RAPPORT li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli
3.4.2017 - (2015/2085(INL))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Joëlle Bergeron
(Inizjattiva - Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura)
PR_INL_art42
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha li jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għall-integrità fiżika u mentali u l-Artikolu 21 tagħha dwar in-nondiskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjonijiet transkonfinali[1],
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-valur miżjud Ewropew ta' Settembru 2016 imħejjija mis-servizz ta' riċerka tal-Parlament Ewropew (PE 581.388),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti (aktar 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni ta' The Hague"),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (aktar 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità"),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tat-23 ta' Frar 1999 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-protezzjoni legali ta' adulti inkapaċi (aktar 'il quddiem imsejħa r-"Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa"),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tad-9 ta' Diċembru 2009 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-prokuri permanenti u t-testment bijoloġiku marbuta mal-inkapaċità (aktar 'il quddiem imsejħa r-"Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa"),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0152/2017),
A. billi huwa essenzjali li l-Unjoni toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u tittratta suġġetti li jikkonċernawhom direttament, filwaqt li jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, mingħajr diskriminazzjoni jew esklużjoni;
B. billi l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli li jeżerċitaw il-libertà ta' moviment tagħhom fl-Unjoni hija, f'dan il-każ, kwistjoni ta' natura transkonfinali, li konsegwentement, jaffettwa lill-Istati Membri kollha; billi din il-kwistjoni turi l-importanza tar-rwol li l-Unjoni u l-Parlament tagħha għandhom jiżvolġu biex iwieġbu għall-problemi u għad-diffikultajiet li ċ-ċittadini Ewropej jiffaċċjaw fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera;
C. billi l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli hija marbuta mill-qrib mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi kull adult vulnerabbli għandu jitqies, bħal kull ċittadin Ewropew, bħala detentur ta' drittijiet u li huwa kapaċi jieħu deċiżjonijiet liberi, indipendenti u informati fil-limiti tal-kapaċità tiegħu, u mhux sempliċiment bħala benefiċjarju passiv ta' kura u ta' attenzjoni;
D. billi l-vulnerabilità tal-adulti u d-diversi regolamenti dwar il-protezzjoni legali tagħhom m'għandhomx ikunu ta' ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni;
E. billi l-evoluzzjoni demografika u l-estensjoni tat-tul tal-ħajja wasslu għal żieda fl-għadd ta' persuni anzjani li ma jkunux f'qagħda li jipproteġu l-interessi tagħhom minħabba mard marbut mal-età; billi hemm ukoll ċirkustanzi oħra, mhux relatati mal-età, bħal diżabilitajiet mentali u fiżiċi, li jistgħu jkunu wkoll instrinsiċi, li fihom tista' tixxekkel il-kapaċità ta' kwalunkwe persuna adulta li tipproteġi l-interessi tagħha;
F. billi l-problemi kibru minħabba l-moviment li qed jiżdied bejn l-Istati Membri tal-persuni espatrijati u rtirati, fosthom persuni vulnerabbli jew li jistgħu jsiru vulnerabbli;
G. billi jeżistu diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, tal-liġi applikabbli, tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni tal-adulti; billi d-differenza fil-liġijiet applikabbli u l-kwantità kbira ta' ġurisdizzjonijiet kompetenti jistgħu jxekklu d-dritt tal-adulti vulnerabbli għall-moviment liberu u għar-residenza fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom, kif ukoll protezzjoni xierqa għall-proprjetà tagħhom fejn din il-proprjetà tkun tinsab f'aktar minn pajjiż wieħed;
H. billi jeżistu wkoll differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-miżuri ta' protezzjoni, u dan minkejja l-progress li sar f'dan il-qasam b'segwitu għar-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-protezzjoni legali ta' adulti inkapaċi;
I. billi l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] jistabbilixxi li dan ir-Regolament ma japplikax għall-istatus u l-kapaċità ta' persuni fiżiċi;
J. billi l-Konvenzjoni ta' The Hague tikkostitwixxi sett ta' regoli tad-dritt internazzjonali privat partikolarment xieraq biex iwieġeb għall-problemi transkonfinali li jikkonċernaw lill-adulti vulnerabbli; billi minkejja ż-żmien li għadda sa mill-adozzjoni ta' din il-Konvenzjoni, ftit biss mill-Istati Membri rratifikawha diġà; billi dan id-dewmien fir-ratifika tal-Konvenzjoni jikkomprometti l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali fl-Unjoni; billi għalhekk huwa indispensabbli, għall-finijiet ta' effettività, li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali;
K. billi adult vulnerabbli huwa persuna li laħqet l-età ta' 18-il sena u li, minħabba deterjorament jew insuffiċjenza tal-kapaċitajiet personali tagħha, ma tistax tipproteġi l-interess tagħha u l-affarijiet personali u/jew proprjetà personali, kemm jekk b'mod temporanju jew b'mod permanenti;
L. billi jeħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; billi l-Unjoni u l-Istati Membri huma kollha partijiet għal din il-Konvenzjoni;
M. billi f'konformità mal-politiki tagħha, l-Unjoni għandha tiżgura li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu mħarsa;
N. billi l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għandha tkun intiża prinċipalment biex tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ta' miżuri ta' protezzjoni meħuda favur adult vulnerabbli mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, inkluż it-tixrid u r-rikonoxximent tal-mandati, kif ukoll biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward;
O. billi t-terminu "miżuri ta' protezzjoni" għandu jirreferi b'mod partikolari għall-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' The Hague;
P. billi t-terminu "mandat ta' inkapaċità" għandu jfisser is-setgħat ta' rappreżentanza mogħtija minn adult kapaċi, kemm permezz ta' ftehim kif ukoll permezz ta' att unilaterali, li jidħol fis-seħħ meta dan l-adult ma jibqax kapaċi jipproteġi l-interessi tiegħu;
Q. billi informazzjoni ċara u preċiża dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati mal-inkapaċità u l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għandha tkun aktar ċara u aktar aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ċari waħedhom;
R. billi aċċess fi żmien debitu mill-awtoritajiet amministrattivi u legali differenti kkonċernati għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni legali tal-adulti li jkunu soġġetti għal miżura ta' protezzjoni jew mandat ta' inkapaċità jista' jtejjeb u jsaħħaħ il-protezzjoni ta' dawn il-persuni;
S. billi l-ħolqien ta' fajls jew reġistri f'kull Stat Membru li jelenkaw id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li jippreskrivu miżuri ta' protezzjoni favur adult vulnerabbli, kif ukoll il-mandati ta' inkapaċità, meta dawn il-mandati jkunu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jista' jiffaċilita l-aċċess fi żmien debitu mill-awtoritajiet amministrattivi u legali kollha kkonċernati għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali tal-adulti f'sitwazzjoni ta' vulnerabilità u jiggarantixxi ċertezza tad-dritt akbar; billi l-kunfidenzjalità ta' dawn il-fajls jew ir-reġistri għandha tiġi ggarantita kif xieraq, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;
T. billi l-miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fl-Istati Membri l-oħra; billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, jista' jkun meħtieġ li jiġu introdotti raġunijiet għar-rifjut ta' rikonoxximent u applikazzjoni ta' miżura ta' protezzjoni; billi r-raġunijiet, ċirkoskritti kif xieraq, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jużaw għal rifjut ta' rikonoxximent u applikazzjoni ta' miżura ta' protezzjoni li jieħdu awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor għandhom ikunu limitati għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Istat rikjest;
U. billi jistgħu jiġu introdotti mekkaniżmi effettivi biex jiġu żgurati r-rikonoxximent, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta' mandati ta' inkapaċità fl-Unjoni kollha; billi għandha tinħoloq formola unika ta' mandat ta' inkapaċità fil-livell tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi li l-mandati ta' inkapaċità jkunu effettivi fl-Istati Membri kollha;
V. billi għandhom jiġu implimentati formoli uniċi għall-Unjoni sabiex jippromwovu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli kif ukoll dwar iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet; billi ċ-ċertezza tad-dritt tirrikjedi li kull persuna li tiġi fdata bil-protezzjoni tal-persuna jew tal-beni ta' adult vulnerabbli tista' tikseb, fuq talba tagħha u fi żmien raġonevoli, ċertifikat li jindika l-kwalità tagħha, l-istatus tagħha u s-setgħat mogħtija lilha;
W. billi deċiżjoni meħuda fi Stat Membru u li hija eżegwibbli f'dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibilità ta' din id-deċiżjoni;
X. billi jkun xieraq li jiġu implimentati mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jippromwovu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll it-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna lill-adulti vulnerabbli; billi l-ħatra ta' awtorità ċentrali minn kull Stat Membru, bħal dik prevista mill-Konvenzjoni ta' The Hague, tista' tikkontribwixxi b'mod xieraq għal dan l-objettiv;
Y. billi ċerti miżuri ta' protezzjoni previsti mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-konfront ta' adult vulnerabbli, b'mod partikolari t-tqegħid tal-adult fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor, jista' jkollhom implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor; billi, f'dawn il-każijiet, ikun xieraq li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jiftiehmu dwar l-opportunità ta' qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni kkonċernata;
Z. billi l-eżistenza ta' awtoritajiet ċentrali m'għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri milli jikkomunikaw direttament bejniethom meta jqisu li din il-komunikazzjoni tkun aktar effettiva;
AA. billi ż-żmien li għadda sa mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 kellu jippermetti lill-Kummissjoni tikseb biżżejjed informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' The Hague fl-Istati Membri li rratifikawha u tfassal ir-rapport mitlub mill-Parlament Ewropew f'din ir-Riżoluzzjoni.
1. Jifraħ lil dawk l-Istati Membri li ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni ta' The Hague, u jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex, sabiex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni biex teżerċita pressjoni politika fuq il-Kunsill u l-Istati Membri li tista' twassal għal żieda fin-numru ta' ratifiki sal-aħħar tal-2017;
2. jinnota li l-proposta għal Regolament li hija s-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet ipprovduti fl-Anness mhijiex se tieħu post il-Konvenzjoni ta' The Hague, iżda se tappoġġaha, u se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw din il-Konvenzjoni u biex jimplimentawha;
3. Jinnota li l-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli, inkluż dawk b'diżabilità, tirrikjedi sett komprensiv ta' azzjonijiet speċifiċi u mmirati;
4. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta' protezzjoni previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jiġu adattati biżżejjed għal kull adult vulnerabbli, b'mod li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri ta' protezzjoni individwali proporzjonati f'dan is-sens, biex b'hekk jevitaw li ċittadini tal-Unjoni jkunu mċaħħda mid-drittijiet li għadhom kapaċi jeżerċitaw; jinnota li f'ħafna mill-każijiet ta' persuni b'diżabilità l-inkapaċità legali hija minħabba d-diżabilità u mhux minħabba l-età;
5. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-adulti kollha li huma vulnerabbli mhux neċessarjament ikunu hekk minħabba l-età avvanzata tagħhom u jitlobhom jieħdu miżuri biex jissaħħu l-protezzjoni legali u d-drittijiet mhux biss tal-adulti anzjani vulnerabbli, iżda wkoll dawk tal-adulti li huma jew li saru vulnerabbli li ma jinsabux f'qagħda li jipproteġu l-interessi tagħhom stess minħabba diżabilità mentali u/jew fiżika serja; iqis f'dan ir-rigward li jkun estremament utli li jiġu stabbiliti skambji u paraguni tal-prattiki tajbin fost l-Istati Membri, fuq il-bażi tas-sistemi diversi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni;
6. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-awtodeterminazzjoni tal-adulti permezz tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom dwar mandati ta' inkapaċità, li tiġi ispirata mill-prinċipji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-prokuri permanenti u t-testment bijoloġiku marbuta mal-inkapaċità;
7. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-adulti vulnerabbli l-aktar żvantaġġjati u jdaħħlu miżuri fis-seħħ li għandhom l-għan li jiżguraw li dawn l-adulti ma jsofrux diskriminazzjoni b'riżultat tal-kundizzjoni tagħhom; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri li jirrikonoxxu l-mandat ta' inkapaċità fil-leġiżlazzjoni tagħhom jew li jiddeċiedu li jintroduċuh, biex fis-sistema ġuridika tagħhom ma jipprevedux spejjeż jew formalitajiet li jistgħu jxekklu b'mod mhux raġonevoli lill-adulti f'sitwazzjoni żvantaġġjata milli jibbenefikaw minn mandat ta' inkapaċità, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tibda, iżżomm u tiffinanzja proġetti intiżi għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri relatata mal-adulti vulnerabbli u mal-miżuri ta' protezzjoni li jikkonċernawhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri u azzjonijiet xierqa biex jipprovdu lill-persuni kollha fit-territorju tagħhom l-informazzjoni faċilment aċċessibbli u suffiċjenti dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, kif ukoll dwar is-servizzi disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli;
9. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx segwitu għat-talba tal-Parlament biex tippreżenta rapport fi żmien debitu lill-Parlament u lill-Kunsill li jelenka l-problemi ffaċċjati u l-aħjar prattiki osservati għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague, li kellu jkun fih ukoll proposti għal miżuri tal-Unjoni li jikkompletaw jew jippreċiżaw il-mod kif għandha tiġi applikata l-Konvenzjoni; iqis li dan ir-rapport seta' jsemmi l-problemi ta' natura prattika ffaċċjati mill-Kummissjoni biex tiġbor l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel il-31 ta' Marzu 2018, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament intiż biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll biex itejjeb ir-rikonoxximent sħiħ u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u l-mandati ta' inkapaċità, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness;
11. Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu espressi, fost l-aħjar prattiki nazzjonali, ir-riżultati tax-xogħol imwettaq mill-komunitajiet lokali u mill-awtoritajiet lokali;
12. Hu tal-fehma li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-Unjoni;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI
DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
A. PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA
1. Tippromwovi l-informazzjoni rigward deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti vulnerabbli li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni kif iddefiniti mill-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali ta' Adulti, kif ukoll tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet.
2. Timplimenta fajls jew reġistri nazzjonali li jelenkaw, fuq naħa waħda, id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji rigward il-miżuri ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u, min-naħa l-oħra, fejn dawn jeżistu, il-mandati ta' inkapaċità, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza tad-dritt u jiġu ffaċilitati ċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess rapidu mill-amministrazzjonijiet u l-qrati kompetenti għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni legali tal-persuni li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.
3. Timplimenta miżuri speċifiċi u xierqa maħsuba biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri billi tibbaża fuq l-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Konvenzjoni ta' The Hague, b'mod partikolari t-twaqqif ta' awtoritajiet ċentrali li jkunu inkarigati mill-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill-koordinazzjoni tat-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-persuni li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.
4. Tiżgura li l-qsim ta' informazzjoni relatata mal-istatus ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-aċċess għall-fajls u r-reġistri tal-miżuri ta' protezzjoni u tal-mandati ta' inkapaċità, isiru b'mod li jiggarantixxi skrupulożament ir-rispett għall-prinċipju ta' kunfidenzjalità u għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali tal-adulti kkonċernati.
5. Timplimenta formoli uniċi tal-Unjoni maħsuba biex jippromwovu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti vulnerabbli, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom. Il-Kummissjoni tista' tispira ruħha mill-mudelli ta' formoli rrakkomandati mill-Kumitat Speċjali Diplomatiku tal-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fl-atti tas-seduta ta' Settembru-Ottubru 1999 relatati mal-protezzjoni tal-adulti.
6. Tirrikonoxxi lil kull persuna li tiżgura l-protezzjoni tal-persuna jew tal-beni ta' adult vulnerabbli d-dritt li tikseb mill-awtoritajiet kompetenti, u fi żmien raġonevoli, ċertifikat li jkun validu fl-Istati Membri kollha li jindika l-kwalità tagħha u s-setgħat mogħtija lilha.
7. Tippromwovi r-rikonoxximent tad-dritt sħiħ għall-miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fi Stati Membri oħra, u dan mingħajr preġudizzju għall-introduzzjoni, b'eċċezzjoni u f'konformità mal-Artikoli 3 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għal garanziji legali tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Istati rikjesti u li jippermettu lil dawn l-Istati li jiġġustifikaw in-nuqqas ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri.
8. Tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibilità ta' dawn il-miżuri.
9. Tippromwovi l-konsultazzjoni u l-qbil bejn l-Istati Membri meta l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni prevista mill-awtoritajiet ta' Stat Membru jista' jkollha implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor sabiex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jiftiehmu dwar il- qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni. Il-konsultazzjoni u l-qbil għandhom iseħħu dejjem fl-interess tal-adult vulnerabbli kkonċernat u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha. L-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti miżuri alternattivi, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni finali tibqa' l-kompetenza ta' din tal-aħħar.
10. Timplimenta formoli uniċi ta' mandat ta' inkapaċità sabiex tippromwovi l-użu ta' dawn il-mandati mill-persuni interessati, kunsens infurmat sew li għandu jiġi vverifikat mill-awtoritajiet rilevanti, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-implimentazzjoni ta' dawn il-mandati.
B. AZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU PROPOSTI
1. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel il-31 ta' Marzu 2018, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament intiż biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll biex itejjeb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u l-mandati ta' inkapaċità.
NOTA SPJEGATTIVA
I. Introduzzjoni
L-adulti vulnerabbli huma persuni fiżiċi li laħqu l-età ta' 18-il sena li jinsabu temporanjament jew permanentement f'sitwazzjoni fejn huma inkapaċi li jiġġestixxu l-persuna tagħhom jew il-patrimonju tagħhom. Il-maġġoranza tal-persuni vulnerabbli huma persuni ta' età avvanzata, aktar suxxettibbli li jitilfu l-kapaċitajiet tagħhom minħabba mard marbut mal-età. It-tibdil demografiku fl-Ewropa, barra minn hekk, żied in-numru ta' adulti vulnerabbli b'mod esponenzjali.
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni għandhom il-qafas legali tagħhom b'għodod differenti għall-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli. Wieħed mill-pedamenti legali tal-Unjoni huwa l-moviment liberu tal-persuni. Il-persuni diġà soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni f'pajjiż tal-Unjoni, jew li potenzjalment jistgħu jsiru soġġetti, jistgħu jkollhom jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor. Il-patrimonju ta' dawn il-persuni jista' jinqasam f'diversi Stati Membri.
Madankollu, illum m'hemm l-ebda qafas legali uniformi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jippermetti protezzjoni adegwata tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Din iċ-ċirkustanza tista' xxekkel l-eżerċizzju mill-adulti tal-libertà ta' moviment tagħhom u tagħmel il-protezzjoni tal-patrimonju tagħhom aktar diffiċli. Il-mili ta' din il-lakuna ġuridika jippermetti li l-adulti milquta mill-vulnerabilità jibbenefikaw bis-sħiħ mill-prinċipji tal-moviment liberu u ta' residenza, minflok ma jkollhom jiffaċċjaw diffikultajiet potenzjali li jolqtu l-protezzjoni tal-persuna tagħhom u tal-beni tagħhom.
Dan ċertament ma jirrigwardax l-armonizzazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni li jeżistu f'kull Stat Membru, fejn l-istabbiliment jaqa' taħt ir-responsabilità unika tal-Istati, iżda li jiġi implimentat sett ta' regoli tad-dritt intiż biex jiffaċilita r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fi Stat Membru tal-Unjoni mill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex jagħmlu aktar faċli ċ-ċirkolazzjoni u r-rikonoxximent ta' mandati ta' inkapaċità konformi mal-liġi ta' Stat Membru fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni.
II. Il-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-protezzjoni tal-adulti tat-13 ta' Jannar 2000
Fil-livell internazzjonali, it-test prinċipali fis-seħħ li fih regoli tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti huwa l-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000. Ir-rapporteur tqis li din il-Konvenzjoni fiha sett ta' regoli xierqa biex iwieġbu għall-problemi transkonfinali li jikkonċernaw lill-adulti vulnerabbli. Madankollu, hija tgħarraf bi tħassib li sittax-il sena wara l-adozzjoni tagħha, disa' Stati biss iffirmawha u seba' biss irratifikawha.
Irrispettivament mir-raġunijiet għal din ir-rata baxxa ta' ratifiki, il-konsegwenza li tirriżulta minnha hija li l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija dgħajfa u kompromessa. Ir-rapporteur tqis, f'dan il-kuntest, li huwa imperattiv li tittieħed azzjoni għall-finijiet ta' effettività fil-livell tal-Unjoni biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjonijiet transkonfinali.
L-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam għandha, fi kwalunkwe każ, tibqa' koerenti mal-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000. Fid-dawl tar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, din għandha tkun intiża prinċipalment biex tiffaċilita t-tixrid, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ta' miżuri ta' protezzjoni meħuda favur adult vulnerabbli kif ukoll biex issaħħaħ il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Din għandha tiffaċilita wkoll it-tixrid u r-rikonoxximent tal-mandati ta' inkapaċità.
L-azzjoni tal-Unjoni għandha tiġi ispirata wkoll mill-prinċipji u l-objettivi li jinsabu fi strumenti internazzjonali oħra bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li l-Unjoni Ewropea hija parti minnha. Din għandha tiġi ispirata wkoll mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-adulti inkapaċi u dwar il-prokuri permanenti u t-testment bijoloġiku marbuta mal-inkapaċità.
III. Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni bis-sħiħ tad-deċiżjonijiet li fihom miżuri ta' protezzjoni u l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-mandati ta' inkapaċità
L-objettiv prinċipali tar-regolament previst għandu jikkonsisti fil-faċilitazzjoni fl-Unjoni kollha tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni meħuda f'wieħed mill-Istati Membri u, għal dan il-għan, ir-rapporteur tipproponi t-tneħħija tar-rekwiżit tal-exequatur għall-miżuri meħuda fl-Istati Membri tal-Unjoni. Din it-tneħħija ċertament se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-kostijiet legali u emozzjonali għall-adulti vulnerabbli li jiffaċċjaw problemi f'sitwazzjoni transkonfinali u għall-ħolqien ta' aktar ċertezza tad-dritt.
It-terminu miżuri ta' protezzjoni għandu jirreferi, b'mod partikolari, għall-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' The Hague, li jsemmi dawk li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-inkapaċità u l-istabbiliment ta' reġim ta' protezzjoni; it-tqegħid tal-adult taħt is-salvagwardja ta' awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva; it-tutela, il-kurazija u l-istituzzjonijiet analogi; il-ħatra u l-funzjonijiet ta' kull persuna jew korp inkarigat li jieħu ħsieb lill-persuna jew il-beni tal-adult, li jirrappreżentah jew jassistih; it-tqegħid tal-adult fi stabbiliment jew fi kwalunkwe post ieħor fejn il-protezzjoni tiegħu tista' tiġi żgurata, l-amministrazzjoni, il-kustodja jew id-dispożizzjoni tal-beni tal-adult; u l-awtorizzazzjoni ta' intervent f'waqtu għall-protezzjoni tal-persuna u tal-beni tal-adult.
Sabiex jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni bis-sħiħ tad-deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, u tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt, ir-rapporteur tipproponi l-implimentazzjoni ta' formoli uniċi għall-Unjoni Ewropea kif ukoll il-ħolqien ta' ċertifikat li jista' jinkiseb fuq talba minn kull persuna li tiġi fdata bil-protezzjoni ta' persuna vulnerabbli jew il-patrimonju tagħha. Dan iċ-ċertifikat jindika l-kwalità ta' din il-persuna u s-setgħat li jkunu ngħataw lilha mill-awtoritajiet nazzjonali u jista' jintuża quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tispira ruħha għat-tfassil ta' dawn id-dokumenti minn formoli oħra diġà eżistenti fil-livell Ewropew u minn mudelli ta' formoli rrakkomandati mill-Kumitat Speċjali Diplomatiku dwar il-protezzjoni tal-adulti, li ltaqa' f'Settembru-Ottubru 1999.
Ir-rapporteur tqis li r-raġunijiet li jistgħu jitqajmu mill-awtoritajiet tal-Istat rikjest biex jirrifjutaw li jirrikonoxxu jew jeżegwixxu miżura ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor għandhom ikunu limitati ħafna u, b'mod partikolari, ristretti għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku tal-Istat rikjest.
Barra minn hekk, ir-rapporteur tqis li huwa meħtieġ li jiġu promossi r-rikonoxximent u l-implimentazzjoni tal-mandati ta' inkapaċità u, għal dan il-għan, din tipproponi l-implimentazzjoni ta' formoli uniċi. Dawn jagħmlu aktar faċli l-fehim u l-aċċettazzjoni tal-mandati ta' inkapaċità mill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra. Ir-rapporteur hija konxja bis-sħiħ li l-introduzzjoni tal-mandat ta' inkapaċità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri taqa' taħt il-kompetenza tagħhom. Madankollu, hija tqis li l-introduzzjoni tiegħu tippromwovi l-awtodeterminazzjoni tal-adulti u li għalhekk din għandha tiġi inkoraġġuta. Fi kwalunkwe każ, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li l-adulti vulnerabbli l-aktar żvantaġġjati ma jkunux soġġetti għal diskriminazzjonijiet marbuta ma' din il-kundizzjoni. L-introduzzjoni ta' dan l-istabbiliment fl-Istati Membri kollha tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni u r-rikonoxximent tal-mandati ta' inkapaċità magħmula f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru ieħor.
IV. Il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri
Ir-rapporteur tqis li sabiex tiġi garantita protezzjoni aħjar tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali, huwa indispensabbli li jitjiebu l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-ħatra ta' awtorità ċentrali minn kull Stat Membru, bħal dik prevista mill-Konvenzjoni ta' The Hague, tista' tikkontribwixxi b'mod validu għal dan l-objettiv. Dawn l-awtoritajiet ċentrali jippromwovu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kkonċernati kif ukoll l-iskambji ta' informazzjoni li tikkonċerna lill-adulti vulnerabbli, u inkluż dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istati tagħhom. L-eżistenza ta' dawn l-awtoritajiet ċentrali m'għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri milli jikkomunikaw direttament bejniethom meta din il-komunikazzjoni tista' tkun effettiva.
L-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-persuni vulnerabbli huwa spiss ikkumplikat. Dan huwa partikolarment veru fil-każ ta' persuni vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal din l-informazzjoni, ir-rapporteur tipproponi l-ħolqien f'kull Stat Membru ta' fajls jew reġistri tad-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li jippreskrivu miżuri ta' protezzjoni favur adult vulnerabbli, kif ukoll il-mandati ta' inkapaċità.
Madankollu, l-aċċess għal dawn il-fajls jew ir-reġistri għandu jkun ristrett. Fil-fatt, il-kunfidenzjalità ta' dawn ir-reġistri għandha tiġi ggarantita kif xieraq u, f'dan ir-rigward, ikun meħtieġ li jiġu introdotti mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għal informazzjoni li tinsab f'dawn ir-reġistri jkun limitat għal ċerti kategoriji ta' suġġetti u li tiġi prodotta biss f'każijiet iġġustifikati kif xieraq. Il-ħolqien ta' dawn il-fajls jew ir-reġistri f'kull Stat Membru għandhom jiffaċilitaw il-ħidma ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali. Dawn għandhom igawdu minn dritt ta' aċċess għall-fajls sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv.
Ċerti miżuri ta' protezzjoni previsti mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-konfront ta' adult vulnerabbli, jista' jkollhom implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor, b'mod partikolari t-tqegħid tal-adult fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor. Ir-rapporteur tqis li f'dawn il-każijiet, ikun xieraq li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jiftiehmu dwar l-opportunità ta' qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni. L-awtoritajiet għandu jkollhom bħala objettiv essenzjali l-protezzjoni tal-interessi tal-persuna vulnerabbli u jistgħu jipproponu miżuri alternattivi lill-awtorità kompetenti li, fi kwalunkwe każ, ikollha l-aħħar kelma dwar is-suġġett.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
23.3.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 0 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Daniel Buda, Angelika Niebler, Virginie Rozière, Rainer Wieland |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eugen Freund, Maria Noichl |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
20 |
+ |
|
PPE S&D
ALDE GUE/NGL Verts/ALE EFDD |
Daniel Buda, Angelika Niebler, Emil Radev, Pavel Svoboda, Rainer Wieland, Tadeusz Zwiefka Eugen Freund, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Maria Noichl, Virginie Rozière Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto Kostas Chrysogonos, Jiří Maštálka Max Andersson, Julia Reda Isabella Adinolfi, Joëlle Bergeron |
|
0 |
- |
|
|
|
|
2 |
0 |
|
ECR ENF |
Sajjad Karim Marie-Christine Boutonnet |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni