RAPPORT dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija
26.6.2017 - (2016/2308(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Kati Piri
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-Relazzjonijiet UE-Turkija[1], u tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru[3] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE(COM(2016)0366), u r-Rapport tal-2016 dwar it-Turkija (SWD(2016)0366),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016 u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija, u b'mod partikulari l-paragrafu 5 tiegħu dwar il-prinċipji li jirregolaw in-negozjati, tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija ("is-Sħubija għall-Adeżjoni")[5], kif ukoll id-Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-Summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015 u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni maħruġa mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, inklużi d-dispożizzjoni skont liema r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent meħtieġ tal-proċess ta' negozjati, u l-ħtieġa li t-Turkija timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Ankara billi tneħħi l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija mingħajr preġudizzju u diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li fih ikunu parti,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari dawk tal-10-11 ta' Marzu 2017 dwar l-emendi fil-Kostituzzjoni li għandhom jiġu ppreżentati f'referendum nazzjonali, dwar il-miżuri previsti fid-Digrieti Amministrattivi ta' Emerġenza riċenti fir-rigward tal-libertà tal-midja u dwar id-dmirijiet, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-uffiċċji tal-imħallfin tal-paċi kriminali, tad-9-10 ta' Diċembru 2016 dwar id-Digrieti Amministrattivi ta' Emerġenza Nri 667-676 adottati wara l-attentat ta' kolp ta' stat li falla tal-15 ta' Lulju 2016 u tal-14-15 ta' Ottubru 2016 dwar is-sospensjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 83 tal-Kostituzzjoni (invjolabbiltà parlamentari),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar miżuri meħuda fl-istat ta' emerġenza fit-Turkija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2017)0130) u l-Ħames Rapport mill-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija (COM(2017)0204),
– wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, li twettaq riformi adegwati u effettivi, li żżomm relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u allinjament progressiv mal-UE, u wara li kkunsidra l-fatt li dawn l-isforzi kellhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha u tissokta l-proċess tagħha ta' demokratizzazzjoni u modernizzazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija dwar Ftehim dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-relazzjoni bilaterali tal-kummerċ preferenzjali u dwar l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali,
– wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett għall-istat tad-dritt, inklużi, b'mod partikolari, is-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà reliġjuża, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-protesta paċifika, huma fil-qalba tal-proċess ta' negozjati, skont il-kriterji ta' Kopenħagen għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-fatt li ġie vvalutat li t-Turkija tokkupa l-155 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa, ippubblikat fis-26 ta' April 2017, l-iktar klassifika baxxa li qatt kellha, u li hi wieħed mill-pajjiżi fejn il-ġurnalisti l-aktar li sofrew theddidiet, attakki fiżiċi, u fastidju ġudizzjarju, fosthom id-detenzjoni u s-sentenzi ta' ħabs,
– wara li kkunsidra l-fatt li f'Novembru 2016 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal iffriżar temporanju fuq in-negozjati ta' adeżjoni li għadhom għaddejjin mat-Turkija u impenja ruħu li jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu ladarba l-miżuri sproporzjonati taħt l-istat ta' emerġenza fit-Turkija jkunu tneħħew, bir-reviżjoni tkun ibbażata fuq jekk l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem ikunux reġgħu ġew stabbiliti madwar il-pajjiż kollu,
– wara li kkunsidra l-kriżi fis-Sirja, l-isforzi lejn waqfien mill-ġlied u soluzzjoni paċifika u l-obbligi tat-Turkija biex ittejjeb l-istabbiltà u tippromwovi relazzjonijiet tajba mal-ġirien permezz ta' sforzi intensivi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, it-tilwim u l-kunflitti mal-pajjiżi ġirien fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar u l-ispazju tal-ajru, f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra l-involviment Russu fis-Sirja, inkluż l-appoġġ tal-użu ta' armi kimiċi min-naħa tal-armata Sirjana, li jkompli jiddestabbilizza l-pajjiż u jżid l-għadd ta' rifuġjati li qed ifittxu protezzjoni fit-Turkija u fl-UE,
– wara li kkunsidra s-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-Turkija, li marret għall-agħar kemm internament kif ukoll esternament, u l-attakki terroristiċi mwettqa fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, bi kważi 3 miljun rifuġjat reġistrati mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR),
– wara li kkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fit-Turkija, li hija dovuta parzjalment għall-mewġa riċenti ta' attakki u għall-instabbiltà politika, iżda wkoll għal problemi sottostanti aktar profondi fl-ekonomija,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), "The human rights situation in South-East Turkey" (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xlokk tat-Turkija), ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija jixraqilha kull ammirazzjoni għall-mod kif laqgħet l-għadd kbir ta' rifuġjati li qed jgħixu fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra d-dokument "Statement of Preliminary Findings and Conclusions" (Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet) tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni tar-Referenda, maħruġa fis-17 ta' April 2017,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) intitolata "Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija", tal-25 ta' April 2017, li wasslet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta' monitoraġġ,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0234/2017),
A. billi miljuni ta' Torok u persuni ta' oriġini Torka ilhom jgħixu fl-Istati Membri u jikkontribwixxu għall-prosperità tagħhom għal għexieren ta' snin;
Introduzzjoni
1. Jenfasizza li l-2016 kienet sena diffiċli għall-popolazzjoni tat-Turkija minħabba l-gwerra kontinwa fis-Sirja, l-għadd kbir ta' rifuġjati, il-kunflitt fix-xlokk tal-pajjiż, sensiela ta' attakki terroristiċi atroċi u attentat ta' kolp ta' stat vjolenti li fih inqatlu 248 persuna mejta; itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tat-Turkija; jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-gvern Tork li jieħu azzjoni biex l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja filwaqt li jiġi ggarantit ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-dritt għal proċess ġust;
2. Jenfasizza, madankollu, li l-miżuri meħuda fl-istat ta' emerġenza kellhom effetti negattivi fuq skala kbira, sproporzjonati u li jdumu fit-tul fuq għadd kbir ta' ċittadini kif ukoll il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali fil-pajjiż; jikkundanna t-tkeċċija kollettiva ta' impjegati taċ-ċivil u uffiċjali tal-pulizija, il-likwidazzjoni tal-massa ta' stabbilimenti tal-midja, l-arresti ta' ġurnalisti, akkademiċi, imħallfin, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, uffiċjali eletti u mhumiex, membri tas-servizzi tas-sigurtà u ċittadini ordinarji, u l-konfiska tal-proprjetà, il-beni u l-passaporti tagħhom, l-għeluq ta' ħafna skejjel u universitajiet, u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq eluf ta' ċittadini Torok, imsejsa fuq liġijiet ta' digrieti ta' emerġenza mingħajr deċiżjonijiet individwalizzati, u mingħajr il-possibbiltà ta' rieżami ġudizzjarjarju f'waqtu; jinsab imħasseb dwar il-konfiska, u f'xi każijiet nazzjonalizzazzjoni, ta' kumpaniji u intrapriżi privati Torok; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha li qed jinżammu mingħajr provi li wettqu reat; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament ġew kompromessi serjament;
3. Jenfasizza l-importanza strateġika ta' relazzjonijiet tajbin bejn l-UE u t-Turkija u l-valur miżjud għoli tal-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żewġ naħat; jirrikonoxxi li kemm it-Turkija kif ukoll l-UE għaddew mill-proċessi ta' trasformazzjoni interna tagħhom minn mindu nfteħu n-negozjati ta' adeżjoni fl-2004; jiddispjaċih li l-istrumenti ta' adeżjoni ma ntużawx għalkollox, u li kien hemm rigress fl-oqsma tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fil-qalba tal-kriterji ta' Kopenħagen, u li, matul is-snin, l-appoġġ pubbliku għall-integrazzjoni sħiħa tat-Turkija fl-UE ddgħajjef fuq iż-żewġ naħat; jibqa' impenjat favur il-kooperazzjoni u ż-żamma ta' djalogu kostruttiv u miftuħ mal-Gvern Tork, sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni u prijoritajiet kondiviżi, bħalma huma l-istabbiltà reġjonali, is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-migrazzjoni u s-sigurtà;
4. Jieħu nota tal-eżitu tar-referendum tas-16 ta' April 2017, li sar taħt l-istat ta' emerġenza u f'ċirkustanzi li ma ppermettewx kampanja ġusta u għażla informata peress li ż-żewġ naħat tal-kampanja ma kinux fl-istess sitwazzjoni f'termini ta' opportunitajiet u peress li d-drittijiet ta' dawk li jopponu r-riforma kostituzzjonali ġew miksura; jinsab imħasseb serjament dwar l-allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet u frodi elettorali mifruxa identifikati fis-sejbiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODHIR), maħruġa fis-17 ta' April 2017, li jqajmu dubji serji dwar il-validità u l-leġittimità tal-eżitu; jaqbel li ssir inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha marbutin ma' irregolaritajiet elenkati fid-dikjarazzjoni tal-OSKE/ODHIR; jinnota d-deċiżjoni tal-APKE li terġa' tiftaħ il-proċess ta' monitoraġġ għat-Turkija;
5. Jirrimarka li t-Turkija trid tirrispetta l-impenji tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lit-Turkija tibqa' konformi mal-impenji tagħha tal-Kunsill tal-Ewropa u timplimenta bidliet u riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja u skont il-kriterji tagħha;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ iddikjarat ripetutament għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt min-naħa tal-President Tork u diversi persunaġġi politiċi oħra; ifakkar li ċ-ċaħda inekwivoka tal-piena tal-mewt hija kundizzjoni essenzjali għal sħubija fl-UE u jenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt tkun ksur tal-impenji internazzjonali tat-Turkija, tixħet dubju fuq is-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa u twassal għal tmiem immedjat tat-taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE u l-appoġġ ta' qabel l-adeżjoni; jenfasizza li, jekk jiġi organizzat referendum dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fit-Turkija, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jippermettu li dan il-vot jiġi ffaċilitat fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;
7. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu ta' Novembru 2016 li jiġi ffriżat il-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont il-Qafas ta' Negozjar, jissospendu formalment in-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija bla dewmien jekk il-pakkett ta' riformi kostituzzjonali jiġi implimentat mingħajr tibdil; jenfasizza, filwaqt li jqis ir-rimarki tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma kostituzzjonali, li l-emendi kostituzzjonali proposti ma jirrispettawx il-prinċipji fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri, ma jipprovdux kontrolli u bilanċi suffiċjenti u mhumiex konformi mal-kriterji ta' Kopenħagen; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lit-Turkija jagħmlu diskussjoni miftuħa u onesta dwar l-oqsma ta' interess reċiproku li għalihom tkun possibbli l-kooperazzjoni intensifikata; jenfasizza li kwalunkwe impenn politiku bejn l-UE u t-Turkija għandu jkun mibni fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali
9. Jinnota b'dispjaċir li l-miżuri sproporzjonati meħuda wara d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza kellhom fil-mira, permezz tad-detenzjoni, tkeċċijiet, arresti u konfiski ta' proprjetà, mhux biss lil eluf ta' nies li allegatament huma membri jew partitarji tal-moviment Gülen, iżda wkoll, b'mod ġenerali lil persuni li għandhom opinjoni kuntrarja u b'mod partikolari lil partiti politiċi tal-oppożizzjoni; għadu qed jistenna evidenza konvinċenti fir-rigward tal-awturi tal-attentat ta' kolp ta' stat; jikkundanna bil-qawwa l-priġunerija ta' 11-il Membru Parlamentari li jappartjenu lill-Partit Demokratiku Popolari (HDP), inklużi l-kopresidenti tiegħu s-Sa Figen Yuksekdag u s-Sur Selahattin Demirtas, Membru Parlamentari wieħed mill-Partit Popolari Repubblikan (CHP) u ta' 85 sindku muniċipali Kurd; iħeġġeġ lill-Gvern Tork ineħħi l-istat ta' emerġenza immedjatament; iwissi kontra l-abbuż ta' miżuri kontra t-terroriżmu għal leġittimizzazzjoni tar-ripressjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jitlob lill-awtoritajiet Torok iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar allegazzjonijiet ta' trattament ħażin serju ta' priġunieri, kif irrappurtat minn bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li jkun hemm obbligu ta' rendikont u kkastigar ta' dawk li jinstabu ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb ħafna dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni; jappella għall-pubblikazzjoni immedjata tal-aħħar rapporti tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti tal-Kunsill tal-Ewropa, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jippermettu osservaturi nazzjonali u internazzjonali jimmonitorjaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni;
11. Jistieden lill-Gvern Tork joffri rimedji adegwati u effettivi kif ukoll rieżami ġudizzjarju skont l-istat tad-dritt lill-persuni kollha soġġetti għal miżuri restrittivi; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija prinċipju fundamentali fi kwalunkwe stat kostituzzjonali; jinnota li, taħt l-istat ta' emerġenza attwali, ċittadini arrestati m'għandhom ebda dritt għal għajnuna legali matul l-ewwel ħamest ijiem tad-detenzjoni tagħhom, u jiddeplora r-restrizzjonijiet severi li saru fuq l-aċċess tad-detenuti għal avukati; jenfasizza li minn Lulju 2016 tressqu 'l fuq minn 100 000 ilment legali lill-Qorti Kostituzzjonali Torka, li ddikjarat ruħha li m'għandhiex kompetenza fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan id-digriet ta' urġenza; jistieden lit-Turkija tirrevedi bħala kwistjoni ta' urġenza l-"Kummissjoni ta' Inkjesta għall-Prattiki tal-Istat ta' Emerġenza" b'tali mod li din issir kummissjoni soda, indipendenti u awtorizzata bis-sħiħ li tkun kapaċi tittratta b'mod individwali lill-każijiet kollha, tipproċessa b'mod effettiv l-għadd enormi ta' applikazzjonijiet li se tirċievi u tiżgura li r-reviżjoni ġudizzjarja ma tittardjax għalxejn;
12. Jikkundanna bil-qawwa il-passi lura u l-ksur serji tal-libertà tal-espressjoni u l-ksur serju tal-libertà tal-midja, inklużi l-projbizzjonijiet sproporzjonati tas-siti tal-midja u tal-midja soċjali; jinnota bi tħassib l-għeluq ta' madwar 170 mezz ta' xandir, u fosthom kważi kull mezz li jxandar bil-lingwa Kurda - u l-priġunerija ta' aktar minn 150 ġurnalist; jenfasizza li d-deċiżjoni tat-Turkija li timblokka l-aċċess għall-Wikipedia tikkostitwixxi attakk serju fuq il-libertà tal-informazzjoni; jinnota d-deterjorament kontinwu tat-Turkija fil-klassifika tal-libertà tal-istampa fl-indiċi kkompilat mill-organizzazzjoni Korrispondenti mingħajr Fruntieri, li issa kklasifikat lit-Turkija fil-post 155 minn 180 pajjiż; ifakkar li stampa ħielsa u pluralista, inkluż internet liberu u miftuħ, hija element essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, u jħeġġeġ lill-Gvern Tork jeħles b'mod immedjat lill-ġurnalisti kollha arrestati b'mod illegali; jistieden lill-Gvern Tork jippermetti lill-ex-Membru tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Kumitat Parlamentari Konġunt, is-Sur Joost Lagendijk, jerġa' lura ma' familtu fit-Turkija;
13. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li kontinwament sejra għall-agħar fix-Xlokk tat-Turkija, b'mod partikolari fiż-żoni fejn ġew imposti curfews, intużat forza eċċessiva u ġie applikat kastig kollettiv għall-abitanti kollha, u fejn madwar 2 000 persuna ġew irrappurtati maqtula fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta' sigurtà u madwar nofs miljun persuna ġew spostati fil-perjodu li jibda minn Lulju 2015 sa Diċembru 2016; jinnota li l-prosekuturi lokali rrifjutaw b'mod konsistenti li jiftħu investigazzjonijiet dwar il-każijiet ta' qtil rappurtati u li l-osservaturi indipendenti ġie miċħud lilhom l-aċċess għaż-żona; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabilità li jipproteġi liċ-ċittadini kollha tiegħu, irrispettivament mill-oriġini kulturali jew reliġjuża tagħhom u mit-twemmin tagħhom; jiddeplora l-prattika mifruxa ta' esproprjazzjoni, fosthom ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalitajiet kif ukoll proprjetajiet li jappartjenu lill-knisja, li hu ksur tad-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi; jinsab konvint li hija biss soluzzjoni politika ġusta tal-kwistjoni Kurda li tista' ġġib stabbiltà u prosperità sostenibbli, kemm għaż-żona kif ukoll għat-Turkija kollha kemm hi, u għaldaqstant jitlob liż-żewġ naħat immorru lura mal-mejda tan-negozjati; jinnota li sensiela ta' liġijiet, li jinkludu l-Liġi Nru 6722 dwar il-protezzjoni legali tal-forzi tas-sigurtà li jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi adottata fl-2016, ħolqu atmosfera ta' "impunità sistematika" għall-forzi tas-sigurtà;
14. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Parlament Tork biex ineħħi l-immunità ta' għadd kbir ta' MP b'mod mhux kostituzzjonali, fosthom 55 mid-59 membru parlamentari tal-HDP, li wittiet it-triq għall-arresti ta' politikanti tal-oppożizzjoni u għamlet ħsara serja lill-immaġni tal-Parlament bħala istituzzjoni demokratika; jenfasizza li l-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija jenħtieġ tkun l-istituzzjoni ċentrali tad-demokrazija Torka, u tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha fuq termini ugwali; jiddispjaċih dwar ir-rata għolja tal-livell minimu elettorali;
15. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-imħallfin u l-prosekuturi għadhom taħt pressjoni politika qawwija u li kważi 4 000 minnhom, li huwa kważi kwart tal-imħallfin u l-prosekuturi kollha, ġew imkeċċija jew arrestati u f'xi każijiet, il-proprjetajiet tagħhom ġew ikkonfiskati; jistieden lit-Turkija tistabbilixxi mill-ġdid u timplimenta l-garanziji legali kollha biex tiżgura rispett sħiħ għall-indipendenza tal-ġudikatura, anke billi temenda l-liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi (HSYK) sabiex titnaqqas l-influwenza tal-eżekuttiv fi ħdan dak il-Kunsill; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-istituzzjoni tal-"imħallfin kriminali tal-paċi" stabbilita f'Ġunju 2014 mill-gvern fil-kariga, donnu li ġiet ittrasformata fi strument ta' fastidju biex tiġi mrażżna l-oppożizzjoni, kif ukoll biex tkun ikkontrollata l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ġenerali;
16. Jinsab serjament imħasseb dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà ta' reliġjon, dwar id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, inklużi l-insara u l-Alevi, u l-vjolenza għal raġunijiet reliġjużi, inklużi attakki verbali u fiżiċi, l-istigmatizzazzjoni u l-pressjoni soċjali fl-iskejjel, u l-problemi relatati mal-istabbiliment legali ta' post ta' qima; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippromwovu riformi pożittivi u effettivi fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon, billi jagħtu lok lill-komunitajiet reliġjużi jiksbu personalità legali, jippermettu lill-fondazzjonijiet tal-karità jagħżlu l-korpi ta' tmexxija tagħhom, jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, jikkonformaw mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u billi jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni jew ostakoli bbażati fuq ir-reliġjon; jappella lit-Turkija tirrispetta n-natura distinta u l-importanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u tirrikonoxxi l-personalità legali tiegħu; itenni l-bżonn li jingħata l-permess għal ftuħ mill-ġdid tas-Seminarju ta' Halki, u li jitneħħew l-ostakoli kollha għall-funzjonament xieraq tiegħu; jinsab imħasseb dwar il-qbid reċenti tal-knejjes fir-reġjun ta' Diyarbakir; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jikkumbattu bis-serjetà kull manifestazzjoni ta' anti-Semitiżmu fis-soċjetà;
17. Jistieden lit-Turkija tipproteġi d-drittijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli u tal-persuni li jappartjenu lill-minoranzi; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-dimostrazzjonijiet LGBTI f'Ankara u f'Istanbul ġew ipprojbiti għat-tieni sena konsekuttiva; jinsab serjament imħasseb dwar il-vjolenza sessista, id-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda kontra l-minoranzi, ir-reati ta' mibegħda u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI; jistieden lit-Turkija tieħu miżuri adegwati biex tipprevjeni u tikkastiga d-diskors ta' mibegħda jew delitti kontra l-minoranzi; jistieden lit-Turkija tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa, li hi rratifikat fl-2014; jilqa' l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali tal-gvern għar-Rom u jistieden lill-Gvern Tork biex jibda jimplimenta l-istrateġija u biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw l-ostakli prinċipali għall-inklużjoni soċjali tar-Rom; jistieden lit-Turkija tipprovdi ugwaljanza sħiħa għaċ-ċittadini kollha u tindirizza l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tal-minoranzi, b'mod partikolari rigward id-drittijiet għall-edukazzjoni u l-proprjetà; jinnota li, f'konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen, il-minoranzi għandu jkollhom ukoll id-dritt li jirċievu edukazzjoni fil-lingwa nativa tagħhom fl-iskejjel pubbliċi; ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Imbros u Tenedos, u jistieden lit-Turkija tgħin ir-ripatrijazzjoni tal-familji ta' minoranzi li jixtiequ jmorru lura lejn il-gżejjer; jilqa' l-ftuħ ta' skola għall-minoranza Griega fuq il-gżira ta' Imbros, li jikkostitwixxi pass pożittiv;
18. Jistieden lill-Gvern Tork jirrispetta u jimplimenta għalkollox l-obbligi legali li impenja ruħu għalihom fir-rigward il-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, biex ifassal, in buona fede, inventarju integrat tal-wirt kulturali Grieg, Armen, Assirjan u wirt kulturali oħra li safa meqrud jew ħerba tul is-seklu li għadda; jistieden lit-Turkija tirratifika l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; jistieden lit-Turkija tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-qerda intenzjonata tal-wirt kulturali;
19. Jilqa' l-isforzi minn Stati Membri individwali, li ħaffew il-proċeduri ta' asil għaċ-ċittadini Torok ppersegwitati taħt id-digrieti ta' emerġenza;
Relazzjonijiet UE-Turkija
20. Jilqa' t-tisħiħ tar-relazzjonijiet UE-Turkija f'oqsma ewlenin ta' interess komuni, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni, l-enerġija, l-ekonomija u l-kummerċ, u jtenni li d-djalogu u l-kooperazzjoni jenħtieġ li jinżammu u jiġu mħeġġa; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija f'dawn l-oqsma tirrappreżenta investiment fl-istabbiltà u l-prosperità kemm tat-Turkija kif ukoll tal-UE, sakemm din tkun ibbażata mill-partijiet kollha fuq rispett lejn l-impenji tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet bażiċi; jemmen li l-kooperazzjoni fost il-membri tas-soċjetà ċivili hija ta' importanza fundamentali u jħeġġeġ li dawn il-kuntatti jiġu intensifikati;
21. Jistieden lit-Turkija tkompli tallinja l-politika barranija tagħha ma' dik tal-UE; jitlob għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u għal koordinazzjoni tal-isfidi tal-politika barranija bejn l-UE u t-Turkija; huwa tal-opinjoni li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork għandu jkun mistieden jattendi laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin fuq bażi ta' każ b'każ kull meta jkun rilevanti; jirrakkomanda li l-Kunsill jistieden b'urġenza lill-Gvern Tork għal summit biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija;
22. Jemmen li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali jista' jirriżulta f'benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini fit-Turkija u l-UE, u għaldaqstant, fid-dawl tan-nuqqasijiet attwali tal-Unjoni Doganali, jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jingħata bidu għal negozjati dwar it-titjib tal-Unjoni Doganali; itenni li l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tat-Turkija u li żewġ terzi tal-Investiment Dirett Barrani (IDB) fit-Turkija ġejjin minn Stati Membri tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ekonomika tat-Turkija bħala suq ta' tkabbir għall-UE; iqis l-involviment tas-sħab soċjali fin-negozjati bħala kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni Doganali aġġornata bejn it-Turkija u l-UE, li tagħmel id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kundizzjonalità ewlenija; ifakkar li l-Unjoni Doganali tista' biss tilħaq il-potenzjal kollu tagħha meta t-Turkija timplimenta għalkollox il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha; jinnota l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tista' tiġi stimulata aktar integrazzjoni kummerċjali mal-UE jekk it-Turkija telimina l-ostakoli għall-funzjonament tal-Unjoni Doganali;
23. Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija ta' importanza kbira għaċ-ċittadini Torok, b'mod partikolari għan-negozjanti u għall-persuni ta' oriġini Torka fl-UE, u ser issaħħaħ il-kuntatti bejn in-nies; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jikkonforma għalkollox mal-kriterji pendenti finali, kif identifikati fil-pjan direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża; jenfasizza li reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu hija kundizzjoni ewlenija biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u li l-liberalizzazzjoni tal-viża se tkun possibbli biss ladarba l-kriterji kollha jkunu ġew issodisfati;
24. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jfakkar is-sejbiet tal-Kummissjoni li l-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u għadha problema serja; josserva wkoll li r-riżultati tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni fil-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli għadhom fqar;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aktar żviluppi riċenti fit-Turkija meta twettaq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) fl-2017, u tissospendi l-fondi ta' qabel l-adeżjoni jekk in-negozjati tal-adeżjoni jiġu sospiżi; jistieden lill-Kummissjoni, fil-każ li dak ix-xenarju jseħħ, biex tuża dawk il-fondi biex tappoġġa lis-soċjetà ċivili Torka u lir-rifuġjati fit-Turkija b'mod dirett, u tinvesti iktar fi programmi ta' skambji interpersonali, bħall-Erasmus + għall-istudenti, l-akkademiċi u l-ġurnalisti;
26. Jikkundanna bil-qawwa kollha l-attakki terroristiċi kollha mwettqa fit-Turkija, u jappoġġja bis-sħiħ il-popolazzjoni tat-Turkija fil-ġlieda komuni tagħna kontra t-terroriżmu; jilqa' r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u t-Turkija fil-qasam tal-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu fir-rigward tal-"ġellieda barranin"; jemmen li l-kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Europol u l-aġenziji Torok tal-infurzar tal-liġi hi essenzjali biex it-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effikaċi; itenni l-kundanna tiegħu tar-ritorn tal-vjolenza min-naħa tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), li ilu fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi mill-2002, u jħeġġeġ lill-partit biex iċedi l-armi u juża mezzi paċifiċi u legali biex ileħħen l-aspettativi tiegħu; jenfasizza li soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni tal-Kurdi hija meħtieġa wkoll għall-ġejjieni demokratiku tat-Turkija, u se tintlaħaq biss bl-involviment tal-partijiet u l-forzi demokratiċi kollha kkonċernati; jitlob li jerġgħu jinbdew negozjati bl-għan li tinkiseb soluzzjoni komprensiva u sostenibbli għall-kwistjoni tal-Kurdi; jistieden lill-Istati Membri jinforzaw il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu ta' sinjali u simboli ta' organizzazzjonijiet li jinsabu fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;
27. Ifaħħar l-involviment mill-Gvern Tork u l-NGOs lokali u l-ospitalità murija mill-popolazzjoni fl-ospitar ta' madwar 3 miljun rifuġjat; jinnota d-dikjarazzjoni UE-Turkija dwar il-migrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jibdew skema ta' risistemazzjoni volontarja għall-aktar rifuġjati vulnerabbli fit-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura investiment fit-tul kemm fir-rifuġjati kif ukoll fil-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-Turkija, kif ukoll l-infiq adegwat tal-fondi; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jagħti permessi tax-xogħol u aċċess għall-kura tas-saħħa lir-refuġjati Sirjani kollha, u biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal Sirjani; jistieden lil Ankara u l-UE jkomplu bl-isforzi koordinati tagħhom ta' patrulji fil-Baħar Eġew, jintensifikaw l-isforzi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-migranti u biex jiġi implimentat għalkollox u b'mod effettiv il-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija l-ftehimiet ta' riammissjoni bilaterali ffirmati mal-Bulgarija u mal-Greċja;
28. Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet li għamel il-President Erdogan fejn jakkuża lill-mexxejja tal-UE bi "prattiki Nażisti" u liċ-ċittadini tagħhom li huma "Nażisti"; jirrimarka li t-tkomplija ta' tali dikjarazzjonijiet mhux ġustifikati xxekkel il-kredibilità tat-Turkija bħala sieħeb politiku u li l-esportazzjoni tal-kunflitti interni tagħha huma theddida għall-koeżistenza paċifika fi ħdan is-soċjetà f'dawk l-Istati Membri li għandhom komunità sostanzjali ta' ta' oriġini Torka; jenfasizza li l-Gvern Tork irid jastjeni minn sforzi sistematiċi biex jimmobilizza d-dijaspora Torka fl-Istati Membri għall-iskopijiet tiegħu; jinnota bi tħassib ir-rapporti tal-allegata pressjoni fuq il-membri tad-dijaspora Torka li jgħixu fl-Istati Membri u jikkundanna s-sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet Torok taċ-ċittadini b'ċittadinanza doppja li jgħixu barra mill-pajjiż; jinsab imħasseb dwar ir-revoka ta' numru kbir ta' passaporti, li għamlet lill-persuni konċernati apolidi bi ksur tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1954 dwar l-istatus ta' persuni apolidi u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1961 dwar it-tnaqqis tal-apolidija, u r-rifjut rappurtat ta' servizzi minn konsulati Torok lil għadd ta' ċittadini Torok;
29. Ifakkar fl-importanza taż-żamma ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien; jappella, f'dan ir-rigward, lit-Turkija biex tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi l-obbligi ġuridiċi pendenti u t-tilwimiet mhux riżolti mal-ġirien immedjati tagħha dwar fruntieri tal-art u tal-baħar u dwar l-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; jappella lill-gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex itemm il-vjolazzjonijiet ripetuti tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi, u biex jirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità ta' kull pajjiż ġar tat-Turkija; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata;
30. Jitlob lit-Turkija u lill-Armenja biex jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-ftuħ tal-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja jista' jwassal għal titjib fir-relazzjonijiet, b'referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-integrazzjoni ekonomika;
31. Jappella lill-gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Akkuyu; jirrimarka li s-sit previst jinsab f'reġjun suxxettibbli għal terremoti severi, u għalhekk jippreżenta theddida serja mhux biss għat-Turkija iżda wkoll għar-reġjun tal-Mediterran; jitlob, għaldaqstant, lill-gvern Tork biex jingħaqad mal-Konvenzjoni Espoo, li qed timpenja l-partijiet tagħha biex jinnotifikaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar proġetti ewlenin li jkunu qed jiġu kkunsidrati u li aktarx ikollhom impatt ambjentali negattiv sinifikanti fil-livell transfruntiera; jitlob, għal dan il-għan, lill-Gvern Tork biex jinvolvi, jew għall-anqas jikkonsulta, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, rigward kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;
32. Jissottolinja li soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun kollu, filwaqt li l-ewwel u qabel kollox din tkun ta' benefiċċju għaċ-Ċiprijotti Griegi kif ukoll għaċ-Ċiprijotti Torok; jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Frar 2014 bħala bażi għal soluzzjoni u jfaħħar il-mexxejja tal-komunità Ċiprijotta Griega u dik Ċiprijotta Torka talli kisbu progress sostanzjali fit-taħdidiet dwar ir-riunifikazzjoni; jilqa' l-ftehim bejn iż-żewġ mexxejja dwar sensiela ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u jħeġġeġ li l-miżuri kollha miftiehma jiġu implimentati; jilqa' l-iskambju ta' mapep preferuti, s'issa bla preċedent, u l-ewwel konferenza dwar Ċipru li saret f'Ġinevra mas-setgħat garanti u bil-parteċipazzjoni tal-UE, u jappoġġja l-issuktar tagħha bil-għan li jintlaħaq ftehim aċċettabbli b'mod reċiproku dwar il-kapitolu li jitratta s-sigurtà u garanziji; jappoġġja soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli bbażata fuq federazzjoni bikomunali u biżonali, personalità legali internazzjonali waħda, sovranità waħda u ċittadinanza waħda b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-UE, u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jilqa' l-impenn intensifikat mill-partijiet sabiex tinkiseb soluzzjoni tal-problema ta' Ċipru; jistenna li t-Turkija turi appoġġ attiv għal konklużjoni rapida u b'suċċess tan-negozjati, u jtenni li l-impenn u l-kontribut tat-Turkija għal soluzzjoni komprensiva għadhom kruċjali; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jappoġġaw il-proċess ta' negozjar b'mod attiv, jikkontribwixxu għal eżitu pożittiv, u jużaw l-opportunità li nfetħet issa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-riżorsi kollha tagħha biex tappoġġja bis-sħiħ il-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' riunifikazzjoni;
33. Itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tibda tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU, skont ir-Riżoluzzjoni 550 (tal-1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u biex ma tiħux azzjonijiet li jibdlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira permezz tal-politika tagħha ta' insedjamenti illegali; jinnota l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fl-istat kostitwenti Tork Ċiprijott futur mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' soluzzjoni trid diġà tkun ġiet ippreparata tajjeb; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-kontinwazzjoni mhux interrotta tal-ħidma tal-kumitat bikomunali ad hoc dwar il-preparazzjoni tal-UE; jimpenja ruħu li jżid l-isforzi tiegħu ta' involviment mal-komunità Ċiprijotta Torka fit-tħejjija tagħha għal integrazzjoni sħiħa fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-istess; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa (CMP, li jittratta persuni nieqsa Ċiprijotti Torok kif ukoll Ċiprijotti Griegi), u jfaħħar il-fatt li ngħata aċċess aħjar għas-siti rilevanti, inklużi ż-żoni militari; jistieden lit-Turkija tgħin lis-CMP billi tipprovdi informazzjoni mill-arkivji militari tagħha; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-ħidma mwettqa mis-CMP, u jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħatra ta' Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar persuni nieqsa;
34. Jirrikonoxxi d-dritt tar-Repubblika ta' Ċipru li tikkonkludi ftehimiet bilaterali li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklużiva tagħha; itenni t-talba tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta għalkollox id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk relatati mat-tiftix tar-riżorsi naturaliu mal-isfruttament tagħhom f'konformità mal-acquis tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, u biex iżżomm lura minn kwalukwe theddida jew azzjoni li jista' jkollhom effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet ta' ġirien tajba;
35. Jinsab konvint li hija biss soluzzjoni politika kredibbli li se tiżgura l-istabbiltà fis-Sirja u tippermetti rebħa deċiżiva fis-Sirja fil-konfront tal-ISIS/Da'esh u gruppi oħra li ġew indikati min-NU bħala gruppi terroristiċi; jerġa jafferma l-preminenza tal-proċess ta' Ġinevra mmexxija min-NU; jirrikonoxxi l-isforzi li saru fil-laqgħat ta' Astana biex jerġa' jiġi stabbilit tmiem sħiħ tal-ostilitajiet kif ukoll l-istabbiliment tal-mekkaniżmu trilaterali għall-monitoraġġ u biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-waqfien mill-ġlied; iħeġġeġ lill-garanti kollha, inkluża t-Turkija, biex jonoraw l-impenji tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-waqfien mill-ġlied u biex javvanzaw fl-iżgurar ta' aċċess umanitarju sħiħ u bla xkiel fil-pajjiż kollu, il-waqfien tal-assedji u l-ħelsien ta' kull persuna detenuta b'mod arbitrarju, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2268 tal-KSNU; itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-ġirien kollha tagħha;
36. Jitlob li dan ir-rapport jiġi tradott bit-Tork;
°
° °
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0450.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
- [3] ĠU C 285, 5.8.2016, p. 11.
- [4] ĠU C 328, 6.9.2016, p. 2.
- [5] ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
20.6.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
51 3 14 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Reinhard Bütikofer, Luis de Grandes Pascual, Neena Gill, María Teresa Giménez Barbat, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Javi López, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Igor Šoltes, Renate Sommer, Ernest Urtasun, Marie-Christine Vergiat |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pál Csáky, Dietmar Köster, Costas Mavrides |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
51 |
+ |
|
ALDE |
Petras Auštrevičius, María Teresa Giménez Barbat, Iveta Grigule, Patricia Lalonde, Jozo Radoš, Ivo Vajgl |
|
ECR |
Bas Belder, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen |
|
PPE |
Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Pál Csáky, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Renate Sommer, Luis de Grandes Pascual, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica |
|
S&D |
Francisco Assis, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Ana Gomes, Dietmar Köster, Javi López, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Clare Moody, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Elena Valenciano |
|
VERTS/ALE |
Reinhard Bütikofer, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Jordi Solé, Ernest Urtasun, Igor Šoltes |
|
3 |
- |
|
ENF |
Mario Borghezio |
|
NI |
Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke |
|
14 |
0 |
|
ALDE |
Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart |
|
ECR |
Marek Jurek, Geoffrey Van Orden |
|
EFDD |
James Carver |
|
GUE/NGL |
Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat |
|
PPE |
Arnaud Danjean |
|
S&D |
Nikos Androulakis, Costas Mavrides, Demetris Papadakis |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni