RAPPORT dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja

4.5.2017 - (2016/2220(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Amjad Bashir

Proċedura : 2016/2220(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0182/2017
Testi mressqa :
A8-0182/2017
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja

(2016/2220(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom dawk li jirrigwardaw id-dritt għal ċittadinanza, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi, il-Konvenzjoni tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti l-oħrajn tan-NU fil-qasam tal-apolidija u tad-dritt għal ċittadinanza, bħall-konklużjoni nru 106 dwar l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-apolidija u l-protezzjoni tal-apolidi tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)[1], approvata mir-riżoluzzjoni 61/137 tal-2006 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Kampanja Globali biex tintemm l-Apolidija sal-2024 tal-UNHCR[2] kif ukoll il-Kampanja Globali għad-Drittijiet għal Ċittadinanza Indaqs appoġġata mill-UNHCR, mill-UN Women u minn oħrajn, u approvata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-15 ta' Lulju 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-tiċħid arbitrarju taċ-ċittadinanza[3],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna[4], adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-25 ta' Ġunju 1993,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ġenerali nru 32 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa dwar id-dimensjoni relatata mal-ġeneru tal-istatus tar-rifuġjati, l-asil, iċ-ċittadinanza u l-apolidija tan-nisa[5],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN)[6],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jgħid li "[f]ir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja", l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għall-"qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019[7],

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012[8],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015[9],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi[11],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya[12],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[13],

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Novembru 2014 tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni bit-titolu "Addressing the Human Rights impact of statelessness in the EU’s external action",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0182/2017),

A.  billi r-reġjun tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja jikkonsisti minn dawn il-pajjiżi li ġejjin: l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Brunei, il-Kambodja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Maldivi, il-Myanmar, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapore, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, Timor Leste u l-Vjetnam, li lkoll huma membri, jew għandhom status ta' osservatur, tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) jew tal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC);

B.  billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tafferma li l-individwi kollha jitwieldu ugwali fid-dinjità u fid-drittjiet; billi d-dritt għal ċittadinanza u d-dritt li ċ-ċittadinanza ta' individwu ma tiġix arbitrarjament imċaħħda huma minquxa fl-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll fi strumenti internazzjonali oħrajn li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem; billi, madankollu, l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali għad iridu jilħqu l-objettiv primarju tagħhom li jiżguraw id-dritt għal ċittadinanza ta' kull persuna;

C.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma drittijiet mat-twelid ta' kull bniedem u l-protezzjoni u l-promozzjoni tagħhom jikkostitwixxu l-aktar kompitu importanti ta' gvern;

D.  billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet ratifikata mill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja, tistabbilixxi li t-tfal għandhom jiġu rreġistrati immedjatament wara li jitwieldu u għandu jkollhom id-dritt li jiksbu ċittadinanza; billi huwa stmat li nofs l-apolidi tad-dinja huma tfal u li ħafna minnhom huma apolidi mit-twelid;

E  billi skont id-Dikjarazzjoni tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kull individwu għandu dritt għal ċittadinanza kif preskritt mil-liġi u li l-ebda individwu ma jkun arbitrarjament imċaħħad miċ-ċittadinanza tiegħu, u lanqas ma jkunlu rifjutat id-dritt li jbiddel tali ċittadinanza;

F.  billi l-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tiddefinixxi lill-persuna apolida bħala persuna li l-ebda Stat ma jikkunsidraha bħala ċittadin tiegħu b'applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu; billi l-kawżi tal-apolidija jistgħu jkunu varji, fosthom, bħala eżempju: is-suċċessjoni u d-dissoluzzjoni ta' Stati, in-neċessità li l-persuni jaħarbu minħabba ċirkostanzi eżistenti, il-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll: modifiki u lakuni fil-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza, l-iskadenza taċ-ċittadinanza minħabba li dak li jkun għex żmien twil barra minn pajjiżu, it-tiċħid arbitrarju taċ-ċittadinanza, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, tar-razza, tal-etnija jew ta' raġunijiet oħra, ostakli amministrattivi u burokratiċi fosthom il-ksib jew ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati tat-twelid; billi il-maġġor parti tal-kawżi, jekk mhux dawn kollha, tista' tinsab fil-każijiet ta' apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja;

G.  billi huwa importanti li jkun osservat li l-istatus ta' apolidija ta' persuna huwa kwistjoni distinta mill-istatus ta' rifuġjat; billi l-maġġoranza tal-apolidi qatt ma ħalliet art twelidha jew ma qasmet konfini internazzjonali;

H.  billi l-apolidija hija problema multidimensjonali u twassal għal firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fosthom, iżda mhux biss, il-problemi marbuta maċ-ċertifikati tat-twelid u ma' dokumenti tal-istat ċivili oħrajn, kif ukoll problemi oħrajn marbutin mad-drittijiet tal-proprjetà, mal-esklużjoni mill-programmi tas-saħħa tat-tfal u mis-sistemi skolastiċi pubbliċi, mas-sjieda tal-impriżi, mar-rappreżentanza politika u mal-parteċipazzjoni fil-vot, mal-aċċess għas-sigurtà soċjali u għas-servizzi pubbliċi; billi l-apolidija tista' tikkontribwixxi għat-traffikar tal-bnedmin, għad-detenzjoni arbitrarja, għall-ksur tal-libertà ta' moviment, għall-isfruttament u għall-abbuż tat-tfal u għad-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa;

I.  billi l-apolidija għadha tirċievi attenzjoni internazzjonali limitata minkejja l-implikazzjonijiet globali u reġjonali inkwetanti ħafna tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem, u għadha titqies bħala affari interna tal-Istati; billi t-tnaqqis u, maż-żmien, l-abolizzjoni tal-apolidija jenħtieġ li jsiru prijorità tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell internazzjonali;

J.  billi d-diskriminazzjoni sesswali f'ambitu leġiżlattiv, pereżempju għall-ksib taċ-ċittadinanza jew biex din tgħaddi għall-wild jew għall-konjuġi, għadha preżenti fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja f'pajjiżi bħan-Nepal, il-Malasja u l-Brunei;

K.  billi skont l-istimi tal-UNHCR, it-twelid ta' 135 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin fir-reġjun ma ġiex irreġistrat u huma f'riskju ta' apolidija;

L.  billi t-tmiem tal-apolidija se jwassal ukoll għal aktar demokrazija, billi l-ex apolidi se jiddaħħlu fil-proċess demokratiku u jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fih;

M.  billi l-problema kumplessa tal-apolidija għadha relegata fil-periferija tal-politika u tad-dritt internazzjonali, minkejja li din mhijiex kwistjoni marġinali;

N.  billi l-apolidija ddgħajjef il-prospettivi ta' żvilupp tal-popolazzjonijiet milquta u tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

O.  billi l-Pjan ta' Azzjoni Globali biex tintemm l-Apolidija (2014-2024) tal-UNHCR jimmira li jsostni lill-gvernijiet huma u jsolvu s-sitwazzjonijiet ewlenin eżistenti ta' apolidija, biex ikun evitat li jfeġġu każijiet ġodda u jiġu identifikati u protetti b'mod aħjar il-popolazzjonijiet apolidi; billi l-Azzjoni nru 10 tal-Pjan ta' Azzjoni tindika wkoll il-bżonn ta' titjib tad-data kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-apolidija; billi l-UE impenjat ruħha li ssostni b'mod attiv il-Pjan ta' Azzjoni;

P.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 jaffermaw l-importanza li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-apolidija fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi prijoritarji u li l-isforzi jkunu kkonċentrati fuq il-prevenzjoni tal-ħolqien ta' popolazzjonijiet apolidi bħala konsegwenza ta' kunflitt, spostament jew dissoluzzjoni ta' Stati;

Q.  billi r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja – ħarġiet skont il-pajjiż u r-reġjun tal-20 ta' Settembru 2016 jafferma l-għan tal-UE li żżid il-konsistenza, l-effikaċja u l-viżibilità tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika barranija tal-EU kif ukoll l-għan li jitqawwa l-impenn tal-UE man-Nazzjonijiet Uniti u l-mekkaniżmi reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem biex titrawwem is-sjieda reġjonali u tkun promossa l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, u jsemmi speċifikament li dan jinkludi t-tnedija tal-ewwel djalogu politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-mekkaniżmi fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN);

R.  billi l-UE ddeterminat li se tqiegħed lid-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi;

S.  billi l-apolidija tqanqal il-movimenti tal-popolazzjoni, l-emigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, b'hekk is-sottoreġjun kollu jkun destabbilizzat;

T.  billi ħafna mill-10 miljun persuna apolida fid-dinja jirrisjedu fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, u li r-Rohingya tal-Myanmar huma l-akbar grupp ta' apolidi fid-dinja, b'aktar minn miljun ruħ taħt il-mandat tal-apolidija tal-UNHCR, iżda komunitajiet kbar ta' apolidi jinsabu wkoll fit-Tajlandja, fil-Malasja, fil-Brunei, fil-Vjetnam, fil-Filippini u fi bnadi oħra; billi t-Tibetani apolidi jgħixu f'pajjiżi bħall-Indja u n-Nepal; billi wħud minn dawn il-gruppi jidħlu fi ħdan il-mandat tal-apolidija tal-UNHCR, iżda oħrajn le; billi l-kopertura statistika u r-rapportar dwar il-popolazzjonijiet apolidi fid-dinja kollha mhumiex kompleti peress li mhux il-pajjiżi kollha jżommu statistika dwar din it-tema; billi n-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja t-tnejn għandhom każijiet li ilhom ikarkru u li baqgħu bla soluzzjoni, kif ukoll każijiet li fihom sar progress;

U.  billi f'dawn l-aħħar snin sar progress fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja bis-saħħa ta' emendi tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza li daħħlu dispożizzjonijiet adegwati li jipprevjenu l-apolidija u jippermettu lill-apolidi jiksbu ċittadinanza; billi dawn l-isforzi għandhom bżonn li jissaħħu u l-liġijiet adottati jeħtiġilhom li jiġu osservati fil-prattika;

V.  billi r-Rohingya huma waħda mill-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, jikkostitwixxu wieħed mill-akbar gruppi ta' apolidi, u ilhom uffiċjalment apolidi minn meta ġiet promulgata l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ta' Burma tal-1982; billi r-Rohingya mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet tal-Myanmar u mill-pajjiżi ġirien, għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati; billi fl-Istat ta' Rakhine hemm attwalment il-kunflitti; billi eluf ta' rifuġjati li rnexxielhom jaqsmu l-fruntiera mal-Bangladesh jinsabu fi bżonn iddisprat ta' assistenza umanitarja u qegħdin jintbagħtu lura bil-forza, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi r-Rohingya qegħdin jaħarbu minn politika ta' kastig kollettiv fl-Istat ta' Rakhine, fejn il-forzi ta' sigurtà qegħdin jorganizzaw attakki ta' tpattija indiskriminati li, skont rapporti, jinvolvu l-isparar lejn l-abitanti rurali minn ħelikopters armati, il-ħruq ta' djar, arresti arbitrarji u stupru ta' nisa u bniet; billi, sal-lum, ir-risposti nazzjonali u internazzjonali għad-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u għall-kriżi umanitarja tar-Rohingya ma kinux, fil-biċċa l-kbira, biżżejjed u bosta strumenti għar-riżoluzzjoni tal-problema għadhom ma ġewx eżaminati;

W.  billi mijiet ta' eluf tal-hekk imsejħa "Bihari" ma ġewx ittrattati bħala ċittadini tal-Bangladesh wara l-gwerra tal-indipendenza tal-Bangladesh, meta l-Pakistan irrifjuta r-rimpatriju tagħhom; billi, madankollu, għadd ta' deċiżjonijiet tal-qorti mill-2003 kkonfermaw li l-Bihari huma ċittadini tal-Bangladesh; billi għadd kbir ta' Bihari għadu mhuwiex integrat bis-sħiħ fis-soċjetà u fil-programmi ta' żvilupp tal-Bangladesh u ħafna ma setgħux jeżerċitaw bis-sħiħ drittijiethom li ġew ikkonfermati mill-ġdid;

X.  billi fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja jeżistu ħafna gruppi apolidi oħrajn; billi, madankollu, f'dawn l-aħħar snin kien hemm għadd ta' żviluppi pożittivi, bħal fl-Indoneżja, li aboliet id-diskriminazzjoni sesswali fil-proċedura ta' ksib taċ-ċittadinanza tagħha u rriformat il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tagħha fl-2006 biex il-migranti Indoneżjani li jqattgħu aktar minn ħames snin barra mill-pajjiż ma tiġihomx imċaħħda aktar iċ-ċittadinanza tagħhom jew tali telf ta' ċittadinanza jirriżulta f'apolidija; fil-Kambodja, fejn ir-reġistrazzjoni tat-twelid saret bla ħlas fl-ewwel 30 ġurnata mit-twelid; fil-Vjetnam, li fl-2008, aġevola n-naturalizzazzjoni ta' kull min kien residenti apolidu li ilu aktar minn 20 sena jgħix il-Vjetnam. u fit-Tajlandja, b'segwitu għar-riforma taċ-ċittadinanza u tal-liġijiet dwar ir-reġistrazzjoni ċivili, 23 000 persuna apolida kisbu ċ-ċittadinanza mill-2011;

Y.  billi huwa importantissmu li l-gvernijiet u l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi kollha fir-reġjun jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement u jipproteġu r-rifuġjati, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

Z.  billi l-gruppi apolidi jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-programmi umanitarji li jipprovdu assistenza mil-lat ta' saħħa, ikel, edukazzjoni u nutrizzjoni;

1.  Jinsab imħasseb dwar il-miljuni ta' każijiet ta' apolidija fid-dinja kollha, partikolarment fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-apolidi;

2.  Jinsab estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar; jinsab imkexkex bir-rapporti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-massa u tar-repressjoni u tad-diskriminazzjoni kontinwi tar-Rohingya u bin-nuqqas ta' rikonoxximent tagħhom bħala parti mis-soċjetà tal-Myanmar, f'dik li tidher li hija kampanja koordinata ta' tindif etniku; jisħaq fuq il-fatt li r-Rohingya ilhom ġenerazzjonijiet sħaħ jgħixu fit-territorju tal-Myanmar u għandhom totalment dritt għaċ-ċittadinanza tal-Myanmar, kif kellhom fil-passat, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi kollha li din tinvolvi; iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet tal-Myanmar jerġgħu jagħtu ċ-ċittadinanza tal-Myanmar lill-minoranza Rohingya; iħeġġeġ, barra minn hekk, il-ftuħ immedjat tal-Istat ta' Rakhine għall-organizzazzjonijiet umanitarji, għall-osservaturi internazzjonali, għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u għall-ġurnalisti; jemmen li se jkollhom jiġu organizzati investigazzjonijiet imparzjali bil-għan li dawk responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom; jemmen, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' miżuri urġenti għall-prevenzjoni ta' atti ulterjuri ta' diskriminazzjoni, ostilità u vjolenza fil-konfront tal-minoranzi jew tal-inċitament għal tali atti; jistenna li r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, is-Sa Suu Kyi, tuża d-diversi pożizzjonijiet tagħha fil-Gvern tal-Myanmar biex ir-riżoluzzjoni toqrob;

3.  Jiddispjaċih li l-istatus ta' apolidija, f'ċerti każijiet, jiġi sfruttat biex komunitajiet speċifiċi jiġu emarġinati u jiġu mċaħħda minn drittijiethom; jemmen li l-inklużjoni ġuridika, politika u soċjali tal-minoranzi hija element kruċjali ta' tranżizzjoni demokratika u li r-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-apolidija tkun tikkontribwixxi biex jitjiebu l-koeżjoni soċjali u l-istabilità politika;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-apolidija tista' tikkawża kriżijiet umanitarji notevoli u jtenni li l-apolidi jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-programmi umanitarji; jissottolinja l-fatt li l-apolidija spiss timplika nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għax-xogħol, għal-libertà tal-moviment u għas-sigurtà;

5.  Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' data dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, bi ftit jew l-ebda data disponibbli pereżempju għall-Bhutan, għan-Nepal u għal Timor Leste; jinsab ukoll imħasseb dwar il-fatt li anki meta n-numri kumplessivi huma disponibbli, hemm nuqqas ta' data diżaggregata relatata, ngħidu aħna, man-nisa, mat-tfal u ma' gruppi vulnerabbli oħra; jirrimarka li dan in-nuqqas ta' informazzjoni jagħmilha aktar diffiċli biex jiġu fformulati azzjonijiet immirati, anki fi ħdan il-qafas tal-kampanja tal-UNHCR biex tintemm l-apolidija sal-2014; jinkoraġġixxi bis-saħħa lill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja jipproduċu data diżaggregata pubblika u affidabbli dwar l-apolidija;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jeżistu wkoll eżempji pożittivi, ngħidu aħna l-inizjattiva tal-Filippini ta' Mejju 2016 maħsuba biex tindirizza l-bżonn ta' data dwar l-entità u s-sitwazzjoni tal-apolidija tat-tfal fir-reġjun; jistieden lill-UE toffri l-kooperazzjoni u s-sostenn tagħha biex titfassal mappa komprensiva tal-apolidija u jkunu identifikati l-proġetti intiżi li jtemmu l-apolidija fir-reġjun;

7.  Jinsab imħasseb ħafna bil-fatt li l-Istati tal-Brunei, tal-Malasja u tan-Nepal għandhom leġiżlazzjoni diskriminatorja bbażata fuq il-ġeneru; jisħaq fuq il-bżonn ta' rieżami tad-dispożizzjonijiet relatati mal-liġi dwar iċ-ċittadinanza, b'mod partikolari fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

8.  Jilqa' favorevolment l-iżviluppi pożittivi fir-reġjun kif ukoll l-isforzi fil-Filippini, fil-Vjetnam u fit-Tajlandja, u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi fir-reġjun jikkollaboraw u jikkondividu l-aħjar eżempji u sforzi ħalli tintemm l-apolidija fir-reġjun kollu kemm hu;

9.  Ifakkar fis-sitwazzjoni wara li tintemm l-apolidija fir-reġjun u fil-prinċipju tal-parteċipazzjoni bħala dritt tal-bniedem; jippromwovi l-inklużjoni tal-komunitajiet milquta mill-apolidija u tal-ex popolazzjonijiet apolidi fil-proġetti u fl-ippjanar tal-iżvilupp; jinkoraġġixxi lill-gvernijiet u lill-proġetti ta' żvilupp jindirizzaw il-problema tad-diskriminazzjoni fil-perjodu wara li tintemm l-apolidija, billi jieħdu spunt mill-Artikolu 4(1) tas-CEDAW immirat li jaċċelera l-parità de facto;

10.  Huwa u jirrikonoxxi lis-sovranità nazzjonali fuq kwistjonijiet bħaċ-ċittadinanza, iħeġġeġ lill-pajjiżi b'popolazzjonijiet apolidi jieħdu miżuri konkreti biex isolvu l-kwistjoni tal-apolidija, konformement mal-prinċipji minquxa fil-konvenzjonijiet internazzjonali li huma lkoll irratifikaw, partikolarment il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; josserva n-numru ta' żviluppi pożittivi li ġraw fir-reġjun;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jirrispetta pjan direzzjonali ċar li jippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Paċi taċ-Chittagong Hill Tracts tal-1997 u, b'hekk, ir-riabilitazzjoni tal-persuni Jumma spostati li attwalment jgħixu fl-Indja u huma apolidi;

12.  Jinkoraġġixxi b'enerġija lill-Istati jimplimentaw il-miżura ta' salvagwardja, li hija wkoll minquxa fil-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, li tipprevedi li l-Istat jikkonċedi ċ-ċittadinanza anki lil persuna li twieldet fit-territorju tiegħu li inkella tkun apolida;

13.  Jenfasizza r-rabtiet bejn l-apolidija u l-vulnerabilità ekonomika u soċjali; iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jevitaw it-tiċħid, it-telf jew il-privazzjoni taċ-ċittadinanza fuq bażi diskriminatorja, jadottaw liġijiet ekwi dwar iċ-ċittadinanza u jimplimentaw proċeduri nazzjonali ta' dokumentazzjoni aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji;

14.  Jilqa' pożittivament l-impenn li ħa l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 bil-għan li jittratta l-kwistjoni tal-apolidija fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi prijoritarji, u barra minn dan jilqa' favorevolment l-impenn tal-Kunsill biex isaħħaħ ir-relazzjoni mal-ASEAN; jirrakkomanda li l-enfasi tal-isforzi tmur lil hinn mill-ħolqien ta' popolazzjonijiet apolidi kkawżat minn kunflitt, spostament u dissoluzzjoni ta' Stati u tinkludi aspetti rilevanti oħrajn, bħall-apolidija bħala konsegwenza ta' diskriminazzjoni kif ukoll ta' nuqqas ta' reġistrizzjoni ċivili jew tat-twelid;

15.  Ifakkar fl-azzjonijiet imwiegħda fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 fir-rigward tal-iżvilupp ta' qafas konġunt bejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bl-iskop li jitqajmu l-kwistjonijiet marbuta mal-apolidija fil-pajjiżi terzi; jenfasizza li l-elaborazzjoni u d-disseminazzjoni ta' qafas formali jkunu parti strumentali tas-sostenn tal-Unjoni Ewropea għall-objettiv tal-UNHCR immirat li jtemm l-apolidija fid-dinja sal-2024;

16.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet globali għall-apolidija, flimkien ma' strateġiji reġjonali jew lokali speċifiċi, billi approċċ universali ma jkunx biżżejjed effiċjenti biex jegħleb l-apolidija;

17.  Jemmen li jenħtieġ li l-UE tenfasizza b'aktar qawwa r-riperkussjonijiet ewlenin tal-apolidija fuq il-kwistjonijiet globali bħall-qerda tal-faqar, l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-bżonn li jiġu indirizzati l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;

18.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli nru 16.9, li jipprevedi li l-identità ġuridika u r-reġistrazzjoni tat-twelid għandhom jingħataw lil kulħadd; jiddispjaċih, madankollu, li l-apolidija ma tissemmiex b'mod espliċitu fl-Aġenda 2030, la bħala bażi għal diskriminazzjoni u lanqas bħala objettiv tat-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw l-inklużjoni ta' indikaturi tal-apolidija fil-mekkaniżmi ta' sorveljanza u rapportar tagħhom fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' strateġija ta' komunikazzjoni effikaċi dwar l-apolidija għas-sensibilizzazzjoni tal-kwistjoni; jistieden lill-UE tikkomunika aktar u aħjar dwar l-apolidija, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, u permezz tad-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi terzi kkonċernati, u tikkonċentra fuq il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ġie kommess bħala konsegwenza tal-apolidija;

20.  Jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija komprensiva dwar l-apolidija msejsa fuq żewġ gruppi ta' miżuri; jikkunsidra li l-ewwel grupp għandu jittratta s-sitwazzjonijiet urġenti filwaqt li t-tieni għandu jiddefinixxi l-miżuri fit-tul biex tintemm l-apolidija; jemmen li l-istrateġija għandha tikkonċentra fuq għadd limitat ta' prijoritajiet u li l-UE jenħtieġ li tmexxi bl-eżempju fl-eventwalità ta' sitwazzjonijiet urġenti sabiex tissensibilizza dwar l-apolidija fil-livell internazzjonali;

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istrateġija komprensiva tal-UE dwar l-apolidija għandha tkun adattabbli għal sitwazzjonijiet speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-apolidi; jenfasizza li, bil-għan li jiġu definiti miżuri xierqa, hemm bżonn issir distinzjoni bejn l-apolidija li rriżultat minn nuqqas ta' kapaċità amministrattiva u l-apolidija li rriżultat minn politika diskriminatorja ta' Stat fil-konfront ta' ċerti komunitajiet jew minoranzi;

22.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu prijorità s-sostenn lill-iżviluppi pożittivi fl-indirizzar tal-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja, u jipproponi approċċ politiku komprensiv ġdid li, fost affarijiet oħra:

–  l-Istati jkunu inkoraġġiti jaderixxu għall-Konvenzjonijiet dwar l-Apolidija billi jiġu enfasizzati l-vantaġġi tagħhom fil-kuntatti bilaterali bejn il-parlamenti u l-ministeri u f'livelli oħrajn;

  jingħata sostenn lill-Korpi Settorjali tal-ASEAN u lill-SAARC fl-appoġġ tagħhom favur l-Istati Membri rispettivi tagħhom biex ikomplu jwettqu d-dritt għal ċittadinanza u tintemm l-apolidija;

–  ikun enfasizzat il-valur tal-Konvenzjonijiet dwar l-Apolidija fil-fora multilaterali;

–  issir kollaborazzjoni mal-Istati biex ikunu promossi l-vantaġġi tal-ġbir ta' data nazzjonali intersettorjali, diżaggregata u verifikabbli dwar l-apolidi u dawk b'ċittadinanza indefinita, inkwantu l-identifikazzjoni tal-apolidi tirrappreżenta l-ewwel pass għall-Istati kkonċernati biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex tintemm l-apolidija; id-data li tinġabar tintuża sussegwentement għar-reġistrazzjoni, għad-dokumentazzjoni, għall-forniment tas-servizzi pubbliċi, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għall-ippjanar tal-iżvilupp;

–  tkun enfasizzata konsistentement li r-reġistrazzjoni tat-twelid jeħtieġ li tkun bla ħlas, faċilment aċċessibbli u magħmula fuq bażi mhux diskriminatorja;

  ikun enfasizzat konsistentement li r-reġimi tal-ġestjoni tal-identità nazzjonali jeħtieġ li jinkludu u jfornu dokumentazzjoni tal-identità lill-persuni kollha fuq it-territorju, anki l-gruppi emarġinati jew diffiċli li jintlaħqu li jafu jinsabu f'riskju ta' apolidija jew nuqqas ta' ċittadinanza;

  jingħata sostenn lill-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja biex ikun żgurat lil kulħadd aċċess għall-edukazzjoni, inklużi t-tfal apolidi, billi l-apolidija tikkostitwixxi ostaklu notevoli li jimpedixxi lit-tfal milli jkunu jistgħu jaċċedu għall-opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni;

  jitħeġġeġ ir-rwol importanti tat-teknoloġija innovattiva permezz tal-użu tal-programmi diġitali tar-reġistrazzjoni tat-twelid biex jitjieb it-tagħrif tar-reġistrazzjoni u tal-arkivjazzjoni;

  tkun ittrattata l-kwistjoni tal-kontenut u tal-applikazzjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza u tal-privazzjoni arbitrarja jew tat-tiċħid tad-dritt għal ċittadinanza abbażi tal-etnija, li tirrappreżenta l-kawża primarja tal-apolidija fir-reġjun;

  l-Istati fir-reġjun jitħeġġew jindirizzaw il-bżonnijiet tan-nisa, u l-kwistjonijiet relatati mal-vjolenza sesswali u sessista, permezz ta' approċċi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-komunità, partikolarment għall-vittmi tat-traffikar;

  tkun indirizzata l-kwistjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza u d-diskriminazzjoni sesswali, peress li ċerti pajjiżi jagħmluha bi tqila, jekk mhux saħansitra impossibbli, għall-ommijiet biex jgħaddu ċ-ċittadinanza tagħhom lil uliedhom;

–  ikun żgurat li l-proġetti kollha għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li l-UE tforni l-fondi għalihom ikunu stabbiliti bil-għan li tkun indirizzata l-apolidija kull meta jkun rilevanti;

–  tinbena l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-atturi rilevanti biex jifhmu, jivvalutaw u jipprogrammaw kif ukoll jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet tal-apolidija, u jsir rapportar regolari dwar ir-riżultati miksuba mill-UE fil-ġlieda kontra l-apolidija, anki billi tiddaħħal taqsima dwar l-apolidija fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-dinja;

–  ikun żgurat li l-apolidija, in-nazzjonalità u ċ-ċittadinanza jkunu koperti b'mod adegwat fl-istrateġiji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għall-pajjiżi, u li dawn tal-aħħar ikunu bbażati fuq il-prinċipju li kulħadd, indipendentement mill-ġeneru, razza, kulur, ġilda, twemmin jew reliġjon, oriġini nazzjonali jew appartenenza għal minoranza nazzjonali jew etnika, għandu dritt għal ċittadinanza; tkun ittrattata l-kwistjoni tal-apolidija matul kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi kkonċernati;

  jitfasslu linji gwida tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-apolidija biex jingħataw objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu għall-isforzi tal-UE biex l-apolidija tintemm fid-dinja kollha;

  jiżdied id-djalogu dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kif ukoll mal-ġirien tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Asja u ma' Stati attivi oħrajn fir-reġjun;

  ikun żgurat li l-parteċipanti fil-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali jkunu jafu bil-kwistjonijiet ta' apolidija meta rilevanti;

–  tkun enfasizzata n-neċessità li tingħata aktar setgħa lill-korpi reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex ikunu jistgħu jiżvolġu rwol aktar attiv fl-identifikazzjoni u fl-eliminazzjoni tal-apolidija;

–  jiġu riżervati fondi fil-baġits tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-NGOs u organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu biex jistabbilixxu kuntatt mal-komunitajiet apolidi; jiġu promossi sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet apolidi biex dawn jingħataw setgħa ħalli jiġġieldu għal drittijiethom;

–  jitħeġġeġ il-koordinament fost il-pajjiżi biex jindirizzaw l-apolidija, speċjalment meta jkollha effetti transkonfinali, u inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra tal-apolidija;

–  ikun żgurat segwitu, bħal sensibilizzazzjoni u sostenn tekniku għall-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala mezz biex jinbnew il-kapaċitajiet, anki fil-livell lokali meta jkun hemm żviluppi pożittivi li jridu jiġu implimentati fil-prattika, bħal fit-Tajlandja, fil-Filippini, fil-Vjetnam u fil-Bangladesh, fejn iċ-ċittadinanza tal-poplu Bihari, inklużi d-drittijiet tal-vot tagħhom, reġgħet ingħatat;

23.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Brunei Darussalam, tal-Malasja u tan-Nepal jiġġieldu l-forom ta' diskriminazzjoni sesswali preżenti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u jippromwovu d-dritt tat-tfal għal ċittadinanza;

24.  Jinnota r-rabta bejn l-apolidija u l-ispostament furzat, b'mod partikolari f'reġjuni milquta minn kunflitti; ifakkar li mill-inqas 1,5 miljun persuna apolida fid-dinja huma rifuġjati jew ex rifuġjati, inklużi bosta tfajliet u bniet;

25.  Ifakkar li l-apolidija fid-dinja, fil-biċċa l-kbira, mhijiex immappjata u hija sottorappurtata, u li d-data eżistenti hija bbażata fuq definizzjonijiet differenti; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tadotta definizzjoni unifikata u tindirizza l-lakuni fil-ġbir tad-data għall-kejl tal-apolidija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari billi tassisti lill-awtoritajiet lokali jistabbilixxu metodi adegwati sabiex jikkwantifikaw, jidentifikaw u jirreġistraw il-persuni apolidi, u jsaħħu l-kapaċitajiet statistiċi tagħhom;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi skambji ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri, jinkoraġġixxi koordinament attiv tal-punti ta' kuntatt nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-apolidija, u jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja #IBelong;

27  Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi u tal-Konvenzjoni tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija li jirrikjedu l-ħolqien ta' oqfsa ġuridiċi għall-identifikazzjoni u għall-protezzjoni tal-apolidi u għall-prevenzjoni tal-apolidija u jafu jservu ta' punt ta' tluq importanti għal dawk l-Istati li jixtiequ jagħmlu progress fl-indirizzar tal-problema tal-apolidija;

28.  Jilqa' pożittivament l-appoġġ tal-UE għall-persuni apolidi fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja permezz ta' strumenti diversi u jħeġġeġ lill-Unjoni tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tindirizza l-impatt tal-apolidija fuq l-iżvilupp, il-paċi u l-istabilità bħala parti integrali tal-programmi tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u, b'mod aktar ġenerali, permezz tal-azzjoni esterna tagħha;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  http://www.unhcr.org/excom/exconc/453497302/conclusion-identification-prevention-reduction-statelessness-protection.html
  • [2]  http://www.unhcr.org/protection/statelessness/54621bf49/global-action-plan-end-statelessness-2014-2024.html
  • [3]  http://www.refworld.org/docid/57e3dc204.html
  • [4]  http://www.ohchr.org/Documents/ProfessionalInterest/vienna.pdf
  • [5]  http://www.refworld.org/docid/54620fb54.html
  • [6]  http://www.asean.org/wp-content/uploads/images/ASEAN_RTK_2014/6_AHRD_Booklet.pdf
  • [7]  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf
  • [8]  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/mt/pdf
  • [9]  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/12/04-council-adopts-conclusions-on-statelessness/
  • [10]  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/20-fac-conclusions-myanmar-burma/
  • [11]  Testi adottati, P8_TA(2016)0404.
  • [12]  Testi adottati, P8_TA(2016)0316.
  • [13]  Testi adottati, P8_TA(2015)0076.

NOTA SPJEGATTIVA

Minkejja li d-dritt għaċ-ċittadinanza ilu minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem għal kważi sebgħin sena, għal miljuni ta' nies dan għadu utopija li ma tistax issir realtà.

Id-definizzjoni internazzjonali ta' persuna apolida hija persuna li l-ebda Stat ma jikkunsidraha bħala ċittadin tiegħu b'applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu.

Huwa importanti li dak li jkun iżomm quddiem għajnejh li l-maġġor parti tal-apolidi mhumiex rifuġjati. Fi kliem ieħor, ma ħallewx art twelidhom minn rajhom. Uħud mill-apolidi però saru rifuġjati wara li kienu mġiegħla jaħarbu mill-pajjiż fejn twieldu.

Fost il-kawżi tal-apolidija nsibu kawżi inqas xellerati iżda problematiċi bħall-iskadenza taċ-ċittadinanza minħabba li dak li jkun għex żmien twil barra minn pajjiżu.

Madankollu, hemm aktar kawżi li huma għajn ta' tħassib serju.

Dawn jinkludu l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza, sfruttati biex jiddiskriminaw lill-apolidi (bħalma hu l-każ tar-Rohingya fil-Myanmar fejn kienu esklużi mil-lista ta' 135 grupp etniku uffiċjalment rikonoxxuti mill-gvern). Fost l-ostakli ewlenin insibu wkoll id-diskriminazzjoni sesswali, jiġifieri li n-nisa ma jingħatawx id-dritt li jgħaddu ċ-ċittadinanza tagħhom lil uliedhom f'kundizzjonijiet indaqs bħall-irġiel, jew li jitilfu ċ-ċittadinanza biż-żwieġ. Jeżistu wkoll ostakli amministrattivi u burokratiċi li ġejjin mill-fatt li l-persuni li jgħixu f'żoni mbiegħda ma jirnexxilhomx jirreġistraw it-trabi li jkunu twieldu, fatt li mbagħad iwassal għal problemi.

L-apolidija tagħti wkoll lok għal problemi usa' billi toħloq ostakli inikwi fuq il-post tax-xogħol, tista' twaqqaf lill-persuni milli jiżżewġu, timpedixxi l-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni u tipprevjeni d-dritt għall-proprjetà. Tikkontribwixxi għat-traffikar tal-bnedmin, b'hekk it-tfal, b'mod speċjali, isiru vulnerabbli.

B'xorti ħażina, l-apolidija hija kundizzjoni li tolqot, skont stimi, għaxar miljun ruħ fid-dinja kollha, iżda, għal finijiet ta' ċarezza, ir-rapporteur jixtieq jikkonċentra fuq żewġ gruppi partikolari, ir-Rohingya u l-Bihari, li għal ħafna aspetti, saru jissimbolizzaw is-sitwazzjoni mwiegħra tal-apolidi fuq livell globali.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza fuq il-mod kif l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kooperazzjoni jistgħu jgħinu fil-promozzjoni tal-aċċess għaċ-ċittadinanza għall-apolidi u jevitaw każijiet ġodda ta' apolidija fuq skala kbira fil-ġejjieni.

Għandu jkun eżaminat ir-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra l-apolidija, ngħidu aħna, liema programmi ġew iffinanzjati u jekk irnexxewx jew le, inklużi eżempji ta' impenn multilaterali.

Bħala konklużjoni, ir-rapporteur jixtieq jenfasizza ċerti eżempji ta' prattika tajba biex juri li xi pajjiżi terzi (Indoneżja, Kambodja u Vjetnam) jistgħu jimplimentaw miżuri li jmorru fid-direzzjoni t-tajba.

Eżempji ta' prattika tajba

Fl-2006 l-Indoneżja rriformat il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tagħha ħalli l-migranti Indoneżjani li jkunu qattgħu perjodu itwal minn 5 snin barra mill-pajjiż ma jibqgħux jitilfu ċ-ċittadinanza.

Il-Kambodja għamlet ir-reġistrazzjoni tat-twelid bla ħlas fl-ewwel 30 ġurnata mit-twelid. L-UNICEF ilha taħdem biex ittejjeb ir-reġistrazzjoni tat-twelid u l-insinwi.

Il-Vjetnam approva l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Vjetnamiża fl-2008 biex jieħu ħsieb ir-residenti apolidi fit-tul. Ikkonċeda ċ-ċittadinanza lil kull min kien residenti apolidu li ilu aktar minn 20 sena jgħix il-Vjetnam.

Eżempji speċifiċi

Myanmar

Il-kawżi tat-tensjoni għandhom għeruq antiki u fil-fond fil-pajjiż u jmorru lura għall-1826 u fi tmiem l-ewwel gwerra Anglo-Burmiża. Il-Britanniċi, wara li rebħu l-gwerra u ħadu l-kontroll ta' Arakan, ħeġġew lin-nies tal-Bengala, fosthom ir-Rohingya, biex mill-Indja Britannika jmorru jgħixu f'Arakan. Dan l-influss għal għarrieda tal-poplu Rohingya, ta' reliġjon Musulmana, ikkawża tensjonijiet f'Arakan, ta' reliġjon Buddista. Il-Myanmar, l-ex Burma, sar nazzjon indipendenti fl-1948. Sal-kolp ta' stat militari tal-1962 li stabbilixxa d-dittatura, l-Istat il-ġdid tal-Myanmar kien demokratiku. Ir-Rohingya huma grupp etniku ġej oriġinarjament mill-Istat ta' Arakan f'Burma, mal-fruntiera bejn Burma u l-Bangladesh. Fil-Myanmar jikkostitwixxu minoranza reliġjuża f'termini ta' reliġjon, billi jħaddnu l-Iżlam, kultura u lingwa. Il-maġġoranza tal-abitanti tal-Myanmar tipprattika l-Buddiżmu. Bejn it-Tieni Gwerra Dinjija u l-kolp ta' stat tal-1962, ir-Rohingya riedu stat indipendenti ta' Arakan. Wara l-kolp ta' stat id-dittatura l-ġdida ħraxet kontra r-Rohingya, li ġew uffiċjalment dikjarati apolidi bil-promulgazzjoni tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ta' Burma tal-1982.

Skont stimi, bejn 800 000 u 1,2 miljun Rohingya apolidu jirrisjedu fil-Myanmar, li jirrappreżentaw madwar 80-98 % tal-popolazzjoni tal-Istat ta' Rakhine tal-Myanmar. Madankollu, għadhom mingħajr ċittadinanza u minflok il-Gvern jirreferi għalihom bħala "apolidi Bengaliżi". Ir-Rohingya jitqiesu bħala waħda mill-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, imġiegħla jaħdmu f'dawk li huma sostanzjalment kundizzjonijiet ta' skjavitù u mċaħħda mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem.

Ħafna saru migranti u ħarbu l-persekuzzjoni u t-tbatija li sofrew fil-Myanmar. Fil-Bangladesh, pajjiż ġar, stabbilew ruħhom bħala rifuġjati madwar 200 000 u 400 000 Rohingya, li għadhom mingħajr għajnuna umanitarja u rikonoxximent min-naħa tal-Gvern tal-Bangladesh u għaldaqstant għadhom mingħajr ċittadinanza. Dawn jgħixu f'kampijiet, u 33 000 biss jirċievu sostenn mill-Bangladesh f'kampijiet irreġistrati, fejn tingħata, għad li skarsa, għajnuna umanitarja bħal sapun biex jinħaslu t-tfal. Il-kampijiet jinsabu taħt sorveljanza stretta tal-pulizija u min jitlaq jissogra li jisfa maqtul mill-għassiesa. Aktar minn 200 000 Rohingya apolidu jgħixu f'kundizzjonijiet atroċi fil-bqija tal-Bangladesh, f'kampijiet li mhumiex irreġistrati.

L-elezzjoni tal-2015 fil-Myanmar ġabet magħha tama qasira, bit-tmiem tad-dittatura militari u l-elezzjoni ta' Aung San Suu Kyi. Madankollu, il-gvern il-ġdid baqa' fommu sieket dwar il-kwistjoni għad li kien jitkellem favur id-drittijiet tal-minoranzi.

Fl-2015, il-Prim Ministru tal-Bangladesh, Sheikh Hasina, ħabbar pjanijiet ta' trasferiment tal-kampijiet tar-Rohingya lejn gżira fil-Golf tal-Bengala minħabba l-biża' li t-turiżmu kien qiegħed imajna minħabba l-preżenza tar-Rohingya, u qal "ma nistgħux nospitawhom aktar". La l-Myanmar u lanqas il-Bangladesh ma jridu jiddikjaraw lir-Rohingya bħala grupp li jagħmel parti minn pajjiżhom u jagħtuhom iċ-ċittadinanza, biex ma nsemmux il-pajjiżi l-oħra fejn ħarbu r-Rohingya, pereżempju t-Tajlandja u l-Malasja.

Il-mezzi tal-komunikazzjoni qegħdin jagħtu aktar kas it-trattament tar-Rohingya wara l-irvellijiet fl-Istat ta' Rakhine fl-2012 kif ukoll il-kriżi tar-rifuġjati Rohingya tal-2015. Fl-2012 kien hemm diżordni gravi fl-Istat ta' Rakhine fejn faqqa' l-ġlied bejn il-Musulmani Rohingya u l-Buddisti Rakhine, bi 88 vittma u eluf ta' djar nħarqu għal kollox. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi kkritikaw lill-Myanmar u argumentaw li l-irvellijiet huma l-konsegwenza ta' deċennji ta' diskriminazzjoni fil-konfront tal-poplu Rohingya. Fis-sajf tal-2015, ir-Rohingya reġgħu attiraw l-attenzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni bħala "boat people" (migranti tal-baħar) billi ħafna kienu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mill-Myanmar u mill-Bangladesh lejn pajjiżi bħall-Indoneżja u t-Tajlandja u mibjugħin biex jaħdmu f'dawk li huma laneċ tas-sajd f'kundizzjonijiet essenzjalment ta' skjavitù. Ġew skoperti oqbra tal-massa tar-Rohingya fit-Tajlandja. Il-Myanmar għadu qed jipprova jġiegħel lir-Rohingya jidentifikaw ruħhom bħala Bengaliżi biex, essenzjalment, l-etnija tiġi estinta. Ir-riċerkaturi universitarji u l-inizjattivi kontra l-kriminali taw x'tifhem li l-gvern tal-Myanmar qiegħed jippjana azzjoni sistematika li tixbah lil ġenoċidju bil-għan li jestermina r-Rohingya. Skont il-UNHCR, fl-ewwel trimestru tal-2015, 25 000 Rohingya ħarbu minn djarhom (l-aktar fil-Myanmar) fuq dgħajjes tat-traffikar.

X'inhi r-raġuni għala ssir enfasi fuq ir-Rohingya tal-Myanmar?

Ir-Rohingya huma l-akbar popolazzjoni ta' apolidi fid-dinja. Jirrappreżentaw kważi 20 % tal-apolidija globali inkwantu ċ-ċifri jammontaw għal 2 miljun Rohingya u 10 miljun ruħ apolida fid-dinja kollha. Barra minn hekk huma l-minoranza l-aktar persegwitata fid-dinja.

Saret xi komunikazzjoni jew kooperazzjoni bejn il-gvern tal-Myanmar u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bil-għan li r-Rohingya jingħataw għajnuna?

F'Ġunju 2015 saret laqgħa li għaliha attendew 17-il nazzjon biex jindirizzaw kriżi fix-Xlokk tal-Asja. Ma kienx hemm esponenti f'livell ministerjali u damet biss ġurnata. Fir-rigward ta' "din il-kwistjoni tal-migrazzjoni illegali tal-migranti tal-baħar, ma tistgħux taqbdu ma' pajjiżi biss", qal id-delegat tal-Myanmar, Direttur Ġenerali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Htin Lynn, huwa u jwieġeb b'mod sever lill-appell tal-UNHCR biex jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-kriżi migratorja attwali, inkluża l-kwistjoni tal-apolidija.

Silta tradotta minn artiklu li deher f'"The National" tat-18 ta' Ġunju 2015 - Mudell Ewropew?

Madankollu, mhijiex impossibbli soluzzjoni dejjiema li twaqqaf lir-Rohingya milli jaħarbu mill-Myanmar. Fl-Ewropa, fejn il-pajjiżi għaddejjin minn kriżi migratorja ta' daqs ferm akbar, il-Kummissjoni Ewropea fasslet pjan għar-risistemazzjoni tar-rifuġjati li jqassam lill-migranti skont il-prosperità tal-membru tal-UE, l-għadd ta' rifuġjati li jkun laqa' diġà, ir-rata tal-qgħad u fatturi oħrajn. Il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja jistgħu jadottaw formula simili, abbażi tal-PDG, ir-rata tal-qgħad u fatturi oħrajn, biex ikun iddeterminat l-għadd ta' rifuġjati li għandhom jiġu risistemati.

Dan il-pjan għad fadallu jiddefinixxi ħafna dettalji, u l-mexxejja Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' gruppi politiċi nazzjonali li huma kontra r-risistemazzjoni tal-migranti; xorta waħda, dan il-pjan jista' jirnexxi, fatt li huwa ferm aktar minn dak li għandha x'toffri l-Asja tax-Xlokk. Il-potenzi internazzjonali jistgħu wkoll iwiegħdu li jirrisistemaw ċertu numru ta' Rohingya kull sena għad-deċennju li jmiss – wegħdiet pubbliċi li jistgħu jinżammu. Anki jekk ir-Rohingya jafu jkollhom bżonn iż-żmien biex jidraw l-ambjent fl-Istati Uniti, fl-imgħoddi Washington laqa' għadd kbir ta' migranti minn kulturi għal kollox differenti – il-popolazzjoni Hmong fis-snin '70 u '80, jew il-Bhutaniżi f'dawn l-aħħar 10 snin.

Bangladesh

L-istorja tas-sitwazzjoni fil-Bangladesh

Il-Bangladesh kiseb l-indipendenza fl-1971, wara li l-Pakistan tal-Lvant infired mill-Pakistan tal-Punent biex joħloq l-Istat il-ġdid tal-Bangladesh. Il-Pakistan infired mill-Indja fl-1947. Ħafna Musulmani ta' lingwa Urdu mir-reġjun Indjan tal-Bihar (jiġifieri l-Bihari) marru jgħixu l-Pakistan tal-Lvant. Madankollu, matul il-moviment għall-indipendenza żammew mal-Pakistan tal-Punent għax kienu jidentifikaw ruħhom mal-valuri tiegħu b'mod aktar strett. Wara li fl-1971 il-Bangladesh kiseb l-indipendenza, il-Bihari la kienu ċittadini tal-Bangladesh u lanqas tal-Pakistan. Oltre dan, fil-Bangladesh kienu jħarsu lejhom bl-ikrah għax kienu meqjusin minoranza li kienet iżżomm mal-għadu. L-isem "Bihari" jfisser "Pakistani abbandunati". Fi żmien il-moviment għall-indipendenza, fl-1971, il-Bihari kellhom jgħaddu minn ħafna atroċitajiet: qtil, stupru, sakkeġġi. Għadhom sal-lum isofru trattament orribbli fil-Bangladesh, imġiegħla jgħixu fuq xulxin fil-kampijiet ma' eluf ta' nies oħra, f'kundizzjonijiet sanitarji tal-waħx. Ħafna ma jistgħux jaħdmu, jiftħu kont il-bank, jagħmlu passaport, it-tfal Bihari jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni fl-iskejjel tal-gvern jekk jgħixu fil-kampijiet, għalhekk ħafna huma mġiegħla jbiddlu l-identità tagħhom. Il-mard huwa komuni, il-kura tas-saħħa assenti, ir-rata tat-twelid u tal-mewt għoljin.

Ir-rimedju għall-apolidija: ħafna Bihari riedu jmorru lura l-Pakistan. Wara l-1971, 170 000 Bihari ġew rimpatrijati fil-Pakistan. Madankollu, kienu biss terz. L-awtoritajiet Pakistani imponew kundizzjonijiet fuq ir-rimpatriju li huma antikostituzzjonali u immorali. Affermaw li ma ridux moviment tal-massa ta' grupp ta' persuni jerġa' lura l-Pakistan u jiddestabbilizza l-bilanċ fil-pajjiż. Madankollu, ħafna, madwar 100 000 irritornaw il-Pakistan mingħajr sostenn min-naħa tal-gvern, u issa jgħixu bħala apolidi. Dan ħalla madwar 250 000 Bihari apolidu fil-Bangladesh sal-2006.

L-iżvolta deċiżiva seħħet fl-2008. Skont sentenza tal-Qorti Suprema, il-gvern kellu jikkonċedi ċ-ċittadinanza lill-Bihari kollha ta' lingwa Urdu. Issa r-residenti kollha tal-kampijiet għandhom karti tal-identità u drittijiet tal-vot. Bis-saħħa t'hekk l-apolidija ntemmet għal kważi 300 000 ruħ fil-Bangladesh.

Minkejja dan, il-Bihari għadhom jissaraw mal-ħajja ta' kuljum. Il-ħajja fil-kampijiet tfisser li eluf ma jistgħux jagħmlu passaport. Huma suġġetti għall-ħlas ta' drittijiet amministrattivi u għalhekk ma jistgħux jaċċedu għal bosta servizzi fil-pajjiż. Eluf ta' nies għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet ta' faqar.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (31.1.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja
(2016/2220(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Heubuch

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-persuni apolidi – li minnhom huwa stmat li hemm bejn 10 u 15-il miljun iżda li 3,5 miljun biss huma rrapportati fl-istatistika tal-UNHCR – huma mqassma b'mod mhux uniformi madwar id-dinja; billi 5 mill-20 stat li jospitaw aktar minn 10 000 persuna apolida rraportata, jinsabu fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja;

B.  billi l-apolidija għandha konsegwenzi xokkanti fuq id-drittijiet tal-bniedem – inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi u ekonomiċi –, l-iżvilupp u l-istabbiltà internazzjonali, kif ukoll impatt importanti fuq l-obbligi ċivili, l-aċċess għall-art u għall-proprjetà, is-servizzi u s-sigurtà soċjali, bħalma huma s-servizz tas-saħħa u l-edukazzjoni, u ddgħajjef ukoll l-istatus soċjali tan-nies; billi l-apolidija ddgħajjef il-prospetti ta' żvilupp tal-popolazzjonijiet milquta u tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

C.  billi l-problema kumplessa tal-apolidija għadha relegata fil-periferija tal-politika u d-dritt internazzjonali, minkejja li din mhijiex kwistjoni marġinali;

1.  Jenfasizza r-rabtiet bejn l-apolidija u l-vulnerabilità ekonomika u soċjali; iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jevitaw iċ-ċħid, it-telf jew il-privazzjoni tan-nazzjonalità fuq bażi diskriminatorja, jadottaw liġijiet ekwi dwar in-nazzjonalità u jimplimentaw proċeduri nazzjonali ta' dokumentazzjoni aċċessibbli, affordabbli u mhux diskriminatorji;

2.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16.9, li jipprevedi li l-identità legali u r-reġistrazzjoni tat-twelid għandhom jingħataw lil kulħadd; jiddispjaċih, madankollu, li l-apolidija ma tissemmiex b'mod espliċitu fl-Aġenda 2030, la bħala bażi għal diskriminazzjoni u lanqas bħala mira tat-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw l-inklużjoni ta' indikaturi tal-apolidija fil-mekkaniżmi ta' sorveljanza u rrappurtar tagħhom fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

3.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Brunei Darussalam, tal-Malasja u tan-Nepal jiġġieldu l-forom ta' diskriminazzjoni sesswali preżenti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u jippromwovu d-dritt tat-tfal għal nazzjonalità;

4.  Jinnota r-rabta bejn l-apolidija u l-ispostament furzat, b'mod partikolari f'reġjuni milquta minn kunflitti; ifakkar li mill-inqas 1,5 miljun persuna apolida fid-dinja huma refuġjati jew ex-refuġjati, inklużi bosta nisa u bniet;

5.  Ifakkar li l-apolidija fid-dinja, fil-biċċa l-kbira, mhijiex immappjata u hija sottorappurtata, u li d-data eżistenti hija bbażata fuq definizzjonijiet differenti; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tadotta definizzjoni unifikata u tindirizza l-lakuni fil-ġbir tad-data għall-kejl tal-apolidija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari billi tassisti lill-awtoritajiet lokali jistabbilixxu metodi adegwati sabiex jikkwantifikaw, jidentifikaw u jirreġistraw il-persuni apolidi, u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' statistika tagħhom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi skambji ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri, jinkoraġġixxi koordinazzjoni attiva tal-punti ta' kuntatt nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-apolidija, u jilqa' l-kampanja #IBelong;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu status ta' protezzjoni lill-migranti apolidi;

8.  Jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-persuni apolidi fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja permezz ta' strumenti diversi u jħeġġeġ lill-Unjoni tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tindirizza l-impatt tal-apolidija fuq l-iżvilupp, il-paċi u l-istabbiltà bħala parti integrali tal-programmi tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u, b'mod aktar ġenerali, permezz tal-azzjoni esterna tagħha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, György Hölvényi, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Adam Szejnfeld, Jan Zahradil

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.4.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Francisco Assis, Amjad Bashir, Bas Belder, Mario Borghezio, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Karol Karski, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jordi Solé, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

María Teresa Giménez Barbat, Andrzej Grzyb, Antonio López-Istúriz White, Norica Nicolai, Urmas Paet, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz, Igor Šoltes, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ramona Nicole Mănescu, Josef Weidenholzer, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

54

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Karol Karski, Charles Tannock

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat

PPE

Lars Adaktusson, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés,

S&D

Francisco Assis, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Elena Valenciano, Josef Weidenholzer, Boris Zala

Verts/ALE Group

Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Jordi Solé, Igor Šoltes

2

-

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

3

0

ECR

Mario Borghezio, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni