RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsim  VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

31.3.2017 - (2016/2157(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bart Staes


Proċedura : 2016/2157(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0141/2017
Testi mressqa :
A8-0141/2017
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2016/2157(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015[1],

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0475 – C8-0275/2016)[2],

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0141/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2016/2157(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0141/2017),

A.   billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tkompli tissaħħaħ permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabilità, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni (PPB) u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-Rapport Annwali tagħha għall-2015, osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitat");

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn kwalunkwe żball materjali;

3.  Jinnota li l-baġit tal-Kumitat fil-parti l-kbira tiegħu huwa wieħed amministrattiv, hekk li ammont kbir minnu jintuża għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu fi ħdan il-Kumitat u l-ammont li jifdal jintefaq għall-binjiet, l-għamara, it-tagħmir u l-ispejjeż operattivi mixxellanji; jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni ta' PBB ma għandhiex tapplika biss għall-baġit tal-Kumitat kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu, li jkunu realistiċi u bbażati fuq perjodu ta' żmien (SMART) għad-dipartimenti individwali, għall-unitajiet u għall-pjanijiet annwali tal-membri tal-persunal; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kumitat jintroduċi l-prinċipju ta' PBB aktar fil-wisa' fl-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu;

4.  Jinnota li, fl-2015, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 88 900 000 (imqabbel ma' EUR 87 600 000 fl-2014), li minnhom EUR 87 200 000 kienu approprjazzjonijiet ta' impenn, b'rata ta' użu ta' 98,2 %; jieħu nota tat-tnaqqis żgħir fir-rata ta' użu fl-2015;

5.  Jieħu nota tal-konklużjoni ta' ftehim bilaterali ġdid ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iffirmat fl-2015; huwa fiduċjuż li dan il-ftehim jiżgura aktar effiċjenza fil-prestazzjoni tal-Kumitat u tal-KESE;

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat ("il-Ftehim") kien f'waqtu u li jivvaluta b'mod pożittiv l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; josserva, madankollu, li n-natura "intensifikata" tal-kooperazzjoni msemmija f'dan il-Ftehim trid tiġi kkjarifikata ulterjorment;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess tal-Kumitat f'li jkollu approċċ aktar sistematiku għall-kooperazzjoni mal-Parlament, b'mod partikolari f'oqsma politiċi u mas-Servizzi ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS); jemmen li l-iżvilupp ulterjuri ta' sinerġiji jġib riżultati pożittivi għaż-żewġ istituzzjonijiet;

8.  Itenni t-talba tiegħu li valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-Ftehim tkun inkluża fir-rapport ta' segwitu li jmiss dwar il-Ftehim;

9.  Jinnota bi tħassib li ma ntlaħqet l-ebda waħda mill-miri stabbiliti mill-Kumitat fl-2015 għal aktar involviment tal-Parlament u tal-Kunsill f'attivitajiet relatati mal-opinjonijiet tal-Kumitat;

10.  Jinnota li l-aċċess dirett bejn il-binjiet REM u RMD ngħalaq mill-Parlament għal raġunijiet ta' sigurtà wara l-attakk terroristiku ta' Pariġi f'Novembru 2015; huwa fiduċjuż li l-Parlament se jerġa' jeżamina dawn il-kwistjoniet ta' sigurtà, peress li m'hemmx dubju li jkun ta' siwi għat-tliet istituzzjonijiet li l-passaġġ jerġa' jinfetaħ;

11.  Jinnota bi tħassib tnaqqis konsistenti fir-rata ta' eżekuzzjoni ta' pagamenti fl-2015 fuq xi partiti tal-baġit; jieħu nota li l-2015 kienet is-sena li fiha beda s-sitt mandat tal-kariga tal-Kumitat; huwa tal-fehma, madankollu, li l-Kumitat ma għandux iħalli li dan il-fatt ikollu impatt fuq il-ġestjoni tal-baġit; jistieden lill-Kumitat itejjeb il-prestazzjoni tiegħu u jipprepara aħjar għall-bidu tas-seba' mandat tal-kariga tal-Kumitat;

12.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jtejjeb it-trasparenza tal-operazzjonijiet u jinkludi data dwar il-missjonijiet imwettqa mill-Membri fir-rapport ta' attività annwali, bi nfiq dettaljat;

13.  Jistieden lill-Kumitat jissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali futur dwar reġistru tat-trasparenza obbligatorju;

14.  Jinnota bi tħassib li għad hemm żbilanċ bejn is-sessi f'karigi maniġerjali superjuri u intermedji (25 % / 75 % biss fil-maniġment superjuri u 38 % / 62 % f'dak intermedju); iħeġġeġ lill-Kumitat itejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fi ħdanu u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li jieħu biex jindirizza din il-kwistjoni, kif ukoll ir-riżultati li jinkisbu;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon il-bilanċ ġeografiku tajjeb fi ħdan il-karigi maniġerjali;

16.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-għadd kbir ta' ġranet ta' assenza minħabba l-mard fost il-persunal tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jivvaluta r-raġunijiet, jiffoka fuq il-governanza tiegħu tar-riżorsi umani biex itejjeb is-sitwazzjoni u jimmira l-attivitajiet ta' benessri tiegħu biex ikopru l-akbar għadd possibbli ta' membri tal-persunal bil-għan li jipprevjeni dan it-tip ta' assenteiżmu;

17.  Huwa mħasseb li m'hemmx implimentazzjoni adegwa tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu dwar il-prestazzjoni ta' proġetti tal-IT għal applikazzjonijiet interni; jistieden lill-Kumitat jirrimedja din is-sitwazzjoni bla aktar dewmien;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni ta' data dwar it-traduzzjoni skont il-metodoloġija armonizzata stabbilita mill-kumitat interistituzzjonali għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni; jinnota li r-reviżjoni li għaddejja tal-Kodiċi ta' Kondotta għat-Traduzzjoni se ssir b'mod konġunt mal-KESE;

19.  Jinnota li rata ta' esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni telgħet minn 2,57 % fl-2014 għal kważi 10 % fl-2015 minħabba t-trasferiment ta' membri tal-persunal lejn il-Parlament skont il-Ftehim; jistieden lill-Kumitat jagħmel valutazzjoni tal-kosteffikaċja tal-arranġament il-ġdid li issa qed jitħaddem fil-prattika;

20.  Jieħu nota li l-Kumitat adotta regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta f'Diċembru 2015; jinnota wkoll li fl-2015 infetaħ fajl wieħed ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jitlob li l-Kumitat iżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar żviluppi fil-każ;

21.  Iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-Kumitat isegwi immedjatament iż-żewġ sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-UE[6], ir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ("OLAF")[7], ir-rapport tad-dipartiment PMO tal-Kummissjoni[8] u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament[9], u li jġib il-każ tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta mill-ex awditur intern tal-Kumitat għal soluzzjoni ġusta, onorevoli u ekwa qabel tmiem l-2017;

22.  Iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-Kumitat jaħdem flimkien mal-KESE biex jimxi minnufih fuq is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni f'kawża ta' fastidju li tinvolvi uffiċjali miż-żewġ istituzzjonijiet[10], li jirrapporta lill-Parlament dwar il-progress li jsir u li jirrevedi l-proċeduri tiegħu għat-trattament ta' allegazzjonijiet ta' fastidju fil-ġejjieni, b'tali mod li jiżgura li jkunu skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon kbir l-isforzi u r-riżultati miksuba s'issa fit-titjib tal-marka ambjentali tal-Kumitat u t-tiġdid taċ-ċertifikazzjoni tal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS);

24.  Jinnota l-isforzi u l-kisbiet tal-Kumitat fl-intensifikazzjoni tal-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu;

25.  Jilqa' l-informazzjoni dwar il-politika immobiljari tal-Kumitat fir-rapport ta' attività annwali tiegħu, speċjalment peress li huwa importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati b'mod xieraq u ma jkunux eċċessivi;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Bogusław Liberadzki, Notis Marias, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Hannu Takkula, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Markus Pieper, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch, Jens Geier, Arne Lietz, Piernicola Pedicini, Lieve Wierinck

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Martina Dlabajová, Hannu Takkula, Lieve Wierinck

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Markus Pieper, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Jens Geier, Karin Kadenbach, Bogusław Liberadzki, Arne Lietz, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

Verts/ALE

Benedek Jávor, Bart Staes

4

-

ECR

Notis Marias

EFDD

Raymond Finch, Piernicola Pedicini

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  ĠU L 69, 13.3.2015.
  • [2]  ĠU C 380, 14.10.2016, p. 1.
  • [3]  ĠU C 375, 13.10.2016, p. 1.
  • [4]  ĠU C 380, 14.10.2016, p. 147.
  • [5]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
  • [6]  Is-Sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta' Mejju 2013, kawża F-86/11 (ECLI:EU:F:2011:189) u tat-18 ta' Novembru 2014, kawża F-156/12 (ECLI:EU:F:2014:247).
  • [7]  Ir-Rapport Finali tal-OLAF tat-8 ta' Ottubru 2003.
  • [8]  Ir-rapport tad-dipartiment PMO tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2008.
  • [9]  Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tad-29 ta' Jannar 2004 (ĠU L 57, 25.2.2004, p. 8), tal-21 ta' April 2004 (ĠU L 330, 4.11.2004, p. 153), tat-12 ta' April 2005 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 54), tas-27 ta' April 2006 (ĠU L 340, 6.12.206, p. 44), tad-29 ta' April 2015 (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 132) u tat-28 ta' April 2016 (ĠU L 246, 14.9.2016, p. 152) b'appoġġ tal-każ tal-Awditur Intern tal-Kumitat.
  • [10]  Kawża F-124/10: Vassilliki Labiri v il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE).