RAPPORT dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni
8.3.2017 - (2016/2323(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Siegfried Mureşan
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2018, Taqsima III – Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2] (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Interistituzzjonali"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[3],
- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017[5] u d-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u li huma annessi miegħu,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2018 (6522/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0060/2017),
A. billi s-sena 2018 se tkun il-ħames sena tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020;
B. billi l-kuntest ekonomiku u soċjali intern, kif ukoll l-isfidi esterni u l-inċertezzi politiċi x'aktarx li jżommu l-pressjoni fuq il-baġit tal-UE għall-2018;
C. billi r-reazzjoni tal-baġit għall-isfidi u l-kriżijiet immedjati trid timxi id f'id ma' tweġibiet sostenibbli li jinvestu fil-futur komuni tal-Unjoni;
Baġit għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u s-sigurtà
1. Jilqa' r-rwol importanti li żvolġa l-baġit tal-UE fl-għoti ta' tweġibiet konkreti għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE; jenfasizza li l-impjiegi deċenti, ta' kwalità u stabbli, partikolarment għaż-żgħażagħ, it-tkabbir ekonomiku u l-konverġenza soċjoekonomika, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-indirizzar tal-populiżmu, kif ukoll it-tibdil fil-klima, huma l-preokkupazzjonijiet prinċipali fil-livell tal-UE u li l-baġit tal-UE għadu parti mis-soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li s-solidarjetà trid tibqa' prinċipju sottostanti tal-baġit tal-UE; jissottolinja li huwa biss minn baġit tal-UE b'saħħtu u mmirat, b'valur miżjud Ewropew ġenwin, li se jibbenefikaw l-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE kollha bl-istess mod; jistenna li l-Kummissjoni tressaq abbozz ta' baġit għall-2018 li jippermetti lill-UE tkompli tiġġenera l-prosperità permezz tat-tkabbir u l-impjiegi u tiżgura s-sikurezza taċ-ċittadini tagħha;
2. Jemmen li, filwaqt li tinżamm id-dixxiplina baġitarja, il-baġit tal-UE jrid ikun mgħammar bl-għodod li jagħtuh iċ-ċans li jirrispondi għal kriżijiet multipli simultanjament, u huwa għaldaqstant meħtieġ ċertu livell ta' flessibilità; huwa tal-opinjoni li, filwaqt li t-tkabbir u l-impjiegi jibqgħu l-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE, il-kisba ta' progress u żvilupp sostenibbli f'dawn l-oqsma għandha ssir b'mod parallel biex tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-sigurtà u s-sikurezza; itenni l-appell tiegħu għal konċentrazzjoni tematika meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-baġit tal-UE għall-2018;
Ir-riċerka, l-infrastruttura u l-SMEs bħala faċilitaturi ewlenin tat-tkabbir u l-impjiegi
3. Jissottolinja li t-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, l-infrastruttura, ir-riċerka ffinanzjata tajjeb, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-impenn kontinwu tal-UE biex issaħħaħ l-investiment huma essenzjali sabiex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi; jemmen li l-ħolqien ta' impjiegi soċjalment u ambjentalment sostenibbli u mħallsin tajjeb irid ikun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE; isostni li l-impjiegi jinħolqu l-aktar mis-settur privat u li, għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddedikat appoġġ baġitarju adegwat sabiex isaħħaħ l-investiment kemm fis-setturi privati kif ukoll f'dawk pubbliċi, b'attenzjoni speċjali lill-SMEs; konsegwentement jissottolinja l-importanza tal-Intestatura 1a, li twassal valur miżjud reali għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej, u jitlob li jiġi żgurat livell xieraq ta' finanzjament għal din l-intestatura;
4. Jenfasizza li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-appoġġ għan-negozji l-ġodda, jirrappreżenta prekundizzjoni għall-kisba ta' kompetittività ġenwina fl-UE u biex tiġi żgurata ekonomija tal-UE innovattiva u kompetittiva fuq livell globali; jiddispjaċih għall-fatt li, bħala riżultat ta' finanzjament inadegwat tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni hemm rata ta' suċċess baxxa b'mod allarmanti għall-applikazzjonijiet, u li bosta proġetti ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jitħallew mingħajr finanzjament mill-UE; jinnota li bosta partijiet interessati, inklużi SMEs, qed jiġu mbuttati milli jissottomettu l-proposti tal-proġett Orizzont 2020; jappella, f'dan ir-rigward, sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' approprjazzjonijiet għall-Orizzont 2020, filwaqt li titkompla l-aġenda ta' simplifikazzjoni tiegħu; jissottolinja li baġit imtejjeb għall-Orizzont 2020 jenħtieġ li ma jkunx għad-detriment ta' programmi ta' riċerka oħrajn;
5. Jirrikonoxxi l-fatt li l-SMEs għadhom is-sinsla tal-ekonomija Ewropea u se jkomplu jiżvolġu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-UE; iqis ukoll li l-SMEs huma s-sors ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk jeħtieġu aċċess adegwat għall-finanzi; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-approprjazzjonijiet ta' COSME jiżdiedu, filwaqt li jitqies is-suċċess ta' dan il-programm; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-programm COSME fil-QFP il-ġdid sabiex l-SMEs jingħataw aktar appoġġ sostanzjali mill-UE; jemmen li l-ħolqien ta' sinerġiji ma' strumenti finanzjarji oħra jwassal għal riżultati aħjar;
6. Jappoġġa bil-qawwa l-iżvilupp u t-titjib ulterjuri tal-interoperabilità tan-netwerks ta' infrastruttura Ewropej; iqis li l-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) huwa vitali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura livell xieraq ta' finanzjament fl-2018;
7. Jissottolinja r-rwol importanti u l-potenzjal tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fit-tnaqqis tad-distakk fl-investiment li għadu jeżisti fl-Ewropa, u jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi miksuba sa issa; jilqa' wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-FEIS sal-2020, li jenħtieġ li jkollha l-għan li tkompli ttejjeb il-funzjonament tiegħu, inkluża l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità u ta' bilanċ ġeografiku, li għalihom huma meħtieġa aktar sforzi; jissottolinja li l-għażla tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-FEIS jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kwalità u ggwidata mid-domanda; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-rwol taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti f'termini ta' għoti ta' assistenza teknika lokali aktar immirata madwar l-UE u saħansitra li ttejjeb il-bilanċ ġeografiku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex regolarment tanalizza l-valur miżjud tal-FEIS permezz ta' valutazzjoni tal-impatt tal-effetti tal-fond;
L-edukazzjoni u l-impjieg taż-żgħażagħ – prerekwiżiti għas-suċċess tal-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa
8. Iqis l-edukazzjoni bħala prerekwiżit għal impjiegi sostenibbli, imħallsin tajjeb u stabbli; jissottolinja l-importanza tal-mobilità bħala mezz biex iż-żgħażagħ Ewropej japprofittaw mill-varjetà ta' ħiliet tal-persuni filwaqt li jiġu estiżi l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għall-impjiegi; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rwol li jiżvolġi Erasmus+ fl-iffaċilitar tal-mobilità intra-Ewropea ta' studenti żgħażagħ, apprendisti u voluntiera; jemmen li, f'dawn iż-żminijiet ta' żieda fin-nazzjonaliżmu u l-populiżmu b'mod speċjali, huwa importanti li niffaċilitaw l-interazzjoni naturali bejn id-diversi nazzjonijiet u kulturi Ewropej sabiex titjieb il-kuxjenza u l-identità Ewropea; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-finanzjament għall-programm Erasmus+ ikompli jiżdied fl-2018;
9. Jissottolinja li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa wieħed mill-problemi ewlenin fil-livell Ewropew, b'impatt soċjali partikolarment għoli, speċjalment fl-aktar reġjuni foqra tal-Unjoni, u li jpoġġi f'riskju ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ Ewropej u jdgħajjef it-tkabbir ekonomiku fit-tul; jenfasizza li, bħala parti mill-ftehim ta' konċiljazzjoni għall-baġit tal-UE għall-2017, se tingħata allokazzjoni ta' EUR 500 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), permezz ta' baġit emendatorju fl-2017; iqis il-YEI bħala kontribuzzjoni fundamentali għall-objettiv ta' prijorità tal-Unjoni tal-impjiegi u t-tkabbir u jibqa' impenjat bis-sħiħ li jiggarantixxi finanzjament adegwat għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u għall-kontinwazzjoni tal-YEI sal-aħħar tal-QFP attwali, filwaqt li fl-istess ħin itejjeb il-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;
10. Jieħu nota pożittiva tal-proposta għat-tnedija ta' "Biljett Interrail għall-Ewropa f'għeluq it-18-il sena"; jissottolinja li dan il-proġett għandu l-potenzjal li jagħti spinta lill-kuxjenza u lill-identità Ewropea ; jenfasizza, madankollu, li l-proġett jenħtieġ li ma jiġix iffinanzjat għad-detriment ta' programmi oħra ta' suċċess tal-UE, partikolarment fil-qasam taż-żgħażagħ u l-kultura, u jenħtieġ li jkun soċjalment inklużiv kemm jista' jkun u jinkludi dispożizzjonijiet li jinkludu r-residenti tal-gżejjer periferiċi tal-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-kost potenzjali u s-sorsi tal-finanzjament ta' din l-inizjattiva u tressaq proposti rilevanti;
Il-prijoritajiet tradizzjonali tal-baġit tal-UE bħala politiki ta' investiment
11. Jappoġġa bis-sħiħ il-politika reġjonali bħala waħda mill-istrumenti ta' investiment tal-baġit tal-UE li tiżgura l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja li din il-politika tiġġenera tkabbir u impjiegi fl-Istati Membri kollha; jinsab imħasseb, madankollu, dwar id-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi fil-livell tal-UE taħt il-QFP attwali, li s'issa wassal għal investiment aktar baxx li ma kkontribwixxiex biżżejjed għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi jew għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fi ħdan u bejn ir-reġjuni Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-kawżi tad-dewmien u lill-Istati Membri jikkooperaw sabiex jindirizzawhom, b'mod partikolari sabiex jiżguraw li n-nomina tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ta' awditjar u ta' ċertifikazzjoni tiġi konkluża u li l-implimentazzjoni titħaffef drastikament;
12. Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur agrikolu Ewropew sabiex tinżamm is-sigurtà alimentari u tiġi ġestita l-bijodiversità fl-UE; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur il-bdiewa milquta mill-embargo Russu, mill-influwenza avjarja, mill-kriżi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib u l-kriżi tal-laħam; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tkompli tappoġġa lill-bdiewa madwar l-Ewropa biex ilaħħqu mal-volatilità mhux mistennija tas-suq u sabiex jiżguraw is-sikurezza u l-kwalità fil-provvisti tal-ikel; jitlob li tingħata attenzjoni xierqa lill-biedja u s-sajd fuq skala żgħira;
Sfidi interni
13. Jinsab konvint li, fiċ-ċirkostanzi attwali, il-baġit tal-UE wera li mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-effetti tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti jew l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà bħaż-żieda fit-terroriżmu internazzjonali; jissottolinja li, fuq din il-bażi, trid tinstab soluzzjoni sostenibbli għal din il-kwistjoni, peress li l-mobilizzazzjoni ripetuta tal-istrumenti speċjali, bħall-istrument ta' flessibilità, uriet li l-baġit tal-UE ma kienx inizjalment imfassal biex jindirizza kriżijiet ta' dan il-kobor; jirrimarka li għandha tiġi adottata strateġija koerenti biex tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, inklużi objettivi ċari, li jistgħu jitkejlu u jinftiehmu; ifakkar, madankollu, li l-ħtieġa li jiġu mobilizzati mezzi addizzjonali biex inħabbtu wiċċna ma' dawn l-isfidi jenħtieġ li matiħux preċedenza fuq politiki importanti oħrajn tal-Unjoni, pereżempju fil-qasam tal-impjiegi u tat-tkabbir;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol li żvolġew strumenti bħall-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) fl-indirizzar tal-effetti tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti, u jitlob ibbaġitjar adegwat fis-snin li ġejjin għal dawn il-fondi; itenni l-importanza tal-prinċipju tal-qsim tal-piżijiet fost l-Istati Membri fil-finanzjament tal-isforzi meħtieġa biex wieħed jipprovdi b'mod adegwat għar-rifuġjati; jilqa' wkoll ir-rwol tal-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, bħalma huma l-Europol, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-EASO, il-Eurojust, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u eu-LISA, u jitlob, f'dan il-kuntest, li l-mandat tagħhom jiġi eżegwit fuq il-bażi ta' titjib fl-ibbaġitjar u l-persunal; jinsab konvint li l-UE għandha bżonn tinvesti aktar fit-tisħiħ u l-ġestjoni tal-fruntieri tagħha, it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-kriminalità serja u organizzata billi ttejjeb miżuri u prattiki ta' integrazzjoni, tiżgura l-interoperabilità tas-sistemi ta' informazzjoni, u tiggarantixxi operazzjonijiet ta' ritorn sodi għal dawk li ma jkunux intitolati għall-protezzjoni internazzjonali filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement;
15. Jissottolinja li l-baġit attwali tal-Fond għas-Sigurtà Interna (madwar EUR 700 miljun f'impenji) mhuwiex suffiċjenti għall-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà li jirriżultaw mit-terroriżmu internazzjonali; jitlob, għalhekk, għal aktar riżorsi finanzjarji biex l-infrastruttura tas-sigurtà ssir aktar adegwata u moderna;
16. Ifakkar fl-importanza tal-aġenziji Ewropej li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet leġiżlattivi Ewropej u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE, bħal dawk relatati mal-kompetittività, it-tkabbir u l-impieg u l-ġestjoni tal-kriżijiet attwali tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati; jinsisti, għaldaqstant, li għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji u umani adegwati kemm għan-nefqa amministrattiva kif ukoll għal dik operattiva biex l-aġenziji jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti assenjati lilhom u jagħtu l-aħjar riżultati possibbli; fir-rigward taż-żidiet fil-persunal u fl-approprjazzjonijiet għall-aġenziji mill-baġit tal-2014, jenfasizza l-fatt li dawn huma meqjusa bħala parti mill-iżviluppi ta' politiki u leġiżlazzjonijiet ġodda li ma jidħlux fil-kalkolu tal-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal; jenfasizza, għalhekk, li l-baġit tal-2018 jenħtieġ li ma jipprovdi ebda tnaqqis ieħor fil-pjanijiet ta' stabbiliment ta' aġenziji Ewropej lil hinn mill-5 % miftiehma għal kull istituzzjoni u korp tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Ftehim Interistituzzjonali;
17. Jappoġġa bil-qawwa l-inizjattivi fil-qasam tar-riċerka dwar id-difiża mmirati biex jinkoraġġixxu kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-kisba ta' effetti ta' sinerġija fil-qasam tad-difiża; jenfasizza, madankollu, li jenħtieġ li din l-attività tkun mogħnija b'riżorsi ġodda, peress li hija inizjattiva politika ġdida b'impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-UE; jitlob, barra minn hekk, għall-esplorazzjoni tal-possibilitajiet kollha għall-finanzjament ta' programm ta' riċerka tad-difiża b'baġit iddedikat fil-QFP li jmiss; ifakkar li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati jridu jiġu rispettati, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-difiża hija għażla meħtieġa sabiex jintlaħqu l-isfidi tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-UE, li huma ġġenerati minn instabilità mtawla fil-viċinat tal-Unjoni u inċertezza fir-rigward tal-impenn ta' xi wħud mis-sħab tal-UE fl-objettivi tan-NATO; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija tad-difiża Ewropea li jistgħu jikkontribwixxu biex jistimulaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw baġitjar adegwat sabex jiġu indirizzati sfidi esterni b'mod aktar kongruenti; jieħu nota tal-istabbiliment tal-Fond Ewropew għad-Difiża, bit-twieqi għar-riċerka u l-kapaċità tiegħu;
18. Jissottolinja li l-baġit tal-UE jrid jappoġġa t-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri tal-klima fit-tul tal-UE billi tintlaħaq il-mira ta' nfiq ta' 20 % għall-klima fil-QFP 2014-2020; jinnota bi tħassib li l-miri tal-bijodiversità tal-2020 tal-UE mhumiex se jintlaħqu mingħajr sforzi addizzjonali sostanzjali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità fi ħdan il-baġit tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-programm LIFE u n-netwerk Natura 2000;
Sfidi esterni
19. Jafferma mill-ġdid l-konvinzjoni tiegħu li sabiex jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati attwali u l-isfidi umanitarji korrispondenti, l-UE għandha bżonn issaħħaħ ir-rwol tagħha permezz ta' investiment fil-pajjiżi ta' oriġini tal-flussi migratorji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tfassal pjan direzzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi migratorja b'mod effettiv; jenfasizza li aġġustament strateġiku akbar tal-istrumenti kollha tal-politika ta' żvilupp huwa meħtieġ biex jiġi żgurat żvilupp ekonomiku u soċjali stabbli filwaqt li ma tiġix imfixkla l-implimentazzjoni tal-politiki esterni eżistenti; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura, fl-akkomodazzjoni, fl-edukazzjoni u fis-servizzi mediċi u fl-appoġġ għall-SMEs, b'attenzjoni partikolari fuq il-ħolqien tal-impjiegi, il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, huma parti mis-soluzzjoni għall-indirizzar tal-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni; jilqa', għalhekk, bħala parti mis-soluzzjoni għal dawn l-isfidi, il-Pjan ta' Investiment Estern (PIE), bħala qafas ikkoordinat u koerenti għall-promozzjoni tal-investiment fl-Afrika u fil-pajjiżi tal-Viċinat, filwaqt li jitqies li jeħtieġ li jkun allinjat għalkollox mal-kisba tal-Miri ta' Żvilupp Sostenibbli u jikkontribwixxi għalihom; jistenna li l-PIE se jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli mingħajr ma jikkomprometti d-drittijiet tal-bniedem, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew il-governanza tajba u tkun żgurata l-ġestjoni trasparenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-proġetti tiegħu;
20. Jinnota li t-tendenza attwali min-naħa tal-Kummissjoni li tuża mekkaniżmi baġitarji satellita bħall-Faċilita għar-Rifuġjati fit-Turkija, fondi fiduċjarji u strumenti simili oħrajn ma rnexxietx fil-każijiet kollha; jinsab imħasseb li l-istabbiliment ta' strumenti finanzjarji barra mill-baġit tal-Unjoni jimmina l-ġestjoni trasparenti tal-baġit u jxekkel id-dritt tal-Parlament li jeżerċita skrutinju effettiv tal-infiq; isostni, għalhekk, il-pożizzjoni tiegħu li l-istrumenti finanzjarji esterni ad hoc li tnedew fis-snin reċenti jridu jiġu inkorporati fil-baġit tal-UE, u li jeħtieġ li l-Parlament ikollu skrutinju sħiħ fuq l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti; jenfasizza, madankollu, li dawn l-istrumenti jenħtieġ li ma jiġux iffinanzjati għad-detriment ta' strumenti esterni oħra eżistenti; jinnota d-diverġenza bejn il-wegħdiet tal-Istati Membri u l-kontribuzzjoni attwali tagħhom għal dawn il-fondi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-wegħdiet tagħhom biex jilħqu l-kontribuzzjonijiet tal-UE;
21. Jissottolinja li waħda mill-kundizzjonijiet għall-preservazzjoni tal-istabilità u tal-prosperità fl-UE hija viċinat tal-UE stabbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li tingħata prijorità lill-investiment fil-Viċinat tal-UE sabiex tappoġġa sforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li dan is-settur qed iħabbat wiċċu magħhom, jiġifieri l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-aggressjoni Russa fil-Viċinat tal-Lvant; itenni li l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jimplimentaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-UE huwa kruċjali biex jiġu ffaċilitati r-riformi politiċi u ekonomiċi, iżda jisħaq fuq il-fatt li dan l-appoġġ jenħtieġ li japplika sakemm dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-infurzar tal-istituzzjonijiet demokratiċi;
Approprjazzjonijiet ta' pagamenti suffiċjenti li jirriżultaw fi kredibilità akbar għall-UE
22. Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu sabiex il-baġit tal-UE jiġi pprovdut b'livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikun jista' jissodisfa l-iskop prinċipali tiegħu bħala baġit ta' investiment; huwa konvint li dan ir-rwol ma jistax jitwettaq jekk l-UE tonqos milli twettaq l-impenji tagħha u b'hekk tipperikola l-kredibilità tagħha;
23. Jenfasizza li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi għall-perjodu 2014-2020 taħt ġestjoni kondiviża wassal għal tnaqqis fit-talbiet għal pagamenti għall-2016 u l-2017; huwa partikolarment imħasseb dwar il-possibilità li jerġa' jkun hemm arretrat ta' kontijiet mhux imħallsin lejn tmiem il-perjodu tal-QFP attwali u jfakkar fil-livell bla preċedent ta' EUR 24.7 biljun milħuq fl-aħħar tal-2014; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, ipprovdiet għall-ewwel darba previżjoni tal-pagamenti sal-2020, iżda jenfasizza li jeħtieġ li din tiġi debitament aġġornata kull sena, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista' tieħu l-miżuri meħtieġa fil-ħin;
24. Jissottolinja li, minkejja li sa issa għadu ma ntlaħaq ebda qbil fuq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, hemm diversi elementi pożittivi tar-reviżjoni li bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati – b'mod partikolari f'termini ta' flessibilità akbar – li jistgħu jirriżultaw strumentali fil-prevenzjoni ta' u fir-rispons għal kriżi tal-pagamenti fil-ġejjieni; jemmen li jekk l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni kellha titħaffef kif antiċipat iż-żieda fil-flessibilità tista' tkun meħtieġa diġà s-sena d-dieħla, sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-UE b'rispons, u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa taħt il-politika ta' koeżjoni fl-aħħar tas-sena;
25. Itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-pagamenti tal-istrumenti speċjali (l-Istrument ta' Flessibilità, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) iridu jiġu magħduda lil hinn mil-limitu massimu tal-pagamenti fil-QFP, bħal fil-każ tal-impenji; jissottolinja, fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja ta' nofs it-terminu tal-QFP, il-progress potenzjali miksub fil-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-pagamenti tal-istrumenti speċjali tal-QFP bir-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar il-Marġini ta' Kontinġenza tal-2014, anki jekk il-kwistjoni ma ġietx riżolta b'mod inekwivoku;
Inħarsu 'l quddiem
26. Jenfasizza li skont ir-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni se tressaq sa tmiem l-2017 il-proposti tagħha għall-QFP ta' wara l-2020, li jenħtieġ li jqisu d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE li se tħalli impatt fuq il-QFP ta' wara l-2020; jenfasizza li din id-deċiżjoni tagħmilha impossibbli li jinżamm l-istatus quo; jagħti l-akbar importanza lill-proċess li se jwassal għall-istabbiliment tal-qafas finanzjarju ġdid u baġit tal-UE riformat u iktar effiċjenti, u jistenna li dan ikun proporzjonat għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni u għall-impenji li diġà ħadet; jitlob li jkun hemm konklużjoni rapida u pożittiva għar-reviżjoni li għaddejja ta' nofs it-terminu tal-QFP li tista' tiżgura kemm l-aġġustament meħtieġ tal-qafas finanzjarju attwali kif ukoll il-grad ta' flessibilità addizzjonali tal-baġit tal-UE li hija indispensabbli biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni;
27. Jissottolinja li l-prevedibilità u s-sostenibilità fit-tul tal-baġit tal-UE huma prerekwiżit għal Unjoni Ewropea b'saħħitha u stabbli; jenfasizza l-ħtieġa li d-durata tal-QFP tiġi allinjata maċ-ċikli politiċi tal-Parlament u tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE se jipprovdi opportunità sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ilhom iżommu lill-baġit tal-UE milli jilħaq il-potenzjal reali tiegħu, speċjalment fir-rigward tad-dħul tal-baġit, sabiex bil-mod jitneħħew ir-rifużjonijiet u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni kollha; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu favur riforma fil-fond tar-riżorsi proprji tal-UE u, f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni tar-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jistieden lill-partijiet kollha involuti jaslu għall-konklużjonijiet xierqa minn dan ir-rapport u janalizzaw il-fattibilità tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji li kieku jgħinu sabiex irendu l-baġit tal-UE aktar stabbli, sempliċi, awtonomu, ġust u prevedibbli; jistenna li kwalunkwe riżors proprju ġdid jenħtieġ li jwassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tal-ING tal-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji rigward il-fatt li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jiffoka fuq oqsma li jġibu l-ogħla valur miżjud Ewropew u rigward l-approċċ "juste retour", li jenħtieġ li jintemm, peress li ntwera mir-rapport li l-Istati Membri kollha jibbenefikaw mill-baġit tal-UE, irrispettivament mill-"bilanċ nett" tagħhom;
28. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u timplimenta l-istrateġija ta' "baġit iffukat fuq ir-riżultati"; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tas-simplifikazzjoni tar-regoli, l-integrazzjoni tal-proċess ta' monitoraġġ u l-iżvilupp ta' indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti;
29. Jenfasizza li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi jenħtieġ li jiġi integrat, fejn possibbli, bħala objettiv orizzontali ta' politika f'kull titolu tal-baġit tal-UE;
30. Jenfasizza l-importanza li l-Parlament jiġi kompletament involut fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-baġit, bħala l-unika istituzzjoni eletta demokratikament miċ-ċittadini tal-UE;
31. Jistieden lill-Kunsill jonora d-dikjarazzjonijiet politiċi tiegħu u jikkoopera sabiex jiżgura li l-UE tkun mgħammra b'baġit adegwat;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
6.3.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 3 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Tiemo Wölken, Stanisław Żółtek |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Paul Denanot, Anneli Jäätteenmäki, Louis Michel, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Olle Ludvigsson, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Ulrike Rodust, Birgit Sippel, Kathleen Van Brempt |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
28 |
+ |
|
Alde |
Jean Arthuis, Gérard Deprez, Anneli Jäätteenmäki, Louis Michel |
|
PPE |
Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin |
|
S&D |
Inés Ayala Sender, Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, Olle Ludvigsson, Vladimír Maňka, Victor Negrescu, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Ulrike Rodust, Birgit Sippel, Kathleen Van Brempt, Tiemo Wölken |
|
Verts/ALE |
Indrek Tarand |
|
3 |
- |
|
EFDD |
Jonathan Arnott |
|
ENF |
Stanisław Żółtek |
|
NI |
Eleftherios Synadinos |
|
4 |
0 |
|
ECR |
Richard Ashworth, Bernd Kölmel |
|
GUE/NGL |
Liadh Ní Riada |
|
Verts/ALE |
Jordi Solé |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet