Proċedura : 2017/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0216/2017

Testi mressqa :

A8-0216/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 20
CRE 04/07/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.12
CRE 05/07/2017 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0304

RAPPORT     
PDF 661kWORD 65k
9.6.2017
PE 601.127v02-00 A8-0216/2017

dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill fit-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

(2017/2041(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Andrey Kovatchev

RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill fit-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

(2017/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2009), 1888 (2009), 1889 (2010), 1960 (2011), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2015 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-refuġjati u l-migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) A/71/L.48 tal-21 ta' Diċembru 2016, li tistabbilixxi "Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Daesh'(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0216/2017),

A.  billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi u governanza globali tajba, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-UE u għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar adattata biex jiġu indirizzati kriżijiet, sfidi u theddid globali;

B.  billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni, id-djalogu, il-kummerċ ħieles u ġust, u d-drittijiet tal-bniedem qed jiġi ddubitat minn bosta movimenti nazzjonalisti u protezzjonisti madwar id-dinja;

C.  billi l-UE għandu jkollha sehem proattiv fil-bini ta' Nazzjonijiet Uniti li kapaċi tikkontribwixxi b'mod attiv għas-soluzzjonijiet globali, għall-paċi u għas-sigurtà, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-iżvilupp, għad-demokrazija u għall-ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt; billi l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw aktar u jintegraw l-azzjonijiet li jieħdu fl-organi u fil-korpi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti skont il-mandat li jinsab fl-Artikolu 34(1) tat-TUE;

D.  billi l-fatt li, fil-futur, Franza se tkun l-uniku Stat Membru tal-UE b'siġġu permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jista' jwitti t-triq għall-pajjiż biex jiddistingwi ruħu bħala d-difensur ta' approċċ Ewropew kollettiv;

E.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod kollettiv għadhom l-akbar kontributur finanzjarju uniku għas-sistema tan-NU, billi jipprovdu madwar 50 % tal-kontribuzzjonijiet kollha tan-NU, bl-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu madwar 40 % tal-baġit regolari tan-NU; billi l-kontribuzzjonijiet tal-UE lin-NU jenħtieġ ikunu aktar viżibbli;

F.  billi l-UE taħdem favur is-sostenibilità ambjentali, partikolarment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

G.  billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

H.  billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE huwa dejjem aktar instabbli u volatili minħabba għadd kbir ta' sfidi, li ilhom jeżistu żmien twil jew li nibtu dan l-aħħar, fosthom kunflitti vjolenti, terroriżmu, kriminalità organizzata, propaganda u gwerra ċibernetika, flussi ta' refuġjati u pressjoni migratorja mingħajr preċedent u impatti fuq it-tibdil fil-klima, li huma impossibbli li jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali u jeħtieġu risposti reġjonali u globali u kooperazzjoni attiva u kostruttiva;

I.  billi l-UE u n-NU għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp tal-2030 bl-għan li jeqirdu l-faqar u joħolqu prosperità kollettiva, jindirizzaw l-inugwaljanzi, u b'hekk joħolqu dinja aktar sikura u aktar ġusta, u jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent naturali; billi l-UNGA ddeċidiet li tintensifika l-isforzi tal-organizzazzjoni biex timplimenta l-aġenda l-ġdida għall-iżvilupp;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Paċi u sigurtà

(a)  ikompli jappella għar-rispett sħiħ tas-sovranità, tal-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u għall-integrità territorjali tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, fosthom il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawk iż-żoni; isostni u jintensifika l-isforzi diplomatiċi għal riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli ta' dawn il-kunflitti mtawla għaddejjin bħalissa, inkluż il-kunflitt fir-reġjun ta' Nagorno-Karabakh u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; iżid attivament il-pressjoni fuq ir-Russja, inkwantu membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bl-għan li tinstab riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Ukrajna skont il-ftehimiet ta' Minsk, kif ukoll l-okkupazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; isib bilanċ ġeopolitiku li jirrifjuta kull aspirazzjoni għal sferi esklużivi ta' influwenza;

(b)  iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa biex jgħinu lill-popolazzjonijiet lokali f'kunflitti armati u lir-refuġjati, u biex iħeġġu lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jissodisfaw l-impenji finanzjarji li saru lin-NU;

(c)  jirrispetta l-ftehim nukleari bejn l-Iran u membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll il-Ġermanja bħala suċċess importanti fid-diplomazija internazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari, u biex ikompli jpoġġi pressjoni fuq l-Istati Uniti biex imexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni prattika;

(d)  juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex itejjeb il-konformità mill-atturi Statali u mhux Statali mad-dritt umanitarju internazzjonali (IHL); jappoġġa l-isforzi mmexxija mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar biex jitwaqqaf mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

(e)  jagħmel pressjoni għal aktar impenji multilaterali b'saħħithom biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi sostenibbli fit-tul għall-kunflitti attwali fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, b'mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u l-Libja; u jintensifika l-isforzi diplomatiċi biex jiġu solvuti kunflitti ffriżati madwar id-dinja; ikompli jappoġġa l-ħidma l-azzjonijiet u l-inizjattivi tar-rappreżentanti speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; jappella għal għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika kontinwa min-naħa tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja, u jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; jevita kwalunkwe ksur tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u d-Dritt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Internazzjonali, inkluż l-immirar dirett tal-infrastruttura ċivili u l-popolazzjoni ċivili u jikkundanna bil-qawwa dan il-ksur fis-Sirja; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni fiż-żoni ta' kunflitt; jappoġġa l-isforzi magħmula min-NU biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq u biex ikompli jappoġġa r-rwol tal-UE fil-qasam umanitarju u l-inizjattiva reġjonali tal-UE; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel kull ma tista' sabiex tikkundanna bil-qawwa lil dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju li twettqu matul il-kunflitt Sirjan, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, il-qrati internazzjonali jew it-tribunali ad hoc; jappoġġa l-inizjattiva għal pjan ta' paċi tan-NU fil-Jemen u jindirizza l-kriżi umanitarja li għaddejja bħala kwistjoni ta' urġenza; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż; jinkoraġġixxi politika ta' avviċinament bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija bħala essenzjali biex jittaffew it-tensjonijiet reġjonali u biex titwitta t-triq lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Jemen u fi bnadi oħrajn; Ikompli jħeġġeġ dan it-tip ta' azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u l-estremiżmu li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali u għall-istabilità reġjonali; jitlob appoġġ aktar b'saħħtu għall-gvern appoġġat min-NU fil-Libja u jaqdi rwol ċentrali fl-istabbilizzazzjoni tal-Libja u l-preservazzjoni tal-għaqda u l-integrità territorjali tiegħu taħt il-qafas tal-Ftehim Politiku Libjan (LPA); itenni l-ħtieġa urġenti biex jingħaqdu flimkien il-forzi armati kollha taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi kif imniżżel fl-LPA; iġġedded l-appoġġ għall-isforzi tal-Koordinatur Speċjali għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani tan-NU u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) għas-Saħara tal-Punent biex jiġu riżolti dawn il-kunflitti fit-tul; jitlob l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Lvant Nofsani;

(f)  jappoġġa t-taħditiet bejn il-partijiet Sirjani li huma ggwidati mir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà; jenfasizza li l-partijiet jenħtieġ li jimmiraw għal ftehim qafas li fih pakkett politiku biex proċess politiku ta' tranżizzjoni negozjata jista' jiġi implimentat skont is-sekwenzjar ċar u l-iskedi ta' żmien stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2254 (2015); jenfasizza li biex jinkiseb dan l-għan, tfaċċat aġenda ċara li tikkonsisti minn erba' gruppi; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-ġlied kontinwu fis-Sirja qed idgħajjef ir-reġim tal-waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ fit-30 ta' Diċembru 2016, b'konsegwenzi negattivi sinifikanti għas-sikurezza tal-popolazzjoni ċivili Sirjana, l-aċċess umanitarju u l-momentum tal-proċess politiku; jappoġġa t-talba tal-Mibgħut Speċjali tal-SĠNU għas-Sirja dwar l-Istati garanti tal-waqfien mill-ġlied fis-Sirja biex isiru sforzi urġenti biex jiġi difiż ir-reġim tal-waqfien mill-ġlied;

(g)  jaġixxi fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar is-Saħara tal-Punent u jappoġġa l-isforzi tan-NU favur l-iżgurar ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU; jinkoraġġixxi l-Missjoni tan-NU għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) sabiex tingħata mandat rigward id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-missjonijiet l-oħra kollha tan-NU għaż-żamma tal-paċi u li l-persunal MINURSO kollha jkunu permessi li jerġgħu jibdew il-funzjonijiet tagħhom;

(h)  jaċċerta li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Uniti, l-istrumenti kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, u Stat ta' Iżrael sikur bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi;

(i)  isejjaħ għal appoġġ aktar b'saħħtu u għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-Iraq u l-ħtieġa li ssir ħidma lejn soċjetà aktar inklużiva u r-riintegrazzjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha li ġew spustati, inkluż fit-Tramuntana tal-Iraq u wara t-tmiem tal-operazzjoni militari fi u madwar Mosul fejn għandha tinstab soluzzjoni paċifika u inklużiva ta' wara l-kunflitt; itenni l-importanza kritika ta' protezzjoni sostnuta tal-persuni ċivili u r-rispett tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali fl-implimentazzjoni ta' strateġiji militari fl-Iraq;

(j)  ikompli jindirizza t-theddid serju għas-sigurtà fis-Saħel, is-Saħara u l-Lag taċ-Ċad, il-Lagi l-Kbar u r-reġjuni tal-Qarn tal-Afrika, bil-għan li tiġi eliminata t-theddida terroristika mill-ISIL/Daesh u l-affiljati al-Qaeda, kif ukoll minn Boko Haram jew gruppi terroristiċi affiljati oħra;

(k)  jaħdem flimkien mal-komunità internazzjonali kollha biex tinstab soluzzjoni għat-theddid tal-kriżijiet umanitarji u tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fis-Somalja, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Mali, in-Niġerja, il-Burundi u ż-Żona tal-Lagi l-Kbar b'mod ġenerali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jintensifikaw is-sostenn biex iżidu r-rwol u l-kapaċitajiet proprji tal-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni u fil-ġestjoni tal-kriżijiet, filwaqt li jfittxu li jkun hemm komplementarjetà mal-isforzi tal-Uffiċċju ta' Appoġġ għall-Bini tal-Paċi tan-NU; jiżgura l-adattament rapidu tal-MONUSCO f'konformità mal-mandat ġdid tagħha u, b'mod partikolari, l-implementazzjoni tal-Ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016;

(l)  jistieden lill-komunità internazzjonali tgħaqqad l-isforzi sabiex tiġġestixxi l-kriżi politika attwali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u biex jiġi evitat il-kollass tal-istat fil-pajjiż;

(m)  jenfasizza l-importanza ta' aktar investiment fil-prevenzjoni ta' konflitti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħalma huma r-radikalizzazzjoni politika jew reliġjuża, vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, l-ispostamenti tal-popolazzjoni jew it-tibdil fil-klima;

(n)  jiġbed l-attenzjoni tal-membri tan-NU, u b'mod partikolari tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà, lejn iż-żieda fit-tensjonijiet bejn xi pajjiżi fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-mexxejja tagħhom juru trażżin fil-politiki reġjonali tagħhom u biex l-UE u n-NU jibqgħu totalment involuti fit-tiftix ta' soluzzjonijiet dejjiema għad-differenzi bilaterali, inkluż billi jaġixxu bħala medjaturi meta meħtieġ; jikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja fil-Balkani tal-Punent li qed jheddu li jiddestabilizzaw l-proċess fraġli ta' riforma fil-pajjiżi tar-reġjun u jimminaw l-ambizzjonijiet tagħhom lejn l-UE u n-NATO;

(o)  ikompli jħeġġeġ l-isforzi tan-NU biex iġġib il-paċi fl-Afganistan u tegħleb l-ambjent ta' sigurtà fraġli fil-pajjiż;

(p)  jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet tat-tmexxija tal-Korea ta' Fuq li huma ta' theddida għall-paċi u s-sigurtà fil-peniżola Koreana u lil hinn minnha; jinkoraġġixxi liċ-Ċina, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex tagħmel pressjoni ulterjuri fuq ir-reġim tal-Korea ta' Fuq biex jitnaqqsu l-azzjonijiet aggressivi tagħha li jheddu s-sigurtà reġjonali u internazzjonali; ifassal u jimplimenta reazzjoni b'saħħitha, appoġġata minn kunsens internazzjonali b'saħħtu u wiesa', sabiex jiddiswadi r-reġim tal-Korea ta' Fuq milli jkompli jiżviluppa kapaċitajiet nukleari ostili u li jwettaq qtil extraterritorjali, attakki u ħtif ta' persuni;

(q)  iħeġġeġ lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiddiskutu t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar bl-għan li l-partijiet kollha kkonċernati jingħaqdu flimkien biex jiffinalizzaw in-negozjar ta' kodiċi ta' kondotta;

(r)  jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-Riżoluzzjoni 2307 (2016) u jfaħħar lill-gvern u lill-poplu Kolombjan għar-rieda tagħhom għall-paċi;

(s)  iżid b'mod sinifikanti s-sostenn min-naħa tal-Istati Membri favur l-operazzjonijiet ta' żamma u ta' konsolidament tal-paċi tan-NU li jinkludu komponent marbut mad-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari, partikolarment billi jikkontribwixxu b'persunal u b'tagħmir, u jsaħħaħ l-UE bħala faċilitatur f'dan ir-rigward; jiżgura viżibilità ikbar għal dan l-appoġġ u l-kontribut; jiżviluppa ulterjorment il-proċeduri għall-użu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE bħala sostenn għall-operazzjonijiet tan-NU filwaqt li tingħata biżżejjed attenzjoni lid-diversi dimensjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet kumplessi, bħad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni tal-massa; jappoġġa r-riforma tal-SĠNU tal-użu tiegħu tas-setgħa ta' veto f'każijiet fejn ikun hemm evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

(t)  jappoġġa l-SĠNU fl-isforzi tiegħu biex iżid l-involviment tan-NU fin-negozjati għall-paċi;

(u)  jappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jappella għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali u sħiħa tan-nisa bħala aġenti attivi; jippromwovu l-involviment attiv tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; ifakkar li l-vjolenza sesswali bħalma huma l-istupru tintuża bħala tattika ta' gwerra u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jiżgura għajnuna medika sikura għal każijiet ta' stupru waqt gwerra; jappella għal tisħiħ tal-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt speċjalment fir-rigward tal-vjolenza sesswali, isostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, sabiex jieqaf l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex tiġi żgurata l-analiżi tal-ġeneru kif ukoll l-integrazzjoni tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; jitlob għall-iżvilupp ta' indikaturi biex jitkejjel il-progress dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi u tas-sigurtà;

(v)  jindirizza b'mod urġenti l-aspetti kollha tar-Rapport ta' Evalwazzjoni tal-15 ta' Mejju 2015 dwar l-Infurzar u l-Isforzi ta' Għajnuna għal Rimedju għal Sfruttament u Abbuż Sesswali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Relatat f'Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi mingħajr dewmien, u jistabbilixxi mekkaniżmi ta' responsabilità u sorveljanza trasparenti u li jiffunzjonaw rigward l-allegati abbużi; jappella għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sentenzjar mingħajr dewmien ta' kwalunkwe persunal militari u ċivili li jwettqu atti ta' vjolenza sesswali;

(w)  ikompli jsaħħaħ ir-rwol tal-R2P bħala prinċipju importanti għall-ħidma tal-Istati Membri tan-NU dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; ikompli jappoġġa l-isforzi għal aktar operazzjonalizzazzjoni tal-R2P u jappoġġa lin-NU biex tkompli twettaq rwol kritiku ħalli tgħin lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt umanitarju internazzjonali; jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà umana u l-prinċipju tal-R2P;

(x)  jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tal-użu, il-ħażna, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u dwar il-qerda tagħhom;

(y)  jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-membri kollha tal-AĠNU dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

(z)  itenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu għat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, li jirrappreżenta theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; jinsisti li l-miżuri kollha meħuda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu għalkollox f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(aa)  jappoġġa lin-NU biex tagħmel il-ġlieda kontra t-terroriżmu element ewlieni tal-aġenda ta' prevenzjoni tagħha skont l-impenn tal-UE, b'miżuri preventivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; isaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi ta' vjolenza estrema u t-terroriżmu, partikolarment billi jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jiġu żviluppati riċerka u bini ta' kapaċità fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jippromwovi l-edukazzjoni bħala għodda għall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u jibbaża ruħu fuq inizjattivi ta' bini tal-paċi eżistenti mwaqqfa minn atturi lokali biex ifasslu, jimplimentaw, u jiżviluppaw approċċi biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ terroristiku, filwaqt li tiġi promossa azzjoni internazzjonali biex dawk responsabbli mill-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappoġġa kontribut akbar tal-UE fl-inizjattivi tal-bini tal-kapaċità tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;

(ab)  jintensifika l-isforzi intiżi biex jipprevjenu r-reklutaġġ u jiġġieldu l-propaganda terroristika li ssir mhux biss permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali, iżda anke permezz ta' netwerks ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; jappoġġa azzjonijiet għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet fil-mira ta' propaganda estremista u vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu indirizzati kawżi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi li jwasslu għal dan; jappoġġa politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; ifakkar li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-istat tad-dritt huma elementi essenzjali fil-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

(ac)  jaħdem mal-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u jibni mekkaniżmi biex jidentifikaw l-individwi u l-organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi tal-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha, u fl-istess ħin jiddefendu l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-proċess ġust u tal-istat tad-dritt;

(ad)  isaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali, il-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transnazzjonali; jilqa' f'dan ir-rigward ir-riżoluzzjoni 2322 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu l-proċessi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, biex jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti ta' kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali u jiġi aġġornat in-netwerk ta' kuntatti bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-awtoritajiet ġudizzjarji;

In-nonproliferazzjoni u d-diżarm

(ae)  jappoġġa l-isforzi tan-NU biex tipprevjeni lill-atturi mhux statali u l-gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' twassil tagħhom; jinsisti fuq konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u b'mod attiv jieħu passi lejn id-diżarm globali;

(af)  jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

(ag)  jaħdem favur azzjoni aktar effikaċi kontra d-devjazzjoni u l-kummerċ illeċitu ta' armi u munizzjon, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi; jitlob lill-Membri tal-UN biex b'mod attiv jieħdu passi lejn id-diżarm globali;

(ah)  jagħti attenzjoni speċjali lill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-armamenti fir-robotika u b'mod partikolari, lir-robots u d-drones armati u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali; jistabbilixxi qafas ġuridiku dwar drones u robots armati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali eżistenti biex jiġi evitat li din it-teknoloġija tintuża b'mod mhux korrett f'attivitajiet illegali minn atturi statali u dawk mhux statali;

Il-migrazzjoni

(ai)  jappella għat-tisħiħ tar-rispons globali lejn il-migrazzjoni, abbażi tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jiġu indirizzati movimenti kbar ta' refuġjati u migranti tad-19 ta' Settembru 2016 li saret b'suċċess, u billi jiġu indirizzati l-isfidi u t-tħassib dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn aspetti ta' migrazzjoni illegali, bħad-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar ta' bnedmin, u biex isiru sforzi biex jinħolqu għażliet legali għall-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' impenn effikaċi u urġenti biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-kriżi umanitarja u l-flussi ta' migrazzjoni u refuġjati mingħajr preċedent;

(aj)  jippromwovi sostenn akbar għall-ħidma tal-UNHCR fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-refuġjati inklużi gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal, u persuni b'diżabilità; jenfasizza d-distakk wiesa' ta' finanzjament bejn il-ħtiġijiet baġitarji tal-UNHCR u l-fondi riċevuti u jitlob solidarjetà globali akbar; jitlob li jiżdied il-baġit ordinarju tan-NU biex jiġu ffinanzjati l-funzjonijiet prinċipali tal-UNHCR bil-għan li jiġi salvagwardjat il-funzjonament tiegħu; jappella għal impenn politiku, il-finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'appoġġ tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-refuġjati u l-migranti;

(ak)  jappoġġa u jipproteġi d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI); jappella biex tiġi revokata l-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li tikkriminalizza n-nies fuq bażi ta' sess jew minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom, u jippromwovi azzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra l-persekuzzjoni ta' mibegħda omofobika u transfobika;

(al)  jippromwovi u jirrispetta l-prinċipji ta' opinjoni u ta' espressjoni, kif jissemmgħu fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jisħaq fuq l-importanza tal-istampa ħielsa f'soċjetà sana u r-rwol ta' kull ċittadin fiha;

(am)  jappella għat-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u jappoġġa miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal refuġjati u migranti, abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

(an)  jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' kondiviżjoni f'waqtha u effettiva ta' intelligence rilevanti; itejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; jinsisti fuq l-importanza fil-livell tan-NU tar-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll dwar id-Dħul Klandestin ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Kkastigar tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal;

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

(ao)  jenfasizza b'mod ċar u bis-saħħa li d-drittijiet tal-bniedem kollha miftiehma fl-ambitu tal-konvenzjonijiet tan-NU huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u li r-rispett ta' dawn id-drittijiet irid jiġi infurzat; jitlob għal protezzjoni akbar tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'kull dimensjoni tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda; ikompli jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw id-diversi konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u biex jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti; jappella għad-difiża tal-libertajiet ta' opinjoni u ta' espressjoni; jenfasizza l-importanza tal-istampa ħielsa;

(ap)  jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jippromwovu, isaħħaħ u jintegra attivitajiet li jappoġġaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; isejjaħ għal aktar responsabilizzazzjoni għan-nisa u l-bniet, it-tisħiħ tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluża attenzjoni speċjali għall-inklużjoni tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi; jitlob l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u, barra minn hekk, billi titqies ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; jippromwovi d-drittijiet tat-tfal, u b'mod partikolari jiżgura l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u għar-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni fi gruppi armati, u l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, it-tortura, il-kwistjoni tat-tfal li għandhom is-seħer, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal u l-isfruttament sesswali; jippromwovi b'mod attiv l-appoġġ ta' azzjonijiet ulterjuri kontra l-ksur tad-drittijiet ta' persuni LGBTI; jappoġġa l-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI f'pajjiżi b'liġijiet kontra l-LGBTI;

(aq)  ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw id-dagħa jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; isostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; jaħdem b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi reliġjużi, etniċi u minoranzi oħra mill-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, kif ukoll biex il-każijiet ta' delitti suspettati kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jappoġġa l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, eżekuzzjonijiet tal-massa, u eżekuzzjonijiet inkluż għal reati marbuta mad-drogi;

(ar)  itenni l-kundanna inekwivoka tiegħu ta' kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi, il-ġurnalisti jew il-bloggers;

(as)  ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, meta teleġġi l-membri tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), li tqis ir-rispett tal-kandidati lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal sħubija fl-UNHRC;

(at)  isaħħaħ ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex tiġi promossa r-responsabilità u tintemm l-impunità; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; jipprovdu lill-QKI b'appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju;

(au)  ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE ta' tolleranza żero għall-piena tal-mewt; iżomm impenn b'saħħtu fil-promozzjoni biex tintemm il-piena tal-mewt fid-dinja kollha; jappella għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u biex ikompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha; iniedi inizjattiva biex jippromwovi qafas internazzjonali tal-ġlieda kontra għodda tat-tortura u l-piena kapitali abbażi tal-esperjenza tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar din il-kwistjoni;

(av)  jagħti spinta għal involviment aktar b'saħħtu fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt, b'mod trasversali, li jgħaqqad it-tliet pilastri tan-NU: il-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; jikkoopera mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha u jirrispettaw is-separazzjoni tal-poteri;

(aw)  jagħti appoġġ lill-isforzi tan-NU biex idaħħlu fis-seħħ qafas internazzjonali dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem, li jiffaċilita l-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-għoti ta' rimedji għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' avvenimenti sportivi kbar;

(ax)  ikompli jappoġġa x-xogħol tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar it-titjib tal-obbligu ta' rendikont u l-aċċess għal rimedju għal vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju bl-għan li jagħti kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju;

L-iżvilupp

(ay)  jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030) u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2015; jieħu passi konkreti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 u tas-17-il SDG bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp sostenibbli; iħabbrek għat-titjib tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri u jinkoraġġixxi u jsostni lill-pajjiżi biex jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il SDG; iħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU jonoraw l-impenji tagħhom dwar l-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu ta' data statistika biex jiġi mmonitorjat il-progress u tiġi żgurata r-responsabilità għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġi monitorjat il-progress u tiġi żgurata r-responsabilità; jisħaq fuq il-fatt li, minbarra l-PDG, huwa neċessarju wkoll li ssir enfasi fuq indikaturi oħrajn sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod aktar preċiż u tittieħed azzjoni effikaċi biex jiġi miġġieled il-faqar u jingħata appoġġ lill-iżvilupp sostenibbli speċjalment fil-każijiet tal-pajjiżi bi dħul medju; jappella għal inizjattivi fl-UE kollha għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD u l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp Sostenibbli;

(az)  ikompli fl-isforzi tiegħu biex jikseb koerenza politika għall-iżvilupp fil-politiki kollha tal-UE, li hija kruċjali biex jinkisbu l-SDGs, u jisħaq ukoll fuq il-livell tan-NU għal koerenza tal-politika akbar skont l-Għan 17.14; jagħti sostenn lill-isforz tan-NU għat-tsiħiħ tal-isforzi tagħha biex tipprovdi appoġġ integrat u kkoordinat għall-politika għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u bħala konsegwenza tippromwovi sistema ta' Żvilupp tan-NU li taħdem b'mod aktar integrat, b'ħidma msaħħa fost l-aġenziji u l-implimentazzjoni konġunta ta' proġetti, b'mod partikolari t-tisħiħ tar-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà; jappella lin-NU sabiex tintegra b'mod sistematiku l-bini tal-kapaċitajiet u tal-governanza tajba fl-istrateġiji tal-iżvilupp fit-tul sabiex teqred il-faqar u l-ġuħ, tipprevjeni l-kunflitti u tibni reżiljenza b'mod effettiv biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment, biex tiġġieled kontra l-inugwaljanzi soċjali u biex tipprovdi assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet; jenfasizza li aċċess għal provvista tal-ilma sikura, affidabbli u affordabbli u servizzi ta' sanità adegwati jtejjeb l-istandards tal-għajxien, jespandi l-ekonomiji lokali u jippromwovi l-ħolqien ta' aktar impjiegi dinjitużi;

(ba)  jinsisti li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli (HLPF) dwar l-iżvilupp sostenibbli jenħtieġ li jsir l-korp deċiżjonali ewlieni kompetenti għall-garanzija ta' segwitu u rieżami koerenti, effiċjenti u inklużiv tal-implimentazzjoni tal-SDGs; jirrikoxxi r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030 u fil-kisba tal-SDGs; jirrikonoxxi r-rwol strumentali u l-impatt tal-SDGs fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

It-tibdil fil-klima

(bb)  jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015;

(bc)  jaħdem mill-qrib ma' stati gżejjer żgħar u pajjiżi oħra li qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi l-aktar serji tat-tibdil fil-klima biex jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati f'fora differenti tan-NU;

L-UE u r-riforma tas-sistema tan-NU

(bd)  jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom aktar mill-qrib fl-organi u fil-korpi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u biex ikomplu jimpenjaw ruħhom biex issaħħu l-istatus ta' osservatur tal-UE f'ċerti sub-organizzazzjonijiet tan-NU; issaħħaħ il-komunikazzjoni u jiżgura li l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-livell tal-UE huma dejjem aktar ikkoordinati; jistinka għal konverġenza tal-pożizzjonijiet ma' pajjiżi kandidati, pajjiżi sħab u stati oħra tal-istess fehma;

(be)  jaħdem favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, billi jagħti appoġġ għall-ħolqien ta' korp fiskali internazzjonali fi ħdan is-sistema tan-NU; jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil ta' flus bis-saħħa ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni fuq skala dinjija dwar kwisjonijiet relatati mat-taxxa u tal-ħolqien ta' lista sewda globali komuni tar-rifuġji fiskali;

(bf)  jappoġġa b'mod attiv riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fuq il-bażi ta' kunsens wiesa', bl-għan li r-realtà dinjija l-ġdida tkun riflessa aħjar u biex jintlaħqu b'mod aktar effikaċi l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tas-sigurtà; jappoġġa l-għan fit-tul li l-UE jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà tan-NU riformat; iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jastjenu milli jirrikorru għad-dritt ta' veto tagħhom f'każijiet li fihom ikunu qegħdin jiġu kommessi delitti kontra l-umanità; jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u l-koordinament u l-koerenza mtejba tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU, biex b'hekk tissaħħaħ l-effiċjenza, l-effikaċja, il-leġittimità, it-trasparenza, ir-responsabilità, il-kapaċità u r-rappreżentattività tas-sistema sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għal sfidi globali b'iktar ħeffa;

(bg)  jappoġġa bis-sħiħ l-aġenda ta' riforma tas-SĠNU li għadu kif ġie elett; jinkoraġġixxi l-impetu għal riforma tal-istruttura tan-NU għall-paċi u s-sigurtà, il-funzjonament u l-istruttura tas-Segretarjat permezz ta' simplifikazzjoni, deċentralizzazzjoni u l-flessibilità u l-integrazzjoni fl-organizzazzjoni finanzjarja; jistabbilixxi sistema effiċjenti ta' protezzjoni tal-informaturi tan-NU;

(bh)  jappoġġa b'mod attiv l-isforzi tas-SĠNU biex jaħtar aktar nisa f'pożizzjonijiet ta' maniġment superjuri fil-livell tal-HQ tan-NU;

(bi)  jippromwovi dibattitu dwar is-suġġett tar-rwol tal-parlamenti u l-assemblej reġjonali fis-sistema tan-NU kif ukoll dwar is-suġġett tal-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari tan-Nazzjonijiet Uniti bl-għan li jiżdied il-profil demokratiku fil-proċess demokratiku intern tal-organizzazzjoni u biex is-soċjetà ċivili globali tkun tista' tkun assoċjata direttament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0201.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0317.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0051.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0422.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

30.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

4

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Petras Auštrevičius, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Elena Valenciano, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Ana Gomes, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, David Martin, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Željana Zovko


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Marietje Schaake

PPE

Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Željana Zovko, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Nikos Androulakis, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Ana Gomes, Andrejs Mamikins, David Martin, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Soraya Post, Elena Valenciano, Boris Zala

Verts/ALE

Klaus Buchner, Tamás Meszerics, Jordi Solé, Bodil Valero, Igor Šoltes

4

-

EFDD

James Carver

ENF

Mario Borghezio

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

9

0

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Helmut Scholz, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza