Proċedura : 2016/2065(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0190/2017

Testi mressqa :

A8-0190/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2017 - 5.4

Testi adottati :

P8_TA(2017)0248

RAPPORT     
PDF 712kWORD 61k
9.5.2017
PE 595.722v02-00 A8-0190/2017

dwar fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri

(2016/2065(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Enrico Gasbarra

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Proċedura u sorsi

Fl-14 ta' Ġunju 2016 ir-rapporteur ġie inkarigat biex jabbozza rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar il-fużjonijiet u x-xissjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji.

Wara li nħatar, ir-rapporteur ġabar informazzjoni billi bbaża ruħu, b'mod partikolari, fuq dawn is-sorsi:

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli" (COM(2012)0740);

  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew(1);

  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija(2);

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-bini ta' sistema ta' taxxa korporattiva ġusta, kompetittiva u stabbli għall-UE (COM(2016)0682);

  Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) dwar il-libertà tal-istabbiliment, b'mod partikolari fil-każijiet SEVIC Systems AG(3), Cadbury Schweppes plc & Cadbury Schweppes Overseas Ltd v Commissioners of Inland Revenue(4), CARTESIO Oktató és Szolgáltató bt.(5), VALE Építési kft.(6), KA Finanz AG v Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group(7), Kamer van Koophandel en Fabrieken voor Amsterdam v Inspire Art Ltd.(8), Überseering BV v Nordic Construction Company Baumanagement GmbH (NCC)(9), Centros Ltd v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen (10), u The Queen v H. M. Treasury and Commissioners of Inland Revenue, ex parte Daily Mail and General Trust plc.(11);

  L-istqarrija ta' feedback tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2015 li tiġbor fil-qosor ir-risposti tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-fużjonijiet u x-xissjonijiet transfruntieri li twettqet bejn it-8 ta' Settembru 2014 u t-2 ta' Frar 2015(12);

  Studju tad-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew: id-drittijiet taċ-ċittadini u l-affarijiet kostituzzjonali ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Cross-border mergers and divisions, transfers of seat: is there a need to legislate?"(13);

  L-istudju ta' Diċembru 2015 tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Ex-post analysis of the EU framework in the area of Cross-border mergers and divisions"(14);

Kuntest tad-dritt soċjetarju fl-Ewropa u implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ

F'Settembru 2014 il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-fużjonijiet u x-xissjonijiet ta' kumpaniji fuq livell transfruntier li ġiet konkluża fi Frar 2015. Ir-risposti ppermettew li tinġabar informazzjoni dwar l-ostakli eżistenti għall-operazzjonijiet transfruntieri u dwar l-emendi meħtieġa sabiex jiġu riveduti r-regoli eżistenti, b'mod partikolari d-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers [fużjonijiet] transfruntieri ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata. Il-Kummissjoni daħħlet fil-programm ta' ħidma annwali tagħha għall-2017 proposta għall-emendar tad-Direttiva. Ir-rapporteur huwa tal-fehma, fid-dawl tar-risposti li waslu għall-konsultazzjoni, li l-proposta leġiżlattiva futura tista' tinkludi wkoll ġabra ġdida ta' regoli li tkopri x-xissjonijiet ta' kumpaniji u tistabbilixxi xi linji gwida għal leġiżlazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-mobbiltà tal-kumpaniji.

It-Trattat ta' Lisbona (Artikoli 49 sa 55) jagħti attenzjoni partikolari lil-libertà ta' stabbiliment tal-kumpaniji. Madankollu, il-qafas leġiżlattiv Komunitarju ta' dan il-qasam sħiħ tad-dritt soċjetarju għadu ftit li xejn uniformi, partikolarment fir-rigward tat-trasferiment tas-sede rreġistrata jew reali ta' kumpanija minn Stat Membru għal ieħor.

Id-Direttiva 2005/56/KE kellha l-effett pożittiv li tiffaċilita l-fużjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata, biex b'hekk imliet lakuna importanti fid-dritt soċjetarju tal-UE bis-saħħa ta' armonizzazzjoni li ppermettiet li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operazzjonijiet u li jiżdied b'mod sostanzjali l-għadd ta' fużjonijiet transfruntieri f'dawn l-aħħar snin.

Wara għaxar snin minn meta ġiet adottata, id-direttiva issa teħtieġ li tiġi riveduta sabiex jiġu ttrattati xi diffikultajiet marbuta mal-implimentazzjoni tagħha kif ukoll sabiex timxi mal-evoluzzjoni tad-dritt soċjetarju tal-Unjoni Ewropea, frott ukoll tas-sentenzi min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-libertà ta' stabbiliment.

Linji ta' żvilupp u ta' reviżjoni tal-fużjonijiet u tax-xissjonijiet transfruntieri

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni u d-dibattitu politiku-akkademiku dwar dan is-suġġett, kif ukoll l-evoluzzjoni ġurisprudenzjali fil-materja, jagħtu lok għall-possibbiltà mhux biss li jiġu mmodifikati u mtejba r-regoli dwar il-fużjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji, iżda wkoll li l-proposta l-ġdida tiġi estiża wkoll għax-xissjonijiet transfruntieri, materja li fiha l-UE għadha qatt ma lleġiżlat s'issa. Fl-interess li jiġi żgurat qafas regolatorju aktar koerenti, ir-rapport ta' inizjattiva proprja dwar il-fużjonijiet u x-xissjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji b'hekk jagħti xi indikazzjonijiet li se jgħinu sabiex jiġu ddefiniti b'mod aktar komprensiv id-diversi tipi ta' operazzjonijiet ta' konverżjoni transfruntieri li jsiru fuq il-kumpaniji.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2012)0259.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2009)0086.

(3)

Kawża C-411/03, SEVIC Systems AG, 13.12.2005, ECLI:EU:C:2005:762.

(4)

Kawża C-196/04, Cadbury Schweppes Overseas Ltd v Commissioners of Inland Revenue, 12.9.2006, ECLI:EU:C:2006:544.

(5)

Kawża C-210/06, CARTESIO Oktató és Szolgáltató bt., 16.12.2008, ECLI:EU:C:2008:723.

(6)

Kawża C-378/10, VALE Építési kft., 12.7.2012, ECLI:EU:C:2012:440.

(7)

Kawża C-483/14, KA Finanz AG v Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group, 7.4.2016, ECLI:EU:C:2016:205.

(8)

Kawża C-167/01, Kamer van Koophandel en Fabrieken voor Amsterdam v Inspire Art Ltd., 30.9.2003, ECLI:EU:C:2003:512.

(9)

Kawża C-208/00, Überseering BV v Nordic Construction Company Baumanagement GmbH (NCC), 5.11.2002, ECLI:EU:C:2002:632.

(10)

Kawża C-212/97, Centros Ltd v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen, 9.3.1999, ECLI:EU:C:1999:126.

(11)

Kawża C-81/87, The Queen v H. M. Treasury and Commissioners of Inland Revenue, ex parte Daily Mail and General Trust plc., 27.09.1988, ECLI:EU:C:1988:456.

(12)

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2014/cross-border-mergers-divisions/docs/summary-of-responses_en.pdf

(13)

PE 556.960, http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/556960/IPOL_STU%282016%29556960_EN.pdf

(14)

PE 593.796, http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/593796/EPRS_STU%282016%29593796_EN.pdf


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri

(2016/2065(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 49, 54 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra s-sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar ix-xissjonijiet ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers [fużjonijiet] transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' kumpanija Ewropea (SE)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-istatut għal kumpannija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati(5),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva - qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli" (COM(2012)0740),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija(7),

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-bini ta' sistema ta' taxxa korporattiva ġusta, kompetittiva u stabbli għall-UE (COM(2016)0682),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) dwar il-libertà tal-istabbiliment, b'mod partikolari fil-kawżi SEVIC Systems AG(8), Cadbury Schweppes plc & Cadbury Schweppes Overseas Ltd v Commissioners of Inland Revenue(9), CARTESIO Oktató és Szolgáltató bt.(10), VALE Építési kft.(11), KA Finanz AG v Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group(12), Kamer van Koophandel en Fabrieken voor Amsterdam v Inspire Art Ltd.(13), Überseering BV v Nordic Construction Company Baumanagement GmbH (NCC)(14), Centros Ltd v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen (15), u The Queen v H. M. Treasury and Commissioners of Inland Revenue, ex parte Daily Mail and General Trust plc.(16),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija ta' feedback tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2015 li tiġbor fil-qosor ir-risposti tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-fużjonijiet u x-xissjonijiet transfruntieri li twettqet bejn it-8 ta' Settembru 2014 u t-2 ta' Frar 2015(17),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew: id-drittijiet taċ-ċittadini u l-affarijiet kostituzzjonali ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Cross-border mergers and divisions, transfers of seat: is there a need to legislate?"(18),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2016 tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Ex-post analysis of the EU framework in the area of Cross-border mergers and divisions"(19);

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi, u b'mod partikolari l-Kapitolu II, Punt 4 tiegħu (COM(2016)0710),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, u l-Anness 3 għal din id-deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0190/2017),

A.  wara li kkunsidra l-effett importanti fuq il-kompetittività Ewropea ta' riforma organika tad-dritt soċjetarju kif ukoll l-ostakli li jxekklu t-twettiq sħiħ tad-Direttiva dwar il-fużjonijiet transfruntieri;

B.  wara li kkunsidra li x-xissjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji għadhom mhumiex soġġetti għad-dritt tal-Unjoni Ewropea; billi s-sitwazzjoni attwali tinvolvi diffikultajiet proċedurali, amministrattivi u finanzjarji evidenti għan-negozji kkonċernati, kif ukoll ir-riskju ta' abbużi u dumping;

C.  billi l-Parlament għamel appelli qawwijin u kontinwi favur l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-trasferimenti transfruntieri tal-uffiċċju rreġistratjew is-sede tal-kumpaniji; billi l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tappoġġja b'mod globali t-talbiet tal-Parlament;

D.  billi għal finijiet ta' titjib fil-mobbiltà tal-kumpaniji fi ħdan l-UE, huwa importanti li jkun hemm qafas ġuridiku komuni dwar l-operazzjonijiet ta' fużjonijiet, xissjonijiet u trasferimenti tal-kumpaniji;

E.  billi mhux l-Istati Membri kollha li fihom ikunu saru operazzjonijiet ta' fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri jew ta' trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat jew sede għandhom regoli li jagħtu drittijiet lill-ħaddiema fir-rigward tal-konsultazzjoni, l-informazzjoni u l-kodeterminazzjoni;

F.  billi t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat m'għandux jaħrab mir-rekwiżiti ġuridiċi, soċjali u tat-taxxa previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri ta' oriġini, iżda anzi għandu jkollu l-objettiv li jistabbilixxi qafas ġuridiku uniformi li jiżgura t-trasparenza u s-simplifikazzjoni massima tal-proċeduri u li jiġġieled kontra l-frodi tat-taxxa;

G.  billi l-acquis rilevanti tal-UE jipprevedi ġabra wiesgħa ta' drittijiet għal informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni għall-ħaddiema; billi d-Direttiva 2009/38/KE(20) u d-Direttiva 2005/56/KE, jiggarantixxu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-ħaddiema kif ukoll jistabbilixxu l-prinċipju tad-drittijiet preeżistenti; billi jitqies li tali drittijiet tal-ħaddiema għandhom ikunu protetti anki fil-każ ta' trasferiment tas-sede;

H.  billi l-inizjattivi l-ġodda kollha fil-qasam tad-dritt soċjetarju Ewropew għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni u valutazzjoni bir-reqqa tal-forom eżistenti tad-dritt tal-kumpaniji, is-sentenzi rilevanti tal-QtĠ dwar il-mobbiltà transfruntiera tal-kumpaniji u l-valutazzjonijiet tal-impatt li jirriflettu l-interessi tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-azzjonisti, il-kredituri, l-investituri u l-ħaddiema, filwaqt li jkunu garantiti l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

Kwistjonijiet orizzontali

1.  Itenni l-importanza li jiġi ddefinit qafas li jirregola b'mod kumplessiv il-mobbiltà tal-kumpaniji fuq livell Ewropew, sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u r-rekwiżiti għat-trasferimenti, għax-xissjonijiet u għall-fużjonijiet, kif ukoll sabiex jiġu evitati abbużi u trasferimenti fittizji bl-iskop ta' dumping soċjali jew tat-taxxi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li saret bejn it-8 ta' Settembru 2014 u t-2 ta' Frar 2015 dwar ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2005/56/KE u dwar l-introduzzjoni ta' qafas leġiżlattiv li jirregola x-xissjonijiet transkonfinali; ifakkar li mill-eżitu tal-konsultazzjoni ħarġet konverġenza dwar il-prijoritajiet regolatorji fil-qasam tal-fużjonijiet u tax-xissjonijiet transfruntieri u fl-objettivi tal-promozzjoni tas-suq intern u tat-trawwim tad-drittijiet tal-ħaddiema;

3.  Jikkunsidra li huwa importanti li l-proposti leġiżlattivi futuri dwar il-mobbiltà tal-kumpaniji jkunu jinkludu dispożizzjonijiet rigward armonizzazzjoni massima – b'mod partikolari dwar l-istandards proċedurali, id-drittijiet tal-atturi fil-governanza tal-kumpaniji, b'mod partikolari dawk minuri, u dwar l-estensjoni tal-applikabbiltà għall-entitajiet kollha definiti bħala kumpaniji jew ditti fis-sens tal-Artikolu 54 tat-TFUE – segwiti minn regoli settorjali oħrajn, bħal pereżempju fil-qasam tad-drittijiet tal-ħaddiema;

4.  Huwa tal-opinjoni li regoli ġodda fir-rigward ta' fużjonijiet, xissjonijiet u trasferimenti tas-sede jenħtieġ jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-kumpaniji fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-esiġenzi tan-negozju tagħhom għar-ristrutturar sabiex jiġu sfruttati aħjar l-opportunitajiet tas-suq intern, u biex tiġi ffaċilitata l-libertà tal-organizzazzjoni tal-kumpaniji, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tar-rappreżentanza tal-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-importanza li jitneħħew l-ostakli li jirriżultaw mill-kunflitti ta' liġijiet sabiex jiddeterminaw id-dritt nazzjonali applikabbli; iqis li l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema jista' jiġi indirizzat permezz ta' diversi atti legali tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' proposta għal direttiva dwar standards minimi għall-ħaddiema u dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'forom Ewropej tal-liġi tal-kumpaniji u f'bordijiet superviżorji maħluqa skont il-liġi Ewropea;

Fużjonijiet transfruntieri

5.  Jisħaq dwar l-effikaċja pożittiva tad-Direttiva 2005/56/KE dwar mergers [fużjonijiet] transfruntieri ta' kumpaniji ta' responsabbiltà limitata, li kellha l-funzjoni li tiffaċilita l-fużjonijiet transfruntieri bejn il-kumpaniji ta' responsabbiltà limitata fl-Unjoni Ewropea – kif jidher mill-figuri uffiċjali li jissarrfu f'żieda sinifikanti fin-numru ta' fużjonijiet transfruntieri f'dawn l-aħħar snin – u li tnaqqas l-ispejjeż u l-proċeduri amministrattivi assoċjati;

6.  Iqis li huwa neċessarju li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2005/56/KE sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi reċenti kemm fil-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar il-libertà ta' stabbiliment ta' kumpaniji kif ukoll fid-dritt soċjetarju Ewropew; iqis li l-proposta leġiżlattiva futura li temenda d-Direttiva 2005/56/KE għandu jkun fiha ġabra ġdida ta' regoli li jirrigwardaw ix-xissjonijiet ta' kumpaniji u jistabbilixxu ċerti linji gwida għal leġiżlazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-mobbiltà tal-kumpaniji;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-konsultazzjoni ta' Ottubru 2015, li huma xhieda b'mod partikolari tal-ħtieġa ta' armonizzazzjoni massima dwar il-kriterji li jirregolaw l-effetti tal-fużjonijiet dwar id-diversi suġġetti interessati tal-kumpanija;

8.  Iqis li hija prijorità li tiġi stabbilita ġabra ta' regoli aktar avvanzati għal serje ta' atturi u kategoriji tal-governanza tal-kumpaniji, u li dawk ir-regoli jiġu rreplikati għall-mudelli komuni futuri dwar xissjonijiet transfruntieri u trasferimenti tal-uffiċċju rreġistrat u tas-sedje prinċipali; jikkunsidra li huwa essenzjali li l-proċeduri ta' fużjoni transfruntiera jiġu ssimplifikati permezz ta' definizzjoni aktar ċara ta' standards għad-dokumentazzjoni ġuridika – li jibdew bil-kwistjonijiet tal-informazzjoni tal-azzjonisti u l-ġbir ta' dokumenti ta' fużjoni – u ta' prattiki ġodda ta' diġitalizzazzjoni, bil-kundizzjoni li jinżammu l-istandards proċedurali u r-rekwiżiti bażiċi stabbiliti fid-Direttiva 2005/56/KE (inkluż il-ħruġ ta' ċertifikat prefużjoni u l-iskrutinju tal-legalità skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva) u li jkunu ppreservati l-interessi pubbliċi, bħaċ-ċertezza legali u l-affidabbiltà tar-reġistri kummerċjali;

9.  Jistenna li d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu ddefiniti b'tali mod li jipprevjenu li xi kumpaniji jużaw id-Direttiva dwar il-fużjonijiet transfruntieri bl-għan uniku li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat jew is-sede tagħhom għal raġunijiet ta' abbuż fiskali, soċjali u legali; jenfasizza l-importanza li jiġu evitati l-ambigwitajiet fl-applikazzjoni ta' penali nazzjonali għan-nuqqas ta' rispett lejn il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema;

10.  Iqis li għaldaqstant huwa importanti li jkun hemm titjib f'xi aspetti essenzjali:

– il-ġestjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

– il-metodu ta' valutazzjoni tal-assi;

– ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri;

– id-data li fiha jibda l-perjodu ta' protezzjoni tal-kredituri u t-tul ta' dak il-perjodu, f'konformità mal-prinċipju tal-għoti ta' responsabbiltà lil-laqgħa ġenerali;

– il-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-kumpaniji, permezz tar-reġistri interkonnessi u standardizzati tal-Istati Membri;

– id-drittijiet tal-azzjonisti minoritarji;

– l-istabbiliment ta' standards minimi tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-kodeterminazzjoni tal-ħaddiema;

– ċerti eżenzjonijiet speċifiċi mir-rekwiżiti proċedurali;

11.  Jattribwixxi importanza kbira lill-ħarsien ta' xi drittijiet tal-azzjonisti minoritarji, fosthom id-dritt ta' inkjesta dwar il-fużjoni, id-dritt ta' kumpens lil azzjonist li jċedi l-ishma tiegħu f'kumpanija minħabba oppożizzjoni tal-fużjoni, u d-dritt li tiġi kkontestata l-ġustizzja tar-relazzjoni ta' kambju;

12.  Isostni l-possibbiltà li jiddaħħlu proċeduri transfruntieri mħaffa f'każ ta' kunsens tal-azzjonisti kollha, fejn m'hemmx ħaddiema jew fejn kwalunkwe impatt fuq il-kredituri jkun insinifikanti;

Xissjonijiet transfruntieri

13.  Ifakkar li d-Direttiva 82/891/KEE tirregola biss ix-xissjonijiet ta' kumpaniji fi ħdan Stat Membru; jinnota li, għalkemm każijiet speċifiċi li jinvolvu xissjonijiet ta' impriżi bejn Stati Membri differenti huma iktar rari, kif iddikjarat f'konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015, iċ-ċifri dwar xissjonijiet domestiċi juru ħtieġa reali li jkun stabbilit qafas speċjali tal-UE għal xissjonijiet transfruntieri; jisħaq li kwalunkwe direttiva ġdida ma għandhiex tintuża bħala strument formali għal xissjonijiet f'kumpanija għal finijiet ta' għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni ("forum shopping") biex ikunu evitati l-obbligi ġuridiċi skont id-dritt nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-effetti ekonomiċi importanti li jkunu jidderivaw minn regolament dwar ix-xissjonijiet transfruntieri, fosthom is-simplifikazzjoni tal-istruttura organizzattiva, kapaċità ta' adattament aħjar, u opportunitajiet ġodda għas-suq intern;

15.  Jinnota l-proċeduri kumplessi u fit-tul meħtieġa bħalissa għal xissjonijiet transfruntieri, li huma ġeneralment implimentati f'żewġ fażijiet: xissjoni domestika inizjali u fużjoni transfruntiera sussegwenti; jemmen li l-introduzzjoni ta' standards armonizzati fil-livell tal-UE fil-qasam ta' xissjonijiet transfruntieri twassal għal simplifikazzjoni tal-operazzjonijiet u tnaqqis fl-ispejjeż u t-tul ta' żmien tal-proċeduri;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jitneħħew l-ostakli li jirriżultaw mill-kunflitti ta' liġijiet sabiex jiddeterminaw id-dritt nazzjonali applikabbli;

17.  Ifakkar li f'xi Stati Membri ma jeżistux regoli nazzjonali ad hoc dwar kif għandha ssir xissjoni transfruntiera;

18.  Huwa tal-parir li inizjattiva leġiżlattiva futura dwar ix-xissjonijiet transfruntieri għandha tuża l-prinċipji u r-rekwiżiti elenkati fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Fużjonijiet Transkonfinali:

– kwistjonijiet proċedurali u ta' simplifikazzjoni, inklużi l-forom ewlenin kollha ta' xissjonijiet ta' kumpaniji li huma pprattikati llum il-ġurnata (split-up, spin-off, hive-down);

– id-drittijiet tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji, waqt li jiġu affermati mill-ġdid il-prinċipji ta' ħarsien u effikaċja;

– konformità mal-istandards dwar il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza mill-ħaddiema, u s-salvagwardja tagħhom, bil-għan li titjieb il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment il-protezzjoni kontra d-dumping soċjali;

– kwistjonijiet ta' kontabbiltà;

– assi u obbligazzjonijiet;

– l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, pereżempju: id-drittijiet marbuta mal-ishma, ir-rekwiżiti rigward ir-reġistrazzjoni u l-komunikazzjoni bejn ir-reġistri tal-kumpaniji, id-data tat-tlestija tat-tranżazzjoni, il-kontenut minimu tat-termini tax-xissjoni, ir-regoli ta' maġġoranza u korp bis-setgħa li jimmonitorja r-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjoni;

o

o    o

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(1)

ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

(2)

ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(3)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(4)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(5)

ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(6)

ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 78.

(7)

ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 5.

(8)

Kawża C-411/03, SEVIC Systems AG, 13.12.2005, ECLI:EU:C:2005:762.

(9)

Kawża C-196/04, Cadbury Schweppes Overseas Ltd v Commissioners of Inland Revenue, 12.9.2006, ECLI:EU:C:2006:544.

(10)

Kawża C-210/06, CARTESIO Oktató és Szolgáltató bt., 16.12.2008, ECLI:EU:C:2008:723.

(11)

Kawża C-378/10, VALE Építési kft., 12.7.2012, ECLI:EU:C:2012:440.

(12)

Kawża C-483/14, KA Finanz AG v Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group, 7.4.2016, ECLI:EU:C:2016:205.

(13)

Kawża C-167/01, Kamer van Koophandel en Fabrieken voor Amsterdam v Inspire Art Ltd., 30.9.2003, ECLI:EU:C:2003:512.

(14)

Kawża C-208/00, Überseering BV v Nordic Construction Company Baumanagement GmbH (NCC), 5.11.2002, ECLI:EU:C:2002:632.

(15)

Kawża C-212/97, Centros Ltd v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen, 9.3.1999, ECLI:EU:C:1999:126.

(16)

Kawża C81/87, The Queen v H. M. Treasury and Commissioners of Inland Revenue, ex parte Daily Mail and General Trust plc., 27.09.1988, ECLI:EU:C:1988:456.

(17)

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2014/cross-border-mergers-divisions/docs/summary-of-responses_en.pdf

(18)

PE 556.960, http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/556960/IPOL_STU(2016)556960_EN.pdf

(19)

PE 593.796,

(20)

Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (Tfassil mill-ġdid). ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Sergio Gaetano Cofferati, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Constance Le Grip, Jens Rohde, Virginie Rozière, Tiemo Wölken, Kosma Złotowski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

EFDD

PPE

S&D

VERTS/ALE

António Marinho e Pinto, Jens Rohde

Isabella Adinolfi

Therese Comodini Cachia, Rosa Estaràs Ferragut, Constance Le Grip, Emil Radev, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sergio Gaetano Cofferati, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière, Tiemo Wölken

Max Andersson, Julia Reda

2

-

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

4

0

ECR

EFDD

GUE/NGL

Angel Dshambazki, Kosma Zlotowski

Joëlle Bergeron

Kostas Chrysogonos

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza