RAPPORT dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi

28.6.2017 - (2017/2028(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Petras Auštrevičius
Rapporteurs għall-opinjoni (*):Stelios Kouloglou, Kumitat għall-Iżvilupp
(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2017/2028(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0246/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi

(2017/2028(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) li daħlet fis-seħħ fl-14 ta' Diċembru 2005[1],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Ġlieda Ulterjuri kontra l-Korruzzjoni tal-2009, ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Possibilità ta' Tnaqqis tat-Taxxa tal-Korruzzjoni għall-Uffiċjali Pubbliċi Barranin u strumenti oħra relatati[2],

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat fl-2012 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019) adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif adottati fl-2914-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Trasformazzjoni tad-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015[4],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) intitolat "Politika dwar il-prevenzjoni u t-trażżin ta' aġir ipprojbit fl-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment" (Politika Kontra l-Frodi tal-BEI) adottati fit-8 ta' Novembru 2013[5],

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti "Protezzjoni, Rispett u Rimedju"[6],

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ġunju 2016[7],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili[11],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[12],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA[13],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu[14],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[15],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni, u r-riżoluzzjonijiet (98) 7 u (99) 5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġakarta dwar il-Prinċipji għall-Aġenziji Kontra l-Korruzzjoni, adottata fis-26 u s-27 ta' Novembru 2012[16],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Panama dwar is-Seba' Konferenza Annwali u l-Laqgħa Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Awtoritajiet Kontra l-Korruzzjoni (IAACA), adottata fit-22-24 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem adottata fis-17 ta' Diċembru 2015 u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem adottata fid-29 ta' Settembru 2016[17],

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kwistjoni tal-impatt negattiv tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tal-5 ta' Jannar 2015[18],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Ġlieda kontriha (AUCPCC)[19],

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva "Global Compact" biex l-istrateġiji u l-miżuri jkunu bbażati fuq il-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem, tal-impjiegi, tal-ambjent u tal-korruzzjoni kontra l-korruzzjoni[20],

–  wara li kkunsidra l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0246/2017),

A.  billi l-korruzzjoni hija fenomenu globali kumpless, li jolqot kemm it-Tramuntana kif ukoll in-Nofsinhar, li jista' jkun definit bħala abbuż tal-poter fdat għal gwadann privat individwali, kollettiv, dirett jew indirett, u joħloq theddida gravi għall-interess pubbliku u għall-istabilità u għas-sigurtà politiċi u soċjali peress li jimmina l-fiduċja pubblika u l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet, u l-valuri tad-demokrazija, tal-etika, tal-ġustizzja, tal-iżvilupp sostenibbli u tal-governanza tajba;

B.  billi l-korruzzjoni tista' tirrigwarda kemm sforzi fuq skala żgħira li l-skop tagħhom huwa li jinfluwenzaw lill-individwi, lill-uffiċjali pubbliċi jew lill-attwazzjoni tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll tentattivi fuq skala kbira biex iwaqqgħu s-sistemi politiċi, ekonomiċi u/jew ġuridiċi, u għall-promozzjoni u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-inkoraġġiment tal-estremiżmu, it-tnaqqis tad-dħul mit-taxxa u s-sostenn tan-netwerks tal-kriminalità organizzata;

C.  billi l-korruzzjoni hija kkawżata mill-fatt li s-sistemi politiċi, ekonomiċi u ġudizzjarji jonqsu milli joffru sorveljanza u obbligu ta' rendikont sodi u indipendenti;

D.  billi t-tnaqqis tal-korruzzjoni huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, għat-tnaqqis tal-faqar, għall-ħolqien tal-ġid, għall-edukazzjoni, għas-sigurtà soċjali, għall-assistenza sanitarja, għall-iżvilupp infrastrutturali u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll biex tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, fl-impriżi u fil-politika;

E.  billi f'bosta pajjiżi l-korruzzjoni mhux biss tikkostitwixxi ostaklu sistemiku sinifikanti għar-realizzazzjoni tad-demokrazija, tar-rispett tal-Istat tad-dritt, tal-libertà politika u tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem kollha fil-qasam ċivili, politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali, iżda tista' wkoll tikkawża ħafna każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-korruzzjoni tirrappreżenta wieħed mill-aktar tipi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem inqas ikkunsidrati inkwantu talimenta l-inġustizzja, l-inugwaljanza, fost affarijiet oħra, fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji u ekonomiċi, l-impunità, l-azzjoni arbitrarja, l-estremiżmu politiku u reliġjuż u l-kunflitt;

F.  billi hija u thedded il-konsolidament tad-demokrazija u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u timmina l-awtoritajiet Statali, il-korruzzjoni tista' twassal għal irvellijiet soċjali, fosthom il-vjolenza, il-protesta ċivili u instabilità politika gravi; billi l-korruzzjoni tibqa' katalizzatur sistematikament traskurat ta' kunflitti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jwassal għal ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali u għall-impunità ta' dawk li jikkommettuhom; billi l-istatus quo tal-korruzzjoni u tal-arrikkiment illeċitu f'karigi ta' poter statali wassal għall-ikkaparrar tal-poter u għall-kontinwazzjoni tal-kleptokrati fil-poter;

G.  billi f'bosta pajjiżi livelli għoljin ta' korruzzjoni jwasslu għal rati baxxi ta' żvilupp uman, soċjali u ekonomiku, livelli baxxi ta' edukazzjoni u ta' servizzi pubbliċi, drittijiet ċivili u politiċi limitati u ftit jew xejn kompetizzjoni politika u libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni kemm online kif ukoll offline, u lakuni fl-Istat tad-dritt;

H.  billi l-korruzzjoni tħalli impatt f'termini ta' tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, għandha riperkussjonijiet negattivi speċifiċi u tolqot b'mod sproporzjonat il-gruppi l-aktar żvantaġġati u emarġinati tas-soċjetà, bħan-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, il-fqar, il-popolazzjonijiet indiġeni jew il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, partikolarment billi jitħallew barra minn aċċess indaqs għall-parteċipazzjoni politika, għall-programmi u s-servizzi pubbliċi u soċjali, għall-ġustizzja, għas-sikurezza, għar-riżorsi naturali fosthom l-art, għall-impjiegi, għall-edukazzjoni, għas-saħħa u għall-alloġġi; billi l-korruzzjoni taffettwa wkoll il-progress biex tintemm id-diskriminazzjoni u jkunu promossi l-ugwaljanza tal-ġeneru u l-emanċipazzjoni tan-nisa, u jkunu limitati l-kapaċitajiet tan-nisa li jaffermaw drittijiethom; billi l-korruzzjoni tikkawża distorsjonijiet fid-daqs u fil-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika, b'hekk tipperikola b'mod gravi l-kapaċità li jkunu sfruttati sal-massimu r-riżorsi kollha disponibbli bil-għan li jkunu żgurati d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, il-funzjonament korrett tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt kif ukoll l-iżvilupp ta' etika komuni;

I.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 16 tan-NU jiffoka fuq il-paċi, il-ġustizzja, il-bini ta' istituzzjonijiet b'saħħithom u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi sabiex l-SDG 16 jintlaħaq b'mod universali, l-UE teħtieġ li tindirizza, b'urġenza u b'mod dirett, kwistjonijiet varji li fihom il-korruzzjoni tiżvolġi rwol ewlieni, u li jvarjaw minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, sal-faqar, il-ġuħ u l-inġustizzja;

J.  billi sabiex tkun indirizzata l-korruzzjoni jeħtieġ li jsiru sforzi maqbula biex tkun affrontata kemm il-korruzzjoni fil-livelli għoljin kif ukoll il-korruzzjoni fil-livelli baxxi fil-pajjiżi terzi u fl-Istati Membri tal-UE, b'kont meħud, każ b'każ, tal-patroċinju ġerarkiku, tas-sistemi ta' kumpensi u tal-klijenteliżmu fl-istrutturi tal-poter, li spiss jorbtu r-reati ta' korruzzjoni u l-impunità fl-ogħla livell mal-korruzzjoni fil-livelli baxxi li għandha riperkussjonijiet diretti fuq il-ħajjiet tal-popolazzjoni u fuq l-aċċess ta' din tal-aħħar għas-servizzi bażiċi;

K.  billi mhuwiex possibbli li tkun indirizzata l-korruzzjoni mingħajr impenn politiku b'saħħtu f'livell għoli, indipendentement mill-abilità, mill-ħila u mir-rieda tal-korpi nazzjonali ta' viġilanza u ta' eżekuzzjoni tal-liġi;

L.  billi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-korruzzjoni huma estremament negattivi, speċjalment f'termini tal-impatt tagħha fuq iż-żieda tal-faqar u tal-inugwaljanza fost il-popolazzjoni, il-kwalità tas-servizzi pubbliċi, is-sigurtà, l-aċċess għall-assistenza sanitarja komprensiva u għal standard għoli ta' edukazzjoni, l-infrastrutturi, l-opportunitajiet soċjoekonomiċi għall-individwi u l-emanċipazzjoni ekonomika, partikolarment it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u f'termini ta' skoraġġiment tal-imprenditorija u t-telf ta' investiment;

M.  billi, pereżempju, il-korruzzjoni lill-UE tiswieha bejn EUR 179 biljun u EUR 990 biljun f'termini ta' PDG fis-sena[21];

N.  billi, skont il-Bank Dinji, madwar USD 1 000 biljun jitħallsu kull sena f'tixħim fid-dinja kollha u li t-telf ekonomiku totali minħabba l-korruzzjoni jikkorrispondi, skont l-istimi, għal ċifra ferm ogħla;

O.  billi l-kriminalità organizzata, li tirrappreżenta problema serja f'bosta pajjiżi u għandha dimensjoni transfruntiera, spiss hija marbuta mal-korruzzjoni;

P.  billi l-atti ta' korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipikament jinvolvu l-użu ħażin tal-poter, in-nuqqas ta' responsabilità, l-ostaklu għall-ġustizzja, l-użu ta' influwenza mhux xierqa u l-istituzzjonalizzazzjoni ta' diversi forom ta' diskriminazzjoni, il-klijenteliżmu u d-distorsjoni tal-mekkaniżmi tas-suq; billi l-korruzzjoni turi korrelazzjoni qawwija mal-lakuni fl-Istat tad-dritt u fil-governanza tajba, u billi spiss timmina l-effikaċja tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet fdati bil-kompitu li jiggarantixxu sistema ta' kontrolli u kontrokontrolli u r-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-parlamenti, l-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, is-sistema ġudizzjarja u s-soċjetà ċivili; billi fil-pajjiżi li fihom l-Istat tad-dritt huwa mminat mill-korruzzjoni, kemm l-implimentazzjoni kif ukoll it-tisħiħ tal-oqfsa ġuridiċi huma mxekkla minn imħallfin, avukati, prosekuturi, uffiċjali tal-pulizija, inkwirenti u awdituri korrotti;

Q.  billi l-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma fenomeni li jinvolvu kondotta mhux integra u ineffiċjenza tal-awtoritajiet, u billi l-kredibilità u l-legittimità tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati jistgħu jkunu garantiti biss jekk il-ġestjoni ta' kuljum tagħhom tkun imsejsa fuq kultura ta' integrità rigoruża;

R.  billi l-prattiki bħall-frodi elettorali, il-finanzjament illeċitu tal-partiti politiċi, il-klijenteliżmu jew l-influwenza sproporzjonata perċepita tal-flus fil-politika jnaqqru l-fiduċja fil-partiti politiċi u fir-rappreżentanti eletti, fil-proċess elettorali u fil-gvernijiet, jimminaw il-leġittimità demokratika u l-fiduċja pubblika fil-politika u jistgħu jdgħajfu konsiderevolment id-drittijiet ċivili u politiċi; billi regolamentazzjoni inadegwata u nuqqas ta' trasparenza u sorveljanza tal-finanzjamenti politiċi jistgħu joħolqu opportunitajiet ta' influwenza mhux dovuta u ndħil fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi; billi l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni jistgħu wkoll jintużaw bħala strument politiku biex jiġu skreditati l-politiċi;

S.  billi l-korruzzjoni fis-settur ġudizzjarju tikser il-prinċipji tal-ugwaljanza, tan-nondiskriminazzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust u għal rimedju effettiv, li huma strumentali fl-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kollha l-oħra u fil-prevenzjoni tal-impunità; billi l-assenza ta' sistema ġudizzjarja u ta' amministrazzjoni pubblika indipendenti trawwem l-isfiduċja fil-konfront tal-istituzzjonijiet pubbliċi, b'hekk jiddgħajjef l-Istat tad-dritt u, xi kultant, tkun alimentata l-vjolenza;

T.  billi huwa diffiċli li titkejjel l-korruzzjoni, peress li spiss tinvolvi prattiki illegali li jinsatru deliberatament, għad li ġew żviluppati u implimentati ċerti mekkaniżmi biex jidentifikaw, jimmonitorjaw, ikejlu u jiġġieldu l-korruzzjoni;

U.  billi t-teknoloġiji l-ġodda, bħar-reġistri distribwiti (distributed ledgers) jew it-tekniki u l-metodoloġiji ta' investigazzjoni open source joffru opportunitajiet ġodda biex tiżdied it-trasparenza tal-attivitajiet governattivi;

V.  billi t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni b'mod partikolari, huwa strument siewi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz tad-dritt kriminali u tad-dritt privat tfisser l-adozzjoni ta' miżuri ta' repressjoni u ta' rimedju; billi l-promozzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Istat tad-dritt u tal-governanza tajba huma elementi essenzjali għal strateġiji antikorruzzjoni sostenibbli u li rnexxew;

W.  billi l-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-approċċ tal-ġustizzja kriminali u dak ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem biex tkun ittrattata l-korruzzjoni jista' jirriżulta fl-indirizzar tal-effetti kollettivi u ġenerali tal-korruzzjoni u jista' jipprevjeni erożjoni sistemika tad-drittijiet tal-bniedem bħala impatt dirett jew indirett tal-korruzzjoni;

X.  billi l-isforzi internazzjonali kontra l-korruzzjoni għandhom qafas istituzzjonali u ġuridiku f'evoluzzjoni iżda teżisti lakuna sinifikanti fl-implimentazzjoni minħabba n-nuqqas ta' rieda politika jew ta' mekkaniżmi sodi ta' infurzar; billi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-isforzi kontra l-korruzzjoni jkun joħloq bidla fil-paradigma u jista' jikkontribwixxi biex tingħalaq il-lakuna fl-implimentazzjoni permezz tal-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

Y.  billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni hija l-uniku strument antikorruzzjoni universali vinkolanti mil-lat ġuridiku u li jkopri ħames oqsma prinċipali: il-miżuri preventivi, il-kriminalizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-liġi, il-kooperazzjoni internazzjonali, l-irkurpu tal-assi u l-assistenza teknika u l-iskambju ta' informazzjoni;

Z.  billi l-obbligi eżistenti f'livell internazzjonali jirrappreżentaw mekkaniżmi idonei biex jittieħdu miżuri adatti u raġonevoli għall-prevenzjoni u għall-ikkastigar tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku u dak privat, partikolarment fil-qafas tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u ta' strumenti rilevanti oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

AA.  billi l-ġudikatura, l-ombudsmen u l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (INDB) kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jiżvolġu rwol fundamentali biex tkun indirizzata l-korruzzjoni u l-potenzjal tagħhom jista' jitqawwa bis-saħħa ta' kooperazzjoni stretta mal-aġenziji nazzjonali u internazzjonali antikorruzzjoni;

AB.  billi għandha tittieħed azzjoni biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni permezz tat-titjib tat-trasparenza, tal-obbligu ta' rendikont u ta' miżuri biex tingħeleb l-impunità fi ħdan l-Istati u tal-prijoritizzazzjoni tal-iżvilupp tal-istrateġiji u tal-politiki speċifiċi li mhux biss jiġġieldu l-korruzzjoni iżda wkoll jgħinu biex jiġu żviluppati u/jew jinbnew politiki pubbliċi f'dan ir-rigward;

AC.  billi kemm is-soċjetà ċivili kif ukoll is-settur privat jistgħu jiżvolġu rwol determinanti fit-tiswir tar-riforma istituzzjonali ħalli jissaħħu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; billi jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza tal-movimenti għad-drittijiet tal-bniedem fis-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-konsegwenzi negattivi tal-korruzzjoni u fit-tisħiħ tal-alleanzi mal-istituzzjonijiet statali u mas-settur privat favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

AD.  billi l-assenza ta' mezzi tal-komunikazzjoni liberi, kemm online kif ukoll offline, mhux biss tillimita d-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni iżda toħloq ukoll kundizzjonijiet favorevoli biex jiffjorixxu prattiki mċajprin, korruzzjoni u mġiba ħażina; billi l-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti u panorama medjatiku varju u pluralistiku jiżvolġu rwol importanti għall-garanzija tat-trasparenza u tal-iskrutinju, permezz tar-rapportar, tal-investigazzjoni u tal-kxif tal-korruzzjoni u jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika dwar ir-rabta bejn il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi f'bosta pajjiżi, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jeżistu liġijiet dwar il-malafama, bħall-kriminalizzazzjoni ta' atti meqjusin "ta' malafama", li x'aktarx idgħajfu l-libertà tal-kelma u l-mezzi ta' komunikazzjoni u jaqtgħu qalb l-informaturi u l-ġurnalisti milli jikxfu attivitajiet korrotti;

AE.  billi bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom l-assoċjazzjonijiet antikorruzzjoni u l-assoċjazzjonijiet ta' difiża tad-drittijiet tal-bniedem, it-trade unions, il-ġurnalisti investigattivi, il-bloggers u l-informaturi, jikxfu każijiet ta' korruzzjoni, frodi, ġestjoni ħażina u ksur tad-drittijiet tal-bniedem minkejja jesponu lilhom infushom beraħ għar-riskju ta' atti ta' tpattija, anki fil-post tax-xogħol, libell jew akkużi ta' malafama u b'hekk ipoġġu lil persunithom fil-periklu; billi n-nuqqas ta' protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni, il-libell u l-liġijiet dwar il-malafama u n-nuqqas ta' investigazzjoni indipendenti u kredibbli jistgħu lkoll jaqtgħu qalb in-nies milli jitkellmu; billi l-UE għandha dmir li tħarishom, b'mod partikolari billi toffri appoġġ pubbliku, anki billi tattendi u tosserva l-proċessi li fihom ikunu parti d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u tuża bl-aktar mod effikaċi l-istrumenti tagħha bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); billi l-garanzija ta' rispett u implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija indispensabbli; billi min jikxef każijiet ta' korruzzjoni jmissu jkollu d-dritt għall-kunfidenzjalità fir-rigward tal-identità tiegħu jew tagħha, suġġett għall-garanziji għal proċess ġust; billi l-informaturi jmisshom jingħataw protezzjoni internazzjonali mill-prosekuzzjoni;

AF.  billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tinkludi wkoll miżuri biex jinqerdu l-kriminalità organizzata, ir-rifuġji fiskali, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti kif ukoll l-iskemi li jippermettuhom, peress li dawn jostakolaw l-iżvilupp sostenibbli, il-progress, il-prosperità u l-obbligu ta' rendikont min-naħa tal-pajjiżi;

AG.  billi ħafna pajjiżi terzi għad ma għandhomx il-kapaċità li jiskambjaw l-informazzjoni fil-qasam tat-taxxa mal-pajjiżi tal-UE u b'hekk ma jirċievu l-ebda informazzjoni mill-pajjiżi tal-UE relatata maċ-ċittadini tagħhom li, potenzjonalment, qegħdin jevadu t-taxxa;

AH.  billi l-finanzjamenti tal-UE lill-pajjiżi terzi, anki f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, jeħtieġ li jkunu sorveljati kif suppost b'sistema ċara ta' kontrolli u kontrokontrolli fil-pajjiżi benefiċjarji, b'tali mod li jkunu evitati opportunitajiet ta' korruzzjoni li jistgħu ifeġġu, joħroġ fid-dieher kull abbuż u jinkixfu l-uffiċjali korrotti;

AI.  billi l-kontroll tal-korruzzjoni u tal-flussi finanzjarji illeċiti jirrappreżenta kwistjoni politika li teħtieġ tkun indirizzata b'mod komprensiv u fil-livell dinji u transnazzjonali (G20, NU, OECD, Bank Dinji, FMI);

AJ.  billi l-Forum Internazzjonali għall-Integrità tal-Isport (IFSI) li sar f'Lausanne, fl-Iżvizzera, fi Frar 2017, ippromwova l-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet, l-entitajiet internazzjonali għall-isports u organizzazzjonijiet oħrajn, bil-għan li tkun indirizzata l-korruzzjoni fl-isport;

1.  Jappella li tittieħed azzjoni kollettiva fuq livell nazzjonali u internazzjonali għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u għall-ġlieda kontriha, peress li l-korruzzjoni tinfirex lil hinn mill-fruntieri u li l-kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi u bejn ir-reġjuni għandha bżonn tkun mħeġġa parallelament mal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Istati jieħdu sehem attiv fi ħdan il-fora internazzjonali biex jiddiskutu u jilħqu deċiżjonijiet komuni dwar il-prattiki tajba u l-politiki adatti għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull reġjun, sabiex il-korruzzjoni tkun indirizzata bħala fenomenu trasversali kumpless u interkonness li jostakola l-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali u jalimenta l-kriminalità internazzjonali, inklużi l-attivitajiet relatati mat-terroriżmu;

2.  Jirriżolvi li jħejji rapport ta' aġġornament regolari dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem matul kull leġiżlatura;

3.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jeħtiġilha tinkludi approċċ ta' sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat u jwissi li jekk dan ma jsirx, se jrabbu l-għeruq il-faqar, l-inugwaljanza u d-dannu għar-reputazzjoni u se jonqsu l-investimenti barranin, jitpoġġew f'sogru l-opportunitajiet ta' ħajja taż-żgħażagħ u ma titkissirx ir-rabta bejn il-prattiki korrotti u t-terroriżmu;

4.  Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar tal-istrumenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (Linji Gwida Ruggie), il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim; jistieden lill-pajjiżi firmatarji japplikawhom b'mod sħiħ biex jipproteġu aħjar iċ-ċittadini tagħhom; iwiegħed li jikkollabora mas-sħab internazzjonali biex jiżdied in-numru ta' Stati li jiddeċiedu li jsaħħu l-proċessi demokratiċi u joħolqu istituzzjonijiet responsabbli;

5.  Jinsab imħasseb bil-vessazzjonijiet, it-theddid, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni li jġarrbu l-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom l-assoċjazzjonijiet antikorruzzjoni u l-movimenti għad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, il-bloggers u l-informaturi li jikxfu u jiddenunzjaw każijiet ta' korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom u jiżguraw investigazzjonijiet immedjati, bir-reqqa u imparzjali, bil-għan li kull min hu responsabbli jittella' quddiem il-ġustizzja f'konformità mal-istandards internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti tas-Summit Antikorruzzjoni li sar Londra fl-2016 jirrispettaw l-obbligi li ħadu biex jindirizzaw il-kawżi tal-korruzzjoni u jsibu metodi neċessarji għall-promozzjoni tat-trasparenza, kif ukoll jagħtu appoġġ lill-persuni li ntlaqtu l-aktar;

7.  Ifakkar li hu essenzjali li l-UE tiżviluppa strateġija esterna kontra l-korruzzjoni, sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja b'mod effikaċi;

8.  Jenfasizza li l-Istati huma marbutin li jirrispettaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem skont it-termini tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li għadhom mhumiex parti biex jagħmlu dan; jissottolinja li l-Istati huma responsabbli li jipprevjenu u, fl-aħħar mill-aħħar, jirreaġixxu għal kwalunkwe impatt negattiv tal-korruzzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

9.  Jirrikonoxxi r-responsabilità tal-partijiet politiċi kkonċernati tal-operaturi tan-negozju biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jindirizzaw il-korruzzjoni; jisħaq fuq il-bżonn ta' integrazzjoni ta' prospettiva tad-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġiji antikorruzzjoni biex ikunu implimentati politiki preventivi u obbligatorji effikaċi li jirrigwardaw kwistjonijiet bħat-trasparenza, il-liġijiet fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika, il-protezzjoni tal-informaturi u l-kontrolli esterni;

10.  Jirrakkomanda li l-UE tintensifika s-sostenn favur l-istrumenti internazzjonali biex tiżdied it-trasparenza fis-setturi ekonomiċi l-aktar suxxettibbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għall-korruzzjoni;

11.  Isostni t-twaqqif ta' politika moderna, trasparenti u effikaċi u ta' oqfsa ġuridiċi għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali u jemmen li tali miżuri jistgħu jikkostitwixxu armi qawwijin kontra l-korruzzjoni; jilqa' favorevolment l-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) u jistieden lill-UE tqawwi s-sostenn biex tgħin lill-pajjiżi b'ħafna riżorsi jimplimentawha inkwantu strument globali qawwi għall-promozzjoni tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont rigward il-ġestjoni tad-dħul li jkun ġej mir-riżorsi naturali; jemmen li l-ħolqien ta' qafas ġuridiku effikaċi li jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-prinċipji EITI min-naħa tal-kumpaniji u tal-partijiet ikkonċernati involuti fil-katini tal-provvista tas-setturi taż-żejt, tal-minjieri u tal-gass hija miżura kruċjali li jenħtieġ li l-UE trawwimha;

12.  Jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lin-neċessità li jkunu indirizzati u mrażżna l-flussi ta' kapital illeċiti mill-Afrika u partikolarment dawk iġġenerati mill-estrazzjoni ta' minerali minn minjieri li jinsabu f'żoni ta' kunflitt;

13.  Jinnota li l-korruzzjoni hija fenomenu kumpless li għandu l-għeruq tiegħu f'varjetà wiesgħa ta' fatturi ekonomiċi, politiċi, amministrattivi, soċjali u kulturali, u relazzjonijiet ta' poter, u għalhekk ifakkar li l-politika ta' żvilupp, sabiex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li tiffoka fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi, u fuq integrazzjoni aħjar, trid ukoll tippromovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-Istat tad-dritt u s-servizzi soċjali pubbliċi, sabiex issaħħaħ il-governanza tajba u tibni l-kapital soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali, b'kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet kulturali u reġjonali;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li wieħed mill-modi l-aktar effikaċi ta' kif issir prevenzjoni tal-korruzzjoni huwa t-tnaqqis tal-intervent tal-Istat u tal-intermedjazzjoni burokratika u l-promozzjoni ta' regolamentazzjonijiet aktar sempliċi;

Kunsiderazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bilaterali

15.  Jissottolinja l-bżonn li jkun integrat il-prinċipju tas-sjieda lokali u demokratika tal-proġetti ffinanzjati fl-ambitu tal-programmi ta' assistenza tal-UE bil-għan li standard minimu ta' trasparenza jkun żgurat; jevidenzja li l-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE jenħtieġ li jkunu bbażati fuq in-normi antikorruzzjoni, il-kundizzjonijiet iffukati, fost oħrajn, fuq ir-riżultati u jinkludu tapep, indikaturi u rapportar annwali tal-progress ċari u l-impenji meħuda mill-pajjiżi sħab, bil-għan li jitjieb l-assorbiment tal-appoġġ finanzjarju tal-UE;

16.  Ifakkar fil-bżonn ta' monitoraġġ permanenti tal-proġetti ffinanzjati mill-UE u li l-awtoritajiet tal-pajjiżi benefiċjarji jinżammu responsabbli fil-każ li l-finanzjamenti tal-UE ma jintużawx b'mod adegwat u jisħaq fuq il-bżonn li jkunu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti; jenfasizza wkoll il-bżonn li kwalunkwe kuntrattur li jirċievi finanzjamenti mill-UE jiddivulga totalment l-informazzjoni rikjesta kollha, inkluża s-sjieda benefiċjarja u l-istruttura tal-kumpanija;

17.  Jirrakkomanda li l-UE u l-fornituri internazzjonali l-oħra ta' għotjiet u self iwettqu awditjar fuq l-għotijiet, is-self u l-pakketti ta' assistenza u jagħmlu analiżi rigoruża tad-diliġenza dovuta fuq il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet benefiċjarji biex jevitaw li jfornu "renti" lill-awtoritajiet kleptokratiċi u lil organizzazzjonijiet ikkontrollati minn dawn tal-aħħar u mill-assoċjati tagħhom; huwa tal-fehma, f'dan il-kuntest, li jenħtieġ li jitħeġġu anki l-evalwazzjonijiet bejn il-pari;

18.  Jevidenzja l-importanza fundamentali tal-aġenda antikorruzzjoni matul in-negozjati għall-adeżjoni mal-UE;

19.  Jistieden lill-UE tinkludi klawsola antikorruzzjoni flimkien mal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet mal-pajjiżi terzi li jenħtieġ li tirrikjedi monitoraġġ u konsultazzjonijiet u, bħala l-aħħar rimedju, timponi sanzjonijiet jew tissospendi tali ftehimiet fl-eventwalità ta' korruzzjoni serja u/jew sistemika li twassal għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem;

20.  Jistieden lill-UE tiżviluppa prinċipji għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja inkwantu reat fil-qafas tad-dritt nazzjonali u internazzjonali, tittratta l-każijiet miftuħin ta' impunità għall-korruzzjoni korruzzjoni fil-livelli għolja permezz ta' eżekuzzjoni aktar stretta tal-liġijiet antikorruzzjoni u timplimenta riformi biex timla d-distakki sistemiċi fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali li jippermettu lir-rikavat miksub bil-korruzzjoni fil-livelli għoljin jaqsmu l-fruntieri u jevadu s-sorveljanza tar-regolaturi finanzjarji u tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati;

21.  Jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lill-monitoraġġ u lill-evalwazzjoni kontinwi u strutturati tal-implimentazzjoni effikaċi tal-UNCAC min-naħa tal-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi li magħhom l-UE ppjanat jew qiegħda tippjana li tikkonkludi kwalunkwe tip ta' ftehim;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri, fid-dawl tal-corpus ta' liġijiet tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jieħdu rwol ta' tmexxija fil-livell internazzjonali u jippromwovu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi sħab tal-UE;

23.  Jistieden lill-UE tippromwovi miżuri antikorruzzjoni u mekkaniżmi effikaċi għall-parteċipazzjoni pubblika u l-obbligu ta' rendikont fuq livell pubbliku, inkluż id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-prinċipji fil-qasam ta' data miftuħa, fid-djalogi u fil-konsultazzjonijiet kollha rilevanti fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi u tiffinanzja proġetti mmirati lejn id-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dawn il-miżuri;

24.  Jisħaq fuq l-importanza tal-investigazzjoni abbażi ta' sorsi miftuħa għar-riċerka antikorruzzjoni; jistieden lill-UE tiffinanzja adegwatament lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-investigazzjoni abbażi ta' sorsi miftuħa u fil-ġbir diġitali ta' provi ta' korruzzjoni, bil-għan li jinkixfu l-uffiċjali korrotti u jkun żgurat l-obbligu ta' rendikont;

25.  Jistieden lill-UE tiffinanzja r-riċerka dwar l-applikazzjonijiet tar-reġistri distribwiti li jafu jintużaw biex titjieb it-trasparenza tal-bejgħ tal-beni pubbliċi, jinżamm traċċa tal-finanzjamenti tad-donaturi fil-qafas tal-għajnuna barranija tal-UE u jgħinu biex ikunu indirizzati l-frodi tal-votanti;

26.  Jilqa' pożittivament l-isforzi kostanti fil-qafas tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat biex jiġu stabbiliti u konsolidati istituzzjonijiet antikorruzzjoni indipendenti u effikaċi;

27.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni joħolqu programmazzjoni konġunta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment inizjattivi dwar it-titjib tat-trasparenza, il-ġlieda kontra l-impunità u t-tisħiħ tal-aġenziji antikorruzzjoni; iqis li dawn l-isforzi għandhom jinkludu appoġġ favur l-istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem b'indipendenza u imparzjalità murija bil-provi sabiex jieħdu wkoll azzjoni fil-każijiet ta' korruzzjoni, anki permezz tal-kapaċità investigattiva biex jinħolqu rabtiet bejn il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni mal-aġenziji antikorruzzjoni u rinviji għall-prosekuzzjoni jew lill-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi; jistieden ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw il-programmi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tagħhom mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu promossi l-iskambju tal-prattiki tajba u strumenti effikaċi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

28.  Jistieden lill-UE tkompli ssostni l-istituzzjonijiet antikorruzzjoni stabbiliti fil-pajjiżi terzi b'indipendenza u imparzjalità murija bil-provi, bħal, ngħidu aħna, il-Kummissjoni Internazzjoni tal-Gwatemala kontra l-Impunità (CICIG), kif ukoll inizjattivi mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki u ż-żieda fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet; iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jfornu lill-istituzzjonijiet l-istrumenti kollha neċessarji, inklużi s-setgħat investigattivi, biex jagħmlu xogħolhom b'mod effikaċi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiddirieġu fondi ulterjuri biex jassistu fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' protezzjoni li jindirizzaw lill-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom l-assoċjazzjonijiet antikorruzzjoni u l-movimenti għad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, il-bloggers u l-informaturi li jikxfu u jiddenunzjaw il-każijiet ta' korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li kull aġġornament futur tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-għajnuna għall-iżvilupp jew kull nota ta' gwida dwar l-implimentazzjoni tagħhom jinkludu riferiment espliċitu u miżuri li jrawmu l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bil-għan li jkun iffaċilitat ir-rapportar ta' atti suspettati ta' korruzzjoni, mingħajr biża' ta' tpattija, u jingħata appoġġ lill-komunitajiet li batew kaġun ta' dan; jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess ta' konsultazzjoni li l-Kummissjoni nediet dan l-aħħar dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet; jenfasizza li jenħtieġ li ċ-ċentri ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-delegazzjonijiet tal-UE jagħtu wkoll attenzjoni partikolari lil dawn il-gruppi fil-mira u jżommu kuntatt mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'hekk jiggarantixxu l-viżibilità u l-protezzjoni internazzjonali tagħhom u jattivaw ukoll, b'dan il-mod, kanali siguri għar-rapportar tal-irregolaritajiet;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li l-entitajiet ta' viġilanza, l-uffiċjali lokali inkarigati mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-prosekuturi b'indipendenza u imparzjalità murija bil-provi, kif ukoll l-informaturi u x-xhieda ta' każijiet speċifiċi għandhom ilkoll jibbenefikaw minn assistenza u sostenn mill-UE permezz tar-rappreżentanza fil-post u billi jintbagħtu jieħdu sehem fi programmi ta' taħriġ fl-Ewropa; jenfasizza li, meta jixraq, dan is-sostenn għandu jsir pubbliku;

31.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jużaw l-inizjattivi lokali u diplomazija pubblika fil-livell lokali u internazzjonali biex jiddenunzjaw każijiet ta' korruzzjoni u impunità, partikolarment meta jwasslu għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden ukoll lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jinkludu rapporti dwar il-korruzzjoni (sew analiżi sistematika jew każijiet speċifiċi) fit-tgħarrif lis-SEAE u lill-Istati Membri;

32.  Jirrakkomanda li s-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE jinkludu parametru ta' riferiment speċifiku dwar ir-rabta bejn il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem fid-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiż dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, meta jkun il-każ, u barra minn hekk, dan il-punt jitqies bħala waħda mill-prijoritajiet tar-rappreżentanti speċjali tal-UE fil-qadi ta' dmirijiethom; jitlob partikolarment lill-UE tindirizza l-korruzzjoni direttament fid-dokumenti ta' programmazzjoni u ta' strateġija għall-pajjiż u torbot kwalunkwe appoġġ ta' baġit lil pajjiżi terzi ma' riformi konkreti għat-trasparenza u ma' miżuri antikorruzzjoni oħrajn;

33.  Jirrakkomanda li l-Fond Ewropew għad-Demokrazija u l-mekkaniżmu komprensiv tal-UE għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (protectdefenders.eu) għandhom jikkonċentraw fuq programmi speċifiċi għall-protezzjoni tal-attivisti antikorruzzjoni li jikkontribwixxu wkoll għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem;

34.  Jistieden lill-UE twaqqaf mekkaniżmi għat-tressiq ta' lmenti li permezz tagħhom il-persuni milquta mill-azzjonijiet esterni tagħha jistgħu jilmentaw dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u każijiet ta' korruzzjoni;

35.  Itenni l-appell li sar fir-riżoluzzjonijiet preċedenti li l-UE għandha tieħu, mill-aktar fis possibbli, il-lista tas-sanzjonijiet Magnitsky kontra t-32 uffiċjal tal-Istat Russu responsabbli mill-mewt tal-informatur Russu Sergei Magnitsky, quddiem il-Kunsill biex jadottaha u jimponi sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' dawn l-uffiċjali bħal projbizzjoni tal-viżi għall-UE kollha u l-iffriżar tal-assi finanzjarji li tagħhom huma detenturi fl-Unjoni Ewropea;

36.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw li jadottaw leġiżlazzjoni bil-għan li jkunu stabbiliti kriterji ċari għat-tniżżil f'lista sewda u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet simili fil-konfront ta' individwi ta' pajjiżi terzi, u l-familjari tagħhom, li kkommettew ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew kienu responsabbli jew kompliċi jew li ordnaw, ikkontrollaw jew altrimenti indirizzaw l-atti ta' korruzzjoni sinifikanti, inkluża l-konfiska tal-beni pubbliċi jew privati għal gwadann personali, il-korruzzjoni marbuta mal-kuntratti pubbliċi jew mal-estrazzjoni ta' riżorsi naturali, tixħim, jew il-faċilitazzjoni jew it-trasferiment ta' assi miksuba illegalment f'ġurisdizzjonijiet barranin; jisħaq fuq il-fatt li l-kriterji ta' inklużjoni fil-lista jenħtieġ li jkunu mfassla abbażi ta' sorsi dokumentati sewwa, konverġenti u indipendenti u ta' provi konvinċenti, u jipprevedu mekkaniżmi ta' dritt għall-kumpens għal dawk fil-mira; jevidenzja l-importanza tal-pubbliċità ta' din il-lista biex talimenta l-informazzjoni neċessarja min-naħa tal-entitajiet li għandhom l-obbligu li jagħmlu, fost affarijiet oħra, l-analiżi tad-diliġenza dovuta tal-klijenti skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħasil tal-Flus[22];

37.  Jistieden lill-UE tikkonforma mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (Artikolu 208 TFUE) u tikkontribwixxi b'mod attiv sabiex permezz tal-politiki esterni tagħha, tnaqqas il-korruzzjoni, u tiġġieled l-impunità b'mod dirett u espliċitu;

38.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, sabiex tikkonforma b'mod effikaċi mal-istandards stabbiliti fl-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI) u ma' prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula fuq livell internazzjonali; jistieden lill-UE tiżviluppa wkoll sistema ta' ġestjoni tar-riskju qawwija u olistika li tipprevjeni l-għajnuna għall-iżvilupp milli tikkontribwixxi għall-korruzzjoni f'pajjiżi benefiċjarji, jiġifieri billi torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; għal dan l-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu mekkaniżmi b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tinqered il-korruzzjoni fil-livelli għoljin, tagħti attenzjoni, fil-kuntest tal-appoġġ mill-baġit lit-trasparenza tal-operazzjonijiet li jinvolvu l-privatizzazzjoni u l-akkordji ta' beni pubbliċi, partikolarment artijiet, u tipparteċipa fil-programmi ta' appoġġ tal-OECD fil-governanza tal-kumpaniji ta' impriżi ta' proprjetà statali, għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa billi tgħinhom jibnu sistemi tat-taxxa bbilanċjati, effikaċi, ġusti u trasparenti;

41.  Iqis li l-UE, bħala l-ikbar donatur dinji, għandha tippromwovi forom ta' kollegament, sabiex il-provvista tal-għajnuna esterna tal-UE tkun suġġetta għal riformi fiskali mmirati biex iżidu t-trasparenza, biex id-data ssir aktar aċċessibbli u biex tħeġġeġ approċċi mwettqa b'mod konġunt flimkien ma' donaturi oħrajn;

42.  Jenfasizza l-impatt negattiv profond tal-korruzzjoni fuq il-kummerċ u l-vantaġġi tiegħu, l-iżvilupp ekonomiku, l-investimenti u l-proċessi ta' akkwist pubbliku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu f'kunsiderazzjoni din ir-rabta fil-ftehimiet kummerċjali kollha u tinkludi fihom klawsoli eżegwibbli relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

43.  Jirrimarka li l-politika kummerċjali tikkontribwixxi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jinkludu d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza; jenfasizza li hija essenzjali l-konsistenza bejn il-politiki esterni u interni tal-Unjoni, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jissottolinja li, f'dan ir-rigward, il-leġiżlaturi Ewropej jassumu rwol partikolari fil-faċilitazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali, peress li jridu jevitaw li dawn iservu bħala triq ta' aċċess għall-prattiki ta' korruzzjoni;

44.  Jikkunsidra l-ftehimiet kummerċjali bħala mekkaniżmu fundamentali għall-promozzjoni tal-miżuri relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mal-governanza tajba; jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri li l-UE diġà ħadet biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni fil-politika kummerċjali tagħha, pereżempju permezz tas-SPĠ+, il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-inklużjoni ta' impenji biex jiġu rratifikati l-konvenzjonijiet internazzjonali kontra l-korruzzjoni mas-sħab kummerċjali; itenni l-għan iddikjarat fl-istrateġija "Kummerċ għal kulħadd" li jiġu inklużi dispożizzjonijiet ambizzjużi relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha; f'dan ir-rigward, jappella biex il-ftehimiet kummerċjali futuri kollha jinkludu impenji relatati mal-adeżjoni għall-konvenzjonijiet multilaterali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-OECD kontra t-tixħim, kif ukoll dispożizzjonijiet trasversali, fil-kuntest ta' approċċ globali, u li dawn l-impenji jiġu integrati fil-ftehimiet kummerċjali fis-seħħ waqt ir-reviżjoni tagħhom;

45.  Jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet firmatarji tal-ftehimiet kummerċjali għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tas-settur privat, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi konsultattivi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-klawsoli relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali; jemmen li l-protezzjoni tal-informaturi għandha tiġi kkunsidrata għall-inklużjoni fi ftehimiet kummerċjali futuri ladarba jkun hemm sistema fis-seħħ fl-UE kollha;

46.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' gwida u appoġġ ċari għall-impriżi biex joħolqu proċeduri ta' konformità effikaċi kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-operazzjonijiet tagħhom, partikolarment għall-SME, permezz tad-dispożizzjonijiet speċjali fil-ftehimiet kummerċjali biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-korruzzjoni; jenfasizza li m'hemmx approċċ universali għall-konformità; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra tiżviluppa assistenza għal proġetti ta' bini ta' kapaċitajiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħalma huma l-iskambju tal-aħjar prattiki u taħriġ biex l-Istati u l-impriżi jiġu megħjuna jegħlbu l-isfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'dan il-qasam;

47.  Jilqa' pożittivament id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO fi Frar 2017 li jipprevedi miżuri għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kummerċ globali; jemmen, madankollu, li l-adozzjoni jew ir-riforma ta' leġiżlazzjoni mhumiex fihom nfushom biżżejjed u li hija l-implimentazzjoni li hija fundamentali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riforma leġiżlattiva għandha bżonn tkun akkumpanjata minn taħriġ tal-ġudikatura, aċċess pubbliku għall-informazzjoni u miżuri ta' trasparenza, u jappella lill-Istati Membri tal-UE jikkooperaw f'dawn il-kwistjonijiet fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni; jirrimarka wkoll li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ tar-riformi nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' politiki relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha, b'monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korrużjoni; jappella f'dan is-sens lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-inklużjoni, fil-mandati tan-negozjati, ta' dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif tipproponi l-Kummissjoni fl-abbozzi ta' mandati li tagħtihom; jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-mandat ta' negozjati għall-aġġornament tal-ftehim bejn l-UE u l-Messiku. jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiġġieled il-korruzzjoni permezz ta' trasparenza akbar fin-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali u l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet relatati ma' kooperazzjoni regolatorja akbar u mal-integrità tal-proċeduri doganali u mal-katini ta' valur mondjali; jemmen li l-klawsoli relatati mal-kooperazzjoni għandhom ikunu fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, bħall-iskambju ta' informazzjoni, u l-assistenza amministrattiva u teknika, bl-għan li jiġu kondiviżi u promossi l-aħjar prattiki li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet u indikaturi tal-prestazzjoni ċari u rilevanti li jippermettu l-valutazzjoni u t-turija aħjar tar-riżultati;

49.  Jenfasizza l-importanza li jinżamm djalogu kontinwu u regolari mas-sħab kummerċjali tal-UE matul l-implimentazzjoni tal-ftehimiet sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet b'mod ġenerali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jiġu mmonitorjati u implimentati b'mod xieraq; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha "Kummerċ għal Kulħadd" li jiġu introdotti mekkaniżmi ta' konsultazzjoni f'każijiet ta' korruzzjoni sistemika u nuqqasijiet ta' governanza, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tissospendi l-benefiċċji ta' ftehim f'tali każijiet ta' korruzzjoni sistematika u ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħal pereżempju l-Istandard Komuni ta' Rappurtar tal-OECD, il-Pjan ta' Azzjoni tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitt, ir-reġistru ċentrali tas-sjieda benefiċjarja u r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet u indikaturi tal-prestazzjoni ċari u rilevanti li jippermettu l-valutazzjoni u t-turija aħjar tar-riżultati; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirreaġixxi b'mod sod, proporzjonat u malajr meta l-gvern benefiċjarju jonqos milli jikkonforma ma' dak li ntlaħaq qbil dwaru; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi ta' konsultazzjoni ma' sħab kummerċjali f'każijiet ta' korruzzjoni sistemika u tipprovdi skambji ta' għarfien espert biex jgħinu l-pajjiżi jimplimentaw il-miżuri kontra l-korruzzjoni;

50.  Jinnota li l-ftehimiet kummerċjali jridu jinkludu klawsoli obbligatorji u eżegwibbli dwar id-drittijiet tal-bniedem li jiżguraw li l-kumpaniji privati u l-awtoritajiet tal-Istat jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali, li huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

Żvilupp tal-intelligence tal-UE dwar in-netwerks tal-korruzzjoni u l-intermedjarji

51.  Jistieden lis-SEAE jkun pijunier fil-formazzjoni ta' task forces bejn l-ambaxxati tal-Istati Mrmbri u d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi, permezz tagħhom l-uffiċjali diplomatiċi jkunu jistgħu janalizzaw u jikkondividu informazzjoni dwar l-istruttura u l-funzjonament tan-netwerks lokali tal-korruzzjoni fl-ogħla livell tal-poter u jibnu biżżejjed intelligence ħalli jipprevjenu l-kollużjoni tal-UE mar-reġimi kleptokratiċi; jemmen li tali informazzjoni għandha tkun trażmessa lill-istituzzjonijiet tal-UE permezz ta' kanali diplomatiċi u siguri; jissuġġerixxi wkoll li d-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jnisġu relazzjonijiet mill-qrib mal-popolazzjoni lokali, partikolarment permezz ta' djalogu regolari ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġenwini u indipendenti, bil-għan li jiġbru informazzjoni affidabbli relatata mal-korruzzjoni lokali, il-faċilitaturi kruċjali u l-uffiċjali arrestati;

52.  Huwa tal-fehma li l-kumpaniji għandhom jirrapportaw ukoll lill-entitajiet tal-UE kull meta jiġu mitluba tanġenti mingħandhom u/jew ikunu rikjesti jinvestu f'pajjiżi terzi permezz ta' intermedjarji lokali jew kumpaniji tal-isem bħala sħab;

53.  Jisħaq fuq il-fatt li, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, jenħtieġ li l-linji gwida speċifiċi għal kull pajjiż ikunu kondiviżi mal-missjonijiet ċivili u militari u mal-aġenziji donatriċi tal-UE biex ikun hemm sensibilizzazzjoni tar-riskji involuti fil-kollaborazzjoni mal-kuntratturi lokali, mal-kumpaniji privati tas-sigurtà u mal-fornituri tas-servizzi li s-sidien benefiċjarji tagħhom jafu huma kollegati ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ma' netwerks tal-korruzzjoni;

Koerenza interna-esterna

54.  Jemmen li l-UE tista' biss tassumi rwol ta' tmexxija kredibbli u influwenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jekk tindirizza l-probelma tal-kriminalità organizzata, tal-korruzzjoni u tal-ħasil tal-flus fi ħdan il-fruntieri tagħha b'mod adegwat; jiddispjaċih li, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtix segwitu lir-rapport antikorruzzjoni tal-UE tal-2014, li offra analiżi ġdida tal-korruzzjoni fi ħdan l-Istati Membri tal-UE, li kieku kien jirrinforza lill-kredibilità tal-UE biex tippromwovi aġenda antikorruzzjoni ambizzjuża fil-politiki esterni tagħha; jevidenzja li l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom jagħmlu rapportar u awtovalutazzjoni regolari, ambizzjużi u rigorużi konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-mekkaniżmi ta' rieżami tagħha, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq aktar politiki u inizjattivi leġiżlattivi biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni u tagħmel pressjoni favur aktar integrità u trasparenza fl-Istati Membri;

55.  Josserva li d-dekriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni f'ċerti Stati Membri tal-UE tkun tnaqqas il-kredibilità tal-ordni pubbliku u tnaqqar ukoll il-kapaċità tal-UE li timbotta aġenda antikorruzzjoni ambizzjuża fuq skala dinjija; isostni l-kooperazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

56.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jemendaw il-leġiżlazzjoni kriminali tagħhom bil-għan li, meta neċessarju, tkun stabbilita ġurisdizzjoni ta' prosekuturi u qrati nazzjonali bis-setgħa li jinvestigaw u jipproċessaw reati ta' tixħim jew approprjazzjoni indebita ta' fondi pubbliċi, indipendentement mill-post fejn ġie kommess ir-reat, dment li r-rikavat ta' tali attività kriminali jinsab fl-Istat Membru inkwistjoni jew inħaslu hemm, jew il-persuna għandha "konnessjoni mill-qrib" mal-Istat Membri, partikolarment iċ-ċittadinanza, ir-residenza jew is-sjieda benefiċjarja ta' kumpanija bis-sede reġistrata jew b'sussidjarji fl-Istat Membru;

Kontribut tal-UE lill-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-korruzzjoni fil-fora multilaterali

57.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jniedu diskussjoni fil-livell tan-NU dwar it-tisħiħ tal-istandards dwar l-indipendenza u l-mandati tal-aġenziji antikorruzzjoni, fuq l-esperjenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), tal-Kumitat Internazzjonali ta' Koordinament tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u ta' korpi tan-NU, partikolarment il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC), fir-rigward tal-INDB (Prinċipji ta' Pariġi);

58.  Jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħu r-rabtiet bejn l-aġenziji antikorruzzjoni u l-INDB abbażi tal-mandat tal-INDB biex jindirizzaw il-korruzzjoni bħala għajn potenzjali diretta jew indiretta tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

59.  Ifakkar fit-talba li għamel lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġaw it-twaqqif ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem b'mandat komprensiv, inklużi pjan orjentat lejn l-objettivi u evalwazzjoni perjodika tal-miżuri antikorruzzjoni meħuda mill-Istati; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jassumu rwol ta' tmexxija fil-mobilizzazzjoni tal-appoġġ fost l-Istati Membri tal-HRC u jsiru sponsors konġunti ta' riżoluzzjoni li se toħloq il-mandat;

60.  Jappella lin-NU tadotta strument ta' tfassil ta' standards dwar il-flussi finanzjarji illeċiti sabiex tiġġenera effikaċja akbar;

61.  Jenfasizza l-bżonn li jkunu intensifikati l-kampanji nazzjonali u internazzjonali ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni relatata mal-korruzzjoni li jimmiraw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bil-għan li jkun evidenzjat il-fatt li l-korruzzjoni għandha riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u twassal, fost affarijiet oħra, għal disparitajiet soċjali, nuqqas ta' ġustizzja soċjali u livelli ogħla ta' faqar; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa u timplimenta programmi speċifiċi dwar il-liġijiet kriminali u proċedurali eżistenti u l-mekkaniżmi ta' lmentar; jenfasizza li l-edukazzjoni u l-informazzjoni imparzjali, indipendenti u pubblika jiżvolġu rwol fundamentali fit-tagħlim tal-ħiliet soċjali u tal-prinċipji ta' integrità li jaqdu l-interess pubbliku u jikkontribwixxu għall-Istat tad-dritt u għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta' soċjetà;

62.  Jirrakkomanda li l-eżami tal-kwistjoni tal-korruzzjoni bħala kawża ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll riżultat ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u Stat tad-dritt dgħajjef, ikunu integrati f'eżami perjodiku universali bħala mod li bih tkun indirizzata l-korruzzjoni u jkunu promossi t-trasparenza u l-aħjar prattiki; jenfasizza r-rwol li s-soċjetà ċivili tista' tiżvolġi billi tagħti kontribut f'dan il-proċess;

63.  Jinkoraġġixxi l-approfondiment tal-impenji internazzjonali bil-għan li l-indirizzar tal-korruzzjoni jitpoġġa fil-qalba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU bħala mekkaniżmu għall-ġlieda kontra l-faqar globali;

Korruzzjoni u traffikar tal-bnedmin

64.  Jinsab imħasseb li t-traffikar tal-bnedmin jista' jkun faċilitat permezz tal-korruzzjoni tal-atturi detenturi ta' livelli differenti ta' poter fdat, bħall-pulizija, l-uffiċjali tad-dwana, l-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri u s-servizzi tal-immigrazzjoni, li jistgħu jinjoraw, jittolleraw, jipparteċipaw fi u jorganizzaw it-traffikar tal-bnedmin;

65.  Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' azzjonijiet antikorruzzjoni, bħat-trawwim tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont fl-amministrazzjonijiet, billi jiddaħħal mekkaniżmu ġenerali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiġu żgurat koordinament aħjar tal-istrateġiji kontra t-traffikar;

66.  Jissottolinja r-rwol prominenti li jistgħu jiżvolġu l-approċċi sensittivi għall-ġeneru huma u jiżviluppaw politiki biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-qasam tat-traffikar tal-bnedmin;

Negozju u drittijiet tal-bniedem

67.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU, partikolarment il-membri tal-UE, jimplimentaw bis-sħiħ il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jinkludu impenji speċifiċi fi provvedimenti antikorruzzjoni fil-pjan ta' azzjoni nazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem (kif mitlub skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija) jew jippromulgaw leġiżlazzjoni speċifika kontra t-tixħim;

68.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ċerti Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE jagħmlu riferiment għall-korruzzjoni u, f'dan is-sens, jissuġġerixxu miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u għall-ikkastigar tal-prattiki korrotti u t-tixħim li jistgħu jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-UE ssostni miżuri supplementari għall-promozzjoni tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni tal-konformità, tal-kodiċijiet u tal-istandards fil-kumpaniji kontra t-tixħim/il-korruzzjoni, u li l-parteċipanti fl-aġġudikazzjoni ta' kuntratti pubbliċi għandhom ikollhom fis-seħħ kodiċi sod kontra t-tixħim u kontra l-korruzzjoni kif ukoll prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxi; huwa tal-fehma li l-approprjazzjoni indebita ta' fondi pubbliċi, l-arrikkiment illeċitu jew it-tixħim għandhom ikunu punibbli b'sanzjonijiet speċifiċi supplementari fl-ambitu tad-dritt kriminali, partikolarment meta jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikkawżat mill-att ta' korruzzjoni;

69.  Jilqa' pożittivament id-Direttiva riveduta dwar il-Kontabilità fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja[23] u dwar id-diversità dwar rekwiżiti ta' rapportar tal-kumpaniji u tal-gruppi l-kbar, inkluż dwar l-isforzi tagħhom relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinkoraġġixxi lill-kumpaniji jiddivulgaw l-informazzjoni rilevanti kollha konformement man-nota ta' gwida imminenti li se toħroġ il-Kummissjoni;

70.  Itenni l-appell tiegħu lill-Istati kollha u lill-UE biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv u kostruttiv fil-ħidma li qiegħed jagħmel l-grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-kumpaniji transnazzjonali u impriżi oħrajn fir-rigwrad tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li joħroġ strument ġuridikament vinkolanti li jipprevjeni, jinvestiga, jikkumpensa u jagħti aċċess għal rimedju meta jseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, anki dawk li jirriżultaw mill-korruzzjoni; jistieden lill-Istati jagħmlu dak kollu neċessarju biex jippermettu proċeduri ċivili għad-danni fil-konfront ta' dawk li kkommettew atti ta' korruzzjoni, skont l-Artikolu 35 tal-UNCAC;

71.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha japplikaw il-linji gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali;

Ħtif tal-art u korruzzjoni

72.  Għadu mħasseb bis-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħtif tal-art bħala konsegwenza tal-prattiki korrotti ta' kumpaniji, investituri barranin, atturi Statali nazzjonali u internazzjonali, uffiċjali u awtoritajiet; jissottolinja li l-korruzzjoni tippermetti l-ħtif tal-art, spiss bi żgumbramenti furzati, billi tagħti, fost affarijiet oħra, lil terzi kontroll illegali tal-art mingħajr il-kunsens tan-nies li jgħixu fuq dik l-art;

73.  Jenfasizza li bosta stħarriġiet juru li l-korruzzjoni hi mifruxa fl-amministrazzjoni tal-art u qiegħda kull ma jmur ittappan il-fażijiet kollha tan-negozju tal-akkwist tal-artijiet, u li twassal għal firxa wiesgħa ta' impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw mill-ispostament furzat tal-komunitajiet mingħajr kumpens xieraq sal-qtil tad-difensuri tal-artijiet[24]; jinnota bi tħassib, barra minn hekk, li hemm ir-riskju li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jkompli jintensifika f'kuntest ta' żieda dejjem akbar fit-talba għall-ikel, il-fjuwil u prodotti bażiċi u żieda fl-investimenti f'artijiet fuq skala kbira f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

74.  Ifakkar li s-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni xi jwettaq fil-prevenzjoni ta' prattiki korrottti li jiffaċilitaw b'mod partikolari l-ħtif tal-art; itenni li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom iwettqu "diliġenza dovuta tal-klijenti" biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus marbut mal-korruzzjoni, u biex jiżguraw li l-investituri appoġġati minnhom jieħdu miżuri effikaċi ta' diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikjedu l-iżvelar tad-dettalji dwar l-akkwisti ta' artijiet minn kumpaniji f'pajjiżi terzi, u jaġġornaw l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti (VGGT) bħala mezz biex jindirizzaw il-korruzzjoni fin-negozju tal-artijiet;

Elezzjonijiet u funzjonament tal-entitajiet demokratikament eletti

75.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandu jkun dak li jintemmu l-abbużi gravi li jgħawġu d-demokrazija u l-proċessi politiċi u tkun promossa ġudikatura indipendenti, imparzjali u effikaċi; jitlob li l-partiti politiċi jissaħħu fir-rwol tagħhom ta' kanali ta' rappreżentanza demokratika u parteċipazzjoni politika billi jkunu mgħammrin b'mod effiċjenti; josserva f'dan is-sens li r-regolamentazzjoni tal-finanzjament politiku, inkluża l-identifikazzjoni tad-donaturi u ta' sorsi finanzjarji oħrajn, hija għalhekk ċentrali għall-preservazzjoni tad-demokrazija;

76.  Josserva bi tħassib li l-frodi elettorali u l-korruzzjoni marbuta mal-proċessi elettorali u mal-funzjonament tal-entitajiet u tal-assemblej ta' rappreżentanti eletti jimminaw serjament il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jdgħajfu d-drittijiet ċivili u politiċi billi jipprevjenu rappreżentanza ugwali u ġusta u jpoġġu lill-Istat tad-dritt f'dubju; josserva r-rwol pożittiv tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali biex jikkontribwixxu għat-tmexxija korretta tal-elezzjonijiet u jsostnu r-riforma tal-liġi elettorali; jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni mal-entitajiet internazzjonali speċjalizzati f'dan il-qasam bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE;

77.  Jissottolinja l-ħtieġa speċifika li jinżammu l-ogħla standards etiċi u ta' trasparenza possibbli fil-funzjonament tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u fl-assemblej reġjonali inkarigati mill-protezzjoni u mill-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Istat tad-dritt, billi jingħaqdu l-istituzzjonijiet u l-professjonijiet tad-dinja kollha biex tissaħħaħ il-kapaċità u titrawwem kultura komuni ta' integrità; jissottolinja l-bżonn ta' promozzjoni ta' prattiki trasparenti billi jkunu elaborati kodiċijiet ta' kondotta u miżuri speċifiċi favur it-trasparenza għall-prevenzjoni u għall-investigazzjoni ta' kull frodi jew aġir ħażin;

78.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-lobbying ikun regolat b'mod rigoruż skont il-prinċipji ta' ftuħ u trasparenza, bil-għan li jiġi żgurat li l-gruppi ta' interess kollha jkollhom aċċess indaqs għal min jieħu d-deċiżjonijiet u jintemmu l-korruzzjoni u r-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jidentifikaw u jikkundannaw kull forma ta' lobbying moħbija, illegali u kuntrarja għall-etika; jistieden lill-UE tippromwovi t-trasparenza tal-proċessi deċiżjonali u leġiżlattivi fl-Istati Membri u fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi;

Avvenimenti sportivi kbar u rabtiet mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mal-korruzzjoni

79.  Għadu mħasseb dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u dwar il-korruzzjoni f'livell għoli marbuta ma' avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin u mal-proġetti infrastrutturali fuq skala kbira relatati; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn il-korpi governattivi tal-isport u l-aġenziji antikorruzzjoni internazzjonali u l-NGOs bil-għan li jkunu stabbiliti impenji trasparenti u verifikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi l-kbar u ta' dawk li jikkandidaw ruħhom biex itellgħuhom; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-kriterji għandhom ikunu parti mill-kriterji ta' aġġudikazzjoni tal-post fejn jittellgħu dawn l-avvenimenti;

80.  Huwa tal-fehma li anki l-federazzjonijiet sportivi mhux governattivi internazzjonali l-kbar jeħtiġilhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għat-trażżin tagħha u li jeħtieġ li jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan is-sens; iqis li tali federazzjonijiet jenħtieġ li jagħrfu li għandhom ir-responsabilità fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tal-awtur u li għaldaqstant jenħtieġ li l-awtoritajiet governattivi antikorruzzjoni jingħataw poteri aktar b'saħħithom għall-investigazzjoni u għas-sanzjonijiet fil-każijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu lill-federazzjonijiet sportivi internazzjonali mhux governattivi l-kbar;

81.  Jemmen li l-korruzzjoni fil-livell għoli tal-amministrazzjoni sportiva, it-tbagħbis ta' logħob, l-akkwist, il-ftehimiet dwar l-approvazzjoni, l-għażla tas-siti, l-imħatri illegali u d-doping kif ukoll l-involviment tal-kriminalità organizzata għamlu ħsara lill-kredibilità tal-entitajiet sportivi;

82.  Jemmen li l-integrità fl-isport jista' jikkontribwixxi għall-aġenda globali għall-iżvilupp u għall-governanza tajba fil-livell internazzjonali;

Rifuġji fiskali

83.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' politiki ta' tolleranza żero fil-konfront tar-rifuġji fiskali u tal-ħasil tal-flus, standards internazzjonali ogħla u jinkoraġġixxi kooperazzjoni internazzjonali aktar stretta għad-determinazzjoni tas-sjieda sigrieta tal-kumpaniji tal-isem u tat-trusts użati għall-evażjoni tat-taxxa, għall-frodi, għall-kummerċ illegali, għall-flussi ta' kapital, għall-ħasil tal-flus u biex jinsilet vantaġġ mill-korruzzjoni;

84.  Isostni enerġikament l-implimentazzjoni ta' prinċipji ta' standards pubbliċi ta' rapportar għal kull pajjiż fl-Ewropa u fil-pajjiżi terzi, li abbażi tagħhom il-kumpaniji multinazzjonali jkollhom l-obbligu li jippreżentaw rapporti b'informazzjoni finanzjarja bażika għal kull ġurisdizzjoni li fiha joperaw, bil-għan li jipprevjenu l-korruzzjoni u l-evitar tat-taxxa;

85.  Ifakkar fir-responsabilità tal-UE fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa min-naħa tal-kumpaniji transnazzjonali u tal-individwi u fl-indirizzar tal-pjaga tal-flussi finanzjarji illeċiti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jdgħajfu notevolment il-kapaċità tagħhom li jiġbru riżorsi suffiċjenti biex jottemperaw għall-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

86.  Jilqa' pożittivament l-inizjattivi ggwidati mill-Ewropa għall-iżvilupp ta' skambju globali ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-Istandards Komuni ta' Rapportar, kapaċi jikxfu l-irregolaritajiet finanzjarji;

87.  Jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni globali għal-lokalizzazzjoni tal-assi misruqa u biex jinroddu lura, fis-sikurezza, lis-sid leġittimu tagħhom; itenni li l-UE għandha d-dmir li tgħin lill-pajjiżi terzi jirrimpatrijaw l-assi miksuba illegalment moħbija fis-sistemi finanzjarji tal-Istati Membri tal-UE fil-proprjetajiet immobiljari u biex jitressqu għall-presekuzzjoni dawk responsabbli, il-faċilitaturi u l-intermedjarji; iħeġġeġ lill-UE tagħti prijorità lil din il-kwistjoni ta' rilevanza kbira fil-pajjiżi terzi li jgħaddu minn proċessi ta' demokratizzazzjoni, l-aktar billi jiġu indirizzati l-ostakli ġuridiċi u n-nuqqas ta' disponibilità ta' kooperazzjoni min-naħa taċ-ċentri finanzjarji; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li s-sekwestru tal-assi jinħall mill-kundanna fl-Istat rikjedenti bil-għan li tingħata assistenza legali reċiproka u jitkomplew l-proċedimenti, fejn jeżistu provi suffiċjenti ta' irregolarità;

88.  Ifakkar li l-korruzzjoni hi marbuta mill-qrib ma' attivitajiet bħall-ħasil tal-flus, l-evażjoni fiskali u l-kummerċ illeċitu; jenfasizza, fid-dawl ta' dan, li t-trasparenza għandha tkun is-sies tal-istrateġiji kollha kontra l-korruzzjoni;

89.  Jenfasizza li l-UE trid tippromwovi, bħala prijorità fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, is-sigriet bankarju u l-ħasil tal-flus, kif ukoll it-tneħħija tas-sigriet professjonali eċċessiv, ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż għall-impriżi multinazzjonali u r-reġistri pubbliċi li fihom informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji; jirrimarka li l-maġġor parti tal-istrumenti għall-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa hija adatta biex tiġġieled il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

Libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni

90.  Jissottolinja l-importanza enormi tal-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti, kemm online kif ukoll offline, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fil-kundanna tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza u tiġġieled kontra l-impatt negattiv possibbli tal-liġijiet tal-malafama fil-pajjiżi terzi u jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri kollha għall-dekriminalizzazzjoni tal-malafama u għas-sempliċi użu tal-proċedimenti ċivili bħala mezz biex titħares ir-reputazzjoni tal-persuni; jissottolinja l-fatt li s-sigurtà diġitali tikkostitwixxi elementi importanti għall-protezzjoni tal-attivisti; jirrakkomanda bis-saħħa li t-trasparenza tas-sjieda u tal-isponsorizzazzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni tkun żgurata permezz ta' leġiżlazzjon nazzjonali;

91.  Jitlob li tingħata prominenza akbar lir-rispett tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, fid-dawl tal-importanza tagħha fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE mal-pajjiżi terzi; jemmen li d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi mal-UE favur ir-riformi tal-mezzi ta' komunikazzjoni jenħtieġ li jkunu pubbliċi u trasparenti, barra milli jipprevedu mekkaniżmi ta' skrutinju; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tiggarantixxi li l-proġetti tal-UE fil-pajjiżi terzi jservu biex, fost affarijiet oħra, isostnu l-libertajiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-UE tikkundanna pubblikament id-dħul fis-seħħ ta' liġijiet li jillimitaw il-libertajiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

92.  Jippromwovi l-valuri ta' internet miftuħ u sigur għal skopijiet tas-sensibilizzazzjoni dwar il-prattiki korrotti min-naħa ta' individwi, organizzazzjonijiet u gvernijiet u jesprimi tħassib għall-fatt li dawk li jippruvaw jillimitaw il-libertajiet online jagħmlu dan biex jevitaw li jagħtu kont ta' għemilhom;

93.  Jinsisti biex l-aġġudikazzjoni tal-kuntratti pubbliċi tkun ġusta, responsabbli, miftuħa u trasparenti, biex tipprevjeni u tikxef is-serq jew l-użu ħażin ta' flus il-kontribwenti;

94.  Jirrimarka li, fil-fora kollha għad-djalogu mal-pajjiżi terzi, fosthom dawk bilaterali, l-UE jenħtieġ li tenfasizza l-importanza tad-difiża tad-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika; jenfasizza, partikolarment, il-bżonn li jkunu ffissati standards li jiżguraw l-aċċess kemm jista' jkun sħiħ kif ukoll malajr għal tali informazzjoni, inkwantu l-veloċità tal-aċċess hija ta' importanza fundamentali fl-isforzi favur id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-UE tippromwovi l-aċċess għall-informazzjoni pubblika kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi terzi;

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (2.6.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi
(2017/2028(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Stelios Kouloglou

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-korruzzjoni hija fenomenu globali, li taffettwa kemm lit-Tramuntana kif ukoll lin-Nofsinhar, u li tolqot b'mod drammatiku lil dawk l-iktar fil-bżonn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi timmina l-iżvilupp sostenibbli, iżżid l-inugwaljanzi u taggrava d-differenzi bejn l-elite li tmexxi u l-maġġoranza tan-nies; billi l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, ir-responsabbiltà demokratika, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, is-sigurtà legali, kif ukoll il-kapaċitajiet ekonomiċi tal-pajjiżi, il-kapital soċjali u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet;

B.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 tan-NU jiffoka fuq il-paċi, il-ġustizzja, il-bini ta' istituzzjonijiet b'saħħithom u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi sabiex l-SDG 16 jintlaħqu b'mod universali, l-UE teħtieġ li tindirizza b'urġenza u b'mod dirett, diversi kwistjonijiet li fihom il-korruzzjoni twettaq rwol ewlieni, u li jvarjaw minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, sal-faqar, il-ġuħ u l-inġustizzja; billi l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-korruzzjoni għandha dejjem titqies bħala prijoritarja fuq it-tiftix tal-interessi kummerċjali;

1.  Jistieden lill-UE tikkonforma mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (Artikolu 208 TFUE) u tikkontribwixxi b'mod attiv sabiex permezz tal-politiki esterni tagħha, tnaqqas il-korruzzjoni, u tiġġieled l-impunità b'mod dirett u espliċitu;

2.  Jenfasizza li bosta stħarriġ juri li l-korruzzjoni hi mifruxa fl-amministrazzjoni tal-art u qiegħda kull ma jmur ittappan il-fażijiet kollha tan-negozju tal-akkwist tal-artijiet, u li twassal għal firxa wiesgħa ta' impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw mill-ispostament furzat tal-komunitajiet mingħajr kumpens xieraq sal-qtil tad-difensuri tal-artijiet[1]; jinnota bi tħassib, barra minn hekk, li hemm ir-riskju li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jkomplu jintensifikaw f'kuntest ta' żieda dejjem akbar fit-talba għall-ikel, il-fjuwil u prodotti bażiċi u żieda fl-investimenti f'artijiet fuq skala kbira f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

3.  Jissottolinja li l-korruzzjoni tippermetti l-ħtif tal-art b'diversi modi, notevolment meta l-investituri jxaħħmu lill-uffiċjali pubbliċi bi skambju għal lokazzjonijiet jew akkwisti tal-art favorevoli mingħajr il-kunsens tan-nies li jgħixu fuq dik l-art, jew meta l-investituri jagħmlu affidament fuq stat tad-dritt dgħajjef jew fuq skemi ta' rimedju korroti biex b'hekk iċaħħdu lill-utenti tal-artijiet milli jkollhom aċċess għal rimedji; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-kumpaniji tal-investiment biex ifittxu li jiksbu l-kunsens liberu minn qabel u informat (FPIC) tal-komunitajiet kollha milquta, inkluż tal-persuni indiġeni, u biex jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu qawwi ta' protezzjoni tal-informatur, li jiżgura li s-sussidjarji u s-sħab tan-negozju tagħhom ma jirrikorrux għall-korruzzjoni;

4.  Ifakkar li s-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni xi jwettaq fil-prevenzjoni ta' prattiki korrottti li jiffaċilitaw b'mod partikolari l-ħtif tal-art; itenni li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom iwettqu "diliġenza dovuta dwar il-konsumaturi" biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus marbuta mal-korruzzjoni, u biex jiżguraw li l-investituri appoġġjati minnhom iwettqu miżuri effikaċi ta' diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikjedu l-iżvelar tad-dettalji dwar l-akkwisti ta' artijiet minn kumpaniji f'pajjiżi terzi, u biex jaġġornaw l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti (VGGT) bħala mezz biex jindirizzaw il-korruzzjoni fin-negozju tal-artijiet;

5.  Jinnota li l-ftehimiet kummerċjali, għandhom jinkludu klawżoli vinkolanti u infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem li jiżguraw li l-kumpaniji privati u l-awtoritajiet tal-istat jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali, li huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

6.  Jinnota li l-korruzzjoni hija fenomenu kumpless li għandu l-għeruq tiegħu f'varjetà wiesgħa ta' fatturi ekonomiċi, politiċi, amministrattivi, soċjali u kulturali, u relazzjonijiet ta' poter, u għalhekk ifakkar li l-politika ta' żvilupp, sabiex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li tiffoka fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi, u fuq integrazzjoni aħjar, trid ukoll tippromovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-servizzi soċjali pubbliċi, sabiex issaħħaħ il-governanza tajba u tibni l-kapital soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali, b'kunsiderazzjoni tal-partikularitajiet kulturali u reġjonali;

7.  Jinnota li l-edukazzjoni hi essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa u timplimenta programmi speċifiċi dedikati għas-sensibilazzjoni dwar il-korruzzjoni, u l-impatti fuq is-soċjetà u l-mezzi biex tiġi miġġielda, inklużi l-liġijiet kriminali u proċedurali eżistenti u l-mekkaniżmi ta' lmentar; jemmen bil-qawwa li l-edukazzjoni u l-informazzjoni dwar dan is-suġġett għandha tiżdied fil-livell intern, u għandha tiġi msaħħa bil-qawwa barra mill-UE u titfassal skont l-udjenza (l-imprendituri, il-pubbliku ġenerali, eċċ., inkluż it-tfal tal-iskejjel);

8.  Jinnota bi tħassib li l-aktar konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u l-inizjattivi ffokati fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti jonqsu milli jwasslu għal riżultati konkreti fl-istadju ta' implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li hu essenzjali li l-UE tiżviluppa strateġija esterna kontra l-korruzzjoni, sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja b'mod effikaċi;

9.  Jirrimarka li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti hi reazzjoni politika li titlob azzjoni konkreta fil-livell globali (G20, OECD, NU, Bank Dinji, FMI) kif ukoll trasparenza u regoli vinkolanti;

10.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha japplikaw il-linji gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali;

11.  Jappella lin-NU tadotta strument ta' tfassil ta' standards dwar il-flussi finanzjarji illeċiti sabiex tiġġenera effikaċja akbar;

12.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, sabiex tikkonforma b'mod effettiv mal-istandards stabbiliti fl-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI) u ma' prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment; jistieden lill-UE tiżviluppa wkoll sistema ta' ġestjoni tar-riskju qawwija u olistika li tipprevjeni l-għajnuna għall-iżvilupp milli tikkontribwixxi għall-korruzzjoni f'pajjiżi riċevituri, jiġifieri billi torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; għal dan l-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu mekkaniżmi b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju;

13.  Sabiex tinqered il-korruzzjoni fil-livell għoli, jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-appoġġ għall-baġit, tikkunsidra t-trasparenza fl-operazzjonijiet li jinvolvu l-privatizzjazzjoni u n-negozji ta' assi pubbliċi, partikolarment artijiet, u tipparteċipa fil-programmi ta' appoġġ tal-OECD fil-governanza korporattiva ta' intrapriżi ta' sjieda statali, għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa billi tgħinhom jibnu sistemi fiskali bbilanċjati, effikaċi, ġusti u trasparenti;

15.  Ifakkar li l-korruzzjoni hi marbuta mill-qrib ma' attivitajiet bħall-ħasil tal-flus, l-evażjoni fiskali u l-kummerċ illeċitu; f'dan id-dawl jenfasizza li t-trasparenza għandha tkun is-sies tal-istrateġiji kollha kontra l-korruzzjoni; jissottolinja l-importanza li jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evitar tat-taxxa, li jdgħajfu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għal politiki soċjali u jfixklu t-tkabbir u l-impjieg, permezz ta' miżuri effikaċi bħar-rapportar obbligatorju pajjiż b'pajjiż u l-iżvelar ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta' kumpaniji, trusts jew holdings;

16.  Jistieden lill-UE twaqqaf mekkaniżmi għat-tressiq ta' lmenti li permezz tagħhom il-persuni milquta mill-azzjonijiet esterni tagħha jistgħu jilmentaw dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u każijiet ta' korruzzjoni;

17.  Iqis li l-UE bħala l-ikbar donatur dinji, għandha tippromwovi forom ta' konnessjonijiet, sabiex il-provvista tal-għajnuna esterna tal-UE tkun soġġetta għal riformi fiskali mmirati lejn iż-żieda fit-trasparenza, biex id-data ssir aktar aċċessibbli u biex tħeġġeġ approċċi mwettqa b'mod konġunt flimkien ma' donaturi oħrajn.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Vincent Peillon, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Ádám Kósa, Cécile Kashetu Kyenge, Paul Rübig, Judith Sargentini

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Paavo Väyrynen

ECR

Eleni Theocharous

EFDD

Ignazio Corrao

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ádám Kósa, Paul Rübig, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Linda McAvan, Vincent Peillon, Elly Schlein

VERTS/ALE

Maria Heubuch, Judith Sargentini

 

-

 

 

 

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (30.5.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi
(2017/2028(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Karoline Graswander-Hainz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-korruzzjoni thedded id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, it-tkabbir ekonomiku, il-ġlieda kontra l-faqar, l-iżvilupp u l-ambjent; jenfasizza l-impatt negattiv profond tagħha fuq il-kummerċ u l-benefiċċji tiegħu, l-iżvilupp ekonomiku, l-investiment u l-proċessi ta' akkwist pubbliku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni din ir-rabta fil-ftehimiet kummerċjali kollha u tinkludi fihom klawsoli infurzabbli relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

2.  Jirrimarka li l-politika kummerċjali tikkontribwixxi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza; jenfasizza li hija essenzjali l-konsistenza bejn il-politiki esterni u interni tal-Unjoni, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jissottolinja li, f'dan ir-rigward, il-leġiżlaturi Ewropej jassumu rwol partikolari fil-faċilitazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali, peress li jridu jevitaw li dawn iservu bħala portal għall-prattiki ta' korruzzjoni;

3.  Jikkonsidra l-ftehimiet kummerċjali bħala mekkaniżmu prinċipali għall-promozzjoni tal-miżuri relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mal-governanza tajba; jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri li l-UE diġà ħadet biex tiġġieled il-korruzzjoni fil-politika kummerċjali tagħha, pereżempju permezz tal-SPĠ+, il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-inklużjoni ta' impenji biex jiġu rratifikati l-konvenzjonijiet internazzjonali kontra l-korruzzjoni mas-sħab kummerċjali; itenni l-għan iddikjarat fl-istrateġija "Kummerċ għal kulħadd" li jiġu inklużi dispożizzjonijiet ambizzjużi relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha; f'dan ir-rigward, jappella biex il-ftehimiet kummerċjali futuri kollha jinkludu impenji relatati mal-adeżjoni għall-konvenzjonijiet multilaterali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-OECD kontra t-tixħim, kif ukoll dispożizzjonijiet transversali, fil-kuntest ta' approċċ globali, u li dawn l-impenji jiġu integrati fil-ftehimiet kummerċjali fis-seħħ waqt ir-reviżjoni tagħhom;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet firmatarji tal-ftehimiet kummerċjali għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tas-settur privat, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi konsultattivi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-klawsoli relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehmijiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali; jilqa', wara li kkunsidra d-diskussjonijiet interni li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE, il-progress li sar fl-istabbiliment fil-livell tal-UE ta' miżuri effikaċi biex jiġu protetti l-informaturi u jemmen li l-protezzjoni tal-informaturi għandha tiġi kkunsidrata għall-inklużjoni fi ftehimiet kummerċjali futuri ladarba jkun hemm sistema fis-seħħ fl-UE kollha;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' gwida u appoġġ ċari għan-negozji biex joħolqu proċeduri ta' konformità effikaċi kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-operazzjonijiet tagħhom, partikolarment għall-SME, permezz tad-dispożizzjonijiet speċjali fil-ftehimiet kummerċjali biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-korruzzjoni; jenfasizza li m'hemmx approċċ universali għall-konformità; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra tiżviluppa assistenza għal proġetti ta' bini ta' kapaċitajiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħalma huma l-iskambju tal-aħjar prattiki u taħriġ biex l-Istati u l-intrapriżi jiġu megħjuna jegħlbu l-isfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'dan il-qasam;

6.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO fi Frar 2017 li jistipula l-miżuri għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kummerċ globali; jemmen, madankollu, li l-adozzjoni jew ir-riforma ta' leġiżlazzjoni mhumiex fihom nfushom biżżejjed u li hija l-implimentazzjoni li hija fundamentali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riforma leġiżlattiva għandha bżonn tkun akkumpanjata minn taħriġ tal-ġudikatura, aċċess pubbliku għall-informazzjoni u miżuri ta' trasparenza, u jappella lill-Istati Membri tal-UE jikkooperaw f'dawn il-kwistjonijiet fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni; jirrimarka wkoll li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ tar-riformi nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' politiki relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha, b'monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korrużjoni; jappella f'dan is-sens lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-inklużjoni, fil-mandati tan-negozjati, ta' dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif tipproponi l-Kummissjoni fl-abbozzi ta' mandati li tagħtihom; jilqa' b'sodisfazzjoni d-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-mandat ta' negozjati għall-aġġornament tal-ftehim bejn l-UE u l-Messiku. jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiġġieled il-korruzzjoni permezz ta' trasparenza akbar fi ħdan in-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali u l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet relatati ma' kooperazzjoni regolatorja akbar u mal-integrità tal-proċeduri doganali u mal-katini ta' valur mondjali (GVC); jemmen li l-klawsoli relatati mal-kooperazzjoni għandhom ikunu fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, bħall-iskambju ta' informazzjoni, u l-assistenza amministrattiva u teknika, bl-għan li jiġu kondivizi u promossi l-aħjar prattiki li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet u indikaturi tal-prestazzjoni ċari u rilevanti li jippermettu l-valutazzjoni u l-wirja aħjar tar-riżultati;

8.  Jenfasizza l-importanza li jinżamm djalogu kontinwu u regolari mas-sħab kummerċjali tal-UE matul l-implimentazzjoni tal-ftehimiet sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet b'mod ġenerali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jiġu mmonitorjati u implimentati b'mod xieraq; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha "Kummerċ għal Kulħadd" li jiġu introdotti mekkaniżmi ta' konsultazzjoni f'każijiet ta' korruzzjoni sistemika u nuqqasijiet ta' governanza, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra tissospendi l-benefiċċji ta' ftehim f'tali każijiet ta' korruzzjoni sistematika u ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħal pereżempju l-Istandard Komuni ta' Rappurtar tal-OECD, il-Pjan ta' Azzjoni tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitt, ir-reġistru ċentrali tas-sjieda benefiċjarja u r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet u indikaturi tal-prestazzjoni ċari u rilevanti li jippermettu l-valutazzjoni u l-wirja aħjar tar-riżultati; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirreaġixxi b'mod sod, proporzjonat u malajr meta l-gvern benefiċjarju jonqos milli jikkonforma ma' dak li ntaħaq qbil dwaru; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi ta' konsultazzjoni ma' sħab kummerċjali f'każijiet ta' korruzzjoni sistemika u tipprovdi skambji ta' għarfien espert biex jgħinu l-pajjiżi jimplimentaw il-miżuri kontra l-korruzzjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

30.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Yannick Jadot, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Dita Charanzová, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Syed Kamall, Sajjad Karim, Seán Kelly, Fernando Ruas, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ramon Tremosa i Balcells, Jarosław Wałęsa

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

30

+

ALDE

Dita Charanzová, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Ramon Tremosa i Balcells

EFDD

Tiziana Beghin

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz

PPE

Reimer Böge, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Seán Kelly, Artis Pabriks, Franck Proust, Viviane Reding, Fernando Ruas, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Adam Szejnfeld, Jarosław Wałęsa

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Agnes Jongerius, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Sorin Moisă, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Yannick Jadot

2

ENF

Edouard Ferrand, Franz Obermayr

4

0

ECR

David Campbell Bannerman, Syed Kamall, Sajjad Karim, Joachim Starbatty

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Lorenzo Cesa, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Luis de Grandes Pascual, María Teresa Giménez Barbat, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Marek Jurek, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Costas Mavrides

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

ALDE

Ilhan Kyuchyuk, Ivo Vajgl, Jozo Radoš, Javier Nart, María Teresa Giménez Barbat, Petras Auštrevičius

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Anders Primdahl Vistisen, Bas Belder, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko

PPE

Andrey Kovatchev, Andrzej Grzyb, Cristian Dan Preda, Dubravka Šuica, Elmar Brok, Francisco José Millán Mon, Jaromír Štětina, Julia Pitera, Lars Adaktusson, Lorenzo Cesa, Luis de Grandes Pascual, Michèle Alliot-Marie, Ramona Nicole Mănescu, Sandra Kalniete, Tunne Kelam

S&D

Alex Mayer, Ana Gomes, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Costas Mavrides, Demetris Papadakis, Elena Valenciano, Eugen Freund, Ioan Mircea Paşcu, Kati Piri, Nikos Androulakis, Tonino Picula, Victor Boştinaru

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Jordi Solé, Reinhard Bütikofer, Tamás Meszerics

3

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

4

0

GUE/NGL

Marie-Christine Vergiat, Miguel Urbán Crespo, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni