Proċedura : 2016/2276(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0204/2017

Testi mressqa :

A8-0204/2017

Dibattiti :

PV 14/06/2017 - 20
CRE 14/06/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0272

RAPPORT     
PDF 728kWORD 78k
31.5.2017
PE 599.814v01-00 A8-0204/2017

dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali

(2016/2276(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteurs: Henna Virkkunen, Philippe Juvin

(Proċedura ta' kumitat konġunt – l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali

(2016/2276(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar "Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa" (COM(2016)0288) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0172),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 dwar "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0184),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2016)0108 u SWD(2016)0109),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar l-"Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2017)0002),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 fir-rigward tar-regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa (COM(2016)0399),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2016)0593),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku)(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni)(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva AVMS) (COM(2016)0287),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur) (COM(2016)0283),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali (COM(2015)0634),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar "Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali" (SWD(2016)0163),

–  wara li kkunsidra l-"Gwida tas-settur tal-ICT dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem", ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Rapport Preliminari dwar l-Inkjesta Settorjali tal-Kummerċ Elettroniku" (SWD(2016)0312),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali - Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0204/2017),

A.  billi r-raison d'être tas-suq uniku diġitali hija li tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u biex jiġu aboliti ostakoli tekniċi, legali u tat-taxxa sabiex jippermettu lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-konsumaturi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għodod u s-servizzi diġitali;

B.  billi d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda jkomplu jibdlu l-forom ta' komunikazzjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u l-imġiba taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-kumpaniji, u billi r-raba' rivoluzzjoni industrijali se twassal għad-diġitalizzazzjoni tal-aspetti kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà;

C.  billi l-użu li qed jevolvi tal-internet u tal-apparati tal-mobiles joffri opportunitajiet kummerċjali ġodda għan-negozji ta' kull daqs u jiġġenera mudelli ta' negozju ġodda u alternattivi li jieħdu vantaġġ minn teknoloġiji ġodda u mill-aċċess għas-suq globali, imma joħloq ukoll sfidi ġodda;

D.  billi l-iżvilupp u l-użu li qed jevolvu ta' pjattaformi tal-internet għal ġabra wiesgħa ta' attivitajiet, inklużi attivitajiet kummerċjali u l-kondiviżjoni ta' oġġetti u servizzi, biddlu l-modi li bihom l-utenti u l-kumpaniji jinteraġixxu mal-fornituri ta' kontenut, il-kummerċjanti u individwi oħra li joffru oġġetti u servizzi;

E.  billi d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku teżenta lill-intermedjarji mir-responsabbiltà għall-kontenut biss jekk la jkollhom għarfien u lanqas kontroll b'rabta mal-informazzjoni trażmessa u/jew ospitata, iżda fejn l-intermedjarji jkollhom għarfien attwali ta' ksur jew attività illegali jew informazzjoni li tirrikjedi azzjoni rapida sabiex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal informazzjoni jew attività illegali u malli jiksbu tali għarfien;

F.  billi bosta pjattaformi online u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni joffru aċċess aktar faċli għal oġġetti, servizzi u kontenut diġitali, u estendew l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi u atturi oħra;

G.  billi l-Kummissjoni qed twettaq għadd ta' valutazzjonijiet tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u prattiki B2B li jitwettqu minn pjattaformi online lejn l-utenti kummerċjali tagħhom;

H.  billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma l-muturi tal-ekonomija diġitali, u billi huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Daħla ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni dwar "Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali - Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa";

2.  Jilqa' d-diversi inizjattivi diġà proposti taħt l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa; jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni u l-konsistenza bejn dawn l-inizjattivi; iqis li l-ksib ta' suq uniku diġitali huwa essenzjali għat-trawwim tal-kompetittività tal-UE, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u b'ħiliet għolja u għall-promozzjoni tat-tkabbir tal-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

3.  Jirrikonoxxi li l-pjattaformi online jibbenefikaw mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali tal-lum billi jżidu l-għażliet disponibbli għall-konsumaturi u joħolqu u jiffurmaw swieq ġodda; jirrimarka, madankollu, li l-pjattaformi online jippreżentaw sfidi ġodda regolatorji u ta' politika;

4.  Ifakkar li bosta politiki tal-UE japplikaw ukoll għall-pjattaformi online, iżda jinnota li f'xi każijiet il-leġiżlazzjoni ma tiġix infurzata kif suppost jew tiġi interpretata b'mod differenti mill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma jitqies jekk hemmx ħtieġa li l-qafas legali attwali jiġi kkomplementat sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni;

5.  Jilqa' l-ħidma li qed issir biex jiġi aġġornat u kkomplementat il-qafas ġuridiku attwali sabiex ikun adatt għall-iskop fl-era diġitali; jemmen li ambjent regolatorju effikaċi u attraenti huwa vitali għall-iżvilupp ta' negozju online u diġitali fl-Ewropa;

Id-definizzjoni ta' pjattaformi

6.  Jirrikonoxxi li jkun diffiċli ħafna li tintlaħaq definizzjoni ta' pjattaformi online fil-livell tal-UE li tkun unika, legalment rilevanti u ħielsa mill-problemi fil-futur, minħabba fatturi bħal pereżempju l-varjetà kbira tat-tipi ta' pjattaformi online eżistenti u l-oqsma ta' attività tagħhom, kif ukoll minħabba l-ambjent tad-dinja diġitali li qed jinbidel b'rata mgħaġġla; jemmen li fi kwalunkwe każ definizzjoni tal-UE waħda jew approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" ma jgħinux lill-UE tirnexxi fl-ekonomija tal-pjattaforma;

7.  Huwa konxju, fl-istess waqt, mill-importanza li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE li tista' sseħħ permezz tal-proliferazzjoni ta' regoli u ta' definizzjonijiet reġjonali jew nazzjonali, kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċertezza u kundizzjonijiet ekwi kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;

8.  Jemmen, għalhekk, li l-pjattaformi online jenħtieġ li jiġu distinti u definiti f'leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi rilevanti fil-livell tal-UE skont il-karatteristiċi, il-klassifikazzjonijiet u l-prinċipji tagħhom u skont approċċ immotivat mill-problemi;

9.  Jilqa' l-ħidma li għaddejja tal-Kummissjoni dwar il-pjattaformi online, inklużi konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati u t-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt; jemmen li dan it-tip ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza huwa essenzjali għall-ħolqien ta' fehim komprensiv f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, jekk ikun meħtieġ, miżuri regolatorji jew miżuri oħra bbażati fuq din l-analiżi fil-fond;

10.  Jinnota li l-pjattaformi online B2C u C2C joperaw fi ħdan medda diversa ħafna ta' attivitajiet, bħal pereżempju l-kummerċ elettroniku, il-media, il-magni tat-tiftix, il-komunikazzjonijiet, is-sistemi ta' pagament, il-forniment tax-xogħol, is-sistemi operattivi, it-trasport, ir-reklamar, id-distribuzzjoni ta' kontenut kulturali, l-ekonomija kollaborattiva u n-netwerks soċjali; jinnota wkoll li minkejja li ċerti karatteristiċi komuni jippermettu l-identifikazzjoni ta' dawn l-entitajiet, il-pjattaformi online jistgħu jieħdu ħafna forom u jistgħu jittieħdu ħafna approċċi differenti biex tiġi identifikata waħda;

11.  Jinnota li pjattaformi online B2C u C2C huma, xi ftit jew wisq, ikkaratterizzati minn ċerti karatteristiċi komuni, bħal, iżda mhux limitati għal: swieq li joperaw b'diversi aspetti; jippermettu lill-partijiet jagħmlu parti minn żewġ gruppi tal-utenti distinti jew aktar biex jidħlu f'kuntatt dirett b'mezzi elettroniċi; konnessjoni ta' tipi differenti ta' utenti; joffru servizzi online mfassla skont il-preferenzi tal-utent u bbażati fuq data pprovduta mill-utenti; il-klassifikazzjoni jew referenzjar tal-kontenut, pereżempju bl-użu ta' algoritmi, oġġetti jew servizzi proposti jew imqiegħda online minn partijiet terzi; li jlaqqgħu flimkien diversi partijiet bl-għan tal-bejgħ ta' oġġett, il-provvista ta' servizz jew l-iskambju jew il-kondiviżjoni ta' kontenut, informazzjoni, oġġetti jew servizzi;

12.  Jirrimarka l-importanza kruċjali li jiġu ċċarati l-metodi li bihom jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' algoritmi u li tiġi promossa t-trasparenza fl-użu ta' dawn l-algoritmi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal ta' żbalji u preġudizzji fl-użu ta' algoritmi sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew ta' prattika inġusta u kwalunkwe ksur ta' privatezza;

13.  Iqis madankollu li jenħtieġ li ssir differenza ċara bejn pjattaformi B2C u B2B, fid-dawl tal-pjattaformi online B2B emerġenti, li huma ewlenin għall-iżvilupp tal-internet industrijali bħas-servizzi bbażati fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tad-data li jippermettu l-komunikazzjoni bejn il-prodotti tal-internet tal-oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakoli fis-suq uniku li qed ixekklu t-tkabbir ta' dawn il-pjattaformi;

Il-faċilitazzjoni tat-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi online Ewropej

14.  Jinnota li l-pjattaformi online jużaw l-internet bħala mezz ta' interazzjoni u jaġixxu bħala faċilitaturi bejn il-partijiet, u għaldaqstant jipprovdu benefiċċji lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji billi jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq globali; jinnota li l-pjattaformi online jistgħu jikkontribwixxu għall-aġġustament tal-provvista u d-domanda tal-oġġetti u tas-servizzi, abbażi tas-sentiment komunitarju, l-aċċess kondiviż, ir-reputazzjoni u l-fiduċja;

15.  Jinnota li l-pjattaformi u l-applikazzjonijiet online, li ħafna minnhom huma maħluqa minn żviluppaturi tal-applikazzjonijiet Ewropej, jibbenefikaw mill-għadd enormi u dejjem jikber ta' apparati mobbli, PCs, laptops u apparati oħra tal-informatika konnessi, u qed ikunu dejjem aktar disponibbli fuq dawk l-apparati;

16.  Jirrimarka li l-ogħla prijorità jeħtieġ li tingħata sabiex ikun żgurat biżżejjed investiment għall-introduzzjoni ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja u infrastrutturi diġitali oħra sabiex jintlaħqu l-miri ta' konnettività ta' soċjetà tal-gigabits, peress li tali introduzzjoni hija kruċjali biex tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jaħsdu l-benefiċċji tal-iżvilupp ta' teknoloġija 5G, u b'mod ġenerali biex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Istati Membri;

17.  Jenfasizza li l-użu dejjem aktar mifrux ta' apparati intelliġenti, inklużi smartphones u tablets, estenda u tejjeb aktar l-aċċess għal servizzi ġodda, inklużi pjattaformi online, u b'hekk saħħaħ ir-rwol tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, imma aktar u aktar fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jinnota li d-diġitalizzazzjoni se tkompli tiżdied bl-iżvilupp b'ritmu mgħaġġel tal-internet tal-oġġetti, li huwa mistenni li jikkollega 25 biljun oġġett sal-2020;

18.  Iqis li l-aċċess għall-pjattaformi online permezz ta' teknoloġija ta' kwalità għolja huwa importanti għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, mhux biss għal dawk li huma diġà attivi online; jenfasizza l-importanza li jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni li jistgħu potenzjalment jinħolqu minn nuqqas ta' ħiliet diġitali jew aċċess inugwali għat-teknoloġija; jenfasizza li approċċ impenjat lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali huwa meħtieġ fil-livell nazzjonali u Ewropew;

19.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-swieq ta' pjattaformi online li qed jiżviluppaw b'mod rapidu, li joffru spazju ġdid għall-prodotti u s-servizzi; jirrikonoxxi n-natura globali u transfruntiera ta' dawn is-swieq; jirrimarka li s-swieq ta' pjattaformi online globali joffru lill-konsumaturi firxa wiesgħa ta' għażliet u kompetizzjoni effikaċi tal-prezzijiet; jinnota li l-ftehim "roam like at home" isostni d-dimensjoni transfruntiera tal-pjattaformi online billi jagħmel l-użu ta' servizzi online aktar affordabbli;

20.  Jinnota r-rwol dejjem jikber tal-pjattaformi online fil-kondiviżjoni u l-provvista ta' aċċess għall-aħbarijiet u għal informazzjoni oħra siewja għaċ-ċittadini kif ukoll għall-funzjonament tad-demokrazija; jemmen li l-pjattaformi online jistgħu jaġixxu wkoll bħala faċilitaturi tal-governanza elettronika;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi t-tkabbir ta' pjattaformi online Ewropej u ta' negozji ġodda u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jespandu u jikkompetu globalment; jistieden lill-Kummissjoni żżomm politika li tiffavorixxi l-innovazzjoni fir-rigward tal-pjattaformi online sabiex tiffaċilita d-dħul fis-suq; jiddispjaċih dwar il-proporzjon baxx ta' kapitalizzazzjoni tas-suq tal-UE fuq pjattaformi online; jisħaq ukoll fuq l-importanza li jitneħħew l-ostakoli li jfixklu l-operat bla xkiel ta' pjattaformi online bejn il-fruntieri u li jfixklu t-tħaddim tas-suq uniku diġitali Ewropew; jenfasizza l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u tal-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-bdil bejn il-pjattaformi li joffru servizzi kompatibbli;

22.  Jenfasizza li fatturi kruċjali jinkludu l-ambjent miftuħ, ir-regoli omoġenji, id-disponibbiltà ta' konnettività suffiċjenti, l-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet eżistenti u d-disponibbiltà ta' standards miftuħa;

23.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji sinifikanti li l-pjattaformi online jistgħu joffru lill-SMEs u lin-negozji ġodda; jinnota li l-pjattaformi online spiss huma l-ewwel pass l-aktar faċli u l-aktar xieraq għan-negozji ż-żgħar li jkunu jixtiequ jmorru online u jibbenefikaw minn kanali ta' distribuzzjoni online; jinnota li l-pjattaformi online jippermettu lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda jkollhom aċċess għas-swieq globali mingħajr ma jkollhom jinvestu b'mod eċċessiv fil-bini ta' infrastruttura diġitali għalja; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u l-aċċess ġust għall-pjattaformi, u jfakkar li d-dominanza li qed tiżdied ta' xi pjattaformi online jenħtieġ li ma tnaqqasx il-libertà intraprenditorjali;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza azzjonijiet li jippermettu li negozji Ewropej ġodda u pjattaformi online Ewropej jinħolqu u jespandu; jenfasizza li l-faċilitazzjoni tal-finanzjament u tal-investiment f'negozji ġodda, bl-użu tal-istrumenti ta' finanzjament eżistenti kollha, hija vitali għall-iżvilupp ta' pjattaformi online li joriġinaw fl-Ewropa, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kapital ta' riskju u mezzi differenti bħal dawk bankarji jew fondi pubbliċi, jew permezz ta' għażliet alternattivi ta' finanzjament bħalma huma l-finanzjament kollettiv u l-investiment kollettiv;

25.  Jinnota li xi pjattaformi online jagħmlu possibbli l-ekonomija kollaborattiva u jikkontribwixxu għat-tkabbir tagħha fl-Ewropa; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija kollaborattiva u jenfasizza li din jenħtieġ li tirrappreżenta l-ewwel pass lejn strateġija tal-UE aktar komprensiva f'dan il-qasam li jappoġġja l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda; jenfasizza li dawk il-mudelli ta' negozju ġodda joħolqu impjiegi, irawwmu l-intraprenditorija u joffru servizzi ġodda, aktar għażla u prezzijiet aħjar għaċ-ċittadini u għall-konsumaturi, kif ukoll jiġġeneraw il-flessibbiltà u opportunitajiet ġodda, iżda jistgħu wkoll jagħtu lok għal sfidi u riskji għall-ħaddiema;

26.  Jirrimarka li l-Istati Membri għamlu avvanz fil-qasam tax-xogħol u tal-istandards soċjali u fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u jenfasizza li l-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali jrid jiġi garantit ukoll fl-era diġitali; jinnota li d-diġitalizzazzjoni li qed tiżdied tħalli impatt fuq is-swieq tax-xogħol, fuq id-definizzjoni mill-ġdid tal-impjiegi u fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-ħaddiema u n-negozji; jinnota l-importanza li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u għad-drittijiet soċjali u għall-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jitrawwmu aktar l-iskemi ta' sigurtà soċjali u l-kwalità tal-impjiegi; jistieden ukoll lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati rilevanti oħra, biex jivvalutaw il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, inklużi s-sistemi ta' sigurtà soċjali, sabiex iżommu ruħhom aġġornati dwar l-iżvilupp teknoloġiku filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u jiġu prodotti benefiċċji ġenerali għas-soċjetà fl-intier tagħha;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm sigurtà soċjali adegwata għall-ħaddiema indipendenti, li huma atturi ewlenin fis-suq tax-xogħol diġitali; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi ġodda ta' protezzjoni, fejn meħtieġ, sabiex jiżguraw kopertura adegwata għall-ħaddiema tal-pjattaformi online kif ukoll in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex jikkondividu l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew;

28.  Jinnota li l-pjattaformi tas-saħħa online jistgħu jappoġġjaw attivitajiet innovattivi billi joħolqu u jittrasferixxu l-għarfien rilevanti minn konsumaturi impenjati fil-kura tas-saħħa lejn l-innovazzjoni tal-ambjent tal-kura tas-saħħa; jenfasizza li pjattaformi ġodda tal-innovazzjoni, flimkien se jfasslu u joħolqu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' prodotti tal-kura tas-saħħa innovattivi sabiex jaqblu preċiżament mal-ħtiġijiet li attwalment mhumiex issodisfati;

Tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-intermedjarji

29.  Jinnota li r-reġim attwali tal-UE fir-rigward tar-responsabbiltà limitata tal-intermedjarji huwa waħda mill-kwistjonijiet imqajma minn ċerti partijiet interessati fid-dibattitu li għaddej dwar il-pjattaformi online; jinnota li l-konsultazzjoni dwar l-ambjent regolatorju għall-pjattaformi wriet appoġġ relattiv għall-qafas attwali li jinsab fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu eliminati ċerti nuqqasijiet fl-infurzar tagħha; jemmen, għaldaqstant, li r-reġim ta' responsabbiltà għandu jiġi ċċarat aktar, peress li huwa pilastru kruċjali għall-ekonomija diġitali tal-UE; jemmen li tinħtieġ gwida mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' responsabbiltà intermedjarja sabiex tippermetti lil pjattaformi online jikkonformaw mar-responsabbiltajiet tagħhom u r-regoli dwar ir-responsabbiltà, ittejjeb iċ-ċertezza legali, u żżid il-fiduċja tal-utenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar passi f'dan is-sens, u jfakkar li l-pjattaformi li ma jiżvolġux rwol newtrali kif definit fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ma jistgħux jitolbu eżenzjoni mir-responsabbiltà;

30.  Jenfasizza li, minkejja l-fatt li llum qed jiġi kkunsmat aktar kontenut kreattiv minn qatt qabel fuq servizzi bħal pjattaformi ta' kontenut imtella' mill-utenti u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, is-setturi kreattivi ma rawx żieda komparabbli fi dħul minn din iż-żieda fil-konsum; jenfasizza li waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan qed tiġi meqjusa bħala trasferiment ta' valur li rriżulta minħabba n-nuqqas ta' ċarezza rigward l-istatus ta' dawn is-servizzi online skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur u tal-kummerċ elettroniku; jenfasizza li nħoloq suq inġust, li qed jhedded l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali u l-atturi ewlenin tiegħu, b'mod partikolari l-industriji kulturali u kreattivi;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tippubblika gwida dwar ir-responsabbiltà intermedjarja peress li hemm ċertu nuqqas ta' ċarezza rigward ir-regoli attwali u l-implimentazzjoni tagħhom f'xi Stati Membri; jemmen li l-gwida se ssaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fis-servizzi online; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi regolatorji bejn id-dinja online u dik offline u toħloq kundizzjonijiet ekwi għal servizzi komparabbli online u offline, fejn meħtieġ u possibbli u filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull qasam, l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-ħtieġa għal aktar trasparenza u ċertezza legali, u l-bżonn li ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni;

32.  Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz biex jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u joffru opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies kif dan il-proċess jista' jiffunzjona b'aktar ċertezza legali u b'rispett akbar għad-detenturi tad-drittijiet; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiżgura r-rikonoxximent tal-valuri u l-istimolu tal-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut;

33.  Iħeġġeġ lill-pjattaformi online jsaħħu l-miżuri li jindirizzaw kontenut illegali u ta' ħsara online; jilqa' x-xogħol li għaddej fuq id-Direttiva AVMS u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri għal pjattaformi ta' "video-sharing" sabiex jiġu protetti l-minuri u jitneħħa kontenut relatat mad-diskors ta' mibegħda; jinnota n-nuqqas ta' referenzi għall-kontenut relatat mal-inċitament għat-terroriżmu; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi evitat il-bullying u l-vjolenza kontra persuni vulnerabbli;

34.  Iqis li r-regoli ta' responsabbiltà għal pjattaformi online għandhom jippermettu l-indirizzar ta' kwistjonijiet relatati ma' kontenut u oġġetti illegali b'mod effiċjenti, pereżempju billi tiġi applikata diliġenza dovuta filwaqt li jinżamm approċċ bilanċjat u li jirrispetta l-innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tiċċara aktar il-proċeduri ta' avviż u tneħħija u tipprovdi gwida dwar miżuri volontarji bl-għan li jindirizzaw tali kontenut;

35.  Jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni kontra t-tixrid ta' aħbarijiet foloz; jistieden lill-pjattaformi online jipprovdu lill-utenti b'għodod biex jiddenunzjaw aħbarijiet foloz b'tali mod li utenti oħra jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa li l-veraċità tal-kontenut tkun ġiet ikkontestata; jirrimarka, fl-istess waqt, li l-iskambju ħieles tal-opinjonijiet huwa fundamentali għad-demokrazija u li d-dritt għall-privatezza japplika wkoll fil-qasam tal-media soċjali; jenfasizza l-valur tal-istampa ħielsa fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni affidabbli liċ-ċittadini;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza fil-fond is-sitwazzjoni attwali u l-qafas legali fir-rigward tal-aħbarijiet foloz, u tivverifika l-possibbiltà ta' intervent leġiżlattiv biex jiġu limitati d-disseminazzjoni u t-tixrid ta' kontenut falz;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li pjattaformi online li jiġġieldu kontra l-oġġetti u l-kontenut illegali u l-prattiki inġusti (pereżempju, il-bejgħ mill-ġdid ta' biljetti tad-divertiment bi prezzijiet esaġerati), permezz ta' miżuri regolatorji kkomplementati b'miżuri awtoregolatorji effikaċi (pereżempju, permezz ta' termini ċari ta' użu u mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu identifikati r-reċidivi, jew permezz tat-twaqqif ta' timijiet speċjalizzati li jimmoderaw il-kontenut u jittraċċaw prodotti perikolużi) jew miżuri ibridi;

38.  Jilqa' l-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda għall-industrija, li ntlaħaq qbil dwaru fl-2016 u li ġie appoġġjat mill-Kummissjoni, u jitlob lil din tal-aħħar tiżviluppa mezzi adegwati u raġonevoli għal pjattaformi online biex jidentifikaw u jneħħu l-oġġetti u l-kontenut illegali;

39.  Jemmen li l-konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) hija essenzjali fir-rigward tas-sjieda tad-data; jinnota li l-utenti spiss ikollhom inċentivi biex jaqsmu d-data personali tagħhom ma' pjattaformi online; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-utenti jiġu infurmati dwar in-natura eżatta tad-data miġbura u l-modi kif se tintuża; jissottolinja li huwa essenzjali għall-utenti li jkollhom kontroll fuq il-ġbir u l-użu tad-data personali tagħhom; jenfasizza li għandu jkun hemm ukoll l-għażla li d-data personali ma tiġix kondiviża; jinnota li r-regola tad-"dritt li jkun minsi" tapplika wkoll għal pjattaformi online; jistieden lill-pjattaformi online jiżguraw li l-anonimità hija garantita meta partijiet terzi jittrattaw data personali;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr ir-rieżami tagħha tal-ħtieġa għal proċeduri formali ta' avviż u azzjoni bħala mezz promettenti kif jissaħħaħ ir-reġim ta' responsabbiltà b'mod armonizzat madwar l-UE kollha;

41.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippreżenta kemm jista' jkun malajr il-gwida prattika tagħha dwar is-sorveljanza tas-suq ta' prodotti mibjugħa online;

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn fornituri tas-servizz ta' pjattaformi online u servizzi oħra li magħhom jikkompetu, inklużi B2B u C2C; jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja hija essenzjali biex tinħoloq ekonomija diġitali ta' suċċess; jinnota li l-pressjoni kompetittiva tvarja bejn setturi differenti u bejn atturi differenti fi ħdan is-setturi; ifakkar għaldaqstant li soluzzjonijiet universali rarament huma xierqa; iqis li kwalunkwe soluzzjoni jew miżura regolatorja mfassla apposta proposta għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi ta' pjattaformi sabiex tiżgura l-kompetizzjoni ġusta fuq bażi ugwali;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-daqs ta' pjattaformi online jvarja minn kumpaniji multinazzjonali għal mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza ta' kompetizzjoni ġusta u effikaċi bejn pjattaformi online biex tkun promossa l-għażla tal-konsumatur u jkun evitat il-ħolqien ta' monopolji jew pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal distorsjonijiet fis-swieq permezz tal-abbuż tal-poter tas-suq; jisħaq fuq il-fatt li l-iffaċilitar ta' bdil bejn pjattaformi online jew servizzi online hija miżura essenzjali biex jiġu evitati l-fallimenti tas-suq u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' intrappolament;

44.  Jinnota li pjattaformi online qed ibiddlu l-mudell tan-negozju tradizzjonali li huwa regolat ħafna; jissottolinja li riformi possibbli tal-qafas regolatorju eżistenti għandhom jikkonċentraw fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli u t-tnaqqis tal-frammentazzjoni regolatorja, sabiex jiżguraw suq miftuħ u kompetittiv għall-pjattaformi online filwaqt li jiggarantixxu standards għoljin ta' protezzjoni għall-konsumatur; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda u li jitkomplew il-proċess REFIT u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar; jenfasizza l-importanza tan-newtralità teknoloġika u tal-koerenza bejn ir-regoli li japplikaw kemm online kif ukoll offline f'sitwazzjonijiet ekwivalenti safejn hu meħtieġ u possibbli; jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja trawwem il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni;

45.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment fl-infrastruttura kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali; jenfasizza li kompetizzjoni ġusta tiżgura l-investiment f'servizzi ta' broadband b'veloċità għolja u ta' kwalità; jisħaq fuq il-fatt li aċċess affordabbli għal infrastruttura affidabbli b'veloċità għolja, bħal konnessjonijiet u telekomunikazzjonijiet veloċi ħafna, kif ukoll l-użu sħiħ tagħha, irawmu l-forniment u l-użu tas-servizzi tal-pjattaformi online; jenfasizza l-ħtieġa għan-newtralità tal-internet u aċċess ġust u nondiskriminatorju għal pjattaformi online bħala prerekwiżit għall-innovazzjoni u suq verament kompetittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissemplifika l-iskemi ta' finanzjament għal inizjattivi relatati li jiffaċilitaw il-proċess ta' diġitalizzazzjoni, sabiex tuża l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u Orizzont 2020 (H2020) u l-kontribuzzjonijiet mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK);

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' approċċ armonizzat għad-dritt ta' rettifika, id-dritt ta' kontrotalba u d-dritt ta' awtokontroll għall-utenti tal-pjattaformi;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tat-talbiet għad-danni kontra pjattaformi minħabba ċ-ċirkolazzjoni ta' fatti dispreġjattivi li joħolqu ħsara persistenti lill-utent;

L-għoti ta' informazzjoni u setgħa liċ-ċittadini u lill-konsumaturi

48.  Jissottolinja li l-internet tal-ġejjieni ma jistax jikseb suċċess mingħajr il-fiduċja tal-utenti fil-pjattaformi online, mingħajr aktar trasparenza, kundizzjonijiet ekwi, protezzjoni tad-data personali, kontroll aħjar ta' sistemi ta' reklamar u sistemi awtomatizzati oħrajn, u pjattaformi online li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni applikabbli kollha u l-interessi leġittimi tal-utenti;

49.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir u l-użu tad-data, u jqis li l-pjattaformi online jridu jwieġbu b'mod adegwat għat-tħassib tal-utenti billi jintalab debitament il-kunsens tagħhom skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u billi jiġu infurmati b'mod iktar effikaċi u ċar dwar liema data personali qed tinġabar u kif qed titqassam u tiġi użata skont il-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jiġi rtirat il-kunsens għal dispożizzjonijiet individwali mingħajr ma jintilef l-aċċess komplet għal servizz;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom fl-ambjent diġitali; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' "privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku";

51.  Jinnota l-importanza li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet ta' aċċess għad-data, ta' sjieda tad-data u r-responsabbiltà marbuta magħha, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ulterjorment il-qafas regolatorju attwali fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

52.  Jissottolinja li n-natura transfruntiera ta' pjattaformi online tirrappreżenta vantaġġ enormi fl-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, iżda tirrikjedi wkoll li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jitlob lis-servizzi u l-mekkaniżmi eżistenti għall-protezzjoni tal-konsumatur jikkollaboraw u jipprovdu protezzjoni tal-konsumatur effiċjenti fir-rigward tal-attivitajiet ta' pjattaformi online; jinnota wkoll l-importanza tar-Regolament dwar l-Infurzar u l-Kooperazzjoni Transfruntiera f'dan ir-rigward; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tivvaluta kwalunkwe ħtieġa addizzjonali li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' pjattaformi, bħala parti mill-kontroll REFIT tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni fl-2017;

53.  Iħeġġeġ lill-pjattaformi online joffru lill-klijenti termini u kundizzjonijiet ċari, komprensivi u ġusti u jiżguraw modi faċli għall-utent ta' kif għandhom jiġu ppreżentati t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, jiġu pproċessati d-data, il-garanziji legali u kummerċjali u l-ispejjeż possibbli, filwaqt li tiġi evitata t-terminoloġija kumplessa sabiex jissaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja u l-fehim tad-drittijiet tal-konsumatur, peress li dan huwa kruċjali għal pjattaformi online biex jirnexxu;

54.  Jirrimarka li standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-pjattaformi online mhumiex meħtieġa biss fi prattiki B2B iżda anke f'relazzjonijiet C2C;

55.  Jitlob li ssir valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u tal-mekkaniżmi ta' awtoregolamentazzjoni sabiex jiġi determinat jekk jipprovdux protezzjoni adegwata lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji fl-isfond tan-numru dejjem jiżdied ta' lmenti u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Kummissjoni fil-konfront ta' diversi pjattaformi;

56.  Jenfasizza l-importanza li l-utenti jingħataw tagħrif ċar, imparzjali u trasparenti dwar il-kriterji użati biex jiffiltraw, jikklassifikaw, jisponsorizzaw, jippersonalizzaw jew jagħmlu rieżami tal-informazzjoni ppreżentata lilhom; jissottolinja l-ħtieġa għal differenzjazzjoni ċara bejn il-kontenut sponsorjat u kwalunkwe kontenut ieħor;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza ċerti kwistjonijiet tas-sistemi ta' rieżami tal-pjattaformi, bħal rieżamijiet foloz jew tħassir ta' rieżamijiet negattivi, bl-għan li jiksbu vantaġġ kompetittiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru rieżamijiet aktar affidabbli u utli għall-konsumaturi u li jiġi żgurat li l-pjattaformi jirrispettaw l-obbligi eżistenti u jieħdu miżuri f'dan ir-rigward kontra prattiki bħal skemi volontarji; jilqa' l-gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal kriterji u limiti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom pjattaformi online jistgħu jsiru soġġetti għal aktar sorveljanza tas-suq, u biex tipprovdi gwida għal pjattaformi online bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom ma' obbligi u linji gwida eżistenti f'waqthom, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u r-regoli tal-kompetizzjoni;

59.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-awturi u l-kreaturi jridu jiġu protetti wkoll fl-era diġitali, u jfakkar fl-importanza tal-industrija kreattiva għall-impjiegi u l-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-Direttiva attwali dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali(8)6, sabiex tevita l-użu ħażin intenzjonali ta' proċessi ta' rappurtar u tiżgura li l-atturi kollha fil-katina tal-valur, inklużi intermedjarji bħall-fornituri tas-servizzi tal-internet, ikunu jistgħu jiġġieldu b'mod aktar effikaċi kontra l-falsifikazzjoni, billi jieħdu miżuri attivi, proporzjonati u effikaċi sabiex jiżguraw it-traċċabbiltà u jevitaw il-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta' oġġetti foloz, peress li l-falsifikazzjoni tirrappreżenta riskju għall-konsumaturi;

60.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ fil-kondiviżjoni tal-valur għall-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fuq pjattaformi li jqassmu kontenut awdjoviżiv protett;

61.  Jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pjattaformi u d-detenturi tad-drittijiet sabiex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni xierqa tad-drittijiet u jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online; ifakkar li ksur bħal dan jista' jikkostitwixxi kwistjoni serja, mhux biss għall-kumpaniji imma wkoll għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, li jridu jsiru konxji mir-realtà tal-kummerċ illeċitu fi prodotti foloz; itenni, għalhekk, is-sejħa tiegħu għall-applikazzjoni tal-approċċ "segwi l-flus" b'servizzi ta' pagament rilevanti, sabiex il-falsifikaturi jitteħdulhom il-mezzi li bihom ikomplu bl-attività ekonomika tagħhom; jissottolinja li reviżjoni tad-Direttiva attwali dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tista' sservi bħala mezz adatt biex jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni bejn il-pjattaformi, l-utenti u l-atturi ekonomiċi l-oħra kollha, flimkien mal-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-pjattaforma li kienet ġiet imnedija biex issolvi tilwim li jinvolvi x-xiri li jsir online fost il-konsumaturi, sabiex ittejjeb il-mod li bih tkun aktar faċli biex tintuża mill-utenti, u timmonitorja jekk in-negozjanti jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jpoġġu link għal dik il-pjattaforma fuq is-sit web tagħhom, sabiex ikomplu jindirizzaw l-għadd dejjem jikber ta' lmenti kontra diversi pjattaformi online;

Iż-żieda fil-fiduċja online u t-trawwim tal-innovazzjoni

63.  Jissottolinja li l-infurzar effikaċi tal-protezzjoni tad-data u tad-drittijiet tal-konsumatur fis-swieq online skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà huma azzjonijiet prijoritarji, kemm għall-politika pubblika kif ukoll għan-negozji, fir-rigward taż-żieda fil-fiduċja; jenfasizza li l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tirrikjedi varjetà ta' miżuri u mezzi tekniċi fl-oqsma tal-privatezza online, is-sigurtà tal-internet u ċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' data u s-sigurtà tal-pagamenti;

64.  Jinnota li l-pagamenti online joffru livell għoli ta' trasparenza li jgħin biex jipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-intraprendituri u jimminimizza r-riskji ta' frodi; jilqa' wkoll il-metodi ta' pagament ġodda, innovattivi u alternattivi, bħall-muniti virtwali u l-portafolji elettroniċi; jinnota li t-trasparenza tiffaċilita t-tqabbil tal-prezzijiet u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u żżid it-traċċabbiltà ta' tranżazzjonijiet ekonomiċi;

65.  Jenfasizza li ambjent ġust, prevedibbli u li jiffavorixxi l-innovazzjoni, kif ukoll investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, huma kruċjali biex jiġu ġġenerati ideat ġodda u innovazzjonijiet; jissottolinja l-importanza ta' data miftuħa u standards miftuħin għall-iżvilupp ta' pjattaformi online ġodda u l-innovazzjoni; ifakkar li r-rieżami tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Servizz Pubbliku huwa mistenni fl-2018; jinnota li pjattaformi għall-ittestjar miftuħa, avvanzati u kondiviżi u interfaces ta' programmar jistgħu jkunu ta' vantaġġ għall-Ewropa;

66.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ impenjat, mill-Kummissjoni u b'mod partikolari mill-Istati Membri, lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali, sabiex jifformaw forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet, peress li din hija kundizzjoni biex jiġi żgurat livell għoli ta' impjieg b'kundizzjonijiet ġusti fl-UE kollha filwaqt li jintemm l-illitteriżmu diġitali li jrawwem id-diviżjoni diġitali u l-esklużjoni diġitali; jissottolinja, għaldaqstant, li l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet diġitali huma imperattivi u jirrikjedu investimenti kbar fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja;

67.  Iqis li jenħtieġ li l-pjattaformi li fuqhom huwa maħżun u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku volum sinifikanti ta' xogħlijiet protetti jikkonkludu l-ftehimiet ta' liċenzja mad-detenturi tad-drittijiet rilevanti, sakemm ma jkunux attivi u għalhekk koperti mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bl-għan li ssir kondiviżjoni ġusta tal-profitt mal-awturi, il-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet rilevanti; jissottolinja li tali ftehimiet tal-liċenzji u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jirrispettaw l-eżerċizzju tal-utenti tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

Ir-rispett tar-relazzjonijiet B2B u tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE

68.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi infurzata aħjar il-liġi dwar il-kompetizzjoni fid-dinja diġitali, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet f'waqthom f'każijiet ta' kompetizzjoni fid-dawl tal-pass mgħaġġel fis-settur diġitali; jinnota, madankollu, li f'xi aspetti l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi aġġustata għad-dinja diġitali sabiex tkun adattata għal dan l-iskop;

69.  Jinsab imħasseb dwar il-prattiki kummerċjali B2B problematiċi u inġusti minn xi pjattaformi online, bħal nuqqas ta' trasparenza (pereżempju, fir-riżultati tat-tiftix, l-użu tad-data jew l-ipprezzar), bidliet unilaterali fit-termini u l-kundizzjonijiet, il-promozzjoni tar-reklamar jew ir-riżultati sponsorjati filwaqt li titnaqqas il-viżibbiltà tar-riżultati mhux imħallsa, termini u kundizzjonijiet inġusti possibbli, pereżempju, f'soluzzjonijiet ta' pagament u abbużi possibbli fir-rwol doppju ta' pjattaformi bħala intermedjarji u kompetituri; jinnota li dan ir-rwol doppju jista' joħloq inċentivi ekonomiċi biex il-pjattaformi online jiddiskriminaw favur il-prodotti u s-servizzi tagħhom stess u jimponu termini B2B diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa f'dan ir-rigward;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv favur it-tkabbir, favur il-konsumatur u mmirat lejn relazzjonijiet B2B ibbażati fuq il-prinċipji ta' prevenzjoni tal-abbuż tas-saħħa fis-suq u jiġi żgurat li l-pjattaformi li jservu bħala passaġġ għal suq downstream ma jsirux gwardjani; iqis li dan il-qafas jenħtieġ li jservi biex jevita l-effetti detrimentali għall-benessri tal-konsumatur u jippromwovi l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni; jirrakkomanda wkoll li dan il-qafas ikun teknoloġikament newtrali u kapaċi jindirizza r-riskji eżistenti, pereżempju fir-rigward tas-suq għal sistema operatorja mobbli iżda anke riskji futuri b'teknoloġiji ġodda mmexxija mill-internet bħall-internet tal-oġġettijew intelliġenza artifiċjali, li se jikkonsolidaw aktar il-pożizzjoni tal-pjattaformi stabbiliti aktar u aktar fin-nofs bejn in-negozji u l-konsumaturi online;

71.  Jilqa' l-eżerċizzju tal-ġbir ta' informazzjoni mmirat lejn il-prattiki B2B li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni sar-rebbiegħa tal-2017, u jħeġġeġ li jittieħdu passi effikaċi biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta;

72.  Jissottolinja li l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet jeħtieġu li fejn xieraq jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet relatati mat-taxxa;

73.  Jinnota r-rivelazzjonijiet reċenti li jinvolvu, fost elementi oħrajn, il-kumpaniji diġitali kbar u l-prattiki tagħhom ta' ppjanar tat-taxxa fl-UE; jilqa' b'rabta ma' dan, l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipproponu riformi ulterjuri biex jiġu evitati prattiki għall-evitar tat-taxxa fl-UE; jitlob li tittieħed azzjoni sabiex tiżgura li l-kumpaniji kollha, inklużi dawk diġitali, iħallsu t-taxxi tagħhom fl-Istati Membri fejn isiru l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom;

74.  Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi fix-xena legali fit-28 Stat Membru u l-ispeċifiċitajiet tas-settur diġitali li fih il-preżenza fiżika ta' kumpanija fil-pajjiż tas-suq ħafna drabi mhijiex meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom tal-VAT skont il-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni(9);

Ir-rwol tal-UE fid-dinja

75.  Jirrimarka li l-preżenza tal-UE fis-suq dinji hija sfortunatament baxxa, b'mod partikolari minħabba l-frammentazzjoni attwali tas-suq diġitali, l-inċertezza legali u n-nuqqas ta' finanzjament u kapaċità sabiex jiġu kummerċjalizzati l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, li jagħmilha diffiċli għall-kumpaniji Ewropej biex isiru mexxejja dinjija u biex jikkompetu mal-parteċipanti fil-bqija tad-dinja f'din l-ekonomija ġdida u globalment kompetittiva; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' ambjent għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu li jrawwem l-iżvilupp u l-ħolqien ta' impjiegi lokali;

76.  Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE, pereżempju fir-rigward tat-tassazzjoni u kwistjonijiet simili;

77.  Jemmen li l-UE għandha l-potenzjal li ssir parteċipant ewlieni fis-suq diġitali, u jikkunsidra li jenħtieġ li twitti t-triq għal klima favur l-innovazzjoni fl-Ewropa billi tiżgura qafas legali rigoruż li jipproteġi lill-partijiet interessati kollha;

°

°  °

78.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0052.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0010.

(4)

ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1.

(5)

ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(6)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(7)

ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(8)

ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

(9)

Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016, "Lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT" - Testi adottati, P8_TA(2016)0453.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (8.5.2017)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-pjattaformi online u s-Suq Uniku Diġitali

(2016/2276(INI))

Rapporteur: Constance Le Grip

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

A.  billi l-pjattaformi online (minn hawn 'il quddiem "pjattaformi") huma tip ta' fornitur ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li għandhom rwol ta' intermedjarji fi ħdan ekosistema diġitali partikolari, u jkopru firxa wiesgħa ta' atturi involuti f'għadd kbir ta' attivitajiet ekonomiċi, inklużi l-kummerċ elettroniku, il-media, il-magni tat-tiftix, l-ekonomija kollaborattiva, l-attivitajiet mhux għall-profitt, id-distribuzzjoni tal-kontenut kulturali u n-netwerks soċjali, u għalhekk ma huma soġġetti għal ebda definizzjoni ċara jew preċiża, fejn il-formulazzjoni tagħhom tkun diffiċli minħabba n-natura tagħhom li dejjem jevolvu; billi jenħtieġ li d-distinzjoni bejn pjattaformi kummerċjali u mhux kummerċjali tiġi kkunsidrata;

B.  billi fl-ekonomija diġitali, l-intermedjarji tal-bieraħ saru l-fornituri ta' kontenut tal-lum u jaqdu rwol essenzjali f'termini ta' aċċess għal kontenut; billi, għalhekk, hija meħtieġa aktar kjarifika għal din l-ekosistema ta' pjattaformi li qed tinbidel b'rata mgħaġġla dwar x'jikkostitwixxi natura attiva jew passiva ta' pjattaformi, fis-sens tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bħala l-ewwel pass lejn il-fatt li jiġu suġġetti għal qafas regolatorju li jsaħħaħ ir-responsabilità tagħhom u l-affidabilità tas-servizzi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu joffru aktar opportunitajiet, kundizzjonijiet ġusti u ċertezza legali għall-konsumaturi, li d-drittijiet tagħhom iridu dejjem jiġu protetti;

C.  billi qafas regolatorju xieraq u bbilanċjat għall-ekonomija diġitali jista' jgħin żvilupp sostenibbli ulterjuri u skalar tal-mudell kummerċjali tal-pjattaformi fl-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-pjattaformi online biddlu b'mod drammatiku l-ekonomija diġitali matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, u dan irriżulta f'benefiċċji numerużi għas-soċjetà diġitali tal-lum u rwol prominenti fil-ħolqien ta' "valur diġitali" li jirfed it-tkabbir ekonomiku tal-ġejjieni fl-UE, li huwa ta' importanza ewlenija għall-funzjonament effettiv tas-suq uniku diġitali;

E.  billi l-iżvilupp ta' pjattaformi, billi tiġi msaħħa r-relazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi, il-ħaddiema u l-konsumaturi, jippreżenta opportunitajiet u sfidi u jirriżulta fit-tiswir kemm ta' swieq ġodda kif ukoll ta' dawk eżistenti, li xi kultant jaf ikollu effett ta' tfixkil fuq il-valur ekonomiku ta' tali swieq;

F.  billi jenħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għal pjattaformi u għal negozji li jużaw is-servizzi tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-istess regoli sostanzjali japplikaw għal servizzi li għandhom karattru ta' sostituzzjoni u jistimulaw l-innovazzjoni u l-prosperità;

G.  billi xi pjattaformi jipprovdu servizzi meqjusa bħala sostituti għal dawk offruti bil-mod tradizzjonali u għalhekk jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jikkompetu ma' operaturi li huma soġġetti għal restrizzjonijiet regolatorji speċifiċi mingħajr ma huma stess ikunu regolati formalment minn tali restrizzjonijiet; billi dan huwa minħabba n-natura speċifika tas-servizzi li jipprovdu jew minħabba li tali regoli mhumiex applikabbli jew infurzabbli f'ambjent online;

H.  billi d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tinvolvi erożjoni importanti tal-bażi fiskali; billi d-dħul mill-pjattaformi jenħtieġ li jiġi intaxxat fejn isiru profitti;

I.  billi sabiex tintemm l-ambigwità relatata mad-drittijiet tal-awtur bejn pjattaformi ta' kontenut attivi mtellgħin mill-utent u dawk li jkollhom attività ta' sempliċi intermedjarji, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li r-responsabilità limitata prevista mill-Artikolu 14 tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku tkun applikabbli biss għal pjattaformi li għandhom rwol intermedjarju passiv, jiġifieri mingħajr ma jsir intervent fl-organizzazzjoni, l-ottimizzazzjoni jew il-promozzjoni tal-kontenut;

J.  billi r-reġim ta' responsabilità stabbilit fid-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, li jirrappreżenta aspetti fundamentali tagħha, huwa applikabbli għal fornituri ta' servizzi online biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi, u fi kwalunkwe każ ma jistgħux jiġu eżentati mill-obbligi u r-responsabilitajiet sostanzjali tagħhom relatati mal-attivitajiet u n-negozji tagħhom stess;

K.  billi ħafna pjattaformi jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi mhux biss għal bejjiegħa bl-imnut iżda wkoll għal dawk li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), u f'dak il-kuntest jistgħu jippermettu li jseħħ għadd sostanzjali ta' ksur, li finalment iwassal għal kondiviżjoni ta' valuri mhux ugwali u inġusta tul il-katina kollha tal-provvista;

L.  billi, minkejja l-fatt li llum qed jiġi kkunsmat aktar kontenut kreattiv minn qatt qabel permezz ta' servizzi bħal pjattaformi ta' kontenut imtella' mill-utenti u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, is-setturi kreattivi ma rawx żieda komparabbli fid-dħul minn din iż-żieda fil-konsum; billi waħda mir-raġunijiet ewlenin hija dik li qed tiġi referuta bħala trasferiment ta' valur li rriżulta minħabba nuqqas ta' ċarezza rigward l-istatus ta' dawn is-servizzi online skont il-liġi tad-dritt tal-awtur u tal-kummerċ elettroniku. billi nħoloq suq inġust, li qed jhedded l-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali u l-atturi ewlenin tiegħu, b'mod partikolari l-industriji kulturali u kreattivi;

M.  billi, r-reponsabilità, il-ġustizzja, il-fiduċja u t-trasparenza jenħtieġ li jkunu prinċipji gwida ewlenin għall-pjattaformi, kif jenħtieġ li jkunu għal kull attività ekonomika oħra u negozju ieħor, biex tinbena l-fiduċja mal-konsumaturi tagħhom u mas-sħab kummerċjali tagħhom;

N.  billi ċ-ċarezza u t-trasparenza insuffiċjenti tal-aspetti differenti tal-ġbir ta' data mill-pjattaformi jikkontribwixxu għaż-żieda fl-inċertezza legali u n-nuqqas ta' fiduċja tal-konsumaturi fihom;

O.  billi l-pjattaformi jista' jkollhom rwoli doppji, bħala intermedjarji iżda wkoll bħala kompetituri, li potenzjalment jistgħu jwasslu għal abbuż;

P.  billi jenħtieġ li jiġi impost obbligu ta' attenzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet fuq fornituri tas-servizzi online biex jiskopru u jimpedixxu attivitajiet illegali fuq il-pjattaformi bi kwalunkwe mezz tekniku affidabbli;

Q.  billi l-falsifikazzjoni online qed tkun dejjem aktar imfittxa minn organizzazzjonijiet kriminali għaliex tirrendi aktar u għandha inqas riskju ta sanzjonijiet penali mir-racketeering jew it-traffikar tad-droga;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjattaformi u l-azzjoni kollha li ttieħdet s'issa; ifakkar li ċertu numru ta' kwistjonijiet għadhom miftuħa u jeħtieġ li jiġu indirizzati;

2.  Jappoġġja l-ħtieġa li jiżdiedu r-responsabilità u l-kooperazzjoni ta' xi pjattaformi li jikkorrispondu mal-profil pubbliku għoli li kisbu u l-importanza tagħhom f'termini ekonomiċi u ta' saħħa tan-negozjar, li jwasslu għal abbużi potenzjali fis-suq; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabilità għal pjattaformi u tieħu azzjonijiet xierqa biex tiżgura li l-pjattaformi ma jabbużawx mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq għad-detriment tan-negozji u l-konsumaturi;

3.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni rigward iż-żamma tad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' responsabilità tal-intermedjarji kif imniżżel fid-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, li huma tajbin għall-futur u teknoloġikament newtrali u huma vitali għall-iżvilupp ta' pjattaformi Ewropej; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa għal kjarifika tal-istatus ta' pjattaformi li jkollhom rwol attiv fil-komunikazzjoni pubblika u ta' riproduzzjoni ta' xogħlijiet protetti, u jenfasizza f'dan il-kuntest li l-eċċezzjonijiet tar-responsabilità stabbiliti mid-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jenħtieġ li japplikaw biss għal fornituri online ġenwinament newtrali u passivi, u mhux għal servizzi li għandhom rwol attiv fid-distribuzzjoni, il-promozzjoni u l-immonetizzar tal-kontenut għad-detriment tal-kreaturi;

4.  Jemmen li regoli nazzjonali jew lokali differenti għall-pjattaformi online joħolqu inċertezza għall-operaturi ekonomiċi, jillimitaw l-aċċess għal servizzi diġitali, u jiġġeneraw konfużjoni għall-utenti u n-negozji;

5.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq qafas regolatorju xieraq u bbilanċjat għall-pjattaformi online fis-suq uniku diġitali, li jista' jgħin fil-ġenerazzjoni ta' klima ta' fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-pubbliku ġenerali, b'tali mod li jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom b'fiduċja ma' pjattaformi online, minħabba l-ħtieġa li jiġu adottati approċċi regolatorji u ta' tfassil ta' politika flessibbli u sostenibbli li jwieġbu direttament għall-isfidi li ġejjin;

6.  Jappella għal qafas regolatorju xieraq u proporzjonat li jiggarantixxi r-reponsabilità, il-ġustizzja, il-fiduċja u t-trasparenza fil-proċessi tal-pjattaformi sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-arbitrarjetà fir-rigward tas-sħab kummerċjali, il-konsumaturi, l-utenti u l-ħaddiema fir-rigward ta', fost l-oħrajn, aċċess għas-servizz, referenzjar xieraq u ġust, riżultati ta' tiftix, jew il-funzjonament tal-interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet rilevanti, abbażi tal-prinċipji tal-interoperabilità u tal-konformità applikabbli għall-pjattaformi;

7.  Jistieden lill-pjattaformi jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb ta' ftehimiet kuntrattwali konklużi ma' detenturi tad-drittijiet għall-użu ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħall-installazzjoni ta' teknoloġiji ta' rikonoxximent ta' kontenut effettivi fejn xieraq;

8.  Jitlob qafas regolatorju li jiggarantixxi, fost l-oħrajn, kundizzjonijiet ekwi għal servizzi diġitali komparabbli, pjattaformi online li jiffunzjonaw b'mod responsabbli u miżuri biex jinżammu u jiġu żviluppati swieq miftuħa u nondiskriminatorji, sabiex tikber l-ekonomija mmexxija mid-data, tiġi promossa klima ta' fiduċja u ta' trasparenza u jiġi żgurat dak li huwa ġust fl-UE;

9.  Jitlob li jiġu introdotti mekkaniżmi ta' soluzzjoni għat-tilwim għal titjib tar-rimedji għas-sħab kummerċjali u l-utenti ta' pjattaformi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi mekkaniżmi ta' infurzar li jgħinu lill-Istati Membri jieħdu passi lejn infurzar aħjar tal-liġi applikabbli għall-pjattaformi, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' politiki rilevanti fil-qasam soċjali, fiskali u settorjali;

11.  Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz biex jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u joffru opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju. jenfasizza li jrid jitqies kif dan il-proċess jista' jiffunzjona b'aktar ċertezza legali u b'rispett akbar għad-detenturi tad-drittijiet; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiżgura r-rikonoxximent tal-valuri u l-istimolu tal-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina jekk kwistjonijiet potenzjali relatati ma' pjattaformi online jistgħux jiġu solvuti permezz tal-implimentazzjoni xierqa u sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-infurzar effettiv tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn pjattaformi online u jiġi evitat il-ħolqien ta' monopolji; jistieden lill-Kummissjoni żżomm politika li tiffavorixxi l-innovazzjoni fir-rigward ta' pjattaformi online li tiffaċilita d-dħul fis-suq u trawwem l-innovazzjoni; iqis li t-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni, il-faċilitazzjoni ta' bdil bejn pjattaformi jew servizzi online li jippermettu l-għażliet tal-konsumaturi, l-aċċess għal pjattaformi, l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' ostakoli għall-ħolqien u l-iskalar tal-pjattaformi jenħtieġ li jkunu prijoritajiet;

13.  Iqis li l-operaturi tal-pjattaforma jenħtieġ li jipprovdu lill-konsumatur b'informazzjoni ġusta, ċara u trasparenti dwar:

-  it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tas-servizz; kif ukoll

-  il-proċeduri għar-referenzjar, l-ikklassifikar u d-dereferenzjar tal-kontenut, l-oġġetti jew is-servizzi online;

14.  Iqis li meta jipprovdu interfaċċja għan-negozji u l-konsumaturi, l-operaturi tal-pjattaforma jenħtieġ li jipprovdu lin-negozji bi spazju biex ikunu jistgħu jikkomunikaw lill-konsumaturi l-informazzjoni obbligatorja u meħtieġa kollha relatata mal-kuntratti konklużi mill-bogħod u l-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali, pereżempju dawk li jirrigwardaw id-dritt ta' rtirar u d-dritt għal rimedji;

15.  Iqis li jenħtieġ li l-pjattaformi li fuqhom huwa maħżun u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku volum sinifikanti ta' xogħlijiet protetti jikkonkludu l-ftehimiet ta' liċenzja mad-detenturi tad-drittijiet rilevanti, sakemm ma jkunux attivi u għalhekk koperti mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14 tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bil-għan ta' kondiviżjoni ġusta tal-profitt mal-awturi, il-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet rilevanti; jenfasizza li tali ftehimiet tal-liċenzji u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jirrispettaw l-eżerċizzju tal-utenti tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

16.  Iqis li l-pjattaformi li qed jagħmlu disponibbli xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa għat-tneħħija b'mod effettiv ta' kontenut imqiegħed b'mod illegali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva biex jiġu ċċarati l-proċeduri għal notifika u azzjoni applikabbli għal pjattaformi, li jistgħu jtejbu l-imġiba responsabbli u tiżdied il-fiduċja tal-utenti;

17.  Jinnota l-importanza kruċjali li jiġu ċċarati l-metodi li bihom jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' algoritmi u li tiġi promossa t-trasparenza fl-użu ta' dawn l-algoritmi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal ta' żbalji u preġudizzji fl-użu ta' algoritmi sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew ta' prattika inġusta u kwalunkwe ksur ta' privatezza;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom fl-ambjent diġitali; jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni korretta tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inkluż ir-rispett sħiħ tal-prinċipju ta' "privatezza bid-disinn u b'mod awtomatiku"; jinnota l-importanza dejjem akbar li jiġu ċċarati l-aċċess għad-data u l-kwistjonijiet tar-responsabilità li qed iwasslu għal żieda fit-tħassib, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-qafas regolatorju attwali fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li tiċċara u tiddefinixxi rekwiżiti fir-rigward ta' data miġbura fuq il-post tax-xogħol;

19.  Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-portabilità tad-data għall-utenti kollha, b'mod partikolari għall-ħaddiema ta' pjattaformi online, u li jiġu ggarantiti t-trasferibilità u l-akkumulazzjoni tal-klassifikazzjonijiet u r-reviżjonijiet tagħhom madwar pjattaformi online differenti, abbażi ta' rispett tar-regoli tal-UE diġà stabbiliti dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza ta' partijiet oħra involuti;

20.  Jenfasizza, barra minn hekk, u filwaqt li jirrikonoxxi l-opportunitajiet offruti mill-pjattaformi, il-fatt li dawn joħolqu ċerti sfidi fir-rigward tad-domandi tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari f'relazzjonijiet ta' impjieg mhux standard, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati r-rispett sħiħ tad-drittijiet tax-xogħol, inkluż id-dritt għan-negozjar kollettiv u l-azzjoni, kif ukoll kopertura adegwata tas-sigurtà soċjali fl-isfera diġitali; jemmen li huwa neċessarju li jiġu involuti s-sħab soċjali fid-dibattitu u fid-definizzjoni ta' inizjattivi Ewropej u nazzjonali dwar il-pjattaformi online;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ fil-kondiviżjoni tal-valur għall-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fuq pjattaformi li jqassmu kontenut awdjoviżiv protett;

22.  Jitlob għal kooperazzjoni ulterjuri bejn il-pjattaformi u d-detenturi tad-drittijiet sabiex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni xierqa tad-drittijiet u jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali online; ifakkar li ksur bħal dan jista' jikkostitwixxi kwistjoni serja, mhux biss għall-kumpaniji imma wkoll għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, li jrisu jsiru konxji mir-realtà tal-kummerċ illeċitu fi prodotti foloz; itenni, għalhekk, is-sejħa tiegħu għall-applikazzjoni tal-approċċ "segwi l-flus" b'servizzi ta' pagament rilevanti, sabiex il-falsifikaturi jitteħdulhom il-mezzi li bihom ikomplu bl-attività ekonomika tagħhom; jenfasizza li reviżjoni tad-direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED) tista' sservi bħala mezz adatt biex jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni bejn il-pjattaformi, l-utenti u l-atturi ekonomiċi l-oħra kollha, flimkien ma' applikazzjoni korretta tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku;

23.  Jitlob li jiġu applikati l-istess regoli tat-taxxa għall-kumpaniji kollha li jipprovdu servizzi komparabbli, irrispettivament minn jekk joffruhomx online jew offline; jitlob li jiġi żgurat li l-kumpaniji kollha, inklużi dawk diġitali, iħallsu t-taxxi tagħhom fil-post fejn jiġġeneraw il-profitti tagħhom;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tieħu azzjoni kontra l-preżenza dejjem akbar ta' messaġġi vjolenti u/jew diskriminatorji fuq pjattaformi online; jenfasizza l-importanza li jiġu protetti t-tfal u l-persuni vulnerabbli kif ukoll tal-ġlieda kontra kull forma ta' razziżmu, sessiżmu, inċitament għat-terroriżmu u azzjonijiet ta' bullying ukoll fl-isfera diġitali; iħeġġeġ biex tissaħħaħ ir-responsabilità tal-pjattaformi dwar dawn il-kwistjonijiet, inkluż fil-qafas tar-reviżjoni tad-direttiva tas-servizzi tal-media awdjoviżiva (AVMS);

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-pjattaforma mnedija għas-soluzzjoni ta' tilwim li jinvolvi x-xiri li jsir online fost il-konsumaturi, sabiex ittejjeb il-mod li bih tkun aktar faċli biex tintuża mill-utenti, u timmonitorja jekk in-negozjanti jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jpoġġu link għal dik il-pjattaforma fuq is-sit web tagħhom, sabiex ikomplu jindirizzaw l-għadd dejjem jikber ta' lmenti kontra diversi pjattaformi online;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' approċċ armonizzat għad-dritt ta' rettifika, id-dritt ta' kontrotalba u d-dritt ta' awtokontroll għall-utenti tal-pjattaformi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq kundizzjonijiet ekwi fid-dawl tat-talbiet għad-danni kontra pjattaformi minħabba ċ-ċirkolazzjoni ta' fatti dispreġjattivi, li joħolqu ħsara persistenti lill-utent;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

4.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Sergio Gaetano Cofferati, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Constance Le Grip, Jens Rohde, Virginie Rozière, Tiemo Wölken, Kosma Złotowski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

ALDE

ECR

EFDD

ENF

GUE/NGL

PPE

S&D

António Marinho e Pinto, Jens Rohde

Angel Dzhambazki, Kosma Zlotowski

Joëlle Bergeron

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

Kostas Chrysogonos

Rosa Estaràs Ferragut, Constance Le Grip, Emil Radev, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sergio Gaetano Cofferati, Enrico Gasbarra,, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière, Tiemo Wölken

2

-

VERTS/ALE

Max Andersson, Julia Reda

1

0

EFDD

Isabella Adinolfi

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

18.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

73

16

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, David Borrelli, Reinhard Bütikofer, Dita Charanzová, Angelo Ciocca, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Dennis de Jong, Christian Ehler, Fredrick Federley, Adam Gierek, Maria Grapini, Theresa Griffin, Sergio Gutiérrez Prieto, Rebecca Harms, Hans-Olaf Henkel, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Eva Kaili, Kaja Kallas, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Jaromír Kohlíček, Peter Kouroumbashev, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Antonio López-Istúriz White, Morten Løkkegaard, Edouard Martin, Eva Maydell, Marlene Mizzi, Angelika Mlinar, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Michel Reimon, Virginie Rozière, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Richard Sulík, Neoklis Sylikiotis, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Vladimir Urutchev, Anneleen Van Bossuyt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Pascal Arimont, Michał Boni, Birgit Collin-Langen, Isabella De Monte, Francesc Gambús, Benedek Jávor, Arndt Kohn, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Marian-Jean Marinescu, Marisa Matias, Clare Moody, Julia Reda, Michèle Rivasi, Anne Sander, Marc Tarabella, Cora van Nieuwenhuizen, Sabine Verheyen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Alain Lamassoure, Jarosław Wałęsa, Marco Zanni, Ivan Štefanec


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

73

+

ALDE

Frederick Federley, Kaja Kallas, Morten Løkkegaard, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Jasenko Selimovic, Lieve Wierinck, Cora van Nieuwenhuizen

EFDD

Laura Agea, David Borrelli, Marco Zullo

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Jaromir Kohlíček, Marisa Matias, Dennis de Jong

PPE

Pascal Arimont, Bendt Bendtsen, Michal Boni, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Christian Ehler, Francesc Gambús, Philippe Juvin, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Alain Lamassoure, Werner Langen, Janusz Lewandowski, Antonio López-Istúriz White, Marian-Jean Marinescu, Eva Maydell, Angelika Niebler, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Anne Sander, Algirdas Saudargas, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Turcanu, Vladimir Urutchev, Sabine Verheyen, Henna Virkkunen, Jaroslaw Walesa, Anna Záborská

S&D

Lucy Anderson, José Blanco López, Nicola Danti, Isabella De Monte, Adam Gierek, Maria Grapini, Theresa Griffin, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jakonsaari, Eva Kaili, Jeppe Kofod, Arndt Kohn, Peter Kouroumbashev, Miapetra Kumpula-Natri, Olle Ludvigsson, Edouard Martin, Marlene Mizzi, Clare Moody, Dan Nica,Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

16

-

ECR

Hans-Olaf Henkel, Zdzislaw Krasnodebski, Richard Sulík, Evzen Tošenovský, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Robert Jaroslaw Iwaszkiewicz

ENF

Angelo Ciocca, Jean-Luc Scharfhauser, Mylène Troszczynski, Marco Zanni

VERTS/ALE

Reinhard Bütikofer, Rebecca Harms, Benedek Jávor, Julia Reda, Michel Reimon, Michèle Rivasi

3

0

ALDE

Dita Charanzová

GUE/NGL

Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza