RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

29.3.2017 - (2015/2283(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Sajjad Karim

Proċedura : 2015/2283(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0114/2017
Testi mressqa :
A8-0114/2017
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

(2015/2283(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tas-16 ta' Diċembru 2003, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016,

  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi maqbula fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-Rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010)[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti[4],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport annwali 2014 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2015)0315),

–  wara li kkunsidra r-Rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sussidjarjetà 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti biennali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tad-19 ta' Ġunju 2014, tal-14 ta' Novembru 2014, tas-6 ta' Mejju 2015 u tal-4 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0114/2017),

A.  billi fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 21 opinjoni motivata li kienu jindirizzaw 15-il proposta leġiżlattiva; billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa kien ta' 506, inklużi s-sottomissjonijiet magħmula fil-qafas tad-djalogu politiku;

B.  Billi fl-2014 tliet Kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniża, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ressqu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif jista' jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

C.  billi, fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fil-5 ta' Frar 2014, iż-żewġ istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jtejbu l-leġittimità tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi, fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri ta' regolamentazzjoni aħjar b'Linji Gwida ġodda integrati ta' Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża gwida għall-valutazzjoni ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi ġodda;

E.  billi fl-2014 l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Parlament Ewropew ipproduċiet 31 valutazzjoni inizjali, żewġ valutazzjonijiet dettaljati, u tliet valutazzjonijiet tal-impatt sostituti jew komplementari għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, u valutazzjoni tal-impatt fuq l-emendi;

F.  billi s-setgħat delegati fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jingħataw fejn ikun hemm ħtieġa ta' flessibbiltà u effiċjenza, u fejn dawn ma jistgħux jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-adozzjoni tar-regoli essenzjali għas-suġġett previst hija riżervata għal-leġiżlaturi;

G.  billi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest ta' evalwazzjonijiet retrospettivi, li jivvalutaw jekk l-azzjonijiet tal-UE humiex fil-verità qed jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' effiċjenza, effikaċja, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE;

1.  Jilqa' l-kunsiderazzjoni kontinwata tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, li skont it-Trattati, huma fost il-prinċipji ta' gwida għall-Unjoni Ewropea meta tagħżel li taġixxi u li għandhom jitqiesu bħala partijiet integrali tal-proċess tat-teħid ta' deċżjonijiet tal-UE; ifakkar li, fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida, it-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni teżamina jekk l-UE tkunx intitolata tieħu azzjoni u jekk din l-azzjoni tkunx ġustifikata għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, u li kull inizjattiva tkun akkumpanjata minn nota spjegattiva li tistabbilixxi, inter alia, kif l-inizjattiva tikkonforma ma' dawn il-prinċipji;

2.  Jenfasizza li l-kontrolli tas-sussidjarjetà mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri huma fost l-aktar għodod importanti biex jitnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku" u għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali; jirrimarka li l-parlamenti nazzjonali jista' jkollhom rwol sinifikanti x'jaqdu sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell li jkun l-aktar effikaċi, u qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin; jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li jħaddan il-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li huma politikament responsabbli quddiem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, u li dan huwa mod ieħor li permezz tiegħu l-principju tas-sussidjarjetà jiġi rrispettat bis-sħiħ;

3.  Josserva t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali fl-2014; jirrimarka, madankollu, li tali tnaqqis jista' jkun riżultat tal-għadd dejjem jonqos ta' proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2014, l-ebda proposta tal-Kummissjoni ma kienet soġġetta għal proċeduri ta' "karta safra" jew ta' "karta oranġjo" skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-proċedura tal-"karta safra" ntużat darbtejn fil-passat (darba fl-2012 u darba fl-2013), li juri li s-sistema taħdem;

4.  Jinnota li 15-il kamra biss ħarġu opinjonijiet motivati fl-2014 u li dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 50 % fil-livell ta' parteċipazzjoni fost il-41 Kamra kollha meta mqabbel mal-2013;

5.  Jilqa' l-fatt li fl-2014 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kellhom rwol attiv biex jiżguraw kontroll tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li d-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali ssaħħaħ, inkluż permezz ta' diversi żjarat mill-Kummissarji fil-parlamenti nazzjonali;

6.  Jinnota, madankollu, li l-maġġoranza tal-opinjonijiet mill-parlamenti nazzjonali jiġu sottomessi biss minn ftit Kmamar nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kmamar nazzjonali l-oħra jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu Ewropew;

7.  Jinnota li xi parlamenti nazzjonali enfasizzaw li, f'uħud mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hija insuffiċjenti jew ineżistenti; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb in-noti spjegattivi tagħha billi tipprovdi dejjem stampa dettaljata, komprensiva u b'analiżi sostanzjata bil-fatti tal-proposti tagħha fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'tali mod li tgħin lill-parlamenti nazzjonali jwettqu eżami aktar effikaċi ta' dawk il-proposti;

8.  Jinnota li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ("IAB") qies li aktar minn 32 % tal-valutazzjonijiet tal-impatt ("IAs") rieżaminati minnu fl-2014 kienu jinkludu analiżi mhux sodisfaċenti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew ta' dak tal-proporzjonalità, jew tat-tnejn li huma; josserva li din ir-rata hija simili għar-rati ta' snin preċedenti, u jikkunsidra, għalhekk, li jaf ikun meħtieġ titjib;

9.  Jinnota, b'konnessjoni ma' dan, l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv, u jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015 bl-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi aħjar l-interessi taċ-ċittadini. Il-pakkett jindirizza, fost l-oħrajn, it-tħassib imqajjem mill-IAB rigward is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-fatt li l-pakkett jinkludi spjegazzjoni aktar bir-reqqa mill-Kummissjoni dwar kif il-proposti leġiżlattivi jissodisfaw l-obbligi legali ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, inkluż fl-analiżijiet tal-impatt tagħha; jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar irid jintuża biex tinħoloq leġiżlazzjoni Ewropea robusta fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom progress reali u valur miżjud jista' jinkiseb bl-aħjar mod fil-livell Ewropew;

10.  Ifakkar l-importanza tar-rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħejjija mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tressaq rapporti annwali iktar dettaljati dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jkunu jinkludu analiżi aktar bir-reqqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità;

11.  Jilqa' r-rapporti minn għadd ta' parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari l-Folketing Daniż, it-Tweede Kamer Olandiż u l-House of Lords tar-Renju Unit, bħala kontribut siewi għad-dibattitu dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jieħu nota tal-proposti inklużi f'dawk ir-rapporti; jinnota li fihom ideat dwar kif jista' jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, u li jissuġġerixxu li l-opinjonijiet motivati għandhom jirrigwardaw ukoll il-konformità tal-proposti mal-prinċipju tal-proporzjonalità; jemmen, madankollu li l-prattiċità ta' dawn il-proposti tirrikjedi evalwazzjoni bir-reqqa u reviżjoni tat-Trattati u tal-protokolli rilevanti, peress li l-proposti mhumiex riflessi fit-Trattati eżistenti; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali oħrajn biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol li għandu jkollhom il-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fid-dibattitu Ewropew u jħeġġiġhom biex jikkooperaw saħansitra aktar mill-qrib ma' xulxin u mal-Parlament Ewropew;

12.  Jissuġġerixxi li, f'rieżami possibbli tat-Trattati u tal-Protokolli tagħhom, tista' ssir riflessjoni dwar jekk l-opinjonijiet motivati għandhomx ikunu limitati għal eżami tar-raġunijiet ta' sussidjarjetà jew jekk għandhomx jinkludu wkoll valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, dwar x'ikun l-għadd xieraq ta' reazzjonijiet mill-parlament nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura ta' "karta safra" jew "karta oranġjo", u dwar x'għandu jkun l-effett f'każijiet fejn jintlaħaq il-limitu għal dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

13.  Jinnota li diversi parlamenti nazzjonali esprimew, fi ħdan il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni (COSAC), l-interess tagħhom li jipproponu l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' "karta ħadra" bħala strument għat-titjib tad-djalogu politiku; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu ta' "karta ħadra", li joffri lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jissuġġerixxu inizjattiva leġiżlattiva lill-Kummissjoni għall-eżami tagħha, għandha tiġi kkunsidrata; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-għadd ta' parlamenti nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura bħal din, u l-estent tal-impatt tagħha; jenfasizza li l-introduzzjoni possibbli ta' mekkaniżmu bħal dan m'għandhiex iddgħajjef l-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

14.  Jieħu nota tat-talba li saret min-naħa ta' xi parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li fihom jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2; jemmen li, f'dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-perjodu xieraq li l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom biex joħorġu opinjoni motivata tista' tiġi kkunsidrata, jekk jitolbu dan għal raġunijiet ta' limitazzjonijiet ta' żmien abbażi ta' raġunijiet oġġettivi ġustifikati, bħal pereżempju diżastri naturali u perjodi ta' vaganzi, li għandhom jinqablu bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni; iqis li dan jista' jintlaħaq permezz ta' impenn politiku maqbul bejn l-istituzzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali fl-ewwel istanza, mingħajr ma jinħoloq dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza li tali perjodu jeħtieġ li jkun ir-riżultat tal-ilħuq ta' bilanċ ġust bejn id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jqajmu oġġezzjonijiet għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u l-effiċjenza li biha l-Unjoni jeħtieġ li twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini tagħha; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-parlamenti nazzjonali għandhom l-opportunità li jintervjenu u li jikkunsidraw il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà qabel ma l-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva tagħha meta tippreżenta Green Papers, White Papers jew il-Programm ta' Ħidma annwali tagħha; jemmen li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, inkluż permezz tal-konnessjoni tagħhom ma' parlamenti nazzjonali oħra fuq bażi regolari;

15.  Iqis li jekk l-Istati Membri jaqblu li jestendu l-perjodu mogħti lill-parlamenti nazzjonali biex joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, dan għandu jiġi inkluż f'reviżjoni futura tat-Trattat; tali perjodu ta' estensjoni jista' mbagħad jiġi determinat ukoll f'leġiżlazzjoni sekondarja;

16.  Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jesprimu tħassib dwar is-sussidjarjetà fi kwalunkwe mument taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni jew fil-qafas tad-djalogu politiku permezz ta' opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni;

17.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew jinteraġixxu ma' xulxin b'mod aktar effikaċi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kuntatti informali bejn il-MPE u l-membri tal-parlamenti nazzjonali dwar oqsma ta' politika speċifiċi;

18.  Jemmenli huwa importanti li nappoġġajw lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali permezz ta' għodod li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, bħal pereżempju l-ħolqien ta' pjattaforma tal-IT li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li, speċjalment minħabba li l-volum ta' opinjonijiet motivati li waslu mill-parlamenti nazzjonali fl-2014 baqa' ma nbidilx fi proporzjoni mal-għadd ta' proposti tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, għalkemm il-kompetenzi ta' kull istituzzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ;

19.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' kooperazzjoni interparlamentari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE; jenfasizza l-importanza li jsir użu aħjar mill-għodod interparlamentari disponibbli għall-parlamenti nazzjonali, bħall-COSAC, il-laqgħat interparlamentari organizzati mill-Parlament Ewropew u l-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

20.  Jemmen li huwa importanti li l-parlamenti nazzjonali jiġu ssensibilizzati rigward ir-rwol speċifiku tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi promoss aktar l-użu tal-pjattaforma għal Skambju Interparlamentari tal-UE (IPEX), li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li l-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni, iżda li fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu ma jintużawx minn membri tal-parlamenti nazzjonali;

21.  Jirrakkomanda li jsir użu aktar min-netwerk ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jittejjeb it-tħaddim tal-IPEX;

22.  Iqis li l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2 għandhom jiġu kkunsidrati debitament mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-arranġamenti xierqa;

23.  Ifakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità minqux fl-Artikolu 5 tat-TUE jirrikjedi li l-"kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati"; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju tal-proporzjonalità "jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq";

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, b'mod sistematiku, valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għal kull proposta leġiżlattiva, li għandhom jinkludu analiżi xierqa tal-għażliet leġiżlattivi differenti għad-dispożizzjoni tagħha u spjegazzjoni sostanzjali tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi mistennija tal-alternattiva magħżula, u tal-effetti potenzjali tagħha fuq il-kompetittività u l-SMEs; jemmen li dawn il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għandhom jgħinu lill-Kummissjoni telimina alternattivi b'impatt sproporzjonat jew li jkunu ta' piż bla bżonn fuq l-individwi, l-intrapriżi, u b'mod partikolari l-SMEs, is-soċjetà ċivili, l-impjegati u l-entitajiet oħra kkonċernati, u għandhom jippermettu eżami aħjar tal-proposti għal raġunijiet ta' proporzjonalità; iqis li jista' jitqies jekk l-ambitu tal-opinjonijiet motivati għandux jitwessa' biex jinkludi r-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bl-għajnuna tal-parlamenti nazzjonali, il-possibbiltà li tistabbilixxi linji gwida mhux vinkolanti li jgħinu lill-parlamenti nazzjonali fil-kompitu tagħhom li jivvalutaw il-konformità tal-proposti leġiżlattivi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

26.  Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Presidenti tal-Kamra tad-Deputati Taljana, tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, tal-Bundestag Ġermaniż, u tal-Kamra tad-Deputati Lussemburgiża, li enfasizzaw "li aktar, u mhux inqas, huwa meħtieġ mill-Ewropa biex twieġeb għall-isfidi li niffaċċjaw, kemm internament kif ukoll esternament";

27.  Itenni li diġà jistgħu jiġu introdotti diversi inizjattivi biex itejbu l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali u jagħmluha aktar effiċjenti, u b'mod partikolari:

– jipproponi li l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali li jintbagħtu skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-TUE u mat-TFUE jingħaddu lill-koleġiżlaturi, mingħajr dewmien;

– jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tħejji linji gwida għal opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ta' sussidjarjetà, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali u mingħajr ma timmina d-diskrezzjoni tagħhom;

– iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jaqsmu r-rimarki tagħhom dwar il-valutazzjonijiet imfassla mill-Kummissjoni.

28.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jagħtu konsiderazzjoni xierqa għall-valutazzjonijiet tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li jagħmel il-Kumitat tar-Reġjuni, meta dan tal-aħħar joħroġ opinjonijiet dwar proposti leġislattivi;

29.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprensibbli u ċara, tippermetti lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, tinkludi rekwiżiti xierqa ta' rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni, tevita spejjeż sproporzjonati, u tkun tista' tiġi implimentata b'mod prattiku;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-Rapport Annwali dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità 2014 juri li fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 21 opinjoni motivata mill-Parlamenti nazzjonali rigward 15-il proposta, li rrappreżentaw tnaqqis ta' 76 % meta mqabbel man-numru ta' opinjonijiet motivati rċevuti fis-sena preċedenti (88 fl-2013). Dan in-numru konsiderevolment inqas ta' opinjonijiet motivati ma għandux jitqies bħala r-riżultat ta' nuqqas ta' interess tal-parlamenti nazzjonali dwar is-sussidjarjetà, iżda fil-parti l-kbira hu r-riżultat ta' tnaqqis fin-numru totali ta' proposti magħmula mill-Kummissjoni lejn tmiem il-mandat tagħha. Kuntrarjament għal 2012 u 2013, fejn il-limitu għall-"karti sofor" intlaħaq fir-rigward ta' proposta kull sena, l-ebda "karta safra" jew "karta oranġjo" ma ngħataw bidu fl-2014.

Ir-rapporteur jemmen li l-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prinċipju ta' proporzjonalità huma element integrali tal-formulazzjoni tal-politiki bil-għan li jiġi stabbilit jekk l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tistax tilħaq l-objettivi tal-politiki aħjar mill-inizjattivi nazzjonali jew reġjonali.

Billi fl-2014 tliet Kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniża, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ressqu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif jista' jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; Ir-rapporteur iqis li dawn il-proposti għandhom jittieħdu bis-serjetà minħabba li jikkostitwixxu kampjuni ta' dak li huwa jqis disponibbiltà aktar mifruxa tal-Parlamenti nazzjonali li jipparteċipaw b'mod iktar attiv fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE. Ir-rapporti minn dawn it-tliet Kmamar jissuġġerixxi li l-opinjonijiet motivati għandhom imorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħhom biex jinkludu wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità jew il-bażi legali għall-proposta, u, barra minn hekk, jipproponu estensjoni tal-limitu ta' żmien li fih il-parlamenti nazzjonali jistgħu jressqu opinjonijiet motivati. Ir-rapporteur iqis li l-bqija tal-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol li jixtiequ jkollhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE.

Filwaqt li bena fuq riżoluzzjonijiet u rapporti preċedenti, dan ir-rapporteur ifakkar li għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' proċedura ta' "karta ħamra", fejn għadd ta' parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jissosspendu proposti leġiżlattivi jekk dawn ma jikkonformawx mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, sakemm l-oġġezzjonijiet tagħhom jiġu akkomodati, u l-introduzzjoni ta' "karta ħadra", li tagħti lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jipproponu l-introduzzjoni, l-emendar jew ir-revoka ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ proposti tressqu minn parlamenti nazzjonali.

Ir-rapporteur iqis li l-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jingħata rwol iktar sinifikanti biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet tal-proporzjonalità tal-alternattivi differenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li tittieħed l-azzjoni minima meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet regolatorji, u għandha tipprovdi lill-koleġiżlaturi b'deskrizzjonijiet dettaljati biżżejjed tal-alternattivi differenti li tqiesu biex jippermetti skrutinju aħjar tal-proposti tagħha għal raġunijiet ta' proporzjonalità. Għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll għall-possibbiltà ta' estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' opinjonijiet motivati li jinkludu l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jinnota wkoll li verifika dwar ir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà m'għandhiex issir biss fil-bidu iżda jista' wkoll matul il-proċess leġiżlattiv meta emenda maġġuri x'aktarx tiġi adottata, sabiex jiġu mifhuma l-implikazzjonijiet ta' din l-adozzjoni, u, ċertament, fil-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv peress li l-proposta tista' tkun laħqet inbidlet b'mod sostanzjali qabel ma tiġi adottata.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (21.4.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar ir-rapporti annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
(2015/2283(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kazimierz Michał Ujazdowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' l-pakkett ta' miżuri ta' Regolamentazzjoni Aħjar adottat fid-19 ta' Mejju 2015 bl-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi aħjar l-interessi taċ-ċittadini; jilqa' wkoll l-inklużjoni fil-pakkett tar-Regolamentazzjoni Aħjar ta' spjegazzjoni bir-reqqa ta' kif il-proposta leġiżlattiva tissodisfa l-obbligi legali ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jemmen, madankollu, li huma meħtieġa materjal u kriterji simplifikati għat-twettiq ta' analiżi preventiva konsistenti tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE u biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

2.  Jappoġġa UE aktar b'saħħitha u aktar effiċjenti; jenfasizza, madankollu, li l-pakkett ta' miżuri ta' Regolamentazzjoni Aħjar għandu jintuża biex tinħoloq leġiżlazzjoni Ewropea b'saħħitha dwar kwistjonijiet li b'rabta magħhom jistgħu jintlaħqu bl-aħjar mod progress reali u valur miżjud fil-livell Ewropew, u li dan m'għandux jirriżulta f'nuqqas ta' azzjoni fil-livell Ewropew;

3.  Ifakkar li kull proposta tal-Kummissjoni hija akkumpanjata minn nota spjegattiva li tistabbilixxi, inter alia, kif l-inizjattiva hija konformi mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

4.  Jenfasizza li l-istudji tal-impatt huma strument ewlieni biex jiġi żgurat l-osservanza tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u tiġi promossa r-responsabilizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità meta twettaq il-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha fil-qafas tal-linji gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar;

5.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali teħtieġ il-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, magħmul mill-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE, li huma politikament responsabbli quddiem il-parlamenti nazzjonali tagħhom, u li dan huwa mod ieħor kif il-prinċipju ta' sussidjarjetà jiġi osservat bis-sħiħ;

6.  Josserva t-tnaqqis fl-għadd ta' opinjonijiet motivati li ntlaqgħu mill-parlamenti nazzjonali fl-2014; jieħu nota tal-fehma tal-Kummissjoni li dan, minflok ma jirrifletti tnaqqis fl-interess min-naħa tagħhom, jista' jkun riżultat ta' numru dejjem jonqos ta' proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni (billi l-volum ta' opinjonijiet motivati ma nbidilx meta mqabbel mal-għadd ta' proposti tal-Kummissjoni), iżda jista' wkoll jirrifletti l-fatt li nuqqas ta' osservanza tas-sussidjarjetà rarament jikkostitwixxi problema; iħeġġeġ ukoll lill-parlamenti nazzjonali, madankollu, biex jieħdu sehem iktar attiv fid-dibattitu Ewropew u jikkooperaw saħansitra aktar mill-qrib ma' xulxin; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tan-noti spjegattivi tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-involviment tagħha ma' opinjonijiet motivati;

7.  Jinnota wkoll li 15-il kamra biss ħarġu opinjonijiet motivati fl-2014 u li dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 50 % fil-livell ta' parteċipazzjoni fost il-41 kamra kollha meta mqabbel mal-2013;

8.  Jilqa' l-fatt li fl-2014, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kellhom rwol attiv biex jiżguraw kontroll tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li d-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali ġie msaħħaħ, inkluż permezz ta' diversi żjarat mill-Kummissarji fil-parlamenti nazzjonali;

9.  Jinnota, madankollu, li l-maġġoranza tal-opinjonijiet mill-parlamenti nazzjonali jiġu sottomessi biss minn ftit kmamar nazzjonali; iħeġġeġ lill-kmamar nazzjonali l-oħra jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu Ewropew;

10.  Jemmen, madankollu, li huwa importanti li nappoġġaw lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali permezz ta' għodod li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, bħal pereżempju l-ħolqien ta' pjattaforma tal-IT li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li, speċjalment minħabba li l-volum ta' opinjonijiet motivati li waslu mill-parlamenti nazzjonali fl-2014 baqa' ma nbidilx meta mqabbel mal-għadd ta' proposti tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, għalkemm il-kompetenzi ta' kull istituzzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ;

11.  Jinkoraġġixxi, għalhekk, l-użu ta' kooperazzjoni interparlamentari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE; jenfasizza l-importanza li jsir użu aħjar mill-għodod interparlamentari disponibbli għall-parlamenti nazzjonali, bħall-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni, il-laqgħat interparlamentari organizzati mill-Parlament Ewropew u l-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

12.  Jemmen, għalhekk, li huwa importanti li l-parlamenti nazzjonali jiġu sensibilizzati rigward ir-rwol speċifiku tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi promoss aktar l-użu tal-IPEX, li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li l-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni, iżda li fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu ma jintużawx minn membri tal-parlamenti nazzjonali;

13.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew jinteraġixxu ma' xulxin b'mod aktar effettiv, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kuntatti informali bejn il-MPE u l-membri tal-parlamenti nazzjonali dwar oqsma ta' politika speċifiċi;

14.  Jieħu nota tat-talba magħmula minn għadd ta' parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li fihom jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jemmen li l-perjodu ta' tmien ġimgħat disponibbli għall-parlamenti nazzjonali u reġjonali għandu jiġi interpretat b'mod flessibbli, sabiex titrawwem parteċipazzjoni aktar attiva tal-parlamenti nazzjonali fid-dibattitu Ewropew; jemmen li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, inkluż permezz tal-konnessjoni tagħhom ma' parlamenti nazzjonali oħra fuq bażi regolari; iħeġġeġ bil-qawwa lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu użu sħiħ mir-rwol mogħti lilhom permezz tat-Trattati eżistenti;

15.  Ifakkar li, barra minn hekk, huwa possibbli li l-parlamenti nazzjonali jqajmu tħassib dwar is-sussidjarjetà fi kwalunkwe mument taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni jew fil-qafas tad-djalogu politiku permezz ta' opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni;

16.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi risposta adegwata għat-talba minn għadd ta' kmamar nazzjonali għal proċedura ta' kontroll tas-sussidjarjetà aktar b'saħħitha; (jirrakkomanda li jsir użu aktar min-netwerk ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jittejjeb it-tħaddim tal-IPEX; jappoġġa t-talba li saret minn xi kmamar nazzjonali li jaqdu rwol iktar kruċjali, billi jipproponi li l-Kummissjoni tkun marbuta twieġeb lil parlamenti nazzjonali li jattivaw il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà; huwa tal-fehma, fl-istess ħin, li jkun utli li wieħed ikun jaf l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-idea ta' “karta ħadra”.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Fabio Massimo Castaldo, Kostas Chrysogonos, Richard Corbett, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Tapardel, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Gerolf Annemans, David McAllister, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Axel Voss

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Daniel Buda, Angelika Niebler, Virginie Rozière, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eugen Freund, Maria Noichl

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

PPE

S&D

 

ECR

ALDE

GUE/NGL

Verts/ALE

EFDD

Daniel Buda, Angelika Niebler, Emil Radev, Pavel Svoboda, Rainer Wieland, Tadeusz Zwiefka

Eugen Freund, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Maria Noichl, Virginie Rozière

Sajjad Karim

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

Jiří Maštálka

Max Andersson, Julia Reda

Isabella Adinolfi, Joëlle Bergeron

0

-

-

-

2

0

GUE/NGL

ENF

Kostas Chrysogonos

Marie-Christine Boutonnet

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni