Proċedura : 2017/2025(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0242/2017

Testi mressqa :

A8-0242/2017

Dibattiti :

PV 12/09/2017 - 20
CRE 12/09/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2017 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0334

RAPPORT     
PDF 683kWORD 60k
28.6.2017
PE 602.942v01-00 A8-0242/2017

dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja

(2017/2025(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Cristian Dan Preda

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 POŻIZZJONI FIL-FORMA TA' EMENDI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja

(2017/2025(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Indja, li ġiet stabbilita fl-2004, u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għal Sħubija Strateġika UE-Indja tas-7 ta' Settembru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Azzjoni UE-Indja 2020, li ġiet adottata waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' dak is-summit,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2001 dwar l-Ewropa u l-Asja: qafas strateġiku għal sħubijiet imsaħħa (COM(2001)0469),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2004 lill-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja: Sħubija Strateġika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-tħejjija għas-Samit bejn l-UE u l-Indja (Marsilja, 29 ta' Settembru 2008)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indja, inklużi dawk dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra l-missjoni li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu għamel fl-Indja fil-21-22 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ħdax-il Summit Asja-Ewropa (ASEM) li sar f'Ulan Bator fil-15-16 ta' Lulju 2016, u d-Disa' laqgħa tas-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP), li saret f'Ulan Bator fil-21-22 ta' April 2016, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet rispettivi li ġew adottati minn dawn iż-żewġ laqgħat,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0242/2017),

A.   billi l-UE u l-Indja huma l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, li t-tnejn li huma għandhom storja kulturali profonda tirfidhom u ħadu impenji qawwija b'mod konġunt favur il-promozzjoni tal-paċi, l-istabilità, is-sigurtà, il-prosperità, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja soċjali, kif ukoll favur ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għal-libertajiet fundamentali, għall-istat tad-dritt u għal governanza tajba.

B.  billi, tul dawn l-aħħar żewġ deċennji, l-UE u l-Indja bnew Sħubija Strateġika msejsa fuq valuri u interessi kondiviżi, minħabba l-fatt li huma sħab naturali u fatturi ta' stabilità f'din id-dinja multipolari; billi din is-Sħubija Strateġika jmissha tiġi approfondita, peress li għandha potenzjal kbir biex twassal għal dinamika ġdida fil-livell internazzjonali, inkluż f'dak tan-NU, u biex tindirizza kwistjonijiet bħall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jew il-kuntatti interpersonali;

C.  billi, waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indija, li sar fit-30 ta' Marzu 2016 wara pawża ta' erba' snin, ġie adottat pjan direzzjonali ġdid għas-Sħubija Strateġika għall-ħames snin li jmiss;

D.  billi għadd ta' Dikjarazzjonijiet Konġunti ġew adottati waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja: dik dwar aġenda komuni dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, dik dwar sħubija dwar l-ilma bejn l-UE u l-Indja, dik dwar sħubija dwar l-enerġija nadifa u l-klima u dik dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

E.  billi l-UE u l-Indja, bħala sħab importanti fl-oqsma ekonomiċi u kummerċjali u fl-investiment, u bir-rwol tal-UE bħala l-aktar sieħba kummerċjali importanti tal-Indja, ilhom mill-2007 involuti f'negozjati għal ftehim ambizzjuż ta' kummerċ ħieles u investiment, li suppost se jiġi konkluż kemm jista' jkun malajr; billi l-Aġenda għall-Azzjoni UE-Indja 2020 tafferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ partijiet biex jistabbilixxu klima ekonomika stabbli li tiffavorixxi l-espansjoni tal-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika;

F.  billi żieda fil-koordinament bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tar-relazzjoni tagħhom mal-Indja kieku tippermetti li s-Sħubija Strateġika tissaħħaħ ulterjorment;

G.  billi l-Indja hija demokrazija vibranti u soċjetà miftuħa bi stampa libera u soċjetà ċivili attiva; billi l-UE u l-Indja kellhom skambju regolari tal-aħjar prattiki fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u mal-istat tad-dritt, kif ukoll dwar it-trattament tal-migranti, ir-rispett għall-minoranzi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, hekk kif impenjat ruħha li tagħmel l-UE;

Is-sisien solidi ta' sħubija siewja

1.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal sħubija aktar b'saħħitha u profonda bejn l-UE u l-Indja, b'għeruq fil-kollegamenti politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali qawwija bejniethom u msejsa fuq il-valuri kondiviżi tad-demokrazija u l-pluraliżmu, kif ukoll fuq ir-rispett reċiproku u l-interessi komuni;

2.  Jikkunsidra li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ sħab jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-trawwim tal-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali f'dinja li qed taffaċċja bosta sfidi fil-livell globali, bħat-tensjonijiet fil-qasam tas-sigurtà, in-nuqqas ta' rispett lejn id-dritt internazzjonali, it-terroriżmu, l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-livell transnazzjonali, il-migrazzjoni mhux regolata u t-traffikar ta' bnedmin, l-effetti tat-tibdil fil-klima, il-faqar, l-inugwaljanza u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-populiżmu li qiegħed jikber;

3.  Jirrileva l-fatt li, fir-rwol tagħhom bħala l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, l-UE u l-Indja għandhom responsabilità komuni li jippromwovu l-kawża tal-paċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, anke permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-livell tan-NU;

4.  Jemmen li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Indja kibret b'mod sinifikanti fil-kwalità u fl-ambitu minn mindu ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-1993; jirrileva l-importanza tas-Sħubija Strateġika UE-Indja li ġiet stabbilita fl-2004 u li kienet intenzjonata biex tirrikonoxxi r-rabtiet stretti bejniethom u biex tieħu lir-relazzjonijiet tagħhom f'livell ogħla u aktar intensiv;

5.  Jirrileva l-fatt li s-sħubija bejn l-UE u l-Indja għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha; jikkunsidra li hemm bżonn ta' impenn politiku aktar qawwi fuq iż-żewġ naħat biex ir-relazzjoni ssir waħda aktar dinamika u siewja għall-isfidi li ż-żewġ sħab qed jaffaċċjaw fil-livell reġjonali u f'dak internazzjonali; jappella biex jiġi intensifikat l-investiment fit-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-UE 27 u l-Indja; jissottolinja l-importanza li ssir valutazzjoni sħiħa tal-funzjonament tas-sħubija strateġika fil-ġenerazzjoni ta' ideat dwar il-modi possibbli biex isir progress fir-rigward tagħha;

Sħubija aktar b'saħħitha għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u l-Indja

6.  Jilqa' l-fatt li t-Tlettax-il Summit UE-Indja sar fi Brussell nhar it-30 ta' Marzu 2016; iħeġġeġ lill-UE u lill-Indja jorganizzaw summits fuq bażi annwali, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu, peress li tali laqgħat ta' livell għoli jikkontribwixxu biex iżidu l-kooperazzjoni, il-fehim reċiproku u l-viżibilità reċiproka;

7.  Jilqa' l-fatt li ġiet adottata l-Aġenda għall-Azzjoni UE-Indja 2020, li tikkostitwixxi pjan direzzjonali għall-intensifikazzjoni tas-Sħubija Strateġika tul il-ħames snin li ġejjin; jieħu nota pożittiva tad-diversi oqsma ta' kooperazzjoni li tnedew mill-ġdid fl-2016, bħas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni u l-mobilità, il-kummerċ, it-trasferiment tat-teknoloġija u tal-kultura, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp, l-enerġija u l-ilma; jappella favur l-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda bi stadji u skadenzi ċari;

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu biex jiġi stabbilit ftehim ta' kummerċ ħieles ambizzjuż u komprensiv bejn l-UE u l-Indja, li suppost se jkun ekonomikament, soċjalment u politikament siewi għaż-żewġ naħat; ifakkar li l-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja u li l-Indja għandha waħda mill-ogħla rati ta' tkabbir tal-PDG fid-dinja kollha kemm hi; ifakkar ukoll li l-UE hija s-sieħba ewlenija tal-Indja f'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ u mal-investiment, u li l-flussi ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni bejniethom it-tnejn huma relattivament ekwilibrati;

9.  Jieħu nota pożittiva tal-fatt li l-UE u l-Indja qegħdin jerġgħu jinvolvu ruħhom f'diskussjoni dwar il-modi kif jipproċedu bin-negozjati rigward Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, magħruf ukoll bħala Ftehim ta' Kummerċ u Investiment b'Bażi Wiesgħa; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex, bil-ħsieb li jikkonkludu kemm jista' jkun malajr il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, ikomplu bin-negozjati bi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju għal xulxin u filwaqt li jqisu l-istandards internazzjonali li ż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jirrispettaw, inklużi dawk stabbiliti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-prinċipju tar-responsabilità soċjali korporattiva; jirrikonoxxi li tali ftehim, jekk ikun ibbilanċjat biex iqis bl-istess mod il-kwistjonijiet li jikkonċernaw liż-żewġ naħat, jista' jiżgura li l-miżuri jkunu ta' benefiċċju kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għal dawk Indjani, anke billi jiġġieldu l-faqar u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jirrakkomanda li, fil-livell tal-UE, tiġi adottata strateġija konsistenti għar-relazzjonijiet tagħha mal-Indja, bi prijoritajiet ċari; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li kemm l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Istati Membri jimplimentaw tali strateġija b'mod koerenti u koordinat; jikkunsidra li l-prijoritajiet tal-UE għall-Indja jistgħu jiġu definiti wkoll fi strateġija aġġornata għar-relazzjonijiet UE-Asja;

11.  Jilqa' l-impenn li ħa l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jrawwem l-investiment fuq żmien twil ġol-Indja fl-infrastruttura li tkun essenzjali għal żvilupp ekonomiku u soċjali li jkun sostenibbli għall-ambjent; jappella lill-BEI biex jimplimenta dan l-impenn u jqawwi l-appoġġ tiegħu favur l-iżvilupp sostenibbli ġol-Indja;

12.  Jirrileva l-importanza ta' djalogu strutturat interparlamentari għall-funzjonament tas-Sħubija Strateġika; jinkoraġġixxi lill-iSpeaker tal-parlament Indjan biex jgħaqqad Grupp ta' Ħbiberija Indja-Ewropa li jkun jinkludi lil deputati miż-żewġt ikmamar tal-parlament Indjan, il-Lok Sabha u r-Rajya Sabha, u jservi ta' kontroparti għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Indja;

Aġenda estensiva għall-kooperazzjoni rigward il-politika estera u ta' sigurtà

13.  Itenni li, fl-ambjent internazzjonali tal-ġurnata tal-lum, kemm l-UE kif ukoll l-Indja qed jaffaċċjaw sfidi urġenti fil-qasam tas-sigurtà, li jirrikjedu rispons diplomatiku flimkien ma' deterrent aktar qawwi, ir-rispett għad-dritt internazzjonali u kooperazzjoni fost l-istati demokratiċi;

14.  Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-UE u l-Indja fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà; jinsab konvint li djalogu regolari u konsistenti jista' jwitti t-triq għal fehim reċiproku u, għaldaqstant, għal aktar koordinament bejn l-aġendi fil-qasam tal-affarijiet barranin tal-UE u l-Indja fil-livell reġjonali u f'dak internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet li jkunu ġew adottati approċċi differenti fir-rigward tagħhom fl-imgħoddi;

15.  Jilqa' l-impenn li ttieħed fl-Aġenda għall-Azzjoni UE–Indja 2020 biex jitwaqqfu forums għall-Konsultazzjonijiet fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà; jissottolinja l-valur miżjud li ġġib magħha żieda fil-frekwenza u fl-importanza tal-iskambji ta' livell għoli fil-qasam tal-affarijiet barranin u s-sigurtà;

16.  Jappella biex l-UE, flimkien mal-Istati Membri, u l-Indja jkomplu u jqawwu l-isforzi tagħhom fil-promozzjoni ta' multilateraliżmu effikaċi u bbażat fuq ir-regoli fil-livell globali; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill biex isostnu r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża t-talba tal-Indja biex issir Membru Permanenti; jinkoraġġixxi lill-UE u l-Indja jikkoordinaw kemm jista' jkun il-pożizzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom fil-livell tan-NU rigward il-kwistjonijiet fejn il-kooperazzjoni bejniethom tista' tagħmel differenza, kif ukoll fil-forums internazzjonali l-oħra, bħad-WTO;

17.  Jirrikonoxxi l-iskambji siewja u intensifikati rigward il-kwistjonijiet ta' tħassib globali li qed iseħħu fil-qafas tal-Laqgħa Asja-Ewropa – forum għal kooperazzjoni multilaterali fejn huma inklużi kemm l-UE u kemm l-Indja; jappoġġa l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali li qed iseħħu fl-Asja, kemm f'livell politiku, kif ukoll f'wieħed ekonomiku, peress li jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għat-tnaqqis tal-għadd ta' kunflitti u għall-prosperità tar-reġjun;

18.  Jenfasizza l-valur miżjud sinifikanti tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fl-appoġġ għall-proċessi demokratiċi fl-Asja; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li l-UE u l-Indja jikkoordinaw bejniethom l-għajnuna umanitarja u l-politiki tal-iżvilupp tagħhom, minħabba l-livell għoli ta' attività fil-qasam tal-iżvilupp li ż-żewġ naħat qed iwettqu fl-Asja, b'mod li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-proċessi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi kkonċernati, inkluż għall-minoranzi u l-apolidi, bħall-poplu Rohingya; jappella biex id-djalogu, għal dan l-għan, jiġi intensifikat;

19.  Jinnota d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Indja dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-30 ta' Marzu 2016 li hija mmirata biex tqawwi l-kooperazzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu; jissottolinja l-importanza li l-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta' sigurtà u s-servizzi għall-inforzar tal-liġi tal-UE u tal-Indja titkompla taħt l-arranġament eżistenti fi ħdan l-Europol; jirrakkomanda li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta' informazzjoni bejn l-Indja u l-UE, inkluż mal-Istati Membri tagħha; jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat biex, flimkien, jippromwovu l-adozzjoni tal-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali fil-livell tan-NU, kif ukoll iż-żieda tal-effikaċja ta' deżinjazzjoni ta' organizzazzjoni bħala entità terroristika min-naħa tan-NU;

20.  Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni aktar profonda bejn l-UE u l-Indja fir-rigward tal-Afganistan, speċifikament biex tikkontribwixxi għal proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni li jkun immexxi mill-poplu Afgan u jappartjeni għalih, għall-kostruzzjoni ta' istituzzjonijiet stabbli u ta' stat li jiffunzjona, u għall-ħolqien ta' ambjent politiku u ekonomiku li jippermetti li l-paċi u s-sigurtà jiġu kkonsolidati; jinkoraġġixxi, b'mod partikolari, it-tisħiħ tal-koordinament politiku rigward il-kwistjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u f'dak militari, l-appoġġ għall-iżvilupp u l-miżuri biex jiġi indirizzat il-kuntest reġjonali; jenfasizza li l-Proċess tal-Qalba tal-Asja jirrappreżenta forum importanti għall-bini tal-fiduċja reġjonali u l-kooperazzjoni politika;

21.  Jappella biex tingħata ħajja ġdida għall-isforzi ta' riavvicinament u biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet ta' bon viċinat bejn l-Indja u l-Pakistan permezz ta' djalogu komprensiv u possibbilment approċċ gradwali, li jibda b'diskussjoni dwar il-kwistjonijiet tekniċi u l-miżuri għall-bini tal-fiduċja u li, finalment, iwassal biex isiru laqgħat politiċi ta' livell għoli; jissottolinja l-importanza tad-dimensjoni bilaterali fil-ħidma biex tiġi stabbilita paċi u kooperazzjoni dejjiema bejn l-Indja u l-Pakistan, li kieku jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jissottolinja, barra minn hekk, ir-responsabilità fil-konfront tal-paċi li hija d-dmir taż-żewġt istati fir-rwol tagħhom bħala potenzi nukleari; jappella biex l-UE tinkoraġġixxi u ssostni l-proċess ta' rikonċiljazzjoni bejn l-Indja u l-Pakistan; jisħaq fuq l-importanza enormi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, inkluż it-terroriżmu sponsorjat minn stati;

22.  Jirrakkomanda li jkun hemm kooperazzjoni ulterjuri fir-rigward tad-diżarm universali, tan-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u tas-sigurtà nukleari, li huma objettivi li kemm l-UE u kemm l-Indja impenjaw ruħhom favurihom; jappella, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha biex isostnu t-talba tal-Indja biex ikollha aċċess għal skemi għall-kontroll tal-esportazzjoni bħall-Grupp ta' Fornituri Nukleari, is-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Ftehim ta' Wassenaar u l-Grupp Awstralja; jilqa' l-fatt li l-Indja rratifikat il-Protokoll Addizzjonali tal-IAEA;

23.  Jilqa' l-pożizzjoni soda li ħadu kemm l-Indja kif ukoll l-UE fir-rigward tal-programmi ta' missili ballistiċi u nukleari illegali tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, li jikkostitwixxu theddida għall-paċi reġjonali u internazzjonali, u jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri biex tiġi żgurata implimentazzjoni estensiva tas-sanzjonijiet tan-NU kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea;

24.  Jieħu nota tat-tħassib tal-Indja rigward iċ-Ċina, b'mod partikolari minħabba l-politika assertiva ta' din tal-aħħar fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, il-modernizzazzjoni militari sostanzjali tagħha, ir-relazzjoni strateġika tagħha mal-Pakistan u l-kwistjonijiet relatati mal-fruntieri li għadhom iridu jiġu riżolti; jikkunsidra li djalogu ġenwin ibbażat fuq il-prinċipji tad-dritt internazzjonali biss jista' jikkontribwixxi biex jingħelbu dawn id-differenzi u biex tinbena l-fiduċja;

25.  Jieħu nota pożittiva tal-appoġġ li esprimew iż-żewġ naħat waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Minsk mill-partijiet kollha fir-rigward tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna; ifakkar li l-UE kkundannat b'mod qawwi l-azzjonijiet aggressivi min-naħa tar-Russja u li l-politika tal-UE hija li ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sebastopli; jittama li, permezz tad-djalogu, l-UE u l-Indja jistgħu jallinjaw ulterjorment il-pożizzjonijiet tagħhom;

26.  Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Indja jkomplu bl-iskambju ta' fehmiet, kemm matul is-summits kif ukoll matul il-konsultazzjonijiet regolari tagħhom fl-oqsma tal-affarijiet barranin u s-sigurtà, rigward is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u rigward l-oqsma ta' kooperazzjoni possibbli li jistgħu jtejbu l-istabilizzazzjoni tar-reġjun, anke permezz ta' miżuri fil-livell internazzjonali; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-importanza tal-kooperazzjoni biex tiġi żgurata soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja skont il-qafas eżistenti li ntlaħaq ftehim dwaru fi ħdan in-NU bi qbil mal-Komunikat ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012, u biex jingħata appoġġ għar-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-ftehim, ladarba tkun qed tiġri tranżizzjoni politika kredibbli li tkun immexxija mill-poplu Sirjan u li tappartjeni għalih;

27.  Jisħaq li l-UE u l-Indja jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejniethom fir-rigward tal-pajjiżi Afrikani biex jiżguraw li l-isforzi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp ikunu komplementari;

28.  Jisħaq fuq il-benefiċċji reċiproċi sinifikanti li l-UE u l-Indja jistgħu jisiltu jekk jintensifikaw il-kooperazzjoni bejniethom fl-oqsma bħas-sigurtà marittima, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll il-migrazzjoni u l-mobilità;

29.  Jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Indja jikkondividu interessi vitali u jisħaq li jmisshom jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-piraterija, iżda anke fir-rigward tal-preżervazzjoni tal-paċi u tal-istabilità u l-iżgurar tar-rotot ta' komunikazzjoni fuq il-baħar fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u l-Oċean Indjan; jirrakkomanda għalhekk li jiġu żviluppati proċeduri operattivi standard b'mod konġunt fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-ġlieda kontra l-piraterija, kif ukoll li jiġi żviluppat fehim komuni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar li jqis il-libertà ta' navigazzjoni, isolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha u jidentifika dawk il-miżuri konġunti l-aktar xierqa għall-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-konvenzjoni;

30.  Jilqa' l-fatt li, waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja f'Marzu 2016, l-UE u l-Indja adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar sħubija dwar l-enerġija nadifa u l-klima; jissottolinja l-impatt pożittiv tal-Indja u l-UE fuq in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u t-tmexxija globali taż-żewġ sħab; iħeġġeġ liż-żewġ sħab jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-firmatarji kollha jimplimentaw il-ftehim; jappella f'dan ir-rigward biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fil-qasam tal-enerġija, u fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli b'mod partikolari;

31.  Jinnota b'interess il-fatt li, waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja f'Marzu 2016, l-UE u l-Indja adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar sħubija dwar l-ilma; jappella biex l-Unjoni, għaldaqstant, issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-Indja u tintensifika l-appoġġ tagħha għall-proġetti Indjani għall-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma bħall-proġett "Clean Ganga";

32.  Jieħu nota pożittiva tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar aġenda komuni dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, li hija mmirata biex tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-migrazzjoni regolari, il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u tat-traffikar ta' bnedmin, u l-massimizzazzjoni tal-impatt fuq l-iżvilupp tal-mobilità;

33.  Jikkunsidra li jkun xieraq li l-iskambji interpersonali jkunu waħda mid-dimensjonijiet ewlenin tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja; jissottolinja b'mod partikolari l-importanza li jissaħħu l-iskambji fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura u r-riċerka xjentifika, inkluża l-informatika, u jilqa' għaldaqstant iż-żieda fl-għadd ta' skambji bejn studenti fl-ambitu tal-programm Erasmus+, li jkun tajjeb li jkompli jiġi estiż; jieħu nota pożittiva bl-istess mod tal-prospetti għal kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-ħiliet u fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva "Make in India", kif inhuma deskritti fl-Aġenda għall-Azzjoni 2020, u jissottolinja l-importanza tagħhom għall-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u soċjali; jappella biex, f'dawn il-programmi, jiġi inkluż għadd indaqs ta' studenti, xjenzjati, riċerkaturi u professjonisti nisa;

Skambju msaħħaħ rigward id-dimensjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem tas-sħubija

34.  Jilqa' l-fatt li reġa' ġie affermat l-impenn favur l-intensifikazzjoni tal-iskambji rigward id-dimensjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem tas-Sħubija Strateġika UE-Indja, peress li ċ-ċittadini miż-żewġ naħat jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-kwistjonijiet numerużi relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li jitqawwew l-iskambju u l-koordinament bejn iż-żewġ sħab fi ħdan il-qafas tan-NU, inkluż fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru fl-ambitu tal-Eżami Perjodiku Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jissottolinja bl-istess mod l-importanza tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li ilu ma jsir skambju mill-2013 u jħeġġeġ biex isir djalogu malajr kemm jista' jkun;

35.  Ifakkar li ilu żmien jopponi l-piena tal-mewt f'kull każ u f'kull ċirkostanza; itenni l-appell tiegħu għal moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet fl-Indja;

36.  Ifakkar li l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni huma parti integrali minn soċjetà demokratika vibranti; jifhem il-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex tiżdied it-trasparenza tal-attivitajiet iffinanzjati minn atturi barranin li jistgħu jippreżentaw riskju għall-paċi u l-istabilità jew għas-sigurtà interna, u biex jiġu introdotti limitazzjonijiet għalihom; jesprimi tħassib madankollu rigward l-effetti fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni tal-liġi Indjana attwali dwar il-parteċipazzjoni barranija fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Barranin)

37.  Jirrikonoxxi l-isforzi sinifikanti li saru mill-awtoritajiet Indjani bil-ħsieb li jiġġieldu kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta; jinnota bi tħassib li, madankollu, din id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta għadha sors ta' abbuż, u jinkoraġġixxi għalhekk lill-awtoritajiet tal-Indja biex iqawwu l-isforzi tagħhom biex jeqirdu dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-Indja biex tiżgura l-protezzjoni sħiħa tal-minoranzi, b'mod partikolari dawk reliġjużi u etniċi, u jissottolinja l-importanza li tiġi promossa t-tolleranza għad-diversità fil-prevenzjoni tal-vjolenza bejn il-komunitajiet; jilqa' l-fatt li l-Qorti Suprema tal-Indja ordnat investigazzjoni mill-ġdid tal-proċessi kontra l-vjolenza li saret fil-konfront tal-insara fl-2008 u kumpens adegwat għall-vittmi;

38.  Iħeġġeġ lill-Indja tirratifika l-Konvenzjoni kontra t-Tortura flimkien mal-protokoll fakultattiv tagħha u l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

39.  Jikkunsidra li, fil-kuntest tal-impenn li l-UE u l-Indja affermaw mill-ġdid favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa jmisshom jiġu inklużi fl-aġenda tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn iż-żewġ sħab; jilqa' l-impenn li ħa l-Gvern Indjan biex itejjeb id-drittijiet tan-nisa u jintroduċi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-programmazzjoni tal-politiki, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Indjani jieħdu passi ulterjuri biex jinvestigaw u jipprevjenu l-vjolenza abbażi ta' sess u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li l-UE qed tiffinanzja proġetti fl-Indja li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, u jirrakkomanda li dan il-finanzjament jinżamm; jappella biex jittejbu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u biex it-taqsima 377 tal-Kodiċi Penali tiġi revokata;

°

°  °

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja.

(1)

ĠU L 77, 15.03.2014, p. 77.

(2)

ĠU C 174, 14.07.2005, p. 63.

(3)

ĠU C 227E, 21.9.2006, p. 589.

(4)

ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 69.

(5)

ĠU C 239E, 20.8.2013, p. 1.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0120.

(7)

ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 34.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2016)0424.


POŻIZZJONI FIL-FORMA TA' EMENDI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (4.5.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja

(2017/2025(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Mariya Gabriel

PA_Leg

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li ġejjin:

Emenda1

Abbozz ta' rapport

Kunsiderazzjoni 5a (ġdida)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: it-Trasformazzjoni tal-Ħajjiet ta' Bniet u Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020"1,

 

____________________

 

SWD(2015)0182.

Emenda  2

Abbozz ta' rapport

Premessa G

Abbozz ta' rapport

Emenda

G. billi l-Indja hija demokrazija vibranti u soċjetà miftuħa bi stampa libera u soċjetà ċivili attiva; billi l-UE u l-Indja regolarment wettqu skambju tal-aħjar prattiki rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki demokratiċi;

G. billi l-Indja hija demokrazija vibranti u soċjetà miftuħa bi stampa libera u soċjetà ċivili attiva; billi l-UE u l-Indja regolarment wettqu skambju tal-aħjar prattiki rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki demokratiċi; billi d-drittijiet tan-nisa jiffurmaw parti indispensabbli mid-drittijiet tal-bniedem;

Emenda  3

Abbozz ta' rapport

Premessa Ga (ġdida)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Ga. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE li hu minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u hija waħda mill-objettivi u l-kompiti tal-UE; billi l-UE hija ggwidata wkoll minn dan il-prinċipju fl-azzjoni esterna tagħha;

Emenda  4

Abbozz ta' rapport

Premessa Gb (ġdida)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

Gb. billi filwaqt li r-rata ta’ litteriżmu fl-irġiel fl-Indja hija ta' 82.1 %, il-litteriżmu fin-nisa għadu lura b'65.5 %; billi r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tal-irġiel u tan-nisa fil-pajjiż hi żbilanċjata rispettivament b’54.4 % u 21.9 %rispettivament;1 billi l-istupru, il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika għadhom ta’ tħassib serju fl-Indja;

 

_________________________________

 

http://in.one.un.org/gender-equity/

Emenda  5

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 10a (ġdid)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

10a. Jinnota li bħala parti mill-Aġenda għal Azzjoni 2020 UE-Indja, iż-żewġ partijiet għandhom jaħdmu lejn aċċess reċiproku għal riċerkaturi fi programmi magħżula tal-Orizzont 2020 tal-UE u programmi Indjani, u lejn it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni, inkluż permezz tal-programm GIAN tal-Indja u tal-programm Erasmus+ tal-UE; jitlob li jkun hemm l-inklużjoni ugwali ta’ studenti, xjentisti, riċerkaturi u professjonisti nisa f’dawn il-programmi;

Emenda  6

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 23

Abbozz ta' rapport

Emenda

23. Jilqa' l-fatt li reġa' ġie affermat l-impenn favur iż-żieda tal-iskambji rigward id-dimensjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem tas-Sħubija Strateġika UE-Indja, peress li ċ-ċittadini miż-żewġ naħat jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li ilu mill-2013 ma jsir skambju u jħeġġeġ biex isir djalogu malajr kemm jista' jkun;

23. Jilqa' l-fatt li reġa' ġie affermat l-impenn favur iż-żieda tal-iskambji rigward id-dimensjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem tas-Sħubija Strateġika UE-Indja, peress li ċ-ċittadini miż-żewġ naħat jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li ilu ma jsir skambju mill-2013 u jħeġġeġ biex isir djalogu malajr kemm jista' jkun; jitlob biex id-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jiġu inklużi bħala waħda mill-oqsma ta’ prijorità fl-aġenda tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

Emenda  7

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 23a (ġdid)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

23a. Jilqa’ l-fatt li, bħala parti mill-Aġenda għal Azzjoni 2020 UE-Indja, l-UE u l-Indja ħadu l-impenn li jiġu identifikati opportunitajiet għal kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa f’fora internazzjonali, inkluż djalogu possibbli dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jitlob li jinfetaħ djalogu bħal dan;

Emenda  8

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 23b (ġdid)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

23b. Jilqa’ l-fatt li l-Gvern tal-Indja żied l-isforzi biex tiġi introdotta u integrata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-ipprogrammar tal-politiki, billi jintroduċi inizjattivi li jiffrankaw u jemanċipaw il-bniet, programmi ta' taħriġ fil-ħiliet u ta’ impjiegi għan-nisa, u servizzi ta’ mikrofinanzjament għal nisa inqas vantaġġati f’żoni rurali, u billi jsaħħaħ il-leġiżlazzjoni biex jiġu indirizzati l-fastidju sesswali, il-vjolenza domestika, u l-inugwaljanza fir-remunerazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Indja biex ikompli b'dawn l-isforzi u jżidhom;

Emenda  9

Abbozz ta' rapport

Paragrafu 23c (ġdid)

Abbozz ta' rapport

Emenda

 

23c. Jilqa’ l-fatt li l-UE qed tiffinanzja proġetti fl-Indja li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, inkluża l-prevenzjoni tal-fetiċidju femminili; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex iżommu dan il-finanzjament u biex isaħħu proġetti li jagħtu s-setgħa lin-nisa.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

3.5.2017

 

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

2

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Lorenzo Cesa, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Iveta Grigule, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Luis de Grandes Pascual, Neena Gill, María Teresa Giménez Barbat, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Javi López, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky, Dietmar Köster, Alex Mayer


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

46

+

ALDE

 

Petras Auštrevičius, María Teresa Giménez Barbat, Iveta Grigule, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Bas Belder, Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Pál Csáky, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Luis de Grandes Pascual, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Ana Gomes, Dietmar Köster, Javi López, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Clare Moody, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri

2

-

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios

12

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat

NI

Janusz Korwin-Mikke

Verts/ALE

Reinhard Bütikofer, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Jordi Solé, Ernest Urtasun, Igor Šoltes

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Avviż legali - Politika tal-privatezza