Proċedura : 2016/2215(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0049/2017

Testi mressqa :

A8-0049/2017

Dibattiti :

PV 04/04/2017 - 3
CRE 04/04/2017 - 3

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 1583kWORD 185k
2.3.2017
PE 595.427v01-00 A8-0049/2017

dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

(2016/2215(INI))

Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

Rapporteurs: Jens Gieseke, Gerben-Jan Gerbrandy

KONKLUŻJONIJIET
 IR-RAPPORT TA' INKJESTA SĦIĦA
 KAPITOLU 1 INTRODUZZJONI
 KAPITOLU 2 IL-KUNTEST
 KAPITOLU 3 IT-TESTIJIET FIL-LABORATORJU U L-EMISSJONIJIET FIS-SEWQAN REALI
 KAPITOLU 4 APPARATI TA' MANIPULAZZJONI
 KAPITOLU 5 L-APPROVAZZJONI TAT-TIP U L-KONFORMITÀ WAQT IS-SERVIZZ
 KAPITOLU 6 INFURZAR U PENALI
 KAPITOLU 7 SETGĦAT U LIMITAZZJONIJIET TAL-KUMITAT TA' INKJESTA
 APPENDIĊI A IL-MANDAT TAL-KUMITAT TA' INKJESTA
 APPENDIĊI B: ATTURI
 APPENDIĊI C ATTIVITAJIET
 APPENDIĊI D IL-KRONOLOĠIJA
 APPENDIĊI E: GLOSSARJU
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

KONKLUŻJONIJIET

tal-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku

(2016/2215(INI))

Il-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2016/34 tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (rapport interim)(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 198(11) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

A.  billi, abbażi ta' proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, fis-17 ta' Diċembru 2015 il-Parlament iddeċieda li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku u biex jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tintroduċi testijiet li jirriflettu kundizzjonijiet ta' sewqan fid-dinja reali fi żmien xieraq u li tadotta miżuri li jindirizzaw l-użu ta' mekkaniżmi ta' manipulazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007;

B.  billi kontravenzjoni timplika l-eżistenza ta' aġir illegali, jiġifieri azzjoni jew ommissjoni bi ksur tal-liġi, min-naħa tal-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni;

C.  billi l-amministrazzjoni ħażina tfisser amministrazzjoni fjakka jew falluta li tiġri pereżempju jekk istituzzjoni tonqos li tirrispetta l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba, u billi eżempji ta' amministrazzjoni ħażina jinkludu irregolaritajiet u ommissjonijiet amministrattivi, abbuż tal-poter, nuqqas ta' ġustizzja, funzjonament ħażin jew inkompetenza, diskriminazzjoni, dewmien li jista' jiġi evitat, ir-rifjut ta' informazzjoni, negliġenza, u nuqqasijiet oħra li jirriflettu funzjonament ħażin fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fi kwalunkwe qasam kopert minn din il-liġi;

D.  billi, f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, is-sehem mis-suq fl-Unjoni Ewropea ta' karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil laħaq livell fejn dawn il-vetturi issa jirrappreżentaw aktar minn nofs il-karozzi l-ġodda mibjugħa fi kważi kull Stat Membru; billi dan it-tkabbir sostnut fis-sehem mis-suq tal-vetturi diżil seħħ b'riżultat tal-politika dwar il-klima tal-UE, peress li t-teknoloġija tad-diżil għandha vantaġġ fuq magni petrol fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2; billi, fl-istadju tal-kombustjoni, il-magni diżil, meta mqabbla mal-magni petrol, jipproduċu ferm aktar sustanzi niġġiesa, minbarra s-CO2, li huma ta' ħsara b'mod sinifikanti u dirett għas-saħħa pubblika, bħall-NOx, l-SOx u materja partikolata; billi t-teknoloġiji ta' mitigazzjoni għal dawn is-sustanzi niġġiesa jeżistu u jintużaw fis-suq;

adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

It-testijiet fil-laboratorju u l-emissjonijiet f'sewqan reali

1.  It-teknoloġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet (ECTs) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-limiti ta' emissjonijiet tal-NOx Euro 5 u 6, meta jiġu applikati kif xieraq, diġà ppermettew lill-karozzi li jaħdmu bid-diżil jilħqu l-limitu ta' emissjonijiet tal-NOx Euro 5 ta' 180 mg/km u l-limitu ta' emissjonijiet tal-NOx Euro 6 ta' 80 mg/km sad-data tad-dħul fis-seħħ rispettiv tagħhom, fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali u mhux biss f'testijiet fil-laboratorji. L-evidenza turi li l-limiti ta' emissjonijiet Euro 6 jistgħu jintlaħqu fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali irrispettivament mit-tip ta' fjuwil, jekk tintuża teknoloġija xierqa disponibbli b'mod wiesa'. Dan jimplika li xi manifatturi tal-karozzi għażlu li jużaw teknoloġija li taċċerta konformità mal-limiti ta' emissjonijiet f'testijiet fil-laboratorji biss, mhux għal raġunijiet tekniċi iżda għal raġunijiet ekonomiċi.

2.  Hemm diskrepanzi kbar bejn l-emissjonijiet tal-NOx tal-biċċa l-kbira tal-karozzi diżil Euro 3-6 imkejla matul il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip bit-test tal-laboratorju tan-New European Driving Cycle (NEDC, Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid), li jissodisfa l-limitu legali ta' emissjonijiet, u l-emissjonijiet tagħhom tal-NOx imkejla f'kundizzjonijiet reali tas-sewqan, li jaqbżu l-limitu b'mod sostanzjali. Dawk id-diskrepanzi jaffettwaw il-maġġoranza l-kbira tal-karozzi diżil u mhumiex limitati għall-vetturi Volkswagen mgħammra b'apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti. Dawn id-diskrepanzi jikkontribwixxu, fil-parti l-kbira, għall-ksur minn diversi Stati Membri tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.

3.  L-eżistenza tad-diskrepanzi, u l-impatt negattiv sinifikanti tagħhom fuq l-ilħuq tal-objettivi dwar il-kwalità tal-arja, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni urbani, kienet magħrufa mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri u minn ħafna partijiet interessati oħra minn tal-inqas l-2004-2005, meta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 kien qed jitħejja. Id-diskrepanzi ġew ikkonfermati minn għadd kbir ta' studji miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) mill-2010-2011 u minn riċerkaturi oħra mill-2004.

4.  Għalkemm anqas milli għall-emissjonijiet tal-NOx, hemm ukoll differenzi sinifikanti fil-valuri mkejla ta' emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil bejn testijiet fil-laboratorju u testijiet fit-triq.

5.  Qabel Settembru 2015 id-diskrepanzi kienu ġeneralment attribwiti għall-inadegwatezza tat-test tal-laboratorju NEDC, li mhuwiex rappreżentattiv tal-emissjonijiet fid-dinja reali, u għall-istrateġiji ta' ottimizzazzjoni implimentati mill-manifatturi tal-karozzi biex jgħaddu mit-test fil-laboratorju billi l-ECTs tal-vetturi jiġu kkalibrati sabiex l-effettività tagħhom tiġi żgurata biss fil-kundizzjonijiet limitati tat-test NEDC. Id-diskrepanzi ġeneralment ma kinux attribwiti għall-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti.

6.  Minflok stennew proċedura ta' ttestjar ġdida, aktar realistika u ċċertifikata, il-koleġiżlaturi ddeċidew li jkomplu bl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Euro 5/6 fl-2007, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex iżżomm taħt eżami ċ-ċikli ta' ttestjar u tirrevedihom jekk ikun meħtieġ sabiex jirriflettu b'mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-triq, inkluż mil-leġiżlaturi fl-2007. Dan irriżulta fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ittestjar tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) b'sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) fil-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE mill-2017 'il quddiem, flimkien mal-introduzzjoni tal-kunċett ta' fattur ta' konformità, li, fil-prattika, idgħajjef l-istandards tal-emissjonijiet attwalment fis-seħħ.

7.  Fl-istess ħin, l-iżvilupp ta' proċedura ta' ttestjar fil-laboratorju ġdida u aktar realistika, l-hekk imsejħa "Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata Fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief" (WLTP), li mistennija tissostitwixxi l-NEDC skadut, ħa wisq żmien. It-test se jkun obbligatorju bħala parti mill-proċess tal-approvazzjoni tat-tip tat-tipi ġodda kollha ta' vetturi mill-1 ta' Settembru 2017 'il quddiem u għall-vetturi ġodda kollha sena wara. Id-WLTP ngħażlet mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala l-proċedura ta' ttestjar għall-emissjonijiet tas-CO2, emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa oħra u l-kejl tal-konsum tal-fjuwil għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip.

8.  It-tul eċċessiv tal-proċess li jwassal għall-introduzzjoni tat-testijiet regolatorji RDE ma jistax jiġi spjegat biżżejjed biss bil-kumplessità tal-iżvilupp ta' proċedura ta' ttestjar ġdida, iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp teknoloġiku tal-PEMS, u t-tul tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dawk amministrattivi fil-livell tal-UE. Id-dewmien kien ukoll dovut għall-għażliet tal-prijoritajiet politiċi, l-influwenza tal-gruppi ta' interess u pressjoni kostanti mill-industrija li poġġiet il-fokus tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq l-evitar tal-piżijiet fuq l-industrija wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.

9.  It-test RDE approvat mill-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV) fit-28 ta' Ottubru 2015 introduċa "fattur ta' konformità temporanju" ta' 2.1 bl-effett li jippermetti li l-vetturi jemettu 168 mg/km ta' NOx fit-test RDE, applikabbli għall-vetturi ġodda kollha minn Settembru 2019 (u għal tipi ġodda ta' vetturi minn Settembru 2017), jiġifieri erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-valur ta' limitu ta' 80 mg/km skont ir-regoli tal-Euro 6. "Fattur ta' konformità finali" ta' 1.5 japplika għall-vetturi ġodda kollha mill-2021 (u għal tipi ġodda ta' vetturi mill-2020) bl-effett li jippermetti li l-vetturi jemettu 120 mg/km ta' NOx fit-test RDE.

10.  Huwa dibattibbli, kif ikkonfermat minn diversi esperti, jekk hemmx ħtieġa li jiġi inkluż xi fattur ta' konformità fil-proċedura RDE, peress li dawn jibqgħu f'kontradizzjoni ċara mar-riżultati ta' diversi testijiet indipendenti mwettqa fuq karozzi Euro 6, li wrew li fatturi ta' konformità tal-NOx taħt il-valur ta' 1.5 jew anki ferm anqas minn 1 diġà jistgħu jinkisbu. Barra minn hekk, il-fatturi ta' konformità ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn perspettiva teknika u ma jirriflettux ħtieġa ovvja li tiġi żviluppata teknoloġija ġdida, iżda pjuttost jippermettu l-użu kontinwu ta' teknoloġija anqas effiċjenti, filwaqt li teknoloġija aktar effiċjenti hija preżenti fis-suq iżda għandha livelli ta' penetrazzjoni baxxi għal raġunijiet tas-sitwazzjoni ekonomika attwali.

11.  L-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta' fatturi ta' konformità fil-livelli maqbula jistgħu jitqiesu bħala deroga ġenerali de facto mil-limiti ta' emissjonijiet applikabbli għal ammont konsiderevoli ta' żmien u b'hekk imorru kontra l-għanijiet u l-objettivi tar-Regolament bażiku (KE) Nru 715/2007, minħabba li l-fatturi ta' konformità stabbiliti mhux biss irriflettew l-inċertezza tal-kejl tal-PEMS, iżda ġew adattati ulterjorment ukoll għat-talbiet għal aktar permissività mill-Istati Membri u l-manifatturi tal-karozzi, mingħajr ġustifikazzjoni teknika. Konsegwentement, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament irrakkomanda li t-test RDE jitqies ultra vires li jeċċedi s-setgħa stipulata fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, u għalhekk jikser il-liġi tal-UE.

12.  Minkejja r-raġunijiet imsemmija, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed rieda politika u deċiżività biex taġixxi fuq is-serjetà tal-emissjonijiet għolja tal-NOx u li tagħti prijorità lill-protezzjoni tas-saħħa pubblika li kienet f'riskju.

13.  Huwa ġġustifikat li jiġi propost limitu ta' emissjonijiet tal-NOx aktar baxx għal karozzi diżil peress li hemm standards fid-dinja li huma ferm aktar stretti minn dawk attwalment fis-seħħ fl-UE u minħabba li diġà teżisti t-teknoloġija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-NOx peress li l-manifatturi tal-karozzi tal-UE diġà qed iqiegħdu karozzi diżil fis-suq tal-Istati Uniti li jridu jikkonformaw ma' limiti ta' emissjonijiet tal-NOx ferm aktar baxxi.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

14.  In-nuqqas tal-Istati Membri li jieħdu sehem attiv fil-Grupp ta' Ħidma "Real Driving Emissions – Light Duty Vehicles" (Emissjonijiet f'Sewqan Reali – Vetturi Light-Duty) (RDE-LDV) jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Jista' jiġi konkluż mill-minuti pprovduti li, bl-eċċezzjoni ta' ftit Stati Membri, bħar-Renju Unit, in-Netherlands, il-Ġermanja, Franza, id-Danimarka u Spanja, il-biċċa l-kbira ma pparteċipawx fil-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, minkejja li esprimew kritika għall-proposti tal-Kummissjoni. Minħabba r-rwol ewlieni li għandhom l-Istati Membri fl-infurzar tar-regolament, u minħabba d-diskrepanzi magħrufa fl-emissjonijiet tal-NOx tal-vetturi diżil u l-impatt negattiv sinifikanti tagħhom fuq l-objettivi dwar il-kwalità tal-arja, l-Istati Membri kien imisshom ħadu sehem fl-attivitajiet tal-grupp. Dan kieku kien jgħin ukoll sabiex jinkiseb bilanċ aħjar mal-parteċipanti l-oħra fil-grupp ta' ħidma.

15.  L-analiżi tal-minuti tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV u tat-TCMV turi li xi Stati Membri aġixxew f'diversi okkażjonijiet biex idewmu l-proċess tal-adozzjoni tat-testijiet RDE u jiffavorixxu metodi ta' ttestjar anqas stretti. Barra minn hekk, diversi Stati Membri (l-Italja, Spanja, Franza, ir-Repubblika Slovakka, ir-Rumanija u l-Ungerija), ma ħallewx li tifforma maġġoranza kwalifikata fit-TCMV, li rriżulta fil-posponiment tal-votazzjoni dwar l-ewwel pakkett tal-RDE, u għalhekk fid-dewmien tal-proċess tal-RDE kollu, li għadu mhux ikkompletat sal-lum, iżda kien inizjalment previst li jkun applikabbli għall-finijiet ta' konformità mid-data ta' introduzzjoni tal-limiti ta' emissjonijiet Euro 6 (2014 għall-approvazzjonijiet tat-tip ġodda u 2015 għall-vetturi ġodda kollha). B'riżultat tal-fatt li ċerti Stati Membri ffavorixxew valur ogħla għall-fattur ta' konformità, il-mudelli ta' karozzi ġodda mhux se jkollhom jirrispettaw sal-2020 l-istandards ta' emissjonijiet Euro 6 NTE, diġà maqbula mill-koleġiżlaturi fl-2007. Dan huwa sitt snin aktar tard minn meta oriġinarjament ippjanat u tliet snin aktar tard fir-rigward tat-twaqqit propost fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni CARS 2020 tat-8 ta' Novembru 2012 (COM(2012)0636).

16.  L-analiżi tal-minuti tal-laqgħat tat-TCMV turi li ħafna Stati Membri (l-Italja, Spanja, Franza, ir-Repubblika Slovakka, ir-Rumanija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Awstrija), opponew bil-qawwa l-proposta aktar ambizzjuża tal-Kummissjoni għal fatturi ta' konformità għal-limiti tal-NOx u minflok ftiehmu dwar valuri ta' fattur ta' konformità ogħla li jikkorrispondu għal objettivi ambjentali aktar dgħajfa. Xi Stati Membri ppreżentaw pożizzjoni differenti lill-pubbliku minn dik li ppreżentaw lill-parteċipanti tat-TCMV.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

17.  Il-Kummissjoni naqset milli tuża l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha, fil-livell tat-TCMV u l-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, sabiex tavvanza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tiżgura adattament fil-ħin opportun tat-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip biex jirriflettu l-kundizzjonijiet tad-dinja reali, kif stipulat fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

18.  Minkejja li l-kwistjoni tal-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi mhux biss hija kwistjoni politika u ferm sensittiva, iżda hija wkoll suġġett ta' tħassib kbir ħafna għaċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni m'għamlet l-ebda tentattiv biex tavvanza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet billi tagħmel użu mill-possibbiltà prevista fil-Proċedura Regolatorja bi Skrutinju biex tressaq il-proposta fil-livell tal-Kunsill sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni politika u teżerċita pressjoni addizzjonali fuq l-Istati Membri li joħolqu ostakoli. In-nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi fil-mument xieraq dwar ir-responsabbiltà tagħha li żżomm taħt eżami l-proċedura ta' ttestjar u li tirrevediha biex tirrifletti l-kundizzjonijiet tad-dinja reali jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

19.  Bħala l-entità responsabbli għall-proċess u l-aġenda tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, il-Kummissjoni kien imissha ddiriġiet lill-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV lejn għażla aktar bikrija tal-alternattiva tal-ittestjar tal-PEMS, billi dik l-alternattiva kienet ġiet issuġġerita fil-Premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, kienet ġiet appoġġata b'mod wiesa' fil-Grupp RDE-LDV, u l-JRC kien diġà kkonkluda f'Novembru 2010 li l-metodi ta' ttestjar tal-PEMS kienu robusti biżżejjed. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

20.  Koordinazzjoni aħjar bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni involuti, inkluż il-JRC, setgħet tkun strumentali biex taċċelera l-proċess ta' adattament tat-testijiet. Kooperazzjoni aħjar bejn id-Direttorati Ġenerali fl-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha setgħet tat riżultati aħjar dwar il-kwalità tal-arja u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-UE. Il-fatt li ma ġiex indirizzat in-nuqqas ta' rispett serju tal-istandards tas-suq intern tal-UE u tal-istrumenti ta' politika tas-sors tat-tniġġis tal-arja jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

21.  Aktar minn nofs il-parteċipanti fil-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV kienu esperti mill-manifatturi tal-karozzi u industriji tal-karozzi oħrajn. Dan jista', inter alia, jiġi attribwit għan-nuqqas ta' għarfien tekniku espert suffiċjenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni kkonsultat ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati u żgurat aċċess miftuħ għall-Grupp RDE-LDV, kien imissha ħadet passi ulterjuri biex "sa fejn ikun possibbli, tiżgura rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li tqis il-kompiti speċifiċi tal-grupp ta' esperti u t-tip ta' għarfien espert meħtieġ", kif meħtieġ skont ir-regoli orizzontali għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010.

22.  Il-Kummissjoni kien imissha aġixxiet biex timmitiga r-rwol ċentrali li kellhom ir-rappreżentanti tal-industrija rrappreżentata żżejjed fil-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, li dewmu b'mod kostanti l-ħidma tiegħu billi fetħu mill-ġdid suġġetti li kienu meqjusa ċċarati jew saħansitra deċiżi.

23.  Il-Kummissjoni kien imissha ħadet b'mod konsistenti l-minuti sinifikanti u kompluti tal-laqgħat tal-Gruppi ta' Ħidma RDE-LDV. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Barra minn hekk, huwa ta' dispjaċir li ma ttieħdu l-ebda minuti tal-laqgħat tal-Grupp tal-Emissjonijiet minn Vetturi bil-Mutur.

L-apparati ta' manipulazzjoni

24.  L-apparati ta' manipulazzjoni, kif definiti fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, ġeneralment ma kinux ikkunsidrati fost ir-raġunijiet possibbli għad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet ta' NOx fil-laboratorju u fit-triq. Ma kienx ġeneralment issuspettat li setgħu kienu fil-fatt qed jintużaw f'karozzi tal-passiġġieri prodotti fl-UE minkejja l-fatt li tali apparat kien jinstab fl-Istati Uniti f'vetturi light-duty fl-1995 u f'vetturi heavy-duty fl-1998 u minkejja l-fatt li r-rapport tal-2013 tal-JRC bit-titolu "A complementary emissions test for light-duty vehicles" iddiskuta l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni.

25.  Il-kamp ta' applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-projbizzjoni fuq l-apparati ta' manipulazzjoni qatt ma ġew ikkontestati minn ħadd. L-ebda Stat Membru jew manifattur tal-karozzi qatt ma poġġa indiskussjoni jew talab kjarifika dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-apparati ta' manipulazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni, sakemm faqqa' l-każ tal-Volkswagen.

26.  Xi strateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet applikati mill-manifatturi tal-karozzi jindikaw l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti. Pereżempju, xi manifatturi jnaqqsu l-effettività tal-ECTs barra minn "twieqi termali" speċifiċi qrib il-medda tat-temperaturi preskritta mit-test NEDC, filwaqt li jsostnu li tali tnaqqis huwa neċessarju biex il-magna tiġi protetta mill-ħsara f'konformità mad-derogi għall-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007. Dawk it-twieqi termali rarament huma ġustifikabbli skont il-limitazzjonijiet tekniċi tal-ECTs. Oħrajn jimmodulaw l-ECTs biex inaqqsulhom l-effiċjenza wara li jgħaddi ċertu ħin – li huwa qrib it-tul tat-test – mindu tkun ġiet startjata l-magna. Barra minn hekk, f'ħafna każijiet, l-emissjonijiet imkejla fuq ċiklu ta' ttestjar wara ċertu perjodu wara li tkun ġiet startjata l-magna huma ogħla mingħajr ġustifikazzjoni, minħabba l-funzjonalità teknika tal-ECTs, milli fuq l-istess ċiklu bil-kejl meħud immedjatament wara li tkun ġiet startjata l-magna.

27.  Wara l-iskandlu tal-Volkswagen, ċerti manifatturi tal-karozzi aġġustaw it-twieqi termali tagħhom biex jippermettu li t-teknoloġiji eżistenti tagħhom ta' kontroll tal-emissjonijiet joperaw fi ħdan firxa ta' temperaturi ferm usa'.

28.  L-istrateġiji ta' ottimizzazzjoni li jnaqqsu l-effettività tal-ECTs jistgħu jiġu attribwiti lill-għażliet kummerċjali magħmula mill-manifattur tal-karozzi biex jilħaq objettivi differenti, bħat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil, iż-żieda fil-konvenjenza tal-utent, it-tnaqqis tal-ispejjeż bl-użu ta' parts orħos jew l-indirizzar tal-limiti tad-disinn. Dawn l-objettivi mhumiex koperti mill-eżenzjonijiet fuq il-projbizzjoni fuq l-użu ta' apparati ta' manipulazzjoni.

29.  L-ebda awtorità tal-UE jew ta' Stat Membru ma fittxet għal apparati ta' manipulazzjoni jew tat prova tal-użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni qabel Settembru 2015. L-ebda awtorità jew servizz tekniku ta' Stat Membru ma wettqu xi testijiet oħra minbarra l-NEDC fl-ambitu tal-approvazzjoni tat-tip, li fiha nfisha ma tistax tindika l-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni. Filwaqt li test alternattiv mhux neċessarjament jidentifika apparati ta' manipulazzjoni, l-użu ta' testijiet oħra minbarra l-NEDC seta' indika aġir ta' emissjonijiet suspettuż u ssuġġerixxa l-ħtieġa għal investigazzjoni ulterjuri. Fis-26 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż dwar Gwida dwar l-evalwazzjoni tal-Istrateġiji Awżiljarji għall-Kontroll tal-Emissjonijiet u l-preżenza ta' Tagħmir ta' Riduzzjoni. Huwa jissuġġerixxi protokoll ta' ttestjar għall-apparati ta' manutenzjoni li jgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' apparati ta' manutenzjoni potenzjali billi l-vetturi jiġu ttestjati skont varjazzjonijiet mhux prevedibbli tal-kundizzjonijiet ta' ttestjar standard.

30.  Il-maġġoranza l-kbira tal-manifatturi tal-karozzi preżenti fis-suq tal-UE ddikjaraw li jużaw id-derogi għall-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni previsti skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007. L-investigazzjonijiet u l-kawżi fil-qrati li għaddejjin fil-livell nazzjonali se jiddeċiedu jekk l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati mill-manifatturi tal-karozzi jikkostitwixxux użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni jew applikazzjoni legali tad-derogi. Il-gwida tal-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll metodoloġija għall-evalwazzjoni teknika ta' strateġiji ta' emissjonijiet awżiljarji mill-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip.

31.  Għall-kuntrarju tal-vetturi heavy-duty, il-manifatturi tal-karozzi ma kinux obbligati jiżvelaw jew jiġġustifikaw l-istrateġiji dwar l-emissjonijiet tagħhom. Dan l-obbligu jiffaċilita l-kontroll għall-apparati ta' manipulazzjoni. Anki bit-testijiet RDE, fil-ġejjieni ma jistax jiġi kompletament eskluż li jintużaw strateġiji ta' manipulazzjoni.

32.  L-esperti nnotaw il-fehma ta' kunsens li l-kontroll preventiv u d-detezzjoni possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni tas-sistema ta' emissjonijiet frodulenti permezz ta' aċċess mhux ristrett għas-softwer proprjetarju tal-vettura mhuwiex metodu vijabbli, minħabba l-kumplessità estrema ta' tali softwer.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

33.  M'hemm l-ebda applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE fir-rigward ta' eżenzjonijiet għal apparati ta' manipulazzjoni fit-28 Stat Membru, b'hekk tinħoloq inċertezza fl-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi u jiġi mxekkel is-suq uniku.

34.  L-Istati Membri kisru l-obbligu ġuridiku tagħhom li jimmonitorjaw u jinfurzaw il-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007. L-ebda wieħed minnhom ma sab l-apparati ta' manipulazzjoni installati fil-vetturi Volkswagen, b'mod partikolari dawk l-Istati Membri li l-awtoritajiet tagħhom approvaw dawk il-vetturi. Barra minn hekk, skont l-investigazzjonijiet tagħna, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u tal-anqas il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Lussemburgu, kellhom il-provi li strateġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet ma kinux iffukati fuq l-użu ta' karozza fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali iżda kienu jwieġbu għal kundizzjonijiet simili għaċ-ċiklu ta' ttestjar NEDC (it-temperatura, it-tul ta' żmien, il-veloċità), sabiex vettura tgħaddi miċ-ċiklu ta' ttestjar tal-approvazzjoni tat-tip.

35.  L-Istati Membri ma jidhrux li japplikaw approċċi komparabbli biex tiġi vvalutata u evalwata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar l-apparati ta' manipulazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

36.  Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma ħadux passi biex jifhmu aħjar id-diskrepanzi kbar bejn il-livelli ta' emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u dawk fit-triq billi jwettqu testijiet ulterjuri barra l-kundizzjonijiet tal-NEDC. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

37.  Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu ġuridiku li tfittex hija stess għal apparati ta' manipulazzjoni, iżda kellha l-obbligu ġuridiku li tissorvelja lill-Istati Membri fl-infurzar tagħhom tal-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni. Madankollu, minkejja l-għarfien ta', u l-komunikazzjoni bejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni dwar, prattiki illegali possibbli mill-manifatturi li jiksru r-Regolament (KE) Nru 715/2007, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda riċerka jew investigazzjoni teknika jew legali ulterjuri, jew hija nnifisha jew b'mandat lill-JRC, u lanqas ma talbet informazzjoni jew azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri biex tivverifika jekk il-liġi setgħetx ġiet miksura. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina u nuqqas li tittieħed azzjoni.

38.  Il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet għall-vetturi heavy-duty kienet dejjem aktar stretta fuq l-apparati ta' manipulazzjoni minn dik għall-vetturi light-duty. Għadu mhux ċar għaliex il-Kummissjoni ma ttrasponietx dawn id-dispożizzjonijiet aktar stretti mil-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi heavy-duty għal-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi light-duty.

39.  Barra minn hekk, is-sejbiet ta' riċerka mill-korp xjentifiku tal-Kummissjoni stess, il-JRC, kienu qegħdin jindikaw l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni u ġew kwalifikati minn uffiċjali tal-Kummissjoni bħala "każ ċar ta' cycle beating ovvju". Id-data dwar il-vettura diżil Euro 5a kkonċernata kienet parti wkoll minn rapport tal-JRC dwar l-ekoinnovazzjoni, ippubblikat fl-2013, u fil-prinċipju disponibbli għall-uffiċjali kollha tal-Kummissjoni.

40.  Minkejja l-indikazzjonijiet ċari tal-użu illegali possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni, il-Kummissjoni qatt ma għamlet użu mid-dispożizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 692/2008, li tintitolaha titlob lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tat-teknoloġija tal-emissjonijiet f'temperaturi baxxi.

41.  Il-Kummissjoni kien imissiha tat segwitu għall-korrispondenza bejn il-JRC u d-DĠ ENTR, id-DĠ ENV u d-DĠ CLIMA, fejn jiddiskutu aġir "stramb" possibbli tal-emissjonijiet fl-2008 u fl-2010. Il-ġustifikazzjoni għaliex ma ttieħdet l-ebda azzjoni, minħabba nuqqas ta' indikazzjoni jew evidenza ċara oħra tal-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni mill-manifatturi tal-karozzi, hija żbaljata, peress li l-indikazzjonijiet kienu ngħataw fil-korrispondenza, u għalhekk tikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina, peress li l-evidenza ma tistax tinstab sakemm ma tiġix imfittxija.

42.  Il-Kummissjoni kien imissha żgurat li r-riżultati u t-tħassib tar-riċerka tal-JRC diskussi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta' prattiki illegali mill-manifatturi laħqu l-livelli ogħla tal-ġerarkija – li allegatament ma sarx – sabiex setgħet tittieħed azzjoni xierqa. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

L-approvazzjoni tat-tip u l-konformità waqt is-servizz

43.  L-approvazzjoni tat-tip fl-UE hija proċess kumpless, b'ħafna alternattivi disponibbli għall-manifatturi tal-karozzi biex jagħtu l-informazzjoni lil waħda mit-28 awtorità tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali sabiex jiksbu ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip ta' vetturi li jkun rikonoxxut fl-Unjoni kollha.

44.  L-ebda sorveljanza tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE mhija prevista fil-qafas attwali, u r-regoli huma suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet madwar l-Istati Membri, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' sistema effettiva għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi.

45.  Il-livell ta' kompetenza teknika u tar-riżorsi umani u finanzjarji jista' jvarja b'mod sostanzjali bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi, u n-nuqqas ta' interpretazzjoni armonizzata tar-regoli jista' jwassal għal kompetizzjoni bejniethom. Il-manifatturi tal-karozzi huma, fil-prinċipju, ħielsa li jindirizzaw l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi bl-aktar interpretazzjoni flessibbli u l-anqas stretta tar-regoli, kif ukoll dawk bit-tariffi l-aktar baxxi.

46.  Id-Direttiva 2007/46/KE tistipula li l-Kummissjoni trid tiġi nnotifikata mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip meta tiddeċiedi li tirrifjuta applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip. Madankollu, mhuwiex ċar liema azzjonijiet għandha tieħu l-Kummissjoni wara tali notifika u kif dawn l-azzjonijiet ta' segwitu għandhom ikunu kkoordinati mal-Istati Membri. M'hemm l-ebda sistema ċara u effettiva fis-seħħ biex tipprevjeni manifattur tal-karozzi milli japplika għal approvazzjoni tat-tip fi Stat Membru wara li applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tkun ġiet irrifjutata minn Stat Membru ieħor, jew li tipprevjeni li jitwettaq test f'servizz tekniku ieħor wara li mudell ma jkunx għadda mill-ewwel servizz tekniku. Sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni possibbli fil-forma ta' "dumping tekniku", il-manifatturi jistgħu jiġu mġiegħla jipprovdu lill-Kummissjoni raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla tagħhom tas-servizz tekniku.

47.  Hemm nuqqas evidenti ta' kontroll wara l-approvazzjoni tat-tip, li huwa parzjalment dovut għar-regoli attwali u parzjalment minħabba l-inċertezza dwar liema awtorità hija responsabbli għas-sorveljanza tas-suq. Il-konformità effettiva tal-produzzjoni, il-kontrolli tal-konformità waqt is-servizz u fl-aħħar taċ-ċiklu tal-ħajja biex jinkixfu każijiet fejn il-vetturi fil-produzzjoni u l-vetturi użati ma jkunux jikkonformaw mal-vettura approvata tat-tip sikwit ma jkunux fis-seħħ jew jiġu vverifikati biss permezz ta' dokumenti minflok ma jitwettqu testijiet fiżiċi fil-preżenza tal-awtoritajiet.

48.  L-ittestjar waqt is-servizz għall-emissjonijiet fil-parti l-kbira tiegħu jitwettaq fil-laboratorji tal-manifatturi tal-karozzi u bħalissa huwa limitat għat-testijiet tal-laboratorju NEDC meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

49.  L-Istati Membri kien imisshom żguraw li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tagħhom ikollhom biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji sabiex iwettqu t-testijiet internament. Ma misshomx ibbażaw ruħhom fuq it-testijiet li jsiru fil-laboratorji ċċertifikati tal-manifatturi tal-karozzi taħt is-superviżjoni tas-servizzi tekniċi. Il-kunflitti ta' interess potenzjali li jirriżultaw mill-ikkuntrattar ta' servizzi tekniċi mill-manifatturi tal-vetturi biex iwettqu t-testijiet huma konsegwenza diretta tas-sistema attwali stabbilita fid-direttiva qafas dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala każ ta' amministrazzjoni ħażina. Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq u l-approvazzjoni tat-tip tindirizza dan in-nuqqas billi tipproponi struttura ta' ħlasijiet għall-finanzjament ta' testijiet tal-approvazzjoni tat-tip.

50.  Madankollu, fejn is-servizzi tekniċi joffru wkoll servizzi ta' konsulenza lill-manifatturi tal-karozzi biex jiksbu approvazzjoni tat-tip, kif huwa l-każ f'ċerti Stati Membri, jinħoloq kunflitt ta' interess potenzjali minħabba l-eżistenza ta' rabta finanzjarja addizzjonali bejn is-servizzi tekniċi u l-manifatturi tal-karozzi relatata mal-forniment ta' parir dwar kif għandhom jiksbu b'suċċess l-approvazzjoni tat-tip. L-Istati Membri kien imisshom investigaw tali kunflitti ta' interess potenzjali. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

51.  L-Istati Membri kien imisshom żguraw li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip jawditjaw b'mod adegwat lis-servizzi tekniċi. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. L-għażla tas-servizz tekniku hija primarjament l-għażla tal-manifattur tal-vettura, u r-rwol tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip huwa sikwit biss biex tkun ivvalidata l-proċedura fl-aħħar. Il-possibbiltà disponibbli għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip biex jawditjaw is-servizzi tekniċi u biex jisfidaw l-għażla tas-servizz tekniku tintuża rarament.

52.  In-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jorganizzaw sistema effiċjenti u affidabbli ta' sorveljanza tas-suq jikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari minn dawk l-Istati Membri li l-awtoritajiet tagħhom taw l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi. Il-verifika tal-konformità tal-produzzjoni u tal-konformità waqt is-servizz tal-vetturi light-duty sikwit tkun ibbażata biss fuq testijiet fil-laboratorju mwettqa fl-istabbilimenti tal-manifatturi tal-karozzi, anki jekk il-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevjenix l-użu ta' testijiet differenti jew addizzjonali.

53.  L-Istati Membri kien imisshom għarrfu lill-Kummissjoni, u żammuha aġġornata, dwar l-isem u l-poteri tal-korpi tagħhom responsabbli għas-sorveljanza tas-suq. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Hemm inċertezza mhux ġustifikabbli dwar liema korpi fl-Istati Membri huma responsabbli għas-sorveljanza tas-suq.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

54.  Il-Kummissjoni kien imissha ħadet rwol aktar prominenti ta' koordinazzjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip, billi l-proċess tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE huwa ferm kumpless u jiddependi ħafna fuq l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri.

55.  Anki fid-dawl tad-deliberazzjonijiet interni tagħha u tat-talbiet esterni, il-Kummissjoni kien imissha talbet informazzjoni mill-Istati Membri dwar kif huma trattaw dawk il-vetturi fil-flotta eżistenti li ma jikkonformawx mal-limiti legali tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali.

Infurzar u penali

56.  L-istruttura ta' governanza fis-seħħ fis-settur awtomobilistiku, fejn l-UE għandha biss setgħa regolatorja, u r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-kejl tal-emissjonijiet tal-karozzi hija primarjament f'idejn l-Istati Membri, tipprekludi l-infurzar effiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Is-setgħat ta' infurzar tal-Kummissjoni huma limitati għal li tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri meta Stat Membru jkun naqas milli japplika l-liġi tal-UE b'mod korrett.

57.  Wieħed min-nuqqasijiet strutturali tal-qafas attwali tal-approvazzjoni tat-tip fl-Ewropa huwa li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li tkun tat approvazzjoni tat-tip lil vettura partikolari biss tista' tirtira effettivament iċ-ċertifikat ta' konformità li kien ingħata lill-vettura kkonċernata.

58.  M'hemm l-ebda prassi unifikata fl-UE għal aċċess trasparenti mill-konsumaturi għal informazzjoni dwar sejħiet lura, u lanqas m'hemm qafas ġuridiku unifikat tal-UE biex jikkumpensa lill-konsumaturi f'każ ta' sejħiet lura li jkollhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tal-vetturi.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

59.  Ċerti Stati Membri li wettqu investigazzjonijiet nazzjonali ġeneralment sabuha bi tqila li jaqsmu r-riżultati tal-investigazzjonijiet u d-data tat-testijiet tekniċi tagħhom mal-Kummissjoni u ma' dan il-kumitat ta' inkjesta jew ippubblikaw partijiet biss mis-sejbiet tagħhom.

60.  L-Istati Membri bdew jinfurzaw il-liġi tal-UE dwar l-emissjonijiet minn vetturi light-duty kif meħtieġ, biss wara li faqqa' l-każ tal-emissjonijiet tal-Volkswagen f'Settembru 2015, billi wettqu testijiet addizzjonali fil-laboratorju u fit-triq, u billi nedew diversi investigazzjonijiet nazzjonali dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa mill-karozzi tal-passiġġieri. B'segwitu għal dawn l-isforzi, il-proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin se jikkonfermaw jew le l-possibbiltà ta' użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni.

61.  L-Istati Membri ma applikaw la penali finanzjarji u lanqas penali legali fuq il-manifatturi tal-karozzi b'segwitu għall-każ tal-emissjonijiet. Ma ttieħdu l-ebda inizjattivi obbligatorji biex jissejħu lura l-vetturi mhux konformi jew biex jiġu retrokonvertiti, u ma ġiet irtirata l-ebda approvazzjoni tat-tip. Fejn kien hemm sejħiet lura tal-vetturi jew il-vetturi ġew retrokonvertiti, dan sar b'inizjattiva volontarja mill-manifatturi tal-karozzi, wara pressjoni pubblika u politika.

62.  Fuq il-bażi tar-riżultati pubbliċi mill-investigazzjonijiet nazzjonali, minbarra l-apparat ta' manipulazzjoni skopert mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fil-magni Volkswagen, maġġoranza ta' vetturi diżil jidhru li jużaw strateġiji ta' manipulazzjoni. Nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jeżiġu li l-manifatturi jneħħu kwalunkwe modulazzjoni temporali ta' apparati ta' kontroll tal-emissjonijiet, modulazzjoni termali lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tal-magna, u strateġiji oħra li jirriżultaw, inter alia, f'żieda fl-emissjonijiet bi startjar sħun f'kundizzjonijiet tal-laboratorju jikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-UE.

63.  L-Istati Membri ma mmonitorjawx u ma infurzawx kif xieraq l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, partikolarment bi ksur tal-Artikolu 5(1) dwar l-obbligu għall-manifatturi li jiddiżinjaw, jibnu u jassemblaw karozzi sabiex jippermettulhom li jikkonformaw mar-regolament fis-seħħ meta jkunu qed jinstaqu fit-toroq Ewropej u mhux biss f'kundizzjonijiet tal-laboratorju. Madankollu, rapporteur preċedenti rigward leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għamilha ċara ħafna li l-Parlament qatt ma kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi "l-użu normali" għall-kundizzjonijiet stretti li fihom jiġu ttestjati l-karozzi fil-laboratorju għall-approvazzjoni tat-tip. Huwa indika li l-kundizzjonijiet tas-sewqan kif jinsabu normalment f'sewqan fit-toroq Ewropej (inklużi differenzi fit-temperatura, l-altitudni, it-tagħbija tal-magna, il-veloċità tal-vettura, eċċ.) kienu maħsuba li jitqiesu bħala "użu normali".

64.  Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma adottawx sistema ta' penali effettiva, proporzjonata u dissważiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu illegali ta' appart ta' manipulazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

65.  Bosta Stati Membri ma nnotifikawx lill-Kummissjoni fil-ħin (sat-2 ta' Jannar 2009 u sad-29 ta' April 2009) dwar ir-reġim ta' penali fis-seħħ biex jinfurzaw il-projbizzjoni fuq l-apparati ta' manipulazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, u dwar is-sistema ta' penali skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva qafas 2007/46/KE.

66.  Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-Istati Membri kisru l-obbligi tagħhom li jimplimentaw il-liġi tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-karozzi fl-ambitu tas-sistema attwali.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

67.  B'segwitu ta' interpretazzjoni stretta tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa unikament id-dmir tal-Istati Membri, u mhux parti mir-responsabbiltà tagħha bħala l-gwardjana tat-Trattati, li jinvestigaw il-possibbiltà tal-użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni. Minkejja t-twissija maħruġa mill-JRC fir-rapport tal-2013 li tikkonċerna l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx riċerka teknika ulterjuri, ma talbitx informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istati Membri u ma talbitx lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali responsabbli jwettqu investigazzjonijiet u azzjonijiet korrettivi ulterjuri.

68.  Il-Kummissjoni ma ħaditx l-inizjattiva li tagħmel pressjoni għal programm ta' sejħa lura kkoordinat u obbligatorju fil-livell tal-UE għall-karozzi tal-grupp Volkswagen attrezzati b'softwer ta' manipulazzjoni illegali.

69.  Il-Kummissjoni stenniet diversi snin sakemm nediet proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma ħadux miżuri ta' sorveljanza effikaċi tas-suq fuq l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa mill-vetturi u ma implimentawx sistemi nazzjonali ta' penali għall-ksur tal-liġi tal-UE kif rikjest mil-leġiżlazzjoni eżistenti.

70.  Il-Kummissjoni ma ssorveljatx biżżejjed l-iskadenzi sa meta l-Istati Membri kellhom jirrappurtaw dwar il-penali li daħħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

71.  Bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni ta' ksur jekk l-Istati Membri ma jaġixxux wara s-sejbiet tal-investigazzjonijiet reċenti u tirrikjedi li l-manifatturi jneħħu kwalunkwe modulazzjoni temporali tal-apparati ta' kontroll tal-emissjonijiet, modulazzjoni termali mhux meħtieġa, u strateġiji ta' manipulazzjoni oħra li jirriżultaw, inter alia, f'emissjonijiet ogħla bi startjar sħun f'kundizzjonijiet tal-laboratorju.

Setgħat u limitazzjonijiet tal-kumitat ta' inkjesta

72.  Il-qafas ġuridiku attwali għall-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta huwa skadut u jonqos milli jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa li bihom jista' jitwettaq b'mod effettiv l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament.

73.  Minkejja n-nuqqas ta' setgħat li jsejjaħ ix-xhieda, il-kumitat eventwalment irnexxielu jisma' ħafna mix-xhieda li huwa qies neċessarju li jsejjaħ sabiex jissodisfa b'mod xieraq il-mandat tiegħu. Madankollu, dan in-nuqqas ta' setgħat xekkel u dewwem ferm il-ħidma tal-inkjesta fid-dawl tan-natura temporanja tal-investigazzjoni tagħha. L-atturi istituzzjonali, b'mod partikolari mill-Istati Membri, ġeneralment sabuha aktar bi tqila jaċċettaw l-istedina milli l-atturi privati.

74.  Fin-nuqqas ta' rekwiżiti ċari u skadenzi speċifiċi sabiex tiġi aċċettata stedina jew li tingħata l-informazzjoni mitluba, it-tħejjija tas-seduti ta' smigħ pubbliċi ħadet ħafna żmien. Apparti l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-għodod ewlenin għad-dispożizzjoni tal-kumitat ta' inkjesta biex jingħelbu dawn il-problemi kienu l-pressjonijiet politiċi u tal-media.

Kooperazzjoni mal-Kummissjoni

75.  Il-parteċipazzjoni ta' xi Kummissarji preċedenti kienet ikkumplikata aktar bin-nuqqas ta' obbligu ċar fil-Kodiċi attwali tal-Kondotta għall-Kummissarji li l-Kummissarji preċedenti jikkooperaw mal-inkjesti li jkunu għaddejjin u b'mod ġenerali jibqgħu responsabbli għall-azzjonijiet imwettqa matul il-mandat tagħhom.

76.  Id-dewmien fl-għoti tad-dokumentazzjoni mitluba kkostitwixxa ostaklu kbir fil-ħidma tal-kumitat. Il-kwalità li tvarja tad-dokumenti fissret li xi wħud minnhom kienu diffiċli ħafna biex jinqraw u, għalhekk, biex jintużaw. It-tul tal-proċedura interna tal-Kummissjoni, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kulleġġ biex tirreaġixxi għal talbiet mingħand il-kumitat, flimkien ma' lakuni fis-sistema ta' arkivjar tagħha, dewmu l-ġbir tal-evidenza matul iż-żmien disponibbli. Barra minn hekk, it-trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba ma ġietx strutturata b'mod li jkun faċli li jintuża, u minħabba f'hekk kien aktar diffiċli li tinġabar l-informazzjoni.

77.  Il-Kummissjoni xekklet u dewmet deliberatament l-għoti ta' dokumenti u informazzjoni lill-Kumitat biex timpedixxi l-użu ta' tali informazzjoni għal smigħ ta' Kummissarji preċedenti u uffiċjali. Dan jikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet.

78.  Il-proċedura użata biex jingħata aċċess għall-minuti tal-kumitat regolatorju (abbażi ta' kunsens espliċitu mit-28 Stat Membru) kienet ta' piż żejjed bla bżonn, twila u bbażata fuq interpretazzjoni dejqa ħafna tal-liġi. Din m'għandhiex tintuża aktar fil-ġejjieni.

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

79.  Il-kooperazzjoni mal-parti l-kbira tal-ministeri nazzjonali kienet insodisfaċenti ferm, partikolarment fir-rigward tad-diffikultajiet biex tinkiseb konferma li r-rappreżentanti tagħhom kienu se jidhru quddiem il-kumitat. Dan inkiseb biss wara ħafna xhur ta' pressjoni politika u mill-media.

80.  Barra minn hekk, l-Istati Membri ma ħassew l-ebda obbligu li jikkooperaw mal-kumitat fit-trażmissjoni ta' provi speċifiċi, b'mod partikolari rigward it-talba tal-kumitat biex jintbagħtu s-settijiet tad-data sħaħ mill-investigazzjonijiet nazzjonali u l-programmi ta' ttestjar imwettqa b'segwitu tal-każ tal-Volkswagen.

81.  L-obbligu skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 95/167/KE li l-Istati Membri jiġu kkuntattjati permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti ħoloq saff addizzjonali bla bżonn u f'xi każijiet ikkumplika u naqqas il-pass tal-proċedura ta' komunikazzjoni.

Kooperazzjoni ma' partijiet oħra

82.  Il-ġbir ta' evidenza bil-miktub mingħand partijiet mhux istituzzjonali permezz ta' kwestjonarji kien ġeneralment sodisfaċenti. Il-prattika li jintbagħtu mistoqsijiet bil-miktub qabel is-seduti ta' smigħ, u li jintbagħtu mistoqsijiet ta' segwitu sussegwenti, kienet essenzjali biex tiġi mmassimizzata l-informazzjoni miksuba matul is-seduti ta' smigħ u biex jiġu ċċarati kwistjonijiet li ma setgħux jingħataw tweġiba matul is-seduta minħabba limiti ta' żmien jew nuqqas ta' informazzjoni.

Regoli u proċeduri interni

83.  Ir-rekwiżit li jiġi prodott rapport interim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma tal-kumitat, skont il-mandat tiegħu, kien superfluwu, peress li dan il-perjodu ta' żmien ma kienx biżżejjed biex tinġabar evidenza li tista' tirrappreżenta bażi soda għal konklużjonijiet.

84.  Minħabba n-natura temporanja tal-kumitati ta' inkjesta, il-ġbir tal-evidenza b'mod effiċjenti u fil-mument opportun huwa essenzjali. L-approċċ adottat mill-kumitat li jiddedika l-ewwel xhur tal-mandat tiegħu biex jisma' l-esperti tekniċi qabel ma mbagħad imur fuq il-livell politiku kien ta' suċċess. Idealment, is-smigħ għandu jibda biss wara tkun intemmet l-ewwel fażi ta' ġbir ta' evidenza.

85.  Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament, li jaħdmu taħt pressjoni konsiderevoli ta' żmien għall-iskrutinju ta' numru enormi ta' dokumenti, huwa essenzjali li jsir rieżami tar-regoli li jirregolaw l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari d-drittijiet ta' aċċess ta' assistenti parlamentari akkreditati (APAs) tal-Membri għal "informazzjoni kunfidenzjali oħra" (OCI).

(1)

ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)

ĠU L 10, 15.1.2016, p. 13.

(3)

ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

(4)

ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(5)

ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0375.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0322.


IR-RAPPORT TA' INKJESTA SĦIĦA

KAPITOLU 1 INTRODUZZJONI

1.1.  Il-kumitat ta' inkjesta u l-mandat tiegħu

Fis-17 ta' Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew iddeċieda li joħloq kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet jew l-allegata amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, bla preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni.

It-tħassib li wassal għall-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta jittraċċaw l-oriġini tagħhom għall-Avviż ta' Ksur tal-Clean Air Act maħruġ fit-18 ta' Settembru 2015 mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA) lill-Grupp Volkswagen. L-avviż allega li l-grupp installa softwer fuq ċerti vetturi diżil li jidentifika meta l-vetturi jkunu qed isirulhom testijiet tal-emissjonijiet, u li s-softwer jattiva l-kontrolli kollha tal-emissjonijiet matul it-test iżda jnaqqas l-effettività tagħhom waqt sewqan normali. Ir-riżultat huwa li l-karozzi li jilħqu l-istandard ta' emissjonijiet fil-laboratorju jarmu ossidi tan-nitroġenu f'livelli sa 40 darba aktar mill-istandard matul it-tħaddim normali. Skont l-EPA, dan is-softwer huwa "apparat ta' manipulazzjoni" u huwa pprojbit mill-Clean Air Act tal-Istati Uniti.

Fl-UE, l-istandards tal-emissjonijiet għall-vetturi ħfief huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6). Il-kuntest ġenerali huwa pprovdut mid-Direttiva Qafas 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni tat-tip li tistipula r-rekwiżiti ta' sikurezza u ambjentali li l-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw magħhom qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 jirrikjedi li "l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma" mal-istandards ta' emissjoni u jipprojbixxi "l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni [apparat ta' manipulazzjoni] li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta' l-emissjonijiet" (ħlief meta l-apparat ikun iġġustifikat min-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-magna jew għas-sigurtà).

Is-sejbiet tal-US EPA xprunaw bosta investigazzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea dwar l-użu possibbli ta' apparat ta' manipulazzjoni pprojbit u b'mod ġenerali dwar id-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet li jniġġsu mkejla fil-laboratorju matul il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip u l-istess emissjonijiet imkejla f'kundizzjonijiet tad-dinja reali.

Mill-2010-2011, diversi studji, inklużi rapporti ppubblikati miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni, urew diskrepanzi kbar fl-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu minn karozzi diżil mibjugħa fis-suq tal-UE.

Fis-27 ta' Ottubru 2015 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, li titlob fost l-oħrajn "li ssir investigazzjoni eżawrjenti dwar ir-rwol u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, fid-dawl, inter alia, tal-problemi stabbiliti fir-rapport tal-2011 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni".

B'segwitu għar-riżoluzzjoni tiegħu, fis-17 ta' Diċembru 2015, il-Parlament waqqaf kumitat ta' inkjesta li jikkonsisti minn 45 membru, bil-kompitu li jwettaq investigazzjoni bħal din. Fil-qosor, il-mandat adottat mill-Parlament – li huwa inkluż b'mod sħiħ fl-Appendiċi A – kien jeħtieġ lill-kumitat ta' inkjesta biex:

  jinvestiga jekk il-Kummissjoni kinitx konformi mal-obbligu stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tar-reviżjoni taċ-ċikli ta' ttestjar użati biex jitkejlu l-emissjonijiet u biex jiġu adattati sabiex jirriflettu l-emissjonijiet tad-dinja reali fil-ħin meta kellha evidenza tad-diskrepanzi eżistenti bejn emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u dawk imkejla fit-triq;

  jinvestiga jekk il-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni ġietx infurzata b'mod xieraq mill-Istati Membri u ssorveljata mill-Kummissjoni, jekk miżuri li jindirizzaw l-użu ta' apparati ta' manipulazzjoni ġewx adottati mill-Kummissjoni, u jekk kienx hemm evidenza tal-użu ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti qabel l-Avviż ta' Ksur tal-US EPA (anke fir-rigward tal-emissjonijiet tal-CO2);

  jinvestiga jekk l-Istati Membri kinux stabbilixxew is-sanzjonijiet meħtieġa għall-ksur tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 mill-manifatturi, u kinux ħadu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom;

  janalizza l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE biex jiżguraw il-konformità tal-vetturi ta' produzzjoni u sistemi għat-tip approvat.

Il-kumitat kien intalab jissottometti lill-Parlament dan ir-rapport finali li jikkontjeni r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-inkjesta tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-bidu tal-ħidma tiegħu.

Il-kumitat ta' inkjesta ngħata ukoll is-setgħa li jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li huwa qies meħtieġ dwar il-kwistjoni li taqa' taħt il-kompetenza tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet qed jiġu ppreżentati għall-konsiderazzjoni tal-Parlament b'mozzjoni separata.

1.2.  Metodi ta' ħidma

Il-kumitat ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku ġie kkostitwit fit-2 ta' Marzu 2016 u ltaqa' 27 darba. Kien ippresedut minn Kathleen Van Brempt (S&D, BE). Il-kumitat ħatar lill-Pablo Zalba Bidegain (PPE, ES), u lill-Gerben-Jan Gerbrandy (ALDE, NL) bħala rapporteurs. Fl-24 ta' Novembru 2016, is-Sur Zalba Bidegain telaq mill-Parlament u ġie sostitwit minn Jens Gieseke (PPE, DE) bħala rapporteur. Il-lista sħiħa tal-membri tal-kumitat u l-funzjonijiet tagħhom huma inklużi fl-Appendiċi B.

Il-pjan ta' ħidma stabbilit mill-kumitat biex tinġabar l-evidenza orali u bil-miktub meħtieġa għat-twettiq tal-mandat ta' sena tiegħu kien jinkludi diversi linji ta' azzjoni, miġbura fil-qosor hawn taħt.

  Programm ta' seduti ta' smigħ ta' esperti u xhieda ġew organizzati bil-għan li tinġabar evidenza orali rilevanti; Il-kumitat sema' 64 xhud f'47 seduta ta' smigħ. Traskrizzjonijiet verbatim tas-seduti kollha huma disponibbli fuq is-sit web. Fil-preparazzjoni ta' kull seduta, il-kumitat talab kull espert jew xhud mistieden biex iwieġbu sett ta' mistoqsijiet bil-miktub minn qabel, u fejn meħtieġ, saru mistoqsijiet ta' segwitu wara s-seduta ta' smigħ.

  Il-Kumitat bagħat kwestjonarji bil-miktub lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, lill-manifatturi tal-karozzi, lill-fornituri tal-karozzi u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

  Il-kumitat talab dokumenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-għan li jiġbor evidenza bil-miktub rilevanti. L-evidenza li rċieva ammontat għal eluf ta' paġni.

  Ġew organizzati żewġ missjonijiet għal ġbir ta' informazzjoni fuq il-post, waħda fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u l-oħra fil-Lussemburgu, Franza u l-Ġermanja.

  Il-kumitat ikkummissjona żewġ studji u diversi sessjonijiet ta' tagħrif.

  Infetħet sejħa pubblika għal evidenza fuq is-sit elettroniku tal-kumitat li permezz tiegħu setgħet tintbagħat informazzjoni għall-attenzjoni tal-kumitat.

  Preżentazzjonijiet addizzjonali u skambji ta' fehmiet mal-atturi rilevanti ġew inklużi wkoll fl-aġenda tal-laqgħat tal-kumitat.

Ittieħdu azzjonijiet oħra b'appoġġ għal dan t'hawn fuq, inkluża talba għal opinjoni formali bil-miktub tas-Servizz Legali tal-Parlament fir-rigward ta' stedina ta' ospiti biex jixhdu fejn jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti legali.

Lista sħiħa u dettaljata tal-attivitajiet kollha tal-kumitat taħt il-pjan ta' ħidma tiegħu hija ppreżentata fl-Appendiċi C, u l-evidenza kollha pubblika miġbura mill-istħarriġ hija disponibbli fuq is-sit web tal-kumitat:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html?tab=Evidence

Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha tal-kumitat, kif ukoll ir-riċerka ta' sostenn u dokumenti rilevanti oħra, huma disponibbli wkoll fuq is-sit web:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html

Fit-13 ta' Lulju 2016, kif mitlub mill-mandat tiegħu fi żmien 6 xhur mill-bidu tal-ħidma tiegħu, il-kumitat adotta r-rapport interim tiegħu. Ir-rapport interim kien adottat mill-Parlament fit-13 ta' Settembru 2016.

Fit-28 ta' Frar 2017 ir-rapport finali preżenti ġie adottat mill-kumitat ta' inkjesta u ppreżentat lill-Parlament. Ir-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-kumitat kienu adottati fl-istess data.

1.3.  L-istruttura tar-rapport

Dan ir-rapport hu organizzat f'kapitli tematiċi, bil-ħsieb ta' preżentazzjoni strutturata tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi sodisfatt il-mandat tal-kumitat ta' inkjesta.

Il-Kapitolu 2 iwitti t-triq billi jipprovdi xi informazzjoni ta' sfond dwar l-inkwinanti li joħorġu fl-atmosfera minn vetturi tat-triq u dwar it-teknoloġiji disponibbli biex inaqqsu dawk l-emissjonijiet.

L-analiżi tal-evidenza miġbura mill-istħarriġ tibda fil-Kapitolu 3, li jiffoka fuq id-diskrepanzi osservati bejn l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu minn karozzi diżil imkejla fil-laboratorju u dawk imkejla meta wżati fir-realtà, u dwar id-dettalji u l-kalendarju tal-proċess tal-adattament tat-testijiet użati biex tiġi vvalutata l-konformità mal-limiti ta' emissjoni regolatorji b'tali mod li jirriflettu l-kundizzjonijiet reali. Il-kapitlu jintemm b'analiżi tal-introduzzjoni ppjanata ta' testijiet tal-emissjonijiet tas-sewqan reali u tal-effettività tagħhom.

Il-Kapitolu 4 jippreżenta l-evidenza miġbura dwar l-użu possibbli ta' apparat ta' manipulazzjoni. Dan il-kapitolu jiddeskrivi strateġiji varji użati f'vetturi li jistgħu jippuntaw lejn l-użu ta' apparati ta' manipulazzjoni projbiti, u jiddiskuti il-kwistjonijiet identifikati mill-inkjesta fir-rigward tal-infurzar tal-projbizzjoni fuq apparat ta' manipulazzjoni stabbilita fil-liġi tal-UE.

L-analiżi tal-funzjonament – u b'mod partikolari tal-lakuni – fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi light-duty fir-rigward tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu, kif ipprovdut fil-preżent mil-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-konformità fis-servizz u s-sorveljanza tas-suq, huwa s-suġġett tal-Kapitolu 5.

Il-Kapitolu 6 jagħlaq il-preżentazzjoni tal-evidenza miġbura mill-istħarriġ billi jenfasizza l-kwistjonijiet fl-infurzar tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar l-emissjonijiet minn vetturi light-duty, inkluż fir-rigward tal-pieni stabbiliti mill-Istati Membri.

Kull kapitolu tematiku (3-6) jikkonsisti f'taqsima introduttorja qasira li fiha elementi essenzjali biex tiġi stabbilita t-tema, segwita minn taqsima li tippreżenta analiżi fattwali tal-provi miġbura mill-istħarriġ, b'referenzi għas-sorsi li jipprovdu l-evidenza(1). Il-konklużjonijiet li jirriżultaw, adottati mill-kumitat ta' inkjesta dwar il-kontravenzjonijiet u l-malamministrazzjoni possibbli fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE jikkostitwixxu t-taqsima finali ta' kull kapitolu.

Fl-aħħar nett, il-Kapitlu 7 jikkonkludi r-rapport b'analiżi tal-limitazzjonijiet legali u prattiċi li affettwaw il-ħidma tal-kumitat matul l-inkjesta tiegħu.

Diversi annessi jikkompletaw it-test ewlieni. L-Appendiċi A fih id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' kumitat ta' inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu (il-mandat tal-kumitat).

L-Appendiċi B jelenka l-Membri tal-Parlament Ewropew li jipparteċipaw fix-xogħol tal-kumitat ta' inkjesta u l-funzjonijiet tagħhom.

L-Appendiċi C jagħti dettalji dwar is-seduti ta' smigħ, it-talbiet għal dokumenti, studji, il-missjonijiet għal ġbir ta' informazzjoni u attivitajiet oħra mwettqa mill-kumitat biex jiġbor l-evidenza meħtieġa għat-twettiq tal-mandat tiegħu ta' inkjesta. Dan l-Appendiċi jikkostitwixxi wkoll il-biblijografija, li tipprovdi l-informazzjoni rilevanti għar-referenzi użati fil-kapitoli tematiċi.

Fl-aħħar nett, kalendarju tal-avvenimenti li għandhom x'jaqsmu mal-mandat tal-kumitat ta' inkjesta huwa ppreżentat fl-Appendiċi D, filwaqt li l-Appendiċi E jinkludi glossarju tat-termini u tal-abbrevjazzjonijiet użati fir-rapport.

(1)

Il-parti fattwali ta' kull kapitolu fiha referenzi f'parentesi kwadri (eż: [COM]), li jidentifikaw is-sorsi prinċipali kkunsidrati mill-Kumitat meta jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Huwa mifhum madankollu li l-konklużjonijiet tal-kumitat jistgħu ma jkunux riflessjoni eżatta tas-sottomissjonijiet magħmula minn xi sors speċifiku, u jibqgħu responsabbiltà esklużiva tal-kumitat.


KAPITOLU 2 IL-KUNTEST

2.1.   Analiżi tal-evidenza miġbura

Emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu mill-vetturi

Fost l-aktar sustanzi li jniġġsu l-atmosfera kkawżati mill-vetturi tat-triq, u b'mod partikolari minn vetturi bil-magna diżil, insibu:

•    Id-diossidu tal-karbonju (CO2), li ma joħloq ebda thedida diretta għas-saħħa tal-bniedem iżda huwa gass serra;

•    Il-materja partikulata (PM), bħan-nugrufun, li hu karċinoġenu;

•    L-ossidi tan-nitroġenu (NO and NO2 – indikati flimkien bħala NOx),x), gassijiet li jikkawżaw irritazzjoni tas-sistema respiratorja u xita aċiduża u huma prekursuri tal-ożonu.

It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' dawn is-sustanzi niġġieża fl-atmosfera min-naħa waħda hu fundamentali biex tiġi mħarsa l-ekosistema u s-saħħa tal-bniedem (PM u Nox), u fuq in-naħa l-oħra hu fattur importanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CO2), u hu mitlub mil-liġi tal-UE.

It-tniġġiż tal-arja huwa l-uniku u l-ikbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-Ewropa u jirriżulta f'piż sostanzjali għas-saħħa pubblika u għal imwiet prematuri. Is-settur tat-trasport, partikolarment, hu l-akbar kontributur tal-emissjonijiet tal-NOx, li ammontaw għal 46 % tal-emissjonijiet ta' NOx totali tal-UE fl-2014.

Fil-livell tal-kombustjoni li sseħħ f'magna, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, PM u Nox simultanjament fih għanijiet konfliġġenti [AECC, TNO, Borgeest]. L-emissjjonijiet tas-CO2 huma korrelatati mal-effiċjenza tal-fjuwil tal-magna – aktar ma jkun effiċjenti l-proċess ta' kombusjtoni, u s-sistema ta' monopropulsjoni kollha kemm hi, anqas jiġi kkunsmat fjuwil u jkun hemm anqas emissjonijiet ta' CO2. Filwaqt li, relattivament, l-emissjoni ta' partikolati tkun aktar għolja matul kombustjoni kiesħa jew inkompleta, ikun hemm aktar ossidi tan-nitroġenu matul temperaturi għolja tal-kombustjoni. Fil-qosor, hemm korrelazzoni inversa bejn l-emissjonijiet tas-CO2 u tal-PM fuq naħa, u l-emissjonijiet ta' NOx fuq l-oħra.

Teknoloġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet

Jeżistu teknoloġiji li, meta jiġu applikati b'mod xieraq u meta jitqies ukoll id-disinn tal-vettura, jistgħu jwaqqfu jew inaqqsu l-korrelazzjoni inversa bejn l-emissjonijiet tas-CO2 u tal-PM fuq naħa u l-emissjonijiet ta' NOx fuq l-oħra [JRC, AECC, TNO, Borgeest]. Dawn it-teknoloġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet (ECTs) jinkludu:

•    Riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (EGR) fil-magna, fejn parti mill-gass tal-egżost jitħallat ma' arja friska qabel jiġi injettat fil-kompartiment ta' kombustjoni, li jgħin biex it-temperaturi jinżammu baxxi. valv jikkontrolla r-rata ta' riċirkolazzjoni: jekk l-EGR jitqies b 'mod iżolat, rata aktar baxxa timplika emissjonijiet ta' NOx ogħla, filwaqt li rata ogħla timplika produzzjoni akbar ta' PM; sistemi EGR ta' pressjoni għolja, pressjoni baxxa kif ukoll dawk ibridi qed jintużaw attwalment u joffru vantaġġi u żvantaġġi speċifiċi [Borgeest, Faurecia]; L-EGR normalment tkun ikkumbinata ma' wieħed jew aktar mit-teknoloġiji ta' wara t-trattament imsemmija hawn taħt;

•    Riduzzjoni Katalitika Selettiva (RKS), katalizzatur speċjali fejn l-ammonja tirreaġixxi ma' NOx biex tipproduċi nitroġenu li ma jagħmilx ħsara u fwar tal-ilma; RKS titlob sors tal-ammonja, spiss fil-forma ta' soluzzjoni ta' urea maħżuna f'tank speċifiku li jkun jeħtieġ li jerġa' jimtela perjodikament; dan intuża b'suċċess għal bosta snin f'vetturi heavy-duty imma hu anqas effettiv f'kundizzjonijiet ta' sewqan low-load [EA, Borgeest];

•    Nassa tal-NOx f'taħlita fqira (LNT), li tikkonsisti f'ċeramika speċjali li tgħaqqad l-NOxmal katalizzatur, li mbagħad jgħaddi minn riġenerazzjonijiet ċikliċi. L-LNT hi anqas effettiva f'kundizzjonijiet ta' sewqan high-load;

•    RKS u LNT ikkumbinati (RKS+LNT), unità RKS li tinsab aktar 'l isfel mil-LNT li tippermetti effiċjenza ta' konverżjoni ogħla ta' NOx u ma tirrikjedix fluwidu riduċenti f'bosta sitwazzjonijiet tas-sewqan;

•    Filtru tal-Partikuli tad-Diżil (DPF), imfassal biex ineħħi l-materja partikulata tad-diżil (nugrufun) mill-gass tal-egżost ta' magna diżil, li tgħaddi wkoll minn riġenerazzjonijiet ċikliċi.

Il-kontroll tal-ECTs normalment hu assenjat għal unità ta' kontroll elettroniku speċifiku (ECU). Is-sistemi jitmexxew minn software li hu kkalibrat billi jassenja valuri lil numru kbir ta' tabelli [Borgeest, Lange, Bosch, Domke].

Il-korrelazzjoni inversa bejn l-emissjonijiet ta' CO2 u NOx tista' titwaqqaf jew titnaqqas billi tiġi ottimizzata l-magna li jkollha konsum baxx ta' fjuwil u emissjonijiet baxxi ta' CO2 filwaqt li tieħu ħsieb it-tnaqqis ta' emissjoni ogħla li jirriżultaw ta' NOx fl-istadju ta' wara t-trattament [JRC, AECC, TNO, Borgeest].

Il-konsensus fost l-esperti u l-fornituri ta' ECTs hu li, permezz ta' kumbinazzjoni ta' EGR ma' LNT jew RKS jew bil-kumbinazzjoni ta' RKS u LNT (RKS+LNT), l-ECTs jippermettu karozzi diżil jilħqu l-limitu Euro 6 ta' emissjonijiet ta' NOx ta' 80 mg/km sad data tad-dħul fis-seħħ tagħha f'użu reali fit-triq u mhux biss f'kundizzjonijiet ta' laboratorju. Xi esperti jsemmu wkoll li l-limiti Euro 5 setgħu jintlaħqu fil-mument tad-dħul tagħhom fis-seħħ [JRC, AECC, TNO, Borgeest, EA, Bosch, Faurecia, Q:Suppliers, Missjoni LUX].

Limitu aktar baxx ta' NOx ta' 44 gm/km kien diġà fis-seħħ fl-Istati Uniti meta ġew introdotti l-limiti ta' Euro 5 [EPA, Studju Stati Uniti], u l-karozzi diżil imqiegħda fis-suq tal-Istati Uniti diġà kellhom l-obbligu li jikkonformaw ma' dak il-limitu. Fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2, il-miri medji tal-flotta tal-UE huma aktar ambizzjużi minn dawk fis-seħħ għal emissjonijiet ta' CO2 fl-Istati Uniti.

L-iżvilupp ta' ECTs mill-manifatturi tal-karozzi kien ukoll iffinanzjat permezz ta' self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Bejn l-2005 u l-2015, il-BEI ta self li jammonta għal madwar EUR 13.6 biljun lill-industrija awtomobilistika Ewropea sabiex tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp [Q:EIB]. Investigazzjoni tal-OLAF dwar din il-kwistjoni għadha għaddejja.


KAPITOLU 3 IT-TESTIJIET FIL-LABORATORJU U L-EMISSJONIJIET FIS-SEWQAN REALI

3.1.   Introduzzjoni

Għal skopijiet regolatorji, l-emissjonijiet ta' vetturi ħfief bħalissa huma mkejla biss permezz ta' test fil-laboratorja fuq dinamometru tax-xażi, bl-użu taċ-Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid (NEDC).

L-NEDC, li jsir fuq vettura kiesaħ b'temperatura ta' 20-30 °C, jikkonsisti f'erba' ċikli ta' sewqan urban (UDC) ECE-15 ripetuti, ikkaratterizzati minn veloċità baxxa tal-vettura, livell baxx ta' tagħbija tal-magna, temperatura baxxa tal-gass tal-egżost u ċiklu wieħed ta' sewqan extra-urban (EUDC) biex ikopri kundizzjonijiet ta' sewqan b'aktar tagħbija. L-aħħar aġġornament tiegħu sar fl-1997. Mid-definizzjoni infisha, it-test tal-NEDC ma jistax jiskopri l-użu illegali ta' apparat ta' manipulazzjoni.

Ir-Regolament (KE)Nru 715/2007 (ir-Regolament Euro 5/6) jirrikjedi li l-manifattur tal-karozzi "jattrezza l-vetturi b'mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu" u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta "proċeduri speċifiċi, testijiet u rekwiżiti dwar l-approvazzjoni tat-tip".

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni "tibqa' tirrevedi l-proċeduri, t-testijiet u r-rekwiżiti [...] kif ukoll iċ-ċikli ta' ttestjar użati biex jitkejjlu l-emissjonijiet" u jgħid li "jekk mir-reviżjoni jirriżulta li dawn m'għadhomx xierqa jew ma jirriflettux aktar is-sitwazzjoni reali tal-emissjonijiet, għandhom ikunu adattati b'tali mod li jirriflettu b'mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan attwali fit-toroq".

Jekk ikun meħtieġ jiġu adottati proċeduri, testijiet u rekwiżiti, "il-miżuri meħtieġa [...] għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju". Il-proċedura regolatorja bi skrutinju tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' miżura lill-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur (TCMV – il-kumitat regolatorju prinċipali li jittratta l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi). Jekk it-TCMV joħroġ opinjoni pożittiva b'maġġoranza kwalifikata, il-miżura tiġi adottata sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Jekk it-TCMV joħroġ opinjoni negattiva jew ma joħroġ l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni tressaq proposta direttament lill-Kunsill, li jaġixxi fuqha b'maġġoranza kwalifikata.

3.2.   Analiżi tal-evidenza miġbura

L-imġiba tal-emissjonijiet fil-laboratorju meta mqabbla mas-sewqan reali

Skont l-esperti u x-xhieda mismugħa, kien hemm indikazzjonijiet minn tal-inqas mill-2004-2005 – meta l-proposta għal Regolament Euro 5/6 kienet qed tiġi mħejjija – li, filwaqt li l-karozzi diżil irrispettaw il-limiti legali Euro suċċessivi għall-emissjonijiet ta' NOx meta ġew ittestjati fil-laboratorju matul il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip bl-NEDC, l-emissjonijiet ta' dawk il-vetturi waqt is-sewqan reali fil-fatt kienu ferm akbar [JRC, ICCT, Lambrecht, TNO, EEA, DUH, Borgeest, ADAC, T&E, Dimas, Verheugen, RDW, Q:MS].

Mill-2010-2011 għadd kbir ta' studji kkonfermaw id-diskrepanzi kbar bejn l-emissjonijiet ta' NOx mkejla fil-laboratorju u l-emissjonijiet ta' NOx mkejla fil-kundizzjonijiet tas-sewqan reali f'karozzi diżil Euro 3, Euro 4, Euro 5 u Euro 6 [JRC, ICCT, TNO, ADAC]. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ir-riżultati ta' dawn l-istudji ġew magħmula disponibbli pubblikament u trażmessi lill-Kummissjoni, lill-Parlament, u lill-awtoritajiet u l-partijiet interessati tal-Istati Membri [JRC, ICCT, TNO, ADAC, DUH, T&E], b'tali mod li l-eżistenza tad-diskrepanzi kienet magħrufa sewwa fil-qasam [Lambrecht, Borgeest, Potočnik, KBA, RDW, Q:MS].

Id-data turi wkoll li fil-każ tal-karozzi diżil ma kienx hemm tnaqqis tal-emissjonijiet ta' NOx fis-sewqan reali f'konformità ma' dak li kien mistenni wara d-dħul fis-seħħ tal-istandards Euro suċċessivi.

Għal diversi raġunijiet, storikament id-diżil kellu pożizzjoni qawwija fl-Ewropa u kien sar element importanti fil-flotta tal-karozzi tal-UE [Royal, Zourek]. Iż-żieda fis-sehem ta' karozzi diżil fil-flotta kienet ukoll dovuta minħabba l-ispejjeż ġeneralment aktar baxxi tad-diżil u l-inċentivi mogħtija fil-kuntest tal-politika klimatika tal-UE lit-teknoloġija diżil bħala teknoloġija aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u b'inqas emissjonijiet ta' CO2 mill-petrol [COM, Dings, ACEA, Renault, VW, FCA, Mitsubishi, Dimas, Verheugen, Potočnik, Falkenberg, Stromček].

L-eċċessi persistenti ta' emissjonijiet ta' NOx mis-settur tal-vetturi, flimkien mas-sehem akbar tal-karozzi diżil fil-flotta tal-UE, xekklu t-tnaqqis rapidu tal-konċentrazzjonijiet ta' NOx (u b'mod partikolari tal-NO2) fil-bliet, minkejja t-tnaqqis globali ta' 58 % fl-emissjonijiet ta' NOx mill-1990 fl-UE [Lambrecht, EEA, TNO, DUH]. Għad hemm eċċessi persistenti u mifruxa tal-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja għall-NO2, li kkontribwew għal total ta' madwar 72 000 mewta prematura fis-sena 2012 [EEA, Vella]. Huwa stmat li fiż-żoni urbani fejn qed naraw dawn l-eċċessi, madwar 60 % tal-NO2 imkejjel ġej mit-trasport bit-toroq [EEA]. Id-data dwar il-kwalità tal-arja ġiet trażmessa lil partijiet interessati u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet [Lambrecht, EEA, TNO, DUH, Potočnik].

L-introduzzjoni tal-istandards Euro 6, li kellha tindirizza, fost affarijiet oħra, il-kwistjoni tal-emissjonijiet ta' NOx, ma tejbitx is-sitwazzjoni fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-karozzi. Id-dħul fis-seħħ ta' limitu tal-emissjonijiet aktar strett għall-NOx ta' 80 mg/km żiedu d-daqs relattiv tad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet fil-laboratorju u l-emissjonijiet reali, peress li dawn tal-aħħar baqgħu essenzjalment kostanti f'dawn l-aħħar 15-il sena [JRC, ICCT, TNO, DUH, ADAC].

Ġeneralment, qabel ma tfaċċa l-każ tal-emissjonijiet Volkswagen f'Settembru 2015, id-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet ta' NOx mill-karozzi diżil imkejla fil-laboratorju u dawk imkejla fit-triq ġew attribwiti għall-kawżi li ġejjin [JRC, ICCT, TNO, Borgeest, DUH, ADAC, T&E, EA, EPA, Verheugen, Potočnik, Tajani, Millbrook, Studju UE]:

  l-inadegwatezza tal-NEDC użat fl-ittestjar permezz ta' bank idur (roller-bench) biex jitkejlu l-emissjonijiet fil-laboratorju; għal żmien twil kien diġà magħruf li ċ-ċiklu kien antikwat u li mhuwiex rappreżentattiv tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu waqt l-użu normali tal-vettura fit-triq, b'mod partikolari peress li jipprevedi veloċità baxxa u livell baxx ta' tagħbija tal-magna u jippermetti strateġiji ta' ottimizzazzjoni;

  l-istrateġiji ta' ottimizzazzjoni implimentati mill-manifatturi tal-karozzi speċifikament biex jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet waqt l-NEDC.

Il-fehma ġenerali kienet li d-diskrepanzi kienu imputabbli għall-inadegwatezza taċ-ċiklu tal-ittestjar u mhux għall-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni, ipprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 715/2007, minkejja l-fatt li dan l-apparat kien jinstab fl-Istati Uniti fid-disgħinijiet [JRC, ICCT, TNO, DUH, Borgeest, ADAC, T&E, COM, ACEA, Verheugen, Potočnik, Tajani, Vella, MIT, Millbrook, KBA, SCNH, Dobrindt, Q:MS, Q:Suppliers].

Id-diskrepanzi kienu jidhru wkoll fl-emissjonijiet ta' CO2 u fl-ekonomija tal-fjuwil: l-emissjonijiet ta' CO2 fit-triq kienu sa 40 % ogħla minn dawk imkejla fit-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip [ICCT, EEA, DUH, EA]. Id-diskrepanzi fl-emissjonijiet ta' NOx varjaw minn fattur ta' darbtejn sa erba' darbiet tal-limitu regolatorju għall-emissjonijiet medji tal-NOx sa fattur ta' 14 għal twieqi ta' testijiet individwali [JRC, ICCT, TNO, ADAC].

Rigward it-tweġiba għad-diskrepanzi osservati, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) 715/2007 jirrikjedi li l-manifattur "jattrezza l-vetturi b'mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu". Il-vetturi għandhom għalhekk ikunu konformi mar-regolament "fl-użu normali" u mhux biss fit-testijiet tal-laboratorju [DUH, Dimas, Verheugen, Stromček]. Diversi xhieda indikaw li "l-użu normali" innifsu huwa terminu użat f'leġiżlazzjonijiet oħra fl-industrija tal-karozzi iżda mhux definit fil-leġiżlazzjoni, u b'mod partikolari l-ebda metodu ta' testijiet speċifiku ma kien previst biex jirreplika "l-użu normali" waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip jew fil-valutazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-UE [Renault, VW, ACEA, Mitsubishi, MIT, KBA, UTAC, Millbrook, Verheugen, Q:OEM].

Biex tindirizza l-kwistjoni tad-diskrepanzi tal-NOx, il-Kummissjoni ffukat fuq l-iżvilupp ta' proċedura tat-test ġdida li tista' tiżgura li l-limiti tal-emissjonijiet jiġu ssodisfati f'kundizzjonijiet tas-sewqan fil-ħajja reali, kif previst mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Euro 5/6 [COM, Potočnik, Tajani, Vella, Missjoni JRC].

L-adattament tat-testijiet

Fil-mument tat-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva tagħha għar-Regolament Euro 5/6, il-Kummissjoni kienet diġà konxja mill-kwistjoni tad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet fil-laboratorju u l-emissjonijiet fil-ħajja reali fil-każ ta' vetturi Euro 3/4, b'mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-NOx minn karozzi tal-passiġġieri diżil, u tan-nuqqasijiet eżistenti tat-test eżistenti fil-laboratorju [Dimas, Verheugen]. Kienu jeżistu ċikli oħra, bħaċ-Ċiklu ta' Sewqan Artemis Komuni, ibbażati fuq bażi ta' dejta kbira dwar l-imġieba fis-sewqan, li rriżultat f'emissjonijiet fil-ħajja reali aħjar. Madankollu, iċ-ċiklu tat-test Artemis ma kienx imfassal għall-ittestjar tal-approvazzjoni tat-tip, iżda pjuttost għal inventarju dwar l-emissjonijiet, u għalhekk kien ikun jeħtieġ adattamenti sabiex jintuża fil-proċeduri tal-approvazjoni tat-tip [JRC]. Madankollu, il-prijorità ewlenija kienet li jinkiseb tnaqqis f'waqtu tal-emissjonijiet karċinoġeniċi PM [Dimas, Verheugen, Dings]. Il-leġiżlaturi għażlu li jagħtu prijorità lid-dħul fis-seħħ tal-istandards Euro 5 PM il-ġodda, jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-NOx fl-istandards Euro 6 sussegwenti, u jinkludu fil-leġiżlazzjoni mandat għall-Kummissjoni biex tirrieżamina u tirrevedi ċ-ċikli tat-test jekk ikun meħtieġ b'mod li jiġu jirriflettu adegwatament l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-toroq [Dimas, Verheugen].

F'Awwissu 2005, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) ingħata mandat biex iwettaq riċerka fuq l-emissjonijiet reali tas-sewqan [JRC, Dimas]. Programm sperimentali ta' testijiet fuq it-triq ta' vetturi ħfief Euro 3 u 4 b'Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS), li jkejjlu l-emissjonijiet minn magni ta' kombustjoni waqt li qed tintuża l-vettura, li jippermetti l-ittestjar waqt l-użu reali, li beda fl-2007, bl-ewwel riżultati li ġew ippubblikati fl-2007 u fl-2009, u kompla bl-ewwel it-test fit-triq ta' vetturi Euro 5 f'Ġunju 2009, fuq it-talba ta' dak li kien il-Kummissarju għall-Intrapriża u l-Industrija Günter Verheugen [JRC, Verheugen]. Il-programm ta' riċerka ġie fi tmiemu f'April 2010 u ġie diskuss internament fil-Kummissjoni Barroso II l-ġdida f'Settembru 2010, u r-riżultati anonimizzati ġew ippreżentati f'workshop intitolat “Approċċ għal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet” mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fit-23 ta' Novembru 2010 u ppubblikati f'rapport kmieni fl-2011. Ir-riżultati mill-JRC urew li l-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diżil ħfief varjaw sostanzjalment bejn l-ittestjar NEDC fil-laboratorju u s-sewqan reali fit-toroq, u li l-emissjonijiet fit-triq qabżu sew il-limiti Euro 3-5 (b'firxa minn fattur ta' 2 sa 4 darbiet il-limitu regolatorju għall-emissjonijiet medji tal-NOx b'fattur sa 14 għal test individwali). Il-JRC ikkonkluda wkoll li t-testijiet tal-PEMS setgħu jipprovdu kejl preċiż fit-toroq tal-emissjonijiet tal-NOx mill-vetturi ħfief u jistgħu jipprovdu għodda b'saħħitha għal regolamentazzjoni ġdida [JRC, Dimas]. Il-workshop ta' Novembru 2010 kkonkludiet li l-metodu ta' ttestjar tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) għandu jkun lest għall-adozzjoni sa tmiem l-2012 (id-dokument fil-qosor mill-Kummissjoni Ewropea tal-workshop tat-23 ta' Novembru 2010 [CIRCA]).

Il-grupp ta' ħidma “Emissjonijiet tas-Sewqan Reali — Vetturi Ħfief” (RDE-LDV), li jirrapporta lit-TCMV, kienet inbeda minn dak li kien il-Kummissarju għall-Intrapriża u l-Industrija Antonio Tajani f'Jannar 2011, wara li l-JRC kien ippreżenta r-riżultati tiegħu dwar id-diskrepanzi f'emissjonijiet tal-NOx, bl-għan li tiġi żviluppata proċedura għall-valutazzjoni tal-emissjonijiet tas-sewqan reali ta' vetturi ħfief b'mod robust bl-għan li jkun hemm implimentazzjoni regolatorja tagħha. Il-ħidma tal-grupp RDE-LDV eventwalment wasslet għall-approvazzjoni mit-TCMV tal-introduzzjoni ta' testijiet tal-emissjonijiet tas-sewqan reali sa mill-2017.

L-inkjesta ġabret evidenza dwar il-proċess li jwassal għall-approvazzjoni tal-pakkett tal-RDE, b'mod partikolari dwar id-dewmien tiegħu, sabiex jiġi stabbilit dewmien possibbli u l-kawżi tagħhom (skeda ta' żmien aktar dettaljata ta' avvenimenti hija inkluża fl-Appendiċi D).

L-ittestjar tal-PEMS kienu ntużaw fil-programm ta' riċerka tal-JRC, u l-Premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tispeċifika li l-użu tal-PEMS u l-introduzzjoni tal-kunċett regolatorju ta' "m'għandux jinqabeż" għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Madankollu, flimkien mal-PEMS, il-grupp ivvaluta wkoll proċedura oħra kandidati, inklużi ċikli tal-ittestjar multipli, ċikli tal-ittestjar aleatorji u l-ħolqien ta' mudelli tal-emissjonijiet. Wieħed mill-kompiti tal-grupp kien li jistabbilixxi metodoloġija biex jiġu evalwati r-riżultati tat-testijiet.

L-ippjanar tal-grupp RDE-LDV inizjalment ippreveda li deċiżjoni dwar l-għażla ta' proċedura kellha tittieħed mhux aktar tard minn Frar 2012, li jekk l-alternattiva tal-PEMS kellha tiġi magħżula, l-abbozzar leġiżlattiv għall-proċedura tat-test finali kellha tkun konkluża sa Settembru 2013, u li l-proċeduri tat-test riżultanti kellhom japplikaw għal finijiet ta' konformità sad-dati mandatorji tal-Euro 6 [RDE-LDV, CARS21].

F'Marzu 2012, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) ppreżenta valutazzjoni preliminari tal-proċeduri għall-evalwazzjoni tad-data u l-ewwel riżultati, u ħarsa ġenerali lejn l-evalwazzjoni tal-proċeduri dwar l-emissjonijiet fis-sewqan reali (RDE) ġew ippreżentati fit-28 ta' Ġunju 2012 [RDE-LDV]. F'Ottubru 2012, it-task force dedikat fi ħdan il-grupp ippropona l-adozzjoni tal-ittestjar PEMS fit-triq bħala proċedura regolatorja tal-RDE, u fi Frar 2013 il-grupp RDE-LDV qabel fuq l-għażla tal-PEMS [RDE-LDV, Missjoni JRC].

Fit-8 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha "CARS 2020: Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-karozza kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa". Il-komunikazzjoni pproponiet li "l-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE) tal-NOx [...] għandhom jiġu rreġistrati u kkomunikati sa mid-dati obbligatorji tal-Euro 6 (fl-2014)" u li mhux aktar tard "minn tliet snin wara dawn id-dati, il-proċedura RDE għandha tiġi applikata flimkien mal-limiti ta' emissjonijiet li ma għandhomx jinqabżu (NTE), u dan se jiżgura tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet tal-NOx". Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn it-tliet snin addizzjonali kienu meħtieġa minħabba "r-ridiżinjar sinifikanti ta' vetturi diżil se jkollu jikseb il-limiti ta' emissjonijiet NOx f'kundizzjonijiet normali tas-sewqan".

L-Istati Membri qablu mar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni CARS 2020 waqt il-Kunsill Kompetittività fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2012 [Tajani]. Il-Parlament qal fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 li l-iżvilupp ippjanat ta' ċiklu u proċeduri tal-ittestjar tas-sewqan ġodda u preċiżi għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-sewqan reali, u talab biex dawk il-proċeduri jiġu introdotti minnufih.

Fl-1 ta' Ottubru 2013 iltaqa' għall-ewwel darba t-task force dedikat għall-iżvilupp ta' metodu tal-evalwazzjoni tad-data fi ħdan il-grupp RDE-LDV, u f'Ġunju 2014 ġie stabbilit sottogrupp tal-abbozzar presedut mill-JRC biex jabbozza l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi [RDE-LDV, Missjoni JRC].

L-ewwel wieħed minn erba' pakketti regolatorju tal-RDE, li jistabbilixxu l-proċedura tal-RDE bil-PEMS, tlesta f'Novembru 2014 u ġie adottat mill-Kumitat Tekniku Vetturi bil-Mutur (TCMV) f'Mejju 2015.

Il-ħidma fuq it-tieni pakkett tal-RDE, li jistabbilixxi limiti li ma għandhomx jinqabżu għall-emissjonijiet ta' NOx, bdiet fi Frar 2015 [Missjoni JRC] u żdiedet wara r-rivelazzjonijiet tal-każ tal-Volkswagen f'Settembru 2015 [Bieńkowska, Dobrindt]. It-tieni pakkett ġie adottat mill-Kumitat Tekniku Vetturi bil-Mutur fit-28 ta' Ottubru 2015.

Waqt li kienu qed jikkummentaw fuq l-iskeda ta' żmien għall-iżvilupp tat-testijiet tal-RDE, xi Stati Membri u xhieda oħrajn ġibdu l-attenzjoni fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' proċedura tal-ittestjar sinifikanti u ripetibbli hu proċess kumpless [MIT, Q:MS]. Huma enfasizzaw ukoll il-fatt li jieħu ż-żmien biex it-tagħmir tal-PEMS isir teknoloġija ta' kejl adatta għal skopijiet regolatorji u biex il-proċeduri tal-ittestjar jagħtu riżultati komparabbli [Renault, ACEA, MIT, Q:MS]. L-ewwel programm ta' riċerka biex jitkejlu l-emissjonijiet ta' NOx ta' vetturi ħfief bil-PEMS beda fl-2007, u qabel din id-data il-PEMS kienu mfassla għall-ittestjar ta' vetturi heavy-duty biss. L-ewwel ġenerazzjoni ta' PEMS ma kinitx tagħti kejl preċiż, minħabba restrizzjonijiet tal-ippakkjar, il-piż addizzjonali, eċċ.) u r-riproduċibbiltà tat-testijiet kienet limitata [ICCT, Missjoni JRC]. Madankollu, fis-snin ta' wara l-iżvilupp teknoloġiku kompla u l-PEMS saret aktar preċiża u affidabbli.

Mil-lat tal-proċess leġiżlattiv innifsu, bosta xhieda qiesu li t-tul ta' żmien għall-iżvilupp tal-ittestjar tar-RDE hu twil wisq [COM, Bieńkowska]. Xhieda sostnew li, aktar milli indħil politiku [JRC, COM, Zourek], id-dewmien kien minħabba l-fatt li t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE huwa proċess ta' tiftix ta' kunsens li jieħu ż-żmien [Dimas, Potočnik], li l-proċessi amministrattivi sikwit mhumiex kapaċi jlaħħqu mal-iżvilupp teknoloġiku [Zourek], u li l-attenzjoni tal-UE u l-Istati Membri kien fuq l-evitar tal-piżijiet fuq l-industrija wara li bdiet il-kriżi fl-2008 [Potočnik].

Is-sejbiet tal-analiżi tal-minuti tal-Kumitat Tekniku Vetturi bil-Mutur urew li ċerti Stati Membri pprevenew il-formazzjoni ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kumitat Tekniku Vetturi bil-Mutur, u dan wassal biex il-votazzjoni fuq l-ewwel pakkett tal-RDE mill-24 ta' Marzu ġiet posta għad-19 ta' Mejju 2015 [JRC, COM, TCMV].

Sabiex jiġi ċċarat il-proċess regolatorju dwar il-kejl tal-emissjonijiet, l-inkjesta ġabret ukoll informazzjoni dwar ir-rwol tad-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni. Skont il-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva tal-Kummissjoni, il-portafoll tal-Kummissarju għall-Industrija (u d-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija DĠ ENTR/GROW) jinkludi l-istandards tal-emissjonijiet, filwaqt li l-portafoll tal-Kummissarju għall-Ambjent (u d-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent DĠ ENV) jinkludi l-kwalità tal-arja. Iż-żewġ Direttorati Ġenerali jsegwu għanijiet separati iżda jikkooperaw biex isibu kompromessi fattibbli [Dimas, Verheugen, Potočnik, Vella]. Fl-Istati Uniti r-responsabbiltajiet għall-iffissar tal-istandards tal-emissjonijiet, għall-ħruġ tal-approvazzjonijiet tat-tip u għall-kwalità tal-arja kollha jaqgħu taħt l-istess awtorità [EPA, Potočnik].

F'Jannar 2013, il-Ministru Daniż għall-Ambjent Ida Auken kitbet lill-Kummissarji ta' dak iż-żmien Tajani u Potočnik fejn qajmet tħassib dwar il-possibbiltà li d-Danimarka u bosta Stati Membri oħra jilħqu l-miri dwar il-kwalità tal-arja għall-NO2 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief, minħabba l-iskeda "inaċċettabbli" tal-RDE, filwaqt li talbet azzjoni minnufih fuq il-qagħda kritika". Il-Kummissarji wieġbu f'Marzu 2013, fejn irrikonoxxew il-bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet RDE ta' NOx sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-UE għall-kwalità tal-arja. Huma spjegaw li l-proċedura tal-ittestjar għall-RDE kienet qed tiġi żviluppata u li kellha tapplika minn mhux aktar tard mill-2017/2018.

Il-Kummissarju ta' dak iż-żmien (Potočnik) u d-DĠ ENV iffokaw l-azzjoni tagħhom fuq l-iżgurar li tiġi rispettata l-iskeda maqbula għall-introduzzjoni tat-testijiet tal-RDE [Potočnik, Vella, Falkenberg]. Fit-12 ta' Frar 2013, il-Kummissarju ta' dak iż-żmien (Potočnik) kiteb lill-Kummissarju Tajani u ħeġġu jimminimizza kwalunkwe dewmien ieħor fil-proċess. Fir-risposta tiegħu tas-26 ta' Marzu 2013, is-Sur Tajani spjega li fl-2011 il-Kummissjoni kienet diġà bdiet il-proċedura tal-RDE biex ikun hemm proċedura robusta tal-ittestjar, li tibda tapplika mhux aktar tard mill-2017.

Sena wara, f'nota datata 19 ta' Novembru 2014, l-ex Direttur Ġenerali tad-DĠ ENV lmenta mal-ex Direttur Ġenerali tad-DĠ ENTR dwar "dewmien" u stqarr li "issa li l-azzjoni biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet dinjija reali ġiet posposta bosta drabi, il-Kummissjoni se titqies li qed taġixxi b'mod inkoerenti u li baqgħet passiva quddiem l-evidenza dwar l-emissjonijiet tal-karozzi". Fit-tweġiba tiegħu id-Direttur Ġenerali DĠ ENTR iddikjara li "DĠ ENTR se jieħu l-azzjonijiet meħtieġa kollha sabiex jiffinalizza mingħajr dewmien il-proposta dwar il-proċedura tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE)" [CIRCA].

L-inkjesta ġabret informazzjoni wkoll dwar l-influwenza possibbli ta' lobbying mill-industrija f'diversi stadji tal-proċess [CEO, T&E]. B'mod ġenerali, diversi xhieda rrikonoxxew li l-Kummissjoni kienet ikkonsultat ma' partijiet interessati tal-industrija u ma' dawk mhux mill-industrija kif ukoll ma' esperti indipendenti [AECC, T&E, Verheugen, Tajani, MIT, Q:MS]. Skont id-dokumenti eżaminati, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu mħassba dwar ir-reżistenza tal-manifatturi tal-karozzi għad-dħul ta' testijiet PEMS [CIRCA, CEO].

Madankollu, xi xhieda qajmu tħassib dwar il-bilanċ tal-kompożizzjoni ta' wħud mill-gruppi [CEO, T&E, Studju UE]. L-inkjesta ġabret informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp ta' ħidma l-aktar rilevanti għal kwistjoni kkonċernata, il-grupp RDE-LDV. Aċċess għall-grupp RDE-LDV hu miftuħ, u l-ebda applikazzjoni għal parteċipazzjoni ma kienet rifjutata. L-inkjesta sabet li, pereżempju, fi tliet laqgħat tal-grupp li saru bejn Mejju u Settembru 2016 ma' 43 minn 47 parteċipant, 21-23 irrapreżentaw manifatturi tal-karozzi, 9-12 atturi oħra tal-industrija awtomobilistika, 5-7 l-Istati Membri, 1-5 is-servizzi tekniċi, u 1-2 insituti ta' riċerka, tas-soċjetà ċivili jew NGOs [RDE-LDV].

Ir-rwol importanti li kellhom l-esperti tal-industrija f'ċerti sottogruppi tekniċi kien attribwit għall-ispeċjalizzazzjoni għolja ta' dawk il-gruppi, għan-nuqqas ta' għarfien espert tekniku suffiċjenti fil-Kummissjoni, u għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs m'għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw li huma jkunu preżenti fl-għadd sostanzjali ta' laqgħat tal-grupp [CEO, T&E, Q:MS, Studju UE]. Id-Direttorati Ġenerali relevanti tal-Kummissjoni ma' għandhomx dipartimenti tekniċi kapaċi li jsegwu mill-qrib żviluppi teknoloġiċi. Il-politiki dwar il-mobilità jistgħu wkoll jimpedixxu l-akkumulazzjoni ta' għarfien speċifiku inkluż fil-JRC.

It-testijiet tal-RDE bil-PEMS

L-opinjoni unanima tal-esperti u x-xhieda mismugħa hi li l-introduzzjoni fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' ttestjar tal-RDE bil-PEMS hi definittivament titjib li se jgħin biex jitnaqqsu verament l-emissjonijiet li jniġġsu l-atmosfera minn vetturi light-duty [JRC, ICCT, TNO, DUH, Borgeest, ADAC, EA, ACEA, Renault, VW, Mitsubishi, FCA, COM, Faurecia, Bosch, Potočnik, Tajani, Bieńkowska, Vella, EPA, MIT, Millbrook, KBA, TÜV, SNCH, UTAC, RDW, Dobrindt, Studju UE].

L-inċertezza tal-kejl addizzjonali massimu tal-PEMS għal vetturi light-duty fir-rigward tat-testijiet tal-laboratorju kienet qed tonqos b'mod konsistenti u attwalment hi ta' madwar 30 %, filwaqt li l-inċertezza medja kienet ikkalkulata mill-Kummissjoni li hi ta' 18.75 % b'possibbiltà konkreta li tilħaq 10-15 % f'perjodu qasir ta' żmien [JRC, EA]. Skont l-esperti, jekk it-test isir fuq korsa tat-test, b'hekk ikun eliminat l-effett ta' fluss tat-traffiku imprevedibbli, dik il-varjabbiltà taqa' għal madwar 10 % [EA]. L-inċertezzi tal-kejl u dawk statistiċi jistgħu jitqiesu kif xieraq, għalhekk it-testijiet bil-PEMS huma tajbin biex ikejlu emissjonijiet fit-triq mill-vetturi għal skopijiet regolatorji. B'mod partikolari, id-diskrepanzi attwali bejn emissjonijiet NOx fil-laboratorju u dawk fit-triq huma kbar, għalhekk il-livell ta' preċiżjoni tal-PEMS diġà hu biżżejjed biex dawn jiġu identifikati [JRC, ICCT, TNO, ADAC, EA].

Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet tat-test u l-proċeduri ta' evalwazzjoni għandhom ikunu stabbiliti bir-reqqa sabiex it-testijiet tal-RDE ikunu effettivi u jwasslu għal tnaqqis fid-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u dawk fit-triq [JRC, ICCT, TNO, DUH, Borgeest, ADAC, EA]. B'mod partikolari, it-testijiet fit-triq bil-PEMS iridu jkunu mfassla b'mod li jkopru firxa wiesgħa ta' kundizjonijiet ta' sewqan, inkluża t-temperatura, it-tagħbija tal-magna, il-veloċità tal-vettura, l-altitudni, it-tip ta' triq (urbana, suburbana, awtostrada) u parametri oħra li wieħed jiltaqa' magħhom normalment waqt is-sewqan fl-UE, kif ukoll sabiex tiġi evitata kemm hu possibbli l-manipulazzjoni tar-riżultati tat-testijiet [TNO, Borgeest, Studju UE, Q:MS].

Evalwazzjoni kompleta tat-testijiet tal-RDE se jkunu possibbli biss ladarba l-pakketti jkunu ġew adottati kollha.

Il-perjodu ta' tranżizzjoni u fattur ta' konformità

Il-maġġoranza tal-esperti mistiedna jaqblu li ingħata żmien biżżejjed lill-manifatturi tal-karozzi biex jilħqu l-miri Euro 5 u Euro 6 [TNO, Borgeest, Lange]. Skont il-premessa 5, ir-regolament Euro 5/6 diġà kien jinkludi limiti Euro 6 sabiex jipprovdi lill-industrija b'informazzjoni ċara dwar il-valuri limitu tal-emissjonijiet futuri. Skont ir-riżultati tat-test, hu possibbli li jintlaħqu l-limiti tal-emissjonijiet Euro 6 fit-triq bit-teknoloġija disponibbli fil-preżent [ICCT, DUH].

Minħabba t-teknoloġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet l-aktar użati mill-manifatturi fil-flotta attwali s'issa, l-esperti jqisu li hu meħtieġ perjodu li jippermetti lill-manifatturi tal-karozzi jinstallaw it-tagħmir teknoloġiku xieraq fil-vetturi sabiex jilħqu r-rekwiżiti tat-test tal-RDE l-ġdid, imma li dawn għandhom jinżammu qosra kemm hu possibbli sabiex it-titjib attwali fil-kwalità tal-arja jista' jintlaħaq fi żmien xieraq. "Fattur tal-konformità" applikat għar-riżultati tat-testijiet tal-RDE għall-emissjonijiet ta' NOx li jippermettu lill-karozzi jitfgħu emissjonijiet sa' multiplu fiss tal-limitu legali meta ttestjati fit-triq minħabba l-inċertezzi inerenti tal-kejl tal-PEMS hu meħtieġ jekk it-testijiet ikunu użati għal skopijiet regolatorji [TNO, Lange, EPA, ENVI/EMIS].

It-tieni minn erba' pakketti RDE, adottati mit-TCMV f'Ottubru 2015, stabbilew il-limiti li ma jridux jinqabzu ta' emissjonijiet ta' NOx, filwaqt li ppermettew diverġenza bejn ir-riżultati tat-testijiet tal-PEMS u l-limiti legali b'fattur ta' konformità ta' massimu ta' 2.1 għal mudelli ġodda sa Settembru 2017 (Settembru 2019 għal vetturi ġodda), u b'fattur ta' 1.5 sa Jannar 2020 għal mudelli ġodda (Jannar 2021 għal vetturi ġodda). Dan l-approċċ f'żewġ stadji biex jitnaqqas il-fattur ta' konformità kien kompromess sostnut mill-industrija u minn bosta mill-Istati Membri [ACEA, MIT, Nencini].

Il-fattur ta' konformità se jkun suġġett għal rieżami annwali, kif espliċitament previst fit-tieni pakkett RDE, sabiex dan jitressaq kemm hu possibbli lejn fattur ta' 1, filwaqt li jitqies biss il-marġni reali ta' żball. Il-Kummissjoni, fl-istqarrija tagħha "Lejn testijiet tal-emissjonijiet komprensivi u effiċjenti fl-UE", impenjat lilha nnifisha li tagħmel użu minn din il klawżola ta' reviżjoni biex tipproponi tnaqqis fit-tieni fattur ta' konformità fl-2017 u biex issegwi l-evoluzzjoni tat-teknoloġija tal-PEMS fuq bażi annwali minn hemm 'il quddiem [COM, Bieńkowska, MIT].

Il-fattur ta' konformità mhuwiex l-uniku aspett li se jiddetermina l-effettività tal-proċedura l-ġdida tat-testijiet. Kif imsemmi hawn fuq, ir-rigorożità netta tat-testijiet tal-RDE se tkun ukoll tiddependi b'mod kruċjali fuq it-twessigħ tal-firxa tat-testijiet u fuq il-metodoloġija applikata biex ikunu valutati r-riżultati tat-test [TNO]. Madankollu, minn perspettiva purament teknika, fattur ta' konformità ta' 2.1, kif attwalment previst għall-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tat-testijiet tal-RDE għall-emissjonijiet tan-NOx huwa perċepit mill-parti l-kbira ta' esperti mistiedna u mill-Kummissjoni bħala għoli wisq, peress li ħafna karozzi li attwalment qed jiġu prodotti, jistgħu diġà jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet fit-triq jekk il-fattur ta' konformità kien stabbilit għal madwar 1.5 [ADAC, EA, Mitsubishi, Bieńkowska, Vella, Missjoni LUX, ENVI/EMIS]. Fl-abbozz inizjali tagħha għat-tieni pakkett tal-RDE, il-Kummissjoni kienet ipproponiet lit-TCMV il-fatturi ta' konformità lejn it-tarf l-aktar baxx tal-firxa ta' 1.6–2.2 għall-ewwel fażi u tal-firxa ta' 1.2–1.6 għat-tieni fażi [COM].

3.3.Konklużjonijiet

1.  It-teknoloġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet (ECTs) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-limiti ta' emissjonijiet tal-NOx Euro 5 u 6, meta jiġu applikati kif xieraq, diġà ppermettew lill-karozzi li jaħdmu bid-diżil jilħqu l-limitu ta' emissjonijiet tal-NOx Euro 5 ta' 180 mg/km u l-limitu ta' emissjonijiet tal-NOx Euro 6 ta' 80 mg/km sad-data tad-dħul fis-seħħ rispettiv tagħhom, fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali u mhux biss f'testijiet fil-laboratorji. L-evidenza turi li l-limiti ta' emissjonijiet Euro 6 jistgħu jintlaħqu fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali irrispettivament mit-tip ta' fjuwil, jekk tintuża teknoloġija xierqa disponibbli b'mod wiesa'. Dan jimplika li xi manifatturi tal-karozzi għażlu li jużaw teknoloġija li taċċerta konformità mal-limiti ta' emissjonijiet f'testijiet fil-laboratorji biss, mhux għal raġunijiet tekniċi iżda għal raġunijiet ekonomiċi.

2.  Hemm diskrepanzi kbar bejn l-emissjonijiet tal-NOx tal-biċċa l-kbira tal-karozzi diżil Euro 3-6 imkejla matul il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip bit-test tal-laboratorju tan-New European Driving Cycle (NEDC, Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid), li jissodisfa l-limitu legali ta' emissjonijiet, u l-emissjonijiet tagħhom tal-NOx imkejla f'kundizzjonijiet reali tas-sewqan, li jaqbżu l-limitu b'mod sostanzjali. Dawk id-diskrepanzi jaffettwaw il-maġġoranza l-kbira tal-karozzi diżil u mhumiex limitati għall-vetturi Volkswagen mgħammra b'apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti. Dawn id-diskrepanzi jikkontribwixxu, fil-parti l-kbira, għall-ksur minn diversi Stati Membri tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.

3.  L-eżistenza tad-diskrepanzi, u l-impatt negattiv sinifikanti tagħhom fuq l-ilħuq tal-objettivi dwar il-kwalità tal-arja, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni urbani, kienet magħrufa mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri u minn ħafna partijiet interessati oħra minn tal-inqas l-2004-2005, meta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 kien qed jitħejja. Id-diskrepanzi ġew ikkonfermati minn għadd kbir ta' studji miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) mill-2010-2011 u minn riċerkaturi oħra mill-2004.

4.  Għalkemm anqas milli għall-emissjonijiet tal-NOx, hemm ukoll differenzi sinifikanti fil-valuri mkejla ta' emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil bejn testijiet fil-laboratorju u testijiet fit-triq.

5.  Qabel Settembru 2015 id-diskrepanzi kienu ġeneralment attribwiti għall-inadegwatezza tat-test tal-laboratorju NEDC, li mhuwiex rappreżentattiv tal-emissjonijiet fid-dinja reali, u għall-istrateġiji ta' ottimizzazzjoni implimentati mill-manifatturi tal-karozzi biex jgħaddu mit-test fil-laboratorju billi l-ECTs tal-vetturi jiġu kkalibrati sabiex l-effettività tagħhom tiġi żgurata biss fil-kundizzjonijiet limitati tat-test NEDC. Id-diskrepanzi ġeneralment ma kinux attribwiti għall-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti.

6.  Minflok stennew proċedura ta' ttestjar ġdida, aktar realistika u ċċertifikata, il-koleġiżlaturi ddeċidew li jkomplu bl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Euro 5/6 fl-2007, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex iżżomm taħt eżami ċ-ċikli ta' ttestjar u tirrevedihom jekk ikun meħtieġ sabiex jirriflettu b'mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-triq, inkluż mil-leġiżlaturi fl-2007. Dan irriżulta fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ittestjar tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) b'sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) fil-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE mill-2017 'il quddiem, flimkien mal-introduzzjoni tal-kunċett ta' fattur ta' konformità, li, fil-prattika, idgħajjef l-istandards tal-emissjonijiet attwalment fis-seħħ.

7.  Fl-istess ħin, l-iżvilupp ta' proċedura ta' ttestjar fil-laboratorju ġdida u aktar realistika, l-hekk imsejħa "Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata Fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief" (WLTP), li mistennija tissostitwixxi l-NEDC skadut, ħa wisq żmien. It-test se jkun obbligatorju bħala parti mill-proċess tal-approvazzjoni tat-tip tat-tipi ġodda kollha ta' vetturi mill-1 ta' Settembru 2017 'il quddiem u għall-vetturi ġodda kollha sena wara. Id-WLTP ngħażlet mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala l-proċedura ta' ttestjar għall-emissjonijiet tas-CO2, emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa oħra u l-kejl tal-konsum tal-fjuwil għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip.

8.  It-tul eċċessiv tal-proċess li jwassal għall-introduzzjoni tat-testijiet regolatorji RDE ma jistax jiġi spjegat biżżejjed biss bil-kumplessità tal-iżvilupp ta' proċedura ta' ttestjar ġdida, iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp teknoloġiku tal-PEMS, u t-tul tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dawk amministrattivi fil-livell tal-UE. Id-dewmien kien ukoll dovut għall-għażliet tal-prijoritajiet politiċi, l-influwenza tal-gruppi ta' interess u pressjoni kostanti mill-industrija li poġġiet il-fokus tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq l-evitar tal-piżijiet fuq l-industrija wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.

9.  It-test RDE approvat mill-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV) fit-28 ta' Ottubru 2015 introduċa "fattur ta' konformità temporanju" ta' 2.1 bl-effett li jippermetti li l-vetturi jemettu 168 mg/km ta' NOx fit-test RDE, applikabbli għall-vetturi ġodda kollha minn Settembru 2019 (u għal tipi ġodda ta' vetturi minn Settembru 2017), jiġifieri erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-valur ta' limitu ta' 80 mg/km skont ir-regoli tal-Euro 6. "Fattur ta' konformità finali" ta' 1.5 japplika għall-vetturi ġodda kollha mill-2021 (u għal tipi ġodda ta' vetturi mill-2020) bl-effett li jippermetti li l-vetturi jemettu 120 mg/km ta' NOx fit-test RDE.

10.  Huwa dibattibbli, kif ikkonfermat minn diversi esperti, jekk hemmx ħtieġa li jiġi inkluż xi fattur ta' konformità fil-proċedura RDE, peress li dawn jibqgħu f'kontradizzjoni ċara mar-riżultati ta' diversi testijiet indipendenti mwettqa fuq karozzi Euro 6, li wrew li fatturi ta' konformità tal-NOx taħt il-valur ta' 1.5 jew anki ferm anqas minn 1 diġà jistgħu jinkisbu. Barra minn hekk, il-fatturi ta' konformità ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn perspettiva teknika u ma jirriflettux ħtieġa ovvja li tiġi żviluppata teknoloġija ġdida, iżda pjuttost jippermettu l-użu kontinwu ta' teknoloġija anqas effiċjenti, filwaqt li teknoloġija aktar effiċjenti hija preżenti fis-suq iżda għandha livelli ta' penetrazzjoni baxxi għal raġunijiet tas-sitwazzjoni ekonomika attwali.

11.  L-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta' fatturi ta' konformità fil-livelli maqbula jistgħu jitqiesu bħala deroga ġenerali de facto mil-limiti ta' emissjonijiet applikabbli għal ammont konsiderevoli ta' żmien u b'hekk imorru kontra l-għanijiet u l-objettivi tar-Regolament bażiku (KE) Nru 715/2007, minħabba li l-fatturi ta' konformità stabbiliti mhux biss irriflettew l-inċertezza tal-kejl tal-PEMS, iżda ġew adattati ulterjorment ukoll għat-talbiet għal aktar permissività mill-Istati Membri u l-manifatturi tal-karozzi, mingħajr ġustifikazzjoni teknika. Konsegwentement, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament irrakkomanda li t-test RDE jitqies ultra vires li jeċċedi s-setgħa stipulata fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, u għalhekk jikser il-liġi tal-UE.

12.  Minkejja r-raġunijiet imsemmija, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed rieda politika u deċiżività biex taġixxi fuq is-serjetà tal-emissjonijiet għolja tal-NOx u li tagħti prijorità lill-protezzjoni tas-saħħa pubblika li kienet f'riskju.

13.  Huwa ġġustifikat li jiġi propost limitu ta' emissjonijiet tal-NOx aktar baxx għal karozzi diżil peress li hemm standards fid-dinja li huma ferm aktar stretti minn dawk attwalment fis-seħħ fl-UE u minħabba li diġà teżisti t-teknoloġija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-NOx peress li l-manifatturi tal-karozzi tal-UE diġà qed iqiegħdu karozzi diżil fis-suq tal-Istati Uniti li jridu jikkonformaw ma' limiti ta' emissjonijiet tal-NOx ferm aktar baxxi.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

14.  In-nuqqas tal-Istati Membri li jieħdu sehem attiv fil-Grupp ta' Ħidma "Real Driving Emissions – Light Duty Vehicles" (Emissjonijiet f'Sewqan Reali – Vetturi Light-Duty) (RDE-LDV) jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Jista' jiġi konkluż mill-minuti pprovduti li, bl-eċċezzjoni ta' ftit Stati Membri, bħar-Renju Unit, in-Netherlands, il-Ġermanja, Franza, id-Danimarka u Spanja, il-biċċa l-kbira ma pparteċipawx fil-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, minkejja li esprimew kritika għall-proposti tal-Kummissjoni. Minħabba r-rwol ewlieni li għandhom l-Istati Membri fl-infurzar tar-regolament, u minħabba d-diskrepanzi magħrufa fl-emissjonijiet tal-NOx tal-vetturi diżil u l-impatt negattiv sinifikanti tagħhom fuq l-objettivi dwar il-kwalità tal-arja, l-Istati Membri kien imisshom ħadu sehem fl-attivitajiet tal-grupp. Dan kieku kien jgħin ukoll sabiex jinkiseb bilanċ aħjar mal-parteċipanti l-oħra fil-grupp ta' ħidma.

15.  L-analiżi tal-minuti tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV u tat-TCMV turi li xi Stati Membri aġixxew f'diversi okkażjonijiet biex idewmu l-proċess tal-adozzjoni tat-testijiet RDE u jiffavorixxu metodi ta' ttestjar anqas stretti. Barra minn hekk, diversi Stati Membri (l-Italja, Spanja, Franza, ir-Repubblika Slovakka, ir-Rumanija u l-Ungerija), ma ħallewx li tifforma maġġoranza kwalifikata fit-TCMV, li rriżulta fil-posponiment tal-votazzjoni dwar l-ewwel pakkett tal-RDE, u għalhekk fid-dewmien tal-proċess tal-RDE kollu, li għadu mhux ikkompletat sal-lum, iżda kien inizjalment previst li jkun applikabbli għall-finijiet ta' konformità mid-data ta' introduzzjoni tal-limiti ta' emissjonijiet Euro 6 (2014 għall-approvazzjonijiet tat-tip ġodda u 2015 għall-vetturi ġodda kollha). B'riżultat tal-fatt li ċerti Stati Membri ffavorixxew valur ogħla għall-fattur ta' konformità, il-mudelli ta' karozzi ġodda mhux se jkollhom jirrispettaw sal-2020 l-istandards ta' emissjonijiet Euro 6 NTE, diġà maqbula mill-koleġiżlaturi fl-2007. Dan huwa sitt snin aktar tard minn meta oriġinarjament ippjanat u tliet snin aktar tard fir-rigward tat-twaqqit propost fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni CARS 2020 tat-8 ta' Novembru 2012 (COM(2012)0636).

16.  L-analiżi tal-minuti tal-laqgħat tat-TCMV turi li ħafna Stati Membri (l-Italja, Spanja, Franza, ir-Repubblika Slovakka, ir-Rumanija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Awstrija), opponew bil-qawwa l-proposta aktar ambizzjuża tal-Kummissjoni għal fatturi ta' konformità għal-limiti tal-NOx u minflok ftiehmu dwar valuri ta' fattur ta' konformità ogħla li jikkorrispondu għal objettivi ambjentali aktar dgħajfa. Xi Stati Membri ppreżentaw pożizzjoni differenti lill-pubbliku minn dik li ppreżentaw lill-parteċipanti tat-TCMV.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

17.  Il-Kummissjoni naqset milli tuża l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha, fil-livell tat-TCMV u l-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, sabiex tavvanza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tiżgura adattament fil-ħin opportun tat-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip biex jirriflettu l-kundizzjonijiet tad-dinja reali, kif stipulat fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

18.  Minkejja li l-kwistjoni tal-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi mhux biss hija kwistjoni politika u ferm sensittiva, iżda hija wkoll suġġett ta' tħassib kbir ħafna għaċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni m'għamlet l-ebda tentattiv biex tavvanza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet billi tagħmel użu mill-possibbiltà prevista fil-Proċedura Regolatorja bi Skrutinju biex tressaq il-proposta fil-livell tal-Kunsill sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni politika u teżerċita pressjoni addizzjonali fuq l-Istati Membri li joħolqu ostakoli. In-nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi fil-mument xieraq dwar ir-responsabbiltà tagħha li żżomm taħt eżami l-proċedura ta' ttestjar u li tirrevediha biex tirrifletti l-kundizzjonijiet tad-dinja reali jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

19.  Bħala l-entità responsabbli għall-proċess u l-aġenda tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, il-Kummissjoni kien imissha ddiriġiet lill-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV lejn għażla aktar bikrija tal-alternattiva tal-ittestjar tal-PEMS, billi dik l-alternattiva kienet ġiet issuġġerita fil-Premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, kienet ġiet appoġġata b'mod wiesa' fil-Grupp RDE-LDV, u l-JRC kien diġà kkonkluda f'Novembru 2010 li l-metodi ta' ttestjar tal-PEMS kienu robusti biżżejjed. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

20.  Koordinazzjoni aħjar bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni involuti, inkluż il-JRC, setgħet tkun strumentali biex taċċelera l-proċess ta' adattament tat-testijiet. Kooperazzjoni aħjar bejn id-Direttorati Ġenerali fl-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha setgħet tat riżultati aħjar dwar il-kwalità tal-arja u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-UE. Il-fatt li ma ġiex indirizzat in-nuqqas ta' rispett serju tal-istandards tas-suq intern tal-UE u tal-istrumenti ta' politika tas-sors tat-tniġġis tal-arja jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

21.  Aktar minn nofs il-parteċipanti fil-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV kienu esperti mill-manifatturi tal-karozzi u industriji tal-karozzi oħrajn. Dan jista', inter alia, jiġi attribwit għan-nuqqas ta' għarfien tekniku espert suffiċjenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni kkonsultat ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati u żgurat aċċess miftuħ għall-Grupp RDE-LDV, kien imissha ħadet passi ulterjuri biex "sa fejn ikun possibbli, tiżgura rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li tqis il-kompiti speċifiċi tal-grupp ta' esperti u t-tip ta' għarfien espert meħtieġ", kif meħtieġ skont ir-regoli orizzontali għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2010.

22.  Il-Kummissjoni kien imissha aġixxiet biex timmitiga r-rwol ċentrali li kellhom ir-rappreżentanti tal-industrija rrappreżentata żżejjed fil-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV, li dewmu b'mod kostanti l-ħidma tiegħu billi fetħu mill-ġdid suġġetti li kienu meqjusa ċċarati jew saħansitra deċiżi.

23.  Il-Kummissjoni kien imissha ħadet b'mod konsistenti l-minuti sinifikanti u kompluti tal-laqgħat tal-Gruppi ta' Ħidma RDE-LDV. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Barra minn hekk, huwa ta' dispjaċir li ma ttieħdu l-ebda minuti tal-laqgħat tal-Grupp tal-Emissjonijiet minn Vetturi bil-Mutur.


KAPITOLU 4 APPARATI TA' MANIPULAZZJONI

4.1.   Introduzzjoni

"Apparat ta' manipulazzjoni" huwa definit mir-Regolament (KE) Nru 715/2007 bħala "kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll ta' l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll ta' l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura";

Ir-Regolament jipprojbixxi l-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni, ħlief meta:

"(a)  il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta' protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

(b)  it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet tal-istartjar tal-magna;

jew

(c)  il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika tal-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta' l-emissjonijiet mit-tailpipe".

Apparat ta' manipulazzjoni nstabu fl-Istati Uniti f'vetturi light-duty fl-1995 u f'vetturi heavy-duty fl-1998 [JRC, EPA, CARB]; konsegwentement, il-projbizzjoni fuq apparat ta' manipulazzjoni u eċċezzjonijiet kienu introdotti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-vetturi light-duty mid-Direttiva 1999/96/KE, u nżammu essenzjalment l-istess minn dak iż-żmien.

4.2.   Analiżi tal-evidenza miġbura

Għarfien dwar l-użu possibbli ta' apparat ta' manipulazzjoni pprojbiti

Bħala riżultat ta' każijiet li seħħew fl-Istati Uniti fl-1990, ir-riskju tal-użu possibbli ta' apparat ta' manipulazzjoni kien ġeneralment magħruf għal vetturi light-duty u dawk heavy-duty. Madankollu, mill-evidenza miġbura jidher li, ġeneralment, ma kienx suspettat li apparat ta' manipulazzjoni seta' qed jiġi użat effettivament f'kwalunkwe karozza tal-passiġġieri prodotti fl-UE sakemm il-kumpanija Volkswagen ammettiet li kien jintuża softwer ta' manipulazzjoni fil-karozzi diżil tagħha mibjugħa fl-Istati Uniti [JRC, ICCT, TNO, DUH, Borgeest, ADAC, T&E, COM, ACEA, Verheugen, Potočnik, Tajani, Vella, MIT, Millbrook, KBA, SCNH, Dobrindt, Q:MS, Q:Suppliers].

Madankollu, fir-rapport tiegħu tal-2013 intitolat "Test tal-emissjonijiet kumplimentari għal vetturi ħfief", il-JRC isemmi l-possibbiltà ta' "l-użu ta' strateġiji ta' manipulazzjoni taħt kondizzjonijiet normali ta' użu" u jiddikjara li filwaqt li l-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni huwa ġeneralment ipprojbit, jeżistu eċċezzjonijiet li jħallu lok għal interpretazzjoni u jipprovdu ambitu, flimkien mal-proċedura ta' ttestjar li tiġi applikati bħalissa, għat-tfassil tar-rendiment tal-emissjonijiet ta' vetturi light-duty għal sett limitat ta' kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tat-tip.

Apparat ta' manipulazzjoni ġeneralment ma kinux meqjusa fost ir-raġunijiet possibbli għad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet ta' NOx minn vetturi diżil li tkejlu fil-laboratorju u dawk li tkejlu fit-triq, peress li kien mifhum li dawn id-diskrepanzi jistgħu jiġu spjegati b'mod suffiċjenti mill-fatt li t-test fil-laboratorju tal-NEDC ma kienx rappreżentattiv ta' sewqan reali, u li l-manifatturi jistgħu jottimizzaw il-vetturi tagħhom sabiex jgħaddu ċ-ċiklu tat-test sakemm, milli jidher, jikkonformaw mal-liġi tal-UE [JRC, ICCT, TNO, DUH, Borgeest, ADAC, T&E, EA, EPA, Potočnik, Millbrook, KBA].

Fit-30 ta' April 2012 email interna mill-JRC, b'kopja lid-DĠ GROW, ġiet mibgħuta dwar karozza Euro 5a tal-passiġġieri taħdem bid-diżil li kienet qed tiġi ttestjata mill-JRC. Ir-riżultati tat-test urew li l-limiti ta' emissjoni Euro 5 ġew sodisfati biss fil-medda ta' temperaturi bejn 20 u 30°C, iżda ma ġewx issodisfati barra dik il-medda ta' temperatura. L-email issemmi wkoll "l-effett ta' memorja" li nstab li influwenza l-istrateġija tal-magna għal mill-anqas 20 minuta wara li l-magna tkun ġiet startjata f'temperatura speċifika. L-uffiċjal ta' DĠ GROW li wieġeb għal din l-email, b'DĠ ENV u DĠ MOVE f'kopja, iddikjara li "dan huwa utli ħafna u każ ċar ta' manipulazzjoni furzata taċ-ċiklu" ("this is very useful and a clear case of "hard" cycle beating") [CIRCA].

Matul is-seduta tagħhom quddiem il-Kumitat, il-persuna li kienet Direttur dak iż-żmien u d-Direttur Ġenerali ta' DĠ GROW iddikjaraw li ma ġewx infurmati dwar din l-email u għalhekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni sussegwenti [Zourek].

Milli jidher korrispondenza oħra bejn il-JRC u DĠ GROW, DĠ ENV u DĠ CLIMA, fejn ġiet diskussa mġiba stramba "possibbli" tal-emissjonijiet fl-2008 u fl-2010 ma kellha ebda segwitu, lanqas. Madankollu, in-nuqqas ta' xi indikazzjoni dwar l-użu possibbli ta' apparat ta' manipulazzjoni mill-manifatturi tal-karozzi ngħatat bħala raġuni mill-Kummissjoni għaliex il-JRC ma ngħatax mandat mill-Kummissjoni biex jinvestiga aktar dwar is-suġġett.

L-identifikazzjoni ta' apparat ta' manipulazzjoni

Wara l-Avviż ta' Ksur maħruġ mill-EPA tal-Istati Uniti f'Settembru 2015, Volkswagen ammettiet li installat softwer partikolari fil-magna Euro 5 EA 189 li taħdem bid-diżil li tippermetti lill-vettura tinduna li qed tiġi ttestjata u tbiddel il-karatteristika tal-emissjonijiet NOx waqt l-ittestjar [VW, KBA]. L-identifikazzjoni permezz ta' test mhijiex indikazzjoni tal-preżenza ta' apparat ta' manipulazzjoni pprojbit per se [VW, Bosch]. Madankollu, skont il-leġiżlazzjoni, il-għan tal-identifikazzjoni permezz ta' test m'għandux ikun li titnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet barra mit-test.

Wara l-ammissjonijiet ta' Volkswagen dwar is-softwer installat fil-vetturi Euro 5 tagħha, l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati mill-manifatturi tal-karozzi ġew taħt skrutinju. Il-kwistjoni tibqa' dwar jekk dawn l-istrateġiji jikkostitwixxux użu illegali ta' apparat ta' manipulazzjoni fis-sens strett tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, jew jekk dawn l-istrateġiji humiex applikazzjoni legali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament. Dan l-Artikolu jipprovdi għall-użu legali ta' apparat ta' manipulazzjoni fejn il-ħtieġa għal tali apparat huwa ġustifikat, inter alia għall-"protezzjoni tal-magna minn ħsarat jew inċidenti u biex il-vettura taħdem b'mod sikur". Fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kumitat, il-manifatturi kollha tal-karozzi ddikjaraw li użaw dawn l-eċċezzjonijiet [Q:OEM].

Fil-fatt, ta' spiss l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati minn xi manifatturi jidhru xprunati biss mill-għan li jgħaddu mit-test, li huma interpretaw bħala l-uniku rekwiżit legali li għandu jiġu ssodisfat, minkejja l-objettivi ċari dwar il-kwalità tal-arja tal-leġiżlazzjoni [Borgeest, ACEA, MIT, SNCH, Millbrook]. Pereżempju, xi manifatturi jikkalibraw l-ECUs biex titnaqqas l-effettività tal-ECTs barra "twieqi termali" speċifiċi li huma qrib il-firxa tat-temperatura ambjentali preskritta mill-NEDC, pereżempju billi jintfew is-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet f'temperaturi ambjentali anqas minn 17 °C, filwaqt li oħrajn huma kapaċi jżommu l-ECTs effettivi f'firxiet ta' temperaturi ferm akbar [Mitsubishi, VW, PSA, Q:OEM]. Bħala referenza, iċ-ċikli użati biex jiġu ttestjati vetturi fl-Istati Uniti jitwettqu f'medda ta' temperaturi ambjentali minn -7 °C sa + 35 °C [EPA].

Diversi manifatturi tal-karozzi vvalutaw mill-ġdid il-firxiet tat-temperatura li jintużaw waqt il-proċess ta' kalibrazzjoni tal-ECTs u aġġustaw dawn il-firxiet għal spettru ħafna aktar wiesa' [Renault, Mitsubishi, Q:OEM].

L-opinjoni ġenerali tal-esperti hi li l-effettività ta' sistemi ta' post-trattament tal-NOx, bħalma huma l-LNT u l-SCR, ma tiddipendix fuq it-temperatura ambjentali ladarba tintlaħaq it-temperatura suffiċjenti fil-linja tal-egżost. Meta l-kundizzjoni t'hawn fuq tiġi ssodisfata, ma jkun hemm l-ebda raġuni teknika plawżibbli biex tintefa wara t-trattament tal-ECTs fi kwalunkwe temperatura ambjentali [AECC, TNO, DUH, Borgeest, Faurecia, Q:Suppliers], b'hekk l-istrateġiji ta' ottimizzazzjoni li jitfuhom jistgħu jiġi attribwiti għal għażliet magħmula mill-manifatturi tal-karozzi sabiex jintlaħqu għanijiet differenti, bħalma huma t-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil (li hu, pereżempju, miżjud permezz ta' riġenerazzjonijiet perjodiċi meħtieġa minn sistema LNT), iż-żieda tal-konvenjenza għall-utent (billi, pereżempju, ikunu jeħtieġu inqas kontenituri ta' soluzzjoni tal-urea f'sistema SCR), żieda fis-sostenibbiltà ta' komponenti oħrajn tal-magni, tnaqqis tal-ispejjeż permezz tal-użu ta' parts orħos jew indirizzar ta' xkiel fid-disinn.

Is-sewqan f'temperaturi ambjentali baxxi ħafna (jew f'altitudni għolja ħafna fejn il-pressjoni tal-arja tkun baxxa), jista' jkun ta' sfida għal sistemi EGR, minħabba l-ħolqien possibbli ta' nugrufun, idrokarburi u kondensati li jistgħu jimblukkaw il-valvola jew l-intercooler tal-EGR, u jikkawżaw, pereżempju, żieda fl-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu, żieda fil-PM jew fl-idrokarburi [TNO, Borgeest, Renault, ACEA, Q:Suppliers, Q:OEM, Opel]. Madankollu, il-manifatturi jidhru li jitfu s-sistemi EGR inġustifikabbilment malajr u qrib wisq it-temperatura użata fiċ-ċiklu tat-test (l-imsemmija "twieqi termali") [Borgeest, KBA, Dobrindt]. L-esperti ddikjaraw li miżuri tekniċi addizzjonali jistgħu jiġu applikati malajr biex tissolva l-kwistjoni tat-tħaddim u jintlaħqu temperaturi ambjentali ta' madwar 0°C [TNO, Borgeest], pereżempju billi tintuża s-sħana rkuprata mill-magna, jekk disponibbli, biex tiżdied it-temperatura tal-inlet tal-arja [TNO].

Barra "t-twieqi termali", strateġiji oħra ta' kalibrazzjoni tas-softwer applikati mill-manifatturi tal-karozzi jistgħu jixhdu l-użu illegali ta' apparat ta' manipulazzjoni:

  pereżempju, jitwaqqfu jew jiġu mmodulati l-ECTs biex titnaqqas l-effiċjenza tagħhom wara ċertu żmien mill-bidu tal-magna, ftit wara t-tul tat-test (madwar 20 minuta) [KBA];

  każ ieħor huwa meta l-emissjonijiet NOx mkejla fiċ-ċiklu tat-test bi startjar ta' magna sħuna huma ogħla minn dawk li jitwettqu mill-istess ċiklu bi startjar ta' magna kiesħa preskritta mill-NEDC [TNO, DUH, Borgeest, Bosch, Millbrook, EPA]; din l-imġiba tinsab f'ħafna vetturi fl-UE, u l-EPA kkonfermat li din kienet raġuni waħda għalfejn iddeċiediet li tkompli tinterpella lil Volkswagen [EPA].

L-infurzar tal-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni

Il-fatt li l-apparat ta' manipulazzjoni huma pprojbiti fl-UE kollha huwa ċar u ma ġiex ikkontestat minn ebda kelliem. Il-Kummissjoni ssostni li d-definizzjoni ta' apparat ta' manipulazzjoni huwa ċar, u simili ħafna għad-definizzjoni użata fl-Istati Uniti [COM, DIMAS, Verheugen, Bieńkowska]. Il-projbizzjoni tal-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni hija espliċita, li ntirtet mil-leġiżlazzjoni preċedenti Euro 3/4, u ma kinitx suġġetta għal dibattitu li sar matul il-proċess tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 [Verheugen]. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ebda Stati Membru ma kien talab għal aktar ċarezza dwar id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu sa mill-introduzzjoni tiegħu [COM, Bieńkowska, Verheugen].

Xi esperti u xhieda u xi Stati Membri kellhom dubji dwar il-livell ta' ċarezza tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Euro 5/6 u indikaw in-nuqqas ta' lista ta' kriterji ta' valutazzjoni biex jevalwaw jekk l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati mill-manifatturi tal-karozzi humiex tipi ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti jew jistgħux jiġu ġġustifikati għal raġunijiet ta' protezzjoni tal-magna u tas-sigurtà [ICCT, TNO, Lange, ADAC, RDW, Renault, Verheugen, MIT, Dobrindt]. Ix-xhieda kkonfermaw li ma staqsewx għal kjarifika qabel. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 692/2008 ma jinkludix ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet li l-Kummissjoni ġiet awtorizzata tadotta skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Euro 5/6

Qabel l-adozzjoni tat-tieni pakkett tal-RDE, il-manifatturi tal-karozzi ma kinux obbligati li jiddikjaraw jew jiġġustifikaw l-istrateġiji tagħhom dwar l-emissjonijiet (ħlief f'temperaturi baxxi speċifikati): b'mod partikolari, ir-rekwiżit li jiġu żvelati "l-istrateġiji awżiljari għall-kontroll tal-emissjonijiet", li jbiddlu l-istrateġiji ta' bażi għal skop speċifiku u b'reazzjoni għal sett speċifiku ta' kundizzjonijiet ambjentali jew operattivi, ma kienx previst fil-leġiżlazzjoni sa April 2016 [COM, Renault, VW, MIT], u ebda awtorità tal-approvazzjoni tat-tip ma talbet tali informazzjoni [Q:OEM].

Skont ir-Regolament (KE) Nru 692/2008, il-Kummissjoni għandha d-dritt li titlob lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament ta' teknoloġija ta' emissjonijiet f'temperaturi baxxi. Il-Kummissjoni ma għamlitx użu minn din id-dispożizzjoni [COM].

Minflok, rekwiżit simili ġie introdott fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni Euro III/IV għal vetturi heavy-duty wara każijiet misjuba fl-Istati Uniti fl-1999-1998 (il-leġiżlazzjoni attwali tal-Euro V/VI għal vetturi heavy-duty ma jipprovdi għal ebda eċċezzjoni għall-projbizzjoni fuq l-istrateġiji ta' manipulazzjoni). Madankollu, ma ġietx inkluża fil-liġi ta' implimentazzjoni preċedenti għal vetturi light-duty. Waqt is-seduti ta' smigħ tagħhom, rappreżentanti tal-Kummissjoni sostnew li r-rekwiżit ma ġiex inkluż fil-vetturi light-duty peress li l-iżvilupp u l-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni għal vetturi light-duty kien meqjus għali wisq [Verheugen, Zourek].

Fil-fatt, it-talba tal-EPA tal-Istati Uniti li saret lil Volkswagen biex tiġġustifika l-istrateġiji għall-emissjonijiet użati fil-karozzi diżil tagħhom fl-Istati Uniti kienet li wasslet għall-ammissjoni tal-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni projbiti [EPA]. Mingħajr l-obbligu għall-manifatturi tal-karozzi biex jiżvelaw u, fejn meħtieġ, jiġġustifikaw l-istrateġiji dwar l-emissjonijiet tagħhom, l-identifikazzjoni b'ċertezza ta' apparat ta' manipulazzjoni implimentat f'softwer jeħtieġ proċedura twila u diffiċli ta' inġinerija inversa mingħajr garanzija ta' suċċess. Din il-proċedura ta' inġinerija inversa ma tkunx prattika bħala mezz ta' tfittxija sistematika għal apparat ta' manipulazzjoni tul il-proċess ta' approvazzjoni tat-tip [JRC, ICCT, Borgeest, Lange, Bosch, RDW, Q:Suppliers, Q:OEM, Stromček]. Min-naħa l-oħra, anormalitajiet jistgħu jiġu possibbilment żvelati permezz ta' tibdil fil-parametri tat-test.

Il-Ġermanja indikat li l-leġiżlazzjoni ma teħtieġx l-użu tal-aħjar tekniki disponibbli għas-sistemi ta' kontroll ta' emissjoni qabel ma tkun tista' tiġi invokata eċċezzjoni abbażi tal-protezzjoni tal-magna [Dobrindt], billi l-ispeċifikazzjonijiet tal-komponenti offruti mill-fornituri jistgħu jvarjaw [Bosch, Faurecia], iżda diversi esperti u manifatturi tal-karozzi ddubitaw mill-effikaċja li jintuża l-kunċett tal-aħjar teknoloġija disponibbli fil-leġiżlazzjoni [Q:OEM].

Madankollu, fil-Kunsill tat-Trasport tas-7 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni u maġġoranza fil-Kunsill ikkunsidraw l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 5(2) bħala ċari u identifikaw nuqqas ta' infurzar min-naħa tal-Istati Membri bħala l-oriġini tal-problema, minħabba li l-infurzar tal-projbizzjoni fuq apparat ta' manipulazzjoni huwa dmir tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq [Bieńkowska].

L-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip fl-Istati Membri huma responsabbli li jivverifikaw li l-vetturi jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, li jinkludu l-projbizzjoni ta' apparat ta' manipulazzjoni.

Qabel ir-rivelazzjonijiet tal-każ Volkswagen f'Settembru 2015, minkejja l-evidenza ta' eċċessi sinifikanti ta' emissjonijiet ta' NOx fit-triq meta mqabbla mal-limiti regolatorji disponibbli mill-Kummissjoni u korpi indipendenti oħra, u minkejja l-projbizzjoni fuq apparat ta' manipulazzjoni minquxa fil-liġi tal-UE, l-ebda Stat Membru m'applika protokolli jew metodi ta' ttestjar speċifiċi, jew ħa kwalunkwe miżura oħra, biex ifittex il-possibbiltà ta' użu ta' apparat ta' manipulazzjoni projbit. Bosta awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u servizzi tekniċi semmew ukoll in-nuqqas ta' metodu ta' ttestjar biex jiġi identifikat apparat ta' manipulazzjoni [MIT, KBA, SNCH, RDW, UTAC]. Il-leġiżlazzjoni ma pprojbixxietx lill-Istati Membri li jwettqu testijiet addizzjonali [MIT, UTAC, Calleja, Royal].

Wara Settembru 2015, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja, l-Isvezja u l-Olanda wettqu testijiet addizzjonali barra t-test NEDC, u użaw ir-riżultati ta' dawn it-testijiet komplimentari biex ifittxu l-użu potenzjali ta' apparat ta' manipulazzjoni projbiti (il-Finlandja se tibda t-testijiet is-sena d-dieħla). Kważi fil-każijiet kollha l-awtoritajiet investigattivi talbu lill-manifatturi spjegazzjonijiet dwar l-istrateġiji dwar l-emissjonijiet tagħhom.

Fost l-Istati Membri li ħarġu ċertifikati ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Lussemburgu u Malta ma wettqux testijiet kumplementari.

Rapport dwar l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri, abbozzat mill-Kummissjoni bi tweġiba għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, huma disponibbli fuq il-website tal-Kumitat:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html?tab=Evidence

L-investigazzjonijiet nazzjonali li saru wara Settembru 2015 ttestjaw kampjun kbir ta' vetturi diżil preżenti fis-suq tal-UE u, filwaqt li jikkonfermaw diskrepanzi ta' NOx bejn l-emissjonijiet fil-laboratorju u dawk reali, ma kkunsidrawx l-evidenza dwar l-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni projbiti minn manifatturi, ħlief fil-każ tal-Volkswagen, bħala determinanti. Meta d-devjazzjonijiet mill-parametri mistennija ta' emissjonijiet ġew osservati, il-manifatturi tal-karozzi pprovdew ġustifikazzjonijiet abbażi tal-protezzjoni tal-magna u tas-sikurezza, li l-awtoritajiet, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma kkonkludewx li kienu fi ksur tal-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni fuq apparat ta' manipulazzjoni [MIT, KBA, UTAC, Dobrindt, Q:MS, Nencini].

Fi żmien li inkiteb dan id-dokument, f'xi każijiet l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip waslu għal konklużjonijiet differenti. Tali każ huwa kkostitwit minn allegazzjonijiet mill-awtorità Ġermaniża tal-approvazzjoni tat-tip KBA li ċerti vetturi tal-grupp FCA jużaw apparat ta' manipulazzjoni pprojbit. L-awtoritajiet Taljani responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip ta' dawk il-vetturi ma jaqsmux din il-fehma, u nbdiet proċedura ta' medjazzjoni skont l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2007/46/KE [KBA, MIT, FCA].

Barra minn hekk, l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip Netherlandiża RDW investigat 30 vettura u identifikat l-użu potenzjali ta' apparat ta' manipulazzjoni pprojbit f'vettura waħda Volkswagen [RDW]. Imġiba mhux standard ġiet individwata f'16 mit-30 vettura, li pproduċew żieda fl-emissjonijiet f'veloċità, ħin, distanza jew temperatura ambjentali partikolari. Ir-RDW talbet lill-manifatturi ta' dawn il-vetturi għal spjegazzjonijiet u għandha l-possibbiltà li tirtira l-approvazzjoni tat-tip tal-UE jekk ma tingħatax spjegazzjoni sodisfaċenti.

Skont l-ewwel riżultati tat-testijiet imwettqa skont l-ICCT fil-qafas tal-kampanja ta' skrining għall-emissjonijiet tad-diżil li saret mill-gvern Franċiż, numru kbir ta' vetturi ttestjati kellhom imġiba suspettuża fir-rigward tal-emissjonijiet. Kienu biss 4 minn 52 vettura li ssodisfaw il-limitu ta' emissjonijiet korrispondenti tagħhom meta ġew ttestjati barra l-laboratorju.

B'mod ġenerali, jidher li l-Istati Membri ma jidhrux li japplikaw approċċi komparabbli biex jivvalutaw u jevalwaw il-konformità mal-liġi tal-UE dwar apparat ta' manipulazzjoni, u li l-awtoritajiet u s-servizzi tekniċi fl-Istati Membri kienu qed jistennew li l-linji gwida ta' interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-apparat ta' manipulazzjoni, sabiex jiġu ċċarati l-limiti fuq l-użu ta' eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni, ħaġa li twassal għal interpretazzjoni komuni dwar liema huma l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet legali [Bieńkowska, MIT, RDW]. L-avviż dwar "Gwida dwar l-evalwazzjoni tal-Istrateġiji Awżiljarji għall-Kontroll tal-Emissjonijiet u l-preżenza ta' Tagħmir ta' Riduzzjoni" ġie adottat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2017.

L-esperti u x-xhieda mistiedna qablu li l-ittestjar tal-RDE se jagħmel l-użu ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti ferm aktar diffiċli minħabba li l-kundizzjonijiet tat-test ikunu inqas prevedibbli. Madankollu, xorta waħda jista' jkun hemm modi kif jiġi skopert l-ittestjar tal-RDE, bħalma huma r-rilevament posterjuri tal-egżost jew jekk vettura toperax bil-bagoll miftuħ [DUH, JRC, TNO, ADAC, EA, ICCT].

4.3.   Konklużjonijiet

24.  L-apparati ta' manipulazzjoni, kif definiti fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, ġeneralment ma kinux ikkunsidrati fost ir-raġunijiet possibbli għad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet ta' NOx fil-laboratorju u fit-triq. Ma kienx ġeneralment issuspettat li setgħu kienu fil-fatt qed jintużaw f'karozzi tal-passiġġieri prodotti fl-UE minkejja l-fatt li tali apparat kien jinstab fl-Istati Uniti f'vetturi light-duty fl-1995 u f'vetturi heavy-duty fl-1998 u minkejja l-fatt li r-rapport tal-2013 tal-JRC bit-titolu "A complementary emissions test for light-duty vehicles" iddiskuta l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni.

25.  Il-kamp ta' applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-projbizzjoni fuq l-apparati ta' manipulazzjoni qatt ma ġew ikkontestati minn ħadd. L-ebda Stat Membru jew manifattur tal-karozzi qatt ma poġġa indiskussjoni jew talab kjarifika dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-apparati ta' manipulazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni, sakemm faqqa' l-każ tal-Volkswagen.

26.  Xi strateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet applikati mill-manifatturi tal-karozzi jindikaw l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni pprojbiti. Pereżempju, xi manifatturi jnaqqsu l-effettività tal-ECTs barra minn "twieqi termali" speċifiċi qrib il-medda tat-temperaturi preskritta mit-test NEDC, filwaqt li jsostnu li tali tnaqqis huwa neċessarju biex il-magna tiġi protetta mill-ħsara f'konformità mad-derogi għall-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007. Dawk it-twieqi termali rarament huma ġustifikabbli skont il-limitazzjonijiet tekniċi tal-ECTs. Oħrajn jimmodulaw l-ECTs biex inaqqsulhom l-effiċjenza wara li jgħaddi ċertu ħin – li huwa qrib it-tul tat-test – mindu tkun ġiet startjata l-magna. Barra minn hekk, f'ħafna każijiet, l-emissjonijiet imkejla fuq ċiklu ta' ttestjar wara ċertu perjodu wara li tkun ġiet startjata l-magna huma ogħla mingħajr ġustifikazzjoni, minħabba l-funzjonalità teknika tal-ECTs, milli fuq l-istess ċiklu bil-kejl meħud immedjatament wara li tkun ġiet startjata l-magna.

27.  Wara l-iskandlu tal-Volkswagen, ċerti manifatturi tal-karozzi aġġustaw it-twieqi termali tagħhom biex jippermettu li t-teknoloġiji eżistenti tagħhom ta' kontroll tal-emissjonijiet joperaw fi ħdan firxa ta' temperaturi ferm usa'.

28.  L-istrateġiji ta' ottimizzazzjoni li jnaqqsu l-effettività tal-ECTs jistgħu jiġu attribwiti lill-għażliet kummerċjali magħmula mill-manifattur tal-karozzi biex jilħaq objettivi differenti, bħat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil, iż-żieda fil-konvenjenza tal-utent, it-tnaqqis tal-ispejjeż bl-użu ta' parts orħos jew l-indirizzar tal-limiti tad-disinn. Dawn l-objettivi mhumiex koperti mill-eżenzjonijiet fuq il-projbizzjoni fuq l-użu ta' apparati ta' manipulazzjoni.

29.  L-ebda awtorità tal-UE jew ta' Stat Membru ma fittxet għal apparati ta' manipulazzjoni jew tat prova tal-użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni qabel Settembru 2015. L-ebda awtorità jew servizz tekniku ta' Stat Membru ma wettqu xi testijiet oħra minbarra l-NEDC fl-ambitu tal-approvazzjoni tat-tip, li fiha nfisha ma tistax tindika l-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni. Filwaqt li test alternattiv mhux neċessarjament jidentifika apparati ta' manipulazzjoni, l-użu ta' testijiet oħra minbarra l-NEDC seta' indika aġir ta' emissjonijiet suspettuż u ssuġġerixxa l-ħtieġa għal investigazzjoni ulterjuri. Fis-26 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż dwar Gwida dwar l-evalwazzjoni tal-Istrateġiji Awżiljarji għall-Kontroll tal-Emissjonijiet u l-preżenza ta' Tagħmir ta' Riduzzjoni. Huwa jissuġġerixxi protokoll ta' ttestjar għall-apparati ta' manutenzjoni li jgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' apparati ta' manutenzjoni potenzjali billi l-vetturi jiġu ttestjati skont varjazzjonijiet mhux prevedibbli tal-kundizzjonijiet ta' ttestjar standard.

30.  Il-maġġoranza l-kbira tal-manifatturi tal-karozzi preżenti fis-suq tal-UE ddikjaraw li jużaw id-derogi għall-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni previsti skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007. L-investigazzjonijiet u l-kawżi fil-qrati li għaddejjin fil-livell nazzjonali se jiddeċiedu jekk l-istrateġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet użati mill-manifatturi tal-karozzi jikkostitwixxux użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni jew applikazzjoni legali tad-derogi. Il-gwida tal-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll metodoloġija għall-evalwazzjoni teknika ta' strateġiji ta' emissjonijiet awżiljarji mill-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip.

31.  Għall-kuntrarju tal-vetturi heavy-duty, il-manifatturi tal-karozzi ma kinux obbligati jiżvelaw jew jiġġustifikaw l-istrateġiji dwar l-emissjonijiet tagħhom. Dan l-obbligu jiffaċilita l-kontroll għall-apparati ta' manipulazzjoni. Anki bit-testijiet RDE, fil-ġejjieni ma jistax jiġi kompletament eskluż li jintużaw strateġiji ta' manipulazzjoni.

32.  L-esperti nnotaw il-fehma ta' kunsens li l-kontroll preventiv u d-detezzjoni possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni tas-sistema ta' emissjonijiet frodulenti permezz ta' aċċess mhux ristrett għas-softwer proprjetarju tal-vettura mhuwiex metodu vijabbli, minħabba l-kumplessità estrema ta' tali softwer.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

33.  M'hemm l-ebda applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE fir-rigward ta' eżenzjonijiet għal apparati ta' manipulazzjoni fit-28 Stat Membru, b'hekk tinħoloq inċertezza fl-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi u jiġi mxekkel is-suq uniku.

34.  L-Istati Membri kisru l-obbligu ġuridiku tagħhom li jimmonitorjaw u jinfurzaw il-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007. L-ebda wieħed minnhom ma sab l-apparati ta' manipulazzjoni installati fil-vetturi Volkswagen, b'mod partikolari dawk l-Istati Membri li l-awtoritajiet tagħhom approvaw dawk il-vetturi. Barra minn hekk, skont l-investigazzjonijiet tagħna, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u tal-anqas il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Lussemburgu, kellhom il-provi li strateġiji tal-kontroll tal-emissjonijiet ma kinux iffukati fuq l-użu ta' karozza fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali iżda kienu jwieġbu għal kundizzjonijiet simili għaċ-ċiklu ta' ttestjar NEDC (it-temperatura, it-tul ta' żmien, il-veloċità), sabiex vettura tgħaddi miċ-ċiklu ta' ttestjar tal-approvazzjoni tat-tip.

35.  L-Istati Membri ma jidhrux li japplikaw approċċi komparabbli biex tiġi vvalutata u evalwata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar l-apparati ta' manipulazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

36.  Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma ħadux passi biex jifhmu aħjar id-diskrepanzi kbar bejn il-livelli ta' emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u dawk fit-triq billi jwettqu testijiet ulterjuri barra l-kundizzjonijiet tal-NEDC. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

37.  Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu ġuridiku li tfittex hija stess għal apparati ta' manipulazzjoni, iżda kellha l-obbligu ġuridiku li tissorvelja lill-Istati Membri fl-infurzar tagħhom tal-projbizzjoni fuq apparati ta' manipulazzjoni. Madankollu, minkejja l-għarfien ta', u l-komunikazzjoni bejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni dwar, prattiki illegali possibbli mill-manifatturi li jiksru r-Regolament (KE) Nru 715/2007, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda riċerka jew investigazzjoni teknika jew legali ulterjuri, jew hija nnifisha jew b'mandat lill-JRC, u lanqas ma talbet informazzjoni jew azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri biex tivverifika jekk il-liġi setgħetx ġiet miksura. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina u nuqqas li tittieħed azzjoni.

38.  Il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet għall-vetturi heavy-duty kienet dejjem aktar stretta fuq l-apparati ta' manipulazzjoni minn dik għall-vetturi light-duty. Għadu mhux ċar għaliex il-Kummissjoni ma ttrasponietx dawn id-dispożizzjonijiet aktar stretti mil-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi heavy-duty għal-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi light-duty.

39.  Barra minn hekk, is-sejbiet ta' riċerka mill-korp xjentifiku tal-Kummissjoni stess, il-JRC, kienu qegħdin jindikaw l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni u ġew kwalifikati minn uffiċjali tal-Kummissjoni bħala "każ ċar ta' cycle beating ovvju". Id-data dwar il-vettura diżil Euro 5a kkonċernata kienet parti wkoll minn rapport tal-JRC dwar l-ekoinnovazzjoni, ippubblikat fl-2013, u fil-prinċipju disponibbli għall-uffiċjali kollha tal-Kummissjoni.

40.  Minkejja l-indikazzjonijiet ċari tal-użu illegali possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni, il-Kummissjoni qatt ma għamlet użu mid-dispożizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 692/2008, li tintitolaha titlob lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tat-teknoloġija tal-emissjonijiet f'temperaturi baxxi.

41.  Il-Kummissjoni kien imissiha tat segwitu għall-korrispondenza bejn il-JRC u d-DĠ ENTR, id-DĠ ENV u d-DĠ CLIMA, fejn jiddiskutu aġir "stramb" possibbli tal-emissjonijiet fl-2008 u fl-2010. Il-ġustifikazzjoni għaliex ma ttieħdet l-ebda azzjoni, minħabba nuqqas ta' indikazzjoni jew evidenza ċara oħra tal-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni mill-manifatturi tal-karozzi, hija żbaljata, peress li l-indikazzjonijiet kienu ngħataw fil-korrispondenza, u għalhekk tikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina, peress li l-evidenza ma tistax tinstab sakemm ma tiġix imfittxija.

42.  Il-Kummissjoni kien imissha żgurat li r-riżultati u t-tħassib tar-riċerka tal-JRC diskussi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta' prattiki illegali mill-manifatturi laħqu l-livelli ogħla tal-ġerarkija – li allegatament ma sarx – sabiex setgħet tittieħed azzjoni xierqa. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.


KAPITOLU 5 L-APPROVAZZJONI TAT-TIP U L-KONFORMITÀ WAQT IS-SERVIZZ

5.1.   Introduzzjoni

Id-Direttiva Qafas 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni tat-tip tistipula r-rekwiżiti ta' sikurezza u ambjentali li l-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw magħhom qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Dan jiffoka fuq verifiki ta' konformità ta' qabel it-tqegħid fis-suq ta' vetturi li jitilqu mil-linja ta' produzzjoni. Ir-rekwiżiti dwar l-approvazzjoni tat-tip speċifiki għall-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu huma inklużi fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u fir-Regolament ta' implimentazzjoni (KE) Nru 692/2008.

L-approvazzjoni tat-tip tal-UE hija proċess kumpless, b'ħafna alternattivi disponibbli għall-manifatturi tal-karozzi biex tingħata l-informazzjoni lil waħda mit-28 awtorità tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali sabiex jinkiseb ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE ta' vetturi li jawtorizza l-bejgħ tat-tip ta' vettura fl-UE. Matul il-proċess ta' approvazzjoni tat-tip, il-konformità ta' vetturi mar-rekwiżiti tekniċi, inklużi l-limiti tal-emissjonijiet, hija ttestjata minn servizzi tekniċi maħtura speċifikament mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għal kull Stat Membru. Awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tista' wkoll taħtar lilha nnifisha bħala servizz tekniku.

Il-glossarju fl-Appendiċi E jinkludi links għal-listi tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi fl-Istati Membri.

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull vettura li titlaq mil-linja ta' produzzjoni tkun konformi mat-tip approvat (konformità ta' produzzjoni). Kull vettura prodotta għandha tkun akkumpanjata b'ċertifikat ta' konformità sabiex tiġi rreġistrata.

Il-verifika li l-vetturi mqiegħda fis-suq ikunu siguri u mhux ta' ħsara għall-ambjent u huma konformi mat-tip approvat (konformità waqt is-servizz) hija kompitu għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Dawn huma l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell nazzjonali jew fil-livell sottonazzjonali), li normalment ikunu responsabbli wkoll għas-sigurtà ġenerali tal-prodotti. F'xi każijiet l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq marbuta ma' attivitajiet ta' konformità ta' vettura huma l-istess bħall-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip. L-obbligi ta' konformità waqt is-servizz huma stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament EURO 5/6 u d-dispożizzjonijiet dettaljati huma spjegati fl-Anness II tar-Regolament ta' implimentazzjoni (KE) Nru 692/2008. Ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sorveljanza tas-suq skont id-Direttiva 2007/46/KE.

Fis-27 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament ġdid, li jħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 2007/46/KE, biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ipperċepiti attwali tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. L-għan tal-Proposta huwa li:

  tissaħħaħ l-indipendenza u l-kwalità tal-ittestjar li jippermetti li karozza titqiegħed fis-suq;

  tiġi introdotta sistema effettiva ta' sorveljanza tas-suq għall-kontroll tal-konformità ta' karozzi li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni;

  tissaħħaħ is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip b'sorveljanza Ewropea akbar.

5.2.   Analiżi tal-evidenza miġbura

Approvazzjoni tat-tip

L-investigazzjoni ġabret evidenza dwar il-funzjonament tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-allegat nuqqasijiet tagħha.

Taħt il-leġiżlazzjoni attwali ­– u r-regoli tal-UE dwar is-Suq Uniku – approvazzjoni tat-tip mogħtija fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Unjoni kollha. Minkejja li regoli komuni dwar l-approvazzjoni tat-tip u l-ispeċifikazzjonijiet tat-testijiet huma stabbiliti [ACEA, MIT], bosta xhieda enfasizzaw l-eżistenza ta' varjetà ta' interpretazzjonijiet fl-applikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri [MIT, Mitsubishi, Q:MS, Studju UE].

Filwaqt li f'ħafna każijiet, l-għażla minn produttur tal-karozzi tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip ta' Stat Membru partikolari hija minħabba raġunijiet ġeografiċi jew storiċi [MIT, KBA, SNCH, Q:MS, Stromček], in-nuqqas ta' interpretazzjoni armonizzata tar-regoli jista' jwassal għal sitwazzjoni ta' kompetizzjoni fost l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ta' Stati Membri differenti [ACEA, MIT, Millbrook, Q:MS, Studju UE], peress li l-manifatturi tal-karozzi jistgħu jagħżlu awtorità fuq il-bażi tal-flessibbiltà tagħha fl-interpretazzjoni tar-regoli [UTAC, Studju UE]. Madankollu, l-għażla minn manifatturi tal-karozzi tal-awtorità ta' approvazzjoni tat-tip tidher li hija wkoll influwenzata minn fatturi oħrajn, bħall-ħeffa fl-ipproċessar tat-talbiet, l-għadd ta' testijiet minimi meħtieġa, l-ispeċjalizzazzjoni teknika, il-flessibbiltà lingwistika u l-ammont ta' miżati rikjesti [SNCH, Millbrook, Missjoni LUX, UTAC, Studju UE, Audi, Opel].

Barra minn hekk, il-livell ta' kompetenza teknika u l-għadd ta' riżorsi umani u finanzjarji jista' jvarja b'mod sostanzjali bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip (u s-servizzi tekniċi) [Studju UE]. Il-preżenza ta' riżorsi umani kkwalifikati interni indipendenti adegwati, u d-disponibbiltà ta' faċilitajiet ta' ttestjar interni tal-aħħar ġenerazzjoni huma essenzjali biex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-istandards tal-emissjonijiet [EPA].

It-testijiet meħtieġa għall-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip spiss jitwettqu fil-laboratorji ċċertifikati tal-manifatturi tal-karozzi [MIT, UTAC, Studju UE], taħt is-sorveljanza tas-servizz tekniku magħżul, spiss minħabba n-nuqqas ta' riżorsi min-naħa tal-awtoritajiet (l-hekk imsejjaħ ittestjar fil-preżenza ta' osservatur) [MIT, Nencini]. Is-servizzi tekniċi jistgħu jkunu wkoll parzjalment proprjetà tal-manifatturi [Millbrook, Studju UE], jew integrati fl-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip [MIT, Q:MS, Studju UE], li jqajmu dubji dwar l-indipendenza u n-newtralità xjentifika. Huwa l-manifattur tal-karozza li normalment jagħżel is-servizz tekniku li għandu jintuża: fil-prinċipju, l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tista' tikkontesta l-għażla, iżda rari tagħmel dan [SNCH]. L-awtoritajiet nazzjonali qatt ma talbu lis-servizzi tekniċi biex iwettqu testijiet addizzjonali biex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-rekwiżit li jiġi sodisfatt il-limitu regolatorju ta' "użu normali" jew tal-projbizzjoni ta' apparat ta' manipulazzjoni. Għal servizzi tekniċi, it-twettiq ta' testijiet addizzjonali fuq inizjattiva tagħhom tinvolvi spejjeż supplementari u tista' tipperikola r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma' manifatturi [UTAC].

L-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip m'għandhomx aċċess għal elementi ta' kodiċi sors ECU taħt is-sistema attwali. Ġie nnutat ukoll li l-analiżi tas-softwer ECU huwa kumplessa ħafna u ma jiżgurax li jinkixfu l-prattiċi qarrieqa.

Il-fatt li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi huma normalment finanzjati parzjalment minn miżati mħallsa direttament lilhom minn manifatturi tal-vetturi jista' jagħti lok għal kunflitti ta' interess minħabba l-ħtieġa li jinżammu relazzjonijiet kummerċjali [Studju UE]. Barra minn hekk, xi servizzi tekniċi jagħmlu xogħol ta' konsulenza għall-manifatturi dwar it-testijiet tal-emissjonijiet. Madankollu, hija prattika komuni f'setturi ta' prodotti regolati fl-UE għall-manifatturi biex iħallsu għall-ispejjeż ta' konformità marbuta mal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodott [COM]. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza konkreta ta' konflitti ta' interess [COM], u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi jirrifjutaw il-kunċett li l-istruttura tal-finanzjament jikkostitwixxi problema għall-indipendenza tagħhom [MIT, SNCH, Millbrook UTAC, Missjoni LUX]. Xi xhieda kienu tal-opinjoni li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip għandhom jissorveljaw ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn is-servizzi tekniċi u l-manifatturi [SNCH].

Għall-kuntrarju, is-sistema tal-Istati Uniti hija bbażata fuq finanzjament indirett u aktar indipendenti: l-EPA tal-Istati Uniti tiġbor miżati mingħand il-manifatturi biex ikopru l-ispiża tal-amministrazzjoni tal-programmi tagħha ta' ċertifikazzjoni u ta' konformità. Dawn it-tariffi huma ppreżentati mill-EPA lit-Teżor tal-Istati Uniti, u l-Kungress tal-Istati Uniti mbagħad jalloka fondi lill-EPA sabiex l-Aġenzija timplimenta l-programmi tagħha [EPA, Studju Stati Uniti].

Skont id-Direttiva 2007/46/KE, awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tinnotifika lill-awtoritajiet fl-Istati Membri l-oħra meta tiddeċiedi li tirrifjuta applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip. Madankollu, ma teżistix interpretazzjoni uniformi fost l-Istati Membri dwar jekk il-manifattur huwiex permess jirrikorri għal awtorità tal-approvazzjoni tat-tip oħra f'dak il-każ [MIT, Q:MS]. Xi Stati Membri jeħtieġu biss dikjarazzjoni bil-miktub li l-approvazzjoni tat-tip la ġiet mitluba u lanqas miċħuda qabel [SNCH]. Fil-fatt ġie nnutat li huwa ferm rari li jkun hemm deċiżjoni li ma toħroġx approvazzjoni tat-tip, peress li l-manifattur iwaqqaf il-proċess jekk jibda jidher li jkun hemm dan ir-riskju [Millbrook, UTAC, Q:MS].

B'mod ġenerali, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip jiskambjaw informazzjoni f'laqgħat speċifiċi u fil-Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip, stabbilit mill-Kummissjoni fl-2010, kif ukoll b'mod informali [COM, MIT, Q:MS]. Madankollu, jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet meta jkun hemm differenzi ta' interpretazzjoni bejn l-awtoritajiet [COM, KBA, MIT, SNCH]. Għall-kuntrarju tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, fil-preżent ma hemm l-ebda sistema speċifika stabbilita biex isir skambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tekniċi [COM, UTAC, Studju UE], u l-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE lanqas ma tipprevedi sistema bħal din.

Bħalissa ma hemm l-ebda sorveljanza tal-UE tal-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi, u l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għandha l-għan li tintroduċi rwol ta' sorveljanza għall-Kummissjoni [COM]. Il-ħidma fuq il-proposta l-ġdida bdiet fl-2010, u tħaffet wara l-każ tal-emissjonijiet [Tajani, Bieńkowska]. Il-possibbiltà ta' sistema aktar ċentralizzata ġiet diskussa qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2007/46/KE, iżda twarrbet mill-Istati Membri [Verheugen].

Fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni, il-leġiżlazzjoni teħtieġ verifika dwar jekk il-vetturi li jkunu għadhom kif telqu mil-linja tal-produzzjoni jkunux konformi mat-tip approvat, kemm bħala parti tal-approvazzjoni tat-tip kif ukoll wara, inkluż fir-rigward tal-emissjonijiet. It-testijiet biex tiġi vverifikata l-konformità tal-produzzjoni huma normalment imwettqa mill-manifatturi tal-karozzi fil-faċilitajiet tagħhom u mhux mill-awtoritajiet. Is-servizzi tekniċi jistgħu jagħmlu superviżjoni tat-testijiet jew jagħmlu spezzjonijiet. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip rarament jieħdu kampjuni tal-produzzjoni biex jivverifikaw il-konformità tal-produzzjoni, minkejja li għandhom il-possibbiltà legali li jagħmlu dan. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn iqabbdu lis-servizzi tekniċi biex jagħmlu verifika tad-dokumentazzjoni tal-manifatturi tal-karozzi f'intervalli bejn wieħed u ieħor regolari sabiex jivverifikaw li l-konformità tat-testijiet tal-produzzjoni huma mwettqa u li s-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità qed titħaddem [KBA, Millbrook, UTAC, Studju UE].

Il-Kumitat sar jaf li fl-Istati Uniti, l-awtoritajiet responsabbli jittestjaw ukoll vetturi li jkunu għadhom kif telqu mil-linji tal-produzzjoni sabiex jivverifikaw jekk il-vetturi ta' produzzjoni jaqblux mad-disinn ta' qabel il-preproduzzjoni li għalih kien hemm approvazzjoni tat-tip [EPA, Studju Stati Uniti].

Il-konformità waqt is-servizz u s-sistema ta' sorveljanza tas-suq

Il-biċċa l-kbira tax-xhieda indikaw li l-kontrolli tal-konformità waqt is-servizz u s-sorveljanza tas-suq effettivi huma tal-akbar importanza għall-funzjonament tas-sistema [JRC, ICCT, TNO, Borgeest, Lange, COM, EPA, Studju UE]. Is-sorveljanza tas-suq għandha, pereżempju, tikxef każijiet fejn il-vetturi ta' produzzjoni u s-softwer installat tagħhom ma jkunux konformi mal-kampjun ottimizzat biex jgħaddu t-testijiet tal-approvazzjoni tat-tip [Millbrook, UTAC].

Madankollu, uħud mill-Istati Membri ma ttestjaw l-ebda vettura għall-konformità waqt is-servizz, filwaqt li oħrajn iwettqu testijiet b'mod regolari, fuq għadd differenti ta' vetturi, u oħrajn bdew kampanji ta' kejl biss dan l-aħħar b'konsegwenza ta' dawn l-emissjonijiet [MIT, Q:MS].

Fl-Istati Uniti, l-awtoritajiet responsabbli jirreklutaw vetturi (fuq il-bażi ta' kriterji kemm każwali kif ukoll immirati) minn sidien privati u jittestjawhom biex jiżguraw li l-karozzi jibqgħu nodfa fl-użu attwali, anki wara ħafna snin ta' użu [EPA, Studju Stati Uniti].

L-ittestjar matul is-servizz tal-emissjonijiet huwa fil-parti l-kbira mwettaq f'laboratorji tal-manifatturi tal-karozzi, u taħt ir-regolament ta' implimentazzjoni attwali kien limitat għat-testijiet tal-laboratorju NEDC meħtieġa għal approvazzjoni tat-tip. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għal ittestjar waqt is-servizz imwettaq minn laboratorji ċċertifikati indipendenti [ACEA, MIT, RDW, Studju UE].

B'mod ġenerali, kontrolli ta' konformità waqt is-servizz għandhom ikunu parti mis-sorveljanza ġenerali tas-suq stabbilita mill-Istati Membri, iżda l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-vetturi bil-mutur m'għandhiex dispożizzjonijiet speċifiċi [COM, Bieńkowska, MIT]. Barra minn hekk, hemm inċertezza dwar liema korpi huma responsabbli għas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri. F'xi każijiet, il-korpi ta' sorveljanza tas-suq li ġew uffiċjalment kkomunikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri mhumiex konxji dwar l-għażla tagħhom u fil-fatt mhumiex involuti fis-sorveljanza tas-suq [UTAC].

Fl-2012, il-Kummissarju ta' dak iż-żmien Tajani fakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jistabbilixxu sistemi effettivi ta' sorveljanza tas-suq u sabiex jiżguraw l-istrutturi u r-riżorsi neċessarji biex jidentifikaw u jieħdu azzjonijiet korrettivi fir-rigward ta' vetturi li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, jew li huma ta' riskju serju għas-sigurtà u l-ambjent [COM, Tajani].

5.3.   Konklużjonijiet

43.  L-approvazzjoni tat-tip fl-UE hija proċess kumpless, b'ħafna alternattivi disponibbli għall-manifatturi tal-karozzi biex jagħtu l-informazzjoni lil waħda mit-28 awtorità tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali sabiex jiksbu ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip ta' vetturi li jkun rikonoxxut fl-Unjoni kollha.

44.  L-ebda sorveljanza tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE mhija prevista fil-qafas attwali, u r-regoli huma suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet madwar l-Istati Membri, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' sistema effettiva għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi.

45.  Il-livell ta' kompetenza teknika u tar-riżorsi umani u finanzjarji jista' jvarja b'mod sostanzjali bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi, u n-nuqqas ta' interpretazzjoni armonizzata tar-regoli jista' jwassal għal kompetizzjoni bejniethom. Il-manifatturi tal-karozzi huma, fil-prinċipju, ħielsa li jindirizzaw l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi bl-aktar interpretazzjoni flessibbli u l-anqas stretta tar-regoli, kif ukoll dawk bit-tariffi l-aktar baxxi.

46.  Id-Direttiva 2007/46/KE tistipula li l-Kummissjoni trid tiġi nnotifikata mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip meta tiddeċiedi li tirrifjuta applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip. Madankollu, mhuwiex ċar liema azzjonijiet għandha tieħu l-Kummissjoni wara tali notifika u kif dawn l-azzjonijiet ta' segwitu għandhom ikunu kkoordinati mal-Istati Membri. M'hemm l-ebda sistema ċara u effettiva fis-seħħ biex tipprevjeni manifattur tal-karozzi milli japplika għal approvazzjoni tat-tip fi Stat Membru wara li applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tkun ġiet irrifjutata minn Stat Membru ieħor, jew li tipprevjeni li jitwettaq test f'servizz tekniku ieħor wara li mudell ma jkunx għadda mill-ewwel servizz tekniku. Sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni possibbli fil-forma ta' "dumping tekniku", il-manifatturi jistgħu jiġu mġiegħla jipprovdu lill-Kummissjoni raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla tagħhom tas-servizz tekniku.

47.  Hemm nuqqas evidenti ta' kontroll wara l-approvazzjoni tat-tip, li huwa parzjalment dovut għar-regoli attwali u parzjalment minħabba l-inċertezza dwar liema awtorità hija responsabbli għas-sorveljanza tas-suq. Il-konformità effettiva tal-produzzjoni, il-kontrolli tal-konformità waqt is-servizz u fl-aħħar taċ-ċiklu tal-ħajja biex jinkixfu każijiet fejn il-vetturi fil-produzzjoni u l-vetturi użati ma jkunux jikkonformaw mal-vettura approvata tat-tip sikwit ma jkunux fis-seħħ jew jiġu vverifikati biss permezz ta' dokumenti minflok ma jitwettqu testijiet fiżiċi fil-preżenza tal-awtoritajiet.

48.  L-ittestjar waqt is-servizz għall-emissjonijiet fil-parti l-kbira tiegħu jitwettaq fil-laboratorji tal-manifatturi tal-karozzi u bħalissa huwa limitat għat-testijiet tal-laboratorju NEDC meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

49.  L-Istati Membri kien imisshom żguraw li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tagħhom ikollhom biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji sabiex iwettqu t-testijiet internament. Ma misshomx ibbażaw ruħhom fuq it-testijiet li jsiru fil-laboratorji ċċertifikati tal-manifatturi tal-karozzi taħt is-superviżjoni tas-servizzi tekniċi. Il-kunflitti ta' interess potenzjali li jirriżultaw mill-ikkuntrattar ta' servizzi tekniċi mill-manifatturi tal-vetturi biex iwettqu t-testijiet huma konsegwenza diretta tas-sistema attwali stabbilita fid-direttiva qafas dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala każ ta' amministrazzjoni ħażina. Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq u l-approvazzjoni tat-tip tindirizza dan in-nuqqas billi tipproponi struttura ta' ħlasijiet għall-finanzjament ta' testijiet tal-approvazzjoni tat-tip.

50.  Madankollu, fejn is-servizzi tekniċi joffru wkoll servizzi ta' konsulenza lill-manifatturi tal-karozzi biex jiksbu approvazzjoni tat-tip, kif huwa l-każ f'ċerti Stati Membri, jinħoloq kunflitt ta' interess potenzjali minħabba l-eżistenza ta' rabta finanzjarja addizzjonali bejn is-servizzi tekniċi u l-manifatturi tal-karozzi relatata mal-forniment ta' parir dwar kif għandhom jiksbu b'suċċess l-approvazzjoni tat-tip. L-Istati Membri kien imisshom investigaw tali kunflitti ta' interess potenzjali. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

51.  L-Istati Membri kien imisshom żguraw li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip jawditjaw b'mod adegwat lis-servizzi tekniċi. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. L-għażla tas-servizz tekniku hija primarjament l-għażla tal-manifattur tal-vettura, u r-rwol tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip huwa sikwit biss biex tkun ivvalidata l-proċedura fl-aħħar. Il-possibbiltà disponibbli għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip biex jawditjaw is-servizzi tekniċi u biex jisfidaw l-għażla tas-servizz tekniku tintuża rarament.

52.  In-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jorganizzaw sistema effiċjenti u affidabbli ta' sorveljanza tas-suq jikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari minn dawk l-Istati Membri li l-awtoritajiet tagħhom taw l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi. Il-verifika tal-konformità tal-produzzjoni u tal-konformità waqt is-servizz tal-vetturi light-duty sikwit tkun ibbażata biss fuq testijiet fil-laboratorju mwettqa fl-istabbilimenti tal-manifatturi tal-karozzi, anki jekk il-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevjenix l-użu ta' testijiet differenti jew addizzjonali.

53.  L-Istati Membri kien imisshom għarrfu lill-Kummissjoni, u żammuha aġġornata, dwar l-isem u l-poteri tal-korpi tagħhom responsabbli għas-sorveljanza tas-suq. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Hemm inċertezza mhux ġustifikabbli dwar liema korpi fl-Istati Membri huma responsabbli għas-sorveljanza tas-suq.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

54.  Il-Kummissjoni kien imissha ħadet rwol aktar prominenti ta' koordinazzjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip, billi l-proċess tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE huwa ferm kumpless u jiddependi ħafna fuq l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri.

55.  Anki fid-dawl tad-deliberazzjonijiet interni tagħha u tat-talbiet esterni, il-Kummissjoni kien imissha talbet informazzjoni mill-Istati Membri dwar kif huma trattaw dawk il-vetturi fil-flotta eżistenti li ma jikkonformawx mal-limiti legali tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali.


KAPITOLU 6 INFURZAR U PENALI

6.1.   Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, l-Istati Membri għandhom "jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur mill-manifatturi tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament" u "jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati." Dawn il-penali għandhom ikunu "effettivi, proporzjonati u dissważivi". L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sat-2 ta' Jannar 2009.

L-Artikolu jelenka wkoll ċerti tipi ta' ksur li jridu jkunu soġġetti għal penali:

"(a)   li wieħed jagħmel dikjarazzjonijiet foloz waqt il-proċeduri tal-approvazzjoni jew waqt proċeduri li jwasslu għat-teħid lura;

(b)   il-falsifikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip jew tal-konformità waqt s-servizz;

(c)   li wieħed iżomm għalih data jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu biex tittieħed lura jew titneħħa approvazzjoni tat-tip;

(d)   l-użu ta' tagħmir difettuż; u

(e)   li wieħed jirrifjuta li jipprovdi aċċess għall-informazzjoni."

Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva Kwadru 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni tat-tip isemmi li jekk Stat Membru jiskopri li vetturi "ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-vetturi [...] jinġiebu f'konformità mat-tip approvat. L-awtorità tal-approvazzjoni ta' dak l-Istat Membru għandha tavża lill-awtoritajiet ta' approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda". Skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva Kwadru, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jordnaw lill-manifatturi joħorġu sejħa lura ta' vetturi meta dan ikun neċessarju sabiex il-vetturi mhux konformi jinġiebu lura f'konformità mat-tip approvat tagħhom.

Skont l-Artikolu 46 ta' din id-Direttiva Kwadru, "L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, [...] u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni determinati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-29 ta' April 2009 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom malajr kemm jista' jkun".

6.2.   Analiżi tal-evidenza miġbura

Penali fl-Istati Membri

L-Istati Membri ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar il-penali stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE sal-iskadenzi stipulati f'dawk l-atti (Jannar u April 2009). Erba' pajjiżi biss (id-Danimarka, l-Irlanda, il-Finlandja u l-Ungerija) ittrażmettew l-informazzjoni lill-Kummissjoni sa tmiem l-2009. Fit-12 ta' Frar 2013, il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom u talbithom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-penali sat-28 ta' Frar 2013. Il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha fl-1 ta' Ottubru 2015 u talbet kjarifika addizzjonali dwar is-sistemi ta' penali fi Frar 2016 [CIRCA].

Kważi l-Istati Membri kollha issa jqisu li stabbilixxew ir-regoli neċessarji dwar il-penali. Il-penali jistgħu jkunu koperti minn diversi liġijiet, bħal atti tat-traffiku, atti dwar il-vetturi bil-mutur jew il-kodiċi kriminali [Q:MS, Studju UE]. S'issa, l-ebda Stat Membru ma ħareġ penali lill-manifatturi tal-karozzi għal ksur elenkat fl-Artikolu 13 tar-Regolament Euro 5/6 [Q:MS, Studju UE], u b'mod partikolari ma kien hemm l-ebda każ ta' rtirar tal-approvazzjoni tat-tip.

Hemm nuqqas ta' konsistenza fil-penali stabbiliti mill-Istati Membri. Il-penali jvarjaw ħafna, u jvarjaw minn sanzjonijiet finanzjarji, ta' spiss ikkombinati ma' annullament parzjali jew sħiħ tal-approvazzjoni tat-tip, sa priġunerija [Q:MS, Studju UE, ACEA].

Iċ-ċarezza u l-adegwatezza tal-penali ġew iddubitati minn ċerti xhieda. Xi drabi, pereżempju, mhuwiex ċar jekk il-multi stabbiliti humiex għal kull vettura jew jekk il-manifatturi tal-karozzi jiffaċċjawx akkużi kriminali [Studju UE]. Il-Kummissjoni rrimarkat li, fis-sistema preżenti, ma tistax timponi penali għal nuqqas ta' konformità b'mod dirett [COM], u argumentat li l-multi stabbiliti mill-Istati Membri jistgħu jkunu baxxi wisq u jistgħu ma jiġux applikati b'mod effettiv għall-industrija [Bieńkowska, Vella, Missjoni LUX].

Infurzar talliġi talUE

L-inkjesta ġabret evidenza dwar l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet mit-toroq mill-Istati Membri, qabel u wara l-każ tal-Volkswagen, u dwar kif il-Kummissjoni ssorveljat dak l-infurzar.

Skont ir-regoli attwali, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE, inkluża s-sorveljanza tas-suq, tinsab f'idejn l-Istati Membri għall-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 715/2007 [Verheugen, Tajani, Bieńkowska, Vella], u l-Kummissjoni tista' tniedi proċeduri ta' ksur kontra Stat Membru biss jekk tqis li l-Istat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligu skont il-liġi tal-UE [COM, Tajani, Bieńkowska]. Fir-rigward tal-vetturi bil-mutur, fil-passat tnediet biss proċedura ta' ksur waħda biss (kontra l-Ġermanja, dwar sistemi tal-arja kundizzjonata), filwaqt li qatt ma nbeda każ ta' ksur dwar l-emissjonijiet ta' partikolati minn vetturi [Verheugen, Tajani]. Madankollu, il-Kummissarju Bieńkowska ħabbret li l-proċeduri ta' ksur se jinbdew fil-ġimgħat ta' wara s-smigħ tagħha f'Settembru 2016, meta tkun inġabret l-evidenza rilevanti kollha [Bieńkowska]. Fit-8 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra r-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Spanja u r-Renju Unit fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-penali, u kontra l-Ġermanja u r-Renju Unit minħabba in-nuqqas ta' żvelar ta' informazzjoni dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-evidenza tad-diskrepanzi tiġġustifika l-bidu ta' proċeduri ta' ksur [Tajani], u ffukat fuq l-iżvilupp ta' testijiet RDE biex jiġi żgurat li vetturi ġodda jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet fl-użu reali [COM, Potočnik, Tajani, Vella]. Ma ttieħdet ebda azzjoni ta' infurzar mill-Kummissjoni rigward id-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet ta' NOx fit-triq mill-vetturi diżil u l-istess emissjonijiet imkejla fil-laboratorju, minkejja l-indikazzjonijiet disponibbli sa mill-2004-2005.

Fit-tweġibiet bil-miktub tagħhom u waqt is-smigħ, l-Istati Membri u l-manifatturi tal-karozzi iddikjaraw li huma interpretaw il-leġiżlazzjoni b'tali mod li t-test NEDC fil-laboratorju kien l-uniku rekwiżit għall-vetturi biex jgħaddu, minkejja l-objettivi għall-kwalità tal-arja tal-leġiżlazzjoni [Renault, VW, ACEA, Mitsubishi, MIT, KBA, UTAC, Millbrook, Verheugen, Q:OEM].

Id-DĠ ENV tal-Kummissjoni talab biex ikun hemm infurzar aħjar tal-istandards tal-emissjonijiet Euro 3/4/5 rigward il-flotta eżistenti [Potočnik, Vella], peress li anke meta l-proċedura RDE tkun kompletament fis-seħħ u vetturi diżil ġodda jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet fl-użu reali, il-presenza massiva fil-bliet tal-UE ta' vetturi diżil eqdem b'rendiment għall-emissjonijiet NOx mhux sodisfaċenti tista' tħalli impatt fuq il-kwalità tal-arja għal żmien twil [Lambrecht, DUH]. Madankollu, il-proposta mill-ex Kummissarju Potočnik lill-ex Kummissarju Tajani biex jeżamina l-għażliet politiċi fir-rigward tal-flotta attwali ma ġietx aċċettata minn dan tal-aħħar [Potočnik], għar-raġuni li l-ebda azzjoni legali ma kienet meqjusa possibbli lejn karozzi li jikkonformaw mal-protokolli tal-ittestjar eżistenti skont il-leġiżlazzjoni attwali [Tajani].

Rigward dan il-punt, l-inkjesta nnotat li ċerti esperti jqisu li huwa teknikament diffiċli li l-flotta eżistenti ta' vetturi diżil light-duty tiġi modifikata biex tissodisfa l-limiti tal-emissjonijiet fl-użu reali [AECC, Borgeest]. Madankollu, il-Kummissarju Vella argumenta li hemm bżonn ta' modifika u li t-teknoloġija adattata hija disponibbli [Vella]. Ċerti manifatturi tal-karozzi spjegaw ukoll li huma kienu lesti li jimmodifikaw il-karozzi [VW, Audi].

Il-każ tal-Volkswagen oriġina minn attivitajiet ta' manifatturi tal-karozzi li kienu frodulenti u pprojbiti mil-leġiżlazzjoni applikabbli [Verheugen, Tajani]. Qabel l-ammissjonijiet ta' Volkswagen dwar is-softwer ECU, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ma kinux janalizzaw is-softwer u lanqas ma kienu jwettqu testijiet li jippermettulhom li jinfurzaw il-projbizzjoni fuq apparat ta' manipulazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, u kienu jillimitaw ruħhom li japprovaw mingħajr kunsiderazzjoni ulterjuri r-riżultati tat-test tal-laboratorju NEDC imwettaq mis-servizzi tekniċi. Testijiet apparti l-istandard ma kinux ikkunsidrati. [MIT, KBA, SNCH, RDW, UTAC, Studju UE].

Wara li nqala' l-każ, ħafna Stati Membri bdew investigazzjonijiet dwar l-emissjonijiet ta' partikolati mill-karozzi tal-passiġġieri, billi wettqu testijiet fil-laboratorju u fit-triq [KBA, MIT, Dobrindt, Q:MS, Nencini]. L-ebda awtorità tal-approvazzjoni tat-tip ma kkonkludiet li vettura taħt ir-responsabbiltà tagħha użat apparat ta' manipulazzjoni pprojbit, minbarra l-karozzi Volkswagen Euro 5 magħrufa [MIT, KBA, UTAC, Dobrindt, Q:MS, Nencini]. Fl-uniku każ fejn ġie identifikat apparat ta' manipulazzjoni pprojbit possibbli, azzjoni ta' infurzar ma tħallitx isir minħabba d-differenza tal-interpretazzjoni bejn l-awtorità Ġermaniża li indikat il-kwistjoni possibbli u l-awtorità tal-Istat Membru l-ieħor responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip tal-vettura – l-Italja –, u għalhekk tnediet proċedura ta' medjazzjoni bl-involviment tal-Kummissjoni [KBA, MIT, FCA, Nencini].

Qabel ma jikkunsidraw miżuri ta' infurzar għal vetturi li jinstabu li ma jkunux konformi mal-liġi, bħall-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip jew sejħiet lura vinkolanti, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ta' spiss jaqblu ma' manifatturi tal-karozzi fuq sejħiet lura volontarji tal-vetturi. Il-Ministru Federali Ġermaniż Alexander Dobrindt iddikjara li Volkswagen qablet ma' sejħa lura volontarja mal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali minħabba l-irtirar imminenti tal-approvazzjoni tat-tip għal vetturi li jużaw b'mod illegali apparat ta' manipulazzjoni. Ir-rappreżentanti ta' Volkswagen iddikjaraw li s-sejħa lura tkun iġib il-vetturi affettwati konformi maċ-ċertifikazzjoni ta' approvazzjoni tat-tip filwaqt li d-durabilità essenzjali, il-kwalità u l-parametri tal-effiċjenza jibqgħu l-istess. Xi esperti esprimew dubji dwar jekk il-miżuri proposti dwar sejħa lura mhux ser ikollhom impatt fuq id-durabilità u l-effiċjenza tal-vetturi affettwati. Applikazzjoni ta' multi stabbiliti fir-Regolament 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE, jew kumpens għall-konsumaturi ma ġewx previsti, peress li l-vetturi difettużi jistgħu jiġu rettifikati u jsiru konformi mal-liġi wara l-miżuri għas-sejħa lura [KBA, VW], għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti, fejn dan mhuwiex possibbli għal vetturi analogi [EPA]. Minkejja l-fehma tal-Kummissjoni li l-konsumaturi għandhom jiġu kkumpensati b'mod xieraq [Bieńkowska], ċerti xhieda ddikjaraw li m'hemm l-ebda bażi legali għal kumpens finanzjarju fl-UE kollha, [VW, Lies, Nencini].

Il-programmi għal sejħa lura fl-UE ġew implimentati parzjalment biss (xi kultant bħala azzjonijiet volontarji u xi kultant bħala azzjonijiet obbligatorji) u ma ġewx issorveljati jew ikkoordinati fil-livell tal-UE (KBA, MIT, Nencini], billi ma hemm l-ebda bażi legali għall-Kummissjoni biex titlob jew tikkoordina programm għal sejħa lura fl-Ewropa kollha [Bieńkowska]. Il-Kummissjoni kienet f'kuntatt kostanti mal-Istati Membri dwar il-kwistjoni tas-sejħiet lura u talbet għal aġġornamenti matul kull laqgħa tal-gruppi rilevanti [Bieńkowska].

6.3.   Konklużjonijiet

56.  L-istruttura ta' governanza fis-seħħ fis-settur awtomobilistiku, fejn l-UE għandha biss setgħa regolatorja, u r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-kejl tal-emissjonijiet tal-karozzi hija primarjament f'idejn l-Istati Membri, tipprekludi l-infurzar effiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Is-setgħat ta' infurzar tal-Kummissjoni huma limitati għal li tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri meta Stat Membru jkun naqas milli japplika l-liġi tal-UE b'mod korrett.

57.  Wieħed min-nuqqasijiet strutturali tal-qafas attwali tal-approvazzjoni tat-tip fl-Ewropa huwa li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li tkun tat approvazzjoni tat-tip lil vettura partikolari biss tista' tirtira effettivament iċ-ċertifikat ta' konformità li kien ingħata lill-vettura kkonċernata.

58.  M'hemm l-ebda prassi unifikata fl-UE għal aċċess trasparenti mill-konsumaturi għal informazzjoni dwar sejħiet lura, u lanqas m'hemm qafas ġuridiku unifikat tal-UE biex jikkumpensa lill-konsumaturi f'każ ta' sejħiet lura li jkollhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tal-vetturi.

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

59.  Ċerti Stati Membri li wettqu investigazzjonijiet nazzjonali ġeneralment sabuha bi tqila li jaqsmu r-riżultati tal-investigazzjonijiet u d-data tat-testijiet tekniċi tagħhom mal-Kummissjoni u ma' dan il-kumitat ta' inkjesta jew ippubblikaw partijiet biss mis-sejbiet tagħhom.

60.  L-Istati Membri bdew jinfurzaw il-liġi tal-UE dwar l-emissjonijiet minn vetturi light-duty kif meħtieġ, biss wara li faqqa' l-każ tal-emissjonijiet tal-Volkswagen f'Settembru 2015, billi wettqu testijiet addizzjonali fil-laboratorju u fit-triq, u billi nedew diversi investigazzjonijiet nazzjonali dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa mill-karozzi tal-passiġġieri. B'segwitu għal dawn l-isforzi, il-proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin se jikkonfermaw jew le l-possibbiltà ta' użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni.

61.  L-Istati Membri ma applikaw la penali finanzjarji u lanqas penali legali fuq il-manifatturi tal-karozzi b'segwitu għall-każ tal-emissjonijiet. Ma ttieħdu l-ebda inizjattivi obbligatorji biex jissejħu lura l-vetturi mhux konformi jew biex jiġu retrokonvertiti, u ma ġiet irtirata l-ebda approvazzjoni tat-tip. Fejn kien hemm sejħiet lura tal-vetturi jew il-vetturi ġew retrokonvertiti, dan sar b'inizjattiva volontarja mill-manifatturi tal-karozzi, wara pressjoni pubblika u politika.

62.  Fuq il-bażi tar-riżultati pubbliċi mill-investigazzjonijiet nazzjonali, minbarra l-apparat ta' manipulazzjoni skopert mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fil-magni Volkswagen, maġġoranza ta' vetturi diżil jidhru li jużaw strateġiji ta' manipulazzjoni. Nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jeżiġu li l-manifatturi jneħħu kwalunkwe modulazzjoni temporali ta' apparati ta' kontroll tal-emissjonijiet, modulazzjoni termali lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tal-magna, u strateġiji oħra li jirriżultaw, inter alia, f'żieda fl-emissjonijiet bi startjar sħun f'kundizzjonijiet tal-laboratorju jikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-UE.

63.  L-Istati Membri ma mmonitorjawx u ma infurzawx kif xieraq l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, partikolarment bi ksur tal-Artikolu 5(1) dwar l-obbligu għall-manifatturi li jiddiżinjaw, jibnu u jassemblaw karozzi sabiex jippermettulhom li jikkonformaw mar-regolament fis-seħħ meta jkunu qed jinstaqu fit-toroq Ewropej u mhux biss f'kundizzjonijiet tal-laboratorju. Madankollu, rapporteur preċedenti rigward leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip għamilha ċara ħafna li l-Parlament qatt ma kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi "l-użu normali" għall-kundizzjonijiet stretti li fihom jiġu ttestjati l-karozzi fil-laboratorju għall-approvazzjoni tat-tip. Huwa indika li l-kundizzjonijiet tas-sewqan kif jinsabu normalment f'sewqan fit-toroq Ewropej (inklużi differenzi fit-temperatura, l-altitudni, it-tagħbija tal-magna, il-veloċità tal-vettura, eċċ.) kienu maħsuba li jitqiesu bħala "użu normali".

64.  Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma adottawx sistema ta' penali effettiva, proporzjonata u dissważiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu illegali ta' appart ta' manipulazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

65.  Bosta Stati Membri ma nnotifikawx lill-Kummissjoni fil-ħin (sat-2 ta' Jannar 2009 u sad-29 ta' April 2009) dwar ir-reġim ta' penali fis-seħħ biex jinfurzaw il-projbizzjoni fuq l-apparati ta' manipulazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, u dwar is-sistema ta' penali skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva qafas 2007/46/KE.

66.  Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-Istati Membri kisru l-obbligi tagħhom li jimplimentaw il-liġi tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-karozzi fl-ambitu tas-sistema attwali.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

67.  B'segwitu ta' interpretazzjoni stretta tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa unikament id-dmir tal-Istati Membri, u mhux parti mir-responsabbiltà tagħha bħala l-gwardjana tat-Trattati, li jinvestigaw il-possibbiltà tal-użu illegali ta' apparati ta' manipulazzjoni. Minkejja t-twissija maħruġa mill-JRC fir-rapport tal-2013 li tikkonċerna l-użu possibbli ta' apparati ta' manipulazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx riċerka teknika ulterjuri, ma talbitx informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istati Membri u ma talbitx lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali responsabbli jwettqu investigazzjonijiet u azzjonijiet korrettivi ulterjuri.

68.  Il-Kummissjoni ma ħaditx l-inizjattiva li tagħmel pressjoni għal programm ta' sejħa lura kkoordinat u obbligatorju fil-livell tal-UE għall-karozzi tal-grupp Volkswagen attrezzati b'softwer ta' manipulazzjoni illegali.

69.  Il-Kummissjoni stenniet diversi snin sakemm nediet proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma ħadux miżuri ta' sorveljanza effikaċi tas-suq fuq l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa mill-vetturi u ma implimentawx sistemi nazzjonali ta' penali għall-ksur tal-liġi tal-UE kif rikjest mil-leġiżlazzjoni eżistenti.

70.  Il-Kummissjoni ma ssorveljatx biżżejjed l-iskadenzi sa meta l-Istati Membri kellhom jirrappurtaw dwar il-penali li daħħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.

71.  Bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni ta' ksur jekk l-Istati Membri ma jaġixxux wara s-sejbiet tal-investigazzjonijiet reċenti u tirrikjedi li l-manifatturi jneħħu kwalunkwe modulazzjoni temporali tal-apparati ta' kontroll tal-emissjonijiet, modulazzjoni termali mhux meħtieġa, u strateġiji ta' manipulazzjoni oħra li jirriżultaw, inter alia, f'emissjonijiet ogħla bi startjar sħun f'kundizzjonijiet tal-laboratorju.


KAPITOLU 7 SETGĦAT U LIMITAZZJONIJIET TAL-KUMITAT TA' INKJESTA

7.1  Introduzzjoni

Id-dritt tal-Parlament Ewropew li jistabblixxi kumitati ta' inkjesta temporanji tinsab fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 226). Ir-regoli dettaljati li jmexxu l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament huma stabbiliti bid-Deċiżjoni 95/167/KE, li kienet adottata bi qbil komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fid-19 ta' April 1995 u li baqgħet s'issa mhix mibdula.

L-unika innovazzjoni fid-dritt ta' inkjesta ġiet introdotta bit-Trattat ta' Lisbona, fejn il-Parlament akkwista d-dritt ta' inizjattiva li jiddetermina, permezz ta' regolamenti, id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-eżerċizzju ta' din is-setgħa bl-approvazzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

Qabel ma twaqqaf dan il-kumitat ta' inkjesta preżenti dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, il-Parlament Ewropew uża d-dritt tiegħu ta' inkjesta fi tliet okkażjonijiet biss: fir-rigward tas-Sistema ta' Tranżitu Komunitarju (1995), fir-rigward tal-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) (1996) u fl-2006 fir-rigward tal-kriżi tal-Equitable Life Assurance Society. F'Ġunju 2016, il-Parlament stabbilixxa wkoll kumitat ta' inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.

Is-setgħat tal-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament huma limitati meta mqabbla ma' dawk mogħtija lill-parlamenti nazzjonali fl-Istati Membri. Minħabba li l-kumitati ta' inkjesta jiġu stabbiliti bil-kompitu li jinvestigaw l-allegazzjoni ta' kontravenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-miri ewlenin ta' investigazzjoni jkunu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jkunu responsabbli minn dak id-dritt.

Għalhekk is-setgħa ewlenija ta' kumitat ta' inkjesta ġejja mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 95/167/KE li tiddikjara li "l-Kumitat temporanju ta' inkjesta jista' jistieden lil xi istituzzjoni jew lil xi korp tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-gvern ta' Stat Membru sabiex jaħtru membru tagħhom biex jieħu sehem fil-ħidma tal-imsemmi kumitat". L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri huma obbligati li jidhru quddiem il-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament "sakemm raġunijiet ta' segretezza jew ta' sigurtà pubblika jew nazzjonali ma jkunux jeħtieġu mod ieħor".

Kumitat ta' inkjesta ma jistax jitlob lil uffiċjal speċifiku jidher quddiemu, minħabba li l-istituzzjoni tal-Unjoni jew ta' Gvern mistieden għandhom id-diskrezzjoni dwar min jipparteċipa fil-proċedimenti (l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 95/167/KE).

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kumitat ma għandux is-setgħa li jimponi sanzjonijiet fuq xhieda li jkunu mistiedna iżda li jirrifjutaw li jikkooperaw mal-inkjesta.

Din hija differenza importanti mis-setgħat investigattivi mogħtija lil kumitati ta' inkjesta parlamentari nazzjonali, li b'mod ġenerali għandhom id-dritt li jippreżentaw subpoena b'mod individwali lir-rappreżentanti tal-gvern/amministrazzjoni jew ċittadini oħra. Dan id-dritt hu ulterjorment sostnut mis-setgħa li jimponi sanzjonijiet ta' gradi varji ta' strettezza f'każijiet ta' ksur, i.e. rifjut ta' kooperazzjoni.

7.2  Analiżi tal-esperjenza tal-Kumitat

Il-kumitat ta' inkjesta fil-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku kien l-ewwel kumitat ta' inkjesta li ġie stabbilit wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. L-aħħar kumitat ta' inkjesta li ġie stabbilit qabel dan kien eżattament għaxar snin ilu.

Bħala tali, il-kumitat kellu jibda l-ħidma tiegħu prattikament mill-bidu kemm fir-rigward ta' atturi esterni kkonċernati mill-investigazzjoni kif ukoll fir-rigward ta' ħidma interna tal-istituzzjoni nnifisha. Dan irrikjeda ż-żmien biex fil-bidu jkunu żviluppati prattiki u proċeduri ad hoc biex regoli eżistenti għal kumitati permanenti ikunu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi u l-ħtiġijiet ta' kumitat ta' inkjesta.

Minħabba n-nuqqas ta' esperjenza b'kumitati ta' inkjesta fl-aħħar għaxar snin, kellha tiġi stabbilita kultura ġdida ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, abbażi ta' fehim komuni tas-setgħat attwali tal-kumitat u dwar l-applikazzjoni ta' regoli dettaljati li hemm fid-Deċiżjoni 95/167/KE.

Fil-bidu kien jeħtieġ iż-żmien biex tiddifferenzja bejn kumitat ta' inkjesta u kumitati speċjali, strument użat b'mod aktar komuni mill-Parlament u li jiddisponi ferm aktar esperjenza istituzzjonali.

Għall-kuntrarju tal-kumitati speċjali, li ma jiġux stabbiliti fuq bażi legali speċifika u huma suġġetti għal ftehimiet interistituzzjonali ġenerali u għar-regoli ordinarji applikabbli għall-kumitati permanenti tal-Parlament, il-kumitati ta' inkjesta għandhom il-bażi legali taghħom fid-Deċiżjoni 95/167/KE u huma rregolati minn sett differenti ta' regoli. L-aġġustament istituzzjonali għal din il-forma ta' kumitat li mhijiex standard u li hi aktar speċifika ħa ftit taż-żmien, u dan mhux neċessarjament iffaċilita l-ħidma tal-kumitat speċjalment fl-ewwel ftit xhur tiegħu.

Ġbir ta' evidenza

In-nuqqasijiet prinċipali li nstabu kellhom x'jaqsmu mal-mod li bih inġabret l-informazzjoni u l-evidenza, i.e. permezz ta' smigħ pubbliku u talbiet għal dokumenti. Fiż-żewġ każijiet, is-suċċess tar-riżultati kien jiddependi fuq kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-UE u, b'mod aktar ġenerali, fuq ir-rieda tajba tal-partijiet involuti.

Globalment, il-kumitat irnexxielu jisma' xhieda mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u minn partijiet oħra li l-evidenza orali tagħhom kienet meqjusa meħtieġa għall-inkjesta.

Madankollu, il-kumitat iltaqa' wkoll ma' diffikultajiet biex jitlob mistiedna jattendu għas-smigħ, minħabba li ma kellux is-setgħa ta' subpoena. Kien biss b'riżultat ta' pressjoni politika u tal-midja, li mistiedna li inizjalment irrifjutaw, eventwalment qablu li jipparteċipaw. Dan kien proċess li ħa ħafna ħin u dewwem fil-ġbir ta' informazzjoni ewlenija, li inkisbet biss lejn tmiem il-mandat.

Fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni bil-miktub, minbarra t-talbiet ordinarji għal dokumenti, il-kumitat introduċa l-prattika li jibgħat mistoqsijiet bil-miktub lill-mistiedna kollha qabel is-smigħ. Intbagħtu wkoll mistoqsijiet ta' segwitu lill-mistiedna, fejn kien meħtieġ, biex jipprovdu kjarifika dwar kwistjonijiet imqajma matul is-seduti ta' smigħ.

Barra minn hekk, intbagħtu kwestjonarji lill-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, manifatturi tal-karozzi u l-fornituri tal-karozzi, li kienu sors importanti ta' informazzjoni kumplimentari minkejja l-fatt li għaddew ħafna xhur biex waslu r-risposti kollha.

Fl-aħħar nett, sejħa pubblika għall-evidenza kienet imnedija fuq is-sit web tal-EMIS biex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jibagħtu kwalunkwe informazzjoni jew evidenza li huma jqisu relevanti għall-inkjesta li kienet għaddejja.

Kooperazzjoni mal-Kummissjoni

Il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni kienet sodisfaċenti f'termini ta' stediniet lill-Kummissarji attwali u lill-uffiċjali tal-Kummissjoni biex jipparteċipaw; ir-rieda tajba u d-disponibbiltà tagħhom biex jipparteċipaw f'dati mitluba ffaċilitat l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat.

F'dak li jirrigwarda l-istedina tal-ex Kummissarji, Antonio Tajani, Stavros Dimas u Janez Potočnik immedjatament aċċettaw li jidhru quddiem il-kumitat.

Il-parteċipazzjoni tal-ex Kummissarji oħra kienet aktar problematika. Skont il-Kodiċi ta' Kondotta attwali tal-Kummissarji, huma ma għandhom ebda obbligu legali li jikkooperaw ma' inkjesta li tkun għaddejja, minkejja li jkollhom informazzjoni importanti u pertinenti relatata ma' avvenimenti li seħħew u deċiżjonijiet li ttieħdu taħt ir-responsabbiltà tagħhom matul il-mandat tagħhom.

F'dan ir-rigward, is-Sur Günter Verheugen, ex Kummissarju għall-Intrapriża u l-Industrija (2004-2010) irrifjuta diversi drabi li jattendi smigħ u aċċetta li jipparteċipa wara pressjoni politika u tal-midja, 4 xhur wara li saritlu l-istedina orġinali.

Barra minn hekk, is-Sur Erkki Liikanen, ex Kummissarju għall-Intrapriża u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (1999-2004) u s-Sa Margot Wallström, ex Kummissarju għall-Ambjent (1999-2004), irrifjutaw li jipparteċipaw minħabba memorja u għarfien limitati ta' dak li seħħ fil-mandati rispettivi tagħhom aktar minn għaxar snin ilu. Il-kumitat aċċetta l-ġustifikazzjoni tagħhom, u eventwalment it-tnejn aċċettaw li jirrispondu għal sett ta' mistoqsijiet bil-miktub mill-kumitat. Il-kumitat ikkunsidra wkoll li jistieden lis-Sur Ferdinando Nelli Feroci, ex Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija (2014) imma ddeċida mod ieħor minħabba l-kontribut limitat li dan seta' jagħti meta jitqies li l-kariga tiegħu kellha terminu qasir.

Il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni kienet inqas sodisfaċenti fir-rigward tat-twassil f'waqtu ta' evidenza miktuba lill-kumitat.

Il-kumitat bagħat sitt talbiet lid-Direttorat Ġeneral għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW) – bħala d-Direttorat Ġenerali ta' koordinazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni għal dokumenti għall-inkjesta attwali – u żewġ talbiet lill-JRC, li fihom saret talba għall-korrispondenza relevanti kemm fi ħdan il-Kummissjoni kif ukoll mal-Istati Membri li l-kumitat qies essenzjali għal din l-inkjesta.

It-twassil f'waqtu tal-informazzjoni mitluba kien problematiku, ma kienx dejjem possibbli li l-Membri tal-kumitat ta' inkjesta jikkonsultaw id-dokumenti qabel is-seduti ta' smigħ tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, xi dokumenti mitluba ingħataw biss wara talbiet ripetuti jew wara kjarifika ulterjuri ta' talbiet preċedenti. Il-Kummissjoni attribwiet dawn id-diffikultajiet għal proċeduri interni fis-seħħ li jitrattaw inkjesti parlamentari u għall-fatt li l-ġbir ta' informazzjoni minn ħafna snin qabel kien proċess diffiċli u twil. Barra minn hekk, ħafna mid-dokumenti li saru disponibbli kienu illeġibbli minħabba reviżjoni ta' partijiet sostanzjali tat-test. Is-sistema ta' trażmissjoni ta' dokumenti użata (posta elettronika permezz ta' grupp ta' interess magħluq) kienet ġeneralment effiċjenti, imma d-dokumenti pprovduti ma kinux ikklassifikati b'mod ċar u faċli li jintużaw.

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni dwar kif tkun trattata talba għall-minuti tat-TCMV kienet proċess twil u kumpless, li dewwen it-twassil ta' dawn id-dokumenti ewlenin b'diversi xhur, minħabba ż-żmien meħtieġ biex tasal l-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha li lesti jikkondividu din l-informazzjoni mal-kumitat.

Eventwalment l-Istati Membri taw l-approvazzjoni suġġett għall-fatt li dawn id-dokumenti jiġu kkonsultati biss f'kamra tal-qari sikura, li fil-fatt ġiegħel lill-Parlament jitratta din l-informazzjoni skont arranġamenti stretti applikati għal informazzjoni klassifikata, mingħajr ma dan kien il-każ. In-negozjati twal dwar il-kundizzjonijiet ta' konsultazzjoni wasslu biex il-minuti tat-TCMV jaslu għand il-Kumitat lejn l-aħħar ta' Lulju 2016, wara li diġà kienu saru seduti ta' smigħ importanti, li għalihom din l-informazzjoni kienet essenzjali.

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

Skont id-Deċiżjoni 95/167/KE, l-Istati Membri huma obbligati li jaħtru uffiċjal jew impjegat biex jidher quddiem kumitat ta' inkesta meta dan ikun meħtieġ.

Fil-każ tal-kumitat ta' inkjesta attwali, l-interlokuturi ewlenin mill-Istati Membri kienu l-Ministri responsabbli u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

Filwaqt li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi qablu li jattendu seduta ta' smigħ tal-kumitat, il-kooperazzjoni mal-Ministri nazzjonali kienet ferm aktar problematika. Mir-rappreżentanti mistiedna, kien biss il-Ministru Federali Ġermaniż, Alexander Dobrindt, u l-Ministru Reġjonali, Olaf Lies, li immedjatament qablu li jidhru quddiem il-kumitat. L-ex Ministru Daniż għall-Ambjent, Ida Auken, ma kkonfermatx mill-ewwel li kienet se tattendi. Madankollu, il-Ministru Franċiż, Ségolène Royal, il-Ministru Taljan, Graziano Delrio u l-Ministru Slovak Árpád Érsek (li finalment kien rapreżentat mis-Segretarju tal-Istat Viktor Stromček) ħadu ħafna ħin biex jikkonfermaw l-attendenza tagħhom, li eventwalment waslet wara li saret pressjoni politika insistenti.

L-Istati Membri kollha wieġbu t-talba li jipprovdu evidenza bil-miktub fil-forma ta' kwestjonarju. Madankollu, diversi Stati Membri ma rrispettawx l-iskadenza, b'dewmien anke ta' ftit xhur.

Kooperazzjoni ma' partijiet oħrajn

Il-kumitat stieden għadd sostanzjali ta' rappreżentanti ta' partijiet interessati rilevanti: esperti mill-ambitu akkademiku u mis-soċjetà ċivili, rappreżentanti tal-industrija (manifatturi tal-karozzi, fornituri tal-karozzi, u assoċjazzjonijiet kummerċjali), awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Uniti kif ukoll servizzi tekniċi privati minn Stati Membri ewlenin. Kważi l-manifatturi tal-karozzi u l-fornituri tal-karozzi kollha għaddew tweġibiet f'waqthom għall-istedina tal-Kumitat biex iwieġbu l kwestjonarju.

Regoli u Proċedura Interni

Internament, il-Kumitat kellu jadatta għar-regoli eżistenti fis-seħħ għal kumitati permanenti minħabba li ma kienx hemm fis-seħħ regoli amministrattivi speċjali għal kumitati ta' inkjesta. Dan ikopri kwistjonijiet bħal:

  l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta' smigħ pubbliku tal-Kumitat – intużaw bħala referenza regoli eżistenti dwar is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji u seduti ta' smigħ pubbliċi standard minn kumitati permanenti;

  l-għadd ta' mistiedna għal seduta ta' smigħ pubblika li setgħu jkunu rimburżati – il-kumitat kien allokat l-istess kwota ta' 16-il espert bħal kwalunkwe kumitat permanenti;

  id-disponibbiltà tal-kmamar għal-laqgħat tal-kumitat f'terminu ta' daqs u intervalli ta' ħin ­– il-kalendarju tfassal b'kunsiderazzjoni tal-laqgħat tal-kumitati eżistenti; bħala konsegwenza l-interpretazzjoni wkoll kienet dejjem skont il-profil lingwistiku tal-kumitat u ftit kien hemm disponibbli intervalli ta' ħin żejda fi Brussell, li kien ifisser li Strasburgu ta' spiss kien użat għal laqgħat straordinarji tal-kumitat.

  l-ikkummissjonar ta' studji/tgħarrif mit-dipartimenti Tematiċi u Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) – il-kumitat uża l-istess servizz bħall-kumitati permanenti skont skont il-politika fis-seħħ, minħajr ebda żieda f'riżorsi addizzjonali, jew prijorità biex jiġu ttrattati t-talbiet, minkejja l-ammont ta' żmien limitat tal-mandat tal-Kumitat;

  ir-regoli ta' proċedura interni dwar l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment fir-rigward ta' aċċess ristrett għal assistenti parlamentari akkreditati għal "informazzjoni kunfidenzjali oħra" mhux klassifikata.

7.3.   Konklużjonijiet

72.  Il-qafas ġuridiku attwali għall-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta huwa skadut u jonqos milli jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa li bihom jista' jitwettaq b'mod effettiv l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament.

73.  Minkejja n-nuqqas ta' setgħat li jsejjaħ ix-xhieda, il-kumitat eventwalment irnexxielu jisma' ħafna mix-xhieda li huwa qies neċessarju li jsejjaħ sabiex jissodisfa b'mod xieraq il-mandat tiegħu. Madankollu, dan in-nuqqas ta' setgħat xekkel u dewwem ferm il-ħidma tal-inkjesta fid-dawl tan-natura temporanja tal-investigazzjoni tagħha. L-atturi istituzzjonali, b'mod partikolari mill-Istati Membri, ġeneralment sabuha aktar bi tqila jaċċettaw l-istedina milli l-atturi privati.

74.  Fin-nuqqas ta' rekwiżiti ċari u skadenzi speċifiċi sabiex tiġi aċċettata stedina jew li tingħata l-informazzjoni mitluba, it-tħejjija tas-seduti ta' smigħ pubbliċi ħadet ħafna żmien. Apparti l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-għodod ewlenin għad-dispożizzjoni tal-kumitat ta' inkjesta biex jingħelbu dawn il-problemi kienu l-pressjonijiet politiċi u tal-media.

Kooperazzjoni mal-Kummissjoni

75.  Il-parteċipazzjoni ta' xi Kummissarji preċedenti kienet ikkumplikata aktar bin-nuqqas ta' obbligu ċar fil-Kodiċi attwali tal-Kondotta għall-Kummissarji li l-Kummissarji preċedenti jikkooperaw mal-inkjesti li jkunu għaddejjin u b'mod ġenerali jibqgħu responsabbli għall-azzjonijiet imwettqa matul il-mandat tagħhom.

76.  Id-dewmien fl-għoti tad-dokumentazzjoni mitluba kkostitwixxa ostaklu kbir fil-ħidma tal-kumitat. Il-kwalità li tvarja tad-dokumenti fissret li xi wħud minnhom kienu diffiċli ħafna biex jinqraw u, għalhekk, biex jintużaw. It-tul tal-proċedura interna tal-Kummissjoni, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kulleġġ biex tirreaġixxi għal talbiet mingħand il-kumitat, flimkien ma' lakuni fis-sistema ta' arkivjar tagħha, dewmu l-ġbir tal-evidenza matul iż-żmien disponibbli. Barra minn hekk, it-trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba ma ġietx strutturata b'mod li jkun faċli li jintuża, u minħabba f'hekk kien aktar diffiċli li tinġabar l-informazzjoni.

77.  Il-Kummissjoni xekklet u dewmet deliberatament l-għoti ta' dokumenti u informazzjoni lill-Kumitat biex timpedixxi l-użu ta' tali informazzjoni għal smigħ ta' Kummissarji preċedenti u uffiċjali. Dan jikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet.

78.  Il-proċedura użata biex jingħata aċċess għall-minuti tal-kumitat regolatorju (abbażi ta' kunsens espliċitu mit-28 Stat Membru) kienet ta' piż żejjed bla bżonn, twila u bbażata fuq interpretazzjoni dejqa ħafna tal-liġi. Din m'għandhiex tintuża aktar fil-ġejjieni.

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

79.  Il-kooperazzjoni mal-parti l-kbira tal-ministeri nazzjonali kienet insodisfaċenti ferm, partikolarment fir-rigward tad-diffikultajiet biex tinkiseb konferma li r-rappreżentanti tagħhom kienu se jidhru quddiem il-kumitat. Dan inkiseb biss wara ħafna xhur ta' pressjoni politika u mill-media.

80.  Barra minn hekk, l-Istati Membri ma ħassew l-ebda obbligu li jikkooperaw mal-kumitat fit-trażmissjoni ta' provi speċifiċi, b'mod partikolari rigward it-talba tal-kumitat biex jintbagħtu s-settijiet tad-data sħaħ mill-investigazzjonijiet nazzjonali u l-programmi ta' ttestjar imwettqa b'segwitu tal-każ tal-Volkswagen.

81.  L-obbligu skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 95/167/KE li l-Istati Membri jiġu kkuntattjati permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti ħoloq saff addizzjonali bla bżonn u f'xi każijiet ikkumplika u naqqas il-pass tal-proċedura ta' komunikazzjoni.

Kooperazzjoni ma' partijiet oħra

82.  Il-ġbir ta' evidenza bil-miktub mingħand partijiet mhux istituzzjonali permezz ta' kwestjonarji kien ġeneralment sodisfaċenti. Il-prattika li jintbagħtu mistoqsijiet bil-miktub qabel is-seduti ta' smigħ, u li jintbagħtu mistoqsijiet ta' segwitu sussegwenti, kienet essenzjali biex tiġi mmassimizzata l-informazzjoni miksuba matul is-seduti ta' smigħ u biex jiġu ċċarati kwistjonijiet li ma setgħux jingħataw tweġiba matul is-seduta minħabba limiti ta' żmien jew nuqqas ta' informazzjoni.

Regoli u proċeduri interni

83.  Ir-rekwiżit li jiġi prodott rapport interim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma tal-kumitat, skont il-mandat tiegħu, kien superfluwu, peress li dan il-perjodu ta' żmien ma kienx biżżejjed biex tinġabar evidenza li tista' tirrappreżenta bażi soda għal konklużjonijiet.

84.  Minħabba n-natura temporanja tal-kumitati ta' inkjesta, il-ġbir tal-evidenza b'mod effiċjenti u fil-mument opportun huwa essenzjali. L-approċċ adottat mill-kumitat li jiddedika l-ewwel xhur tal-mandat tiegħu biex jisma' l-esperti tekniċi qabel ma mbagħad imur fuq il-livell politiku kien ta' suċċess. Idealment, is-smigħ għandu jibda biss wara tkun intemmet l-ewwel fażi ta' ġbir ta' evidenza.

85.  Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament, li jaħdmu taħt pressjoni konsiderevoli ta' żmien għall-iskrutinju ta' numru enormi ta' dokumenti, huwa essenzjali li jsir rieżami tar-regoli li jirregolaw l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari d-drittijiet ta' aċċess ta' assistenti parlamentari akkreditati (APAs) tal-Membri għal "informazzjoni kunfidenzjali oħra" (OCI).


APPENDIĊI A IL-MANDAT TAL-KUMITAT TA' INKJESTA

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/34

tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta rigward il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba mressqa minn 283 Membru għat-twaqqif ta' kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga l-ksur u l-amministrazzjoni ħażina allegati fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(4), u l-proċeduri ta' ksur li għaddejjin f'dan ir-rigward ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(6), li titlob li ssir investigazzjoni eżawrjenti dwar ir-rwol u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, fid-dawl, inter alia, tal-problemi stabbiliti fir-rapport tal-2011 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6) (D042120),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-28 ta' Ottubru 2015 mill-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV) stabbilit bl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2007/46/KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-ksur u l-amministrazzjoni ħażina allegati fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, bla preġudizzju għall-ġurisdizzjonijiet tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni;

2.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu:

–  jinvestiga n-nuqqas allegat min-naħa tal-Kummissjoni li taqdi l-obbligu impost mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, li tibqa' tirrevedi ċ-ċikli ta' ttestjar użati biex jitkejlu l-emissjonijiet u li tadattahom, jekk ma jkunux għadhom xierqa jew ma jirriflettux aktar is-sitwazzjoni reali tal-emissjonijiet, b'tali mod li jirriflettu b'mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-toroq, minkejja informazzjoni relatata ma' eċċessi serji u persistenti tal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet għall-vetturi fl-użu normali, bi ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, inklużi r-rapporti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni għall-2011 u l-2013 u r-riċerka mill-Kunsill Internazzjonali dwar it-Trasport Nadif (International Council on Clean Transportation, ICCT) li saret disponibbli f'Mejju 2014;

–  jinvestiga n-nuqqas allegat min-naħa tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni xierqa u effettiva biex jissorveljaw l-infurzar ta', u li jinfurzaw il-projbizzjoni espliċita fuq tagħmir ta' riduzzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007;

–  jinvestiga n-nuqqas allegat min-naħa tal-Kummissjoni li tintroduċi f'waqthom testijiet li jirriflettu kundizzjonijiet reali tas-sewqan u li tadotta miżuri li jindirizzaw l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007;

–  jinvestiga n-nuqqas allegat min-naħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għall-ksur mill-manufatturi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, inklużi l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni, ir-rifjut li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni, u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip jew tal-konformità waqt is-servizz, kif stipulat fl-Artikolu 13(1) u (2) ta' dak ir-Regolament;

–  jinvestiga n-nuqqas allegat min-naħa tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dispożizzjoni dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 jkunu implimentati kif jirrikjedi l-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament;

–  jiġbor u janalizza l-informazzjoni biex jivverifika jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhomx evidenza tal-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni qabel l-Avviż ta' Ksur (Notice of Violation) maħruġ mill-Environmental Protection Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika fit-18 ta' Settembru 2015;

–  jiġbor u janalizza informazzjoni dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 30(1), (3) u (4);

–  jiġbor u janalizza informazzjoni biex jivverifika jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhomx evidenza tal-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni fit-testijiet ta' emissjonijiet tas-CO2;

–  jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li jidhirlu li tkun meħtieġa f'din il-materja;

3.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jressaq rapport interim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma tiegħu u għandu jissottometti r-rapport finali tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-bidu tal-ħidma tiegħu;

4.  Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jkollu 45 membru;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(1)

  ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)

  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

(3)

  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(4)

  ĠU L 152 11.6.2008, p. 1.

(5)

  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(6)

  Testi adottati, P8_TA(2015)0375.


APPENDIĊI B: ATTURI

President:

Is-Sa Kathleen VAN BREMPT (S&D, BE)

Bureau:

Is-Sur Ivo BELET, l-EwwelViċi President (PPE, BE)

Is-Sur Mark Demesmaeker, it-Tieni Viċi-President (ECR, BE)

Is-Sa Kateřina KONEČNÁ, it-Tielet Viċi President (GUE/NGL, CZ)

Is-Sa Karima DELLI, ir-Raba' Viċi President (Verts/ALE, FR)

Koordinaturi:

Is-Sur Krišjānis KARIŅŠ (PPE, LV)

Is-Sur Jens GIESEKE (PPE, DE) – Viċi Koordinatur

Is-Sur Seb DANCE (S&D, UK)

Is-Sur Hans-Olaf HENKEL (ECR, DE)

Is-Sur Fredrick FEDERLEY (ALDE, SE)

Is-Sa Merja KYLLÖNEN (GUE/NGL, FI)

Is-Sur Bas EICKHOUT (Verts/ALE, NL)

Is-Sa Eleonora EVI (EFDD, IT)

Is-Sur Marcus PRETZELL (ENF, DE) – mis-17.5.2016

Is-Sur Georg MAYER (ENF, AT) – sas-17.5.2016

Rapporteurs:

Is-Sur Jens GIESEKE (PPE, DE) – mill-24.11.2016

Is-Sur Pablo ZALBA BIDEGAIN (PPE, ES) – sal-24.11.2016

Is-Sur Gerben-Jan GERBRANDY (ALDE, NL)

Shadow Rapporteurs:

Is-Sa Christine REVAULT D'ALLONNES BONNEFOY (S&D, FR)

Is-Sur Hans-Olaf HENKEL (ECR, DE)

Is-Sur Neoklis SYLIKIOTIS (GUE/NGL, CY)

Is-Sur Bas EICKHOUT (Verts/ALE, NL) – għar-rapport finali

Is-Sur Claude TURMES (Verts/ALE, LU) – għar-rapport interim

Is-Sa Eleonora EVI (EFDD, IT)

Is-Sur Marcus PRETZELL (ENF, DE)

Membri oħra:

Is-Sur Nikos ANDROULAKIS (S&D, EL)

Is-Sa Pilar AYUSO (PPE, ES) – mid-19.01.2017 Is-Sur José BLANCO LÓPEZ (S&D, ES)

Is-Sur Wim van de CAMP (PPE, NL)

Is-Sa Dita CHARANZOVÁ (ALDE, CZ)

Is-Sa Miriam DALLI (S&D, MT)

Is-Sur Daniel DALTON (ECR, UK)

Is-Sa Mireille D'ORNANO (ENF, FR) – mill-25.01.2017

Is-Sur Ismail ERTUG (S&D, DE)

Is-Sa Ildikó GÁLL-PELCZ (PPE, HU)

Is-Sa Julie GIRLING (ECR, UK)

Is-Sa Françoise GROSSETÊTE (PPE, FR)

Is-Sa Rebecca HARMS (Verts/ALE, DE)

Is-Sur Roger HELMER (EFDD, UK)

Is-Sur Jean-François JALKH (ENF, FR) – sal-25.01.2017

Is-Sa Karin KADENBACH (S&D, AT)

Is-Sur Marian-Jean MARINESCU (PPE, RO)

Is-Sa Cláudia MONTEIRO DE AGUIAR (PPE, PT)

Is-Sur Massimo PAOLUCCI (S&D, IT)

Is-Sur Franck PROUST (PPE, FR)

Is-Sur Dominique RIQUET (ALDE, FR)

Is-Sur Massimiliano SALINI (PPE, IT)

Is-Sa Christel SCHALDEMOSE (S&D, DK)

Is-Sur Sven SCHULZE (PPE, DE)

Is-Sa Olga SEHNALOVÁ (S&D, CZ)

Is-Sur Ivan ŠTEFANEC (PPE, SK)

Is-Sa Róża Gräfin von THUN UND HOHENSTEIN (PPE, PL)

Is-Sur Kosma ZŁOTOWSKI (ECR, PL)

Is-Sur Carlos ZORRINHO (S&D, PT)

Membri sostituti oħra:

Is-Sa Lucy ANDERSON (S&D, UK)

Is-Sa Marie-Christine ARNAUTU (ENF, FR)

Is-Sa Inés AYALA SENDER (S&D, ES) – mill-25.02.2016

Is-Sa Pilar AYUSO (PPE, ES) – sad-19.01.2017

Is-Sur Mario BORGHEZIO (ENF, IT)

Is-Sa Deirdre CLUNE (PPE, IE)

Is-Sa Lara COMI (PPE, IT)

Is-Sur Nicola DANTI (S&D, IT)  

Is-Sur Michel DANTIN (PPE, FR)

Is-Sur Philippe DE BACKER (ALDE, BE) – sal-02.05.2016

Is-Sur Ian DUNCAN (ECR, UK)

Is-Sa Cornelia ERNST (GUE/NGL, DE)

Is-Sur Francesc GAMBÚS (PPE, ES)

Is-Sa Evelyne GEBHARDT (S&D, DE)

Is-Sa Theresa GRIFFIN (S&D, UK)

Is-Sur Sergio GUTIÉRREZ PRIETO (S&D, ES) – sal-25.05.2016

Is-Sur Dennis de JONG (GUE/NGL, NL)

Is-Sa Elisabeth KÖSTINGER (PPE, AT)

Is-Sur Giovanni LA VIA (PPE, IT)

Is-Sa Paloma LÓPEZ BERMEJO (GUE/NGL, ES)

Is-Sur Antonio LÓPEZ-ISTÚRIZ WHITE (PPE, ES)

Is-Sa Gesine MEISSNER (ALDE, DE)

Is-Sur Siegfried MUREŞAN (PPE, RO)

Is-Sur Dan NICA (S&D, RO)

Is-Sa Angelika NIEBLER (PPE, DE)

Is-Sur Luděk NIEDERMAYER (PPE, CZ)

Is-Sur Gilles PARGNEAUX (S&D, FR)

Is-Sur Pavel POC (S&D, CZ)

Is-Sa Julia REDA (Verts/ALE, DE)

Is-Sa Julia REID (EFDD, UK)

Is-Sur Robert ROCHEFORT (ALDE, FR)

Is-Sur Bronis ROPĖ (Verts/ALE, LT)

Is-Sur Dariusz ROSATI (PPE, PL)

Is-Sur Andreas SCHWAB (PPE, DE)

Is-Sur Remo SERNAGIOTTO (ECR, IT)

Is-Sur Tibor SZANYI (S&D, HU)

Is-Sur Paul TANG (S&D, NL)

Is-Sur Nils TORVALDS (ALDE, FI)

Is-Sur Evžen TOŠENOVSKÝ (ECR, CZ)

Is-Sa Henna VIRKKUNEN (PPE, FI)

Is-Sur Anders Primdahl VISTISEN (ECR, DK)

Is-Sa Martina WERNER (S&D, DE)

Is-Sa Lieve Wierinck (ALDE, BE) – mill-04.05.2016

Is-Sur Flavio ZANONATO (S&D, IT)

Is-Sur Marco ZULLO (EFDD, IT)

Persunal tal-Gruppi Politiċi:

Is-Sa Camilla BURSI (Verts/ALE)

Is-Sur Fabrizio FABBRI (EFDD)

Is-Sur Gareth GOLDSMITH (ECR)

Is-Sa Agnieszka GREGORCZYK (S&D)

Is-Sur Tomas HANUS (ECR)

Is-Sa Tiina HARTMAN (GUE/NGL)

Is-Sur Maximillian KEMP (Verts/ALE)

Is-Sa Terhi LEHTONEN (Verts/ALE)

Is-Sur Lars Ole LOCKE (PPE)

Is-Sur Thierry MASSON (ALDE)

Is-Sa Barbara MAZZOTTI (ENF)

Is-Sur Aleš PECKA (ALDE)

Is-Sur Maxim RAYM (ECR)

Is-Sur Fernando SANCHEZ AMILLATEGUI (EFDD)

Is-Sur Viktor SATA (PPE)

Is-Sur Cameron SMITH (ECR)

Is-Sur Sven Werner TRITSCHLER (ENF)

Is-Sur Jan WISSWAESSER (PPE)

Is-Segretarjat

Kap tas-segretarjat:

Is-Sa Elisa DAFFARRA

Amministraturi:

Is-Sur Anno AEDMAA

Is-Sur Emiliano IMERONI

Is-Sa Maria JUUL

Is-Sa Nora KOVACHEVA

Assistenti:

Is-Sa Diane BELIN

Is-Sa Eivyda BUDVYTYTE

Is-Sa Marcia MAGUIRE

Is-Sa Christine VANDENEYCKEN ­– Assistenta tal-Kumitat


APPENDIĊI C ATTIVITAJIET

C.1.  Ħarsa ġenerali

Dan l-appendiċi jindika fid-dettall l-attivitajiet kollha magħmula mill-kumitat fil-qafas tal-pjan ta' ħidma tiegħu bil-ħsieb li tinġabar l-evidenza meħtieġa għat-twettiq tal-mandat tal-inkjesta tiegħu.

L-appendiċi jikkostitwixxi wkoll il-biblijografija: jipprovdi t-tifsira tar-referenzi użati tul il-kapitoli tematiċi u l-links għad-dokumenti korrispondenti arkivjati fis-sit web tal-kumitat: http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/EMIS/home.html

L-espressjonijiet f'parentesi kwadri (eż. [COM]) f'dan l-appendiċi jipprovdu l-lista tas-sorsi msemmija matul il-parti fattwali. Kif innutat fil-Kapitolu 1, huwa mifhum li l-konklużjonijiet tal-kumitat jistgħu ma jkunux riflessjoni eżatta tas-sottomissjonijiet magħmula minn xi sors speċifiku, u jibqgħu responsabbiltà esklużiva tal-kumitat.

Mil-laqgħa kostituttiva tiegħu tat-2 ta' Marzu 2016, il-kumitat ta' inkjesta ltaqa' 27 darba, organizza 47 seduta ta' smigħ pubbliku u ġabar evidenza orali mingħand 64 xhud. Huwa talab u analizza wkoll evidenza bil-miktub, kemm pubblika u kemm kunfidenzjali, organizza żewġ missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u kkummissjona diversi studji u dokumenti ta' tgħarrif.

Il-kumitat adotta r-rapport interim tiegħu fit-13 ta' Lulju 2016 u r-rapport finali tiegħu fit-28 ta' Frar 2017.

Il-koordinaturi tal-kumitat iltaqgħu 13-il darba, u d-deċiżjonijiet tagħhom huma disponibbli fil-paġna li ġejja:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html?tab=Coordinators

C.2.  Attivitajiet

Smigħ pubbliku ta' esperti u xhieda

Il-lista tas-seduti ta' smigħ tal-kumitat qiegħda ppreżentata hawn taħt f'ordni kronoloġiku.

Fit-tħejjija ta' kull seduta ta' smigħ, il-kumitat talab lil kull espert jew xhud mistieden iwieġeb sett ta' mistoqsijiet bil-miktub minn qabel, u fejn meħtieġ, saru mistoqsijiet ta' segwitu wara s-seduta. Ir-risposti bil-miktub, kif ukoll it-traskrizzjonijiet verbatim tas-seduti kollha, huma disponibbli fil-paġna li ġejja:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html?tab=Evidence

Nota biblijografika: meta tintuża referenza fit-test prinċipali, din tirreferi kemm għall-evidenza bil-miktub u kemm għall-evidenza orali miġbura fil-kuntest ta' seduta waħda.

19 ta' April 2016

 

[JRC]

Is-Sa Delilah Al-Khudhairy, Direttur, u

s-Sur Alois Krasenbrink, Kap tal-Unità tat-Trasport Sostenibbli,

Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), Kummissjoni Ewropea.

 

[ICCT]

Is-Sur Vicente Franco, Riċerkatur Prinċipali,

Kunsill Internazzjonali għat-Trasport Nadif (ICCT).

 

28 ta' April 2016

 

[AECC]

Is-Sur Dirk Bosteels, Direttur Eżekuttiv,

Assoċjazzjoni għall-Kontroll tal-Emissjonijiet b'Katalizzatur (AECC).

 

[Lambrecht]

Is-Sur Udo Lambrecht, Kap tad-Dipartiment tat-Trasport u l-Ambjent,

Istitut għar-Riċerka dwar l-Enerġija u l-Ambjent (IFEU).

 

24 ta' Mejju 2016

 

[TNO]

Is-Sur Richard Smokers, Konsulent Prinċipali, u

s-Sur Rob Cuelenaere, Konsulent Prinċipali, Trasport Sostenibbli u Loġistika,

Organizzazzjoni Netherlandiża għar-Riċerka Xjentifika Applikata (TNO)

 

[EEA]

Is-Sur Paul McAleavey, Kap tal-Programm dwar l-Arja u t-Tibdil fil-Klima u

s-Sur Martin Adams, Kap tal-Grupp "Tniġġis tal-arja, trasport u storbju",

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).

 

16 ta' Ġunju 2016

 

[DUH]

Is-Sa Dorothee Saar, Kap tat-Tim tat-Trasport u l-Kwalità tal-Arja,

Deutsche Umwelthilfe (DUH).

 

[CEO]

Is-Sur Pascoe Sabido u

s-Sur Olivier Hoedeman,

Corporate Europe Observatory (CEO).

 

[Borgeest]

Is-Sur Kai Borgeest,

Professur, Aschaffenburg University of Applied Science.

 

[Lange]

Is-Sur Daniel Lange, Uffiċjal Kap Eżekuttiv,

Faster IT, inġinier tal-ICT mill-industrija tal-karozzi.

 

20 ta' Ġunju 2016

 

[EA]

Is-Sur Nick Molden, Uffiċjal Kap Eżekuttiv,

Emissions Analytics.

 

[ADAC]

Is-Sur Christoph Gauss, Kap tal-Laboratorju tal-Ittestjar u l-Emissjonijiet tal-Vetturi,

Allgemeiner Deutscher Automobil-Club (ADAC).

 

21 ta' Ġunju 2016

 

[COM]

Rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fil-Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip u l-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur:

 

 

Is-Sur Reinhard Schulte-Braucks,

ex Kap tal-Unità Awtomobilistika, DĠ GROW – sa Diċembru 2007,

Kummissjoni Ewropea,

 

 

is-Sur Philippe Jean,

ex Kap tal-Unità Awtomobilistika, DĠ GROW – minn Jannar 2008 sa Mejju 2015, Kummissjoni Ewropea,

 

 

is-Sa Joanna Szychowska,

ex Kap tal-Unità Awtomobilistika, DĠ GROW – minn Ġunju 2015,

Kummissjoni Ewropea,

 

 

is-Sur Gwenole Cozigou,

Direttur, Politika Industrijali u Analiżi Ekonomika,

DĠ GROW – minn Ġunju 2015, Kummissjoni Ewropea.

 

4 ta' Lulju 2016

 

[T&E]

Is-Sur Jos Dings, Direttur Eżekuttiv,

Federazzjoni Ewropea tat-Trasport u l-Ambjent (T&E);

 

13 ta' Lulju 2016

 

[Renault]

Is-Sur Gaspar Gascon Abellan, Viċi President Eżekuttiv tal-Inġinerija,

Grupp Renault.

 

[VW]

Dr Ulrich Eichhorn, Uffiċjal Kap tat-Teknoloġija,

Grupp Volkswagen.

 

[ACEA]

Is-Sur Paul Greening, Direttur Fjuwils u Emissjonijiet

Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Karozzi Ewropej (ACEA);

 

[Mitsubishi]

Is-Sur Mitsuhiko Yamashita, Viċi President Eżekuttiv,

is-Sur Toru Hashimoto, Uffiċjal Eżekuttiv Prinċipali, u

s-Sur Motoyuki Kamiya, Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Regolatorji

Mitsubishi Motors Corporation.

 

14 ta' Lulju 2016

 

[Dimas]

Is-Sur Stavros Dimas, Kummissarju għall-Ambjent mill-2004 sal-2010.

 

30 ta' Awwissu 2016

 

[Verheugen]

Is-Sur Günther Verheugen, Kummissarju responsabbli mill-Intrapriża u l-Industrija mill-2004 sal-2010.

 

[Faurecia]

Is-Sur Peter Lakin, Viċi President responsabbli mill-bejgħ, il-programmi u l-kummerċjalizzazzjoni,

Faurecia Emissions Control Technologies.

 

5 ta' Settembru 2016

 

[Potočnik]

Is-Sur Janez Potočnik, Kummissarju responsabbli mill-Ambjent mill-2010 sal-2014.

 

[Tajani]

Is-Sur Antonio Tajani, Kummissarju responsabbli mill-Industrija u l-Intraprenditorija mill-2010 sal-2014.

 

12 ta' Settembru 2016

 

[Bieńkowska]

Is-Sa Elżbieta Bieńkowska, Kummissarju responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs.

 

[Vella]

Is-Sur Karmenu Vella, Kummissarju responsabbli mill-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

 

15 ta' Settembru 2016

 

[Bosch]

Dr Peter Biesenbach, Kap tad-Dipartiment Affarijiet Esterni u Relazzjonijiet Governattivi u Politiċi, u

Dr Michael Krüger, Viċi President Prinċipali responsabbli mill-inġinerija tas-sistemi diżil

Robert Bosch GmbH.

 

26 ta' Settembru 2016

 

[EPA]

Is-Sur Christopher Grundler, Direttur tal-Uffiċċju tat-Trasport u l-Kwalità tal-Arja,

Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti (EPA).

 

10 ta' Ottubru 2016

 

[MIT]

Dr Antonio Erario, Kap tad-Diviżjoni, Affarijiet Regolatorji Internazzjonali, Dipartiment tat-Trasport,

Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport, l-Italja.

 

[Millbrook]

Is-Sur Alex Burns, Uffiċjal Kap Eżekuttiv,

Grupp Millbrook, ir-Renju Unit.

 

11 ta' Ottubru 2016

 

[KBA]

Is-Sur Ekhard Zinke, President,

Kraftfahrt Bundesamt (KBA), il-Ġermanja.

 

[TÜV]

Is-Sur Leif-Erik Schulte, Kap tas-Servizz Tekniku,

TÜV NORD Mobilität GmbH & Co. KG, il-Ġermanja.

 

[SNCH]

Is-Sur Claude Liesch, Direttur,

Société nationale de certification et d'homologation (SNCH), il-Lussemburgu.

 

[UTAC]

Is-Sur Laurent Benoit, Uffiċjal Kap Eżekuttiv, u

s-Sa Béatrice Lopez de Rodas, Direttur,

UTAC CERAM, Franza.

 

[RDW]

Is-Sur André Rijnders, Inġinier Prinċipali Emissjonijiet u Fjuwils,

Ċentru tat-Teknoloġija u l-Informazzjoni dwar l-Emissjonijiet u l-Fjuwils tal-Vetturi (RDW), in-Netherlands.

 

17 ta' Ottubru 2016

 

[FCA]

Is-Sur Harald Wester, Kap Uffiċjal Tekniku,

Fiat Chrysler Automobiles.

 

20 ta' Ottubru 2016

 

[Dobrindt]

Is-Sur Alexander Dobrindt,

Ministru Federali għat-Trasport u l-Infrastruttura Diġitali, il-Ġermanja.

 

[Lies]

Is-Sur Olaf Lies,

Ministru tal-Ekonomija, ix-Xogħol u t-Trasport tas-Sassonja t'Isfel, il-Ġermanja.

 

8 ta' Novembru 2016

 

[Zourek]

Is-Sur Heinz Zourek,

ex Direttur Ġenerali tad-DĠ ENTR, minn Novembru 2005 sa Jannar 2012, Kummissjoni Ewropea.

 

 

Is-Sur Carlo Pettinelli,

Direttur, DĠ GROW, Kummissjoni Ewropea.

 

[Delbeke]

Is-Sur Jos Delbeke,

Direttur Ġenerali tad-DĠ CLIMA, Kummissjoni Ewropea.

 

14 ta' Novembru 2016

 

[Calleja]

Is-Sur Daniel Calleja Crespo,

ex Direttur Ġenerali tad-DĠ GROW, minn Settembru 2012 sa Awwissu 2015, Kummissjoni Ewropea.

 

[Falkenberg]

Is-Sur Karl Falkenberg,

ex Direttur Ġenerali tad-DĠ ENV, mill-2009 sal-2015, Kummissjoni Ewropea.

 

24 ta' Novembru 2016

 

[Royal]

Is-Sa Ségolène Royal,

Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Baħar, Franza.

 

28 ta' Novembru 2016

 

[Auken]

Is-Sa Ida Auken,

ex Ministru tal-Ambjent, id-Danimarka.

 

1 ta' Diċembru 2016

 

[JRC]

Is-Sur Vladimir Šucha, Direttur Ġenerali,

Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), Kummissjoni Ewropea.

 

 

Is-Sur Giovanni De Santi, Direttur,

Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), Kummissjoni Ewropea.

 

12 ta' Jannar 2017

[Nencini]

Is-Sur Riccardo Nencini,

Viċi Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport, l-Italja.

 

[Stromček]

Is-Sur Viktor Stromček,

Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali, is-Slovakkja.

 

24 ta' Jannar 2017

 

 

 

[Audi]

Is-Sur Florian Heuberger, Kap tas-Servizz Tekniku, u

Is-Sur Oliver Hoffmann, Kap tal-Iżvilupp tas-Sistema ta' Propulsjoni

Audi AG

 

Skambju ta' fehmiet

7 ta' April 2016

 

[COM EoV]

Skambju ta' fehmiet mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni:

 

 

is-Sur Antti Peltomäki, Deputat Direttur Ġenerali tad-DĠ GROW,

Kummissjoni Ewropea,

 

 

is-Sur Daniel Calleja Crespo, Direttur Ġenerali tad-DĠ ENV,

Kummissjoni Ewropea,

 

 

is-Sur Artur Runge-Metzger, Direttur tad-Direttorat C – Strateġija tal-Klima, Governanza u emissjonijiet minn setturi mhux kummerċjali, DĠ CLIMA,

Kummissjoni Ewropea.

 

7 ta' Novembru 2016

 

[ENVI/EMIS]

Skambju ta' fehmiet mal-Kummissjoni dwar it-3 u r-4 pakkett RDE u l-linji gwida dwar apparat ta' manipulazzjoni, organizzat mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel.

 

5 ta' Diċembru 2016

 

[NatParl]

Skambju ta' fehmiet ma' rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali tal-Ġermanja, Franza, il-Belġju u r-Renju Unit dwar l-investigazzjonijiet parlamentari rigward il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku:

 

 

Is-Sur Herbert Behrens, President tal-5 Kumitat ta' Inkjesta,

Deutscher Bundestag, il-Ġermanja;

 

 

Is-Sa Delphine Batho, Rapporteur tal-missjoni parlamentari dwar l-offerta awtomobilistika Franċiża b'approċċ fiskali, industrijali u sostenibbli, Membru tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża;

 

 

Is-Sa Kattrin Jadin, President tal-Kumitat Speċjali dwar "Dieselgate", Membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana;

 

 

Is-Sur Iain Stewart, Membru tal-Kumitat għat-Trasport tal-House of Commons, ir-Renju Unit.

 

9 ta' Frar 2017

 

[Bień EoV]

Skambju ta' fehmiet mas-Sa Elżbieta Bieńkowska, Kummissarju responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

Kwestjonarji bil-miktub

It-tweġibiet bil-miktub għall-kwestjonarji qegħdin miġbura fil-paġna web li ġejja:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html?tab=Evidence

[Q:MS]

Kwestjonarju lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, il-korpi ta' sorveljanza tas-suq u l-ministeri responsabbli tal-Istati Membri

 

[Q:OEM]

Kwestjonarju lill-manifatturi tal-karozzi

 

[Q:Suppliers]

Kwestjonarju lill-fornituri awtomobilistiċi

 

[Q:EIB]

Kwestjonarju lill-Bank Ewropew tal-Investiment

 

[Opel]

Kwestjonarju li Adam Opel AG

[Domke]

Kwestjonarju lis-Sur Felix Domke

Dokumenti mitluba

 

Dokumenti mitluba mingħand il-Kummissjoni (listi ta' membri, minuti kompluti, non-papers, rapporti, reġistrazzjonijiet, pariri legali jew tekniċi) mill-2005 'l hawn relatati mal-ħidma ta' dawn li ġejjin:

 

[TCMV]

Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur (TCMV)

[RDE-LDV]

Grupp ta' Ħidma dwar l-emissjonijiet reali waqt is-sewqan ta' vetturi light-duty (RDE-LDV);

 

[TAAEG]

Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAEG);

 

[CARS21]

Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir Sostenibbli tal-Industrija Awtomobilistika fl-Unjoni Ewropea;

[CIRCA]

Dokumenti mitluba mingħand il-Kummissjoni dwar kwalunkwe korrispondenza formali u informali minn Jannar 2005 'l hawn dwar l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet u l-approvazzjoni tat-tip, il-proċedura tat-testijiet RDE, l-eċċess ta' emissjonijiet ta' NOx u l-kwalità tal-arja bejn:

 

il-Kummissjoni u l-manifatturi tal-karozzi, inkluża l-assoċjazzjoni tagħhom (ACEA);

il-Kummissjoni u l-Istati Membri (inkluża wkoll informazzjoni dwar investigazzjonijiet fil-livell nazzjonali);

 

id-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni, inklużi skambji mal-Kummissarji rispettivi u l-kabinetti tagħhom.

 

 

L-organigrammi rilevanti tal-JRC, id-DĠ ENTR/GROW, id-DĠ ENV u d-DĠ CLIMA mill-2005 'l hawn.

 

[MS docs]

Dokumenti mitluba mingħand l-Istati Membri b'deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija tal-ittestjar u r-riżultati sħaħ tat-testijiet ta' vetturi individwali użati f'investigazzjonijiet fil-livell nazzjonali dwar il-kejl tal-emissjonijiet imwettqa fil-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit.

 

[Rapp]

Sottomissjoni bil-miktub mingħand is-Sur Bernd Lange, ex rapporteur tal-Parlament Ewropew rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-karozzi.

 

Missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni

Ir-rapporti dettaljati taż-żewġ missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u l-preżentazzjonijiet li attendew għalihom il-parteċipanti matul il-missjonijiet huma disponibbli fil-paġna li ġejja:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/events-missions.html

[Missjoni JRC]

Missjoni għall-Istitut għall-Enerġija u t-Trasport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC-IET) u l-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Vetturi (VELA) tiegħu f'Ispra, l-Italja (18-19 ta' Lulju 2016).

 

L-objettiv prinċipali ta' din il-missjoni kien li l-parteċipanti japprofondixxu l-għarfien tagħhom dwar it-testijiet tal-emissjonijiet imwettqa mill-JRC u l-involviment tiegħu fl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip u l-kejl tal-emissjonijiet. Ħadu sehem 12-il Membru.

 

[Missjoni LUX]

Missjoni lejn il-Lussemburgu, Franza u l-Ġermanja (21-22 ta' Settembru 2016).

 

L-għan ewlieni kien li l-parteċipanti jiltaqgħu mal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Lussemburgu. Il-programm tal-missjoni kien fih ukoll żjara f'impjant tal-katalizzaturi mħaddem minn Umicore fi Florange (Franza) u f'fergħa tal-fornitur tas-servizz tat-testijiet TÜV Rheinland f'Lambsheim (il-Ġermanja). Ħadu sehem 5 Membri.

 

Appoġġ għar-riċerka u opinjonijiet legali

L-istudji u d-dokumenti ta' tgħarrif ikkummissjonati mill-kumitat huma disponibbli fil-paġna:

http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/emis/publications.html?tab=Supporting research

[Studju UE]

Studju tad-Dipartiment Tematiku dwar l-obbligi legali fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku tal-UE.

 

L-istudju ġie ppreżentat lill-Kumitat fl-4 ta' Lulju 2016 mis-Sur Günther Lichtblau, Kap tal-Unità tat-Trasport u l-Istorbju, u s-Sa Gudrun Stranner mill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Awstrija.

 

[Studju Stati Uniti]

Studju komparattiv mid-Dipartiment Tematiku dwar id-differenzi fil-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti.

 

L-istudju ġie ppreżentat lill-Kumitat fil-5 ta' Diċembru 2016 mis-Sur Martin Nesbit, Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea.

 

[EPRS]

Tgħarrif tad-DĠ EPRS dwar il-kawżi pendenti attwali relatati mal-mandat tal-EMIS.

 

Analiżi ad hoc tad-DĠ EPRS dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE meta mqabbla mal-Istati Uniti.

 

[LS]

Opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew rigward stedina lil residenti li jistgħu jkunu soġġetti għal proċeduri legali biex jixhdu.

 

Nota tas-servizz legali tal-Parlament Ewropew dwar l-interpretazzjoni ta' x'jikkostitwixxi kontravvenzjoni u amministrazzjoni ħażina.

Sejħa għal evidenza

Fuq is-sit web tal-EMIS ġiet ippubblikata sejħa għal evidenza b'indirizz tal-email apposta (emis-evidence@ep.europa.eu), li permezz tiegħu tista' tintbagħat lill-Kumitat informazzjoni meqjusa rilevanti.


APPENDIĊI D IL-KRONOLOĠIJA

Din l-appendiċi tirrapreżenta kronoloġija ta' avvenimenti relatati mal-mandat tal-kumitat ta' inkjesta qabel ma ġie stabbilit.

1970

Introduzzjoni tat-test taċ-ċiklu tas-sewqan urban f'laboratorju għall-approvazzjoni tat-tip (ECE R15), li jirrapreżenta sewqan fiċ-ċentru tal-belt b'veloċità massima ta' 50 km/h.

1990

Direttiva KEE 90/C81/01: introduzzjoni tat-test tal-EUDC (Ċiklu tas-Sewqan Ekstraurban)

1995

General Motors taqbel li tonfoq madwar 45 miljun USD fuq ċitazzjonijiet, sejħiet lura, modifiki, proġetti ta' kumpens biex tagħmel tajjeb għal tariffi tal-Gvern tal-Istati Uniti minħabba li qiegħdet apparat ta' manipulazzjoni f'470,000 Cadillac mill-1991 li wasslu għal emissjonijiet tal-karbonju tliet darbiet aktar mil-limitu legali.

1996

Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u manifatturi tal-karozzi: stateġija biex jonqsu l-emissjoni ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bejn il-Kummissjoni u l-manifatturi tal-karozzi: l-industrija timpenja lilha nnifisha li tnaqqas tal-emissjonijiet ta' CO2 25 % matul l-għaxar snin li ġejjin għal karozzi ġodda tal-passiġġieri.

1997

L-aħħar aġġornament tal-NEDC: it-test jibda fl-istess ħin li fih tistartja l-magna. 4 taqsimiet ECE (ċiklu tas-sewqan urban) segwit minn taqsima waħda tal-EUDC.

1998

22 ta' Ottubru  Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-US EPA iħabbru penali ta' 83.4 miljun USD kontra seba' manifatturi kbar dwar 1.3 miljun magna diżil heavy duty li kien fihom apparat ta' manipulazzjoni illegali. Dawn il-magni joħolqu sa tliet darbiet il-livell legali ta' emissjonijiet ta' NOx.

1999

Jiġu stabbiliti regoli ġodda Tier 2 fl-Istati Uniti biex jissostitwixxu dawk tat-Tier 1. Limitu ta' emissjonijiet ta' Nox jinżel minn 1.0 g/mi għal 0.07 g/mi.

2000-2005

Il-JRC jiżviluppa limitu għan-numru ta' partikoli biex iwassal għall-użu ta' Filtri tal-Partikuli tad-Diżil (Euro 5 LDV), f'kollaborazzjoni mal-UNECE PMP u l-Istati Membri. HDV: Il-JRC imexxi l-programm pilota PEMS bl-għan li jiżviluppa proċedura ta' test tal-konformità waqt is-servizz ibbażat fuq il-kejl fit-triq.

2001

4 ta' Mejju  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Clean Air for Europe (CAFE)) Programme: Towards a Thematic Strategy for Air Quality" (Il-Programm ta' Arja Nadifa għall-Ewropa: Lejn Strateġija Tematika għall-Kwalità tal-Arja).

2004

Studju dwar il-fattibilità ta' Sistema Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS) għal vetturi heavy-duty: bidu ta' ttestjar fit-triq għal vetturi heavy-duty (HDV) bil-PEMS fil-JRC.

2005

Frar  L-ewwel twaqqif tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21;

Awwissu   JRC u DĠ ENV jiffirmaw ftehim amministrattiv biex jibdew jesploraw l-użu tal-PEMS bil-ħsieb li jissorveljaw l-emissjonijiet minn vetturi light-duty (LDV); JRC jibda jesplora l-użu tal-PEMS biex jissorvelja l-emissjonijiet ta' vetturi light-duty.

2006

Settembru  Pubblikazzjoni tad-dokument ta' pożizzjoni dwar it-Trasport u l-Ambjent bit-titolu "Standards ta' emissjonijiet Euro 5 u Euro 6 għall-karozzi u l-vannijiet";

2007

Marzu  Bidu ta' ttestjar fit-triq ta' vetturi light-duty (LDV) bil-PEMS fil-JRC (EUR 3/4);

7 ta' Frar  Pubblikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni għar-Rapport Finali tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 (COM/2007/0022);

20 ta' Ġunju  Adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi;

5 ta' Settembru  Adozzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru);

24 ta' Ottubru  Adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (2007/2119(INI))

Novembru  Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi (WP.29) jiddeċiedi li jistabbilixxi grupp informali taħt il-"Working Party on Pollution and Energy" (GRPE – Grupp ta' Ħidma dwar it-Tniġġiż u l-Enerġija) biex iħejji, fis-sentejn li ġejjin, pjan direzzjonali għall-iżvilupp tad-WLTP;

Diċembru  DĠ ENTR u JRC jiffirmaw ftehim amministrattiv li jinkludi l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tat-testijiet tal-PEMS għar-RDE għal Vetturi ħfief.

2008

15 ta' Jannar  Adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-PE dwar CARS 21;

21 ta' Mejju  Adozzjoni tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa

4 ta' Ġunju  L-ewwel laqgħa plenarja WLTP;

18 ta' Lulju  Adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007, u b'mod partikolari l-Artikoli 4(4), 5(3) u 8;

9 ta' Settembru  Stabbiliment ta' grupp ta' ħidma fil-livell tal-UE għad-WLTP (EU-WLTP) biex jippreżenta set uniku ta' data dwar is-sewqan lid-WLTP bħala kontribuzzjoni tal-UE għall-bażi tad-data għal ċiklu dinji armonizzat;

22 ta' Settembru  Nota ta' DĠ ENV lid-DĠ ENTR dwar l-użu ta' sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) fil-verifika tal-emissjonijiet dinjija reali.

2009

2 ta' Jannar  Skadenza għall-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur mill-manifatturi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 715/2007 (l-Artikolu 13(1) tal-istess regolament);

3 ta' Jannar  Jibda japplika r-Regolament (UE) Nru 715/2007;

29 ta' April  Skadenza għall-Istati Membri biex jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE (l-Artikolu 46);

18 ta' Ġunju  Adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi;

Diċembru  DĠ ENTR u JRC jiffirmaw ftehim amministrattiv dwar testijiet fuq vetturi Euro 5;

2010

7 ta' Frar   Tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-iżvilupp ta' proċedura ta' test ġdida biex tistabbilixxi aħjar l-emissjoni reali tas-sewqan u tirrevedi d-Direttiva Nru 2007/46;

12 ta' April   L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAEG) tal-Kummissjoni Ewropea;

Settembru  L-ewwel diskussjoni interna tal-Kummissjoni (JRC-ENV-ENTR) dwar ir-riżultati tat-testijiet tal-emissjonijiet fit-triq ta' vetturi light-duty tal-JRC;

Settembru  Preżentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Valutazzjoni tal-Impatt għad-Direttiva Qafas 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni tat-tip minn DĠ ENTR u l-istabbiliment tal-Grupp ta' Tmexxija;

14 ta' Ottubru  Tnedija mill-ġdid tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21;

20 ta' Novembru   Nota ta' DĠ ENV lid-DĠ ENTR dwar l-għażla taż-żmien għall-iżvilupp ta' ċiklu tat-ttestjar ġdid u dwar is-sorveljanza tas-suq;

23 ta' Novembru  JRC jippreżenta r-riżultati tat-testijiet tal-emissjonijiet fit-triq ta' vetturi light-duty f'workshop organizzat mid-DĠ ENTR u DĠ ENTR u miftuħ għall-partijiet interessati;

7 ta' Diċembru  DĠ ENTR iniedi konsultazzjoni pubblika bil-ħsieb li jivverifika jekk il-ħames oqsma identifikati mis-servizzi tal-Kummissjoni bħala li għandhom potenzjal li jtejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi bil-mutur jipprovdux il-kamp ta' applikazzjoni u l-enfasi xierqa għar-rieżami previst tad-Direttiva Qafas;

2011

Jannar  Pubblikazzjoni ta' Rapport tal-JRC dwar "Analysing on-road emissions of light-duty vehicles with Portable Emission Measurement Systems (PEMS) (Analiżi tal-emissjonijiet fit-triq ta' vetturi ħfief b'Sistema Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS));

Minn Jannar sa Lulju  Titwettaq evalwazzjoni ex-post dwar id-Direttiva Qafas 2007/46/KE taħt ir-responsabbiltà ta' DĠ ENTR;

31 ta' Jannar  Laqgħa tat-tnedija tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV (RDE-LDV WG) tiġi ppreżentata minn DĠ ENTR;

10 ta' Frar  Laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Ministeru tat-Trasport Ġermaniż u Deutsche Umwelthilfe (DUH) dwar l-emissjonijiet NOx;

22 ta' Marzu   Diskors mill-Kummissarju għall-Ambjent Potočnik fil-Konferenza dwar il-Kwalità tal-Arja fil-Bliet Ewropej fil-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali fl-iżvilupp ta' ċikli tat-test realistiċi biex titjib il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja ambjentali;

Marzu  Diskussjoni fil-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV dwar it-termini ta' referenza tiegħu, id-definizzjoni u r-reviżjoni ta' proċeduri proposti (ċiklu fiss, ċiklu aleatorju, PEMS), diskussjoni dwar il-kriterji għall-valutazzjuoni tal-proċeduri;

May  It-tielet laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV: preżentazzjoni ta' pjan ta' ħidma u ż-żmien ippjanat mill-JRC, preżentazzjoni minn partijiet interessati dwar proċeduri tat-test proposti;

19 ta' Lulju  Preżentazzjoni tar-riżultati tat-test tal-ADAC fuq BMW 116i b'valuri ta' emissjonijiet Nox għolja f'ċiklu tat-test modifikat minn DUH;

20 ta' Ottubru  is-sitt laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV: preżentazzjoni minn ACEA kif ukoll mit-TNO Olandiż dwar riżultati preliminari tat-test tal-emissjonijiet għal vetturi diżil;

10 ta' Novembru  Preżentazzjoni tat-tgħarrif ŻEE dwar it-trasport u l-ambjent fil-Kumitat TRAN tal-PE;

2 ta' Diċembru  Pubblikazzjoni tar-rapport interim tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21.

2012

1 ta' Marzu  It-tmin laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV: JRC jippreżenta testijiet preliminari ta' ċikli aleatorji u matriċi biex jiġu evalwati proċeduri tal-ittestjar proposti

8 ta' Marzu  Il-Kummissarju Tajani jipproponi moratorju biex tonqos ir-regolamentazzjoni żejda u l-burokrazija żejda fl-industrija tal-karozzi; l-idea ma kenitx segwita mill-Kummissjoni;

13 ta' April  Id-disa' laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV: JRC jippreżenta abbozz ta' kundizzjonijiet ta' limitu, ħarsa ġenerali lejn il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati għall-evalwazzjoni ta' żewġ proċeduri proposti u r-riżultati paralleli ta' testijiet ta' vetturi b'ċikli aleatorji u PEMS;

24 ta' Mejju  L-għaxar laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV: preżentazzjoni mid-DĠ ENTR dwar approċċi għall-implimentazzjoni tal-proċedura tat-test RDE-LDV komplementari;

25 ta' Mejju   E-mail mid-DĠ ENTR lill-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-laqgħa RDE-LDV fl-24 ta' Mejju 2012;

6 ta' Ġunju  Preżentazzjoni tar-rapport finali tal-grupp ta' ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21;

28 ta' Ġunju:  Il-ħdax-il laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV: Rapporti tal-JRC dwar l-evalwazzjoni finali u r-reviżjonijiet tal-pjan ta' ħidma, jintlaħaq ftehim dwar il-ħidma sa tmiem l-2013;

6 ta' Ġunju    Laqgħa finali tal-grupp ta' ħidma CARS 21;

25 ta' Lulju  Ittra mill-Kummissarju Tajani lill-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' sistema ta' sorveljanza tas-suq effikaċi u effiċjenti fis-settur awtomobilistiku;

8 ta' Novembru  Adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjonin COM (2012)636: "CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa";

10-11 ta' Diċembru   Il-Kunsill Kompetittività japprova r-rakkomandazzjonijiet li hemm fil-komunikazzjoni CARS 2020;

12 ta' Diċembru   Ittra minn ACEA lid-DĠ ENTR dwar it-tmiem tal-attivitajiet fuq iċ-ċiklu aleatorju tat-test.

2013

14 ta' Jannar  Ittri mill-Ministru Daniż Ida Auken lill-Kummissarji Potočnik u Tajani dwar il-possibilitajiet li jintlaħaq il-valur limitu ta' diossidu tan-nitroġenu (NO2) skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent;

4 ta' Frar  JRC fil-laqgħa tal-grupp ta' ħidma RDE-LDV jħabbar il-pubblikazzjoni ta' rapport "A complementary emissions test for light-duty vehicles: Assessing the technical feasibility of candidate procedures" (Test tal-emissjonijiet kumplimentari għal vetturi ħfief: Valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika ta' proċeduri proposti) li jagħti sommarju tar-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva ta' ċikli aleatorji u ta' testijiet tal-emissjonijiet fit-triq bil-PEMS;

12 ta' Frar  Ittra mingħand il-Kummissarju Potočnik lill-Kummissarju Tajani dwar it-tħassib li jirrigwarda l-inadegwatezza tat-testijiet applikabbli għal vetturi biex jitkejlu l-emissjonijiet NOx;

Marzu  Pubblikazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-qafas regolatorju għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur mid-DĠ ENTR;

12 ta' Marzu  Ittra ta' tweġiba mill-Kummissarju Potočnik u l-Kummissarju Tajani lill-Ministru Daniż Ida Auken dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' NOx fis-sewqan reali u dwar l-iżvilupp ta' proċedura tat-test RDE ġdida;

26 ta' Marzu  Ittra ta' tweġiba li bagħat il-Kummissarju Tajani lill-Kummissarju Potočnik dwar il-bidu u l-iżvilupp ta' proċedura ta' emissjonijiet f'sewqan reali;

April  L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma dwar għall-kejl tan-numru ta' partikuli mobbli (PN-PEMS);

Mejju  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jagħti opinjoni pożittiva dwar il-Komunikazzjoni CARS 2020;

1 ta' Ottubru   L-ewwel laqgħa ta' task force dedikata għall-iżvilupp ta' metodu ta' evalwazzjoni ta' data RDE;

7 ta' Ottubru  Il-Kumitat tar-Reġjuni jagħti opinjoni pożittiva dwar il-komunikazzjoni CARS 2020;

Ottubru - Diċembru  L-ewwel valutazzjoni tal-JRC tal-kejl tal-prestazzjoni tal-PN-PEMS tikkonkludi li l-kejl tan-numru ta' partikoli tal-emissjonijiet fit-triq hija teknikament fattibbli;

5 ta' Diċembru  Pubblikazzjoni ta' rapport TNO "Investigations and real world emission performance of Euro 6 light-duty vehicles" (Investigazzjonijiet u prestazzjoni tal-emissjonijiet fid-dinja reali ta' vetturi ħfief Euro 6);

10 ta' Diċembru  Adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli (2013/2062(INI)).

2014

14 ta' Jannar  Adozzjoni ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 510/2011 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda (COM(2012)0394 – C7-0185/2012 – 2012/0191(COD));

12 ta' Marzu  Adozzjoni tal-Fażi 1a tad-WLTP;

28 ta' Marzu  Opinjoni tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tad-Direttiva Nru 2007/46;

31 ta' Marzu  Presentazzjoni tar-riżultati preliminari tal-istudju tal-ICCT fil-grupp ta' ħidma RDE-LDV fi Brussell;

1 ta' April  Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Istati Membri u TCMV il-viżjoni tagħha dwar l-arkitettura tal-pakkett RDE;

15 ta' Mejju  Studju mmexxi mis-Center for Alternative Fuels, Engines and Emissions fil-West Virginia University għall-International Council on Clean Transportation (ICCT) jsib li l-emissjonijiet reali tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) fid-dinja reali minn testijiet fuq żewġ vetturi light-duty Volkswagen (VW) diżil jaqbeż l-istandard tal-Environment Protection Agency (EPA) tal-Istati Uniti b'fattur ta' sa 35 darba;

Mejju  EPA u CARB (California Air Resources Board) nedew investigazzjoni dwar il-ksur possibilità tal-Att dwar l-Arja Nadifa minn VW bl-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni.

12-13 ta' Ġunju   L-ewwel laqgħa tal-kumitat ta' abbozzar bħala sottogrupp tal-Grupp ta' Ħidma RDE-LDV dwar l-emissjoni reali waqt is-sewqan ta' vetturi light-duty fuq l-abbozzar ta' rekwiżiti tekniċi għall-apparat PEMS;

Settembru  Bidu tal-introduzzjoni ta' teknoloġiji ta' deNOx fuq LDV;

Novembru-Diċembru  Ikkompletar mill-Kummissjoni tal-ewwel erba' atti regolatorji RDE li jikkompletaw il-proċedura tat-test RDE b'mod sħiħ. L-ewwel att regolatorju RDE jistabbilixxi l-proċedura tat-test RDE għall-NOx; it-tieni att jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-limiti għall-proċedura tat-test RDE; it-tielet att jestendi l-ittestjar RDE għal numru ta' partikuli u għal startjar kiesaħ; u r-raba att ikopri l-konformità waqt s-servizz;

  It-tieni kampanja sperimentali PN-PEMS tal-JRC, li tikkonkludi li kemm il-kuntjaturi tal-kondensazzjoni tal-partikuli kif ukoll l-istrumenti tad-diffużjoni taċ-ċarġ huma teknikament fattibbli;

11 ta' Ottubru  Pubblikazzjni tal-istudju ICCT dwar l-emissjonijiet reali tal-egżost fid-dinja mill-karozzi diżil moderni.

15 ta' Ottubru  it-42 laqgħa TCMV sitwazzjoni attwali mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' proposta fuq l-RDE, l-Istati Membri fil-laqgħa TCMV qablu li t-test għandu jkun introdott f'żewġ stadji;

4 ta' Novembru  ICCT jippreżenta r-rapport dwar l-emissjonijiet reali dinjija ta' Nox mill-karozz diżil Euro 6;

19 ta' Novembru  Ittra mingħand is-Sur Falkenberg, Direttur Ġenerali tad-DĠ ENV lis-Sur Calleja Crespo, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ ENTR, dwar l-użu ta' tekniki ta' tnaqqis tal-emissjonijiet. Kien biss f'Settembru 2015 li ġie trażmess anness ma' din l-ittra lid-DĠ ENTR.

Diċembru  Il-VW iddikjarat li sabet ir-raġunijiet għal emissjonijiet ogħla u bdiet sejħa lura volontarja ta' ċerti vetturi tal-2014 u l-2015 li kienu mgħammra b'magni b'erba' ċilindri 1.8T u 2.0T fl-Istati Uniti (kważi 500 000 vettura).

19 ta' Diċembru  Ittra ta' tweġiba mis-Sur Calleja Crespo, Direttur Ġenerali ta' DĠ ENTR lis-Sur Falkenberg, Direttur Ġenerali ta' DĠ ENV.

2015

24 ta' Marzu  TCMV jipposponi votazzjoni dwar l-att regolatorju RDE minħabba nuqqas ta' maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur;

May   Wara s-sejħa lura, il-CARB iwettaq għadd ta' testijiet ġodda li taw riżultati mhux sodisfaċenti, u injorma lill-Volkswagen u l-EPA. Saru għadd ta' laqgħat tekniċi bejn il-manifattur tal-karozzi u l-awtoritajiet;

18 ta' Mejju   Pubblikazzjoni tar-rapport TNO "Detailed investigations and real-world emission performance of Euro 6 diesel passenger cars" (Investigazzjonijiet dettaljati u prestazzjoni tal-emissjonijiet dinjija reali tal-karozzi tal-passiġġieri diżil Euro 6);

19 ta' Mejju  TCMV japprova l-ewwel att regolatorju RDE;

10 ta' Ġunju:  Adozzjoni tal-Fażi 1b tad-WLTP;

Lulju   Pubblikazzjoni tat-tgħarrif T&E "Realistic real-world driving emissions tests: the last chance for diesel cars?" (Testijiet realistiċi tal-emissjonijiet reali waqt is-sewqan: l-aħħar opportunità għal karozzi diżil?)

Settembru 2015-Jannar 2016  Eżerċizzju ta' tqabbil bejn il-laboratorji PN-PEMS, ikkoordinat mill-JRC;

3 ta' Settembru  Diriġenti mill-VW jammettu f'telefonata privata lill-EPA l-eżistenza ta' apparat ta' manipulazzjoni f'forma ta' software li serva biex jissottovaluta l-emissjonijiet Nox f'testijiet uffiċjali u jiġu evitati l-istandards tal-emissjonijiet EPA;

10 ta' Settembru  Id-49 laqgħa TCMV: il-Kummissjoni tippreżenta dokument dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni u d-definizzjoni ta' NTE "m'għandhomx jinqabżu" l-limiti tal-emissjonijiet;

18 ta' Settembru  L-EPA toħroġ Avviż ta' Ksur tal-Att dwar l-Arja Nadifa lill-Volkswagen, AG, Audi AG u l-Volkswagen Group of America, Inc, li fih tallega li karozzi diżil tal-VW u l-Audi tas-sena tal-mudell 2009-2015 (madwar 482 000 karozza Golf, Jetta, Passat, Beetle u Audi A3) mgħammra b'magni diżil 2-liter b' apparat ta' manipulazzjoni f'forma ta' software illegali;

18 ta' Settembru  Il-VW timpenja lilha nnifisha li ssolvi l-kwistjonijiet malajr kemm jista' jkun u li tikkoopera mal-investigazzjoni;

24 ta' Settembru  Il-Ġermanja tikkonferma li l-vetturi VW b'software installat biex iqarraq bit-testijiet tal-emissjonijiet nbiegħu fl-Ewropa kollha. Id-Dipartiment tat-Trasport tar-Renju Unit jgħid li se jibda inkjesta hu stess dwar l-emissjonijiet tal-karozzi, hekk kif il-VW tiffaċċja baraxx ta' talbiet legali minn sidien ta' karozzi Brittaniċi;

24 ta' Settembru   L-anness li kien jonqos għall-ittra tad-19 ta' Novembru 2014 mingħand id-Direttur Falkenburg lid-Direttur Ġenerali Calleja Crespo jintbagħat lid-DĠ ENTR.

25 ta' Settembru  L-EPA tħabbar li se tibda testijiet fit-triq għall-mudelli ġodda kollha ta' vetturi u għal dawk il-vetturi li diġà jinsabu fit-triq biex teżamina talbiet dwar emissjonijiet wara li nkixef l-iskandlu tal-Volkswagen;

25 ta' Settembru  Il-VW taħtar lill-Matthias Müller, ex Chairman tal-Porsche AG, bħala s-CEO il-ġdid tagħha;

1 ta' Ottubru  Valutazzjoni dettaljata tal-inċertezza tal-kejl PEMS ippreżentata mill-JRC fil-laqgħa RDE;

2 ta' Ottubru  L-awtoritajiet fi Franza u l-Italja jniedu investigazzjonijiet dwar l-iskandlu;

6 ta' Ottubru  Is-CEO tal-VW Müller jistqarr li s-sejħa tal-vetturi diżil affettwati ser tibda f'Jannar u li l-karozzi se jissewwew sa tmiem l-2016;

6 ta' Ottubru   il-50 laqgħa tat-TCMV: diskussjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6), b'attenzjoni fuq il-limitu tal-emissjonijiet NTE u d-dati ta' applikazzjoni RDE;

8 ta' Ottubru  Smigħ tal-Kungress quddiem is-Sottokumitat tal-Kumitat għall-Enerġija u l-Kummerċ bit-titolu: "L-allegazzjonijiet dwar qerq fl-emissjonijiet tal-Volkswagen: Mistoqsijiet inizjali";

9 ta' Ottubru  Il-VW fl-Awstralja ssejjaħ lura 90 000 karozza. Il-Ministeru tat-Trasport Ġermaniż jgħid li 3.6 miljun karozza fl-Ewropa jenħtieġu bidliet maġġuri tal-hardware bħal pereżempju tank tal-fjuwil ġdid;

15 ta' Ottubru  Il-VW tgħid li se ssejjaħ lura 8.5 miljun karozza diżil fl-Ewropa. Il-kap tagħha fir-Renju Unit jiddikjara li l-karozzi tal-kumpanija ma kellhomx emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu aktar tossiku milli mistenni;

19 ta' Ottubru  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 6943 dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Industrija Awtomobilistika "GEAR 2030";

21 ta' Ottubru  L-istat Ġermaniż tas-Sassonja t'Isfel iressaq ilment kontra l-VW;

27 ta' Ottubru  Il-Parlament Ewropew jadotta riżoluzzjoni (2015/2865(RSP)) dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, li fiha jikkundanna "kwalunkwe frodi minn manifatturi awtomobilistiċi" u " jitlob investigazzjoni bir-reqqa tar-rwol u tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri";

28 ta' Ottubru  il-51 laqgħa tat-TCMV: ftehim dwar id-dati għaż-żewġ Passi RDE u l-fatturi ta' konformità NOx fi 2.1 u 1.0 plus 'marġni' ta' 0.5, votazzjoni TCMV tapprova t-tieni att regolatorju RDE;

2 ta' Novembru  L-EPA toħroġ it-tieni avviż ta' ksur li fih tallega li Volkswagen żviluppat u installat apparat ta' manipulazzjoni f'ċertu vetturi light-duty mgħammra b'magna diżil ta' 3-liter għas-snin tal-mudell 2014 sa 2016 li jżidu l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu sa disa' darbiet aktar mill-istandard EPA;

3 ta' Novembru  Il-VW tammetti li sa 800 000 karozza ddikkjaraw livelli aktar baxxi għall-emissjonijiet tagħhom tad-dijossidu tal-karbonju u li warrbet EUR 2 biljun għal din il-problema. (Iċ-ċifra ġiet riveduta 'l isfel għal 36 000 fid-9 ta' Diċembru);

6 ta' Novembru  Il-VW ddikjarat li se tagħmel tajjeb għal taxxi żejda li jħallsu s-sewwieqa wara li ammettiet li ddikjarat emissjonijiet baxxi ta' diossidu tal-karbonju;

11 ta' Novembru  Ir-regolaturi tal-karozzi Ġermaniżi espandew l-investigazzjoni tagħhom lejn il-manipulazzjoni suspettata ta' emissjonijiet tad-diżil għal aktar minn 50 mudell mill-marki li jinkludu BMW, Mercedes, Ford, Volvo, Nissan u Jaguar Land Rover

19 ta' Novembru  F'laqgħa mal-EPA il-Volkswagen ammettiet li installat tagħmir ta' qerq tal-emissjonijiet anke fuq magni diżil 3-liter mis-snin tal-mudell tal-2009 sal-2016 li jirrigwardaw madwar 85,000 vettura addizzjonali fl-Istati Uniti;

20 ta' Novembru  Il-VW tressaq pjan ta' sejħiet lura lill-CARB b'risposta għall-ksur dwar apparat ta' manipulazzjoni illegali fil-mudelli 2-liter li jaħdmu bid-diżil;

23 ta' Novembru  Il-VW tbiddel il-kors dwar il-kwistjoni tal-problema tat-tieni apparat ta' manipulazzjoni, filwaqt li ammettiet li kien hemm apparati ta' manipulazzjoni f'magni 3-litre fuq vetturi Audi, Porsche u VW;

24 ta' Novembru  Is-CEO tal-VW Müller ħabbar li r-regolaturi Ġermaniżi approvaw aġġornament ta' software li jsolvi l-problema tal-magni diżil 2-liter u li bosta mill-vetturi affettwati ma jeħtiġux ebda ħidma maġġuri;

9 ta'Diċembru  Il-VW tiddikjara li l-problema tal-emissjonijiet tas-CO2 huma limitati għal 36 000 karozza biss u mhux għal 800 000 kif oriġinarjament issuġġerit; Il-previżjoni ta' EUR 2 biljun "ma kenitx ikkonfermata" imma l-kwistjoni tas-CO2 hi "b'mod ġenerali konkluża";

10 ta' Diċembru  Il-Volkwagen tikkonferma li din kienet "attitudni" tolerata ta' ksur tal-liġi. Hi qalet li r-riżultati juru li l-problema ma kinitx "żball ta' darba, imma pjuttost sensiela ta' żbalji li tħallew iseħħu". Is-Sur Müller qal li l-kriżi hi opportunità biex il-VW tintroduċi "bidla strutturali li hi tant meħtieġa".

14 ta' Diċembru  Il-Kumitat ENVI jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 minħabba li b'hekk ikun qed jintroduċi deroga ġenerali mil-limiti ta' emissjonijiet applikabbli, u għalhekk dan ma jkunx kumpatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament bażiku;

17 ta' Diċembru  Il-Parlament Ewropew jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat ta' inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (EMIS);

Diċembru  Pubblikazzjoni ta' politika ta' tgħarrif ICCT dwar il-leġiżlazzjoni RDE;

27-30 ta' Diċembru  Għall-ewwel darba dettalji tekniċi tal-apparat ta' manipulazzjoni VW użat fil-magna EA 189 jkunu ppreżentati fil-Chaos Computer Club Congress f'Hamburg miż-żewġ enġiniera tas-software, is-Sur Domke u s-Sur Lange.

2016

4 ta' Jannar  Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti jressaq ilment kontra l-VW dwar l-allegat ksur tal-Att dwar l-Arja Nadifa. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja, f'isem l-Aġenzija tal-Protezzjoni tal-Ambjent (EPA), ressaq ilment ċivili fil-qorti Federali f'Detroit, Michigan, kontra l-kumpanija Volkswagen;

11 ta' Jannar  Dokument ACEA lill-Kummissjoni li jinsisti dwar il-qbil, malajr kemm jista' jkun, tat-tieni pakkett RDE;

12 ta' Jannar  CARB jirrifjuta l-pjan ta' sejħa lura tal-vetturi tal-passiġġieri VW 2-liter diżil mibjugħa bejn l-2009 u l-2015. Skont il-CARB "Is-sottomissjonijiet tal-VW huma inkompleti, sostanzjalment defiċjenti, u ma jilħqux ir-rekwiżiti legali għar-ritorn ta' dawn il-vetturi għall-kundizzjoni ċertifikata ddikkjarata". L-EPA, li qed taħdem mar-regolaturi tal-California dwar il-frodi tal-VW, diġà kienet indikat li ma kenitx sodisfatta bil-pjan ta' sejħa lura kif preżentat mill-kumpanija;

27 ta'Jannar  Il-Kummissjoni tadotta proposta għal Regolament ġdid dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur (COM(2016)31);

9 ta' Frar  Id-DUH jiddikkjara li testijiet fit-triq imwettqa fuq vetturi Fiat 500X b'magna diżil mill-Università tax-Xjenzi Applikati f'Bern, l-Iżvizzera juru li dik il-karozza taqbeż il-limiti ta' Nox Euro 6 bi 11 sa 22 darba;

2 ta' Marzu  Il-Kumitat ta' Inkjesta EMIS tal-Parlament Ewropew jorganizza l-laqgħa kostituttiva tiegħu.


APPENDIĊI E: GLOSSARJU

ARTEMIS

Proġett ta' riċerka fuq skala kbira tal-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxi u jtejjeb il-metodi Ewropej li jistimaw u jagħmlu inventarju tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu mis-settur tat-trasport.

Bord tar-Riżorsi tal-Ajru ta' Kalifornja (CARB)

Dipartiment fi ħdan l-Aġenzija ta' Kalifornja għall-Protezzjoni tal-Ambjent, li jikkonċentra primarjament fuq it-tnaqqis ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja.

Fattur ta' konformità

Diverġenza bejn il-limitu regolatorju ta' emissjonijiet mkejjel taħt kundizzjonijiet tal-laboratorju u l-valuri tal-proċedura RDE meta l-karozza tiġi ttestjata b'sewwieq ta' veru fi triq ta' veru.

Konformità tal-produzzjoni

Rekwiżit li jiddikjara li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni jridu jikkonformaw mat-tip approvat.

(Id-Direttiva 2007/64/KE Arikolu 12(1))

Ċertifikat ta' konformità (CoC)

Dokument maħruġ mill-manifattur, li jiċċertifika li vettura li tappartjeni għas-serje tat-tip approvat tikkonforma mal-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha.

(Id-Direttiva 2007/64/KE Artikolu 3(36), Anness IX)

Apparat ta' manipulazzjoni

Kull element tad-disinn li jirrileva ħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, l-ispid tal-magna (RPM), il-ger ta' trażmissjoni, il-manifold b'vakwu jew kull parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, li jnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura;

(Ir-Regolament (UE) Nru 715/2007, Artikolu 3(10) u Artikolu 5(2))

Fluwidu tal-egżost tad-diżil (DEF)

Soluzzjoni milwiema ta' urea magħmula minn urea u ilma, użata fir-riduzzjoni katalitika selettiva (SCR) sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tal-NOx fil-gassijiet tal-egżost tad-diżil.

Filtru tal-partikuli tad-diżil (DPF)

Apparat li jneħħi l-materja partikulata tad-diżil jew nugrufun mill-gass tal-egżost ta' magna diżil.

Teknoloġija ta' kontroll tal-emissjonijiet (ECT)

Teknoloġija li tnaqqas is-sustanzi li jniġġsu matul il-kombustjoni.

Unità ta' kontroll elettroniku (ECU)

Unità ta' komponenti elettroniċi li tikkontrolla s-sistemi jew is-subsistemi ta' kombustjoni interna ta' magna biex tiżgura prestazzjoni ottimali.

Standards Euro

Sett ta' standards ta' emissjonijiet ta' vettura tax-xogħol ħafif, li jvarja minn Euro 1 sa Euro 6. L-aħħar standard Euro 6 ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 459/2012 tad-29 ta' Mejju 2012.

Riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (EGR)

Teknika ta' riduzzjoni tal-emissjonijiet NOx f'magni petrol u diżil, li tiċċirkola mill-ġdid parti mill-gass tal-egżost tal-magna lura liċ-ċilindri tal-magna.

Sustanzi li jniġġsu gassużi

Monossidu tal-karbonju (CO), ossidi tan-nitroġenu (NOx) u idrokarburi emessi bħala gassijiet tal-egżost minn magni ta' kombustjoni.

(Ir-Regolament (EU) Nru 715/2007, Artikolu 3(4))

Gass serra (GHG)

Gass atmosferiku li jikkontribwixxi għall-effett serra billi jassorbi radjazzjoni infraħamra prodotta bit-tisħin solari tal-wiċċ tad-dinja. Dan jinkludi d-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O), l-ożonu (O3) u l-fwar tal-ilma.

Vettura heavy duty (HDV)

Vetturi li jiżnu iktar minn 3,5 tunnellati.

Konformità waqt is-servizz

Rekwiżit li jiddikjara li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati mqiegħda fis-suq huma siguri u jikkonformaw mat-tip approvat li diġà jintuża.

Vettura light duty (LDV)

Vetturi li jiżnu inqas minn 3,5 tunnellati.

Nassa tal-NOx f'taħlita fqira (LNT)

Apparat biex inaqqas l-emissjonijiet ta' ossidi tan-nitroġenu minn magna b'kombustjoni interna fqira permezz ta' adsorbiment. Magħruf ukoll bħala assorbitur NOx.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)

Is-servizz tal-Kummissjoni Ewropea għax-xjenza u l-għarfien li jwettaq riċerka li tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti u appoġġ għall-politika tal-UE.

Sorveljanza tas-suq

Attivitajiet imwettqa u miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq li jiżguraw li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati jikkonformaw mar-rekwiżiti legali u ma jipperikolawx is-saħħa, is-sikurezza jew kwalunkwe aspett ieħor ta' protezzjoni tal-interess pubbliku.

(Abbozz ta' Regolament 2016/0014(COD), Artikolu 3(2))

Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid (NEDC)

Iċ-ċiklu tat-test użat fi proċedura ta' approvazzjoni tat-tip Ewropew biex jitkejlu l-konsum tal-fjuwil u l-livelli ta' emissjonijiet tal-karozzi tal-passiġġieri. Iċ-Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid huwa ċiklu ta' sewqan modali li jikkonsisti f'dawn li ġejjin:

•  erba' Ċikli tas-Sewqan Urbani (UDC) ripetuti, kull wieħed idum 195 sekonda. Iċ-Ċikli tas-Sewqan Urbani ġew introdotti l-ewwel fl-1970 u tfasslu biex jirrappreżentaw kondizzjonijiet ta' sewqan tipiċi fi bliet Ewropej popolati ħafna, u huma karatterizzati b'tagħbija tal-magna baxxa, temperatura tal-gass tal-egżost baxxa, u spid massimu ta' 50 km/hr (ECE-15-il ċiklu) u

•  Ċiklu tas-Sewqan Ekstraurban (EUDC) wieħed ta' 400 sekonda. Iċ-Ċiklu tas-Sewqan Ekstraurban ġie introdott fl-1990 u jirrappreżenta modi ta' sewqan bi spid għoli, aktar aggressivi.

Ossidi tan-nitroġenu (NOx)

Terminu ġeneriku għall-ossidi mononitroġeni NO u NO2 NOx huwa ffurmat kull meta jkun hemm kombustjoni, mir-reazzjoni bejn in-nitroġenu, l-ossiġenu u anki l-idrokarburi, b'mod partikolari f'temperaturi għoljin.

Il-kunċett ta' "ma għandux jinqabeż" (NTE)

Kunċett introdott mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti fl-1998 biex jiżgura li l-emissjonijiet tal-magni heavy-duty jiġu kkontrollati fuq il-medda sħiħa ta' kombinazzjonijiet ta' spid u tagħbija li normalment jiġu esperjenzati waqt l-użu.

L-approċċ ta' "ma għandux jinqabeż" jistabbilixxi żona ta' kontroll (iż-żona NTE) li tirrappreżenta l-ispid u t-tagħbija ta' magna li vettura mistennija tesperjenza fl-operat u fl-użu normali minn magni diżil heavy-duty.

Manifattur tat-Tagħmir Oriġinali (OEM)

Manifattur tat-Tagħmir Oriġinali assemblat u installat matul il-kostruzzjoni ta' vettura ġdida. Għaldaqstant, manifattur tal-karrozzi.

Materja Partikolata (PM)

Taħlita ta' partikuli solidi u qtar żgħar ta' likwidu li jinstabu fl-arja. Imsejħa wkoll tniġġis partikulat. Din tinkludi:

•  PM10 : partikuli inalabbli, b'dijametri li ġeneralment ikunu 10 mikrometri jew iżgħar;

•  PM2.5 : partikuli inalabbli fini, b'dijametri li ġeneralment ikunu 2,5 mikrometri jew iżgħar.

Sistema Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS)

Apparat portabbli installat fuq vettura li tippermetti l-kejl kontinwu tal-emissjonijiet gassużi tal-iżbokk tal-egżost ta' vetturi kif iseħħu fit-triq matul l-operat u l-użu normali.

Ittestjar ta' ċikli aleatorji

Jirreferi għal kull proċedura ta' test li tuża ċikli tas-sewqan komposti minn vjaġġi qosra każwali jew semikażwali biex jitkejlu l-emissjonijiet tal-iżbokk tal-egżost ta' vetturi fuq xażi dinamometriku fil-laboratorju.

Emissjonijiet f'sewqan reali (RDE)

Proċedura li tittestja l-emissjonijiet ta' vettura matul il-kondizzjonijiet ta' sewqan normali. Il-proċedura tal-emissjonijiet f'sewqan reali fl-UE tikkomplimenta l-proċedura ta' test tal-laboratorju li tivverifika li l-livelli tal-emissjonijiet ta' NOx u n-numru ta' partikuli mkejla matul it-test tal-labortorju huma kkonfermati matul il-kondizzjonijiet tas-sewqan reali.

Pakketti tal-Emissjonijiet f'sewqan reali

Pakketti regolatorji mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea għall-introduzzjoni ta' proċedura ta' test tal-Emissjonijiet f'sewqan reali. Għal raġunijiet prattiċi l-proċedura tal-Emissjonijiet f'sewqan reali nqasmet f'erba' pakketti:

L-ewwel pakkett tal-Emissjonijiet f'sewqan reali: ivvotat fit-TCMV f'Mejju 2015, adottat fl-10 ta' Marzu 2016 mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/427, japplika mill-1 ta' Jannar 2016, fih il-proċedura tat-test li tiddetermina l-emissjonijiet tal-egżost minn LDVs li jużaw Sistema Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet;

It-tieni pakkett tal-Emissjonijiet f'sewqan reali: ivvotat fit-TCMV fit-28 ta' Ottubru 2015, adottat fl-20 ta' April 2016 mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/646, fih il-proċedura tat-test li tiddetermina l-emissjonijiet tal-egżost minn LDVs li jużaw Sistema Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet;

It-tielet pakkett tal-Emissjonijiet f'sewqan reali: ivvotat fit-TCMV fl-20 ta' Diċembru 2016, jittratta l-ittestjar RDE għall-PM; and

Ir-raba' pakkett tal-Emissjonijiet f'sewqan reali: ittestjar tal-konformità waqt is-servizz.

Grupp ta' Ħidma RDE dwar Light Duty (RDE-LDV)

Grupp ta' ħidma stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea biex jiżviluppa l-proposta għall-proċedura tal-Emissjonijiet f'sewqan reali.

Riduzzjoni katalitika selettiva (SCR)

Il-konverżjoni ta' NOx bl-għajnuna ta' katalist f'nitroġenu diatomiku (N2) u ilma (H2O).

Sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet jagħmlu użu mir-riduzzjoni katalitika selettiva biex inaqqsu s-sustanzi li jniġġsu tal-NOx f'gassijiet tal-egżost minn kombustjoni f'magni diżil. Riduċent gassuż, tipikament soluzzjoni tal-urea (CO(NH2) 2) , huwa miżjud mal-fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija jew tal-egżost u adsorbit ma' katalist. Meta tintuża l-urea bħala riduċent, il-prodotti ta' reazzjoni huma n-nitroġenu diatomiku (N2), l-ilma (H2O) u d-diossidu tal-karbonju (CO2).

Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV)

Kumitat regolatorju kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri biex jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija ta' proposti leġiżlattivi u inizjattivi ta' politika dwar vetturi bil-mutur.

Servizz tekniku

Organizzazzjoni jew korp magħżulin mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip ta' Stat Membru bħala laboratorju tal-ittestjar biex iwettqu testijiet, jew bħala korp għall-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq il-valutazzjoni inizjali u testijiet jew spezzjonijiet oħra, f'isem l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip, waqt li jkun possibbli li l-awtorità tal-approvazzjoni stess twettaq dawn il-funzjonijiet;

Il-lista aġġornata ta' servizzi tekniċi hija ppreżentata fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents?tags=technical-service-auto&pageSize=30&sortCol=title&sortOrder=asc

(Direttiva 2007/46/KE, Artikolu 3(31))

Newtralità teknoloġika

Kunċett regolatorju li la jimponi u lanqas jiddiskrimina kontra l-użu ta' tip partikolari ta' teknoloġija.

Tieqa termali

Strateġija ta' kontroll tal-emissjonijiet li titfi jew timmodula l-ECTs meta t-temperaturi ambjentali jmorru lil hinn minn medda speċifika (ara wkoll ir-Regolament (EU) Nru 715/2007, Artikolu 5(2)a).

Approvazzjoni tat-tip

Il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta' vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tjissodisfaw id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi rilevanti.

(Direttiva 2007/46/KE, Artikolu 3(3))

Grupp ta' Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAEG)

Grupp ta' esperti stabbilit f'Jannar 2010 mill-Kummissjoni Ewropea u kompost minn rappreżentanti ta' amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-kompitu tiegħu huwa li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni, programmi u politiki tal-Unjoni fil-qasam ta' vetturi tal-approvazzjoni tat-tip billi jiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti għal vetturi bil-mutur fi ħdan is-sistema Komunitarja tal-approvazzjoni tat-tip u jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza rigward l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip.

Awtorità tal-approvazzjoni tat-tip (TAA)

L-awtorità ta' Stat Membru b'kompetenza għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tat-tip, ta' sistema, komponent jew unità teknika separata jew tal-approvazzjoni individwali ta' vettura; għall-proċess ta' awtorizzazzjoni, għall-ħruġ u, jekk meħtieġ, għall-irtirar ta' ċertifikati ta' approvazzjoni; li taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni ta' Stati Membri oħrajn; li tistabbilixxi servizzi tekniċi u tiżgura li l-manifattur jissodisfa l-obbligi tiegħu rigward il-konformità tal-produzzjoni.

Il-lista aġġornata ta' awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip hija ppreżentata fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/18442

(Direttiva 2007/46/KE, Artikolu 3(29))

Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE)

Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit biex jippromwovi politika, ambjent finanzjarju u regolatorju li jwassal għal tkabbir ekonomiku, żvilupp innovattiv u kompetittività ogħla fir-reġjun Ewropew.

Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti (US EPA)

Aġenzija tal-gvern federali tal-Istati Uniti li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi tabbozza u tinforza regolamenti rilevanti.

Approvazzjoni tat-Tip ta' Vettura Sħiħa (WVTA)

Skema ta' approvazzjoni ta' vettura tal-UE bbażata fuq id-Direttiva 2007/46/KE fejn manifattur jista' jikseb ċertifikat għal tip ta' vettura fi Stat Membru wieħed u wara jintroduċiha fl-UE kollha mingħajr il-bżonn ta' testijiet oħra.

Ittestjar fil-preżenza ta' osservatur

Il-prattika li jitwettaq test meħtieġ għall-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip fil-laboratorji ċċertifikati tal-manifatturi tal-karozzi taħt is-superviżjoni ta' servizz tekniku stabbilit.

Proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTP)

Standard armonizzat fuq livell dinji li jiddetermina l-livelli ta' sustanzi ta' tniġġis u ta' emissjonijiet ta' CO2, il-konsum ta' fjuwil u enerġija, u l-medda elettrika minn vetturi light duty.

L-għan ta' dan il-proġett kien li jiżviluppa ċiklu ta' ttestjar armonizzat fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTC), biex jiżviluppa karatteristiċi tipiċi tas-sewqan madwar id-dinja, biex ikun hemm il-bażi ta' tetstjar leġiżlattiv ta' ċertifikazzjoni tat-tip armonizzata fuq livell dinji mill-2014 'il quddiem.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Pilar Ayuso, Ivo Belet, José Blanco López, Dita Charanzová, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Daniel Dalton, Seb Dance, Mark Demesmaeker, Bas Eickhout, Ismail Ertug, Eleonora Evi, Fredrick Federley, Ildikó Gáll-Pelcz, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Hans-Olaf Henkel, Krišjānis Kariņš, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen, Cláudia Monteiro de Aguiar, Massimo Paolucci, Franck Proust, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Christel Schaldemose, Sven Schulze, Olga Sehnalová, Ivan Štefanec, Neoklis Sylikiotis, Carlos Zorrinho, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Antonio López-Istúriz White, Angelika Niebler, Julia Reda, Bronis Ropė, Andreas Schwab, Martina Werner, Marco Zullo

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

ALDE

Dita Charanzová, Fredrick Federley, Gerben-Jan Gerbrandy, Dominique Riquet

ECR

Daniel Dalton, Mark Demesmaeker, Julie Girling

EFDD

Eleonora Evi, Marco Zullo

GUE/NGL

Kateřina Konečná, Merja Kyllönen, Neoklis Sylikiotis

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Ildikó Gáll-Pelcz, Krišjānis Kariņš, Antonio López-Istúriz White, Cláudia Monteiro de Aguiar, Angelika Niebler, Franck Proust, Sven Schulze, Andreas Schwab, Ivan Štefanec

S&D

Lucy Anderson, Nikos Androulakis, José Blanco López, Miriam Dalli, Seb Dance, Ismail Ertug, Massimo Paolucci, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Martina Werner, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Bas Eickhout, Julia Reda, Bronis Ropė

2

-

ECR

Hans-Olaf Henkel

ENF

Mireille D'Ornano

2

0

ECR

Kosma Złotowski

PPE

Massimiliano Salini

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali - Politika tal-privatezza