Proċedura : 2016/2310(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0055/2017

Testi mressqa :

A8-0055/2017

Dibattiti :

PV 05/04/2017 - 21
CRE 05/04/2017 - 21

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0263

RAPPORT     
PDF 582kWORD 61k
6.3.2017
PE 595.412v01-00 A8-0055/2017

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(2016/2310(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ivo Vajgl

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(2016/2310(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas konkluż f'Ohrid u ffirmat fi Skopje fit-13 ta' Awwissu 2001 (Ftehim Qafas ta' Ohrid, "l-OFA"),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għal sħubija fl-UE, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008, il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2008, Diċembru 2012, Diċembru 2014 u Diċembru 2015, u l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016, li ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tad-delegazzjonijiet u li tennew l-impenn qawwi u inekwivokabbli fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż mal-UE,

–  wara li kkunsidra t-13-il laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-pajjiż u l-Kummissjoni, li saret fi Skopje fil-15 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-Politika tat-Tkabbir tal-UE" (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport tal-2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja" (SWD(2016)0362),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta' Ġunju 2016 dwar l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

–  wara li kkunsidra l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti tal-Kummissjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar Kwistjonijiet Sistematiċi tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet żvelata fir-rebbiegħa tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Pržino") li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u l-15 ta' Lulju 2015, u l-ftehim bejn l-erba' partijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u l-31 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar f'Pariġi fl-4 ta' Lulju 2016 kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjoni parlamentari preċedenti tal-11 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll ir-riżoluzzjoni 47/225 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0055/2017),

A.  billi, wara li ġiet posposta darbtejn, l-elezzjoni parlamentari bikrija fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja saret fil-11 ta' Diċembru 2016 f'atmosfera kalma u normali, f'konformità mal-istandards internazzjonali u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; billi saret mingħajr inċidenti kbar, kienet ġeneralment amministrata sew u l-ammont ta' votanti kien kbir;

B.  billi r-riformi u l-preparazzjonijiet għall-adeżjoni qed jiġu mxekkla minn polarizzazzjoni politika, nuqqas kbir ta' fiduċja reċiproka u nuqqas ta' djalogu ġenwin bejn il-partijiet; billi jista' jiġi osservat rigress b'mod kontinwu f'xi żoni importanti; billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt kontinwament ġew sfidati, b'mod partikolari bħala riżultat ta' manipulazzjoni tal-istat li taffettwa l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-oqsma ewlenin tas-soċjetà;

C.  billi xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin fil-proċess ta' riforma jinkludu riforma tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-midja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u rieżami tal-implimentazzjoni tal-OFA;

D.  billi huwa meħtieġ impenn serju mill-forzi politiċi kollha sabiex il-pajjiż ikompli jaħdem favur l-integrazzjoni fl-UE u d-direzzjoni Ewro-Atlantika; billi gvern ġdid għandu bżonn jadotta u jimplimenta bis-sħiħ riformi robusti kkaratterizzati minn riżultati konkreti, partikolarment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja, il-korruzzjoni, id-drittijiet fundamentali, l-affarijiet interni u r-relazzjonijiet tajba tal-viċinat;

E.  billi hemm fehim komuni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li ż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni għadha dipendenti fuq/subordinata għal progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti;

F.  billi l-Kunsill qed jimblokka l-progress minħabba l-kwistjoni mhux solvuta dwar l-isem mal-Ġreċja; billi l-kwistjonijiet bilaterali jenħtieġ li ma jintużawx bħala skuża biex ifixklu l-bidu rapidu tan-negozjati mal-UE;

G.  billi t-tilwim bilaterali jenħtieġ li ma jintużax biex ixekkel il-proċess ta' adeżjoni mal-UE, u lanqas il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, iżda jenħtieġ li jiġi indirizzat fi spirtu kostruttiv u f'konformità mal-istandards tal-UE u tan-NU; billi jenħtieġ li jsiru l-isforzi kollha biex jinżammu relazzjonijiet tajbin fil-viċinat u interetniċi;

H.  billi l-pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni; billi jenħtieġ li jiġi garantit il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa; billi l-pajjiż tqies għal bosta snin bħala wieħed mill-aktar pajjiżi kandidati avvanzati f'termini ta' allinjament mal-acquis;

I.  billi l-proċess tal-adeżjoni mal-UE huwa inċentiv ewlieni għal aktar riformi, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-libertà tal-midja; billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin fil-viċinat huma elementi essenzjali tal-proċess tat-tkabbir, il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż;

J.  billi fl-20 ta' Lulju u l-31 ta' Awwissu 2016 il-mexxejja tal-erba' partiti politiċi ewlenin laħqu ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino, li kien jinkludi l-istabbiliment tal-11 ta' Diċembru 2016 bħala d-data għal elezzjoni parlamentari bikrija u biex jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tal-Prosekutur Speċjali; billi huma tennew ukoll l-impenn tagħhom biex jimplimentaw l-"Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti";

K.  billi l-kriżi politika reċenti wriet in-nuqqas ta' sistema effettiva ta' kontrokontrolli fl-istituzzjoinjiet tal-Maċedonja u l-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità pubblika;

L.  billi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni għadha fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, ġuridiċi u ekonomiċi;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rispett għal-libertajiet fundamentali muri matul l-elezzjoni bikrija fil-11 ta' Diċembru 2016, li kienet amministrata sew, saret b'mod trasparenti u inklużiv u mingħajr inċidenti kbar; jinnota li l-OSKE/ODIHR ikkunsidrat li l-elezzjoni kienet kompetittiva; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-partiti politiċi kollha aċċettaw ir-riżultati tagħha fl-interess tal-istabilità domestika u jenfasizza r-responsabilità tagħhom li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda rigress fi kriżi politika; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura milli b'xi mod jostakolaw il-funzjonament effettiv tal-parlament; jitlob li jiġi fformat malajr gvern ġdid, stabbli u responsabbli u li ssir transizzjoni trasparenti, f'konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri kostituzzjonali u legali, sabiex isir użu mill-mandat biex jitkomplew ir-riformi neċessarji, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż u biex titmexxa 'l quddiem il-perspettiva Ewropea tiegħu għall-benefiċċju taċ-ċittadini; iqis li l-kooperazzjoni bejn il-partiti u interetnika hija essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi urġenti interni u dawk relatati mal-UE, u għaż-żamma tar-rakkomandazzjoni pożittiva biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-UE;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fil-proċess elettorali, inkluż il-qafas ġuridiku, il-lista tal-votanti u l-kopertura tal-midja; jilqa' l-fatt li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili osservaw l-elezzjoni fil-biċċa l-kbira tal-postijiet tal-votazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod effettiv l-allegati irregolaritajiet u nuqqasijiet, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, ix-xiri ta' voti, u l-użu ħażin ta' riżorsi amministrattivi, il-pressjoni politika fuq il-midja, kif ukoll il-lingwa ta' konfrontazzjoni u l-attakki verbali fuq il-ġurnalisti, anke fil-perspettiva tal-elezzjoni lokali f'Mejju 2017; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja u biex jistabbilixxu rekord kredibbli ta' skrutinju effettiv tal-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanja elettorali; jenfasizza l-ħtieġa ta' iktar trasparenza u depolitiċizzazzjoni tal-ħidma tal-amministrazzjoni elettorali sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fl-elezzjonijiet futuri;

3.  Iqis li huwa importanti li jitwettaq ċensiment tal-popolazzjoni (l-aħħar ċensiment sar fl-2002), sakemm ikun hemm qbil madwar il-pajjiż dwar il-metodoloġija li għandha tiġi applikata, sabiex tinkiseb stampa realistika u aġġornata tad-demografija tal-popolazzjoni tal-Maċedonja, biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta' u jiġu offruti servizzi liċ-ċittadini tal-Maċedonja, u tkompli tiġi aġġornata l-lista tal-votanti u jitnaqqsu kwalunkwe irregolaritajiet u nuqqasijiet fil-ġejjieni;

4.  Jistenna li l-gvern il-ġdid, bħala l-ewwel prijorità, f'kooperazzjoni ma' partiti oħra, jaċċellera r-riformi relatati mal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, li jiddependi fuq il-progress tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa, tanġibbli u sostenibbli tiegħu u progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti dwar riformi sistemiċi; jistieden lill-Kunsill biex jindirizza l-kwistjoni tan-negozjati dwar l-adeżjoni mill-aktar fis possibbli; jibqa' konvint li n-negozjati jistgħu jiġġeneraw ir-riformi tant meħtieġa, joħolqu dinamika ġdida, jagħtu ħajja mill-ġdid lill-perspettiva Ewropea u jinfluwenzaw b'mod pożittiv ir-riżoluzzjoni ta' tilwim bilaterali sabiex ma jfixkilx il-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

5.  Jenfasizza l-importanza strateġika ta' aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE u jitlob għal darb'oħra li jintwerew ir-rieda politika u s-sjieda mill-partijiet kollha fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u l-Ftehim ta' Pržino; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pržino hija importanti ħafna wkoll wara l-elezzjoni biex jiżgura l-istabilità u s-sostenibilità politika fil-ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, mill-aktar fis possibbli iżda qabel tmiem l-2017, il-progress tal-pajjiż fl-implimentazzjoni u tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kunsill; filwaqt li jfakkar li jeħtieġ li jitniedu u jiġu implimentati r-riformi li misshom ilhom li ttieħdu, jappoġġa l-kontinwazzjoni tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni ħalli jgħin lill-pajjiż b'mod sistematiku f'dan ir-rigward; jiddispjaċih li l-ebda laqgħa ma saret taħt id-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni u li ftit li xejn kien hemm progress fl-ilħuq tal-miri preċedenti; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi politiċi, ta' sigurtà u soċjoekonomiċi negattivi potenzjali ta' dewmien ulterjuri fil-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżidu l-viżibilità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-pajjiż sabiex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tal-pajjiż;

6.  Jenfasizza l-progress sinifikanti li għamel il-pajjiż fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u jenfasizza l-konsegwenzi negattivi ta' dewmien ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni, inkluża t-theddida għall-kredibilità tal-politika ta' tkabbir tal-UE u r-riskju ta' instabilità fir-reġjun;

7.  Jirrimarka li l-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea (Brexit, il-migrazzjoni, ir-radikaliżmu, eċċ.) jenħtieġ li ma jxekklux il-proċess ta' tkabbir, iżda pjuttost li dawn l-isfidi wrew il-ħtieġa li jiġu integrati bis-sħiħ il-Balkani tal-Punent fl-istrutturi tal-UE biex tissaħħaħ u tiġi approfondita s-sħubija u jingħelbu l-kriżijiet internazzjonali;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-livell għoli ta' allinjament leġiżlattiv mal-acquis communautaire u jirrikonoxxi l-prijorità mogħtija lill-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar ta' oqfsa ġuridiċi u politiċi eżistenti, bħal fil-każ ta' pajjiżi li diġà huma impenjati fin-negozjati tal-adeżjoni;

9.  Jifraħ lill-pajjiż dwar it-tkomplija tal-issodisfar tal-impenji tiegħu taħt l-FSA; jistieden lill-Kunsill biex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni tal-2009 biex jimxi għat-tieni stadju tal-FSA, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti;

10.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex juru r-rieda politika u r-responsabilità biex jingħelbu l-ambjent politiku diviżiv, il-polarizzazzjoni u n-nuqqas ta' kultura ta' kompromess u biex jinvolvu ruħhom mill-ġdid fi djalogu; jenfasizza għal darb'oħra r-rwol ewlieni tal-parlament fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż u bħala l-forum għad-djalogu politiku u r-rappreżentanza politika; jitlob li l-funzjonijiet ta' sorveljanza jiġu msaħħa u li jiġu stabbiliti limiti fuq il-prattika ta' bidliet leġiżlattivi frekwenti għal-liġijiet u l-użu ta' proċeduri mqassra għall-adozzjoni, mingħajr biżżejjed konsultazzjoni jew valutazzjoni tal-impatt; iħeġġeġ l-operazzjoni bla xkiel tal-kumitati parlamentari fuq l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet u fuq is-sigurtà u l-kontrospjunaġġ, u l-aċċess bla xkiel tagħhom għad-data u t-testimonjanzi meħtieġa sabiex jiġi pprovdut kontroll parlamentari kredibbli fuq is-servizzi rilevanti; jirrikonoxxi r-rwol kostruttiv li għandha s-soċjetà ċivili fl-appoġġ u t-titjib tal-proċessi demokratiċi;

11.  Jinnota xi progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika inklużi l-passi biex jiġi implimentat il-qafas ġuridiku ġdid dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani; jappella għal aktar impenn biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jibqa' mħasseb dwar l-amministrazzjoni pubblika politiċizzata u minħabba li l-impjegati taċ-ċivil huma soġġetti għal pressjoni politika; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex juri impenn politiku qawwi biex jitjiebu l-professjonaliżmu, il-mertu, in-newtralità u l-indipendenza fil-livelli kollha permezz tal-implimentazzjoni tal-programmi ġodda ta' reklutaġġ abbażi tal-mertu u l-proċedura ta' evalwazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li titlesta l-istrateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika 2017-2022, inkluż billi jsiru biżżejjed allokazzjonijiet tal-baġit għall-implimentazzjoni tagħha, u li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva rilevanti; jitlob lill-gvern li jmiss biex jistabbilixxi linji ta' responsabilità trasparenti u effettivi bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda li l-komunitajiet kollha jkunu rrappreżentati b'mod ġust fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika;

12.  Jirrakkomanda li l-gvern li jmiss jiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-governanza elettronika flimkien ma' aktar żvilupp tas-servizzi elettroniċi għaċ-ċittadini u n-negozji sabiex inaqqsu l-piż burokratiku għall-istat, għaċ-ċittadini u għan-negozji; jenfasizza li l-governanza elettronika u s-servizzi elettroniċi jtejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż u jżidu t-trasparenza u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika u jappella għal aktar sforzi biex jiġi żgurat li dan id-dritt bl-ebda mod ma jkun ostakolat; iħeġġeġ is-sejba ta' soluzzjonijiet elettroniċi innovattivi sabiex ikun żgurat aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika u biex titnaqqas il-burokrazija relatata;

13.  Jiddeplora r-rigress kontinwu fir-riforma tal-ġudikatura, li jenħtieġ li tiġi mħeġġa sabiex taħdem b'mod indipendenti; jiddeplora l-interferenza politika rikorrenti fil-ħidma tagħha, inkluż fil-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin u l-prosekuturi, kif ukoll in-nuqqas ta' responsabilità u l-każijiet ta' ġustizzja selettiva; għal darb'oħra jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw b'mod effettiv il-kwistjonijiet pendenti kif identifikati fil-'Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti' u biex juru rieda politika biex isir progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, inkluż permezz tat-titjib fil-liġi u fil-prattika, it-trasparenza fil-proċeduri ta' ħatra u promozzjoni u billi jitnaqqas it-tul tal-proċedimenti fil-qorti; jirrikonoxxi li saru xi sforzi biex tittejjeb it-trasparenza; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet jiżguraw il-professjonalità tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuturi u l-indipendenza funzjonali tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi;

14.  Itenni l-importanza ta' investigazzjoni komprensiva u indipendenti, mingħajr xkiel, dwar l-allegazzjonijiet ta' azzjonijiet ħżiena li nkixfu bl-interċettazzjonijiet telefoniċi u n-nuqqasijiet relatati tas-sorveljanza; ifakkar fl-importanza tal-mandat u l-ħidma kemm tal-Prosekutur Speċjali kif ukoll tal-Kumitat Parlamentari ta' Inkjesta li jinvestigaw ir-responsabilità ġuridika u r-responsabilità politika, rispettivament; jinnota li l-Prosekutur Speċjali qajjem l-ewwel akkużi kriminali dwar in-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-interċettazzjoni telefonika;

15.  Huwa mħasseb dwar l-attakki politiċi kontra u l-ostakli amministrattivi u ġudizzjarji għall-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u n-nuqqas ta' kooperazzjoni minn istituzzjonijiet oħra; ifakkar lill-qrati kriminali li ma jirrispondux għal talbiet uffiċjali mill-Istati tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali li għandhom obbligu legali biex jgħinuh; iqis li huwa essenzjali għall-proċess demokratiku li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu u jwettaq investigazzjonijiet bir-reqqa b'awtonomija sħiħa, mingħajr xkiel u bil-mezzi neċessarji; jitlob li jingħata appoġġ sħiħ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u l-kondizzjonijiet u ż-żmien meħtieġ biex titlesta l-ħidma importanti tiegħu; jitlob li jintemmu l-ostakli fil-qrati kontra r-riferiment ta' provi lill-Prosekutur Speċjali, u li jiġu appoġġati emendi fil-liġi bl-għan li tiġi żgurata l-awtorità awtonoma tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tax-xhieda f'każijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu; jemmen bis-sħiħ li r-riżultati tal-investigazzjonijiet jikkostitwixxu pass importanti lejn il-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu adottati emendi għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tax-Xhieda;

16.  Jibqa' mħasseb li l-korruzzjoni għadha problema serja u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni qed tiġi mminata mill-interferenza politika; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm rieda politika qawwija biex din tiġi indirizzata; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jitlob li tittieħed azzjoni biex titjieb it-trasparenza u biex jiġu żgurati għażla u ħatra abbażi tal-mertu tal-membri tal-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex isiru sforzi li jiżguraw il-prevenzjoni u s-sanzjoni effikaċi tal-kunflitti ta' interess u li jiġi stabbilit rekord kredibbli dwar il-korruzzjoni f'livell għoli, inklużi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-informaturi f'konformità mal-istandards Ewropej, il-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u lill-midja biex jikxfu l-korruzzjoni u jappoġġaw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali; jistieden lill-awtoritajiet biex jappoġġaw il-ħidma tal-Ombudsman b'miżuri adegwati rigward il-persunal u l-baġit;

17.  Jinsab imħasseb dwar l-għaqda ta' attivitajiet tal-midja, politiċi u tal-gvern, b'mod partikolari fir-rigward tal-infiq pubbliku; jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' rabtiet ekonomiċi, politiċi u tal-familja illegali f'dak li għandu x'jaqsam mal-infiq ta' fondi pubbliċi; jistieden lill-gvern biex jadotta qafas leġiżlattiv li jirregola kunflitti ta' interess u jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-assi ta' persuni li jokkupaw karigi statali għoljin bħala miżura addizzjonali biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-qafas leġiżlattiv u l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huma fis-seħħ; jilqa' l-eliminazzjoni tan-netwerks kriminali u r-rotot relatati mat-traffikar tal-bnedmin u d-drogi u jitlob għal aktar intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ aktar titjib fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kemm fil-pajjiż kif ukoll ma' pajjiżi fil-viċinat, u t-tisħiħ tas-setgħat u r-riżorsi tal-qrati; iqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata aktar il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi biex jiġu investigati r-reati finanzjarji u jiġu kkonfiskati l-assi;

19.  Japprezza l-isforzi kontinwi biex jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-ġellieda terroristiċi barranin; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija 2013-2019 għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tiddefinixxi wkoll il-kunċetti ta' estremiżmu vjolenti, radikalizzazzjoni, prevenzjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jitlob li tiġi implimentata permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn l-aġenziji tas-sigurtà u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mexxejja reliġjużi, il-komunitajiet lokali u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-istat fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-servizzi soċjali biex jiġu indirizzati l-istadji differenti ta' radikalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' għodod għal reintegrazzjoni u riabilitazzjoni; jitlob li jkun hemm monitoraġġ kontinwu ta' ġellieda barranin li jirritornaw mis-servizzi tas-sigurtà, biex jintegraw sew mill-ġdid fis-soċjetà, kif ukoll skambju kontinwu ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE u dawk fil-viċinat;

20.  Jinsab imħasseb dwar sinjali li ġejjin mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirreferu għad-deterjorament tal-klima li joperaw fiha; jibqa' mħasseb dwar l-attakki pubbliċi radikali fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti barranin mill-politiċi u l-midja; jirrikonoxxi u jħeġġeġ ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ, l-appoġġ u t-titjib tal-proċessi demokratiċi, inkluż il-proċess elettorali, u l-iżgurar ta' kontrokontrolli; huwa mħasseb dwar l-impenn limitat tal-gvern u l-kooperazzjoni insuffiċjenti mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha; jenfasizza l-importanza ta' djalogu regolari u kostruttiv u kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jinkluduhom fit-tfassil tal-politika b'mod regolari u strutturat; jistieden lill-awtoritajiet biex ma jiddiskriminawx kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili abbażi ta' affiljazzjoni politika, fehmiet reliġjużi jew kompożizzjoni etnika; jemmen li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni jenħtieġ li ma tiġi miċħuda lil ebda grupp ta' nies mingħajr ġustifikazzjoni serja;

21.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu x-xogħol taċ-ċensiment tal-popolazzjoni interrott li jista' jipprovdi statistika preċiża, li tista' sservi bħala bażi għal programmi ta' żvilupp tal-gvern u l-ippjanar baġitarju adegwat;

22.  Ifakkar lill-gvern u lill-partiti politiċi dwar ir-responsabilitajiet tagħhom fit-tfassil, bil-liġi u fil-prattika, ta' kultura ta' inklużjoni u tolleranza; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ugwaljanza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni 2016-2020; huwa mħasseb dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u jitlob għal proċess ta' għażla trasparenti għall-membri tagħha; itenni l-kundanna tiegħu ta' diskors ta' mibegħda kontra l-gruppi diskriminati; huwa mħasseb li l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-attakki kontra l-persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transesswali u intersesswali (LGBTI) jippersistu; itenni t-talba tiegħu biex il-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni tiġi allinjata mal-acquis tal-Unjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, u li jiġu ffaċilitati l-integrazzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għas-sistema tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol; huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet fiżiċi inumani u l-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, minkejja żieda sinifikanti fil-baġit tal-ħabs; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ikunu rrispettati;

23.  Jappella għal sforzi ulterjuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u fl-impjieg, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom u jissaħħu d-drittijiet tan-nisa b'mod ġenerali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs, biex jindirizzaw in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha u biex isaħħu l-effikaċja ta' mekkaniżmi istituzzjonali għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' aċċess tan-nisa għal ċerti servizzi tas-saħħa bażiċi kif ukoll dwar ir-rata persistentement għolja ta' mortalità tat-trabi;

24.  Iħeġġeġ lill-gvern biex jieħu miżuri biex jirrieżamina l-Liġi dwar il-Prevenzjoni ta' u l-Ħarsien kontra l-Vjolenza Domestika u liġijiet oħra rilevanti, sabiex jipprovdi protezzjoni xierqa għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista u biex itejjeb is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza domestika, inkluż għadd adegwat ta' postijiet ta' kenn; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li każijiet ta' vjolenza domestika jiġu investigati bir-reqqa u l-persuni li wettqu dawn l-atti jiġu soġġetti għal proċediment kriminali, u jkompli jqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika;

25.  Itenni li s-sitwazzjoni interetnika għadha fraġli; iħeġġeġ lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex jippromwovu b'mod attiv soċjetà multietnika, multikulturali u multireliġjuża inklużiva u tolleranti u biex isaħħu l-koeżistenza u d-djalogu; jemmen li huma meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex tinkiseb il-koeżjoni soċjali fost id-diversi komunitajiet etniċi, nazzjonali u reliġjużi; ifakkar lill-gvern u lill-mexxejja tal-partiti dwar l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid b'mod inklużiv u trasparenti, biex jiffinalizzaw ir-rieżami pendenti mingħajr aktar dewmien, inklużi rakkomandazzjonijiet ta' politika, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni tiegħu; jikkundanna kull forma ta' irridentiżmu u kwalunkwe tentattiv li jiġu ddiżintegrati gruppi soċjali differenti; jenfasizza l-importanza li jinbeda ċ-ċensiment tant mistenni mingħajr aktar dewmien;

26.  Itenni li l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa biex tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni storika sabiex tingħeleb il-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara;

27.  Iħeġġeġ lill-gvern jibgħat sinjali ċari lill-pubbliku u lill-mezzi ta' komunikazzjoni li d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità nazzjonali mhijiex tollerata fil-pajjiż, inkluż fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja, tal-midja, tal-impjieg u tal-opportunitajiet soċjali; jissottolinja l-importanza ta' dawn l-azzjonijiet għall-integrazzjoni tad-diversi komunitajiet etniċi u l-istabilità u l-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;

28.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirkupraw l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi rilevanti mis-Serbja; huwa tal-fehma li l-ġestjoni trasparenti tal-imgħoddi totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, hija pass 'il quddiem lejn aktar demokratizzazzjoni, responsabilità u saħħa istituzzjonali;

29.  Itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, l-użu ta' diskors ta' mibegħda, il-każijiet ta' intimidazzjoni u ta' awtoċensura, l-interferenza politika sistemika fi u l-pressjoni fuq il-politiki editorjali, in-nuqqas ta' rappurtar investigattiv, oġġettiv u preċiż, kif ukoll ir-rappurtar żbilanċjat tal-attivitajiet tal-gvern; itenni t-talba tiegħu għal rappurtar ta' varjetà ta' opinjonijiet permezz tal-midja prinċipali, partikolarment tax-xandar pubbliku;

30.  Jistieden lill-gvern il-ġdid jiżgura li l-intimidazzjoni jew il-vjolenza kontra l-ġurnalisti tiġi investigata kif xieraq u li dawk reponsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa għal sostenibilità u awtonomija politika u finanzjarja tas-servizz pubbliku tax-xandir sabiex tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja u editorjali, u d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni imparzjali; jappella għal korpi ta' rappreżentanza tal-interessi tal-midja inklużivi; jappella għall-istabbiliment ta' kodiċi ta' kondotta professjonali aċċettat kemm mill-midja pubblika kif ukoll minn dik privata; iħeġġeġ ħidma konġunta bejn l-uffiċjali tal-gvern, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti dwar ir-riforma tal-midja;

31.  Jibqa' mħasseb li s-sitwazzjoni politika tirrappreżenta riskju serju lill-ekonomija Maċedonjana; jiqba' mħasseb dwar l-infurzar dgħajjef tal-kuntratti, id-daqs tal-ekonomija informali u d-diffikultà fil-ksib ta' aċċess għall-finanzi; jenfasizza li l-ekonomija moħbija mdaqqsa hija ostakolu importanti għan-negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri li jsaħħu l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur privat, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw ukoll l-effiċjenza ġudizzjarja;

32.  Jilqa' l-fatt li nżammu l-istabilità makroekonomika, it-tnaqqis tar-rata tal-qgħad u l-impenn kontinwu tal-gvern biex jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' politiki ekonomiċi bbażati fuq is-suq, iżda jinsab imħasseb dwar is-sostenibilità tad-dejn pubbliku u dwar il-fatt li l-qgħad għadu għoli b'parteċipazzjoni baxxa ħafna fis-suq tax-xogħol, speċjalment fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw il-qgħad fit-tul u strutturali, jippromwovu l-kooperazzjoni tal-politika ekonomika, jallinjaw aħjar l-edukazzjoni mad-domanda tas-suq tax-xogħol u jiżviluppaw strateġija mmirata dwar kif iż-żgħażagħ u n-nisa jistgħu jiġu integrati b'mod aħjar fis-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar it-tluq ta' professjonisti żgħażagħ b'edukazzjoni għolja u jappella lill-gvern biex jiżviluppa programmi biex jippermetti lill-professjonisti żgħażagħ b'edukazzjoni għolja jirritornaw u jipparteċipaw fil-proċessi politiċi u ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob li tittieħed azzjoni biex titjieb id-dixxiplina fiskali u t-trasparenza u tiżdied il-kapaċità tal-ippjanar tal-baġit; jinkoraġġixxi l-prinċipju ta' baġits ibbilanċjati; jinnota li l-ambjent regolatorju affidabbli u prevedibbli għan-negozji jwassal għal żieda fl-istabilità makroekonomika u t-tkabbir; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati kollha f'dan ir-rigward;

33.  Jilqa' b'mod pożittiv il-progress li sar fil-modernizzazzjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet u, b'mod partikolari, l-isforzi biex jitlesta l-Kuritur X(2); fid-dawl tal-importanza ta' kollegamenti ferrovjarji fil-qafas ta' sistema sostenibbli ta' trasport, jilqa' b'mod pożittiv l-intenzjoni tal-gvern li jimmodernizza jew jibni kollegamenti ferrovjarji minn Skopje sal-kapitali tal-pajjiżi fil-viċinat u jappella għal aktar progress, speċjalment fil-finalizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji u bit-triq fi ħdan il-Kuritur VIII(3);

34.  Jilqa' l-livell tajjeb ta' tħejjija fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-soċjetà tal-informazzjoni; jappella għal aktar progress fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika u jissottolinja l-ħtieġa biex tiġi żviluppata u adottata strateġija nazzjonali għaċ-ċibersigurtà sabiex tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika;

35.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqasijiet sinifikanti fil-qasam tal-ambjent, b'mod partikolari fil-qasam tat-tniġġis industrijali u t-tniġġis tal-arja u tal-ilma; jinnota li l-kundizzjoni attwali tas-sistema tal-provvista tal-ilma hija ġeneralment ħażina, li tirriżulta fi kwistjonijiet ta' telf kbir tal-ilma u l-kwalità tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata politika dwar l-iskart sostenibbli, u jitlob li jkun hemm politika u strateġija komprensiva dwar l-azzjoni klimatika li tkun konformi mal-qafas tal-UE tal-2030 għall-politika dwar il-klima, u għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

36.  Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-pajjiż fil-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività; jinnota, madankollu, li r-rabtiet tal-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija mal-ġirien reġjonali u l-konnessjoni man-netwerk TEN-T għadhom limitati; jilqa' l-progress li sar fis-sigurtà tal-provvista, kif ukoll fil-qasam ta' interkonnetturi ta' trażmissjoni tal-elettriku u interkonnessjonijiet tal-gass; jinnota l-ftehim iffirmat mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar l-iżvilupp ta' suq reġjonali tal-elettriku; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fil-ftuħ tas-suq tal-elettriku biex tiġi żviluppata l-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija u tal-gass, b'ħidma għal separazzjoni tal-utilitajiet f'konformità mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE; jitlob titjib sostanzjali fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jappella għar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;

37.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u ta' finanzjament sabiex ikun żgurat reġim ta' akkwist pubbliku trasparenti, effiċjenti u effettiv, jipprevjenu kwalunkwe irregolarità u jimplimentaw il-fondi tal-UE b'mod xieraq u f'waqtu, u biex jipprovdu, fl-istess ħin, rapporti regolari dettaljati dwar l-ipprogrammar u l-użu tal-fondi tal-Komunità; jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni reġgħet naqqset l-għajnuna finanzjarja għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni b'madwar EUR 27 miljun bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' impenn politiku biex jitwettqu riformi fil-ġestjoni finanzjarja pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapporti tagħha informazzjoni dwar l-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-pajjiż u l-effikaċja tal-miżuri implimentati, b'mod partikolari l-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni allokat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti;

38.  Ifaħħar lill-pajjiż għar-rwol kostruttiv u l-kooperazzjoni tiegħu u għall-isforzi enormi tiegħu fl-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi tal-migrazzjoni, biex b'hekk jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għas-sigurtà u l-istabilità tal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-pajjiż bl-għodod kollha meħtieġa biex tittaffa l-kriżi; jirrakkomanda aktar miżuri u azzjonijiet f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali biex titjieb is-sistema tal-ażil, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità meħtieġa biex jiġi evitat u miġġieled it-traffikar ta' bnedmin u migranti, inkluż ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' Stati fil-viċinat fil-ġlieda kontra l-kriminalità, u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni tal-fruntieri;

39.  Jinnota li l-pajjiż jinsab fuq l-hekk imsejjaħ "rotta tal-Balkani tal-Punent" u li bejn wieħed u ieħor 600 000 rifuġjat u migrant, inklużi gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u l-anzjani, s'issa vvjaġġaw minnha fi triqithom lejn l-Ewropa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tiegħu jiżguraw li l-migranti u r-rifuġjati li japplikaw għal ażil fil-pajjiż jew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fit-territorju tiegħu, jiġu trattati b'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE, inklużi l-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, b'mod li tiżgura l-konformità man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali bħala għodda biex jitmexxa 'l quddiem il-proċess tal-integrazzjoni tal-UE, u jfaħħar l-isforzi kostruttivi tal-pajjiż u l-kontribuzzjonijiet proattivi fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi kollha fir-reġjun;

42.  Jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali hija element essenzjali fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, iġġib l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun, u jenħtieġ li tkun prijorità għall-gvern; jilqa' r-rwol kostruttiv kontinwu tal-pajjiż u l-kontributi proattivi li jippromwovu l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari; ifaħħar iż-żieda fl-allinjament mal-politika barranija tal-UE (73 %); jistieden lill-awtoritajiet tal-Maċedonja biex jallinjaw ukoll il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja wara l-annessjoni illegali tal-Krimea; itenni l-importanza li jiġu finalizzati n-negozjati dwar trattat ta' ħbiberija u ta' viċinanza tajba mal-Bulgarija; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw id-drittijiet politiċi, soċjali u kulturali taċ-ċittadini tal-pajjiż li jqisu lilhom infushom bħala ċittadini Bulgari;

43.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' kumitati ta' esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni mal-pajjiżi fil-viċinat, li twassal għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva u bbażata fuq il-fatti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom;

44.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati tanġibbli mill-inizjattiva għal miżuri ta' bini ta' fiduċja bejn dan il-pajjiż u l-Greċja, li jista' jikkontribwixxi għal fehim aħjar u relazzjonijiet bilaterali aktar b'saħħithom, biex b'hekk titwitta t-triq għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat rigward il-kwistjoni tal-isem, u jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza li jkunu evitati attitudnijiet, azzjonijiet kontroversjali u dikjarazzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi fil-viċinat; itenni bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda sabiex jingħelbu d-differenzi li jkun baqa' u biex jaħdmu, f'kooperazzjoni maż-żewġ pajjiżi u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU, fuq soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat dwar il-kwistjoni tal-isem u biex jirrapportaw lura lill-Parlament dwar dan;

45.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin, li juru appoġġ politiku b'saħħtu għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jirrimarka dwar l-importanza ta' dan il-proċess għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi fir-reġjun permezz ta' investimenti f'netwerks ewlenin u proġetti bilaterali fl-oqsma tal-infrastruttura, l-ekonomija u l-interkonnettività; itenni l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva f'inizjattivi reġjonali relatati maż-żgħażagħ, bħal pereżempju l-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent; jilqa' t-twaqqif tal-Fond tal-Balkani tal-Punent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis l-inizjattivi u l-proġetti proposti;

46.  Jifraħ lill-pajjiż dwar il-presidenza tiegħu tal-IEĊ fejn matul l-2015 il-fokus kien fuq il-kooperazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet ta' negozju, l-infrastruttura u l-iżvilupp ekonomiku ġenerali, inkluż l-iżvilupp rurali u t-turiżmu, u fuq il-kollegament tal-makroreġjuni;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-pajjiż.

(1)

ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

(2)

Il-Kuritur X huwa wieħed mill-għaxar kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Salzburg (l-Awstrija) sa Salonka (il-Greċja).

(3)

Il-Kuritur VIII huwa wieħed mill-kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Durrës (l-Albanija) sa Varna (il-Bulgarija). Jgħaddi wkoll minn Skopje.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Takis Hadjigeorgiou, Urmas Paet, Miroslav Poche, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Igor Šoltes, Renate Sommer, Eleni Theocharous, Bodil Valero, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

54

+

ALDE

Iveta Grigule, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Johannes Cornelis van Baalen

ECR

Amjad Bashir, Angel Dzhambazki, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

James Carver, Fabio Massimo Castaldo

PPE

Lars Adaktusson, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Renate Sommer, László Tőkés, Željana Zovko, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Arne Lietz, Olle Ludvigsson, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche

Verts/ALE

Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero, Igor Šoltes

9

-

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

NI

Georgios Epitideios

PPE

Manolis Kefalogiannis

S&D

Nikos Androulakis, Demetris Papadakis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza