RAPPORT dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
10.5.2017 - (2016/2271(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Reinhard Bütikofer
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
- OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
- OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 173 (Titolu XVII) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 11 u 16 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-TFUE dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-TUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2011)0178),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Quantum technologies" (SWD(2016)0107),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Advancing the Internet of Things in Europe" (SWD(2016)0110),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġital"[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 bit-titolu" Politika Industrijali għall-Era Globalizzata"[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali" (COM(2010)0614),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv" (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni" (COM(2010)0546),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2007 bit-titolu "Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu - Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet" (COM(2007)0374),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100) u l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li ġejjin,
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2013 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (COM(2013)0147),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Frar 2013 dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja" (COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin" (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija"[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 bit-titolu "Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu"[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti[11],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2016, bit-titolu "L-industrija 4.0 u t-trasformazzjoni diġitali: It-triq 'il quddiem",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0183/2017),
A. billi għandhom jiġu segwiti sforzi enerġetiċi b'politiki, azzjonijiet u inċentivi konkreti biex tiġi industrijalizzata mill-ġdid l-UE u l-Istati Membri tagħha, bl-għan li jingħaqqdu l-kompetittività u s-sostenibbiltà, il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità u l-inklużività; ifakkar fil-mira tal-UE li 20 % tal-PDG tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq l-industrija sal-2020, li trid neċessarjament tqis it-trasformazzjoni strutturali tas-settur industrijali li tirriżulta mit-tfixkil diġitali u l-emerġenza ta' mudelli ta' negozju ġodda;
B. billi l-industrija Ewropea tirrappreżenta l-bażi tal-ekonomija u l-ġid Ewropej, u qed tiffaċċja sfidi kbar li jirriżultaw minn proċess mgħaġġel ta' globalizzazzjoni u xejriet ta' innovazzjoni;
C. billi d-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali tgħin fiż-żieda tar-reżiljenza, l-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, is-sostenibbiltà tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna, u b'hekk tittrasforma l-mudelli ta' negozju, il-manifattura, il-prodotti, il-proċessi u l-ħolqien tal-valur u jkollha impatt fundamentali fuq il-bilanċ bejn l-opportunitajiet u l-isfidi għall-industriji u l-ħaddiema Ewropej;
D. billi l-Ewropa, fid-dawl tal-wirt industrijali tagħha, in-netwerk ta' setturi industrijali u ktajjen ta' valur tagħha, is-setgħat innovattivi tagħha, l-investiment pubbliku strateġiku fir-R&Ż, id-disponibbiltà tal-investiment privat, l-amministrazzjoni effiċjenti, il-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u l-integrazzjoni tagħha tal-iżvilupp industrijali mal-isfidi soċjetali, u l-fatt li għandha aktar minn 30 inizjattiva nazzjonali u reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, għandha bażi soda li permezz tagħha tista' ssir mexxej fit-trasformazzjoni diġitali; billi hemm opportunità li tissaħħaħ l-industrija tal-UE jekk jirnexxielna nibnu katini tal-valur integrati bis-sħiħ għal prodotti industrijali u pakketti ta' prodotti u servizzi msaħħa diġitalment;
E. billi l-5G se jittrasforma b'mod fundamentali l-ekonomiji tagħna, billi jqiegħed id-diġitalizzazzjoni fiċ-ċentru tal-iżvilupp industrijali u tas-servizzi soċjali;
F. billi sabiex strateġija industrijali Ewropea tirnexxi, huwa essenzjali li jinħoloq suq uniku diġitali li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi b'mod li jkun soċjalment responsabbli;
G. billi strateġija teknoloġikament newtrali mfassla tajjeb għad-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali, li qed torbot dejjem aktar lill-persuni, lill-magni kif ukoll lis-servizzi bejn il-fruntieri fi ħdan il-katina ta' valur dinjija kollha kemm hi, hija pass importanti għaż-żieda tar-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna u għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda;
H. billi d-diġitalizzazzjoni għandha tuża l-potenzjal li żżid l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-enerġija u l-kapital, u b'hekk tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar integrata, intensità materjali aktar baxxa u simbjożi industrijali akbar;
I. billi d-diġitalizzazzjoni tista' tagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi u l-mobilità tagħhom, billi tippermetti, fost l-oħrajn, aċċess faċli għal informazzjoni f'ħin reali u għal varjetà wiesgħa ta' servizzi;
J. billi t-teknoloġiji tal-lingwi żviluppati sew jistgħu jgħinu lill-industrija tegħleb l-ostakli tal-lingwi li huma ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali;
K. billi d-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda fis-settur tat-trasport għal manifatturi, operaturi, investituri, ħaddiema u passiġġieri, u hija prekundizzjoni sabiex l-industrija tat-trasport tibqa' kemm kompetittiva kif ukoll operazzjonali u żżid l-effiċjenza tagħha, u biex is-servizzi tat-trasport isiru aktar sostenibbli u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom;
L. billi d-diġitalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri, sikurezza akbar tal-prodott, u individwalizzazzjoni u deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni;
M. billi teżisti disparità kbira bejn is-sessi fir-rigward tal-impjieg u t-taħriġ fis-settur tal-ICT, b'implikazzjonijiet negattivi qawwija għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;
N. billi d-diġitalizzazzjoni u l-individwalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni se jwasslu għal tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u se jkollhom firxa ta' effetti soċjali; billi kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti u standards għoljin ta' sikurezza tal-prodotti jridu jibqgħu interess komuni;
O. billi hemm bosta studji li jenfasizzaw li d-diġitalizzazzjoni fil-manifattura industrijali se ġġib magħha tibdil fid-domanda tas-suq tax-xogħol u fl-impjiegi fl-Ewropa; billi dan jista' jkollu impatt fuq ir-regoli eżistenti li jirregolaw id-drittijiet u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema; billi huwa ċar li hemm bżonn li dan it-tibdil jiġi indirizzat billi l-ħaddiema jiġu mħarrġa fil-ħiliet ġodda tal-ICT u billi jiżdiedu l-ħiliet diġitali tas-soċjetà kollha;
L-iżvilupp ta' Strateġija ta' Diġitalizzazzjoni Industrijali integrata (SDI) għall-UE
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;
2. Jemmen bil-qawwa li SDI hija ta' importanza kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi u soċjetali l-aktar urġenti tal-Ewropa, billi:
(a) issaħħaħ id-dinamika ekonomika, il-koeżjoni soċjali u territorjali u r-reżiljenza fil-konfront tat-trasformazzjonijiet u t-tfixkil teknoloġiċi, permezz tal-modernizzazzjoni u l-interkonnessjoni tal-industriji u tal-katini tal-valur ekonomiku tal-Ewropa, u permezz ta' żieda fl-investimenti pubbliċi u privati fl-ekonomija reali u billi tagħti opportunitajiet ta' investiment fil-kuntest tal-modernizzazzjoni sostenibbli;
(b) trawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' opportunitajiet ta' rilokalizzazzjoni, ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-attraenza tal-impjiegi fis-settur industrijali, tikkontribwixxi għall-għoti ta' aktar opportunitajiet u informazzjoni lill-konsumaturi, issegwi trasformazzjoni li tkun soċjalment ġusta u suq tax-xogħol aktar inklużiv b'mudelli ta' impjiegi u skemi tal-ħin tax-xogħol aktar diversi, u kundizzjonijiet u integrazzjoni aħjar tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja;
(c) tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqas l-intensità materjali tal-industrija tal-manifattura permezz ta' ekonomija ċirkolari Ewropea msaħħa, filwaqt li tfakkar li dan huwa kritiku għal kundizzjonijiet materjali ta' settur tat-teknoloġija avvanzata Ewropej, kif ukoll il-produzzjoni industrijali diġitizzati u l-prodotti tagħha;
(d) issaħħaħ il-koeżjoni Ewropea permezz ta' politika Ewropea ta' investiment affidabbli u ambizzjuża (billi tagħti attenzjoni partikolari lit-tnedija ta' infrastruttura diġitali tal-ogħla livell) bl-użu ta' strumenti ta' finanzjament Ewropej differenti, fosthom il-FEIS, il-fondi reġjonali, l-Orizzont 2020 u oħrajn, kif ukoll tiżgura politika Ewropea industrijali koordinata u teknoloġikament newtrali bbażata fuq kompetizzjoni ġusta bejn atturi differenti, innovazzjoni u modernizzazzjoni sostenibbli, u innovazzjoni teknoloġika, soċjali u tal-mudell ta' negozju li ssaħħaħ is-suq uniku diġitali u l-integrazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija Ewropea kollha;
(e) tappoġġja l-għanijiet tal-politika dwar il-klima tal-Ewropa billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi kif ukoll ċ-ċirkolarità tal-produzzjoni industrijali, tnaqqas l-emissjonijiet, u tagħmel is-sostenibbiltà tal-industrija kompatibbli mal-kompetittività;
(f) issaħħaħ l-innovazzjoni ekonomika, politika u soċjali permezz tal-prinċipji tal-ftuħ u l-aċċessibbiltà tad-data u tal-informazzjoni pubblika u privata, filwaqt li dejjem tipproteġi d-data sensittiva fl-iskambji bejn in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi u tippermetti integrazzjoni aħjar ta' setturi ekonomiċi ta' kull tip u kwalunkwe qasam politiku, inklużi l-industriji kreattivi u kulturali;
(g) ittejjeb l-għajxien taċ-ċittadini f'żoni urbani u mhux urbani u l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità tagħhom li jieħdu vantaġġ minnhom;
(h) tistimula l-innovazzjoni teknoloġika u soċjali fir-riċerka tal-UE permezz ta' politika dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali b'fokus u viżjoni ċari;
(i) ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u tnaqqas l-konsum tal-enerġija permezz ta' produzzjoni industrijali diġitalizzata, aktar flessibbli u effiċjenti li ser tippermetti ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija;
(j) tissieħeb ma' makroreġjuni oħra fid-dinja fl-iżvilupp ta' swieq diġitali miftuħa, innovattivi u ġusti;
(k) tkun konxja tal-bżonn ta' politika fiskali Ewropea aktar ġusta u aktar effikaċi, filwaqt li tikkjarifika mistoqsijiet bħal bażi tat-taxxa f'era ta' swieq diġitali globalment konnessi u produzzjoni diġitalizzata;
(l) tattira l-investimenti, ir-riċerkaturi u l-esperti ewlenin fid-dinja, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività Ewropea;
(m) tappoġġja mudelli ta' negozju ġodda u negozji ġodda innovattivi xprunati mid-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku;
3. Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent ta' negozju kompetittiv li jiffaċilita l-investiment privat, qafas regolatorju li jippermetti li jiġu evitati ostakli burokratiċi, akkumulazzjoni ta' infrastruttura diġitali Ewropej tal-ogħla livell, u struttura tal-UE ta' koordinazzjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija li tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' inizjattivi nazzjonali, reġjonali, u fil-livell tal-Unjoni pjattaformi dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kisba tal-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija tal-PDG sal-2020; jenfasizza li, sabiex l-UE titħalla teżerċita tmexxija industrijali dinjija, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija teħtieġ li tkun marbuta ma' strateġija industrijali tal-UE usa'; jissottolinja l-importanza li tiġi avvanzata d-diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi li għadhom lura u fost dawk il-persuni li huma milquta mid-distakk diġitali; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta għal Roundtable ta' livell għoli u l-Forum Ewropew tal-Partijiet Ikkonċernati; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti, u jistenna li, minbarra l-mexxejja tal-industrija u s-sħab soċjali, l-akkademja, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, dawk li jfasslu l-politika, l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali u s-soċjetà ċivili, ser jiġu wkoll mistiedna biex ikollhom rwol attiv;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma importanti tagħha li teżamina x-xejriet tal-manifattura u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll ix-xejriet f'dixxiplini mhux tekniċi (bħal, pereżempju, il-liġi, il-politika, l-amministrazzjoni, il-komunikazzjonijiet, eċċ), tanalizza l-iżvilupp pertinenti f'reġjuni oħra, tidentifika teknoloġiji ewlenin ġodda, u tistinka biex tiżgura li tinżamm it-tmexxija Ewropea f'dawn l-oqsma u li xejriet ġodda jiġu integrati fil-politiki u fl-azzjonijiet b'kunsiderazzjoni tal-kunċetti ta' sigurtà fid-disinn u l-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u teżamina jekk dan ix-xogħol jistax isir permezz ta' netwerk ta' tbassir industrijali speċifiku, inklużi organizzazzjonijiet nazzjonali ta' riċerka u teknoloġija (RTOs);
5. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180), iżda jiddispjaċih li, billi l-enfasi tagħha fuq is-settur tat-trasport huwa limitat għal sewqan konness u awtomatizzat, hija ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi kollha eżistenti; ifakkar li, għalkemm il-vetturi konnessi u awtomatizzati jirrappreżentaw waħda mill-aktar trasformazzjonijiet diġitali eċċitanti tal-ġejjieni fis-settur, hemm potenzjal għad-diġitalizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, kemm fil-proċessi operazzjonali u amministrattivi, u tul il-katina tal-valur mill-manifatturi sal-passiġġieri u l-merkanzija, kif ukoll għal koordinazzjoni mat-teknoloġiji l-ġodda kollha użati f'dan is-settur, bħal pereżempju sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita Ewropea (EGNOS u Galileo), li r-riżultati tagħhom jistgħu jkunu mistennija fil-futur viċin; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi servizzi relatati mat-trasport u t-turiżmu;
6. Jirrimarka li l-proċess ta' diġitalizzazzjoni ma kienx ta' benefiċċju b'mod uniformi fis-settur tat-trasport kollu, u li dan ħoloq frammentazzjoni detrimentali fi ħdan is-suq intern kemm bejn mezzi differenti ta' trasport kif ukoll fi ħdan l-istess mezz; jissottolinja li hemm differenzi sinifikanti u dejjem akbar bejn l-Istati Membri fil-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni tat-trasport, riflessi wkoll bejn ir-reġjuni, il-kumpaniji u l-SMEs; jemmen li l-iżvilupp ta' SDI koordinata għall-UE jista' jgħin biex jingħelbu tali frammentazzjoni u inugwaljanzi u jiġi attirat l-investiment fi proġetti diġitali; jenfasizza li l-objettiv m'għandux ikun sempliċement dokument tal-politika ieħor iżda strateġija reali li tirrifletti x-xejriet u l-potenzjal tas-suq, li l-implimentazzjoni tagħha tiġi evalwata kontinwament;
7. Iqis li SDI se tikkontribwixxi biex jissolvew xi wħud mill-aktar sfidi urġenti fis-setturi tat-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tappoġġja d-diġitalizzazzjoni sabiex:
(a) ittejjeb il-livell globali ta' sikurezza u kwalità u prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;
(b) ittejjeb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal kulħadd, inklużi l-anzjani u l-persuni b'mobilità mnaqqsa jew b'diżabilità, u tiżviluppa l-għarfien ta' soluzzjonijiet ta' mobilità alternattivi li jipprovdu lill-passiġġieri aktar għażla, prodotti aktar faċli għall-utent u personalizzati u aktar informazzjoni, madwar l-UE kif ukoll f'żoni urbani u f'reġjuni anqas żviluppati;
(c) tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport, bħall-ispejjeż ta' manutenzjoni, u ttejjeb l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport (eż. platooning, sistemi ta' trasport intelliġenti u kooperattivi (C-ITS), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u s-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS));
(d) ittejjeb il-kompetittività billi trawwem il-ħolqien ta' atturi ġodda, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tikkontesta l-monopolju eżistenti;
(e) tiffaċilita l-infurzar xieraq u armonizzat tal-leġiżlazzjoni tal-UE, permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku, sistemi ta' trasport intelliġenti, takografi diġitali, sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq, eċċ, u toħloq oqfsa regolatorji adattati għal sitwazzjonijiet reali li għad jistgħu jinħolqu bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati;
(f) tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal operaturi ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tat-trasport u negozji ġodda, bħal pereżempju fis-settur tat-trasport u l-loġistika, billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi, tipprovdi l-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u tottimizza l-iskedi u l-flussi tat-traffiku;
(g) tkompli tissalvagwardja d-drittijiet tal-passiġġieri, inkluża l-protezzjoni tad-data, anke fi vjaġġi multimodali;
(h) tnaqqas il-problemi relatati ma' informazzjoni assimetrika fis-suq tat-trasport;
(i) trawwem l-attraenza u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, li jippermetti li jiġi ġġenerat madwar 10 % tal-PDG Ewropew, u tal-industriji kreattivi f'żoni urbani, rurali u ultraperiferiċi, pereżempju permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-mobilità u servizzi turistiċi, anke lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa;
8. Jirrimarka li konnettività mingħajr waqfien u bi prestazzjoni għolja hija prekundizzjoni għal konnessjonijiet veloċi, sikuri u affidabbli għal kull mod ta' trasport u għal aktar diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni kbira tal-kopertura diġitali fi ħdan l-UE; iqis li investimenti fil-broadband u l-allokazzjoni ġusta tal-ispettru huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni transsettorjali, pereżempju bejn l-elettronika, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu dan it-tip ta' konnettività għal rotot u ċentri ewlenin tat-trasport mhux aktar tard mill-2025 u jagħtu bidu għal kopertura sħiħa madwar l-UE kollha;
Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal diġitalizzazzjoni industrijali ta' suċċess: infrastruttura, investiment, innovazzjoni u ħiliet
9. Jenfasizza li SDI toffri l-opportunità li jiġu avvanzati l-innovazzjoni, l-effiċjenza u t-teknoloġiji sostenibbli li jżidu l-kompetittività u jimmodernizzaw il-bażi industrijali tal-UE, kif ukoll li jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni industrijali integrata trid tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet ta' abilitazzjoni b'saħħithom li jvarjaw minn infrastruttura diġitali tal-ogħla kalibru u valida għall-futur, R&Ż u ambjent li jappoġġja l-investiment, għal qafas leġiżlattiv xieraq u aġġornat li jistimola l-innovazzjoni, suq uniku diġitali approfondit, livelli għoljin ta' ħiliet u intraprenditorija, u djalogu soċjali msaħħaħ;
10. Jenfasizza l-bżonn li jsir avvanz fl-investiment pubbliku u privat fil-konnettività b'veloċità għolja, pereżempju permezz tal-5G, il-fibra ottika, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita, sabiex tiġi żgurata sinsla infrastrutturali diġitali robusta fiż-żoni urbani u industrijali; jenfasizza l-importanza ta' armonizzazzjoni fl-allokazzjoni tal-ispettru, maħsuba biex iżżid id-domanda għall-konnettività u ssaħħaħ il-prevedibbiltà tal-ambjent tal-investiment fin-netwerk; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita tmexxija fil-katini tal-valur industrijali diġitali u fit-teknoloġiji ewlenin, bħall-5G, it-teknoloġiji tal-kwantum, l-informatika ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, l-analitika tal-big data, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni (inkluż is-Sewqan Awtomatizzat Ħafna) u d-Distributed Ledger Technology; f'dan ir-rigward, jappoġġja d-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni tagħha;
11. Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' ekonomiji kollaborattivi u on-demand, tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għat-tibdil tal-imġiba tal-passiġġieri u l-konsumaturi rigward il-mobilità u t-turiżmu, kif ukoll għall-ħtieġa għal adattament tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport, il-mobilità u t-turiżmu, b'enfasi partikolari fuq l-imġiba u l-għażliet tal-utenti ta' dawn is-servizzi, u tillibera aktar il-potenzjal ta' din l-bidla fis-soċjetà;
12. Jinnota li d-diġitalizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber fid-distribuzzjoni ta' biljetti tal-ivvjaġġar tfisser li aktar informazzjoni hija faċilment disponibbli għall-konsumaturi fuq l-internet, iżda dejjem b'mod li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel l-offerti; jikkunsidra għaldaqstant li huwa neċessarju li jissaħħu s-salvagwardji tat-trasparenza u n-newtralità fid-distribuzzjoni, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni permezz tal-internet, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, ibbażati fuq informazzjoni affidabbli rigward mhux biss il-prezz iżda parametri oħra wkoll, inklużi l-kwalità tas-servizz u offerti anċillari; jemmen li tali trasparenza ser tippromwovi l-kompetizzjoni kif ukoll se tappoġġja l-iżvilupp tat-trasport multimodali;
13. Jemmen li d-diġitalizzazzjoni għandha tipprovdi lill-konsumaturi aktar għażla, prodotti aktar favorevoli għall-utenti u personalizzati u aktar informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-prodotti jew is-servizzi;
14. Jindika li l-impatt tal-ostakli tal-lingwi fuq l-industrija u d-diġitalizzazzjoni tagħha ma ġiex meqjus b'mod adegwat jew evalwat f'dokumenti dwar is-suq diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwi li, flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew;
15. Jenfasizza li appoġġ speċjali għal multilingwiżmu "analogu" fl-Ewropa huwa ta' benefiċċju kemm f'termini ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea kif ukoll ta' tagħlim ta' ħiliet diġitali komprensivi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-riċerka bażika dwar softwer ta' traduzzjoni u ta' tagħlim statistiku, intelliġenti u permezz tal-magni;
16. Jissottolinja li jeħtieġ li r-reġjuni jiffukaw fuq il-punti ta' saħħa produttivi tagħhom u jrawmu l-iżvilupp tagħhom permezz ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, Katini Intelliġenti u raggruppamenti; Jemmen li r-raggruppamenti u s-sinerġiji bejn l-SMEs, l-atturi industrijali u soċjali, is-settur tal-artiġjanat, in-negozji ġodda, l-akkademja, iċ-ċentri ta' riċerka, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, is-settur tal-industrija kreattiva, il-partijiet ikkonċernati mill-qasam finanzjarju u minn oqsma oħra, jistgħu jkunu mudelli ta' suċċess fl-iżvilupp tal-manifattura u l-innovazzjoni diġitali; iħeġġeġ ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni strutturali fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' aċċellerazzjoni u ta' kapital ta' riskju biex jgħinu t-tkabbir tan-negozji ġodda; jinnota l-importanza li tintuża d-diġitalizzazzjoni fl-avvanz tal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-mudell ta' negozju, bħal sistemi ta' "pay-per-output" u l-personalizzazzjoni fuq skala kbira;
17. Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs f'ċirkustanzi fejn il-qligħ relattiv minn sforzi ta' diġitalizzazzjoni, f'termini ta' enerġija, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u effiċjenza tal-produzzjoni, ikun l-ogħla; huwa favur it-tisħiħ tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-ilħuq tagħhom permezz ta' programmi ta' diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta' ċentri ta' xjenzi applikati b'enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni, u l-kofinanzjament għar-R&Ż interni tal-SMEs; iqis li għandha tingħata attenzjoni lis-sjieda tad-data u l-aċċess tad-data, u lill-iżvilupp ta' programm Ewropew għall-apprendistat diġitali;
18. Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti għall-Modernizzazzjoni Industrijali u b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni inkluża fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, biex jinħoloq netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza (CC) u ta' Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH) biex jissaħħu d-diġitalizzazzjoni industrijali u l-innovazzjoni diġitali għall-SMEs; jinnota li s-settur tal-artiġjanat m'għandux jiġi injorat f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tmexxi 'l quddiem l-istabbiliment tad-DIH u taċ-ċentri ta' kompetenza diġitali f'reġjuni Ewropej anqas diġitalizzati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar finanzjament għal DIH permezz ta' diversi riżorsi Ewropej (l-Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali, eċċ.), biex tappoġġja l-isforzi u l-istrateġiji tal-Istati Membri mmirati lejn l-iżvilupp ta' netwerk tad-DIH nazzjonali, u biex tikkunsidra li tesperimenta b'approċċ "sandbox" fejn esperimenti transettorjali f'ambjent ikkontrollat ma jiġux imblukkati minn regolamentazzjoni permanenti; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transnazzjonali fost id-DIH tagħhom; jemmen li d-DIH innominati għandhom jispeċjalizzaw fl-innovazzjonijiet diġitali industrijali li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi soċjetali tal-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-finanzjament tal-Orizzont 2020 għad-DIH jista' jiġi kkombinat ma' finanzjament minn dak il-programm għall-isfidi soċjetali; jinnota l-għażla tal-vawċers tal-innovazzjoni fl-ICT għall-SMEs rigward l-aċċess għal konsulenza, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-ħila esperta tad-DIH;
19. Jinnota r-rwol importanti tal-bliet u tal-gvernijiet lokali fl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u fil-forniment ta' infrastruttura diġitali u appoġġ għall-SMEs u għal atturi industrijali oħrajn, kif ukoll l-opportunitajiet enormi li l-innovazzjoni industrijali diġitali toffri lil bliet, pereżempju permezz ta' manifattura lokali bi skart żero, integrazzjoni aktar mill-qrib bejn il-produzzjoni industrijali u l-loġistika u t-trasport lokali u urbani, fuq il-produzzjoni tal-enerġija, il-konsum, il-manifattura u l-istampar 3D; iqis li l-bliet għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw id-DIH; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki lokali, nazzjonali u internazzjonali u trawwem l-iskambju tagħhom; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' Indiċi Ewropew għall-Bliet Diġitali u inizjattivi li jippromwovu l-interoperabbiltà tad-data u tas-sistemi fost il-bliet Ewropej; jinnota li l-inizjattiva tal-Bliet Intelliġenti għandha rwol f'dan il-kuntest; jenfasizza l-esperjenza pożittiva ta' fora konsultattivi reġjonali;
20. Jenfasizza r-rwol li l-akkwist pubbliku u r-rekwiżiti legali għar-reġistrazzjoni tan-negozji u r-rapportar dwar l-attività kummerċjali jew żvelar jista' jkollhom fl-avvanz ta' innovazzjonijiet diġitali industrijali ġodda; jitlob lill-Kummissjoni tqis kif l-akkwist pubbliku jista' jintuża bħala mekkaniżmu li jiġbed l-innovazzjoni; jitlob lill-KE tinkludi kontroll diġitali tal-Programm REFIT tagħha, sabiex tiżgura li r-regolamenti jkunu aġġornati għall-kuntest diġitali, u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet pubbliċi dwar l-użu ta' kriterji tal-innovazzjoni fl-offerti pubbliċi; jirrakkomanda l-aċċellerazzjoni tal-adattament tal-ambjent legali u teknoloġiku, bħat-tranżizzjoni IPv6, għall-ħtiġijiet għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u għat-tnedija tal-Internet tal-Oġġetti;
21. Jenfasizza l-importanza li jiġi żblukkat biżżejjed finanzjament pubbliku u privat għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, b'użu aħjar tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); jemmen li dan irid jissaħħaħ b'mod sinifikanti u l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura diġitali għandhom jiżdiedu; jenfasizza ċ-ċentralità tal-finanzjament mill-pjattaformi privati u kollaborattivi, jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi Roundtable ta' Finanzjament għad-Diġitalizzazzjoni Industrijali, li ser teżamina l-kwistjoni u toħroġ bi proposti innovattivi ta' finanzjament; jiddispjaċih li r-riżorsi allokati għall-politiki diġitali fil-baġit tal-UE huma skarsi wisq biex ikollhom impatt reali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea tingħata spinta permezz ta' investimenti produttivi: iqis li d-disponibbiltà ta' strumenti finanzjarji Ewropej eżistenti, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Orizzont 2020 għandhom jiżguraw li dan l-objettiv jintlaħaq; jemmen li l-kombinament ta' dawn il-fondi għandu jkun koerenti mar-riżorsi nazzjonali u r-Regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat; jirrikonoxxi r-rwol li għandhom is-sħubiji pubbliċi-privati u l-impriżi konġunti;
22. Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jappoġġjaw diġitalizzazzjoni industrijali effiċjenti, jipprovdu inċentivi fiskali għan-negozji u għall-intrapriżi li jwettqu sistemi tal-produzzjoni diġitali u intelliġenti;
L-iżgurar tat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija u s-sigurtà fid-diġitalizzazzjoni industrijali: fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet (M&A), ċibersigurtà, flussi tad-data, standardizzazzjoni
23. Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp (R&D); jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta' R&Ż interni kif ukoll esterni u trawwem netwerks ta' innovazzjoni u kooperazzjoni bejn negozji ġodda, parteċipanti korporattivi stabbiliti, SMEs, universitajiet, eċċ. f'ekosistema diġitali; jitlob lill-Kummissjoni teżamina kif jista' jiġi massimizzat it-trasferiment lejn is-suq ta' riżultati ta' riċerka tal-Orizzont 2020 u kif dawn jistgħu jiġu sfruttati minn kumpaniji Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-proporzjon tal-proġetti ta' riċerka tal-Orizzont 2020 li jiġġeneraw privattivi u IPRs u biex tirrapporta dwar dan;
24. Jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja tat-teknoloġiji u tal-għarfien Ewropej sensittivi li jiffurmaw il-bażi tas-saħħa industrijali tal-futur u tar-reżiljenza ekonomika; jenfasizza r-riskji potenzjali fir-rigward tal-istat strateġiku u tal-investiment dirett barrani (IDB) immexxi mill-politika industrijali, b'mod partikolari minn intrapriżi tal-istat permezz ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet (M&A); jenfasizza l-fatt, rigward l-IDB, li xi investituri esterni kienu dejjem aktar interessati li jakkwistaw teknoloġiji sensittivi Ewropej permezz ta' M&A; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tanalizza l-esperjenza tas-CFIUS (Committee on Foreign Investment in the United States); jissottolinja li l-aċċess ugwali għas-suq għall-investiment għandu jkun infurzat permezz tal-istabbiliment ta' regoli globali;
25. Jenfasizza li l-iżviluppi fir-rigward tal-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-applikazzjoni ta' intelliġenza artifiċjali fil-produzzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni profonda tal-komponenti tekniċi ta' oriġini differenti qed iqajmu mistoqsijiet ġodda fir-rigward tar-responsabbiltà għall-prodotti u l-faċilitajiet tal-produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun ir-regoli dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà għal sistemi li jaġixxu b'mod awtonomu, inklużi l-kundizzjonijiet għall-ittestjar;
26. Jirrikonoxxi li l-aċċessibbiltà u l-konnettività għandhom ukoll effetti potenzjali fuq il-vulnerabbiltà fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi, is-sabotaġġ, il-manipulazzjoni tad-data jew l-ispjunaġġ industrijali, u jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' approċċ komuni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà; jirrikonoxxi l-bżonn li jiżdied l-għarfien dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà; iqis li r-reżiljenza ċibernetika hija responsabbiltà kruċjali għall-mexxejja tan-negozji u għal dawk li jfasslu l-politika industrijali u dwar is-sigurtà fuq livell nazzjonali u Ewropew; jemmen li l-produtturi huma responsabbli għall-iżgurar tal-istandards tas-sikurezza u taċ-ċibersigurtà bħala parametri ewlenin ta' disinn fl-innovazzjonijiet diġitali kollha skont it-teknoloġija tal-ogħla livell disponibbli u l-prinċipji ta' "sigurtà fid-disinn" u "sigurtà awtomatika", iżda li taħt ċerti kundizzjonijiet u kriterji jista' jkun hemm devjazzjoni minn din ir-responsabbiltà tal-produttur; jinnota li r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-IoT u għall-istandards tas-sigurtà tal-IT, pereżempju fuq il-bażi tal-arkitettura ta' referenza RAMI4.0 u ICS, ikunu jsaħħu r-reżiljenza ċibernetika Ewropea; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom rwol speċjali f'dan il-kuntest u m'għandhomx jitwarrbu; jitlob lill-Kummissjoni teżamina mudelli differenti għall-avvanz taċ-ċibersigurtà għall-IoT; jitlob lill-istituzzjonijiet pubbliċi, madankollu, biex jagħmlu r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà obbligatorji għall-akkwist pubbliku fir-rigward tat-tagħmir tal-IT u tal-prodotti tal-IoT; iqis li l-kontrolli taċ-ċibersigurtà u l-pariri offruti lill-SMEs dwar il-prodotti industrijali diġitalizzati tagħhom huma ta' importanza kbira; jemmen li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri tal-UE tista' tiffaċilita r-reżiljenza ċibernetika Ewropea f'dak ir-rigward;
27. Jemmen li għandu jkun hemm kriterji komuni għal infrastruttura kritika u s-sigurtà diġitali tagħha, u li d-Direttiva tal-UE dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS) hija l-ewwel pass lejn il-kisba ta' livell komuni għoli ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti għal traspożizzjoni konsistenti u f'waqtha tagħha mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol li għandhom il-korpi regolatorji msemmija fid-Direttiva NIS biex jistabbilixxu l-fiduċja f'teknoloġiji futuri; jinnota li mekkaniżmi ta' monitoraġġ għat-theddida ċibernetika u l-"horizon scanning" għandhom jiġu rikonoxxuti bħala importanti għas-sigurtà tal-industriji diġitali tal-UE, b'enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tal-SMEs u tal-konsumaturi;
28. Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lil mistoqsijiet dwar il-ġbir u l-aċċess għal data u informazzjoni industrijali jew relatati mal-produzzjoni; jissottolinja li f'dan ir-rigward għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-prinċipji tas-sovranità tad-data, tal-aċċess miftuħ u standardizzat u tad-disponibbiltà tad-data, fuq it-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-produttività, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda, l-abbiltà tal-verifika tas-sigurtà filwaqt li tkun permessa l-kompetizzjoni ġusta; jenfasizza li forom ġodda ta' regolamentazzjoni dwar s-sjieda tad-data u l-aċċess għad-data jridu jiġu indirizzati bir-reqqa u jistgħu jiġu introdotti biss wara li ssir konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jemmen li kemm l-innovazzjoni kif ukoll it-tħassib dwar il-privatezza tal-ħaddiema u l-konsumaturi għandhom jiġu protetti u salvagwardjati skont ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvelar u l-aċċess għall-informazzjoni għall-interess pubbliku u għal finijiet xjentifiċi għandhom jiġu promossi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal ekonomija tad-data f'dan ir-rigward sabiex jiġi promoss suq tad-data Ewropew komuni; iqis li, fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar ir-reġim tad-data, għandhom jiġu ssottolinjati żewġ aspetti essenzjali bl-għan li jitrawwem l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għall-identifikazzjoni affidabbli u l-iskambju tad-data, jiġifieri, minn naħa, regoli kuntrattwali predefiniti u, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta' verifika dwar prattiki żleali f'relazzjonijiet kuntrattwali B2B;
29. Jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing, flimkien mal-proposta leġiżlattiva favur il-fluss liberu tad-data, li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, għandhom il-potenzjal li jinċentivaw ulterjorment il-proċess ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, b'mod speċjali l-SMEs u n-negozji ġodda u li jevitaw il-frammentazzjoni fis-suq uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-adozzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing sabiex il-fluss u l-użu tad-data jkunu ġusti, rapidi, affidabbli u mingħajr xkiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn li ħadet fil-komunikazzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-fluss liberu tad-data fi ħdan l-UE, sabiex jitneħħew jew jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni mhux ġustifikati fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamentazzjoni nazzjonali;
30. Jemmen bis-sħiħ li, speċjalment fis-settur tat-trasport, id-data miftuħa, il-"big data" u d-data analitika jibqgħu elementi essenzjali biex naħsdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali u t-trawwim tal-innovazzjoni; jiddispjaċih li l-inizjattivi li jiffaċilitaw il-fluss ta' data għadhom frammentati; jenfasizza li hija meħtieġa aktar ċertezza tad-dritt, speċjalment rigward is-sjieda u r-responsabbiltà, fuq bażi ta' rispett sħiħ tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
31. Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija għall-iskop tal-irkupru ta' data settorjali u ta' governanza minn awtoritajiet pubbliċi u semipubbliċi u l-parteċipanti tas-suq;
32. Jissottolinja r-rwol tal-integrazzjoni tal-ftuħ tal-arkitettura bħala prinċipju ta' disinn tal-komponenti diġitali;
33. Jirrikonoxxi l-importanza li jiġi protett l-għarfien espert tekniku rigward l-iskambju u l-interkonnessjoni ta' komponenti industrijali diġitali, filwaqt li fl-istess ħin tiġi permessa u żviluppata aktar l-interoperabbiltà u l-konnettività minn tarf għal ieħor;
34. Jenfasizza li t-tmexxija Ewropea fid-diġitalizzazzjoni industrijali tirrikjedi strateġija ta' standardizzazzjoni b'saħħitha, li għandha tiġi kkoordinata mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, inkluża l-interoperabbiltà fil-qasam diġitali; jenfasizza l-istruttura importanti u unika tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bl-approċċ inklużiv u bbażat fuq il-kunsens tagħhom li jintegra l-partijiet ikkonċernati soċjetali u, b'mod partikolari, l-SMEs, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards miftuħa, u jilqa' l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi aċċess għal privattivi standard essenzjali, u l-liċenzjar effiċjenti tagħhom, skont il-kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji) u jirrikonoxxi li dan huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-R&Ż fl-UE; jemmen li l-ekonomija ċirkolari tista' tkun xprun ewlieni għal standardizzazzjoni koerenti tal-flussi tal-komunikazzjoni tul il-katini tal-valur industrijali; jitlob li jkun hemm approċċ ikkoordinat fl-UE kollha permezz ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (CEN, CENELEC u ETSI) fir-rigward tal-fora u l-konsorzji internazzjonali; jemmen li huwa mixtieq li l-għan ikunu standards globali u universali, imma jissottolinja wkoll ir-rieda li nipproċedu bi standards Ewropej fil-każ li l-kooperazzjoni internazzjonali fil-fora tal-istandardizzazzjoni tkun miexja b'mod mhux kostruttiv; iqis li l-interoperabbiltà hija neċessarja b'mod partikolari fil-qasam tal-IOT biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jtejjeb l-opportunitajiet għall-konsumaturi, li m'għandhomx ikunu intrappolati ma' ftit fornituri speċifiċi biss;
35. Jenfasizza li l-ostakli kummerċjali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni jfixklu l-attività internazzjonali tal-industrija Ewropea u jagħmlu ħsara lill-kompetittività Ewropea; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali ġusti bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għal regoli internazzjonali komuni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-flussi tad-data, l-użu tad-data u l-istandardizzazzjoni;
Id-dimensjoni soċjali: ħiliet, edukazzjoni u innovazzjoni soċjali
36. Jemmen li għandhom jitwettqu sforzi kbar fir-rigward tal-edukazzjoni, it-tassazzjoni u s-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex l-effetti trasformattivi jiġu integrati fil-mudelli soċjali u ekonomiċi Ewropew tagħna; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija qed ikollha impatt soċjetali kbir li jvarja minn impjiegi, kundizzjonijiet tax-xogħol, drittijiet tal-ħaddiema għall-edukazzjoni u ħiliet, saħħa elettronika, ambjent u żvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li titqies is-sigurtà fi ħdan din il-bidla; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tindirizza b'mod adegwat l-effetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni industrijali u, kif xieraq, tipproponi aktar miżuri biex jingħalaq id-distakk diġitali u tippromwovi soċjetà diġitali inklużiva filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea;
37. Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddefiniet il-kunċett ta' "ħaddiem" abbażi ta' relazzjoni tax-xogħol karatterizzata minn ċerti kriterji bħas-subordinazzjoni, ir-remunerazzjoni u n-natura tax-xogħol[12]; jappella għal ċertezza tad-dritt dwar x'jikkostitwixxi "impjieg" fis-suq tax-xogħol diġitali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet soċjali u tax-xogħol; jistqarr li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija tal-pjattaformi jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-preminenza tal-fatti, u għandhom jiġu klassifikati skont dan, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;
38. Jenfasizza li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali f'soċjetà diġitali; jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja distakk diġitali f'dan ir-rigward; jappella għall-implimentazzjoni ta' garanzija tal-ħiliet, wara konsultazzjoni u bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jsibu modi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini ta' taħriġ(mill-ġdid), taħriġ professjonali u tagħlim tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija intelliġenti; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tal-promozzjoni u tar-rikonoxximent ta' ħiliet diġitali u x-xejra ġdida lejn "ħiliet varji miksuba"; jemmen li l-impjegaturi għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew għal dan it-taħriġ u sabiex jippromwovu sett ta' għodod diġitali għat-titjib tal-ħiliet f'kollaborazzjoni mal-industrija u s-sħab soċjali; jilqa' l-iżvilupp ta' materjal ta' tagħlim u kurrikuli speċifiċi għas-setturi; jitlob lill-KE teżamina għażliet għall-istabbiliment ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal programmi ta' edukazzjoni kontinwa għall-ħiliet diġitali;
39. Jissottolinja li l-ħiliet diġitali jridu jiġu integrati fil-kurrikuli edukattivi nazzjonali; jinnota li eżempji ta' inizjattivi appoġġjati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), bħax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà u l-Isfida Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, għandhom jiġu żviluppati aktar fit-twettiq ta' dan l-għan; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjalizzat għall-għalliema għall-ħiliet diġitali u li l-ħiliet diġitali għandhom jiġu mgħallma lit-tfal kollha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-iskejjel kollha jkunu mgħammra bil-Wi-fi u b'materjal tal-IT aġġornat; jinnota li l-ikkowdjar ukoll għandu rwol importanti; jitlob skambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri sabiex jitgħallmu minn prattiki stabbiliti bħall-programm Fit4Coding, inizjattivi tal-akkademja diġitali, programmi ta' tagħlim elettroniku, jew skejjel tal-ikkowdjar bħal Webforce3; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni tal-ittestjar tal-ħiliet diġitali fl-istudji tal-IGCU/Pisa biex tippermetti l-kompetizzjoni u l-paragun bejn l-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ifasslu programmi ta' studju interdixxiplinari li għandhom l-għan li jintegraw bosta kompetenzi, bħall-IT mal-ġestjoni tan-negozju jew l-inġinerija u x-xjenzi tad-data; jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi bil-miri dwar il-ħiliet diġitali, kif ġew mistiedna jagħmlu mill-Kummissjoni; jenfasizza r-rwol importanti li s-sħab soċjali u partijiet kkonċernati oħra jista' jkollhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji; jinnota li sa issa huma biss nofs l-Istati Membri tal-UE li ħolqu koalizzjonijiet nazzjonali għal impjiegi diġitali; jenfasizza li linja baġitarja speċifika li tappoġġja l-attivitajiet tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali tkun qed issaħħaħ it-tixrid ta' informazzjoni u aktar attivitajiet;
40. Jenfasizza l-importanza li jsir investiment fid-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u s-settur tal-artiġjanat; jenfasizza li jeħtieġ ukoll li l-ħiliet diġitali jiġu kkombinati ma' ħiliet tal-inġinerija u l-promozzjoni tal-edukazzjoni fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (suġġetti STEM) kif ukoll il-promozzjoni ta' ħiliet personali bħall-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni ta' tim, u l-ħsieb transsettorjali;
41. Jitlob li l-perspettiva tas-sessi tiġi inkorporata fl-inizjattivi diġitali kollha, biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja wkoll issir mutur għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-disparità bejn is-sessi severa fis-settur tal-ICT, peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa;
42. Jinnota l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali u ta' servizzi pubbliċi oħra, kif ukoll tal-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u ta' persuni b'mobbiltà limitata fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tat-telexogħol f'dan ir-rigward;
43. Jirrimarka li, kif muri permezz tal-inizjattiva Ewropea, id-diġitalizzazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej tirrappreżenta opportunità sinifikanti biex jittejbu l-aċċessibbiltà, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tagħhom u li l-innovazzjoni diġitali tista' tipprovdi impetu għal rivoluzzjoni fil-mod li oġġetti kulturali jiġu esibiti u kif isir aċċess għalihom; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi b'mod partikolari l-użu ta' teknoloġiji 3D għall-ġbir tad-data u r-rikostruzzjoni ta' beni u wirt kulturali meqruda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;
44. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-siti storiċi u kulturali ta' spiss mhumiex aċċessibbli għal dawk b'diżabilità u jenfasizza l-opportunitajiet li pjattaforma kulturali diġitali aktar b'saħħitha toffri għat-titjib fl-impenn u biex l-esperjenzi kulturali, is-siti u l-artefatti madwar l-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom;
45. Iħeġġeġ ir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' assistenza u l-iżvilupp tagħhom, li jistgħu jintużaw u jsiru prodotti industrijali ġodda għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;
46. Jiffavorixxi l-istabbiliment ta' skambju regolari tal-aħjar prattiki, rieżami tal-progress biannwali u rakkomandazzjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija;
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
- [2] ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.
- [3] ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
- [4] ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 41.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2014)0032.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2013)0535.
- [7] ĠU C 93, 9.3.2016, p. 120.
- [8] ĠU C 332 E, 15.11.2013, p.22.
- [9] Testi adottati, P8_TA(2016)0486.
- [10] ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
- [11] ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.
- [12] Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea C-596/12, paragrafu 17 u C-232/09, paragrafu 39.
NOTA SPJEGATTIVA
L-industrija għandha rwol ewlieni fl-ekonomija tal-Ewropa. Din tipprovdi impjiegi, dinamiżmu ekonomiku u tista' tikkontribwixxi soluzzjonijiet kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali kbar li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, fosthom l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), it-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku, il-prekarjetà soċjali u t-telf tal-bijodiversità. Fl-istess ħin, id-dinja tinsab fil-qalba ta' rivoluzzjoni industrijali ġdida bbażata fuq id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni. Din ir-rivoluzzjoni qed tbiddel il-mudelli tan-negozju, il-katini tal-valur, il-produzzjoni u l-konsum. Qed jitfaċċaw teknoloġiji ewlenin ġodda bħal Big Data, Internet tal-Oġġetti (IoT), 5G, cloud computing, robotika, intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji kwantum, eċċ. Bħalissa għaddejja tellieqa globali biex insiru nafu min jista' jwettaq dawn l-iżviluppi l-ġodda u jadatta għalihom b'mod sostenibbli u soċjali fl-aktar ħin mgħaġġel.
Sabiex l-industrija Ewropea tibqa' kompetittiva huwa essenzjali li tmexxi din ir-rivoluzzjoni industrijali ġdida b'innovazzjoni u fuq il-bażi tas-sostenibbiltà. L-Unjoni Ewropea għandha vantaġġi industrijali ċari f'dan ir-rigward. Hi għandha għarfien espert, R&Ż, ħaddiema tas-sengħa, suq uniku kbir, bażi industrijali b'saħħitha u storja li tgħaqqad flimkien il-manifattura u s-servizzi. F'dan il-kuntest, l-Ewropa teħtieġ strateġija industrijali ambizzjuża għall-modernizzazzjoni li diġitalizza l-bażi tal-manifattura tagħha. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija l-ewwel pass importanti fid-direzzjoni t-tajba.
Strateġija bħal din teħtieġ approċċ olistiku bbażat fuq il-pilastri li ġejjin:
• Il-koordinazzjoni u l-viżjoni Ewropej
• It-twaqqif tal-kundizzjonijiet qafas xierqa (infrastruttura, investiment, innovazzjoni)
• L-enfażi tas-sigurtà bħala speċifiċità Ewropea fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin ġodda
• Iż-żieda tar-reżiljenza soċjali permezz tal-ħiliet, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni soċjali.
L-UE teħtieġ viżjoni strateġika komuni. 28 strateġija, pjattaforma u approċċ nazzjonali separati ma jagħmlux użu mill-valur miżjud Ewropew, iżidu l-frammentazzjoni, jirriskjaw li jdgħajfu s-suq uniku, u jwasslu għal ineffiċjenzi. Huwa għalhekk li approċċ Ewropew bi pjattaforma ta' koordinazzjoni Ewropea huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-istrateġiji nazzjonali jiġu integrati f'kuntest akbar b'perspettiva Ewropea. B'mod partikolari, hemm bżonn ta' viżjoni Ewropea komuni. Id-diġitalizzazzjoni waħedha ma tistax tkun it-tema rikorrenti. Id-diġitalizzazzjoni tippermetti l-promozzjoni tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u x-xogħol ta' kwalità. Id-diġitalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi se żżid aktar minn EUR 110 biljun ta' dħul għall-industrija fis-sena fil-ħames snin li ġejjin. Skont il-Kummissjoni Ewropea d-diġitalizzazzjoni se ġġib magħha 8 % tat-tkabbir tal-produttività matul id-deċennju li jmiss fil-Ġermanja biss. Tista' tiġġenera wkoll benefiċċji soċjoekonomiċi u ambjentali. Skont il-BT, l-ICT għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju fl-UE b'aktar minn 1.5 Gt ta' ekwivalenti CO2 fl-2030 permezz tal-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, u s-saħħa elettronika tista' tiġġenera EUR 14 biljun f'iffrankar ta' spazju permezz ta' anqas konsultazzjonijiet individwali.
L-adattament għal dawn it-tendenzi industrijali ġodda, madankollu, mhux se jkun possibbli jekk l-Ewropa ma tipprovdix il-kundizzjonijiet qafas xierqa. Dan ifisser li hemm bżonn li tiġi żgurata l-aqwa infrastruttura għall-ekonomija tal-Ewropa, pereżempju, permezz tal-5G u l-fibra ottika, li jiġu promossi l-innovazzjoni u R&Ż, kif ukoll li jiġi stimulat l-investiment f'teknoloġiji ġodda u l-modernizzazzjoni. Skont il-Kummissjoni Ewropea, bejn wieħed u ieħor matul dawn l-aħħar 15-il sena, investimenti fi prodotti relatati mal-ICT fl-UE rrappreżentaw madwar terz ta' dawk li saru fl-Istati Uniti. Il-livelli ta' investiment huma baxxi wisq. Huwa għalhekk li għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet qafas li jittrasformaw sitwazzjoni ta' awsterità f'kuntest ta' investiment. L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), huma partikolarment importanti f'dan il-kuntest. Skont stħarriġ, il-maġġoranza tal-SMEs Ewropej iqisu lilhom infushom li għadhom lura fl-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u għandhom nuqqas ta' investiment fihom. Dan irid jiġi indirizzat permezz ta' programm ta' diġitalizzazzjoni mfassal apposta għall-SMEs.
Aspetti ta' sigurtà differenti wkoll għandha tingħatalhom aktar attenzjoni f'din l-era industrijali diġitali ġdida. Pereżempju huwa neċessarju li jiġi żgurat li teknoloġiji strateġiċi Ewropej ewlenin ma jiġux mibjugħa b'irħis lill-kompetituri barranin mingħajr ma jiġu ostakolati s-swieq liberi. Dan ifisser ukoll l-iżgurar tas-sigurtà ċibernetika fil-fabbrika diġitalizzata u l-Internet tal-Oġġetti, fejn kull prodott jew servizz diġitali jista' f'daqqa waħda jkun "arma" permezz tad-dħul mhux awtorizzat. Għal dan, huma meħtieġa regoli ċari dwar iċ-ċibersigurtà. Se jkun kruċjali wkoll qafas li jiżgura l-fluss ħieles tad-data filwaqt li jipproteġi s-sovranità tad-data u jistabbilixxi regoli ċari għall-ġestjoni tad-data għal relazzjonijiet b2b kif ukoll l-istandardizzazzjoni. Il-kompetituri tal-Ewropa diġà qed jimplimentaw l-istrateġiji ta' standardizzazzjoni tagħhom stess sabiex javvanzaw l-atturi industrijali tagħhom. F'dan il-kuntest, l-Ewropa trid tistabbilixxi qafas ta' standardizzazzjoni koerenti għall-istrateġija ta' diġitalizzazzjoni industrijali tagħha flimkien mal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni.
Huwa ċar li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea qiegħda wkoll iġġib magħha sfidi. Hemm is-sitwazzjoni assurda fejn teknoloġiji ġodda jistgħu, skont studji differenti, jikkawżaw telf ta' impjiegi u prekarjetà soċjali filwaqt li l-Ewropa għandha nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa. Sena wara sena l-Ewropa bħalissa qed titlef madwar 180 000 speċjalist tal-IT. Huwa għalhekk li strateġija tad-diġitalizzazzjoni industrijali jrid ikollha dimensjoni soċjali qawwija. Dan jinkludi d-dritt għal taħriġ u garanzija tal-ħiliet, biex b'hekk jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja, u jiġi żgurat li l-ħiliet diġitali jiġu mgħallma minn età żgħira u inklużi fil-kurrikulu tal-iskola. Ħiliet diġitali jeħtieġu wkoll li jiġu żviluppati b'mod trasversali. Mhux biss fl-industriji l-kbar iżda anki għall-SMEs u s-settur tal-artiġjanat. F'dan ir-rigward huwa wkoll essenzjali li jingħaqdu l-ħiliet diġitali u t-taħriġ vokazzjonali.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (28.3.2017)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
(2016/2271(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Marju Lauristin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi s-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) bħalissa jimpjega sitt miljun ruħ fl-Ewropa; billi 40 % tal-ħaddiema Ewropej m'għandhomx biżżejjed ħiliet diġitali u jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fit-tagħlim tul il-ħajja; billi jeħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jiġu aġġustati u msaħħa aktar biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol diġitali;
B. billi teżisti disparità kbira bejn is-sessi fir-rigward tal-impjieg u t-taħriġ fis-settur tal-ICT, b'implikazzjonijiet negattivi qawwija għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;
C. billi d-diġitalizzazzjoni tal-industrija tippenetra sew fil-partijiet kollha tas-settur, u b'hekk iżżid il-kompetittività tiegħu permezz tal-produzzjoni innovattiva u sostenibbli tal-oġġetti u s-servizzi, tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi u l-prosperità, iżda ġġib ukoll sfidi li jirrikjedu l-involviment attiv tas-sħab soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li ssir tranżizzjoni diġitali ġusta;
D. billi l-piż relattiv tal-valur miżjud u tal-impjieg industrijali ilu jonqos għal għexieren ta' snin, u dan ikkontribwixxa għal żbilanċi ekonomiċi u f'xi każijiet kellu effetti negattivi fuq il-koeżjoni soċjali u reġjonali;
E. billi d-diġitalizzazzjoni tista' twassal għal relazzjonijiet ta' netwerking ġodda bejn nies, gruppi, magni u sistemi, u b'hekk toħloq sinerġiji bejn il-kreattività umana u l-intelliġenza artifiċjali;
F. billi medja ta' 9 % tal-impjiegi huma f'riskju għoli li jiġu awtomatizzati, filwaqt li għal 25 % oħra tal-impjiegi, nofs il-kompiti se jinbidlu b'mod sinifikanti b'riżultat tal-awtomatizzazzjoni;
G. billi, skont il-Kummissjoni, id-domanda għal ħaddiema diġitali bi kwalifiki għoljin qed tkompli tikber u, jekk ma jittiħdux miżuri adegwati, jista' jkun hemm sa 756 000 post battal sal-2020, u b'hekk jiġu pperikolati t-tkabbir u l-kompetittività Ewropej; billi s-sistemi preżenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jiġu riveduti, meta jkun meħtieġ, sabiex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol diġitali u jżidu l-livelli tal-impjiegi;
H. billi l-aġġustamenti għall-iżviluppi tekniċi u t-tibdil li jirriżulta fid-dinja tax-xogħol jirrappreżentaw kompitu kontinwu li l-impriżi, it-trade unions u l-leġiżlaturi se jibqgħu jaħdmu fuqu għal żmien twil; billi waħda mill-isfidi ewlenin se tkun li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru konformi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol diġitali u li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija tibqa' komplementari għax-xogħol tal-bniedem;
1. Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija tirrappreżenta sfidi u opportunitajiet kbar, kemm f'termini tal-ħolqien u tat-telf ta' impjiegi kif ukoll fl-organizzazzjoni tax-xogħol; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija teħtieġ reazzjonijiet immirati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, rigward il-politiki tal-impjieg, tal-edukazzjoni, tat-tassazzjoni u dawk soċjali, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, kif ukoll il-forniment ta' infrastruttura aġġornata; jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija għandha tissawwar b'mod li tikkontribwixxi għal titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;
2. Jirrimarka li forom ġodda ta' xogħol ibbażati fuq id-diġitalizzazzjoni spiss jifirdu l-post tax-xogħol mill-intrapriża, u dan joħloq sfida rigward il-liġi tax-xogħol applikabbli, il-protezzjoni tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi, inkluż il-prinċipju ta' trattament ugwali fl-istess post tax-xogħol; huwa mħasseb dwar iż-żieda tax-xogħol prekarju fil-qasam industrijali, inklużi l-impjiegi indipendenti fittizji u l-kuntratti abbużivi "żero sigħat"; jenfasizza li l-protezzjoni tal-ħaddiema trid tkun żgurata bl-istess mod fl-oqsma kollha fis-suq tax-xogħol diġitali;
3. Jinnota d-differenzi reġjonali qawwija fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, li għandhom konsegwenzi għall-impjiegi, il-produttività u t-tkabbir, b'mod partikolari għall-SMEs; jinnota li m'hemmx biss qasma reġjonali iżda anke qasma soċjali fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, kif ukoll differenzi bejn l-intrapriżi; għalhekk, jitlob li jiżdiedu l-isforzi fl-iżvilupp ta' infrastrutturi diġitali inklużivi, inkluż l-aċċess għall-broadband, u fl-appoġġ lill-SMEs, b'mod partikolari fir-reġjuni li għadhom lura; jistieden lill-Unjoni tappoġġja l-investimenti fl-infrastruttura diġitali u tagħmel użu aħjar mill-fondi Ewropej f'dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess universali għall-internet, anke għall-gruppi żvantaġġati u għall-persuni li jgħixu f'żoni rurali;
4. Iqis l-innovazzjoni diġitali pubblika u l-istandards miftuħa bħala mod kif tingħeleb il-konċentrazzjoni tal-għarfien diġitali fi ftit kumpaniji industrijali, u b'hekk jippromwovu l-iżvilupp diġitali bilanċjat fl-Istati Membri kollha;
5. Jenfasizza l-importanza tan-netwerking u l-kooperazzjoni tal-inizjattivi ta' diġitalizzazzjoni nazzjonali diġà stabbiliti bħal Industrie 4.0, u jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu appoġġjati r-reġjuni u s-setturi li bħalissa għadhom lura sabiex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, u tiġi promossa koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali msaħħa; jenfasizza l-potenzjal taċ-ċentri ta' kompetenza diġitali biex jappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, iqawwu l-kompetittività ta' kumpaniji eżistenti u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' kumpaniji ġodda;
6. Jirrimarka li t-trasformazzjoni diġitali hija fenomenu kumpless li jeħtieġ li jiġi trattat anke fil-livell Ewropew sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku, u li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u reġjonali hija mixtieqa f'dan ir-rigward;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jimmonitorjaw u jivvalutaw regolarment l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-kwalità, in-numru u t-tip tal-impjiegi, kif ukoll id-domandi għall-ħiliet u l-kwalifiki, u biex jaġġustaw il-politiki relatati skont dan bil-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, jiggarantixxu l-kompetizzjoni ġusta u jiżguraw li d-diġitalizzazzjoni tikkontribwixxi biex jogħlew l-istandards soċjali u tax-xogħol; jirrimarka li, minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-industrija, id-differenzjali bejn il-ħolqien u t-telf ta' tipi differenti ta' impjiegi jista' jkollu konsegwenzi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, is-sistemi tal-pensjonijiet u s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri; ifakkar li mhux l-impjiegi futuri kollha huma affettwati bl-istess mod mid-diġitalizzazzjoni tal-industrija u li l-importanza tal-interazzjoni umana m'għandhiex tkun sottovalutata;
8. Jinnota l-effetti li mudelli kummerċjali ġodda bbażati fuq it-teknoloġiji diġitali qed ikollhom fuq is-suq tax-xogħol kif ukoll fuq id-domanda għal ħiliet diġitali tal-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni toffri opportunitajiet ta' ripatrijazzjoni tal-manifattura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji ta' ripatrijazzjoni tal-manifattura biex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni;
9. Ifakkar fir-riskju li d-diġitalizzazzjoni taggrava d-distribuzzjoni mhux ugwali tal-ġid billi twessa' l-qasma diġitali b'tali mod li tista' tifred lis-soċjetà, lill-Istati Membri u lir-reġjuni f'dawk li jistgħu jibbenefikaw miż-żieda fil-produttività diġitali u f'dawk li ma jistgħux; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw modi possibbli kif inaqqsu l-inugwaljanzi li jinħolqu permezz tal-awtomatizzazzjoni;
10. Jirrikonoxxi l-opportunitajiet u l-isfidi relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija; jinnota l-effetti pożittivi li għandha d-diġitalizzazzjoni tal-industrija billi żżid l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jistgħu joħolqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tiddiversifika l-għażliet permezz tat-telexogħol mobbli, u tippermetti lil persuni minn żoni rurali u mwarrba jidħlu fis-suq tax-xogħol (sakemm ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa), biex b'hekk trawwem it-tkabbir ekonomiku; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn flessibbiltà akbar tista' tkabbar il-periklu ta' impjieg instabbli u prekarju; jenfasizza li forom ġodda ta' xogħol ma jridux jintużaw biex dak li jkun idur mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumatur; jirrimarka li l-industriji u l-intrapriżi tradizzjonali fl-ekonomija tal-pjattaformi jrid ikollhom kundizzjonijiet indaqs;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data sabiex jimmonitorjaw u jevalwaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq forom ta' impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol, u jieħdu l-inizjattivi meħtieġa sabiex jiċċaraw is-sitwazzjoni legali tal-ħaddiema tal-pjattaformi, b'mod partikolari billi jagħmlu distinzjoni bejn il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-impjegati, u jaġġustaw il-leġiżlazzjoni eżistenti, meta jkun meħtieġ, biex jiżguraw li l-impjiegi kollha jkunu koperti sew mil-liġi tax-xogħol; jissottolinja l-fatt li l-ħaddiema kollha għandhom l-istess drittijiet soċjali minquxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandhom jiġu rrispettati, inkluż id-dritt għal moviment liberu, il-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt li jikkonkludu ftehimiet kollettivi u d-dritt li jieħdu azzjoni industrijali; jenfasizza l-ħtieġa ta' ambjent regolatorju u amministrattiv proporzjonat għall-ekonomija tal-pjattaformi li jqis id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ikkonċernati kollha;
12. Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddefiniet il-kunċett ta' "ħaddiem" abbażi ta' relazzjoni tax-xogħol karatterizzata minn ċerti kriterji bħas-subordinazzjoni, ir-remunerazzjoni u n-natura tax-xogħol[1]; jappella għal ċertezza tad-dritt dwar x'jikkostitwixxi "impjieg" fis-suq tax-xogħol diġitali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet soċjali u tax-xogħol; jistqarr li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija tal-pjattaformi jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-primazija tal-fatti, u għandhom jiġu klassifikati skont dan, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;
13. Huwa mħasseb dwar id-diverġenzi sinifikanti fil-livell tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema fid-diversi Stati Membri u bejniethom; jenfasizza l-ħtieġa li dawn id-disparitajiet jitnaqqsu, peress li għandhom impatti negattivi fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp u fuq is-suq tax-xogħol;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-diġitalizzazzjoni tal-industrija u t-tkattir konsegwenti ta' forom ġodda ta' xogħol ma jkunux ta' detriment għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha għall-forom kollha ta' xogħol; jinnota li s-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jiffaċilitaw il-ġbir tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali b'mod regolari meta jadattaw il-qafas regolatorju għall-ekonomija diġitali; jistieden lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi għall-ekonomija tal-pjattaformi;
16. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għat-taħriġ fil-ħiliet tas-seklu 21, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħidma bħala tim u l-użu tal-big data, sabiex jippermettu parteċipazzjoni ugwali taċ-ċittadini kollha fis-suq uniku diġitali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-kompetenzi trasversali, li jippermettu lill-ħaddiema jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jiżviluppaw sens ta' inizjattiva u għarfien tagħhom infushom; jenfasizza r-rwol ta' min iħaddem fl-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' taħriġ adegwat li jippermetti lill-ħaddiema jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki diġitali tagħhom; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-ħaddiema f'impjiegi li huma f'riskju li ma jibqgħux jeżistu b'riżultat tad-diġitalizzazzjoni kontinwa tal-industrija;
17. Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema kollha fl-era diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema li jitilfu l-impjiegi tagħhom ikollhom aċċess rapidu għat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet diġitali, jekk ikunu jridu; jappella għal modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jirriflettu x-xejriet tax-xogħol u tal-karrieri msawra mid-diġitalizzazzjoni;
18. Jenfasizza l-importanza li s-sistemi tal-edukazzjoni jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali sabiex l-istudenti jingħataw l-għarfien u l-ħiliet rilevanti; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħsieb interdixxiplinari fl-iskejjel sabiex jissodisfaw id-domanda tikber għall-ħiliet diġitali u komplementari; jistieden lill-Istati Membri jiffukaw mhux biss fuq it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, iżda anke fuq it-tħeġġiġ tat-tagħlim u l-interess minn età bikrija fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM), kif ukoll tal-ħiliet intraprenditorjali u personali rilevanti; jenfasizza li jridu jsiru sforzi partikolari biex tingħeleb d-disparità kbira ħafna bejn is-sessi fis-settur tal-ICT; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-iżvilupp ta' strateġiji dwar il-ħiliet u programmi ta' taħriġ okkupazzjonali għall-era diġitali;
19. Jinnota li l-ispariġġ fil-ħiliet fl-ekonomija diġitali ma jikkonċernax biss in-nuqqas ta' ħiliet, iżda huwa anke r-riżultat ta' kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, li jġiegħlu lil uħud mill-ħaddiema bl-aħjar ħiliet jagħżlu li jaħdmu x'imkien ieħor, kif ukoll ta' ġestjoni ħażina tar-riżorsi umani, u dan iwassal biex ma jiġux sfruttati għalkollox il-ħiliet u l-għarfien tal-ġenerazzjoni diġitali;
20. Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni bl-għan li jingħelbu n-nuqqasijiet ta' ħaddiema bi kwalifiki għoljin, bħall-Koalizzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali; jenfasizza li suċċess dejjiemi f'dan il-qasam jista' jinkiseb biss bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-NGOs;
21. Jenfasizza li l-ħaddiema mhumiex subordinati għas-sistemi ta' produzzjoni robotizzati jew għall-pjattaformi diġitali, iżda jiżvolġu rwol importanti fit-tiswir tal-ambjent tax-xogħol tagħhom u tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ id-dritt ta' konsultazzjoni u parteċipazzjoni fi kwistjonijiet tal-kumpaniji, kif ukoll l-involviment tas-sħab soċjali fil-livelli kollha biex tiġi żgurata tranżizzjoni diġitali ġusta;
22. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati u analizzati kemm l-effetti pożittivi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-industrija kif ukoll ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali li joħolqu, inklużi r-riskji psikoloġiċi ġodda u l-impatt tal-interazzjoni bejn ir-robots u l-umani, sabiex jittieħdu l-miżuri adatti meta jkun meħtieġ; jissottolinja l-ħtieġa li s-sħab soċjali jkunu involuti f'dan ir-rigward; jirrimarka dwar l-effetti psikoloġiċi u newroloġiċi tad-diġitalizzazzjoni fuq l-impjegati, peress li l-aċċessibbiltà kostanti toħloq riskju ta' problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol, bħall-eżawriment; għalhekk, huwa favur li l-ħaddiema jkunu intitolati għad-"dritt li jkunu offline" barra l-ħinijiet tax-xogħol miftiehma;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tagħha, b'mod partikolari lill-EU-OSHA, biex jeżaminaw l-effetti tad-diġitalizzazzjoni, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali fuq l-istrapazz mentali, u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet politiċi meta jkun meħtieġ; jirrimarka dwar l-effetti li s-superviżjoni kostanti bl-użu ta' tekniki diġitali jista' jkollha fuq l-ambjent tax-xogħol u fir-rigward tal-istress fil-post tax-xogħol; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-riċerka tindika b'mod ċar li pressjoni u sorveljanza akbar x'aktarx flok ma jqawwu l-prestazzjoni ikattru r-riskji għas-saħħa, l-iżbalji u l-inċidenti[2];
24. Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mas-sħab soċjali, jibdew konsultazzjonijiet nazzjonali dwar il-futur tax-xogħol u d-diġitalizzazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol ewlieni fit-tixrid u l-koordinazzjoni ta' inizjattivi nazzjonali bħal dawn;
25. Jinnota li l-użu jiżdied ta' teknoloġiji ġodda u mezzi ta' komunikazzjoni elettronika fil-post tax-xogħol iqajjem mistoqsijiet dwar il-privatezza tal-ħaddiema u l-possibbiltajiet ġodda ta' monitoraġġ u sorveljanza; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu diskussi u żviluppati oqfsa ta' politika aħjar fir-rigward tal-użu, l-ipproċessar, il-ħażna u l-pussess ta' data relatata mal-impjegati, skont ir-Regolament 2016/679, biex jiġi evitat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom dritt ta' aċċess għad-data;
26. Jinnota l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali u ta' servizzi pubbliċi oħra, kif ukoll tal-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u ta' persuni b'mobbiltà limitata fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tat-telexogħol f'dan ir-rigward;
27. Jinnota ż-żieda fix-xogħol tal-pjattaformi u jistenna li dan ikompli jinfirex fis-settur industrijali, minħabba l-possibbiltajiet ta' deċentralizzazzjoni u flessibbiltà li tipprovdi d-diġitizzazzjoni; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-użu tax-xogħol tal-pjattaformi biex jiġu evitati l-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa u d-drittijiet tal-ħaddiema, inklużi l-pagi minimi, l-obbligi tas-saħħa u s-sikurezza, il-ħinijiet tax-xogħol massimi u d-drittijiet għas-sigurtà soċjali f'xi każijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas li jiżgura li l-ħaddiema tal-pjattaformi jgawdu l-istess drittijiet bħall-ħaddiema fl-ekonomija tradizzjonali, u li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-individwi u tal-intrapriżi, bl-għan li titħares l-istabbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
22.3.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 1 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mara Bizzotto, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Robert Rochefort, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Arena, Georges Bach, Tania González Peñas, Krzysztof Hetman, Marju Lauristin, Alex Mayer, Joachim Schuster, Jasenko Selimovic, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Neoklis Sylikiotis |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
43 |
+ |
|
ALDE ECR ENF GUE/NGL PPE
S&D Verts/ALE |
Enrique Calvet Chambon, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Yana Toom, Renate Weber Anthea McIntyre; Jana Žitňanská Dominique Martin, Joëlle Mélin Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis Georges Bach, David Casa, Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Michaela Šojdrová, Csaba Sógor, Romana Tomc Maria Arena, Ole Christensen, Jan Keller, Marju Lauristin, Javi López, Alex Mayer, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Maria João Rodrigues, Joachim Schuster, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka |
|
1 |
- |
|
NI |
Lampros Fountoulis |
|
2 |
0 |
|
ENF GUE/NGL |
Mara Bizzotto João Pimenta Lopes |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea C-596/12, punt 17 u C-232/09, punt 39.
- [2] Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol: "Work-related stress and risk assessment. A European campaign on risk assessment" (L-istress relatat max-xogħol u l-valutazzjoni tar-riskju. Kampanja Ewropea dwar il-valutazzjoni tar-riskju); tagħrif miġbur fl-14 ta' Ġunju 2013 minn https://osha.europa.eu/mt/surveys-and-statistics-osh/esener.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (7.2.2017)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea
(2016/2271(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gaetano Cofferati
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea" (COM(2016)0180); ifakkar fl-objettiv li l-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PDG tal-UE tiżdied għal 20 % sal-2020; jenfasizza r-rwol importanti li d-diġitalizzazzjoni jista' jkollha f'dan il-kuntest u l-opportunitajiet kummerċjali li tista' tipprovdi; jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi stabbilita strateġija ambizzjuża u koerenti tal-UE li ġġib flimkien l-inizjattivi differenti tal-UE u tikkoordina l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali rispettivi, filwaqt li tevita l-frammentazzjoni u timmassimizza l-opportunitajiet għall-konsumaturi, il-ħaddiema u n-negozji;
2. Jenfasizza li s-setturi kollha tal-ekonomija nbidlu radikalment permezz tad-diġitalizzazzjoni u li l-Ewropa għandha taħtaf din l-opportunità biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha fil-livell internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw aktar is-suq uniku tal-UE sabiex isaħħu l-industrija Ewropea, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, jiżguraw qafas regolatorju koerenti u jneħħu l-ostakoli regolatorji mhux ġustifikati, inaqqsu l-burokrazija u jimmodernizzaw ir-regolamentazzjoni;
3. Jenfasizza l-ħtieġa ta' investimenti adegwati u qafas regolatorju koerenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-infrastrutturi, fiċ-ċibersigurtà, fil-protezzjoni tad-data, fil-gvern elettroniku u fil-ħiliet diġitali sabiex jiġi żgurat suq uniku diġitali li jiffunzjona tajjeb; jenfasizza li l-UE għadha lura meta mqabbla mal-kompetituri tagħha f'dan ir-rigward u huma meħtieġa aktar riżorsi għal tali investimenti, u li għandu jsir użu sħiħ mill-potenzjal u s-sinerġiji offruti minn fondi eżistenti filwaqt li jingħata inċentiv lill-investimenti privati; jemmen li l-isforzi ulterjuri tal-Kummissjoni jenħtieġ li jindirizzaw dawn l-isfidi b'mod effiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi aktar ċarezza dwar il-finanzjament tal-inizjattivi meħuda u li se jittieħdu li jiffaċilitaw il-proċess ta' diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-FEIS, tal-FSIE u ta' Orizzont 2020 u s-sinerġiji potenzjali ta' bejniethom, kif ukoll dwar il-kontribuzzjoni stmata mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-impatt tas-sħubija pubblika-privata u l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim li jmiss ta' Orizzont 2020;
4. Ifakkar li bħalissa jeżistu 30 inizjattiva nazzjonali u reġjonali parallela; jenfasizza l-importanza li jinbnew sinerġiji u kollaborazzjoni transnazzjonali bejniethom sabiex jiġu żgurati viżibbiltà aħjar, valur miżjud u użu effiċjenti tar-riżorsi; jiddispjaċih fir-rigward tal-qasma ġeografika li qed tikber fil-kompetittività u fid-diġitalizzazzjoni; jitlob l-estensjoni tal-infrastrutturi tan-netwerks ta' linji tat-telefon fissi u mobbli b'veloċità għolja ħafna sabiex ikunu disponibbli għaż-żoni ġeografiċi kollha, inkluż f'żoni rurali jew iżolati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa statistika komprensiva li tikkomplementa dawk eżistenti, bħall-indiċi DESI, sabiex jiġu evalwati aħjar il-proċessi ta' diġitalizzazzjoni f'oqsma u setturi differenti;
5. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali madwar l-Ewropa li jenħtieġ iġibu flimkien inizjattivi eżistenti nazzjonali u tal-UE; jenfasizza li dawn iċ-ċentri jenħtieġ li joffru coaching u konsulenza, u jipprovdu għall-iskambju tal-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni u l-investimenti fil-livell Ewropew fid-diġitalizzazzjoni tal-industrija jwasslu għal tnaqqis progressiv fil-qasma ġeografika diġitali, koordinazzjoni aħjar tal-fondi eżistenti u opportunitajiet ikbar għad-diġitalizzazzjoni tal-SMEs; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġi pprovdut ambjent adatt għad-diġitalizzazzjoni għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;
6. Jenfasizza r-riskju li l-profitti jiġu ttrasferiti mill-atturi industrijali lejn is-sidien ta' pjattaformi diġitali proprjetarji, u li s-suq jiġi kkonċentrat f'idejn ftit atturi li joħolqu monopolji de facto, b'mod partikolari fir-rigward tal-pjattaformi; iqis li tenħtieġ azzjoni effikaċiu konsistenti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u, fejn meħtieġ, inizjattivi leġiżlattivi, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn id-diversi atturi, anki fl-ambjent diġitali;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li jitressaq b'urġenza pjan effikaċi għall-istandardizzazzjoni u tiġi żgurata l-interoperabilità sħiħa fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, inkluż fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti u s-sistemi awtonomi, peress li l-ktajjen tal-provvista fil-livell tal-UE tal-lum u d-diġitalizzazzjoni joħolqu sfidi f'dan ir-rigward li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards miftuħa, interoperabbli u mmexxija mid-domanda fl-oqsma ewlenin kollha, u jilqa' l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi aċċess għal privattivi standard essenzjali skont kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji); ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jitqiesu l-aspetti rilevanti kollha fl-iżvilupp tal-istandards, u li tiġi żgurata parteċipazzjoni adegwata tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali u l-atturi l-ġodda, fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali xieraq;
8. Huwa tal-fehma li s-sigurtà tad-data u tal-infrastruttura tal-IT u l-fiduċja fl-ambjent diġitali huma essenzjali biex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ ta' tkabbir u innovazzjoni marbut mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija għall-benefiċċju tal-ħaddiema, il-konsumaturi u n-negozji, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-produtturi ta' softwer u ħardwer kummerċjali jiżguraw standards ta' sikurezza u sigurtà skont it-teknoloġija bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku disponibbli; jistieden lill-industrija biex, minbarra l-prinċipji ta' "privatezza fid-disinn" u "b'mod awtomatiku", timplimenta bis-sħiħ ukoll prinċipju ta' "sigurtà fid-disinn";
9. Jippromwovi sforzi ulterjuri Ewropej fil-qasam taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva NIS b'tempestività u konsistenza u jikkonformaw strettament mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u jimpenjaw ruħhom ukoll f'kooperazzjoni effikaċi sabiex jiġi garantit ambjent sikur għaċ-ċittadini u n-negozji fl-UE; ifakkar li 80 % tal-kumpaniji Ewropej esperjenzaw mill-anqas inċident ta' ċibersigurtà wieħed matul l-aħħar sena[1]; jitlob sensiela ta' inizjattivi ġodda u konkreti biex tiġi pprovduta gwida lin-negozji, speċjalment l-SMEs, dwar kif jistgħu jsaħħu r-reżiljenza tagħhom kontra l-attakki ċibernetiċi, u jilqa' s-sħubija pubblika-privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà mnedija reċentement mill-Kummissjoni;
10. Jemmen li d-diġitalizzazzjoni jenħtieġ li tipprovdi lill-konsumaturi aktar għażla, prodotti aktar favorevoli għall-utenti u personalizzati u aktar informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-prodotti jew is-servizzi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom fl-ambjent diġitali; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' "privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku"; jinnota l-importanza dejjem akbar li jiġi ċċarat it-tħassib dwar kwistjonijiet ta' responsabbiltà, sjieda u aċċess tad-data u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ulterjorment il-qafas regolatorju attwali fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet; jemmen li l-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw u jisfruttaw liberament u bis-sħiħ il-prodotti u s-servizzi li jixtru (inkluża għażla ħielsa ta' min isewwi) u jenħtieġ li ma jkunux imxekkla bi kwistjonijiet ta' data; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, tiċċara u tiddefinixxi xi rekwiżiti minimi fir-rigward ta' data miġbura fuq il-post tax-xogħol;
12. Jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing, flimkien mal-proposta leġiżlattiva favur il-Fluss Liberu tad-Data, li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, għandhom il-potenzjal li jinċentivaw ulterjorment il-proċess ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, b'mod speċjali l-SMEs u n-negozji ġodda u li jevitaw il-frammentazzjoni fis-Suq Uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-adozzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing sabiex il-fluss u l-użu tad-data jkunu ġusti, rapidi, affidabbli u mingħajr xkiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn li ħadet fil-Komunikazzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-Fluss Liberu tad-Data fi ħdan l-UE, sabiex jitneħħew jew jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni mhux ġustifikati fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamentazzjoni nazzjonali;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun ir-regoli dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà għal sistemi li jaġixxu b'mod awtonomu (bħal vetturi u droni), biex tiżgura kumpens legali rapidu u effikaċi fil-każ ta' inċidenti u biex tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-ittestjar; iqis li l-interoperabilità hija meħtieġa b'mod partikolari fil-qasam tal-Internet tal-Oġġetti (IOT) biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jtejjeb l-opportunitajiet għall-konsumaturi, li jenħtieġ li ma jkunux intrappolati ma' ftit fornituri speċifiċi biss; jenfasizza l-isfidi relatati mas-sikurezza, is-sigurtà u r-responsabbiltà fir-rigward tal-IOT, l-applikazzjonijiet u s-softwer mhux integrat; jenfasizza, fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti, li l-produtturi huma l-punt inizjali ewlieni biex ikun hemm sistemi ta' responsabbiltà iktar stretti li jwasslu għal kwalità aħjar ta' prodotti u ambjent iktar sikur f'termini ta' aċċess estern u possibbiltà dokumentata għal aġġornamenti;
14. Jinnota l-konsegwenzi, l-opportunitajiet u l-isfidi importanti ħafna tad-diġitalizzazzjoni attwali, u b'mod partikolari tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, għas-soċjetà, għall-mudelli kummerċjali u ta' impjieg u għad-domanda tax-xogħol; jiddeplora n-nuqqas ta' analiżi min-naħa tal-Kummissjoni tal-effetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija f'dan ir-rigward, u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa tmiem l-2017;
15. Jenfasizza wkoll, filwaqt li jirrikonoxxi l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, li din toħloq ċerti sfidi għad-domandi tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari f'relazzjonijiet ta' impjieg mhux standard, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati r-rispett sħiħ tad-drittijiet tax-xogħol u kopertura adegwata tas-sigurtà soċjali fl-isfera diġitali; jemmen li huwa neċessarju li jiġu involuti s-sħab soċjali fid-definizzjoni ta' inizjattivi Ewropej u nazzjonali dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza t-tħassib rigward l-aspetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni flimkien mal-partijiet interessati kollha bħala parti minn djalogu komprensiv, permezz ta' diskussjonijiet madwar mejda ta' livell għoli u forum Ewropew tal-partijiet interessati Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni;
16. Jinnota l-importanza attwali tal-ħiliet diġitali għas-suq tax-xogħol, għall-inklużività u l-kompetittività tar-reġjuni Ewropej, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-esklużjoni diġitali, b'mod speċjali fil-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tikkoordina edukazzjoni ta' kwalità għolja, tagħlim tul il-ħajja u taħriġ vokazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kwalifiki u l-ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati, bħalma huma l-informatika, l-ikkowdjar, l-ipprogrammar u l-kriptografija, u jitlob l-investimenti pubbliċi u privati neċessarji f'dawn l-oqsma;
17. Jitlob li titħeġġeġ parteċipazzjoni reġjonali akbar sabiex jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni u jiġu attirati professjonisti għall-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa ta' ħidma mas-sħab soċjali sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet diġitali fit-tul u jilqa' t-twaqqif tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali u ta' inizjattivi Ewropej oħra f'dan il-qasam; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki diġitali billi jistabbilixxu ċertifikat jew sistema ta' klassifikazzjoni fil-livell Ewropew;
18. Huwa tal-fehma li ambjent diġitali kollaborattiv għandu jiġi żviluppat, flimkien ma' pjattaformi li jikkontribwixxu għal ċiberspazju li jwassal għall-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, bl-għan li tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
6.2.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Daniel Dalton, Nicola Danti, Vicky Ford, Evelyne Gebhardt, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Marcus Pretzell, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Richard Sulík, Marco Zullo |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Biljana Borzan, Birgit Collin-Langen, Anna Hedh, Kaja Kallas, Roberta Metsola, Julia Reda, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella, Ulrike Trebesius |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Bocskor |
||||
- [1] The Global State of Information Security®, http://www.pwc.com/gx/en/issues/cyber-security/information-security-survey.html
OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (24.4.2017)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
(2016/2271(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Pavel Telička
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil- mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi d-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda fis-settur tat-trasport għal manifatturi, operaturi, investituri, ħaddiema u passiġġieri u hija prekondizzjoni għall-industrija tat-trasport biex tibqa' kemm kompetittiva kif ukoll operazzjonali u tiżdied l-effiċjenza tagħha, u għas-servizzi ta' trasport biex isiru aktar sostenibbli u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom;
B. billi d-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs u n-negozji l-ġodda u tiffavorixxi l-emerġenza ta' mudelli ta' negozju ġodda, inkluż l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fis-settur tat-trasport f'oqsma bħalma huma car-pooling, car-sharing, bike-sharing u cargo-pooling;
C. billi d-diġitalizzazzjoni diġà kkontribwixxiet għal trasformazzjoni tas-settur tat-trasport, u b'mod partikolari tippermetti awtomazzjoni gradwali ta' trasport u faċilitazzjoni tas-servizzi tat-trasport;
D. billi d-diġitalizzazzjoni għandha tibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin fis-settur tat-trasport sabiex trawwem l-attraenza tiegħu u tiżgura l-pożizzjoni ekonomika b'saħħitha tiegħu fl-Ewropa u fil-konfront ta' pajjiżi terzi;
E. billi d-diġitalizzazzjoni tista' tagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu għall-benefiċċju ta' vjaġġaturi u l-mobilità tagħhom, billi tippermetti, inter alia, aċċess faċli għal informazzjoni f'ħin reali u għal varjetà wiesgħa ta' servizzi;
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea — Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180), iżda jiddispjaċih li, billi l-enfasi tagħha fuq is-settur tat-trasport huwa limitat għal sewqan konness u awtomatizzat, hija ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi kollha eżistenti; ifakkar li, għalkemm vetturi konnessi u awtomatizzati jirrappreżentaw waħda mill-aktar trasformazzjonijiet diġitali eċċitanti tal-ġejjieni fis-settur, hemm potenzjal għad-diġitalizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, kemm fil-proċessi operazzjonali u amministrattivi, u tul il-katina tal-valur mill-manifatturi għall-passiġġieri u l-merkanzija, kif ukoll għal koordinazzjoni ma' teknoloġiji ġodda kollha użati f'dan is-settur, bħal pereżempju sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita Ewropea (EGNOS u Galileo), li r-riżultati tagħhom jistgħu jkunu mistennija fil-futur viċin; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi servizzi relatati mat-trasport u t-turiżmu;
2. Jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni tal-proċess ma kinitx ta' benefiċċju b'mod uniformi fis-settur tat-trasport kollu, u li dan ħoloq frammentazzjoni detrimentali fi ħdan is-suq intern kemm bejn mezzi differenti ta' trasport kif ukoll fi ħdan l-istess mezz; jenfasizza li hemm differenzi sinifikanti u dejjem ikbar bejn l-Istati Membri fil-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni tat-trasport, riflessa wkoll bejn ir-reġjuni, il-kumpaniji u l-SMEs; jemmen li l-iżvilupp ta' Strateġija ta' Diġitalizzazzjoni Industrijali (SDI) koordinata għall-UE jista' jgħin biex jingħelbu tali frammentazzjoni u inugwaljanzi u jiġi attirat l-investiment fi proġetti diġitali; jenfasizza li l-objettiv m'għandux ikun sempliċement dokument tal-politika ieħor iżda strateġija reali li tirrifletti x-xejriet u l-potenzjal tas-suq, li l-implimentazzjoni tagħha tiġi evalwata kontinwament;
3. Iqis li SDI se tikkontribwixxi biex jissolvew xi wħud mill-aktar sfidi urġenti fis-setturi tat-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tkompli tappoġġa d-diġitalizzazzjoni sabiex:
a) tittejjeb il-livell globali ta' sikurezza u kwalità u prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;
b) tittejjeb l-aċċessibilità mingħajr ostakli għal kulħadd, inklużi l-anzjani u persuni b'mobilità mnaqqsa jew b'diżabilità, u tiġi żviluppata s-sensibilizzazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' mobilità alternattivi li jipprovdu lill-passiġġieri b'aktar għażla, prodotti aktar faċli għall-utent u personalizzati u aktar informazzjoni, madwar l-UE kif ukoll f'żoni urbani u f'reġjuni anqas żviluppati;
c) jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport, bħal spejjeż ta' manutenzjoni, u jittejjeb l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport (eż. platooning, C-ITS, ERTMS, RIS);
d) tittejjeb il-kompetittività billi jitrawwem il-ħolqien ta' atturi ġodda, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex jikkontestaw il-monopolju eżistenti;
e) jiġi faċilitat infurzar xieraq u armonizzat tal-leġiżlazzjoni tal-UE, permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku, sistemi ta' trasport intelliġenti, takografi diġitali, sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq, eċċ, u jinħolqu oqfsa regolatorji adattati għal sitwazzjonijiet reali li għad jistgħu jinħolqu bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati;
f) jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għal operaturi ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tat-trasport u negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, bħal pereżempju fis-settur tat-trasport u l-loġistika, billi jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, jipprovdu l-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u jottimizzaw l-iskedi tal-flussi tat-traffiku;
g) ikomplu jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-passiġġieri, inkluża l-protezzjoni tad-data, anke fi vjaġġi multimodali;
h) jitnaqqsu l-problemi relatati ma' informazzjoni assimetrika fis-suq tat-trasport;
i) jissedqu l-attrattività u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, li jippermetti li jiġi ġġenerat madwar 10 % tal-PDG Ewropew, u tal-industriji kreattivi f'żoni urbani, rurali u ultraperiferiċi, pereżempju permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-mobilità u servizzi turistiċi inkluż lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa;
4. Jirrimarka li konnettività mingħajr waqfien u bi prestazzjoni għolja hija prekondizzjoni għal konnessjonijiet veloċi, sikuri u affidabbli għal kull mod ta' trasport u għal aktar diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni kbira tal-kopertura diġitali fi ħdan l-UE; iqis li investimenti fil-broadband u l-allokazzjoni ġusta tal-ispettru huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni transsettorjali, pereżempju bejn l-elettronika, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu din it-tip ta' konnettività għal rotot u ċentri ewlenin tat-trasport mhux aktar tard mill-2025 u jagħtu bidu għal kopertura sħiħa madwar l-UE kollha;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mobilizzati u attirati investimenti pubbliċi u privati sabiex jiffinanzjaw b'mod xieraq it-tranżizzjoni lejn proċessi diġitali u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' infrastruttura assoċjata; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni u l-investimenti fuq livell Ewropew fid-diġitalizzazzjoni tal-industrija tat-trasport twassal għal konverġenza progressiva bejn iż-żewġ oqsma, inkluż permezz ta' żieda fl-opportunitajiet ta' diġitalizzazzjoni tal-SMEs permezz ta' fondi eżistenti tal-UE; jemmen li koordinazzjoni u użu aħjar u iktar effiċjenti jistgħu jsiru mill-fondi eżistenti tal-UE (inkluż fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni), b'mod partikolari l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), li s'issa għadu ma rriżultax f'biżżejjed proġetti ta' natura tassew innovattiva;
6. Jirrimarka li t-trasport awtonomu jista' jikber b'pass mgħaġġel fil-futur qarib, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun ir-regoli ta' responsabbiltà u sikurezza għal trasport kompletament awtonomu sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet legali sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni rapida u effettiva tiegħu fis-suq;
7. Jemmen bis-sħiħ li, speċjalment fis-settur tat-trasport, data miftuħa, “big data” u data analitika jibqgħu elementi essenzjali biex naħsdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali u t-trawwim tal-innovazzjoni; jiddispjaċih li l-inizjattivi li jiffaċilitaw il-fluss ta' data għadhom frammentati; jenfasizza li hija meħtieġa aktar ċertezza legali, speċjalment f'termini ta' sjieda u responsabilità, fuq bażi ta' rispett sħiħ tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
8. Jirrikonoxxi l-kontribut ta' negozji ġodda u SMEs fil-proċess ta' diġitalizzazzjoni, u jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti b'appoġġ u għodod adegwati, inkluż finanzjarjament, fejn xieraq, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-innovazzjonijiet tagħhom, u tiġi favorita l-integrazzjoni tagħhom fis-suq; jappoġġa pereżempju l-idea ta' żvilupp ulterjuri ta' ċentri tal-innovazzjoni diġitali madwar l-UE fejn ċentri ġodda ta' kompetenza u sħubijiet "cluster" ikunu jistgħu jinħolqu;
9. Jinnota li d-diġitalizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber fid-distribuzzjoni ta' biljetti tal-ivvjaġġar tfisser li aktar informazzjoni hija faċilment disponibbli għall-konsumaturi fuq l-internet, iżda dejjem b'mod li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel l-offerti; jikkunsidra għaldaqstant li huwa neċessarju li jissaħħu s-salvagwardji tat-trasparenza u n-newtralità fid-distribuzzjoni, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni permezz tal-internet, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, ibbażati fuq informazzjoni affidabbli rigward mhux biss il-prezz iżda parametri oħra wkoll, inklużi l-kwalità tas-servizz u offerti anċillari; jemmen li tali trasparenza ser tippromwovi l-kompetizzjoni kif ukoll se tappoġġa l-iżvilupp tat-trasport multimodali;
10. Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tat-trasport u t-turiżmu, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' ekonomiji kollaborattivi u on-demand, tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli fit-tibdil u l-imġiba tal-passiġġieri u l-konsumaturi rigward il-mobilità u t-turiżmu, kif ukoll fil-ħtieġa għal adattament tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport, il-mobilità u t-turiżmu, b'enfasi partikolari fuq l-imġiba u l-għażliet tal-utenti ta' dawn is-servizzi, u biex tillibera aktar il-potenzjal ta' din l-bidla fis-soċjetà;
11. Ifakkar li d-diġitalizzazzjoni mhix biss kwistjoni teknoloġika, iżda għandha implikazzjonijiet soċjali, professjonali u ekonomiċi usa' u f'dan ir-rigward jitlob lill-Kummissjoni biex, mill-aktar fis possibbli, tagħmel analiżi fil-fond ta' dawn l-implikazzjonijiet; jinnota li, sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni, inkluż f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema, u biex tiġi evitata Ewropa b'nuqqas enormi ta' impjegati bi kwalifiki ICT fis-snin li ġejjin, huma meħtieġa t-titjib qawwi tal-ħiliet tal-impjegati u investiment fit-taħriġ vokazzjonali fil-livelli kollha għat-tħejjija tal-integrazzjoni ta' teknoloġiji diġitali; jistieden l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-politiki f'dan is-sens u jinkorporaw id-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
11.4.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Claudia Țapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Jakop Dalunde, Maria Grapini, Franck Proust, Matthijs van Miltenburg, Henna Virkkunen |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Jiří Maštálka |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
43 |
+ |
|
ALDE |
Izaskun Bilbao Barandica, Dominique Riquet, Pavel Telička, Matthijs van Miltenburg |
|
ECR |
Jacqueline Foster, Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle,, Kosma Złotowski, Peter van Dalen |
|
EFDD |
Daniela Aiuto |
|
GUE/NGL |
Merja Kyllönen, Jiří Maštálka |
|
PPE |
Georges Bach, Deirdre Clune, Andor Deli, Dieter-Lebrecht Koch, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Salvatore Domenico Pogliese, Franck Proust, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Luis de Grandes Pascual, Wim van de Camp |
|
S&D |
Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Maria Grapini, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Jens Nilsson, Gabriele Preuß, David-Maria Sassoli, Claudia Țapardel, István Ujhelyi, Janusz Zemke |
|
Verts/ALE |
Michael Cramer, Jakop Dalunde, Keith Taylor |
|
2 |
- |
|
EFDD |
Peter Lundgren, John Stuart Agnew |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (30.1.2017)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
(2016/2271(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Angel Dzhambazki
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifakkar li, b’xi 40 % tal-ħaddiema tal-UE li m’għandhomx ħiliet diġitali adegwati, li għandu impatt negattiv fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u l-kapaċità tagħhom għax-xogħol, u filwaqt li jinnota li sitta mill-għaxar ħiliet l-iktar meħtieġa huma ħiliet tekniċi jew diġitali, l-Unjoni qed tiffaċċja nuqqas ta’ ħiliet diġitali; jieħu nota tal-Komunikazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar “Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea” u “Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa” bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba fir-rigward tat-titjib tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġu adottati inizjattivi sistemiċi addizzjonali, li għandhom jipprovdu għal qafas komprensiv għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar l-importanza ta’ dawn il-ħiliet u biex l-użu tagħhom jiġi integrat fil-ħajja ta’ kuljum;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-ħiliet diġitali fil-qalba tar-rieżami tagħha tal-Qafas ta’ Kompetenzi Ewlenin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-kurrikuli tal-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja, kif ukoll programmi ta’ taħriġ vokazzjonali, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ suq tax-xogħol dejjem iktar diġitali u demokrazija medjata diġitalment, li tipprovdi liċ-ċittadini b’ħiliet għal parteċipazzjoni u interazzjoni attivi mal-gvern; jenfasizza l-ħtieġa ta’ taħriġ għall-għalliema kif suppost, li jgħin biex tiġi aġġornata l-metodoloġija u jżid l-opportunitajiet tat-tagħlim diġitali u t-tagħlim mill-bogħod innovattivi, li jwassal għal possibilitajiet aħjar għall-istudenti biex jissodisfaw rekwiżiti ta' ħiliet diġitali ġodda fis-suq tax-xogħol;
3. Jenfasizza l-opportunità li l-edukazzjoni permezz tad-diġitalizzazzjoni tippreżenta liż-żgħażagħ Ewropej li la jistudjaw u lanqas jaħdmu, u jitlob miżuri li, min-naħa tagħhom, itejbu l-inklużjoni kemm soċjali kif ukoll fis-suq tax-xogħol;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat id-distakk li b’mod kostanti qiegħed dejjem jikber fl-aċċess għall-internet u l-ħiliet diġitali, b’appoġġ immirat għall-individwi qiegħda, l-adulti b'livell baxx ta' litteriżmu u dawk il-gruppi li tipikament jesperjenzaw "tagħlim interrott’ u ‘tagħlim mill-bogħod’ minħabba ostakli fl-edukazzjoni bħall-komunità li “tivvjaġġa";
5. Jemmen li ħiliet diġitali bażiċi, mgħallma bħala parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, għandhom jinkludu l-għarfien tal-possibilitajiet offruti mil-ħiliet diġitali, l-użu avvanzat tal-għodod diġitali, l-imġiba tal-internet sikura u metodoloġiji ta' tiftix biex jiġu identifikati sorsi kredibbli, kif ukoll il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet online; jenfasizza ulterjorment il-ħtieġa li l-litteriżmu medjatiku jiġi inkluż fil-kurrikuli skolastiċi u fil-programmi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni kulturali biex iċ-ċittadini jkollhom fehim kritiku ta’ forom differenti tal-media, u b'hekk jiżdiedu u jissaħħu r-riżorsi u l-opportunitajiet offruti mil-‘litteriżmu diġitali’; jenfasizza li għandha ssir enfasi fuq approċċi ta’ tagħlim bil-prattika;
6. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata l-aġenda għall-ħiliet diġitali fi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u speċjalment għal ċittadini anzjani, li jirrappreżentaw total dejjem jogħla ta’ 18.9 % u tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni Ewropea u li b’hekk ser jiksbu potenzjal sinifikanti ta’ impjieg minbarra l-esperjenza ta’ xogħol twila tagħhom;
7. Jenfasizza d-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri f’termini ta’ diġitalizzazzjoni u litteriżmu u ħiliet diġitali, u jqis li huwa ta' importanza ewlenija li tiġi promossa aktar konverġenza f'dan il-qasam; jenfasizza li l-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki u d-djalogu jistgħu jimlew din il-lakuna; jenfasizza l-potenzjal tal-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali f’dan ir-rigward; itenni li tali inizjattivi speċifiċi jeħtieġ li jiġu integrati f'qafas usa’ u aktar ambizzjuż ta’ azzjonijiet diġitali;
8. Jenfasizza li appoġġ speċjali għal multilingwiżmu ‘analogu’ fl-Ewropa huwa ta’ benefiċċju kemm f’termini ta’ diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea kif ukoll ta’ tagħlim ta’ ħiliet diġitali komprensivi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-riċerka bażika dwar softwer ta’ traduzzjoni u ta’ tagħlim statistiku, intelliġenti u permezz tal-magni;
9. Jilqa’ l-approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati inerenti tal-Kummissjoni fil-‘mudell ta' ċentru ta' innovazzjoni diġitali’; jinnota li kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-universitajiet u n-negozji tista' tgħin fit-tfassil ta’ aġenda aktar diversa u tipprovdi opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ fuq il-post tax-xogħol;
10. Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) huma kemm il-mexxejja kif ukoll il-benefiċjarji tal-innovazzjoni diġitali; jirrimarka li, minħabba li ħafna drabi huma intrapriżi żgħar u mikro, is-CCIs għandhom bżonn appoġġ immirat biex jgħinhom isiru diġitali u jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom b’mod sikur, sostenibbli u effettiv;
11. Jirrimarka li, kif muri permezz tal-inizjattiva Ewropea, id-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej tirrappreżenta opportunità sinifikanti biex titjieb l-aċċessibilità, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tagħhom u li l-innovazzjoni diġitali tista’ tipprovdi impetu għal rivoluzzjoni fil-mod li oġġetti kulturali jiġu eżibiti u kif isir aċċess għalihom; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi b’mod partikolari l-użu ta’ teknoloġiji 3D għall-ġbir tad-dejta u r-rikostruzzjoni ta’ beni u wirt kulturali meqruda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti fondi għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;
12. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-siti storiċi u kulturali ta' spiss mhumiex aċċessibbli għal dawk b’diżabilità u jenfasizza l-opportunitajiet li pjattaforma kulturali diġitali aktar b’saħħitha toffri għat-titjib fl-impenn u biex l-esperjenzi kulturali, is-siti u l-artefatti madwar l-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom;
13. Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni jeħtiġilha tikkomplementa, u mhux tissostitwixxi, l-interazzjoni fiżika ma' oġġetti kulturali oriġinali, bħal oġġetti eżibiti fil-mużewijiet jew il-kotba; jinsisti li kwalunkwe ftehim kummerċjali għad-diġitalizzazzjoni ta’ oġġetti kulturali għandu jkun abozzat b’tali mod li ma jipperikolax l-aċċess pubbliku l-aktar wiesa' possibbli għal dawn il-prodotti;
14. Jirrakkomanda li x-xogħlijiet awdjoviżivi ġodda kollha jeħtiġilhom jiġu rreġistrati b’mod sistematiku b'identifikatur standard internazzjonali bħal tal-International Standard Audiovisual Number (ISAN) jew l-Entertainment Identifier Registry (EIDR) sabiex jittejbu l-identifikazzjoni u s-sejbien ta’ kontenut awdjoviżiv online u biex tinkiseb interoperabilità fost bażijiet ta' data u katalogi tal-films fl-Ewropa;
15. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u t-tisħiħ tal-produzzjoni diġitali ta' kontenut kulturali, kreattiv u edukattiv ta’ kwalità għolja, li jgħin fit-tisħiħ tal-għarfien u l-kompetittività tal-industrija Ewropea f’dawn l-oqsma;
16. Jinkuraġġixxi r-riċerka dwar it-teknoloġiji ta’ assistenza u l-iżvilupp tagħhom, li jistgħu jintużaw u jsiru prodotti industrijali ġodda għall-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità.RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
24.1.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Luigi Morgano, Momchil Nekov, John Procter, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Therese Comodini Cachia |
||||
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
25.4.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
59 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, David Borrelli, Cristian-Silviu Buşoi, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Jakop Dalunde, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Ashley Fox, Adam Gierek, Rebecca Harms, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Jaromír Kohlíček, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Carlos Zorrinho |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pilar Ayuso, Amjad Bashir, Soledad Cabezón Ruiz, Isabella De Monte, Francesc Gambús, Constanze Krehl, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Gesine Meissner, Clare Moody, Michèle Rivasi, Anne Sander, Theodor Dumitru Stolojan, Pavel Telička |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georgi Pirinski |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
43 |
+ |
|
ALDE ECR ENF GUE/NGL EPP
S&D Green/EFA |
Enrique Calvet Chambon, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Yana Toom, Renate Weber Anthea McIntyre; Jana Žitňanská Dominique Martin, Joëlle Mélin Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis Georges Bach, David Casa, Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Michaela Šojdrová, Csaba Sógor, Romana Tomc Maria Arena, Ole Christensen, Jan Keller, Marju Lauristin, Javi López, Alex Mayer, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Maria João Rodrigues, Joachim Schuster, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka |
|
1 |
- |
|
NI |
Lampros Fountoulis |
|
2 |
0 |
|
ENF GUE/NGL |
Mara Bizzotto João Pimenta Lopes |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni