RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku
1.6.2017 - (2015/2087(INL))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Pavel Svoboda
(Inizjattiva - Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura)
PR_INL_art42
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ġurisprudenza rilevanti tagħha,
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-prinċipji ta' awtonomija proċedurali nazzjonali u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)[2] ("ir-Regolament Ruma II"),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta' Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku ("il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku") ,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà[3] ("id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur"),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-kalkolu tat-Termini ta' Limitazzjoni[4],
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) intitolat "Termini ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku" li jakkumpanja rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew[5],
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-politika interna bit-titolu "Inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE - l-impatt potenzjali ta" karozzi mingħajr sewwieqa"[6],
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "Kumpens għall-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE: Tqabbil ta' prattiki nazzjonali, analiżi ta' problemi u evalwazzjoni ta' għażliet għat-titjib tal-pożizzjoni ta' vittmi transkonfinali"[7],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2010 dwar Pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-termini ta' limitazzjoni f'tilwim transkonfinali li jinvolvi korriment personali u inċidenti fatali[9],
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2003 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE, 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur[10],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0206/2017),
A. billi fl-Unjoni, ir-regoli ta' limitazzjoni fir-rigward tat-talbiet għad-danni jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, b'tali mod li l-ebda żewġ Stati Membri ma joperaw eżattament l-istess regoli bażiċi ta' limitazzjoni; billi wkoll il-limitazzjoni rilevanti hija determinata abbażi ta' diversi fatturi, inkluż jekk hemmx proċedimenti kriminali relatati u jekk it-talba hijiex ikkunsidrata bħala delittwali jew kuntrattwali;
B. billi s-sistemi ta' limitazzjoni nazzjonali huma kumplessi ħafna u ta' spiss jista' jkun diffiċli li wieħed jifhem liema hija applikabbli b'mod ġenerali, meta u kif il-limitazzjonijiet jibdew jiddekorru u kif dawn jiġu sospiżi, interrotti jew estiżi;
C. billi n-nuqqas ta' familjarità ma' regoli barranin ta' limitazzjoni jista' jwassal għat-telf tad-dritt li wieħed jagħmel it-talba, jew li inkella għal ostakli għall-vittmi fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja, fil-forma ta' spejjeż addizzjonali u dewmien;
D. billi hemm biss ftit statistika disponibbli bħalissa dwar iċ-ċaħda ta' talbiet għal danni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali għar-raġuni li t-terminu ta' limitazzjoni jkun skada;
E. billi fil-qasam tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali, l-unika kawża ta' azzjoni diġà armonizzata fil-livell tal-Unjoni hija dik stabbilita fl-Artikolu 18 tal-istess Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, li permezz tiegħu l-vittmi jkunu jistgħu jitolbu kumpens fil-pajjiż ta' residenza tagħhom permezz ta' talba għal kumpens magħmula direttament kontra l-impriża ta' assigurazzjoni rilevanti jew kontra entità ta' kumpens rilevanti kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur[11];
F. billi t-termini ta' limitazzjoni jikkostitwixxu parti importanti u integrali ta' responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri li joperaw f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku billi terminu ta' limitazzjoni qasir jista' jibbilanċja regola stretta dwar ir-responsabbiltà jew indennizzi ġenerużi mogħtija għad-danni;
G. billi l-perjodi ta' limitazzjoni għal talbiet huma essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-finalità tat-tilwim. billi, madankollu, id-drittijiet tal-konvenut għaċ-ċertezza u l-finalità legali tat-tilwim għandhom ikunu bbilanċjati mad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li jkollu aċċess għall-ġustizzja u għal rimedju effettiv, u perjodi qosra mingħajr ħtieġa jistgħu jfixklu l-aċċess effikaċi għall-ġustizzja fl-UE
H. billi, minħabba d-diverġenzi attwali f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' limitazzjoni u t-tipi ta' problemi li huma direttament relatati ma' diversi dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw każijiet tranżnazzjonali ta' korriment personali u ħsara lill-proprjetà, ċertu livell ta' armonizzazzjoni huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat grad adegwat ta' ċertezza, prevedibbiltà u sempliċità fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar it-termini ta' limitazzjoni f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali;
I. billi tali inizjattiva leġiżlattiva għandha ssib bilanċ ġust bejn il-litiganti fir-rigward ta' kwistjonijiet li jirrigwardaw regoli ta' limitazzjoni u tiffaċilita l-kalkolu u s-sospensjoni tad-dekorrenza taż-żmien; billi għalhekk approċċ immirat li jikkunsidra l-ammont dejjem jikber ta' traffiku transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma jbiddel kompletament il-qafas legali tal-Istati Membri huwa hawnhekk previst;
* * *
1. Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku tjiebet b'mod konsiderevoli matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin, inkluż fil-livell ta' ġurisdizzjoni fil-liġi privata internazzjonali, li biha l-vittmi viżitaturi jistgħu jibbenefikaw minn proċeduri fl-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għal kwalunkwe klejm diretta kontra l-assiguratur tar-responsabbiltà tal-karozza jew korpi ta' kumpens;
2. Jinnota, madankollu, li l-eżistenza kontinwa fl-Unjoni ta' żewġ reġimi paralleli li jirregolaw il-liġi applikabbli f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku skont il-pajjiż fejn tiġi ppreżentata t-talba, jiġifieri jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku u l-Konvenzjoni ta' Ruma II, li flimkien mal-għażla ta' possibilitajiet tal-forum taħt ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[12], joħolqu inċertezza legali u kumplessità kif ukoll opportunitajiet potenzjali għal forum shopping;
3. Itenni li f'tilwim transkonfinali, it-tul ta' żmien għal investigazzjonijiet u negozjati spiss ikun ħafna aktar milli f'talbiet domestiċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li dawn il-kumplessitajiet jistgħu jiġu aggravati meta t-teknoloġiji l-ġodda għandhom rwol, bħal fil-każ ta' karozzi mingħajr sewwieqa;
4. Ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-suġġett ta' regoli ta' limitazzjoni għandu jinftiehem bħala li jagħmel parti mill-miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Eworpea (TFUE);
5. Jinnota li l-eżistenza ta' regoli minimi komuni f'dak li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni f'każijiet ta' tilwim transkonfinali hija essenzjali biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli mezzi ġuridiċi effikaċi għall-ħarsien tal-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali u biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali;
6. Jenfasizza li perjodi ta' limitazzjoni qosra b'mod sproporzjonat f'sistemi legali nazzjonali huma ostaklu għall-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri, li jistgħu jiksru d-dritt għal proċess ġust minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB;
7. Jenfasizza li d-differenza sinifikanti bejn ir-regoli tal-Istati Membri f'dak li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali toħloq ostaklu addizzjonali għall-vittmi meta dawn iressqu talba għal kumpens minħabba korriment personali u ħsara lill-proprjetà li jkunu ġarrbu fi Stati Membri li mhumiex tagħhom;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli ta' limitazzjoni tal-Istati Membri għal klejms għal kumpens għal danni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali jsiru aktar disponibbli u jiġu aġġornati b'mod kostanti fuq il-Portal tal-Ġustizzja elettronika;
9. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-protezzjoni mogħtija fl-Istati Membri għal minuri u persuni b'diżabbiltà fir-rigward tad-dekorrenza taż-żmien għall-finijiet ta' limitazzjoni, u dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li dawn il-persuni ma jitilfux id-drittijiet tagħhom li jitolbu kumpens meta jkunu involuti f'inċident tat-traffiku transkonfinali u li dawn jingħataw il-garanzija li jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea;
10. Jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 81(2) tat-TFUE, tippreżenta proposta għal att dwar il-perjodi ta' limitazzjoni fir-rigward ta' korriment personali u ħsara lill-proprjetà f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;
11. Iqis li l-proposta mitluba m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
DWAR REGOLI PERJODI TA' LIMITAZZJONI KOMUNI GĦAL INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU TRANSKONFINALI
A. PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA
1. Fl-Unjoni Ewropea, l-infurzar tal-liġi quddiem il-qrati jibqa' fil-biċċa l-kbira kwistjoni li taqa' taħt ir-regoli proċedurali u l-prattika nazzjonali. Il-qrati nazzjonali huma wkoll qrati tal-Unjoni. Għalhekk huma dawk il-Qrati, matul il-proċeduri mressqa quddiemhom, li jridu jiżguraw l-korrettezza, il-ġustizzja u l-effiċjenza kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, biex b'hekk jiġi ggarantit li d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej ikunu mħarsa fl-Unjoni Ewropea kollha.
2. L-Unjoni stabbilixxiet l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt 38 tagħhom, għandha tiġi ppreparata leġiżlazzjoni proċedurali ġdida f'każijiet transkonfinali, b'mod partikolari fuq dawk l-elementi li huma strumentali għal kooperazzjoni ġudizzjarja armonjuża u għal aċċess aħjar għal-liġi, eż. miżuri provviżorji, it-teħid ta' xhieda, ordnijiet ta' ħlas ta' flus u limiti ta' żmien.
3. Ir-regoli minimi komuni dwar perjodi ta' limitazzjoni applikabbli fil-litigazzjoni dwar korriment personali u ħsara lill-proprjetà transnazzjonali, li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku, huma meqjusa neċessarji biex jitnaqqsu l-ostakoli għal dawk li jagħmlu l-klejms meta dawn ikunu qed jitolbu d-drittijiet tagħhom fi Stati Membri li mhumiex tagħhom.
4. Regoli minimi komuni ta' limitazzjoni jwasslu għal aktar ċertezza u prevedibbiltà, li jillimitaw ir-riskju ta' kumpens żgħir wisq lil vittmi tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali.
5. Bħala tali, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tistabbilixxi reġim speċjali ta' limitazzjoni għal każijiet transkonfinali li jissalvagwardja l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri.
6. Id-Direttiva proposta m'għandhiex l-għan li tissostitwixxi sistemi ta' responsabbiltà ċivili nazzjonali fl-intier tagħhom, iżda, filwaqt li jiġu rrispettati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, hija għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għal klejms li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà ta' natura transkonfinali.
7. Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, peress li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu waħedhom biex jistabbilixxu sett minimu ta' regoli dwar il-perjodi ta' limitazzjoni, u l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u ċertezza legali fl-Unjoni.
B. TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar perjodi ta' limitazzjoni komuni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 67(4) u 81(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1) L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
(2) Skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex jiżguraw, fost l-oħrajn, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament tajjeb ta' proċeduri ċivili, jekk ikun meħtieġ billi tiġi promossa l-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċeduri ċivili applikabbli fl-Istati Membri.
(3) Skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2010 dwar Pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-programm ta' Stokkolma, meta ċ-ċittadini jsuqu lejn Stat Membri ieħor u jkollhom l-isfortuna li jkollhom inċident bil-karozza, għandhom bżonn ta' ċertezza legali dwar it-termini ta' limitazzjoni tal-klejms tal-assigurazzjoni. Għal dan l-għan, tħabbar Regolament ġdid dwar it-termini ta' limitazzjoni fuq inċidenti tat-traffiku transkonfinali li għandu jiġi adottat fl-2011.[13]
(4) Regoli ta' limitazzjoni għandhom impatt konsiderevoli mhux biss fuq id-dritt tal-partijiet li ssirilhom ħsara għal aċċess għall-ġustizzja, iżda wkoll fuq drittijiet sostantivi, peress li ma jistax ikun hemm dritt effettiv mingħajr protezzjoni xierqa u adegwata tiegħu. Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta' termini ta' limitazzjoni komuni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni. Id-dritt ġeneralment irrikonoxxut ta' aċċess għal ġustizzja huwa wkoll imtenni bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea ("il-Karta").
(5) Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f'każijiet individwali huma elementi essenzjali f'qasam tal-ġustizzja. Termini ta' limitazzjoni komuni li jsaħħu ċ-ċertezza legali, jiżguraw li t-tilwim jintemm u jikkontribwixxu għal sistema ta' infurzar effettiva huma għalhekk meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.
(6) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal klejms li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], li huma ta' natura transkonfinali.
(7) Xejn ma għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli japplikaw kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva wkoll għal każijiet dwar inċidenti tat-traffiku purament interni, fejn xieraq.
(8) L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950 (KEDB). Il-materji msemmija f'din id-Direttiva jeħtieġ li jkunu ttrattati b'konformità ma' dik il-Konvenzjoni u b'mod partikolari d-drittijiet għal proċess ġust u rimedju effettiv.
(9) Il-prinċipju ta' lex loci damni jikkostitwixxi r-regola ġenerali stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] fir-rigward tal-liġi applikabbli għal każijiet ta' korriment personali jew ta' dannu lill-proprjetà, li għalhekk għandha tiġi determinata abbażi ta' fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Skont il-punt (h) tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali għandha tirregola partikolarment il-mod li bih obbligu jista' jitneħħa u r-regoli ta' preskrizzjoni u limitazzjoni, inklużi regoli relatati mal-bidu, mal-interruzzjoni u mas-sospensjoni ta' perjodu ta' preskrizzjoni jew limitazzjoni.
(10) Fil-qasam tal-inċidenti tat-traffiku, jista' jkun diffiċli ħafna għal vittma viżitatur biex jikseb informazzjoni bażika dwar l-inċident minn ġurisdizzjoni barranija fi żmien relattivament qasir, bħalma huma l-identità tal-konvenut u r-responsabbiltajiet potenzjali involuti. Jaf ukoll jieħu wisq żmien biex jiġi identifikat liema rappreżentant tal-klejms jew assiguratur għandhom jittrattaw il-każ, il-ġbir ta' evidenza dwar l-inċident u t-traduzzjoni tad-dokumenti meħtieġa.
(11) Huwa komuni f'każijiet transkonfinali tat-traffiku li min jagħmel il-klejm ikun qrib ħafna l-iskadenza ta' limitu ta' żmien qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jinbdew mal-konvenut. Dan jiġri l-aktar meta l-limitu ta' żmien globali ikun partikolarment qasir jew meta jkun hemm ambigwità dwar il-mod li bih il-perjodu ta' limitazzjoni jkun jista' jiġi sospiż jew interrott. Il-ġbir ta' informazzjoni dwar inċident li seħħ f'pajjiż barrani għar-rikorrent jista' jieħu ħafna żmien. Għaldaqstant, id-dekorrenza tat-terminu ta' skadenza ġenerali stabbilit fid-Direttiva għandha tiġi sospiża hekk kif issir klejm lill-assiguratur jew il-korp ta' kumpens, li jippermettu lil min jagħmel il-klejm li jkollu l-opportunità li jinnegozja r-riżoluzzjoni tal-klejm.
(12) Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu livell ogħla ta' protezzjoni. Tali livell ogħla ta' protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitawh. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti, kif ukoll is-supremazija, l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-UE għalhekk ma għandhomx jiġu kompromessi.
(13) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16].
(14) Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-drittijiet fundamentali u tieħu kont tal-prinċipji u l-valuri rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, u fl-istess ħin tfittex li tikseb l-objettiv tal-Unjoni li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.
(15) Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-perjodi ta' limitazzjoni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(16) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva]/[mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu].
(17) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I:
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards minimi dwar it-tul kollu, il-bidu, is-sospensjoni u l-komputazzjoni tal-perjodi ta' limitazzjoni għal klejms ta' kumpens għal korriment personali u dannu lill-proprjetà u rekuperabbli skont id-Direttiva 2009/103/KE, f'każ ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali.
Artikolu 2
Kamp ta' Applikazzjoni
Din id-Direttiva għandha tapplika għal talbiet ta' kumpens fir-rigward ta' kwalunkwe telf jew korriment bħala riżultat ta' inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni kontra:
a. l-intrapriża ta' assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE; or
b. il-korp ta' kumpens previst mill-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103/KE.
Artikolu 3
Inċident tat-traffiku transkonfinali
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, inċident tat-traffiku transkonfinali tfisser kwalunkwe inċident tat-traffiku kkawżat mill-użu ta' vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza abitwali tal-vittma jew f'pajjiżi terzi li l-uffiċċji nazzjonali tal-assiguraturi tagħhom, kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/103/KE, ikunu ssieħbu fis-sistema tal-karta ħadra.
2. F'din id-Direttiva, it-terminu "Stat Membru" għandu jfisser l-Istati Membri ħlief [ir-Renju Unit, l-Irlanda u] d-Danimarka.
KAPITOLU II:
STANDARDS MINIMI GĦAL PERJODI TA' LIMITAZZJONI
Artikolu 4
Perjodu ta' limitazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perjodu ta' limitazzjoni ta' erba' snin jew iktar għandu japplika għal azzjonijiet relatati ma' kumpens għal korriment personali u dannu lill-proprjetà bħala riżultat ta' inċident tat-traffiku transkonfinali, li jaqa' taħt l-Artikolu 2. Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih min jagħmel il-klejm ikun sar jaf, jew kellu raġunijiet raġonevoli li jkun jaf, l-ammont ta' ħsara, telf jew dannu, kawża u l-identità tal-persuna responsabbli u l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili jew ir-rappreżentant tal-klejm jew korp ta' kumpens responsabbli għall-provvista ta' kumpens li kontrihom titressaq il-klejm.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-liġi xierqa tal-klejm tipprevedi terminu ta' limitazzjoni itwal minn erba' snin, għandu japplika tali perjodu ta' limitazzjoni itwal.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata dwar ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni għal danni kkawżati minn inċidenti tat-traffiku.
Artikolu 5
Sospensjoni ta' limitazzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva tiġi sospiża matul il-perjodu bejn is-sottomissjoni tar-rikorrent għat-talba tiegħu għal:
a) l-impriża ta' assigurazzjoni tal-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew ir-rappreżentant għall-klejms tagħha jkunu pprovduti fl-Artikolu 21 22 tad-Direttiva 2009/103/KE, jew
b) il-korp ta' kumpens previst fl-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103/KE,
u r-rifjut tat-talba mill-konvenut.
2. Fejn il-parti li jifdal wara li jiskadi l-perjodu ta' limitazzjoni ladarba jintemm il-perjodu ta' sospensjoni tkun inqas minn sitt xhur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant huwa mogħti perjodu minimu ta' sitt xhur addizzjonali biex jibda l-proċedimenti fil-qorti.
Artikolu 6
Il-proroga awtomatika ta' perjodi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk perjodu jiskadi nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd jew f'wieħed mill-jiem tal-btajjel uffiċjali, dan għandu jiġi estiż sal-aħħar tal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.
Artikolu 7
Kalkolu tal-perjodi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta' żmien preskritt minn din id-Direttiva għandu jiġi kkalkulat kif ġej:
a) il-kalkolu għandu jibda mill-jum wara l-jum li fih seħħ il-fatt rilevanti;
b) meta perjodu ta' żmien huwa espress bħala sena waħda jew ċertu numru ta' snin, dan għandu jiskadi fis-sena sussegwenti rilevanti fix-xahar li jkollu l-istess isem u fil-jum li jkollu l-istess numru bħax-xahar u l-jum li fih tkun seħħet l-okkorrenza msemmija. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollux jum bl-istess numru, il-perjodu ta' żmien għandu jiskadi fl-aħħar jum ta' dak ix-xahar;
c) il-perjodi m'għandhomx jiġu sospiżi waqt il-vaganzi tal-Qorti.
Artikolu 8
Likwidazzjoni tal-klejms
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-vittmi jkollhom rikors għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/103/KE għall-ħlas ta' klejms li joriġinaw minn inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni, dan m'għandux ikollu l-effett li ma jħallix il-vittmi milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ fir-rigward ta' dawn it-talbiet sal-iskadenza ta' kwalunkwe perjodu ta' limitazzjoni taħt din id-Direttiva matul il-proċedura għas-soluzzjoni tal-klejm tagħhom.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA
Artikolu 9
Informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli ta' limitazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli u faċilment aċċessibbli, bi kwalunkwe mezz adatt u bil-lingwi kollha tal-Unjoni, informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni għal talbiet ta' kumpens fir-rigward ta' ħsarat ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku kkomunikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) ta' din id-Direttiva.
Artikolu 10
Relazzjoni mal-liġi nazzjonali
Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni.
Artikolu 11
Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni
Din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012.
KAPITOLU IV:
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 12
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 13
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, u kull ħames snin minn hemm' il quddiem, tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva abbażi kemm ta' informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tivvaluta l-impatt tagħha fuq l-aċċess għall-ġustizzja, fuq iċ-ċertezza legali u l-moviment ħieles ta' persuni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex jadattaw u jsaħħu din id-Direttiva.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, [data]
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
Kważi għaddew għaxar snin minn mindu l-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar "il-perjodi ta' limitazzjoni f'tilwim transkonfinali li jinvolvi korriment personali u aċċidenti fatali" (2006/2014 (INL)), u minkejja l-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-istudji rilevanti, il-Kummissjoni għadha ma ħejjietx proposta leġiżlattiva speċifika.
Ir-regoli ta' limitazzjoni jiddeterminaw il-ħin disponibbli għas-sottomissjoni ta' talba għal kumpens quddiem qorti jew korp kompetenti ieħor. Jekk dawn ir-regoli ma jiġux rispettati, huma jistgħu jiddeterminaw iċ-ċaħda ta' talba anki qabel ma jinqalgħu kwistjonijiet legali sostantivi.
Ir-regoli ta' limitazzjoni għal talbiet għal danni jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. B'mod speċifiku, filwaqt li fis-sistemi ġuridiċi tal-Ewropa kontinentali jirreferu għal "perjodi ta' preskrizzjoni", jiġifieri l-perjodi ta' żmien li malli jiskadu t-talba tkun meqjusa bħala mitmuma; fil-pajjiżi tal-"common law" hemm biss "perjodi ta' limitazzjoni", li jindikaw it-tul ta' żmien li wara li jiskadi d-dritt li titressaq talba huma eliminat, għalkemm it-talba nfisha ma sseħħx. Barra minn hekk, hemm diskrepanzi fil-liġijiet nazzjonali ta' limitazzjoni fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza taż-żmien, kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-kapaċità li jitwaqqaf jew jiġi interrott il-perjodu ta' limitazzjoni.
Ir-regoli ta' limitazzjoni għal talbiet huma essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-finalità ta' tilwim. Dawn l-interessi għandhom ikunu bbilanċjati mad-dritt fundamentali tal-persuni li jiksbu rimedju effettiv, peress li r-regoli ta' limitazzjoni qosra wisq jistgħu jfixklu l-aċċess effettiv għall-ġustizzja madwar l-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma armonizzatx ir-regoli ta' limitazzjoni, la b'mod ġenerali u lanqas fir-rigward tal-inċidenti tat-traffiku b'mod partikolari.
Fl-UE, il-protezzjoni tal-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku, li jseħħu fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn il-vittma tkun residenti, ilha fis-seħħ għal aktar minn 10 snin. Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur tiżgura li l-vittmi jkunu jistgħu jressqu klejm direttament kontra assiguratur jew korp ta' kumpens fil-qorti tal-Istat Membru ta' residenza tagħhom. L-objettiv sottostanti tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur għalhekk huwa li tiżgura trattament komparabbli tal-vittmi, irrispettivament minn fejn fl-Unjoni jkun seħħ l-inċident, u b'hekk tappoġġja l-moviment ħieles ta' persuni u vetturi, għat-tisħiħ tas-suq intern.
F'inċidenti transkonfinali, il-limiti ta' żmien applikabbli għas-sottomissjoni ta' talba huma determinati abbażi tal-liġi tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-inċident, skont ir-Regolament Ruma II (Artikoli 4(1) u 15(h)). Barra minn hekk, l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma II jiżgura li l-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku għandha tkompli tapplika għal dawk l-Istati Membri li huma firmatarji għaliha, u dan jipprekludi l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' Ruma II li tikkonċerna l-istess kwistjoni. Ir-Regolament Ruma II u l-Konvenzjoni tal-Aja jieħdu approċċ differenti dwar il-kwistjonijiet tal-liġi applikabbli.
Ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni jistgħu jkunu kumplessi ħafna, u l-vittmi u l-konsulenti legali tagħhom ħafna drabi ma jkunux familjari mar-regoli tal-Istati Membri fejn ikunu qegħdin jivvjaġġaw. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali se jieħdu l-opportunità li jressqu rikors f'pajjiżhom, jiġifieri l-qorti li tisma' l-kawża jkollha tapplika liġi li hija barranija għaliha. Dan jinkludi regoli ta' limitazzjoni mhux familjari. Dan, flimkien ma' diskrepanzi bejn il-liġijiet differenti ta' limitazzjoni, jista' jwassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa għall-vittmi, joħloq ostakli bla bżonn biex jiġi żgurat id-dritt tagħhom għal kumpens u litigazzjoni fil-ħin u bi prezz raġonevoli.
Barra minn hekk, wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-463/06 FBTO vs Odenbreit u l-kawża C-133/11, Folien Fischer, iż-żewġ partijiet leżi u l-persuna allegatament responsabbli u l-assiguraturi tagħha taħt ir-reġim Brussell I għandhom numru ta' għażliet miftuħa għalihom għas-sottomissjoni ta' rikors fir-rigward tar-responsabbiltà, jew nuqqas ta' obbligu, għal dannu mġarrab f'inċident tat-traffiku. Dan, flimkien mal-fatt li l-effett preklużiv tar-regoli lis pendens fi Brussell I, joħloq opportunitajiet għal "arbitraġġ dwar il-liġi applikabbli" li fih il-parti li l-ewwel tmur il-qorti hija, skont l-għażla tiegħu ta' forum, kapaċi tagħżel bejn Ruma II u l-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Inċidenti tat-Traffiku u, f'każijiet fejn iż-żewġ reġimi jindikaw liġijiet differenti, li tiżgura riżultat aktar favorevoli dwar kwistjonijiet ta' limitazzjoni.
Ġeneralment huwa aktar diffiċli li tiġi organizzata klejm minn barra l-pajjiż. Jista' jieħu ż-żmien li wieħed jiskopri liema rappreżentant għall-klejms jew assiguratur għandha ssir klejm kontrih; li tinġabar evidenza dwar l-inċident; u li tittieħed kull miżura li tista' tkun meħtieġa għat-traduzzjoni tad-dokumenti. B'riżultat ta' dan, in-nuqqas ta' familjarità fir-rigward tal-mod li bih ir-regoli ta' limitazzjoni joperaw tista' tikkawża li r-rikorrent jitlef għalkollox id-dritt ta' klejm. B'mod partikolari, dan huwa l-każ fejn il-limitu ta' żmien globali huwa partikolarment qasir jew fejn ikun hemm ambigwità dwar il-mod li bih tista' tiġi sospiża jew interrotta d-dekorrenza taż-żmien.
Ħafna drabi, madankollu, l-applikazzjoni ta' regoli barranin ta' limitazzjoni toħloq ostakoli addizzjonali għal min qed jagħmel it-talba biex jipprova jikseb aċċess għall-ġustizzja. Is-sitwazzjoni ħafna drabi tirrikjedi iktar sigħat li jiġu dedikati mill-konsulent legali li jittratta l-kwistjoni ta' limitazzjoni, li ma kienx ikun il-każ għal każijiet purament domestiċi. Jista' jkun hemm spejjeż addizzjonali jekk espert fil-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident jiġi msejjaħ jagħti parir dwar il-kwistjoni ta' limitazzjoni.
Ir-rapporteur huwa għalhekk konvint li l-kumplessità tas-sitwazzjoni u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-atturi, jiġġustifikaw l-armonizzazzjoni ta' regoli ta' limitazzjoni. Il-protezzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja u b'hekk l-appoġġ tal-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan l-UE jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti biex jiġu armonizzati r-regoli f'dak li għandu x'jaqsam ma' inċidenti tat-traffiku transkonfinali. Standards minimi f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti prinċipali ta' limitazzjoni għandhom għalhekk jiġu effettwati f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
Ir-rapporteur tagħkom titlob għalhekk li standards minimi rigward il-limitu ta' żmien globali sabiex issir il-klejm, il-bidu tal-perjodu ta' żmien u s-sospensjoni tal-perjodu, u l-obbligi tal-informazzjoni jippermettu li jkunu solvuti l-biċċa l-kbira tal-problemi li jiltaqgħu magħhom bħalissa l-vittmi viżitaturi u jistgħu jwasslu għal tfaddil f'termini ta' spejjeż legali u dewmien. Dawn ir-regoli armonizzati għandhom japplikaw għal azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, jiġifieri għal azzjonijiet kontra assiguraturi u korpi ta' kumpens, u sal-punt li dawn ikollhom natura transkonfinali. Miżura leġiżlattiva f'dawn it-termini tista' tkun, ġustament, ibbażata fuq l-Art. 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Dan ir-rapport jinkludi proposta għal direttiva li trid tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel pass biex tiġi faċilitata aktar konverġenza spontanja u naturali tar-regoli tal-Istati Membri fil-ħin, bħala parti minn proċess gradwali u kontinwu filwaqt li jiġi appoġġat it-twettiq effettiv tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja.
Għal spjegazzjoni dettaljata tal-proposta leġiżlattiva, il-qarrej huwa riferut għall-anness għar-riżoluzzjoni ta' hawn fuq.
- [1] Ara, inter alia: is-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Peter Pflücke vs Bundesanstalt für Arbeit (C-125/01, ECLI:EU:C:2003:477), is-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Theresa Emmott vs Minister for Social Welfare u Attorney General, C-208/90, ECLI:EU:C:1991:333 u s-sentenza tat-13 ta' Lulju 2006, Vincenzo Manfredi et v Lloyd Adriatico Assicurazioni SpA et al., kawżi magħquda C-295/04 sa C-298/04, ECLI:EU:C:2006:461.
- [2] ĠU J L 199, 31.7.2007, p. 40.
- [3] ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.
- [4] CETS 076.
- [5] PE 581.386, Lulju 2016.
- [6] PE 571.362, Ġunju 2016.
- [7] Disponibbli onlajn hawnhekk: http://ec.europa.eu/civiljustice/news/docs/study_compensation_road_victims_en.pdf (30 ta' Novembru 2008).
- [8] COM(2010)171.
- [9] ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 99.
- [10] Testi adottati, P5_TA(2003)0446.
- [11] Ara wkoll: is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen NV v. Jack Odenbreit, C-463/06, ECLI:EU:C:2007:792.
- [12] Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
- [13] COM(2010)171.
- [14] Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).
- [15] Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).
- [16] Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
30.5.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 0 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Virginie Rozière, Kosma Złotowski |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jarosław Wałęsa, Josef Weidenholzer |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
18 |
+ |
|
EPP S&D ALDE GUE/NGL Verts/ALE EFDD |
Rosa Estaràs Ferragut, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Jarosław Wałęsa, Tadeusz Zwiefka Mady Delvaux, Evelyne Gebhardt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière, Josef Weidenholzer Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto Kostas Chrysogonos Max Andersson, Pascal Durand Joëlle Bergeron |
|
0 |
- |
|
|
|
|
4 |
0 |
|
ECR ENF |
Angel Dzhambazki, Kosma Złotowski Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni