Proċedura : 2016/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0058/2017

Testi mressqa :

A8-0058/2017

Dibattiti :

PV 03/04/2017 - 23
CRE 03/04/2017 - 23

Votazzjonijiet :

PV 04/04/2017 - 7.4
CRE 04/04/2017 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0099

RAPPORT     
PDF 656kWORD 58k
8.3.2017
PE 592.210v02-00 A8-0058/2017

dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali

(2016/2204(INI))

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp RuraliIl-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur għal opinjoni: Marijana Petir, Maria Lidia Senra Rodríguez

(Laqgħat tal-kumitati assoċjati - Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali

(2016/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 1) tat-TFUE dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 2) tat-TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa li ġiet adottata fl-1979,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fiz-żoni rurali tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u ż-żoni rurali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet maħruġa fis-17 ta' Ottubru 2016 mill-Kumitat tan-NU dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija fuq il-produzzjoni tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel fid-dinja, b'mod partikolari dawk rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0058/2017),

Il-multifunzjonalità tar-rwoli tan-nisa fiż-żoni rurali

A.  billi ċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi u l-kundizzjonijiet ta' għajxien inbidlu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar deċennji, u billi hemm differenzi kbar f'dan ir-rigward bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom;

B.  billi n-nisa jagħtu kontributi sinifikanti lill-ekonomija rurali, u billi l-miżuri ta' diversifikazzjoni u l-kunċett ta' multifunzjonalità, bħala bażi essenzjali għal strateġiji ta' żvilupp sostenibbli, għalkemm għadhom mhux sfruttati b'mod sħiħ fl-oqsma kollha, fetħu opportunitajiet ġodda għan-nisa, bl-għajnuna tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta' kunċetti ġodda li jagħmlu possibbli influss ta' dinamiżmu ġdid fil-qasam tal-biedja;

C.  billi n-nisa huma ħafna drabi dawk li jippromwovu l-iżvilupp ta' attivitajiet addizzjonali fuq jew barra mill-azjenda agrikola lil hinn mill-ambitu tal-produzzjoni agrikola, biex b'hekk ikunu jistgħu jagħtu valur miżjud reali lill-attivitajiet f'żoni rurali;

D.  billi n-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali mhumiex grupp omoġenju, peress li s-sitwazzjoni, l-impjiegi, il-kontribuzzjonijiet għas-soċjetà u finalment il-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom ivarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom;

E.  billi n-nisa huma involuti b'mod attiv f'attivitajiet agrikoli, l-intraprenditorija u t-turiżmu, u għandhom rwol importanti fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali fiż-żoni rurali, li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini u/jew it-tisħiħ tal-identità reġjonali;

F.  billi r-rwol multifunzjonali tal-mara fiż-żoni rurali jista' jagħti kontribut konsiderevoli biex jistabbilixxi x-xbiha moderna tal-mara fis-soċjetà tagħna;

G.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u l-promozzjoni tagħha hija waħda mill-għanijiet prinċipali tagħha; billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija għodda importanti għall-integrazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-politiki, miżuri u azzjonijiet tal-UE bl-għan li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni sabiex jiżdied l-involviment attiv tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-attivitajiet ekonomiċi u soċjali; billi din l-għodda hija applikabbli wkoll għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, inkluż il-FAEŻR;

H.  billi l-biedja tal-familja hija l-aktar mudell tal-biedja komuni operazzjonali tal-UE-28 b'76,5 % tal-ħidma titwettaq mis-sid jew mill-membri tal-familja tiegħu jew tagħha(11) u għaldaqstant jenħtieġ li tiġi appoġġjata u protetta; billi l-biedja tal-familja tippromwovi s-solidarjetà fost il-ġenerazzjonijiet u r-responsabilità soċjali u ambjentali, u b'hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali;

I.  billi, fil-kuntest tal-urbanizzazzjoni li qed tikber, huwa essenzjali li tinżamm popolazzjoni attiva, dinamika u għanja fiż-żoni rurali, b'attenzjoni partikolari għal żoni b'limitazzjonijiet naturali, peress li l-konservazzjoni tal-ambjent u l-pajsaġġ jiddependu fuqha;

J.  billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni flimkien mat-tnaqqis tal-attività tal-biedja u tat-tnaqqis ekonomiku fiż-żoni rurali tal-UE jirrappreżentaw uħud mill-kawżi prinċipali tad-depopolazzjoni u tal-abbandun taż-żoni rurali min-nisa, li għandhom impatt negattiv mhux biss fuq is-suq tax-xogħol iżda wkoll biex tittejjeb l-infrastruttura soċjali; billi din is-sitwazzjoni tista' tintemm biss jekk l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet Ewropej jieħdu l-passi kollha possibbli sabiex jiġi żgurat rikonoxximent akbar tax-xogħol u tad-drittijiet tagħhom u jagħtu liż-żoni rurali s-servizzi meħtieġa li jagħmlu possibbli l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

K.  billi t-turiżmu rurali, li jinkludi l-provvista ta' prodotti u servizzi fil-kampanja permezz ta' intrapriżi tal-familja u intrapriżi kooperattivi, huwa negozju b'riskju baxx, jiġġenera l-impjiegi, jippermetti li l-ħajja personali u familjari tiġi kkombinata max-xogħol u jħeġġeġ lill-popolazzjoni rurali tibqa' fil-kampanja;

L.  billi l-kriżi ekonomika laqtet lill-Unjoni Ewropea u kellha impatt serju fuq ħafna żoni u reġjuni rurali; billi l-konsegwenzi tal-kriżi għadhom viżibbli u ż-żgħażagħ minn żoni rurali qed jiffaċċjaw livelli gravi ta' qgħad, faqar u depopolazzjoni, li jolqtu lin-nisa b'mod partikolari; billi n-nisa jġarrbu direttament l-impatt tal-kriżi fil-ġestjoni tal-azjendi agrikoli tagħhom u djarhom;

M.  billi sitwazzjoni bħal din tippreżenta sfida serja għall-Politika Agrikola Komuni (PAK), u għandha tiżgura l-iżvilupp taż-żoni rurali filwaqt li ssaħħaħ il-potenzjal tagħhom;

N.  billi huwa meħtieġ li jinżamm settur tal-biedja sostenibbli u vibranti bħala l-bażi ekonomika, ambjentali u soċjali fundamentali taż-żoni rurali, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp rurali, għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli, għall-bijodiversità u għall-ħolqien tal-impjiegi;

O.  billi l-istatus ta' azjendi agrikoli żgħar u azjendi agrikoli mmexxija mill-familji bħala l-produtturi primarji tal-ikel jista' biss jitjieb u l-attivitajiet tal-biedja u tal-bhejjem tagħhom jistgħu jinżammu permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u riżorsi u miżuri finanzjarji adegwati fil-livell tal-UE; billi bejn l-2005 u l-2010 inqerdu 2,4 miljun azjenda agrikola fl-UE, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu azjendi agrikoli żgħar jew immexxija minn familji, u b'hekk żdied il-qgħad fiż-żoni rurali;

P.  billi l-promozzjoni ta' miżuri ta' diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-ktajjen tal-provvista qosra, kif ukoll il-promozzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs), jistgħu jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-settur, li qed tiffaċċja l-isfidi ta' prattiki inġusti ta' kummerċ u swieq li qegħdin isiru dejjem aktar volatili;

Q.  billi huwa importanti li tiġi appoġġjata u promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-katina tal-valur agroalimentari, peress li r-rwol tagħhom huwa kkonċentrat l-aktar fuq il-produzzjoni u l-ipproċessar;

R.  billi l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, l-opportunità li jivvalidaw il-ħiliet miksuba f'ambjenti mhux formali u l-opportunità li jitħarrġu mill-ġdid u jiksbu ħiliet li jistgħu jintużaw fis-suq tax-xogħol li qed jiżviluppa b'mod dinamiku huma prerekwiżiti kruċjali biex jiżdied l-impjieg tan-nisa f'żoni rurali;

S.  billi kooperattivi, soċjetajiet mutwi, intrapriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi għandhom potenzjal enormi biex jistimulaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u tissaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fiż-żoni rurali u fis-settur agrikolu;

T.  billi l-inklużjoni tan-nisa u l-bniet fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), kif ukoll l-intraprenditorija hija meħtieġa sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi f'setturi tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel, kif ukoll it-turiżmu u industriji oħra f'żoni rurali;

L-isfidi għan-nisa fiż-żoni rurali

U.  billi n-nisa jirrappreżentaw ftit inqas minn 50 % tal-popolazzjoni totali fl-età tax-xogħol fiż-żoni rurali tal-UE, iżda madwar 45 % biss tal-popolazzjoni ekonomikament attiva; billi ħafna minnhom qatt ma rreġistraw bħala qiegħda jew ġew inklużi fl-istatistiċi dwar il-qgħad u ma jeżistux ċifri ċari dwar l-involviment tan-nisa fil-biedja bħala sidien jew impjegati;

V.  billi, fiż-żoni predominantement rurali tal-UE, 61 % biss tan-nisa ta' bejn l-20 u l-64 sena kienu impjegati fl-2009(12); billi, f'ħafna Stati Membri, in-nisa f'żoni rurali għandhom aċċess limitat għall-impjiegi u l-possibilitajiet tagħhom li jaħdmu fil-biedja huma relattivament baxxi, iżda dawn xorta għad għandhom rwol importanti fl-iżvilupp rurali u fin-nisġa soċjali taż-żoni rurali, billi jiprovdu introjtu għall-unitajiet domestiċi jew għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien;

W.  billi fl-2014 in-nisa kienu responsabbli għal madwar 35 % tal-ħin totali tax-xogħol fl-agrikoltura, wettqu 53,8 % tax-xogħol part-time u 30,8 % tax-xogħol full-time, u b'hekk għamlu kontribuzzjoni sinifikanti għall-produzzjoni agrikola; billi x-xogħol magħmul mill-konjuġi u l-membri tal-familja femminili oħra fl-azjendi agrikoli spiss huwa indispensabbli u jikkostitwixxi xejn anqas minn "xogħol inviżibbli" minħabba n-nuqqas ta' status professjonali li jippermetti r-rikonoxximent tiegħu u li jippermetti li n-nisa kkonċernati jirreġistraw mas-servizzi tas-sigurtà soċjali, li kieku jevita t-telf possibbli ta' intitolamenti bħall-liv tal-mard u l-liv tal-maternità, u jiżgura l-indipendenza finanzjarja tagħhom;

X.  billi f'xi Stati Membri, bħal Franza, tipi ta' status legali differenti jeżistu għan-nisa miżżewġin li jaħdmu b'mod regolari fl-azjenda agrikola (koimpjegat, impjegat jew maniġer ta' azjenda agrikola), u b'dan isir possibbli li protezzjoni soċjali xierqa tiġi estiża għalihom biex jiġu assigurati kontra l-eventwalitajiet negattivi tagħhom fuq il-ħajja personali u tax-xogħol tagħhom;

Y.  billi medja ta' biss 30 % tal-azjendi agrikoli fl-UE huma ġestiti minn nisa; billi hemm għadd sinifikanti ta' ħaddiema nisa fl-agrikoltura, u billi ħafna nisa huma klassifikati bħala l-konjuġi tas-sid, li jikkorrispondu għal 80,1 % tat-total ta' konjuġi fl-2007(13);

Z.  billi l-proprjetarju tal-azjenda agrikola huwa l-persuna li tissemma' fid-dokumenti tal-bank u għal skopijiet ta' sussidji u drittijiet akkumulati, u l-persuna li tirrappreżenta l-azjenda agrikola fi ħdan assoċjazzjonijiet u gruppi; billi li ma tkunx il-proprjetarju tal-azjenda agrikola ifisser li ma jkollokx id-drittijiet relatati ma' dan l-istatus ta' sjieda (drittijiet għal pagamenti uniċi, primjums għall-baqar li jreddgħu, id-drittijiet għat-tħawwil tad-dwieli, introjtu eċċ.) u dan ipoġġi lill-bdiewa nisa f'sitwazzjoni vulnerabbli u ta' żvantaġġ;

AA.  billi, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn skemi ta' għajnuna favur ħaddiema nisa fl-agrikoltura, jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala proprjetarji jew koproprjetarji; billi s-sjieda jew sjieda konġunta tal-azjendi agrikoli min-nisa jenħtieġ li tiġi promossa mill-Unjoni Ewropea, u dan ikollu effetti pożittivi fuq is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, l-intitolamenti soċjali u l-indipendenza ekonomika, u b'hekk tiġi żgurata viżibilità akbar tagħhom (u rikonoxximent tal-kontribut tagħhom lill-ekonomija u l-introjti) f'żoni rurali u aċċess akbar għall-art;

AB.  billi n-nisa f'żoni rurali għandhom isiru iktar viżibbli fl-istatistiċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali sabiex jirriflettu s-sitwazzjoni tagħhom u r-rwol li jaqdu;

AC.  billi żieda fl-aċċess għal żgħażagħ u nisa għall-art ittejjeb it-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja u trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali;

AD.  billi l-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli, inkluża kura għat-tfal, għall-anzjani u għal persuni dipendenti oħra, inklużi l-persuni b'diżabilità, huwa importanti għall-abitanti kollha taż-żoni rurali; billi dawn is-servizzi huma partikolarment importanti biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment għan-nisa, peress li dawn kienu involuti aktar fil-kura tal-membri żgħar, dipendenti u anzjani tal-familja;

AE.  billi n-nisa għandhom rwol multifunzjonali fiż-żoni rurali u, għalhekk, dawn is-servizzi jippermettulhom li jaħdmu u jiżviluppaw ulterjorment il-karrieri tagħhom filwaqt li jiżguraw tqassim ġust tar-responsabbiltajiet tal-familja u ta' indokrar;

AF.  billi l-bażi għat-titjib tal-kwalità tal-għajxien fiż-żoni rurali hija d-disponibilità ta' infrastruttura bħal konnessjonijiet tat-trasport, aċċess għall-internet b'veloċità għolja u broadband, inkluż servizzi mobbli tad-data u l-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-kwalità tas-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

AG.  billi l-kopertura tal-broadband rurali għadha taħt il-livell ta' kopertura nazzjonali madwar l-UE-28; billi, fl-2015, 98,4 % tal-familji li jgħixu fiż-żoni rurali kienu koperti minn tal-anqas waħda mit-teknoloġiji broadband, iżda 27,8 % biss kellhom aċċess għal servizzi tal-ġenerazzjoni li jmiss; billi l-infrastruttura diġitali, li għadha mhux żviluppata b'mod sħiħ fiż-żoni rurali kollha tal-UE, tista' tkun ta' għajnuna kbira fl-aċċess għall-informazzjoni u l-opportunitajiet edukattivi, fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajba bejn in-nisa f'żoni rurali, u tista' tirrappreżenta element ewlieni ta' appoġġ meħtieġ sabiex tinżamm il-popolazzjoni femminili ta' dawk iż-żoni;

AH.  billi l-edukazzjoni hija għodda fundamentali għat-trawwim tal-valur tal-ugwaljanza, li jenħtieġ li tiġi promossa fl-oqsma kollha, mhux biss fl-iskejjel, iżda wkoll fit-taħriġ vokazzjonali, u speċjalment f'taħriġ li jiffoka fuq is-settur primarju;

AI.  billi t-titjib tal-kundizzjonijiet ġenerali f'żoni rurali se jirriżulta fil-ksib ta' status imtejjeb għan-nisa f'dawk iż-żoni;

AJ.  billi l-kontribut sinifikanti li jagħtu n-nisa għall-iżvilupp lokali u rurali ma huwiex rifless biżżejjed fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet korrispondenti, meta jitqies il-fatt li n-nisa fl-inħawi rurali ta' spiss huma sottorappreżentati fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet bħall-kooperattivi agrikoli, it-trade unions u l-gvernijiet muniċipali; billi ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa f'tali korpi hija importanti ħafna;

AK.  billi n-nisa f'żoni rurali jsofru wkoll minn diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa, li qed jikbru f'uħud mill-Istati Membri; billi l-istabbiliment ta' statistika aġġornata fuq is-sitwazzjoni tal-impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom, għalhekk jistħoqqlu aktar attenzjoni;

AL.  billi sottoprogrammi tematiċi dwar "In-Nisa f'żoni rurali" ma ġewx stabbiliti s'issa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-użu tal-istrumenti disponibbli skont programmi ta' żvilupp rurali sal-2014 sfortunatament kienet baxxa; billi minn 6,1 miljun parteċipant f'miżuri ta' taħriġ, 28 % biss kienu nisa; billi 19 % tal-benefiċjarji ta' investiment fiżiku f'azjendi agrikoli għall-modernizzazzjoni u 33 % tal-benefiċjarji tal-miżuri ta' diversifikazzjoni biss kienu nisa; billi fir-rigward ta' impjiegi maħluqa b'riżultat tal-miżuri tal-assi 3 (id-diversifikazzjoni tal-ekonomija fiż-żoni rurali), 38 % tal-benefiċjarji biss kienu nisa;

1.  Jenfasizza r-rwol attiv li għandhom in-nisa fiż-żoni rurali u jirrikonoxxi l-kontribut tan-nisa fl-ekonomija f'tali oqsma bħalma huma intraprendituri, kapijiet tan-negozju tal-familja u promoturi tal-iżvilupp sostenibbli; huwa tal-fehma li, f'termini soċjali, ekonomiċi u ambjentali, l-intraprenditorija femminili hija pilastru prinċipali ta' żvilupp sostenibbli għaż-żoni rurali, u għalhekk jenħtieġ li tiġi promossa, mħeġġa u appoġġjata fi ħdan l-istrateġiji għall-iżvilupp rurali, u, b'mod partikolari, permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tas-sjieda femminili, tan-netwerks tal-intraprendituri, u l-aċċess għall-investiment u l-kreditu, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tagħhom fil-korpi maniġerjali, u permezz tal-ħolqien tal-opportunitajiet meħtieġa għall-appoġġ ta' nisa żgħażagħ, li jaħdmu għal rashom, li jaħdmu fuq bażi part-time, u li ta' sikwit jitħallsu ftit;

2.  Jilqa' l-appoġġ għan-nisa f'żoni rurali f'forma ta' inizjattivi li jiffukaw fuq l-apprezzament tal-komunità jew netwerking; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol fundamentali tan-nisa bħala membri ta' azjendi agrikoli żgħar jew tal-azjendi agrikoli tal-familja, li jikkostitwixxu ċ-ċellola soċjoekonomika prinċipali taż-żoni rurali li tieħu ħsieb il-produzzjoni tal-ikel, il-preservazzjoni tal-għarfien u l-ħiliet tradizzjonali, l-identità nazzjonali u kulturali u l-protezzjoni tal-ambjent; huwa tal-fehma li l-bdiewa nisa għandhom rwol sinifikanti x'jaqdu biex jiżguraw li l-azjendi agrikoli żgħar u l-azjendi agrikoli tal-familja jibqgħu jeżistu bi prospetti għall-futur;

3.  Huwa tal-fehma li, meta wieħed jikkunsidra r-rwoli, l-impjiegi u s-sitwazzjonijiet differenti tan-nisa f'żoni rurali, it-titjib tal-prospetti tal-impjiegi jirrikjedu assistenza u appoġġ imfasslin għall-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, jinkoraġġixxu, jiffaċilitaw u jippromwovu l-aċċess għas-suq tax-xogħol għan-nisa fiż-żoni rurali bħala prijorità fil-ġejjieni tiegħu għall-politiki tal-iżvilupp rurali, u biex jifformulaw miri relatati ma' impjieg imħallas u dejjiemi f'dan il-kuntest; jistieden ukoll lill-Istati Membri jinkludu fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom strateġiji li jiffukaw speċifikament fuq il-kontribut tan-nisa biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

5.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol f'żoni rurali tinkludi firxa wiesa' ta' impjiegi li tmur lil hinn mill-agrikoltura konvenzjonali, u jenfasizza f'dan ir-rigward li n-nisa fiż-żoni rurali jistgħu jkunu aġenti tal-bidla fil-mixja lejn agrikoltura sostenibbli u ekoloġikament soda u jista' jkollhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar immirat u jqajmu kuxjenza dwar il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress, ħalli jintużaw miżuri speċifiċi għall-FAEŻR favur l-impjieg tan-nisa, biex jippromwovu u jsaħħu diversi tipi ta' arranġamenti tax-xogħol għan-nisa, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi fiż-żoni rurali, biex jingħataw diversi tipi ta' inċentivi biex jappoġġjaw is-sostenibilità u l-iżvilupp ta' negozji ġodda u SMEs, u li jintroduċu inizjattivi sabiex joħolqu u jżommu impjiegi agrikoli eżistenti u jagħmluhom aktar attraenti għan-nisa żgħażagħ;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissorveljaw is-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali fuq bażi regolari u jagħmlu l-akbar użu possibbli tal-istrumenti speċifiċi u l-miżuri eżistenti fil-PAK, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa bħala benefiċjarji, u b'hekk tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom;

8.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżomm u ttejjeb sottoprogrammi tematiċi dwar "In-Nisa f'żoni rurali" matul riforma tal-PAK fil-futur, u tibbaża dawn il-programmi, fost affarijiet oħra, fuq il-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ dirett u l-promozzjoni ta' prodotti fil-livell lokali jew reġjonali, billi dawn jista' jkollhom rwol fil-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjiegi għan-nisa f'żoni rurali;

9.  Jirrimarka li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha u jitlob l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan il-PAK u l-politika ta' koeżjoni rurali; jipproponi azzjonijiet immirati ġodda bl-għan li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa fiż-żoni rurali permezz tal-FAEŻR;

10.  Jittama li fehim aħjar tas-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali se tippermetti l-iżvilupp ta' Karta Ewropea għal Nisa Bdiewa fit-terminu medju, id-definizzjoni ta' dan il-kunċett, li jidentifika l-forom diretti u indiretti ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fiż-żoni rurali, u l-miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva biex jiġu eliminati;

11.  Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl ta' kundizzjonalitajiet fir-rigward tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, bħala obbligu u objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, u ta' nondiskriminazzjoni, joħolqu sinerġiji akbar filwaqt li jużaw l-istrumenti disponibbli skont il-FAEŻR, Leader+, Orizzont 2020 u l-Fond Soċjali Ewropew għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta' għajxien u tax-xogħol aħjar fiż-żoni rurali, biex jiġu segwiti politiki mfassla speċifikament immirati lejn l-inklużjoni soċjali u ekonomika u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, speċjalment għal gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, u biex titqajjem kuxjenza dwar il-possibilitajiet kollha offruti lilhom fiż-żoni rurali taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti;

12.  Jenfasizza l-importanza li jitfasslu miżuri speċifiċi biex jippromwovu t-taħriġ u l-impjiegi u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli ta' nisa bi bżonnijiet speċifiċi, bħal nisa b'diżabilità, nisa migranti, inklużi migranti staġjonali, rifuġjati u minoranzi, vittmi ta' vjolenza sessista, nisa bi ftit jew xejn taħriġ u ommijiet waħedhom, eċċ.;

13.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jiżvolġu n-nisa b'mod ġenerali fir-rigward ta' ħidma taż-żamma tal-kotba tal-azjendi agrikoli tal-familja, u, f'dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' appoġġ fil-forma ta' pariri meta azjenda agrikola tkun qed tbati finanzjarjament;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tmexxija tal-azjendi agrikoli tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ, filwaqt li jippromwovu u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal sjieda jew sjieda konġunta ta' azjenda agrikola;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' informazzjoni u assistenza teknika u skambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' status professjonali għall-konjuġi fil-biedja, biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet individwali, inkluż, b'mod partikolari, il-liv tal-maternità, l-assigurazzjoni soċjali kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għat-taħriġ u d-dritt għall-pensjoni;

16.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jiffaċilitaw id-dispożizzjonijiet tal-PAK għal distribuzzjoni bilanċjata ta' għajnuna, li jiżguraw li jkun hemm appoġġ għal azjendi agrikoli żgħar;

17.  Jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet f'żoni rurali permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ maħsuba biex iħeġġu l-preżenza tagħhom f'oqsma u setturi li fihom huma sottorappreżentati, u permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-involviment attiv tan-nisa f'kooperattivi, kemm bħala sħab kif ukoll f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fid-diversi korpi ta' ġestjoni u rappreżentanza biex titrawwem il-parteċipazzjoni ndaqs u t-tisħiħ tal-pożizzjoni u rappreżentanza akbar tan-nisa fl-iżvilupp rurali fi gruppi ta' ħidma u kumitati ta' monitoraġġ u fit-tipi kollha ta' organizzazzjonijiet agrikoli, assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi, b'tali mod li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jirrifletti l-opinjonijiet kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, u biex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubiji lokali taħt il-programm Leader;

19.  Jitlob appoġġ mill-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-bdiewa, li għandhom rwol importanti fl-inkoraġġiment u l-instigazzjoni ta' programmi ta' żvilupp ġdid u ta' diversifikazzjoni;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ l-atti leġiżlattivi eżistenti dwar it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel, inklużi s-sigurtà soċjali u l-liv tal-maternità u tal-ġenituri; iħeġġiġhom itejbu l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, u jiżguraw kopertura ta' sigurtà soċjali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li jaħdmu f'żoni rurali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja t-traspożizzjoni ta' atti leġiżlattivi eżistenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw in-nisa li jgħixu u jaħdmu fiż-żoni rurali;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri effettivi li jridu jittieħdu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali biex jitnaqqsu d-differenzi eżistenti fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali rispettivi, biex jikkunsidraw in-natura multidimensjonali tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi waqt li jfasslu miżuri ta' politika speċifiċi fi ħdan l-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp rurali, peress li diversi fatturi, inkluża d-diskrepanza fl-impjiegi u fil-pagi, l-interruzzjoni tal-karrieri, ix-xogħol part-time, it-tfassil tas-sistemi tal-pensjonijiet u l-kontribuzzjonijiet aktar baxxi, jistgħu jwasslu għal diskrepanza akbar fil-pensjonijiet;

23.  Iħeġġeġ ulterjorment lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-għoti ta' pensjoni deċenti, inkluża l-pensjoni minima nazzjonali maħsuba, b'mod partikolari, biex tgħin lin-nisa f'żoni rurali jżommu l-indipendenza ekonomika tagħhom meta dawn jilħqu l-età ta' rtirar;

24.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nisa f'żoni rurali jridu jqisu wkoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tan-nisa impjegati bħala ħaddiema agrikoli staġjonali, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li jingħataw protezzjoni soċjali, assigurazzjoni tas-saħħa u kura tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi assenjat il-valur massimu lill-ħidma li ssir minn dawn in-nisa;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet, fil-monitoraġġ tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-impjieg, miżuri biex jiġi evitat ix-xogħol mhux iddikjarat, u konformità mal-istandards tal-benesseri u tas-sikurezza, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-ħaddiema nisa kollha kemm huma, inklużi ħaddiema migranti, staġjonali u rifuġjati;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jiżviluppaw bażijiet ta' data ta' informazzjoni u netwerks fil-livell tal-Istati Membri sabiex jirreġistraw u jqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa f'żoni rurali u l-kontribut tagħhom lis-soċjetà;

27.  Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw il-pjanijiet ta' statistika tagħhom biex jinkludu mekkaniżmi li jkejlu l-kontribut ġenerali tan-nisa għall-introjtu rurali u l-ekonomija rurali, jiddiżaggregaw, fejn ikun possibbli, l-indikaturi skont il-ġeneru, u biex isir l-aħjar użu tad-data disponibbli dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa f'żoni rurali u l-involviment tagħhom f'attivitajiet li qed jitwettqu, sabiex ifasslu aħjar il-miżuri ta' politika;

28.  Jitlob li jkun hemm monitoraġġ regolari tal-PAK, tal-indikaturi ta' ġbir u ta' evalwazzjoni tad-data sabiex jiġu identifikati r-rwoli tan-nisa fl-agrikoltura u l-involviment tagħhom f'xogħol "inviżibbli";

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lit-tħejjija ta' statistiki aġġornati dwar is-sjieda tal-art fost in-nisa;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bbaġitjar għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju taħt l-ewwel u t-tieni pilastri tal-PAK;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jipprovdu mhux biss materjal ta' informazzjoni adegwat rigward il-possibilitajiet ta' appoġġ immirat b'mod speċifiku lejn il-bdiewa nisa u n-nisa f'żoni rurali, iżda wkoll aċċess sħiħ għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-agrikoltura u s-setturi relatati kollha, inkluż it-taħriġ postlawrja u korsijiet speċjalizzati għall-intraprendituri u l-produtturi agrikoli, biex jipprovdu lin-nisa b'ħiliet fl-iżvilupp tan-negozju, l-għarfien u l-aċċess għall-finanzjament u għall-mikrofinanzjament bil-ħsieb li jinbdew u jiġu kkonsolidati l-attivitajiet tan-negozju, kif ukoll tippermettilhom jipparteċipaw f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-produzzjoni rurali u jagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom fil-biedja u fiż-żoni rurali, anki fi ħdan it-turiżmu rurali marbut mal-fergħat tal-biedja kummerċjali;

32.  Jitlob li jkun hemm l-għoti ta' firxa wiesgħa ta' pariri professjonali u għad-diversifikazzjoni tan-negozju u biex tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, jiġu promossi l-kooperattivi, is-soċjetajiet mutwi, l-intrapriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi u biex jittejbu l-attitudni u l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom;

33.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tal-Kummissjoni tirrappreżenta opportunità biex l-Istati Membri jidentifikaw u jiċċertifikaw aħjar il-ħiliet miksuba barra mill-edukazzjoni formali u t-taħriġ vokazzjonali sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-faqar;

34.  Jitlob li l-involviment ta' nisa bi kwalifiki ta' livell ogħla fl-agrikoltura, fit-trobbija tal-bhejjem u fil-forestrija jitħeġġeġ u jiġi ffaċilitat permezz ta' programmi ta' taħriġ biex jiżviluppaw attivitajiet marbuta mal-għoti ta' servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli u innovazzjoni;

35.  Jirrakkomanda l-inklużjoni progressiva ta' moduli tal-ugwaljanza f'taħriġ agrikolu speċjalizzat u fl-iżvilupp ta' materjali tat-tagħlim, kif ukoll il-promozzjoni ta' kampanji pubbliċi għall-ugwaljanza fiż-żoni rurali u li ssir enfasi fuq l-importanza tal-ugwaljanza fl-iskejjel rurali;

36.  Jenfasizza l-importanza tal-għoti ta' pariri u appoġġ lin-nisa biex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta' biedja u jwettqu funzjonijiet oħra innovattivi fiż-żoni rurali;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tan-nisa rurali, inkluż l-inkoraġġiment tal-attività ta' netwerks, hubs, banek ta' data u assoċjazzjonijiet bħala żvilupp soċjali, ekonomiku u kulturali ewlieni, peress li jistabbilixxu netwerks u kanali għall-informazzjoni, it-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi, ifittxu li jżidu l-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-livelli kollha u jippromwovu kuxjenza akbar dwar is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa f'żoni rurali; jinkoraġġixxi proġetti, assoċjazzjonijiet, kooperattivi u organizzazzjonijiet ta' negozju li jirrappreżentaw in-nisa;

38.  Jistieden lill-atturi reġjonali li jibbenefikaw minn finanzjament mit-tieni pilastru, biex jimplimentaw programmi ta' sensibilizzazzjoni maħsuba biex jenfasizzaw in-newtralità bejn is-sessi fix-xogħlijiet kollha u tingħeleb id-distribuzzjoni tradizzjonali persistenti tar-rwoli fil-biedja;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess ekwitabbli għall-art, jiżguraw is-sjieda u d-drittijiet tal-wirt u jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għan-nisa, sabiex jinkoraġġuhom jistabbilixxu ruħhom f'żoni rurali u jaqdu l-parti tagħhom fis-settur agrikolu; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art fil-livell tal-UE;

40.  Jilqa' mudelli ġodda ta' kreditu agrikolu li saru possibbli fil-kuntest ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, u jirrakkomanda li l-Istati Membri japplikawhom bl-aktar mod wiesa' possibbli;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jipprovdu faċilitajiet ta' kwalità għolja u bi prezzijiet raġonevoli tas-servizzi pubbliċi għall-ħajja ta' kuljum fiż-żoni rurali, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura; jinnota li dan jeħtieġ l-inklużjoni ta' infrastrutturi għall-kura tat-tfal, servizzi tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet edukattivi, djar ta' kura għall-anzjani u persuni dipendenti, servizzi ta' sostituzzjoni f'każ ta' mard u ta' maternità u servizzi kulturali fiż-żoni rurali;

42.  Jenfasizza l-importanza li jingħataw opportunitajiet ġodda ta' impjieg bi ħlas, speċjalment għan-nisa, sabiex jiġu ppreservati l-komunitajiet rurali, filwaqt li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni biex jespandu u jtejbu l-infrastruttura tat-trasport u biex jipprovdu provvista tal-enerġija sigura u infrastruttura affidabbli tal-broadband b'veloċità għolja u servizzi f'żoni rurali; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp diġitali f'żoni rurali u l-iżvilupp ta' approċċ olistiku (ir-"raħal diġitali");

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-estensjoni tal-Aġenda Diġitali tagħha għaż-żoni rurali, peress li l-iżvilupp diġitali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, jiffaċilita l-proċeduri għal min irid jibda jaħdem għal rasu, isaħħaħ il-kompetittività u l-iżvilupp tat-turiżmu u joħloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

45.  Jinkoraġġixxi l-awtoritajiet lokali u nazzjonali u istituzzjonijiet oħra sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ta' ħaddiema migranti u staġjonali u l-familji tagħhom, speċjalment tan-nisa u b'mod partikolari l-persuni vulnerabbli, u biex irawmu l-integrazzjoni tagħhom fil-komunità lokali;

46.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi fl-aċċess għall-kura tat-tfal bejn iż-żoni urbani u rurali, kif ukoll id-differenzi reġjonali fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' indokrar tat-tfal;

47.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u jinnota li l-assistenza lill-vittmi għandha rwol kruċjali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jibagħtu messaġġ qawwi ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa, u biex jimplimentaw politiki u joffru servizzi mfassla għall-kundizzjonijiet eżistenti f'żoni rurali sabiex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u b'hekk jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għall-għajnuna;

48.  Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex jiżguraw li l-vittmi ta' vjolenza kontra n-nisa li jgħixu f'żoni rurali u remoti ma jiġux imċaħħda minn aċċess ugwali għall-assistenza, u jtenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul kemm jista' jkun malajr;

49.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa;

50.  Jenfasizza li ż-żoni rurali fl-Istati Membri għandhom rwol ekonomiku u ta' sigurtà kruċjali fis-soċjetà moderna tagħna, li fiha aktar minn 12-il miljun bidwi jipprovdu ammont biżżejjed ta' ikel tajjeb għas-saħħa u sikur għal nofs biljun konsumatur madwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza kbira li dawn il-komunitajiet jinżammu vibranti permezz tal-inkoraġġiment tan-nisa u l-familji biex jibqgħu fihom;

51.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu PAK b'saħħitha u finanzjata b'mod adegwat li taqdi lill-bdiewa u lill-konsumaturi Ewropej, tippromwovi l-iżvilupp rurali, ittaffi l-effetti tat-tibdil fil-klima u tipproteġi u ttejjeb l-ambjent naturali, filwaqt li tiggarantixxi l-provvista ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja u l-ħolqien ta' aktar impjiegi;

52.  Jinnota li ż-żoni rurali ta' spiss jinkludu wirt naturali u kulturali, li għandu jiġi protett u żviluppat, flimkien mat-turiżmu sostenibbli u l-edukazzjoni ambjentali;

53.  Jenfasizza l-importanza tal-multifunzjonalità bħala kunċett, li jinvolvi organizzazzjonijiet oħra ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali f'żoni rurali li jakkumpanjaw il-produzzjoni agrikola li tiġġenera l-impjiegi għan-nisa b'mod partikolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jippromwovu miżuri biex jiddiversifikaw l-attivitajiet, bħal bejgħ dirett ta' prodotti, servizzi soċjali, servizzi ta' kura u l-agrituriżmu; iqis, fid-dawl tal-interess dejjem ikbar f'dan it-tip ta' turiżmu, li jenħtieġ li jiġi ffurmat netwerk ta' negozji f'dan il-qasam u li għandhom jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki;

°

°  °

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.

(2)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(3)

ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(6)

ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 23.

(7)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 13.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0264.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2015)0290.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0427.

(11)

Skont l-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli tal-Eurostat.

(12)

Il-Kummissjoni Ewropea (2011), "Agriculture and Rural Development. EU Agricultural Economic Briefs. Rural Areas and the Europe 2020 Strategy – Employment", Brief Nru 5 – Novembru 2011.

(13)

Kummissjoni Ewropea (2012), "Agricultural Economic Briefs. Women in EU agriculture and rural areas: hard work, low profile", Brief Nru 7 – Ġunju 2012.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Iratxe García Pérez, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Anna Hedh, Esther Herranz García, Mary Honeyball, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Florent Marcellesi, Mairead McGuinness, Angelika Mlinar, Krisztina Morvai, Ulrike Müller, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Laurenţiu Rebega, Liliana Rodrigues, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Ángela Vallina, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Alberto Cirio, Michela Giuffrida, Karin Kadenbach, Urszula Krupa, Constance Le Grip, Norbert Lins, Edouard Martin, Annie Schreijer-Pierik, Marco Zullo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Ivana Maletić, Roberta Metsola, Miroslav Mikolášik


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Ivan Jakovčić, Angelika Mlinar, Ulrike Müller

EFDD

Marco Zullo

GUE/NGL

Malin Björk, Matt Carthy, Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp, João Pimenta Lopes, Maria Lidia Senra Rodríguez, Ángela Vallina

NI

Krisztina Morvai

PPE

Pilar Ayuso, Franc Bogovič, Daniel Buda, Alberto Cirio, Michel Dantin, Herbert Dorfmann, Esther Herranz García, Peter Jahr, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Constance Le Grip, Norbert Lins, Ivana Maletić, Mairead McGuinness, Roberta Metsola, Miroslav Mikolášik, Angelika Niebler, Marijana Petir, Annie Schreijer-Pierik, Czesław Adam Siekierski, Anna Záborská

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Viorica Dăncilă, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Mary Honeyball, Karin Kadenbach, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Edouard Martin, Maria Noichl, Liliana Rodrigues, Tibor Szanyi, Marc Tarabella

VERTS/ALE

José Bové, Martin Häusling, Florent Marcellesi, Bronis Ropė

5

-

ECR

Beata Gosiewska, Urszula Krupa, Zbigniew Kuźmiuk

EFDD

John Stuart Agnew

ENF

Laurenţiu Rebega

3

0

ALDE

Jan Huitema

ECR

Jørn Dohrmann

PPE

Albert Deß

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali - Politika tal-privatezza