Proċedura : 2017/0802(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0166/2017

Testi mressqa :

A8-0166/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.6
CRE 27/04/2017 - 5.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0137

RAPPORT     
PDF 1162kWORD 71k
19.4.2017
PE 602.806v01-00 A8-0166/2017

dwar il-ħatra proposta ta' Ildikó Gáll-Pelcz bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0110/2017 – 2017/0802(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PR_NLE_art108

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Ildikó Gáll-Pelcz
 ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Ildikó Gáll-Pelcz GĦALL-KWESTJONARJU
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Ildikó Gáll-Pelcz bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0110/2017 – 2017/0802(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0110/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0166/2017),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament evalwa l-kwalifiki tal-kandidata proposta, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tat-12 ta' April 2017, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidata proposta mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Ildikó Gáll-Pelcz bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' Ildikó Gáll-Pelcz

Impjieg

 

2000-

(Nota: attwalment sospiża minħabba l-attivitajiet tiegħi bħala Membru tal-Parlament Ewropew)

 

 

Direttriċi tal-Istitut, Kap tad-Dipartiment, Professur Assoċjat fl-Università

 

 

Istitut tal-Ġestjoni tan-Negozju, Università ta' Miskolc

Dipartiment tal-Amministrazzjoni tan-Negozju

 

 

 

1992-2000

 

 

Deputat Kap tad-Dipartiment, Professur Assoċjat fl-Università, Assistent Professur fl-Università, Lettriċi fl-Università

 

 

Fakultà tax-Xjenza Ekonomika Korporata, Università ta' Miskolc

 

 

 

1989-1992

 

 

Deputat Direttriċi, Superviżur tal-Organizzazzjoni

 

 

Ċentru tal-Informatika, Università ta' Miskolc

 

 

 

1985-1989

 

 

Inġiniera tar-Riċerka, tas-Sistemi u ta' Coding

 

 

Tüzeléstechnikai Kutató és Fejlesztő Vállalat, kumpanija dwar l-iżvilupp u t-teknoloġija tat-tifi tan-nar

Kampus ta' Miskolc

 

Attivitajiet politiċi u attivitajiet politiċi speċjalizzati:

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Membru fil-Kumitat:

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Sħubija f'partiti politiċi u rwoli f'organizzazzjonijiet politiċi:

 

 

01.07.2014-

Viċi President tal-Parlament Ewropew

 

16.11.2010-

Membru tal-Presidenza tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani)

 

02.06.2010-

Membru tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani)

 

2009-2010

Deputat Speaker tal-Assemblea Nazzjonali Ungeriża

 

2006-2010

Membru tal-Parlament, Membru u Deputat Mexxejja tal-Grupp tal-Partit Fidesz tal-Alleanza Ċivika Ungeriża

 

2002-2006

Kunsilliera fil-Kunsill tal-Belt ta' Miskolc (belt bi Status ta' Kontea), Membru u Deputat Mexxejja tal-Grupp Fidesz-KDNP

 

21.01.2016-... : Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Kejl tal-Emissjonijiet fis-Settur Awtomobilistiku

 

24.06.2016- : Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

 

02.12.2015- : Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri oħra ta' Natura jew Effett Simili (TAXE 2)

 

12.02.2015-30.11.2015: Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri oħra ta' Natura jew Effett Simili

 

01.07.2014- : Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

 

06.06.2010- : Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

 

06.10.2010- : Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

 

06.10.2010-31.07.2011: Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali

 

2008-2010: President tal-Kumitat ta' Inkjesta għall-Investigazzjoni dwar l-Użu ta' fondi tal-UE

 

2006-2010: Membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Ewropej

 

2002-2006: President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

 

2006- : Viċi President tal-partit Fidesz tal-Alleanza Ċivika Ungeriża

2005- : President tat-Taqsima Nisa tal-Unjoni

2004- : Membru tal-partit Fidesz tal-Alleanza Ċivika Ungeriża

 

Edukazzjoni u taħriġ

 

2004

Esperta Kwalifikata tat-Taxxa, Taxxa Internazzjonali

 

 

Penta Unió Oktatási Centrum Kft.

 

 

1996

 

 

Awditriċi Ċertifikata u Konsulenta tat-Taxxa

 

 

Perfekt Rt.

 

 

1993

 

 

Kontabilista Ċertifikata

 

 

Perfekt Rt.

 

 

 

1991

 

 

Inġiniera speċjalizzata fix-Xjenzi Ekonomiċi

 

 

Fakultà tax-Xjenzi Ekonomiċi, Università ta' Miskolc

Edukazzjoni Kontinwa fl-Inġinerija u x-Xjenzi Ekonomiċi, speċifikament il-Ġestjoni tan-Negozju

 

 

1985

 

 

Inġiniera Mekkanika Kwalifikata, Fergħa tal-Proċess tad-Disinn

 

 

Università Teknika tal-Industrija Peżanti

Fakultà tal-Inġinerija Mekkanika

 

Kwalifiki akkademiċi:

 

 

1997

 

 

DR UNIV

 

 

Rwol tas-sistemi tal-informazzjoni dwar il-kontabbiltà fl-operat tal-kumpaniji

 

 

 

 

 

1997

 

 

PhD

 

 

Żieda fl-effiċjenza ekonomika bl-użu ta' metodi u ppjanar analitiku avvanzat għall-proċessi tan-negozju

 

 

 

2016

Dr habil

Il-vantaġġ mill-potenzjal tas-suq intern uniku

 

 

 

Ħiliet fil-lingwi barranin

 

Ilsien nattiv: Ungeriż

Oħrajn

 

Ingliż

Ġermaniż

Russu

 

 

B2

B1

A1

 

 

1995

1984

1982

 

 

 

 

 

 

Attivitajiet professjonali oħrajn

 

Kumitat Akkademiku ta' Miskolc (MAB) tal-Akkademja Ungeriża tax-Xjenzi

Membru tal-Kumitat Ekonomiku

Kap tal-Kumitat ta' Ħidma ta' Konsulenza dwar in-Negozju

Membru tas-Sottokumitat dwar l-Organizzazzjoni

Viċi President tas-Soċjetà Ungeriża tax-Xjenzi Ekonomiċi fil-Kontea ta' Borsod-Abaúj-Zemplén

 

Attivitajiet pubbliċi oħrajn

 

President Fundatriċi tal-Assoċjazzjoni Miskolci Gráciák

 

Dekorazzjonijiet

 

Premju tar-Riċerkaturi Żgħażagħ mill-Kumitat Akkademiku ta' Miskolc (MAB) tal-Akkademja Ungeriża tax-Xjenzi (2000)

Premju Zoltán Meszléri (2000)

Ċertifikat "Lettriċi Eċċellenti" (2005)

Rikonoxximent għall-Attivitajiet li Jippromwovu n-Nisa (2008)


ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Ildikó Gáll-Pelcz GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fil-pjanifikazzjoni baġitarja, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

  Minn meta ggradwajt mill-Università, b'mod kontinwu komplejt intejjeb l-għarfien professjonali tiegħi fl-oqsma tal-ġestjoni tan-negozju, il-ġestjoni finanzjarja, il-baġits, il-kontroll u l-amministrazzjoni tal-baġit bl-esperjenza li kelli kemm fl-Ungerija (bħala President tal-Kumitat Finanzjarju u tal-Awditjar tal-Assemblea Nazzjonali Ungeriża u kunsilliera tal-Kunsill tal-Belt ta' Miskolc, belt bi Status ta' Kontea) kif ukoll fl-ambjent internazzjonali (bħala Membru tal-Parlament Ewropew).

Nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-kwalifiki tiegħi dwar is-sorveljanza ekonomika u baġitarja u fil-qasam finanzjarju. Użajt il-kwalifiki tiegħi bħala esperta u konsulenta tat-taxxa kemm fis-settur kompetittiv kif ukoll fi rwoli amministrattivi. Il-ħidma li wettaqt f'għadd ta' kumpaniji tatni opportunità eċċellenti biex insir aktar familjari ma' kwistjonijiet relatati mal-awditjar u mal-valutazzjoni tal-impatt.

Mill-2010, bħala Membru tal-Parlament Ewropew, jien ħdimt, partikolarment, fuq żewġ gruppi ewlenin ta' kompiti: l-ewwel nett, kwistjonijiet fundamentalment ekonomiċi, finanzjarji, fiskali, dwar is-suq intern u dwar il-politika fiskali u, it-tieni nett, kwistjonijiet baġitarji.

Matul il-karriera tiegħi, akkwistajt għarfien teoretiku profond u esperjenza prattika fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE u dwar għadd ta' tipi differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet. Ninsab konvinta li l-esperjenza diretta u ta' kuljum li akkwistajt fi kwistjonijiet tal-UE jippermettuli naħdem b'effiċjenza f'ambjent ta' ħidma li hu kumpless u dinamiku fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' politika. Inċidentalment, inqis li hu essenzjali li wieħed ikollu għarfien dwar kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea, minħabba li dan jista' jipprovdi bażi professjonali soda u informazzjoni ferm tajba dwar is-sitwazzjoni attwali, il-problemi potenzjali u s-soluzzjonijiet possibbli. Jien inqis dan l-għarjien ferm utli għall-Qorti tal-Awdituri u l-pożizzjoni li għandha timtela.

Matul is-snin li jien ħdimt fil-Parlament Ewropew, jien ksibt ukoll aktar esperjenza professjonali sostanzjali fil-qasam tal-awditjar tal-istituzzjonijiet tal-UE. Bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew, jien wettaqt dmirijiet ta' President tal-Korp ta' Kontroll Baġitarju. Meta nqabbel l-istandards tal-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju, tal-awditjar intern u estern fl-Ungerija issa u fil-passat, jien ninsab kuntenta li stajt nagħmel aktar faċli l-proċess ta' skambju tal-aħjar prattiki.

Fil-Parlament Ewropew, jien wettaqt il-funzjoni ta' rapporteur jew shadow rapporteur diversi drabi, fost affarijiet oħra, f'rapporti jew opinjonijiet rilevanti għall-kontroll tal-baġit u tal-ekononomija kif imniżżel hawn taħt:

Rapporti ppreżentati bħala rapporteur

  Rapport dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015;

  Rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani rigward l-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri;

  Rapport dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxa: kif nilliberaw il-potenzjal tal-UE għal tkabbir ekonomiku;

  Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-ġestjoni tal-vawċers;

  Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti (riformulazzjoni).

Rapporti ppreżentati bħala shadow rapporteur

  Rapport dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi – protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi ta' utilità;

  Rapport dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014;

  Rapport dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment – Rapport Annwali 2013;

  Rapport dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2012;

  Rapport dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2011.

Opinjonijiet ippreżentati bħala rapporteur

  Opinjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (il-Kumitat IMCO);

  Opinjoni dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 – it-taqsimiet kollha (il-Kumitat IMCO).

Opinjonijiet ippreżentati bħala shadow rapporteur

  Opinjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (il-Kumitat IMCO);

  Opinjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2012;

  Opinjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2012;

  Opinjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2012.

Nemmen li l-għarfien u l-esperjenza tiegħi fil-qasam ser ikunu utli għall-Qorti biex tindirizza wħud mill-isfidi tagħha. Nittama li dan l-istadju mis-sensiela ta' mistoqsijiet juri li waqt li kont qed insawwar il-karriera tiegħi, jien kont immexxija mill-prinċipju li nsir speċjalista u waħda li tfassal il-politika bi sfond prattiku għani u teoretiku. Ninsab konvinta, barra minn hekk, li s-saħħa tal-Qorti mhijiex biss fid-diversità nazzjonali tagħha, iżda prinċipalment fid-diversità tal-esperjenza professjonali tal-Membri tagħha.

2.  X'inhuma l-aktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-ħajja professjonali tiegħek?

  Nemmen li l-karriera professjonali tiegħi laħqet l-ewwel żvolta tagħha fis-sena 2000. L-istabbiliment tal-Istitut tal-Amministrazzjoni tal-Intrapriżi u ta' żewġ dipartimenti (id-Dipartiment tal-Ġestjoni Korporattiva u d-Dipartiment tan-Negozju) fl-Università ta' Miskolc irrappreżenta pass importanti f'ħajti bħala professur u riċerkatriċi tal-università u riċerkatriċi, li jikkompleta l-esperjenza professjonali tiegħi fix-xogħol professjonali u xjentifiku tiegħi mil-lat ta' lettriċi fl-università.

F'ħidmieti għamilt enfasi kbira fuq li niżgura standard għoli ta' tagħlim (full-time, b'korrispondenza u taħriġ fil-PhD). Fit-twaqqif tal-istitut, jien kelli l-ħsieb li nipprovdi lill-istudenti b'għarfien avvanzat u kompetittiv, flessibbiltà adattata għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-swieq u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, f'kooperazzjoni mal-universitajiet ta' diversi Stati Membri, fassalna sillabi taħt proġetti tal-Unjoni Ewropea, li jiena aġġornajt kontinwament, u integrajna l-aħħar riżultati minn riċerka domestika u internazzjonali.

Kisba importanti oħra hija l-attivitajiet tiegħi bħala Viċi President. Matul l-aħħar kważi 3 snin, kont onorata li nokkupa waħda mill-pożizzjonijiet ta' Viċi President tal-Parlament Ewropew. L-attivitajiet tiegħi kienu jinkludu r-responsabbiltà għall-korp ta' verifika tal-Parlament u l-aċċess għad-dokumenti. Matul dan il-perjodu, jien komplejt nittratta ma' għadd kbir ta' inkjesti minn persuni privati, membri tal-NGOs, negozji u tħassib ieħor u għent ħafna aktar partijiet ikkonċernati biex isibu soluzzjoni għad-diffikultajiet tagħhom. Fir-rigward tat-titjib fit-trasparenza u ż-żieda fl-importanza tal-Parlament, jien kont kapaċi ninfluwenza b'mod aktar favorevoli t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-Parlament Ewropew għall-benefiċċju taċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE. Forsi kien ukoll rikonoxximent ta' din il-ħidma li l-plenum tal-Parlament Ewropew tani vot ieħor ta' kunfidenza u kkonferma l-pożizzjoni tiegħi bħala Viċi President.

3.  X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati barra pajjiżek?

Fil-ħidma tiegħi bħala Viċi Speaker tal-Assemblea Nazzjonali Ungeriża responsabbli għall-Unjoni Interparlamentari, imbagħad bħala membru tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew, ksibt esperjenza internazzjonali, jew pjuttost globali, sforz il-ħidma regolari tiegħi bħala parti mid-delegazzjonijiet tal-Parlament li kkooperaw ma' delegazzjonijiet internazzjonali jew delegazzjonijiet minn pajjiżi oħra. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ħidma ta' kuljum mal-Membri tal-Parlament Ewropew tatni wkoll fehim aħjar ta' kif jarawna lilna l-Ungeriżi, u x'inhi l-opinjoni tagħhom dwar il-mentalità u t-teħid ta' deċiżjonijiet tagħna.

Inċidentalment, il-maġġoranza tal-esperjenza tiegħi fil-kontroll baġitarju ksibtha barra mill-pajjiż. Id-deskrizzjoni tal-karriera professjonali tiegħi jenħtieġ tirrifletti wkoll il-fatt li ħdimt f'ambjent tax-xogħol varjat ħafna, primarjament xjentifiku. Fl-attivitajiet tiegħi bħala lettriċi fl-università, jien kelli wkoll taħdidiet fuq bażi regolari ma' operaturi f'setturi differenti u istituti ta' riċerka xjentifika ta' Stati Membri oħra.

Nemmen li l-adattament għal kulturi oħra, l-ewwel nett, jiffaċilita l-fehim u, it-tieni nett, jinkoraġġixxi lil individwu jwettaq eżaminazzjoni tiegħu jew tagħha stess b'mod regolari kif ukoll itejjeb l-għarfien tiegħu jew tagħha. Id-diversità hija element essenzjali tal-Ewropa. Personalment, jien verament inqis din id-diversità bħala parti minni, u naħseb li nista' nilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħi primarjament f'ambjent multikulturali.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?

  Il-kompiti li wettaqt sa issa ma jipprevedu ebda proċedura ta' rilaxx.

5.  Liema mill-pożizzjonjiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' nomina politika?

Bdejt il-karriera politika tiegħi billi involvejt ruħi fl-affarijiet kurrenti f'Miskolc, fl-"Għaqda għall-Miskolc", fejn kelli l-kariga ta' Viċi President. Fl-2003, matul ir-riorganizzazzjoni tagħha, ingħaqadt mal-Unjoni Ċivika Ungeriża Fidesz. Fl-2005 ġejt eletta Viċi President Nazzjonali tal-partit u ġejt eletta mill-ġdid fil-pożizzjoni tiegħi f'kull tiġdid organizzattiv minn dak iż-żmien 'il hawn. Kelli wkoll il-kariga ta' President tat-Taqsima tan-Nisa tal-partit mill-istess sena.

Fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2006 fl-Ungerija, ksibt mandat bħala kandidata tal-partit tiegħi mil-lista taż-żona tal-Kontea ta' Borsod-Abaúj-Zemplén. Ġejt eletta Viċi Kap tal-Grupp tal-Partit Fidesz fl-istess sena.

Fl-2009 ġejt eletta bħala waħda mid-Deputati Speakers tal-Assemblea Nazzjonali Ungeriża. Okkupajt din il-kariga sal-2010, meta ġiet iffurmata l-Assemblea Nazzjonali l-ġdida. F'dawk l-elezzjonijiet, ksibt ukoll mandat mil-lista taż-żona tal-Kontea ta' Borsod-Abaúj-Zemplén. Fl-2010 ġejt eletta bħala Membru tal-Parlament Ewropew u ilni f'waħda mill-karigi ta' Viċi President tal-Parlament Ewropew mill-1 ta' Lulju 2014.

6.  X'inhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involuta fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?

1. L-iżvilupp tas-suq intern tal-UE

Illum, is-suq uniku huwa prijorità fuq l-aġenda politika Ewropea. Huwa mfaħħar bħala strateġija li tista' tgħin għall-irkupru mill-kriżijiet ekonomiċi u li tista' tiżgura tkabbir fuq terminu twil. Madankollu, dan mhux dejjem kien il-każ. Fl-aħħar sitt snin u nofs, jien ħdimt biex niżgura li s-suq uniku intern jerġa' jikseb l-apprezzament tiegħu li kellu u li aħna nkunu nistgħu niżviluppawh għall-potenzjal sħiħ tiegħu.

Bħala r-rapporteur għar-rapport dwar il-governanza tas-suq intern u bħala l-awtriċi ta' numru ta' studji ta' riċerka dwar is-suq intern, jien irnexxieli nikseb riżultati sinifikanti biex jgħinuna ntejbu u nsaħħu l-mekkaniżmi eżistenti u noħolqu sinerġiji aħjar bil-għan li ninfurzaw il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku b'mod aktar effiċjenti. Għamilt minn kollox biex niżgura li l-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu riżolti fil-livell nazzjonali u, fejn possibbli, permezz ta' mezzi informali. Id-deċiżjonijiet strateġiċi tiegħi dwar is-suġġett u l-miżuri li jindirizzawh ħolqu diversi opportunitajiet għall-konsumaturi, hekk kif ir-rakkomandazzjonijiet tiegħi rriżultaw, fuq kollox, fi standards ta' kwalità u pprezzar aktar kompetittiv. Nixtieq nenfasizza li ninsab interessata f'dan is-suġġett mhux biss mil-lat politiku, iżda wkoll mil-lat xjentifiku. Ninsab kburija li fl-2017, bit-titjib tal-approċċ ġenerali tal-analiżi ekonomika tat-teżi tiegħi tal-PhD, jien akkwistajt ukoll it-titolu akkademiku ta' "habil Dr" għall-ħidma xjentifika tiegħi dwar it-teħid tal-vantaġġ mill-potenzjal tas-suq uniku.

  2. L-istabbiliment tad-direzzjonijiet tal-politika fiskali għall-UE

Il-kriżi tad-dejn reċenti qajmet għadd ta' kwistjonijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu l-aġġustament xieraq tal-politiki fiskali fit-terminu qasir, medju u twil. Bħala r-rapporteur għall-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-ġestjoni tal-vawċers u r-rapport dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti, stajt inkompli l-ħidma tiegħi fuq dawn l-aġġustamenti fiskali, u introduċejt ukoll direzzjoni ġdida fil-politika ekonomika f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika fiskali. Bħala soluzzjoni possibbli, bdejt proposta għat-tfassil ta' sistema intelliġenti u kkordinata ta' "serp tat-taxxa", li sa issa ġiet inkorporata f'għadd ta' proposti.

3. Il-politika tal-familja fl-Ungerija u fl-Ewropa

Bħala mara u omm, wieħed mill-aktar għanijiet importanti tiegħi kien li nappoġġja n-nisa u l-familji sa mill-bidu tal-karriera politika tiegħi. Din hija wkoll il-missjoni ewlenija tiegħi. Minn dejjem ħdimt biex niżgura li l-miżuri għall-appoġġ tal-familja jittieħdu b'mod ċar filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu t-tendenzi demografiċi li qed jinbidlu. Bħala riżultat tal-proposti tiegħi, irnexxieli nespandi l-iskema fiskali tal-familja b'mod kontinwu u, fis-snin reċenti, bl-introduzzjoni tal-pakkett ta' miżuri "allowance tal-maternità supplementari", li jagħmel l-impjieg aktar faċli għan-nisa bi tfal żgħar u li jista' jkun ukoll objettiv fundamentali li għandu jintlaħaq. Bl-allowance, familja Ungeriża tista' tonfoq EUR 3 000 addizzjonali bħala medja matul perjodu ta' 4 snin, jiġifieri dan l-ammont jista' jingħata flimkien mal-allowances preċedenti.

Indipendenza

7.  It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jridu jkunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

L-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE jistipulaw li l-Membri kollha tal-Qorti għandhom jibqgħu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom. Għalhekk, jien nemmen li l-indipendenza tal-Membri tal-Qorti hija waħda mill-punti ewlenin li l-membri kollha jridu jirrispettaw u li tiddetermina jekk kandidat huwiex kapaċi jwettaq dmirijietu. Naturalment, se nikkonforma b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE li jikkonċernaw il-kriterji tal-"indipendenza" u se noqgħod lura minn kwalunkwe attività li tkun inkompatibbli ma', jew li tpoġġi f'riskju l-qadi ta' dmirijieti.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

  La jien u lanqas il-qraba intimi tiegħi m'għandhom interessi tan-negozju jew kapitali li jistgħu joħolqu kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħi bħala membru tal-Qorti fil-futur. Bl-istess mod, m'iniex konxja ta' kwalunkwe impenn ieħor li jista' jwassal għal tali kunflitt.

9.  Lesta tiżvela l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

  Bħala Membru tal-Parlament Ewropew, attwalment nirrapporta l-interessi finanzjarji tiegħi u ser nipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar l-interessi finanzjarji tiegħi skont ir-regoli. Ser nikkonforma b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali li ma jkunux kompatibbli mal-qadi ta' dmirijieti.

10.  Inti involuta f'xi proċedimenti legali kurrenti? Jekk iva, jekk jogħġbok agħti d-dettalji.

  Ninsab involuta fi proċedimenti legali, peress li ssottomettejt dikjarazzjoni ta' pretensjoni rigward il-ksur tad-drittijiet tal-personalità tiegħi lill-Qorti Metropolitana ta' Budapest.

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħti d-dettalji.

  Ili membru attiv tal-Unjoni Ċivika Ungeriża Fidesz mill-2003 u bħala Viċi President tagħha mill-2006.

12.  Tirtira minn kull kariga uffiċjali li kont eletta għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabilitajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Jekk niġi eletta, ser nirriżenja mill-pożizzjoni tiegħi bħala Membru tal-Parlament Ewropew u mis-sħubija u r-rwol tiegħi bħala Viċi President skont it-Taqsima 11. Jekk ikun meħtieġ, jien ser nirrinunzja mis-sħubija tiegħi f'kull fondazzjoni bil-għan li tinżamm l-indipendenza sħiħa tiegħi tul il-mandat li jkolli.

13.  Kieku kif titratta irregolarità maġġuri jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Il-ġlieda kontra l-każijiet ta' frodi u/jew ta' korruzzjoni u t-trattament tal-irregolaritajiet fl-amministrazzjoni huma importanti ħafna fejn għandha x'taqsam il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet tal-UE. Jekk l-akkuża ta' frodi jew ta' korruzzjoni tqum waqt awditu ssorveljat minni jew jekk niltaqa' ma' att illegali, jien ser ngħaddi l-informazzjoni rilevanti lill-President tal-Qorti u ninnotifika wkoll lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, b'kunsiderazzjoni għall-ftehim ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Ma jiena ser nagħmel ebda eċċezzjoni taħt ebda ċirkostanza jekk il-partijiet involuti jkunu mill-Ungerija. Jekk, fil-qafas tal-persegwiment ta' illegalità serja, ikun hemm anke l-iċken ħjiel jew is-suspett li ma nistax naġixxi b'imparzjalità, ngħaddi l-każ kollu lil ħaddieħor u ma neżerċitax il-kompetenzi tiegħi f'dan ir-rigward. Nixtieq nenfasizza li, bħala l-Viċi President tal-Parlament Ewropew, dejjem aġixxejt bl-istess mod fil-każijiet kollha bħal dawn, bħal kif informajt lill-President tal-Parlament dwar talbiet għal aċċess għal dokumenti relatati ma' pajjiżi u tlabt biex is-setgħat tiegħi jibqgħu jappartjenu għal Viċi President ieħor.

Sfortunatament, jien konxja wkoll mill-allegazzjonijiet li fil-passat xi ħadd uża l-mandat tiegħu jew tagħha mal-Qorti biex jixħtu dawl aktar favorevoli fuq pajjiżhom u biex jipproteġuh minn ċerti kritiki. Fl-opinjoni tiegħi, din hija imġiba kundannabbli u konfużjoni fundamentali tar-rwoli. Irrispettivament minn jekk l-allegazzjonijiet humiex fondati jew le, jidhirli li huwa diġà problema li jista' jsir tħassib bħal dan mill-kontribwenti. Sabiex tinżamm ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni, jien ser nagħmel l-almu tiegħi biex nevita tali sitwazzjonijiet.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

Dan huwa rekwiżit fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u huma jridu jaraw ukoll li l-fondi jintużaw bl-aħjar mod. Jekk niżguraw kontabbiltà u konformità sħiħa mar-regoli, mhux neċessarjment ifisser li l-fondi ser jintużaw b'mod effiċjenti fil-proġetti appoġġjati mill-UE.

Jekk ma jkunx ċar għaċ-ċittadini jekk dawn jibbenefikawx mis-sistema, aħna ma nistgħux nistennew li huma jkollhom fiduċja fiha. Dan in-nuqqas ta' fiduċja deher fir-riżultat finali tar-referendum tal-Brexit fl-2016.

  Nemmen li ma hemmx fiduċja mingħajr trasparenza. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar suġġetti xierqa lill-Parlament u lill-pubbliku, u dak li tirrapporta jrid ikun ivverifikat b'mod adatt minn awditur indipendenti.

Partijiet essenzjali ta' din il-kultura huma approċċ etiku kif ukoll xieraq fir-rigward tal-moralità ġenerali, peress li mhux kollox jista' jiġi rregolat mil-leġiżlazzjoni. Il-ħajja dejjem kapaċi toħloq sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu deskritti b'mod preċiż fil-leġiżlazzjoni.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

Nista' ngħid b'ċertezza li se nagħmel ħilti kollha biex b'mod effikaċi u dejjiemi nippromwovi u nappoġġja l-ħidma konġunta tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tal-Parlament. Fir-rigward tal-abbozzar tar-rapporti, naħseb li għandna niżguraw li jkunu kemm jista' jkun korretti u affidabbli, biex inkunu nistgħu nipprovdu tweġibiet sodi minkejja l-argumenti li jistgħu jressqu l-entitajiet li jkunu qed jiġu awditjati, u fl-istess ħin iridu jkunu aġġornati biżżejjed biex ikunu ta' interess mhux biss għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u biex dan jingħata l-opportunità li jasal għall-konklużjonijiet tiegħu malajr dwar ir-rapporti ppreżentati sabiex jiġi evitat aktar telf jew biex jiddaħħal titjib mingħajr dewmien, iżda anke biex ikun possibbli li l-pubbliku jiġi infurmat mill-aktar fis possibbli. Jiena wkoll tal-fehma li l-awditjar tal-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja u l-awditjar tal-prestazzjoni jridu jitħaffu b'mod urġenti.

Ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri jridu jkunu aktar f'waqthom u espliċiti sabiex il-Parlament ikun jista' jużahom sew. Għalkemm ir-realtà spiss hija kumplessa u kumplikata u distinzjonijiet ċari u inekwivokabbli huma rari, nagħmel sforzi kbar biex nuża lingwaġġ ċar, peress li jeħtieġ li l-Parlament jivvaluta sa liema punt l-implimentazzjoni ta' politika speċifika tista' titqies bħala suċċess jew falliment.

Fir-rigward tat-tempestività u r-rilevanza, naf li saru numru ta' tentattivi biex l-awditjar jitħaffef, li naturalment jista' ma jkunx ta' detriment għall-kwalità, iżda nħoss li għad hemm marġni għal titjib f'dak il-qasam, ukoll. Pereżempju, ir-rapport speċjali dwar l-ispejjeż relatati mal-migrazzjoni (Nru 2016/3), ippubblikat f'Marzu 2016, jeżamina l-ispejjeż sal-2014 biss, u għalhekk, ovvjament, tintilef ħafna mir-rilevanza tiegħu.

Naturalment, f'rapport ta' awditjar speċifiku, għandha ssir referenza għall-argumenti tal-parti awditjata u l-konsultazzjoni huwa proċess li jieħu ħafna żmien; fl-istess ħin, nixtieq nirrimarka li mhux dejjem huwa meħtieġ li jintlaħaq kunsens mal-parti awditjata. Jien ma nibżax minn tali differenzi fl-opinjoni.

Fl-istess ħin, inqis utli ħafna l-opinjonijiet tal-Qorti li jeżaminaw mill-ġdid l-inizjattivi leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Nixtieq insemmi żewġ eżempji attwali: wieħed minnhom huwa l-opinjoni dwar ir-rieżami tar-Regolamenti Finanzjarji tal-UE, u l-ieħor huwa d-dokument dwar l-estensjoni tal-FEIS, li, fil-fehma tiegħi, kapaċi jgħinu b'mod sinifikanti l-ħidma tal-leġiżlatura. Din trid tkun id-direzzjoni li għandna nieħdu. Bħala Membru tal-PE, naf li huwa eżattament dak li l-PE jeħtieġ; għalhekk, se nkompli nimmonitorja t-talbiet tal-membri tal-Kumitat CONT fl-interess ta' kooperazzjoni effiċjenti.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-amministrazzjoni?

  Awditjar tal-amministrazzjoni huwa waħda mill-iskemi li fiha l-kontribwenti, iċ-ċittadini, il-kredituri u l-amministraturi jistgħu jeżerċitaw kontroll fuq, u jaraw, ir-riżultati ta' għadd ta' attivitajiet tal-gvern.

Nemmen li tisħiħ xieraq tal-awditjar tal-ġestjoni finanzjarja u tal-awditjar tal-prestazzjoni jippermetti numru sew ta' żidiet fl-effiċjenza fl-użu tal-fondi tal-UE. Jiena ċerta wkoll li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-użu xieraq tal-fondi. Kemm l-awditjar komprensiv ta' settur kif ukoll awditjar individwali fuq il-post tal-użu tal-fondi jista' jiżvela nuqqasijiet speċifiċi fl-ilħuq tal-miri, li jwasslu għal rakkomandazzjonijiet abbażi ta' dak l-awditjar, li jgħinu biex jitwaqqfu jew jiġu evitati żviluppi mhux mixtieqa u jistgħu jiżvolġu rwol essenzjali fl-użu tal-fondi tal-UE b'mod aktar effiċjenti.

L-awditjar tal-prestazzjoni għalhekk huwa importanti ferm, mhux biss fir-rigward tal-infurzar tal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba iżda anke fir-rigward ta' titjib annwali fir-riskju ta' żball fl-oqsma ta' politika individwali u fir-rigward tal-iżgurar ta' titjib ulterjuri importanti fl-użu tal-fondi. L-awditjar tal-prestazzjoni, naturalment, jista' jsir kemm internament kif ukoll esternament.

Fil-fehma tiegħi, kif qed nitkellmu dwar dan, il-valur miżjud ta' awditjar estern ġej mill-fatt li l-awtorità esterna tkun għalkollox indipendenti u s-sejbiet ikunu intiżi mhux biss għall-awtorità iżda anke għall-Parlament, li jista' huwa stess, b'mod indipendenti, jislet konklużjonijiet mir-rakkomandazzjonijiet. Jirriżulta min-natura tal-proċedura li l-osservazzjonijiet li jsiru waqt awditjar tal-prestazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati b'modi differenti fil-qasam tal-amministrazzjoni. L-ewwel possibbiltà hija li, f'ambjent ta' fiduċja u pożittività, l-entità soġġetta għall-awditjar tista' tkun konvinta li l-introduzzjoni tal-miżuri proposti mill-awdituri tkun ħaġa pożittiva. Teżisti possibbiltà oħra, jiġifieri li l-istituzzjoni li għaliha tappartjeni l-entità soġġetta għall-awditjar tista' tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u taġixxi fuqhom fis-settur tagħha. F'dan ir-rigward, madankollu, anke l-Parlament Ewropew jista' jkollu rwol sinifikanti, billi jintervjeni b'deċiżjonijiet meta jqis li dan ikun partikolarment importanti.

Fil-qosor, naħseb li fil-każ tal-awditjar tal-prestazzjoni, ukoll, huwa importanti li jiġu kkontrollati b'mod persistenti u regolari l-miżuri ta' segwitu li jirriżultaw mis-sejbiet u mir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

Ir-rati ta' żball fihom infushom jagħtu biss parzjalment stampa komprensiva tal-effikaċja ta' politiki speċifiċi tal-UE. Il-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti hija ta' importanza partikolari, peress li huwa possibbli li wieħed jimmaġina każijiet fejn kollox ikun mexa skont ir-regoli, iżda t-twettiq tal-proġett ma jkunx ressaqna eqreb biex jintlaħqu l-għanijiet. Pereżempju, x'jiswa l-bini ta' pont jekk ma jkunx hemm toroq li jwasslu għalih? Sa liema punt proġett bħal dan jikkontribwixxi għal żieda fl-impjiegi jew biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku fir-reġjun ikkonċernat?

Madankollu, l-awditjar tal-prestazzjoni m'għandux ikun ta' detriment għall-verifika tal-konformità mar-regoli. Naf kemm huwa importanti għall-Parlament li jkollu aċċess għar-rati ta' żball diżaggregati skont iż-żona tal-ħruġ. L-istabbiltà u l-konsistenza tul iż-żmien tal-forniment ta' data bilanċjata huma daqstant importanti, peress li dan huwa l-uniku mod kif jistgħu jiġu identifikati x-xejriet u kif jistgħu jsiru paraguni fiż-żmien.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

Il-Qorti tiżvolġi rwol fundamentali fl-għoti ta' informazzjoni importanti fuq bażi regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għalhekk nemmen li d-djalogu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet għandu valur miżjud sinifikanti.

Il-komunikazzjoni trid tkun bidirezzjonali fi kwalunkwe ċirkustanza. Koordinazzjoni effiċjenti u stretta tikkontribwixxi biex jiġu identifikati aħjar l-oqmsa ta' ħidma ta' prijorità u tipprovdi lill-Membri tal-COCOBU b'informazzjoni rilevanti f'oqsma speċifiċi ta' interess b'mod f'waqtu.

Ir-Rapport Annwali tal-QEA dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE huwa strument essenzjali għal kull proċedura ta' kwittanza annwali u jista' jagħti ħarsa ġenerali wiesgħa lejn is-sistemi f'oqsma ta' politika differenti. L-importanza tar-rapporti speċjali mfassla mill-Qorti għandha tiġi enfasizzata wkoll, peress li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ulterjuri tal-oqsma individwali: jiġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet speċifiċi u jagħmlu wkoll proposti biex dawn jiġu riżolti.

Nilqa' wkoll, pereżempju, il-fatt li l-Parlament Ewropew jieħu deċiżjonijiet, b'konformità mar-regoli ta' proċedura l-ġodda tiegħu li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017, dwar l-ikkompilar tar-rapporti li jkun beda u li jkunu bbażati fuq ir-rapporti speċjali mfassla mill-Qorti. Il-ħidma tal-Membri tal-Parlament tagħti spinta lill-valur miżjud.

Bħala Membru tal-Qorti, niżgura taħt kull ċirkustanza li d-dokumenti li nipprovdi lill-Parlament Ewropew jikkontribwixxu b'mod effikaċi għall-ħidma tal-COCOBU. Il-komunikazzjoni bilaterali effiċjenti tkun prinċipju li jiggwidani fir-relazzjonijiet tiegħi mal-Parlament Ewropew.

Inkun disponibbli għal laqgħat regolari mal-Membri tal-Kumitat interessati kollha biex niddiskuti kwistjonijiet ta' interess għall-Parlament. Jien konvinta li dan jgħin ukoll lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tindirizza aħjar il-kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-interessi tal-kontribwenti tal-UE.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tkun tista' tagħmel xogħolha sew jekk tista' toqgħod fuq l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali matul il-ħidma tagħha. B'dan il-mod, id-duplikazzjoni tax-xogħol u l-"fastidju" bla bżonn tal-benefiċjarji tal-għotjiet u ż-żieda fil-piżijiet amministrattivi tagħhom jistgħu jiġu evitati. Kooperazzjoni ta' dan it-tip naturalment hija konsolidata sew fi ħdan l-INTOSAI. Pereżempju, jista' jsir progress sinifikanti fl-istandardizzazzjoni tal-metodi. Huwa importanti li r-riżultati tal-awditjar nazzjonali jistgħu jiġu integrati fl-attivitajiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fl-istess ħin, nara aktar opportunitajiet għat-twettiq ta' awditjar konġunt.

Inqis li huwa importanti ħafna li l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali jżidu l-isforzi ta' awditjar tagħhom dwar l-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri. Huwa bla dubju eżempju progressiv u tajjeb meta l-assemblej nazzjonali jiddiskutu dawn ir-rapporti u jisiltu konklużjonijiet mill-kontenuti tar-rapporti, billi dan itejjeb l-effiċjenza ta' kif il-fondi jintużaw fil-futur. Bħala president tal-kumitat għas-sorveljanza tal-użu tal-fondi tal-UE fl-Assemblea Nazzjonali Ungeriża, dak kien il-kompitu preċiż tiegħi.

Inqis li huwa essenzjali f'dan ir-rigward li jinfirex l-użu ta' ċertifikati ta' awditjar nazzjonali (dikjarazzjonijiet nazzjonali). Naf li għall-istati federali dan mhux dejjem huwa faċli, iżda huwa pass li jsaħħaħ il-kultura tat-teħid ċar tar-responsabbiltà u tal-obbligu li jingħata rendikont.

Nirrakkomanda li l-korpi ta' awditjar nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala awdituri esterni indipendenti u f'konformità mal-istandards tal-awditjar internazzjonali, ikunu jistgħu joħorġu ċertifikati ta' awditjar nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-fondi tal-UE, li jingħataw lill-gvernijiet tal-Istati Membri. Dawn iċ-ċertifikati, imbagħad, jistgħu jintużaw matul il-proċedura ta' kwittanza b'konformità ma' proċedura interistituzzjonali adatta għall-għan u li għandha tiddaħħal aktar 'il quddiem.

18.  Kieku inti kif tiżviluppa aktar ir-rappurtar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Peress li parti sinifikanti mill-baġit tal-UE hija implimentata permezz tal-ġestjoni kondiviża, il-kwalità, il-kompletezza u t-tempestività tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri jiddeterminaw ħafna l-kwalità tal-analiżi sussegwenti u, konsegwentement, il-kwalità tal-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni.

Jirriżulta mir-rapporti annwali tal-Qorti li fl-abbozzar tar-rapporti tal-attività annwali tagħhom, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni prinċipalment jużaw l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali (eż. ir-rapporti tal-awditjar). Ir-rapporti annwali rikorrenti tal-QEA jenfasizzaw, għalija, li hemm xi dgħufijiet (inkluża primarjament l-akkuratezza) fil-ħidma tal-awtoritajiet tal-awditjar li l-verifika tal-Kummissjoni ma tistax tipprevjeni attwalament.

Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, għalhekk, nemmen li r-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jridu jkomplu jiġbdu l-attenzjoni għall-punti ta' dgħufija, kemm jekk l-inakkuratezza tad-data pprovduta mill-Istati Membri u kemm jekk in-nuqqasijiet fix-xogħol ta' awditjar imwettaq mill-Kummissjoni. Il-Qorti għandha tispjega, b'mod ċar u dettaljat kemm jista' jkun, x'inhuma d-dgħufijiet u kif għandhom jitneħħew.

Naħseb li għalkemm l-Istati Membri huma ftit jew wisq konxji tar-rakkomandazzjonijiet tagħna, hemm differenzi kbar fl-implimentazzjoni prattika tagħhom fil-livell nazzjonali. Konsegwentement, ftit hemm indikazzjoni fil-livell nazzjonali li qed iseħħu bidliet fit-tfassil tal-politika u l-prattika ta' kuljum.

Bħala membru tal-Qorti, nixtieq nikkoopera aktar mill-qrib magħkom bl-għan li tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja fl-UE. Jekk irridu nistabbilixxu sistema finanzjarja fl-UE li tkun kapaċi terġa' tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini tagħna, l-UE trid tibda timplimenta r-riformi xierqa kemm jista' jkun malajr; u mhux hawnhekk biss, fi Brussell, iżda fl-UE kollha. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu informazzjoni sħiħa, rilevanti u aġġornata dwar is-sistemi tagħhom ta' governanza, ġestjoni finanzjarja u s-sistemi ta' kontroll intern u awditjar intern. Fejn jeżistu d-dgħufijiet, il-Kummissjoni għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex tagħmel l-informazzjoni kollha meħtieġa disponibbli sabiex inkunu nistgħu nagħmlu valutazzjoni infurmata tas-sistemi tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

Nirrikonoxxi, barra minn hekk, il-merti tat-tħassib dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni iżda, jekk l-għan komuni tagħna huwa li niżguraw li l-korp baġitarju jipprovdi valutazzjoni tal-awditjar tal-ogħla kwalità kif stabbilit fl-istandards internazzjonali, għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli. Aktar importanti minn hekk, spiss ikun il-każ li l-problema ma tkunx in-nuqqas ta' informazzjoni iżda n-nuqqas tal-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali jew tal-awdituri esterni li jużawha korrettament.

Waħda mis-sejbiet prinċipali tal-awditjar tar-Rapport Annwali li ġiet diskussa b'mod wiesa' kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kunsill kienet ir-rata stmata ta' żball irrapportata mill-Qorti. Wara li segwejt id-deliberazzjonijiet reċenti dwar il-kwittanza f'dawn l-aħħar snin, nilqa' l-fatt li kull sena l-Qorti ttejjeb l-informazzjoni sottostanti dwar il-kawżi ewlenin tal-iżbalji. Nemmen li għad hemm progress xi jsir fir-rigward tat-tnaqqis tal-iżbalji, iżda għandhom isiru aktar konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar kif jiġu identifikati.

Barra minn hekk, jien niżgura li l-Qorti tissorvelja aktar mill-qrib u regolarment l-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti annwali tal-kwittanza tal-Parlament Ewropew. Dawn ir-rapporti tal-kwittanza jinkludu għadd ta' kwistjonijiet li jirrikorru sena wara sena, li l-implimentazzjoni tagħhom sfortunatament issir bil-mod ħafna jew qatt ma ssir. Dan huwa frustranti ħafna. Għalhekk, il-Qorti triq twettaq l-awditjar tagħha b'mod aktar deċiżiv u trid iżżid l-attività ta' monitoraġġ tagħha. Il-Parlament irid ikun jaf sa liema punt ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu qed jiġu implimentati.

Fost l-isfidi attwali l-aktar importanti, insemmi l-kwistjoni tal-"budget galaxy". Kif irrimarka wkoll il-Kummissarju għall-Baġit waqt waħda miż-żjarat tiegħu lill-Parlament reċentement, iż-żieda fl-esternalizzazzjoni tal-fondi pubbliċi barra mill-baġit tal-UE tnaqqas it-trasparenza, tista' tikser il-prinċipju tal-unità tal-baġit u, billi tikkontrolla l-istituzzjonijiet, tagħti ambitu inqas wiesa' għall-awditjar. Din ix-xejra allarmanti, fejn il-Qorti għandha biss setgħat limitati, trid titwaqqaf.

Kif diġà spjegajt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija 15, trid tingħata attenzjoni akbar lill-prijoritajiet tal-leġiżlaturi fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' importanza kbira għaċ-ċittadini tal-UE. Inqis lill-Qorti bħala alleat kbir tal-Parlament. Nikkondividu l-istess missjoni: li nħarsu l-interessi tal-kontribwenti Ewropej. Irridu niżguraw li kull euro jintefaq għall-iskopijiet previsti u li l-fondi tal-UE jintużaw b'mod effikaċi, u rridu niġġieldu kontra l-prattiki ta' ħela, l-infiq inutli, il-ġestjoni finanzjarja negliġenti u kwalunkwe forma ta' frodi.

Nixtieq nirrimarka, barra minn hekk, li l-Qorti ħejjiet 36 rapport speċjali fl-2016. Pereżempju, erba' rapporti dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ tfasslu reċentement. Nirrakkomanda l-konċentrazzjoni tematika, peress li l-Parlament sempliċement mhux kapaċi jipproċessa għadd daqshekk kbir ta' rapporti bir-reqqa dovuta. Dawn ir-rapporti sostanzjali u siewja ħafna spiss ma jingħatawx l-attenzjoni li tixirqilhom. Naf kemm il-Kumitat CONT ipprova jtejjeb l-ipproċessar ta' dawn ir-rapporti speċjali mill-Parlament – sfortunatament mingħajr suċċess għalissa. Fl-istess ħin, forsi permezz ta' konċentrazzjoni tematika, il-Qorti tista' tgħin ukoll hawnhekk, minħabba li numru inqas ta' rapporti, iżda li jkollhom aktar sustanza, jistgħu ovvjament jiintużaw aħjar mill-Parlament.

Kwistjonijiet oħra

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Iva, nirtiraha, peress li huwa essenzjali għal xogħli li l-Parlament ikollu fiduċja fija; mingħajrha,ma nkunx nista' nwettaq il-kompiti tiegħi b'mod xieraq.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tiġdid parzjali ta’ membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat HU

Referenzi

07080/2017 – C8-0110/2017 – 2017/0802(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

10.3.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

16.3.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

15.3.2017

 

 

 

Eżami fil-kumitat

12.4.2017

 

 

 

Data tal-adozzjoni

12.4.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Bogusław Liberadzki, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Monika Hohlmeier, Andrey Novakov, Markus Pieper, Julia Pitera

Data tat-tressiq

19.4.2017

Avviż legali - Politika tal-privatezza