Proċedura : 2016/2273(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0178/2017

Testi mressqa :

A8-0178/2017

Dibattiti :

PV 15/05/2017 - 19
CRE 15/05/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 16/05/2017 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0205

RAPPORT     
PDF 740kWORD 80k
2.5.2017
PE 593.826v02-00 A8-0178/2017

dwar pjan ta' azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku

(2016/2273(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur għal opinjoni: Sabine Verheyen

Rapporteurs għal opinjoni (*):

Angelika Mlinar, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Pavel Svoboda, Kumitat għall-Affarijiet Legali

(*)  Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar pjan ta' azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku

(2016/2273(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta dwar id-Dejta Miftuħa tal-G8,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta' gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv" (COM(2010)0743),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar "Is-suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020. Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Komparattiva 2016 tal-Kummissjoni dwar il-gvern elettroniku,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġital"(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21" (COM(2016)0358),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà kriminali" (COM(2011)0163),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta"(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits" (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (COM(2016)0590) u l-Annessi 1 sa 11 tagħha – Valutazzjoni tal-Impatt (SWD(2016)0303), is-Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SWD(2016)0304), u l-Evalwazzjoni u s-Sommarju Eżekuttiv (SWD(2016)0305),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali (COM(2016)0589),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2013 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (Direttiva PSI),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati (COM(2016)0824),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 bit-titolu "L-Iskambjar u l-Protezzjoni tad-Data Personali f'Dinja Globalizzata" (COM(2017)0007),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 bit-titolu " Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika) (COM(2017)0010),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (COM(2017)0008),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa" (COM(2016)0381/2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0178/2017),

A.  billi l-istrateġiji għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ jiġu adattati għal ambjent li qed jinbidel, b'tali mod li jippermettu t-trasformazzjoni fi gvern diġitali;

B.  billi jenħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tal-gvern tgħin biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, tippromwovi titjib fl-eżerċizzju taċ-ċittadinanza, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni, issaħħaħ il-fehim taċ-ċittadini u l-involviment tagħhom fis-servizzi pubbliċi u ttejjeb l-effiċjenza u l-kosteffettività tagħhom, kif ukoll issaħħaħ il-parteċipazzjoni politika billi ttejjeb id-djalogu taċ-ċittadini mal-awtoritajiet pubbliċi u żżid it-trasparenza; billi jenħtieġ li l-UE tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u teknoloġiji bejn Stat Membru u ieħor;

C.  billi s-settur tal-ICT huwa msejjaħ biex jassisti dan il-proċess ta' trasformazzjoni billi jipprovdi soluzzjonijiet imfassla apposta għall-amministrazzjonijiet pubbliċi;

D.  billi t-trasformazzjoni fi gvern diġitali trid tinbeda fil-livell tal-Unjoni, tal-Istati Membri, reġjonali u lokali;

E.  billi l-potenzjal sħiħ ta' amministrazzjoni pubblika diġitali jista' jintlaħaq biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jafdaw bis-sħiħ is-servizzi offruti;

F.  billi l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika tal-UE huwa għodda essenzjali fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni u l-ġustizzja, u jikkostitwixxi pass importanti fil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE;

G.  billi huwa mistenni li aċċess aħjar għall-informazzjoni u ż-żieda fl-użu ta' għodda diġitali mtejba għal formalitajiet relatati mal-liġi tal-kumpaniji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpaniji jżidu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-ispejjeż tal-kumpaniji;

H.  billi għaddejjin sforzi biex jiġu interkonnessi r-reġistri tan-negozji elettroniċi u tal-insolvenza fl-Unjoni kollha, li huwa importanti għat-trasparenza u ċ-ċertezza legali fis-suq intern;

I.  billi aċċess uniku għal dawn ir-reġistri permezz tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika għadu mhux possibbli minħabba d-differenzi fl-istandards tekniċi użati mill-Istati Membri; billi hemm bżonn aktar sforzi sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiddisponu minn għodod ta' gvern elettroniku aċċessibbli, interoperabbli u faċli biex jintużaw; billi ċertu livell ta' protezzjoni u sigurtà fl-ipproċessar tad-dejta huwa prerekwiżit bażiku għall-użu tal-ġustizzja elettronika, fid-dawl tan-natura tad-dejta involuta fil-ħidma ġudizzjarja;

1.  Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa element ewlieni tas-Suq Uniku Diġitali, u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu għall-Pjan ta' Azzjoni abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni, u tissorvelja u tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tiegħu; jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2011-2015 ta riżultati pożittivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw ukoll il-ħtiġijiet tal-konsumaturi biex jiżdied il-livell ta' użu tas-servizzi elettroniċi;

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqilbu għad-diġitali

2.  Huwa tal-fehma li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu miftuħin, trasparenti, effiċjenti u inklużivi, u jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali minn tarf għall-ieħor, bla fruntieri, personalizzati, faċli biex jintużaw u aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji minn hawn u l-2022, u b'hekk inaqqsu l-ispejjeż, l-ostakli u l-piżijiet amministrattivi għaċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u għaldaqstant jitgawdew il-benefiċċji kollha tar-rivoluzzjoni diġitali; iqis, madankollu, li dan għandu jkun kompatibbli ma' ristrutturar ġust fl-amministrazzjoni pubblika;

3.  Jappoġġja l-pjan biex inizjattivi futuri jkunu bbażati fuq il-prinċipju "diġitali b'mod awtomatiku", u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss", li jagħmel l-interazzjoni mal-amministrazzjonijiet pubbliċi aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji billi jiġu evitati proċessi amministrattivi li jieħdu wisq ħin u jagħmilha aktar faċli li informazzjoni mogħtija preċedentement terġa' tintuża għal applikazzjonijiet oħrajn; jenfasizza li, fil-fatt, skont l-istudji tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-approċċ tal-prinċipju ta' "darba biss" fil-livell tal-UE mistennija tiffranka madwar EUR 5 biljun kull sena sal-2017; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tal-proġett pilota fuq skala kbira ta' darba biss għan-negozji u biex sal-aħħar tal-2017 tniedi proġett pilota fuq skala kbira ta' darba biss għaċ-ċittadini;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr portal diġitali uniku li jipprovdi liċ-ċittadini u n-negozji pakkett interkonness u koerenti ta' servizzi tas-suq uniku online, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, li jkopri informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u tal-UE, kif ukoll servizzi ta' assistenza, u li jitlestew il-proċeduri l-aktar importanti għaċ-ċittadini u n-negozji f'sitwazzjonijiet transfruntiera u tgħin fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' darba biss fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tiegħu u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-funzjonament effiċjenti u l-interoperabbiltà tiegħu, sabiex jiġu sfruttati l-potenzjal sħiħ u l-benefiċċji tiegħu; jenfasizza li għandha ssir promozzjoni tal-aħjar prattiki eżistenti li diġà jintużaw f'xi Stati Membri; jemmen li din l-inizjattiva għandha tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom portal elettroniku uffiċjali uniku li jipprovdi aċċess għas-servizzi online kollha tagħhom u għas-servizzi interoperabbli disponibbli tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-portali tal-"Punti ta' Kuntatt Uniku";

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar modi biex tippromwovi soluzzjonijiet diġitali għall-formalitajiet matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kumpanija, l-arkivjar elettroniku tad-dokumenti tal-kumpaniji u l-għoti ta' informazzjoni transfruntiera jew ta' tip ieħor għar-reġistri tan-negozji; jinnota li f'dan il-qasam il-leġiżlazzjoni taf tkun l-uniku mod biex jinħoloq qafas legali xieraq għal soluzzjonijiet diġitali applikabbli fl-UE kollha;

6.  Iqis li l-ħidma fuq l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri tan-negozji u tal-insolvenza tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ, u jenfasizza l-importanza ta' din l-interkonnessjoni għas-suq intern; jenfasizza li kwalunkwe informazzjoni li għandha tingħata għandha timxi fuq mudell jew qafas Ewropew komuni;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-inklużività, l-aċċessibbiltà u l-aċċess ġenerali għas-servizzi pubbliċi diġitali, fattur essenzjali li jsostni t-tfassil u t-twassil ta' politiki li jippromwovu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u japplikaw id-direttiva l-ġdida dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, li se tkun ta' benefiċċju għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' "dejta miftuħa", fejn ċerta informazzjoni tas-settur pubbliku tkun liberament disponibbli għall-użu u l-użu mill-ġdid, inkluż minn partijiet terzi, fi ħdan u bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' salvagwardji li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-dejta; itenni li fluss miftuħ u inklużiv tad-dejta jippermetti l-iżvilupp ulterjuri u l-ħolqien ta' soluzzjonijiet innovattivi ġodda, u b'hekk tiżdied l-effiċjenza kif ukoll it-trasparenza; jenfasizza li dan it-tip ta' dejta u informazzjoni pubblika għandhom għalhekk jitqiegħdu għad-dispożizzjoni meta jkun possibbli, bil-ħsieb li jitrawmu opportunitajiet ġodda għall-għarfien u jingħata kontribut għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' soċjetà miftuħa; ifakkar li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom, kemm jista' jkun, iqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni, speċjalment meta l-volum tad-dejta ġġenerat ikun kbir ħafna, bħal fil-każ tal-programm INSPIRE; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu implimentati strateġiji kkoordinati dwar id-dejta kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE u kemm fl-Istati Membri, inkluż biex jiżdied u jitħaffef ir-rilaxx ta' dejta fid-dominju pubbliku, jiġu żgurati kwalità aħjar u aċċess faċli għad-dejta u tiġi pprovduta leġiżlazzjoni elettronika f'formati li jinqraw mill-magni;

9.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni elettronika u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar użu mill-konsultazzjoni elettronika, l-informazzjoni elettronika u t-teħid tad-deċiżjonijiet elettroniku; jenfasizza li sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-sistemi, il-parteċipazzjoni elettronika, u b'mod partikolari fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet elettroniku, jeħtieġ tkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern, sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà u t-trasparenza;

10.  Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jitjiebu l-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni elettronika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri u jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippromwovi aktar l-għodod diġitali, bħas-sistemi ta' votazzjoni elettronika u l-petizzjonijiet elettroniċi, li għandhom l-għan li jtejbu u jħeġġu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji fil-proċess tat-tfassil ta' politika tal-UE;

11.  Jinnota li l-użu tal-apparat mobbli żdied b'mod sinifikanti matul l-aħħar ħames snin, filwaqt li terz biss tas-siti elettroniċi pubbliċi huma aċċessibbli fuq apparat mobbli; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jivvalutaw il-possibbiltajiet li jiżviluppaw soluzzjonijiet mobbli għas-servizzi tal-gvern elettroniku, u jiżguraw l-użu faċli għall-utent u l-aċċessibbiltà tagħhom għal kulħadd; jenfasizza li sabiex l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-gvern elettroniku tkun valida għall-futur, is-siti web u l-istrumenti tal-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ jinżammu aġġornati mat-teknoloġija moderna u r-rekwiżiti ta' ċibersigurtà li dejjem qed jevolvu;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jużaw l-akkwist elettroniku fix-xiri ta' provvisti u servizzi jew fil-ħruġ ta' offerti għal xogħlijiet pubbliċi, u b'hekk l-infiq pubbliku jsir aktar trasparenti u effiċjenti u jwassal għal inqas spejjeż u inqas burokrazija; jistieden ukoll lill-Istati Membri jżidu l-użu ta' reġistri tal-kuntratti u firem elettroniċi interoperabbli fis-setturi pubbliċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri ta' akkwist publiku jkunu trasparenti u li l-informazzjoni tkun disponibbli f'ħin reali għal dawk kollha li jipparteċipaw fihom; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-użu tal-kriterji ta' innovazzjoni fl-offerti pubbliċi, b'mod partikolari billi tiżgura li l-offerti ma jimponux soluzzjonijiet iżda jħallu lok għall-offerenti biex jipproponu soluzzjonijiet innovattivi u miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha fuq il-fatturazzjoni elettronika, is-sottomissjoni elettronika u n-notifika elettronika, u tħeġġeġ l-użu tal-identifikazzjoni elettronika fis-sistemi interni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jitjiebu r-responsabbiltà u t-traċċabbiltà fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha f'sistemi bħal dawn;

13.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati servizzi pubbliċi transfruntiera sikuri, affidabbli u interoperabbli, filwaqt li tiġi evitata aktar frammentazzjoni u jingħata appoġġ lill-mobbiltà; jenfasizza li l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni huma fost l-elementi ewlenin għall-implimentazzjoni tal-gvern elettroniku, u għalhekk jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21" u anke, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà; jenfasizza li l-użu ta' standards miftuħa huwa fundamentali biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-pjattaformi tal-gvern, u jenfasizza li l-istandards jeħtieġ jaqdu l-interessi tas-soċjetà kollha kemm hi billi jkunu inklużivi, ġust u validi għall-futur, u li jiġu żviluppati b'mod miftuħ u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jippromwovu standards miftuħa fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali pubbliċi u jagħtu aktar attenzjoni lill-interoperabbiltà u l-benefiċċji potenzjali tal-użu effikaċi tat-teknoloġija diġitali;

14.  Jiddispjaċih li, fl-2015, 28 % biss tad-djar Ewropej fiż-żoni rurali kellhom konnessjoni tal-internet fissa rapida u li l-kopertura medja fl-UE tal-4G, minkejja li hija ta' 86 % fl-UE kollha hija ta' 36 % biss fiż-żoni rurali, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti ta' appoġġ kontinwu għall-espansjoni tal-broadband, speċjalment fiż-żoni rurali, peress li l-aċċess għal konnessjoni broadband b'veloċità għolja hija indispensabbli għall-użu u għall-benefiċċju mis-servizzi tal-gvern elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, ikomplu jipprovdu finanzjament adegwat għall-espansjoni tal-broadband, l-infrastruttura tas-servizzi diġitali u l-interazzjoni transkonfinali tal-amministrazzjoni pubblika wara l-2020, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew programmi oħra adatti tal-UE, sabiex b'hekk tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul; jistieden lill-operaturi, f'dan ir-rigward, jinvestu aktar fl-infrastruttura biex titjieb il-konnettività fiż-żoni rurali u jiżguraw li anke ż-żoni rurali jibbenefikaw minn netwerks ta' kapaċità għolja ħafna fl-għamla ta' 5G, peress li din se tkun parti kostituttiva ewlenija tas-soċjetà diġitali tagħna;

15.  Jenfasizza li l-użu sħiħ ta' infrastrutturi sikuri, adegwati, reżiljenti, affidabbli u ta' prestazzjoni għolja, bħal netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-broadband ultraveloċi, huwa essenzjali għall-funzjonament tas-servizzi tal-gvern elettroniku; jitlob, għalhekk, li l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jiġi adottat b'mod rapidu biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi Ewropej; iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jinżammu aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi u jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jadottaw teknoloġiji innovattivi, bħall-big data u l-internet tal-oġġetti, jew l-użu ta' servizzi mobbli, bħall-5G, li jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti;

16.  Iqis li l-użu mill-ġdid tal-moduli tekniċi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fis-settur pubbliku u dak privat huwa essenzjali għall-funzjonament tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti kemm is-sostenibbiltà fit-tul tal-moduli tekniċi tas-CEF kif ukoll ir-riżultati ta' proġetti pilota fuq skala kbira u tal-ISA2 lil hinn mill-2020; jenfasizza l-potenzjal offrut mill-inizjattiva Wifi4EU fil-promozzjoni tal-aċċess universali għal netwerks ta' veloċità għolja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, struttura ta' governanza fit-tul bl-għan li jintlaħqu l-miri tas-Suq Uniku Diġitali, li għandu jkollu l-prijorità li jirreaġixxi għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji, u li għandu jippromwovi, kull fejn ikun possibbli, l-użu ta' standards komuni;

17.  Jinnota li l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi għal servizzi pubbliċi intensivi mil-lat ta' dejta, bħalma hu l-użu tas-servizzi ta' cloud computing, għadha kajmana u frammentata; ifakkar li servizzi bħal INSPIRE jiġġeneraw volumi kbar ta' dejta, u dan jirrikjedi kapaċità informatika ta' livell ogħla; jilqa', f'dan ir-rigward, l-"Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing" tal-Kummissjoni u jqis li l-bażi tal-utenti tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandha tiġi estiża għas-settur pubbliku;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u l-użu tiegħu, u biex tagħmlu punt uniku ta' servizz għall-informazzjoni legali rilevanti kollha u għall-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri; jinnota, madankollu, li mhux il-partijiet għall-proċedimenti kollha għandhom aċċess ugwali u l-ħiliet neċessarji biex jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u dan jista' jfisser li l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja jkun limitat; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex persuni b'diżabilità jingħataw aċċess għall-Portal tal-Ġustizzja Elettronika;

19.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-e-CODEX, li jippermetti komunikazzjoni diretta bejn iċ-ċittadini u l-qrati fl-Istati Membri kollha, bħala pass importanti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għas-servizzi pubbliċi;

20.  Jifraħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħhom biex jintroduċu l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI), li huwa siewi ħafna għar-riċerka legali u d-djalogu ġudizzjarju, u jilqa' l-ħolqien tal-magna tat-tiftix tal-ECLI, li għandha tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni legali fl-Unjoni kollha;

21.  Itenni l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet diġitali tal-persunal amministrattiv, kif ukoll dawk taċ-ċittadini u n-negozji kollha, permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ ta' attivitajiet ta' taħriġ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ikun minimizzat ir-riskju ta' esklużjoni diġitali, u li jiġu introdotti korsijiet ta' taħriġ speċjalizzati dwar is-servizzi tal-gvern elettroniku għall-impjegati taċ-ċivil u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; jenfasizza li l-ħiliet diġitali huma prerekwiżit assolut għall-parteċipazzjoni fil-gvern elettroniku; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kurrikuli ta' tagħlim elettroniku rikonoxxuti fis-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS); iqis li element ewlieni għall-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa żieda kontinwa fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati u evitati d-distakki diġitali bejn iż-żoni ġeografiċi, bejn il-persuni minn livelli soċjoekonomiċi differenti u bejn il-ġenerazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jilqgħu s-suġġerimenti fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku li jippermettu liż-żgħażagħ, b'mod partikolari, jinteraġixxu ma' korpi amministrattivi b'modi li jirriflettu d-drawwiet komunikattivi tagħhom f'oqsma oħra ta' ħajjithom, u jenfasizza wkoll li t-tagħlim tal-ħiliet diġitali huwa partikolarment importanti fil-każ tal-anzjani, li spiss ma jkollhomx ħiliet jew fiduċja fl-użu tas-servizzi elettroniċi; iqis li l-Istati Membri għandhom jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kampanji edukattivi, inkluż il-ħolqien ta' netwerks għat-tagħlim tal-litteriżmu medjatiku, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-kapaċitajiet offruti mill-portali u s-servizzi ġodda tal-gvern elettroniku;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ doppju, online u offline, inklużiv, biex tiġi evitata l-esklużjoni, meta titqies ir-rata attwali ta' illitteriżmu diġitali u l-fatt li aktar minn 22 % tal-Ewropej, speċjalment l-anzjani, jippreferu ma jużawx is-servizzi online meta jinteraġixxu ma' amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza li hemm bosta raġunijiet u ostakli li jwasslu biex persuna tirrifjuta li tuża s-servizzi online u li għandhom jiġu indirizzati jew eliminati, bħalma huma nuqqas ta' għarfien, nuqqas ta' ħiliet, nuqqas ta' fiduċja u perċezzjonijiet żbaljati; jemmen li sabiex tiġi evitata l-esklużjoni diġitali jew distakk diġitali aktar profond, għandhom jiġu żgurati l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi tal-gvern elettroniku għaċ-ċittadini li jgħixu f'żoni rurali, muntanjużi jew remoti;

23.  Jenfasizza li l-qalba għad-diġitali tista' ġġib magħha ffrankar fl-ispejjeż għall-awtoritajiet pubbliċi; jifhem li d-diġitalizzazzjoni u sfidi oħra li joriġinaw mill-pakketti ta' modernizzazzjoni sikwit jiġu indirizzati f'kuntest ta' restrizzjonijiet baġitarji, u li, b'mod partikolari, l-awtoritajiet reġjonali u lokali għad għandhom quddiemhom piż ta' xogħol enormi fis-snin li ġejjin li għalhekk se jkun jeħtieġ mhux biss l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali bbażati fuq standards miftuħa, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għall-manutenzjoni u tiżdied l-innovazzjoni, iżda wkoll il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jenfasizza li l-kosteffettività se tidher maż-żmien peress li l-investiment fid-diġitalizzazzjoni se tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fil-futur; jenfasizza li, sadanittant, il-bżonn ta' approċċ online u offline jibqa' inevitabbli;

24.  Jirrimarka li, meta tiġi kkunsidrata d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi individwali, iridu jitqiesu l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-interess pubbliku prevalenti;

Gvern elettroniku transfruntier fil-livelli amministrattivi kollha

25.  Jenfasizza l-importanza li tinħoloq infrastruttura transfruntiera sostenibbli tal-gvern elettroniku bil-għan li tissimplifika l-aċċess tal-erba' libertajiet fundamentali u l-eżerċizzju tagħhom;

26.  Jenfasizza l-importanza ta' servizzi transfruntiera tal-gvern elettroniku għaċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, u jenfasizza l-benefiċċji li jkompli jiġi żviluppat Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) u l-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-EURES, kif ukoll is-servizzi elettroniċi tas-saħħa transfruntiera;

27.  Jilqa' l-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu żviluppati preskrizzjonijiet diġitali transfruntiera, b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-adozzjoni ta' dawn is-soluzzjonijiet hija kajmana wisq meta jitqiesu l-valur u l-importanza ta' servizzi bħal dawn għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun fis-seħħ qafas xieraq biex titrawwem il-fiduċja bejn l-Istati Membri u jitħaffef l-iżvilupp ta' preskrizzjonijiet diġitali transfruntiera, mill-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tal-iskambji tad-dejta għat-tnedija tal-infrastruttura u s-servizzi diġitali meħtieġa;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa u tippromwovi aktar l-użu tal-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-EURES, permezz ta' integrazzjoni aktar mill-qrib u kollaborazzjoni bejn is-sistemi tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-portal EURES, sabiex tiġi ffaċilitata u tiżdied il-mobbiltà ta' min iħaddem u ta' dawk li jkunu qed ifittxu xogħol fl-Unjoni Ewropea;

29.  Jenfasizza li s-servizzi tas-saħħa elettronika jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini billi jipprovdu lill-pazjenti kura tas-saħħa aktar aċċessibbli, kosteffikaċi u effiċjenti;

30.  Iqis li għall-funzjonament sħiħ tas-servizzi transfruntiera tal-gvern elettroniku jeħtieġ jiġu indirizzati l-ostakli lingwistiċi, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera, għandhom jagħmlu l-informazzjoni u s-servizzi tagħhom disponibbli bil-lingwi tal-Istat Membru tagħhom iżda anke b'lingwi Ewropej rilevanti oħra;

31.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki, eżempji u esperjenza ta' proġetti fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejn Stat Membru u ieħor; jirrikonoxxi l-fatt li r-riżultati tal-proġetti pilota fuq skala kbira ffinanzjati mill-UE, bħal eSENSE, eCODEX u TOOP, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib tas-servizzi transfruntiera fl-Ewropa;

32.  Huwa tal-fehma li monitoraġġ komprensiv tal-prestazzjoni tal-gvern elettroniku fl-Istati Membri għandu jiżgura li l-metodoloġija tal-prestazzjoni tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali b'mod adegwat; jenfasizza l-benefiċċji ta' prestazzjoni mkejla b'mod affidabbli fl-Istati Membri għal dawk li jfasslu l-politika u l-opinjoni pubblika;

33.  Jirrimarka li l-interoperabbiltà, l-istandards miftuħa u d-dejta miftuħa mhumiex biss fundamentali f'kuntest transfruntier iżda huma meħtieġa wkoll fil-livell amministrattiv nazzjonali, reġjonali u lokali f'kull Stat Membru, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa tal-protezzjoni tad-dejta fit-trasferiment tal-informazzjoni;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jkunu ta' eżempju fil-qasam tal-gvern elettroniku u joffru portal trasparenti u faċli biex jintuża għaċ-ċittadini u n-negozji, kif ukoll servizzi diġitali minn tarf għall-ieħor, b'mod partikolari għall-applikazzjoni għall-fondi tal-UE u l-akkwist pubbliku, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tagħha fit-traduzzjoni tas-siti web tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE kollha u tenfasizza l-aħjar prattiki;

Il-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà

35.  Jenfasizza li l-fiduċja taċ-ċittadini fil-protezzjoni tad-dejta personali hija fundamentali biex jiġi żgurat is-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020, u jenfasizza li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ jittrattaw id-dejta personali b'mod sikur u f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u mar-regoli tal-UE dwar il-privatezza, biex b'hekk tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi diġitali;

36.  Jenfasizza li fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għandu jiġi kkunsidrat ukoll pjan dwar is-saħħa elettronika, peress li dan huwa parti importanti minnu; iqis li l-ġbir u t-trasferiment tad-dejta għandhom jitjiebu u li t-trasferiment tad-dejta transfruntier għandu jkun jista' jsir jekk ikun meħtieġ f'ċerti każijiet, peress li dan jiffaċilita l-forniment tas-servizzi tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

37.  Jirrimarka li, fl-istess ħin, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta m'għandhiex titqies bħala ostaklu, iżda pjuttost għandha titqies bħala punt tat-tluq għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' gvern elettroniku, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' gwida effikaċi dwar l-applikazzjoni tal-GDPR, kif ukoll ta' skambju kontinwu mal-partijiet ikkonċernati;

38.  Jinnota li 15 % biss tal-Ewropej jiddikjaraw li għandhom sens ta' kontroll sħiħ fuq l-użu tad-dejta personali tagħhom; iqis li huwa importanti li jkompli jiġi esplorat il-prinċipju tas-sjieda tad-dejta, u jemmen li l-miżuri meħuda fil-futur ikunu jistgħu jibnu fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" u proposti relatati oħra;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u kompluta tar-Regolament eIDAS, peress li l-firem elettroniċi, l-identifikazzjoni elettronika u l-awtentifikazzjoni elettronika huma l-partijiet kostituttivi bażiċi tas-servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera; jenfasizza l-importanza li titħeġġeġ l-adozzjoni ta' skemi tal-eID notifikati skont ir-Regolament eIDAS min-naħa taċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-adozzjoni ta' dawn il-faċilitaturi ewlenin għandha tkun prijorità kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku fl-iżvilupp tas-servizzi diġitali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tieħu azzjoni biex tiffaċilita u tippromwovi l-kooperazzjoni pubblika-privata fl-użu transfruntier u transsettorjali tal-identifikazzjoni u l-firem diġitali; jilqa' wkoll il-Programm ISA2, li jkopri l-politiki kollha tal-UE li jirrikjedu l-interoperabbiltà tas-sistemi li jitħaddmu fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

40.  Jenfasizza li miżuri biex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu protetti miċ-ċiberattakki u jkunu kapaċi jifilħu għal dawn l-attakki huma importanti ħafna u jeħtieġ li jiġu żviluppati; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ fil-livell Ewropew f'dan ir-rigward, b'mod partikolari minħabba li l-prinċipju ta' darba biss, li huwa komponent tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020, jiddependi fuq l-iskambju tad-dejta taċ-ċittadini bejn il-korpi amministrattivi Ewropej;

41.  Jenfasizza li s-sigurtà tad-dejta trid titqies mill-fażi tad-disinn tal-applikazzjonijiet, li jeħtieġ ikunu moderni u faċli biex jiġu mmaniġġjati, u ta' proċessi amministrattivi, li jkunu effiċjenti ("sigurtà fid-disinn") sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġiji moderni;

°

°  °

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 258E, 7.9.2013, p. 64.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0089.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur tilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku, imressaq mill-Kummissjoni Ewropea, li jistabbilixxi miri ambizzjużi li għandhom jintlaħqu fis-snin li ġejjin. Għall-kuntrarju tal-Pjan ta' Azzjoni għall-perjodu 2011-2015, il-miżuri attwali qegħdin f'qafas ta' kuntest usa' u jiffurmaw parti mill-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni. B'hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ostakli diġitali li jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali jeżistu mhux biss fis-settur privat iżda anke fis-settur pubbliku.

Fil-fatt, is-setturi kollha qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti imposti mit-trasformazzjoni f'soċjetà diġitali. Mhux biss il-pass ta' din it-trasformazzjoni huwa sorprendenti, iżda anke l-mezzi teknoloġiċi disponibbli jew li waslu biex jiġu implimentati jidhru li joffru possibbiltajiet mhux magħrufa. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jridu jkunu lesti li jipparteċipaw b'mod attiv f'dan il-proċess ta' trasformazzjoni u jagħmlu s-servizzi tagħhom adatti għall-futur.

L-amministrazzjoni pubblika taqleb għad-diġitali

L-amministrazzjoni pubblika trid titqiegħed f'pożizzjoni fejn tagħmel l-aħjar użu mill-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni. Dan il-potenzjal huwa marbut kemm mal-fluss intern kif ukoll dak estern tal-ħidma tal-amministrazzjoni peress li l-impjegati jistennew li jaħdmu u ċ-ċittadini u n-negozji jistennew li jipparteċipaw f'ambjent diġitali aġġornat.

Amministrazzjoni diġitalizzata trid tkun miftuħa, effiċjenti u inklużiva, billi tipprovdu servizzi pubbliċi diġitali minn tarf għall-ieħor, bla fruntieri, personalizzati u faċli biex jintużaw miċ-ċittadini u n-negozji. Bħala prekundizzjoni, is-servizzi pubbliċi jeħtieġ ikunu pprovduti b'mod diġitali fejn ikun possibbli (diġitali b'mod awtomatiku). Fl-istess ħin, iċ-ċittadini u n-negozji m'għandhomx jintalbu jagħtu l-istess informazzjoni diversi drabi (il-prinċipju ta' darba biss). Il-forniment ripetut ta' informazzjoni identika mhux biss ipoġġi piż addizzjonali fuq il-partijiet kollha involuti iżda, fl-istess ħin, jindika li l-amministrazzjoni pubblika ma tkunx qed tagħmel użu tajjeb mill-potenzjal tas-soluzzjonijiet diġitali u, konswegwentement, tkun qed timmultiplika bla bżonn il-proċessi interni.

Iżda l-istrateġiji futuri mhumiex biss dwar il-forniment tad-dejta iżda anke dwar l-aċċessibbiltà. Minn perspettiva tal-Unjoni, l-ewwel u qabel kollox dan jikkonċerna informazzjoni relatata mas-Suq Uniku – bħalma l-Kummissjoni qed tirrimarka b'mod tajjeb. Il-ħolqien ta' Portal Diġitali Uniku għandu ċertament jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji.

Iżda l-Unjoni diġà laħqet miri oħra f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċessibbiltà: Bid-Direttiva l-ġdida dwar l-Aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli(1), il-leġiżlaturi tal-UE saħħew l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi online. L-Istati Membri issa għandhom l-obbligu li jagħmlu s-siti elettroniċi aktar faċli biex jintużaw mhux biss mill-persuni b'diżabilità iżda fl-aħħar mill-aħħar mill-utenti kollha.

F'dan il-kuntest irid jiġi nnutat li llum, aktar minn 83 % tad-djar Ewropej għandhom aċċess għall-internet u għadha għaddejja t-tendenza għal aktar u aktar tnedija ta' apparat mobbli. Fl-istess waqt, terz biss tas-siti elettroniċi pubbliċi huma aċċessibbli fuq apparati mobbli. Din l-analiżi twassal għall-konklużjoni li hemm potenzjal sinifikanti biex jiżdiedu s-soluzzjonijiet għas-servizzi mobbli tal-gvern elettroniku.

L-utenti jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dejta miftuħa. Kemm id-dejta pubblika kif ukoll dik privata jistgħu jitqiesu bħala r-riżorsa l-ġdida tas-seklu 21. Huwa importanti li l-istrateġiji tad-dejta miftuħa jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji jużaw l-informazzjoni tas-settur pubbliku b'mod ħieles. L-użu ħieles ta' dejta bħal din jista' jrawwem soluzzjonijiet innovattivi, jagħti spinta lill-effiċjenza u lit-trasparenza u fl-aħħar nett jgħin fil-bidla lejn soċjetà verament imsejsa fuq l-għarfien. Xi Stati Membri bħall-Estonja, bil-portal tagħha ta' dejta miftuħa (opendata.riik.ee), huma aktar avvanzati minn oħrajn. Eżempju ieħor huwa l-Ġermanja, fejn il-gvern federali qiegħed attwalment imexxi proġett pilota taħt govdata.de. L-Istati Membri huma mitluba jiksambjaw informazzjoni rilevanti fejn possibbli sabiex isir progress f'dan il-qasam.

L-aċċessibbiltà għal darb'oħra hija l-prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni fit-tfassil pubbliku tal-opinjoni. Il-parteċipazzjoni elettronika tippermetti liċ-ċittadini jieħdu sehem faċilment u b'mod attiv fit-tfassil tal-politika u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu akbar mill-konsultazzjoni elettronika, l-informazzjoni elettronika u d-deċiżjoni elettronika.

Bir-raġun, il-Kummissjoni tħabbar appoġġ ulterjuri għall-Istati Membri għat-tranżizzjoni lejn l-użu sħiħ tal-akkwist elettroniku, inkluż ħidma fuq l-istandards tal-fatturazzjoni elettronika, is-sottomissjoni elettronika u n-notifika elettronika. L-iskeda ta' żmien stipulata hija ambizzjuża (2018: offerti elettroniċi, 2019: aċċettazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika) iżda tista' tintlaħaq jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien mill-qrib matul is-sentejn li ġejjin.

Kemm il-proċess ta' trasformazzjoni pubbliku kif ukoll dak privat qed iseħħu f'kuntest ta' rati ta' illiteriżmu għoljin wisq fl-Ewropa(2) u r-reżistenza minn partijiet tal-popolazzjoni, inklużi l-anzjani, biex jużaw is-servizzi online meta jinteraġixxu ma' amministrazzjonijiet pubbliċi. Madankollu, dan huwa aktar minnu fil-każ tas-settur pubbliku aktar milli f'dak privat: l-ebda ċittadin ma għandu jitħalla lura. Ir-rapporteur għalhekk tara l-ħtieġa ta' taħlita ta' inizjattivi online u offline li joffru servizzi ta' kwalità għolja liċ-ċittadini u lin-negozji u jimpedixxu l-esklużjoni ta' partijiet tas-soċjetà.

It-tranżizzjoni b'suċċess lejn il-futur diġitali trid tiġi appoġġjata minn standards tal-ogħla livell li mhux biss jipprovdu qafas prevedibbli u investiment stabbli, iżda li jwittu t-triq għat-titjib tal-kwalità, is-sikurezza, it-trasparenza u l-interoperabbiltà tal-prodotti u s-servizzi. Il-Kumitat IMCO bħalissa qed jaħdem fuq rapport fuq inizjattiva proprja(3) bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Standards Ewropej għas-Seklu 21"(4). Daqstant ieħor importanti huma inizjattivi oħra mnedija jew li ser jitnedew mill-Kummissjoni, fosthom l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

Mingħajr konnettività xierqa, hemm ir-riskju li s-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku jgħaddu inosservati. Minbarra miżuri oħra bħall-kopertura 5G eċċ., l-espansjoni tal-broadband hija kruċjali biex jinħoloq aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali b'mod partikolari fiż-żoni rurali. Mingħajr fondi pubbliċi adegwati mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-espansjoni tal-broadband ma tkunx tista' titwettaq. Għaldaqstant, huwa ta' importanza kbira li l-investimenti jkunu appoġġjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew programmi oħra adatti tal-UE.

Hemm bżonn ukoll aktar fondi għat-taħriġ xieraq tal-persunal amministrattiv, iċ-ċittadini u n-negozji. Għal darb'oħra, se jkun meħtieġ kofinanzjament fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġu żviluppati programmi ta' taħriġ ambizzjużi li jkollhom l-għan li jimminimizzaw ir-riskju ta' esklużjoni diġitali.

Madankollu, minkejja l-ottimiżmu kollu, ir-rapporteur tirrikonoxxi li d-diġitalizzazzjoni għandha l-limiti tagħha. Fil-parti l-kbira, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tabilħaqq għandha l-potenzjal li ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza. Iżda xi servizzi xorta jeħtieġ li jitwettqu minn persunal imħarreġ kemm fuq ix-xogħol kif ukoll għalih. Pereżempju, teknoloġiji moderni jistgħu ċertament iġibu magħhom benefiċċji għall-kontroll pubbliku tal-ekonomija fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji. Madankollu, hemm limitazzjonijiet għal kisbiet fl-effiċjenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-verifika tal-istandards tal-iġjene fir-ristoranti, fejn l-ispezzjonijiet fuq il-post għadhom indispensabbli.

Konsegwentement, il-miżuri ta' modernizzazzjoni jeħtieġ li ma jkunux xprunati biss minn soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni jew minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda mill-ħtieġa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jipprovdu servizzi effiċjenti, effikaċi u faċli biex jintużaw miċ-ċittadin ipprovduti minn persunal imħarreġ tajjeb li jkompli jkun disponibbli fuq il-front desks biex jirrispondi għat-talbiet taċ-ċittadini.

Gvern elettroniku transfruntier fil-livelli amministrattivi kollha

L-Istati Membri kollha u l-Unjoni kif ukoll il-livelli amministrattivi kollha huma affettwati mid-diġitalizzazzjoni. Hija tabilħaqq l-amministrazzjoni tal-Unjoni li għandha tmexxi l-proċess ta' trasformazzjoni bl-eżempju. Biex jingħata eżempju sempliċi: ħafna ċittadini qed jilmentaw li mhuwiex dejjem faċli li ssib informazzjoni rilevanti fis-siti web tal-Kummissjoni. Aċċess miftuħ u trasparenti għall-informazzjoni mhuwiex biss importanti għall-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea, iżda jifforma wkoll parti minn mentalità ta' servizz ta' amministrazzjoni moderna.

Il-momentum irid jintuża biex itejjeb is-servizzi transfruntiera fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Dan huwa l-ewwel u qabel kollox importanti bil-ħsieb li jitħeġġu l-erba' libertajiet fundamentali tas-Suq Intern (eż. assistenza u titjib tal-mobbiltà taċ-ċittadini u tan-negozji). Għas-settur pubbliku jeħtieġ naċċettaw ukoll li: iċ-ċittadini u n-negozji madwar l-Ewropa jistennew li jgawdu l-benefiċji tat-teknoloġija diġitali fi Stati Membri oħra li mhumiex l-Istat Membru ta' residenza tagħhom jew fejn ikunu stabbiliti. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali li jkompli jiġi żviluppat l-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali, il-portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol EURES kif ukoll is-servizzi transfruntiera tas-saħħa elettronika.

B'mod partikolari, fir-reġjuni fruntiera hija evidenti l-importanza tal-ostakli lingwistiċi. Ma nistgħux nitolbu biss liċ-ċittadini tagħna jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom iżda rridu nagħtu l-eżempju u fejn ikun possibbli noffru s-servizzi b'lingwa waħda jew aktar minbarra l-lingwa tal-Istat Membru ta' residenza/stabbiliment fejn ikun hemm domanda reali għal tali lingwa.

Il-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà

Il-qasam tal-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà huwa qasam delikat ħafna fejn l-amministrazzjoni pubblika tista' tagħti l-eżempju billi turi lis-settur privat kif jirrispetta tali prinċipji fundamentali meta jiżviluppa arkitettura teknoloġika ġdida.

Il-protezzjoni tad-dejta hija dritt fundamentali u kien biss dan l-aħħar li l-Unjoni aġġornat il-liġijiet tagħha b'Regolament ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)(5), li se jibda japplika minn Mejju 2018. Il-Kummissjoni għadha kif ippreżentat ukoll l-allinjament tagħha tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta mal-GDPR meta pproċessata mill-istituzzjonijiet tal-UE(6), u Proposta għal Regolament dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi (ir-Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi)(7). Bil-pakkett il-ġdid, l-Unjoni sservi bħala mudell ta' eżempju rigward it-trattament sigur tad-dejta personali. Madankollu, l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, b'mod partikolari fil-livell lokali, se jkollhom bżonn gwida effikaċi dwar l-applikazzjoni tal-GDPR. Gwida bħal din għandha tingħata kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri, u tiġi aġġornata kull meta jkun meħtieġ. B'mod partikolari, din ser tkun tikkonsisti fi skambju ta' fehmiet mal-partijiet ikkonċernati li jipprovdi għarfien importanti dwar kif jinstab bilanċ tajjeb bejn ir-rispett għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta u l-appoġġ għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi tal-gvern elettroniku.

Soluzzjonijiet bħal dawn għandhom jindirizzaw ukoll il-kwistjoni tas-sjieda tad-dejta. Diskussjonijiet rilevanti, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-settur privat, kienu għadhom kif ġew varati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data"(8). Il-miżuri previsti fiha dwar is-sjieda tad-dejta u miżuri oħra bħalma huma l-aċċess għad-dejta u t-trasferiment tagħha se jkollhom rwol importanti wkoll fil-bini ta' qafas politiku xieraq għall-amministrazzjoni pubblika. Id-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha jipprovdi aktar dettalji dwar kif din il-kwistjoni tista' tiġi indirizzata fil-futur(9).

Is-sigurtà u l-fiduċja huma żewġ pilastri supplimentari tal-strateġiji moderni tal-gvern elettroniku. L-inizjattivi kollha jridu jibnu fuq miżuri siguri li, għal darb'oħra, irawmu l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji li hija meħtieġa biex jaslu jaċċettaw u japplikaw offerti diġitali min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika. Fir-rigward tas-sigurtà, il-miżuri tal-Unjoni huma diġà fuq il-mejda lesti biex jiġu adottati. Pereżempju, ir-Regolament eIDAS diġà jipprovdi ambjent regolatorju għall-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċittadini u n-negozji biex iwettqu interazzjonijiet elettroniċi siguri permezz ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika. Il-firem elettroniċi u l-awtentikazzjoni elettronika huma servizzi fiduċjarji importanti li għandhom jiġu utilizzati mill-amministrazzjoni pubblika fil-futur.

Fl-aħħar nett, is-sigurtà fid-disinn trid tkun prinċipju ta' kwalunkwe strateġija ta' diġitalizzazzjoni, inkluż il-gvern elettroniku. Sfortunatament, kienu l-Istati Membri li mblukkaw l-inklużjoni tal-amministrazzjoni pubblika fl-hekk imsejħa Direttiva NIS dwar iċ-ċibersigurtà(10). Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll il-prinċipji tal-politika tagħha dwar is-sigurtà ċibernetika fil-komunikazzjoni tagħha tal-2016 "Insaħħu r-Reżiljenza tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u Nrawmu Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva" (COM(2016)0410, 5.7.2016), fejn is-sigurtà fid-disinn ġiet promossa għall-investimenti ewlenin kollha tal-infrastuttura. Issa wasal iż-żmien li jiġi żgurat li l-prinċipju ta' sigurtà fid-disinn jiġi rrispettat fil-fażi tad-disinn tal-inizjattivi kollha għall-gvern elettroniku.

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-entitajiet tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(2)

Ara, pereżempju, ir-Rapport Finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-Litteriżmu, Settembru 2012.

(3)

2016/2274(INI) Standards Ewropej – implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(4)

COM(2016)0358, 1.6.2016.

(5)

Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(6)

Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE.

(7)

Il-Proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal Regolament dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (ir-Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) (COM(2017)0010 final) 2017/0003(COD).

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009 final).

(9)

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-dejta u kwistjonijiet emerġenti tal-ekonomija tad-dejta Ewropea li jakkumpanja l-komunikazzjoni "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (SWD(2017)0002 final).

(10)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (28.2.2017)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-Pjan ta' Azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku

(2016/2273(INI))

Rapporteur għal opinjoni: (*): Angelika Mlinar

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa element ewlieni tas-Suq Uniku Diġitali; jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020"; jappoġġja l-prinċipji sottostanti tal-Pjan ta' Azzjoni, li se jagħmlu l-amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konsistenti u inklużivi, affidabbli, effiċjenti u trasparenti, filwaqt li jipprovdu servizzi diġitali miftuħa, interoperabbli, interkonnessi u orjentati lejn l-utent, biex b'hekk iċ-ċittadini jiġu awtonomizzati; jilqa' l-fatt li l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi se jitnaqqsu permezz tal-adozzjoni tal-prinċipju ta' darba biss; ifakkar li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' darba biss tista' tiġġenera ffrankar nett annwali fil-livell tal-UE ta' EUR 5 biljun fis-sena; jilqa' t-tnedija tal-Proġett tal-Prinċipju ta' Darba Biss dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' darba biss f'kuntest transfuntier u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-awtoritajiet lokali tar-reġjuni tal-fruntiera f'dan il-proġett;

2.  Jenfasizza li s-servizzi pubbliċi diġitali inklużivi u aċċessibbli huma fattur essenzjali li jirfed it-tfassil u t-twettiq tal-politiki li jippromwovu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għandu jiġi sfruttat sabiex jiżdiedu l-prestazzjoni u l-effikaċja tas-settur pubbliku filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u b'hekk jiżdied l-użu ta' għodod parteċipattivi u jittieħed vantaġġ mill-feedback effiċjenti disponibbli fil-każ ta' pjattaformi diġitali li jagħmlu l-gvern elettroniku adattat għall-finijiet ta' soċjetà li qed tevolvi; jinnota li l-iżviluppi diġitali jistgħu, fost l-oħrajn, inaqqsu d-dewmien fil-pagamenti lill-fornituri, itejbu l-ġbir tat-taxxa u s-sistemi tal-kura tas-saħħa u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji, pereżempju, permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali u r-reġistri ta' insolvenza; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għar-riċerka industrijali bl-għan li jiġu żviluppati prodotti, servizzi u proċessi li għadhom mhux disponibbli fis-suq li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' prestazzjoni u ta' funzjonalità fis-settur pubbliku;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timminimizza l-piżijiet marbuta mal-kummerċ elettroniku transfruntier li jirriżultaw minn reġimi differenti tal-VAT, abbażi tal-esperjenza tal-Mini-One-Stop-Shop (MOSS), sabiex jiġu żgurati konformità aħjar u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji Ewropej;

4.  Jissottolinja l-importanza tas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-għodod u s-servizz disponibbli tal-gvern elettroniku; jemmen li sabiex tiġi evitata l-esklużjoni diġitali jew distakk diġitali aktar profond, għandhom jiġu żgurati l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi tal-gvern elettroniku għaċ-ċittadini li jgħixu f'żoni rurali, muntanjużi u remoti; jitlob li jiġi promoss approċċ inklużiv meta jiġi żviluppat il-Pjan ta' Azzjoni dwar Gvern Elettroniku lejn iċ-ċittadini anzjani u l-gruppi żvantaġġati u dawk li għandhom ħiliet limitati jew diżabilità li tfixkel l-abilità tagħhom li jużaw sistemi jew interfaċċji ġeneralment disponibbli; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ globali u komprensiv għal gvern elettroniku sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni mingħajr xkiel bejn is-servizzi amministrattivi online u dawk offline;

5.  Jenfasizza li ċ-ċittadini mingħajr ħiliet jew għodod diġitali għandu jkollhom aċċess għas-servizzi pubbliċi kollha permezz tal-forom u l-metodi standard, inkluża l-attendenza personali fis-servizzi pubbliċi;

6.  Jissottolinja l-importanza ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar Gvern Elettroniku għar-reġjuni transfruntiera sabiex jiffaċilita l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-SMEs li abitwalment jaħdmu bejn il-fruntieri;

7.  Jitlob l-istabbiliment rapidu tal-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali għat-tisħiħ tal-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali ta' ċittadini mobbli;

8.  Jenfasizza l-bżonn ta' aċċess sigur tad-data u l-iskambju tagħha; jenfasizza li s-servizzi tal-gvern elettroniku għandhom jiġu ddisinjati b'tali mod li jiggarantixxu s-sigurtà tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-data personali b'konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea; jekk ikun neċessarju, għandhom jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u innovattivi biex jiġi żgurat li ċ-ċibersigurtà tkun inkorporata fid-disinn ta' dawn is-servizzi; jirrimarka li t-twettiq ta' dawn il-kundizzjonijiet se jżid il-fiduċja fis-servizzi diġitali u l-użu tagħhom;

9.  Jenfasizza li l-użu sħiħ ta' infrastrutturi sikuri, adegwati, reżiljenti, affidabbli u ta' prestazzjoni għolja, bħal netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-broadband ultraveloċi, huwa essenzjali għall-funzjonament tas-servizzi tal-gvern elettroniku; jitlob, għalhekk, l-adozzjoni rapida tal-EECC biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi Ewropej; iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jinżammu aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi u jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jadottaw teknoloġiji innovattivi bħal pereżempju, il-big data u l-internet tal-oġġetti jew l-użu ta' servizzi mobbli, bħal 5G, li kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti;

10.  Jilqa' l-approċċ dinamiku u flessibbli tal-Pjan ta' Azzjoni; jistieden lill-Bord ta' Tmexxija biex kontinwament jidentifika miri speċifiċi, realistiċi u li jistgħu jitkejlu bbażati fuq indikaturi tal-prestazzjoni biex jagħti spinta lill-innovazzjoni u biex jissorvelja u jirrapporta dwar l-ilħuq tagħhom; huwa tal-fehma li l-benefiċċji tal-gvern elettroniku jkunu ħafna ikbar jekk tiġi kondiviża kemm jista' jkun informazzjoni dwar l-effiċjenza tas-servizzi, biex b'hekk tingħata spinta lill-fiduċja tal-pubbliku fl-użu tiegħu;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi transfruntiera sikuri, affidabbli u interoperabbli, filwaqt li tiġi evitata frammentazzjoni ulterjuri u tiġi appoġġjata l-mobilità fi ħdan is-suq uniku permezz tal-użu sħiħ ta' faċilitaturi ewlenin bħal pereżempju l-karti tal-identità elettroniċi u l-firem elettroniċi siguri ħafna; jinnota li għad hemm nuqqas ta' interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi differenti bejn l-Istati Membri fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali; jilqa' f'dan ir-rigward ir-reviżjoni tal-Istrateġija u l-Qafas Ewropej għall-Interoperabbiltà, jirrakkomanda appoġġ għall-aħjar prattiki, bħal pereżempju l-użu ta' standards miftuħa u softwer b'sors miftuħ u jitlob l-implimentazzjoni rapida tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (eIDAS); jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u mas-settur privat fuq l-iżvilupp ta' servizzi diġitali transfruntieri u minn tarf għall-ieħor abbażi ta' eIDs innotifikati u firem elettroniċi sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni kemm tas-servizzi diġitali kif ukoll tal-identitajiet diġitali sa ma jiġi impimentat bis-sħiħ ir-Regolament eIDAS;

12.  Jilqa' l-programm ISA2, li jkopri l-politiki kollha tal-UE li jirrikjedu l-interoperabbiltà ta' sistemi li jiffunzjonaw fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali u li għalhekk se jagħmilha possibbli li jiġu pprovduti servizzi elettroniċi pan-Ewropej għaċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

13.  Iqis li l-użu mill-ġdid tal-moduli tekniċi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fis-settur pubbliku u dak privat huwa essenzjali għall-funzjonament tal-Infrastruttura ta' Servizz Diġitali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu garantiti kemm is-sostenibbiltà fit-tul tal-moduli tekniċi tas-CEF kif ukoll ir-riżultati minn proġetti "Pilota fuq Skala Kbira" u mill-ISA2 lil hinn mill-2020; jenfasizza l-potenzjal offrut mill-inizjattiva Wifi4EU fil-promozzjoni tal-aċċess universali għal netwerks ta' veloċità għolja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri biex jiżviluppaw struttura ta' governanza fit-tul bl-għan li jiksbu l-miri tas-Suq Uniku Diġitali, li għandu jkollu l-prijorità li jirreaġixxi għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji, u li għandu jippromwovi, kull fejn ikun possibbli, l-użu ta' standards komuni;

14.  Ifakkar li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu kemm jista' jkun ikollhom, data miftuħa b'mod awtomatiku speċjalment meta l-volum tad-data ġġenerata jkun kbir ħafna, bħal fil-każ tal-programm INSPIRE; jenfasizza l-importanza tad-disponibbiltà u l-ħażna siguri tad-data għall-użu mill-ġdid permezz ta' partijiet terzi, filwaqt li jkun hemm konformità mal-qafas leġiżlattiv tal-UE u tal-Istati Membri; jenfasizza r-rwol vitali li s-sħubijiet pubbliċi-privati u s-settur privat jista' jkollhom fl-iżvilupp ta' servizzi u soluzzjonijiet ġodda u innovattivi;

15.  Jinnota li l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi għal servizzi pubbliċi intensivi mil-lat ta' data, bħalma hu l-użu tas-servizzi ta' cloud computing, għadha kajmana u frammentata; ifakkar li servizzi bħal INSPIRE jiġġeneraw volumi kbar ta' data, u dan jirrikjedi kapaċità informatika ta' livell ogħla; jilqa' f'dan ir-rigward l-"Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing" tal-Kummissjoni u jqis li l-bażi tal-utenti tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandha tiġi estiża għas-settur pubbliku;

16.  Jenfasizza li l-ftuħ tad-data pubblika u l-opportunità li tali data tintuża liberament huma l-bażi ta' gvern elettroniku modern u jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' soċjetà miftuħa;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ politiki ta' taħriġ sabiex il-ħaddiema taċ-ċivil jiksbu l-ħiliet elettroniċi neċessarji, u jiżguraw li jkun hemm kampanji ta' informazzjoni għaċ-ċittadini u għan-negozji dwar l-użu u d-disponibbiltà ta' servizzi elettroniċi ġodda;

18.  Jemmen li l-Kummissjoni jista' jkollha rwol ewlieni fil-ħolqien ta' approċċ aktar miftuħ u inklużiv tal-gvern elettroniku, orjentat lejn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tagħha biex tmexxi bl-eżempju, speċjalment fit-traduzzjoni tas-siti web tagħha fil-lingwi tal-UE u fl-enfasizzar tal-aħjar prattiki, mir-rikonoxximent sħiħ tal-eIDs innotifikati u l-firem diġitali, b'konformità mar-Regolament eIDAS, sal-implimentazzjoni ta' proċeduri li jkunu diġitali b'mod awtomatiku partikolarment fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal finanzjament u akkwist pubbliku tal-UE, u jistieden lill-istituzzjonijiet oħra Ewropej biex jagħmlu l-istess kemm jista' jkun malajr; jemmen li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tal-moduli tas-CEF tista' tiffaċilita l-fiduċja u bidla kulturali lejn l-użu ta' servizzi pubbliċi diġitali.

19.  Jemmen li element ewlieni tal-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa t-tkabbir kontinwu fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, u dan jimmultiplika d-domanda għal varji tipi ta' servizzi diġitali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-effetti konsegwenzjali u t-tixrid tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku mas-settur privat;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

1

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nicolas Bay, Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, Cristian-Silviu Buşoi, Reinhard Bütikofer, Angelo Ciocca, Edward Czesak, Jakop Dalunde, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Hans-Olaf Henkel, Kaja Kallas, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Jaromír Kohlíček, Peter Kouroumbashev, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Nadine Morano, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Lieve Wierinck, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson, Notis Marias, Anne Sander, Maria Spyraki


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (2.3.2017)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-pjan ta' azzjoni 2016-2020 tal-UE dwar gvern elettroniku

(2016/2273(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Pavel Svoboda

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika tal-UE huwa għodda essenzjali fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni u l-ġustizzja, u jikkostitwixxi pass importanti fil-kisba tal-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE;

B.  billi aċċess aħjar għall-informazzjoni u ż-żieda fl-użu ta' għodda diġitali mtejba għal formalitajiet relatati mal-liġi tal-kumpaniji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpaniji għandhom iżidu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-ispejjeż tal-kumpaniji;

C.  billi għaddejjin sforzi biex jiġu interkonnessi r-reġistri tan-negozji elettroniċi u tal-insolvenza fl-Unjoni kollha, li huwa importanti għat-trasparenza u ċ-ċertezza legali fis-suq intern;

D.  billi aċċess waħdieni għal dawn ir-reġistri permezz tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika għadu mhux possibbli minħabba d-differenzi fl-istandards tekniċi użati mill-Istati Membri; billi jinħtieġu aktar sforzi sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiddisponu minn għodod ta' gvern elettroniku aċċessibbli, interoperabbli u faċli li jintużaw; billi livell ta' protezzjoni u sigurtà fl-ipproċessar ta' dejta huwa prerekwiżit bażiku għall-użu tal-ġustizzja elettronika, fid-dawl tan-natura tad-dejta involuta fil-ħidma ġudizzjarja;

E.  billi qed isiru sforzi kontinwi sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri permezz tas-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ta' ċerti servizzi amministrattivi;

F.  billi l-użu ta' standards miftuħa huwa fundamentali biex iċ-ċittadini tal-UE jipparteċipaw fil-pjattaformi governattivi, u sabiex iċ-ċittadini ma jiġux sfurzati jużaw programmi speċifiċi għall-bejjiegħ biex jikkomunikaw mal-gvern tagħhom;

G.  billi t-teknoloġiji abilitanti diġitali għandhom jirfdu l-isforzi kollha favur l-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tas-servizzi pubbliċi, ħalli jiġu pprovduti servizzi rapidi u ta' kwalità għolja biex tissaħħaħ il-mobilità taċ-ċittadini u jinħolqu strutturi amministrattivi pubbliċi transfruntiera għan-negozji, sabiex jingħata kontribut għaż-żieda tal-kompetittività u b'hekk l-UE ssir post iktar attraenti fejn wieħed jinvesti u jgħix;

H.  billi qed isiru sforzi biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn sistema sħiħa ta' akkwist elettroniku u l-użu ta' reġistri tal-kuntratti u firem elettroniċi interoperabbli fis-setturi pubbliċi tagħhom;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u l-użu tiegħu, u biex tagħmlu punt uniku ta' servizz għall-informazzjoni legali rilevanti kollha u għall-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri; jinnota, madankollu, li mhux il-partijiet għall-proċedimenti kollha għandhom aċċess ugwali u l-ħiliet neċessarji biex jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u dan jista' jfisser li l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja jkun limitat; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex persuni b'diżabilità jingħataw aċċess għall-Portal tal-Ġustizzja Elettronika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tkompli tiżviluppa l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u l-użu tat-teknoloġija diġitali għal skopijiet kummerċjali u għas-settur pubbliku b'mod ġenerali, sabiex jiġi aċċelerat l-użu transfruntier u transsettorjali tal-identifikazzjoni elettronika (eID), inklużi l-identifikazzjoni mobbli u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (servizzi ta' firem elettroniċi u servizzi eIDAS(1) oħrajn, awtentikazzjoni ta' siti web u servizzi elettroniċi ta' konsenja rreġistrati).

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm dimensjoni umana meta s-servizzi jiġu aġġornati għal format elettroniku, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minn gwida u soluzzjonijiet personalizzati;

4.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' CODEX elettroniku, li jippermetti komunikazzjonijiet diretti bejn iċ-ċittadini u l-qrati fl-Istati Membri kollha, bħala pass importanti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għas-servizzi pubbliċi; jappella, barra minn hekk, għal bażijiet ta' dejta interkonnessi fil-livell tal-UE sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-interoperabilità bejn l-awtoritajiet legali fi ħdan l-UE; ifakkar, madankollu, li s-sigurtà tad-dokumenti u tal-identità, kif ukoll is-sigurtà tan-netwerk, għadhom preokkupazzjoni ewlenija; ifakkar fl-importanza tal-ħarsien tad-dejta privata u tal-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħad-dritt għall-privatezza, fl-implimentazzjoni ta' tali servizzi diġitali;

5.  Jifraħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ħidma tagħhom biex jintroduċu l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI), li huwa siewi ħafna għar-riċerka legali u d-djalogu ġudizzjarju, u jilqa' l-ħolqien tal-magna tat-tiftix tal-ECLI, li għandha tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni legali fl-Unjoni kollha;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar modi biex tippromwovi soluzzjonijiet diġitali għall-formalitajiet matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kumpanija, l-arkivjar elettroniku tad-dokumenti tal-kumpaniji u l-għoti ta' informazzjoni transfruntiera jew ta' tip ieħor għar-reġistri tan-negozji; jinnota li f'dan il-qasam il-leġiżlazzjoni taf tkun l-uniku mod biex jinħoloq qafas legali xieraq għal soluzzjonijiet diġitali madwar l-UE kollha;

7.  Jenfasizza li l-governanza elettronika hija partikolarment importanti għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, li huma limitati f'termini ta' forza tax-xogħol u fondi disponibbli;

8.  Jappella għal koordinazzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tax-xiri u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku sabiex ikomplu jiġu ffaċilitati l-iskambji ta' dejta;

9.  Iqis li, għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-pjan ta' azzjoni, hemm bżonn ta' skadenzi ċari, flimkien ma' miżuri ċari maħsuba biex inaqqsu l-burokrazija;

10.  Iqis li, sabiex tkun tista' ssir implimentazzjoni pan-Ewropea tempestiva tal-pjan ta' azzjoni, l-Istati Membri għandhom jintroduċu korsijiet ta' taħriġ speċjalizzati dwar is-servizzi ta' gvern elettroniku għall-impjegati taċ-ċivil u għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

11.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw kampanji edukattivi u ta' komunikazzjoni, sabiex iċ-ċittadini tal-UE jagħmlu użu sħiħ tal-kapaċitajiet li joffru s-servizzi u l-portali l-ġodda tal-gvern elettroniku;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta' mekkaniżmi ċentralizzati awtomatizzati li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tempestiva ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha jew li tikkontrolla art u bini fit-territorju tagħhom, sabiex jipprevjenu l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament ta' terroriżmu; iqis li din l-informazzjoni għandha tkun direttament aċċessibbli, f'livell nazzjonali, għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) u għall-awtoritajiet kompetenti, u għandha tkun aċċessibbli u disponibbli għat-tiftix permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati mill-UIF ta' Stati Membri oħra;

13.  Iqis li l-ħidma fuq l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri tan-negozji u tal-insolvenza tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ, u jenfasizza l-importanza ta' din l-interkonnessjoni għas-suq intern; jenfassizza li kwalunkwe informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għandha timxi fuq mudell jew qafas Ewropew komuni;

14.  Iħeġġeġ il-ftuħ tad-dejta u tas-servizzi tas-settur pubbliku bil-ħsieb li jitrawmu opportunitajiet ġodda għall-għarfien, għat-tkabbir u għall-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu standards miftuħa fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali pubbliċi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi u timplimenta sett ta' miżuri li jagħtu lin-negozji l-opportunità li jitfgħu offerti għal kuntratti ta' akkwist pubbliku b'mod elettroniku madwar l-UE, b'enfasi fuq l-iżvilupp ta' sistemi elettroniċi nazzjonali ta' akkwist pubbliku, tad-dokument Ewropew uniku għall-akkwist, tal-e-Certis u tal-fatturazzjoni elettronika;

16.  Iqis li f'dan il-kuntest huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw fl-iżvilupp ta' prototip ta' katalogu Ewropew tal-istandards tal-ICT dwar l-akkwist sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabilità fl-akkwist ta' soluzzjonijiet diġitali billi titħeġġeġ ir-referenza għal settijiet komuni ta' standards u profili tal-ICT fl-akkwist pubbliku;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed twettaq il-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) tagħha, tagħti aktar attenzjoni lill-interoperabilità u lill-benefiċċji potenzjali tal-użu effettiv tat-teknoloġija diġitali meta tiġi biex tirrevedi l-acquis eżistenti tas-suq intern u meta tkun qed tabbozza proposti ġodda.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Evelyne Gebhardt, Virginie Rozière, Tiemo Wölken

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky

(1)

Sett ta' standards għal identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq uniku Ewropew. Dan ġie stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.4.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Morten Løkkegaard, Eva Maydell, Marlene Mizzi, Marcus Pretzell, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Antanas Guoga, Franz Obermayr, Ulrike Trebesius, Sabine Verheyen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Pál Csáky, Andor Deli, Dieter-Lebrecht Koch


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

32

+

ALDE

Dita Charanzová, Morten Løkkegaard, Jasenko Selimovic

ECR

Daniel Dalton, Ulrike Trebesius, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Marco Zullo

PPE

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Andor Deli, Antanas Guoga, Dieter-Lebrecht Koch, Eva Maydell, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Sabine Verheyen

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler

VERTS/ALE

Pascal Durand, Igor Šoltes

2

-

EFDD

David Coburn

GUE/NGL

Dennis de Jong

3

0

EFDD

Robert Jarosław Iwaszkiewicz

ENF

Franz Obermayr, Marcus Pretzell

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza