

-

NI

Diane James

0

0

 

 

 

Korrezzjonijiet tal-votazzjoni

+

 

-

0